|
OPINJONI
|
|
Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
|
|
It-Tassazzjoni tal-Intrapriżi għas-Seklu 21
|
|
_____________
|
|
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill
It-Tassazzjoni tal-Intrapriżi għas-Seklu 21
[COM(2021) 251 final]
|
|
|
|
ECO/558
|
|
|
|
Relatur: Krister ANDERSSON
|
|
Konsultazzjoni
|
Kummissjoni Ewropea, 01/07/2021
|
|
Bażi legali
|
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
|
|
Deċiżjoni tal-Bureau
|
08/06/2021
|
|
Sezzjoni kompetenti
|
Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali
|
|
Adottata fis-sezzjoni
|
08/02/2022
|
|
Adottata fil-plenarja
|
23/02/2022
|
|
Sessjoni plenarja Nru
|
567
|
|
Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)
|
216/00/07
|
1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1Il-KESE jilqa' l-inizjattiva tant mistennija tal-Kummissjoni għall-istrateġija dwar it-tassazzjoni tal-intrapriżi għas-seklu 21. Il-KESE jappoġġja u japprezza bis-sħiħ il-fatt li l-Kummissjoni qed tallinja l-ħidma tagħha mad-diskussjonijiet u l-ftehimiet internazzjonali.
1.2Il-KESE jissottolinja l-ħtieġa li jiġu ffaċilitati l-investimenti transfruntiera u li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-konformità għall-intrapriżi, filwaqt li l-ekonomija Ewropea ssir aktar ekoloġika u aktar diġitalizzata.
1.3Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni ssegwi l-Pjan ta' Azzjoni tagħha għal Tassazzjoni Ġusta u Sempliċi li Tappoġġja l-Istrateġija ta' Rkupru
, b'kunsiderazzjoni tal-Opinjoni tal-KESE Pakkett għal tassazzjoni ġusta u sempliċi.
1.4Il-KESE jilqa' l-approvazzjoni mill-Ministri tal-Finanzi tal-G20 tal-ftehim iffirmat fit-8 ta' Ottubru 2021 minn 136 mill-140 pajjiż fil-Qafas Inklużiv biex tintlaħaq soluzzjoni ta' pakkett globali u bbażat fuq il-kunsens dwar kif għandhom jiġu allokati d-drittijiet tat-tassazzjoni fost il-pajjiżi. Fl-istess ħin, il-KESE jissottolinja l-effetti tal-kumplessità ta' tali objettivi ambizzjużi, u jappella għal implimentazzjoni uniformi, u miftiehma u kkoordinata fil-livell globali tal-Pilastri 1 u 2 (il-pakkett).
1.5Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li l-pakkett dwar it-tassazzjoni jiġi implimentat kemm fl-UE kif ukoll, fl-istess ħin, f'pajjiżi msieħba kummerċjali ewlenin. Jekk il-Pilastru 1 ma jiġix implimentat fl-Istati Uniti u msieħba kummerċjali ewlenin oħra fl-istess ħin, l-intrapriżi Ewropej jistgħu jkunu fi żvantaġġ kompetittiv.
1.6Il-KESE jissottolinja l-importanza li jkun hemm eżattament l-istess regoli fl-Ewropa dwar il-Pilastru 2 u t-taxxa minima korporattiva effettiva, bħar-regoli kumplessi miftiehma li tfasslu fil-ftehim globali. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom iħallu biżżejjed żmien biex test finali miftiehem ikun disponibbli qabel ma tiġi adottata direttiva.
1.7Il-kalkolu tar-rata tat-taxxa effettiva huwa maħsub li jiddetermina jekk ir-rata tat-taxxa effettiva ta' grupp ta' intrapriżi multinazzjonali (Grupp MNE) partikolari hijiex ogħla jew inqas mir-rata minima tat-taxxa fir-rigward tal-ġuriżdizzjoni inkunsiderazzjoni. Il-KESE jissottolinja li r-rekwiżiti għall-kalkolu tar-rati tat-taxxa effettivi jridu jsegwu l-approċċ miftiehem fil-livell globali, sabiex l-ispejjeż amministrattivi ma jiżdidux.
1.8Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tagħti rakkomandazzjoni lill-Istati Membri biex jippermettu li t-telf jiġi kkumpensat permezz ta' riport lura.
1.9Il-KESE jappoġġja lill-Kummissjoni fil-ġlieda kontra l-użu abbużiv tal-entitajiet fantażma li l-għanijiet tagħhom huma l-ħasil tal-flus, l-ippjanar aggressiv tat-taxxa minn individwi u korporazzjonijiet, u l-evażjoni tat-taxxa. Il-KESE jistenna bil-ħerqa li jesprimi l-fehmiet tiegħu dwar proposta konkreta li tindirizza l-użu abbużiv tal-entitajiet fantażma.
1.10Il-KESE jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li toħloq Kwota ta' Tnaqqis ta' Predispożizzjoni Favur id-Dejn (Debt Equity Bias Reduction Allowance – DEBRA). L-investimenti f'teknoloġija aktar ekoloġika ġdida huma marbuta ma' riskju għoli għall-investituri. F'sitwazzjonijiet bħal dawn, il-finanzjament mill-bejgħ ta' ishma huwa partikolarment importanti, u jeħtieġ li jiġi indirizzat l-preġudizzju inerenti kontra l-finanzjament mill-bejgħ ta' ishma inkorporat fis-sistemi tat-taxxa.
1.11Il-KESE jilqa' l-qafas imsejjaħ L-Intrapriżi fl-Ewropa: Qafas għat-Tassazzjoni tal-Introjtu (Business in Europe Framework for Income Taxation – BEFIT) b'ġabra unika tar-regoli tat-taxxa korporattiva, u jistenna bil-ħerqa li jkun jista' jeżamina proposta dettaljata.
1.12Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza sitwazzjonijiet ta' xogħol mill-bogħod b'mod transfruntier bħala parti integrali mill-istrateġija dwar it-tassazzjoni tal-intrapriżi.
1.13Qasam ieħor li jeħtieġ li jiġi rivedut huwa l-kopertura tal-VAT. L-esklużjonijiet u l-lakuni joħolqu kumplessità u jirriżultaw f'kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni li mhumiex ekwivalenti, kif ukoll fi dħul mit-taxxa mitluf. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrieżamina l-kopertura tas-sistema tal-VAT.
2.Proposta tal-Kummissjoni
2.1Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-Tassazzjoni tal-Intrapriżi għas-Seklu 21 għandha l-għan li tindirizza diversi sfidi ewlenin, li żviluppaw matul is-snin, flimkien mat-tifqigħa tal-COVID-19.
2.2L-UE teħtieġ qafas ta' tassazzjoni robust, effiċjenti u ġust li jissodisfa l-ħtiġijiet ta' finanzjament pubbliku, filwaqt li jappoġġja l-irkupru, u t-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali, billi joħloq ambjent li jrawwem tkabbir ġust, sostenibbli u inklużiv, kif ukoll iwassal għal investimenti sabiex l-opportunitajiet ta' impjieg ikunu jistgħu jimmaterjalizzaw.
2.3It-tassazzjoni hija mistennija li tikkontribwixxi għall-politiki usa' tal-UE, bħall-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-Aġenda Diġitali tal-Kummissjoni, l-Istrateġija Industrijali l-ġdida għall-Ewropa, u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali. It-tassazzjoni se jkollha bżonn tiffaċilita wkoll it-tranżizzjoni diġitali billi tipprovdi ambjent fejn in-negozji diġitali jistgħu jirnexxu.
2.4Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tqis b'mod adegwat l-eżiti tal-proġett erożjoni tal-bażi tat-taxxa u trasferiment tal-profitti (BEPS), u tindirizza r-riforma tal-qafas internazzjonali tat-tassazzjoni korporattiva, immexxija mill-OECD u awtorizzata mill-G20. Il-pakkett ta' riforma jikkonsisti f'żewġ pilastri. Il-pilastru 1 għandu l-għan li jadatta r-regoli internazzjonali tat-tassazzjoni għall-mudelli ta' negozju ġodda, li jippermettu lill-kumpaniji jagħmlu negozju mingħajr preżenza fiżika.
2.5Il-Pilastru 2 se jnaqqas il-kompetizzjoni tat-taxxa billi jistabbilixxi rata minima tat-taxxa korporattiva effettiva ta' 15 fil-mija.
2.6Ladarba jintlaħaq qbil dwaru f'konvenzjoni multilaterali, l-applikazzjoni tal-pakkett se ssir obbligatorja u l-Kummissjoni se tipproponi Direttiva għall-implimentazzjoni tiegħu fl-UE.
2.7Il-Kummissjoni se tippreżenta wkoll proposta ġdida għall-pubblikazzjoni annwali tar-rata tat-taxxa korporattiva effettiva ta' kumpaniji kbar, li huma residenti fl-UE u li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Pilastru 2, bl-użu tal-metodoloġija miftiehma għall-kalkoli tal-Pilastru 2.
2.8L-UE, bħala parti mill-aġenda ta' trasparenza tagħha, se tkompli tindirizza wkoll l-użu abbużiv ta' entitajiet fantażma għal skopijiet ta' taxxa – jiġifieri kumpaniji bi preżenza sostanzjali minima jew bl-ebda preżenza u attività ekonomika reali – permezz ta' inizjattiva leġiżlattiva ġdida mmirata lejn il-prevenzjoni ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa jew il-ħasil tal-flus minn individwi u korporazzjonijiet.
2.9L-istrateġija tal-Kummissjoni se tindirizza wkoll il-predispożizzjoni favur id-dejn fit-tassazzjoni korporattiva billi tagħmel investimenti ffinanzjati mill-bejgħ ta' ishma inqas żvantaġġjati permezz ta' sistema ta' kwota (DEBRA) għall-finanzjament b'bejgħ ta' ishma ġdid.
2.10Il-Kummissjoni se tirtira l-proposti pendenti tagħha għal Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK), ladarba tiġi ppreżentata proposta ġdida għat-tisħiħ tas-suq intern. Din se tkun qafas ġdid għat-tassazzjoni fuq l-introjtu għall-intrapriżi fl-Ewropa, imsejjaħ BEFIT (L-Intrapriżi fl-Ewropa: Qafas għat-Tassazzjoni tal-Introjtu).
2.11Il-proposta dwar il-BEFIT se tibni fuq il-Pilastru 1 u l-Pilastru 2. Il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-Istati Membri fit-tfassil ta' din il-proposta, filwaqt li tqis ukoll il-fehmiet tal-Parlament Ewropew u tikkonsulta lis-settur tan-negozju u lill-gruppi tas-soċjetà ċivili.
2.12L-istrateġija tal-Kummissjoni tinkludi rakkomandazzjoni lill-Istati Membri biex jippermettu kumpens għat-telf permezz ta' riport lura, bil-għan li jittejbu l-kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-kumpaniji madwar l-Unjoni. Ir-rakkomandazzjoni tapplika għas-snin fiskali 2020 u 2021.
3.Kummenti ġenerali
3.1Il-KESE jilqa' l-inizjattiva tant mistennija tal-Kummissjoni għall-istrateġija dwar it-tassazzjoni tal-intrapriżi għas-seklu 21. Il-KESE jappoġġja u japprezza bis-sħiħ il-fatt li l-Kummissjoni qed tallinja l-ħidma tagħha mad-diskussjonijiet u l-ftehimiet internazzjonali.
3.2Il-KESE jappoġġja l-objettiv tal-Kummissjoni li tagħmel l-aġenda tat-taxxa tikkontribwixxi għall-objettiv ġenerali li t-tkabbir ġust u sostenibbli jsir possibbli billi tappoġġja politiki usa' tal-UE, bħall-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-Aġenda Diġitali tal-Kummissjoni, l-Istrateġija Industrijali għall-Ewropa u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali.
3.3Il-KESE jissottolinja l-ħtieġa li jiġu ffaċilitati l-investimenti transfruntiera u li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-konformità għall-intrapriżi, filwaqt li l-ekonomija Ewropea ssir aktar ekoloġika u aktar diġitalizzata.
3.4Il-KESE huwa mħasseb dwar id-distakk fiskali, minkejja l-fatt li d-dħul mit-taxxa korporattiva fir-rigward tal-PDG kien bħala medja stabbli jew saħansitra żdied matul l-aħħar għaxar snin fl-UE u fil-pajjiżi tal-OECD.
3.5Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-gvernijiet impenjaw ruħhom fl-adozzjoni ta' taħlita ta' miżuri kontra l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa u li l-miżuri żiedu l-kumplessità li diġà teżisti. Il-KESE jitlob qafas tat-tassazzjoni sod, effiċjenti u ġust li jindirizza l-inċentivi sottostanti għat-twettiq tal-erożjoni tal-bażi tat-taxxa u ta' mġiba ta' trasferiment tal-profitti.
3.6Il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropea tivvaluta l-impatt tas-serje ta' leġiżlazzjoni kontra l-evitar tat-taxxa li ġiet implimentata f'dawn l-aħħar sitt snin.
3.7Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni ssegwi l-Pjan ta' Azzjoni tagħha għal Tassazzjoni Ġusta u Sempliċi li Tappoġġja l-Istrateġija ta' Rkupru
, u tqis l-Opinjoni tal-KESE dwar Pakkett għal tassazzjoni ġusta u sempliċi. Il-KESE jqis li huwa importanti li tittejjeb il-produttività tal-ekonomija Ewropea għal mill-inqas il-livell ta' ekonomiji kompetituri. It-taxxa hija biss wieħed mill-fatturi li għandhom impatt fuq il-produttività, iżda għandha rwol importanti.
4.Kummenti speċifiċi
4.1Il-KESE jilqa' l-approvazzjoni mill-Ministri tal-Finanzi tal-G20 tal-ftehim iffirmat fit-8 ta' Ottubru 2021 minn 136 mill-140 pajjiż fil-Qafas Inklużiv biex tintlaħaq soluzzjoni ta' pakkett globali u bbażat fuq il-kunsens dwar kif għandhom jiġu allokati d-drittijiet tat-tassazzjoni fost il-pajjiżi. Fl-istess ħin, il-KESE jissottolinja l-effetti tal-kumplessità relatata ma' tali objettivi ambizzjużi, filwaqt li jappella għal implimentazzjoni uniformi, u miftiehma u kkoordinata fil-livell globali tal-Pilastri 1 u 2. F’dan il-kuntest, il-proposti tal-UE jeħtieġ li jqisu l-ispeċifiċitajiet tar-rekwiżiti tal-liġi tal-UE bħal-libertà tal-istabbiliment u n-nondiskriminazzjoni.
4.2Il-KESE jinnota li hemm bżonn ta' ħafna aktar ħidma biex jintlaħaq ftehim dettaljat. Huwa ta' interess enormi li jsiru ftehimiet dwar ħafna aspetti tekniċi. Meta r-regoli jiġu implimentati fil-livell tal-UE, il-kumpaniji li għandhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fl-UE ma għandhomx ikunu fi żvantaġġ kompetittiv fir-rigward tal-kompetituri ekwivalenti tagħhom ibbażati f'ġuriżdizzjonijiet ewlenin oħra.
4.3Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġi implimentat il-pakkett dwar it-tassazzjoni mhux biss fl-UE iżda wkoll, fl-istess ħin, f'pajjiżi msieħba kummerċjali ewlenin. Jekk il-Pilastru 1 ma jiġix implimentat fl-Istati Uniti u fi msieħba kummerċjali ewlenin oħra simultanjament, l-intrapriżi Ewropej jistgħu jkunu fi żvantaġġ kompetittiv. Għalhekk huwa neċessarju li jiġu kkoordinati mal-imsieħba kummerċjali kemm l-implimentazzjoni kif ukoll l-użu tal-konvenzjoni multilaterali.
4.4Il-KESE jissottolinja l-importanza tat-traspożizzjoni u li jkun hemm eżattament l-istess regoli għal direttiva tal-Pilastru 2 u t-taxxa minima korporattiva effettiva bħar-regoli kumplessi miftiehma li tfasslu fil-ftehim globali. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jippermettu żmien suffiċjenti biex test finali miftiehem ikun disponibbli qabel ma tiġi adottata direttiva.
4.5Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tagħti rakkomandazzjoni lill-Istati Membri biex jippermettu l-kumpens permezz ta' riport lura. Madankollu, regoli bħal dawn huma importanti mhux biss f'sitwazzjoni ta' pandemija, iżda wkoll f'ċirkostanzi normali. Il-profitt nett ta' kumpanija maż-żmien għandu jkun soġġett għat-taxxa korporattiva.
4.6Il-KESE jappoġġja l-ġlieda tal-Kummissjoni kontra l-użu abbużiv tal-entitajiet fantażma li l-għan tagħhom huma l-ħasil tal-flus, l-ippjanar aggressiv tat-taxxa minn individwi u korporazzjonijiet, u l-evażjoni tat-taxxa. Il-KESE jistenna bil-ħerqa li jesprimi l-fehmiet tiegħu dwar proposta konkreta li tindirizza l-użu abbużiv tal-entitajiet fantażma.
4.7Il-KESE jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li toħloq Kwota ta' Tnaqqis ta' Predispożizzjoni Favur id-Dejn. L-investimenti f'teknoloġija aktar ekoloġika ġdida huma marbuta ma' riskju għoli għall-investituri. F'sitwazzjonijiet bħal dawn, il-finanzjament mill-bejgħ ta' ishma huwa partikolarment importanti u l-preġudizzju inerenti kontra l-finanzjament mill-bejgħ ta' ishma inkorporat fis-sistemi tat-taxxa jeħtieġ li jiġi indirizzat.
4.8Il-KESE jinnota li l-finanzjament mill-bejgħ ta' ishma jista' jsir inqas żvantaġġjat kemm fil-livell korporattiv kif ukoll fil-livell tal-azzjonisti. Huwa importanti li t-trattament tat-taxxa ma joħloqx inċentivi biex il-fondi jiġu trasferiti minn livell għal ieħor.
4.9Barra minn hekk, ta' min jinnota li jekk ir-rati statutorji tat-taxxa korporattiva jiżdiedu, il-valur tat-tnaqqis tal-imgħax jiżdied u jsir ekonomikament aktar xieraq għal kumpanija li tinvesti permezz ta' self. Rata ta' inflazzjoni ogħla u/jew rati tal-imgħax ogħla jkollhom effett simili, u b'hekk iżidu l-predispożizzjoni attwali favur id-dejn. Peress li tali żvilupp ma jistax jiġi eskluż, l-importanza tal-inizjattiva li jmiss tal-Kummissjoni hija ferm aktar milqugħa u importanti.
4.10Il-KESE jilqa' l-objettivi tal-BEFIT u jistenna bil-ħerqa li jkun jista' jeżamina proposta dettaljata. Il-proposta għandha tqis ir-reġimi legali speċifiċi applikabbli għal ċerti tipi ta' kooperattivi u intrapriżi mutwi li ġew adottati fil-passat minn Stati Membri differenti. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi lill-partijiet ikkonċernati u lis-soċjetà ċivili fid-deliberazzjonijiet sabiex ikun jista' jkun hemm progress u aċċettazzjoni.
5.Xi oqsma addizzjonali li jeħtieġ li jiġu indirizzati għall-politika tat-tassazzjoni għas-seklu 21
5.1Il-KESE jemmen li l-pandemija setgħet biddlet il-post tax-xogħol għal ħafna b'tali mod li t-telexogħol se jkun aktar frekwenti fis-snin li ġejjin. Il-konsegwenzi tat-taxxa fuq it-telexogħol transfruntier (jew tax-xogħol mill-bogħod) jagħtu lok għal mistoqsijiet dwar it-taxxa kemm għad-ditti kif ukoll għall-individwi. Għal kumpanija, jista' jinħoloq stabbiliment permanenti mhux intenzjonat, bil-konsegwenzi tat-taxxa tiegħu. L-individwu jista' jiffaċċja taxxa mitluba minn diversi pajjiżi, filwaqt li l-benefiċċji soċjali u l-protezzjoni jistgħu jiġu affettwati b'mod negattiv. Id-drittijiet tal-pensjoni jistgħu jiġu affettwati wkoll.
5.2Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza sitwazzjonijiet ta' xogħol transfruntier bħala parti integrali mill-istrateġija tat-tassazzjoni tal-intrapriżi.
5.3Qasam ieħor li jeħtieġ li jiġi rieżaminat huwa l-kopertura tal-VAT. L-esklużjonijiet u l-lakuni joħolqu kumplessità u jirriżultaw f'kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni li mhumiex ekwivalenti kif ukoll fi dħul mit-taxxa mitluf. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrieżamina l-kopertura tas-sistema tal-VAT.
Brussel, 23 ta' Frar 2022
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
_____________