INT/932
Id-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja
OPINJONI
Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni
Id-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea Strumentarju ta’ opportunitajiet
[COM(2020) 710 final)]
Relatur: João NABAIS
|
Konsultazzjoni
|
DD/MM/YYYY
|
|
Bażi legali
|
L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
|
|
|
|
|
Sezzjoni kompetenti
|
Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum
|
|
Adottata fis-sezzjoni
|
31/03/2021
|
|
Adottata fil-plenarja
|
DD/MM/YYYY
|
|
Sessjoni plenarja Nru
|
…
|
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet)
|
…/…/…
|
1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1Il-KESE jilqa’ l-Komunikazzjoni bħala pass essenzjali u effettiv li jippermetti d-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja. Huwa kruċjali li l-Istati Membri jiġu appoġġjati fil-livell nazzjonali biex jagħmlu din il-bidla billi jiġu pprovduti mhux biss bil-finanzjament meħtieġ, iżda wkoll bl-għodod. B’dan l-appoġġ, tista’ tiġi żviluppata d-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja fil-livell Ewropew, sabiex jiġu stabbiliti mekkaniżmi li jippermettu aktar kooperazzjoni transfruntiera bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji.
1.2Il-KESE jinnota li s-sitwazzjoni tvarja ħafna minn Stat Membru għal ieħor u li minħabba d-diversità ta’ għodod nazzjonali tal-IT, l-Istati Membri ma jużawx ċerti mekkaniżmi, bħas-sistema e-CODEX, b’mod konsistenti.
1.3Għalhekk, fil-fehma tal-KESE qed isir dejjem aktar importanti li jiġu stabbiliti regoli mmirati lejn armonizzazzjoni aħjar bejn id-diversi Stati Membri.
1.4Il-KESE jemmen li d-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja hija għodda kruċjali biex tiġi żgurata kooperazzjoni ġenwina bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra prattiki kriminali li jagħmlu ħsara kbira liż-żona Ewropea.
1.5Il-KESE jinnota li xi aspetti speċifiċi tal-Komunikazzjoni ma jirriflettux ir-realtà multidimensjonali tas-sistemi ġudizzjarji fl-Istati Membri differenti.
1.6Il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tadotta direttiva dwar interventi fi proċedimenti ġudizzjarji mill-bogħod, li tipprevedi u taċċetta kwalunkwe mezz ta’ kuntatt permezz ta’ telefonata bil-vidjo fuq kwalunkwe mezz li jiggarantixxi d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u ma jikkompromettix il-protezzjoni tad-data personali tal-persuni kkonċernati, u lanqas il-kunfidenzjalità tal-proċedura li tkun għaddejja.
1.7Il-KESE ma jemminx li l-użu ta’ mezzi oħra ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, li diġà jeżistu, jista’ jipperikola l-protezzjoni tad-data nnifisha, peress li kulħadd jista’ jattendi l-biċċa l-kbira tal-proċedimenti tal-qorti.
1.8Il-KESE jqis li l-awtorità tal-pulizija li tkun qed tinvestiga grupp terroristiku potenzjali fi Stat Membru għandu jkollha aċċess immedjat għall-evidenza miġbura mhux biss fil-bażijiet tad-data tal-Europol, tal-Eurojust u tal-UPPE (Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew), iżda wkoll fil-bażijiet tad-data tal-awtorità tal-infurzar tal-liġi ta’ kull Stat Membru.
1.9Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jsir l-aħjar użu mill-vantaġġi tad-diġitalizzazzjoni għall-possibbiltà li jiġu infurzati sentenzi fi Stati Membri oħra, għal mekkaniżmi alternattivi ta’ tilwim u għal kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri u l-aġenziji tal-UE.
2.Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni
2.1Din il-Komunikazzjoni tipproponi sett ta’ għodod għad-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja, sabiex is-settur tal-ġustizzja javvanza fl-era diġitali. Hija tirrakkomanda approċċ li jqis il-partikolaritajiet u l-kompetenzi nazzjonali, li huma differenti bejn l-Istati Membri, u li jirrispetta bis-sħiħ il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Fl-istess ħin, huwa importanti li l-Istati Membri kollha jimpenjaw ruħhom biex inaqqsu d-distakki li jeżistu fid-diġitalizzazzjoni u l-frammentazzjoni bejn is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali, u li jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet offruti mill-mekkaniżmi xierqa ta’ finanzjament tal-UE.
3.Kummenti ġenerali
3.1Il-kriżi tal-COVID-19 ħolqot bosta problemi għall-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja u għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Is-seduti wiċċ imb wiċċ u n-notifika transfruntiera tad-dokumenti ġudizzjarji ttardjaw, kien temporanjament impossibbli li tinkiseb assistenza legali personali u xi limiti ta’ żmien skadew minħabba dewmien akkumulat. Fl-istess ħin, iż-żieda fl-għadd ta’ każijiet ta' insolvenza u ta’ sensji marbuta mal-pandemija qed tikkomplika aktar il-ħidma tal-qrati.
3.2F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġu implimentati miżuri ġodda biex tiġi intensifikata u aċċellerata d-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja. Għal dan il-għan, huwa essenzjali li l-Istati Membri jiġu appoġġjati fil-livell nazzjonali billi mhux biss jiġu pprovduti bil-mezzi finanzjarji meħtieġa, iżda wkoll bl-għodod li bihom l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-professjonisti tal-ġustizzja kollha jkunu jistgħu jippreparaw għal dawn iż-żminijiet ta’ bidla. Huwa kruċjali li l-ġustizzja ssir aktar aċċessibbli u li titqarreb lejn iċ-ċittadini.
3.3Huwa biss dan l-appoġġ, fil-livell nazzjonali, li se jagħmilha possibbli li tiġi żviluppata d-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja fil-livell Ewropew, sabiex jiġu stabbiliti mekkaniżmi li jippermettu aktar kooperazzjoni transfruntiera bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji.
3.4Ta’ min jinnota li, b’mod ġenerali, is-sitwazzjoni tvarja ħafna minn Stat Membru għal ieħor u li minħabba d-diversità ta’ għodod nazzjonali tal-IT, l-Istati Membri ma jużawx ċerti mekkaniżmi, bħas-sistema e-CODEX, b’mod konsistenti.
3.5Għalhekk qed isir dejjem aktar importanti li jiġu stabbiliti regoli mmirati lejn armonizzazzjoni aħjar bejn id-diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea.
3.6L-objettiv ewlieni tal-Komunikazzjoni huwa li tkompli d-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi tal-ġustizzja, li tippromovi l-użu ta’ teknoloġiji ta’ komunikazzjoni mill-bogħod (vidjokonferenzi) siguri u ta’ kwalità għolja, li tiffaċilita l-interkonnessjoni ta’ bażijiet tad-data u ta’ reġistri nazzjonali u li tippromovi l-użu ta’ mezzi siguri ta’ trażmissjoni elettronika bejn l-awtoritajiet kompetenti.
3.7Id-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja hija għodda fundamentali biex tiżgura sħubija ġenwina bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra attivitajiet kriminali li jimminaw serjament l-ispazju Ewropew, bħar-reati terroristiċi, il-ħasil tal-flus u l-korruzzjoni, it-traffikar tal-bnedmin, il-mibegħda u l-inċitament għal diskors ta’ mibegħda u għal vjolenza.
3.8Illum il-ġurnata, dawn ir-reati qed ikunu dejjem aktar ta’ natura trasversali. Għalhekk, it-tranżizzjoni diġitali tirrappreżenta pass ta’ ġgant ’il quddiem, u pass essenzjali, fl-istrateġija ta’ investigazzjoni u ta’ infurzar tal-liġi fir-rigward ta’ dawn l-attivitajiet dannużi.
3.9Għalkemm il-Kummissjoni għamlet sforzi konsiderevoli f’dan il-qasam u l-komunikazzjoni tagħha jistħoqqilha valutazzjoni pożittiva ħafna, id-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja hija fil-fatt proċess twil u diffiċli.
3.10Ċerti aspetti speċifiċi tal-komunikazzjonijiet jistgħu jiġu kkritikati minħabba lakuni, jew saħansitra perċezzjoni insuffiċjenti tal-inkompatibbiltajiet bejn l-ideat proposti u r-realtà multidimensjonali tal-ambjenti ġudizzjarji tal-Istati Membri differenti.
3.11Il-Kummissjoni tidher li qed tittraskura l-modalitajiet tat-tmexxija ta’ proċessi u dmirijiet ġudizzjarji oħra, kemm fi proċeduri ċivili, kummerċjali u tal-liġi tax-xogħol, kif ukoll fi proċeduri kriminali (bħall-interrogazzjoni ta’ konvenuti u s-smigħ ta’ xhieda waqt investigazzjoni kriminali), li jeħtieġu l-parteċipazzjoni ta’ atturi mill-bogħod, jew permezz ta' applikazzjonijiet disponibbli fis-suq, jew permezz ta’ telefonati bil-vidjo fil-qafas ta’ applikazzjonijiet ta’ kuntatt.
3.12Il-KESE jifhem li l-aspetti ritwali tal-ġustizzja għandhom jiġu rrispettati, iżda l-kriżi tal-COVID-19 wasslitna biex nagħrfu li mhuwiex essenzjali li l-vidjokonferenzi jsiru permezz ta’ mekkaniżmi eżistenti ta’ interazzjoni bejn il-qrati (kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak internazzjonali) fil-preżenza tal-partijiet fil-proċedura fil-qrati kompetenti fil-ġurisdizzjoni mid-dar jew f’postijiet maħsuba u awtorizzati minn qabel (bħall-għases tal-pulizija, is-servizzi tax-xjenza forensika u oħrajn), filwaqt li l-kuntatt max-xhieda jista’ jsir bil-kompjuter jew bil-mowbajl, irrispettivament mill-post fejn ikunu.
3.13Illum il-ġurnata, diġà hemm xi mezzi ta’ komunikazzjoni mill-bogħod li mhux biss jiggarantixxu d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, iżda wkoll il-protezzjoni tad-data, żewġ elementi kruċjali, li naturalment għandhom ikunu ssalvagwardjati.
3.14Ta’ min ifakkar li l-prinċipju tal-aċċess pubbliku japplika għall-biċċa l-kbira tal-proċedimenti ġudizzjarji. Għalhekk, waqt proċeduri tal-qorti miftuħa għall-pubbliku, ma jkunux involuti biss qraba u ħbieb tad-diversi partijiet ikkonċernati (jew l-attur u l-konvenut, fil-kuntest ta’ proċeduri legali ċivili, kummerċjali u tal-liġi tax-xogħol, jew xhieda u konvenuti fil-kuntest ta’ proċedura kriminali), iżda wkoll persuni oħra li ma jkunux direttament involuti fil-proċess, u f’ħafna każijiet anke ġurnalisti u professjonisti oħra tal-midja.
3.15Għalhekk, il-KESE ma jaħsibx li l-użu ta’ mezzi oħra ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, bħall-pjattaformi tal-IT u applikazzjonijiet diġitali oħra debitament iċċertifikati, li diġà jeżistu, jistgħu jipperikolaw il-protezzjoni tad-data nnifisha, meta fil-fatt kulħadd jista’ jattendi għall-biċċa l-kbira tal-proċeduri tal-qorti.
3.16Barra minn hekk, u b’mod partikolari fil-liġi proċedurali kriminali, il-konvenuti wkoll għandu jkollhom il-possibbiltà li jagħżlu li jinstemgħu permezz ta’ għodod ta’ komunikazzjoni mill-bogħod aktar milli jkunu preżenti fil-qorti, jekk ma jkunx hemm eċċezzjonijiet speċifiċi li jiġġustifikaw li l-konvenut ikollu jidher personalment fil-qorti.
3.17Fir-rigward tax-xhieda, jenħtieġ li jiġi żgurat li persuna b’xi diżabilità fiżika u li tirrisjedi f’lokalità żgħira li tkun tinsab ħafna kilometri ’l bogħod mill-eqreb qorti ma jkollhiex għalfejn tħalli l-kumdità ta’ darha u jkollha tistenna sigħat sħaħ qabel ma tissejjaħ biex tixhed, peress li llum il-ġurnata jeżistu pjattaformi elettroniċi affidabbli u ċċertifikati li jiżguraw is-sigurtà u l-kunfidenzjalità tal-iskambju ta’ informazzjoni u ta’ xhieda mill-bogħod.
3.18Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tipproponi “il-promozzjoni tal-użu ta’ teknoloġija tal-komunikazzjoni mill-bogħod sigura u ta’ kwalità għolja (vidjokonferenzi)”.
3.19Għalhekk, u f’konformità ma’ dak li ntqal hawn fuq, il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tadotta direttiva dwar proċedimenti ġudizzjarji mill-bogħod, li tipprevedi u taċċetta kwalunkwe mezz ta’ kuntatt permezz ta’ telefonata bil-vidjo fuq kwalunkwe mezz (eż. kompjuter, laptop jew anke mowbajl), li tiggarantixxi d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u ma tikkompromettix il-protezzjoni tad-data personali tal-persuna kkonċernata, u lanqas il-kunfidenzjalità tal-proċedura li tkun għaddejja.
3.20Approċċ bħal dan huwa konformi mar-rapport ta’ prospettiva strateġika tal-2020 tal-Kummissjoni, li juri li t-tranżizzjoni diġitali fil-qasam tal-ġustizzja għandha tagħti prijorità liċ-ċittadini u toħloq possibbiltajiet ġodda għad-diversi partijiet ikkonċernati, billi tgħin biex jitnaqqas id-dewmien, tiżdied iċ-ċertezza tad-dritt u jingħata aċċess irħas u aktar faċli għall-ġustizzja.
3.21Madankollu, jeħtieġ li nibqgħu attenti għas-sitwazzjoni tal-minorenni u l-persuni vulnerabbli, kif ukoll fil-każijiet li jikkonċernaw reati ta’ mibegħda jew ta’ natura sesswali, jiġifieri fil-każijiet fejn huwa aktar importanti, saħansitra essenzjali, li jiġi żgurat ir-rispett tal-ħajja privata u ċ-ċertezza tad-dritt.
3.22Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni hija mħassba wkoll dwar l-iżvilupp ta’ mudell standard għall-aċċess għall-każistika tal-qrati nazzjonali f’format li jista’ jinqara mill-magni, “identifikatur tal-każistika Ewropea”.
3.23Din il-proposta jistħoqqilha appoġġ sħiħ iżda, sabiex tkun kompletament effettiva, tista’ teħtieġ komplement leġiżlattiv fis-sens tal-istandardizzazzjoni formali (mhux tas-sustanza) tas-sentenzi tal-qorti.
3.24Kif jaf kulħadd, kull Stat Membru għandu mhux biss il-leġiżlazzjoni tiegħu stess, iżda wkoll is-sistema ta’ konvenzjonijiet tiegħu stess. L-istruttura u l-kompożizzjoni ta’ sentenza fil-Portugall ċertament mhux se jkunu l-istess bħal fl-Italja jew fi Franza, u dawn id-differenzi għandhom għalhekk jitqiesu debitament mill-Kummissjoni.
3.25Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li toħloq pjattaforma tal-IT għall-kollaborazzjoni bejn it-timijiet ta’ investigazzjoni konġunti (li jlaqqgħu flimkien l-investigaturi u l-prosekuturi mill-Istati Membri, fejn meħtieġ bl-appoġġ tal-Europol, il-Eurojust u l-UPPE). L-aċċess għal data u bażijiet tad-data disponibbli fl-Istati Membri għandu jkun limitat għall-awtoritajiet kompetenti, li jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data.
3.26Din hija proposta eċċellenti li madankollu tista’ tiġi mxekkla min-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tar-regoli tal-kodiċijiet differenti tal-proċedura kriminali tal-Istati Membri li jirregolaw il-kwistjonijiet kollha relatati mal-kumpilazzjoni ta’ xhieda.
3.27Sakemm isseħħ standardizzazzjoni bħal din, huwa possibbli li ċerti proċeduri ta’ investigazzjoni jwasslu għal każijiet ta’ nullità skont il-leġiżlazzjoni ta’ ċerti Stati Membri, u li għalhekk jistgħu jikkompromettu l-effettività ta’ investigazzjonijiet konġunti.
3.28Il-ġlieda kontra t-terroriżmu hija waħda mill-preokkupazzjonijiet tal-Kummissjoni f'din il-Komunikazzjoni. Madankollu, lil hinn mill-affermazzjoni tal-ħtieġa ta’ proposta leġiżlattiva relatata mal-iskambji dwar każijiet ta’ terroriżmu diġitali transfruntiera, huwa imperattiv li jinħolqu u jiġu implimentati għodod ibbażati fuq l-interkonnessjoni diġitali għall-iskambju mhux biss ta’ proċedimenti, iżda wkoll ta’ informazzjoni dwar persuni suspettati u l-attivitajiet ta’ gruppi sorveljati.
3.29Fid-dawl tal-ħtieġa li jiġi miġġieled it-terroriżmu, il-KESE jqis li l-awtorità tal-pulizija li tkun qed tinvestiga grupp terroristiku potenzjali fi Stat Membru għandu jkollha aċċess immedjat għall-evidenza miġbura mhux biss fil-bażijiet tad-data tal-Europol, tal-Eurojust u tal-UPPE, iżda wkoll fil-bażijiet tad-data ta’ kull waħda mill-awtoritajiet tal-pulizija fl-Istati Membri. Madankollu, għandha tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li l-informazzjoni ma tiġix trażmessa lil persuni mhux awtorizzati jew li ma hemmx fiduċja fihom.
3.30Jenħtieġ li jkun żgurat ukoll il-forniment ta’ servizzi online bħat-tiġdid tal-karta tal-identità, iċ-ċertifikati ġudizzjarji elettroniċi, iċ-ċertifikati tal-istat ċivili jew saħansitra r-rekords kriminali, kif ukoll il-konsultazzjoni online ta’ proċedimenti ġudizzjarji, għaliex dan mhux biss inaqqas l-ispostamenti lejn il-postijiet fiżiċi fejn jingħataw is-servizzi, iżda joffri wkoll dawn is-servizzi anke meta l-postijiet fiżiċi jkollhom jagħlqu.
3.31Madankollu, fir-rigward tal-interkonnessjoni ta’ data (b’mod partikolari dwar in-negozji, il-fallimenti, ir-reġistri tal-artijiet u dawk kummerċjali u r-rekords kriminali), jeħtieġ li jiġi żgurat li l-aċċess għal din id-data ma jistax, f’ċerti każijiet (pereżempju għad-data ta’ rekords kriminali), jipperikola d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali.
3.32Għalhekk, huwa essenzjali li l-mudell tal-IT stabbilit f’dan il-qasam jiġi studjat b’mod partikolari fil-fond sabiex id-diġitalizzazzjoni mixtieqa ma tkunx ta’ dannu għaċ-ċittadini u ma taffettwax id-drittijiet fundamentali tagħhom.
3.33Fil-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tippreżenta l-ħolqien tal-istrument intitolat “L-ispazju tiegħi tal-Ġustizzja elettronika”, li l-għan tiegħu huwa li jippermetti lill-individwi jaċċessaw b’mod elettroniku d-dokumenti ġudizzjarji li persuna, jew ir-rappreżentant legali tagħha, titħalla tikkonsulta u/jew tikseb (fil-każijiet nazzjonali jew fil-każijiet pendenti fi Stati Membri oħra).
3.34Sakemm tiżgura aċċess aktar mgħaġġel, aktar effiċjenti u inqas għali għall-ġustizzja, il-possibbiltà ta’ aċċess diġitali għall-informazzjoni msemmija fil-każijiet li fihom ċittadin ikun parti huwa aspett essenzjali għall-ħolqien ta’ trasparenza ġudizzjarja vera, għodda essenzjali biex iċ-ċittadini jingħataw is-sens li l-ġustizzja mhijiex sigrieta u inaċċessibbli.
3.35Il-fatt li l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-avukati nfushom jistgħu jaċċessaw b’mod elettroniku l-każijiet li jkunu ġew ipproċessati fi Stat Membru ieħor jirrappreżenta pass ta' ġgant ’il quddiem u pass essenzjali fid-diġitalizzazzjoni tant mixtieqa tal-ġustizzja.
3.36Madankollu, fid-dawl tad-differenzi bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-firxa tal-kunfidenzjalità ġudizzjarja fil-proċeduri kriminali, jidher li fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali f’dan il-qasam, din il-proposta eċċellenti tal-Kummissjoni se tkun ċertament kompromessa fil-kuntest tar-reġistri transfruntiera.
3.37Id-diġitalizzazzjoni mixtieqa tal-ġustizzja għandha toffri liċ-ċittadini tal-Unjoni possibbiltajiet ġodda u sinifikanti biex isolvu problemi f’kuntest transfruntier. Dan huwa l-uniku mod biex jinkiseb l-objettiv tat-tisħiħ tad-dritt taċ-ċittadini għall-aċċess għall-ġustizzja.
3.38F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirrimarka, pereżempju, l-istabbiliment ta’ mezzi (b’mod diġitali) biex jinbdew ordnijiet transfruntiera u l-possibbiltà li tiġi żgurata l-eżekuzzjoni transfruntiera tal-ħlas tal-manteniment lill-minorenni fil-kuntest tar-responsabbiltajiet tal-ġenituri.
3.39Madankollu, fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ħalliet barra l-kwistjoni tassew fundamentali tal-possibbiltà li jiġu eżegwiti deċiżjonijiet tal-qorti fi Stati Membri oħra. Id-diġitalizzazzjoni toffri l-mezzi biex dan l-objettiv, li huwa talba li ilha teżisti minn ħafna professjonisti legali, jintlaħaq b’mod konkret. Ta’ min jinnota li f’diversi oqsma (il-liġi kummerċjali u l-liġi tal-familja) is-sitwazzjoni inkwistjoni diġà hija prevista, għalhekk jeħtieġ li tiġi estiża għall-oqsma li għadhom mhumiex koperti.
3.40Ilu ħafna stabbilit li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji jinevitabbilment jingħataw mill-qrati ta’ kull Stat Membru u li, f’dan ir-rigward, is-sovranità tal-Istati Membri tal-Unjoni għandha titqies bħala inaljenabbli.
3.41Iżda l-verità hi li ħafna deċiżjonijiet tal-qorti fl-aħħar japplikaw għal proprjetajiet, negozji jew ċittadini li jinsabu barra t-territorju fejn tkun ittieħdet id-deċiżjoni.
3.42F’każijiet bħal dawn, il-fruntieri bejn l-Istati Membri jikkostitwixxu ostakli għall-implimentazzjoni rapida tal-ġustizzja. Il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi ħdan l-Unjoni għandha għalhekk tieħu vantaġġ mill-possibbiltajiet offruti mid-diġitalizzazzjoni sabiex l-eżekuzzjoni tas-sentenzi sseħħ direttament fit-territorju fejn jinsabu l-proprjetajiet ikkonċernati.
3.43L-istess japplika għall-modi alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim, li l-proċeduri tagħhom għandhom ikunu jistgħu jsiru wkoll online, inklużi l-attivitajiet taċ-ċentri dwar l-arbitraġġ, il-kummissarji tal-ġustizzja u s-sistemi pubbliċi ta’ medjazzjoni.
3.44Fir-rigward tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-aġenziji u l-korpi tal-UE fil-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera, il-Kummissjoni bir-raġun tagħraf il-ħtieġa li ssaħħaħ il-kapaċitajiet tal-kooperazzjoni diġitali.
3.45Madankollu, filwaqt li kien mistenni li fil-Komunikazzjoni tagħha l-Kummissjoni tiddefinixxi l-mudell li għandu jiġi adottat u l-investimenti li tkun lesta tappoġġja sabiex tikseb dan l-objettiv importanti, hija biss xewqa fiergħa li l-Eurojust, l-UPPE, l-OLAF (l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi) u l-Europol “jaqblu dwar approċċ komuni li jiggarantixxi kooperazzjoni ordnata u sigura mal-Istati Membri [...]”.
3.46Madankollu, f’qasam daqshekk importanti, jeħtieġ li l-Kummissjoni tintalab tistabbilixxi perjodu ta’ żmien għall-istabbiliment ta’ mudell ta’ kooperazzjoni u, aktar milli sempliċement tittama li l-istituzzjonijiet jaqblu, timpenja ruħha biex toħloq strument (direttiva?) li jagħmilha possibbli li jiġi impost, f’dan il-każ ukoll, mekkaniżmu bbażat fuq il-possibbiltajiet offruti mid-diġitalizzazzjoni.
3.47Il-KESE jilqa’ l-intenzjonijiet espressi mill-Kummissjoni f'din il-Komunikazzjoni fir-rigward tal-appoġġ finanzjarju pprovdut lill-Istati Membri għall-iżvilupp ta’ sistemi xierqa tal-IT u d-definizzjoni ta’ strateġija għad-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja fl-UE fil-qafas tal-Programm dwar il-Ġustizzja l-ġdid u l-programm Ewropa Diġitali.
3.48Ta’ min jinnota li mhumiex l-awtoritajiet ġudizzjarji jew iċ-ċittadini li jikkostitwixxu l-ostaklu ewlieni għad-diġitalizzazzjoni, iżda n-nuqqas ta’ mezzi għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri biex jikkonkretizzaw miżuri bħal dawn ta’ ħolqien u implimentazzjoni ta’ pjattaformi diġitali u ta’mezzi elettroniċi fil-qasam tal-ġustizzja.
3.49Huwa għalhekk, u b’mod partikolari fil-kuntest tal-kriżi attwali, li qed tolqot l-ekonomiji tal-Istati Membri b’mod ħażin ħafna, mhux biss fuq medda qasira ta’ żmien, iżda wkoll fuq medda twila ta’ żmien, li għandhom jinstabu malajr soluzzjonijiet ta’ finanzjament għal dawn il-pajjiżi, sabiex id-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja tkun tista’ tinkiseb bl-armonija u l-uniformità meħtieġa. Huwa biss b’din il-kundizzjoni li l-kooperazzjoni transfruntiera tista’ tiġi stabbilita fuq livell Ewropew.
3.50Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni turi l-intenzjoni tagħha li jiġi żgurat li dan l-objettiv tant importanti, li jikkonsisti fl-isfruttament tal-proċess ta’ diġitalizzazzjoni biex jinħoloq spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja fl-UE, jibbenefika minn riżorsi li se jkunu disponibbli fl-ambitu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.
3.51Huwa wkoll rassiguranti li jiġi nnutat li l-Kummissjoni tqis li l-istrument ta' assistenza teknika, li jirriżulta minn Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, se jgħin lill-Istati Membri kollha jimplimentaw riformi fis-settur tal-ġustizzja, li naturalment se jimplika l-investimenti fit-tranżizzjoni diġitali msemmija qabel.
3.52Peress li l-Kummissjoni tqis li l-kooperazzjoni transfruntiera attwali bbażata fuq il-karta għandha bosta nuqqasijiet li għandhom impatt negattiv fuq l-effettività u l-ispejjeż tal-proċedimenti ġudizzjarji, huwa essenzjali li t-trażmissjoni elettronika ssir il-mezz awtomatiku għall-komunikazzjoni u l-iskambju ta’ dokumenti.
3.53Sistema tal-IT deċentralizzata tista’ titqies biex tiġbor flimkien is-sistemi nazzjonali sabiex id-dokumenti jkunu jistgħu jinqasmu b’mod elettroniku, b’mod aktar rapidu u b’mod aktar sigur. Għal dan il-għan, il-protezzjoni tad-data u l-privatezza għandhom jitqiesu meta jiġu trażmessi d-dokumenti u tinġabar l-evidenza.
3.54L-universalizzazzjoni tal-proċeduri elettroniċi, il-bidla għal komunikazzjonijiet diġitali bejn il-qrati u entitajiet u servizzi oħra, kif ukoll il-forniment ta' dokumenti proċedurali multimedjali mir-rappreżentanti legali huma miżuri essenzjali biex tinkiseb id-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja.
3.55Jenħtieġ ukoll li tinġibed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-ħtieġa li l-prattikanti legali jingħataw l-għodod li jippermettulhom jimplimentaw il-miżuri msemmija, permezz ta’ taħriġ diġitali u korsijiet ta’ speċjalizzazzjoni għall-użu ta’ ċerti applikazzjonijiet u pjattaformi elettroniċi, li neċessarjament se jinvolvu spejjeż.
3.56Madankollu, għandha ssir eċċezzjoni għall-Istati Membri soġġetti għal proċedimenti għall-ksur tad-drittijiet fundamentali jew għall-ksur tal-istat tad-dritt:
a)m’għandhomx jibbenefikaw minn finanzjament tal-UE; u
b)mhux l-informazzjoni kollha għandha tiġi kondiviża magħhom minħabba li l-qrati tagħhom, is-sistema ġudizzjarja tagħhom u l-awtoritajiet tal-pulizija tagħhom ma jistgħux jiġu fdati aktar.
3.57L-isforzi ta’ trasformazzjoni attwali jipprovdu bażi soda għall-mobilizzazzjoni akbar ta kapaċitajiet teknoloġiċi permezz ta’ teknoloġiji emerġenti biex tiġi stabbilita ekosistema ta’ ġustizzja mogħnija b’mezzi diġitali u ċċentrata fuq l-individwi.
3.58Il-KESE jistenna b’interess kbir modifika tal-leġiżlazzjoni li tippermetti t-tranżizzjoni mixtieqa tal-ġustizzja għall-era diġitali, u li tipprevedi b’mod partikolari l-aċċettazzjoni tal-identifikazzjoni elettronika għat-trażmissjoni diġitali ta’ dokumenti ġudizzjarji u l-ammissibbiltà ta’ dokumenti elettroniċi jew trażmessi b’mod elettroniku bħala evidenza fil-proċedimenti ġudizzjarji.
Brussell, 31 ta’ Marzu 2021
Alain COHEUR
Il-President tas-Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum
_____________