MT

SOC/667

Unjoni ta’ Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ għall-2020-2025

OPINJONI

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill,

lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni

Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ għall-2020-2025

[COM(2020) 698 - final]

Relatur: Ionut SIBIAN

Korelatur: Maria del Carmen BARRERA CHAMORRO

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 14/01/2021

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

16/04/2021

Adottata fil-plenarja

27/04/2021

Sessjoni plenarja Nru

560

Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet)

187/8/12

   



1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1Il-KESE jilqa' u jappoġġja l-kuraġġ tal-Kummissjoni Ewropea biex tadotta l-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ għall-2020-2025, li għandha l-għan li tnaqqas id-diskriminazzjoni u tiżgura s-sikurezza u d-drittijiet fundamentali tal-persuni LGTBI fl-Unjoni Ewropea kollha, permezz tal-adozzjoni ta' miżuri leġiżlattivi fil-livell Ewropew, iżda wkoll billi l-Istati Membri jiġu mħeġġa jfasslu u jimplimentaw il-pjani ta' azzjoni msemmija fl-istrateġija fil-livell nazzjonali.

1.2Il-KESE jemmen bis-sħiħ li sabiex tkun strateġija ta' suċċess, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi mekkaniżmu b'saħħtu għall-implimentazzjoni tagħha u tissorvelja l-applikazzjoni tagħha fuq bażi regolari, kemm b'mod trasversali kif ukoll vertikali. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha tiffaċilita djalogu wiesa' bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u internazzjonali, l-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u l-imsieħba soċjali.

1.3Il-KESE huwa konvint li sabiex tilħaq l-objettivi tagħha, l-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ trid tkun korrelatata ma' strateġiji Ewropej oħra sabiex ikun hemm perspettiva transsettorjali, pereżempju l-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Vittmi, l-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-Ġlieda kontra r-Razziżmu, l-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità, u l-Istrateġija dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

1.4Waħda mill-aktar kwistjonijiet urġenti rigward id-diskriminazzjoni kontra l-persuni LGBTIQ tikkonċerna d-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol u f'termini ta' aċċess għas-suq tax-xogħol. Għalhekk, id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fit-Trattament u l-Impjieg (2000/78/KE) trid tipproteġi wkoll lill-persuni transġeneru, mhux binarji, intersesswali u queer kontra d-diskriminazzjoni f'dawn l-oqsma. Barra minn hekk, il-KESE jilqa' x-xewqa tal-Kummissjoni li testendi l-applikabbiltà tad-Direttiva għal oqsma oħra minbarra l-impjieg, u jqisha bħala miżura effettiva biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni kontra l-persuni LGBTIQ.

1.5Sabiex tittejjeb l-impjegabbiltà tal-persuni LGTBIQ, huma meħtieġa politiki attivi dwar l-impjiegi u l-introduzzjoni tal-perspettiva tal-LGTBIQ fil-pjani dwar l-impjieg. Huwa essenzjali wkoll li jkun hemm Pjani għall-Ugwaljanza tal-LGTBIQ fil-kumpaniji, sabiex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni li jsofru minnha l-persuni LGTBIQ fuq ix-xogħol, u li dawn il-pjani jistabbilixxu miżuri, protokolli u għodod konkreti biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni.

1.6Sabiex il-persuni LGBTIQ ma jiffaċċjawx deprivazzjoni soċjoekonomika u rati għoljin ta’ faqar u esklużjoni soċjali, l-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa jipprovdu servizzi mediċi u soċjali, postijiet ta' kenn, programmi ta’ għajnuna u postijiet sikuri għall-persuni LGBTIQ li jisfaw vittmi ta' vjolenza domestika, reati ta' mibegħda u diskors ta' mibegħda, u għaż-żgħażagħ LGBTIQ li jitħallew mingħajr appoġġ mill-familja, eċċ.

1.7Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-hekk imsejħa prattiki ta’ konverżjoni għandhom jiġu pprojbiti mill-Istati Membri kollha tal-UE, peress li huma prattiki li jiksru d-drittijiet fundamentali u li ġew ikklassifikati bħala tortura. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tappoġġja lill-Istati Membri biex jipprojbixxu l-forom kollha ta’ prattiki dannużi, inklużi interventi medikament mhux meħtieġa fuq persuni intersesswali, u jirriformaw il-liġijiet legali tagħhom dwar il-ġeneri biex jiżguraw li jissodisfaw l-istandards tad-drittijiet tal-bniedem ta’ awtodeterminazzjoni.

1.8Il-KESE qed jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tipprovdi finanzjament għat-taħriġ ta' professjonisti li jinteraġixxu ma' persuni LGBTIQ, kif ukoll tħeġġeġ l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, huwa meħtieġ finanzjament Ewropew għat-taħriġ speċjalizzat tat-tobba, l-għalliema u professjonisti oħrajn sabiex wieħed jifhem aħjar iċ-ċirkostanzi u l-ħtiġijiet speċifiċi tal-persuni LGBTIQ. Barra minn hekk, il-proġett pilota EUHealth4LGBTIQ qed jipprovdi manwali ta’ taħriġ għall-fornituri tal-kura tas-saħħa u l-Kummissjoni Ewropea għandha tappoġġja lill-Istati Membri biex jiżguraw li dawn il-korsijiet ta’ taħriġ ikunu disponibbli fil-livell nazzjonali.

1.9Fir-rigward tal-finanzjament mill-baġit tal-UE għall-Istati Membri, fil-fehma tagħna, il-Kummissjoni Ewropea għandha timplimenta mekkaniżmu b'saħħtu għas-superviżjoni tal-użu ta' dawn il-fondi mill-Istati Membri f'konformità mal-prinċipju Ewropew tan-nondiskriminazzjoni msemmi fl-Artikolu 2 tat-TUE, kif ukoll b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Din is-sorveljanza trid titwettaq kemm ex ante, billi jitwettaq awditu tad-diversità, kif ukoll ex post, kif stabbilit fir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni għall-perjodu ta’ finanzjament 2021-2027.

1.10Il-Kummissjoni Ewropea għandha tassumi r-rwol ta' gwardjan tat-trattati tal-Unjoni Ewropea u żżid l-isforzi tagħha biex tiżgura l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE u tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fl-Istati Membri, speċjalment fir-rigward tad-Direttiva 2004/38/KE, kif ukoll il-leġiżlazzjoni dwar l-asil. Huwa importanti wkoll li, fil-kuntest tal-moviment liberu u tas-sitwazzjonijiet transfruntiera, jiġi adottat regolament inklużiv u mhux diskriminatorju ċar fil-livell Ewropew dwar il-kunċett ta' “familja”, inklużi familji qawsalla, kif ukoll dwar ir-rikonoxximent taċ-ċertifikati tat-twelid ta' persuni transġeneru fl-Istati Membri kollha, indipendentement minn proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji oħra.

1.11L-Unjoni Ewropea għandha tassumi r-rwol tagħha biex tgħin fl-avvanz tad-drittijiet tal-bniedem globalment, inklużi l-libertà u d-dinjità tal-persuni LGBTIQ. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, il-komunità Ewropea trid taħdem mal-istituzzjonijiet internazzjonali u reġjonali biex l-omosesswalità tiġi dekriminalizzata b'mod universali u biex id-dinjità u d-drittijiet fundamentali tal-persuni LGBTIQ jiġu rrispettati madwar id-dinja.

2.Kummenti ġenerali

2.1Il-KESE jqis li huwa essenzjali li kemm l-istituzzjonijiet Ewropej kif ukoll dawk nazzjonali jistabbilixxu politiki pubbliċi li jipproteġu lill-individwi LGBTIQ, sabiex il-valuri stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (CFD) kif ukoll fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), jiġifieri "id-dinjità tal-bniedem, (...), l-ugwaljanza, (...), ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi", jiġu rrispettati fl-Unjoni kollha 1 . Il-KESE jappoġġja r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew li tiddikjara lill-UE “Żona ta’ Libertà LGBTIQ”.

2.2Data 2 mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) turi li l-individwi LGBTIQ huma grupp vulnerabbli li jeħtieġ appoġġ kemm mill-istituzzjonijiet Ewropej kif ukoll mill-awtoritajiet nazzjonali fl-Istati Membri. Nemmnu li l-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ għall-2020-2025 hija l-ewwel pass fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali, tal-identità/l-espressjoni tal-ġeneru u tal-karatteristiċi sesswali, kif ukoll biex jiġi żgurat spazju sikur għall-komunità LGBTIQ madwar l-Unjoni Ewropea.

2.3Il-KESE jilqa' l-użu tad-dokument tal-Kummissjoni tal-intersezzjonalità bħala prinċipju trasversali: l-orjentazzjoni sesswali, l-identità/l-espressjoni tal-ġeneru u/jew il-karatteristiċi sesswali jitqiesu flimkien ma' karatteristiċi jew identitajiet personali oħra, bħas-sess, l-oriġini razzjali, l-etniċità, ir-reliġjon, il-fidi, id-diżabilità u l-età. Dan kollu jitpoġġa wkoll fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19, li affettwat b'mod sproporzjonat lil individwi LGBTIQ vulnerabbli.

2.4Madankollu, sabiex l-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ għall-2020-2025 tiġi implimentata b'mod effettiv u effiċjenti fl-Unjoni Ewropea kollha, il-Kummissjoni Ewropea għandha toħloq mekkaniżmu ta' operazzjonalizzazzjoni u monitoraġġ biex tissorvelja jekk l-istrateġija ġietx implimentata jew sa liema punt. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha tivverifika kull sena jekk l-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri implimentawx il-prijoritajiet ewlenin imsemmija fl-istrateġija u sa liema punt għamlu dan. Din l-evalwazzjoni għandha titwettaq f’konsultazzjoni mal-Istati Membri u mas-soċjetà ċivili organizzata.

3.Kummenti speċifiċi

3.1Diskriminazzjoni kontra individwi LGBTIQ

3.1.1Id-diskriminazzjoni taffettwa lill-persuni LGBTIQ f'kull stadju tal-ħajja. Minn età bikrija, it-tfal, iż-żgħażagħ u t-tfal minn familji LGBTIQ jew familji b'ġenituri tal-istess ġeneru, fejn wieħed mill-membri jkun LGBTIQ, ta' spiss jiġu stigmatizzati, u b'hekk jisfaw fil-mira ta' diskriminazzjoni u aggressjoni li jaffettwaw il-prestazzjoni edukattiva, il-prospetti tal-impjieg tagħhom, il-ħajja ta' kuljum tagħhom, kif ukoll il-benesseri tal-familja kollha. Għalhekk, huma meħtieġa aktar miżuri ta' protezzjoni tat-tfal u mizuri li jkunu aħjar, speċjalment fil-qasam tal-edukazzjoni, biex tinqered id-diskriminazzjoni li jġarrbu l-persuni LGTBI.

3.1.2Waħda mill-aktar kwistjonijiet urġenti rigward id-diskriminazzjoni kontra l-persuni LGBTIQ tikkonċerna d-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol 3 u f'termini ta' aċċess għas-suq tax-xogħol. Għalhekk, id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fit-Trattament u l-Impjieg trid tipproteġi wkoll lill-persuni transġeneru, u lil dawk mhux binarji, intersesswali u queer kontra d-diskriminazzjoni f'dawn l-oqsma. Barra minn hekk, il-KESE jilqa' x-xewqa tal-Kummissjoni li testendi l-applikabbiltà tad-Direttiva għal oqsma oħra minbarra l-impjieg u t-taħriġ vokazzjonali, u jqisha bħala miżura effettiva biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni kontra l-persuni LGBTIQ.

3.1.3Fir-rigward tad-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol, għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-persuni transġeneru minħabba l-isfidi soċjali li jiffaċċjaw (pereżempju: id-diskrepanza bejn is-sitwazzjoni fattwali u dik legali minħabba proċeduri diffiċli biex jinbidlu d-dokumenti tal-identità fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, in-nuqqas ta' proċeduri mediċi, il-preġudizzji li jiffaċċjaw, eċċ.). Dawn l-isfidi soċjali jistgħu jwasslu għal fastidju fuq il-post tax-xogħol, tkeċċija, u, b'mod ġenerali, bosta problemi mit-tfittxija tax-xogħol u lil hinn.

3.1.4Nenfasizzaw il-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea tistabbilixxi linji ta' azzjoni fir-rigward tal-politiki attivi dwar l-impjiegi, bil-għan li l-Istati Membri u l-awtoritajiet nazzjonali jiżviluppaw pjani nazzjonali dwar l-impjieg li jinkludu miżuri speċifiċi għall-persuni LGBTIQ u li jillimitaw l-effetti tan-nuqqas ta' aċċess għall-impjieg li jsofru minnhom strutturalment.

 

3.1.5Il-KESE jqis li huwa essenzjali li jiġu estiżi r-regolamenti Ewropej dwar it-trattament ugwali fl-impjieg, bil-għan li jiġu inkorporati l-persuni transesswali, kif ukoll il-persuni mhux binarji, intersesswali u queer, bil-għan li jiġu protetti l-persuni LGBTIQ kollha mid-diskriminazzjoni fl-impjieg abbażi tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità u l-espressjoni tal-ġeneru, u l-karatteristiċi sesswali.

3.1.6Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li testendi d-Direttiva dwar it-trattament ugwali għal oqsma oħra lil hinn mix-xogħol u t-taħriġ vokazzjonali. F'dan ir-rigward, inqisu li l-Kummissjoni għandha tiġi appoġġjata fit-talba tagħha lill-Kunsill biex jadotta l-proposta, sabiex jiġu eliminati d-diskrepanzi fil-protezzjoni mogħtija mid-dritt tal-Unjoni kontra d-diskriminazzjoni għal raġunijiet relatati mal-orjentazzjoni sesswali, iżda wkoll l-identità/l-espressjoni tal-ġeneru, il-karatteristiċi sesswali u l-grupp tal-familja.

3.1.7Il-KESE jappoġġja l-appell tal-Istituzzjonijiet Ewropej lill-Istati Membri biex jirratifikaw il-Konvenzjoni Nru 190 tal-ILO dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza u l-fastidju fid-dinja tax-xogħol, li tirreferi għal firxa ta' mġibiet u prattiki inaċċettabbli diretti lejn il-persuni minħabba s-sess jew il-ġeneru tagħhom u li tagħti gwida lill-gvernijiet u l-imsieħba soċjali dwar kif għandhom jiġu identifikati għodod għall-prevenzjoni u jindirizzaw dawn it-tipi ta’ diskriminazzjoni. In-negozjar kollettiv fil-livelli kollha u l-ftehimiet kollettivi jistgħu jgħinu biex jiġu stabbiliti miżuri mmirati għall-post tax-xogħol, u bl-implimentazzjoni tal-ftehim awtonomu ffirmat mill-imsieħba soċjali Ewropej kontra l-vjolenza fuq il-post tax-xogħol.

3.1.8Minħabba d-diskriminazzjoni kontra l-individwi LGBTIQ fl-istess spazju fejn suppost iħossuhom l-aktar sikuri, jiġifieri fl-ambjent tal-familja, ħafna persuni li jappartjenu għall-komunità LGBTIQ, speċjalment iż-żgħażagħ, jispiċċaw bla dar. F'ħafna Stati Membri hemm nuqqas ta' kapaċità fost l-awtoritajiet biex jipprovdu servizzi soċjali u mediċi sabiex jiġu appoġġjati dawn in-nies. Għalhekk, huwa essenzjali li l-individwi LGBTIQ jibbenefikaw minn postijiet ta' kenn sikuri u servizzi mediċi sabiex ikunu jistgħu jintegraw fis-soċjetà u jkunu jistgħu jsibu impjieg stabbli u sikur.

3.1.9Minbarra l-proposti tal-Kummissjoni biex tiġi riformata s-sistema komuni Ewropea tal-asil, huwa essenzjali li l-Unjoni Ewropea tipprovdi fondi għall-imħallfin, il-prosekuturi u l-gwardji tal-fruntieri, professjonisti li jaħdmu fis-servizzi tal-immigrazzjoni u interpreti, sabiex jirċievu taħriġ biex jifhmu l-ħtiġijiet speċifiċi ta' applikanti vulnerabbli għall-protezzjoni internazzjonali, inklużi individwi LGBTIQ.

3.1.10F'dan ir-rigward, il-KESE jqis li huwa essenzjali li tiġi limitata l-applikazzjoni tal-politiki dwar ir-ritorn tal-migranti fil-fruntieri tal-UE, filwaqt li jitqies il-fatt li ħafna minn dawn il-persuni qed jaħarbu mill-persekuzzjoni fil-pajjiżi ta' oriġini tagħhom għal raġunijiet ta' orjentazzjoni sesswali, l-identità/il-ġeneru espress u l-karatteristiċi sesswali. Il-fatt li dawn jiġu ritornati mingħajr ma tingħatalhom l-opportunità li jitolbu protezzjoni internazzjonali jikser l-aktar drittijiet fundamentali tal-bniedem, it-trattati internazzjonali u, f'xi każijiet, il-liġijiet nazzjonali dwar il-protezzjoni internazzjonali.

3.1.11Fil-fehma tagħna, il-Kummissjoni għandha tqis li tirrikonoxxi d-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-ġeneru għall-persuni transesswali, u b'hekk tikkonforma mal-ogħla standards internazzjonali tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u tippromovi r-rikonoxximent tagħhom fl-Istati Membri u mill-awtoritajiet nazzjonali, sabiex il-persuni transesswali jkunu jistgħu jaraw l-identità tagħhom rikonoxxuta mingħajr il-ħtieġa li parti terza jkollha tagħti prova ta' dan.

3.1.12Il-Kummissjoni Ewropea għandha timmonitorja l-aċċess għall-kopertura tal-kura tas-saħħa għal trattament li jafferma l-ġeneru għal persuni transġeneru u timpenja ruħha mal-Istati Membri biex tagħmel użu sħiħ mill-possibbiltajiet tal-qafas tal-kura tas-saħħa transkonfinali tal-UE biex tindirizza kwalunkwe nuqqas nazzjonali.

3.1.13Il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw strateġiji fil-livell nazzjonali għas-sorveljanza, il-kontroll u l-prevenzjoni ta' mard trażmess sesswalment. Huwa essenzjali wkoll li f'dan il-qasam tingħata prijorità lill-fondi għall-professjonisti tas-saħħa u biex jipparteċipaw fit-taħriġ f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u l-11-il edizzjoni tal-Klassifikazzjoni Statistika Internazzjonali tal-Mard u Problemi Relatati tas-Saħħa (ICD-11). Barra minn hekk, huwa essenzjali li l-Istati Membri jħeġġu l-iskambju ta' esperjenza u prattiki fost professjonisti speċjalizzati fil-kura tas-saħħa ta' Stati Membri differenti.

3.1.14L-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa jipprojbixxu t-"terapija ta' konverżjoni" madwar l-UE, prattika degradanti b'bosta riperkussjonijiet fuq is-saħħa fiżika u mentali tal-individwi LGBTIQ. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa jadottaw miżuri leġiżlattivi li jipprojbixxu l-"mutilazzjoni intersesswali". Dan jiżgura li l-persuni intersesswali jkollhom id-dritt li jiddeċiedu huma stess jekk jixtiqux jgħaddu minn proċeduri mediċi għall-assenjazzjoni ta' ġeneru partikolari jew le, u deroga minn din ir-regola tkun permessa biss fil-kuntest ta' ħtiġijiet mediċi urġenti fejn il-ħajja tal-persuna intersesswali tkun fil-periklu.

3.1.15Il-programmi ta' finanzjament tal-Unjoni Ewropea għandhom ikunu marbuta mill-qrib u jkunu kondizzjonali fir-rigward tal-valuri tal-UE promossi fl-Artikolu 2 tat-TUE. Barra minn hekk, għal proġetti kbar, l-Istati Membri għandhom jintalbu jwettqu valutazzjoni tal-impatt fuq il-gruppi vulnerabbli, inklużi l-individwi LGBTIQ, għal proġetti ffinanzjati minn fondi tal-UE. Għalhekk, fil-livell tal-Istati Membri għandu jkun hemm awditu tad-diversità għall-finanzjament tal-UE, li jitwettaq minn kummissjoni indipendenti magħmula minn awtoritajiet pubbliċi nazzjonali lokali jew ċentrali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili 4 .

3.1.16Għat-taħriġ ta' esperti li jintalbu jwettqu dan l-awditu tad-diversità fil-qafas tal-programmi ta' finanzjament tal-UE, għandu jiġi introdott programm ta' taħriġ żviluppat fil-livell Ewropew biex jiġu żviluppati l-ħiliet u l-Istati Membri jiġu mħeġġa jiskambjaw prattiki tajba dwar l-impatt tal-programmi ta' finanzjament tal-UE fuq il-gruppi vulnerabbli, inkluża l-komunità LGBTIQ. Sabiex din il-miżura tiġi implimentata madwar l-UE, jeħtieġ li jiġi stabbilit mekkaniżmu superviżorju fil-livell tal-Kummissjoni Ewropea.

3.1.17L-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa jimplimentaw kampanji u programmi nazzjonali ta’ edukazzjoni u sensibilizzazzjoni biex titnaqqas u tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni kontra persuni b’orjentazzjoni sesswali u identità tal-ġeneru differenti. F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiżguraw li l-kurrikuli tal-iskola nazzjonali obbligatorji jinkorporaw informazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-espressjoni, bil-ħsieb li jiġu evitati d-diskriminazzjoni, il-preġudizzji u l-isterjotipi. Barra minn hekk, l-iskejjel primarji u sekondarji għandhom jipprovdu edukazzjoni sesswali komprensiva fejn it-tfal u l-adolexxenti jiksbu l-għarfien u l-ħiliet biex jgħixu ħajja aktar f’saħħitha u jinvolvu ruħhom f’relazzjonijiet ugwali.

3.2Niżguraw is-sikurezza tal-individwi LGBTIQ

3.2.1Nafu li f'diversi Stati Membri saru referenda biex jiġu emendati l-kostituzzjonijiet nazzjonali, bil-għan li jiġu ristretti d-drittijiet tal-individwi LGBTIQ jew li din il-kategorija ta' persuni tiġi stigmatizzata fost il-pubbliku ġenerali. Minħabba li l-informazzjoni tiċċirkola f'żona transfruntiera madwar l-Unjoni Ewropea, jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw it-trasparenza tal-finanzjament pubbliku għall-atturi kollha involuti f'tali referenda.

3.2.2Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva biex tiġi estiża l-lista ta' “reati tal-UE” skont l-Artikolu 83(1) tat-TFUE b'tali mod li tkopri r-reati ta' mibegħda u d-diskors ta' mibegħda, inkluż meta dawn ikunu indirizzati lill-persuni LGBTIQ. Għalhekk huwa neċessarju li l-Kummissjoni tadotta miżuri ta' informazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni dwar din il-kwistjoni fil-livell Ewropew. Il-Kummissjoni għandha tniedi kampanja ta' komunikazzjoni bil-għan li tegħleb din it-tendenza u l-imġibiet assoċjati, u tippromovi l-ugwaljanza taċ-ċittadini kollha tagħha. Aħna nipproponu li din il-kampanja titnieda fil-livell Ewropew u li tindirizza l-problemi esperjenzati f'kull Stat Membru fil-livell lokali. Dawn l-inizjattivi għandhom jiġu inklużi fil-qafas tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għad-Demokrazija. Barra minn hekk, il-pajjiżi Ewropej kollha ħadu l-impenn li jiġbru data għall-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) dwar reati ta’ mibegħda, li tista’ tintuża f’dan il-kuntest.

3.2.3Il-Kummissjoni Ewropea, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha tadotta wkoll għadd ta' miżuri biex jiġu miġġielda l-aħbarijiet foloz u l-miżinformazzjoni, kif ukoll id-diskors ta' mibegħda, kemm online kif ukoll offline. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa mekkaniżmu biex tissorvelja l-implimentazzjoni adatta tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (DSMIV) fil-livell tal-Istati Membri, iżda tadotta wkoll qafas leġiżlattiv Ewropew biex l-aħbarijiet foloz u l-miżinformazzjoni jiġu miġġielda b'mod aktar faċli.

3.2.4Sabiex jiġi miġġieled id-diskors ta' mibegħda fl-ambjent online, inqisu li huma inkoraġġanti ħafna l-azzjonijiet tal-Kummissjoni biex tippromovi u timplimenta l-"Kodiċi ta' Kondotta dwar il-ġlieda kontra d-diskors illegali ta' mibegħda online", iffirmat minn Facebook, Microsoft, Twitter u YouTube. Dan it-tip ta' għodda – kodiċi ta' kondotta għall-ġlieda kontra d-diskors ta' mibegħda – għandha tiġi implimentata bħala rakkomandazzjoni fil-livell tal-Istati Membri, kemm fl-ispazju online kif ukoll f'dak awdjoviżiv, sabiex jinħoloq spazju sikur għall-individwi LGBTIQ, kif ukoll għal gruppi vulnerabbli oħra li jistgħu faċilment jiġu soġġetti għal fastidju jew diskors ta' mibegħda online 5 .

3.2.5L-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTI għall-2020-2025 għandha tkun marbuta mal-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Vittmi 2020-2025 sabiex il-persuni li jappartjenu għal minoranzi sesswali jkunu kunfidenti jirrapportaw ir-reati ta' mibegħda li jitwettqu fil-konfront tagħhom. Għalhekk, jeħtieġ li jiġi żgurat taħriġ professjonali kontinwu għall-uffiċjali tal-pulizija, l-avukati u l-maġistrati fl-oqsma tar-reati ta' mibegħda, preġudizzji u stereotipi, u hija essenzjali l-kooperazzjoni mal-NGOs li jipprovdu appoġġ lill-individwi LGBTIQ f'dan il-qasam.

3.2.6Il-pandemija tal-COVID-19 uriet li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri mhumiex mgħammra biżżejjed biex jipprovdu kenn ta' emerġenza jew għal żmien qasir lill-individwi LGBTIQ li huma jew vittmi ta' vjolenza domestika, speċjalment il-persuni transġeneru, jew li qed jiġu attakkati mill-familji tagħhom stess. Għalhekk, il-bini ta' postijiet ta' kenn, djar sikuri u ċentri ta' assistenza u l-għoti ta' servizzi ta' assistenza integrati jirrikjedu l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, u l-finanzjament tal-UE.

3.3Nibnu soċjetajiet inklużivi għall-individwi LGBTIQ

3.3.1Il-Kummissjoni Ewropea għandha tassumi r-rwol ta' gwardjan tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, kif jirriżulta mill-atti regolatorji Ewropej u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) għall-applikazzjoni korretta u uniformi tad-dritt Ewropew fl-Istati Membri kollha. Għandha żżid l-isforzi u tiżviluppa mekkaniżmi estensivi biex tissorvelja l-applikabbiltà tad-dritt u d-deċiżjonijiet Ewropej tal-QĠUE fil-qafas tad-dritt nazzjonali u fil-prattiki tal-awtoritajiet nazzjonali.

3.3.2Fir-rigward tad-dritt għall-moviment liberu, wieħed mill-pilastri tad-dritt Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea għandha tiżviluppa mekkaniżmu ta' monitoraġġ biex tiżgura li d-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 2004/38/KE, b'mod partikolari d-dritt li wieħed jiċċaqlaq u jgħix b'mod liberu, jiġu rikonoxxuti għaċ-ċittadini Ewropej kollha u l-familji tagħhom, inklużi l-familji b'ġenituri li huma persuni LGBTIQ madwar l-Unjoni.

3.3.3Sabiex il-persuni LGBTIQ kollha jgawdu d-dritt għall-moviment liberu fl-Unjoni Ewropea kollha, nistiednu lill-Kummissjoni Ewropea, minn naħa waħda, biex tiżviluppa qafas regolatorju li permezz tiegħu l-kunċett ta' "familja" jkun wieħed awtonomu, indipendenti mid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri, speċjalment f'sitwazzjonijiet transfruntiera, u, min-naħa l-oħra, biex jiġi żgurat li ċ-ċertifikati tat-twelid skambjati skont proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja jiġu rikonoxxuti fl-Istati Membri kollha, fil-kuntest tal-moviment liberu. Il-Kummissjoni Ewropea għandha timpenja ruħha mal-Istati Membri fir-rigward tal-iffaċilitar tar-reġistrazzjoni ta’ parentela għall-ġenituri transġeneru skont l-identità tal-ġeneru tagħhom rikonoxxuta legalment, bil-ħsieb li dawn il-familji jiġu protetti kontra l-iżvelar mhux mixtieq tal-preferenza sesswali (outing), id-diskriminazzjoni u l-vjolenza.

3.4Nippromovu t-talba għall-ugwaljanza tal-LGBTIQ madwar id-dinja

3.4.1L-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jassumu r-rwol ta' garanti u protetturi tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem kemm fl-azzjonijiet interni kif ukoll dawk esterni tagħhom. Sabiex dan iseħħ, jeħtieġ li ssir ħidma ma' istituzzjonijiet reġjonali u internazzjonali oħra, bħall-Kunsill tal-Ewropa u n-Nazzjonijiet Uniti, biex l-individwi LGBTIQ u dawk li jiddefendu d-drittijeit tal-bniedem jiġu żgurati s-sikurezza u l-ugwaljanza li jixirqilhom. Huwa importanti wkoll li, minbarra miżuri ta' appoġġ għall-ġlieda kontra l-vjolenza, il-mibegħda u d-diskriminazzjoni kontra l-individwi LGBTIQ permezz tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) f'pajjiżi kandidati jew kandidati potenzjali, l-istituzzjonijiet Ewropej jintroduċu dawn il-kriterji fl-azzjonijiet esterni tagħhom, fil-qasam tal-finanzjament għal pajjiżi mhux tal-UE.

Brussell, 27 ta’ April 2021

Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

_____________

(1)      L-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
(2)       https://fra.europa.eu/sites/default/files/fra_uploads/fra-2020-lgbti-equality-1_en.pdf .
(3)      Fuq il-post tax-xogħol, l-individwi LGBTIQ ikomplu jesperjenzaw diskriminazzjoni matul ir-reklutaġġ, fuq ix-xogħol u fi tmiem il-karrieri tagħhom, għall-kuntrarju tal-leġiżlazzjoni ċara tal-UE f'dan il-qasam. Ħafna individwi LGBTIQ jiffaċċjaw diversi ostakli biex isibu impjiegi ġusti u stabbli, li għandu l-effett li jżid ir-riskju tal-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-problema ta' persuni mingħajr dar.
(4)      Sabiex tiġi implimentata din il-miżura, jeħtieġ li jiġi ffurmat korp ta' esperti biex jivvaluta sa liema punt il-proġetti implimentati mill-Istati Membri jgħinu lill-gruppi vulnerabbli, inkluża l-komunità LGBTIQ, u biex jevalwa l-analiżi li tkun saret kemm ex ante kif ukoll ex post dwar l-implimentazzjoni ta' proġetti ffinanzjati minn fondi Ewropej, abbażi ta' tabella ta' evalwazzjoni stabbilita fil-livell Ewropew.
(5)      Il-kodiċijiet ta' kondotta għandhom ikunu ispirati mill-valuri tal-UE dwar l-ugwaljanza, id-drittijiet tal-bniedem, id-diversità, kif ukoll il-libertà tal-espressjoni, u joħolqu grupp ta' esperti biex jimmonitorjaw l-implimentazzjoni u l-operazzjonalizzazzjoni ta' din l-għodda ta' ħidma, iżda wkoll bl-involviment ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li l-isfera ta' attività tagħhom qed tiddefendi d-drittijiet tal-bniedem u l-gruppi vulnerabbli.