MT

INT/909

It-turiżmu u t-trasport fl-2020 u lil hinn

OPINJONI

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum


Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni -
It-turiżmu u t-trasport fl-2020 u lil hinn

[COM(2020) 550 final]

Amministratur

Silvia STAFFA

Data tad-dokument

08/09/2020

Relatur: Panagiotis GKOFAS

Konsultazzjoni

Kummissjoni, 17/06/2020

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottat fis-sezzjoni

04/09/2020

Adottat fil-plenarja

DD/MM/YYYY

Sessjoni plenarja Nru

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

…/…/…



1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1Il-KESE jemmen li din il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, COM(2020) 550, għandha tkun għodda politika strateġika biex jitqies mill-ġdid il-mudell sostenibbli tal-UE tat-turiżmu u t-trasport. Il-KESE jitlob li jiġi stabbilit pakkett komprensiv ta' miżuri, b'linji gwida u rakkomandazzjonijiet immirati lejn:

1)ir-restawr sikur tal-moviment liberu mingħajr restrizzjonijiet, il-ftuħ mill-ġdid koordinat tal-fruntieri interni u t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni;

2)ir-restawr sikur tat-trasport u l-konnettività wara l-adozzjoni ta' ftehim ta' qafas politiku komuni għall-Istati Membri kollha tal-UE;

-il-kontinwazzjoni sikura tal-provvista ta' servizzi fil-qasam tat-turiżmu tal-ikel u l-ospitalità;

-l-għan li jintlaħaq bilanċ permezz ta' ftehim bejn l-Istati Membri tal-UE dwar il-ġestjoni sikura u komuni tad-deċiżjonijiet u l-politiki dwar il-fruntieri u t-trasport. Sakemm jibqgħu jsiru kontrolli tal-COVID-19, irid ikun hemm biżżejjed persunal biex jimmaniġġja t-tranżitu immedjat u rapidu tal-persuni;

-il-finanzjament tat-taħriġ tal-ħaddiema fil-lukandi, fir-ristoranti, fl-istabbilimenti tal-catering, fil-mużewijiet, eċċ., sabiex huma jkunu jistgħu jimplimentaw kif xieraq il-miżuri tat-tbegħid soċjali;

3)l-iżgurar li s-saħħa u s-sigurtà jkunu prijorità ewlenija fi kwalunkwe kuntest, vjaġġar jew mod ieħor, peress li dan huwa l-uniku mod biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja fil-moviment tal-persuni;

4)it-twaqqif ta' pjan strateġiku komuni tal-UE biex jgħin lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri ekonomiċi u ta' appoġġ għall-SMEs tat-turiżmu, ir-ristoranti, il-lukandi, l-aġenziji tal-ivvjaġġar, il-gwidi tat-turisti, eċċ.;

-l-indirizzar tan-nuqqas ta' likwidità, b'finanzjament dirett għall-mikrointrapriżi b'mod partikolari, u l-kisba mill-ġdid tal-fiduċja fin-negozju kif ukoll arranġamenti għal vawċers tal-ivvjaġġar;

-aċċess immedjat għas-self u l-approvazzjoni tiegħu għall-Istati Membri kollha taħt is-superviżjoni tal-BĊE u l-UE;

-it-twaqqif ta' mekkaniżmu Ewropew għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' miżuri ta' appoġġ għall-SMEs u għall-ħaddiema, b'mod partikolari l-likwidità, is-self u t-trasparenza fil-miżuri ta' appoġġ;

5)it-tisħiħ u l-estensjoni tal-programm SURE li jkopri l-qgħad tal-ħaddiema u l-kumpens tal-pagi tal-SMEs; l-SMEs għandhom ikunu eżentati milli jħallsu parti mill-pagi tagħhom u għandu jkollhom l-obbligu li jintegraw lill-ħaddiema permezz ta’ skemi nazzjonali appoġġjati minn SURE;

6)l-organizzazzjonijiet tal-SMEs għandhom jiġu kkonsultati b’mod xieraq mill-istituzzjonijiet Ewropej u nazzjonali kompetenti biex jużaw il-programm SURE;

7)il-programm SURE għandu jkopri bis-sħiħ il-pagi u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-ħaddiema fis-settur tat-turiżmu u tat-trasport li tilfu l-impjieg tagħhom minħabba l-pandemija, pereżempju fil-catering, fil-lukandi, fil-linji tal-ajru, fil-bastimenti tal-kruċiera, fix-xarabanks tat-turisti, fl-ajruporti, fit-terminals tal-portijiet u l-gwidi turistiċi sa mill-inqas 31/12/2020;

8)miżuri ta' ħelsien mit-taxxa għall-operaturi kollha tat-turiżmu b'moratorju fuq l-obbligi tat-taxxa. Madankollu, miżuri bħal dawn għandhom ikunu soġġetti għall-kundizzjoni ta’ salvagwardja tad-drittijiet tal-ħaddiema u garanziji li ma jingħatawx sensji. Barra dan, kull appoġġ finanzjarju bħal għajnuna mill-Istat, self jew eżenzjonijiet mit-taxxa għandhom jingħataw biss lin-negozji li:

-jissalvagwardjaw l-impjieg / joħloqu impjiegi deċenti, jirrispettaw id-drittijiet tal-ħaddiema,

-mhumiex irreġistrati f’rifuġji fiskali u dejjem ħallsu s-sehem ġust tagħhom ta’ taxxi u kontribuzzjonijiet soċjali;

9)ir-regolazzjoni tal-ekonomija kollaborattiva fit-turiżmu u speċjalment fis-settur tal-gwida tat-turisti. Il-gvernijiet tal-Istati Membri għandhom jiġu mistiedna jirregolaw l-ekonomija kollaborattiva fis-settur tal-gwida tat-turisti u japplikaw miżuri leġislattivi u amministrattivi mfassla biex jiżguraw kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni;

10)il-programmi kollha ta' appoġġ għall-politika tal-likwidità, monetarja u fiskali għal-lukandi, ir-ristoranti, il-gwidi turistiċi, ix-xarabanks, l-aġenti tal-ivvjaġġar, eċċ. u għall-persuni li jaħdmu għal rashom għandhom jitkomplew għal mill-inqas 10 xhur wara li l-ħajja terġa' lura għan-normal skont id-WTTC (il-Kunsill Dinji tal-Ivvjaġġar u t-Turiżmu).

1.2Peress li l-politika monetarja u fiskali tal-Grupp tal-Euro/EUCO/BĊE ma tiġix trażmessa b'mod simmetriku lill-Istati Membri kollha, speċjalment lil dawk l-aktar vulnerabbli u l-aktar milquta, il-Kummissjoni għandha ssaħħaħ ir-rwol tagħha bħala gwardjan tat-Trattati u tissalvagwardja l-irkupru simmetriku tas-suq uniku b'żewġ modi:

a)toħroġ linji gwida lill-gvernijiet u lill-banek dwar kif għandhom jappoġġjaw lis-setturi tat-turiżmu u tal-ospitalità u kif jipprovdu assistenza xierqa (eż. permezz ta' task force konġunta għal kull stat, magħmula minn uffiċjali tal-Kummissjoni u tal-KESE) u

b)tinforza l-implimentazzjoni xierqa tal-politika approvata mill-EUCO ( permezz ta' politika ta' "semmi u mmalafama". Il-Kummissjoni jeħtieġ li tenfasizza u tidentifika prattiki bankarji dubjużi jew għażliet governattivi upstream mir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż (CSRs), u dan, kemm barra kif ukoll b'mod proċikliku fir-rigward tas-Semestru Ekonomiku Ewropew;

c)biex tiġi evitata mġiba predatorja hemm il-ħtieġa urġenti ta’ “ftehim bejn ġentlomi” dwar il-linji tal-ajru b’senserija u mmonitorjati mill-Kummissjoni Ewropea, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, l-imsieħba ekonomiċi u soċjali rappreżentattivi u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-konsumaturi u l-passiġġieri.

1.3Hemm bżonn urġenti ta’ djalogu soċjali intensiv u aġenda ta’ politika sostanzjali biex jiġu negozjati ftehimiet kollettivi settorjali aġġornati għas-setturi tat-turiżmu u tat-trasport li jinkludu lill-SMEs u lill-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-SMEs l-aktar affettwati mill-COVID-19.

2.Kummenti ġenerali

2.1It-tifqigħa tal-COVID-19 ipparalizzat l-industrija tat-turiżmu, il-vjaġġaturi spiċċaw jippruvaw jmorru lura pajjiżhom u l-ekonomiji li jiddependu ħafna fuq it-turiżmu ħadu daqqa ta' ħarta.

2.2Is-settur tat-turiżmu tal-UE jimpjega madwar 22,6 miljun ruħ 1 . Dan jirrappreżenta 11,2 % tal-impjiegi totali fl-UE, ikkontribwixxa 9,5 % tal-PDG tal-UE fl-2019, kien hemm 600 154 stabbiliment turistiku fl-UE-27 fl-2018, u d-domanda għal iljieli fl-akkomodazzjoni turistika hija ta' madwar 1 326 049 994 lejl. Għal ħafna Stati Membri, reġjuni u bliet Ewropej, it-turiżmu jagħti kontribut importani lin-nisġa ekonomika u soċjali. Barra minn hekk, huwa jipprovdi impjiegi u introjtu li huma tant meħtieġa, ħafna drabi kkonċentrati f'żoni li ma jkollhomx sorsi alternattivi ta' impjieg u li jinvolvu ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet 2 .

2.3L-industrija tat-turiżmu tal-UE, li timpjega madwar 13-il miljun ruħ 3 , hija stmata li qed titlef madwar EUR 1 biljun fi dħul fix-xahar bħala riżultat tat-tifqigħa tal-COVID-19.

2.4F'ħafna destinazzjonijiet turistiċi popolari oħra, il-lukandi ġew abbandunati u r-ristoranti, il-bars, l-attrazzjonijiet turistiċi, il-mużewijiet u ċ-ċentri ngħalqu. Is-sitwazzjoni hija partikolarment diffiċli f'diversi pajjiżi tal-UE li huma destinazzjonijiet turistiċi ewlenin, bħall-Italja, il-Greċja, il-Portugall, Malta, Ċipru, Spanja u Franza. L-Italja tista' titlef madwar 60 % tat-turisti tagħha din is-sena. Id-WTTC (Kunsill tal-Ivvjaġġar u t-Turiżmu Dinji) ibassar li fl-2020, is-suq tal-ivvjaġġar u tat-turiżmu jista' jitlef 75 miljun impjieg madwar id-dinja u 6.4 miljun impjieg fl-UE 4 .

2.5L-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru (IATA) tgħid li l-ivvjaġġar bl-ajru globali jista' jitlef aktar minn USD 252 biljun (EUR 228 biljun) fl-2020. Żewġ miljun titjira tal-passiġġieri ġew ikkanċellati sat-30 ta' Ġunju. Fi Franza, ir-rata ta' okkupanza fil-lukandi kienet ta' 3,3 % fis-17 ta' Marzu (meta mqabbla ma' 65,3 % fis-26 ta' Frar). Sat-30 ta' Mejju, ir-ristoranti u l-bars kienu għalqu fi kważi l-Istati Membri kollha tal-UE, minbarra fl-Iżvezja. Il-lukandi, ir-ristoranti u l-bars kellhom ikeċċu eluf ta' ħaddiema b'mod permanenti jew temporanju. Fl-eqqel tal-kriżi, is-settur ferrovjarju Ewropew tilef 90 % tal-passiġġieri u għadu qed jopera b’kapaċità baxxa.

2.6L-ekosistema Ewropea tat-turiżmu tkopri firxa ta' attivitajiet bħall-ivvjaġġar, it-trasport, l-akkomodazzjoni, l-ikel, ir-rikreazzjoni fuq l-art u fuq l-ilma, il-kultura u n-natura. Direttament u indirettament, din tikkontribwixxi għal kważi 10 % tal-PDG tal-UE u wasslet biex l-UE ssir d-destinazzjoni ewlenija tat-turiżmu fid-dinja, b'563 miljun wasla internazzjonali u bi 30 % tad-dħul globali fl-2018 (sors: KE). Bi 30 % tal-wasliet internazzjonali fl-2018, l-UE hija d-destinazzjoni turistika ewlenija fid-dinja (sors: KE). Il-kompożizzjoni ta' dawn il-flussi internazzjonali tista' tintuża biex jitfasslu strateġija u aġenda xierqa tal-UE għall-perjodu ta' żmien qasir, medju u twil.

3.PILASTRU I: Is-sostenibbiltà tat-turiżmu u t-trasport

3.1Il-KESE jemmen li din il-Komunikazzjoni għandha tkun l-ewwel pass fil-ġenerazzjoni li jmiss ta' politiki u programmi sostenibbli tat-turiżmu tal-UE. Din għandha tgħaqqad flimkien il-ħtiġijiet u s-sitwazzjonijiet tal-SMEs u l-ħaddiema bil-għan li terġa' tinkiseb il-fiduċja pubblika bħala turisti u konsumaturi. Din għandha tiddefendi d-drittijiet u l-istandards tas-saħħa u s-sikurezza u tiżgura s-sostenibbiltà u l-likwidità tan-negozji fil-kuntest ta' strateġija Ewropea mġedda għall-SMEs għall-2030, skont il-prinċipji tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar.

3.2Il-KESE ma jqisx li huwa realistiku li sempliċement jiġi adottat approċċ ta' lura għan-normal biex tiġi indirizzata l-aktar kriżi serja li qatt laqtet lis-setturi tat-turiżmu u tat-trasport tal-UE. Il-KESE jitlob reviżjoni sħiħa ta' dawn il-politiki bil-għan li jerġgħu jinkisbu l-fiduċja u l-istabbiltà tal-intrapriżi u l-ħaddiema, permezz tal-adozzjoni tal-ġenerazzjoni li jmiss ta' patt ta' solidarjetà tal-UE għal turiżmu sostenibbli sal-2030.

3.3Il-KESE huwa tal-fehma li issa għandna l-opportunità biex niżguraw irkupru ġust u nerġgħu nibnu l-ekonomiji tagħna malajr sabiex nagħmluhom aktar ekoloġiċi, ġusti u aktar reżiljenti għal ħasdiet futuri. Il-kontribut tal-pjan ta' integrazzjoni tal-UE għall-mudell Ewropew għal turiżmu sostenibbli u għall-iżvilupp tat-trasport jeħtieġ li jiġi rivedut, filwaqt li tiġi evitata kwalunkwe miżura li toħloq riskju ta' aktar frammentazzjoni u kundizzjonijiet/prattiki inġusti fis-suq intern.

3.4Fis-settur tat-turiżmu, rikostruzzjoni ġusta u sostenibbli titlob:

1)li jiġu meqjusa l-miri Ewropej tal-2050 dwar in-newtralità tal-karbonju f'konformità mal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi (Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2019).

2)Sabiex jgħin biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, il-KESE jqis li l-ewwel nett għandha tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-mezzi tat-trasport billi tiġi mħeġġa mobbiltà bil-mod u mingħajr tniġġis bħaċ-ċikliżmu u t-trasport ferrovjarju.

3)Fir-rigward tal-akkomodazzjoni turistika, il-KESE jirrakkomanda li tiġi mħeġġa r-rinnovazzjoni u li l-Ekotikketta tal-UE għandha tintuża għal tali akkomodazzjoni. Dawn il-faċilitajiet għandhom jiġu mħeġġa biex juru l-konsum tal-enerġija u l-impatt tal-karbonju tagħhom.

4)Sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 fit-turiżmu, il-KESE jħeġġeġ bil-qawwa l-użu ta' prodotti tal-ikel lokali u oġġetti tal-konsum oħra li jistgħu jiġu riċiklati.

3.5L-operaturi responsabbli tat-turiżmu għandhom jieħdu impenn li juru l-marka tal-karbonju tal-vaganza u tal-attivitajiet li joffru.

3.6Il-KESE jemmen li t-turiżmu ġust huwa bbażat fuq negozju soċjalment responsabbli li jipprovdi impjiegi ta' kwalità tajba. Dan jeħtieġ l-iżvilupp ta' turiżmu mhux staġjonali li jista' jiggarantixxi impjiegi sostenibbli. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni Ewropea għandha tappoġġja inizjattivi u proġetti li jissodisfaw dawn il-kriterji. Għandhom jitwettqu studji Ewropej dwar l-ispejjeż soċjali u ambjentali tat-turiżmu mhux sostenibbli.

3.7Il-KESE jemmen li taħt sistema tal-VAT tal-UE armonizzata, għandha tiġi applikata VAT imnaqqsa għall-lukandi, ir-ristoranti, is-servizzi tal-ivvjaġġar, ix-xarabanks, il-gwidi turistiċi, eċċ.

3.8In-negozju tal-kowċijiet, li huwa magħmul minn ħafna kumpaniji SME, intlaqat ħażin ħafna mill-pandemija. Ħafna mid-dħul tal-kumpaniji tal-kowċijiet niżel għal 0-10 % taċ-ċifra għall-istess perjodu tas-sena l-oħra. L-UE issa għandha l-opportunità li tgħin lil dan is-settur billi taġixxi fuq il-proposti li għamlet, inkluż il-leġislazzjoni armonizzata għal żoni b’emissjonijiet baxxi fl-UE u punt uniku ta’ servizz għar-rifużjonijiet tal-VAT.

3.9F’dan il-kuntest, hemm bżonn li tittieħed azzjoni biex tgħin lit-turiżmu internazzjonali, kontinentali u nazzjonali jerġa’ jqum fuq saqajh għall-benefiċċju ta’ setturi wesgħin tal-ekonomija tal-UE. Il-ferroviji jistgħu jgħinu fl-iżvilupp ta’ destinazzjonijiet turistiċi li mhumiex servuti tajjeb mill-avjazzjoni, jiftħu rotot ġodda u jrawmu katini ta’ valur ġodda. Għal-linji ferrovjarji Ewropej din hija opportunità biex tiġi sodisfatta d-domanda dejjem tikber ta’ turisti konxji mill-klima fis-suq. Is-Sena tal-Ferroviji għandha tkun opportunità biex jiżdied l-għarfien pubbliku dwar it-turiżmu sostenibbli u r-rotot turistiċi ġodda li ċ-ċittadini Ewropej jistgħu jiskopru grazzi għall-konnessjonijiet ferrovjarji. F’dan il-kuntest, is-Sena Ewropea tal-Ferroviji għandha tkun ukoll opportunità biex tingħata viżibilità aħjar u biex jitrawwem l-għarfien pubbliku fir-rigward ta’ rotot ferrovjarji storiċi u xeniċi madwar l-Ewropa 5 .

3.10Għal diversi raġunijiet għadd sostanzjali ta’ żgħażagħ Ewropej qatt ma vvjaġġaw fl-Ewropa jew rarament għamlu dan. Għalkemm jeżistu programmi ta’ skambju edukattivi, l-UE għadha kif nediet strument li jippermetti lil kull Ewropew jikseb esperjenza ta’ vjaġġar li jgħaqqad aħjar liż-żgħażagħ mal-identità Ewropea, li jżid l-għarfien dwar il-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea u jiffamiljarizzahom ma’ mezz ta’ trasport sostenibbli u nadif. DiscoverEU hija inizjattiva tal-Unjoni Ewropea li tagħti lin-nies l-opportunità li jiskopru l-Ewropa permezz ta’ esperjenzi ta’ tagħlim. Meta jivvjaġġaw predominantement permezz tal-ferroviji (hemm eċċezzjonijiet biex jippermettu lil dawk li jgħixu fuq gżejjer jew f’żoni remoti jipparteċipaw), iż-żagħżagħ Ewropej jistgħu jiskopru l-Ewropa, il-bliet u l-irħula tagħha 6 .

4.PILASTRU II: Il-likwidità, l-irkupru tal-impjiegi u r-restawr tal-fiduċja tan-negozju

4.1Huwa importanti li jiġu appoġġjati l-irkupru u l-likwidità fuq perjodu ta' żmien qasir, medju u twil tal-kumpaniji turistiċi Ewropej, speċjalment tal-mikrointrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar. Dan għandu jsir parzjalment billi titwaqqaf minnufih task force tal-UE dwar il-likwidità, li għandha tkun tista' tkejjel l-effettività tal-miżuri kkonċernati parzjalment billi tiżgura trasparenza fir-rigward ta' rifjuti ta' kreditu mhux ġustifikati, dewmien u piżijiet burokratiċi bla bżonn u parzjalment billi tieħu miżuri korrettivi xierqa fir-rigward tal-Fondi Ewropej tal-Investiment, proċeduri ġodda ta' insolvenza u l-ombudsmen nazzjonali tagħhom.

4.2Fir-rigward tal-gwidi tat-turisti, l-UE għandha tiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni b'termini u kundizzjonijiet ugwali u kompetizzjoni ġusta fis-suq tat-turiżmu bejn il-professjoni tal-gwidi tat-turisti u organizzaturi tal-vjaġġi u "gwidi" li joperaw b'mod illegali. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, bħala l-gwardjan tat-Trattati, biex tiżgura l-iżvilupp bilanċjat tal-ekonomija kollaborattiva tal-UE 7 fl-Istati Membri, kif iddikjarat fil-briefing tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Novembru 2016 li jintroduċi l-aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva għas-servizzi tal-gwida tat-turisti.

4.3Il-banek, il-likwidità: il-politika monetarja mhijiex qed tiġi trażmessa kif suppost. Il-banek (fil-Greċja pereżempju) jagħżlu li jużaw it-taffija kwantitattiva (tranżazzjonijiet tal-PEPP (Programm ta' Xiri ta' Emerġenza fil-każ ta' Pandemija) mill-BĊE) biex isaħħu l-pożizzjoni tagħhom u mhux biex jappoġġjaw is-suq reali. Il-banek qed jestendu s-self lil negozji vijabbli u mhux affettwati (bħas-supermarkets) u mhux qed jieħdu r-riskju ta' self lil setturi vulnerabbli bħat-turiżmu u l-ospitalità.

4.4L-impjieg fis-settur tat-turiżmu tal-UE għandu bżonn approċċ armonizzat u avvanzat, ibbażat fuq l-imsieħba soċjali nazzjonali u prattiki konsolidati. Sabiex jiġu evitati l-qgħad u t-telf ta' ħaddiema mħarrġa, għandu jintlaħaq qbil fuq livell nazzjonali dwar miżuri ta' ħidma fuq perjodu ta' żmien qasir bejn il-gvernijiet responsabbli u l-imsieħba soċjali. Għandna wkoll nqisu l-fatt li fi bliet kbar fejn l-uffiċċji pubbliċi u privati bħalissa qed jippromovu miżuri ta' telexogħol, hemm il-periklu li ħafna ristoranti, pubs, bars u kafetteriji jistgħu jingħalqu. Hemm bżonn ta' miżuri ta' politika u ta' impjieg biex jiġi evitat l-għeluq permanenti fiċ-ċentri tal-bliet u fiż-żoni tal-madwar. Barra minn hekk, l-uffiċċji fid-djar (jew it-telexogħol) ma għandhomx ikunu sostitut għall-mobbiltà tax-xogħol b’saħħitha fl-Ewropa fuq perjodu twil. Anqas konferenzi fieri, kungressi u vjaġġar tan-negozju jfl-Ewropa jwasslu għal telf kbir ta’ impjiegi, SMEs, għarfien, sħubijiet ta’ kreattività u innovazzjoni fl-Ewropa u għal aktar modi ta’ ħsieb nazzjonali.

4.5Is-settur tat-turiżmu, il-ġestjoni tal-aspettattivi. Id-data kollha disponibbli tissuġġerixxi li dan l-istaġun intilef. Il-wasliet tat-turisti mhux se jkunu biżżejjed biex jikkumpensaw għall-ispejjeż operattivi tas-settur. In-negozji kollha se jsofru telf kbir, li jipperikola l-vijabbiltà tagħhom. Il-pakkett triplu tal-Grupp tal-Euro (il-pakketti SURE ta' 100, BEI ta' 200 u MES ta' 250 biljun) mhux biżżejjed u/jew il-gvernijiet qed jabbużaw mit-trażmissjoni tal-politika. Fil-Greċja pereżempju, il-gvern għażel li ma jużax il-faċilità tal-MES (Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà) u ż-żewġ elementi l-oħra għadhom lura: mhumiex immirati biżżejjed, mhemmx biżżejjed flus, mhemmx biżżejjed stimolu.

5.PILASTRU III: Networks ta' għarfien tad-data u tħejjija, saħħa u sikurezza, mitigazzjoni tar-riskju u tħejjija

5.1Il-KESE jqis li, wara l-pandemija tal-COVID-19 u t-tagħlimiet meħuda mill-Istati Membri li qed jiffaċċjaw diffikultajiet fil-koordinazzjoni tal-politiki transkonfinali u komuni, hemm bżonn ta' approċċ koordinat aktar effettiv fis-setturi tat-turiżmu u tat-trasport. Dan jista' jsir billi jiġu żviluppati programmi pilota ta' taħriġ għal rispons effettiv ta' tħejjija konġunta, bl-użu ta' networks ta' għarfien Ewropej miftuħa għall-imsieħba soċjali u għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fuq bażi annwali sal-2024.

5.2Il-KESE jqis li huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-pjattaformi nazzjonali għall-mitigazzjoni tar-riskju fi ħdan il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili fil-Qafas tan-NU ta' Sendai jsiru effettivi aktar malajr. Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri (Pjan ta' Koordinazzjoni Nazzjonali għal Għajnuna ta' Emerġenza), lill-imsieħba ekonomiċi u soċjali u lill-korpi xjentifiċi biex jinkludu s-settur tat-turiżmu u l-mobbiltà fi proġetti pilota konġunti matul u, wara l-kriżi tal-COVID-19, anke fin-network tat-taħriġ Ewropew sabiex titħejja r-reazzjoni tal-UE.

5.3Sabiex ikun hemm data Ewropea, armonizzata u aġġornata dwar it-turiżmu, il-mobbiltà tat-trasport, l-ostakli fis-suq u l-aħjar prattiki, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi programmi speċifiċi u proġetti pilota reġjonali bi sħubija mal-imsieħba soċjali tal-UE u nazzjonali u man-networks ta' riċerka akkademiċi u indipendenti, sabiex b'hekk jinġabru r-riżorsi tar-riċerka u tat-taħriġ. Barra minn hekk, biex ikun hemm koordinazzjoni aħjar tat-tnedija mill-ġdid tal-UE bħala destinazzjoni turistika internazzjonali fuq livell globali u biex jiġi attirat l-Investiment Dirett Barrani, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tħeġġeġ lill-Istati Membri jippromovu programmi speċifiċi u inizjattivi pilota konġunti.

6.PILASTRU IV: Il-governanza u r-riżorsi: il-ġenerazzjoni li jmiss ta' politiki tat-turiżmu u tat-trasport sostenibbli

6.1Il-KESE jilqa' bi pjaċir il-Komunikazzjoni urġenti u meħtieġa dwar it-turiżmu u t-trasport Ewropew fl-2020 u lil hinn 8 . It-tagħlimiet meħuda għandhom iwasslu lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex jaħsbu mill-ġdid dwar il-politiki attwali tat-turiżmu u tat-trasport fuq il-bażi ta' kompetenzi kondiviżi ġodda tal-UE fuq bażi volontarja permezz ta' kooperazzjoni msaħħa bejn il-gvernijiet interessati u l-awtoritajiet f'diversi livelli. Dan jista' jinkiseb bl-involviment attiv tal-UE u tal-imsieħba soċjali nazzjonali u tal-korpi konsultattivi.

6.2Il-KESE jenfasizza li neħtieġu b'mod urġenti politika effettiva tal-UE fuq perjodu ta' żmien medju sa twil biex l-individwi u s-soċjetà inġenerali jerġgħu jiksbu l-fiduċja li se jkollhom il-possibbiltà jivvjaġġaw b'mod sikur fl-Unjoni Ewropea kollha. Din il-politika għandha tkopri ekosistemi turistiċi oħra tal-UE, bħall-akkomodazzjoni, l-ikel, is-saħħa u s-sikurezza, il-kummerċ, it-telekomunikazzjonijiet u l-agrikoltura. It-turiżmu u t-trasport fl-UE huma waħda mill-ekosistemi l-aktar milqutin mill-COVID-19.

6.3Sabiex terġa’ tinkiseb il-fiduċja, terġa’ tingħata spinta u jiżdied it-turiżmu, il-KESE jappoġġja l-użu ta’ “passaport tas-saħħa tal-UE” intern (fuq il-linji tal-Formoli għall-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri (PLF) u l-kodiċi QR) bi “Pjattaforma tal-UE interoperabbli u multilingwi għall-Assistenza tas-Saħħa”. In-nies ikunu jistgħu jużaw il-kodiċi QR biex jaċċessaw l-informazzjoni u s-servizzi tas-saħħa fil-pajjiż li jkunu qed iżuru u jkollhom aċċess ta’ emerġenza għas-sistemi tas-saħħa u tas-sigurtà soċjali.

6.4Il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet rilevanti Ewropej u nazzjonali kollha biex ifasslu pjan ta' azzjoni pluriennali tal-UE immedjatament wara l-fażi ta' emerġenza. Dan il-pjan ta' azzjoni għandu jservi ta' rieżami sħiħ tat-tfassil tal-politika tat-turiżmu u tat-trasport tal-UE u jiffaċilita l-koordinazzjoni tat-turiżmu fis-suq intern, kif ukoll il-flussi tat-turiżmu internazzjonali minn madwar id-dinja.

6.5Il-KESE jilqa' bi pjaċir u jappoġġja bis-sħiħ il-proposti ppreżentati fil-Komunikazzjoni u l-perspettiva għall-perjodu ta' żmien medju sa twil magħżula mill-Kummissjoni Ewropea fil-qafas tal-pjan Next Generation EU u l-baġit ġenerali tal-UE għall-2021-2027 li se jirrikjedu miżuri baġitarji xierqa. B'mod partikolari, dawn il-miżuri għandhom jiffukaw fuq l-implimentazzjoni tal-ġenerazzjoni li jmiss ta' politiki u programmi tat-turiżmu sostenibbli, inklużi pjani ta' negozju nazzjonali għas-settur tat-turiżmu mmirati lejn it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-SMEs, tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi u tal-imsieħba soċjali, filwaqt li jitqiesu b'mod suffiċjenti l-prijoritajiet l-oħra tal-UE li mhumiex neċessarjament marbuta mal-pandemija.

6.6Prattiki predatorji tal-linji tal-ajru: kemm dawk li jivvjaġġaw għar-rikreazzjoni kif ukoll dawk li jivvjaġġaw għan-negozju jitilfu l-flus meta l-linji tal-ajru jirriżervaw titjiriet li jiġu kkanċellati ftit wara l-ħlas. Il-linji tal-ajru jiddeċiedu fil-mument jekk iżommux jew jikkanċellawx rotot, titjiriet u slots, mingħajr ebda twissija minn qabel lill-klijenti tagħhom. Il-klijenti jsibu ruħhom maqbudin fi prattiki ta' vawċers u ta' riprogrammar tar-rotta. Ir-rifużjonijiet jieħdu wisq żmien u jammontaw għal inqas minn 20 % tal-volum totali ta' kkanċellar/ibbukkjar, filwaqt li lill-konsumaturi u lin-negozji jċaħħduhom mil-likwidità prezzjuża.

6.7Il-KESE jinnota bi tħassib il-bilanċ delikat bejn id-drittijiet tal-konsumatur u l-problemi ta’ likwidità tal-kumpaniji tal-ajru minħabba l-kanċellazzjoni ta’ titjiriet b’riżultat tal-COVID-19. Il-KESE jistieden lil-linji tal-ajru, lill-passiġġieri u lill-awtoritajiet tal-UE u dawk nazzjonali biex isibu soluzzjonijiet xierqa matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni tal-COVID-19 rigward għażliet alternattivi jew skadenzi għar-rimborż. Il-KESE jirrifjuta prattiki illegali tal-linji tal-ajru li xi drabi joffru biss vawċers jew ibbukkjar mill-ġdid. Il-KESE jħeġġeġ lill-kumpaniji tal-ajru jikkonformaw mal-leġislazzjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-passiġġieri (Regolament (KE) Nru 261/2004), inkluż id-dritt li jirċievu rimborż sħiħ wara l-kanċellazzjoni min-naħa tal-linja tal-ajru.

6.8Għas-settur tat-turiżmu hemm bżonn ta’ djalogu soċjali intensiv li jwassal għal ftehimiet kollettivi settorjali b’saħħithom li jkopru lill-impjegati kollha, speċjalment matul il-COVID u wara l-COVID; l-istess japplika għas-settur tat-trasport. Dan huwa l-aħjar mod biex jiġu protetti b’mod effettiv l-impjegati fis-setturi u biex tiġi salvagwardjata l-paċi soċjali, u b’hekk jiġu megħjuna l-kumpaniji li jkunu f’riskju. Jeħtieġ li jsir kull sforz mill-partijiet rilevanti kollha biex jiżdiedu d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv fil-livelli kollha fis-settur.

6.9Il-politiki tal-valur miżjud għandhom ikunu kkoordinati mal-programmi nazzjonali ta' rkupru tat-turiżmu fil-livell tal-Kummissjoni tal-UE biex jinbena mill-ġdid is-settur turistiku Ewropew. Naturalment, dan għandu jkun marbut mal-koordinazzjoni tal-programmi nazzjonali ta' kontra l-kriżi u l-bini mill-ġdid tat-trasport bl-ajru, bil-baħar u bil-kowċ li qed ibati b'mod sinifikanti f'ħafna pajjiżi tal-UE (il-Polonja, l-Italja, Spanja u oħrajn).

6.10Hemm bżonn ta' djalogu soċjali intensiv, li jinkludi l-organizzazzjonijiet tal-SMEs, biex jiġu negozjati ftehimiet kollettivi settorjali aġġornati għas-settur tat-turiżmu u tat-trasport, għaliex dawn jipprovdu paċi soċjali u, bis-saħħa ta' soluzzjonijiet maqbula, se jkunu l-aktar mod effettiv biex jitħarsu l-impjegati u b'hekk jiġu megħjuna l-kumpaniji li jinsabu f'riskju u s-settur kollu.

6.11L-imsieħba soċjali Ewropej fis-setturi tas-servizzi turistiċi u tat-trasport għandhom jikkoordinaw l-isforzi tagħhom biex jilħqu ftehim dwar l-istandards soċjali f'dawn is-setturi.

Brussell, 4 ta’ Settembru 2020

Ariane RODERT

Il-President tas-Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

_____________

(1)

    https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/RC-9-2020-0166_MT.html

(2)      COM(2020) 550 final.
(3)     https://appsso.eurostat.ec.europa.eu/nui/show.do?dataset=tour_cap_nuts2&lang=mt .
(4)    EPRS_ATA(2020)649368_EN.
(5)    TEN/710 – Is-Sena Ewropea tal-Ferroviji (2021) (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(6)    TEN/710 – Is-Sena Ewropea tal-Ferroviji (2021) (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(7)       https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52016DC0356&from=EN
(8)      COM(2020) 550 final.