Il-protezzjoni ta’ minorenni migranti mhux akkumpanjati fl-Ewropa
OPINJONI
Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza
Il-protezzjoni ta’ minorenni migranti mhux akkumpanjati fl-Ewropa
(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
Relatur: Özlem YILDIRIM (FR-II)
|
Grupp ta’ Studju
|
Il-protezzjoni ta’ minorenni migranti mhux akkumpanjati fl-Ewropa
|
|
President
|
Antonello PEZZINI (IT-I) (art. 66 RI pour Stefano Mallia)
|
|
Relatur
|
Ozlem YILDIRIM (FR/II) (Artikolu 66 RP għal Dennis Meynent)
|
|
|
|
|
Membri
|
Ana BONTEA (RO-I)
Vladimíra DRBALOVÁ (CZ-I)
Diego DUTTO (IT-III)
Evgeniy IVANOV (BG-I)
Michael MCLOUGHLIN (IE-III)
|
|
|
|
|
Esperta
|
Clémentine EBERT (għar-relatur tal-Grupp II)
|
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja
|
|
|
Bażi legali
|
Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
|
|
|
Opinjoni fuq inizjattiva proprja
|
|
|
|
|
Sezzjoni kompetenti
|
Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza
|
|
Adottata fis-sezzjoni
|
09/07/2020
|
|
Adottata fil-plenarja
|
DD/MM/YYYY
|
|
Sessjoni plenarja Nru
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)
|
|
1.Rakkomandazzjonijiet u osservazzjonijiet
1.1Il-KESE jirrakkomanda għal darb’oħra li l-prinċipju tal-“aħjar interessi tat-tfal” għandu jieħu preċedenza fuq kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ liġi nazzjonali u internazzjonali.
1.2Il-KESE jħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea tiżviluppa approċċ koerenti u armonizzat għall-protezzjoni tal-minorenni barranin mhux akkumpanjati fl-Ewropa.
1.3Il-KESE jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni ta' minorenni barranin mhux akkumpanjati li huma fost l-aktar persuni vulnerabbli fil-kuntest tal-migrazzjoni u huma għaldaqstant esposti għal riskju akbar tal-ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom.
1.4Il-KESE jtenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li t-tfal f’sitwazzjoni irregolari jiġu protetti bħala tfal, l-ewwel u qabel kollox, u permezz tas-sistemi nazzjonali għall-protezzjoni tat-tfal.
1.5Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jipprevjenu l-vjolenza kollha fuq it-tfal migranti billi joħolqu rotot ta’ migrazzjoni sikuri, legali u regolari.
1.6Il-KESE jfakkar għal darb’oħra fil-projbizzjoni assoluta tad-detenzjoni tat-tfal irrispettivament mis-sitwazzjoni amministrattiva tagħhom. Jikkundanna bil-qawwa kollha din il-prattika u jfakkar li tikser il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet tat-Tfal.
1.7Biex jipproteġi b’mod effettiv lill-minorenni barranin mhux akkumpanjati il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jallokaw ir-riżorsi meħtieġa għas-servizzi pubbliċi u joffru servizzi adattati, b’mod partikolari permezz ta’ taħriġ speċjalizzat u t-tisħiħ tal-ħiliet tal-professjonisti għall-protezzjoni tat-tfal.
1.8Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tfassal Direttiva dwar il-protezzjoni tal-minorenni barranin mhux akkumpanjati, li jkollha bħala għan prinċipali l-aħjar interessi tat-tfal.
1.9Il-KESE jfakkar li kull minorenni barrani mhux akkumpanjat , kemm jista’ jkun malajr u sa età maġġuri, iridu jiġi megħjun minn tutur kompetenti li jiġi infurmat dwar id-deċiżjonijiet kollha meħudin dwaru u jgħinu matul il-proċedura tiegħu. Dan it-tutur għandu dejjem ikun kapaċi jaġixxi fl-interess tal-minorenni u ma jkunx f’kunflitt ta’ interess mas-servizzi nazzjonali għall-protezzjoni tat-tfal.
1.10Il-KESE jfakkar li skont il-prinċipju tal-“preżunzjoni ta’ età minuri”, żagħżugħ li jippreżenta ruħu bħala minorenni għandu jitqies bħala tali sakemm tingħatadeċiżjoni ġudizzjarja li għandha l-awtorità ta’ res judicata.
1.11Il-KESE jistieden lill-Istati Membri jevalwaw l-età minuri abbażi ta’ għadd ta’ indikaturi, l-ewwel fosthom id-dikjarazzjonijiet mill-persuna kkonċernata, id-dokumenti dwar l-istat ċivili ppreżentati, l-intervisti li jsiru mal-persuna kkonċernata minn professjonisti kompetenti, u jekk ikun meħtieġ, il-verifika tal-awtentiċità tad-dokumenti tal-istat ċivili.
1.12Il-KESE jappella biex fin-nuqqas ta’ affidabbiltà reali t-testijiet tal-għadam jitwaqqfu għalkollox. Il-KESE jqis li m’għandniex nirrikorru għal mezzi li nafu li huma approssimattivi sempliċiment minħabba li m’għandniex mezzi ta’ verifika affidabbli.
1.13Minħabba d-diffikultà li jiġu koperti l-kwistjonijiet u l-prinċipji kollha marbuta mal-minorenni barranin mhux akkumpanjati f’din l-Opinjoni, il-KESE jipproponi li jitwettaq serje ta’ studji ta’ segwitu li jiffokaw fuq temi sekondarji speċifiċi.
2.Kuntest
2.1Il-barrani minuri mhux akkumpanjat, (li għadu jissejjaħ “minorenni barrani mhux akkumpanjat”) huwa “ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna bla stat taħt l-età ta’ 18-il sena” li “jasal fit-territorju tal-Istati Membri mhux akkumpanjat minn adult responsabbli għalih jew/għaliha sew jekk bil-liġi jew bil-prattika tal-Istat Membru kkonċernat, u sakemm hu mhuwiex jew hi mhijiex effettivament fil-kura ta’ persuna bħal din” jew “jitħalla mhux akkompanjat wara li hu/hi jkun daħal/tkun daħlet fit-territorju tal-Istati Membri”.
2.2Minorenni barranin mhux akkumpanjati jinsabu fl-Istati Membri kollha tal-UE, iżda fl-2019, 60 % tal-minorenni barranin kollha mhux akkumpanjati u rreġistrati ġew irreġistrati f’erba’ pajjiżi (il-Greċja, il-Ġermanja, il-Belġju u n-Netherlands). Fl-2019, 13 800 applikant għall-ażil li applikaw għal protezzjoni internazzjonali fis-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea (UE) kienu ġew meqjusa bħala minorenni mhux akkumpanjati. Fil-livell tal-UE, il-minorenni barranin mhux akkumpanjati kienu jirrappreżentaw 7 % tal-applikanti għall-ażil kollha li għandhom anqas minn 18-il sena. Ħafna minnhom kienu subien (85 %). Żewġ terzi kellhom 16 jew 17-il sena (jiġifieri 9 200 persuna), dawk li kellhom 14 jew 15-il sena kienu jirrappreżentaw 22 % tal-minorenni mhux akkumpanjati (3 100 persuna) u dawk li kellhom anqas minn 14-il sena 11 % (1 500 persuna).
2.3It-tfal migranti jagħmlu parti mill-aktar gruppi vulnerabbli tas-soċjetajiet tagħna. Imċaħħda mill-ġenituri tagħhom, li fih innifisu joħloq livell għoli ta’ nuqqas ta’ sigurtà u ta’ periklu, il-minorenni barranin mhux akkumpanjati ta’ sikwit jgħaddu minn rotta migratorja twila, kaotika, trawmatika u vjolenti. Dawn ikomplu jiġu esposti għal diversi perikli u huma vittmi partikolarment vulnerabbli għan-networks kriminali: b’mod partikolari t-traffikar tat-tfal għal finijiet ta’ sfruttament sesswali u t-tħaddim tat-tfal.
2.4Il-KESE jirrakkomanda għal darb’oħra li l-prinċipju tal-“aħjar interessi tat-tfal” għandu jieħu preċedenza fuq kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ liġi nazzjonali u internazzjonali.
2.5Huwa jsostni wkoll li s-sitwazzjonijiet differenti u kkumplikati li l-minorenni barranin mhux akkumpanjati jiffaċċjaw jeħtieġu approċċi multidixxiplinari (legali-psiko-mediċi-soċjali), komprensivi u olistiċi.
2.6Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal (1989, “CRC”) tikkostitwixxi l-qafas ġenerali tal-protezzjoni tat-tfal fl-Ewropa. Madankollu, la dan l-istrument, la l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (1950), u lanqas il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Eżerċizzju tad-Drittijiet tat-Tfal (1996) ma pprevedew dispożizzjonijiet speċifiċi li japplikaw direttament għall-minorenni barranin mhux akkumpanjati.
2.7Kellna nistennew is-26 ta’ Ġunju 1997 biex il-Kunsill tal-Ewropa jadotta l-ewwel strument legali li jitratta b’mod speċifiku l-kwistjoni tat-tfal migranti mhux akkumpanjati. Din ir-riżoluzzjoni hija madankollu strument mhux vinkolanti. Filwaqt li testi Ewropej jagħmlu referenza tajba għall-minorenni barranin mhux akkumpanjati, bħad-Direttiva dwar ir-Ritorn jew id-Direttiva 2003/9/KE, ma tfassal l-ebda strument speċifiku fil-livell tal-UE.
2.8Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ qafas legali preċiż, l-Istati Membri qegħdin jiffaċċjaw diffikultajiet kbar biex jimmaniġġjaw il-problema tal-minorenni barranin mhux akkumpanjati b’mod konċertat u koerenti. Għalhekk, għandu jiġi nnotat li fl-Istati Membri, is-sitwazzjoni tal-minorenni barranin mhux akkumpanjati hija kkaratterizzata minn inugwaljanzi kbar fil-leġislazzjonijiet li jiddefinixxu l-mod li bih dawn għandhom jiġu ttrattati u l-proċeduri li dawn huma soġġetti għalihom (determinazzjoni tal-età, tuturi, drittijiet, eċċ.).
2.9Barra minn hekk, il-qafas legali applikabbli għall-minorenni barranin mhux akkumpanjati għandu jiġi rinfurzat mill-Istati Membri. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tfassal Direttiva dwar il-protezzjoni tal-minorenni barranin mhux akkumpanjati, li jkollha bħala għan prinċipali l-aħjar interessi tat-tfal. Din il-ħtieġa hija saħansitra aktar evidenti fid-dawl tas-sitwazzjonijiet deplorabbli ta’ diversi minorenni barranin mhux akkumpanjati ddenunzjati madwar l-Ewropa minn assoċjazzjonijiet li jiddefendu d-drittijiet tat-tfal.
3.Kummenti ġenerali
3.1Il-KESE jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni tal-minorenni barranin mhux akkumpanjati, li huma fost l-aktar persuni vulnerabbli fil-kuntest tal-migrazzjoni u huma għaldaqstant esposti għal riskju akbar tal-ksur tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tagħhom.
3.2Is-CRC tobbliga lill-Istati biex jagħtu lit-tfal mingħajr dokumenti l-istess trattament bħat-tfal “kollha”, mingħajr distinzjoni. Il-KESE jinnota li fil-prattika teżisti tensjoni bejn id-dispożizzjonijiet leġislattivi nazzjonali li jirregolaw il-kontroll tal-immigrazzjoni u dawk dwar il-protezzjoni tat-tfal. Il-KESE jtenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li t-tfal f’sitwazzjoni irregolari jiġu protetti bħala tfal, l-ewwel u qabel kollox, u permezz tas-sistemi nazzjonali għall-protezzjoni tat-tfal.
3.3Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jipprevjenu l-vjolenza kollha fuq it-tfal migranti billi joħolqu rotot ta’ migrazzjoni sikuri, legali u regolari bħal proċeduri flessibbli, rapidi u effettivi, b’mod partikolari ta’ riunifikazzjoni tal-familja, iż-żieda fil-kwoti ta’ risistemazzjoni tal-migranti jew l-għoti ta’ viżi umanitarji, u dan isaħħaħ il-garanziji għat-tfal u għall-membri tal-familja tagħhom.
3.4Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu proċeduri speċifiċi u effettivi għar-regolarizzazzjoni tar-residenza tagħhom fit-tfittxija ta’ “soluzzjoni sostenibbli” għall-minorenni barranin mhux akkumpanjati li tiżgura l-aħjar interessi tagħhom.
3.5Il-KESE jfakkar fil-projbizzjoni assoluta tad-detenzjoni tat-tfal irrispettivament mis-sitwazzjoni amministrattiva tagħhom. Jikkundanna bil-qawwa din il-prattika u jfakkar li din tikser is-CRC (Artikolu 3). Fil-fatt, il-KESE jinnota li d-detenzjoni jista’ jkollha konsegwenzi serji ħafna fuq is-saħħa u l-iżvilupp tat-tfal, irrispettivament mill-perjodu ta’ din id-detenzjoni. Id-detenzjoni tmur dejjem kontra l-aħjar interessi tat-tfal.
3.6Il-KESE jistieden lill-Istati Membri jadottaw liġijiet nazzjonali li jipprojbixxu d-detenzjoni u li jippromovu l-iżvilupp ta’ alternattivi adattati għall-vulnerabbiltà partikolari tal-minorenni barranin mhux akkumpanjati – bħall-kura mingħand familji tar-rispett u t-tqegħid f’post għall-għajxien indipendenti sorveljat.
3.7Il-KESE jfakkar fl-importanza li jiġi żgurat ir-rispett għad-dritt tat-tfal li jieħdu sehem f’deċiżjonijiet li jikkonċernawhom.
3.8Il-KESE jirrakkomanda lill-Istati Membri jipprevedu garanziji legali għall-aċċess tal-minorenni barranin mhux akkumpanjati għall-proċeduri ta’ protezzjoni internazzjonali u garanziji li jiġu pprovduti b’informazzjoni adattata għall-età tagħhom. Biex isir dan, jidher li huwa xieraq li jinħolqu unitajiet tal-ażil speċjalizzati fl-għajnuna għat-tfal migranti u fil-komunikazzjoni ta’ informazzjoni adattata għat-tfal, fil-lingwa materna tagħhom, b’mod partikolari billi jiġu integrati l-konsiderazzjonijiet marbuta mal-ġeneru u mad-dimensjoni transkulturali f’dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali.
3.9Biex jipproteġi lill-minorenni barranin mhux akkumpanjati kontra l-forom kollha ta’ sfruttament, il-KESE jistieden lill-Istati Membri biex jagħtu lit-tfal li huma soġġetti għall-isfruttament u l-vjolenza l-istatus ta’ vittma tat-traffikar tal-bnedmin akkumpanjat mill-kisba ta’ permess ta’ residenza. Il-KESE jinsisti wkoll fuq il-ħtieġa urġenti għal deċiżjonijiet li jikkonċernaw lill-minorenni barranin mhux akkumpanjati.
3.10Il-minorenni barranin mhux akkumpanjati m’għandhom qatt ikunu soġġetti għal proċeduri kriminali għal raġunijiet marbuta b’mod esklussiv mal-istatus tagħhom fir-rigward tal-immigrazzjoni jew meta l-parteċipazzjoni tagħhom f’attivitajiet kriminali tirriżulta mill-isfruttament tagħhom.
3.11Biex jipproteġi b’mod effettiv lill-minorenni barranin mhux akkumpanjati, il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Unjoni Ewropea jallokaw ir-riżorsi meħtieġa għas-servizzi pubbliċi u joffru servizzi adattati, b’mod partikolari permezz ta’ taħriġ speċjalizzat u t-tisħiħ tal-ħiliet tal-professjonisti għall-protezzjoni tat-tfal. Dan it-taħriġ għandu jiġi stabbilit fil-livell Ewropew.
3.12Il-protezzjoni tal-minorenni barranin mhux akkumpanjati ma tieqafx fil-fruntieri Ewropej. Il-KESE jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-bżonnijiet u d-drittijiet tal-minorenni barranin mhux akkumpanjati fl-istrumenti u l-azzjonijiet esterni, b’mod partikolari fil-kuntest tal-konklużjoni ta’ ftehimiet jew ta’ programmi ta’ kooperazzjoni.
3.13Il-KESE jfakkar li l-minorenni barranin mhux akkumpanjati kollha għandhom ikunu, kemm jista’ jkun malajr u sa età maġġuri, megħjuna minn tutur kompetenti li għandu jkun infurmat dwar id-deċiżjonijiet kollha meħuda dwarhom u jgħinhom matul il-proċedura tagħhom. Dan it-tutur għandu dejjem ikun kapaċi jaġixxi fl-interess tal-minorenni u ma jkunx f’kunflitt ta’ interess mas-servizzi nazzjonali għall-protezzjoni tat-tfal.
3.14Kif il-KESE diġà fakkar, minkejja li l-leġislazzjoni tal-UE tagħraf l-importanza tal-kustodja legali, din ma tiddefinixxix l-obbligi tat-tutur legali. It-tutur legali għandu jkun “rappreżentant kwalifikat” li għandu esperjenza fit-trattament tal-minorenni u għarfien tal-liġi nazzjonali dwar id-drittijiet tal-barranin u l-leġislazzjoni dwar il-protezzjoni tat-tfal, u li għandu l-awtorità li jirrappreżenta lill-minorenni matul il-proċess deċiżjonali, dejjem jekk il-minorenni jagħti l-kunsens tiegħu. Il-proċedura biex jinħatru t-tuturi fil-Belġju tista’ sservi bħala sors ta’ ispirazzjoni.
3.15Il-KESE jfakkar li minbarra l-għajnuna legali, il-minorenni barranin mhux akkumpanjati għandu jkollhom ukoll aċċess għal protezzjoni soċjali u għal faċilità ta’ akkoljenza u ta’ akkomodazzjoni temporanja ta’ kwalità deċenti. Din l-akkoljenza għandha tkun adattata għall-vulnerabbiltà tagħhom, u akkumpanjata minn professjonisti speċjalizzati għaż-żgħażagħ, possibbiltà ta’ evalwazzjoni medika jew psikoloġika u aċċess għall-kura tas-saħħa.
3.16Il-minorenni barranin mhux akkumpanjati għandu jkollhom ukoll aċċess għat-tagħlim skont l-għażla tal-minorenni u jekk ikun meħtieġ mit-tutur. Barra minn hekk, il-programmi Erasmus u Erasmus+ jistgħu wkoll iħaffu l-parteċipazzjoni tal-minorenni barranin mhux akkumpanjati u dawk li kienu minorenni barranin mhux akkumpanjati u li issa saru adulti.
3.17Il-KESE jinsisti fuq l-importanza li t-tfal kollha jiġu infurmati, skont l-età tagħhom, dwar id-drittijiet mogħtija lilhom mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, u li b’hekk il-minorenni mingħajr kustodja jkunu jistgħu jitolbu protezzjoni.
4.Kummenti speċifiċi
4.1L-ewwel Artikolu tas-CRC jiddefinixxi t-tfal bħala kwalunkwe persuna li għandha anqas minn 18-il sena. Is-sitwazzjoni legali partikolari tagħhom tipprovdilhom sett ta’ drittijiet li l-Istati Partijiet għandhom jiżguraw. Din il-protezzjoni tiddependi mill-istatus ta’ minorenni tagħhom li, fil-prattika u fl-Istati Membri kollha, tqajjem il-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-età tagħhom.
4.2Il-KESE jfakkar li skont il-prinċipju tal-“preżunzjoni ta’ età minuri”, żagħżugħ li jippreżenta ruħu bħala minorenni għandu jitqies bħala tali sakemm tingħata deċiżjoni ġudizzjarja li għandha l-awtorità ta’ res judicata. Għaldaqstant, dan għandu jingħata kenn b’mod immedjat f’kundizzjonijiet denji u kompatibbli mal-vulnerabbiltà partikolari tiegħu.
4.3Il-KESE jfakkar ukoll li għandha tapplika preżunzjoni ta’ validità tad-dokumenti barranin tal-istat ċivili ppreżentati miż-żagħżugħ favur l-età minuri tiegħu, u li dawn għandhom ikunu l-ewwel elementi li għandhom jitqiesu biex tiġi stabbilita l-età minuri. Oġġezzjoni formali biss għall-awtentiċità tad-dokument tal-istat ċivili ppreżentat għandha tippermetti li tiġi kkontestata l-preżunzjoni ta’ validità marbuta miegħu.
4.4Il-KESE jfakkar li skont l-Artikolu 8 tas-
CRC
, “jekk minorenni jiġi mċaħħad illegalment mill-elementi tal-identità tiegħu jew minn xi wħud minnhom, l-Istati Partijiet għandhom jagħtuh għajnuna u protezzjoni xierqa, sabiex l-identità tiegħu tkun tista’ tiġi stabbilita mill-ġdid mill-aktar fis possibbli”.
4.5Madankollu l-proċedura ta’ verifika tal-età tal-migrant għandha fil-prinċipju sseħħ biss meta dan ma jkollux id-dokumenti amministrattivi uffiċjali li juru l-età tiegħu u f’każ ta’ dubju serju.
4.6Il-KESE jinnota għal darb’oħra li m’hemm l-ebda koerenza fl-Istati Membri f’dak li għandu x’jaqsam mal-metodi ta’ evalwazzjoni tal-età tal-minorenni barranin mhux akkumpanjati, li l-ebda wieħed minnhom ma wera li hu affidabbli.
4.7Il-KESE jistieden lill-Istati Membri jevalwaw l-età minuri abbażi ta’ għadd ta’ indikaturi, l-ewwel fosthom, id-dikjarazzjonijiet mill-persuna kkonċernata, id-dokumenti dwar l-istat ċivili ppreżentati, l-intervisti li jsiru mal-persuna kkonċernata, u jekk ikun meħtieġ, il-verifika tal-awtentiċità tad-dokumenti tal-istat ċivili, li tenfasizza li perizja medika tal-età tista’ sseħħ biss f’każ ta’ dubju persistenti u bħala l-aħħar rimedju.
4.8Fid-dawl tal-vulnerabbiltà partikolari tagħhom, il-KESE jfakkar li l-benefiċċju tad-dubju għandu jibbenefika lill-minorenni barranin mhux akkumpanjati.
4.9Il-KESE jfakkar li l-perizja permezz ta’ eżami tal-għadam ipprattikata f’għadd kbir ta’ Stati hija kkontestata ferm fir-rigward tal-affidabbiltà xjentifika tagħha mill-istituzzjonijiet u mill-esperti internazzjonali iżda wkoll ikkritikata għan-nuqqas ta’ rispett għall-ħajja privata tat-tfal, għall-perikli potenzjali fuq is-saħħa (meta jintużaw ir-raġġi X) kif ukoll għall-iżbalji possibbli.
4.10Il-KESE jistieden lill-Istati Membri biex dawn it-testijiet jitwaqqfu għalkollox fin-nuqqas ta’ affidabbiltà reali. Il-KESE jqis li m’għandniex nirrikorru għal mezzi li nafu li huma approssimattivi sempliċiment minħabba li m’għandniex mezzi ta’ verifika affidabbli.
4.11Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jipproteġu lill-minorenni barranin mhux akkumpanjati billi jagħtuhom iż-żmien u l-mezzi reali biex jistabbilixxu l-identità tagħhom bl-użu pereżempju tal-kooperazzjoni diplomatika (soġġetta għall-qbil u fin-nuqqas ta’ periklu għaż-żagħżugħ), billi tiġi pprovduta evidenza prima facie, bħar-rapporti ta’ perizja psikosoċjali, biex tiġi stabbilita l-età minuri tiegħu.
4.12Il-KESE jipproponi li bħala l-aħħar rimedju, fin-nuqqas ta’ evidenza dokumentata u f’każ ta’ dubji serji dwar l-età tal-minorenni, għandha ssir evalwazzjoni tal-età permezz ta’ approċċ multidixxiplinari minn professjonisti indipendenti, li għandhom kompetenza xierqa u għarfien dwar l-oriġini kulturali u etnika tal-individwu. Il-proċeduri applikati fl-Ingilterra jistgħu jservu bħala sors ta’ ispirazzjoni.
4.13Il-KESE jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu kummissjoni ta’ superviżjoni fil-livell Ewropew biex tiġi proposta evalwazzjoni olistika tal-età komuni fl-Istati Membri u jiġu sorveljati l-protokolli u l-prattiki tal-istima tal-età.
4.14Taħt penali ta’ ineffiċjenza, il-konklużjonijiet ta’ kwalunkwe proċedura għandhom ikunu imperattivament motivati u għandhom ikunu jistgħu jiġu soġġetti għal appell sospensiv, effettiv, rapidu u appellabbli.
5.Osservazzjonijiet speċjali fid-dawl tal-COVID-19
5.1Il-pandemija tal-COVID-19 inevitabbilment issaħħaħ ir-riskji li jiltaqgħu magħhom il-minorenni barranin mhux akkumpanjati li l-istat tas-saħħa tagħhom huwa diġà spiss imdgħajjef: inkapaċità ta’ konformità mal-miżuri ta’ konteniment, aċċess insuffiċjenti għall-ikel, l-iġjene u l-ilma, nuqqas ta’ informazzjoni adattata dwar miżuri preventivi ta’ kuljum u l-prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu, diffikultajiet fl-aċċess għall-kura.
5.2Il-KESE jappella lill-istituzzjonijiet Ewropej kollha biex jieħdu l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex jiġi żgurat li d-drittijiet tat-tfal kollha ggarantiti mit-testi internazzjonali jiġu rispettati waqt il-kriżi tas-saħħa marbuta mal-COVID-19, u li jiġu protetti b’mod dinjituż quddiem il-kriżi ekonomika li qed tberraq.
5.3Il-KESE jilqa’ r-rilokazzjoni reċenti ta' minorenni barranin mhux akkumpanjati mill-Greċja fil-Lussemburgu, fil-Portugall, fi Franza, fil-Finlandja u fil-Ġermanja u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità u jkomplu bir-rilokazzjoni immedjata ta’ dawk li jgħixu f’kundizzjonijiet mhux denji, b’mod partikolari fil-Greċja.
Brussell, 9 ta’ Lulju 2020
Christa SCHWENG
Il-President tas-Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza