MT

SOC/646

Linji gwida dwar l-impjiegi 2020

OPINJONI

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri
[COM(2020) 70 final]

Relatur Ġenerali: Ellen NYGREN

Konsultazzjoni

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 06/03/2020

Bażi legali

Artikolu 148(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Data tal-adozzjoni fis-sessjoni plenarja

07/05/2020

Sessjoni tal-plenarja Nru

551 – Sessjoni Plenarja mill-bogħod

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

251/03/07



1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1Il-KESE jilqa’ l-linji gwida riveduti proposti dwar l-impjiegi. Ir-rwol tagħhom biex jiggwidaw fit-tul il-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri tal-UE huwa importanti anke fi żminijiet ta’ kriżi. Il-politiki dwar l-impjieg huma essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Unjoni Ewropea kollha kemm hi u tal-Istati Membri tagħha. L-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali hija mezz komuni biex issir ħidma lejn konverġenza sostenibbli ’l fuq, u f’dan ir-rigward ir-reviżjoni tal-linji gwida dwar l-impjiegi hija xierqa. L-UE u l-Istati Membri tagħha jridu jagħmlu aktar sforzi biex jeliminaw id-disparitajiet. Il-konverġenza ’l fuq hija prinċipju trasversali, li għandu jitqies u jiġi integrat fil-politiki kollha tal-UE.

1.2Il-proposta dwar il-linji gwida riveduti dwar l-impjiegi ġiet ippubblikata qabel ma l-COVID-19 infirxet ħafna. Minn dak iż-żmien, il-COVID-19 inbidlet f’pandemija li l-effetti tagħha jeħtieġu malajr kemm jista’ jkun azzjoni urġenti anke f’termini ta’ politiki tas-suq tax-xogħol. Sabiex jiġi limitat it-tixrid tal-marda, ġew stabbiliti miżuri b’mod li qatt ma kien hemm bħalu fl-Istati Membri kollha tal-UE u lil hinn. Il-KESE jqis li hemm bżonn aktar f’termini ta’ azzjoni koordinata.

1.3Il-KESE jinsab konvint li pjan Ewropew ta’ rkupru ekonomiku komprensiv biss jippermetti li l-Istati Membri tal-UE, iċ-ċittadini, il-kumpaniji u l-ħaddiema tagħha jiffaċċjaw bl-aħjar mod il-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 u jibnu mill-ġdid ekonomija Ewropea aktar sostenibbli u reżiljenti. Filwaqt li ħadd ma jaf kemm ser iddum għaddejja s-sitwazzjoni straordinarja maħluqa mill-kriżi tal-COVID-19, huwa ċar li l-effetti fuq is-suq tax-xogħol ser ikomplu fuq perjodu estiż. Il-linji gwida dwar l-impjiegi għall-2020 għandhom, għalhekk, jiġu adattati wkoll biex titqies din is-sitwazzjoni ġdida.

1.4Ix-xokk ekonomiku kkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19, diġà rriżulta fi kriżi soċjali u tal-impjiegi, li jista’ jkollha impatt sever u fit-tul fuq is-swieq tax-xogħol Ewropej. F’dan il-kuntest, għal din is-sena jeħtieġ li jitqies li tiġi adottata linja gwida addizzjonali u straordinarja/ta’ emerġenza fil-qasam tal-impjiegi sabiex jiġu ggwidati l-adattamenti meħtieġa tal-politiki dwar l-impjiegi fl-Istati Membri tal-UE biex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni bla preċedent. Linja gwida ta’ emerġenza dwar l-impjiegi fid-dawl tal-COVID-19 tista’ tinkludi referenzi għal miżuri temporanji effiċjenti meħtieġa biex jittaffa l-impatt tal-kriżi, bħal skema ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, appoġġ għall-introjtu, estensjoni tal-paga għall-mard u l-promozzjoni ta’ xogħol remot (filwaqt li tiġi rispettata r-responsabbiltà tal-impjegaturi għas-saħħa u s-sigurtà tal-impjegati).

1.5Skont il-Linja Gwida 5, l-Istati Membri għadhom imħeġġin irawmu “forom innovattivi ta’ xogħol”. Filwaqt li forom ġodda ta’ xogħol u innovazzjoni jipprovdu opportunitajiet għat-tkabbir, il-KESE diġà enfasizza l-ħafna sfidi assoċjati ma’ dan it-tip ta’ xogħol. Il-linji gwida dwar l-impjiegi għandu jkollhom l-għan li jittraduċu x-xejriet assoċjati ma’ dawn il-forom ġodda ta’ xogħol f’opportunitajiet ta’ impjieg ġust. Is-sejħa biex jiġu stabbiliti pagi ġusti u adegwati, jew permezz ta’ titjib fil-mekkaniżmi tal-pagi minimi statutorji fejn dawn jeżistu jew permezz ta’ negozjar kollettiv, għandha tintlaqa’ tajjeb. L-involviment tal-imsieħba soċjali huwa kruċjali, u huwa pożittiv ħafna li l-Linja Gwida 5 qed tappella lill-Istati Membri biex “jippromwovu d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv bil-għan li jiġu stabbiliti l-pagi”. Fil-konklużjoni tagħha, il-linja gwida għandha f’dan ir-rigward tinkludi proposti biex tissaħħaħ l-effettività tal-ftehimiet kollettivi permezz ta’ titjib fil-kopertura tagħhom.

1.6Fir-rigward tal-Linja Gwida 6 dwar “Insaħħu l-provvista ta’ ħaddiema u ntejbu l-aċċess għall-impjiegi, għall-ħiliet u għall-kompetenzi”, il-KESE japprezza li l-linja gwida tirreferi għal viżjoni globali ta’ kompetenzi allinjati ma’ sistema produttiva li hija sostenibbli. Il-KESE jilqa’ bi pjaċir li l-linji gwida qed jappellaw lill-Istati Membri biex jadattaw u jinvestu fis-sistemi tagħhom ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ biex jipprovdu edukazzjoni ta’ kwalità għolja u inklużiva, inklużi l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. F’dan ir-rigward, il-KESE jappella għal strateġiji Ewropej u nazzjonali aktar effettivi dwar l-iżgurar ta’ finanzjament sostenibbli għat-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-adulti kollha permezz tat-tagħlim tul il-ħajja li jiffoka b’mod partikolari fuq l-għoti ta’ appoġġ effettiv lill-ħaddiema u lill-persuni qiegħda.

1.7Fir-rigward tal-Linja Gwida 7 dwar “Insaħħu l-funzjonament tas-swieq tax-xogħol u l-effettività tad-djalogu soċjali”, il-funzjonament tajjeb tad-djalogu soċjali huwa essenzjali għal kwalunkwe politika dwarl-impjiegi, inkluża l-implimentazzjoni tal-linji gwida tal-UE dwar l-impjiegi. Għalhekk, jeħtieġ li jsir aktar biex jiġi ffaċilitat u promoss id-djalogu soċjali, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak Ewropew. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għamlet avvanzi fl-involviment tas-soċjetà ċivili fil-proċess tas-Semestru Ewropew, u dan għandu jintlaqa’ tajjeb u għandu jkompli jiġi żviluppat. Element wieħed nieqes f’din il-linja gwida huwa l-ħtieġa għal saħħa u sikurezza okkupazzjonali aħjar. Fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19, post tax-xogħol tajjeb għas-saħħa u sikur huwa essenzjali sabiex jiġi miġġieled ir-riskju ta’ infezzjoni u ta’ tixrid tal-virus u mard ieħor. Bħal dejjem, u partikolarment f’dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, L-impjegaturi jeħtieġ ikunu responsabbli għas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema tagħhom u jipprovdu lilhom u lir-rappreżentanti tagħhom informazzjoni adatta, filwaqt li jagħmlu valutazzjonijiet tar-riskju u jieħdu miżuri ta’ prevenzjoni. L-awtoritajiet pubbliċi, in-negozji, l-impjegati u l-imsieħba soċjali jridu jaqdu rwol sabiex jipproteġu lill-ħaddiema, lill-familja tagħhom u lis-soċjetà b’mod ġenerali.

1.8Il-maġġoranza tal-intrapriżi żgħar u mikro għandhom riżorsi ekonomiċi u maniġerjali limitati, u għalhekk għandhom jiġu pprovduti b’appoġġ prattiku, finanzjarju u mfassal għalihom għall-programmi dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali sabiex jadattaw il-postijiet tax-xogħol, u sabiex jimplimentaw malajr proċeduri u prattiki ġodda biex jipproteġu lill-ħaddiema. L-iseptturi tax-xogħol, l-EU-OSHA (l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol), in-Netwerk Enterprise Europe u l-awtoritajiet kompetenti fil-livell nazzjonali jistgħu joffru appoġġ prattiku – bħal pereżempju għodod, informazzjoni, gwida u pariri li huma kosteffettivi, mingħajr ħlas u li huma faċli biex jintużaw mill-utenti.

1.9Fir-rigward tal-Linja Gwida 8 dwar “Nippromwovu l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd, inrawmu l-inklużjoni soċjali u niġġieldu l-faqar”, għandhom jiġu miġġielda l-forom kollha ta’ prattiki diskriminatorji. Il-protezzjoni soċjali u l-kura tas-saħħa għandhom jiġu pprovduti lil kulħadd. Il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-forza tax-xogħol, kif ukoll it-tixjiħ attiv għal kulħadd, għandhom jiġu appoġġjati b’miżuri xierqa bħall-aċċess għal servizzi pubbliċi ta’ kwalità u kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti għal kulħadd. Il-linji gwida dwar l-impjiegi għandhom jikkunsidraw ukoll għanijiet tal-protezzjoni soċjali bħall-kopertura sħiħa u effettiva, l-adegwatezza u t-trasparenza.

2.Kuntest

2.1It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE jistipula li l-Istati Membri jridu jqisu l-politiki ekonomiċi tagħhom u l-promozzjoni tal-impjiegi bħala kwistjonijiet ta’ interess komuni u għandhom jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom fil-Kunsill 1 . L-Artikolu 148 tat-TFUE jipprevedi li l-Kunsill għandu jadotta linji gwida dwar l-impjiegi. Il-linji gwida jinkwadraw il-kamp ta’ applikazzjoni u d-direzzjoni għall-koordinazzjoni tal-politika tal-Istati Membri u jservu bħala bażi għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fil-proċess tas-Semestru Ewropew.

2.2Il-linji gwida dwar l-impjiegi u l-linji gwida dwar il-politika ekonomika inizjalment ġew adottati flimkien bħala “pakkett integrat” fl-2010, b’rabta mal-istrateġija Ewropa 2020. Fl-2018, il-linji gwida dwar l-impjiegi ġew allinjati mal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-KESE laqa’ dan l-allinjament mill-bidu nett 2 , iżda f’din l-Opinjoni kif ukoll f’għadd ta’ opinjonijiet sussegwenti 3 talab li
jsir aktar fil-prattika sabiex il-Pilastru jiġi verament sodisfatt u implimentat.

2.3Peress li s-Semestru Ewropew ġie aġġornat sabiex jiġu integrati l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU, l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir issa nbidel fl-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli, u issa huwa propost li jiġu riveduti l-linji gwida dwar l-impjiegi.

2.4Il-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill fir-rigward ta’ linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri ġiet adottata fis-26 ta’ Frar 2020, qabel ma bdiet il-koordinazzjoni tal-miżuri ta’ emerġenza biex tittratta t-tifqigħa tal-COVID-19. L-għan immedjat tal-awtoritajiet pubbliċi għandu jkun li jiżguraw il-bilanċ tajjeb bejn li tiġi salvagwardjata s-saħħa pubblika billi jitnaqqas it-tixrid tal-virus u li tinżamm attività ekonomika vitali.

2.5L-ILO wissiet li l-impatti fuq l-impjiegi mill-COVID-19 huwa “profondi, estensivi u mingħajr preċedent” 4 li jistgħu jwasslu għal miljuni ta’ telf ta’ impjiegi, kif ukoll żieda fis-sottoimpjieg u fl-għadd ta' ħaddiema foqra, u li jaqbżu bil-bosta l-effetti tal-kriżi finanzjarja tal-2008-2009. It-tnaqqis tal-gravità tal-impatt ser jiddependi fuq kemm id-deċiżjonijiet politiċi jittieħdu u jiġu implimentati malajr u b’mod deċiżiv.

2.6Il-KESE jinsab konvint li pjan Ewropew ta’ rkupru ekonomiku komprensiv biss jippermetti li l-Istati Membri tal-UE, iċ-ċittadini, il-kumpaniji u l-ħaddiema tagħha jiffaċċjaw bl-aħjar mod il-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 u jibnu mill-ġdid ekonomija Ewropea aktar sostenibbli u reżiljenti 5 . L-Istati Membri għandhom jilħqu ftehim rapidu dwar qafas finanzjarju pluriennali (QFP) ġdid, li jnaqqas l-inċertezza rigward il-finanzjament tal-investiment tal-UE mill-2021.

2.7In-negozji u l-ħaddiema f’firxa ta’ setturi ekonomiċi ġew affettwati b’mod drammatiku. Ħafna intrapriżi, b’mod partikolari l-intrapriżi mikro u l-SMEs, huma mhedda b’insolvenza, u miljuni ta’ ħaddiema huma vulnerabbli għat-telf tal-introjtu u s-sensja 6 . Bħala medja, madwar 90 % tal-SMEs jirrappurtaw li jkunu ekonomikament affettwati u jistennew żieda fir-rata tal-qgħad f’firxa ta’ bejn it-3 % u l-5 % 7 . Huma meħtieġa miżuri mmirati biex jiġu appoġġjati n-negozji u l-impjiegi f’setturi ewlenin li ntlaqtu b’mod partikolari.

2.8Fl-Ewropa u madwar id-dinja, il-ħaddiema tal-kura tas-saħħa ġustament ġew imfaħħra bħala l-eroj fuq quddiem nett, li qegħdin jagħmlu l-almu tagħhom biex isalvaw il-ħajjiet u f’ħafna każijiet qegħdin ibatu l-konsegwenzi huma stess. F’xi pajjiżi, dawn, flimkien mal-għalliema, ħaddiema oħra tas-settur pubbliku, indokraturi live-in u indokraturi oħra kienu ssottovalutati u sofrew il-piż tal-miżuri ta’ awsterità wara l-kriżi tal-2008. Għall-ġejjieni, huwa essenzjali li dan l-apprezzament imġedded jiġi tradott b’mod konkret f’termini u kundizzjonijiet imtejba u l-investiment meħtieġ fis-servizzi pubbliċi, u b’mod partikolari fis-sistema ta’ protezzjoni soċjali.

2.9Il-kriżi tal-COVID-19 qed turi wkoll b’mod qawwi l-problemi strutturali eżistenti fis-swieq tax-xogħol Ewropej. L-inugwaljanzi jippersistu bejn il-ħaddiema li jibbenefikaw minn forom ta’ xogħol aktar stabbli u siguri u dawk f’forom aktar prekarji ta’ xogħol. Hija meħtieġa flessibbiltà kemm għall-impjegaturi kif ukoll għall-ħaddiema biex jiġu indirizzati l-bidliet rapidi fid-dinja tax-xogħol u din għandha tkun mirfuda billi jiġu promossi s-sigurtà u l-kundizzjonijiet ġusti tax-xogħol f’kull forma ta’ impjieg.

2.10Ħafna mill-ħaddiema li tipikament jitqiesu bħala ta’ ħiliet “baxxi” u li jirċievu paga baxxa kienu fil-fatt il-ħaddiema ewlenin li għenu biex id-dinja tagħna ma tieqafx, u spiss poġġew lilhom infushom u ’l-maħbubin tagħhom f’riskju.

2.11Dawk il-ħaddiema, li diġà huma l-aktar vulnerabbli f’termini ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol u parteċipazzjoni fih, huma f’riskju akbar ta’ esklużjoni. Dan jinkludi n-nisa, iż-żgħażagħ, il-persuni b’diżabilità, u gruppi oħra li jesperjenzaw diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol bħall-migranti u r-Rom. Ċerti ħaddiema, b’mod partikolari n-nisa, jistgħu jiġu mġiegħla jabbandunaw l-impjiegi tagħhom sabiex jissodisfaw ir-responsabbiltajiet ta’ indukrar tat-tfal u ta’ membri oħra tal-familja.

2.12It-tħassib ewlieni tal-kumpaniji Ewropej kien li jżommu l-pożizzjoni tagħhom fis-suq u jżommu l-impjiegi għal miljuni ta’ ħaddiema. Il-kumpaniji u l-imsieħba soċjali qegħdin isibu soluzzjonijiet prammatiċi, bħall-adattament tal-pjani ta’ negozju, l-introduzzjoni ta’ skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, it-teleħidma jew alternattivi flessibbli oħra, u l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet għal taħriġ mill-bogħod fil-livell tal-kumpaniji.

2.13Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, il-koordinazzjoni tal-politiki dwar l-impjiegi tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi adattata biex tindirizza din is-sitwazzjoni ġdida u bla preċedent. Il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta’ Strument Ewropew għal Appoġġ temporanju biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-virus COVID-19 8 hija inizjattiva milqugħa tajjeb biex tipprovdi appoġġ immedjat lill-ħaddiema u lin-negozji. Jekk tiġi implimentata malajr, din ser tgħin biex jittaffew l-impatti negattivi fuq l-impjiegi u trawwem il-kundizzjonijiet għal irkupru fil-pront. Filwaqt li ħadd ma jaf kemm ser iddum għaddejja s-sitwazzjoni straordinarja maħluqa mill-kriżi tal-COVID-19, huwa ċar li l-effetti ser ikomplu fuq perjodu estiż. Il-linji gwida dwar l-impjiegi għall-2020 għandhom, għalhekk, jiġu adattati wkoll biex titqies din is-sitwazzjoni ġdida.

2.14Il-linji gwida dwar l-impjiegi għandhom ikunu stabbli fuq perjodu itwal u validi għall-Istati Membri kollha, minħabba ċirkostanzi nazzjonali differenti. Madankollu, minħabba t-tifqigħa attwali tal-COVID-19, li diġà qed turi li ser tinbidel fi kriżi ekonomika u soċjali, b’impatt sever u fit-tul fuq is-swieq tax-xogħol Ewropej, għandu jitqies li din is-sena tiġi adottata linja gwida addizzjonali u straordinarja/ta’ emerġenza dwar l-impjiegi sabiex jiġu ggwidati l-adattamenti meħtieġa tal-politiki dwar l-impjiegi fl-Istati Membri tal-UE biex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni bla preċedent. Il-Metodu Miftuħ eżistenti ta’ Koordinazzjoni għandu jittejjeb aktar biex jiġu appoġġjati l-Istati Membri fil-valutazzjoni komparattiva tal-progress għar-riforma u biex itejbu l-prestazzjoni tal-politiki tagħhom dwar l-impjiegi u tas-sistemi nazzjonali tal-protezzjoni soċjali.

2.15Linja gwida ta’ emerġenza dwar l-impjiegi fid-dawl tal-COVID-19 tista’ tinkludi referenzi għal miżuri temporanji effiċjenti meħtieġa biex jittaffa l-impatt tal-kriżi, bħal skema ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, appoġġ għall-introjtu, estensjoni tal-paga għall-mard, il-posponiment tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-impjegaturi, it-taxxa preliminari fuq is-salarji u t-taxxa fuq il-valur miżjud, u l-promozzjoni ta’ xogħol mill-bogħod (filwaqt li tiġi rispettata r-responsabbiltà tal-impjegaturi għas-saħħa u s-sigurtà tal-impjegati).

2.16Fl-isfond tal-kriżi tal-COVID-19, il-KESE jqis din l-Opinjoni bħala opportunità biex jitressqu kummenti u rakkomandazzjonijiet dwar kif għandu jiġi indirizzat it-tfixkil bla preċedent tas-swieq tax-xogħol f’għadd dejjem jikber ta’ pajjiżi segwit minn għeluq parzjali tal-ħajja soċjali u ekonomika sabiex tiġi miġġielda l-infezzjoni tal-virus. Din is-sitwazzjoni ser tirrikjedi li l-Istati Membri kollha tal-UE jadattaw il-politiki tagħhom dwar l-impjiegi.

3.Kummenti ġenerali

3.1Il-KESE jirreferi għall-Opinjonijiet preċedenti dwar il-linji gwida dwar l-impjiegi u jtenni xi punti validi minnhom:

·Hemm bżonn ta’ sforzi addizzjonali biex isir investiment fil-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità u biex jiġi indirizzat ix-xogħol prekarju peress li dan jirrestrinġi wkoll il-produttività 9 .

·L-UE u l-Istati Membri tagħha jridu jagħmlu aktar sforzi biex jeliminaw id-disparitajiet. Il-konverġenza ’l fuq hija prinċipju trasversali, li għandu jitqies u jiġi integrat fil-politiki kollha tal-UE 10 .

·Il-KESE jtenni t-talba tiegħu għal pakkett adatt ta' investiment soċjali bħala parti minn programm Ewropew ta' tkabbir u ta' investiment li jammonta għal 2 % tal-PDG 11 .

·Id-dispożizzjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel jeħtieġ li jidhru f’kull linja gwida u jeħtieġ li jkun hemm fokus b'saħħtu fuq il-kwistjonijiet ta’ pagi baxxi fl-indirizzar tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa 12 .

·L-istrateġija tal-inklużjoni soċjali għall-persuni b’diżabilità, għall-migranti u għall-persuni Rom hija affermata mill-ġdid f’diversi opinjonijiet.

·Djalogu soċjali effettiv huwa essenzjali biex jinkisbu l-konverġenza soċjali ’l fuq u l-aċċess għal impjieg ta’ kwalità, ħiliet u kompetenzi, kif ukoll biex jittejbu t-tfassil u l-implimentazzjoni tar-riformi li jirriżultaw minn dawn l-objettivi 13 .

·L-uniku mod biex jinbnew soċjetajiet aktar ġusti huwa li jiġu ġġenerati tkabbir ekonomiku u impjiegi aktar inklużivi u sostenibbli, flimkien ma’ produttività u kompetittività imtejba bil-għan li jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkollhom kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, remunerazzjoni u pensjonijiet adegwati kif ukoll il-kapaċità li jiġu eżerċitati d-drittijiet tagħhom 14 .

·F’waħda mill-Opinjonijiet tiegħu dwar il-Pilastru 15 , il-Kumitat ġibed ukoll l-attenzjoni għall-bżonn li titjieb it-tabella ta’ valutazzjoni u l-bżonn għal Semestru Ewropew ekonomiku u soċjali. Ir-relazzjoni bejn is-sorveljanza tal-kwistjonijiet makroekonomiċi u l-politika dwar l-impjieg u dik soċjali hija kritika.

·Il-KESE għadu jemmen li minkejja l-avvanzi li saru bil-Pilastru u l-integrazzjoni tal-linji gwida għall-impjieg mal-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika, għad hemm nuqqas ta’ konverġenza bejn iż-żewġ pakketti tal-linji gwida. Il-KESE jilqa’ l-aġġornament tal-linji gwida, abbażi tal-integrazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli fis-Semestru Ewropew.

3.2Il-KESE jtenni l-ħtieġa li, fit-tfassil tal-politiki sabiex jiġu rregolati s-suq tax-xogħol u d-drittijiet soċjali, id-dimensjonijiet interkonnessi tal-kompetittività, il-produttività u s-sostenibbiltà soċjali, inklużi d-drittijiet tal-ħaddiema għandhom jiġu integrati mingħajr xkiel. Il-politiki kollha implimentati mill-istituzzjonijiet Ewropej, nazzjonali u lokali għandhom jipprevedu bilanċ xieraq bejn is-sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali 16 .

3.3Il-politiki dwar l-impjieg huma essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-UE kollha kemm hi u tal-Istati Membri tagħha. Il-linji gwida dwar l-impjiegi għandhom rwol importanti biex ilaqqgħu flimkien il-Kummissjoni, il-gvernijiet nazzjonali, l-impjegaturi u t-trejdjunjins sabiex il-politiki dwar l-impjiegi u s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali jiġu mmodernizzati skont il-kuntest ekonomiku u soċjali li qed jinbidel fl-Ewropa.

3.4Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR) jista’ jkun mezz biex jippromovi konverġenza ’l fuq u kundizzjonijiet aħjar tal-għajxien u tax-xogħol fl-UE kollha. Il-futur tas-suq tax-xogħol għandu jkun suġġett ewlieni fid-dibattiti dwar il-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali, li għandu jindirizza t-trasformazzjoni kbira li qed isseħħ, u tinħtieġ strateġija Ewropea koerenti dwar l-impjiegi li tkopri t-temi li ġejjin:

·l-investimenti u l-innovazzjoni;

·l-impjieg u l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità;

·kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti għal kulħadd;

·tranżizzjonijiet ġusti u bla xkiel appoġġjati minn politiki attivi tas-suq tax-xogħol;

·opportunitajiet indaqs għal kulħadd;

·l-involviment tal-partijiet interessati kollha, b’mod partikolari l-imsieħba soċjali;

·l-investiment fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex tiġi pprovduta edukazzjoni ta’ kwalità għolja u inklużiva, inklużi l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, it-tagħlim tul il-ħajja, it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid b’mod partikolari biex jitqiesu r-rekwiżiti ta’ ħiliet diġitali u ekoloġiċi.

3.5L-implimentazzjoni effettiva tal-Pilastru fl-Istati Membri ser tkun possibbli biss jekk ikun hemm biżżejjed riżorsi finanzjarji għall-investiment f’politiki soċjali li għandhom l-għan li jimplimentaw id-drittijiet u l-prinċipji permezz ta’ inizjattivi ta’ politika speċifiċi. Għal dan il-għan iridu jaqdu rwol importanti mekkaniżmi bħall-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi 17 .

3.6B’mod partikolari, il-qgħad jirrappreżenta sfida kbira għall-biċċa l-kbira tal-pajjiżi. L-effetti tal-kriżi tal-COVID-19 jitolbu aktar sforzi għal politiki attivi tas-suq tax-xogħol milli f’ċirkostanzi normali. Jeħtieġ li jsir aktar kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell nazzjonali.

3.7Skont il-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-linji gwida dwar l-impjiegi jistgħu jkunu għodda importanti għall-Istati Membri fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politiki u miżuri biex jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali tal-kriżi tal-COVID-19 fuq perjodu qasir, u biex joħorġu mill-kriżi mingħajr ma jdgħajfu d-drittijiet tax-xogħol jew jitilfu l-kompetittività. Dan jista’ jiġi kkoordinat fil-qafas tas-Semestru Ewropew. Għal-linji gwida dwar l-impjiegi, għandu jkun prijorità li jiġi promoss id-djalogu soċjali. Għandu jiġi żgurat djalogu soċjali b’saħħtu fil-livelli kollha sabiex jiġu indirizzati l-effetti tal-kriżi b’mod sostenibbli, kemm ekonomikament kif ukoll soċjalment.

3.8Iż-żamma tal-impjiegi flimkien ma’ xogħol b’ħinijiet iqsar ikkumpensat tajjeb huma b’dan il-mod aħjar mis-sensji kemm għall-impjegaturi kif ukoll għall-impjegati. Il-promozzjoni mifruxa mal-UE kollha u l-appoġġ finanzjarju ta’ tali strumenti tas-suq tax-xogħol ikunu kontribut importanti biex jistabilizzaw il-ħajja ekonomika u soċjali f’dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali.

3.9F’dan il-kuntest, il-KESE laqa’ l-istabbiliment ta’ SURE 18 , l-istrument imħabbar mill-Kummissjoni tal-UE u żviluppat biex jappoġġja finanzjarjament l-arranġamenti tax-xogħol b’ħinijiet iqsar, mekkaniżmi ta’ kumpens għat-telf ta’ introjtu u miżuri simili, li għandhom l-għan li jipprevjenu l-qgħad wara t-tifqigħa tal-COVID-19.

3.10Fir-rigward tal-linji gwida għall-Istati Membri dwar kif għandu jiġi applikat dan l-istrument, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tal-anqas tiżgura li a) l-Istati Membri kollha jistabbilixxu xogħol b’ħinijiet iqsar jew miżuri simili, b) miżuri bħal dawn għandhom ikopru lill-ħaddiema, ’is-setturi u ’l-kumpaniji kollha, c) il-pagamenti jsiru biss lil kumpaniji li jsaħħu l-isforzi biex jevitaw sensji, u d) l-imsieħba soċjali jkunu involuti bis-sħiħ fit-tfassil, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-iskemi, fil-livell nazzjonali, settorjali u tal-kumpaniji u għandu jiġi allokat biżżejjed finanzjament mill-UE biex l-Istati Membri jiġu megħjuna jimplimentaw il-miżuri meħtieġa.

3.11Fid-Dikjarazzjoni Konġunta reċenti tagħhom dwar il-COVID-19 19 , l-imsieħba soċjali Ewropej iħeġġu li għandhom isiru l-isforzi kollha biex jgħinu lill-ħaddiema, ’l-intrapriżi, ’l-attivitajiet ekonomiċi u lis-servizzi pubbliċi biex jissopravvivu l-kriżi, sabiex ikunu jistgħu jerġgħu lura għall-attivitajiet tagħhom meta tintemm il-kriżi, biex sadanittant iżommu l-ħaddiema fl-impjiegi tagħhom, biex jipproteġuhom kontra l-qgħad u t-telf ta’ introjtu, u biex jittaffa t-telf finanzjarju.

3.12L-imsieħba soċjali jħeġġu lill-gvernijiet japprovaw b’mod partikolari miżuri li jipprevedu:

·l-evitar ta’ distorsjonijiet tas-suq uniku, inklużi projbizzjonijiet u restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni u speċjalment għall-esportazzjoni ta’ tagħmir mediku u mediċini, u l-waqfien tal-għeluq tal-fruntieri għall-prodotti; is-salvagwardja tal-modi kollha tat-trasport tal-merkanzija hija prijorità fl-UE, u anke l-qadi ta’ rwol essenzjali għall-koordinazzjoni u l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-azzjonijiet meħuda fl-Istati Membri;

·l-inkoraġġiment għall-infiq u l-investiment mill-Istati Membri partikolarment biex isaħħu l-persunal, it-tagħmir u l-mezzi għas-servizzi nazzjonali tas-saħħa, is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali u servizzi oħrajn ta’ interess ġenerali;

·il-mobilizzazzjoni tal-fondi strutturali mhux użati u fondi oħrajn tal-UE bħala għajnuna lill-Istati Membri biex jiżguraw appoġġ finanzjarju u tal-introjtu għall-ħaddiema affettwati mill-qgħad jew mis-sospensjoni mix-xogħol;

·l-iżgurar tal-aċċess għall-kreditu u l-appoġġ finanzjarju għall-intrapriżi, speċjalment it-tipi kollha ta’ SMEs, affettwati mil-lockdown u minn miżuri ta’ emerġenza, b’intervent koordinat mill-baġit tal-UE, il-BĊE, il-BEI u l-banek promozzjonali nazzjonali;

·l-attivazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà għal diżastri naturali u kwalunkwe finanzjament disponibbli ieħor fil-livell tal-UE sabiex jiġi aġġustat il-baġit attwali li mhuwiex biżżejjed;

·l-isforzi mill-Kummissjoni Ewropea biex tiġi implimentata flessibbiltà sħiħa fir-regoli dwar l-Għajnuna mill-Istat għandhom jiġu rikonoxxuti wkoll.

3.13L-Istati Membri għandhom jinvolvu lill-imsieħba soċjali nazzjonali fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ miżuri nazzjonali.

3.14Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-appoġġ finanzjarju jasal għand l-intrapriżi, speċjalment it-tipi kollha ta’ SMEs, u l-ħaddiema kollha, inklużi dawk b’impjiegi prekarji li huma l-aktar vulnerabbli.

3.15Il-pjan tal-Kummissjoni li tapplika l-flessibbiltà fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli fiskali u tal-Għajnuna mill-Istat huwa essenzjali għall-appoġġ lis-servizzi pubbliċi, li ma baqagħlhomx aktar riżorsi, kif ukoll il-kumpaniji u l-ħaddiema milquta mill-kriżi.

3.16Il-fondi tal-UE investiti fil-protezzjoni tal-ħaddiema u l-intrapriżi kontra l-agħar effetti tal-kriżi għandhom ikunu addizzjonali għall-infiq tal-Istati Membri.

3.17L-Ewropa trid turi responsabbiltà, solidarjetà u effiċjenza biex tiffaċċja din l-emerġenza, billi tipproteġi liċ-ċittadini, lill-ħaddiema u lill-intrapriżi affettwati kollha tagħha.

4.Kummenti speċifiċi

4.1Il-linji gwida dwar l-impjiegi għandhom rwol ta’ direzzjoni li huwa importanti wkoll waqt il-kriżi tal-COVID-19, meta l-miżuri fuq medda qasira ta’ żmien huma dawk li jingħataw l-akbar attenzjoni. Il-perspettiva fit-tul m’għandhiex tintesa anke fi żminijiet ta’ urġenza, jiġifieri li jsiru sforzi għal konverġenza sostenibbli ’l fuq.

4.2Linja gwida 5: Nagħtu spinta lid-domanda għax-xogħol

4.2.1Minn perspettiva fit-tul, il-linja gwida ma tipprovdix miżuri effettivi biex tingħata spinta lid-domanda għax-xogħol. Il-miżuri kollha proposti jirreferu għal ostakli għad-dħul għan-negozji u għal bidliet fit-taxxa biex jitnaqqas il-piż fiskali fuq ix-xogħol. Din il-proposta hija għal żmien qasir u ma tikkunsidrax l-implikazzjonijiet politiċi tat-tnaqqis tal-kapaċità finanzjarja tal-istat.

4.2.2Skont il-Linja Gwida 5, l-Istati Membri għadhom imħeġġin irawmu “forom innovattivi ta’ xogħol”. Filwaqt li forom ġodda ta’ xogħol u innovazzjoni jipprovdu opportunitajiet għat-tkabbir, il-KESE diġà enfasizza l-ħafna sfidi assoċjati ma’ dan it-tip ta’ xogħol. Il-linji gwida għall-impjieg għandu jkollhom l-għan li jittraduċu x-xejriet assoċjati ma’ dawn il-forom ġodda ta’ impjieg f’opportunitajiet ta’ impjieg ġusti abbażi ta’ bilanċ bejn tranżizzjonijiet bla xkiel fis-swieq tax-xogħol u dispożizzjonijiet adatti għas-sigurtà tal-ħaddiema 20 .

4.2.3Is-sejħa biex jiġu stabbiliti pagi ġusti, jew permezz ta’ titjib fil-mekkaniżmi tal-pagi minimi statutorji fejn dawn jeżistu jew permezz ta’ negozjar kollettiv, għandha tintlaqa’ tajjeb. L-involviment tal-imsieħba soċjali huwa kruċjali, u huwa pożittiv ħafna li l-linji gwida qed jitolbu lill-Istati Membri biex “jippromwovu d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv bil-għan li jiġu stabbiliti l-pagi”. Il-KESE bħalissa qed iħejji Opinjoni dwar il-pagi minimi deċenti 21 .

4.2.4Iċ-ċaqliq tat-tassazzjoni lil hinn mix-xogħol lejn sorsi oħra fil-Linji Gwida huwa milqugħ tajjeb, u anke l-ispeċifikazzjoni l-ġdida. Madankollu, hemm bżonn ta’ aktar ċarezza dwar sorsi possibbli oħrajn. Il-KESE adotta Opinjonijiet li għandhom fil-mira tagħhom kwistjonijiet bħall-ippjanar aggressiv tat-taxxa, il-frodi u l-evażjoni 22 .

4.2.5Fil-konklużjoni tagħha, din il-linja gwida għandha tinkludi proposti biex isaħħu l-effettività ta’ ftehimiet kollettivi permezz ta’ titjib fil-kopertura tagħhom. Fl-istess ħin huwa prerekwiżit u importanti ferm li jiġu rispettati bis-sħiħ il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif ukoll ir-rwol awtonomu tal-imsieħba soċjali 23 .

4.3Linja gwida 6: Insaħħu l-provvista ta’ ħaddiema u ntejbu l-aċċess għall-impjiegi, għall-ħiliet u għall-kompetenzi

4.3.1Huwa tajjeb li l-linja gwida tirreferi għal viżjoni globali ta’ kompetenzi allinjati ma’ sistema produttiva li hija sostenibbli. Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-fatt li l-linji gwida qed jappellaw lill-Istati Membri biex jadattaw u jinvestu fis-sistemi tagħhom ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ biex jipprovdu edukazzjoni ta’ kwalità għolja u inklużiva, inklużi l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.

4.3.2Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu l-aħjar użu mill-opportunitajiet ipprovduti mill-fondi tal-UE, li għandhom jiġu msaħħin ukoll b’riżorsi nazzjonali. Il-KESE jappella għal strateġiji Ewropej u nazzjonali aktar effettivi dwar l-iżgurar ta’ finanzjament sostenibbli għal taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet tal-adulti kollha, b’attenzjoni, b’mod partikolari, fuq l-għoti ta’ appoġġ effettiv lil ħaddiema u lil persuni qiegħda minn servizzi pubbliċi tal-impjiegi, kumpaniji, kontijiet ta’ taħriġ individwali u minn prattiki oħrajn użati fil-livelli nazzjonali. Minħabba l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19, jistgħu jkunu meħtieġa miżuri immedjati sabiex jadattaw il-provvista ta’ ħaddiema għall-bżonnijiet u t-talbiet attwali, pereżempju billi kumpaniji fis-settur tas-servizzi jisilfu l-persunal temporanjament lis-settur tal-kura tas-saħħa.

4.3.3Il-KESE jissuġġerixxi lill-Kummissjoni Ewropea tkun aktar ambizzjuża fit-tfassil ta’ indikaturi u punti ta’ riferiment għall-parteċipazzjoni fit-tagħlim għall-adulti u għall-aċċess għat-taħriġ tal-impjegati, kif ukoll fit-tfassil ta’ indikaturi relatati mal-investiment pubbliku u privat fl-ETV, u fil-Linja gwida tal-Impjiegi 6 għandu jiġi kkunsidrat u jiddaħħal bħala rekwiżit id-dritt tal-ħaddiema għal liv bi ħlas għal skopijiet ta’ taħriġ 24 .

4.3.4It-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet se jkunu ingredjent ewlieni sabiex is-swieq tax-xogħol jiġu adattati matul iż-żmien tal-kriżi tal-COVID-19 iżda wkoll biex ikun żgurat li l-Ewropa toħroġ minnha aktar b’saħħitha u aktar kompetittiva. L-Istati Membri għandhom jibnu jew isaħħu mekkaniżmi u sistemi ta’ appoġġ għat-tranżizzjoni tax-xogħol, bl-appoġġ mill-Fond Soċjali Ewropew. L-għan ta’ tali mekkaniżmi huwa li jinħolqu mezzi lura għall-impjiegi, biex jiġu pprevenuti s-sensji li jwasslu għal qgħad fit-tul, iżda wkoll biex jinfetħu perkorsi għal impjiegi ġodda u diversi proċessi ta’ ħolqien ta’ impjiegi.

4.3.5Għarfien aħjar dwar in-natura li tinbidel tax-xogħol u tar-relazzjonijiet ta’ impjieg fl-era diġitali għandu jwassal għal politika tal-UE dwar l-impjiegi aktar effettiva. Il-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal sitwazzjoni fejn aktar nies minn qatt qabel qegħdin fuq telexogħol. It-telexogħol mhuwiex adattat għaċ-ċirkustanzi kollha jew għat-tipi kollha ta’ pożizzjonijiet, iżda jekk it-telexogħol jiġi pprattikat b’mod korrett, jista’ jkun komponent importanti tar-rispons biex tingħata flessibbiltà fil-ħinijiet tax-xogħol li tgħin lill-ħaddiema jiksbu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u fl-interessi tal-kumpaniji. Huwa essenzjali li jiġu żgurati arranġamenti xierqa ta’ saħħa u sikurezza kemm fuq il-post tax-xogħol kif ukoll fir-rigward tal-kundizzjonijiet għat-telexogħol, inkluż ir-rispett tal-limiti ta’ ħin ta’ xogħol. Huma meħtieġa wkoll aktar riċerka u investiment għal miżuri li jindirizzaw riskji ġodda u emerġenti, inkluż stress u riskji psikosoċjali oħrajn.

4.3.6Sabiex jinkiseb litteriżmu diġitali sħiħ għall-għalliema u l-istudenti kollha, kif ukoll għall-Ewropej kollha, inklużi dawk f’żoni marġinalizzati, hemm bżonn fondi pubbliċi adatti u persunal tekniku kompetenti. Huwa essenzjali li dawk li huma esposti għar-riskju jkunu garantiti l-aċċess għall-internet u għal taħriġ biex jiksbu l-kompetenzi diġitali, u jingħataw l-opportunità biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jkollhom aċċess għas-servizzi soċjali.

4.3.7Il-KESE diġà enfasizza l-ħtieġa li jiġi salvagwardjat id-dħul deċenti matul it-taħriġ. L-istrumenti użati f’ċerti Stati Membri tal-UE għandhom jiġu eżaminati wkoll bil-ħsieb li l-prattika tajba fil-qasam ta’ standards minimi dwar id-drittijiet għal liv edukattiv issir prattika standard fl-Istati Membri l-oħrajn.

4.3.8Rigward il-kwistjonijiet ta’ appoġġ għal dawk qiegħda u fid-dawl tal-għadd akbar ta’ ħaddiema li ilhom qiegħda għal żmien twil, il-linji gwida dwar l-impjiegi għandhom jindirizzaw il-ħtieġa li tittieħed azzjoni bikrija biex jiġi evitat l-effett negattiv fit-tul fuq l-individwi li jinħoloq meta jkunu barra mis-suq tax-xogħol għal tul ta’ żmien. Il-kopertura u l-livell tal-benefiċċji tal-qgħad jeħtieġ li jkunu biżżejjed. Xi sistemi nazzjonali huma riġidi wisq fir-rigward tal-kwalifiki, u r-rimborż huwa baxx wisq. F’dan ir-rigward, il-KESE reċentement sejjaħ għal azzjonijiet Ewropej favur standards minimi għall-iskemi nazzjonali tal-qgħad 25

4.3.9Fil-proċess biex jiġu ffaċilitati l-opportunitajiet ta’ impjieg f’kull tip ta’ xogħol, it-tqegħid ta’ impjiegi ta’ kwalità fuq l-aġenda għandu jkun fil-qalba tal-viżjoni fit-tul dwar l-impjiegi tal-UE.

4.4Linja gwida 7: Insaħħu l-funzjonament tas-swieq tax-xogħol u l-effettività tad-djalogu soċjali

4.4.1L-appell għal ħidma favur kundizzjonijiet trasparenti u prevedibbli, biex jiġu evitati s-segmentazzjoni u l-impjieg prekarju, u biex titrawwem it-tranżizzjoni lejn kuntratti indefiniti huwa sinjal pożittiv. L-istess japplika għat-tisħiħ u t-titjib tal-kapaċità tal-imsieħba soċjali biex jinnegozjaw kollettivament. Il-linji gwida dwar l-impjiegi għandhom jimmiraw ukoll biex jippromwovu kopertura ta’ negozjar kollettiv u biex jiżguraw li l-ħaddiema kollha jkollhom id-dritt li jorganizzaw u li jkollhom aċċess liberu għar-rappreżentanza minn trejdjunjin.

4.4.2F’din il-linja gwida, id-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għas-soluzzjoni ta’ tilwim b’mod imparzjali għandu jkollhom applikazzjoni ġenerali minflok sempliċement japplikaw għal “sensji inġusti”. Madankollu għandhom jiġu rispettati d-drittijiet tal-partijiet li jużaw il-qrati meta tkun falliet soluzzjoni alternattiva għat-tilwim 26 .

4.4.3Elementi pożittivi oħrajn tal-Proposta tal-Kummissjoni, meta mqabbla mal-linji gwida attwali dwar l-impjiegi, huma l-enfasi fuq kundizzjonijiet ġusti għall-ħaddiema mobbli, u referenzi għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u biex jintemm il-faqar fost dawk li jaħdmu. Se jkun importanti għall-Istati Membri li jqisu l-ħaddiema mobbli, inklużi l-ħaddiema fruntalieri, meta jimplimentaw miżuri, bħall-għeluq tal-fruntieri, biex itaffu l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19.

4.4.4Element wieħed nieqes f’din il-linja gwida huwa l-ħtieġa għal saħħa u sikurezza okkupazzjonali aħjar. Fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19, post tax-xogħol tajjeb għas-saħħa u sikur huwa essenzjali sabiex jiġi miġġieled ir-riskju li persuna tkun infettata u xxerred il-virus u mard ieħor. L-impjegaturi jeħtieġ ikunu responsabbli għas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema tagħhom u jipprovdu lilhom u lir-rappreżentanti tagħhom informazzjoni adatta, filwaqt li jagħmlu valutazzjonijiet tar-riskju u jieħdu miżuri ta’ prevenzjoni. L-awtoritajiet pubbliċi, in-negozji, l-impjegati u l-imsieħba soċjali jridu jaqdu rwol sabiex jipproteġu lill-ħaddiema, lill-familja tagħhom u lis-soċjetà b’mod ġenerali. Biex jittejjeb il-funzjonament tas-swieq tax-xogħol, l-Istati Membri għandhom jinvestu fis-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali, u għandhom jiżguraw mezzi u dispożizzjonijiet adatti għall-ispettorati tax-xogħol jew għar-rappreżentanti tat-trejdjunjins tal-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà, u appoġġ lill-impjegaturi.

4.4.5Il-maġġoranza tal-intrapriżi żgħar u mikro għandhom riżorsi ekonomiċi u maniġerjali limitati, u għalhekk għandhom jiġu pprovduti b’appoġġ prattiku, finanzjarju u mfassal għalihom għall-programmi dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali sabiex jadattaw il-postijiet tax-xogħol, u sabiex jimplimentaw malajr proċeduri u prattiki ġodda biex jipproteġu lill-ħaddiema. L-iseptturi tax-xogħol, l-EU-OSHA (l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol), in-Netwerk Enterprise Europe u l-awtoritajiet kompetenti fil-livell nazzjonali jistgħu joffru appoġġ prattiku – bħal pereżempju għodod, informazzjoni, gwida u pariri li huma kosteffettivi, mingħajr ħlas u li huma faċli biex jintużaw mill-utenti.

4.4.6Il-KESE jissuġġerixxi li għandu jsir aktar biex jiġi promoss il-bini tal-kapaċità għall-imsieħba soċjali fid-djalogu soċjali, biex jiġi pprovdut investiment fi strutturi li jappoġġjaw id-djalogu soċjali u li jippromovu proċeduri li jrawmu d-djalogu soċjali. Hemm pajjiżi bi djalogu soċjali inqas żviluppat u tabilħaqq dawk li għadhom iġarrbu tfixkil f’dan il-qasam minħabba l-kriżi. Aħna nilqgħu l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea biex iżżid il-kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Minħabba ċ-ċentralità tad-djalogu soċjali fit-twettiq tal-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali u fl-implimentazzjoni tal-linji gwida għall-impjieg u tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż, il-KESE jtenni t-talba tiegħu li dan ikun preżenti fl-Istati Membri kollha u jħeġġeġ lill-atturi politiċi kollha fil-livell nazzjonali u Ewropew biex isaħħu l-istrutturi tan-negozjar kollettiv fil-livelli kollha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għamlet avvanzi fl-involviment tas-soċjetà ċivili fir-rappurtar speċifiku għall-pajjiż, u dan għandu jintlaqa’ bi pjaċir u għandu jkompli jiġi żviluppat.

4.5Linja gwida 8: Nippromwovu l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd, inrawmu l-inklużjoni soċjali u niġġieldu l-faqar

4.5.1Il-kopertura tal-protezzjoni soċjali hija indirizzata fid-dawl tal-isfida demografika u l-ħtieġa li l-ħaddiema jibqgħu jaħdmu aktar fit-tul. Il-linji gwida dwar l-impjiegi għandhom jikkunsidraw ukoll għanijiet bħall-kopertura sħiħa u effettiva, l-adegwatezza u t-trasparenza.

4.5.2L-ugwaljanza bejn is-sessi tista’ tinkiseb biss billi tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa f’kull livell tas-suq tax-xogħol, kemm f’termini ta’ rati ta’ impjieg kif ukoll billi tiżdied il-medja tas-sigħat tax-xogħol tan-nisa. Huma meħtieġa aktar miżuri biex jiġu indirizzati l-ostakli għall-impjieg tan-nisa, bħal pereżempju n-nuqqas ta’ kura affordabbli u aċċessibbli, u miżuri biex tiġi eliminata d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa. Biex isir dan, jeħtieġ li diversi ostakli strutturali jiġu indirizzati fil-livelli Ewropej u nazzjonali, inkluż investiment akbar f’servizzi pubbliċi ta’ kwalità u miżuri li jindirizzaw it-trasparenza fil-pagi. L-intraprenditorija tista’ tkun opportunità għall-indipendenza ekonomika tan-nisa b’impjiegi ta’ kwalità, għal karrieri ta’ suċċess, għall-ħruġ tan-nisa mill-faqar u l-esklużjoni soċjali, u biex jingħata kontribut għal rappreżentanza aktar bilanċjata bejn il-ġeneri fit-teħid tad-deċiżjonijiet.

4.5.3Għall-persuni b’diżabilità, huwa partikolarment importanti li l-aċċess għas-suq tax-xogħol jiġi ffaċilitat billi jiġu indirizzati prattiki diskriminatorji. Għandu jingħata appoġġ adatt mis-servizzi tal-impjieg u permezz ta’ kampanji pubbliċi biex jindirizzaw il-preġudizzju u jippromovu n-nondiskriminazzjoni kontra persuni b’diżabilità. Fir-rigward tal-aċċess għas-servizzi fir-rigward tad-diżabilità, jeħtieġ li wieħed jirreferi għall-għajxien indipendenti kif ukoll għall-aċċessibbiltà.

4.5.4Sabiex jiġi żgurat aċċess għall-kura tas-saħħa għal kulħadd, jeħtieġ li tingħata attenzjoni għall-ħtieġa ta’ provvista sostenibbli, effiċjenti, affordabbli u aċċessibbli ta’ servizzi tal-kura tas-saħħa ta’ kwalità u finanzjament adatt għal persunal tal-kura tas-saħħa mħarreġ tajjeb. 

4.5.5Fir-rigward tat-tixjiħ attiv, huma meħtieġa proposti konkreti biex tiġi evitata l-promozzjoni ta’ politiki inadatti għal ħaddiema anzjani. Kif maqbul mill-imsieħba soċjali Ewropej fil-Ftehim Qafas Awtonomu dwar it-tixjiħ attiv u approċċ interġenerazzjonali 27 , it-tixjiħ attiv huwa kwistjoni ta’ ottimizzazzjoni tal-opportunitajiet għall-ħaddiema ta’ kull età biex jaħdmu f’kundizzjonijiet ta’ kwalità tajba, produttivi u sani sal-età legali tal-irtirar, abbażi ta’ impenn reċiproku u motivazzjoni tal-impjegaturi u tal-ħaddiema.

4.5.6F’dan ir-rigward, f’għadd ta’ Opinjonijiet, il-KESE enfasizza wkoll il-ħtieġa li tiġi promossa s-solidarjetà interġenerazzjonali li tkun akkumpanjata minn politiki effettivi ta’ tkabbir u impjiegi. Għandna bżonn politika reali dwar "tixjiħ attiv", kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin, politiki dwar is-saħħa u s-sigurtà u l-ħinijiet tax-xogħol, u żieda fil-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja. Għandna bżonn ukoll nagħtu spinta lir-rati ta’ impjieg għal nies imdaħħla fiż-żmien, li spiss ikollhom jieqfu mix-xogħol kmieni minħabba l-problemi ta’ saħħa, l-intensità tax-xogħol, is-sensji qabel iż-żmien, u n-nuqqas ta’ opportunitajiet għal taħriġ jew dħul mill‑ġdid fis-suq tax-xogħol 28 .

Brussell, 7 ta’ Mejju 2020

Luca Jahier
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

_____________

(1) L-Artikolu 146(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
(2)       ĠU C 237, 6.7.2018, p. 57
(3)       ĠU C 14, 15.1.2020, p. 1
(4)      Ara d-dokument ILO Monitor 2nd edition: COVID-19 and the world of work (It-tieni edizzjoni tal-ILO Monitor: Il-COVID-19 u d-dinja tax-xogħol) mhux disponibbli bil-Malti.
(5)      Ara Id-dikjarazzjoni tal-KESE dwar “Ir-rispons tal-UE għat-tifqigħa tal-COVID-19 u l-ħtieġa għal solidarjetà bla preċedent fost l-Istati Membri”
(6)      Ara SMEunited “ A view on the COVID impact on and support measures for SMEs ” (Ħarsa lejn l-impatt tal-COVID fuq l-SMEs u l-miżuri ta’ appoġġ għalihom); BusinessEurope “Vidjokonferenza tal-membri tal-Kunsill Ewropew nhar it-23 ta’ April 2020 – Ittra mingħand Pierre Gattaz u Markus J. Beyrer lill-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel ”.
(7)      SMEunited “A view on the COVID impact on and support measures for SMEs” (Ħarsa lejn l-impatt tal-COVID fuq l-SMEs u l-miżuri ta’ appoġġ għalihom).
(8)     COM/2020/139 final
(9)       ĠU C 282, 20.8.2019, p. 32 , punt 3.1.4.
(10)       ĠU C 282, 20.8.2019, p. 32 punt 1.7.
(11)       ĠU C 237, 6.7.2018, p. 57 , punti 1.3 u 4.3.
(12)       ĠU C 237, 6.7.2018, p. 57 , punt 1.13.
(13)       ĠU C 282, 20.8.2019, p. 32 , punt 3.3.1.
(14)       ĠU C 282, 20.8.2019, p. 32 , punt 3.4.1.
(15)     ĠU C 81, 2.3.2018, p. 145  
(16)       ĠU C 282, 20.8.2019, p. 32 punt 1.3
(17)       ĠU C 282, 20.8.2019, p. 32 , punt 3.5.5
(18)      Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19.
(19)       European Social Partners joint statement on COVID-19 (Dikjarazzjoni konġunta dwar il-COVID19 mill-imsieħba soċjali Ewropej) mhux disponibbli bil-Malti
(20)       ĠU C 237, 6.7.2018, p. 57 punt 5.1
(21)       L-Opinjoni SOC/632 dwar pagi minimi deċenti fl-Ewropa kollha (għadha qed titħejja)
(22)

      ĠU C 237, 6.7.2018, p. 57 ; ĠU C 129, 11.4.2018, p. 1

(23)       ĠU C 237, 6.7.2018, p. 57 punt 5.5
(24)      L-Opinjoni SOC/629 dwar il-finanzjament sostenibbli tat-tagħlim tul il-ħajja u tal-iżvilupp tal-ħiliet, fil-kuntest ta’ nuqqas ta’ ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Kroata), ara paġna XX fil-ĠU.
(25)       ĠU C 97, 24.3.2020, p. 32 .
(26)       ĠU C 237, 6.7.2018, p. 57 punt 5.9
(27)       European social partners' autonomous framework agreement on active ageing and an inter-generational approach (Ftehim qafas awtonomu tal-imsieħba soċjali Ewropej dwar it-tixjiħ attiv u approċċ interġenerazzjonali (mhux disponibbli bil-Malti).
(28)

      ĠU C 237, 6.7.2018, p. 57 , punt 5.9 u l-Opinjoni dwar “Id-dinja tax-xogħol li qed tinbidel u l-lonġevità/il-popolazzjoni li qed tixjieħ – Il-prekundizzjonijiet biex il-ħaddiema li qed jixjieħu jibqgħu attivi fid-dinja tax-xogħol il-ġdida”  ĠU 14, 15.1.2020, p. 60 .