CCMI/176
L-estrazzjoni diġitali fl-Ewropa:
soluzzjonijiet ġodda għall-produzzjoni
sostenibbli tal-materja prima
OPINJONI
Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
L-estrazzjoni diġitali fl-Ewropa: Soluzzjonijiet ġodda għall-produzzjoni sostenibbli tal-materja prima
(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
Relatur: Marian KRZAKLEWSKI
Korelatur: Hilde VAN LAERE
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja
|
20/02/2020
|
|
Bażi legali
|
Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
Opinjoni fuq inizjattiva proprja
|
|
|
|
|
Sezzjoni kompetenti
|
CCMI
|
|
Adottata fis-sezzjoni
|
02/09/2020
|
|
Adottata fil-plenarja
|
18/09/2020
|
|
Sessjoni plenarja Nru
|
554
|
|
Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)
|
213/0/4
|
1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1Id-diġitalizzazzjoni tas-settur tal-materja prima tal-UE hija opportunità unika biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista industrijali Ewropej, biex tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tas-settur tal-minerali u biex jiżdiedu t-trasparenza u d-djalogi maċ-ċittadini u l-komunitajiet affettwati mill-attivitajiet ta’ estrazzjoni.
1.2Il-kumpaniji tal-estrazzjoni li taw bidu għat-trasformazzjoni diġitali raw titjib fis-sikurezza, is-sostenibbiltà, il-produttività u l-marġini. Iżda l-kombinazzjoni tal-konnettività mtejba, il-mobilità, it-tagħlim awtomatiku u l-operazzjonijiet awtonomi tqajjem kwistjonijiet etiċi, soċjali u regolatorji li għandhom jiġi kkunsidrati sew minn dawk li jfasslu l-politika.
1.3Il-KESE jirrikonoxxi li t-trasformazzjoni diġitali tas-settur tal-estrazzjoni teħtieġ sforz ambizzjuż biex jitwettqu bidliet legali u regolatorji, u li dan l-isforz għandu jsir taħt l-awspiċju tal-organizzazzjonijiet sovranazzjonali/fil-livell tad-dritt internazzjonali.
1.4Il-KESE jenfasizza l-importanza li jkun hemm struttura globali u komprensiva tan-network tal-intelligence dwar il-minerali sabiex jirfed it-trasformazzjoni diġitali u t-teħid tad-deċiżjonijiet b'mod informat fil-livell tal-UE. Il-KESE jirrikonoxxi l-isforz taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (JRC) fit-twaqqif u ż-żamma ta' sistema ta' informazzjoni Ewropea dwar il-materja prima.
1.5Il-KESE jqis li t-trasformazzjoni diġitali tas-settur tal-materja prima tal-UE għandha tkun akkumpanjata minn miżuri ta’ protezzjoni tad-data, u jirrikonoxxi l-ħtieġa għal sistemi infurzati b’mod strett biex id-data sensittiva tkun imħarsa.
1.6Il-KESE jirrakkomanda l-iżvilupp ta’ pjan direzzjonali regolatorju tal-UE li jindirizza l-isfidi maħluqa mit-trasformazzjoni diġitali tas-settur tal-materja prima, li jittratta suġġetti bħaċ-ċibersigurtà, l-intelliġenza artifiċjali, l-awtomatizzazzjoni, il-governanza f’diversi livelli u l-estrazzjoni mill-baħar u l-ispazju.
1.7Il-KESE jirrakkomanda d-definizzjoni u l-adozzjoni tal-istandards tal-UE għall-ġbir ta’ data dwar ir-riżorsi minerali, u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex perjodikament jiġbru u jikkondividu data komprensiva u vverifikata dwar l-estrazzjoni, l-ipproċessar u r-riċiklaġġ ta’ materja prima mal-JRC. Dan huwa importanti biex jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari.
1.8Il-KESE jirrakkomanda li jiġu stabbiliti miżuri adegwati ta' appoġġ soċjali maħsuba biex jiġu minimizzati l-impatti negattivi li t-trasformazzjoni diġitali se jkollha fuq il-forza tax-xogħol tal-estrazzjoni u biex il-komunitajiet tal-minjieri jingħataw għajnuna fit-tranżizzjoni tal-ekonomiji tagħhom biex jiġi evitat li l-inugwaljanzi soċjali eżistenti fost l-individwi u l-gruppi tal-popolazzjoni jkomplu jiggravaw.
1.9Il-KESE jirrakkomanda l-iżvilupp u l-appoġġ ta’ infrastruttura tal-cloud ibbażata fl-UE, sabiex jiżdied il-livell ta’ sigurtà tal-applikazzjonijiet tal-5G, il-cloud computing u l-pjattaformi tal-Internet tal-Oġġetti Industrijali.
1.10Il-KESE jqis li d-diġitalizzazzjoni tal-industrija tal-materja prima minerali hija kruċjali biex tiġi indirizzata l-kriżi ekonomika kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 u biex titrawwem l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Pjan ta' Rkupru tal-UE. F'dan il-kuntest, huwa importanti ħafna li jiġu stimulati l-investimenti fid-diġitalizzazzjoni tal-estrazzjoni u l-ipproċessar ta' materja prima minerali primarja (estrazzjoni) u sekondarja (riċiklaġġ).
1.11Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura li l-imsieħba soċjali fis-settur tal-estrazzjoni jkunu involuti u kkonsultati mill-istituzzjonijiet Ewropej fil-proċess tat-tfassil tal-politika u dwar kwalunkwe inizjattiva tal-UE li taffettwa lis-settur tal-materja prima minerali.
2.Introduzzjoni
2.1L-UE qed tiffaċċja sfidi teknoloġiċi, soċjetali u ambjentali b’rabta mal-provvista ta’ materja prima li jirfdu l-attività industrijali tagħha u l-kwalità tal-ħajja għall-popolazzjoni tagħha. L-UE tipproduċi inqas minn 5 % tal-produzzjoni dinjija ta' materja prima minerali, u l-industrija tal-UE tirrappreżenta madwar 20 % tal-konsum globali tal-materja prima minerali. Id-dipendenza mill-importazzjonijiet hija partikolarment għolja għall-metalli rari u l-elementi meħtieġa għal applikazzjonijiet ta’ teknoloġija avvanzata u għat-tranżizzjoni tal-enerġija ekoloġika deskritta fil-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM/2019/640). Dan jissostanzja l-Inizjattiva dwar il-Materja Prima mnedija mill-Kummissjoni fl-2008 (COM/2008/699) u l-isforzi suċċessivi tagħha biex tivvaluta l-kritikalità tal-provvista u telenka l-materja prima kritika (l-aktar lista reċenti ġiet ippubblikata fl-2017; il-lista aġġornata hija parti mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Materja Prima Kritika.
2.2L-avvanzi teknoloġiċi li jagħtu spinta lill-użu effiċjenti tal-materjali u r-riżorsi, u jiffavorixxu t-tnaqqis u r-riċiklaġġ tal-iskart, f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari (COM/2015/0614 aġġornat reċentement permezz ta’ COM/2020/98), huma estremament ’il bogħod milli jkunu biżżejjed biex jirfdu l-ħtiġijiet tas-soċjetà u t-tkabbir tal-popolazzjoni globali. F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-materja prima primarja se tkompli taqdi rwol essenzjali fl-ekonomija.
2.3Fl-istess ħin, l-oppożizzjoni pubblika fir-rigward tal-proġetti tal-estrazzjoni f’ħafna pajjiżi tal-UE qed tiżdied, u l-isforzi tal-industrija biex tnaqqas l-impronta ambjentali tagħha ma bidlux ir-reputazzjoni (ħażina) tagħha. L-impatti ambjentali negattivi, in-nuqqas ta’ trasparenza u djalogu, u n-nuqqasijiet fid-distribuzzjoni tal-benefiċċji ekonomiċi fil-livell lokali huma karatteristiċi komunement attribwiti lill-industrija tal-estrazzjoni.
2.4Dan l-aħħar, iż-żieda fin-nazzjonaliżmu tar-riżorsi fil-pajjiżi li jipproduċu l-materja prima u l-pandemija tal-COVID‑19 taw daqqa ta' ħarta lid-dipendenza tal-industrija tal-UE mill-ktajjen tal-provvista globali. Il-gvernijiet tal-UE u ħafna produtturi industrijali rrealizzaw li d-dipendenza tal-importazzjoni mill-materja prima tista’ tfarrak l-industrija tal-manifattura tal-UE (is-settur tal-materja prima jipprovdi madwar 350 000 impjieg fl-UE, iżda hemm aktar minn 30 miljun impjieg fl-industriji tal-manifattura downstream li jiddependu minn aċċess affidabbli u bla xkiel għal materja prima minerali).
2.5L-avvanzi teknoloġiċi u ta’ komunikazzjoni ilhom jagħtu spinta lill-integrazzjoni tat-teknoloġiji diġitali fl-oqsma kollha tan-negozju, u bidlu b’mod fundamentali kif il-kumpaniji joperaw u jagħtu valur lill-klijenti. Din hija opportunità unika għas-settur tal-estrazzjoni tal-UE: kumpaniji tal-estrazzjoni li jieħdu vantaġġ mill-għodod diġitali jistgħu jilħqu livelli ġodda ta’ prestazzjoni tul il-katina tal-valur, b’effetti pożittivi dejjiema fuq id-dimensjoni soċjoekonomika, ambjentali u soċjali.
2.6Id-diġitalizzazzjoni tas-settur tal-materja prima tal-UE hija opportunità unika biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista, jiġu indirizzi ekonomiji tal-input li huma radikalment differenti u tingħata spinta lill-eċċellenza operattiva, soċjali u ambjentali tas-settur, u b’hekk jiġi avvanzat il-kunċett ta’ “minjiera diġitali”.
3.Kummenti ġenerali
3.1Id-diġitalizzazzjoni fil-produzzjoni tal-materja prima tirreferi għall-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni li jtejbu l-akkwist, l-organizzazzjoni u l-komunikazzjoni tad-data bil-għan li jtejbu l-prestazzjoni tal-faċilitajiet tal-produzzjoni f’termini ta’ indikaturi tekniċi, ambjentali u soċjetali.
3.2It-teknoloġiji diġitali jisfruttaw l-għarfien disponibbli kollu u jippermettu titjib kontinwu kif ukoll innovazzjonijiet radikali. Fehim preċiż tal-interazzjonijiet tul l-istadji kollha ta’ produzzjoni, fi ħdan u bejn il-ktajjen tal-valur u l-forzi tax-xogħol, jippermetti produzzjoni effiċjenti fir-riżorsi, il-monitoraġġ u l-manutenzjoni tat-tagħmir, il-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet tas-saħħa u l-prevenzjoni tar-riskju, u t-tħejjija u r-rispons għall-emerġenzi, fost ħafna aspetti oħrajn.
3.3It-trasformazzjoni diġitali ġiet identifikata fil-Qasam Prijoritarju “Teknoloġiji għall-produzzjoni tal-materja prima primarja u sekondarja” tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni (EIP) dwar il-Materja Prima (COM/2014/297), f’konformità mal-komunikazzjoni tal-KE dwar Strateġija Industrijali ġdida għall-Ewropa. Din tiddefinixxi l-materja prima bħala wieħed mill-faċilitaturi ewlenin għal Ewropa globalment kompetittiva, ekoloġika u diġitali.
3.4Il-KESE japprezza r-rwol tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni u l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija, li għandhom l-għan li jagħtu spinta lill-output ta’ servizzi u prodotti ġodda mill-istituzzjonijiet Ewropej. L-inizjattivi li jinvolvu l-materja prima jirfdu proporzjon sinifikanti ta’ dawn u huma interkonnessi ma’ miri oħrajn bħalma huma t-tranżizzjonijiet tal-enerġija u tal-mobilità, il-manifattura avvanzata, is-sigurtà, l-ikel u s-saħħa. B’mod partikolari, dawn għandhom rabta wkoll mal-avvanz diġitali ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi.
3.5Il-KESE jappoġġja l-attivitajiet tal-grupp ta’ riċerka tal-UE għall-ħolqien ta’ metodu ta’ ċertifikazzjoni tal-materja prima. Dan il-pass se jkun imbuttatura lejn l-estrazzjoni sostenibbli tal-minerali u l-metalli, li hija meħtieġa biex tirfed it-tranżizzjoni tal-Ewropa għal enerġija nadifa.
3.6L-identifikazzjoni tal-opportunitajiet maħluqa mit-trasformazzjoni diġitali għas-settur tal-estrazzjoni tal-UE hija parti kruċjali mill-approċċ rakkomandat tal-KESE għall-istrateġija diġitali. L-opportunitajiet identifikati għandhom ikunu vvalutati f’termini tal-valur potenzjali tagħhom għall-organizzazzjonijiet u s-soċjetà, u l-fattibbiltà tal-implimentazzjoni.
3.7Kunsiderazzjonijiet soċjali
3.7.1It-trasformazzjoni diġitali diġà qed taffettwa r-rwoli tradizzjonali fil-forza tax-xogħol tal-estrazzjoni, bil-ħolqien ta' funzjonijiet bħal speċjalisti ta' teknoloġiji ġodda, xjenzati u analisti tad-data, speċjalisti tal-big data, speċjalisti tal-intelliġenza artifiċjali (IA) u tat-tagħlim awtomatiku u inġiniera tas-sistemi, fost oħrajn. B’konsegwenza ta’ dan, kompiti ta’ rutina assoċjati ma’ rwoli bħall-operaturi tal-impjanti, l-analisti tal-ġestjoni u tal-organizzazzjoni u l-ħaddiema tal-estrazzjoni huma mistennija li jonqsu.
3.7.2Minħabba d-diġitalizzazzjoni tas-settur u t-trasformazzjoni tiegħu, l-impjegati jridu jgħaddu minn taħriġ xieraq biex ikunu jistgħu jilqgħu l-isfidi tal-Industrija 4.0 u l-bidliet teknoloġiċi futuri.
3.7.3Il-bidliet fin-natura u l-kompożizzjoni tal-forza tax-xogħol, flimkien mal-implimentazzjoni ta’ mudell ta’ “xogħol kullimkien u fi kwalunkwe ħin” li tippermetti t-trasformazzjoni diġitali se jkollhom impatt sinifikanti fuq il-komunitajiet tradizzjonali tal-minjieri fl-Ewropa. Dan jitlob approċċ proattiv ibbażat fuq djalogi soċjali inklużivi biex jgħin lill-komunitajiet jifhmu l-kapaċitajiet sottostanti tagħhom u jappoġġjaw it-tranżizzjoni tal-ekonomiji tagħhom lejn oqsma ġodda.
3.7.4Il-KESE jemmen li, fid-dawl tal-isfidi li ġġib magħha d-diġitalizzazzjoni tas-settur tal-estrazzjoni u t-theddid għas-settur ikkawżat mill-COVID-19, Il-Kummissjoni Ewropea għandha tappoġġja d-domandi attwali tal-imsieħba soċjali fis-settur tal-estrazzjoni fil-livell Ewropew permezz tad-djalogu soċjali Settorjali eżistenti – L-industriji estrattivi.
3.7.5Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-imsieħba soċjali fis-settur tal-estrazzjoni jkunu involuti u kkonsultati mill-istituzzjonijiet Ewropej fil-proċess tat-tfassil tal-politika u dwar kwalunkwe inizjattiva tal-UE li taffettwa lis-settur.
3.7.6Għalhekk, il-KESE jemmen li hemm bżonn li l-Kummissjoni, flimkien mal-imsieħba soċjali fil-Kumitat ta' Djalogu Settorjali, tistabbilixxi mill-aktar fis possibbli fil-livell Ewropew u nazzjonali network ta' Kunsilli Settorjali għall-Ħiliet u l-Impjiegi fl-industriji estrattivi.
4.Kunċetti u soluzzjonijiet rivoluzzjonarji għall-esplorazzjoni , l-estrazzjoni u/jew l-ipproċessar sostenibbli
·Jinħtieġu kunċetti u soluzzjonijiet rivoluzzjonarji għall-esplorazzjoni, l-estrazzjoni u r-riċiklaġġ ta’ materja prima minerali biex tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-Ewropa fix-xena globali. Approċċi u teknoloġiji ġodda huma mistennija jiffaċilitaw l-aċċess tal-Ewropa għall-materja prima prodotta b’mod sostenibbli, filwaqt li tinkiseb ukoll il-fiduċja tas-soċjetà fl-estrazzjoni u l-metodi tal-ipproċessar nodfa u sikuri.
·L-għarfien dwar il-karatteristiċi ġeoloġiċi, id-depożiti minerali u l-isfruttament tagħhom huwa għalkollox differenti u varjabbli, u l-kumplessità taċ-ċikli tal-materjali, il-politiki, ix-xejriet tas-suq, ix-xejriet teknoloġiċi, il-kwistjonijiet ambjentali u l-impatti soċjetali jirrikjedu l-kombinazzjoni ta’ ħafna oqsma ta’ għarfien espert biex jiġu sfruttati l-benefiċċji tad-diġitalizzazzjoni.
4.1Metodi u għodod għall-intelligence dwar il-minerali
4.1.1It-twaqqif ta’ ċentru ta’ data dwar il-ġeoxjenza għall-Ewropa
4.1.1.1Id-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà u l-irkuprabbiltà tal-minerali, il-metalli, l-enerġija u riżorsi oħrajn tas-sottosuperfiċe huma kwistjoni kruċjali aktar minn qatt qabel fis-soċjetà kontemporanja. Il-Parlament Ewropew, il-KE u diversi inizjattivi tal-UE f’oqsma ta’ politika, eż. Inizjattiva dwar il-Materja Prima, id-Direttiva dwar l-Ilma ta’ Taħt l-Art u d-Direttiva dwar il-Ġbir u l-Ħżin tal-Karbonju jeħtieġu aċċess għal data rilevanti tas-sottosuperfiċe.
4.1.1.2Attwalment, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea qed jiżviluppa sistema ta’ informazzjoni dwar il-materja prima li tinkludi dimensjoni ekonomika, soċjoekonomika u ambjentali – l-RMIS 2.0. Madankollu, l-informazzjoni pprovduta mhijiex kompluta u ma tkoprix kull wieħed mis-27 Stat Membru tal-UE bl-istess livell ta’ dettall.
4.1.1.3Illum il-ġurnata, id-data hija disponibbli biss parzjalment u ħafna drabi mhix armonizzata u għalhekk mhix komparabbli bejn il-pajjiżi. Hemm il-ħtieġa għal standardizzazzjoni tal-formati tad-data u l-iżvilupp ta’ algoritmi li jistgħu jservu ta’ pont bejn sistemi ta’ data differenti.
4.1.1.4Fil-fehma tal-KESE, l-integrazzjoni ta’ struttura komprensiva tan-network tal-intelligence dwar il-minerali, bl-użu ta’ data affidabbli u armonizzata, fi ħdan l-RMIS tal-JRC hija importanti ferm; din tipprovdi lill-KE u l-Istati Membri b’aċċess għall-informazzjoni u l-għarfien biex jappoġġjaw l-użu sostenibbli tas-sottosuperfiċe tal-UE fl-indirizzar tal-isfidi tal-Ewropa.
4.1.1.5Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tal-UE biex jiġbru u jikkondividu data ta’ informazzjoni dwar il-materja prima biex perjodikament jgħadduha lill-RMIS tal-JRC. Biex jiġu evitati rappreżentazzjonijiet żbaljati u żbalji, il-KESE jqis li d-data pprovduta lill-JRC għandha tiġi skrinjata għall-preċiżjoni qabel tiġi inkluża fl-RMIS. Il-JRC għandu jkun iffinanzjat biex iżomm u jaġġorna b’mod regolari din is-sistema ta’ informazzjoni.
4.1.2Simulazzjoni tal-proċess
4.1.2.1L-emissjonijiet, ir-reklamazzjoni, il-ħarsien tar-riżorsi tal-ilma, eċċ. kollha jistgħu jkunu soġġetti għal simulazzjonijiet: dawn jistgħu jinvolvu simulazzjonijiet paralleli multipli bl-użu ta’ suppożizzjonijiet differenti dwar il-kundizzjonijiet tal-konfini u l-punti tat-tluq biex jagħtu stimi tal-probabbiltà ta’ eżiti differenti li jistgħu jintużaw għall-kontroll u biex jiġi appoġġjat it-teħid tad-deċiżjonijiet.
4.1.2.2L-iżviluppi fuq tekniki komputazzjonali għas-simulazzjoni tal-proċess u d-disponibbiltà ta’ big data (settijiet ta’ data b’daqsijiet lil hinn mill-kapaċità ta’ għodod ta’ software komuni għall-qbid, l-iffiltrar, l-immaniġġjar, u l-ipproċessar f’perjodu ta’ żmien tollerabbli) taw spinta lill-preċiżjoni tas-simulazzjonijiet li jirrappreżentaw ir-relazzjonijiet kawżali bejn l-inputs kontrollati u l-outputs korrispondenti. Is-simulazzjonijiet tal-proċess jistgħu jkunu rilevanti b’mod speċjali fil-valutazzjonijiet ambjentali u tas-sikurezza u jistgħu jiffaċilitaw it-trasparenza u d-djalogi fil-proċessi tal-għoti ta’ permessi.
4.1.3It-telerilevament
4.1.3.1L-użu tad-data tat-telerilevament li saret disponibbli, pereżempju, permezz tal-programm Copernicus, li tiġbor fiha analitika tad-data spazjali u integrazzjoni ma' software tas-sistemi ta' informazzjoni ġeografika (GIS) jista' jkun input siewi f'simulazzjonijiet avvanzati u l-ħolqien ta' "tewmin diġitali", li jippermettu tweġibiet malajr għall-bidliet u t-teħid ta' deċiżjonijiet affidabbli. Il-kombinazzjoni ta’ data ta’ telerilevament ma’ data fuq il-post miġbura minn sensuri u droni qed issir dejjem aktar komuni fis-settur tal-estrazzjoni. L-istħarriġ fuq l-art u taħt l-ilma bl-użu tad-droni, biex jiġu stmati l-ħażniet u l-miżbliet tal-iskart, isir regolarment f’ħafna operazzjonijiet ta’ estrazzjoni.
4.1.3.2L-integrazzjoni ta’ data ta’ telerilevament ma’ data fuq il-post (minn sensuri lokali) fis-software GIS tista’ tintuża biex timmonitorja l-livell tal-ilma ta’ taħt l-art, movimenti tal-art, kontaminazzjoni tal-ilma tas-superfiċe u ħafna data ambjentali oħra fil-ħin reali. Jekk issir pubblika u tkun protetta kontra l-manipulazzjoni (eż. pemezz ta’ teknoloġiji bħall-blockchain), din id-data tista’ tagħti spinta lill-fiduċja fis-settur tal-estrazzjoni u tiffaċilita d-djalogi mal-partijiet interessati. Prattiki ta' ġestjoni ta' data u informazzjoni stabbiliti fit-tul f'pajjiżi żviluppati b'settur tal-minjieri b'saħħtu, bħall-Kanada jew l-Afrika t'Isfel, jistgħu jitqiesu u jservu bħala eżempji.
4.1.4Ir-realtà virtwali
4.1.4.1Ir-realtà virtwali saret tintuża b’mod regolari minn ħafna kumpaniji fl-interpretazzjoni ta’ mudelli 3D tal-minjieri tagħhom. Dak li jista’ jkun aktar sinifikanti fil-ġejjieni huwa r-realtà awmentata fejn il-ġeoloġisti jew l-inġiniera, waqt li jkunu fil-minjiera, jistgħu jużaw apparat biex jaraw il-mudell superimpost fuq il-perspettiva tagħhom tal-ġeoloġija jew il-minjiera nnifisha li jkunu qed jaraw. Dan jipprovdi mezz avvanzat u b’saħħtu għall-validazzjoni ta’ mudelli kif ukoll ta’ kontroll fuq il-progress tal-iżvilupp tal-minjieri.
4.1.4.2Ir-realtà virtwali qed tintuża dejjem aktar mill-universitajiet u miċ-ċentri ta’ taħriġ biex l-istudenti u l-apprendisti jiġu involuti f’kuntesti “ta’ ħajja reali” fir-rigward tal-estrazzjoni. Il-possibbiltà li jsiru simulazzjonijiet edukattivi mfasslin biex jiffaċilitaw il-bini ta’ għarfien prattiku f’oqsma bħalma huma r-rispons għall-inċidenti hija waħda mill-vantaġġi ewlenin ta’ din it-teknoloġija.
5.Il-“minjiera intelliġenti”
·Id-diġitalizzazzjoni hija l-ixprun li tgħin l-operazzjonijiet tal-estrazzjoni jsiru “aktar intelliġenti” permezz tal-użu tal-għodod u l-proċessi diġitali li jagħmlu l-operazzjonijiet strumentati, interkonnessi u intelliġenti.
·Permezz tat-trasformazzjoni diġitali, il-minjieri se jkunu mfassla b’mod differenti għall-awtomatizzazzjoni mill-bidu nett permezz ta’ metodi mfasslin apposta u skalati għall-ġjaċiment ta’ minerali mhux maħduma u l-varjazzjoni fl-eżekuzzjoni mnaqqsa permezz tal-awtomatizzazzjoni.
·It-trasformazzjoni diġitali se tgħin biex jiġu eliminati l-fatalitajiet u l-korrimenti fl-ambjenti tal-estrazzjoni. Din tista’ tirriżulta f’bidla gradwali fl-intensità tal-kapital u fl-ispejjeż operattivi, tipprovdi aċċess għal riżorsi minn depożiti minerali li qabel ma setgħux jiġu estratti, u tiġġenera impronta ambjentali aktar baxxa permezz ta’ estrazzjoni selettiva.
5.1Tbassir tal-estrazzjoni intelliġenti
5.1.1Tbassir ifisser, fost affarijiet oħrajn, il-previżjoni ta’ parametri ambjentali li fihom jaħdmu l-minaturi, b’enfasi partikolari fuq il-perikli. Is-sistemi effettivi ta’ tbassir li diġà qed jintużaw mill-industrija tal-estrazzjoni jinkludu manutenzjoni predittiva, biex tingħata prijorità lill-azzjoni preventiva dwar it-tiswija, billi tinġabar data dwar l-użu tal-magni u l-parametri tal-proċess.
5.1.2It-tbassir jista’ jkollu rwol sinifikanti fis-sikurezza tal-operazzjonijiet tal-minjieri. Il-qbid u l-integrazzjoni tad-data ta’ monitoraġġ fuq il-post u tad-data tat-tagħmir jistgħu jipprovdu stampa preċiża tal-ambjent tal-operazzjonijiet biex jiġi skrinjat permezz tal-għodod tal-analiżi tal-proċess. Dan jissarraf f’titjib rilevanti fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, speċjalment għall-minjieri taħt l-art. Il-KESE jemmen li d-diġitalizzazzjoni tista’ tikkontribwixxi b’mod effettiv għas-sikurezza tal-operazzjonijiet tal-estrazzjoni u li mina intelliġenti għandha tinkludi sistemi ta’ tbassir.
5.2L-Internet tal-Oġġetti
5.2.1L-iżvilupp ta’ standards u ta’ elementi kostitwenti għal pjattaforma tal-Internet tal-Oġġetti Industrijali tal-minjieri jista’ jagħti spinta lill-konnessjoni tas-sistemi ċibernetiċi u fiżiċi fil-minjieri tal-UE, sabiex jittejbu l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet.
5.2.2Il-pjattaforma tal-Internet tal-Oġġetti Industrijali għandha tindirizza l-aspetti tas-saħħa u tas-sikurezza, il-prestazzjoni ambjentali, l-effiċjenza tar-riżorsi u l-koordinazzjoni tal-operazzjonijiet f’ħin reali. It-tfassil u l-promozzjoni ta’ pjattaforma tal-Internet tal-Oġġetti Industrijali tal-UE għas-settur tal-estrazzjoni għandhom jingħataw prijorità.
5.2.3Biex jiġu evitati r-riskji taċ-ċibersigurtà, il-KESE jissuġġerixxi li l-elementi kostitwenti tal-pjattaforma tal-Internet tal-Oġġetti Industrijali għandhom jitfasslu għall-Internet tal-Oġġetti lokali, li jkunu konnessi jew permezz ta' trasferiment fiżiku tad-data jew permezz ta' firewall sigur li jaqbad mal-internet.
5.3It-teknoloġija blockchain It-trasparenza tal-katina tal-provvista
5.3.1Il-blockchain hija soluzzjoni innovattiva li tipprevjeni l-manipulazzjoni tad-data. L-użu tal-blockchain fil-katina tal-provvista tal-materja prima minerali għandu l-potenzjal li jtejjeb it-trasparenza u t-traċċabbiltà tal-katina tal-provvista kif ukoll inaqqas l-ispejjeż amministrattivi. Il-KESE jirrimarka li t-teknoloġija blockchain tiffaċilita l-konformità mar-Regolament tal-UE dwar il-Provenjenza Responsabbli tal-Minerali (Regolament (UE) 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017).
5.3.2Applikazzjonijiet oħrajn tal-blockchain jinkludu l-ġbir u t-tixrid ta’ data ambjentali. Permezz tat-tisħiħ tal-fiduċja fid-data, il-blockchain tista’ tiffaċilita s-sensibilizzazzjoni u l-involviment pubbliku fil-viċinat tal-komunitajiet tal-minjieri.
5.4In-networks tal-5G u l-cloud computing
5.4.1Il-ħżin fil-cloud ta’ data mhux ipproċessata qed jitlef il-prattiċità tiegħu b’rata mgħaġġla (u fil-fatt mhuwiex meħtieġ) hekk kif il-volum tad-data jiżdied għal terabytes u aktar. Fil-preżent, il-veloċitajiet tat-trasferiment tad-data jillimitaw l-utilità tagħha. Madankollu, l-adozzjoni tan-networks tal-5G se tibdel dan, u b’hekk tippermetti t-trażmissjoni rapida, l-ipproċessar u l-ħżin kosteffiċjenti u l-irkupru tal-big data.
5.4.2Hemm riskju serju fl-użu tal-ħżin fil-cloud: jekk kumpanija tal-minjieri tuża servizz kummerċjali tal-ħżin fil-cloud, il-livell ta’ sigurtà li tista’ tikseb jiddependi għalkollox mill-fiduċja li titqiegħed fil-fornitur tas-servizz. Ħafna fornituri jużaw cloud servers li jinsabu barra mill-UE, u dan jista’ jipperikola s-sigurtà tas-sistema. Il-KESE jemmen li l-adozzjoni tal-5G fl-UE għandha tkun akkumpanjata minn inċentivi biex tiżdied l-offerta tal-fornituri tal-cloud ibbażati fl-UE.
5.5Iċ-ċibersigurtà
5.5.1Il-KESE huwa favur sistemi strettament infurzati li jipprevjenu d-data sensittiva milli tħalli l-konfini tas-sigurtà. Iċ-ċibersigurtà tista’ tittejjeb b’mod sinifikanti billi s-sistemi tal-minjieri ma jiġux konnessi mal-internet. It-teknoloġiji intelliġenti jistgħu jintużaw kollha fil-“minjiera intelliġenti”, inkluż Intranet tal-Oġġetti – iżda ma jkunux aċċessibbli minn barra. Kwalunkwe ħaġa li teħtieġ li tkun konnessa mal-kwartieri ġenerali korporattivi jew mad-dinja esterna għandha tiġi trasferita b’mod sigur min-network tal-minjiera għal server separat li jkun konness mad-dinja ta’ barra.
5.6L-intelliġenza artifiċjali
5.6.1L-intelliġenza artifiċjali tkopri firxa ta’ teknoloġiji differenti, fosthom l-hekk imsejħa sistemi ta’ apprendiment profond. Sa issa din sabet applikazzjonijiet speċjalizzati f’oqsma bħall-ipproċessar tal-immaġni (pereżempju għall-esplorazzjoni minerali), u sistemi tan-network newrali għall-identifikazzjoni u l-klassifikazzjoni tal-minerali. Applikazzjonijiet prattiċi oħrajn għas-settur tal-estrazzjoni jinkludu l-analitika u algoritmi ta’ tagħlim awtomatiku li qed jintużaw f’simulazzjonijiet ta’ proċessi u sistemi ta’ tbassir.
5.7L-awtomatizzazzjoni integrata
5.7.1It-teknoloġija ta’ vetturi awtonomi qed tiġi żviluppata malajr minn atturi mhux relatati mal-industrija tal-minjieri (bħal Tesla jew Google). Madankollu, peress li l-minjieri huma ambjenti kkontrollati, din malajr tista’ tinuża fil-minjieri hekk kif jiġu introdotti kapaċitajiet ġodda. Forom oħrajn ta’ awtomatizzazzjoni jistgħu jintużaw malajr ukoll, iżda ġeneralment jieħdu l-forma ta’ operazzjonijiet kontrollati mill-bniedem mill-bogħod (u assistiti bil-kompjuter) aktar milli operazzjonijiet kompletament awtonomi. Minħabba t-tħassib dwar ir-responsabbiltà (u regolamenti prospettivi), huwa dubjuż jekk l-iżvilupp ta' awtomatizzazzjoni sħiħa tal-proċessi kollha tal-estrazzjoni jkunx ekonomikament vijabbli fuq perjodu ta' żmien qasir sa medju.
6.Il-bini ta’ sħubijiet strateġiċi sostenibbli u responsabbli ma’ pajjiżi terzi
·Il-valutazzjoni tal-kritikalità tal-UE turi li d-diversifikazzjoni akbar ta’ importazzjonijiet ta’ materja prima kritika minn pajjiżi terzi hija essenzjali.
·Hemm il-ħtieġa ta’ diplomazija ekonomika strateġika msaħħa fil-livell tal-UE biex jiġi ddiversifikat l-aċċess għar-riżorsi abbażi tal-akkwist sostenibbli tal-materja prima.
6.1Ir-riċerka u l-innovazzjoni
6.1.1Il-programmi qafas tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni diġà jrawmu kooperazzjoni internazzjonali ma’ pajjiżi terzi f’sejħiet b’rabta mal-materja prima minerali. Madankollu, approċċ aktar preskrittiv għal kollaborazzjoni ulterjuri ma' pajjiżi għonja fir-riżorsi u teknoloġikament avvanzati dwar it-trasformazzjoni diġitali tal-estrazzjoni (bħall-Awstralja, il-Kanada, il-Ġappun, l-Afrika t'Isfel u l-Istati Uniti) ikun strumentali biex jinbnew konnessjonijiet li jiffavorixxu d-diplomazija ekonomika tal-UE. Il-KESE jirrakkomanda l-adozzjoni ta’ approċċ preskrittiv bħal dan fil-qafas li jmiss tal-Orizzont.
6.1.2L-edukazzjoni għandha tintuża wkoll bħala strument biex tappoġġja d-diplomazija ekonomika tal-UE dwar suġġetti dwar il-materja prima. Programmi edukattivi rikonoxxuti internazzjonalment, li jsiru fl-Ewropa, li joffru kontenut edukattiv rivoluzzjonarju u innovattiv iffokat fuq is-suġġetti tad-diġitalizzazzjoni tal-minjieri jistgħu jsiru strument effettiv tad-diplomazija ekonomika tal-UE.
7.Fruntieri ġodda
7.1L-irkupru ta’ metalli u minerali mir-riżorsi tal-baħar
7.1.1Teżisti ħafna riċerka dwar soluzzjonijiet teknoloġiċi għall-estrazzjoni u l-ipproċessar ta’ minerali u metalli minn riżorsi tal-baħar, inkluża s-salmura tal-ilma baħar, u/jew minn qiegħ il-baħar. Il-KESE jqis li l-estrazzjoni tal-minerali u l-metalli mill-baħar għandha ssirilha valutazzjoni stretta tal-impatti ambjentali korrispondenti.
7.2Użu ta’ riżorsi spazjali
7.2.1Sal-2025, l-Aġenzija Spazjali Ewropea qed tippjana l-estrazzjoni ta' riżorsi li jistgħu jgħinu biex isostnu s-soġġorn u r-riċerka lunari. Riżorsi lunari potenzjali jinkludu materjali li jistgħu jiġu pproċessati bħall-volatili u l-minerali (għall-bini, ir-radjazzjoni u l-protezzjoni mill-mikrometeorojdi), flimkien ma’ strutturi ġeoloġiċi bħat-tubi tal-lava li flimkien jistgħu jippermettu l-abitazzjoni lunari.
7.2.2L-estrazzjoni spazjali tqajjem mistoqsijiet legali li attwalment ma hemm l-ebda tweġiba ċara għalihom, peress li d-dritt internazzjonali limitat applikabbli għall-attivitajiet fl-ispazju għadu lura meta mqabbel mal-avvanzi fit-teknoloġija li jalimentaw l-industrija spazjali. Il-KESE jqis li l-UE għandha telimina din id-diskrepanza u tieħu r-riedni biex tiddefinixxi qafas legali stabbli u aċċettat internazzjonalment li jiżgura użu ġust, sikur, responsabbli u sostenibbli tal-ispazju.
8.Lil hinn mill-kriżi tal-COVID-19
8.1Il-pandemija globali tal-COVID-19 qed tenfasizza l-importanza tat-trasformazzjoni diġitali. F’dawn iż-żminijiet ta’ instabbiltà u imprevedibbiltà li qed jiżdiedu, l-operazzjonijiet tal-estrazzjoni fid-dinja kollha kellhom jitqabdu mat-theddida tal-waqfien totali jew tat-tnaqqis tal-forza tax-xogħol, bil-probabbiltà li dan ikompli jiżdied hekk kif il-coronavirus ikompli jinfirex.
8.2Il-KESE jemmen li, meta jitqiesu l-isfidi li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni u t-theddid għall-industrija tal-materja prima minerali kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19, il-Kummissjoni Ewropea għandha tippromovi djalogi komprensivi fost l-imsieħba soċjali permezz tal-mekkaniżmu eżistenti tad-djalogi soċjali settorjali (l-industriji estrattivi).
8.3Dik li se tkun kwistjoni ewlenija għall-ġejjieni hija kif il-kumpaniji tal-estrazzjoni jużaw u jinvolvu ruħhom b’teknoloġiji diġitali, li sar għandhom rabta mal-ammont ta’ kumpaniji li qed jittrattaw il-pandemija. Forzi tax-xogħol sħaħ qed ikollhom jaħdmu mill-bogħod u jużaw teknoloġiji ġodda, filwaqt li regoli ta’ tbegħid soċjali jfissru li l-monitoraġġ mill-bogħod ta’ operazzjonijiet huwa meħtieġ aktar minn qatt qabel.
8.4L-UE u l-Istati Membri għandhom jappoġġjaw it-trasformazzjoni diġitali tas-settur tal-estrazzjoni tal-UE b'mod aktar attiv. Dan huwa pass kruċjali biex tiżdied ir-reżiljenza tal-industrija tal-UE u l-katina tal-valur tal-materja prima. Il-minjieri li jużaw it-teknoloġiji diġitali, inklużi l-awtomatizzazzjoni integrata, in-network konjittiv u l-użu ta’ analitika f’ħin reali huma aktar effiċjenti, nodfa u sikuri. L-impronti ambjentali mnaqqsa u l-ambjenti aktar sikuri huma eħfef biex jinkisbu fil-“minjieri intelliġenti”, u dan huwa kruċjali biex tinkiseb il-liċenzja soċjali biex joperaw fl-Ewropa.
Brussell, 18 ta’ Settembru 2020
Luca Jahier
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
_____________