MT

Strateġija Ewropea għad-data

OPINJONI

Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni

Strateġija Ewropea għad-data

Kuntatt

Amministratur

Data tad-dokument

29/07/2020

Relatur: Antonio GARCÍA DEL RIEGO

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 22/04/2020

Bażi legali

L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

It-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

23/07/2020

Data tal-adozzjoni fis-sessjoni plenarja

Sessjoni plenarja Nru

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)



1.    Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal Strateġija għad-Data li tistabbilixxi l-kondiviżjoni transsettorjali tad-data bħala prijorità u biex jittejbu l-użu, il-kondiviżjoni, l-aċċess u l-governanza tad-data b’azzjoni leġislattiva u speċifika għas-settur. Strateġija għad-Data ambizzjuża tista’ tindirizza l-ħtieġa kritika li jissaħħu l-kapaċitajiet tad-data tal-UE.

1.2Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni għad-disinn ġenerali tal-arkitettura tad-data tal-UE biex ikomplu jiġu inforzati d-drittijiet tal-individwi fir-rigward tal-użu tad-data tagħhom, il-protezzjoni ta’ u l-kontroll tagħhom fuq id-data tagħhom stess, kif ukoll l-għarfien tagħhom, u biex tingħatalhom is-setgħa permezz tal-“ispazji tad-data personali”, b’salvagwardji aktar ċari u bit-tisħiħ tad-dritt tal-portabbiltà għall-individwi skont l-Artikolu 20 tal-GDPR (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) 1 .

1.3Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tagħmel użu minn strateġija aktar ċara biex tavvanza l-qafas tad-data tagħha. Din għandha titfassal b’tali mod li tikkombina standards għoljin ta’ protezzjoni tad-data, kondiviżjoni transsettorjali u responsabbli tad-data, kriterji ċari għal governanza speċifika għas-setturi u kwalità tad-data, u kontroll akbar tad-data minn individwi. Il-KESE jipproponi wkoll aktar kjarifika dwar l-approċċ ta’ finanzjament tal-Istrateġija u jirrakkomanda modi kif tiġi eliminata d-diskrepanza fil-ħiliet.

1.4Il-KESE huwa tal-fehma li l-iżvilupp ta’ pjattaformi xprunati mid-data fl-Ewropa għandu jirrifletti valuri Ewropej, inkluż billi jiffoka fuq l-individwi. Il-KESE jemmen li l-approċċ attwali ċċentrat fuq il-konsumatur għandu jestendi għal approċċ “human-in-command” li jintegra dimensjoni etika fir-rigward tal-użu tad-data.

1.5Il-KESE jiddispjaċih li sentejn wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, il-GDPR mhuwiex infurzat kif suppost u għad hemm id-diskrepanzi. Il-Kummissjoni għandha ssolvi dawn il-kwistjonijiet, inkluż billi tinċentiva lill-Istati Membri, biex tiżgura li l-individwi kollha madwar l-UE jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mid-drittijiet tagħhom.

1.6Il-KESE huwa tal-fehma li t-tlestija tas-suq uniku hija prijorità essenzjali għall-ispazji tad-data komuni biex jaħdmu.

1.7Minħabba s-sensittività tad-data kondiviża, il-KESE jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu garantiti salvagwardji għall-privatezza tad-data tal-individwi permezz ta’ mekkaniżmi ta’ kunsens, kontroll, sanzjoni u sorveljanza, u li jiġi żgurat li d-data tkun anonimizzata (u ma tistax tiġi dianonimizzata).

1.8Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiddefinixxi fl-Istrateġija l-għażla li din tirrakkomanda għall-kunċett tas-sjieda tad-data. Id-dibattiti legali li għaddejjin bħalissa joħolqu inċertezza għall-individwi biex jidentifikaw liema talbiet jistgħu jqajmu.

1.9Il-KESE huwa favur djalogu aktar b’saħħtu mas-soċjetà ċivili u jerġa’ jfakkar dwar il-ħtieġa li l-SMEs jingħataw gwida aktar ċara dwar mekkaniżmi ta’ kondiviżjoni tad-data, minħabba li ż-żewġ aspetti se jkunu kruċjali għal parteċipazzjoni wiesgħa fi spazji tad-data.

1.10Il-KESE jtenni li suq uniku għad-data għandu jiżgura li d-data personali ma tkunx soġġetta għall-istess regoli li jirregolaw il-prodotti u s-servizzi, jiġifieri ma ssirx meqjusa gradwalment bħala data mhux personali 2 .

1.11Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-qafas legali jippermetti aċċess ugwali għad-data fost il-kumpaniji kollha, kbar u żgħar, u jindirizza s-setgħa tas-suq ta’ pjattaformi dominanti.

1.12Il-KESE jenfasizza li huwa essenzjali li jiġi indirizzat l-impatt tal-prodotti personalizzati fuq l-individwi (bħad-diskriminazzjoni) u tal-kondiviżjoni tad-data fuq il-kumpaniji. Il-qafas għandu jirrispetta standards għoljin tas-sigurtà u drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Id-data dedotta għandha tiġi protetta u mhux soġġetta għal aċċess u trasferiment obbligatorji.

1.13Il-KESE jinsisti fuq il-ħtieġa urġenti li jittejbu l-ħiliet u l-litteriżmu diġitali permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż billi wieħed jibni fuq il-Qafas ta’ Kompetenza Diġitali u billi l-Istati Membri jitħeġġu jtejbu l-edukazzjoni tul il-ħajja għall-ħiliet li l-aktar se jkunu meħtieġa, fil-livelli kollha tal-edukazzjoni 3 . Dan huwa dak li se jiżgura li l-individwi jsiru atturi midħla sew tad-data, b’għarfien akbar dwar u kontroll fuq id-data tagħhom, l-applikazzjonijiet tal-big data u l-governanza tad-data, u li dawn jifhmu l-ambjent diġitali tagħhom u r-riskji tiegħu (eż. il-personalizzazzjoni) 4 .

1.14Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiċċara u ssaħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet kompetenti, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u l-korpi indipendenti, li huwa rilevanti fil-governanza ta’ inizjattivi settorjali u biex jiġu żgurati l-konformità tan-negozji u l-gwida, il-pariri u t-taħriġ għall-utenti.

2.    Kummenti ġenerali: L-istrateġija t-tajba għad-data

2.1Il-KESE jaqbel mal-enfasi tal-Kummissjoni fuq id-data, li hija kruċjali għall-ħajja tal-individwi u l-attività kummerċjali. Id-diġitalizzazzjoni u t-titjib teknoloġiku żiedu l-ambitu u l-frekwenza tad-data ġġenerata, u ffaċilitaw il-ħżin, l-ipproċessar, l-analiżi u t-trasferiment tad-data. Is-servizzi mmexxija mid-data jtejbu l-konvenjenza tal-klijenti u jindirizzaw l-aspettattivi tagħhom, u jtejbu l-proċessi industrijali eżistenti.

2.2Il-KESE jaqbel li l-innovazzjoni mmexxija mid-data hija motivatur kritiku tat-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività Ewropea, u li r-rwol tagħha hija ristretta min-nuqqas ta’ disponibbiltà ta' data industrijali u fil-livell tal-utent għall-UE. Il-KESE jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li din tiġi indirizzata u li jittejbu l-użu, il-kondiviżjoni u l-aċċess transsettorjali tad-data permezz ta’ spazji tad-data komuni f’konformità stretta mal-istandards tal-GDPR, b’sett kondiviż ta’ regoli u standards tekniċi u legali u permezz ta’ miżuri kumplimentari.

2.3Il-KESE jemmen li l-Istrateġija għad-Data se tkun kruċjali biex tiġi appoġġjata s-sovranità teknoloġika tal-UE biex jiġu garantiti kondiviżjoni tad-data u aċċess għaliha sikuri u siguri, biex jissaħħaħ il-kontroll tal-Ewropej fuq id-data tagħhom, u biex jiġu sfruttati benefiċċji għall-individwi u l-kumpaniji.

2.4Il-KESE jaqbel li approċċ speċifiku għas-settur għall-aċċess tad-data huwa l-aktar xieraq biex jiġu mmirati soluzzjonijiet speċifiċi li jistgħu jindirizzaw l-ispeċifiċitajiet u l-fallimenti tas-suq ta’ kull settur filwaqt li jiġu żgurati l-aktar salvagwardji b’saħħithom għall-protezzjoni tal-konsumaturi 5 .

2.5Il-KESE jikkondividi t-tħassib tal-Kummissjoni li l-kapaċità tal-UE li tisfrutta u tikkondividi d-data hija limitata mill-kwistjonijiet sinifikanti tal-interoperabbiltà tas-sistemi tal-informazzjoni. Il-kriżi tal-COVID-19 uriet il-ħtieġa għal u l-utilità ta’ ekosistema kompleta tad-data, billi d-data mhijiex limitata għall-konfini ta’ setturi speċifiċi, inkluż biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet għas-sikurezza tal-individwi (eż. il-ġeolokalizzazzjoni u d-data dwar is-saħħa) u biex jiġu evitati s-silos. Fil-kura tas-saħħa, ir-riċerkaturi jistgħu jużaw data ta’ importanza għas-saħħa pubblika miġbura minn diversi setturi biex jaċċelleraw l-iżvilupp ta’ mediċini u jifhmu aħjar il-mard.

2.6Il-KESE jaqbel li l-innovazzjoni mmexxija mid-data hija limitata minn diskrepanza fil-ħiliet, nuqqas ta’ ħaddiema litterati fid-data fl-UE u litteriżmu diġitali baxx. Il-KESE jilqa’ l-għan tal-Istrateġija li jinħoloq “spazju komuni Ewropew tad-data dwar il-ħiliet” u l-aġġornament li jmiss tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali tal-Kummissjoni.

3.    Jiġi avvanzat il-qafas tad-data tal-UE: Kummenti ġenerali

Fir-rigward tal-iżvilupp ulterjuri tal-qafas tad-data tal-UE, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-kwistjoni essenzjali tal-etika. L-istudju Ethics of Big Data (L-etika tal-Big Data) 6 , ikkummissjonat mill-KESE fl-2016, jindirizza din il-kwistjoni, u jqis il-ħtieġa tal-individwu għall-privatezza u l-awtodeterminazzjoni, minn diversi angoli: għarfien, kontroll, fiduċja, sjieda, sorveljanza u sigurtà, identità diġitali, realtà mfassla apposta, dianonimizzazzjoni, qasma diġitali u privatezza. Il-KESE jirrakkomanda li dawn jitqiesu bħala prinċipji ta’ gwida għal kwalunkwe politika.

3.1L-istandards għall-protezzjoni tad-data

3.1.1Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tenfasizza li d-data għandha tibqa’ taħt il-kontroll tal-individwi, minħabba li l-ġbir u l-kondiviżjoni tad-data għandhom implikazzjonijiet għall-privatezza u l-ugwaljanza tagħhom. L-użu transsettorjali tad-data jippermetti lill-kumpaniji jikkontribwixxu għall-proċessi eżistenti tagħhom u jtejbuhom, jipprovdu għarfien b’mod aktar effettiv, u jipprovdu prodotti u esperjenzi ġodda u personalizzati lill-konsumaturi. B’mod partikolari, id-data fil-livell tal-utent tipprovdi għarfien dwar karatteristiċi, ħtiġijiet u mġiba intrinsiċi mhux maqbuda minn data anonimizzata u b’effetti konsegwenzjali pożittivi lil hinn sew mis-settur li fih ġiet iġġenerata oriġinarjament id-data. Fis-settur finanzjarju, pereżempju, il-kondiviżjoni transsettorjali tad-data tista’ ttejjeb l-analiżi tar-riskju u t-tbassir tal-fluss tal-flus kontanti, tindirizza l-iskoperta tal-frodi, u ssaħħaħ l-abilità tal-individwi li jimmaniġġjaw id-dejn eċċessiv, irawmu l-inklużjoni finanzjarja u l-edukazzjoni finanzjarja. Madankollu, il-personalizzazzjoni tista’ twassal għal riskji għal konsumaturi vulnerabbli, bħad-diskriminazzjoni, l-abbuż u l-manipulazzjoni.

3.1.2Il-Kummissjoni għandha tindirizza l-implimentazzjoni insuffiċjenti u frammentata tal-GDPR, l-interpretazzjoni legali diverġenti, u n-nuqqas ta’ riżorsi tad-DPAs. Il-GDPR, imfassal fl-2012, ivvutat fl-2016 u adottat fl-2018, mhuwiex adattat biex jindirizza l-qafas propost. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni taġġorna l-GDPR b’mod xieraq u twettaq valutazzjonijiet tal-impatt, peress li din teħtieġ li taħdem id f’id mal-approċċ il-ġdid tal-ispazji tad-data komuni. Il-KESE jitlob ukoll lill-Kummissjoni tindirizza l-limitazzjonijiet tad-drittijiet tal-portabbiltà tad-data fil-GDPR. Dawn ġew żviluppati meta s-servizzi ta’ “switching” kienu jseħħu darba biss, filwaqt li llum il-ġurnata d-data qiegħda terġa’ tintuża għal diversi drabi u hija utli f’ħin reali.

3.1.3Għalkemm il-KESE jemmen li l-għodod proposti jistgħu jgħinu lill-individwi jiddeċiedu “x’isir bid-data tagħhom” 7 , sabiex tonqos l-inċertezza legali, il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi fl-Istrateġija l-għażla li din tirrakkomanda għall-kunċett tas-sjieda tad-data, biex jiġi ċċarat b’mod ġenerali min jipposjedi d-data u, pereżempju, din x’inhi u x’jiġri minn din id-data f’każij meta tiġi ġġenerata mill-apparati domestiċi tal-IoT. 

3.1.3.1Hemm differenza, u din għandha tkun ċara, bejn id-drittijiet tad-data għall-individwi u s-sjieda tad-data.

3.1.4Minħabba li l-għoti tad-data biex wieħed jirċievi servizzi mingħajr ħlas jammonta għal forma ta’ ħlas, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tiddikjara għal liema test jew kriterji din qiegħda tirreferi meta tinvoka l-“interess pubbliku”, u tindika x’inhu l-għan tagħha f’dan il-qasam. Il-Kumitat jirrakkomanda wkoll li l-Kummissjoni tipprovdi definizzjoni tad-donazzjoni tad-data mingħajr kumpens dirett (jew “altruwiżmu tad-data”) u tiżgura miżuri xierqa biex jiġi evitat li dawk li jiġbru d-data jonqsu milli jirrispettaw l-obbligi tagħhom.

3.2Qafas responsabbli ta’ kondiviżjoni tad-data

3.2.1Il-Kummissjoni għandha tiċċara kif din beħsiebha tipprovdi gwida lill-individwi, sabiex dawn jifhmu kif jaħdmu l-“ispazji tad-data personali”. Mingħajr dan l-għarfien, id-dritt tal-individwi li jkollhom aċċess għal dawn l-ispazji ma jkun jagħmel l-ebda sens, u l-infurzar tal-proposta jkollha nuqqas fl-effiċjenza u ddgħajjef l-għanjiet li l-Istrateġija beħsiebha tkompli.

3.2.2L-UE rrikonoxxiet il-ħtieġa ta’ dritt ta’ kondiviżjoni u stabbilixxiet mekkaniżmi prattiċi b’mod partikolari inizjattivi settorjali, bħal pereżempju għal fornituri tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data (FFDR 8 ) u data miżmuma f’kontijiet tal-ħlas (PSD2 9 ). Madankollu, għajr għal ftit każijiet partikolari, l-individwi (l-utenti, il-konsumaturi u ċ-ċittadini tad-data) huma nieqsa mill-ħiliet, mil-litteriżmu u mill-għodod biex jitolbu aċċess għal, jew biex jikkondividu b’mod faċli u effettiv id-data personali u mhux personali tagħhom.

3.2.3Biex tissaħħaħ il-portabbiltà b’“rekwiżiti aktar stretti fuq interfaces għal aċċess tad-data f’ħin reali”, jiġu garantiti spazji tad-data personali, u jiġi żgurat li l-fornituri jaġixxu bħala “sensara newtrali” 10 , il-KESE jirreferi lill-Kummissjoni għal każijiet fejn ikunu qegħdin jintużaw mekkaniżmi ta’ kondiviżjoni siguri bħal skemi ta’ identifikazzjoni diġitali personali li jistgħu jiġu adottati minn organizzazzjonijiet privati u pubbliċi u jiġu estiżi għal kondiviżjoni transsettorjali u aċċellerata tad-data. Applikazzjonijiet tal-identifikazzjoni elettronika fis-settur finanzjarju bħal Itsme (identità mobbli għal tranżazzjonijiet diġitali) jipprovdu każijiet ta’ użu b’suċċess u ta’ benefiċċju reċiproku, inkluż bejn il-banek u l-operaturi mobbli. Joħolqu valur sinifikanti għall-kumpaniji (iffrankar tal-ispejjeż, żieda fil-bejgħ, tnaqqis fil-frodi u s-serq tal-identità), joffru aktar għażla, jippreservaw il-privatezza tal-utent, itejbu l-fiduċja tal-konsumatur, jipprovdu lill-individwi b’miżuri u għodod ta’ awtentikazzjoni b’saħħithom biex jimmaniġġjaw id-drittijiet tagħhom u jeżerċitaw kontroll, u jippermettu proċessi diġitali siguri, konvenjenti, effiċjenti fl-użu tal-ħin bħal on-boarding.

3.2.4Il-KESE jirreferi lill-Kummissjoni għall-esperjenza ta’ PSD2 (li tippermetti lill-partijiet terzi fornituri jużaw id-data tal-konsumaturi tal-banek, bil-kunsens tal-konsumaturi tagħhom, għall-innovazzjoni) u każijiet oħrajn ta’ użu (bħall-użu ta’ data ta’ ġeolokalizzazzjoni u data ta’ tranżazzjoni) li jistgħu jservu bħala ispirazzjoni għall-qafas ta’ kondiviżjoni tad-data aktar wiesa’. Dawk il-prinċipji għandhom jiġu applikati b’mod ugwali fis-setturi kollha u f’perjodu ta’ żmien simili biex jiġu garantiti kundizzjonijiet ekwi fost parteċipanti differenti fis-suq.

3.2.5L-UE għandha tibni fuq il-GDPR biex tippermetti l-kondiviżjoni transsettorjali tad-data tal-utent, u tirrepplika dawn l-inizjattivi eżistenti f’setturi differenti biex tkun iffaċilitata l-kondiviżjoni sikura tad-data, u jiġu pprovduti benefiċċji lill-individwi u valur lin-negozji. Dan għandu jiggarantixxi lill-utenti finali d-dritt li jitolbu li d-data personali tagħhom ipprovduta (id-data entrata, eż. isem, indirizz) u osservata (eż. ġeolokazzjoni), tiġi ttrasferita direttament minn detentur tad-data wieħed għal ieħor, b’mod standardizzat permezz ta’ APIs f’ħin reali 11 . Pereżempju, persuna tista’ tistaqsi lil Spotify biex jipprovdi lil Deezer aċċess għall-playlists li semgħet. Dan għandu jipprovdi sigurtà biex jiġu żgurati l-prinċipji tal-privatezza tal-GDPR, biex l-utenti jkunu jistgħu jżommu kontroll sħiħ fuq il-proċess u jisfruttaw il-valur tad-data tagħhom, u biex id-dritt għall-portabbiltà tad-data personali isir verament effettiv, dinamiku, f’waqtu u trasparenti, filwaqt li l-istess prinċipji jiġu estiżi għal ċerta data mhux personali.

3.2.6Kemm il-kumpaniji kif ukoll l-utenti għandhom ikunu jistgħu jikkondividu b’mod sigur id-data tagħhom stess b’mod indipendenti minn min ikun ġabarha, jagħżlu u jimmaniġġjaw ma’ min jikkondividu d-data u kif tintuża d-data kondiviża.

3.2.7Is-sistema u l-funzjonament ta’ spazji tad-data komuni għandu jkollhom il-livell ta’ kwalità ta’ reġistru pubbliku; il-fornituri tad-data għandhom huma stess jiżguraw il-kwalità bla xkiel tad-data u l-kontinwità ta’ din l-infrastruttura. Dawn l-amministraturi tad-data m’għandhomx joħolqu effetti ta’ konġestjoni għall-kondiviżjoni tad-data, iżda għandhom jsaħħuha. Dan huwa kruċjali għal immaniġġjar tad-data robust u bla xkiel u d-disponibbiltà ta’ data ta’ kwalità għolja. Il-KESE jsib li fl-Istrateġija, il-kwalità tad-data ma fihiex enfasi u għandha bżonn tiġi kkjarifikata. Billi l-kwalità tad-data tista’ tkun għalja u mhux il-partijiet ikkonċernati kollha jistgħu jaċċessaw it-teknoloġiji meħtieġa, huwa ta’ importanza kbira li jiġu adottati kriterji ta’ limitu li huma realistiċi (jiġifieri, proporzjonati għar-riżorsi tal-kumpaniji), li ma ġewx imposti fuq il-kumpaniji, speċjalment l-SMEs, u li ma jżidulhomx spejjeż eċċessivi 12 .

3.2.8Il-pjattaformi mmexxija mid-data huma l-kumpaniji bl-akbar valur minħabba l-importanza strateġika tagħhom fis-swieq diġitali u l-kontroll oligopolistiku ta’ settijiet tad-data speċifiċi. Iżda d-disponibbiltà limitata tad-data għall-kumpaniji tal-UE tillimita l-punt sa fejn jistgħu jisfruttaw id-data biex jixprunaw l-innovazzjoni. L-enfasi fuq il-mudell “ir-rebbieħ ikaxkar kollox”, li jikkaratterizza s-swieq diġitali, tfisser li hemm biss ftit kumpaniji kbar li huma pożizzjonati fil-punt fejn il-flussi ta’ data online jiltaqgħu, u dan jipprovdilhom informazzjoni mhux disponibbli għal fornituri oħrajn. Anke meta l-assi tad-data huma distribwiti b’mod aktar wiesa’, huma rarament disponibbli fejn il-konfini tal-industrija, u dan inaqqas l-opportunitajiet ta' innovazzjoni għall-innovazzjoni transsettorjali mill-industrija u entitajiet oħra. Billi l-ebda pjattaforma ma hija obbligata li tibni ġabra tad-data, l-utenti finali ma jistgħux jikkombinaw u jaggregaw id-data li jiġġeneraw fl-industriji kollha. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina kif tista’ ttejjeb il-kontroll tad-data tagħha minn utenti tan-negozju u individwi billi tindirizza l-pjattaformi sistemiċi (Big Tech) bħala prijorità. Il-KESE jissuġġerixxi wkoll il-ħolqien ta’ pjattaforma appoġġjata mill-UE li tiċċentralizza u taggrega d-data pubblika kollha tal-UE disponibbli fis-suq tal-kumpaniji li jitolbu s-servizz.

3.3Governanza ta’ Spazji tad-Data

3.3.1Il-KESE jipproponi l-kriterji li ġejjin biex jiġu rregolati spazji tad-data settorjali. L-ewwel, l-intervent fil-forma ta’ aċċess għad-data għandu jimmira li jindirizza fallimenti tas-suq li jwasslu għal prezzijiet ogħla għall-konsumaturi, inqas għażla għall-konsumatur u inqas innovazzjoni. It-tieni, l-aċċess għad-data jrid irawwem l-iżvilupp ta’ innovazzjoni ċċentrata fuq il-konsumatur. It-tielet, l-operaturi li jimmaniġġjaw id-data personali għandhom jinżammu responsabbli għal livell tad-data u standards tas-sigurtà ogħla. Ir-raba’, l-individwi għandhom jiġu offruti soluzzjonijiet tekniċi għall-kontroll u l-immaniġġjar ta’ flussi ta’ informazzjoni personali. Il-ħames, l-individwi għandhom jitħallew joġġezzjonaw għall-kondiviżjoni tad-data personali tagħhom u jkollhom aċċess għal rimedju meta l-prinċipji ma jiġux rispettati (il-KESE jappoġġja l-prinċipju ta' “human in command”).

3.3.2Mhux id-data kollha għandha tkun miftuħa jew issir disponibbli għall-pubbliku. Regoli differenti għandhom japplikaw għal data B2B, B2C, B2G jew Me2B. Data inferita għandha tkun protetta u l-aċċess u t-trasferiment tagħha m’għandhiex tkun obbligatorja.

3.3.3Il-kondiviżjoni tad-data fost spazji tad-data tinvolvi settijiet tad-data mħallta (data personali u mhux personali) eż. fl-ispazji tal-kura tas-saħħa u dawk finanzjarji. Il-ġbir u l-użu ta’ data sensittiva u personali għal skopijiet ta’ sorveljanza jew lokalizzazzjoni għandhom jirrikjedu kunsens individwali. Salvagwardji għandhom jiżguraw li l-kombinazzjoni ta’ punti tad-data personali (eż. informazzjoni finanzjarja u dwar is-saħħa) ma twassalx għal effetti ta’ intrappolament, abbuż jew diskriminazzjoni, pereżempju fuq l-aċċess tal-individwi għall-impjieg.

3.3.4Il-partijiet ikkonċernati (kumpaniji u individwi) huma nieqsa mill-aċċess għal u mill-għarfien dwar il-mekkaniżmi ta’ identifikazzjoni, awtentikazzjoni u awtorizzazzjoni li jippermettu t-trasferimenti ta’ data li jipproteġu l-privatezza, b’mod partikolari fil-kura tas-saħħa, u dan ixekkel il-kondiviżjoni tad-data. Il-KESE jirrakkomanda l-użu u l-implimentazzjoni ta’ sett tad-data komuni dwar il-kura tas-saħħa simili għall-Format Elettroniku Uniku Ewropew (ESEF).

3.3.5Għandu jkun hemm kundizzjonijiet għal aċċess għad-data għal R&Ż minn partijiet terzi. Pereżempju, jekk ir-riċerkaturi tal-kura tas-saħħa u d-dipartimenti ta’ muniċipalitajiet jużaw data bla ħlas, din għandha tiġi rregolata mill-GDPR.

3.3.6Il-KESE jenfasizza li mhux il-kumpaniji kollha huma diġitalizzati (jiġifieri, fl-industriji tradizzjonali, u f’ħafna mill-SMEs tal-Ewropa), u mhux il-kumpaniji kollha jaslu biex jibbenefikaw mill-valur tad-data, li jfisser li l-kundizzjonijiet ekwi jiġu affettwati fis-suq uniku. Il-kondiviżjoni volontarja tad-data hija għodda tajba, iżda insuffiċjenti, biex jiġi żgurat aċċess ugwali għad-data. Il-Kummissjoni għandha tindirizza dan in-nuqqas ta’ bilanċ bejn il-kumpaniji diġitalizzati u mhux diġitalizzati, u bejn il-kumpaniji kbar u żgħar. L-Istrateġija tal-UE dwar l-SMEs u l-Istrateġija Industrijali huma post tajjeb biex wieħed jibda.

3.3.7Il-KESE jenfasizza li minkejja l-progress tal-UE lejn il-konverġenza, is-suq uniku diġitali tagħha għadu ’l bogħod milli jkun omoġenju: ir-regoli tiegħu jibqgħu frammentati. Dan jagħmilha diffiċli u ineffettiv għall-kumpaniji biex jikbru u jikkompetu mal-kontropartijiet tagħhom Amerikani u Ċiniżi, li huma regolati minn qafas regolatorju tassew uniku u li jakkwistaw ir-rivali Ewropej tagħhom, kif ġara bi Skype u Booking.com. Fundaturi ta’ startups fl-UE eventwalment jirrilokaw lejn l-Istati Uniti jew swieq aktar favorevoli għan-negozju biex jibbenefikaw minn swieq uniċi akbar u kapital tar-riskju superjuri. Biex tkun effiċjenti, infrastruttura komuni li tappoġġja l-ispazji tad-data għandha tirrifletti wkoll il-karatteristika multilingwi tas-suq uniku 13 .

3.4Finanzjament

3.4.1L-Istrateġija tressaq EUR 4-6 biljun ta’ finanzjament, li kemm l-Istati Membri tal-UE kif ukoll l-industrija huma mistennija li jikkoinvestu fih. Il-Kummissjoni għandha tiċċara kif għandha l-għan li timmobilizza l-finanzjament, u għandha tistabbilixxi kriterji ċari biex tiżgura u tevalwa l-allokazzjoni ġusta tiegħu.

3.4.2Biex jiżgura investiment privat suffiċjenti u l-kontinwità ta’ servizzi eżistenti pprovduti lil ħafna negozji tal-UE, il-KESE jqis li huwa essenzjali li tiġi ppreservata l-parteċipazzjoni tal-fornituri barranin fil-proġett (f’konformità mar-regoli tal-UE). Il-finanzjament pubbliku, bħal pereżempju permezz ta’ Orizzont Ewropa, huwa kruċjali wkoll. Iżda l-baġit tal-UE għad irid jiġi approvat u se jkun soġġett għal prijorità baġitarja fid-dawl tal-irkupru.

3.5Neliminaw id-diskrepanza fil-ħiliet

3.5.1Il-kriżi ekonomika tista’ twassal għal modifiki fil-ġerarkija tal-impjiegi meqjusa utli għall-komunità, iżda x’aktarx ma tnaqqasx il-ħtieġa ta’ ħiliet tekniċi. L-awtomizzazzjoni tista’ twassal għal definizzjonijiet mill-ġdid tal-impjiegi u l-kompiti (tkun tirrikjedi aktar ħiliet personali) u aktar milli qgħad tal-massa, għal riallokazzjoni tal-massa tal-okkupazzjonijiet 14 .

3.5.2Għall-impjiegi tal-big data, il-ħiliet li ġejjin jidhru li huma l-aktar fid-domanda 15 : ħiliet analitiċi, viżwalizzazzjoni tad-data, familjarità mal-qasam tan-negozju u għodod tal-big data, programmar, soluzzjoni ta’ problemi, Structured Query Language (SQL), estrazzjoni tad-data, familjarità mat-teknoloġiji, cloud pubbliku u clouds ibridi, u esperjenza prattika. Xi wħud minn dawn jistgħu jiġu mgħallma fl-iskejjel, xi wħud jeħtieġu li jinkisbu u jiġu żviluppati matul il-ħajja, permezz ta’ approċċ “tul il-ħajja”, permezz ta’ tagħlim kontinwu, mhux formali u informali 16

3.5.3Biex tinħataf din l-opportunità, billi l-edukazzjoni tibqa’ kompetenza nazzjonali, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jippromulgaw politiki aktar b’saħħithom li jsaħħu l-litteriżmu diġitali, jindirizzaw id-diskrepanza fil-ħiliet tad-data u l-konċentrazzjoni tagħha biex tindirizza inugwaljanzi fl-UE kollha, u jnaqqsu t-telf tal-għarfien espert.

3.5.4L-UE għandha tfassal mill-ġdid programmi ta’ edukazzjoni u taħriġ fil-fond. Ta’ spiss, is-suġġetti STEM 17 mhumiex integrati biżżejjed f’kurrikuli fil-livelli kollha tal-edukazzjoni. Dan għandu impatt b’mod partikolari fuq in-nisa, li l-Kummissjoni tonqos milli tenfasizza minkejja r-rakkomandazzjonijiet tal-President dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri 18 . F’dan il-qasam, il-KESE jqis il-Qafas ta’ Kompetenza Diġitali għaċ-Ċittadini 19 bħala għodda utli li għandha tiġi promossa u implimentata b’mod aktar wiesa’. Aħna nistiednu lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jniedu u jaċċelleraw b’mod proattiv inizjattivi fi ħdan dan il-qafas.

3.5.5Il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, rilevanti għall-għoti ta’ taħriġ, edukazzjoni, u pariri indipendenti lill-utent dwar l-għodod li jistgħu jużaw l-individwi (eż. biex jiksbu informazzjoni dwar l-użu u l-qsim tad-data, min għandu d-data tagħhom, kif jistgħu jappellaw u jressqu lment). Biex jissaħħaħ il-litteriżmu diġitali, inizjattivi bħall-kors online tal-Finlandja “Elements of AI” (issa aċċessibbli għal kulħadd, mingħajr ħlas, f’kull lingwa tal-UE) jistgħu jiġu estiżi għal diversi moduli edukattivi.

Brussell, 23 ta’ Lulju 2020

Pierre Jean COULON

Il-President tas-Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

(1)

    https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/communication-european-strategy-data-19feb2020_en.pdf , p.20.

(2)      Ara l-Opinjoni tal-KESE Guidance on the free flow of non-personal data (Gwida dwar il-fluss liberu tad-data mhux personali), 2019, rel. Laure Batut (2019). 
(3)      Ibid.
(4)

     Għalkemm dawn huma dejjem aktar konxji mid-drittijiet tagħhom, jibqa’ diffiċli għalihom li jsiru jafu kif qiegħda tintuża d-data tagħhom u kif qiegħda tiġi kondiviża fost l-organizzazzjonijiet: 81 % tal-Ewropej iħossu li m’għandhom l-ebda kontroll jew li għandhom biss kontroll parzjali fuq dan. Ara l-Ewrobarometru (Ġunju 2019), https://ec.europa.eu/commfrontoffice/publicopinion/index.cfm/survey/getsurveydetail/instruments/special/surveyky/2222 .

(5)    Ara https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/communication-europe-moment-repair-prepare-next-generation.pdf (paġni 9 u 10)
(6)      Ara l-Istudju tal-KESE The ethics of Big Data: Balancing economic benefits and ethical questions of Big Data in EU policy context (L-etika tal-Big Data: nibbilanċjaw il-benefiċċji ekonomiċi u l-kwistjonijiet etiċi dwar il-Big Data fil-kuntest ta’ politika tal-UE) (2017).
(7)

   Għodod bħal “għodod ta’ ġestjoni tal-kunsens, applikazzjonijiet għall-ġestjoni tal-informazzjoni personali, fosthom soluzzjonijiet deċentralizzati kompletament” huma l-istrumenti x-xierqa.

(8)    Free Flow of Data Regulation: https://ec.europa.eu/knowledge4policy/publication/regulation-free-flow-non-personal-data_en
(9)

   The Second Payment Services Directive: https://ec.europa.eu/info/law/payment-services-psd-2-directive-eu-2015-2366_en.

(10)

    https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/communication-european-strategy-data-19feb2020_en.pdf , p.20

(11)      Ara l-Opinjoni tal-KESE Accessibility and re-use of public and publicly funded data ( L-aċċessibbiltà u l-użu mill-ġdid ta’ data pubblika u data ffinanzjata minn fondi pubbliċi), rel. Baiba Miltoviča (2018).
(12)      Ibid.
(13)      Ara l-Opinjoni tal-KESE “Communication on online Platforms” (Komunikazzjoni fuq il-Pjattaformi online), rel. Thomas McDonogh (2016).
(14)

   Għal kull impjieg mitluf fil-futur bħala riżultat tad-diġitalizzazzjoni, jistgħu jinħolqu 3,7 impjiegi ġodda. Ara https://www.agoria.be/en/Agoria-Without-a-suitable-policy-there-will-be-584-000-unfilled-vacancies-in-2030 . https://newsroom.ibm.com/2019-10-30-MIT-IBM-Watson-AI-Lab-Releases-Groundbreaking-Research-on-AI-and-the-Future-of-Work ; Ara l-Opinjonijiet tal-KESE TEN 705, rel. L. Batut, għadhom għaddejjin. KESE Leo & Greif, CCMI 136, KESE 2015-765

(15)      Utkarsh Singh, Top 10 In-Demand Big Data Skills To Land ‘Big’ Data Jobs in 2020 (upGrad blog, December 24, 2019), https://www.upgrad.com/blog/big-data-skills/ .
(16)      Ara l-Opinjoni tal-KESE Guidance on the free flow of non-personal data (Gwida dwar il-fluss liberu tad-data mhux personali), 2019, rel. Laure Batut (2019).
(17)

   Ix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika.

(18)

   Ara l-Opinjoni tal-KESE “Energy: women as equal players in the 21st century” (L-enerġija: in-nisa bħala atturi ugwali fis-seklu 21) (2020), rel. L. Batut, għadha għaddejja.

(19)