ECO/506
Rieżami tal-governanza ekonomika 2020
OPINJONI
Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Rieżami tal-governanza ekonomika - Rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1173/2011, 1174/2011, 1175/2011, 1176/2011, 1177/2011, 472/2013 u 473/2013 dwar l-idoneità tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE
[COM(2020)55 final]
Relatur: Judith VORBACH
Korelatur: Tommaso DI FAZIO
|
Konsultazzjoni
|
Kummissjoni Ewropea, 09/03/2020
|
|
Bażi legali
|
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
|
|
|
|
|
Sezzjoni kompetenti
|
Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali
|
|
Adottata fis-sezzjoni
|
20/07/2020
|
|
Adottata fil-plenarja
|
18/09/2020
|
|
Sessjoni plenarja Nru
|
554
|
|
Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)
|
216/0/3
|
1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1Il-KESE jilqa’ dan ir-rieżami fid-dawl tal-fatt li reviżjoni tal-qafas ta’ governanza ekonomija hija meħtieġa. Qegħdin ngħixu f’fażi storika fejn toħroġ il-ħtieġa urġenti li tingħata ħajja ġdida lill-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea u li tinkiseb unjoni ekonomika u soċjali ġenwina sabiex tifforma l-bażi għal unjoni politika bbażata fuq id-demokrazija u l-koeżjoni. L-UE jeħtiġilha turi li hija komunità bbażata fuq is-solidarjetà, li tippromovi l-benesseri tan-nies, kif stabbilit fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),. Il-kriżi tal-COVID-19 hija xokk enormi, li tirrikjedi setgħa finanzjarja sħiħa. Hemm bżonn ta’ armonija tal-għanijiet sabiex jitrażżnu l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali ta’ din il-pandemija u biex il-piż tad-dannu jinqasam b’mod ġust fi ħdan l-Istati Membri u bejniethom. Miżuri importanti fuq medda qasira ta’ żmien diġà ġew stabbiliti bħall-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-qafas fiskali. Minflok “ritorn għan-normal” malajr wisq, il-KESE jirrakkomanda “bidla” lejn qafas rivedut ta’ governanza ekonomika kif stabbilit f’din l-Opinjoni.
1.2Il-KESE jirrimarka li sabiex ikun komprensiv, dan it-tieni rieżami ta’ kull ħames snin tal-miżuri speċifiċi introdotti mill-kriżi finanzjarja ’l hawn, magħrufa bħala “Six-Pack” u “Two-Pack”, għandu jkopri wkoll ir-regoli kollha stabbiliti sa mill-2010 bil-għan li jiżguraw l-implimentazzjoni, il-koordinazzjoni aktar mill-qrib u konverġenza akbar tal-politiki ekonomiċi u finanzjarji tal-Istati Membri. Il-KESE jappella wkoll biex tiġi diskussa l-kwistjoni kruċjali dwar kif għandha tissawwar il-governanza ekonomika li għandha tiġi diskussa fil-Konferenza li jmiss dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa. F’kuntest bħal dan, l-adattament tad-dispożizzjonijiet dwar il-governanza ekonomika tat-TFUE ma għandux ikun tabù. Pereżempju, minkejja politika monetarja espansjonarja ħafna, qed niffaċċjaw it-theddida ta’ deflazzjoni.
1.3Il-KESE jemmen li rieżami adegwat tal-governanza ekonomika jirrikjedi rieżami komprensiv tal-objettivi tal-politika ekonomika. Il-KESE jirrakkomanda governanza ekonomika ffukata fuq il-prosperità, fejn il-benesseri soċjali u ekonomiku tan-nies jingħata prijorità sabiex ħadd ma jitħalla jibqa’ lura. Għalhekk, il-Kumitat jappella għal politika ekonomika bbilanċjata, li tenfasizza l-importanza u tagħti l-istess piż lil firxa ta’ objettivi tal-politika ewlenin, bħal pereżempju t-tkabbir sostenibbli u inklużiv, livell massimu ta’ impjiegi u x-xogħol deċenti, it-tqassim ġust tal-ġid materjali, is-saħħa pubblika u l-kwalità tal-ħajja, is-sostenibbiltà ambjentali, l-istabbiltà tas-suq finanzjarju, l-istabbiltà fil-prezzijiet, ir-relazzjonijiet kummerċjali bbilanċjati sew u finanzi pubbliċi stabbli. Fi ħdan iċ-ċiklu ekonomiku, l-investiment pubbliku u privat b’saħħtu huwa kemm il-bażi kif ukoll ir-riżultat ta’ ambjent ekonomiku stabbli.
1.4Finanzi pubbliċi stabbli joħolqu reżiljenza ekonomika u fiduċja u huma fl-interess proprju ta’ kull Stat Membru. Madankollu, dawn jiddependu fuq ħafna parametri u f’ħafna każijiet ma jistgħux jitmexxew fil-livell nazzjonali. Sforzi sabiex titnaqqas in-nefqa pubblika, speċjalment jekk ma jkunux imfassla sew, x’aktarx ikollhom effetti negattivi fuq terminu qasir sa medju fuq objettivi ta’ politika ewlenin oħra, kif ukoll ikollhom impatt, potenzjalment negattiv, fuq Stati Membri oħra. Fil-forma attwali tagħhom, ir-regoli fiskali u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż wasslu għal restrizzjonijiet fuq in-nefqa tal-gvern u l-investiment pubbliku, speċjalment fis-sistemi tas-saħħa, li rriżultaw f’estensjoni tal-kriżi ekonomika u tbatija kbira għal ħafna ċittadini. L-infurzar ta’ dawn ir-regoli b’dan il-mod irriżulta li kien parzjalment proċikliku. Fi żminijiet ta’ reċessjoni, dawn ir-regoli komplew inaqqsu r-ritmu ekonomiku billi reġgħu għamlu pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi. Governanza ekonomika bbażata fuq is-solidarjetà għandha titwettaq b’tali mod li Stat Membru ma jiġix ikkastigat iżda għandha tippermettilu jsaħħaħ ir-reżiljenza għall-kriżijiet u jikseb tkabbir u finanzi pubbliċi sostenibbli u inklużivi.
1.5Il-KESE jappella lill-Kummisjoni tibda taħdem fuq riforma tal-governanza ekonomika Ewropea li, b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, tevita l-effetti asimmetriċi fl-Istati Membri u tiżgura li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura. Hija meħtieġa azzjoni deċiżiva biex jiġi stimulat l-irkupru ekonomiku permezz tal-implimentazzjoni tar-regola tad-deheb u l-attivazzjoni u l-koordinazzjoni ta’ pjani ta’ investiment b’firxa wiesgħa. Bħala rispons għall-kriżi tal-COVID-19, iridu jiġu stabbiliti politiki kontroċikliki fil-livell tal-UE u dak nazzjonali. Il-KESE jirrakkomanda b’mod urġenti li l-kriżi tiġi indirizzata fuq il-bażi tas-solidarjetà, kif stabbilit fir-Riżoluzzjoni tiegħu ta’ Ġunju 2020. L-investimenti tal-UE huma meħtieġa f’setturi fundamentali u ta’ prijorità bħal infrastruttura tanġibbli u intanġibbli (li f’dan il-mument jiffokaw fuq l-infrastruttura tas-saħħa), taħriġ f’kull livell (b’mod partikolari taħriġ vokazzjonali u professjonali tul il-ħajja), irkupru u enerġija ekoloġiċi, u riċerka (b’mod partikolari biex jissolvew il-kriżijiet klimatiċi u tas-saħħa u biex jinkiseb qafas ġust għal kompetizzjoni internazzjonali). L-aħjar triq ’il quddiem hija li jiġi rivedut u bbilanċjat mill-ġdid il-qafas ta’ governanza ekonomika kif ġej:
1.6Il-finanzi pubbliċi jsiru sostenibbli fit-tul u jiġu eliminati l-iżbilanċi makroekonomiċi billi:
·jiġi rikonoxxut li d-diffikultajiet ekonomiċi jagħmlu l-konsolidament fiskali u l-politika fiskali kontroċiklika diffiċli ferm;
·jiġi appoġġjat it-tkabbir sostenibbli u b’hekk it-tisħiħ tal-finanzi pubbliċi;
·jiġi pprijoritizzat it-tkabbir sostenibbli u inklużiv filwaqt li jitqiesu l-multiplikaturi fiskali;
·jiġi żgurat dħul suffiċjenti u distribuzzjoni ġusta tal-piż tat-taxxa billi jiġu miġġielda l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u l-frodi tat-taxxa;
·jiġu implimentati indikaturi simmetriċi li juru bilanċi pożittivi kif ukoll id-defiċits;
·tingħata aktar importanza lill-impjiegi u l-iżvilupp soċjali fil-proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku jew is-Semestru Ewropew, fejn għandha tiġi kkunsidrata tabella ta’ valutazzjoni integrata b’sett ta’ indikaturi li jirrappreżentaw objettivi ekonomiċi ewlenin.
1.7Jiġi żgurat li l-politiki fiskali jissalvagwardjaw is-sostenibbiltà filwaqt li jippermettu stabbilizzazzjoni fuq żmien qasir billi:
·titnaqqas b’mod sinifikanti l-influwenza ta’ indikaturi dubjużi mil-lat ekonomiku u tekniku;
·issir aktar enfasi fuq li jiżdied id-dħul;
·issir aktar analiżi f’każ ta’ devjazzjonijiet sinifikanti, minflok ma jiġu mhedda l-Istati Membri kkonċernati b’sanzjonijiet finanzjarji.
1.8Isiru riformi ewlenin u jiġi stimulat l-investiment sostenibbli billi:
·tiġi applikata r-“regola tad-deheb” u jiġi salvagwardjat l-ammont ta’ assi pubbliċi meħtieġa sabiex jiġu żgurati l-produttività u l-prosperità fil-ġejjieni;
·jiġi implimentat pjan ta’ investiment strateġiku;
·l-għoti ta’ appoġġ pubbliku jkun soġġett għal kriterji sostenibbli u soċjali.
1.9Jiġi propost qafas ta’ governanza ekonomika bbażat fuq is-solidarjetà b’responsabbiltà, billi:
·jiġu żviluppati soluzzjonijiet flimkien mal-pajjiżi milquta, fuq bażi ugwali, f’każ ta’ devjazzjonijiet sinifikanti, fejn it-tkabbir sostenibbli u inklużiv ikun fil-mira;
·il-governanza ekonomika tkun ibbażata fuq valutazzjoni teknika bbilanċjata kif ukoll fuq proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet aktar demokratiku billi jissaħħaħ ir-rwol tal-Parlament Ewropew;
·jiġu involuti ħafna aktar l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili sabiex l-interessi kollha jiġu rikonċiljati;
·il-konsultazzjoni tal-KESE issir mandatorja bħala l-korp tal-UE kompetenti biex iwassal il-fehmiet tas-soċjetà ċivili lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE.
1.10Tiġi garantita governanza ekonomika bbilanċjata billi tiġi approfondita l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) fl-oqsma li ġejjin:
·jissaħħaħ il-pilastru finanzjarju, ekonomiku, soċjali u politiku b’mod bilanċjat;
·tiġi implimentata funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni sabiex tiġi segwita politika kontroċiklika komuni;
·jiġu miġġielda l-konsegwenzi diżastrużi tal-kriżi tal-COVID-19, b’mod ibbażat fuq is-solidarjetà;
·jinħareġ strument ta’ dejn komuni fit-tul flimkien ma’ miżuri biex il-piż tat-taxxa jitqassam b’mod ġust;
·tiġi approfondita l-unjoni bankarja u l-unjoni tas-swieq kapitali sabiex jiġi kkonsolidat aktar is-suq uniku bl-introduzzjoni ta’ regolamentazzjoni effettiva.
2.Kuntest:
2.1Wara l-kriżi finanzjarja tal-2008, il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir sar aktar strett permezz tal-pakkett leġislattiv dwar il-governanza ekonomika (“Six-Pack”) tal-2011. Il-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir tirrikjedi li l-pajjiżi li jiddevjaw mill-objettiv baġitarju ta’ terminu medju tagħhom itejbu l-pożizzjonijiet baġitarji strutturali tagħhom b’mill-inqas 0,5 % tal-PDG kull sena. Ġie stabbilit ukoll punt ta’ riferiment tan-nefqa. Għal pajjiżi b’livelli ta’ dejn li jaqbżu 60 % tal-PDG, huwa mitlub ukoll tnaqqis tad-dejn b’rata ta’ madwar wieħed minn kull għoxrin kull sena, bil-prospett ta’ proċedura ta’ defiċit eċċessiv taħt il-parti korrettiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità. Ġiet introdotta wkoll proċedura biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi makroekonomiċi. In-nuqqas ta’ konformità mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jew mar-regoli tas-“Six-Pack” ġeneralment huwa assoċjat mal-prospettiva ta’ pieni ħorox. Is-sorveljanza aktar mill-qrib tal-politika baġitarja u l-indikaturi makroekonomiċi ġiet inkorporata fis-Semestru Ewropew, u b’hekk ġiet imposta skeda ta’ żmien. Ir-regoli tat-tieni pakkett ta’ proposti għall-governanza ekonomika (“Two-Pack”) tal-2013 ħolqu qafas għal pajjiżi li qed jesperjenzaw, jew li esperjenzaw, diffikultajiet finanzjarji. It-Two-Pack jipprevedi wkoll rieżami speċifiku tal-UE tal-abbozzi tal-baġits tal-Istati Membri taż-żona tal-euro qabel ma dawn jiġu adottati mill-parlamenti nazzjonali.
2.2Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tirrieżamina l-qafas ta’ governanza ekonomika, b’mod partikolari s-“Six-Pack” u t-“Two-Pack”. Diġà minn qabel il-kriżi tal-COVID-19, il-Kummissjoni nnotat li l-ambjent inbidel, hija għamlet referenza għal tkabbir potenzjali aktar baxx, tnaqqis fir-rati tal-imgħax u fl-inflazzjoni u l-isfida li nirrispettaw aktar il-klima u nadattaw għad-diġitalizzazzjoni u għat-tixjiħ tal-popolazzjoni. Il-Kummissjoni siltet konklużjonijiet pożittivi dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, peress li l-Istati Membri kollha rrispettaw il-kriterju ta’ defiċit ta’ 3 % tal-PDG, filwaqt li nnotat li l-komponent preventiv tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir ma kienx effettiv, peress li xi pajjiżi kien għad kellhom defiċits li ma jipprovdux marġni ta’ sikurezza suffiċjenti fir-rigward tal-kriterju ta’ defiċit. Il-proporzjonijiet tad-dejn għall-PDG fiż-żona tal-euro naqsu b’mod ġenerali, iżda żdiedu d-diskrepanzi bejn il-pajjiżi.
3.Kummenti ġenerali
3.1Il-KESE jilqa’ dan il-proċess ta’ rieżami statutorju ta’ ħames snin tal-qafas ta’ governanza ekonomika. Dan bħalissa jaħbat mal-akbar kriżi fi żmien ta’ paċi f’seklu. Dan ir-rieżami jrid jirrifletti l-impatti ta’ dak ix-xokk, u jipprovdi soluzzjonijiet ekwi għal qafas ta’ governanza li jwassal għal tkabbir u prosperità fl-Istati Membri kollha. Dan jista’ jinkiseb biss jekk l-Istati Membri kollha jappoġġjaw bis-sħiħ unjoni ekonomika u soċjali ġenwina, li hija l-bażi għal unjoni politika bbażata fuq id-demokrazija, il-koeżjoni, l-assistenza reċiproka, is-solidarjetà u r-responsabbiltà. Madankollu, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni mhijiex kompluta minħabba li tiffoka l-aktar fuq l-evalwazzjoni tar-riżultati tar-regoli “Six-Pack” u “Two-Pack” mingħajr ma tqis bl-istess mod il-miżuri approvati l-oħra għat-trawwim tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-KESE jappella biex tiġi diskussa l-kwistjoni kruċjali dwar kif għandha tiġi modernizzata l-governanza ekonomika li għandha tiġi diskussa fil-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa. L-adattament tad-dispożizzjonijiet tat-TFUE dwar il-governanza ekonomika m’għandux ikun tabù. Peress li l-mistoqsijiet għad-dibattitu pubbliku (ara t-taqsima 4) huma fformulati b’mod li jillimita l-kapaċità li tinkiseb ħarsa ġenerali komprensiva, f’din it-taqsima l-KESE jinkludi r-riflessjonijiet ġenerali tiegħu.
3.2Il-KESE jirrakkomanda governanza ekonomika ffokata fuq il-prosperità, fejn il-benesseri soċjali u ekonomiku tan-nies jingħata prijorità sabiex ħadd ma jitħalla jibqa’ lura. Għalhekk, il-Kumitat jappella għal politika ekonomika bbilanċjata li tenfasizza u tagħti l-istess importanza lil firxa ta’ objettivi ewlenin, li huma interkonnessi ħafna, tal-politika ekonomika u tal-politika soċjali: it-tkabbir sostenibbli u inklużiv, livell massimu ta’ impjiegi u xogħol deċenti, it-tqassim ġust tal-ġid materjali, is-saħħa pubblika u l-kwalità tal-ħajja, is-sostenibbiltà ambjentali, l-istabbiltà tas-suq finanzjarju, l-istabbiltà fil-prezzijiet, relazzjonijiet kummerċjali bbilanċjati sew, ekonomija tas-suq soċjali kompetittiva, u finanzi pubbliċi stabbli. Dawn l-objettivi huma konsistenti kemm mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 tat-Trattat tal-UE kif ukoll mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) attwali tan-NU.
3.3F’termini ta’ miżuri ta’ politika, dan ta’ hawn fuq ifisser, l-ewwel nett, li jinkiseb tkabbir sostenibbli u inklużiv billi tiżdied id-domanda, u għalhekk l-output, permezz ta’ konsum sostenibbli u investiment produttiv; it-tieni, li jiġu indirizzati l-inugwaljanzi soċjali permezz ta’ livell għoli ta’ protezzjoni soċjali, impjiegi ta’ kwalità għolja u pagi li jiggarantixxu l-għajxien fl-Istati Membri u fl-UE kollha; it-tielet, li jiġu indirizzati l-kriżijiet klimatiċi u tas-saħħa billi jiġi promoss l-investiment pubbliku u privat fit-teknoloġija diġitali, fil-kura tas-saħħa, fl-iffrankar tal-enerġija, fl-infrastruttura, fit-taħriġ, fir-riċerka u fl-iżvilupp. Huwa fl-interess ta’ kull Stat Membru li jkollu finanzi pubbliċi stabbli u l-kapaċità li jagħti spinta lid-domanda f’perjodu ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. Madankollu, l-għanijiet tal-politika ekonomika huma interkonnessi ħafna u ħafna parametri ma jistgħux jitmexxew fil-livell nazzjonali. Governanza ekonomika bbażata fuq is-solidarjetà għandha tgħin lill-Istati Membri jiksbu tkabbir u finanzi sostenibbli u inklużivi u jsiru reżiljenti għall-kriżijiet.
3.4Il-KESE jiddispjaċih li l-governanza ekonomika adottata sa issa kienet iffukata prinċipalment fuq il-kisba ta’ finanzi pubbliċi stabbli billi jitnaqqas id-defiċit u d-dejn sovran. Il-KESE jirrikonoxxi li l-proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku u s-Semestru Ewropew jista’ jkollhom rwol fit-tfassil ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż immirati lejn il-promozzjoni ta’ riformi strutturali. Sabiex tiġi implimentata politika ekonomika bbilanċjata, se jkun importanti li dawn l-għodod jiffukaw ukoll fuq objettivi ewlenin tal-politika ekonomika u tal-politika soċjali (ara l-punt 3.2) u jkollhom rwol aktar prominenti u effettiv fi kwalunkwe riforma ta’ governanza. L-Istħarriġ dwar it-Tkabbir Sostenibbli jqis l-ambjent, il-produttività, l-istabbiltà u l-ġustizzja. Madankollu, jibqa’ l-iżbilanċ proċedurali: l-Istħarriġ dwar it-Tkabbir Sostenibbli huwa proċess mhux vinkolanti bbażat fuq il-prinċipju li isem dawk mhux konformi jiġi ppubblikat (naming and shaming), filwaqt li l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jipprevedi proċedura b’limiti ta’ żmien definiti b’mod ċar u sanzjonijiet speċifiċi (ara l-punt 4.7.1).
3.5L-ekonomiji fejn il-politiki fiskali nazzjonali jirrikonoxxu l-ħtieġa li jinbnew riżervi ta’ dħul fi żminijiet ta’ tkabbir, se jkunu aktar reżiljenti fil-ġlieda kontra l-impatti negattivi tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. Ibbilanċjar tal-baġit mhux imfassal sew u implimentat ħażin – b’mod partikolari fi żmien meta l-pajjiżi għadhom fi stadju bikri ta’ rkupru – tillimita b’mod perikoluż il-flessibbiltà fil-politika fiskali, u jekk dan isir b’mod mhux koordinat fiż-żona tal-euro iwassal ukoll għal tnaqqis sinifikanti fid-domanda fi Stati Membri oħra. L-aġġustament permezz tal-politika fiskali nazzjonali huwa partikolarment importanti fiż-żona tal-euro, minħabba li l-politiki nazzjonali monetarji, kif ukoll il-politiki dwar ir-rati tal-imgħax u r-rati tal-kambju mhumiex f’idejn l-Istati Membri. Xi miżuri ta’ konsolidazzjoni fiskali konkorrenti fl-UE tawlu l-kriżi ekonomika u finanzjarja sal-2014, u l-awsterità matul it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku fissret tbatija kbira għal ħafna nies ordinarji. Għalkemm l-indikaturi soċjali fiż-żona tal-euro tjiebu b’mod ġenerali bejn l-2014 u l-2020, f’għadd ta’ pajjiżi dawn baqgħu taħt il-livelli ta’ qabel il-kriżi. L-investiment pubbliku naqas ukoll minn 3,7 % tal-PDG fl-2009 għal 2,7 % tal-PDG fl-2017. Barra minn hekk, dan affettwa b’mod negattiv it-tkabbir tal-PDG u għalhekk il-proporzjon tad-dejn għall-PDG ukoll. Il-Kummissjoni jeħtiġilha tagħti aktar attenzjoni lill-konsegwenzi li sejrin għall-agħar b’riżultat tat-tnaqqis fit-tkabbir. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għar-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu – li sa issa ma ġewx ikkunsidrati – dwar ir-rieżami tar-regoli.
3.6Is-salvagwardja tal-istabbiltà tal-prezzijiet illum il-ġurnata, u wisq probabbli fil-futur qarib, tfisser li tiġi evitata d-deflazzjoni aktar milli l-inflazzjoni. Il-politika monetarja hija vitali għall-istabbiltà tal-finanzi pubbliċi u għall-ekonomija b'mod ġenerali. Ir-rwol apparenti tal-BĊE bħala mutwanti tal-aħħar istanza għandu jiġi kkonsolidat sabiex il-pajjiżi ma jkollhomx għalfejn jiddependu biss fuq ir-rifinanzjament permezz tas-swieq finanzjarji. Fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19, il-KESE jilqa’ l-miżuri tal-BĊE biex il-firxiet tas-suq tal-bonds jinżammu taħt kontroll. Fid-dawl tal-emerġenza ekonomika, il-BĊE jeħtieġlu jkun lest li jestendi t-taffija kwantitattiva. Madankollu, għall-fini ta’ politika ekonomika bbilanċjata, huwa importanti li l-politika monetarja tadotta mira tal-inflazzjoni kif ukoll mira għat-tkabbir inklużiv u sostenibbli.
3.7Bħala rispons għall-kriżi tal-COVID-19, irid jittieħed approċċ deċiżiv komuni ta’ politika kontroċiklika sabiex jiġi evitat il-qgħad tal-massa u s-servizzi ta’ interess ġenerali u l-infrastruttura pubblika jingħataw aktar riżorsi u persunal, fejn meħtieġ, speċjalment fis-sistemi tas-sigurtà soċjali u tal-kura tas-saħħa. L-esperjenzi tal-kriżi finanzjarja tal-2008 u tal-kriżi pandemika tal-2020 jġegħluna nikkonkludu li sitwazzjonijiet daqstant kritiċi jistgħu wkoll iseħħu fil-futur, għaldaqstant, l-UEM trid tiġi approfondita (ara l-punt 4.6). Il-KESE jafferma mill-ġdid li, fid-dawl ta’ kwalunkwe kriżi, l-UE jeħtiġilha turi li mhijiex biss komunità ta’ interessi ekonomiċi iżda wkoll – u fuq kollox – komunità msejsa fuq is-solidarjetà. Dan il-prinċipju jrid jirregola l-politiki tal-UE, kif ukoll il-prinċipju tal-promozzjoni tal-benesseri taċ-ċittadini Ewropej, kif stabbilit fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).
3.8Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-qafas fiskali, li fortunatament ġiet introdotta bħala għażla għall-Istati Membri kollha tal-UE bħala parti mis-“Six-Pack”. Il-kwistjoni hija kemm se nirritornaw malajr għar-regoli fiskali “normali”. Il-KESE jwissi kontra “ritorn għan-normal” malajr wisq peress li dan jista’ jwassal għal reċessjoni ġdida. Minflok “ritorn”, il-KESE jirrakkomanda “bidla fid-direzzjoni” lejn qafas rivedut ta’ governanza ekonomika kif indikat hawn taħt.
4.Kummenti speċifiċi dwar il-kwistjonijiet identifikati fil-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni Ewropea
Kif ġie osservat fil-punt 3.1 hawn fuq, il-KESE jirrimarka li l-mistoqsijiet għad-dibattitu pubbliku huma fformulati b’mod li jillimita l-kapaċità li tinkiseb ħarsa ġenerali komprensiva. It-tweġibiet speċifiċi ta’ hawn taħt għandhom jitqiesu flimkien mal-punti ġenerali magħmula mill-KESE dwar il-qafas ta’ governanza ekonomika fit-Taqsima 3.
4.1It-titjib tal-qafas biex jiġu żgurati finanzi pubbliċi sostenibbli fit-tul u jiġu eliminati l-iżbilanċi makroekonomiċi
4.1.1Il-Kummissjoni tkompli targumenta favur fergħa preventiva effettiva u għall-implimentazzjoni rapida tar-rakkomandazzjonijiet tal-politika fiskali mingħajr ma tipprovdi soluzzjonijiet għad-diffikultajiet li qegħdin jiffaċċjaw xi Stati Membri, u mingħajr ma tindirizza l-effetti fuq objettivi ekonomiċi ewlenin oħra. Il-kisba tal-valur referenzjarju tad-dejn uriet li hija estremament diffiċli, speċjalment f’pajjiżi b’ħafna dejn b’livell baxx ta’ tkabbir, inflazzjoni baxxa u spejjeż għoljin tal-finanzjament b’dejn. It-tnaqqis tan-nefqa kurrenti u tal-investiment pubbliku biex ikun hemm konformità mal-objettiv ta’ terminu medju jmur id f’id ma’ riperkussjonijiet sinifikanti fil-forma ta’ livelli aktar baxxi ta’ nfiq soċjali, impjiegi u tkabbir ekonomiku. Madankollu, il-kriżi ekonomika preżenti hija twissija biex jinħoloq spazju fiskali għal politika fiskali kontroċiklika.
4.1.2Il-KESE jirrimarka li l-iżgurar ta’ finanzi sostenibbli ma jaħdimx bl-issikkar tal-proċeduri iżda billi jbiddel perspettivi ta’ politika ekonomika. Il-qafas ta’ governanza tal-UE għandu rwol essenzjali biex jippermetti lill-Istati Membri jagħmlu progress fit-tisħiħ tal-finanzi pubbliċi u jappoġġjahom biex iġibu n-nefqa pubblika u d-dħul pubbliku f’bilanċ fit-tul. L-ewwel nett, jeħtieġ li jiffoka fuq it-tkabbir sostenibbli u inklużiv u jqis il-multiplikaturi fiskali. Meta l-PDG jnaqqas ir-ritmu, stimolu fiskali jista’ jaċċellera d-dħul u jnaqqas il-proporzjon tad-dejn għall-PDG. Tkabbir ogħla joħloq spazju għal aktar investiment u biżżejjed finanzjament għall-pilastru soċjali u b’hekk ikollu effett pożittiv fuq id-domanda. F’dan ir-rigward, tista’ tkun utli wkoll analiżi ulterjuri biex jiġi ddeterminat sa liema punt it-titjib tal-indikaturi fiskali huwa dovut għall-qafas tal-governanza ekonomika jew għal żviluppi ekonomiċi favorevoli.
4.1.3It-tieni, hemm bżonn ta’ aktar enfasi fuq iż-żieda fid-dħul milli fuq it-tnaqqis tan-nefqa. Il-pressjoni sabiex jitnaqqsu t-taxxi fuq il-fatturi mobbli tal-produzzjoni flimkien mal-evitar aggressiv tat-taxxa u l-frodi tat-taxxa tillimita t-tfassil tad-dħul u tfixkel il-kompetizzjoni. Madankollu, barra minn hekk, hija toħloq ukoll pressjoni biex titnaqqas in-nefqa tas-setturi soċjali, edukattivi u tas-saħħa, li ta’ spiss titqies bħala l-aktar mod faċli biex jitnaqqas id-dejn fuq perjodu qasir. Sabiex jiġi ssalvagwardjat baġit pubbliku sostenibbli b’mod ġust, dan in-nuqqas għandu jiġi indirizzat permezz ta’ politiki fiskali koordinati. Miżuri kontra l-frodi fiskali diġà għandhom rwol kbir biex itaffu l-pressjoni fuq il-baġits pubbliċi. Madankollu, it-telf annwali waħdu li jirriżulta mill-evażjoni u l-evitar tal-VAT huwa stmat li jammonta għal EUR 147 biljun, filwaqt li l-ammont tad-defiċits tal-Istati Membri kollha tal-UE kien ta’ EUR 114-il biljun fl-2018.
4.1.4It-tielet, għandha tingħata l-istess importanzi għall-bilanċi pożittivi u d-defiċits għall-finijiet tal-governanza ekonomika. Dan huwa l-uniku mod kif jiġu kkoreġuti l-iżbilanċi bejn il-pajjiżi. Nilqgħu l-argument tal-Kummissjoni li jekk il-bilanċi tal-kontijiet kurrenti, l-iżbilanċi u l-bilanċi pożittivi, ikunu aktar konformi fiż-żona tal-euro, dawn jgħinu biex tiġi promossa l-konverġenza ’l fuq u jkollhom impatt pożittiv fuq it-tkabbir nominali. Fil-fatt, xi pajjiżi kellhom inaqqsu l-bilanċi pożittivi tal-kontijiet kurrenti permezz ta’ politiki aktar espansjonarji mmirati biex jistimulaw id-domanda domestika, iżda għadhom ma għamlux dan. Filwaqt li pajjiżi oħra bi żbilanċi strutturali minħabba livelli baxxi ta’ produttività u kompetittività kellhom iżidu l-investiment fit-taħriġ, iżidu l-infiq fuq ir-riċerka u l-iżvilupp, u jaġġornaw l-attivitajiet ta’ produzzjoni. Madankollu, riżorsi finanzjarji limitati ma ppermettewx dan.
4.1.5Nilqgħu l-espansjoni tal-proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku biex tinkludi aġġustamenti fir-rigward tal-impjiegi u l-iżviluppi soċjali. Minkejja l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku, is-sorveljanza baqgħet ankrata ma’ aspetti li l-Kummissjoni tqis rilevanti għall-istabbiltà makroekonomika bħall-produttività u l-kompetittività. Din il-perspettiva hija limitata wisq, peress li l-iżbilanċi fl-isferi soċjali huma wkoll ta’ riskju għall-istabbiltà makroekonomika. Pereżempju, il-qgħad għoli għandu impatt negattiv fuq id-domanda ekonomika, is-sistema finanzjarja (djun irrekuperabbli) u l-baġits tal-gvern. Għandha tingħata aktar attenzjoni b’mod partikolari lill-kwistjoni tat-tkabbir fil-pagi li baqgħu lura meta mqabbla mal-produttività fi 15-il Stat Membru mill-2010. Il-fatturi ambjentali mhumiex indirizzati, minkejja li l-kriżi klimatika jista’ jkollha impatt negattiv enormi fuq is-sostenibbiltà makroekonomika.
4.2Politiki fiskali responsabbli biex jissalvagwardjaw is-sostenibbiltà fit-tul filwaqt li jippermettu stabbilizzazzjoni fuq żmien qasir
4.2.1It-tfassil mill-ġdid tal-komponent preventiv tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir kien maħsub biex jiżgura li l-istabbilizzaturi awtomatiċi jkunu jistgħu jidħlu fis-seħħ matul perjodi diffiċli. Nilqgħu dan il-ħsieb, madankollu politiki proċikliċi baqgħu jippersistu. Ir-raġunijiet ewlenin kienu diffikultajiet ekonomiċi fit-tul f’ħafna Stati Membri, li għamlu diffiċli l-politika fiskali kontroċiklika. Kawża oħra kienet problemi serji bl-indikaturi, bħan-nuqqas ta’ ċertezza dwar kif tiġi ddefinita d-differenza fil-produzzjoni u metodi ta’ kalkolu differenti għall-istima tal-PDG potenzjali fil-pajjiżi differenti. Il-proċeduri kumplessi biex jiġu stmati l-bilanċi baġitarji strutturali jfissru li r-riżultati huma ripetutament soġġetti għal korrezzjonijiet kbar. Madankollu, il-PDG nnifsu huwa wkoll riżultat ta’ stimi statistiċi li huma soġġetti għal żbalji u reviżjonijiet retrospettivi maġġuri. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda mod kif il-valur ta’ dawn l-indikaturi jiġi influwenzat direttament permezz ta’ miżuri ta’ politika. Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li titnaqqas l-influwenza konsiderevoli tagħhom fuq l-iżvilupp tal-politika ekonomika attwali u, b’mod partikolari, li jiġi abbandunat il-kunċett ta’ bilanċi baġitarji strutturali.
4.2.2Bħala alternattiva, jista’ jsir aktar rilevanti indikatur li jaqbad ir-relazzjoni bejn l-infiq u x-xejriet tad-dħul fuq perjodu medju. Pereżempju, it-tkabbir fin-nefqa nominali jista’ jiġi adattat għar-rata tat-tkabbir fuq perjodu medju tal-output potenzjali flimkien mal-mira tal-inflazzjoni tal-BĊE, rettifikata biex tqis miżuri ta’ dħul diskrezzjonali. Madankollu, irrispettivament minn kif jitfasslu r-regoli fiskali, dawn jistgħu wkoll jipproduċu xenarji mhux favorevoli. Għalhekk id-devjazzjonijiet m’għandhomx jinvolvu konsegwenzi awtomatiċi, iżda għandhom jiskattaw analiżi teknika aktar dettaljata li tinkludi l-objettivi ewlenin kollha tal-politika ekonomika u proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li jinvolvi l-partijiet interessati rilevanti (ara l-punt 4.4). Wara kollox, id-defiċits baġitarji huma kkawżati minn diversi fatturi. Iridu jiġu kkunsidrati ċ-ċirkostanzi speċifiċi għall-pajjiż, is-sitwazzjoni ekonomika globali, u l-interazzjoni kumplessa bejn l-għanijiet tal-politika ekonomika.
4.3Inċentivi għal riformi u investiment ewlenin biex jiġu indirizzati l-isfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali filwaqt li jiġu ppreservati s-salvagwardji kontra r-riskji għas-sostenibbiltà
4.3.1Anke bi klawżoli ta’ investiment u ta’ riforma strutturali inklużi fil-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, ma kienx possibbli li jiġi evitat li l-investiment pubbliku jaqa’ matul il-fażijiet ta’ konsolidazzjoni. Minkejja li huwa raġonevoli li l-implimentazzjoni tar-regoli fiskali ssir aktar flessibbli, irriżulta li ma kinitx biżżejjed. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li tiġi applikata r-“regola tad-deheb” għall-investiment pubbliku biex tiġi ssalvagwardjata l-produttività u l-bażi soċjali u ekoloġika għall-benesseri tal-ġenerazzjonijiet futuri. Dan ifisser li jitneħħa l-investiment nett għall-ġejjieni mill-kalkolu tal-indikaturi tad-defiċit rilevanti. Ma jistax jinftiehem għaliex, għall-kuntrarju tal-investimenti privati, ma jiġix applikat id-deprezzament tal-investimenti pubbliċi fuq medda ta’ żmien ċara definita skont il-ħajja utli tal-assi.
4.3.2L-assi pubbliċi huma meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-prosperità, u jiġu ġġenerati introjtu u kompetittività futuri fit-tul. Dan huwa partikolarment minnu fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-garanzija ta’ infrastruttura moderna tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tat-teknoloġija. Peress li dan jiżgura wkoll is-sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali għall-ġenerazzjonijiet futuri, li se jiggwadanjaw ukoll minn redditi potenzjali, dawk il-ġenerazzjonijiet għandhom ikunu mistennija li jgħinu fil-finanzjament ta’ tali investiment. L-iżbilanċi makroekonomiċi jistgħu jitnaqqsu wkoll permezz ta’ investiment ewlieni għall-futur. Barra minn hekk, l-investiment pubbliku huwa mod importanti biex tiġi promossa politika kontroċiklika iżda favorevoli għat-tkabbir, filwaqt li ż-żieda fid-domanda trawwem tkabbir sostenibbli fuq medda qasira ta’ żmien.
4.3.3Il-KESE jirrakkomanda wkoll pjan ta’ investiment strateġiku komuni, li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għandu jvarja mill-indirizzar tal-kriżi klimatika għall-iżvilupp tas-setturi tat-teknoloġija, u li jappoġġja l-bidla strutturali fis-setturi industrijali tradizzjonali u l-modernizzazzjoni tas-servizzi soċjali. Il-Kumitat jilqa’ t-tisħiħ imħabbar ta’ InvestEU, il-ħolqien ta’ faċilità ta’ investiment strateġiku u strument ta’ solvenza kif ukoll l-istrument ta’ rkupru ppjanat u l-finanzjament disponibbli mill-BEI maqbul f’April 2020. Bħal dejjem, l-għajnuna u l-garanziji pubbliċi għandhom ikunu trasparenti u evalwati flimkien ma’ tħassib soċjali, ambjentali u fiskali.
4.4Qafas tal-UE aktar sempliċi u trasparenti li jiffoka fuq is-sorveljanza tal-Istati Membri b’aktar sfidi pressanti u li jiżgura djalogu ta’ kwalità
4.4.1Is-sistema regolatorja kumplessa tirrifletti d-diffikultà li jinstabu żviluppi differenti ħafna fir-regoli armonizzati. Bħala alternattiva, il-KESE jirrakkomanda sett ċar ta’ indikaturi u analiżi dettaljata fil-każ ta’ devjazzjonijiet sinifikanti minn dawn, li jkopru l-Istati Membri kollha f’termini kemm ta’ bilanċi pożittivi kif ukoll ta’ defiċits. Is-sanzjonijiet pekunjarji ma jagħmlux sens, b’mod partikolari bħala parti mill-proċeduri ta’ defiċit eċċessiv. Ħsara fir-reputazzjoni tista’ tikkomprometti ulterjorment l-affidabbiltà kreditizja u l-kompetittività. Is-sanzjonijiet jamplifikaw ukoll il-forzi ċentrifugi u mhux se jkun possibbli li l-UEM tiġi approfondita mingħajr solidarjetà. Il-governanza ekonomika għandha titwettaq b’tali mod li Stat Membru ma jiġix ikkastigat iżda għandha tippermettilu jikseb finanzi sostenibbli.
4.4.2Minflok ma jiġu diskussi tipi differenti ta’ inċentivi, il-governanza ekonomika għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni teknika bbilanċjata li tqis l-objettivi ewlenin kollha tal-politika ekonomika u fuq proċess demokratiku u trasparenti wiesa’ ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Il-Parlament Ewropew għandu jingħata rwol ferm aktar prominenti fid-deċiżjonijiet li għaddejjin bħalissa fi ħdan il-qafas ta’ governanza ekonomika. Peress li ħafna aspetti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jikkonċernaw biss iż-żona tal-euro, grupp speċjali tal-unjoni ekonomika u monetarja jista’ jkun responsabbli għal dan fi ħdan il-Parlament Ewropew. Id-deċiżjonijiet tal-Grupp tal-Euro għandhom ikunu aktar trasparenti.
4.4.3Il-KESE jinnota wkoll il-ħtieġa li s-soċjetà ċivili tiġi involuta aktar fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ekonomiċi fil-livell tal-UE, u għalhekk, jenfasizza wkoll l-importanza tad-djalogu soċjali. B’dan il-mod, tista’ tiġi stabbilita politika ekonomika bbilanċjata, fejn l-interessi kollha huma rikonċiljati u l-ħtiġijiet bażiċi jistgħu jitqiesu aħjar. Minħabba l-pożizzjoni ekonomika u soċjali tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iqis li huwa l-korp tal-UE kompetenti biex jikkontribwixxi għal approċċ bħal dan minn isfel għal fuq. Madankollu, il-KESE ma jissemmiex fit-Titolu VIII tat-TFUE dwar il-Politika Ekonomika u Monetarja, u lanqas fid-dispożizzjonijiet dwar id-djalogu ekonomiku fir-regoli tas-“Six-Pack” u tat-“Two-Pack”. Din l-ommissjoni għandha tiġi kkoreġuta fi kwalunkwe tibdil futur tad-dispożizzjonijiet dwar il-governanza ekonomika fit-TFUE, is-“Six Pack” u t-“Two Pack”.
4.4.4Fil-każ ta’ devjazzjonijiet sinifikanti minn indikaturi li jirrappreżentaw l-objettivi tal-politika ekonomika, għandha titwettaq analiżi aktar dettaljata, kif ukoll diskussjoni mal-Istat Membru kkonċernat, fuq bażi ugwali, dwar ir-raġunijiet għall-iżbilanċi u l-introduzzjoni ta’ inċentivi pożittivi. Il-promozzjoni ta’ tkabbir inklużiv u sostenibbli trid tkun il-kriterju ewlieni fir-rakkomandazzjonijiet. L-indirizzar ta’ devjazzjonijiet minn, pereżempju, kriterji ta’ defiċit billi tiġi proposta, pereżempju, politika industrijali ekoloġika, huwa fl-interess proprju tal-pajjiż u l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet ma tkunx meħtieġa.
4.5Oqfsa fiskali nazzjonali u l-interazzjoni tagħhom mal-qafas fiskali tal-UE
4.5.1Ir-regoli tal-baġit tal-patt fiskali u t-trażżin tad-dejn ankrati fil-kostituzzjonijiet ta’ xi pajjiżi huma inqas flessibbli mill-governanza ekonomika fil-livell tal-UE. Dan jista’ jirriżulta mhux biss fil-kumplessità u d-diskrepanzi iżda wkoll f’konformità kontraproduttiva mar-regoli tal-politika fiskali. Fil-livell tal-Istati Membri, il-bilanċ tal-baġit għandu jkun parti minn politika ekonomika orjentata lejn il-prosperità.
4.6B’kont meħud tad-dimensjoni taż-żona tal-euro u l-aġenda għall-approfondiment tal-unjoni ekonomika u monetarja
4.6.1Il-KESE jaqbel bis-sħiħ mal-fehma tal-Kummissjoni li l-effikaċja tal-governanza ekonomika tittejjeb permezz tal-approfondiment tal-unjoni ekonomika u monetarja. Il-KESE jirrakkomanda li tissaħħaħ il-politika monetarja/il-pilastri finanzjarji, ekonomiċi, soċjali u politiċi b’mod ibbilanċjat. B’mod ġenerali, huwa meħtieġ pjan għall-approfondiment taż-żona tal-euro li jmur lil hinn mil-limiti stabbiliti fit-Trattat ta’ Maastricht. L-isforzi jridu jiġu diretti immedjatament lejn l-għanijiet ewlenin tal-politika ekonomika ta’ politika ekonomika orjentata lejn il-benesseri. L-Istati Membri li għadhom ma ssiħbux fiż-żona tal-euro jeħtieġ li jingħaqdu magħha u għandhom jagħmlu dan mill-aktar fis possibbli. Fid-dawl tal-iżviluppi attwali, l-objettiv tal-irkupru ekonomiku b’mod partikolari jeħtieġ li jingħata l-ogħla prijorità.
4.6.2Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni ripetutament issemmi li, fin-nuqqas ta’ kapaċità fiskali ċentrali b’karatteristiċi ta’ stabbilizzazzjoni, il-kapaċità li tingħata direzzjoni l-pożizzjoni fiskali tibqa’ limitata. Fil-passat, il-KESE enfasizza li l-kapaċità fiskali msaħħa hija kruċjali għall-ġestjoni tajba tal-unjoni ekonomika u monetarja. Il-politika ekonomika kontroċiklika komuni hija meħtieġa biex tirfed il-politiki kontroċikliċi fil-livell nazzjonali. Għandha tiġi introdotta funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni, iżda l-appoġġ tagħha jrid ikun marbut ma’ kundizzjonalitajiet f’konformità mal-SDGs u mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Jekk il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) jintuża għal dan il-għan, l-intervent tiegħu ma għandux ikun marbut ma’ kundizzjonijiet li jagħmlu ħsara lit-tkabbir sostenibbli u inklużiv.
4.6.3Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-idea li jinbeda l-irkupru abbażi tas-solidarjetà, kif stabbilit fir-riżoluzzjoni tiegħu ta’ Ġunju 2020. Fuq medda twila ta' żmien, strument appoġġjat minn garanziji komuni minn pajjiżi taż-żona tal-euro jgħin biex jitnaqqsu l-iżbilanċi baġitarji. Madankollu, dan jista’ jkun biss ass sikur u reżiljenti kontra kriżijiet kbar li jaffettwaw iż-żona tal-euro b’mod ġenerali jekk id-dħul pubbliku ma jiġix mhedded aktar mill-evażjoni tat-taxxa. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li jiġu implimentati miżuri ta’ akkumpanjament fil-ġlieda kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u l-frodi fiskali. Ass sikur għandu jinħareġ permezz ta’ vettura taħt kontroll demokratiku u għandu jiffoka fuq l-appoġġ għall-progress soċjali u s-sostenibbiltà. Il-bonds tal-gvern konġunti jnaqqsu wkoll il-fraġilità tas-settur finanzjarju.
4.6.4Is-swieq finanzjarji u l-finanzi pubbliċi huma interkonnessi ħafna. Il-kriżijiet finanzjarji wrew il-potenzjal li l-parteċipanti tas-suq iżidu l-instabbiltà billi jgħollu l-ispejjeż tas-self għal gvernijiet f’diffikultà. F’“ċirku vizzjuż”, il-gvern jista’ jkollu bżonn iżid id-dejn biex jirrikapitalizza l-banek, u b’hekk inaqqas il-fiduċja fil-finanzi pubbliċi u l-valur tal-bonds, u jerġa’ jitfa’ pressjoni fuq il-banek. Li wieħed jipprova jevita dawn ir-riskji prinċipalment permezz ta’ regoli fiskali restrittivi jpoġġi saħansitra aktar pressjoni li tagħmel ħsara fuq il-baġits pubbliċi. Sabiex jitnaqqas b’mod effiċjenti r-riskju tas-suq finanzjarju, jeħtieġ li l-unjoni bankarja u l-unjoni tas-suq tal-kapital jiġu approfonditi billi tingħata prijorità lil regolamentazzjoni effiċjenti. Wara kollox, l-istabbiltà fiskali se tiġi kompromessa sakemm ma jitrażżnux ir-riskji sistemiċi tas-suq finanzjarju. Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro abbażi ta’ UEM stabbli, ekonomikament b’saħħitha u bbilanċjata soċjalment.
4.7L-interazzjoni bejn il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u l-proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku fis-Semestru Ewropew
4.7.1L-intenzjoni ġenerali hija li kemm is-Semestru Ewropew, flimkien mal-istħarriġ dwar it-tkabbir sostenibbli, kif ukoll il-governanza ekonomika jkunu bbażati fuq l-għanijiet ta’ politika ekonomika ffokata fuq il-prosperità. Fid-dawl ta’ dan, flimkien ma’ approċċ aktar demokratiku, is-Semestru Ewropew għandu jsir aktar vinkolanti. Tabella ta’ valutazzjoni integrata bil-miri soċjali, ambjentali, ekonomiċi u fiskali kollha tgħin biex jiġi introdott approċċ ibbilanċjat.
Brussell, 18 ta’ Settembru 2020
Luca JAHIER
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
_____________