MT

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

INT/885

Il-blockchain u s-suq uniku

OPINJONI

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


Il-blockchain u s-suq uniku tal-UE: xi jmiss?
(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

Relatur: Ariane RODERT

Korelatur: Gonçalo LOBO XAVIER

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

21/02/2019

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

18 ta’ Ottubru 2019

Adottata fil-plenarja

30/10/2019

Sessjoni plenarja Nru

547

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

182/1/5



1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1Din l-Opinjoni tiffoka fuq il-blockchain bħala teknoloġija. Meta tiġi applikata, tista’ tkun forza trasformattiva pożittiva f’diversi setturi tas-soċjetà, u ġġib magħha valuri bħalma huma l-fiduċja u t-trasparenza, id-demokrazija u s-sigurtà. Fl-aħħar mill-aħħar, tista’ tgħin biex isir tibdil radikali fil-mudelli soċjoekonomiċi, biex b’hekk issostni l-innovazzjoni tas-soċjetà meħtieġa biex jiġu indirizzati l-isfidi li s-soċjetà qed tiffaċċja llum il-ġurnata. Madankollu, peress li l-kwistjoni tal-kriptovaluti hija diskussa ħafna, il-KESE għandu, fil-futur qrib, jirrevedi dawn l-istrumenti b’mod separat fir-rigward tar-riskju għall-ħasil tal-flus u/jew l-evażjoni tat-taxxa.

1.2L-applikazzjoni tal-blockchain diġà hija ta’ benefiċċju għas-soċjetà. Il-blockchain tikkontribwixxi biex jinkisbu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, issaħħaħ il-pożizzjoni taċ-ċittadini, issaħħaħ l-intraprenditorija u l-innovazzjoni, ittejjeb il-mobbiltà u l-opportunitajiet transfruntiera għan-negozji filwaqt li ttejjeb it-trasparenza għall-konsumaturi. Barra minn hekk, tista’ tnaqqas l-evażjoni tat-taxxa u l-korruzzjoni, u tiżviluppa kemm is-servizzi privati kif ukoll dawk pubbliċi. Madankollu, għad hemm diversi sfidi li jridu jiġu indirizzati, b’mod partikolari l-kwistjoni urġenti li jiġu pprovduti ċarezza u ċertezza legali u li tiġi protetta l-privatezza.

1.3Minkejja l-fatt li l-istituzzjonijiet tal-UE analizzaw il-blockchain sa ċertu punt, għad hemm bżonn ta’ approċċ komuni tal-UE. Minħabba r-riżultati sal-lum, l-UE għandha opportunità unika biex issostni l-pożizzjoni tagħha ta’ tmexxija fis-suq globali iżda dan jista’ jsir biss jekk l-UE tieħu azzjoni immedjata.

1.4Għalhekk il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea (KE) tniedi inizjattiva komprensiva dwar il-blockchain li tistabbilixxi viżjoni u approċċ komuni tal-UE li fil-qalba tagħhom ikollhom l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Din għandha tkun ikkomplementata minn pjan ta’ azzjoni għall-Ewropa biex issir il-punt ta’ referenza għall-blockchain madwar id-dinja. Is-Sħubija Ewropea tal-Blockchain u l-Osservatorju u l-Forum dwar il-Blockchain, li diġà jeżistu, għandhom jissaħħu billi tinħoloq pjattaforma tal-UE tal-partijiet interessati tal-blockchain, li tlaqqa’ rappreżentanti mill-istituzzjonijiet tal-UE, inklużi l-KESE u l-KtR, l-industrija, il-konsumaturi, l-Istati Membri, l-akkademiċi eċċ., sabiex jiġi pprovdut spazju għal tagħlim konġunt u bini ta’ kapaċità, netwerk ta’ netwerks u skambju ta’ prattiki tajba.

1.5Il-KESE jista’ jieħu sehem attiv fl-ospitar ta’ tali “pjattaforma” biex b’hekk jiġu żgurati t-trasparenza, l-inklużività, il-kollaborazzjoni u l-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata.

2.Introduzzjoni

2.1Il-blockchain u t-teknoloġija tar-reġistru distribwit għandhom l-potenzjal li jittrasformaw is-soċjetà. Il-blockchain hija struttura matematika biex id-data tinħażen b’mod li jillimita l-korruzzjoni u d-data falza. It-teknoloġija tipprovdi mod ġdid biex tinħoloq fiduċja biex tiġi skambjata b’mod sigur xi ħaġa ta’ valur. Il-blockchain titqies bħala fażi ġdida aktar trasformattiva tal-era tal-internet, iżda għandu jiġi nnutat li din hija waħda mill-ħafna opportunitajiet teknoloġiċi ġodda.

2.2Din l-Opinjoni tiffoka fuq il-blockchain bħala teknoloġija, li tista’ tiġi applikata għal għadd kbir ta’ oqsma u industriji bħall-enerġija, il-finanzi, l-ikel u l-agrikoltura, il-mediċina u l-kura tas-saħħa, l-elezzjonijiet u l-governanza. Dan huwa l-fokus ta’ din l-Opinjoni u, b’mod partikolari, tal-blockchain fir-rigward tas-suq uniku tal-UE. Il-blockchain tista’, jekk tiġi applikata kif suppost, tittrasforma kunċetti bħall-kompetizzjoni u l-governanza u b’hekk tindirizza l-isfidi u t-tranżizzjonijiet tas-soċjetà. Madankollu, peress li l-kwistjoni tal-kriptovaluti hija diskussa ħafna, il-KESE għandu, fil-futur qrib, jirrevedi dawn l-istrumenti b’mod separat fir-rigward tar-riskju għall-ħasil tal-flus u/jew l-evażjoni tat-taxxa.

2.3L-Opinjoni reċenti tal-KESE dwar Il-blockchain u t-teknoloġija tar-reġistru distribwit bħala infrastruttura ideali għall-ekonomija soċjali 1 tiddefinixxi l-blockchain bħala "kemm kodiċi, jiġifieri protokoll ta' komunikazzjoni, kif ukoll reġistru pubbliku li fih jiġu rreġistrati t-tranżazzjonijiet kollha bejn il-parteċipanti tan-netwerk f'ordni sekwenzjali, bi grad għoli ta' trasparenza u b'mod li ma jistgħux jiġu modifikati". Din id-definizzjoni hija kkomplementata mill-fehma tal-KE li l-blockchain hija teknoloġija li tippromovi l-fiduċja tal-utenti. Din tippermetti li tinqasam l-informazzjoni onlajn, isir ftehim dwar u jiġu reġistrati tranżazzjonijiet b’mod verifikabbli, sigur u permanenti 2 .

2.4L-istituzzjonijiet tal-UE diġà ħadu xi passi biex jappoġġjaw l-iżvilupp tal-blockchain. Fl-2017, is-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS) ippubblika r-rapport How blockchain technology could change our lives 3 (Kif it-teknoloġija blockchain tista' tibdlilna ħajjitna) u, fl-2018, il-KE nediet l-Osservatorju u l-Forum dwar il-Blockchain 4 . Dan għandu jħaffef l-innovazzjoni u l-iżvilupp tal-blockchain sabiex tinżamm il-pożizzjoni globali ta’ tmexxija tal-Ewropa f’din it-teknoloġija trasformattiva ġdida.

2.5April 2018 kien stadju importanti, meta l-KE flimkien ma' 21 Stat Membru u n-Norveġja ffirmaw dikjarazzjoni biex tinħoloq is-Sħubija Ewropea tal-Blockchain u biex jikkooperaw biex tiġi stabbilita l-Infrastruttura Ewropea tas-Servizzi tal-Blockchain (EBSI) 5 . L-għan huwa li jiġu appoġġjati s-servizzi pubbliċi diġitali transfruntiera bl-ogħla standards ta’ sigurtà u privatezza. Minn dakinhar 'l hawn ingħaqdu 27 Stat Membru fis-Sħubija.

2.6Fl-2018, il-Parlament Ewropew (PE) adotta riżoluzzjoni mhux leġislattiva 6 dwar il-blockchain u t-teknoloġija tar-reġistru distribwit li tenfasizza l-opportunità għall-UE li tkun “minn ta’ quddiem nett” u “attur kredibbli” fit-tfassil tal-iżvilupp tas-suq globalment u bejn is-setturi, filwaqt li nnota li l-UE bħalissa tinsab fuq quddiem fl-iżvilupp u l-applikazzjoni tal-blockchain, meta mqabbla mal-Istati Uniti u ċ-Ċina 7 .

3.Blockchain - opportunitajiet għas-suq uniku u għall-UE

3.1Minkejja li t-teknoloġija blockchain għadha fenomenu relattivament ġdid, diġà qed jitfaċċaw opportunitajiet sinifikanti minn kuntest ta' suq uniku.

3.2Il-blockchain tikkontribwixxi għall-ksib tal-SDGs. Il-blockchain tinkorpora fiduċja, ftuħ u trasparenza fid-disinn u fil-propożizzjoni ta' valur 8 tagħha, u dan huwa enfasizzata fil-kuntest tal-ksib tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU 9 .

3.3Xi eżempji huma 10 :

-l-għan 1 "L-ebda faqar" u l-użu tal-kriptovaluti għall-popolazzjoni "li m’għandhomx aċċess għas-servizzi bankarji";

-l-għan 3 "Saħħa u benesseri" u l-opportunità li r-rekords mediċi tal-pazjenti jiġu kondiviżi b'mod aktar sigur u effiċjenti, u

-l-għanijiet 12, 14, u 15 għal "Produzzjoni u konsum responsabbli" fejn il-blockchain tista' tiżgura l-provenjenza tul il-ktajjen tal-provvista.

Il-blockchain tikkontribwixxi wkoll għal diversi Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli bħall-opportunitajiet indaqs, id-drittijiet tal-bniedem f’rabta mad-data personali, ix-xogħol deċenti u t-tkabbir ekonomiku, u l-parteċipazzjoni demokratika, eċċ.

3.4Aktar setgħa liċ-ċittadini. Il-blockchain tista' potenzjalment tagħti lura s-setgħa tal-informazzjoni lil dawk li jippossjeduha. Permezz tal-kondiviżjoni trasparenti tad-data u t-tnaqqis tal-ħtieġa ta' intermedjarji, il-blockchain tista' tagħti s-setgħa lill-atturi li qabel kienu f'pożizzjonijiet vulnerabbli fir-rigward ta' entitajiet ċentralizzati.

3.5Tingħata spinta lil-intraprenditorija u lil-innovazzjoni. Permezz tal-mod kollaborattiv u kunsenswali ta' kif topera, qegħdin joħorġu fid-dieher soluzzjonijiet innovattivi u negozji ġodda bbażati fuq is-sostenibbiltà ekonomika, ambjentali u soċjali. L-inklużività, li sseħħ permezz tal-blockchain, toffri bażi għall-ekonomija tal-pjattaformi u għal mudelli kummerċjali ġodda oħra – u, kif il-KESE diġà esplora, l-ekonomija soċjali.

3.6Titjib tal-mobilità u tal-opportunitajiet transfruntiera għan-negozji, filwaqt li jiġu protetti l-konsumaturi. Dan jinkiseb billi jitnaqqsu l-ostakli għall-kummerċ fl-UE u fuq livell globali, filwaqt li jiġu żgurati s-sigurtà u s-sikurezza fir-rigward tal-pagamenti u tat-tranżazzjonijiet waqt il-proċess tal-iskambju. Dan għandu jtejjeb il-kundizzjonijiet tas-suq u l-aċċess għall-prodotti u għas-servizzi fl-UE, filwaqt li jiġu protetti l-privatezza tal-konsumatur, il-kunfidenzjalità u l-qsim ta' informazzjoni 11 .

3.7Appoġġ għall-gateway diġitali unika. Il-gateway diġitali unika tintroduċi l-prinċipju ta' "darba biss" li jfisser li kwalunkwe data tista' tiddaħħal fil-pjattaforma darba biss. L-iżvilupp tal-EBSI li huwa kkundizzjonat mill-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' "darba biss", għalhekk jista' jservi bħala għodda u faċilitatur għal suq uniku effiċjenti, reżiljenti u sostenibbli.

3.8L-iżvilupp ta' servizzi pubbliċi u privati fuq il-blockchain iġib miegħu effetti pożittivi enormi bħala riżultat tat-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija tal-UE u għas-soċjetà kollha kemm hi. Attwalment qegħdin jiġu żviluppati erba’ każijiet ta’ użu 12 fil-qafas tal-Infrastruttura Ewropea tas-Servizzi tal-Blockchain. Dawn huma n-notarizzazzjoni u l-awtentikazzjoni, id-diplomi, l-identità Ewropea awtosovrana, it-tassazzjoni u l-kondiviżjoni ta’ data ta’ fiduċja. Fil-livell tal-Istati Membri, il-benefiċċji ekonomiċi jinkisbu permezz tal-aċċess dirett għas-swieq, bi spejjeż intermedji minimi jew xejn, u billi jiġi ttrasferit valur reali lill-konsumaturi. Dan jista’ jiġi aġġornat b’livelli għoljin ta’ sikurezza u sigurtà għall-konsumaturi permezz tat-traċċabbiltà fuq il-blockchain u l-kokreazzjoni parteċipattiva tal-prodotti u s-servizzi. Barra minn hekk, sistemi ta' votazzjoni bbażati fuq il-blockchain jistgħu jagħmlu r-reġistrazzjoni u l-identifikazzjoni tal-votanti sigura, u jipprovdu sistema ta' votazzjoni robusta u verifikabbli.

3.9Ħolqien u verifika tal-identitajiet diġitali għall-individwi u għall-organizzazzjonijiet. Billi jiġu kkombinati l-prinċipji deċentralizzati tal-blockchain mal-verifika tal-identità u mal-kriptografija, tista’ tinħoloq identità diġitali li tiġi attribwita lil kull tranżazzjoni onlajn ta’ ass. Dan għandu diversi benefiċċji potenzjali għall-konsumaturi, għan-negozji kif ukoll għar-regolaturi. L-identità diġitali fuq il-blockchain tipprovdi l-possibbiltà ta' rikonoxximent reċiproku u tal-eżekuzzjoni tal-operazzjonijiet permezz ta' kodiċi ta' kuntratti intelliġenti, li jissemplifika wkoll it-twaqqif ta' negozji. Dawn l-identitajiet diġitali u l-firem elettroniċi jridu jsegwu d-direzzjoni stabbilita mill-eIDAS, u għandhom jiżguraw ukoll l-interoperabbiltà u l-kompatibbiltà.

3.10Mitigazzjoni tal-ksur tad-data personali. Ir-riskji ta' ksur tad-data jistgħu jiġu mitigati jew evitati permezz tal-implimentazzjoni responsabbli tal-istrutturi tad-data tal-blockchain. Dan għandu jgħin jipproteġi data sensittiva, filwaqt li tiġi żgurata t-trażmissjoni sigura tad-data biex jiġi ssalvagwardjat id-dritt tal-individwi għall-kunfidenzjalità u għall-privatezza. Mod wieħed kif dan jista’ jinkiseb huwa li jiġi evitat li d-data privata tiġi maħżuna b’mod miftuħ fil-blockchain. Minflok, id-data privata tista' tiġi maħżuna barra mill-blockchain u tiġi skambjata biss meta meħtieġ u f'komunikazzjonijiet bejn il-pari.

3.11Il-proċessi ta’ standardizzazzjoni huma kundizzjoni għall-interoperabbiltà transfruntiera u l-implimentazzjoni tal-blockchain. Uħud minnhom issa ġew ittestjati u eżaminati mr-regolaturi, iżda bħalma jiġri f'kull innovazzjoni, l-inizjattivi ta’ standardizzazzjoni jridu jkunu bbilanċjati bil-ħolqien ta’ ambjent li jippermetti li jiġu esplorati b’mod sħiħ l-opportunitajiet b’din it-teknoloġija.

3.12Għandhom isiru wkoll sforzi biex jiġu armonizzati l-istandards kriptografiċi bejn il-blockchain u teknoloġiji oħra relatati mal-eIDAS 13 , biex jinħolqu livelli ġodda ta’ interoperabbiltà bejn il-mudelli teknoloġiċi attwali u dawk futuri. Dan għandu jindirizza r-riskju li jiġu żviluppati “silos” tal-blockchain. Fil-fatt, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO) ressqet pjan direzzjonali għall-istandardizzazzjoni li jkopri l-perjodu sal-2020, li jqis l-istandardizzazzjoni tal-oqsma bħat-terminoloġija, it-tassonomija, il-verifika tal-identità, l-interoperabbiltà, il-governanza, is-sigurtà u l-privatezza, il-każijiet ta' użu u l-kuntratti intelliġenti.

3.13Titjib tat-trasparenza permezz ta' kuntratti intelliġenti. Soluzzjonijiet ibbażati fuq il-blockchain jipprovdu t-trasparenza permezz tad-deċentralizzazzjoni, li tippermetti lill-partijiet parteċipanti jaraw u jivverifikaw id-data. Eżempju ta' dan huma l-"kuntratti intelliġenti" 14 .

3.14Jiġu limitati l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa. Is‑suq uniku tal-UE għandu l-potenzjal li jsaħħaħ il-kummerċ elettroniku, filwaqt li jiżgura l-minimizzazzjoni tal-esternalitajiet negattivi li jakkumpanjaw il-kummerċ internazzjonali tal-lum. Is-sistemi għall-ġestjoni tat-taxxa permezz tal-blockchain jistgħu jiżguraw trasparenza akbar kemm għall-pagatur kif ukoll għall-gvern. Il-blockchain tista' trażżan l-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil tal-flus billi żżid l-akkontabilità tat-tranżazzjonijiet u r-responsabbiltà tal-operazzjonijiet, u b'hekk tiżdied il-kompetittività tas-suq uniku tal-UE. Il-KE tista’ tniedi studju dwar kif il-blockchain tista’ tgħin f’dan il-qasam.

3.15L-iġġenerar ta’ mudelli ġodda ta’ finanzjament bħall-crowdfunding, l-offerti inizjali tal-muniti​jew tat-tokens huma kunċetti ta’ ġbir ta’ fondi universali (ġeografikament u demografikament) permezz tal-ħruġ ta’ munita speċifika għall-proġett b’mekkaniżmu speċjali ta’ apprezzament. Dan huwa l-qofol tat-tendenza tal-crowdfunding.

3.16Riforma maġġuri tal-mudelli soċjoekonomiċi. Il-kisba lura tas-setgħa min-naħa tal-individwi tista' tirriforma s-soċjetà. Jekk l-assi prinċipali tal-blockchain huwa li din issolvi l-problema tal-fiduċja bejn l-individwi mingħajr l-involviment ta' parti terza, tippermetti wkoll il-ħolqien ta' tipi ġodda ta' governanza u ta' relazzjonijiet ibbażati fuq it-trasparenza tal-interazzjonijiet. Bħalma jiġri kull meta jkun hemm tibdil fis-soċjetà, għandha tingħata attenzjoni biex tiġi evitata l-emerġenza ta' strutturi li jwasslu għall-abbuż filwaqt li tiġi permessa l-libertà ta' esperimentazzjoni li jista' jkollha benefiċċji kbar għall-umanità. Barra minn hekk, it-teknoloġiji u n-netwerks tal-blockchain għandhom jevitaw li joħolqu diviżjoni bejn dawk li jikkontrollaw jew dawk li jistgħu jaffordjawha u dawk li jistgħu jaċċessawha biss permezz ta' mudelli kkontrollati minn korporazzjonijiet kbar. Is-sostenn u t-tisħiħ ta' organizzazzjonijiet bħalma huma l-kooperattivi, b'mudelli ta' governanza miftuħa u demokratiċi, biex jiġu żviluppati negozji bbażati fuq il-blockchain huma essenzjali għas-suċċess tal-blockchain fost l-SMEs u l-organizzazzjonijiet iżgħar.

4.Blockchain – xi sfidi li għandhom jiġu indirizzati

4.1Biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-blockchain fis-suq uniku tal-UE u għas-soċjetajiet Ewropej, għandhom jiġu indirizzati diversi kwistjonijiet, li fosthom l-inċertezza legali attwali hija prijorità. Jeżistu xi soluzzjonijiet regolatorji għall-kriptovaluti u l-offerti inizjali tal-muniti; madankollu, il-qafas leġislattiv għadu mhux ċar fir-rigward tad-disinn tas-sistema u fl-oqsma fejn hija applikata t-teknoloġija blockchain, u dan iwassal għal approċċ frammentat fil-livell tal-Istati Membri. Mingħajr inizjattiva konġunta tal-UE għaċ-ċertezza u ċ-ċarezza legali madwar l-UE, l-opportunitajiet transfruntiera ser ikunu limitati. Każijiet ta' użu u mudelli ta' sperimentazzjoni regolatorja għal ċerti tipi ta' servizzi u użu jistgħu jkunu l-fażi inizjali biex wieħed jifhem ir-rekwiżiti legali futuri. L-esperjenza tal-UE fl-iżvilupp ta' regolamentazzjoni u ta' politiki kumplessi u transfruntiera tista' tkun vantaġġ fir-rigward tar-regolamentazzjoni futura tal-blockchain.

4.2Il-protezzjoni tal-privatezza hija essenzjali. Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) 15 ġie introdott biex jindirizza l-kwistjonijiet l-aktar urġenti b'rabta mad-data. Madankollu, meta tħejja l-GDPR, it-teknoloġija blockchain ftit li xejn kienet magħrufa, u għalhekk hemm bżonn li jerġgħu jiġu riveduti l-kunflitti potenzjali bejn il-GDPR u l-blockchain. Il-KESE jistieden lill-KE tirrevedi l-GDPR u tipproponi reviżjonijiet u aktar gwida dwar ir-rabta bejn il-GDPR u l-blockchain.

4.3Id-distinzjoni legali bejn data anonimizzata u psewdonomizzata tikkonċerna l-kategorizzazzjoni tad-data personali. Data psewdonimizzata xorta tippermetti xi forma ta' identifikazzjoni mill-ġdid (anke indiretta u remota), filwaqt li d-data anonima ma tistax terġa' tiġi identifikata. Filwaqt li fil-blockchain ristretta, il-psewdonimizzazzjoni hija meqjusa bħala soluzzjoni għar-relazzjonijiet iffaċilitati mit-teknoloġija blockchain, l-anonimizzazzjoni għadha ostaklu regolatorju għall-użu aktar mifrux tal-blockchain mhux ristretta, li tista' tiġi solvuta permezz tal-integrazzjoni ta' soluzzjonijiet marbuta mal-identità diġitali fir-restrizzjonijiet regolatorji.

4.4Il-mekkaniżmu ta' kunsens imsejjaħ "prova tal-ħidma" (proof-of-work) huwa intensiv ħafna fl-użu tal-enerġija. Permezz tal-iżvilupp tal-mekkaniżmu alternattiv ta' kunsens imsejjaħ "prova tal-involviment" (proof-of-stake), din il-kwistjoni importanti dwar is-sostenibbiltà ambjentali tista' tiġi solvuta. Diġà jeżistu s-soluzzjonijiet li għandhom ikunu kondiviżi u jiġu applikati bis-sħiħ 16 .

4.5Sfida teknika oħra hija l-interoperabbiltà ma' pjattaformi differenti tal-blockchain. Blockchains differenti jistgħu ma jkunux kompatibbli minħabba r-riskju għall-partijiet li jridu jiskambjaw id-data. Tħassib ieħor huwa l-kompatibilità bejn il-pjattaformi tal-blockchain u s-sistemi eżistenti tal-gvernijiet, li twaqqaf lill-gvernijiet milli jaqilbu l-pjattaformi eżistenti tagħhom għal interoperabbiltà bbażata fuq il-blockchain. L-iżgurar tal-interoperabbiltà għandu jkun prijorità fil-futur qarib għall-iżviluppaturi tal-blockchain, biex titħeġġeġ l-adozzjoni fuq firxa wiesgħa.

4.6Ir-rata tal-użu tal-blockchain tiddependi mill-adozzjoni tagħha mid-diversi forom ta' intrapriżi, fejn il-maġġoranza tal-intrapriżi fl-UE huma SMEs. Illum il-ġurnata, f'ħafna każijiet l-ispejjeż tat-tranżazzjoni huma projbittivi, li jagħmlu l-użu tas-servizzi tekniċi u konsultattivi impossibbli għall-SMEs. L-appoġġ tal-ħolqien ta' netwerks ġodda tal-blockchain, bħall-kooperattivi, huwa kruċjali biex jiġi żgurat aċċess ġust għall-SMEs u għall-entitajiet iżgħar oħra, li jippermetti titjib fil-governanza demokratika.

4.7Bħal kull teknoloġija fixkiela, iridu jiġu indirizzati l-isfidi soċjali. Hemm bżonn kritiku li l-pubbliku ġenerali jiġi infurmat b’mod korrett dwar it-teknoloġiji fixkiela. Dawn għandhom impatt reali fuq il-ħajja ta' kuljum tan-nies u dan għandu jiġi indirizzat bir-reqqa, waqt li jingħata rwol kruċjali lid-djalogu soċjali u ċiviku. Il-KESE ser ikompli jibni l-għarfien u jipprovdi l-perspettivi tas-soċjetà ċivili organizzata dwar il-passi li jmiss fl-iżvilupp tal-blockchain.

4.8Huwa essenzjali li wieħed jifhem u jirrevedi kif it-teknoloġija blockchain taffettwa l-protezzjoni u d-drittijiet tal-konsumatur. Hemm bżonn ta' ċarezza dwar ir-relazzjonijiet bejn, pereżempju, il-kunfidenzjalità u l-privatezza infurzati bil-leġislazzjoni (eż. il-leġislazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data), bir-regolamentazzjoni (il-kunfidenzjalità tal-klijenti) jew b'kuntratti (il-kunfidenzjalità kummerċjali).

4.9Bħal fil-każ ta’ kwalunkwe teknoloġija ġdida u l-mudelli kummerċjali kollha bbażati fuq it-teknoloġija, ikun xieraq u rilevanti li jiġu analizzati l-effetti u l-impatti potenzjali fuq l-impjiegi, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, id-drittijiet u l-protezzjoni tal-ħaddiema, u d-djalogu soċjali. L-analiżi għandha tivvaluta wkoll l-effetti fuq l-organizzazzjonijiet intermedjarji. Il-probabbiltà hi li l-ħiliet STEM isiru dejjem aktar importanti għall-industriji li jużaw il-blockchain. Minħabba n-nuqqas ta’ fehim wiesa’ dwar kif taħdem il-blockchain u l-limitazzjonijiet potenzjali tagħha, il-KESE jappella għat-tagħlim tul il-ħajja li jippermetti lill-persuni jiksbu l-ħiliet, jerġgħu jiġu mgħallma l-ħiliet u jtejbu l-kompetenzi tagħhom sabiex jisfruttaw aħjar l-opportunitajiet u l-isfidi tal-blockchain.

5.It-triq 'il quddiem

5.1Minkejja l-fatt li l-istituzzjonijiet tal-UE sa ċertu punt irrevedew il-blockchain, għad hemm nuqqas ta' approċċ komprensiv u kondiviż tal-UE. Fid-dawl tar-reputazzjoni tagħha sal-lum, l-UE għandha opportunità unika biex issostni l-pożizzjoni tagħha fuq quddiem nett fis-suq globali iżda dan jista' jsir biss jekk l-UE tieħu azzjoni.

5.2L-iżvilupp tal-blockchain għadu frammentat ħafna fl-Istati Membri kollha. Għalhekk il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jipprovdu ċarezza u bażi komuni biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-blockchain għall-Ewropa. L-ewwel pass huwa li l-KE tniedi komunikazzjoni dwar l-iżvilupp tal-blockchain u tat-teknoloġija tar-reġistru distribwit fl-UE bbażata fuq il-prinċipji tal-blockchain 17 , biex tesprimi r-rieda politika u s-sjieda kif ukoll tistabbilixxi viżjoni u pjan ta’ azzjoni biex jinħoloq ambjent favorevoli. Din l-inizjattiva għandha tkun ikkomplementata bit-twaqqif mill-ġdid tal-intergrupp tal-PE dwar id-diġitalizzazzjoni, li għandu jindirizza l-kwistjoni tal-blockchain u tat-teknoloġija tar-reġistru distribwit.

5.3Il-viżjoni komuni tal-UE tista' timmira biex l-Ewropa ssir kontinent pilota dinji bbażat fuq il-blockchain, biex b'hekk jiġi żgurat li l-UE tibqa' kompetittiva filwaqt li tiżviluppa l-approċċ proprju tagħha għad-diġitalizzazzjoni msejjes fuq l-SDGs, appoġġjat minn inizjattivi u programmi pilota pubbliċi fil-livell tal-Istati Membri u tal-UE.

5.4Bl-Isħubija Ewropea eżistenti tal-blockchain, u l-Osservatorju u l-Forum dwar il-Blockchain, wasal iż-żmien biex din l-inizjattiva tikber permezz tal-ħolqien ta' pjattaforma tal-partijiet interessati tal-UE dwar il-blockchain li tiġbor fiha rappreżentanti mill-istituzzjonijiet tal-UE, inklużi l-KESE u l-KtR, l-industrija, il-konsumaturi, is-soċjetà ċivili, l-Istati Membri, l-akkademiċi, eċċ. Barra minn hekk, din il-pjattaforma għandha tkun miftuħa għaċ-ċittadini kollha tal-UE biex jikkooperaw u jkunu parti mill-proġett tal-blockchain.

5.5Din il-pjattaforma għandha tipprovdi spazju għat-tagħlim konġunt u għall-bini tal-kapaċità, iżda barra minn hekk iġġib flimkien lill-partijiet interessati, li jaġixxu bħala netwerk ta' netwerks, billi tipprovdi postijiet għal-laqgħat u għall-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki. Il-KESE jinsab ippożizzjonat tajjeb u għandu l-esperjenza meħtieġa biex jieħu sehem attiv fl-ospitar ta' “pjattaforma” bħal din biex jiġu żgurati t-trasparenza, l-inklużività, il-kollaborazzjoni u l-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata, li tibni fuq inizjattivi eżistenti simili 18 .

Brussell, 30 ta’ Ottubru 2019

Luca Jahier

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

_____________

(1)     ĠU C 353, 18.10.2019, p. 01 .
(2)       https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/blockchain-technologies .
(3)       http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/IDAN/2017/581948/EPRS_IDA(2017)581948_EN.pdf .
(4)       https://www.eublockchainforum.eu/ .
(5)       https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/european-countries-join-blockchain-partnership .
(6)       http://www.europarl.europa.eu/doceo/document/TA-8-2018-0373_MT.html?redirect
(7)

Biex inqabblu, fl-2018 biss, il-ġbir ta’ fondi għall-offerta inizjali tal-muniti ​(ICO – initial coin offering) fl-Ewropa kien ta’ madwar USD 4,1 biljun, kważi d-doppju taż-USD 2,3 biljun li nġabru fl-Asja s’issa, u ħafna aktar miż-USD 2,6 biljun li nġabru fl-Istati Uniti.  https://www.newsbtc.com/2018/10/16/europe-surpasses-us-and-asia-in-cryptocurrency-token-sales/ .

(8) Il-propożizzjoni ta’ valur soċjali tal-blockchain tirreferi għall-identità awtosovrana (awtentikazzjoni, awtorizzazzjoni), il-fiduċja u t-trasparenza, id-demokrazija, l-immutabilità u l-idea li ma hemmx bżonn ta' intermedjarju.
(9)       https://blockchain4sdg.com/how-blockchains-can-tackle-the-un-sustainable-development-goals/ .
(10)      UN/CEFACT, ECE/TRADE/C/CEFACT/2019/INF.3: Blockchain in trade facilitation: sectoral challenges and examples (Il-blockchain fl-iffaċilitar tal-kummerċ: sfidi settorjali u eżempji) http://www.unece.org/fileadmin/DAM/cefact/cf_plenary/2019_plenary/CEFACT_2019_INF03.pdf
(11)    Il-kunfidenzjalità tirreferi għall-protezzjoni tad-data kondiviża bejn entità (jiġifieri individwu jew organizzazzjoni) u parti awtorizzata minn partijiet terzi mhux awtorizzati. Il-privatezza tirreferi għall-protezzjoni minn intrużjoni fl-identità personali u fit-tranżazzjonijiet personali proprji.
(12)       https://ec.europa.eu/cefdigital/wiki/display/CEFDIGITAL/EBSI .
(13) Bħall-firem elettroniċi u l-kronogrammi, li jużaw l-algoritmi kriptografiċi attwali kompatibbli bejniethom.
(14)       https://www.blockchaintechnologies.com/smart-contracts/   Dawn huma stati kuntrattwali awtomatizzati maħżuna fuq il-blockchain li ħadd ma jikkontrolla u li għalhekk kulħadd jista' jafda. Eżempji huma l-ikklerjar u s-saldu kummerċjali, vawċers li jingħataw bħala rigal/kupuni ta' lealtà, rekords mediċi elettroniċi, id-distribuzzjoni tar-royalties, il-provenjenza tal-prodott, tranżazzjonijiet bejn il-pari, self, assigurazzjoni, krediti tal-enerġija, u votazzjoni.
(15)       https://gdpr-info.eu/ .
(16)       www.tolar.io bħala każ ta’ blockchain ta’ konsum baxx tal-enerġija.
(17)      Il-prinċipji tal-blockchain huma: l-identità awtosovrana – l-awtentikazzjoni, l-awtorizzazzjoni; it-traċċabbiltà; il-fiduċja; l-immutabbiltà; id-demokrazija; in-nuqqas ta' intermedjazzjoni.
(18)      Il-Pjattaforma Ewropea għall-Ekonomija Ċirkolari, pereżempju, hija inizjattiva konġunta mal-Kummissjoni, u l-Kumitat huwa attiv ukoll fil-grupp ta’ esperti ta’ livell għoli dwar l-intelliġenza artifiċjali (AI HLEG) u fil-grupp tal-esperti fi ħdan il-Kummissjoni dwar l-intraprenditorija soċjali (GECES).