MT

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

TEN/696

Pjan ta’ Azzjoni Strateġika dwar il-Batteriji

OPINJONI

Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment dwar l-Implimentazzjoni ta’ Pjan ta’ Azzjoni Strateġika dwar il-Batteriji: Nibnu Katina tal-Valur tal-Batteriji Strateġika fl-Ewropa

[COM(2019) 176 final]

Kuntatt

ten@eesc.europa.eu

Amministratur

Alessandro RIZZI

Data tad-dokument

09/07/2019

Relatur: Colin LUSTENHOUWER

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 03/06/2019

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

03/07/2019

Adottata fil-plenarja

DD/MM/YYYY

Sessjoni plenarja Nru


Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

…/…/…



1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1L-ewwel rapport ta’ progress tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Strateġika dwar il-Batteriji juri li tnediet varjetà ta’ azzjonijiet biex tiġi żviluppata industrija sinifikanti tal-batteriji fl-UE.

1.2Għalkemm għadu kmieni wisq biex jinsiltu konklużjonijiet definittivi, il-KESE jappoġġja l-inizjattivi li ħadet il-Kummissjoni u ħabbret li ser taħdem mal-Istati Membri u mal-industrija Ewropea biex tinqata’ d-dipendenza tal-Ewropa fuq pajjiżi li mhumiex fl-UE – partikolarment fuq dawk Asjatiċi.

1.3Hemm ħafna xi jsir fis-snin li ġejjin biex jinkiseb il-livell meħtieġ ta’ għarfien espert teknoloġiku fl-UE, biex tiġi żgurata l-provvista ta’ materja prima minn pajjiżi terzi u sorsi tal-UE u biex jiġi żgurat li l-batteriji jkunu jistgħu jiġu rriċiklati b’mod sikur u nadif.

1.4L-investiment fil-persunal huwa r-responsabbiltà konġunta għall-gvern u l-komunità tan-negozju.

2.Introduzzjoni

A.F’Mejju 2018, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat Komunikazzjoni bit-titolu “Ewropa Attiva” 1 . Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-politika li għandha f’moħħha l-Kummissjoni fir-rigward tal-mobilità sostenibbli għall-Ewropa: sikura, konnessa u nadifa.

2.1Il-politika tifforma parti mill-politika tal-Kummissjoni ta’ Juncker dwar “Unjoni Ewropea tal-Enerġija” – qafas komprensiv li jintegra l-politika dwar il-klima fil-politika dwar l-enerġija u kkumplementat minn politika industrijali mmirata biex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi. Dawn l-għanijiet ifittxu li l-ewwel u qabel kollox inaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 mill-produzzjoni tal-enerġija bbażata fuq il-karburanti fossili 2 kif ukoll mit-trasport li, fl-Ewropa, jiddependi fuq il-vetturi (trakkijiet, karozzi) li jużaw magni tal-kombustjoni u li huma stess jaħdmu bil-karburanti fossili (petrol, gass).

2.2Fil-kuntest ta’ “Ewropa Attiva”, tfassal pjan ta’ azzjoni speċifiku mill-Kummissjoni bil-għan li jiġu żviluppati u prodotti batteriji. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni ppreżentat anness separat għall-Komunikazzjoni msemmija hawn fuq bit-titolu “Pjan ta’ Azzjoni Strateġika dwar il-Batteriji”.

B.Għaliex pjan ta’ azzjoni speċifiku għall-batteriji?

2.3Il-batteriji saru parti indispensabbli tal-ħajja tagħna ta’ kuljum. Fil-mowbajls tagħna, il-kompjuters tagħna u t-tablets tagħna, l-apparati domestiċi tagħna, u speċjalment fil-vetturi elettriċi tagħna, il-batteriji huma essenzjali biex jiżguraw li dawn l-oġġetti jaħdmu b’mod effettiv u sikur u li preferibbilment ikollhom ħajja twila. Fl-istess ħin, it-tul tal-ħajja ta’ batterija għadu limitat (wisq). Fi ħdan dawn il-gruppi ta’ prodotti, il-politika tal-Kummissjoni, kif stabbilita fil-Pjan ta’ Azzjoni, tiffoka l-aktar fuq l-iżvilupp tal-batteriji għall-vetturi elettriċi, iżda wkoll fuq aspetti oħra bħat-tieni użu tal-batterija u r-riċiklaġġ 3 .

2.4Is-sistemi tal-batteriji huma tajbin għall-ħżin tal-enerġija fuq skala żgħira. Il-ħżin tal-enerġija fuq skala kbira, tal-enerġija prodotta minn parks eoliċi lil hinn mill-kosta pereżempju, ma jidhirx li huwa verament fattibbli fil-batteriji. Dan il-ħżin tal-enerġija fuq skala kbira għandu jitwettaq permezz ta’ trasportaturi oħra tal-enerġija, bħall-idroġenu u l-ammonja 4 . F’dan il-qasam ukoll, il-Kummissjoni tappoġġja firxa wiesgħa ta’ inizjattivi li jużaw il-baġit tal-Orizzont 2020, bħat-teknoloġija “mill-elettriku għall-gass” 5 . Bl-istess mod, tingħata attenzjoni kbira lill-iżvilupp teknoloġiku ta’ modi effiċjenti u sikuri ta’ kif ikun hemm konnessjoni mal-grilji elettriċi b’vultaġġ għoli (“power to the grid”) bl-użu tal-ħżin tal-enerġija, sabiex jiġu eliminati l-ispejjeż għoljin ħafna ta’ “stazzjonijiet ta’ konverżjoni lil hinn mill-kosta”. Dan jista’ jipprevjeni wkoll livell għoli ta’ telf tal-grilja li għadu jseħħ bl-użu ta’ kejbils tal-elettriku b’vultaġġ għoli f’qiegħ il-baħar jew fuq qiegħ il-baħar bejn il-parks eoliċi fuq il-baħar u l-art kontinentali, li forsi jista’ jwassal għal gwadanji fl-effiċjenza ta’ madwar 10-15 % fil-produzzjoni sostenibbli tal-enerġija lil hinn mill-kosta.

2.5Il-batteriji huma mistennija li jammontaw għal madwar 40 sa 50 % tal-ispiża ta’ vettura elettrika, iżda huwa diġà ċar li dawn l-ispejjeż jistgħu jonqsu. Minħabba l-iżvilupp mgħaġġel ħafna tal-vetturi elettriċi 6 , id-disponibbiltà ta’ batteriji effettivi, sikuri u li jirrispettaw l-ambjent għal darb’oħra saret kwistjoni serja. Il-Kummissjoni tara suq enormi għall-industrija Ewropea, li jista’ jammonta għal 400 GWH u EUR 250 biljun sal-2025. Dan jirrappreżenta opportunitajiet għall-Ewropa, mhux biss mill-perspettiva tal-objettivi klimatiċi iżda wkoll mill-perspettiva ekonomika u tal-impjiegi. Bħalma qalet dan l-aħħar il-Kummissarju Bieńkowska: “Qed nantiċipaw industrija b’saħħitha tal-batteriji fl-UE li tikkontribwixxi għall-ekonomija ċirkolari u għall-mobilità nadifa”.

2.6Iżda ejja nkunu ċari dwar is-sitwazzjoni: l-Ewropa għadha ’l bogħod ħafna mill-pajjiżi u n-negozji Asjatiċi f’termini ta’ żvilupp tal-batteriji (riċerka u żvilupp) u produzzjoni. Sa 85 % tal-batteriji kollha li nużaw fl-Ewropa jiġu miċ-Ċina, mill-Ġappun jew mill-Korea. Il-produzzjoni Ewropea tirrappreżenta biss 3 % tal-produzzjoni dinjija, waqt li dik tal-Istati Uniti tammonta għal madwar 15 %. Dan ifisser li jekk irridu nittrasformaw il-mobilità mill-propulsjoni fossili għall-propulsjoni elettrika fl-Ewropa, ser niddependu kompletament fuq il-kapaċità tal-produzzjoni Asjatika.

2.7Bħallikieku dan ma kienx serju biżżejjed, il-materja prima meħtieġa għall-produzzjoni tal-batteriji, bħalma huma l-litju, in-nikil, il-manganiż u l-kobalt, attwalment qegħdin jiġu estratti fi kwantitajiet limitati fl-Ewropa, minkejja li jeżistu riżervi potenzjali. Jeħtieġ li dawn ir-riżervi Ewropej jiġu sfruttati, għalkemm bħalissa jidher li ser ikunu kapaċi jkopru biss madwar 15 sa 20 % tad-domanda totali. Il-materja prima neċessarja ġejja wkoll mill-Amerika Latina, mill-Afrika u mill-Asja, fejn allegatament iċ-Ċiniżi ħolqu kumpaniji kbar tal-minjieri sabiex jipprovdulhom aċċess mingħajr xkiel għal din il-materja prima 7 . Barra minn hekk, il-minerali Ewropej spiss jiġu rfinati u pproċessati fiċ-Ċina wkoll.

2.8L-estrazzjoni u l-ipproċessar tal-materja prima jużaw ħafna enerġija u jipproduċu volumi importanti ta’ skart tal-minjieri, inkluż f’xi każijiet skart perikoluż.

2.9L-Ewropa, min-naħa l-oħra, qed tiffaċċja l-problema tal-ipproċessar tal-batteriji. L-ammont kbir involut ifisser li qed niffaċċjaw problema ġdida u inkwetanti ta’ rimi ta’ skart, mhux l-inqas minħabba li r-riċiklaġġ tal-materjal minn dawn il-batteriji qodma għadu fl-istadji bikrija. Anke llum il-ġurnata, huwa biss madwar 10 % tal-materjal mill-batteriji li jiġi rkuprat. Għalhekk hemm potenzjal konsiderevoli għall-ipproċessar/l-irkupru.

3.Ir-Rapport dwar il-Progress 2019

3.1Fl-Opinjoni tiegħu tas-17 ta’ Ottubru 2018 8 , il-KESE appoġġja l-proposti tal-Kummissjoni għal trasport aktar sostenibbli u l-Pjan ta’ Azzjoni Strateġika dwar il-Batteriji. Fl-istess ħin, il-Kumitat enfasizza li ħafna fatturi jistgħu jfixklu l-implimentazzjoni tal-pjan, bħalma huma d-dipendenza fuq il-materja prima ta’ pajjiż terz, in-nuqqas ta’ karburanti alternattivi, id-diffikultajiet tal-ġestjoni, l-ipproċessar u r-rimi ta’ batteriji użati u n-nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa.

3.2Fid-9 ta’ April 2019, il-Kummissjoni ppubblikat l-ewwel rapport ta’ progress dwar il-Pjan ta’ Azzjoni Strateġika dwar il-Batteriji ta’ Mejju 2018. Ir-rapport ta’ progress jindika li qed jiġu żviluppati ħafna inizjattivi settorjali u reġjonali. Pereżempju, l-Alleanza Ewropea tal-Batteriji tidher li hija pjattaforma abilitanti fejn in-negozji, dawk li jfasslu l-politika u x-xjenzati jistgħu jikkoordinaw l-isforzi tagħhom biex jilħqu l-objettiv kuraġġuż u ambizzjuż li l-UE u l-industriji tagħha jerġgħu jkunu fuq quddiem nett fit-teknoloġija tal-batterija li qed tiżviluppa b’rata mgħaġġla. Tnediet sejħa inizjali għall-proposti b’baġit ta’ EUR 114-il miljun taħt il-Programm Orizzont 2020, u ser titnieda sejħa oħra b’baġit ta’ EUR 132 miljun għall-2020. Barra minn hekk, jista’ jiġi pprovdut finanzjament fuq skala kbira mir-riżorsi disponibbli għall-politika reġjonali tal-UE. In-negozji u x-xjenza jidhru ħerqana li jinvolvu ruħhom sabiex jikkomplementaw l-investimenti tagħhom bil-fondi tal-UE u biex iżidu l-iżvilupp fir-riċerka u l-iżvilupp.

3.3Minn mindu ġie ppubblikat il-Pjan ta’ Azzjoni ġew żviluppati numru ta’ inizjattivi, iżda ħafna minnhom, inklużi l-inizjattivi interreġjonali, għadhom biss fil-fażi preparatorja. Peress li bilkemm għaddiet sena minn mindu ġie ppubblikat il-Pjan ta’ Azzjoni, jidher li għadu kmieni wisq biex jittieħed kont tas-sitwazzjoni. Madankollu jidher ċar li hemm sens mifrux ta’ urġenza: dawk li jfasslu l-politika, ix-xjenzati u n-negozji jirrealizzaw li huwa tard, saħansitra tard wisq. Ir-riskji huma kbar ħafna: hemm riskju ġenwin li partijiet kbar ħafna mill-industrija Ewropea tal-karozzi jmexxu l-produzzjonijiet tagħhom lejn reġjuni qrib l-unitajiet li jipproduċu ċ-ċelloli tal-batteriji, prinċipalment fl-Asja. Dan iqajjem il-kwistjoni tal-impjiegi ta’ madwar 13-il miljun ħaddiem Ewropew fis-settur.

4.It-triq 'il quddiem

4.1Minn mindu l-Kummissjoni ta’ Juncker bdiet il-mandat tagħha u ġie adottat il-programm tal-Unjoni tal-Enerġija Ewropea, ġew żviluppati għadd ta’ azzjonijiet li, fl-isfond tal-politika dwar il-klima, stabbilixxew politika industrijali li tat attenzjoni kompletament ġdida lit-tranżizzjoni għal soċjetà aktar sostenibbli. Il-politika industrijali tal-Kummissjoni, appoġġjata mill-Istati Membri, ingħatat rwol akbar ta’ tmexxija u ta’ inizjazzjoni minn dak li kellha qabel. Il-KESE jilqa’ l-approċċ il-ġdid tal-Kummissjoni u jappella lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lin-negozji Ewropej biex ikomplu jsegwu d-direzzjoni li nbdiet reċentement.

4.2Approċċ bħal dan jintlaqa’ tajjeb u, peress li l-industrija Ewropea għadha lura sew fl-iżvilupp u l-produzzjoni tal-batteriji, dan huwa meħtieġ ukoll. Madankollu, politika industrijali bi rwol ta’ tmexxija għandha wkoll ir-riskju li jintagħżel ir-rebbieħ b’mod żbaljat (li r-rebbieħ jiġi determinat minn qabel). Madankollu, il-Kumitat jilqa’ l-approċċ il-ġdid li jkopri l-katina tal-valur industrijali kollha kemm hi (l-approċċ tal-katina tal-valur). Il-politika industrijali bbażata fuq il-metodoloġija tal-katina tal-valur hija wkoll ferm aktar adattata għall-“ħsieb ċirkolari” mill-approċċ settorjali l-antik tal-industrija. Madankollu, l-approċċ tal-katina tal-valur jeħtieġ ukoll politika oħra aktar xierqa li tkun, pereżempju, adattata għall-politika dwar l-għajnuna mill-Istat. Issa li l-industrija tal-produzzjoni tal-batteriji qiegħda quddiem nett fil-politika industrijali tal-UE, il-Kummissjoni ser ikollha bżonn ukoll tadotta approċċ flessibbli u mhux rigoruż għall-għajnuna għall-investiment li l-Istati Membri jagħtu lin-negozji f’dawn il-katini. Meta l-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-IPCEI (“Proġett Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni”) jiġu applikati b’mod flessibbli, l-industrija Ewropea tista’ tiġi megħjuna permezz ta’ finanzjament pubbliku sostanzjali. Sa ċertu punt, dan il-finanzjament jista’ joqrob lejn il-livelli ta’ appoġġ li n-negozji Asjatiċi jirċievu mill-gvernijiet tagħhom. Il-KESE jilqa’ din l-applikazzjoni l-ġdida tal-istrument IPCEI.

4.3Madankollu tqum il-kwistjoni dwar jekk il-politika stipulata fil-Pjan ta’ Azzjoni Strateġika tistax tkun tard wisq biex tnaqqas id-distakk enormi fir-rigward tal-pajjiżi Asjatiċi u n-negozji tagħhom. Għandu jiġi mistoqsi wkoll jekk ir-riżorsi finanzjarji użati humiex biżżejjed. Fi kliem aktar sempliċi, qegħdin nagħmlu “ftit wisq tard ħafna? 9 ” Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri tindika t-tħassib tagħha f'dokument informattiv u analitiku li ppubblikat dan l-aħħar. “Madankollu, hemm ir-riskju li l-miżuri li ttieħdu sa issa mhux se jkunu biżżejjed biex jinkisbu l-objettivi strateġiċi tal-UE għall-enerġija nadifa.” Għandu jiġi nnotat madankollu, li r-rwol tal-Kummissjoni huwa limitat, bħalma huma r-riżorsi finanzjarji għad-dispożizzjoni tagħha. Il-Kummissjoni għandha raġun tkun xi ftit distanti. Ir-rwol tagħha huwa dak ta’ tqabbil. Huwa primarjament f’idejn l-Istati Membri, in-negozji Ewropej u l-istituzzjonijiet tar-riċerka biex jilqgħu din l-isfida. Għalhekk jintlaqa’ tajjeb ħafna li l-gvernijiet ta’ Franza u tal-Ġermanja fil-bidu ta’ Mejju 2019 iddeċiedew li kull wieħed ipoġġi madwar EUR 1 biljun disponibbli biex jiġu appoġġjati inizjattivi mill-komunitajiet tan-negozju tagħhom biex jiżviluppaw industrija tal-produzzjoni tal-batteriji. Din hija waħda mill-ewwel eżiti prattiċi ħafna tal-Alleanza Ewropea tal-Batteriji mnedija mill-Kummissjoni, fejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni u n-negozju jaħdmu flimkien.

4.4Fil-fehma tal-KESE, għadu kmieni wisq biex jinsiltu xi konklużjonijiet finali, daqshekk kmieni wara li ġie adottat il-pjan ta’ azzjoni għall-batteriji. Il-KESE jilqa’ l-għadd kbir ta’ inizjattivi mnedija jew żviluppati minn għadd ta’ partijiet interessati. Ir-riżultati ser (għandhom) jibdew jidhru fis-snin li ġejjin. L-iżvilupp teknoloġiku fl-UE u lil hinn minnha qatt ma jieqaf. Dan il-proċess dinamiku jfisser li l-istrateġija tal-batteriji mhijiex inizjattiva ta’ darba iżda teħtieġ approċċ strutturali fil-politiki tal-UE. Dan ifisser ukoll li l-investimenti f’mezzi ta’ produzzjoni issa meħtieġa mill-Istati Membri għandhom perjodu ta' rkupru tal-kost (20 sa 30 snin mhumiex eċċezzjoni).

4.5Il-kwistjoni hija wkoll jekk l-UE hijiex kapaċi wkoll tibni settur kompetittiv għall-iżvilupp u l-produzzjoni tal-batteriji minħabba li l-materja prima meħtieġa mhijiex disponibbli fil-kwantitajiet neċessarji fi dan l-UE. Għalkemm qed jiġu żviluppati inizjattivi biex jiġi estratt il-litju f’xi Stati Membri tal-UE, pereżempju (inkluż il-ftuħ mill-ġdid ta’ minjieri abbandunati), jidher li huwa illużjoni li l-UE ser tkun kapaċi ssir kompletament awtosuffiċjenti. Barra minn hekk, il-popolazzjoni Ewropea għandha riżervi serji dwar l-estrazzjoni u, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, japplika wkoll hawnhekk il-prinċipju NIMBY (not in my back yard – mhux wara biebi). L-effetti pożittivi għall-komunitajiet lokali tal-estrazzjoni ta’ materja prima li hi soċjalment u ambjentalment konxja jistħoqqilhom li jintwerew lill-popolazzjoni. Huwa evidenti wkoll li “s-sjieda lokali” – jiġifieri l-involviment tal-popolazzjoni lokali, f’termini finanzjarji u oħrajn – tista’ tevita sitwazzjoni fejn teżisti tali reżistenza għal dawn l-attivitajiet li ma jkunux jistgħu jibdew jaħdmu.

4.6Fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-materja prima, il-KESE jenfasizza li huwa importanti li l-partijiet kollha involuti jżidu l-isforzi tar-riċerka u l-iżvilupp biex jiżviluppaw tipi ġodda ta’ batteriji, bħall-batteriji fi stat solidu, li jnaqqsu b’mod sinifikanti d-dipendenza fuq din il-materja prima.

4.7Kemm huwa realistiku li wieħed jistenna, kif jidher li taħseb il-Kummissjoni, li fl-UE ser jitfaċċaw minn 10 sa 20 produttur kbir? L-investituri fit-tul fis-swieq kapitali huma lesti biżżejjed biex jinvestu madwar l-EUR 10 biljun meħtieġa? Filwaqt li japprezza l-prijoritajiet stabbiliti fil-pjan ta’ azzjoni, il-Kumitat xorta jqisha diżappunt li ma saret l-ebda referenza għall-kwistjoni ta’ aċċess għall-kapital meħtieġ għal dawn l-investimenti kbar. Il-finanzjament bankarju waħdu huwa kompletament insuffiċjenti. Is-swieq tal-kapital, u b’mod partikolari l-fondi ta’ infrastruttura, jeħtieġ li jkunu lesti li jinvestu f’dawn il-proġetti billi jużaw il-kapital ta’ riskju 10 . Dan jeħtieġ politika fit-tul, ritorni adegwati u appoġġ sottostanti mill-awtoritajiet nazzjonali. Il-partijiet iridu jieqfu jħarsu lejn xulxin; il-gvern jista’ jaqdi rwol hawnhekk ta’ xprun ta’ proċess ta’ investiment. L-inizjattivi ta’ Franza u l-Ġermanja juru li dawn il-pajjiżi jinsabu konxji ta’ dan. Il-Pjattaforma ta’ Investiment li tnediet dan l-aħħar mal-InnoEnergy tal-EIT bħala “mutur/aċċeleratur” tista’ wkoll, fil-fehma tal-KESE, tkun ta’ valur kbir biex tlaqqa’ flimkien l-investituri u l-promoturi.

4.8Fl-istess ħin, ser ikunu meħtieġa kampanji ta’ informazzjoni mmirati biex il-konsumaturi Ewropej jiġu infurmati li meta jixtru batteriji prodotti fl-Ewropa, fejn jitqiesu l-istandards ta’ sikurezza tal-bniedem u tal-ambjent, dan fih iktar vantaġġi minn meta jixtru batteriji minn pajjiżi terzi, fejn dawn l-istandards u l-valuri mhumiex rispettati bl-istess mod. Li nkomplu mexjin kif qed nagħmlu bħalissa huwa mod permanenti kif jiġu esportati l-problemi ambjentali tagħna.

4.9Il-KESE jemmen li hemm bżonn aktar inizjattivi prattiċi biex jiġi żviluppat riċiklaġġ materjali mill-batteriji l-qodma. L-hekk imsejħa “estrazzjoni minerarja urbana” tista’ tagħti kontribut sostanzjali għall-provvista tal-materja prima meħtieġa. Hemm potenzjal sinifikanti għar-riċiklaġġ fil-ġejjieni tal-mina urbana sakemm l-inċentivi ekonomiċi, l-ammonti ta’ ġbir, it-teknoloġiji ta’ rkupru u, fl-aħħar mill-aħħar, ir-rati ta’ riċiklaġġ jitjiebu. Ir-rapport reċenti tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni u l-impatt tad-Direttiva dwar il-Batteriji sfortunatament juri li l-ġbir ta’ batteriji konvenzjonali għadu ma laħaqx il-livell mixtieq. Madwar 57 % ta’ dawn il-batteriji għadhom mhumiex riċiklati. Huwa għalhekk xieraq li l-Kummissjoni, kif indikat fir-rapport konċiż iżda effettiv ħafna tagħha, qed tikkunsidra tadatta d-Direttiva tal-2006, mhux l-inqas minħabba li ħarġu batteriji ġodda, bħal dawk immirati mill-pjan ta’ azzjoni. Il-Kumitat jistenna dawn il-proposti b’interess kbir. Barra minn hekk, il-Kumitat jinnota li l-faċilitajiet tal-ipproċessar tal-batteriji attwali ser ikollhom jiġu adattati mill-ġdid fid-dawl tal-flussi kbar ta’ tipi ġodda ta’ batteriji fil-futur qrib. Trid tiġi żviluppata wkoll teknoloġija ġdida għar-riċiklaġġ jew l-ipproċessar; il-KESE jemmen li r-riċerka u l-iżvilupp immirati f’dan il-qasam speċifiku jeħtieġu l-appoġġ sħiħ tal-UE, peress li dan jgħin itejjeb l-ambjent fejn ngħixu u jista’ jnaqqas ħafna d-dipendenza fuq il-materja prima minn barra l-UE.

4.10Il-Kumitat jixtieq jara wkoll riċerka mmirata lejn l-irkupru ta’ materjali minn munzelli ta’ skart residwali tal-faħam u l-azzar u tipi oħra ta’ metalli estratti. M’għandux jiġi eskluż li dawn is-sorsi jistgħu jgħinu wkoll biex tiġi ssodisfata l-ħtieġa għal materja prima. Il-KESE jilqa’ r-rapport ippubblikat reċentement miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-irkupru ta’ materja prima kritika mill-iskart tal-minjieri u l-miżbliet 11 u jitlob li jiġi żgurat appoġġ politiku għall-istudju u l-analiżi tal-kwistjoni tal-materja prima kritika, peress li l-“ġlieda globali għall-materja prima” qed issir aktar serja.

4.11Il-qafas regolatorju sa liema punt jikkontribwixxi għall-iżvilupp tar-riċerka u l-iżvilupp meħtieġa fl-UE u għall-applikazzjoni tat-teknoloġija prodotta b’riżultat ta’ dan? Il-Kummissjoni għandha tendenza naturali li tikkunsidra liġijiet u regolamenti. Wara kollox, dawn huma l-għodod ta’ tmexxija disponibbli għaliha. Iżda jista’ jkun aħjar li jiġu mmonitorjati u analizzati l-iżviluppi fis-suq, flimkien mal-industrija u l-imsieħba soċjali, qabel ma jibda jintuża l-istrument tar-Regolament. L-ewwel għandu jkun hemm tnedija, promozzjoni u produzzjoni u, biss wara li tkun twettqet analiżi bir-reqqa, għandu jkun hemm regolament – dan jidher li huwa approċċ ta’ politika aktar mixtieq għal dan is-settur prekarju.

4.12Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżgura li s-sejħiet għall-offerti jitfasslu b’mod ġenwin għan-negozji tal-UE li ta’ spiss ikunu ta’ daqs żgħir, sabiex dawn il-produtturi ta’ daqs medju ma jitilfux il-finanzjament minħabba l-fatt li r-riċerka u l-iżvilupp tagħhom fuq skala żgħira ma jissodisfawx ir-rekwiżiti għad-daqs tal-proġetti fis-sejħiet għall-offerti. Madankollu, il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni fasslet l-offerti b’mod ġdid u aktar konġunt, li jagħmilhom aktar aċċessibbli għan-negozji tal-UE.

4.13Il-Kumitat iqis importanti li l-finanzjament tal-UE jkun disponibbli wkoll għal proġetti li ġew żviluppati minn kumpaniji Ewropej ta’ daqs medju tal-produzzjoni tal-batteriji u li diġà għaddew minn żvilupp teknoloġiku sinifikanti (Livell ta’ Tħejjija Teknoloġika 5 sa 9). Dan il-grupp ta’ kumpaniji, li huwa aktar iffukat fuq li jidħlu fis-suq milli fuq ir-riċerka bażika, xorta waħda jidher li huwa eċċessivament eskluż mill-fondi tal-UE. B’mod partikolari għal dan il-grupp, l-aċċess għas-sussidji tal-UE għat-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema ser ikollu jitfassal b’mod sempliċi.

Brussell, 3 ta’ Lulju 2019


Pierre Jean Coulon
Il-President tas-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

___________

(1)    COM(2018) 293 final.
(2)    Il-produzzjoni u l-użu tal-enerġija jammontaw għal 79 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-UE, dokument informattiv mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, 1 ta’ April 2019
(3)    Minkejja li l-enfasi primarja hija fuq il-karozzi, m’għandniex ninsew li qed isiru wkoll żviluppi biex jiġu prodotti bastimenti li jaħdmu bl-elettriku (pereżempju laneċ żgħar). 
(4)    Ara wkoll l-Opinjoni tal-KESE dwar “Il-ħżin tal-enerġija: fattur fl-integrazzjoni u s-sikurezza tal-enerġija” (TEN/567, 1 ta’ Lulju 2015, relatur: Pierre Jean Coulon). 
(5)    Fil-Fjandri twaqqaf proġett interessanti msejjaħ “WaterstofNet”: raggruppament ta’ produtturi (riħ u fotovoltajku), teknoloġija bl-idroġenu (elettroliżi u kumpressjoni) u utenti finali fis-setturi tal-kimika u t-trasport.
(6)    Fin-Norveġja, pereżempju, huwa mistenni li għall-ewwel darba din is-sena (2019) ser jinbiegħu aktar karozzi elettriċi milli karozzi tradizzjonali b’magni tal-kombustjoni. Fi ħdan dan il-grupp ta’ vetturi elettriċi, marka magħrufa sew tal-karozzi tal-Istati Uniti tforni l-maġġoranza ta’ dawk il-vetturi elettriċi.
(7)    Il-Gvern Ċiniż stabbilixxa għalih innifsu l-mira li, mill-2025, il-vetturi elettriċi għandhom jammontaw għal 20 % tal-karozzi ġodda kollha mibjugħa.
(8)    Opinjoni TEN/666 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Ewropa Attiva”, COM(2018) 293 final.
(9)    Ara wkoll id-Dokument informattiv u analitiku tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tal-1 ta’ April 2019 dwar l-Appoġġ tal-UE għall-ħżin tal-enerġija.
(10)    Fit-2 ta’ Mejju 2019, Tesla ħabbret li, għalkemm kienet irreġistrat telf ta’ aktar minn USD 700 miljun fl-ewwel tliet xhur tal-2019, il-kumpanija tixtieq tiġbor USD 2 biljun mis-suq tal-kapital għal impjant ġdid tal-batteriji u l-iżvilupp ta’ tip ġdid ta’ karozza elettrika. Is-suq tal-kapital Amerikan faċilment jista’ jagħmel investimenti bħal dawn fil-forma ta’ ishma u/jew bonds. Tqum il-mistoqsija dwar jekk is-suq tal-kapital frammentat tal-UE jistax iqabbel dan.
(11)    Recovery of critical and other raw materials from mining waste and landfills: State of play on existing practices, (L-irkupru ta’ materja prima kritika u oħra mill-iskart tal-minjieri u l-miżbliet: Is-sitwazzjoni attwali dwar il-prattiki eżistenti) EUR 29744 EN, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2019, ISBN 978-92-76-03391-2, doi:10.2760/494020, JRC116131.      https://ec.europa.eu/jrc/en/publication/eur-scientific-and-technical-research-reports/recovery-critical-and-other-raw-materials-mining-waste-and-landfills