MT

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

SOC/624

Id-dinja tax-xogħol li qed tinbidel u l-popolazzjoni li qed tixjieħ

OPINJONI

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza


Id-dinja tax-xogħol li qed tinbidel u l-lonġevità/il-popolazzjoni li qed tixjieħ – Il-prekundizzjonijiet biex il-ħaddiema li qed jixjieħu jibqgħu attivi fid-dinja tax-xogħol il-ġdida
[Opinjoni esploratorja fuq talba tal-Presidenza Finlandiża]

Amministratur

Ana DUMITRACHE

Data tad-dokument

17/09/2019

Relatur: Irinel Eduard FLORIA

Korelatur: Vladimír BÁLEŠ

Talba mill-Presidenza Finlandiża tal-Kunsill

Ittra tas-07/02/2019

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Opinjoni esploratorja

Deċiżjoni tal-Bureau

19/02/2019

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

10/09/2019

Adottata fil-plenarja

DD/MM/YYYY

Sessjoni plenarja nru

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

…/…/…



1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1Il-Kumitat jilqa’ l-enfasi tal-Presidenza Finlandiża fuq l-ekonomija tal-benessri tan-nies, inklużi l-anzjani, u jemmen li dan huwa pass pożittiv lejn il-kisba ta’ bilanċ aħjar bejn ix-xejriet demografiċi, is-suq tax-xogħol u s-soċjetà.

1.2L-Istati Membri rrikonoxxew il-kwistjoni tal-popolazzjoni li qed tixjieħ u ħadu ċerti miżuri fis-snin riċenti, iżda dawn il-miżuri jidhru li huma iżolati u l-impatt tagħhom ma tkejjilx. Barra minn hekk, l-impatt tal-avvanzi teknoloġiċi u n-natura li qed tinbidel tax-xogħol iġibu kumplessità akbar fil-kwistjoni.

1.3L-imsieħba soċjali, f’kooperazzjoni mal-gvernijiet, huma kruċjali biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-miżuri f'livelli differenti. Is-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali Ewropej għandu jkollhom rwol importanti fl-inkoraġġiment ta’ ħajja tax-xogħol attiva itwal.

1.4L-azzjoni ta' politika u l-finanzjament fil-livell tal-UE jistgħu jgħinu biex jingħelbu dawn l-ostakli, iżda jeħtieġ li jqisu d-differenzi fil-pajjiżi f'termini ta' demografija, ekonomija, impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol. L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu minn fondi Ewropej biex jiffinanzjaw miżuri, filwaqt li r-responsabbiltà għall-appoġġ ta’ ħajjiet ta’ xogħol itwal għandha tkun kondiviża bejn il-gvernijiet, in-negozji u l-individwi.

1.5Il-Kummissjoni tappoġġja l-azzjonijiet tal-Istati Membri biex jindirizzaw b’mod effettiv l-isfida ta’ tixjiħ permezz ta’ varjetà ta’ inizjattivi u programmi 1 .

1.6L-istrateġiji komprensivi ffukati fuq l-iżvilupp ta’ politiki nazzjonali għal tixjiħ attiv huma meħtieġa minħabba li l-isfidi demografiċi u tal-impjiegi jistgħu jiġu indirizzati b’mod olistiku biss. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi proposti biex jiġu indirizzati l-isfidi tat-tixjiħ attiv huma kif ġej:

1.6.1Jissaħħu d-djalogu soċjali u l-involviment tal-partijiet interessati kollha fl-iżvilupp ta’ strateġiji integrati u politiki nazzjonali għal tixjiħ attiv;

1.6.2Jiġu żviluppati l-impjiegi u l-ħiliet permezz ta’ tagħlim tul il-ħajja;

1.6.3Jiġu promossvi karrieri dinamiċi u xogħol dinamiku;

1.6.4Tiġi stimulata l-intraprenditorija ta’ livell għoli;

1.6.5Jiġu miġġielda t-tipi kollha ta’ diskriminazzjoni, b’mod partikolari l-età u d-diskriminazzjoni bejn is-sessi;

1.6.6Jiġu implimentati inizjattivi ta’ trasferiment/kondiviżjoni tal-għarfien;

1.6.7Jiġu implimentati arranġamenti flessibbli tax-xogħol u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar:

1.6.8Jiġu promossi s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-bidla fl-attitudnijiet lejn it-tixjiħ.

1.7Il-miżuri kollha għandhom jiġu ssorveljati b’mod kostanti u l-impatt fuq il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema akbar fl-età fis-suq tax-xogħol għandu jiġi evalwat b’mod xieraq. Il-fatt li jkun hemm stampa ċara tal-impatt ta’ miżuri bħal dawn ikompli jħeġġeġ lill-Istati Membri biex ixerrdu u jikkondividu l-aħjar prattiki dwar it-tixjiħ attiv.

2.Kuntest

2.1L-aktar kontribut importanti tal-UE fil-qasam tal-impjieg ta' ħaddiema akbar fl-età huwa d-Direttiva dwar it-Trattament Ugwali 2 , li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fuq bażi ta' età fil-biċċa l-kbira tal-oqsma tal-impjiegi. Madankollu, d-direttiva ma kinitx effettiva biex telimina d-diskriminazzjoni moħbija fuq bażi ta' età fis-suq tax-xogħol, li huwa fenomenu li jiskoraġġixxi ħafna anzjani milli anke jfittxu xogħol.

2.2Fil-livell Ewropew, l-Istrateġija Ewropa 2020 tinkludi enfasi qawwija fuq il-ħolqien tal-impjiegi u tistabbilixxi l-objettiv li jintlaħaq livell massimu ta’ impjiegi sal-2020. Filwaqt li l-Istrateġija Ewropa 2020 qed toqrob lejn it-tmiem tagħha, hija ma ffukatx ħafna fuq il-ħaddiema akbar fl-età bħala kategorija partikolari. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali biddel l-approċċ għal tixjiħ attiv, peress li jsemmi ħafna aspetti importanti li jippermettu l-impjieg ta’ ħaddiema akbar fl-età. Madankollu, il-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali m'għandux mekkaniżmu ta' implimentazzjoni.

2.3Bħala parti mill-baġit fit-tul li jmiss tal-UE, il-Kummissjoni pproponiet il-programm Ewropa Diġitali, programm tal-UE ffukat fuq il-bini tal-kapaċitajiet diġitali strateġiċi tal-UE u fuq l-iffaċilitar tal-użu wiesa’ ta’ teknoloġiji diġitali. Dan il-programm se jsawwar u jappoġġja t-trasformazzjoni diġitali tas-soċjetà u tal-ekonomija tal-Ewropa u jiżgura li ċ-ċittadini Ewropej ikollhom il-ħiliet meħtieġa biex jiffaċċjaw it-trasformazzjoni diġitali.

2.4L-istruttura tal-popolazzjoni tal-UE qed tinbidel u se tkun "dejjem aktar qed tixjieħ" fid-deċennji li ġejjin. Il-popolazzjoni totali tal-UE se tiżdied minn 511-il miljun fl-2016 għal 520 miljun fl-2070, iżda l-popolazzjoni tal-età tax-xogħol (15-64 sena) 3 se tonqos b'mod sinifikanti minn 333 miljun fl-2016 għal 292 miljun fl-2070 minħabba bidliet fil-fertilità, l-istennija tal-għomor u d-dinamika tal-fluss tal-migrazzjoni 4 . Il-provvista tax-xogħol totali għal dawk li għandhom bejn l-20 u l-64 sena hija pproġettata li tonqos b’mod sinifikanti wara l-2070, bi 9,6 % fl-UE. Iż-żieda kbira fir-rata ta’ persuni mdaħħla fl-età m’għandhiex titqies, mingħajr ħsieb ta’ xejn, bħala żieda korrispondenti fil-piż fuq is-sistemi soċjali, u b’hekk pereżempju tinsilet il-konklużjoni li s-sistemi tal-pensjoni eżistenti m’għadhomx adegwati għall-futur.

2.5Il-fattur ewlieni fil-finanzjament tas-sistemi tas-sigurtà soċjali mhuwiex il-proporzjon ta’ dipendenza demografika, iżda pjuttost il-proporzjon ta’ dipendenza ekonomika. Barra minn hekk iż-żieda fil-produttività ekonomika tax-xogħol hija importanti ħafna wkoll jekk tippermetti li t-“torta” li tinqasam mhux biss bejn il-ħaddiema iżda wkoll bejn il-ħaddiema u dawk li mhumiex tkun ikbar 5 .

2.6L-isfida demografika tista’ titqies ukoll bħala opportunità biex tissaħħaħ il-kompetittività ta’ l-ekonomija Ewropea. Hekk kif is-swieq ġodda għall-prodotti u s-servizzi se jidhru minħabba t-tixjiħ tal-popolazzjoni, il-kumpaniji għandhom jinkorporaw dan il-fenomenu fl-istrateġiji ta’ innovazzjoni tagħhom biex jipprovdu servizzi u prodotti innovattivi (l-ekonomija tal-anzjani).

2.7Għall-UE kollha kemm hi, l-istennija tal-għomor mat-twelid hija mistennija li tiżdied b'7,8 snin għall-irġiel u 6,6 snin għan-nisa sal-2070 6 . L-evoluzzjoni pożittiva tal-persuni li jgħixu ħajja itwal u aktar b’saħħitha mhijiex, madankollu, allinjata mat-tul tal-ħajja professjonali tagħhom. Nuqqas ta’ postijiet tax-xogħol u politiki u miżuri xierqa tas-suq tax-xogħol attivi, kwistjonijiet ta’ saħħa, nuqqas ta’ ħiliet rilevanti, kif ukoll bilanċ mhux sodisfaċenti bejn ix-xogħol u l-ħajja privata huma raġunijiet importanti għal tluq prematur mis-suq tax-xogħol. Fl-istess ħin, l-esponiment għad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età jew l-isterjotipar negattiv jinfluwenza d-deċiżjonijiet ta’ ħruġ bikri mis-suq tax-xogħol.

2.8Għandha tiġi kkunsidrata l-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi dwar l-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema kbar fl-età. Matul l-aħħar għaxar snin, ix-xejra ta’ “semirtirar” saret aktar mifruxa fost in-nisa milli fost l-irġiel 7 .

2.9Minħabba l-istrapazz qawwi fuq l-individwi attivi, tista’ tinħoloq stigma lejn l-anzjani, li jistgħu jitqiesu bħala piż. Madankollu, din l-istigma mhijiex limitata għall-gruppi soċjali, iżda testendi wkoll għal xi persuni li jħaddmu li jistgħu jipperċepixxu l-forza tax-xogħol kbira fl-età u l-popolazzjoni rtirata bħala nieqsa mill-enerġija, diffiċli biex tħarreġ u "mhux impjegabbli".

2.10Id-diskriminazzjoni u l-cliches negattivi fir-rigward ta’ impjegati iktar imdaħħla fl-età għandhom jiġu miġġielda. Il-ħaddiema akbar fl-età mhumiex neċessarjament anqas produttivi minn ħaddiema iżgħar, iżda għandhom kapaċitajiet u kompetenzi differenti, bil-punti ta' saħħa ewlenin tagħhom ikunu l-għarfien professjonali u l-esperjenza.

3.Kummenti ġenerali dwar l-użu tat-teknoloġija mill-anzjani

3.1Ir-Raba’ Rivoluzzjoni Industrijali u l-iżvilupp u l-integrazzjoni mgħaġġla ta’ teknoloġiji ġodda fis-soċjetà u fl-industrija bħalissa qed ikollhom impatt mingħajr preċedent fuq id-dinja tax-xogħol. Diversi kompiti manwali u konjittivi qed isiru dejjem aktar mill-magni u l-algoritmi, jew f’xi każijiet huma anke awtomatizzati għalkollox. Fl-istess ħin, l-inklużjoni ta’ dawn it-teknoloġiji ġodda fil-mudelli tan-negozju f’industriji differenti qed tagħti lok għal ħafna impjiegi ġodda u tiddefinixxi mill-ġdid il-kompiti ta’ ħafna oħrajn. Dawn l-iżviluppi jindikaw il-fatt li s-swieq tax-xogħol globali u reġjonali inevitabbilment se jgħaddu minn trasformazzjoni kbira fis-snin li ġejjin.

3.2L-avvanzi teknoloġiċi għandhom impatt sinifikanti fuq l-ekonomija b'mod ġenerali, u jpoġġu pressjoni konsiderevoli fuq is-suq tax-xogħol, peress li min iħaddem ikun jista' jissostitwixxi parti mill-forza tax-xogħol attwali tiegħu bit-teknoloġija (fejn applikabbli), jerġa' jħarreġ uħud mill-persuni għal impjiegi ġodda u jfittex forza tax-xogħol b'ħiliet għolja li kapaċi timplimenta, tuża u tadatta t-teknoloġiji. F'dan il-kuntest, il-forza tax-xogħol anzjana ssir saħansitra aktar vulnerabbli.

3.3L-użu tat-teknoloġija jippermetti lill-anzjani jsiru parti mid-dinja onlajn tagħna, u jieħdu vantaġġ minn dak kollu li toffri. Fl-UE, 87 % tal-persuni li għandhom 75 sena jew aktar qatt ma użaw l-Internet 8 . Iċ-ċittadini anzjani jaf ma jkunux familjari mat-termini u l-kunċetti relatati mal-midja diġitali, u xi wħud minnhom spiss jiffaċċjaw sfidi fiżiċi bħal indebolimenti tal-vista jew tas-smigħ, kif ukoll nuqqas ta’ fehim jew ta’ familjarità mat-teknoloġija. L-eklużjoni elettronika tista’ tkun waħda mill-ostakli ewlenin biex tiżdied ir-rata tal-impjiegi fost l-anzjani u li għandhom jittieħdu inizjattivi speċifiċi biex jiġu żviluppati l-ħiliet fl-ICT tal-anzjani 9 .

4.Miżuri għall-promozzjoni tat-tixjiħ attiv meħudin mill-Istati Membri

4.1Għadd ta' pajjiżi Ewropej żviluppaw strateġiji li fihom miżuri ta' politika maħsuba biex jinkoraġġixxu ħajja tax-xogħol itwal 10 . Billi dawn l-inizjattivi nazzjonali huma tipikament żviluppati f’konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali u jipprovdu oqfsa pluriennali għall-antiċipazzjoni u l-ġestjoni tat-tixjiħ demografiku, dawn jistgħu jkunu strumentali fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ approċċ integrat għat-tixjiħ attiv.

4.2Ir-riċerka li saret mill-Eurofound 11 turi li l-istrateġiji nazzjonali għat-tixjiħ attiv jeżistu f’għadd ta’ pajjiżi u kkontribwew għal żieda fl-għarfien tal-isfidi demografiċi. Rieżami tar-rapporti nazzjonali jissuġġerixxi li l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol tal-pajjiżi kkontribwew għall-promozzjoni tal-iżvilupp tal-ħiliet u l-impjieg ta’ ħaddiema akbar fl-età, għalkemm ftit jew xejn informazzjoni hija disponibbli dwar il-kwalità u s-sostenibbiltà ta’ dawn l-impjiegi. Il-biċċa l-kbira tal-inizjattivi ffukaw s’issa fuq miżuri ta’ rimedju, bħal pereżempju li jipprovdu sussidji tal-pagi biex jimpjegaw ħaddiema akbar fl-età, iżidu l-età medja tal-irtirar u jillimitaw l-irtirar bikri. Miżuri bħal dawn waħedhom jeħtieġu kunsiderazzjoni u analiżi bir-reqqa tal-impatt ekonomiku u soċjali u jistgħu jkunu insuffiċjenti biex jippermettu lill-ħaddiema akbar fl-età jestendu b'suċċess il-karrieri tax-xogħol tagħhom.

4.3F’termini ta’ effettività, għalkemm ġeneralment meqjusa ta’ suċċess, il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-miżuri u programmi ma ġewx evalwati formalment. F’dan il-kuntest, il-Kumitat jenfasizza l-importanza li jiġi analizzat u evalwat l-impatt tal-miżuri fuq il-parteċipazzjoni ta’ ħaddiema akbar fl-età fis-suq tax-xogħol.

5.Rakkomandazzjonijiet speċifiċi biex jiġu indirizzati l-isfidi tat-tixjiħ attiv

5.1Għadd ta’ miżuri identifikati li jappoġġjaw aġenda ta’ tixjiħ attiv fl-Unjoni Ewropea huma stabbiliti hawn taħt:

5.2Jissaħħu d-djalogu soċjali u l-involviment tal-partijiet interessati kollha fl-iżvilupp ta’ strateġiji integrati u politiki nazzjonali għal tixjiħ attiv. Sabiex jinkoraġġixxu ħajja tax-xogħol attiva itwal, il-gvernijiet, min iħaddem, l-NGOs, it-trejdjunjins u l-ħaddiema nfushom għandhom jaqsmu r-responsabbiltà u l-isforzi. Il-partijiet ikkonċernati fil-livelli kollha għandhom rwol ewlieni fl-iżvilupp, in-negozjar, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-miżuri biex tiġi adattata d-dinja tax-xogħol sabiex l-anzjani jkunu jistgħu jibqgħu attivi aktar fit-tul fis-suq tax-xogħol. Naturalment dan m’għandu jwassal la għal pressjoni miżjuda fuq il-persuni mdaħħla fl-età u lanqas jikkawża sitwazzjonijiet diffiċli għal dawk li m’għadhomx f’pożizzjoni li jaħdmu.

5.3Jitjiebu l-impjegabbiltà u tal-iżvilupp tal-ħiliet permezz ta' tagħlim tul il-ħajja huwa għodda ta' politika ewlenija biex il-ħaddiema akbar fl-età jinżammu fis-suq tax-xogħol, peress li l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fit-taħriġ tonqos hekk kif jixjieħu u huwa aktar diffiċli għall-ħaddiema akbar fl-età li jsiru qiegħda li jsibu impjieg ġdid. It-tagħlim tul il-ħajja u l-edukazzjoni tal-adulti wrew li jtejbu mhux biss il-parteċipazzjoni ekonomika, iżda wkoll il-kwalità tal-ħajja, is-saħħa u l-adattabbiltà. It-tagħlim tul il-ħajja u t-tixjiħ attiv m'għandhomx jindirizzaw biss lill-forza tax-xogħol akbar fl-età ta' llum; inizjattivi mmirati għandhom jindirizzaw ukoll iż-żgħażagħ/l-istudenti u anke t-tfal, sabiex tinħoloq kuxjenza dwar il-futur tal-post tax-xogħol u l-importanza ta' mentalità ta' tagħlim tul il-ħajja.

5.3.1It-titjib tal-impjegabbiltà u tal-iżvilupp tal-ħiliet permezz ta' tagħlim tul il-ħajja jista' jinkiseb permezz ta':

5.3.1.1Is-salvagwardja tal-finanzjament pubbliku u l-allokazzjoni tar-riżorsi meħtieġa għal politika tas-suq tax-xogħol proattiva biex jintegraw mill-ġdid fis-suq tax-xogħol persuni anzjani fl-età, inklużi pariri u appoġġ għal min qed ifittex impjieg, u jnaqqsu r-riskju ta’ qgħad fit-tul;

5.3.1.2It-tisħiħ tar-rwol tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi biex jipprovdu firxa sħiħa ta’ servizzi ta’ konsulenza komprensiva u appoġġ għal min qed ifittex ix-xogħol kif ukoll sostenn għall-medjazzjoni individwali (pereżempju impjieg issussidjat, appoġġ għall-integrazzjoni fl-impjieg, proġetti soċjali mingħajr skop ta’ qligħ) u, fejn meħtieġ, miżuri ta’ riabilitazzjoni għar-reintegrazzjoni permanenti;

5.3.1.3L-appoġġ għall-introduzzjoni ta’ miżuri pprovduti mill-intrapriżi, mill-ftehimiet kollettivi u mil-liġi għall-iżgurar ta’ parteċipazzjoni msaħħa tal-persuni mdaħħla fl-età ffit-taħriġ tul il-ħajja (eż. inċentivi biex jitneħħa n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni fit-taħriġ addizzjonali pprovdut mill-intrapriżi, fuq kollox ta’ dawk bi kwalifiki baxxi, il-provvista tal-finanzjament meħtieġ biex jitjiebu l-ħiliet tal-grupp ta’ età 'l fuq minn 45 sena, titjib tal-qafas legali għal-leave għat-taħriġ);

5.3.1.4It-tisħiħ tar-rwol tal-NGOs fl-appoġġ ta’ programmi ta’ tagħlim għall-adulti u biex ikunu jistgħu jsiru msieħba mal-gvernijiet biex jimplimentaw inizjattivi edukattivi fuq skala kbira għal persuni akbar fl-età;

5.3.1.5Żieda fl-aċċess tal-persuni akbar fl-età għat-teknoloġija diġitali, inkluż billi jiġu adattati t-tagħmir u s-softwer għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom (eż. softwer multilingwi), kif ukoll jiġi pprovdut aċċess għall-internet bħala dritt għal servizz universali bbażat fuq il-kriterju ta’ affordabbiltà;

5.3.1.6L-offerta ta’ aktar opportunitajiet ta’ taħriġ, bl-użu tal-Fond Soċjali Ewropew u ffukata fuq l-iżvilupp ta’ ħiliet trasversali, ħiliet ta’ “tagħlim dwar kif titgħallem” u ħiliet fl-ICT għall-grupp ta’ età ta’ ‘l fuq minn 45 sena;

5.3.1.7Ir-rikonoxximent ta’ ħiliet ġodda, miksuba b’mod formali jew informali, permezz ta’ ċertifikati u kwalifiki;

5.3.1.8It-twettiq ta’ kampanji ta' sensibilizzazzjoni mmirati lejn iż-żgħażagħ, l-istudenti u t-tfal dwar l-importanza ta' mentalità ta' tagħlim tul il-ħajja fil-kuntest tal-futur tax-xogħol u tat-tixjiħ attiv;

5.3.1.9L-iżvilupp tal-kapaċità tal-Istati Membri tal-UE li jiġbru, janalizzaw u jinterpretaw data statistika dwar ix-xejriet tas-suq tax-xogħol, ir-rata ta' impjieg ta' ħaddiema akbar fl-età, id-diskrepanza fil-ħiliet tan-nies, kif ukoll bidliet oħra fis-soċjetà.

5.4Il-promozzjoni ta' karrieri dinamiċi u xogħol dinamiku għandha tkun qasam ieħor ta' fokus. It-tagħlim tul il-ħajja u ż-żieda fl-istennija tal-għomor ifissru li matul ħajjithom in-nies se jkollhom aktar minn karriera waħda. Huwa mistenni li n-nies se jaħdmu tul ħajjithom b'diversi perjodi sabbatiċi u b'qabżiet fis-snin għat-tagħlim, għat-taħriġ mill-ġdid u għall-ivvjaġġar.

5.4.1F'dan ir-rigward, l-inizjattivi ewlenin għall-promozzjoni ta' karrieri dinamiċi u xogħol dinamiku għandhom jinkludu:

5.4.1.1L-antiċipazzjoni ta’ impjiegi u karrieri emerġenti li għalihom il-ħaddiema jkunu jistgħu jagħmlu tranżizzjoni matul il-ħajja tagħhom;

5.4.1.2It-titjib tal-għoti ta’ pariri dwar il-karriera offruti mis-servizzi pubbliċi tal-impjiegi biex jiggwidaw lill-ħaddiema permezz tal-proċess diffiċli ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid;

5.4.1.3L-għoti ta’ inċentivi fiskali għan-negozji biex jinvestu fi programmi ta' taħriġ u żvilupp tul il-ħajja għall-impjegati kif ukoll biex jattiraw u jimpjegaw impjegati akbar fl-età;

5.4.1.4It-tħejjija ta’ fieri fil-qasam tal-impjiegi u l-karrieri, “gruppi ta’ diskussjoni għall-persuni ’l fuq minn 50 sena” u l-ħolqien ta’ job centres bl-iskop li jilħqu lill-persuni mdaħħla fiż-żmien;

5.4.1.5Il-ħolqien ta’ gruppi ta’ ħidma ta’ ħaddiema akbar fl-età biex jiżviluppaw strateġiji biex jattiraw u jżommu persuni mdaħħla fiż-żmien b’esperjenza fis-suq tax-xogħol.

5.5Il-promozzjoni tal-intraprenditorija fost il-persuni mdaħħla fiż-żmien, li huwa mod effettiv kif tittawwal il-ħajja tax-xogħol, jitnaqqas il-qgħad fost l-anzjani u tissaħħaħ l-inklużjoni soċjali tal-anzjani. Ħafna anzjani jistgħu jkunu jixtiequ jibqgħu attivi ekonomikament u jagħżlu li jaħdmu għal rashom bħala alternattiva għall-impjieg organizzat. L-intraprenditorija fost l-anzjani hija tħassib kostanti għall-Kummissjoni Ewropea, li għandha diversi inizjattivi f’dan il-qasam .

5.5.1Intraprenditorija bħal din tista’ tiġi stimulata permezz ta’ politiki ffokati fuq l-aspetti li ġejjin:

5.5.1.1L-għoti ta’ taħriġ, mentoring u konsulenza sabiex jiġu żviluppati l-ħiliet intraprenditorjali u jitħeġġu l-anzjani li jixtiequ jibdew negozju u jiġu appoġġjati dawk li diġà huma attivi f’dan il-qasam;

5.5.1.2L-appoġġ għall-ħolqien ta’ netwerks tan-negozju billi jiġu pprovduti kemm postijiet fiżiċi kif ukoll virtwali fejn imprendituri anzjani, istituzzjonijiet u imprendituri żgħażagħ jiltaqgħu u jesploraw modi potenzjali ta’ kollaborazzjoni u appoġġ għall-iskambji bejn il-ġenerazzjonijiet;

5.5.1.3L-iżgurar ta’ aċċess għal skemi ta’ finanzjament għall-bidu ta’ negozju u l-garanzija ta’ self b’rati ta’ imgħax aktar baxxi għall-bidu ta’ negozji;

5.5.1.4L-istabbiliment ta’ programmi Ewropej ta’ appoġġ biex tiġi stimulata l-intraprenditorija fost l-anzjani;

5.5.1.5L-implimentazzjoni ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-benefiċċji ta’ intraprenditorija fost l-anzjani għas-soċjetà u l-ekonomija b’mod ġenerali, iżda wkoll għall-anzjani nfushom.

5.6Il-ħaddiema mdaħħlin fl-età huma dejjem aktar meqjusa minn dawk li jħaddmu bħala leali, ta’ esperjenza, affidabbli u marbuta ħafna max-xogħol tagħhom. Madankollu, għad hemm il-preġudizzju li l-ħaddiema mdaħħlin fl-età mhumiex interessati jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u mhumiex miftuħa għall-bidla. Il-prekonċett li ħaddiema kbar fl-età huma prestaturi ifqar minn ħaddiema żgħażagħ instab li ma kienx minnu u meta dawn huma inqas produttivi, dan huwa ġeneralment minħabba li ma ġewx offruti taħriġ. Anki jekk il-ħaddiema mdaħħlin fl-età jista’ jkollhom kapaċitajiet inqas fiżiċi jew konjittivi, dawn il-ħaddiema jikkumpensaw permezz tal-użu tas-snin ta’ esperjenza tagħhom. Riċerka simili wriet li huwa ftit aktar probabbli li n-nisa jiffaċċjaw diskriminazzjoni bbażata fuq l-età meta mqabbla mal-irġiel.

5.6.1Is-soluzzjonijiet li jiġġieldu kontra l-età u d-diskriminazzjoni bejn is-sessi għandhom ikopru l-aspetti li ġejjin:

5.6.1.1L-adozzjoni ta’ leġislazzjoni aktar stretta fil-ġlieda kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni;

5.6.1.2It-twettiq ta’ riċerka biex jiġi stabbilit jekk ir-rata baxxa ta’ impjiegi fost il-persuni mdaħħlin fl-età hijiex effett ta’ diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol;

5.6.1.3L-ippjanar ta’ inizjattivi u kampanji dwar it-titjib tal-ħiliet tan-nisa biex jiġi ffaċilitat ir-ritorn tagħhom biex jaħdmu wara waqfa;

5.6.1.4Il-promozzjoni ta’ reklutaġġ ibbażat fuq il-ħiliet meħtieġa u l-għażla skont il-mertu;

5.6.1.5L-ibbażar ta’ deċiżjonijiet dwar sensja fuq kriterji oġġettivi marbutin max-xogħol sabiex jiġi żgurat li l-ħiliet meħtieġa jinżammu u l-iżgurar li l-iskemi ta’ rtirar jiġu applikati b’mod ġust.

5.7L-implimentazzjoni ta' inizjattivi ta' kondiviżjoni/trasferiment tal-għarfien għandha tkun qasam ieħor ta' fokus. Fil-kuntest tal-bidla demografika, l-identifikazzjoni ta' modi effettivi għat-trasferiment tal-għarfien u l-esperjenza bejn il-ġenerazzjonijiet tirrappreżenta sfida oħra. Minn naħa waħda, it-trasferiment tal-għarfien minn ġenerazzjonijiet iżgħar għal dawk aktar anzjani għandu rwol ewlieni fit-trawwim tal-fehim interġenerazzjonali u fit-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema akbar fl-età. Min-naħa l-oħra, it-trasferiment minn ġenerazzjonijiet aktar anzjani għal ġenerazzjonijiet iżgħar jista' jippreserva l-ħiliet tal-ħaddiema akbar fl-età u jgħin lill-ħaddiema akbar fl-età u lill-persuni rtirati jżommu sens ta' tifsira u skop, u jevita l-esklużjoni soċjali tagħhom.

5.7.1L-inizjattivi ta' kondiviżjoni/trasferiment tal-għarfien għandhom ikopru dawn l-aspetti li ġejjin:

5.7.1.1It-tħeġġiġ ta’ relazzjonijie ta’ mentoring kontinwu u ta’ reverse mentoring bejn ħaddiema mdaħħlin fl-età u dawk iżgħar fl-età, iffukati fuq ħiliet tal-IT u dawk diġitali, ħiliet trasversali u ħiliet ta’ relazzjonijiet mal-klijent, kif xieraq;

5.7.1.2It-twaqqif ta’ programmi ta' taħriġ b’ħaddiema akbar fl-età bħala l-għalliema tat-taħriġ, bħal taħriġ fuq ix-xogħol, tagħlim fil-klassi, simulaturi, tagħlim elettroniku, appoġġjati minn prattika tal-ħiliet mill-ħaddiema iżgħar u feedback;

5.7.1.3Il-ħolqien ta’ netwerks ta’ għarfien u komunitajiet ta’ prattika;

5.7.1.4L-użu ta' sistemi ta' ġestjoni tal-għarfien biex jiddokumentaw u jippreservaw l-għarfien ta' ħaddiema akbar fl-età;

5.7.1.5L-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ sensibilizzazzjoni bil-għan li tiġi rikonoxxuta l-esperjenza tal-ħaddiema mdaħħlin fl-età u li jiġi promoss it-trasferiment lil ħaddiema żgħażagħ tal-ħiliet professjonali mibnija matul il-ħajja tax-xogħol tagħhom, inklużi possibbiltajiet differenti rigward il-bilanċ bejn l-etajiet fost it-timijiet;

5.7.1.6Il-kollaborazzjoni ma’ istituzzjonijiet edukattivi jew servizzi pubbliċi tal-impjiegi biex jiġu ffaċilitati t-tranżizzjonijiet lejn u fi ħdan is-suq tax-xogħol.

5.8L-inkoraġġiment ta’ ħaddiema mdaħħlin fl-età biex jibqgħu attivi fis-suq tax-xogħol jista’ jsir ukoll billi jiġu pprovduti arranġamenti tax-xogħol flessibbli u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar biex jiġi appoġġjat il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tagħhom. Madankollu, arranġamenti tax-xogħol flessibbli għandhom jiġu implimentati b’kawtela, sabiex jiġi evitat l-abbuż potenzjali.

5.8.1Dawn il-kwistjonijiet għandhom ikunu indirizzati permezz tad-djalogu soċjali u negozjar kollettiv fil-livell li jkun l-eqreb għas-sitwazzjoni inkwistjoni. Għandu jkun garantit id-dritt li wieħed jirritorna għall-iskeda tax-xogħol oriġinali u dawn it-tipi ta’ arranġamenti għandhom iqisu l-ħtiġijiet kemm tal-impjegaturi kif ukoll tal-impjegati 12 .

5.8.2Jekk ir-rata ta’ parteċipazzjoni ta’ persuni mdaħħlin fl-età għandha tiżdied, jeħtieġ li jiġi żgurat li n-nies ikunu jistgħu jaħdmu għal żmien itwal. Ir-rata ta’ impjieg tal-persuni mdaħħla fl-età ma tistax togħla sempliċement billi dawn jinżammu f’kundizzjoni fiżika tajba biex jaħdmu u billi x-xogħolhom isir iktar attraenti għal min iħaddem. L-impjiegi disponibbli għall-persuni mdaħħla fl-età għandhom isiru iktar attraenti. Il-kwalità tal-impjieg b’hekk tiddetermina jekk il-ħaddiema jmorrux lura għas-suq tax-xogħol jew jibqgħux hemm.

5.8.3L-implimentazzjoni ta' arranġamenti flessibbli tax-xogħol u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar tista’ tinkiseb permezz ta’:

5.8.3.1Il-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ mudelli tax-xogħol tajbin għas-saħħa li jkunu nnegozjati bejn l-imsieħba soċjali fil-livell settorjali u tal-kumpanija u l-applikazzjoni tagħhom tul il-karriera kollha tal-persuni (eż. perjodi sabbatiċi, leave għat-taħriġ) għall-appoġġ tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja;

5.8.3.2L-introduzzjoni ta’ arranġamenti flessibbli għall-ħaddiema mdaħħlin fl-età, bħal ħinijiet tax-xogħol flessibbli, ġimgħat ta’ xogħol iqsar, telexogħol, xogħol part-time u programm ta’ waqfien gradwali mix-xogħol;

5.8.3.3It-twaqqif ta’ programm ta' appoġġ Ewropew għall-użu ta' arranġamenti flessibbli għal ħaddiema akbar fl-età minn min iħaddem.

5.8.3.4L-iżgurar li l-impjegaturi li jużaw arranġamenti tax-xogħol flessibbli għal ħaddiema mdaħħlin fl-età f’ċerti pożizzjonijiet tax-xogħol ikollhom vuċi fit-tfassil tal-politika;

5.8.3.5L-adattament tas-sistemi attwali tas-saħħa u tal-kura biex jissodisfaw it-talbiet futuri. Il-politiki nazzjonali u l-inizjattivi tal-imsieħba soċjali ffukaw fuq il-promozzjoni tal-kunċett ta’ “kapaċità għax-xogħol”;

5.8.3.6L-adattament tal-impjiegi, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ambjent tax-xogħol biex jiġu akkomodati ħaddiema ta’ etajiet differenti (speċjalment fil-każ ta’ impjiegi perikolużi), filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu li n-natura eżiġenti tal-ħidma tista’ timponi limitazzjonijiet u tiżgura li dawn il-limitazzjonijiet jiġu mmonitorjati u ġestiti b’mod xieraq;

5.8.3.7L-introduzzjoni ta’ strateġiji effettivi ta’ prevenzjoni u valutazzjoni tar-riskju, b’kont meħud tal-obbligi leġislattivi eżistenti.

5.9Il-promozzjoni tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-bidla fl-attitudnijiet lejn it-tixjiħ jistgħu jinkisbu bil-modi li ġejjin:

5.9.1L-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ kampanji ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-bidliet demografiċi u ta’ prattiki kontra d-diskriminazzjoni bil-għan li tiġi promossa bidla fl-attitudni lejn il-forza tax-xogħol akbar fl-età u l-importanza li wieħed jibqa’ jaħdem għal aktar żmien. Dawn il-kampanji għandhom jiġu appoġġjati mill-partijiet interessati kollha, inklużi n-negozji, l-uffiċċji tal-gvern, l-NGOs u partijiet interessati rilevanti oħra;

5.9.2Il-promozzjoni tal-kunċett ta’ “ekonomija tal-anzjani” u l-opportunitajiet u l-benefiċċji assoċjati.

Brussell, 10 ta’ Settembru 2019

Christa SCHWENG

Il-President tas-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

_____________

(1)      Is-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet, 2012 (rapport ta’ evalwazzjoni), Kummissjoni Ewropea, 2014.
(2)       Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid)
(3)       https://data.oecd.org/pop/working-age-population.htm .
(4)      Ir-Rapport dwar it-Tixjiħ tal-2018 Il-Projezzjonijiet Ekonomiċi u Baġitarji għat-28 Stat Membru tal-UE (2016-2070), il-Kummissjoni Ewropea, 2018.
(5)      Il-Futur tax-Xogħol: Approċċ ibbażat fuq iċ-ċiklu tal-ħajja, il-Kummissjoni Ewropea, 2018.
(6)      Ir-Rapport dwar it-Tixjiħ tal-2018 Il-Projezzjonijiet Ekonomiċi u Baġitarji għat-28 Stat Membru tal-UE (2016-2070), il-Kummissjoni Ewropea, 2018.
(7)      A gender perspective on older workers' employment and working conditions, Patricia Vendramin & Gerard Valenduc, 2014.
(8)      Statistika dwar l-ekonomija diġitali u s-soċjetà – familji u individwi, Eurostat, 2018.
(9)

      ĠU C 228, 22.9.2009, p. 24-31 .

(10)       https://www.oecd.org/els/emp/ageingandemploymentpolicies.htm .
(11)      Rwol tal-gvernijiet u tal-imsieħba soċjali fiż-żamma ta' ħaddiema aktar imdaħħlin fiż-żmien fis-suq tax-xogħol Eurofound, 2013.
(12)       ĠU C 129, 11.4.2018, p. 44-50 .