Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
CCMI/167
Il-perspettiva industrijali settorjali ta’ rikonċiljazzjoni tal-politiki dwar il-klima u l-enerġija
OPINJONI
Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI)
Il-perspettiva industrijali settorjali ta’ rikonċiljazzjoni tal-politiki dwar il-klima u l-enerġija
[Opinjoni fuq inizjattiva proprja]
Relatur: Aurel Laurenţiu PLOSCEANU
Korelatur: Enrico GIBELLIERI
|
Amministratur
|
Cedric Cabanne
|
|
Data tad-dokument
|
06/06/2019
|
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja
|
24/01/2019
|
|
Bażi legali
|
Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
|
|
|
Opinjoni fuq inizjattiva proprja
|
|
|
|
|
Sezzjoni kompetenti
|
Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI)
|
|
Adottata fis-CCMI
|
03/06/2019
|
|
Adottata fil-plenarja
|
DD/MM/YYYY
|
|
Sessjoni plenarja Nru
|
…
|
|
Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)
|
…/…/…
|
1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1L-industriji Ewropej li jużaw ħafna riżorsi u enerġija (REIIs) huma ta’ importanza strateġika għall-ktajjen ta’ valur industrijali tal-UE. Il-politika tal-UE dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima titlobhom iwettqu trasformazzjoni profonda, u investiment enormi, sabiex tinkiseb in-newtralità klimatika qabel l-2050.
1.2L-għan tas-sistema attwali għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS) huwa li tinċentiva dan l-investiment billi tistabbilixxi prezz għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, b’rekwiżiti kontradittorji: (1) il-ksib tal-għanijiet klimatiċi jirrikjedi prezzijiet ogħla, iżda (2) il-kompetizzjoni esterna tal-REIIs tesiġi li huma jkunu allinjati mal-prezzijiet baxxi jew saħansitra ineżistenti ta’ kompetituri esterni.
1.3Fis-sitwazzjoni attwali ta’ prezzijiet diverġenti għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fis-swieq globali, il-KESE jinsab imħasseb dwar ir-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju jew tal-investiment (il-produzzjoni jew l-investiment isiru fejn ma tapplikax l-ETS) fl-REIIs, kif ukoll dwar it-telf ta’ impjiegi b’riżultat ta’ dan.
1.4F’Opinjoni preċedenti, il-KESE appella għal ETS globali sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi fil-kompetizzjoni internazzjonali bejn l-REIIs. Madankollu, din it-tama s’issa ġiet injorata.
1.5Il-KESE jqis li huwa essenzjali li jiġu rrikonċiljati l-politiki industrijali u tal-enerġija mal-politika dwar il-klima sabiex jiġi mmobilizzat l-investiment enormi li sar neċessarju minħabba t-tranżizzjoni lejn mudell ekonomiku mingħajr emissjonijiet tal-karbonju għal REIIs, li għandha tkun “tranżizzjoni ġusta”, fejn l-imsieħba soċjali huma involuti b’mod attiv fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tagħha.
1.6L-investiment mill-UE u mill-Istati Membri għandu jkollu impatt fuq ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fuq l-użu ta’ teknoloġiji b’livell baxx jew bl-ebda emissjonijiet ta’ karbonju għal REIIs, inkluża l-ġenerazzjoni tal-enerġija elettrika addizzjonali li jeħtieġu, u fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-forza tax-xogħol tagħhom. Taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss (2021-2027), il-finanzjament inkluż għal dan l-għan fil-proposta tal-Kummissjoni għall-programm InvestEU, u għall-programmi ta’ investiment oħrajn li se jkunu marbuta miegħu, għandu għalhekk jiżdied.
1.7Il-KESE beħsiebu jikkontribwixxi għar-riflessjoni dwar l-istrateġija industrijali fit-tul mitluba mill-Kunsill Ewropew, billi jeżamina l-fattibbiltà teknika u legali ta’ waħda minn fost il-bosta għażliet ta’ politika li bħalissa jinsabu fl-isfera pubblika: l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ aġġustament fil-fruntieri (BAMs) għall-prezz intern tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, abbażi tal-kontenut tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-metalli, sustanzi kimiċi u materjali bażiċi integrati fl-oġġetti industrijali.
1.8Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni tapprofondixxi r-riflessjoni tagħha dwar din l-għażla u għażliet oħra ta’ politika, bħal ETS riformata, mekkaniżmi ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera, rata tal-VAT aġġustata għall-intensità tal-karbonju, u tqabbilhom f’termini ta’:
·impatt fuq ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u tal-investiment, f’sitwazzjoni futura ta’ prezzijiet ogħla u disponibbiltà aktar baxxa ta’ kwoti tal-ETS fl-UE;
·ċertezza legali dwar il-konformità mar-regoli tad-WTO
·aċċettabbiltà mill-imsieħba kummerċjali
·fattibbiltà teknika, speċifikament fir-rigward tal-eżistenza ta’ standards ta’ kontabbiltà u ta’ kejl aċċettati globalment u ta’ bażi ta’ data affidabbli u rikonoxxuti.
1.9Il-KESE jirrakkomanda wkoll li l-Kummissjoni tinvolvi ruħha minn kmieni f’konsultazzjonijiet mal-imsieħba kummerċjali ewlenin tal-UE sabiex tittestja l-fehmiet tagħhom dwar l-għażliet ikkunsidrati.
2.Kummenti Ġenerali
2.1Id-dilemma tal-politika dwar il-klima applikata għall-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija
Il-politika dwar il-klima hija kkonfrontata b’diffikultà inerenti.
2.1.1Minn naħa waħda, l-għan ta’ din il-politika huwa li b’mod ambizzjuż jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (kemm mill-kombustjoni tal-fjuwils fossili kif ukoll mill-proċessi industrijali). Il-mira għall-UE hija li tintlaħaq in-newtralità tal-karbonju sal-2050, kif imħeġġeġ mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Pjaneta Nadifa għal Kulħadd”. Permezz ta’ dan it-tnaqqis, it-tisħin globali għandu jibqa’ ferm inqas minn 2°C, u jekk jista’ jkun inqas minn 1,5°C, b’mod li jkun kompatibbli ma’ agrikoltura li tkun tissodisfa l-ħtiġijiet alimentari tal-bniedem. F’ekonomija tas-suq, għodda effiċjenti ħafna hija li jiġi stabbilit prezz għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. B’dan il-mod, l-atturi ekonomiċi jistgħu jagħżlu li jew jinvestu b’mod profittabbli f’tagħmir jew proċessi li jiffrankaw l-emissjonijiet (inklużi l-Ġbir u l-Ħżin/Użu tal-Karbonju) jew jiffrankaw il-flus billi jnaqqsu l-konsum tagħhom ta’ materjali (eż. billi jużaw prodotti li jdumu aktar) jew jibdlu x-xiri tagħhom ta’ materjali għal dawk li jipproduċu inqas emissjonijiet ta’ gassijiet serra (bħall-materjali riċiklati). Sabiex dan il-metodu jkun effettiv, il-prezz għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jrid ikun għoli u prevedibbli biżżejjed biex jistimola l-investiment jew il-bidla fl-imġiba.
2.1.2Min-naħa l-oħra, l-ispejjeż tal-enerġija jirrappreżentaw proporzjon għoli tal-ispejjeż totali għal REIIs: 25 % għall-azzar, 22-29 % għall-aluminju, 25-32 % għall-ħġieġ.
2.1.3Jekk l-ispiża tal-enerġija tiżdied minħabba prezz għoli allokat għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-UE meta mqabbel ma’ prezzijiet f’postijiet oħra, u minħabba investiment bikri u fuq skala kbira f’teknoloġiji b’emissjonijiet baxxi jew mingħajr emissjonijiet fl-REIIs u fil-kapaċitajiet relatati ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku, tat-trasport u ta’ ħżin li huma meħtieġa biex isostnuhom, li joħolqu spejjeż ta’ amortizzament għoljin, tiġi pperikolata l-kompetittività esterna ta’ REIIs ibbażati fl-UE. Minkejja l-isforzi tagħhom għal effiċjenza fl-enerġija, dawn jispiċċaw jipproduċu bi prezzijiet ogħla mill-kompetituri esterni tagħhom. F’dawn is-swieq, bi prodotti standardizzati ħafna, prezz ogħla jwassal għal telf fis-sehem mis-suq u telf ta’ impjiegi relatati. Jekk dan iseħħ, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jiġu sempliċiment trasferiti mill-produtturi tal-UE għall-produtturi f’postijiet oħra (li ħafna drabi jkunu inqas effiċjenti fl-enerġija), trasferiment, li fl-aqwa xenarju, ma jħalli l-ebda effett fuq l-emissjonijiet globali ta’ gassijiet serra. Dan il-fenomenu huwa magħruf bħala “rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju”. F’xenarju kompetittiv globali fejn il-prezz tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jkun żero, dan jissarraf fil-ħtieġa li l-prezz tal-karbonju jiġi stabbilit fl-iktar livell baxx possibbli – u saħansitra jkun żero.
Dan il-fenomenu huwa akkumpanjat minn dak tar-“rilokazzjoni tal-investiment”. Anke bi prezz baxx għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-UE, l-inċertezza dwar l-iżvilupp tiegħu diġà qed tfixkel l-investiment fil-manutenzjoni u l-aġġornament ta’ siti industrijali REII, li jwassal għal telf ieħor ta’ kompetittività li huwa tħassib kbir ħafna għall-produtturi tal-UE. Ir-rilokazzjoni tal-investiment għal REIIs ibbażati fl-UE jiżdied b’mod drammatiku jekk il-prezzijiet għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jkunu għoljin minbarra li jkunu volatili.
2.1.4Is-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) hija t-tentattiv attwali min-naħa tal-UE biex tistabbilixxi prezz għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Fil-biċċa l-kbira tagħha hija ma kinitx effettiva: il-prezz tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ilu baxx għal diversi snin (minkejja li dan żdied reċentement) iżda volatili biżżejjed biex jiġġenera rilokazzjoni tal-investiment. Barra minn hekk, hija kumplessa u mimlija eżenzjonijiet. Raġuni waħda strutturali għal din il-kumplessità u n-nuqqas ta’ effettività tista’ tkun li s-sistema ETS ma kinitx kapaċi ssolvi d-diffikultà inerenti, deskritta hawn fuq, abbażi ta’ rekwiżiti konfliġġenti għal prezzijiet għoljin u baxxi għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra.
Għalhekk jista’ jkun hemm il-ħtieġa li tinstab soluzzjoni għal din id-dilemma u jiġu rrikonċiljati l-għanijiet ta’ politika konfliġġenti (1) tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u (2) tal-kompetittività esterna ta’ REIIs Ewropej, filwaqt li jitqiesu l-objettivi ta’ politika l-oħra kollha, bħall-kummerċ ħieles u ġust, fil-qafas tal-istrateġija industrijali fit-tul mitluba mill-Kunsill Ewropew.
2.2Miżuri korrettivi fil-fruntieri bħala l-aħħar għażla
2.2.1L-għażla ppreferuta mill-istituzzjonijiet tal-UE biex tissolva din id-dilemma hija ETS unika u globali li tistabbilixxi prezz dinji għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Madankollu, din it-tama ġiet injorata. L-iżviluppi ġeopolitiċi riċenti fid-direzzjoni lejn l-unilateraliżmu ftit jipprovdu tama li tali ftehim dinji jintlaħaq maż-żmien.
Id-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea (ir-riċiklaġġ tar-rikavat tal-ETS għall-industrija, l-appoġġ għall-innovazzjoni, il-kwoti bla ħlas, l-awtorizzazzjoni għall-Istati Membri biex jikkumpensaw għal spejjeż indiretti …) jistgħu ma jagħtux biżżejjed salvagwardji kontra r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju jew tal-investiment f’sitwazzjoni ta’ politiki klimatiċi asimmetriċi u żieda fl-ambizzjonijiet tal-UE dwar il-klima. Din hija r-raġuni għaliex diversi kienu dawk li appellaw għal approċċi alternattivi għar-rikonċiljazzjoni tal-għanijiet tal-politika dwar il-klima mal-kompetittività esterna ta’ REIIs, bħala l-aħħar għażla. Dawn l-approċċi huma relatati mal-kunċett ta’ miżuri ta’ aġġustament fil-fruntieri kif definit mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). L-għan ta’ din l-Opinjoni hija li tiġi esplorata l-fattibbiltà teknika u legali ta’ din l-għażla , permezz ta’ proposta konkreta.
2.3Il-prinċipji legali tad-WTO: miżuri ta’ aġġustament fil-fruntieri għat-taxxi interni fuq il-konsum ma għandhomx jiddiskriminaw kontra l-atturi ekonomiċi esterni.
2.3.1Il-prinċipju tal-miżuri ta’ aġġustament fil-fruntieri huwa kif ġej: meta taxxa interna fuq il-konsum hija stabbilita f’ġurisdizzjoni, hemm ir-riskju li l-produtturi lokali (li huma soġġetti għal din it-taxxa) jitqiegħdu fi żvantaġġ kompetittiv meta mqabbla mal-kompetituri esterni tagħhom (li mhumiex soġġetti għaliha), kemm fis-suq intern (fejn il-kompetizzjoni hija bejn il-produtturi u l-importaturi lokali), kif ukoll fis-swieq tal-esportazzjoni. L-awtoritajiet ta’ din il-ġurisdizzjoni jistgħu jerġgħu jistabbilixxu l-kompetizzjoni ġusta billi: (1) jimponu taxxa fuq il-prodotti importati u (2) jirrifondu t-taxxa fuq l-oġġetti esportati.
2.3.2Sakemm dawn issodisfaw ċerti kundizzjonijiet, il-miżuri ta’ aġġustament fil-fruntieri relatati mal-prodotti kienu aċċettati bħala legali skont id-WTO, mingħajr ma tqajjem l-ebda tħassib dwar il-protezzjoniżmu, wara li saret reviżjoni ta’ tali aġġustamenti fl-1970 (Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Aġġustamenti Kummerċjali fil-Fruntieri). Dawn il-kundizzjonijiet jiddisponu li l-atturi ekonomiċi esterni ma għandhomx jiġu ddiskriminati (l-Artikoli II-2a, III-2 u VI-4 tal-Ftehim tal-GATT), li f’dan il-każ ifisser li: l-oġġetti importati għandhom iħallsu taxxa li ma tkunx ogħla minn dik li jħallsu l-produtturi lokali u li r-rifużjoni fuq l-oġġetti esportati ma għandhiex tkun ogħla mit-taxxa li diġà tħallset fis-suq lokali.
2.4Il-mekkaniżmi previsti: sistema ta’ kontabbiltà trasparenti għall-esportaturi; l-importaturi jħallsu biss għall-kontenut tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-materjali bażiċi
2.4.1Il-mekkaniżmi previsti sabiex tiġi adattata l-idea ġenerali tal-miżuri ta’ aġġustament fil-fruntieri fil-kuntest tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra huma dawn li ġejjin:
·sabiex jiġi ddeterminat l-ammont li għandu jiġi rimborżat lill-esportaturi, sistema ta’ kontabbiltà trasparenti żżomm rekord tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra inkorporati f’kull oġġett industrijali, u tgħaddi tali ammont tul il-katina tal-valur, bħala linja addizzjonali fil-fatturi;
·l-importaturi jħallsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra inkorporati fil-materjal bażiku użat biex jiġu mmanifatturati l-oġġetti industrijali, iżda mhux l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra użati biex dawn jiġu ttrasformati jew jingħataw il-forma tagħhom, jew fir-rigward tal-ispostamenti loġistiċi tagħhom. Din hija approssimazzjoni tajba ħafna, peress li aktar minn 90 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ oġġett industrijali huma inkorporati fil-materjali bażiċi. Dan jipprovdi evidenza indisputabbli għall-awtorità doganali biex tiddetermina l-bażi għat-taxxa (in-natura u l-piż ta’ kull materjal). Dan joffri vantaġġ żgħir lill-importaturi, għalhekk huma ma jistgħux isostnu li qegħdin jiġu ddiskriminati.
Dawn il-mekkaniżmi huma ppreżentati u diskussi f’aktar dettall hawn taħt.
2.5Ir-rifużjoni tal-prezz tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra inkorporati fi prodotti esportati hija kwistjoni ta’ kontabbiltà
2.5.1Is-sistema tkun kif ġej. Meta REII jkollha tħallas għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħha (fil-forma ta’ kwoti tal-ETS mixtrija bi prezz varjabbli għal kull kilogramma ta’ CO2eq fis-suq jew fil-forma ta’ taxxa fuq il-karbonju bi prezz fiss), din jeħtiġilha żżomm rekord ta’ dan il-pagament (u tal-volum sottostanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra) fis-sistema tal-kontabbiltà tagħha, u tgħaddih lill-klijenti tagħha fil-fatturazzjoni tagħha (inkluż amortizzament tal-kontenut tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fit-tagħmir tagħha). B’hekk terġa' tintuża s-sistema eżistenti u elaborata tal-kontabbiltà tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li ġiet żviluppata fl-UE sabiex jiġu kkalkulati l-kwoti mingħajr ħlas għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, u li tikkostitwixxi vantaġġ ċar. L-esperjenza miksuba matul dawn l-aħħar ħamsin sena u aktar fir-rigward tal-VAT għandha turi l-fattibbiltà teknika ta’ din l-iskema ta' trasferiment tal-ispejjeż.
2.5.2Il-pożizzjoni fil-katina tal-provvista, li fiha dan il-pagament għandu jkun inkluż fil-fatturi, għad trid tiġi definita. Jekk il-pagament jitgħadda lill-konsumatur finali, dan ikollu l-konsegwenzi li ġejjin:
·dan iqarreb l-iskema proposta lejn il-mudell ta’ taxxa interna fuq il-konsum, bħal VAT jew sisa, li fir-rigward tagħha, id-WTO aċċettat b’mod espliċitu l-leġittimità tal-miżuri ta’ aġġustament fil-fruntieri, u b’hekk tiżdied iċ-ċertezza legali;
·jiġi evitat li l-kumpaniji intermedji jkunu penalizzati;
·dan jinċentiva l-imġiba tal-konsumatur lejn għażliet li ma jagħmlux ħsara lill-klima.
2.5.3Meta kumpanija tesporta oġġett li jinkorpora l-ispejjeż għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, din imbagħad jeħtiġilha tislet mis-sistema ta’ kontabbiltà tagħha l-kontenut tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-prodott esportat, u tara li dan il-kontenut jiġi rimborżat mill-Istat (billi terġa’ tbigħ il-kwoti ETS korrispondenti fis-suq, jew billi tingħata rifużjoni tat-taxxa fuq il-karbonju) għall-volum tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jinsabu fil-prodott.
2.5.4Jekk tinżamm l-allokazzjoni attwali bla ħlas tal-kwoti tal-ETS għall-produtturi tal-UE bl-aħjar prestazzjoni, din ir-rifużjoni ssir bi spiża medja ta’ kwota tal-ETS fil-livell tal-ekonomija tal-UE, ibbażata fuq il-prezz tas-suq immedjat u l-proporzjon ta’ kwoti bla ħlas mogħtija lill-produtturi tal-UE.
2.5.5Din is-sistema ta’ kontabbiltà turi li l-esportatur qed jingħata lura l-ispiża eżatta għall-emissjonijiet kollha ta’ gassijiet serra li kienu ġew inkorporati fil-prodott tul il-katina tal-provvista. L-esportatur mhux qed jingħata vantaġġ mhux mistħoqq, u s-sistema hija għalhekk konformi mar-rekwiżiti tad-WTO. Din il-korrettezza hija aktar faċli li tiġi pprovata fuq bażi ta’ każ b’każ meta jiġi ffissat il-prezz għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (bħal taxxa fuq il-karbonju). Madankollu, din hija valida biss, bħala medja, bejn l-ispekulaturi ixxurtjati u dawk mhux ixxurtjati fis-swieq tal-ETS, u bejn il-produtturi tal-UE bi prestazzjoni għolja u dawk bi prestazzjoni baxxa li jirċievu allokazzjonijiet differenti ta’ kwoti tal-emissjonijiet bla ħlas, meta l-prezz għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jkun varjabbli (bħal f’suq tal-ETS).
2.6Il-miżura korrettiva tal-oġġetti importati tista’ tkun ibbażata fuq il-kontenut tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-metalli, sustanzi kimiċi jew materjali bażiċi inkorporati
2.6.1Il-kontenut tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ oġġett industrijali jista’ jinstab essenzjalment fil-materjali tiegħu.
Il-kontenut tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ oġġett industrijali jista’ jinqasam fi tliet komponenti ewlenin, li kull wieħed minnhom jikkorrispondi għal kategoriji differenti ta’ operazzjonijiet li jżidu l-valur:
·il-kontenut tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-metalli, sustanzi kimiċi u materjali bażiċi li jiffurmaw il-prodott, direttament jew indirettament (eż. azzar, etilen, benżen, ammonijaka, aċidu idrokloriku, ħġieġ, injam, …);
·il-kontenut tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-operazzjonijiet industrijali li jittrasformaw u jiffurmaw il-metalli, is-sustanzi kimiċi jew il-materjali bażiċi (eż. il-polimerizzazzjoni, ix-xogħol bil-forma, l-immaxinjar, il-qtugħ, …);
·il-kontenut tal-emissjonijiet ta’ gassijiet fl-operazzjonijiet loġistiċi fis-sit u bejn siti differenti fl-istadji varji li jżidu l-valur.
Il-maġġoranza vasta tal-kontenut tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ prodott industrijali huwa dak tal-metalli, sustanzi kimiċi u materjali bażiċi inkorporati (speċifikament meta ma jkunux riċiklati). L-eżempju ta’ biċċa azzar pproċessata minn makkinarju, fejn l-enerġija użata fil-proċess tammonta għal 2,8 kWh, filwaqt li l-enerġija inkorporata fil-materjal tammonta għal 117 kWh, jiġifieri 40 darba aktar, juri l-ordni ta’ kobor tal-piż relattiv bejn dawn il-komponenti. Fil-każ ta’ fertilizzanti, plastiks, elastomeri, solventi, lubrikanti u fibri tessili, proporzjon dominanti ħafna tal-kontenut tal-gassijiet serra tal-prodott finali jinsab fis-sustanzi kimiċi bażiċi li minnhom ġew manifatturati, li jistgħu jitnaqqsu mill-formula tagħhom. Dan ifisser li l-kontenut sħiħ tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ prodott industrijali jista’ jiġi approssimat abbażi tal-kontenut tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-metalli, sustanzi kimiċi u materjali bażiċi inkorporati.
2.6.2Komputazzjoni tal-miżura korrettiva applikabbli għal oġġetti importati
2.6.2.1Sabiex l-awtoritajiet doganali responsabbli mill-ġestjoni tal-miżuri ta’ aġġustament fil-fruntieri jaħdmu b’mod effiċjenti u b’ċertezza legali, kemm għalihom infushom kif ukoll għal kumpanija li timporta li taġixxi in bona fede, kemm il-bażi tat-taxxa kif ukoll ir-rata tat-taxxa jridu jiġu stabbiliti li jħallu marġni minimu għall-interpretazzjoni jew għat-tilwim legali.
Ir-rata tat-taxxa fir-rigward tal-ipprezzar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra hija jew rekwiżit biex jinxtraw kwoti tal-ETS għall-volum tal-emissjonijiet inkorporati fil-prodott importat, bl-istess prezz għal kull kwota tal-ETS bħal fil-każ ta’ rifużjoni lill-esportaturi (fil-każ ta’ sistema bbażata fuq is-suq), jew ir-rata tat-taxxa fuq il-karbonju (fil-każ ta’ sistema ta’ rata fissa).
2.6.2.2Il-bażi tat-taxxa trid tkun verifikabbli billi jiġi analizzat il-prodott innifsu, li huwa l-inqas prova disputabbli. Fil-każ inkwistjoni, il-bażi ta’ taxxa ideali tkun il-kontenut sħiħ tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-oġġett importat.
Id-determinazzjoni tal-kontenut kollu tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ prodott industrijali hija diffiċli minħabba l-kumplessità tal-operazzjonijiet kollha li jżidu l-valur li jkunu sarulu tul il-katina tal-valur, li ħafna minnhom ma jħallu l-ebda traċċa fil-prodott innifsu.
L-għażla proposta hija li tintuża l-approssimazzjoni sempliċi iżda fattibbli deskritta hawn fuq: il-kontenut kollu tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-oġġett importat jiġi approssimat permezz tal-kontenut tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fil-metalli, sustanzi kimiċi jew materjali bażiċi li huma inkorporati, li jkun limitat għal dawk li jirrappreżentaw aktar minn eż. 1 % tal-massa totali. Il-mikroelettronika, li tiġġenera emissjonijiet kbar ta’ gassijiet serra minkejja l-massa żgħira tagħha, xorta waħda tiġi inkluża fil-kalkolu.
Il-kontenut totali tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fil-materjali preżenti fl-oġġett jiġi kkomputat kif ġej: il-massa ta’ kull tip ta’ metall, sustanza kimika jew materjal bażiku preżenti fl-oġġett ta’ proporzjon sinifikanti tiġi mmultiplikata bl-intensità tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra ta’ dan il-metall, sustanza kimika jew materjal bażiku (jiġifieri l-emissjonijiet tal-gassijiet serra preżenti f’kull kilogramma ta’ dan il-metall, sustanza kimika jew materjal bażiku).
L-intensità medja tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fil-livell ta’ kull pajjiż diġà ġiet determinata għall-biċċa l-kbira tal-metalli, sustanzi kimiċi u materjali bażiċi. Iċ-ċifri huma disponibbli f’firxa ta’ bażijiet tad-data pubblikament disponibbli (elenkati eż. fil-Protokoll dwar il-gassijiet serra), ibbażati fuq metodoloġiji tal-valutazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja żviluppati sew, inkluż fir-rigward taċ-Ċina.
2.6.2.3Sabiex tiġi mħeġġa u kkumpensata l-intensità aktar baxxa tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fil-faċilitajiet individwali u d-divulgazzjoni ta’ data, qed jiġi propost il-mekkaniżmu ta' ċirku virtuż li ġej.
·Jekk produttur jista’ juri b’mod affidabbli l-intensità reali tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, dan il-valur japplika għall-prodotti tiegħu li jiġu importati fl-UE. Jekk, min-naħa l-oħra, ma tiġi pprovduta l-ebda data affidabbli, tiġi użata l-intensità medja tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-pajjiż tal-oriġini, u din il-medja tiġi kkalkulata fuq il-bqija tal-produzzjoni u l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra residwi, wara li jitnaqqsu dawk iġġenerati minn produtturi li pprovdew data affidabbli.
·B’hekk, il-produtturi li l-aktar li jirrispettaw il-klima f’pajjiż se jkunu involuti mill-ewwel fl-eżerċizzju tal-kontabbiltà (sabiex ma jiġux penalizzati bl-applikazzjoni tal-medja nazzjonali tagħhom). B’riżultat ta’ dan, il-medja nazzjonali, wara li l-produtturi “virtużi” jitneħħew mill-komputazzjoni, maż-żmien tibda tiddeterjora, u b’hekk tinċentiva lill-produtturi oħra biex jipprovdu data affidabbli.
2.6.2.4L-UE tista’, barra minn hekk, tipprovdi appoġġ tekniku għal kumpaniji minn pajjiżi terzi fl-istabbiliment ta’ sistemi affidabbli ta’ kontabbiltà tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, u b’hekk iżomm il-pożizzjoni favorevoli tagħha fil-konfront tal-imsieħba kummerċjali.
2.6.2.5Sabiex jiġi evitat li atturi bla skrupli jattribwixxu l-intensità baxxa tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn faċilità waħda għall-produzzjoni ta’ oħra, tista’ tiġi żviluppata u użata sistema ta’ traċċabbiltà, eż. ibbażata fuq il-blockchain.
Brussell, 3 ta’ Ġunju 2019
Lucie STUDNIČNÁ
Il-President tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali
_____________