MT

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

ECO/491

Tassazzjoni – votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata

OPINJONI

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali


Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill – Lejn teħid ta’ deċiżjonijiet aktar effiċjenti u demokratiku fil-qasam tal-politika tat-tassazzjoni tal-UE
[COM(2019) 8 final]

Relatur: Juan MENDOZA CASTRO

Relatur: Krister ANDERSSON

Relatur: Mihai IVAŞCU

Kuntatt

eco@eesc.europa.eu

Amministratur

Gerald KLEC

Data tad-dokument

05/07/2019

Grupp ta' Studju

Tassazzjoni – votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata

President

Daniel MAREELS (BE-I)

Relatur

Juan MENDOZA CASTRO (ES-II)

Relatur

Krister ANDERSSON (SE-I)

Relatur

Mihai IVAŞCU (RO-III)

Membri

Petru Sorin DANDEA (RO-II)

Anne DEMELENNE (BE-II)

Michael IKRATH (AT-I)

Ronny LANNOO (BE-III)

Christian MOOS (DE-III) (Artikolu 66(3) – Séamus BOLAND)

Benjamin RIZZO (MT-III)

Reet TEDER (EE-I)

Judith VORBACH (AT-II)

Esperti

Segio Ernesto SANTILLÁN CABEZA (għar-relatur Juan MENDOZA CASTRO)

Claes HAMMARSTEDT (għar-relatur Krister ANDERSSON)

Petru Alexandru SACA (għar-relatur Mihai IVAŞCU)

Konsultazzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea, 18/02/2019

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

02/07/2019

Adottata fil-plenarja

DD/MM/YYYY

Sessjoni plenarja Nru

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

…/…/…



1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1Il-KESE jappoġġja l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li tagħti bidu għal dibattitu meħtieġ, minħabba s-sensittivitajiet tal-Votazzjoni b’Maġġoranza Kwalifikata (VMK) fil-kwistjonijiet tat-taxxa.

1.2Fil-passat, il-Kumitat, f’opinjonijiet oħra kien diġà indika l-appoġġ tiegħu għat-tibdil tar-regola tal-unanimità u li huwa miftuħ għal approċċ ta’ maġġoranza kwalifikata.

1.3Fl-istess ħin, il-KESE jqis li hemm ċerti kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati sabiex il-VMK tiġi implimentata b’suċċess.

1.4Ir-regola tal-unanimità fil-qasam tat-tassazzjoni tista’ tidher dejjem aktar bħala politikament anakronistika, legalment problematika u ekonomikament kontroproduttiva.

1.5Il-kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa ta’ sikwit toħloq pressjoni dejjem tikber fuq il-baġits pubbliċi; barra minn hekk, baġits pubbliċi stretti jagħmlu pressjoni fuq il-kompetittività.

1.6Fil-ġejjieni, bl-adozzjoni tal-VMK, il-Parlament Ewropew għandu jkollu rwol importanti fil-kwistjonijiet tat-taxxa.

1.7L-unanimità fit-tassazzjoni kellha impatt fuq prijoritajiet ta’ politika oħra usa’ tal-UE.

1.8Bidla gradwali għal VMK tgħin biex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali b’mod aktar effettiv fi żmien meta l-azzjoni dwar it-tibdil fil-klima hija aktar urġenti minn qatt qabel.

1.9Il-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) proposta, li ilha tiġi diskussa għal dawn l-aħħar 20 sena, fiha, jekk imfassla u introdotta b’mod xieraq, benefiċċji sinifikanti għan-negozji u ċ-ċittadini. Riforma tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tal-UE, b’koordinazzjoni adegwata fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, hija meħtieġa ħafna minħabba li attwalment qed jintilef ħafna dħul minħabba s-sistema frammentata.

1.10Il-KESE jikkunsidra wkoll li l-politika tat-tassazzjoni b’mod ġenerali u l-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa b’mod partikolari għandhom jibqgħu qasam prijoritarju ta’ politika għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss. Il-Kumitat iqis li l-aħjar riżultati kontra l-frodi tat-taxxa transkonfinali jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell Ewropew u jfaħħar il-pubblikazzjoni għall-ewwel darba tal-lista tal-UE tal-ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa.

1.11Min-naħa l-oħra, il-KESE huwa konxju li l-politika tat-tassazzjoni dejjem kienet marbuta mill-qrib mas-sovranità tal-Istati Membri, peress li hija ta’ importanza kbira għalihom.

1.12Bħala prinċipju, l-UE għandha tkun b’saħħitha fi kwistjonijiet ta’ importanza globali. Il-KESE jifhem li fil-passat il-kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa għal xi Stati Membri tal-UE kienet fattur li jsolvi problemi finanzjarji. L-adozzjoni reċenti ta’ miżuri kontra l-evitar tat-taxxa wriet li l-Istati Membri huma lesti li jtejbu l-kompetizzjoni trasparenti u ġusta fil-qasam tat-taxxa.

1.13F’dan ir-rigward, il-KESE jenfasizza – u jilqa’ – il-progress li sar fil-livell tal-UE fil-ġlieda kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa, u fit-titjib tas-sistema tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT). Fl-istess ħin il-KESE jixtieq jara progress f’oqsma oħra.

1.14Wara analiżi ekonomika, soċjali u fiskali fil-fond, kwalunkwe regola ġdida għandha tkun adattata għall-iskop tagħha u l-Istati Membri kollha għandhom f’kull ħin ikollhom biżżejjed possibilitajiet biex jipparteċipaw fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-ħolqien ta’ riżultat vantaġġuż kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell tal-Istat Membru individwali għandu jkun l-għan aħħari.

1.15Meta tittieħed deċiżjoni dwarhom, l-erba’ passi proposti għandhom jiġu implimentati gradwalment u l-Kummissjoni Ewropea għandha twettaq evalwazzjoni wara kull implimentazzjoni.

1.16Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal proċess usa’ sabiex possibbilment isir progress lejn VMK aktar effettiva li tieħu ż-żmien u tkun sinkronizzata ma’ inizjattivi ta’ politika oħrajn. F’dan ir-rigward, il-KESE jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa għal:

·Baġit tal-UE b’saħħtu biżżejjed.

·Politika ekonomika kkoordinata aħjar.

·Xogħol analitiku sostanzjali li jivvaluta sa fejn il-miżuri attwali tat-taxxa ma kinux biżżejjed.

2.Sommarju tal-proposta tal-Kummissjoni

2.1L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri u direttivi fil-livell tal-UE bil-għan li jistabbilixxu regoli komuni tat-taxxa nazzjonali għal taxxi indiretti bħall-VAT jew taxxi diretti bħat-taxxa korporattiva. Madankollu, skont il-Kummissjoni, il-proċess leġislattiv attwali tal-UE għal dawn il-kwistjonijiet għandu l-aspetti negattivi tiegħu, peress li jeħtieġ qbil unanimu fost l-Istati Membri kollha qabel ma tkun tista’ tittieħed azzjoni. Din l-unanimità tista’ ma tinkisibx jew tista’ twassal għal politiki subottimali.

2.2Proposti leġislattivi fil-qasam tat-taxxa huma rregolati mill-Artikoli 113 u 115 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Iż-żewġ artikoli jipprovdu għal proċedura leġislattiva speċjali li permezz tagħha l-Kunsill jivvota b’mod unanimu dwar kwistjonijiet tat-tassazzjoni u l-Parlament Ewropew huwa sempliċement ikkonsultat.

2.3It-Trattati jinkludu wkoll id-dispożizzjonijiet meħtieġa biex jinbidel il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet minn unanimità għal Votazzjoni b’Maġġoranza Kwalifikata (VMK) fil-Kunsill taħt ċerti ċirkostanzi.

2.4L-Artikolu 48(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-hekk imsejħa “klawsola passarelle”, jippermetti lill-Istati Membri biex jimxu minn unanimità għal VMK jew mill-proċedura leġislattiva speċjali għall-proċedura leġislattiva ordinarja f’oqsma li huma soġġetti b’xi mod ieħor għall-unanimità.

2.5Bil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha l-għan li tiftaħ dibattitu dwar kif tirriforma t-teħid tad-deċiżjonijiet fil-politika tat-tassazzjoni tal-UE. Tagħmel il-każ għal tranżizzjoni gradwali f’erba’ passi għal VMK taħt il-proċedura leġislattiva ordinarja f’ċerti oqsma tal-politika komuni ta’ tassazzjoni tal-UE.

2.5.1Fl-Ewwel Pass, l-Istati Membri għandhom jaqblu li jimxu lejn VMK fil-każ ta' miżuri li jtejbu l-kooperazzjoni u l-assistenza reċiproka fil-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa, kif ukoll għal inizjattivi amministrattivi għan-negozji tal-UE, eż. obbligi ta’ rappurtar armonizzati.

2.5.2It-Tieni Pass jintroduċi l-VMK bħala għodda utli biex isir progress fil-miżuri li fiha t-tassazzjoni tappoġġja għanijiet oħra ta’ politika, eż. il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-protezzjoni tal-ambjent jew it-titjib fis-saħħa pubblika.

2.5.3L-użu tal-VMK skont it-Tielet Pass jgħin biex jimmodernizza regoli tal-UE diġà armonizzati bħal dawk għall-VAT u d-dazju tas-sisa.

2.5.4Ir-Raba’ Pass jippermetti bidla għal VMK fir-rigward ta' proġetti tat-taxxa kbar, bħall-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) u sistema ġdida għat-tassazzjoni tal-ekonomija diġitali.

2.6Il-Komunikazzjoni tissuġġerixxi li l-Istati Membri għandhom jaslu għal ftehim malajr biex jiżviluppaw l-Ewwel u t-Tieni Pass u għandhom jikkunsidraw li jiżviluppaw it-Tielet u r-Raba’ Pass sal-aħħar tal-2025.

2.7Il-Kummissjoni tiddikjara li hawnhekk tindirizza l-problemi li ġejjin bil-proċess attwali tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-politika tat-tassazzjoni:

2.7.1Il-ħtieġa għal ftehim unanimu jagħmilha aktar diffiċli li jintlaħaq kwalunkwe kompromess, għaliex l-oppożizzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss hija biżżejjed biex ma jintlaħaqx ftehim. L-Istati Membri ħafna drabi joqogħdu lura milli jinnegozjaw soluzzjonijiet b’mod serju fil-Kunsill, għaliex jafu li għandhom is-setgħa li jagħmlu veto fuq kull riżultat li ma jogħġobhomx.

2.7.2Anke meta jintlaħaq qbil unanimu fil-qasam tat-tassazzjoni, dan fil-biċċa l-kbira jkun fil-livell tad-denominatur komuni l-aktar baxx, u jillimita l-impatt pożittiv għan-negozji u għall-konsumaturi, jew jirrendi l-implimentazzjoni aktar diffiċli.

2.7.3Xi Stati Membri jistgħu jużaw proposti tat-taxxa importanti fin-negozjar kontra talbiet oħra li jista’ jkollhom fuq fajls kompletament separati, jew biex jitfgħu pressjoni fuq il-Kummissjoni biex tagħmel proposti leġislattivi f’oqsma oħra.

2.7.4Deċiżjonijiet meħuda unanimament jistgħu biss jitreġġgħu lura jew jinbidlu b’mod unanimu. Minħabba f’hekk, l-Istati Membri ħafna drabi jkunu kawti wisq, u dan ikollu effett ħażin fuq l-ambizzjonijiet u jdgħajjef l-eżitu finali.

2.8L-għoti ta’ piż ugwali lill-Parlament Ewropew biex jiddeċiedi dwar il-forma finali tal-inizjattivi tal-politika tat-tassazzjoni tal-UE jippermettilu jikkontribwixxi bis-sħiħ għat-tfassil tal-politika tat-tassazzjoni tal-UE.

2.9L-ebda kompetenza ġdida ma tingħata lill-UE, u lanqas ma jitnaqqsu l-kompetenzi tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni targumenta wkoll li dan ma jaffettwax id-drittijiet tal-Istati Membri li jistabbilixxu rati ta’ taxxa personali jew korporattivi kif jidhrilhom xieraq.

2.10Skont il-Kummissjoni, l-ispiża tan-nuqqas ta’ azzjoni fil-politika tat-taxxa fil-livell tal-UE hija għolja. L-ispiża tal-progress bil-mod fuq ir-reġim definittiv tal-VAT, il-BKKTK, it-Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji u t-Taxxa fuq is-Servizzi Diġitali hija stmata għal madwar EUR 292 biljun f’dawn l-erba’ oqsma 1 .

3.Kummenti ġenerali u speċifiċi

3.1Il-KESE jappoġġja l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li tagħti bidu għal dibattitu meħtieġ, minħabba s-sensittivitajiet tal-VMK fil-kwistjonijiet tat-taxxa. Fis-seklu 21, politika tat-tassazzjoni ta’ suċċess għandha tippermetti lill-UE tindirizza l-isfidi ekonomiċi u finanzjarji li jistgħu, u li se jinqalgħu, fil-futur. Ir-regola tal-unanimità fit-tassazzjoni għamlet sens fis-snin ħamsin, b’sitt Stati Membri; issa, madankollu, tista’ tidher dejjem aktar bħala politikament anakronistika, legalment problematika u ekonomikament kontroproduttiva.

3.2F’Opinjonijiet preċedenti oħra, il-Kumitat kien diġà wera li huwa favur bidla fir-regola tal-unanimità u li jkun miftuħ għal approċċ ta’ maġġoranza kwalifikata 2 . Il-KESE qed joħroġ din l-Opinjoni filwaqt li jqis dan l-isfond u jikkunsidra r-rwol tiegħu bħala korp li jixtieq javvanza l-proġett Ewropew.

3.3Fl-istess ħin, il-KESE jqis li, fiċ-ċirkustanzi attwali, hemm ċerti kundizzjonijiet relatati ma’ kuntest usa’ li jridu jiġu ssodisfati sabiex il-VMK tiġi implimentata b’suċċess.

3.4Il-KESE huwa tal-fehma li, meta jiġi deċiż, l-implimentazzjoni tal-erba’ passi proposti għandha tkun gradwali u l-Kummissjoni Ewropea għandha twettaq evalwazzjoni bir-reqqa u komprensiva wara kull implimentazzjoni.

3.5L-unanimità fit-tassazzjoni kellha impatt fuq prijoritajiet ta’ politika oħra usa’ tal-UE. It-tassazzjoni hija essenzjali wkoll għal ħafna mill-proġetti tal-UE l-aktar ambizzjużi, fosthom l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM), l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU), is-Suq Uniku Diġitali, il-Qafas tal-2030 dwar il-klima u l-enerġija u l-Ekonomija Ċirkolari. Il-proposta tal-Kummissjoni biex tirrevedi d-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija hija eżempju ieħor.

3.6Bidla gradwali għal VMK tgħin biex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali b’mod aktar effettiv fi żmien meta l-azzjoni dwar it-tibdil fil-klima hija aktar urġenti minn qatt qabel. Data mill-Eurostat tissuġġerixxi li, bħala medja, il-pajjiżi tal-UE jakkwistaw biss madwar 6 % tad-dħul totali mit-taxxi tagħhom mit-taxxi ambjentali. Il-maġġoranza l-kbira ta’ dan huwa minn taxxi relatati mal-enerġija u t-trasport, bi dħul minimu minn taxxi fuq it-tniġġis jew l-użu tar-riżorsi (inqas minn 0,1 %) 3 .

3.7Wara diskussjoni għal dawn l-aħħar 20 sena, il-Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) proposta, jekk imfassla u introdotta b’mod xieraq, tinkludi benefiċċji sinifikanti għan-negozji u ċ-ċittadini. Se jkun hemm tnaqqis fl-ispejjeż ta’ konformità u kumplessità għal negozji akbar (u dawk li ddeċidew li jkunu inklużi) li jagħmlu kummerċ fl-UE. Il-BKKTK jista’ jkollha rwol ewlieni fil-ġlieda kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u tgħin biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja fis-sistema tat-taxxa min-naħa taċ-ċittadini 4 .

3.8Il-KESE jappoġġja riforma tat-taxxa fuq il-valur miżjud tal-UE (VAT). Fin-nuqqas ta’ ftehim dwar din il-kwistjoni, kull sena ma jinġabrux EUR 147 biljun f’VAT minħabba l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u nuqqas ta’ effikaċja fil-ġbir ta’ dħul mill-Istati Membri. Is-sistema attwali hija frammentata u kumplessa ħafna u sussegwentement tnaqqas u tfixkel il-kummerċ u l-investimenti billi toħloq piżijiet amministrattivi u ostakli tal-kummerċ żejda u estensivi għan-negozji 5 . Il-frodi tal-VAT bħalissa tiswa lill-baġits pubbliċi madwar EUR 50 biljun fis-sena.

3.9Il-politiki tat-tassazzjoni diverġenti li nqalgħu fis-Suq Uniku għandhom effetti negattivi. Il-frammentazzjoni ddgħajjef l-unità tas-Suq Uniku u tiġġenera spejjeż ogħla għall-bażijiet tat-taxxa bħalma huma x-xogħol, l-introjtu u l-konsum. Essenzjalment, il-ħaddiema u l-konsumaturi fl-Ewropa kollha qegħdin iħallsu għan-nuqqas ta’ kunsens fost l-Istati Membri. Barra minn hekk, sistemi tat-taxxa diverġenti huma ostaklu għall-SMEs li jippruvaw jagħmlu kummerċ fis-Suq Uniku.

3.10Il-KESE huwa konxju li l-politika tat-taxxa dejjem kienet marbuta mill-qrib mas-sovranità tal-Istati Membri, peress li hija ta’ importanza kbira għal ċerti minnhom.

3.11Il-Proġett tal-OECD dwar l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitti (BEPS) 6 identifika li l-iskala tal-BEPS, qabel ma ġiet introdotta kwalunkwe miżura li tiġġieled il-frodi, globalment tammonta għal USD 100-240 biljun 7 . Is-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew ikkalkula li ċ-ċifri rilevanti għall-UE se jkunu bejn EUR 50-70 biljun 8 . Dan huwa ekwivalenti għal 0,35 % tal-PDG tal-UE.

3.12Bħalissa r-rwol politiku tal-Parlament Ewropew fi kwistjonijiet ta’ taxxa huwa sempliċement konsultattiv fir-rigward tar-reazzjonijiet ta’ politika tat-tassazzjoni. Jekk tiġi adottata bidla minn unanimità għal VMK fir-rigward tat-tassazzjoni, il-Parlament Ewropew jista’ jkollu rwol importanti fil-kwistjonijiet tat-taxxa.

3.13Il-Kummissjoni għandha l-għan li tiftaħ dibattitu dwar kif l-aħjar li tirriforma l-mod kif l-UE teżerċita l-kompetenzi allokati minn qabel tagħha fil-qasam tat-tassazzjoni. It-tranżizzjoni progressiva għall-applikazzjoni sħiħa tal-VMK hija proposta li sseħħ f’oqsma ta’ politika speċifiċi ta’ interess speċjali għall-Istati Membri kollha. Bil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ma tipprovax toħloq kompetenzi ġodda għall-UE. Lanqas ma għandha l-għan li tagħmel tranżizzjoni lejn sistema armonizzata ta’ rati tat-taxxa personali u korporattivi madwar l-UE.

3.14Il-kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa ta’ spiss twassal għal żieda fil-pressjoni fuq il-baġits pubbliċi. F’dan il-każ, dan mhux biss japprofondixxi l-iżbilanċi distributtivi mifruxa iżda wkoll idgħajjef il-lat tad-domanda, u b’hekk isir ta’ ħsara għall-iżvilupp ekonomiku. Fil-kuntest tal-kriżijiet tal-euro, minħabba restrizzjonijiet baġitarji, ġew stabbiliti politiki stretti ta’ awsterità.

3.15Il-kompetittività u l-istabbiltà baġitarja. Barra minn hekk, baġits pubbliċi stretti ta’ sikwit jagħmlu pressjoni fuq il-kompetittività minħabba n-nuqqas ta’ opportunitajiet biex jiffinanzjaw investimenti futuri, pereżempju, fl-infrastruttura, fid-diġitalizzazzjoni u fir-riċerka u l-iżvilupp. Fl-aħħar nett, hemm ukoll interdipendenzi bejn l-istabbiltà baġitarja u l-istabbiltà tas-suq finanzjarju.

3.16Miżuri kontra l-evitar tat-taxxa. Il-KESE jemmen li r-rwol tal-Unjoni Ewropea huwa essenzjali fi kwistjonijiet ta’ importanza globali. Għalkemm fl-imgħoddi, xi Stati Membri użaw il-kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa biex isolvu xi problemi finanzjarji interni, l-adozzjoni reċenti ta’ miżuri kontra l-evitar tat-taxxa wriet li hemm ftuħ u rieda biex jissaħħu l-kompetizzjoni trasparenti u ġusta tat-taxxa.

3.17Il-politika fiskali tal-UE. Il-KESE jemmen bis-saħħa li l-proġett Ewropew huwa bbażat fuq il-kundizzjoni li l-Istati Membri kollha għandhom f’kull ħin ikollhom biżżejjed possibilitajiet biex jieħdu sehem fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. L-għan ewlieni huwa li jinħoloq ambjent vantaġġuż, kemm għall-UE kif ukoll għall-Istati Membri individwali.

3.18L-ippjanar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa

3.18.1Il-KESE jenfasizza – u jilqa’ l-progress li sar fil-livell tal-UE fil-ġlieda kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa, u fit-titjib tas-sistema tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT). Matul il-mandat attwali tal-Kummissjoni, ġew adottati madwar 14-il proposta fil-qasam tat-taxxa, aktar milli fl-20 sena preċedenti 9 . Ir-regoli tat-trasparenza ġew imsaħħa biex jinkludu ħafna aktar skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar l-affarijiet tat-taxxa transkonfinali taċ-ċittadini u n-negozji l-kbar. Il-ġbir tal-VAT ġie mtejjeb b’regoli ġodda għall-bejgħ onlajn ta’ oġġetti u servizzi, kif ukoll għodod ta’ kooperazzjoni transkonfinali ġodda biex jiġi indirizzat il-frodi tal-VAT 10 .

3.18.2In-nuqqas ta’ progress f’xi oqsma. Il-KESE għandu jindika li ma sar l-ebda progress kbir fil-livell Ewropew fir-riforma tat-tassazzjoni korporattiva, l-aktar minħabba nuqqas ta’ rieda politika fil-Kunsill. Barra minn hekk, proposti importanti dwar it-tassazzjoni tas-servizzi diġitali u l-evitar tat-taxxa ġew imblukkati minħabba s-sistema ta’ votazzjoni b’unanimità.

3.18.3Il-KESE jikkunsidra li l-politika tat-tassazzjoni b’mod ġenerali u l-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa għandhom jibqgħu qasam prijoritarju ta’ politika għall-Kummissjoni li jmiss. Filwaqt li jitqiesu l-bosta skandli ta’ rifuġji fiskali (LuxLeaks, Panama Papers, Paradise Papers eċċ.) u b’referenza għall-aħħar stimi ta’ evażjoni tat-taxxa fl-UE li jindikaw ċifra ta’ madwar EUR 825 biljun fis-sena 11 , il-KESE jitlob għal skeda ta’ żmien stretta.

3.18.4L-aħjar riżultati kontra l-frodi tat-taxxa transkonfinali jistgħu jinkisbu fil-livell Ewropew. Il-KESE jikkritika l-fatt li proposti leġislattivi importanti dwar din il-kwistjoni ġew imblukkati mill-Kunsill. Stħarriġ reċenti tal-Ewrobarometru juri li tliet kwarti taċ-ċittadini tal-UE jemmnu li l-ġlieda kontra l-abbuż tat-taxxa għandha tkun prijorità Ewropea 12 .

3.18.5Ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx. Il-KESE jilqa’ l-pubblikazzjoni għall-ewwel darba f’Diċembru 2017 tal-lista tal-UE ta’ ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa u r-reviżjoni tagħha minn dakinhar ’l hawn 13 . Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-metodu tal-“Lista s-Sewda” u l-“Lista l-Griża” introdott mill-Kummissjoni Ewropea 14 . Fid-dawl tal-iskandli tal-“Panama Papers” u tal-“Paradise Papers”, il-KESE diġà ħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħlqu l-lakuni għall-ippjanar aggressiv tat-taxxa 15 . Ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx huma ta’ theddida għas-suq intern tal-UE 16 .

3.19Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal proċess usa’ sabiex possibbiliment isir progress lejn VMK li se jieħu ż-żmien u għandu jkun sinkronizzat ma’ inizjattivi ta’ politika oħrajn.

3.19.1Baġit tal-UE b’saħħtu biżżejjed jippermetti trasferimenti finanzjarji bħala kumpens għal xokkijiet jew żvantaġġi komparattivi. F’dan ir-rigward, il-Grupp ta’ Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji stabbilit biex jeżamina “kif in-naħa tad-dħul tal-baġit tal-UE tista’ ssir aktar sempliċi, trasparenti, ġusta u demokratikament responsabbli”, jenfasizza l-importanza ta’ politika fiskali Ewropea 17 .

3.19.2Politika ekonomika kkoordinata aħjar tista’ tneħħi l-ħtieġa ta’ kontrobilanċ tar-regoli tat-taxxa nazzjonali mhux koordinati. L-ekonomija tal-UE se tkun aktar effettiva f’kuntest ta’ riformi strutturali, investiment immirat, tassazzjoni ġusta, ftehimiet ta’ kummerċ ġust, il-kisba mill-ġdid tat-tmexxija fl-innovazzjoni, u l-ikkompletar tas-Suq Uniku.

3.19.3Madankollu huwa wkoll ta’ importanza vitali li jitwettaq is-Suq Uniku. Ir-regoli dwar in-nondiskriminazzjoni u l-erba’ libertajiet garantiti mit-Trattat għandhom diġà jiżguraw it-twettiq tal-kundizzjonijiet għal Suq Uniku. L-iżviluppi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u n-numru ta’ każijiet ta’ ksur urew ukoll li l-Kummissjoni għandha mezzi biex tikkoreġi tali distorsjonijiet. Ikun hemm bżonn ta’ xogħol analitiku sostanzjali li jivvaluta sa fejn il-miżuri attwali fil-qasam tat-taxxa ma kinux biżżejjed.

Brussell, 2 ta’ Lulju 2019

Stefano Palmieri
Il-President tas-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

_____________

(1)       COM(2019) 8 final, p. 4 .
(2)    Opinjoni tal-KESE ĠU C 230, 14.7.2015, p. 24 ; Opinjoni tal-KESE ĠU C 434, 15.12.2017, p. 18 ; Opinjoni tal-KESE ĠU C 271, 19.9.2013, p. 23 ; Opinjoni tal-KESE ĠU C 332, 8.10.2015, p. 8 .
(3)    Euractiv - Time to get rid of EU’s unanimity rule on green fiscal matters (Wasal iż-żmien li neħilsu mir-regola tal-unanimità tal-UE dwar kwistjonijiet fiskali ekoloġiċi) .
(4)      Opinjoni tal-KESE ĠU C 434, 15.12.2017, p. 58 .
(5)      Opinjoni tal-KESE ĠU C 237, 6.7.2018, p. 40 .
(6)       https://www.oecd.org/tax/beps/  
(7)       http://www.oecd.org/ctp/oecd-presents-outputs-of-oecd-g20-beps-project-for-discussion-at-g20-finance-ministers-meeting.htm
(8)       http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-16-160_en.htm
(9)      Il-Kummissarju Moscovici, tweet fit-13 ta’ Frar 2019.
(10)    Opinjonijiet tal-KESE: ĠU C 237, 6.7.2018, p. 40 ; ĠU C 283, 10.8.2018, p. 35 .
(11)    Il-Parlament Ewropew – Rapport dwar il-kriminalità finanzjarja, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa
(12)       Aħbarijiet tal-Parlament Ewropew: Frodi tat-taxxa .
(13)       https://www.consilium.europa.eu/media/31945/st15429en17.pdf
(14)       https://www.oxfam.org/en/even-it/full-disclosure-eus-blacklist-tax-havens
(15)       https://www.eesc.europa.eu/es/node/56888
(16)      Opinjoni tal-KESE ĠU C 229, 31.07.2012, p. 7 .
(17)      L-Iffinanzjar Futur tal-UE (“Ir-Rapport Monti”). Diċembru 2016.