MT

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

INT/878

Standardizzazzjoni Ewropea għall-2019

OPINJONI 

Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum


Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-programm ta' ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea għall-2019 
[COM(2018) 686 final]

Amministratur

Jean-Pierre FAURE

Data tad-dokument

11/03/2019

Relatur: Elżbieta SZADZIŃSKA

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 14/12/2018

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

07/03/2019

Adottata fil-plenarja

DD/MM/YYYY

Sessjoni plenarja Nru

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

…/…/…



1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-programm ta’ ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea għall-2019, li jġib miegħu ħafna titjib meta mqabbel mal-pakkett ta’ standardizzazzjoni tal-2011. Għalkemm il-ħidma fuq din l-inizjattiva se tiġi ffinalizzata fl-2019, il-programm ta’ ħidma annwali jinkludi oqsma li għandhom jiġu indirizzati mill-Kummissjoni attwali matul l-aħħar sena ta’ implimentazzjoni.

1.2Kull sena, il-Kumitat jippreżenta fl-opinjonijiet tiegħu l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar il-programmi ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni, peress li huwa konxju tal-importanza tal-istandards għat-tisħiħ tal-kompetittività fis-suq intern, għall-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi innovattivi u għat-titjib tal-kwalità u s-sikurezza tagħhom għall-benefiċċju tal-konsumaturi, tan-negozji u tal-ambjent 1 . Din l-opinjoni hija marbuta mal-Opinjoni dwar “Standards armonizzati” 2 .

1.3Il-Kumitat jieħu nota tal-progress li sar fl-iżgurar tal-inklużjoni u t-trasparenza tas-sistema Ewropea tal-istandardizzazzjoni bħala riżultat tal-parteċipazzjoni attiva tal-organizzazzjonijiet elenkati fl-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012. L-involviment tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fis-sistema ta’ standardizzazzjoni m’għandux ikun ristrett għal-livelli Ewropej u nazzjonali. Il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħidma internazzjonali ta’ standardizzazzjoni għandha tiġi appoġġjata, estiża u promossa wkoll.

1.3.1Il-KESE jilqa’ l-miżuri tal-Kummissjoni biex tippromovi l-involviment tal-partijiet interessati fil-ħidma ta’ standardizzazzjoni, b’mod partikolari permezz tal-programm Orizzont 2020. Madankollu, il-Kumitat jirrakkomanda li jissaħħaħ il-mekkaniżmu attwali u li tingħata aktar informazzjoni dwar il-possibilitajiet eżistenti. Dan se jippermetti lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju biex jipparteċipaw mhux biss fil-ħolqien ta’ standards, iżda wkoll fl-implimentazzjoni tagħhom.

1.3.2Il-koerenza bejn l-istandards Ewropej u internazzjonali tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-pożizzjoni kompetittiva tal-industrija tal-UE fil-katina tal-valur globali. Għal din ir-raġuni, il-Kumitat jappoġġja d-djalogu tal-Kummissjoni mal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni, id-WTO u fora internazzjonali oħra. F’dan il-kuntest, il-Kumitat jappoġġja l-isforzi u l-inizjattivi kollha tal-Kummissjoni biex tħaffef u ssaħħaħ l-effettività tal-proċessi ta’ standardizzazzjoni sabiex tipproteġi u tippromovi standards Ewropej aħjar fil-livell internazzjonali 3 .

1.4Is-sistema ta’ standardizzazzjoni Ewropea hija bbażata fuq sħubija pubblika-privata. L-orjentazzjoni bażika tal-iżvilupp futur tagħha ġiet deskritta fil-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni. Il-Kumitat jittama li tkun involuta firxa wiesgħa kemm jista’ jkun ta’ partijiet interessati fis-sħubija.

1.5Il-programm ta’ ħidma ta’ din is-sena huwa kkaratterizzat mid-djalogu interistituzzjonali. Il-Kumitat jemmen li t-tkomplija tad-djalogu se tkompli tikkontribwixxi għat-tisħiħ tas-sistema ta’ standardizzazzjoni Ewropea. Fl-Opinjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-istandardizzazzjoni, il-Kumitat esprima r-rieda tiegħu li jwaqqaf forum ad hoc li jinvolvi firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati 4 .

1.6Il-programm jidentifika oqsma rilevanti għall-istandardizzazzjoni: l-enerġija, l-ekonomija ċirkolari, id-difiża, is-sigurtà, is-suq intern, is-suq uniku diġitali u l-kooperazzjoni internazzjonali. Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-oqsma magħżula huma adatti.

1.7Il-Kumitat jistenna bil-ħerqa r-riżultati tal-istudju dwar l-impatt tal-istandards fuq l-ekonomija u s-soċjetà. Fil-fehma tal-Kumitat, dan l-istudju għandu jqis ukoll l-effetti indiretti tal-istandardizzazzjoni (pereżempju fil-qasam tal-impjiegi) 5 . Barra minn hekk, l-evalwazzjoni ex post għandha tkun importanti wkoll għat-tfassil ta’ strateġiji u programmi ta’ standardizzazzjoni.

1.8Il-KESE jtenni t-talba tiegħu għal monitoraġġ bir-reqqa tal-azzjonijiet tal-partijiet interessati ewlenin tal-istandardizzazzjoni, bil-għan li tiġi involuta l-aktar firxa wiesgħa possibbli ta’ atturi fis-sistema Ewropea tal-istandardizzazzjoni. B’mod partikolari, il-KESE jista’ jwaqqaf forum ad hoc għall-parteċipazzjoni ta’ firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati fis-sistema Ewropea tal-istandardizzazzjoni. Dan il-korp ikun responsabbli għall-organizzazzjoni ta’ seduta pubblika annwali sabiex jiġi vvalutat il-progress li jkun sar f’dan il-qasam 6 .

2.Il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea

2.1Skont ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012, il-Kummissjoni ppreżentat fil-Komunikazzjoni tagħha l-programm ta' ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni għall-2019.

2.2Prijoritajiet strateġiċi għall-istandardizzazzjoni Ewropea li jappoġġjaw il-leġislazzjoni u l-politiki tal-Unjoni:

-Azzjonijiet li jappoġġjaw l-istrateġija għal suq uniku diġitali;

-Azzjonijiet b’appoġġ tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-klima;

-Azzjonijiet li jappoġġjaw il-pjan ta’ azzjoni għal ekonomija ċirkolari;

-Azzjonijiet li jappoġġjaw suq intern aktar ġust u aktar profond b’bażi industrijali msaħħa;

-Azzjonijiet li jappoġġjaw il-pjan ta’ azzjoni Ewropew għad-difiża;

-Azzjonijiet li jappoġġjaw l-istrateġija spazjali għall-Ewropa;

-Azzjonijiet li jappoġġjaw l-aġenda Ewropea dwar is-sigurtà.

2.3Barra minn hekk il-Kummissjoni se:

-tkompli l-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali għall-istandardizzazzjoni,

-tippromovi l-iżvilupp ta’ sħubijiet pubbliċi-privati li jinvolvu l-partijiet interessati kollha,

-teżamina l-impatt tal-istandards fuq l-ekonomija u s-soċjetà.

2.4Skont l-Artikolu 24(3) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 dwar il-preżentazzjoni ta’ rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament, il-Kummissjoni se twettaq reviżjoni tas-sistema ta’ standardizzazzjoni Ewropea sabiex tevalwa l-prestazzjoni tagħha.

2.5Il-ħidma tal-Inizjattiva Konġunta dwar l-Istandardizzazzjoni (JIS) mistennija titlesta fl-2019. Il-Kummissjoni se tanalizza r-riżultati miksuba, filwaqt li tiddistingwi tliet kategoriji:

-Is-sensibilizzazzjoni, l-edukazzjoni u l-fehim tas-sistema tal-istandardizzazzjoni Ewropea; 

-Il-koordinazzjoni, il-koperazzjoni, it-trasparenza u l-inklużività ta’ diversi atturi;

-Il-kompetittività u d-dimensjoni internazzjonali.

3.Kummenti ġenerali

3.1Il-programm ta' ħidma annwali għall-2019 jikkjarifika u jikkomplementa l-prijoritajiet li jinsabu fil-fażi tal-implimentazzjoni, sabiex is-sistema tal-istandardizzazzjoni Ewropea tiġi adattata għall-kundizzjonijiet qafas internazzjonali li qegħdin jinbidlu u għall-isfidi fis-suq globali.

3.2Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-istandardizzazzjoni se tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali billi tiffoka fuq l-oqsma li ġejjin: l-internet tal-oġġetti, il-Big Data, il-Blockchain, is-sistemi ta’ trasport intelliġenti u s-sewqan awtonomu, il-bliet intelliġenti, l-aċċessibbiltà, l-amministrazzjoni elettronika, is-saħħa elettronika u l-intelliġenza artifiċjali (IA). Barra minn hekk, l-istandardizzazzjoni l-ġdida għandha tkun kompatibbli u interoperabbli skont ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) 7 .

3.2.1Il-Kumitat jesprimi t-tama tiegħu li, f’konformità mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà u protezzjoni tad-data personali tal-atturi kollha fis-suq uniku diġitali.

3.3Fil-fehma tal-Kumitat, l-istandards u r-regoli eżistenti tas-sigurtà f’dan il-qasam għandhom jiġu aġġornati, b’mod partikolari fid-dawl tar-riskji ġodda involuti. L-istandards il-ġodda jkunu mistennija li jnaqqsu l-impatt negattiv tar-robotika u l-IA fuq il-ħajja tan-nies 8 .

3.4Ir-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà għandhom jiżguraw li l-applikazzjonijiet ġodda tal-IA ma jippreżentaw l-ebda riskju għall-utenti (eż. attakki ċibernetiċi fuq skala kbira, insegwiment tal-konsumaturi jew attakki ta’ hacking). Għal dan il-għan, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA), bil-mandat permanenti tagħha, għandu jkollha rwol ewlieni, b’mod partikolari fil-qasam tal-istandardizzazzjoni taċ-ċibersigurtà 9 .

3.5Il-KESE jappoġġja l-proposta biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO 2 fis-settur tat-trasport. Dan għandu jikkontribwixxi, fost l-oħrajn, għal konsum aktar effiċjenti ta’ fjuwil u enerġija minn vetturi, li għandu jwassal ukoll għal tnaqqis fl-ispejjeż għall-utenti. Minħabba l-għadd dejjem jikber ta’ vetturi awtomatizzati se jkun hemm bżonn ukoll ta’ regoli armonizzati, peress li dawn il-vetturi huma esposti għal riskji għoljin (attakki ċibernetiċi, protezzjoni tad-data, responsabbiltà f’każ ta’ inċident) 10 .

3.5.1Fl-Opinjoni preċedenti tiegħu, il-Kumitat laqa’ t-tielet pakkett ta’ mobbiltà bħala pass tajjeb lejn mobbiltà sostenibbli għall-Ewropa 11 .

3.6Il-Kumitat jemmen li l-proposti dwar it-tikkettar tat-tajers 12 , dwar l-ekoloġizzazzjoni tat-trasport marittimu permezz tal-użu ta’ fjuwils alternattivi u l-estensjoni tar-rekwiżiti tal-ekodisinn 13 għal kategoriji ġodda ta’ prodotti jistgħu jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

3.7Il-Kumitat jappoġġja l-iżvilupp ta’ standards fil-qasam tal-ekonomija ċirkolari li se jikkontribwixxu għall-produzzjoni sostenibbli u b’hekk għall-protezzjoni tar-riżorsi naturali 14 .

3.8L-istandards tekniċi se jiffaċilitaw l-introduzzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi fl-industrija.

3.9Il-Kumitat jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-iżvilupp ta’ pjan ta’ azzjoni għall-istandardizzazzjoni tad-difiża mill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u l-organizzazzjonijiet Ewropej għall-istandardizzazzjoni jgħin biex jiġi żgurat suq uniku miftuħ u kompetittiv tal-UE għat-tagħmir ta’ difiża 15 . Qed isir xogħol simili fil-qasam tat-teknoloġiji spazjali 16 .

3.10Jeħtieġ li l-istandards Ewropej u internazzjonali jkunu kkoordinati. Huwa wkoll meħtieġ li jiġi promoss l-użu ta’ standards Ewropej barra l-UE. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tintensifika d-djalogu sostantiv mal-korpi internazzjonali ta’ standardizzazzjoni u n-negozjati bilaterali ma’ pajjiżi terzi mhux Ewropej.

3.11Il-Kumitat jappoġġja bil-qawwa l-intenzjoni kompletament ġusta tal-Kummissjoni li tenfasizza l-effetti pożittivi tal-involviment ta’diversi partijiet interessati fuq il-kwalità tal-istandardizzazzjoni. L-inklużjoni tal-organizzazzjonijiet elenkati fl-Anness III fil-ħidma ta’ standardizzazzjoni tirrappreżenta valur miżjud f’termini ta’ kompetittività mtejba u ġġib magħha benefiċċji għas-soċjetà kollha kemm hi.

3.12Il-KESE jtenni t-talba tiegħu għal monitoraġġ bir-reqqa tal-azzjonijiet tal-partijiet interessati ewlenin tal-istandardizzazzjoni, bil-għan li tiġi involuta l-aktar firxa wiesgħa possibbli ta’ atturi fis-sistema Ewropea tal-istandardizzazzjoni. B’mod partikolari, il-KESE jista’ jwaqqaf forum ad hoc għall-parteċipazzjoni ta’ firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati fis-sistema Ewropea tal-istandardizzazzjoni. Dan il-korp ikun responsabbli għall-organizzazzjoni ta’ seduta pubblika annwali sabiex jiġi vvalutat il-progress li jkun sar f’dan il-qasam.

Brussell, 7 ta’ Marzu 2019

Ariane RODERT

President tas-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

_____________

(1)      INT/830 – Standardizzazzjoni Ewropea għall-2018, Mendoza Castro, 2018; INT/803 – Standardizzazzjoni Ewropea għall-2017, Szadzińska, 2016; INT/794 – Standards Ewropej għas-Seklu 21, Pezzini, 2016; INT/783 – Standardizzazzjoni Ewropea għall-2016, Liebus, 2016.
(2) INT/879 - Standardizzazzjoni armonizzata, Larghi, 2019.
(3) INT/879 - Standardizzazzjoni armonizzata, Larghi, 2019.
(4)      INT/783 – Standardizzazzjoni Ewropea għall-2016, Liebus, 2016; INT/803 – Standardizzazzjoni Ewropea għall-2017, Szadzińska, 2016; INT/830 – Standardizzazzjoni Ewropea għall-2018, Mendoza Castro, 2018.
(5) INT/830, Standardizzazzjoni Ewropea għall-2018, Mendoza Castro, 2018.
(6) INT/830, Standardizzazzjoni Ewropea għall-2018, Mendoza Castro, 2018.
(7) INT/828 - Is-Suq Uniku Diġitali/Rieżami ta’ nofs it-terminu, Longo, 2017.
(8) INT/806 — L-intelliġenza artifiċjali, Muller, 2017.
(9) TEN/646 - L-Att dwar iċ-Ċibersigurtà, Mazzola u Longo, 2017.
(10)      TEN/666 – Mobbiltà sostenibbli għall-Ewropa, Barbucci, 2018; TEN/673 – Mobilità konnessa u awtomatizzata, Samm, 2018.
(11)    TEN/666 – Mobbiltà sostenibbli għall-Ewropa; Barbucci, 2018.
(12)      TEN/674 – Tikkettar tat-tajers, Edelenyi, 2018.
(13)      NAT/702 – Pjan ta’ Ħidma dwar l-Ekodisinn 2016-2019, Lohan, 2017.
(14)      NAT/676 – Il-Pakkett dwar l-Ekonomija Ċirkolari, Lohan, 2016; NAT/722 – Qafas ta' monitoraġġ għall-ekonomija ċirkolari, Lohan, 2018; NAT/721 – Strateġija dwar il-plastik f'ekonomija ċirkolari, Pezzini, 2018; NAT/742 – Plastik li jintuża darba biss, Nikolopoulou, 2018.
(15)      CCMI/149 – Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża, Moos u Pie, 2017.
(16)      CCMI/158 – Sfidi u Tibdil Industrijali fis-Settur Ajruspazjali tal-UE, Kropp u Gibellieri, 2018.