Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
SOC/611
Il-filantropija Ewropea: potenzjal mhux sfruttat
OPINJONI
Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Il-filantropija Ewropea: potenzjal mhux sfruttat
[Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Rumena]
Relatur: Petru Sorin DANDEA
|
Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Rumena tal-Kunsill
|
Ittra tal-20/09/2018
|
|
Bażi legali
|
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
|
|
|
|
|
Sezzjoni Kompetenti
|
Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza
|
|
Adottata fis-sezzjoni
|
24/04/2019
|
|
Adottata fil-plenarja
|
15/05/2019
|
|
Sessjoni plenarja nru
|
543
|
|
Riżultat
(favur/kontra/astensjonijiet)
|
132/5/15
|
1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1Il-KESE jirrikonoxxi bis-sħiħ il-valur miżjud komplementari u innovattiv li l-filantropija tista’ tagħti lill-koeżjoni soċjali billi tagħti spinta lill-valuri komuni u tagħmel lis-soċjetà tagħna aktar reżiljenti. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Istati Membri jirrikonoxxu l-filantropija bħala mod kif jintwerew l-impenn u l-wegħdiet soċjetali, jinħoloq spazju għall-filantropija u jkun hemm kuntatt ma’ atturi filantropiċi b’inizjattivi leġislattivi jew mhux leġislattivi adegwati.
1.2Il-KESE jappella lill-Istati Membri biex jistabbilixxu ambjent favorevoli għall-filantropija f’konformità mal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-UE, li jinkoraġġixxu azzjoni filantropika u taċ-ċittadini, biex il-privat jagħti donazzjoni għal kawżi ta’ benefiċċju pubbliku u l-ħolqien ta’ organizzazzjonijiet filantropiċi, kif ukoll jiżguraw li l-miżuri tas-sigurtà nazzjonali u tal-UE jkunu bbażati fuq ir-riskju, proporzjonati u bbażati fuq l-evidenza iżda wkoll jippromovu t-trasparenza f’azzjoni filantropika.
1.3L-istat soċjali u s-sigurtà soċjali nħolqu mill-Ewropa u huma l-għira tal-bqija tad-dinja. Il-Kumitat jemmen li l-Istati Membri għandhom isaħħu l-istat soċjali, il-Mudell Soċjali Ewropew, u s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali, abbażi tal-ġustizzja fiskali u politiki effettivi dwar l-impjiegi. Dan ser itejjeb il-komplementarjetà u l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet filantropiċi biex jissodisfaw il-ħtiġijiet reali tal-aktar nies vulnerabbli u biex jindirizzaw kwistjonijiet li mhumiex totalment koperti mill-istituzzjonijiet pubbliċi jew mis-settur privat.
1.4Peress li l-fluss liberu tal-kapital huwa fil-qalba tas-suq uniku tal-UE, il-KESE jqis li l-iżgurar tal-applikazzjoni legali u prattika ta’ din il-libertà fundamentali flimkien mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni biex jiġu ffaċilitati l-għoti u l-investimenti filantropiċi transkonfinali għandhom ikunu prijorità għall-UE u l-Istati Membri. Għandhom jitqiesu wkoll forom ġuridiċi sovranazzjonali biex jiġi ffaċilitat l-involviment filantropiku.
1.5L-UE tista’ tisfrutta l-impatt tar-riżorsi privati għall-ġid komuni billi tintroduċi strumenti finanzjarji, pereżempju permezz tal-programm Invest EU 2018, li jaġixxu bħala katalist għall-għoti konġunt mal-filantropija, jistimula l-investimenti konġunti u aktar investimenti b’impatt soċjali kif ukoll jipprovdi għodod ta’ garanzija biex jitnaqqsu r-riskji finanzjarji ta’ investimenti relatati mal-missjonijiet minn organizzazzjonijiet filantropiċi. Għandha tiffaċilita wkoll l-involviment fl-innovazzjoni soċjali.
2.Introduzzjoni
2.1B’modi kbar u żgħar, il-filantropija tejbet il-kundizzjonijiet tal-għajxien tan-nies tal-Ewropa u madwar id-dinja. Madwar l-Ewropa kollha, l-individwi, il-familji, l-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u n-negozji jikkontribwixxu għall-ġid komuni, u jieħdu sehem fi tradizzjoni li ilha li tavvanza l-umanità komuni tagħna bi rwol komplemetari u ċar għall-istat.
2.2L-għoti individwali, fil-forom kollha tiegħu, probabbilment huwa antik daqs l-interazzjoni umana, filwaqt li l-oriġini tal-għoti organizzat (fil-forma ta’ fondazzjonijiet, pereżempju) f’ħafna pajjiżi Ewropej imur lura għall-Imperu Ruman. Fl-istess waqt, l-Ewropa hija kontinent varjat u l-filantropija tiddependi mid-differenzi fl-istorja u l-kultura, mill-kundizzjonijiet ekonomiċi u politiċi u mir-regoli.
2.3Illum, il-filantropija hija forma waħda ta’ turija ta’ impenn soċjali, impenn għall-ġid pubbliku, is-solidarjetà u ċ-ċittadinanza attiva. L-individwi huma fil-qalba tal-filantropija: huma liberi li jikkontribwixxu r-riżorsi privati tagħhom lill-kawżi ta' benefiċċju pubbliku u li jagħmlu dan billi jappoġġjaw jew joħolqu organizzazzjonijiet filantropiċi marbuta bil-prinċipji tat-trasparenza u r-responsabbiltà.
2.4Il-flussi filantropiċi huma protetti mil-libertajiet tat-Trattat tal-UE. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u speċifikament id-dritt ta’ assoċjazzjoni jagħtu liċ-ċittadini l-libertà li joħolqu u jorganizzaw strutturi għall-filantropija. Ħafna minnhom jippromovu l-valuri tal-UE kif deskritti fl-Artikolu 2 tat-Trattat tal-UE, li jinkludu r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt.
2.5Il-filantropija għandha l-għan li toħloq soċjetà ffokata fuq il-koeżjoni soċjali, iċ-ċittadinanza attiva, is-sodisfazzjon u l-opportunitajiet indaqs. Dawn huma valuri importanti għas-soċjetà tagħna. L-għadab għall-inġustizzja, l-indukrar ta’ dawk li huma l-aktar vulnerabbli, il-kompassjoni, l-aspirazzjonijiet għal futur innovattiv u r-responsabbiltà għall-preservazzjoni ta’ natura u kultura prezzjuża huma s-sors ta’ dan kollu. Immotivati minn dawn il-valuri, ħafna individwi u organizzazzjonijiet filantropiċi joffru soluzzjonijiet u riżultati tanġibbli.
2.6Is-settur filantropiku tal-Ewropa huwa magħmul minn diversi tipi ta’ donaturi u entitajiet filantropiċi. Għalkemm m’hemmx studju wieħed, aġġornat u komprensiv dwar il-filantropija Ewropea li jkopri l-Istati Membri kollha tal-UE, għandna xi data indikattiva dwar is-settur. Fl-2016, data miġbura min-Netwerk tad-Donaturi u l-Fondazzjonijiet fl-Ewropa (DAFNE) u analizzata miċ-Ċentru tal-Fondazzjoni tal-Istati Uniti indikat li hemm aktar minn 147 000 “fondazzjoni ta’ benefiċċju pubbliku” reġistrati fl-Ewropa, bi nfiq annwali kkombinat ta’ kważi EUR 60 biljun. Dawn iċ-ċifri huma bbażati fuq l-aħħar data disponibbli minn 24 pajjiż Ewropew, inklużi 18-il Stat Membru tal-UE. Fl-2017, studju ppubblikat min-Netwerk Ewropew tar-Riċerka dwar il-Filantropija pprovda ħarsa ġenerali komprensiva lejn l-għoti filantropiku mill-unitajiet domestiċi, il-korporazzjonijiet, il-fondazzjonijiet ta’ benefiċċju pubbliku u l-lotteriji għall-karità f’20 pajjiż Ewropew (19-il Stat Membru tal-UE u l-Iżvizzera) abbażi ta’ sorsi tad-data mill-2013. Għal dawn l-20 pajjiż, huwa stmat li l-kontribuzzjonijiet filantropiċi fl-Ewropa jammontaw għal mill-inqas EUR 87,5 biljun fis-sena (l-istima l-aktar baxxa).
3.Rwol u valur
3.1Inizjattivi filantropiċi jindirizzaw kwistjonijiet tas-soċjetà fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali, Ewropew u internazzjonali. L-għoti filantropiku jkopri kawżi ta' benefiċċju pubbliku, mill-promozzjoni tal-pluralità tal-ideat, is-soċjetajiet inklużivi, l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltajiet, ir-Rom u l-migranti, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt għall-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni, il-kwistjonijiet ambjentali, l-arti u l-kultura, in-negozji ġodda u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali fl-oqsma kollha rilevanti għall-UE.
3.2In-natura diversa tal-filantropija tfisser li s-settur huwa kapaċi jindividwa, jintervjeni u jappoġġja oqsma ta' interess speċifiku meta l-atturi tas-suq u tal-gvern ikollhom aktar diffikultà biex jagħmlu dan. Ħafna drabi dawn jaġixxu bħala katalisti għall-innovazzjoni u l-ideat ġodda. L-azzjoni filantropika hija vantaġġ meta wieħed jiġi biex jiskopri u jipprova metodoloġiji ġodda biex jiġu solvuti kwistjonijiet tas-soċjetà. Il-filantropija tipprova, spiss tirnexxi, u xi kultant tfalli iżda dejjem ser titgħallem u taqsam l-aħjar prattiki tagħha.
3.3F’ħafna każijiet, l-atturi pubbliċi (bħall-gvernijiet nazzjonali u l-awtoritajiet lokali) u l-atturi filantropiċi jaħdmu fi sħubija biex jikkomplementaw lil xulxin f’attivitajiet li jżommu lis-soċjetà tagħna b’saħħitha. Il-filantropija ser iżżid l-impatt tagħha jekk tista’ tiġi appoġġjata mill-awtoritajiet pubbliċi. Il-KESE huwa konxju li l-filantropija tgħin lin-nies, iżda mhijiex parti mill-“mudell soċjali Ewropew” (protezzjoni soċjali bbażata fuq is-solidarjetà, servizzi pubbliċi, djalogu soċjali) u ma tistax teħodlu postu. Huwa konxju wkoll li l-filantropija tista’ tonqos lil dawk l-aktar fil-bżonn. Jirrakkomanda li s-sistemi solidali ta’ protezzjoni soċjali jiġu ppreservati u żviluppati, u jirrikonoxxi l-għajnuna li jipprovdu l-organizzazzjonijiet filantropiċi lil dawn il-popolazzjonijiet.
3.4Il-filantropija hija miftuħa għal kulħadd; kulħadd jista’ jagħti. Miljuni ta’ donaturi u finanzjaturi individwali u korporattivi diġà huma impenjati fl-Ewropa kull sena. Primarjament dan huwa dwar il-passjoni, il-gratitudni u l-impenn għal kwistjonijiet tas-soċjetà fil-komplementarjetà mal-azzjoni pubblika. Hemm ħafna modi kif individwi u organizzazzjonijiet, inklużi l-kumpaniji, jistgħu jagħtu lil kawżi ta’ benefiċċju pubbliku. Dawn ivarjaw minn għotjiet/donazzjonijiet filantropiċi jew investimenti b’impatt soċjali sal-ħolqien ta’ fondi orjentati mid-donatur jew il-ħolqien ta’ organizzazzjoni filantropika privata indipendenti b’viżjoni fit-tul.
3.5Il-kwistjonijiet filantropiċi huma transnazzjonali, transkonfinali u Ewropej: il-kwistjonijiet ta’ benefiċċju pubbliku (bħat-tibdil fil-klima u r-riskji tas-saħħa) ma jieqfux fil-fruntieri u l-Ewropej qegħdin jivvjaġġaw dejjem aktar. L-organizzazzjonijiet filantropiċi u d-donaturi għalhekk jaħdmu dejjem aktar fuq iż-żewġ naħat tal-fruntieri u f’kollaborazzjoni ma’ msieħba minn madwar l-Ewropa kollha, minkejja l-eżistenza ta’ ostakli legali għall-filantropija transkonfinali. L-atturi filantropiċi huma impenjati wkoll għall-valuri u l-inizjattivi globali bħall-SDGs u l-ftehim dwar il-klima u jippromovu l-implimentazzjoni tagħhom fil-livell tal-UE, nazzjonali u lokali.
3.6Fondazzjonijiet u organizzazzjonijiet filantropiċi oħra jistgħu jaġixxu ta’ “promoturi”, u jgħaqqdu flimkien lid-diversi partijiet interessati meħtieġa biex isolvu sfida partikolari.
3.7Xi gvernijiet nazzjonali qegħdin jintroduċu jew jikkunsidraw li jintroduċu regoli aktar stretti li qed inaqqsu l-ispazju operattiv għall-filantropija, taħt il-pressjoni tad-diskors pubbliku dejjem aktar negattiv fir-rigward tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Il-mekkaniżmi li jippromovu l-filantropija u ambjent globali abilitanti huma madankollu essenzjali biex tinħoloq kultura tal-għoti. Il-limitazzjoni tal-ispazju operattiv tista’ twassal għal żieda fl-isfiduċja pubblika tar-rwol siewi moqdi mis-soċjetà ċivili fil-promozzjoni tal-iżvilupp tas-soċjetà kollha kemm hi.
4.L-ostakli li għandhom jingħelbu sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-filantropija fl-Ewropa
4.1Biex tillibera l-potenzjal sħiħ tagħha, il-filantropija u l-forom organizzati tagħha jeħtieġu ambjent favorevoli fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri. Dan jinkludi kultura soċjali favorevoli u ambjent legali li jistimula l-involviment filantropiku. L-istudju li twettaq fl-2018 minn Oonagh Breen intitolat Enlarging the Space for European Philanthropy żvela li filwaqt li l-kumpaniji jistgħu, fi ħdan is-suq uniku tal-UE, jiċċaqilqu b’mod liberu bejn il-fruntieri għall-flussi ta’ kapital bi profitt mingħajr restrizzjonijiet żejda, dan għadu mhux il-każ għall-organizzazzjonijiet filantropiċi u l-flussi filantropiċi. Barra minn hekk, żviluppi inkwetanti dwar l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet ta’ finanzjament barrani f’xi pajjiżi tal-UE u dejjem aktar pressjoni fuq l-aġenda tas-sigurtà qed jikkontestaw il-marġni ta’ manuvra operattiv.
4.2Il-filantropija organizzata hija msieħeb ewlieni fid-djalogu ċivili, li teħtieġ infurzar aktar b’saħħtu. L-organizzazzjonijiet filantropiċi u d-donaturi qegħdin dejjem aktar jaħdmu bejn il-fruntieri u f’kollaborazzjoni mal-imsieħba iżda jiltaqgħu ma’ diversi ostakli legali, amministrattivi u fiskali:
-L-ewwel nett, l-organizzazzjonijiet filantropiċi xi kultant iridu jirreġistraw qabel ma jkunu jistgħu joperaw f’pajjiż ieħor. Il-personalità ġuridika mhux dejjem tiġi rikonoxxuta barra mill-pajjiż.
-It-tieni nett, ma hemm l-ebda dispożizzjoni legali fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi biex il-kwartieri ġenerali tal-organizzazzjoni filantropika jiġu trasferiti f’pajjiż ieħor u għalhekk dan il-proċess jinvolvi livell għoli ta’ inċertezza legali.
-L-entitajiet filantropiċi ma jistgħux jingħaqdu lil hinn mill-fruntieri bħalma jistgħu jagħmlu l-kumpaniji.
-Il-gvernijiet għandhom joqogħdu lura milli jneħħu l-inċentivi previsti għal donazzjonijiet u sponsorizzazzjonijiet għall-organizzazzjonijiet filantropiċi inklużi f’kuntesti transkonfinali, speċjalment għal dawk li joffru servizzi li mhumiex koperti mis-suq jew mill-awtoritajiet pubbliċi.
-Hemm ukoll ostakli fiskali u amministrattivi li jxekklu l-ħidma, speċjalment għall-filantropija transkonfinali, peress li l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni fiskali għadu mhux implimentat b’mod ugwali u b’mod sinifikanti mill-Istati Membri għall-filantropija transkonfinali.
4.3Barra minn hekk, qed naraw restrizzjonijiet fuq il-finanzjament barrani, meta l-finanzjament filantropiku għandu jiċċirkola liberament skont il-prinċipju tal-UE tal-moviment liberu tal-kapital u f’xi okkażjonijiet, il-politiki ta’ sigurtà fil-livell nazzjonali u tal-UE jiddubitaw il-marġni ta’ manuvra. Filwaqt li l-aġenda ta’ sigurtà hija ta’ importanza kbira u tħassib konġunt, hemm bżonn ta’ kawtela fir-rigward ta’ konsegwenzi potenzjali mhux intenzjonati għas-settur. Il-miżuri ta’ politika għandhom ikunu bbażati fuq ir-riskji u jkunu proporzjonati.
4.4Is-settur filantropiku huwa attiv ukoll fl-indirizzar tal-estremiżmu u fl-għoti ta’ appoġġ umanitarju. L-għarfien u l-kompetenza tiegħu huma ta’ vantaġġ sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi.
4.5L-ambjent politiku: fil-livell nazzjonali u speċjalment f’dak Ewropew, jeħtieġ li tittejjeb il-perċezzjoni tar-rwol komplementari li taqdi l-filantropija fir-rigward tal-azzjoni pubblika. Il-filantropija għadha relattivament nieqsa mid-dibattitu fl-istituzzjonijiet Ewropej.
5.It-tkabbir filantropiku u l-potenzjal
5.1Il-filantropija qed tikber b’rata mgħaġġla. Fl-aħħar deċennju, għadd dejjem akbar ta’ inizjattivi privati indirizzaw kwistjonijiet tas-soċjetà li l-gvernijiet u l-atturi ekonomiċi għandhom diffikultà biex isolvu waħedhom u saru pedament kruċjali għas-soċjetà tagħna. Il-KESE jiddispjaċih dwar l-impatt negattiv li kellha l-kapaċità mnaqqsa tal-gvernijiet li jipprovdu protezzjoni u servizzi soċjali liċ-ċittadini tagħhom. F’dan il-kuntest, it-tisħiħ tal-kondizzjonijiet li taħthom tista' tiffjorixxi l-filantropija huwa kwistjoni attwali ħafna. L-organizzazzjonijiet filantropiċi moderni Ewropej m’ilhomx fis-seħħ. In-numru ta’ fondazzjonijiet ta’ benefiċċju pubbliku żdied b’rata mgħaġġla tul dawn l-aħħar għoxrin sa tletin sena. Pereżempju, bejn l-2001 u l-2014, in-numru ta’ fondazzjonijiet Franċiżi żdied b’aktar mid-doppju. Fil-Belġju, aktar minn nofs il-fondazzjonijiet li kienu jeżistu fl-2012 ġew stabbiliti wara l-1995, u s-settur kiber b’rata mgħaġġla f’dawn l-aħħar għaxar snin. Fi Spanja, aktar minn 70 % tal-fondazzjonijiet ta’ benefiċċju pubbliku li kienu jeżistu fl-2014 ġew stabbiliti wara l-1994
.
5.2L-għoti u l-involviment filantropiku ilhom jikbru b’mod kostanti f’diversi pajjiżi Ewropej, b’mod partikolari f’dawn l-aħħar ftit snin. Il-barometri filantropiċi jindikaw dan it-tkabbir madwar l-Ewropa kollha.
5.3L-involviment fil-komunità u l-filantropija lokali qegħdin jikbru. Il-fondazzjonijiet fil-komunità madwar l-Ewropa kollha issa huma indispensabbli għall-koeżjoni soċjali.
5.4Il-ġenerazzjoni żagħżugħa hija impenjata b’mod partikolari għall-ġid komuni, u hija involuta b’diversi modi ġodda. Ir-riċerkaturi qed jenfasizzaw moviment globali, valuri ġodda u l-impatt pożittiv tal-iżviluppi teknoloġiċi (crowdfunding, midja soċjali, kawżi globali mingħajr fruntieri, iżda wkoll inizjattivi lokali ħafna). L-investiment soċjali huwa kruċjali.
5.5In-nisa għandhom ukoll rwol importanti ħafna fil-filantropija fl-Ewropa. L-involviment filantropiku min-nisa qed jikber. Hemm tendenza li n-nisa jagħtu b’mod aktar attiv u inklużiv, ikunu jixtiequ jiltaqgħu man-nies li jiffinanzjaw, jikkollaboraw mal-pari tagħhom u jinvolvu lilhom infushom fil-kawża li jkunu qed jindirizzaw. In-nisa spiss jagħtu donazzjoni għal kawżi iktar kumplessi bħall-vjolenza abbażi tal-ġeneru u s-saħħa.
5.6L-għoti lura qiegħed isir parti mill-attività tas-settur privat. L-involviment filantropiku huwa parti tal-istrateġiji tal-kumpaniji relatati mar-responsabbiltà soċjali korporattiva fl-Ewropa kollha, kif ukoll isaħħaħhom. Aktar u aktar kumpaniji ta’ kull daqs qed jiddedikaw riżorsi finanzjarji, prodotti, għarfien u ħin għall-ġid komuni.
5.7Għandhom jingħataw attenzjoni u appoġġ speċjali lis-settur tal-ekonomija soċjali li qed jikber, li huwa qasam ta’ attività filantropika innovattiva. Għadd dejjem jikber ta’ nies u intraprendituri qed iduru lejn mudelli ta’ negozju tal-ekonomija soċjali, li huma mutur ewlieni ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli.
6.It-tisħiħ tal-filantropija fl-Ewropa
6.1Ir-rikonoxximent tal-filantropija: ir-rikonoxximent tal-valur miżjud li l-filantropija tista’ tagħti lill-koeżjoni soċjali billi tagħti spinta lill-valuri komuni u tagħmel lis-soċjetà tagħna aktar reżiljenti. Il-filantropija tiġi promossa bħala forma ta’ turija ta’ impenn soċjali. Jiġi stabbilit djalogu mal-atturi filantropiċi u jinħoloq spazju għal-leġislazzjoni u r-regolamentazzjoni li jippromovu din il-forma ta’ involviment soċjali.
6.2Il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-filantropija: appell lill-Istati Membri biex jistabbilixxu ambjent li jiffavorixxi l-filantropija. Jiġi żgurat li l-miżuri ta’ sigurtà nazzjonali u tal-UE jkunu bbażati fuq ir-riskju, proporzjonati u bbażati fuq l-evidenza. Tiġi skoraġġuta l-azzjoni filantropika u taċ-ċittadin. Jiġu pprovduti inċentivi biex il-privat jagħti donazzjoni għall-kawżi ta’ benefiċċju pubbliku, f’kuntest ta’ ġustizzja fiskali.
6.3L-iffaċilitar tal-filantropija transkonfinali: il-fluss ħieles tal-kapital huwa fil-qalba tas-suq uniku tal-UE. Tiġi żgurata l-applikazzjoni legali u prattika ta’ din il-libertà fundamentali flimkien mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni biex tiġi ffaċilitata l-attività filantropika transkonfinali. Investimenti transkonfinali minn organizzazzjonijiet filantropiċi huma essenzjali. Għandhom jitqiesu wkoll forom ġuridiċi sovranazzjonali biex jiġi ffaċilitat l-involviment filantropiku.
6.4Għotjiet konġunti u investiment konġunt għall-ġid pubbliku u għal soċjetà ċivili aktar b’saħħitha: jiġi ffaċilitat l-involviment f’għodod ta’ innovazzjoni soċjali u l-ħolqien ta’ sħubijiet strateġiċi ma’ atturi filantropiċi. L-UE tista’ tisfrutta l-impatt tar-riżorsi privati għall-ġid komuni billi tintroduċi strumenti finanzjarji li jiffaċilitaw l-għotjiet konġunti u jistimulaw l-investimenti konġunti minn organizzazzjonijiet filantropiċi.
6.5It-tħaddin tal-innovazzjoni: ngħixu fi żmien eċċitanti għall-filantropija. Approċċi innovattivi bħall-investimenti soċjali, il-bonds b’impatt soċjali, l-investiment b’impatt soċjali u l-filantropija b’kapital ta’ riskju qegħdin jagħtu riżultati rivoluzzjonarji u jispiraw kemm kunċetti tradizzjonali ta’ karità kif ukoll prattiki korporattivi. It-teknoloġiji ġodda u l-midja soċjali jippermettu impenji u impatti ġodda rapidi. L-inizjattiva “Data for Good” u d-diġitalizzazzjoni joffru prospetti ġodda għall-filantropija madwar l-Ewropa kollha. Qiegħdha tiġi stabbilita pjattaforma transkonfinali diġitali ġdida Ewropea għall-għotjiet li tippermetti lid-donaturi mill-Ewropa kollha biex jappoġġjaw organizzazzjonijiet madwar l-Ewropa kollha. Il-partijiet interessati pubbliċi u privati għandhom jinkoraġġixxu u jiżviluppaw dawn l-inizjattivi sabiex l-filantropija ssir aktar immirata u tħalli impatt.
Brussell, 15 ta’ Mejju 2019
Luca JAHIER
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
__________