Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
ECO/479
Il-konverġenza ekonomika u l-kompetittività
fil-makroreġjuni tal-UE – ir-raggruppamenti transnazzjonali
OPINJONI
Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Lejn konverġenza ekonomika u kompetittività aħjar fil-makroreġjuni, bħall-Istrateġija Ewropea għar-Reġjun tad-Danubju – ir-rwol tar-raggruppamenti transnazzjonali
[Opinjoni esploratorja]
Relatur: Dimitris DIMITRIADIS
|
Konsultazzjoni
|
20/09/2018
Ittra mingħand Victor NEGRESCU, Ministru Delegat għall-Affarijiet Ewropej tar-Rumanija
|
|
Bażi legali
|
Artikolu 304 tat-TFUE
|
|
|
|
|
Sezzjoni kompetenti
|
Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali
|
|
Adottata fis-sezzjoni
|
04/06/2019
|
|
Adottata fil-plenarja
|
19/06/2019
|
|
Sessjoni plenarja Nru
|
544
|
|
Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)
|
202/1/2…
|
1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jirrikonoxxi li l-kooperazzjoni interreġjonali u transnazzjonali li tibni fuq ir-rabtiet soċjoekonomiċi u kulturali storiċi li diġà jeżistu hija r-reazzjoni meħtieġa għall-isfidi li jirriżultaw minn espansjoni li qed tevolvi malajr tal-Unjoni Ewropea (UE), indotta parzjalment mill-kompetizzjoni globali intensifikata u l-impuls li jirriżulta biex jitkabbru s-swieq ikkontrollati, kemm f’termini ġeografiċi kif ukoll ekonomiċi. Huwa ta’ importanza kbira li tiġi stabbilita sistema ta’ kollaborazzjoni transfruntiera u transsettorjali interkonnessa, ibbażata fuq il-governanza f’diversi livelli, u li jitwassal qafas strateġiku għal poli tematiċi biex l-istituzzjonijiet ta’ finanzjament jimplimentaw proġetti mmirati tajjeb f’makroreġjun kwalunkwe.
1.2Fl-ewwel 10 snin tal-operat tagħhom, l-erba’ strateġiji makroreġjonali servew bħala għodod utli għall-politika ta’ koeżjoni, primarjament billi saħħew l-integrazzjoni u l-kooperazzjoni u billi identifikaw proċessi ta’ żvilupp importanti li jinvolvu ċ-ċittadini u r-reġjuni. Dawn l-istrateġiji jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ Ewropa aktar profonda u usa’ billi jinvolvu pajjiżi kandidati u tal-viċinat b’kundizzjonijiet ekwi u billi jrawmu l-iskambju tal-esperjenza.
1.3Madankollu, il-prestazzjoni, f’termini tat-tnaqqis tad-disparitajiet soċjali u spazjali u t-tisħiħ tas-sostenibbiltà ambjentali, għadha modesta. Dan x’aktarx huwa minħabba l-kumplessità tal-governanza u tal-arranġamenti intergovernattivi, il-livell tal-burokrazija, in-nuqqas ta’ omoġeneità transreġjonali meta jiġu implimentati strateġiji konġunti miftiehma, u l-involviment insuffiċjenti tal-imsieħba soċjali, l-aġenti soċjoekonomiċi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.
1.4Il-KESE jappoġġja l-fatt li l-istrateġiji makroreġjonali għandhom jinftiehmu bħala laboratorji għall-iżvilupp ta’ approċċ minn isfel għal fuq bil-għan li jissolvew l-isfidi l-ġodda li qed tiffaċċja s-soċjetà u l-ekonomija tal-Ewropa. Dawn l-isfidi jikkonċernaw oqsma bħall-migrazzjoni, il-provvista tal-enerġija sostenibbli, is-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni u d-diġitalizzazzjoni, u ma jistgħux jiġu indirizzati minn pajjiżi, reġjuni jew muniċipalitajiet individwali. Il-kooperazzjoni transreġjonali internazzjonali hija aktar effettiva u tippermetti soluzzjonijiet konġunti.
1.5L-istrateġiji makroreġjonali jistgħu jagħtu spinta lill-integrazzjoni Ewropea, u jservu bħala l-qafas strateġiku ewlieni għall-politika ta’ koeżjoni u ta’ sostenibbiltà. L-istrateġiji makroreġjonali għandhom jiġu ffinanzjati flimkien ma’ programmi speċjali bħall-programm ta’ Azzjoni Innovattiva Urbana. Jidher xieraq li fil-proċess ta’ programmazzjoni rivedut għall-koeżjoni 2020+ jiġi integrat l-użu obbligatorju tal-qafas strateġiku tematiku li jirriżulta mill-istrateġiji makroreġjonali, b’rabta ma’ politiki oħra u fir-rigward tat-tkabbir tal-UE u r-relazzjonijiet tagħha mal-viċinat.
1.6Barra minn hekk, l-istrateġiji makroreġjonali għandhom ikunu mmirati wkoll lejn il-firxa ta’ politiki promossi taħt l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli, adottata fl-2015. Dan se jsaħħaħ il-viżibbiltà u r-rikonoxximent internazzjonali tal-kooperazzjoni reġjonali u l-appoġġ għaliha fil-qafas tal-erba’ strateġiji makroreġjonali.
1.7Abbażi tad-diskussjoni dettaljata ta’ dan ta’ hawn fuq, il-KESE jipprovdi fit-taqsima 5 ta’ din l-Opinjoni lista ta’ proposti ta’ politika speċifiċi. Dawn jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej: (i) flimkien man-neċessità għal interventi ta’ politika msaħħa, jeħtieġ li nnaqqsu l-piż burokratiku; (ii) nintroduċu netwerking, interkonnessjoni u ġestjoni funzjonali ta’ bażijiet tad-data eżistenti u ngħinu lill-pubbliku jagħmel użu minn data u informazzjoni eżistenti; (iii) nipprijoritizzaw in-netwerking u r-raggruppar tal-imsieħba soċjali, l-aġenti soċjoekonomiċi lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kemm fis-sens ġeografiku (raggruppamenti transreġjonali u sħubijiet bejn ir-raggruppamenti) kif ukoll f’sens settorjali (skont l-approċċ tal-ispiral kwadruplu); (iv) fil-futur, l-istrateġiji makroreġjonali se jibbenefikaw b’mod sinifikanti minn netwerks effiċjenti għal attivitajiet edukattivi b’rabta mad-diġitalizzazzjoni tal-produzzjoni, kif ukoll minn inizjattivi mmirati lejn riċerka interreġjonali effettiva u ekosistemi ta’ innovazzjoni, f’attivitajiet bażiċi u applikati tar-R&Ż.
1.8L-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji ta’ komunikazzjoni makroreġjonali għall-partijiet interessati jaqdu rwol ta’ appoġġ qawwi fit-tisħiħ tal-viżibbiltà, it-trawwim tan-netwerking u l-parteċipazzjoni. Il-konsolidazzjoni tal-komunikazzjoni u l-bini tal-fiduċja bejn il-governanza ċentrali tal-istrateġiji makroreġjonali u l-imsieħba soċjali, is-settur tan-negozju, l-atturi lokali, is-soċjetà ċivili, u d-dinja akkademika għandhom jiġu appoġġjati aktar permezz ta’ seduti, u Ġranet ta’ Parteċipazzjoni nazzjonali u makroreġjonali.
2.Sfond għal din l-Opinjoni
2.1L-istrateġiji makroreġjonali tal-UE tnedew bħala għodod biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni transnazzjonali tal-politiki, u b’hekk irawmu l-koeżjoni f’żoni ġeografiċi akbar. Wieħed mill-għanijiet tagħhom kien li jiżdiedu l-kompetittività u l-iżvilupp soċjoekonomiku f’oqsma li jestendu fuq diversi stati, inklużi Stati Membri li mhumiex fl-UE.
2.2Din l-Opinjoni esploratorja kienet maħsuba l-ewwel nett bħala Opinjoni fuq inizjattiva proprja biex tirrevedi d-dokumenti ta’ politika eżistenti tal-UE f’dan il-qasam, inkluż ir-Rapport tal-PE dwar l-implimentazzjoni ta’ strateġiji makroreġjonali, u abbażi tal-evalwazzjonijiet eżistenti tal-KESE tal-politika tal-UE għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-konverġenza transfruntiera. Wara t-talba mill-Presidenza Rumena, is-suġġett ġie estiż aktar biex jinkludi l-importanza tar-raggruppamenti transnazzjonali fit-tisħiħ tal-konverġenza u l-kompetittività fil-makroreġjuni. L-għan ewlieni tal-Opinjoni huwa li tissuġġerixxi modi biex l-istrateġiji makroreġjonali jiġu mmirati u implimentati aħjar. Dan isir, l-ewwel nett, billi jiġu identifikati l-ħtiġijiet speċifiċi fir-reġjun kollu aktar mill-qrib, u b’hekk jiġi żgurat li jkun hemm riżultati tanġibbli u, it-tieni, billi jiġu motivati l-partijiet interessati biex ikunu involuti b’mod attiv, filwaqt li jitqies il-prinċipju tat-“tliet ebda”.
2.3L-Opinjoni hija konformi mal-prijoritajiet politiċi tal-KESE għall-2018, b’mod partikolari dwar “it-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali u territorjali u l-infurzar tad-drittijiet fundamentali”. Hija wkoll konformi mal-azzjonijiet prijoritarji tal-Kumitat taħt il-Presidenza ta’ sitt xhur tal-Kunsill tal-UE, u mal-interessi tal-industrija, id-dinja akkademika, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili fil-makroreġjuni.
2.4L-Opinjoni hija mistennija li jkollha influwenza kostruttiva fuq dawk li jfasslu l-politika fl-Ewropa kollha, billi tipprovdi analiżi oġġettiva u suġġerimenti prattiċi dwar kif tista’ tittejjeb l-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali. Se tispeċifika wkoll jekk huwiex meħtieġ li jiżdied il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom u liema strumenti innovattivi jistgħu jiġu ssuġġeriti biex tiġi inċentivata l-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati, inklużi l-opportunitajiet li ġejjin minn raggruppamenti transnazzjonali u intersezzjonali.
3.Kummenti ġenerali: l-iżvilupp tal-istrateġiji makroreġjonali s’issa
3.1Il-prestazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali sofriet minħabba l-kumplessità tal-arranġamenti ta’ governanza, il-livell ta’ burokrazija f’diversi pajjiżi u n-nuqqas ta’ omoġeneità fil-mod li bih ġew implimentati l-istrateġiji konġunti miftiehma fir-reġjuni involuti. Dan wassal għal involviment insuffiċjenti tal-imsieħba soċjali, l-aġenti soċjoekonomiċi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. B’riżultat ta’ dan, sar meħtieġ monitoraġġ aħjar tal-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali bl-użu ta’ indikaturi adatti. Dan jeħtieġ data affidabbli u komparabbli, li min-naħa tagħha trid tkun dettaljata biżżejjed biex tirrifletti s-sitwazzjoni fiż-żona kollha inkwistjoni.
3.2Analiżi reċenti turi li l-erba’ strateġiji makroreġjonali approvati s’issa – fil-Baħar Baltiku, fir-Reġjun Adrijatiku u Jonju, ir-Reġjun tad-Danubju u r-Reġjun tal-Alpi – ivarjaw b’mod konsiderevoli f’termini tal-livell ta’ żvilupp ekonomiku tal-pajjiżi parteċipanti. Intwera li l-prestazzjoni ekonomika taffettwa b’mod qawwi kemm il-livell ta’ kooperazzjoni reġjonali kif ukoll l-effettività tal-implimentazzjoni tal-politika. Barra minn hekk, problemi bħal impenn, sjieda, riżorsi u, b’mod partikolari, governanza mhux effettiva, jippersistu f’oqsma speċifiċi.
3.3Minkejja n-nuqqas ta’ omoġeneità fil-prestazzjoni makroekonomika, il-makroreġjun tad-Danubju huwa kkaratterizzat minn relazzjonijiet b’saħħithom bejn diversi żoni fir-reġjun u minn integrazzjoni sodisfaċenti fl-oqsma tal-kummerċ, l-investiment u l-enerġija. Madankollu, l-istampa tinbidel f’dak li għandu x’jaqsam mal-kompetittività, b’differenzi sinifikanti, speċjalment bejn iż-żoni urbani u dawk rurali. Jeżistu wkoll varjazzjonijiet kbar fir-rigward tal-governanza u l-aspetti istituzzjonali.
3.4L-erba’ strateġiji makroreġjonali jidhru li ġabu flimkien b’suċċess atturi differenti, inklużi diversi partijiet interessati privati kif ukoll korpi pubbliċi bejn livelli differenti ta’ gvern. L-istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju (EUSDR), b’mod partikolari, iġġenerat livell għoli ta’ djalogu ta’ politika u kooperazzjoni, inkluż ma’ pajjiżi terzi. F’dan il-kuntest, ta’ min jinnota li l-progress kien fl-aqwa tiegħu f’oqsma b’esperjenza minn qabel ta’ kooperazzjoni, fejn setgħu jiġu sfruttati rabtiet soċjoekonomiċi storiċi aktar profondi.
3.5L-aspettattivi għoljin fir-rigward tar-riżultat tal-kooperazzjoni multireġjonali apparentament wasslu biex tiġi interpretata b’mod żbaljat l-importanza tal-bini tal-kapaċità istituzzjonali matul il-fażijiet bikrija tal-iżvilupp tal-istrateġiji makroreġjonali. Fid-definizzjoni tal-aġenda ta’ kooperazzjoni fi ħdan makroreġjun kwalunkwe, huwa essenzjali li jiġu enfasizzati kwistjonijiet li jeħtieġu koordinazzjoni transsettorjali u transterritorjali, b’mod partikolari fir-rigward tal-bini tal-kapaċità istituzzjonali.
3.6Is-suċċess globali ta’ strateġija makroreġjonali huwa relatat mal-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ta’ politika permezz ta’ sforzi konġunti bejn il-fruntieri reġjonali. Biex tiġi żgurata prestazzjoni tajba, huwa essenzjali li tiġi stabbilita kooperazzjoni minn isfel għal fuq li tinvolvi l-imsieħba soċjali, l-aġenti soċjoekonomiċi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kif ukoll kwalunkwe attur involut miż-żona ġeografika kollha, bl-użu tal-approċċ tal-ispiral kwadruplu. Dawn jistgħu jinkludu atturi mill-industrija, id-dinja akkademika u r-R&Ż, il-governanza (speċjalment lokali u reġjonali), is-soċjetà ċivili u l-ekonomija soċjali.
3.7B’rabta ma’ dan ta’ hawn fuq huwa l-fatt li l-Kummissjoni appoġġjat b’mod sostanzjali r-raggruppamenti transfruntieri permezz ta’ firxa ta’ oqfsa ta’ programmar u strumenti ta’ finanzjament – Europe INNOVA, INTERREG, FEŻR u FSE, speċjalment fir-rigward tal-iżvilupp tal-kapital uman u t-tagħlim tul il-ħajja. Peress li huwa possibbli ingranaġġ akbar ta’ riżorsi lokali u/jew privati oħra, dan il-qafas diġà eżistenti ġie arrikkit bl-appoġġ attwali għas-sħubijiet tar-raggruppamenti strateġiċi Ewropej taħt COSME u proġetti ta’ raggruppamenti INNOSUP-1 għal katini ta’ valur industrijali ġodda taħt l-Orizzont 2020, kif ukoll bl-użu ta’ strumenti bħall-programm “Invest EU” u l-faċilità “Nikkollegaw l-Ewropa”. Hemm ħtieġa qawwija għal azzjoni koordinata mmirata biex tnaqqas l-ostakli burokratiċi u tippromovi direttament il-ħolqien u l-operat ta’ netwerks intraprenditorjali permezz ta’ inċentivi relatati mat-taxxa, appoġġ finanzjarju għal attivitajiet tar-R&Ż u strateġiji olistiċi għall-kummerċjalizzazzjoni transfruntiera.
3.8L-evalwazzjoni ex-post tal-politika ta’ koeżjoni tirreferi għar-rabta bejn l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti u r-raggruppamenti. L-esperjenza rilevanti wriet li: (i) il-promozzjoni tan-netwerking u l-istabbiliment ta’ raggruppamenti fost il-kumpaniji kienu fost il-mezzi li rnexxew l-iżjed għall-appoġġ tal-innovazzjoni u l-iżvilupp fost l-SMEs. Madankollu, l-użu ta’ din l-għodda kien marġinali. Eżempju ta’ dan huwa l-proġett DanuBioValNet, li jistabbilixxi katini ta’ valur ġodda għal prodotti b’bażi bijoloġika fir-Reġjun tad-Danubju; (ii) l-intermedjazzjoni fil-forma ta’ servizzi ta’ konsulenza u dawk amministrattivi (eż. permezz ta’ aġenziji tal-iżvilupp reġjonali, kmamar tal-kummerċ, maniġers ta’ raggruppamenti, eċċ.) tagħti spinta lill-effettività tan-netwerking u tar-raggruppamenti.
3.9Id-differenzi fir-regoli ta’ implimentazzjoni bejn il-pajjiżi qed ikunu ostaklu kbir għat-twettiq ta’ pjani ta’ politika żviluppati b’mod ċentrali. L-effettività tal-kooperazzjoni tista’ tiġi massimizzata biss jekk jiġu adottati approċċi moderni bħal raggruppamenti ta’ proġetti, ktajjen ta’ proġetti u pjattaformi ta’ proġetti, u nimxu minn komunikazzjoni lejn koordinazzjoni u fl-aħħarnett kokreazzjoni. L-ippjanar tal-finanzjament għandu jkun flessibbli u għandu jirrispetta l-kompetenzi u l-kundizzjonijiet ta’ qafas reġjonali. Jeħtieġ li tiġi eżaminata bir-reqqa l-firxa tar-riżorsi u l-istrumenti finanzjarji eżistenti, inkluż l-IPA II, li huwa ta’ importanza kbira.
3.10Sabiex jiġu żgurati koordinazzjoni u governanza aħjar tal-istrateġiji makroreġjonali, ir-rwol tal-partijiet interessati individwali għandu jiġi definit b’mod ċar, speċjalment fir-rigward tal-finanzjament. Il-programmi futuri għandhom jiffaċilitaw il-kollaborazzjoni transnazzjonali lil hinn mill-appoġġ għal proġetti individwali. F’dan ir-rigward, l-aġenti lokali jistgħu jikkoordinaw il-kontributi tagħhom għad-diskussjoni li għaddejja dwar il-prijoritizzazzjoni tal-għanijiet u l-għodod għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss 2021-2027. Din tista’ tkun opportunità eċċellenti biex biex jingħata nifs ġdid lill-erba’ strateġiji makroreġjonali u biex jiġu inklużi l-prijoritajiet li jirriżultaw mill-approċċi ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti.
4.Kummenti speċifiċi: xejriet reċenti li jinfluwenzaw il-futur tal-istrateġiji makroreġjonali
4.1Kważi għaxar snin mit-tnedija tal-ewwel strateġija makroreġjonali (l-istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku – EUSBSR), il-kuntest politiku u soċjoekonomiku attwali fil-livell internazzjonali u reġjonali huwa kkaratterizzat minn diversi xejriet u/jew ħtiġijiet li huma marbuta b’mod ċar mal-istrateġiji makroreġjonali. Se nibdew billi neżaminaw dawk li jirriżultaw mill-iżviluppi strutturali soċjoekonomiċi, qabel ma nanalizzaw ix-xejriet marbuta mal-preservazzjoni ambjentali u l-iskarsezza tar-riżorsi.
4.2Il-kundizzjonijiet ekonomiċi globali kontemporanji juru li t-toroq ta’ interkonnessjoni huma aktar importanti mill-kontroll ta’ swieq determinati ġeografikament u l-oriġini tar-riżorsi. Dan jixħet dawl fuq is-sinifikat globali tar-reġjun speċifiku, li jibda mill-Baħar Baltiku sal-Lvant tal-Ewropa, il-Baħar l-Iswed, u l-Mediterran (tal-Lvant). Minħabba li l-mobbiltà tal-komoditajiet u l-kapital madwar l-Ewropa u l-Asja hija kruċjali għall-arkitettura ekonomika (u politika) futura, l-interess u t-tensjonijiet fiż-żona speċifika usa’ qed jiżdiedu. Dan jikkonferma wkoll kemm huwa xieraq li jiġu żviluppati strateġiji makroreġjonali speċifiċi. Jafferma wkoll l-importanza globali tas-suċċess tagħhom u jenfasizza prijoritajiet suprareġjonali.
4.3B’rabta mill-qrib ma’ dan huwa l-fatt li l-flussi migratorji ewlenin jgħaddu mir-Reġjun tad-Danubju u r-Reġjun Adrijatiku u Jonju. Flimkien mal-mobbiltà tal-komoditajiet u l-kapital li diġà ssemmew, il-mobbiltà tan-nies ħarġet bħala kwistjoni soċjoekonomika, kulturali u politika ewlenija. Il-kwistjonijiet umanitarji, l-opportunitajiet ekonomiċi u t-tħassib dwar is-sigurtà huma fatturi f’suġġett kritiku u kumpless li jeħtieġ li jiġi inkluż fl-aġenda ta’ kull strateġija makroreġjonali, skont l-acquis soċjopolitiku storiku Ewropew.
4.4Il-fatt li żewġ strateġiji makroreġjonali tal-UE jikkonċernaw reġjuni li jinsabu madwar baħar jenfasizza l-importanza tal-konnessjonijiet marittimi, l-aspetti ambjentali u l-importanza tal-attivitajiet ekonomiċi relatati mal-baħar. L-aġenti involuti fl-EUSBSR u l-istrateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Jonju (EUSAIR) għandhom għalhekk jagħtu attenzjoni partikolari lill-prijoritajiet tat-tkabbir blu u lir-riskji u lill-opportunitajiet assoċjati mal-ekonomija blu, li ġew enfasizzati mill-UE, il-KESE, in-NU u d-WWF, fost oħrajn.
4.5Għan strateġiku ewlieni tal-istrateġiji makroreġjonali kien il-promozzjoni tal-konverġenza ekonomika fl-UE, li hija importanti ħafna għas-sostenibbiltà ekonomika u għall-bilanċ politiku progressiv fil-livell nazzjonali u Ewropew. Sfortunatament, minkejja r-rieda politika u l-baġit tal-UE li huma mmirati lejn dan, l-istatistika minflok turi li r-reġjuni kienu diverġenti f’termini soċjoekonomiċi, u dan wassal għal taqlib politiku. L-istrateġiji makroreġjonali, speċjalment dawk li jiffukaw fuq l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, għandhom jikkunsidraw dan bl-akbar serjetà u jżidu l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw politiki f’dan il-qasam, bl-involviment ġenwin tal-imsieħba soċjali, l-aġenti soċjoekonomiċi lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Fl-istess waqt, l-istrateġiji makroreġjonali jagħtu appoġġ kbir għall-integrazzjoni fl-UE ta’ Stati Membri ġodda u prospettivi. Dan huwa evidenti fil-każ tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent b’rabtiet mal-EUSDR u mal-EUSAIR, iżda wkoll fil-każ tal-Moldova u l-Ukrajna, li jirċievu assistenza biex jimplimentaw il-ftehim ta’ assoċjazzjoni tagħhom mal-UE.
4.6Ir-riċerka fl-istudji umanistiċi u x-xjenzi soċjali tenfasizza l-ħtieġa li nimxu minn approċċ ibbażat fuq il-benesseri għal wieħed ibbażat fuq il-massimizzazzjoni tal-benesseri, bl-enfasi timxi minn ekonomiji kwantitattivi ta’ skala lejn varjetà kwalitattiva akbar. F’dan is-sens, id-diversità multipla tal-Ewropa, li tirriżulta mill-istorja u l-karatteristiċi naturali tagħha, b’mod partikolari fir-reġjuni tal-istrateġiji makroreġjonali eżistenti, issir vantaġġ komparattiv kbir fl-era globali emerġenti ġdida. Għalhekk għandu jiġi żgurat li l-ħtieġa li tingħata spinta lill-konverġenza soċjoekonomika ma twassalx għal politiki li jistgħu jbaxxu l-livell ta’ din ir-riżorsa bħala “varjetà soċjokulturali u ambjentali”. Għall-kuntrarju, l-istrateġiji makroreġjonali għandhom jippromovu l-preservazzjoni tad-diversità f’termini kwalitattivi u jagħtu spinta lill-implimentazzjoni ta’ proġetti li jtejbu l-kokreazzjoni transreġjonali ta’ prodotti u servizzi ġodda.
4.7B’mod ġenerali, il-kompetizzjoni internazzjonali intensifikata tfisser li n-netwerking qed isir aktar importanti. Madankollu, iż-żieda esponenzjali fil-produttività tax-xogħol, li timplika importanza dejjem akbar ta’ divrenzjar kwalitattiv, titlob għal raggruppament u strutturi kollaborattivi li se jużaw benefiċċji relatati ma’ skala f’attivitajiet orizzontali – eż. il-promozzjoni, il-loġistika u t-trasport, u r-R&Ż – iżda li jsostnu, u saħansitra jżidu, il-kapaċità li jipprovdu prodotti u servizzi speċjalizzati. Fi kliem ieħor, l-iżviluppi attwali fis-swieq internazzjonalizzati jagħmluha neċessarja li jiġu żviluppati raggruppamenti spazjali u intersettorjali ta’ produtturi (semi) awtonomi. Din għandha tkun waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-erba’ strateġiji makroreġjonali.
4.8Il-valur miżjud jista’ jinkiseb billi jingħaqdu l-istrateġiji makroreġjonali individwali, bħal fil-każ tal-EUSBSR u l-EUSDR. Dan jidher li huwa fattibbli, speċjalment fil-każ ta’ kwistjonijiet relatati mal-ħarsien tal-ambjent u l-użu razzjonali tar-riżorsi limitati u tal-enerġija. Il-każijiet ta’ suċċess ta’ kooperazzjoni rilevanti bejn il-Kmamar tal-Kummerċ fl-EUSDR u l-EUSAIR jipprovdu eżempju tajjeb għal dan.
4.9Bil-għan li tingħata spinta lill-prosperità ekonomika, l-istrateġiji makroreġjonali għandhom jiffukaw dejjem aktar fuq inizjattivi u proċessi ta’ teknoloġija nadifa li jiffavorixxu t-tranżizzjoni minn ekonomija lineari għal ekonomija ċirkolari. Xi eżempji jinkludu l-proġetti tal-EUSBSR li se jiġu segwiti taħt l-inizjattiva għal Tkabbir Aktar Nadif, u l-proġetti CirculAlps u AlpLinkBioECO taħt l-istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Alpi (EUSALP).
4.10It-tibdil fil-klima huwa sfida li trid tiġi indirizzata b’mod ikkoordinat tajjeb li jkopri żoni ġeografiċi akbar: l-investimenti mmirati relatati mal-ambjent għandhom jgħinu biex jiġu minimizzati l-konsegwenzi ta’ inċidenti ta’ temp estrem u effetti negattivi oħra tat-tibdil fil-klima, filwaqt li jinżammu l-kundizzjonijiet ekonomiċi prevalenti u l-karatteristiċi ekoloġiċi taż-żoni inkwistjoni. Bħala eżempju ieħor, żieda fit-trasport bil-baħar primarjament fid-Danubju tista’ twassal għal tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra u għal kwalità tal-arja aħjar fiż-żoni kollha affettwati mit-trasport tal-merkanzija bit-triq. Il-kooperazzjoni makroreġjonali għandha twassal għal strateġiji tat-trasport sostenibbli u olistiċi adatti.
4.11Konsegwenza oħra tal-ħtieġa li jitnaqqsu drastikament l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (kif deskritt fil-Ftehim ta’ Pariġi tal-2015) hija l-penetrazzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Din it-“tranżizzjoni tal-enerġija” tinvolvi l-eliminazzjoni gradwali tal-impjanti tal-enerġija mill-fjuwils fossili u ż-żieda rapida tal-għadd ta’ konvertituri tal-enerġija mir-riħ u tal-impjanti tal-enerġija fotovoltajka. Din it-tranżizzjoni tinvolvi bidliet sinifikanti fis-sistema tal-provvista tal-enerġija, b’kunċetti ġodda li jippermettu wkoll aktar flessibbiltà fil-kummerċ tal-enerġija elettrika bejn ir-reġjuni u l-pajjiżi. Il-kooperazzjoni makroreġjonali żgur se tagħmilha iżjed probabbli li jittieħdu d-deċiżjonijiet korretti dwar kwistjonijiet relatati mat-tranżizzjoni tal-enerġija.
4.12B’mod ġenerali, id-dimensjonijiet imsemmija qabel marbuta mal-orjentazzjoni neċessarja tal-istrateġija makroreġjonali jikkoinċidu mal-firxa tal-politiki li qed jiġu promossi taħt l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, adottata mill-Istati Membri kollha tan-NU fl-2015. B’mod partikolari, l-istrateġiji makroreġjonali għandhom jieħdu nota tal-azzjonijiet li għaddejjin biex jintlaħqu diversi Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs), possibbilment b’kuntatt man-netwerks reġjonali eżistenti li għandhom rabta mal-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli. L-aġġustament tal-aġendi tal-erba’ strateġiji makroreġjonali f’dan il-qafas se jsaħħaħ l-approċċ olistiku meħtieġ. Dan se jagħti spinta wkoll lill-viżibilità u r-rikonoxximent internazzjonali tal-kooperazzjoni reġjonali fl-UE kif ukoll l-appoġġ għaliha.
5.Proposti ta’ politika
5.1Għalkemm hemm bżonn li jissaħħu l-interventi ta’ politika u tingħata spinta lill-impenn attiv fir-rigward tal-istrateġiji makroreġjonali, jinħtieġ ukoll li jitnaqqas il-piż burokratiku li diġà huwa kbir ħafna. Strument għal dan jista’ jkun li tiġi mmotivata l-koordinazzjoni diretta tal-partijiet interessati pubbliċi fil-qafas tar-Raggruppamenti Ewropej għall-Kooperazzjoni Territorjali (REKT), jew il-kollaborazzjoni tal-partijiet interessati privati wkoll fi skemi ta’ kontenut tematiku speċifiku.
5.2Hemm nuqqas ta’ data dettaljata affidabbli li tippermetti l-paraguni bejn ir-reġjuni u bejn is-setturi. Hemm ħtieġa ġenerali li jiġu introdotti netwerking u ġestjoni funzjonali ta’ bażijiet tad-data eżistenti, potenzjalment abbażi tal-big data iżda wkoll ta’ informazzjoni speċifika.
5.3Fl-istess waqt, barra mill-iżgurar tal-aċċess pubbliku għal dawn il-bażijiet tad-data funzjonali interkonnessi, jeħtieġ ukoll li tissaħħaħ il-kapaċità tal-pubbliku li juża d-data u l-informazzjoni eżistenti. Huwa essenzjali li jkun hemm appoġġ tekniku għall-istrateġiji makroreġjonali u li jiġi pprovdut aċċess għal għodod biex tintuża d-data rilevanti, sabiex jiġu appoġġjati kemm il-gvernijiet lokali kif ukoll dawk nazzjonali u l-aġenti u l-atturi privati. Dan għandu jiġi organizzat b’mod ċentrali iżda mmirat lejn ir-reġjun inkwistjoni.
5.4In-netwerking bejn l-imsieħba soċjali, l-aġenti soċjoekonomiċi lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, f’sens spazjali, iżda wkoll settorjali (bl-użu tal-approċċ tal-ispiral kwadruplu), kif ukoll l-involviment attiv tagħhom fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u fil-politiki tal-ippjanar u evalwazzjoni, huwa estremament utli għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali fil-futur, bil-għan li tingħata spinta lill-koeżjoni u lis-sostenibbiltà soċjali u ambjentali.
5.5Barra minn hekk, għandhom jiġu adottati inizjattivi politiċi speċifiċi biex jissaħħu l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ raggruppamenti transreġjonali u sħubijiet ta’ raggruppamenti:
(I)li jiġu ddikjarati l-kriterji għall-parteċipazzjoni fir-raggruppamenti appoġġjati mill-fondi tal-UE u dawk nazzjonali, sabiex tissaħħaħ aktar il-parteċipazzjoni ta’ aktar korporazzjonijiet li jirnexxu, mingħajr ir-riskju tal-awtodeterminazzjoni tan-netwerks u l-awtonomija relattiva tal-imsieħba parteċipanti;
(II)il-finanzjament u, b’mod partikolari, mezzi oħra ta’ appoġġ tar-raggruppamenti u n-netwerks – pereżempju miżuri tat-tassazzjoni u miżuri relatati mal-proċess – għandhom jiġu estiżi b’mod li jkun f’waqtu, sabiex id-durata tar-raggruppamenti ma tkunx limitata mid-disinn u ma jkunux miżmuma milli jilħqu l-livell massimu potenzjali tagħhom ta’ maturità organizzattiva u awtosuffiċjenza finanzjarja;
(III)l-ippjanar strateġiku nazzjonali u (trans) reġjonali għandu jqis iċ-ċirkostanzi globali li qed jevolvu u modi kif jiġu appoġġjati attivitajiet lokali ta’ raggruppament f’dan il-qafas. Barra minn hekk, għandu jkun hemm aktar inċentivi biex jiġu stabbiliti strutturi li jgħaqqdu raggruppamenti eżistenti ma’ xulxin f’sens reġjonali u transsettorjali, u b’hekk jintużaw il-komplementarjetajiet tal-interventi olistiċi;
(IV)it-talba raġonevoli biex jiġu ttrattati l-karatteristiċi u l-ispeċifiċitajiet lokali spiss tirriżulta f’raggruppamenti li ma jkollhomx fokus internazzjonali lil hinn mid-dimensjoni transfruntiera tar-reġjun speċifiku. Dan għandu jittejjeb u l-politiki ta’ appoġġ applikati għandhom jimmobilizzaw il-funzjonament soċjoekonomiku f’livell dinji, fid-dawl tal-importanza tal-internazzjonalizzazzjoni tan-negozju. Barra minn hekk, dan se jgħin biex jitnaqqas id-distakk bejn l-inizjattivi politiċi u t-teħid tad-deċiżjonijiet dwar in-negozju.
5.6L-istrateġiji makroreġjonali eżistenti u futuri se jibbenefikaw b’mod sinifikanti minn inizjattivi ta’ netwerking effiċjenti fil-qasam tal-edukazzjoni u s-servizzi amministrattivi, kif ukoll f’ekosistemi ta’ riċerka u innovazzjoni interreġjonali effettivi u f’attivitajiet bażiċi u applikati tar-R&Ż. Fil-konsultazzjoni li għaddejja bħalissa dwar ir-reviżjoni tal-pjan EUSDR, issemma li l-kapaċitajiet tal-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali se jissaħħu permezz ta’ inizjattivi ta’ bini tal-kapaċità, proġetti ta’ kooperazzjoni, netwerks għat-tagħlim reċiproku, skambju ta’ prattiki tajba, u rakkomandazzjonijiet ta’ politika. Dawn jistgħu jiġu appoġġjati permezz ta’ finanzjament fuq skala żgħira (bħala għotjiet globali jew għodod oħra) għall-atturi lokali (impriżi żgħar, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, id-dinja akkademika, eċċ.), li se jiffaċilitaw ambjent inklużiv għall-innovazzjoni fil-livell transnazzjonali.
5.7B’mod partikolari, f’dak li għandu x’jaqsam man-netwerking fl-edukazzjoni, dawn l-attivitajiet jistgħu jiġu inkorporati fi strutturi eżistenti, bħall-programm Erasmus+. Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ politika għandhom jikkonċentraw fuq aspetti ewlenin taż-żona ġeografika speċifika, bil-għan li jinfetħu toroq ġodda għal prodotti u servizzi mtejba li jippromovu l-intraprenditorija, u finalment jappoġġjaw it-tagħlim tul il-ħajja tal-kapital uman lokali b’rabta mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni tal-produzzjoni.
5.8Fir-reġjuni tal-erba’ strateġiji makroreġjonali, għandna tradizzjoni twila ta’ rabtiet storiċi, soċjoekonomiċi, kulturali u politiċi, li jistgħu jkunu kemm ta’ natura pożittiva kif ukoll problematika. Dawn ir-rabtiet jistgħu jintużaw b’mod kostruttiv billi jiġu promossi għodod alternattivi għar-raggruppament u l-kollaborazzjoni interreġjonali, bħar-Raggruppamenti Ewropej ta’ Kooperazzjoni Territorjali (REKT).
Brussell, 19 ta’ Ġunju 2019
Luca Jahier
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
_____________