MT

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

CCMI/166

Ix-xogħol bl-asbestos fir-rinnovazzjoni tal-enerġija

OPINJONI

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Ix-xogħol bl-asbestos fir-rinnovazzjoni tal-enerġija

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

Relatur: Aurel Laurenţiu PLOSCEANU

Korelatur: Enrico GIBELLIERI

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

12 ta’ Lulju 2018

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI)

Adottata fis-CCMI

26/03/2019

Adottata fil-plenarja

15/05/2019

Sessjoni plenarja Nru

543

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

199/4/1



1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1Il-KESE jilqa’ r-reviżjoni ambizzjuża tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (EPBD), iżda jirrikonoxxi wkoll il-periklu konsiderevoli kkawżat mill-asbestos, li llum huwa s-sors numru wieħed tal-kanċer okkupazzjonali fl-Ewropa. Sabiex jinkisbu l-għanijiet ambizzjużi tat-tiġdid tal-istokk tal-bini Ewropew biex jinħolqu djar u postijiet tax-xogħol tajbin għas-saħħa u li jużaw l-enerġija b’mod effiċjenti, il-KESE jqis li huwa neċessarju li jinħolqu sinerġiji mat-tneħħija ta’ sustanzi perikolużi matul ir-rinnovazzjoni tal-enerġija sabiex dan il-piż ma jitħalliex għall-ġenerazzjoni li jmiss.

1.2Il-Kummissjoni Ewropea jeħtiġilha tkompli tibni fuq ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-theddid għas-saħħa okkupazzjonali marbut mal-asbestos u prospettivi għall-eliminazzjoni tal-asbestos eżistenti kollu (2012/2065(INI) u l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar It-tneħħija għalkollox tal-asbestos mill-UE, u jeħtiġilha tiżviluppa l-proposti tagħhom.

1.3Il-Kummissjoni Ewropea għandha tfittex kollaborazzjoni mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) billi tuża l-programmi preċedenti tal-ILO/tad-WHO. L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol u l-Kummissjoni Ewropea għandhom jappoġġjaw b’mod konġunt tali azzjoni fl-UE.

1.4Il-Kummissjoni Ewropea għandha tippromovi b’mod attiv approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja fir-rigward tad-disinn tal-bini u l-materjali ta’ kostruzzjoni fid-dawl tar-riċiklaġġ u l-użu ta’ tmiem iċ-ċiklu kif ukoll l-għan tal-UE li toħloq ekonomija ċirkolari.

1.5Il-Kummissjoni Ewropea għandha tagħti prijorità t-tneħħija ta’ sustanzi perikolużi meta tiżviluppa għodod komplementari bħal logbook diġitali għall-bini u passaport ta’ rinnovazzjoni tal-bini sabiex tinforma lill-konsumaturi dwar il-potenzjal tar-rinnovazzjoni tal-bini u tappoġġja l-implimentazzjoni ta’ pjani ta’ rinnovazzjoni personalizzati bbażati fuq awditi minn professjonisti. Dan jista’ jinkludi għodod komplementari addizzjonali fil-livell tal-UE għar-reġistrazzjoni ta’ sustanzi perikolużi fil-bini li huma aċċessibbli għall-pubbliku bil-għan li jiġu protetti l-konsumaturi.

1.6Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jirrieżaminaw t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni prattika tad-Direttiva dwar l-esponiment għall-asbestos fuq il-post tax-xogħol (id-Direttiva 2009/148/KE) mill-perspettiva ta’ gruppi ta’ riskju differenti, sabiex tittejjeb il-protezzjoni tal-ħaddiema kollha li jinsabu f’riskju ta’ esponiment għall-asbestos. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jaħdmu flimkien biex jagħmlu użu effikaċi tal-fondi strutturali u ta’ investiment tal-UE għat-tnaqqis tal-asbestos.

1.7Ir-rinnovazzjoni tal-enerġija tinsab f’salib it-toroq ta’ diversi oqsma tad-dritt Ewropew. Il-leġislazzjoni nazzjonali u tal-UE għandhom jiġu vvalutati biex tiġi żgurata l-koerenza tal-politika fil-ġestjoni ta’ sustanzi perikolużi. Dan jinkludi leġislazzjoni dwar l-iskart u garanzija ta’ għadd suffiċjenti ta’ landfills biex jiġi mmaniġġjat l-iskart tal-asbestos.

1.8L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw reġistri u jagħmlu s-sustanzi perikolużi komponent ewlieni ta’ kwalunkwe passaport ta’ rinnovazzjoni tal-bini eżistenti jew meta jiżviluppaw oħrajn ġodda.

1.9Huwa essenzjali li l-Istati Membri jfasslu l-istrateġiji ta’ rinnovazzjoni fit-tul tagħhom fid-dawl tal-perikli inerenti tal-asbestos u ta’ sustanzi perikolużi oħra.

1.10L-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw li l-kriterji relatati mal-appoġġ finanzjarju għar-rinnovazzjoni tal-enerġija, bħat-tnaqqis jew is-sussidji tat-taxxa, jiġu ddefiniti b’mod espliċitu b’mod li jippermettu lis-sidien tad-djar ineħħu kompletament is-sustanzi perikolużi matul ir-rinnovazzjoni.

1.11L-Istati Membri jeħtiġilhom jappoġġjaw lill-imsieħba soċjali biex jadattaw it-taħriġ, il-kwalifiki u l-profili tal-impjiegi għall-ħtiġijiet tal-ġejjieni. Dan għandu jsir bil-għan li tiżdied l-attraenza tas-settur għall-ħaddiema żgħażagħ u għan-nisa.

1.12Ir-rwol u r-responsabbiltà partikolari tal-imsieħba soċjali biex jeliminaw il-perikli u jipproteġu lill-ħaddiema għandhom jiġu rikonoxxuti u appoġġjati bis-sħiħ. Firxa ta’ gruppi tas-soċjetà ċivili organizzata għandhom ukoll jieħdu sehem peress li l-asbestos jaffettwa l-ħajja tax-xogħol, is-saħħa, il-ħarsien tal-konsumaturi u l-ambjent. Dan huwa partikolarment il-każ f’dak li jirrigwarda r-rikonoxximent u l-kumpens tal-vittmi tal-mard relatat mal-asbestos.

1.13L-Istati Membri jistgħu jgħinu fl-evalwazzjoni u fil-promozzjoni ta’ prattiki tajba u teknoloġiji ġodda biex jiġu protetti s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema u tar-residenti tal-bini.

1.14Fid-dawl tal-importanza kbira tal-kwistjoni, il-KESE se jippreżenta din l-Opinjoni f’konferenza konġunta flimkien mal-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kummissjoni Ewropea.

2.Kummenti ġenerali

2.1L-EPBD riveduta se jkollha impatt sinifikanti fuq l-attivitajiet ekonomiċi fis-settur tal-kostruzzjoni billi żżid ir-rata medja tar-rinnovazzjoni annwali. Waħda mill-aktar bidliet sinifikanti fl-EPBD riveduta huwa l-livell ta’ ambizzjoni peress li r-rata medja annwali ta’ rinnovazzjoni għandha tiżdied minn 1 % għal 3 %. Dan se jkollu impatt pożittiv fuq l-impjiegi u se joħloq l-opportunità biex jiġu promossi ħiliet u kwalifiki ġodda u addizzjonali sabiex jiġu żgurati impjiegi sostenibbli ta’ kwalità u l-kompetittività tas-settur.

2.2Dawk li jfasslu l-politika u l-partijiet interessati jridu jkunu konxji tar-riskju potenzjali għas-saħħa involuti fit-tiġdid tal-istokk tal-bini Ewropew, b’mod partikolari minħabba l-esponiment għal sustanzi perikolużi bħall-asbestos. Is-sidien tad-djar, ir-residenti u l-impjegati li jaħdmu fil-magħluq jinsabu f’riskju. L-EPBD riveduta tenfasizza l-kwistjonijiet relatati mas-saħħa u b’mod partikolari l-premessa 14 tad-Direttiva (UE) 2018/844 emendatorja tipprevedi li "L-Istati Membri jenħtieġ li jappoġġaw titjib fir-rendiment fl-użu tal-enerġija ta’ bini eżistenti li jikkontribwixxi biex jinkiseb ambjent ta’ ġewwa tajjeb għas-saħħa, inkluż permezz tat-tneħħija ta’ asbestos u sustanzi oħra ta’ ħsara, il-prevenzjoni tat-tneħħija illegali ta’ sustanzi ta’ ħsara, u l-iffaċilitar tal-konformità ma’ atti leġislattivi eżistenti bħad-Direttivi 2009/148/KE (1) u (UE) 2016/2284 (2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill".

2.3Tabilħaqq, bosta binjiet li jeħtieġu titjib fil-prestazzjoni enerġetika tagħhom ilhom jeżistu minn qabel id-dħul fis-seħħ tal-projbizzjoni fuq l-asbestos. L-istimi jissuġġerixxu li attwalment, madwar 35 % tal-bini tal-UE nbena aktar minn 50 sena ilu u kważi 75 % tal-istokk tal-bini huwa ineffiċjenti fl-użu tal-enerġija, li jfisser li l-parti l-kbira tal-istokk tal-bini fl-Ewropa huwa eliġibbli għar-rinnovazzjoni qabel l-2050. Għaldaqstant, ammonti kbar ta’ asbestos se jkollhom jitneħħew b’mod sikur.

2.4Skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 2a tal-EPBD riveduta, fl-istrateġiji ta’ rinnovazzjoni fit-tul tagħhom, l-Istati Membri jeħtiġilhom iħejju pjan direzzjonali bi pjan ta’ azzjoni dwar kif se jittrasformaw l-istokk tal-bini tagħhom sal-2050. Minħabba l-proporzjon għoli ta’ bini fl-Ewropa li fih l-asbestos, l-Istati Membri għandhom jifformulaw l-istrateġiji ta’ rinnovazzjoni fit-tul tagħhom bil-għan li jitnaqqas ir-riskju għas-saħħa tal-ħaddiema, tar-residenti u tal-pubbliku ġenerali.

2.5Ir-rinnovazzjoni tal-enerġija tal-bini eżistenti titlob għarfien u ħiliet speċifiċi min-naħa tal-ħaddiema. Il-proġett Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali għal Kostruzzjoni b’Użu Baxx tal-Enerġija (VET4LEC) tal-imsieħba soċjali settorjali Ewropej tal-industrija tal-kostruzzjoni, ippreżenta dawn il-ħtiġijiet. Huwa importanti li l-professjonijiet kollha li għandhom x'jaqsmu mal-asbestos b’mod professjonali jew b’mod aċċidentali jkollhom kwalifiki xierqa.

2.6L-asbestos għadu s-sors ewlieni tal-kanċer okkupazzjonali fl-UE. Skont il-Kummissjoni Internazzjonali dwar is-Saħħa Okkupazzjonali (ICOH), l-asbestos jikkawża l-mewt ta’ madwar 88 000 persuna fl-Ewropa kull sena, filwaqt li jammonta għal 55-85 % tal-kanċer tal-pulmun fuq il-post tax-xogħol. Ir-rati ta’ mortalità se jkomplu jiżdiedu sat-tmiem tas-snin 2020 u tas-snin 2030. Anke x-xogħol fuq l-asbestos marbut jista’ jikkawża rilaxx sinifikanti ta’ fibri tal-asbestos perikolużi.

2.7L-istruttura ta’ governanza tal-EPBD fil-livell nazzjonali għandha tissodisfa l-isfidi preżenti u futuri. Il-paragrafu 5 tal-Artikolu 2a tal-EPBD jiddikjara li, sabiex jappoġġja l-iżvilupp tal-istrateġija ta’ rinnovazzjoni fit-tul tiegħu, kull Stat Membru għandu jwettaq konsultazzjoni pubblika. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-modalitajiet għall-konsultazzjoni b’mod inklużiv filwaqt li jinvolvu atturi pubbliċi u privati rilevanti b’mod aktar effikaċi abbażi ta’ konsultazzjoni wiesgħa u parteċipazzjoni effettiva.

3.Kummenti dwar l-istituzzjonijiet Ewropej

3.1Il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar it-theddid għas-saħħa okkupazzjonali marbut mal-asbestos u prospettivi għall-eliminazzjoni tal-asbestos eżistenti kollu (2012/2065(INI) li fiha, fost affarijiet oħra, talab lill-Kummissjoni tiżviluppa approċċ olistiku fir-rigward tar-rinnovazzjoni tal-enerġija u t-tneħħija tal-asbestos. L-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar It-tneħħija għalkollox tal-asbestos mill-UE għamlet rakkomandazzjonijiet simili. Il-Kummissjoni Ewropea ħadet xi miżuri biex issegwi l-proposti iżda għandha tagħmel aktar biex taċċelera l-isforzi tagħhom.

3.2Minħabba li fi kważi kull parti tal-bini eżistenti li nbena qabel id-dħul fis-seħħ tal-projbizzjoni fuq l-asbestos intuża l-asbestos, kwalunkwe tip ta’ attività ta’ rinnovazzjoni ġġib magħha r-riskju potenzjali li jiġu rilaxxati fibri tal-asbestos. L-esponiment potenzjali fir-rigward tal-ħaddiema jeħtieġ li jiġi kkontrollat u l-Kummissjoni Ewropea jeħtiġilha twettaq valutazzjoni dwar il-valur limitu Ewropew eżistenti fuq il-postijiet tax-xogħol għall-fibri tal-asbestos ta’ 100 000 fibra/m³ (id-Direttiva 2009/148/KE) sabiex jiġi ddeterminat jekk dan jiggarantixxix sikurezza suffiċjenti għall-ħaddiema. Il-Kummissjoni Internazzjonali dwar is-Saħħa Okkupazzjonali (ICOH) tirrakkomanda li l-valuri limitu jitnaqqsu għal 1000 fibra/m3.

3.3Il-mudelli attwali għar-reġistrazzjoni tal-asbestos u ta’ sustanzi perikolużi oħra fl-Istati Membri mhuma bl-ebda mod adatti għall-iskop tagħhom. Għalkemm bosta Stati Membri jew reġjuni għandhom reġistri ta’ sustanzi perikolużi, ta’ spiss dawn ma jkunux kompluti, ma jkunux disponibbli għall-pubbliku u l-biċċa l-kbira tagħhom ma jkunux aġġornati. F’xi Stati Membri, dawn huma nieqsa għalkollox. Il-Polonja hija eċċezzjoni notevoli: il-pajjiż għandu programm ambizzjuż għat-tnaqqis tal-asbestos li jgawdi appoġġ pubbliku u huwa ffaċilitat bl-eżistenza ta’ reġistru aċċessibbli għall-pubbliku fir-rigward tal-asbestos.

3.4Reġistru tal-ogħla livell għas-sustanzi perikolużi fil-bini għandu jinkludi: indikazzjoni speċifika għall-bini fir-rigward tal-post u l-ammonti tas-sustanzi perikolużi, dijanjosi tal-potenzjal ta’ theddida u skeda ta’ żmien għat-tneħħija, ġbir tad-data ċentrali mill-awtoritajiet pubbliċi għal finijiet statistiċi u informazzjoni għat-tfassil tal-istrateġiji ta’ tneħħija u l-inċentivi finanzjarji, kif ukoll l-aċċessibbiltà tal-pubbliku għal informazzjoni rilevanti dwar is-sikurezza u s-saħħa għall-awtoritajiet pubbliċi, ir-residenti, il-kuntratturi u l-ħaddiema.

3.5Jeħtieġ li jittejbu l-proċeduri ta’ rikonoxximent u ta’ kumpens fir-rigward tal-vittmi tal-asbestos u għandu jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa sabiex jingħata leħen lill-vittmi, flimkien ma’ appoġġ legali, finanzjarju u personali. Għandhom jiġu appoġġjati assoċjazzjonijiet tal-vittmi tal-asbestos. Dan jista’ jnaqqsilhom il-piż personali li jġorru b’rabta ma’ dawn il-proċeduri ta’ rikonoxximent, li dejjem iżid mat-tbatija personali tagħhom minħabba l-marda.

3.6F’kull livell tal-istruttura ta’ governanza tal-EPBD għandhom jiġu stabbiliti objettivi preċiżi bbażati fuq l-identifikazzjonijiet ta’ kwistjonijiet ewlenin u l-valutazzjoni tal-progress. Għandhom jiġu żviluppati strumenti Ewropej li jappoġġjaw l-implimentazzjoni ta’ strateġiji nazzjonali ta’ rinnovazzjoni fit-tul fil-forma ta’ linji gwida u indikaturi, valutazzjoni komparattiva, kondiviżjoni tal-aħjar prattika u reviżjonijiet bejn il-pari.

4.Kummenti dwar l-implimentazzjoni tal-EPBD fil-livell nazzjonali

4.1L-EPBD riveduta tobbliga lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji ta’ rinnovazzjoni fit-tul. F’konformità mal-Artikolu 7 tal-EPBD, huwa essenzjali li dawn l-istrateġiji ta’ rinnovazzjoni fit-tul jitfasslu fid-dawl tal-perikli inerenti tal-asbestos u ta’ sustanzi perikolużi oħra.

4.2L-Istati Membri huma obbligati jistabbilixxu u jimplimentaw strateġiji ta’ rinnovazzjoni fit-tul. Dan għandu jsir flimkien mal-atturi rilevanti, inklużi livelli territorjali differenti bħal reġjuni u muniċipalitajiet. Naturalment, iridu jitqiesu d-differenzi nazzjonali fl-istrutturi amministrattivi u organizzattivi.

4.3Il-kriterji relatati mal-appoġġ finanzjarju għar-rinnovazzjoni tal-enerġija, bħat-tnaqqis jew is-sussidji tat-taxxa, għandhom jiġu ddefiniti b’mod espliċitu sabiex jippermetti lis-sidien tad-djar ineħħu s-sustanzi perikolużi matul it-twettiq tal-miżuri għar-rinnovazzjoni tal-enerġija; dan jista’ jinkludi l-użu ta’ materjali attivi fl-enerġija bħal sistemi fotovoltajċi integrati. Huwa importanti li l-inċentivi finanzjarji għat-tnaqqis ta’ sustanzi perikolużi jkunu disponibbli wkoll meta t-tneħħija tagħhom ma tkunx marbuta direttament mal-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini. Dan jista’ jgħin biex jinħolqu postijiet ta’ għajxien u ta’ xogħol sani u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, u jiffaċilita t-tneħħija ambizzjuża tal-asbestos.

4.4Il-konsumaturi jirrikjedu appoġġ addizzjonali fil-forma ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-perikli tas-sustanzi perikolużi fil-bini li jista’ jkollhom effetti negattivi fuq is-saħħa u l-kwalità tal-arja fil-magħluq, u dwar kif għandhom jitnaqqsu dawn il-perikli fil-proċess tar-rinnovazzjoni tal-enerġija. Il-konsulenti u l-awdituri fil-qasam tal-enerġija u persuni oħra li jagħtu appoġġ lill-konsumaturi għandhom ikunu infurmati tajjeb u kkwalifikati biex jipprovdu informazzjoni dwar il-possibbiltajiet ta’ tneħħija u finanzjament.

4.5Attwalment, ir-rekwiżiti u d-dispożizzjonijiet ta’ taħriġ f’bosta Stati Membri huma insuffiċjenti biex jipproteġu b’mod xieraq lill-ħaddiema mir-riskji tal-asbestos. Fil-prinċipju, kull ħaddiem fl-industrija tal-kostruzzjoni huwa soġġett għar-riskju potenzjali li jkun espost għall-asbestos matul xogħlu. Skont id-Direttiva dwar l-esponiment għall-asbestos fuq il-post tax-xogħol (id-Direttiva 2009/148/KE), kull ħaddiem li jinsab f’riskju jeħtieġ taħriġ xieraq għal-livell tar-riskju; madankollu, dan ma ġiex rifless biżżejjed fit-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali ta’ bosta Stati Membri li ta’ spiss hija limitata għal ħaddiema li huma potenzjalment esposti għal konċentrazzjonijiet għolja (eż. it-tneħħija/id-demolizzjoni tal-asbestos). L-Istati Membri huma mħeġġa jirrevedu t-traspożizzjoni rispettiva u l-implimentazzjoni prattika tagħhom tad-Direttiva mill-perspettiva ta’ gruppi ta’ riskji differenti, sabiex tittejjeb il-protezzjoni tal-ħaddiema kollha li jinsabu f’riskju ta’ esponiment għall-asbestos.

4.6Huwa importanti li jiġu integrati l-għarfien u t-taħriġ speċifiku għall-kummerċ, inkluż is-sensibilizzazzjoni ġenerali, speċjalment fost il-ħaddiema żgħażagħ, li jistgħu jinkludu taħriġ vokazzjonali u edukattiv. It-taħriġ għandu jitfassal biex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-ħaddiema li se jkunu esposti għall-asbestos fuq bażi okkażjonali u jippermettilhom ineħħu l-materjali b’riskju baxx bħal bjut tas-siment u pajpjiet magħmulin minn asbestos mhux daneġġat. Dan huwa partikolarment rilevanti għall-SMEs. Fl-aħħar nett, il-ħtiġijiet ta’ kumpaniji speċjalizzati fit-tnaqqis tal-asbestos li jistgħu jimmaniġġjaw ukoll materjali b’riskju għoli u kwantitajiet kbar fuq bażi regoli għandhom jitqiesu b’mod separat.

4.7L-Imsieħba Soċjali Ewropej fl-industrija tal-kostruzzjoni żviluppaw moduli ta’ informazzjoni dwar l-asbestos għall-ġestjoni aktar sikura tal-asbestos, li huma disponibbli f’bosta lingwi. L-Istati Membri huma mħeġġa jwettqu attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni tagħhom stess jew ixerrdu materjal eżistenti.

4.8Huma disponibbli teknoloġiji ġodda u prattiki ta’ xogħol ġodda biex jiġu protetti s-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema u tar-residenti tal-bini u jeħtieġ li l-użu u l-implimentazzjoni tagħhom jiġu promossi. It-tnaqqis tat-trab ġenerali fuq il-post tax-xogħol jista’ jnaqqas il-firxa wiesgħa ta’ effetti negattivi fuq is-saħħa li fost l-oħrajn jirriżultaw mis-silika kristallina, mit-trab tal-injam u mill-asbestos. Dan jista’ jsir b’mezzi differenti, bħall-ġbid tat-trab mis-sors, jew li jingħaqad bl-applikazzjoni tal-ilma jew tal-ġell. Robots ikkontrollati mill-bogħod diġà qegħdin jintużaw għat-tneħħija ta’ materjali mill-uċuħ, minn spazji ristretti, mis-soqfa u mill-ħitan tal-bini. Ġaladarba l-periklu tas-sustanzi perikolużi jitqies b’mod serju, dan jista’ jixpruna l-innovazzjoni.

4.9Huwa importanti li tiġi indirizzata l-perċezzjoni kultant preċiża ta’ postijiet tax-xogħol perikolużi u ħżiena għas-saħħa fis-settur tal-kostruzzjoni. Din hija kunsiderazzjoni importanti fid-dawl ta’ forza tax-xogħol li qed tixjieħ. Il-ġestjoni tar-riskju tal-asbestos u ta’ sustanzi perikolużi oħra b’mod olistiku matul ir-rinnovazzjoni tal-enerġija tista’ tagħmel is-settur aktar attraenti għall-irġiel u n-nisa żgħażagħ.

4.10Ir-rinnovazzjoni tal-enerġija toħloq professjonijiet ġodda u tittrasforma l-profili tal-impjiegi eżistenti. Din hija opportunità biex is-settur isir aktar attraenti u biex jinħolqu postijiet tax-xogħol ġodda u attraenti. Qed isir dejjem aktar importanti li tiġi indirizzata l-bidla demografika fis-settur billi jiġu pprovduti profili tal-impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol li jissodisfaw l-aspettattivi tal-ħaddiema żgħażagħ u tan-nisa b’mod partikolari.

4.11Persuna normali tqatta’ madwar 90 % tal-ħin tagħha ġewwa. Illum il-ġurnata, il-materjali tal-bini rarament ikun fihom materjali omoġenji. Jidher li anke prodotti sempliċi jiġu prodotti billi jintużaw firxa ta’ prodotti u addittivi kimiċi; dan ta’ spiss huwa marbut ma’ proċessi tekniċi. Xi drabi, l-effetti fit-tul fuq is-saħħa tal-bniedem ma jkunux magħrufa. Pereżempju, in-nanomaterjali għandhom karatteristiċi ġeometriċi simili bħall-asbestos u maż-żmien jistgħu jsiru potenzjalment perikolużi. Dawk li jfasslu l-politika u l-produtturi tal-materjal tal-bini għandhom japplikaw il-prinċipju ta’ prekawzjoni bħala r-regola ta’ gwida fir-riċerka u l-iżvilupp tal-materjali tal-bini.

4.12Għandu jiġi integrat approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja fir-rigward tad-disinn tal-bini u l-materjali tal-kostruzzjoni fid-dawl tal-użu ta’ tmiem iċ-ċiklu u r-riċiklaġġ. Dawk li jfasslu l-politika jistgħu jistimulaw jew jipprovdu inċentivi biex jintużaw tekniki tal-bini sostenibbli u materjali tal-bini naturali bħal, iżda mhux limitati għall-injam, idealment minn sorsi lokali. Pereżempju, attwalment qed naraw żieda fil-bini b’qafas tal-injam u fl-iżviluppi teknoloġiċi rigward il-materjali tal-insulazzjoni b’bażi bijoloġika bħal hempcrete jew applikazzjonijiet ġodda għal prodotti bbażati fuq l-injam fl-attivitajiet relatati mal-abitazzjoni. Dawn l-iżviluppi fl-użu ta’ aktar materjali u prodotti sostenibbli għandhom jiġu promossi u appoġġjati b’mod attiv permezz ta’ diversi strumenti u inizjattivi tal-UE. Dan għandu jqis ukoll l-għan tal-UE li toħloq ekonomija ċirkolari.

4.13Waħda mill-motivazzjonijiet ewlenin għar-reviżjoni tal-EPBD kienet li jitnaqqas l-impatt tat-tibdil fil-klima. Madankollu, aħna nistgħu nantiċipaw frekwenza ogħla ta’ diżastri naturali li jistgħu jirriżultaw fir-rilaxx mhux ikkontrollat tal-fibri tal-asbestos mill-bini u l-infrastruttura pubblika. Dan għandu jkun inċentiv addizzjonali biex tiġi aċċellerata t-tneħħija tal-asbestos u għandu jkun parti mill-pjani ta’ rispons għad-diżastri naturali. F'sitwazzjonijiet bħal dawn, is-servizzi tal-emerġenza jinsabu f'riskju u jeħtieġ li jkunu protetti b'mod adegwat.

Brussell, 15 ta’ Mejju 2019

Luca Jahier
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

_____________