MT

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

CCMI/165

It-tibdil ekonomiku, teknoloġiku u soċjali

tas-servizzi avvanzati tas-saħħa għall-anzjani

OPINJONI

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


It-tibdil ekonomiku, teknoloġiku u soċjali tas-servizzi avvanzati tas-saħħa għall-anzjani

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

Relatur: Marian KRZAKLEWSKI

Korelatur: Jean-Pierre HABER

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja:

12/07/2018

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI)

Adottata fis-CCMI

26/03/2019

Adottata fis-sessjoni plenarja

15/05/2019

Sessjoni plenarja Nru

543

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

150/3/6



1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet 1

1.1Il-problema tat-tixjiħ soċjodemografiku fl-Ewropa u r-reazzjonijiet etiċi, politiċi, ekonomiċi u soċjali li jeħtieġ li jiġu implimentati jikkostitwixxu sfida konsiderevoli u joffru opportunitajiet f’termini ta’ impjiegi, taħriġ, żvilupp ekonomiku u innovazzjoni fl-Unjoni.

1.2Il-Kumitat jiddispjaċih li l-politiki ekonomiċi, soċjali u tas-saħħa Ewropej ma antiċipawx il-ħtiġijiet dejjem jikbru tal-anzjani. Huwa jixtieq li jiġi enfasizzat ir-rwol soċjali u ekonomiku tal-anzjani kif ukoll is-sors kolossali ta' impjiegi li huma jirrappreżentaw permezz l-intermedjarju tal-ekonomija tal-anzjani (“silver economy”) u l-ħtiġijiet għall-kura u s-servizzi personali għall-anzjani (SAPA).

1.3Rappreżentazzjoni korretta tar-realtajiet soċjodemografiċi tat-tixjiħ teħtieġ kejl statistiku tajjeb tal-fenomenu: ikun sensibbli, f’termini ta’ ekonomija tas-saħħa, li jitkejjel it-tixjiħ demografiku b’mod dinamiku u raffinat, b’mod partikolari bl-introduzzjoni ta’ fatturi varjabbli bħas-sess, l-għomor f’ħajja sana, l-epidemjoloġija ambjentali eċċ. Għalhekk bord ta’ demografiċi, soċjologi u tobba għandu jiġi fdat bil-kompitu li joħloq sett ta’ indikaturi dinamiċi tat-tixjiħ demografiku.

1.4Il-kunċett ta’ kura u ta’ servizzi personali f'istituzzjoni u fid-dar għandu jiġi ċċarat minħabba li din it-terminoloġija tinkludi diversità ta’ attivitajiet li l-implimentazzjoni tagħhom tista’ tiġi pprovduta minn fornituri bi status differenti ħafna.

Minħabba l-firxa wiesgħa ta’ attivitajiet tas-servizzi personali għall-anzjani, dawn is-servizzi mhumiex ikkunsidrati bħala settur ekonomiku koerenti fi ħdan l-UE. Għalhekk għandha tiġi kkunsidrata definizzjoni legali ġenerali tas-servizzi personali għall-anzjani fl-UE.

1.5Il-KESE jirrakkomanda li d-dritt għat-tixjiħ fid-dinjità jiġi rikonoxxut bħala dritt fundamentali tal-bniedem. Għalhekk jemmen li għandu jsir kull sforz biex jiġi promoss l-aċċess ugwali għal kura u servizzi ta’ kwalità.

1.6Il-KESE jixtieq li l-istrateġija diġitali tal-UE tqis li jinżamm l-użu tal-karta stampata sabiex jiffaċilita l-għarfien għal persuni anzjani fir-rigward tal-kura tas-saħħa li tingħatalhom.

1.7Il-KESE jirrakkomanda li l-politiki tad-djar u l-politiki tat-tixjiħ jiġu implimentati permezz ta’ skemi innovattivi ta’ akkomodazzjoni (bħal appartamenti modulari, akkomodazzjoni fi grupp, akkomodazzjoni interġenerazzjonali u inklużiva, eċċ.) li għandhom ikunu soġġetti għal attenzjoni sostnuta u għal programm ta’ għajnuna speċifika li joriġina mill-Fondi Strutturali Ewropej.

1.8Kull Stat Membru għandu jitħeġġeġ jistabbilixxi osservatorji tat-tixjiħ nazzjonali u reġjonali biex jaħdmu b’kollaborazzjoni mas-servizzi ekonomiċi u soċjali li jkunu minn ta’ quddiem biex:

-jiżviluppaw is-sistemi legali sabiex jipproteġu s-sitwazzjoni soċjali u finanzjarja tal-persuna anzjana;

-jiżviluppaw il-mobbiltà interna (id-dar) u l-mobbiltà esterna (l-attivitajiet, l-ivjaġġar, id-divertiment...) tal-anzjani;

-jorganizzaw il-komplementarjetà bejn is-servizzi fid-dar, id-djar tal-anzjani u l-forom alternattivi kollha ta’ akkomodazzjoni għall-anzjani;

-jikkoordinaw l-isforzi ta’ dawk li jieħdu ħsieb il-kura, dawk li jgħinuhom u s-servizzi personali għall-anzjani permezz tal-kura tal-anzjani, immexxija minn tabib ġerontologu li jikkoordina u infermier.

1.9L-UE għandha tikkunsidra l-ħolqien ta’ pjattaforma li tikkoordina l-attivitajiet tal-osservatorji tat-tixjiħ, responsabbli, fost affarijiet oħra, għal proposti ta’ taħriġ kontinwu u t-tixrid tal-prattika tajba billi tiġi żviluppata bażi tad-data pubblika tal-aqwa prodotti, apparat, tagħmir u arkitetturi li jiżguraw il-ħajja ta’ kuljum tal-anzjani. Il-KESE jixtieq li l-UE tappoġġja b’mod aktar attiv il-programmi ta’riċerka u żvilupp (R&Ż) dwar il-fatturi umani u soċjali karatteristiċi tal-anzjani u dwar l-epiġenetika billi tidentifika l-mekkaniżmi molekulari u bijoloġiċi ewlenin tat-tixjiħ. Huwa jirrakkomanda li tiġi stabbilita pjattaforma teknoloġika tal-komunità li tidderieġi aħjar ir-R&Ż lejn innovazzjonijiet li jipproteġu s-saħħa tal-anzjani u jiżguraw il-prevenzjoni.

1.10Il-KESE jappella għal użu aħjar tal-innovazzjonijiet fit-teknoloġija diġitali mill-partijiet interessati kollha fis-settur soċjali u tas-saħħa: it-telemediċina, is-sensuri, il-mappa klinika u l-fajl mediku kompjuterizzati, l-awtomatizzazzjoni fid-djar u, b’mod aktar ġenerali, l-implimentazzjoni ta’ tekniki ta’ intelliġenza artifiċjali fil-qasam tal-anzjani.

Huwa jixtieq li l-innovazzjoni tiġi stimulata billi jintemmu l-frammentazzjoni tas-suq u l-approċċi korporattivi li huma ostakli tekniċi reali. Huwa jiġbed l-attenzjoni għan-nuqqas ta’ standards u ċertifikazzjoni Ewropej għall-materjali u t-tagħmir intiżi għall-anzjani.

1.11Il-KESE jappella għal mutwalizzazzjoni fl-użu ta’ għodod teknoloġiċi ġodda li joħorġu mill-qasam diġitali biex tistimula suq reali li jkopri l-ħtiġijiet tal-anzjani u biex issostni l-investiment fl-Ewropa.

Huwa jemmen li l-gwadanji fil-produttività mit-teknoloġija diġitali għandhom jintużaw biex itejbu l-benesseri tal-anzjani u jipprogrammaw rivalutazzjoni finanzjarja tal-ħaddiema soċjali u paramediċi.

1.12It-taħriġ professjonali tas-settur għandu jkun appoġġjat bil-qawwa. Il-kwistjonijiet tan-nutrizzjoni, il-waqgħat fid-dar, il-vjolenza lejn l-anzjani u l-partijiet ikkonċernati, l-użu tat-teknoloġiji diġitali fid-dar, l-appoġġ ta’ tmiem il-ħajja eċċ. għandhom jiġu integrati fi programmi speċifiċi. Ikun tajjeb li l-Fondi Strutturali, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew, jiffinanzjaw it-taħriġ vokazzjonali tal-partijiet interessati fis-settur tal-kura u s-servizzi.

1.12.1Meta titqies id-diversità tal-approċċi fl-UE, il-KESE jirrakkomanda li tiġi definita bażi komuni li tinkludi t-taħriġ essenzjali eżistenti f’approċċ simili għal dak li ppresieda d-definizzjoni tad-Direttivi 2005/36/KE tas-7 ta’ Settembru 2005 u 2013/55/UE dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali.

1.13Sabiex jitħejjew u jissaħħu l-mobbiltà tal-ħaddiema u s-servizzi għall-anzjani, għandha tiġi definita bażi Ewropea ta’ taħriġ għall-infermiera ġerontoloġiċi, il-persuni li jindukraw u l-assistenti fil-qasam tal-kura, mhux biss fil-livell tekniku imma wkoll fil-livell soċjali u uman.

1.13.1Fl-istess ħin,tinħtieġ rivalutazzjoni tal-kunsiderazzjoni soċjali u finanzjarja tal-persunal responsabbli mill-anzjani. Ir-rikonoxximent tal-kunċett ta’ persuna li tindokra huwa wkoll essenzjali għall-kostruzzjoni ta’ politika koerenti u effettiva dwar it-tixjiħ.

1.14Il-KESE jitlob għall-organizzazzjoni ta’ round-table dwar il-finanzi li tlaqqa’ flimkien lill-atturi ewlenin tas-settur soċjali u tas-saħħa, ir-regolaturi istituzzjonali tas-swieq (li huma l-Istat u l-komunitajiet lokali), il-fondi għall-pensjonijiet, l-assiguraturi u l-fondi tal-pensjonijiet biex jiżguraw is-sopravivenza fit-tul tas-servizzi u l-investimenti għax-xjuħ, biex jagħmlu l-impjiegi aktar vijabbli u biex jirrakkomandaw il-prezz it-tajjeb għas-servizzi. Din ir-round-table ċentrali għandha tkun preċeduta minn serje ta’ laqgħat preparatorji deċentralizzati organizzati madwar il-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali Nazzjonali kif ukoll il-KESE.

1.15Il-KESE jirrakkomanda l-istabbiliment ta’ politika ta’ komunikazzjoni Ewropea mmirata lejn l-iżvilupp ta’ solidarjetà interġenerazzjonali akbar favur l-anzjani, kemm ekonomikament kif ukoll soċjalment.

2.    Politika tal-anzjani miftiehma u awtorizzata

2.1Għal rappreżentazzjoni konsistenti tar-realtajiet soċjodemografiċi tat-tixjiħ jinħtieġ kejl statistiku tajjeb flimkien ma’ approċċ soċjosanitarju għall-fenomenu. Ikun sensibbli li:

-jiġu mobilizzati s-soċjologi u d-demografiċi biex jiżviluppaw analiżi dettaljata u prospettiva tad-dimensjonijiet soċjodemografiċi tat-tixjiħ (id-daqs u l-kompożizzjoni tad-djar, il-konnessjonijiet mat-tfal u qraba oħra, l-impatti tas-separazzjoni u r-rikompożizzjoni tad-djar);

-jiġu stabbiliti strumenti ta’ valutazzjoni fl-Ewropa biex jiġu osservati u jitqabblu l-politiki tal-Istati Membri u biex jiġu trasposti l-prattiki tajbin.

2.2Il-prevenzjoni tista’ tillimita l-impatt ta’ xjuħija diffiċli, sakemm titqies l-isfida tagħha, jiġu identifikati l-komponenti tat-tixjiħ tajjeb (eżerċizzju, soċjabilità, serenità, nutrizzjoni), u jiġu organizzati l-isforzi umani u finanzjarji lejn din il-kwistjoni ewlenija, mingħajr ma tittaqqal il-fattura tal-persuni taxxabbli u billi titqies il-varjetà ta’ skemi finanzjarji.

2.3Ir-rakkomandazzjonijiet f’dan il-qasam għandhom jiġu appoġġjati minn riċerka xjentifika li għandha tiffoka fuq l-epiġenetika u tidentifika l-mekkaniżmi molekulari u bijoloġiċi ewlenin tat-tixjiħ li jistgħu jittejbu bin-nutrizzjoni mikro u r-relazzjoni bejn il-bnedmin u l-ambjent. Il-produzzjoni ta’ komposti bijoattivi ta’ kwalità għall-ġlieda kontra d-deġenerazzjoni taċ-ċelloli għandha tkun ikkontrollata u ċċertifikata aħjar biex tiġi żgurata effiċjenza mtejba.

2.4Is-servizzi għall-anzjani jaqgħu taħt żewġ approċċi komplementari: l-approċċ istituzzjonali fir-residenzi ta' kura u l-approċċ residenzjali. L-effiċjenza ta’ din il-komplementarjetà se tkun żgurata biss b’oġġettività tal-missjonijiet u tal-kontenut ta’ wieħed u l-ieħor, b’definizzjoni preċiża tal-profili appoġġati, kif ukoll b’koordinazzjoni aħjar tal-atturi u l-għodod tagħhom.

2.5Jeħtieġ li l-informazzjoni tiġi mobilizzata u strutturata sabiex jiġu evalwati – b’mod kwantitattiv u kwalitattiv – il-ħtiġijiet attwali f’termini ta’ postijiet fir-residenzi ta' kura fid-dawl tal-fatt li, skont il-letteratura kkonsultata, il-kura fid-dar (anke f'kondizzjonijiet ta’ dipendenza serja) hija waħda minn dawk l-affarijiet li huma tant mitluba fost dawk il-persuni ta’ 85 sena u aktar.

2.6Il-mappa klinika u l-fajl mediku kompjuterizzati għandhom ikunu ġeneralizzati għall-Istati Membri kollha. Dawn jippermettu fehim aħjar tas-sitwazzjoni reali tas-saħħa u jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ proċess ta’ kura speċifiku għall-anzjani.

2.7Ikun neċessarju li titħeġġeġ viżjoni aktar miftuħa u għalhekk is-sħubija bejn id-diversi partijiet interessati mediċi u paramediċi billi jiġi privileġġjat ir-rwol tat-tabib ġerontologu li jikkoordina u tal-infermiera prinċipali – li l-funzjoni tagħhom għandha tissaħħaħ– u li jiġu stabbiliti kuntatti bejn is-servizzi tal-kura istituzzjonali, il-kura u s-servizzi ta’ pazjenti ta’ barra l-isptar, it-tabib tal-familja u l-persuni li jindukraw. Dan jippermetti fehim aħjar tad-domanda għat-tagħmir u l-akkoljenza tal-anzjani.

2.8Minbarra l-ħaddiema professjonali, l-involviment tal-persuni li jindukraw irid jiġi rikonoxxut u vvalutat.

2 Is-sistema Ġappuniża Fureai Kippu (FK) hija waħda interessanti f’dan ir-rigward.

2.8.1L-UE tista’ tkun il-pijuniera ta’ esperjenza pilota ta’ bank ta’ sigħat interġenerazzjonali f’għaxar reġjuni u/jew bliet Ewropej ispirati mill-Fureai Kippu u mbagħad tipproponi lill-Istati Membri – li jimpenjaw ruħhom favur din l-idea – biex jiġġeneralizzaw is-sistema jekk din tkun effettiva.

3.    Politika razzjonali u effiċjenti tad-djar

3.1Il-kwistjoni tad-djar tal-anzjani hija kumplessa u sensittiva. Għandha titqies billi tiffavorixxi sistematikament l-għażla tal-persuna u d-djalogu mal-familja u mal-qraba. Politika razzjonali tad-djar tal-anzjani għandha tqis l-elementi li ġejjin:

-l-abitazzjonijiet qed jiġu antikwati flimkien mal-okkupanti tagħhom. L-ispejjeż relatati mal-okkupazzjoni ta’ akkomodazzjoni mhux xierqa jistgħu jsiru fattur ta’ faqar, nuqqas ta’ soċjalizzazzjoni u deterjorament tas-saħħa;

-l-għażla ma tistax tibqa’ esklużivament bejn id-dar u l-istituzzjoni. Jeżistu forom alternattivi ta’ akkoljenza. Il-potenzjal soċjali u ekonomiku tagħhom għandu jiġi vvalutat u l-istrutturi li għandhom jinħolqu għandhom jiġu definiti skont il-profili u l-patoloġiji (day centres, ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-lejl, ċentri ta’ prossimità li jieħdu ħsieb l-awtonomija, eċċ.);

-jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn “disturbi konjittivi” u inkapaċità għall-awtonomija;

-il-konċentrazzjoni ta’ persuni anzjani bejniethom m’għandha l-ebda vantaġġ konjittiv u r-relazzjoni bejn is-saħħa mentali u s-saħħa fiżika tal-anzjani llum il-ġurnata hija stabbilita xjentifikament;

-il-konċentrazzjoni u l-kura totali ta’ anzjan(a) iżidu b’mod sinifikanti r-riskju ta’ ċaħda u riżenja. Dan jimplika inevitabbilment iż-żieda fil-medikalizzazzjoni u fil-medikazzjoni.

3.2Il-politika tal-bini mmirata lejn l-istituzzjonijiet ta’ kollokament għall-persuni anzjani dipendenti għandha tiġi raġunata taħt penali ta’ ineffiċjenza u spejjeż li diffiċli jitħallsu mill-anzjani nnifishom, filwaqt li titqies l-importanza tal-pożizzjoni ġeografika. L-iżgurar tar-rispett tal-għażla tal-persuna dwar jekk għandhiex titqiegħed f’istituzzjoni jew le għandu jibqa’ imperattiv kategoriku.

3.2.1Huwa essenzjali li jiġu previsti politiki tal-bini u urbani dinamiċi u flessibbli sabiex jiffavorixxu l-intermodalità tal-akkomodazzjoni, l-interġenerazzjonalità u l-ftuħ soċjali.

3.3L-avvanzi teknoloġiċi fl-awtomatizzazzjoni domestika huma element ewlieni tal-politiki tad-djar li għandhom jiġu implimentati. Għandhom ikunu appoġġjati b’attenzjoni speċjali għal appoġġ uman kompetenti u kwalifikat.

3.4L-approċċ tal-“belt komda għall-anzjani” (appoġġjat mill-OMS) għandu l-għan li jippromovi xjuħija attiva billi jimmassimizza s-saħħa, il-parteċipazzjoni u s-sikurezza taċ-ċittadini anzjani. Belt Komda għall-Anzjani tistabbilixxi stampa sħiħa, tevalwa l-istrutturi u s-servizzi ddedikati għall-anzjani u tistabbilixxi pjan għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet u l-effetti fuq il-post.

L-UE tista’ tkun il-pijuniera ta’ programm biex tniedi serje ta’ esperjenzi pilota ta’ Belt Komda għall-Anzjani li jpoġġu fil-mira tagħhom profili urbani eteroġeni minn kwartieri fi bliet kbar (ħafna) sa entitajiet semi-rurali.

4.    Ir-rivalutazzjoni tal-professjonisti u taħriġ sostnut

4.1F’soċjetà li qed tixjieħ, għandha ssir enfasi fuq il-ġestjoni tas-sintomi u l-varjabbiltà tagħhom. Huma meħtieġa aktar professjonisti biex jiżviluppaw sistemi u proċeduri. In-numru ta’ nies li jaħdmu fir-rijabilitazzjoni u t-telemediċina se jiżdied.

Ftehimiet kollettivi li joħorġu mid-djalogu soċjali huma mixtieqa sabiex jiġi evitat it-tibdil sinifikanti tal-persunal fis-settur billi jinsistu fuq ir-rivalutazzjoni tal-kunsiderazzjoni soċjali u r-rimunerazzjoni professjonali.

4.2Statistikament, u irrispettivament mix-xenarju studjat, ix-xogħol ta’ għajnuna fid-dar huwa potenzjalment l-akbar sors ta’ ħolqien ta’ impjiegi. Il-professjonijiet li jirrigwardaw il-kura u l-assistenza lill-persuni fraġli kollha, li huma relattivament inqas sensittivi għas-sitwazzjoni ekonomika, għandhom jibbenefikaw minn dinamika qawwija tax-xogħol. Il-persuni li jindukraw, il-persunal awżiljarju u l-infermiera jgħoddu wkoll fost l-aktar impjiegi li joħolqu x-xogħol.

4.3Il-letteratura kollha kkonsultata tasal għall-istess konklużjoni: il-kura u s-servizzi għall-anzjani jirrappreżentaw ġabra ta’ impjiegi potenzjalment enormi billi t-tendenza ewlenija hija lejn it-tixjiħ soċjodemografiku tal-kontinent. Il-problema ċentrali tikkonċerna l-vijabbiltà ekonomika ta’ dawn l-impjiegi bi ħlas baxx, minħabba l-valur miżjud tagħhom, id-dedikazzjoni tal-persunal u l-kundizzjonijiet diffiċli tax-xogħol.

4.4It-taħriġ tal-persuni li jindukraw għandu jkun appoġġjat ukoll minħabba li l-preżenza u l-attivitajiet tagħhom, komplementari għal dawk tal-professjonisti, huma inseparabbli mill-benesseri tal-persuna anzjana. L-UE tista’ tkun il-pijuniera ta’ politika proattiva biex tgħin lil dawk il-persuni li jindukraw billi tissuġġerixxi li l-Istati Membri jadattaw il-leġislazzjonijiet soċjali tagħhom. Dan ifisser li jiġi rikonoxxut status partikolari lill-persuna li tindokra.

4.5Il-pubbliku li jkun fil-mira ta’ taħriġ professjonali dwar is-servizzi personali għall-anzjani, ġeneralment ma tantx ikun (jekk ikun) ikkwalifikat, minħabba li ftit li xejn huwa mdorri bil-mezzi ta’ tagħlim tradizzjonali. Madankollu, huwa għandu għarfien empiriku. Għalhekk għandu jiġi definit qafas għall-iżvilupp ta’ esperimenti formattivi bbażati fuq għarfien atipiku (għarfien u ħiliet soċjali). Il-KESE jirrakkomanda approċċ li, mingħajr ma jittraskura t-tagħlim konjittiv, juża approċċ ibbażat fuq it-tagħlim biex jiddefinixxi profili ta’ kompetenza adegwati.

4.6L-aċċess u l-modalitajiet tat-taħriġ għandhom jiġu ffaċilitati għall-pubbliku fil-mira billi t-tranżizzjoni għall-għarfien tekniku meħtieġ issir aktar flessibbli permezz ta’:

-għodod tal-IT (u oħrajn) li jippermettu l-aċċess għat-teorija u għall-informazzjoni;

-l-istabbiliment ta’ perjodi speċjali ta’ skambju;

-il-ħatra ta’ konsulent permanenti;

-l-organizzazzjoni ta’ komunitajiet online għall-iskambju ta’ għarfien u prattiki.

4.7Dan li ssemma’ hawn fuq għandu jingħata attenzjoni speċjali mill-programm Erasmus+. Barra minn hekk, l-awtorità baġitarja Ewropea għandha tiftaħ u tappoġġja r-riflessjoni permezz ta’ linja baġitarja ta’ “esperimentazzjoni”.

5.    Politika ta’ finanzjament adegwata

5.1Il-prinċipju ta’ aċċess universali għas-servizzi personali ta’ kura u għajnuna għall-anzjani jista’ jkun ispirat minn dak tal-Pjattaforma Ewropea għal Persuni Anzjani: ikun aċċessibbli bi prezz li ma jikkompromettix la l-kwalità tal-ħajja u d-dinjità u lanqas il-libertà tal-għażla.

5.2Il-persuna li qed tixjieħ tibqa’ attur dirett u indirett fin-nisġa soċjali. Meta ssib ruħha f’telf ta’ awtonomija, tibda r-rwol soċjali passiv tagħha: toħloq impjiegi diretti u indiretti meħtieġa għall-organizzazzjoni tan-netwerk ta’ appoġġ. Huwa f’dan il-punt li s-soċjetà, min-naħa tagħha, tista’ tattiva u timplimenta l-ħiliet u r-riżorsi kollha tagħha biex tiżgura l-kura komprensiva tal-anzjani tagħha.

5.3Is-servizzi personali għall-anzjani ġeneralment igawdu minn appoġġ pubbliku wiesa’ permezz ta’ skemi mmirati lejn il-vijabbiltà ekonomika tad-domanda privata tal-familji. Madankollu, il-kommodifikazzjoni u l-monetizzazzjoni ta’ dawn is-servizzi qed ibiddlu r-rwol tal-awtoritajiet pubbliċi u tal-governanza ta’ dawn is-servizzi. Minn fornituri ta’ servizzi għal persuni dipendenti, l-Istat u l-komunitajiet lokali għandhom it-tendenza li jsiru regolaturi tas-suq billi jistabbilixxu proċeduri biex jiżguraw l-effiċjenza fis-suq u l-fiduċja tal-benefiċjarji. Dan jinvolvi prinċipalment il-kontroll tal-operaturi tal-post, il-kwalità tas-servizzi u t-tixrid ta’ informazzjoni. Il-KESE jixtieq li l-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri jintroduċu t-trasparenza tas-swieq u prestazzjonijiet ta’ kwalità fl-attivitajiet tal-kura u servizzi ta’ għajnuna għall-anzjani.

5.4Sabiex tiġi żgurata vijabbiltà ekonomika vera tad-domanda għas-servizzi personali għall-anzjani, l-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa jippromovu l-istabbiliment ta’ assigurazzjoni awtonoma, preferibbilment inkorporata fis-sistema tas-sigurtà soċjali. Din l-assigurazzjoni għandha tkun inklużiva, b’tali mod li tiffinanzja servizzi u tagħmir li jippermettu awtonomija effettiva. L-assigurazzjoni awtonoma għandha tkopri l-ħtiġijiet għall-kura u s-servizzi fid-dar kif ukoll iż-żjara temporanja jew permanenti f’istituzzjoni.

5.5Is-sistemi tas-sigurtà soċjali tal-Istati, jekk huma jridu jintegrawhom, ma jistgħux jaffordjaw li jiffinanzjawhom fuq il-bażi ta’ taxxa biss. Dan il-finanzjament għandu jiġi kkunsidrat billi jingħaqdu sorsi oħra, pubbliċi u privati, inklużi fondi tal-pensjoni.

Issa hemm bżonn ta’ studju soċjoekonomiku kbir prospettiv mibdi mill-Kummissjoni dwar il-vijabbiltà tal-impjiegi tas-servizzi personali għall-anzjani fit-territorju tal-Unjoni. Dan l-istudju għandu jqis il-forom differenti ta’ finanzjament pubbliku u privat, jipproponi mekkaniżmi ta’ investiment ibbażati fuq sħubijiet pubbliċi/privati u jissuġġerixxi rakkomandazzjonijiet differenti kemm fil-livell supranazzjonali kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri. Il-linji ta’ studju bħal dan għandhom jitfasslu bħala parti minn round table finanzjarja li tlaqqa’ flimkien lill-atturi prinċipali responsabbli biex jieħdu ħsieb l-anzjani.

Brussel, 15 ta’ Mejju 2019.

Luca JAHIER
President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

_____________

(1)      Din l-Opinjoni hija komplementari għall-Opinjonijiet tal-KESE tat-13.12.2012 dwar “Xejriet u konsegwenzi fil-qasam tal-industriji tas-servizzi personali soċjali, tas-saħħa u tal-edukazzjoni fl-Unjoni Ewropea” – ĠUC 44, 15.2.2013, p. 16 ; u tal-14.2.2018 dwar “Il-bidla industrijali fis-settur tas-saħħa” – ĠU C 227, 28.6.2018, p. 11 . Tqis ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni tat-2.7.2008 dwar “L-interoperabbiltà transkonfinali tas-sistemi tar-rekords elettroniċi tas-saħħa” u tas-6.2.2019 dwar “Format għar-Rekords Elettroniċi dwar is-Saħħa Ewropej”.
(2)      Il-Ġappun (li huwa l-pajjiż tal-OECD fejn il-popolazzjoni qed tixjieħ l-aktar) stabbilixxa s-sistema Fureai Kippu, li hija netwerk lokali ta’ assistenza reċiproka b’“bank ta’ sigħat” biex titqajjem kuxjenza dwar il-volontarjat. Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, dan ikopri l-għajnuna kollha għall-anzjani jew għall-persuni b’invalidità li mhijiex koperta mill-assigurazzjoni tas-saħħa.