MT

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

INT/870

Appoġġ finanzjarju għat-tagħmir ta’ kontroll doganali

OPINJONI

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-istrument ta’ appoġġ finanzjarju għat-tagħmir ta’ kontroll doganali bħala parti mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri

[COM(2018) 474 final - 2018/0258(COD)]

Relatur: Antonello PEZZINI

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 02/07/2018

Kunsill, 04/07/2018

Bażi legali

Artikoli 114(1) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

02/10/2018

Adottata fil-plenarja

17/10/2018

Sessjoni plenarja Nru

538

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

200/0/5



1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iqis li, fid-dawl tal-problemi li qed jiżdiedu marbutin mal-kontroll fil-fruntieri esterni tal-Unjoni, huwa essenzjali li tiġi implimentata sistema li tkun kapaċi tgħaqqad il-protezzjoni tal-individwi u s-sigurtà tal-fruntieri flimkien mal-istabbiliment ta' rabtiet kummerċjali produttivi ma' pajjiżi terzi.

1.2Din hija waħda mill-isfidi l-kbar li l-Unjoni Ewropea trid twieġeb għaliha, u l-KESE jqis li l-Pakkett dwar il-Ġestjoni tal-Fruntieri, li tfassal għall-baġit pluriennali li jmiss tal-UE, jirrappreżenta l-ewwel pass pożittiv.

1.3Il-KESE jqis li huwa essenzjali li jiġu pprovduti livelli għoljin ta' kwalità u ta' innovazzjoni tat-tagħmir doganali lill-Unjoni, sabiex jiġu mħarsa l-kultura soċjali kif ukoll l-interessi soċjali, ambjentali, ekonomiċi u finanzjarji tal-Istati Membri, li jieħdu l-forma:

 

-fil-ġlieda, li għadha mhix effettiva, kontra l-kummerċ illegali;

-fit-tnaqqis fil-piż u fis-semplifikazzjoni tal-prattiki tal-kummerċ legali;

-fis-salvagwardja tas-sigurtà tas-suq intern tal-UE;

-fil-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa taċ-ċittadini;

-fir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema;

-fil-ħarsien tal-interessi tal-konsumatur;

-fl-aħjar ġestjoni tar-riskji doganali;

-fl-irkupru tad-dazji.

1.4Il-Kumitat jemmen li huwa importanti wkoll li għall-istrument il-ġdid:

-jiġu żgurati prijoritajiet li jkun hemm tagħmir fil-fruntieri li jkun soġġett għal pressjoni ta' kontroll ikbar, bħal dik marittima;

-jitħaffef ix-xogħol tat-tim ta' valutazzjoni li joperaw f'dan il-kamp ta' applikazzjoni 1 ;

-jiġi ggarantit tqassim ġeografika ġust;

-tiġi rrispettata l-proporzjonalità, marbuta mal-flussi tal-merkanzija u tal-persuni, f'sinerġija mal-Fond għas-Sigurtà.

1.5Il-Kumitat japprezza l-isforz tal-Kummissjoni, indirizzat kemm biex jittejbu l-kontrolli tal-fruntieri tal-UE, kif ukoll biex jiżdiedu l-fondi u l-istrumenti meħtieġa, bil-għan li jiġu żgurati kontrolli doganali innovattivi u ta' kwalità, u applikazzjoni, kemm jista' jkun uniformi, tal-leġislazzjoni doganali, applikata fl-uffiċċji li joperaw fil-fruntieri esterni 2 .

1.6Il-Kumitat iqis li l-allokazzjoni finanzjarja tal-istrument il-ġdid mhijiex suffiċjenti fir-rigward tal-għanijiet li jixtieq jilħaq, li, barra minn hekk, għandhom jinkludu: it-tagħmir ta' kontroll tas-sigurtà tas-saħħa tal-pjanti u l-istrumenti għall-ispettrografija avvanzata tal-kontejners tal-merkanzija 3 .

1.7Barra minn hekk, il-Kumitat iqis li huwa importanti li, fi żminijiet kemm jista' jkun qosra, tiġi żgurata l-provvista ta' tagħmir fl-uffiċċji tal-fruntieri li jaffaċċjaw iktar pressjonijiet ta' kontroll, bħal dawk marittimi, li għalihom għandha tingħata prijorità fit-tqassim tal-għotjiet. Barra minn hekk ikun xieraq li l-istrument il-ġdid jipprevedi l-istabbiliment ta’ riżerva ta’ intervent rapidu għat-tixrid ta’ tagħmir ġdid, bil-possibbiltà ta’ reviżjoni, fl-istess ħin, tal-lista ta’ tagħmir diġà aċċettat.

1.8Il-Kumitat jitlob biex tiġi assigurata trasparenza massima għall-programmi ta’ ħidma annwali u l-mekkaniżmi għall-attribuzzjoni tal-għotjiet 4 , ġestiti direttament mill-Kummissjoni.

1.9Il-KESE jirrakkomanda li jkun hemm koordinazzjoni mill-qrib, b'mod partikolari mal-programm Dwana, maħsub biex jiffinanzja serje sħiħa ta' infrastrutturi u sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni, fosthom id-diġitalizzazzjoni tal-interazzjoni bejn l-operaturi kummerċjali u s-servizzi doganali, mal-Orizzont Ewropa u ma' fondi xierqa oħra.

1.10Il-Kumitat jitlob li, fuq perjodu ta' żmien medju, jiġi ppreżentat lilu r-rapport dwar il-kisbiet u dwar il-funzjonament tal-istrument il-ġdid, akkumpanjat minn analiżi li tkun ibbażata fuq indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi.

1.11L-idea li, fi żminijiet xierqa, tiġi żviluppata bażi lingwistika komuni dwar it-temi rikorrenti fil-lingwa tal-uffiċċji doganali, b'analoġija għal dak li għandu x'jaqsam mal-kontrolluri tat-titjiriet, jagħmel l-implimentazzjoni tant mixtieqa ta' sistema doganali Ewropea waħda u omoġenea iktar faċli.

1.11.1Il-KESE jirrakkomanda li tiġi aġġornata minnufih il-firxa ta’ tagħmir doganali, biex jittieħed kont tal-evoluzzjoni tal-Internet tal-oġġetti, iċ-ċibersigurtà, it-traċċabbiltà diġitali u l-applikazzjonijiet teknoloġiċi l-aktar avvanzati sabiex jiġu aċċellerati t-tixrid u taħriġ aġġornat għall-użu tagħhom.

1.11.2Bl-istess mod, ikun xieraq li jiġu żviluppati oqfsa ta’ taħriġ komuni 5 bbażati fuq il-“Qafas tal-kompetenzi tad-dwani tal-UE”, li għandu l-għan li jarmonizza u jgħolli l-istandards tal-prestazzjoni doganali madwar l-UE.

1.11.3Sadanittant, huwa importanti li jiġu stabbiliti standards u protokolli komuni, permezz tal-possibbiltà ta’ mandat lill-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni Ewropej, biex jakkumpanjaw il-materjali u t-tagħmir mogħtija u maħsuba għad-dwana.

2.    Introduzzjoni

2.1Il-proposta tal-Kummissjoni għall-baġit li jmiss tal-2021-2027 hija li jiġu triplikati l-fondi għall-ġestjoni tal-fruntieri tal-Unjoni Ewropea: fondi allokati għat-tisħiħ tal-fruntieri, biex tittejjeb il-mobbiltà tal-oġġetti, tas-servizzi u tal-persuni, inklużi l-migranti. Skont il-proposta tal-eżekuttiv tal-UE, l-allokazzjoni finanzjarja ta' EUR 13-il biljun attwali għandha tiżdied għal EUR 34,9 biljun.

2.2Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li toħloq fond ġdid u separat għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri. L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) se tkompli tissaħħaħ permezz ta' korp permanenti ġdid ta' madwar 10 000 gwardjan u permezz ta' iktar finanzjamenti, sabiex jittejjeb il-kontroll tad-dwana u biex jissaħħaħ it-tagħmir ta' kontroll. Se jinħoloq Fond ġdid għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri (IBMF), b'valur li jaqbeż id-EUR 9,3 biljun.

2.2.1Dawn l-investimenti se jservu biex: tissaħħaħ il-Frontex; jitwettqu kontrolli sistematiċi fil-fruntieri; jiġu stabbiliti sistemi ġodda tat-teknoloġija tal-informazzjoni fuq skala kbira u interoperabbli; u titnieda sistema li tirregola d-dħul fil-fruntieri u l-ħruġ minnhom.

2.3Il-fond il-ġdid tal-IBMF għandu jinkludi tliet strumenti separati: l-ewwel wieħed, għal "Ġestjoni integrata tal-fruntieri u tal-viża" – IGFV; it-tieni mogħni b’EUR 1,3 biljun, għall-perjodu 2021-2027, għal "Tagħmir ta' kontroll doganali" – CCE, li għandu jikkontribwixxi għall-istabbiliment ta' kontrolli doganali adegwati u ekwivalenti fl-uffiċċji differenti tal-fruntieri.

2.3.1Dan il-Fond huwa maħsub għall-akkwist ta' tagħmir, għal kontrolli doganali moderni u affidabbli, għall-manutenzjoni tagħhom u għall-aġġornament tagħhom.

2.4Wara 50 sena minn meta daħlet fis-seħħ, jiġifieri fl-1 ta' Lulju 1968, l-unjoni doganali stabbilixxiet lilha nfisha bħala pilastru insostitwibbli tas-suq uniku, li jipproteġi l-fruntieri tal-UE u jipproteġi liċ-ċittadini minn merkanzija pprojbita u perikoluża, bħal armi u drogi, u minn merkanzija ffalsifikata, filwaqt li, barra minn hekk, tiffavorixxi tkabbir kostanti tas-sehem tal-kummerċ globali: fl-2017, id-dwana tal-UE nnegozjat 16 % tal-kummerċ globali.

2.5Sabiex jiggarantixxu l-funzjonament bla xkiel tal-unjoni doganali, l-Istati Membri tal-UE jużaw sett komuni ta' normi, ibbażat fuq il-kodiċi tad-dwani tal-unjoni. Dan il-kodiċi ġie adottat fl-2013 u implimentat mill-2016 fl-Istati Membri kollha tal-UE. Sa mill-2016, il-Kodiċi jirrappreżenta l-qafas legali l-ġdid biex jamministra l-importazzjoni, l-esportazzjoni, it-tranżitu u l-ħażna ta’ merkanzija fi tranżitu fit-territorju doganali u f’rabtiet ma’ pajjiżi terzi.

2.5.1Barra minn hekk, id-dwana tapplika aktar minn 60 liġi mhux strettament doganali li jikkonċernaw, fost l-oħrajn:

-il-prodotti b’użu doppju, għal użu kemm ċivili kif ukoll militari;

-l-armi tan-nar;

-il-prekursuri tad-droga;

-il-movimenti ta’ munita fi flus;

-id-drittijiet dwar proprjetà intellettwali;

-is-saħħa pubblika;

-is-sikurezza tal-prodotti;

-il-protezzjoni tal-konsumatur;

-il-protezzjoni tal-ispeċijiet selvaġġi;

-il-protezzjoni tal-ambjent.

2.6Il-KESE dejjem kien jemmen li "unjoni doganali effiċjenti tkun conditio sine qua non tal-proċess tal-integrazzjoni Ewropea, sabiex tiġi żgurata ċirkolazzjoni ħielsa tal-merkanzija, sikura u trasparenti, bl-ikbar ħarsien tal-konsumatur u l-ambjent u ġlieda effikaċi u konsistenti kontra l-frodi u l-kuntrabandu fit-territorju kollu tal-Unjoni" 6 .

2.7Bl-istess mod, il-Kumitat enfasizza l-ħtieġa u l-importanza ta' "l-introduzzjoni ta’ miżuri ta’ modernizzazzjoni, bħas-semplifikazzjoni tal-leġislazzjoni doganali u l-ilħiq ta' sistemi doganali interoperattivi kompjuterizzati, sabiex jitħaffu l-prattiki kummerċjali u l-koordinament imsaħħaħ tal-attivitajiet ta’ prevenzjoni u protezzjoni" 7 .

2.8Fl-2012, il-Kunsill Ewropew diġà kien semma' leħnu 8 dwar il-ħtieġa li tittejjeb il-governanza interna tal-unjoni doganali u dwar l-opportunità ta' kooperazzjoni flimkien ma' aġenziji oħra u mas-settur privat, sabiex jiġi pprovdut l-aħjar servizz għall-operaturi; u fil-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Ġunju 2014, huwa rrakkomanda li tittejjeb il-valutazzjoni tal-prestazzjonijiet, fejn iddefinixxa xi setturi, u talab li jiġu elaborati indikaturi ewlenin xierqa tal-prestazzjoni.

2.9Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-23 ta' Marzu 2017 dwar il-finanzjament doganali, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni "tevalwa l-possibbiltà tal-finanzjament tal-ħtiġijiet ta' tagħmir tekniku minn programmi finanzjarji futuri tal-Kummissjoni u ttejjeb il-koordinazzjoni, u l-kooperazzjoni bejn l-Awtoritajiet Doganali u awtoritajiet oħrajn tal-infurzar tal-liġi għal skopijiet ta' finanzjament".

2.10Min-naħa tiegħu, il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' April 2017 9 , indika li "l-effiċjenza tal-proċeduri doganali hi kruċjali mhux biss biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ, iżda wkoll biex tiġi infurzata l-liġi b'mod effikaċi u mtejjeb, fir-rigward tal-kontrafazzjoni u tal-kuntrabandu ta' prodotti suġġetti għas-sisa li jidħlu fl-UE" li "s-servizzi doganali huma f'nofs triq bejn il-moviment garantit tal-merkanzija li jipproteġi lill-konsumaturi fi ħdan l-UE u l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet kummerċjali".

3.    Il-proposti tal-Kummissjoni

3.1Permezz ta' Regolament, għandu jiġi propost strument finanzjarju ġdid għat-tagħmir ta' kontroll doganali, fil-kamp ta' applikazzjoni ta' Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri (IBMF) li għandu jintuża għal-linja baġitarja "Ġestjoni tal-migrazzjoni u tal-fruntieri", bil-għan li jiġi pprovdut appoġġ imsaħħaħ għall-Istati Membri, sabiex tiġi ggarantita l-ekwivalenza meta jkunu qed jitwettqu kontrolli doganali fl-unjoni doganali kollha, u fejn jiġu kkoreġuti l-iżbilanċi li jeżistu bejn l-uffiċċji doganali li jinsabu fl-Istati Membri differenti.

3.2L-istrument il-ġdid ta' finanzjament, permezz ta' allokazzjoni ta' EUR 1,3 biljun għall-2021-2027, għandu l-ħsieb li jkopri t-tagħmir doganali maħsub għall-erba' tipi ta' fruntieri (fuq l-art, marittima, tal-ajruport 10 u postali).

3.3Il-finanzjament se jkun disponibbli għall-Istati Membri kollha u ser jiġu valutati l-ħtiġijiet ta’ kull tip ta’ fruntiera. It-Tim ta' Esperti tal-Fruntieri tal-Art tal-Lvant u tax-Xlokk tad-Dwana (CELBET), li jiġbor flimkien il-11-il Stat Membru kompetenti għall-fruntieri fuq l-art tal-UE, diġà nieda x-xogħlijiet f'dan is-settur, filwaqt li tipi ta' fruntieri oħra daqt se jagħtu bidu għall-attivitajiet, b'mod li l-ħtiġijiet tal-Istati jkunu jistgħu jiġu vvalutati u l-fondi jkunu jistgħu jitqassmu malli l-istrument jidħol fis-seħħ fl-2021, għas-27 Stat Membru 11 .

3.4L-objettivi msemmija għandhom jirriżultaw f'koordinazzjoni u f'ċertezza ġuridika ikbar, f'iktar effikaċja jew komplementarjetà, b'approċċ ċentralizzat, permezz tal-ġestjoni diretta: għandhom jiġu previsti għotjiet għall-Istati Membri sa massimu ta' 80 % tal-ispejjeż ammissibbli, bħala appoġġ għall-akkwist, il-manutenzjoni u l-evoluzzjoni tat-tagħmir ta' kontroll doganali, f'konformità ma' standards iddefiniti minn qabel, għall kull tip ta' fruntiera.

3.5L-istrument huwa marbut mill-qrib mal-programm il-ġdid Dwana 12 , li l-istrumenti ta’ kollaborazzjoni tiegħu se jintużaw għall-valutazzjoni tal-ħtiġijiet, f’termini ta’ tagħmir ta’ superviżjoni doganali innovattiv u, fejn ikun hemm bżonn, ta’ taħriġ “konġunt” 13 tal-persunal tad-dwana, għal użu aħjar tat-tagħmir stess.

4.    Kummenti ġenerali

4.1Il-KESE huwa konvint ħafna li, fid-dawl tal-isfidi li qed jiżdiedu tal-kontroll fil-fruntieri esterni tal-Unjoni, huwa essenzjali li tiġi implimentata sistema valida li tkun kapaċi tgħaqqad il-protezzjoni tal-individwi, l-ekonomija soċjali tas-suq, is-sigurtà tal-produzzjoni u tal-kummerċ sostenibbli bejn l-Istati Membri u l-iskambji ma' pajjiżi terzi.

4.2Il-Kumitat apprezza l-isforz tal-Kummissjoni Ewropea biex jiżdiedu l-fondi u l-istrumenti ta' intervent, bil-għan li jissaħħu l-kontrolli fil-fruntieri esterni u sabiex jiġu żgurati kontrolli doganali innovattivi u ta' kwalità, fil-kamp ta' applikazzjoni tat-tisħiħ tal-unjoni doganali.

4.3Madankollu, il-KESE jqis li l-allokazzjoni finanzjarja ta' EUR 1,3 biljun, li hija ddedikata għall-istrument il-ġdid – li tilħaq kważi EUR 186 miljun fis-sena – xejn mhija suffiċjenti, u din l-allokazzjoni tirrappreżenta inqas minn tletin fil-mija ta' dik prevista għall-2021-2017 għall-kompiti ġenerali tal-fruntieri u tal-migrazzjoni, li tilħaq l-EUR 34,9 biljun.

4.4Il-Kumitat iqis li huwa importanti wkoll li:

-jiġu żgurati prijoritajiet li jkun hemm tagħmir fil-fruntieri li jkun soġġett għal pressjoni ta' kontroll ikbar, bħal dik marittima;

-jitħaffef ix-xogħol tat-tim ta' valutazzjoni li joperaw f'dan il-kamp ta' applikazzjoni 14 ;

-jiġi ggarantit tqassim ġeografika ġust;

-tiġi rrispettata l-proporzjonalità, marbuta mal-flussi tal-merkanzija u tal-persuni, f'komplementarjetà mal-Fond għas-Sigurtà.

4.4.1Il-KESE jqis li huwa fundamentali li jiġu żgurati livelli ta' kwalità u ta' innovazzjoni tat-tagħmir doganali, sabiex jiġu protetti bl-aħjar mod il-kultura soċjali kif ukoll l-interessi ekonomiċi u finanzjarji tal-Unjoni u tal-Istati Membri, permezz ta':

-il-ġlieda, li għadha mhix effettiva, kontra l-kummerċ illegali 15 ;

-it-tnaqqis fil-piż u s-semplifikazzjoni tal-konformità marbuta mal-kummerċ legali;

-is-salvagwardja tas-sigurtà tas-suq intern tal-UE;

-il-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa taċ-ċittadini;

-ir-rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema;

-il-protezzjoni tal-konsumatur;

-il-ġestjoni tar-riskji;

-l-irkupru tad-dazji.

4.5Il-Kumitat jitlob li jiġi assigurat it-tixrid massimu tal-programmi ta’ ħidma annwali u tal-azzjonijiet previsti, kif ukoll il-mekkaniżmi tal-attribuzzjoni tal-għotjiet ġestiti mill-Kummissjoni, fejn jiġu favoriti il-pools ta’ xiri ta’ apparat, li għandhom ikunu innovattivi 16 .

4.6Il-KESE jirrakkomanda li jkun hemm koordinazzjoni mill-qrib mal-programm Dwana, maħsub biex jiffinanzja infrastrutturi u sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni, fosthom id-diġitalizzazzjoni tal-interazzjoni bejn l-operaturi kummerċjali u s-servizzi doganali u mal-programm Orizzont, li huwa utli biex jiġu identifikati t-tekniki innovattivi fil-kontroll doganali.

5.    Kummenti speċifiċi

5.1Filwaqt li wieħed iqis li kull sena jiġu ġestiti aktar minn 200 miljun UEG 17 , jiġifieri aktar minn 10 miljun kontenitur, huwa diffiċli ħafna biex jitwettqu verifiki puntwali f’ħafna fruntieri marittimi u stradali. Għalhekk ikun xieraq li nibbażaw fuq kontrolli tul mogħdijiet, permezz ta’ reviżjoni tal-materjali tal-istruttura tal-kontenituri 18 , li tippermetti drones ta’ rikonjizzjoni permezz tas-sistema Galileo.

5.2Ikun xieraq li tiġi aġġornata l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tal-1972 u l-istandards ISO tal-1967, li twieldu qabel seħħew il-bidliet kbar tas-seklu XXI, bl-emerġenza tal-globalizzazzjoni u l-fenomenu dejjem jikber – u llum inkwetanti – tal-iffalsifikar 19 .

5.3Jeħtiep li tiġi aġġornata, mingħajr dewmien, il-firxa tat-tagħmir doganali – Għodod ta’ Tagħmir – b’mod li titqies l-immedjatezza tal-evoluzzjoni tal-Internet tal-oġġetti, iċ-ċibersigurtà, it-traċċabilità diġitali u l-applikazzjonijiet teknoloġiċi dejjem aktar avvanzati, biex jitħaffef it-tixrid u t-taħriġ aġġornat għall-użu infurmat tagħhom permezz tal-Qafas tal-Kompetenza Doganali tal-Unjoni Ewropea (European Union Customs Competency Framework – EU Customs CFW) 20 . F’dan ir-rigward, ikun importanti li l-istrument il-ġdid ta’ appoġġ finanzjarju jipprevedi għall-kostituzzjoni ta’ riżerva ta’ intervent bikri għat-tixrid ta’ tagħmir innovattiv, bir-reviżjoni fl-istess waqt tal-lista ta’ tagħmir aċċettati.

Brussell, 17 ta’ Ottubru 2018

Luca Jahier
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

_____________

(1) Bħalissa l-inventarju meħtieġ tat-tagħmir u tat-tipi ta' intervent ġie stabbilit biss għal 11-il Stat Membru li għandhom fruntieri esterni fuq l-art fil-Lvant u fix-Xlokk, u ġew identifikati l-istandards proposti għal kull kategorija.
(2) Dan jinvolvi 2 140 uffiċċju doganali, ara https://ec.europa.eu/info/publications/annual-activity-report-2016-taxation-and-customs-union_en .
(3) Utli ħafna biex jiġi kkontrollat il-kontenut ta' għadd kbir ta' kontejners.
(4) L-għotjiet li jidderogaw mir-Regolament Finanzjarju jingħataw lill-Istati Membri, li jsiru sidien tal-materjali; Artikoli 7, 10.2, 195f, 197, tar-Regolament 2018/1046 tat-18.07.2018.
(5)  Il-Qafas tal-Kompetenza Doganali tal-Unjoni Ewropea għandu l-għan li jarmonizza u jżid l-istandards tal-prestazzjoni doganali madwar l-UE. © Unjoni Ewropea, 2015. Il-qafas tal-kompetenzi tad-dwani tal-UE, li juri l-komponenti tal-qafas tal-kompetenzi għas-settur tad-dwana tal-UE u jiddeskrivi l-approċċ użat għad-definizzjoni tal-ħiliet. Dan jispjega wkoll id-deċiżjonijiet meħuda dwar l-għażla ta’ ċerti kompetenzi f’kull taqsima, u jiffoka b’mod partikolari fuq il-kriterji użati biex jiddefinixxu l-lista ta’ kompetenzi esperti operattivi (pereż. referenza għall-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, ir-rabta bejn il-kompetenzi fuq il-post tax-xogħol u l-għanijiet proġettati għall-futur).
(6) Ara ĠU C 229, 31.7.2012, p. 68 .
(7) Ibid, nota 6 f'qiegħ il-paġna.
(8) Ara ĠU C 80, 19.3.2013, p. 11 .
(9)  Ara http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+REPORT+A8-2017-0162+0+DOC+XML+V0//MT .
(10) Hemm madwar 400 ajruport ċivili fl-UE.
(11) Il-proposta tiġi ppreżentata għal Unjoni ta' 27 Stat Membru, f'konformità mal-avviż tar-Renju Unit dwar l-intenzjoni tiegħu li jirtira mill-Unjoni Ewropea u mill-Euratom.
(12) Ara COM(2018) 442 final, li dwarha l-KESE ħejja l-Opinjoni tiegħu INT/860. Ara p. XX fil-Ġurnal Uffiċjali.
(13) Ara l-estensjoni tal-programm “Żjarat ta’ Ħidma”.
(14) Bħalissa l-inventarju meħtieġ tat-tagħmir u tat-tipi ta' intervent ġie stabbilit biss għal 11-il Stat Membru li għandhom fruntieri esterni fuq l-art fil-Lvant u fix-Xlokk, u ġew identifikati l-istandards proposti għal kull kategorija.
(15) Fl-2017 ġew ikkonfiskati 31,4 miljun biċċa, għal valur ta’ EUR 582 miljun. 25 % kien ikel iffalsifikat, 11 % ġugarelli, 8 % sigaretti (sors: il-Kummissjoni Ewropea).
(16) Ara COM(2018) 178 final, Rapport tal- Kummissjoni dwar l-istrateġija tal-IT għad-dwana.
(17) UEG (Unità Ekwivalenti ta' Għoxrin pied - TEU (Twenty-foot Equivalent Unit) fejn 1 UEG tikkorrispondi għal kontenitur twil 20 pied, ekwivalenti għal 28 tunnellata fil-piż u 40 metru3.
(18) Diġà minn issa ħafna mill-kontejners għandhom strutturi tal-injam jew materjali oħrajn.
(19) Ara ĠU C 345, 13.10.2017, p. 25 .
(20) Ara n-nota 6.