MT

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

SOC/602

Erasmus

OPINJONI

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi "Erasmus": il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013
[COM(2018) 367 – 2018/0191 (COD)]

Relatur: Tatjana BABRAUSKIENĖ

Korelatur: Imse SPRAGG NILSSON

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 14/06/2018

Kunsill, 21/06/2018

Bażi legali

L-Artikoli 165(4), 166(4) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni Kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

26/09/2018

Adottata fil-plenarja

17/10/2018

Sessjoni plenarja Nru

538

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

186/3/1



1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Il-KESE:

1.1jilqa' bi pjaċir l-objettiv tal-programm Erasmus li jmiss li jipprovdi lill-individwi bl-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa sabiex jiffaċċjaw sfidi soċjali u ekonomiċi, u li jiffoka primarjament fuq iċ-ċittadini żgħażagħ Ewropej;

1.2jistenna li l-programm Erasmus futur se jqis l-edukazzjoni u t-taħriġ minn perspettiva olistika, fejn il-kompetenzi ewlenin 1 u l-ħiliet bażiċi għandhom rwol kruċjali flimkien ma' titjib tal-ħiliet kontinwu bħala parti mit-tagħlim tul il-ħajja, b'attenzjoni speċjali fuq il-validazzjoni u r-rikonoxximent;

1.3jissuġġerixxi li l-isem jibqa' l-istess u li jinżamm l-isem "Erasmus+", peress li dan tal-aħħar jissimbolizza l-fatt li l-programmi kollha jinsabu taħt kappa waħda;

1.4jilqa' bi pjaċir il-proposta li l-baġit tal-programm jirdoppja, iżda jitlob li dan jittripla, li jkun juri impenn akbar għall-iżvilupp edukattiv, professjonali u personali tal-persuni fl-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport, sabiex tiġi żgurata l-inklużività u l-aċċess reali għal kulħadd;

1.5iqis li baġit ogħla għandu jiġi kkombinat ma' aktar flessibbiltà u responsabbiltà fil-livell nazzjonali;

1.6jenfasizza l-fatt li l-azzjonijiet taħt il-kapitolu dwar iż-żgħażagħ preċedentement kien dak li l-aktar irnexxa biex jintlaħqu dawk b'inqas opportunitajiet u li dan jeħtieġ jiġi rifless fl-allokazzjoni tal-fondi;

1.7jitlob li DiscoverEU jkun fiha komponent ta' tagħlim b'saħħtu jekk se tkun tagħmel parti mill-programm;

1.8jenfasizza li l-esperjenza fiżika ma għandhiex tingħata inqas importanza mill-għodod virtwali jew tiġi ssostitwita bihom iżda għandha tibqa' komplementari għal tali għodod;

1.9jaqbel man-numru akbar ta’ objettivi dwar it-tagħlim għall-adulti u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali kontinwi (CVET), u jissuġġerixxi li l-ambitu mwessa’ jkun rifless fl-allokazzjoni tal-finanzjament;

1.10jitlob li jitpoġġa fokus aktar b'saħħtu fuq il-kooperazzjoni transsettorjali (KA2) fl-"approċċ tat-tagħlim tul il-ħajja", b'baġit suffiċjenti għall-implimentazzjoni ta' proġetti ta' politika fuq skala kbira;

1.11jilqa' bi pjaċir iż-żieda fil-baġit għall-persunal, b'mod partikolari għall-mobilità tal-għalliema u dawk li jħarrġu, biex tappoġġja l-iżvilupp professjonali inizjali u kontinwu tagħhom;

1.12jilqa' bi pjaċir l-intenzjoni tajba tal-proposta li jingħataw għotjiet fuq skala żgħira li jappoġġjaw lil dawk li ma għandhomx esperjenza ta' kif għandhom japplikaw għall-programm;

1.13jirrakkomanda li fil-kapitolu Żgħażagħ fil-programm il-ġdid tingħata prijorità għal attivitajiet u organizzazzjonijiet “immexxija mill-voluntiera” minflok l-użu tat-terminoloġija ta’“kbir” u “żgħir”. Barra minn hekk, jeħtieġ jiġu kkunsidrati għotjiet għal avvenimenti fuq skala kbira għaż-żgħażagħ Ewropej.

1.14jilqa' bi pjaċir ukoll il-fatt li l-proposta tenfasizza l-importanza ta' korp tal-awditjar indipendenti fil-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-aġenziji nazzjonali;

1.15jemmen li l-programm li jmiss jeħtieġ li jinfirex u jiġi promoss mis-servizzi ta' gwida għall-karrieri fl-istituzzjonijiet edukattivi u ta' taħriġ, s-servizzi ta’ impjieg u organizzazzjonijiet oħrajn, sabiex jintlaħqu gruppi destinatarji aktar mifruxin;

1.16iqis li l-proposta għandha tħeġġeġ it-tixrid tar-riżultati tal-proġetti fil-livell tal-UE u madwar l-UE u l-kontinwazzjoni tal-proġetti li taw prova li huma eċċellenti;

1.17jenfasizza l-ħtieġa assoluta li l-kumitat permanenti li jirregola l-programm jagħti lill-partijiet interessati u lill-imsieħba soċjali rilevanti kollha fil-livell Ewropew pożizzjoni permanenti fl-istruttura tiegħu.

1.18jilqa' bi pjaċir l-attivitajiet ta' parteċipazzjoni taż-żgħażagħ. Dan huwa format li tqies ta' suċċess kbir taħt il-programm "żgħażagħ fl-azzjoni" (li dak iż-żmien kien magħruf bħala inizjattivi dwar iż-żgħażagħ), li jippermetti liż-żgħażagħ mhux organizzati jieħdu sehem fil-programm.

2.Introduzzjoni

2.1Wara l-programm finanzjarju tal-UE li jappoġġja l-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isports permezz tal-programm Erasmus+ attwali (2014-2020), il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-ġenerazzjoni li jmiss tal-programm bl-isem "Erasmus" bħala parti mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027.

2.2Il-programm Erasmus+ preċedenti kkontribwixxa biex jiġu appoġġjati l-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livelli Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali, biex jitrawwem sens ta' appartenenza għall-UE (l-"identità Ewropea" fid-diversità kollha tagħha), u biex jitrawmu fehim reċiproku, ċittadinanza demokratika, integrazzjoni Ewropea u ġustizzja soċjali, integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, u, konsegwentement, anke tkabbir ekonomiku.

2.3L-intenzjoni hi li l-ġenerazzjoni li jmiss tal-programm, b'baġit irduppjat, tiġi msaħħa u estiża billi tilħaq numru akbar ta' gruppi destinatarji, tkun aktar inklużiva, tappoġġja proġetti fuq skala żgħira u tinvolvi organizzazzjonijiet li ma għandhomx esperjenza ta' kif japplikaw il-programm. Dan se jibqa' jkopri skejjel, edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, edukazzjoni għolja u tagħlim għall-adulti, inkluż tagħlim mhux formali u informali u attivitajiet volontarji, u żgħażagħ u sport, iżda b'mod aktar issemplifikat, li jibni fuq l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu u l-konsultazzjonijiet tal-partijiet interessati.

3.Kummenti Ġenerali

3.1Il-KESE jinnota li edukazzjoni ta' kwalità, taħriġ u mobilità għat-tagħlim għandhom ikunu aċċessibbli għal kulħadd. L-impenn tal-programm Erasmus ġdid għall-inklużività u l-ugwaljanza bħala għanijiet essenzjali huwa kruċjali. Attwalment, l-istatistika turi li l-maġġoranza tal-istudenti mobbli tal-edukazzjoni għolja ġejjin minn sfondi familjari soċjoekonomiċi u akkademiċi privileġġjati 2 . L-insuffiċjenza tal-għotjiet Erasmus ipprovduti lil studenti tal-edukazzjoni għolja li jistudjaw barra mill-pajjiż u l-għoli tal-ħajja f'pajjiż ieħor issemmew minn 63 % ta' studenti mhux mobbli fl-2016 bħala l-ostakli ewlenin għall-parteċipazzjoni fi programmi ta' skambju Erasmus fil-livell universitarju 3 . L-appoġġ finanzjarju limitat tal-programm ikkontribwixxa għal diskrepanza kbira fl-aċċess bejn l-istudenti li ġejjin minn sfondi soċjoekonomiċi differenti.

3.2Il-programm Erasmus li jmiss huwa essenzjali biex isaħħaħ fehim reċiproku u sens ta' appartenenza għall-UE, biex itejjeb il-ħiliet u l-kompetenzi taż-żgħażagħ sabiex b'hekk ikunu jistgħu jaġixxu bħala ċittadini demokratiċi u jkollhom opportunitajiet aħjar fis-suq tax-xogħol. Dan huwa kruċjali sabiex jappoġġja l-inklużività u l-valuri komuni Ewropej, biex irawwem l-integrazzjoni soċjali, itejjeb l-fehim interkulturali u jippreveni r-radikalizzazzjoni permezz tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-proċessi demokratiċi, bl-għajnuna tal-mobilità għat-tagħlim u l-kooperazzjoni fost iċ-ċittadini Ewropej, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-organizzazzjonijiet, il-partijiet interessati u l-Istati Membri, li lkoll huma ta’ importanza kruċjali għall-ġejjieni tal-Unjoni.

3.3Il-KESE jilqa’ l-objettiv tal-programm Erasmus li jmiss, biex jgħammar liċ-ċittadini żgħażagħ Ewropej bħala benefiċjarji futuri bl-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol li dejjem qed jinbidel, kif ukoll biex jiġu ttrattati l-isfidi soċjali, ekonomiċi u ambjentali. Dan se jirrikjedi li s-sistemi edukattivi jiġu mmodernizzati, isiru aċċessibbli u xierqa għall-era diġitali, u li l-istudenti jkunu mħejjija aħjar biex isiru ċittadini attivi demokratikament u kandidati b’saħħithom għal impjieg ta’ kwalità u impjiegi ġusti.

3.4Il-KESE jistenna li l-programm Erasmus futur se jqis l-edukazzjoni u t-taħriġ minn perspettiva olistika, fejn il-kompetenzi ewlenin u l-ħiliet bażiċi, b’mod partikolari “STEAM” 4 , ikollhom rwol kruċjali flimkien ma' titjib tal-ħiliet kontinwu bħala parti mit-tagħlim tul il-ħajja. Primarjament, dan għandu jappoġġja ċ-ċittadinanza demokratika u l-valuri komuni Ewropej sabiex jiżgura l-paċi, is-sigurtà, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt, is-solidarjetà u r-rispett reċiproku u jikkontribwixxi għas-swieq miftuħa, it-tkabbir sostenibbli u l-inklużjoni u l-ġustizzja soċjali, filwaqt li jirrispetta u jarrikkixxi sens ta' appartenenza u diversità kulturali.

3.5Fir-rigward tal-objettiv ta' politika, il-KESE jappoġġja l-fatt li r-Regolament huwa bbażat fuq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR). Il-KESE jemmen li l-programm Erasmus li jmiss għandu jservi bħala għodda biex jiġi implimentat l-ewwel prinċipju tal-Pilastru sabiex jiġi żgurat li l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja ta' kwalità u inklużivi jkunu drittijiet għal kulħadd.

3.6Il-KESE jappoġġja wkoll il-fatt li r-Regolament huwa bbażat fuq il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE 5 sabiex jiżgura d-dritt ta' ugwaljanza u aċċess għal kulħadd. Il-KESE jitlob li r-Regolament finali jenfasizza aktar li t-trattament indaqs, il-ġustizzja u l-bilanċ bejn is-sessi huma applikabbli u msaħħa permezz tal-programm.

3.7Filwaqt li huwa ċar li l-programm Erasmus ġdid qies "persuni b'diżabilitajiet u migranti kif ukoll ċittadini tal-Unjoni li jgħixu f'żoni remoti", il-KESE jappella biex id-dispożizzjoni ta' assistenza personali u appoġġ finanzjarju speċifiċi lil persuni b’diżabbiltà tiġi ggarantita fl-allokazzjoni tal-baġit, b’rispett għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD) 6 .

3.8Aktar assistenza finanzjarja liż-żgħażagħ kollha hija meħtieġa sabiex tiġi appoġġjata l-mobilità għat-tagħlim tagħhom u sabiex il-persuni li ġejjin minn sfondi soċjoekonomikament żvantaġġjati, inklużi l-migranti li jkunu għadhom kemm waslu, jingħataw aktar opportunitajiet biex jaċċessaw edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità u biex tiġi promossa l-inklużjoni tagħhom fis-soċjetà.

3.9Filwaqt li jitqies il-fatt li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE tipprevedi t-trattament ġust ta' kulħadd (mhux biss taċ-ċittadini tal-UE), il-migranti, ir-refuġjati u l-persuni li jfittxu l-asil jeħtieġu wkoll appoġġ sabiex jiksbu rikonoxximent għal-livelli ta' edukazzjoni u ta' taħriġ tagħhom u sabiex jingħataw aktar taħriġ sabiex jiġu integrati fis-sistema tal-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol tal-UE.

3.10Il-KESE jilqa' bi pjaċir ukoll il-fatt li l-programm Erasmus li jmiss se jiffoka fuq l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni 7 , peress li l-prevenzjoni tal-estremiżmu u tar-radikalizzazzjoni fl-Ewropa issa hija aktar importanti minn qatt qabel.

4.Kummenti speċifiċi

4.1Il-KESE jissottolinja l-importanza tal-komplementarjetà tal-programm mal-objettivi u l-attivitajiet politiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni. Fost l-objettivi politiċi li għandu jimplimenta l-programm hemm iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ u l-Qafas Strateġiku tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ futur bl-aġendi strutturali tiegħu, kif ukoll spjega ta' kif il-programm se jappoġġja lill-Istati Membri, lill-imsieħba soċjali u lil partijiet interessati oħra biex jilħqu l-indikaturi u l-punti ta' riferiment ta' dawn l-istrateġiji futuri.

4.2Il-KESE jitlob li l-baġit tal-Erasmus jittripla, li jkun juri impenn akbar għall-mobilità għat-tagħlim u l-ħtieġa li jsir investiment fil-koeżjoni soċjali, il-valuri Ewropej, l-integrazzjoni u ċ-ċittadinanza. Il-programm il-ġdid Erasmus se jkollu jkopri l-għanijiet ta’ politika addizzjonali, kif imsemmi hawn fuq. Dawk li jfasslu l-politika għandhom jiżguraw li dan ma jirriżultax f'rati baxxi ta' suċċess inaċċettabbli f'partijiet tal-programm, kif ġara fil-programmi preċedenti.

4.3Il-KESE jqis li l-programm Erasmus li jmiss jeħtieġ li jkun komplementari għal fondi u programmi oħra tal-Unjoni, speċjalment għall-FSE+ futur. Fl-istess ħin, il-KESE jixtieq jenfasizza li l-baġits nazzjonali tal-edukazzjoni, tat-taħriġ, taż-żgħażagħ u tal-isport jeħtieġ li huma stess ikunu sostenibbli u li l-baġit tal-programm Erasmus ma għandux jintuża biex jelimina d-diskrepanza tagħhom fl-investiment. Il-proċess tas-Semestru Ewropew jeħtieġ jibqa' jkollu rwol attiv sabiex jiżgura investiment nazzjonali ġust u sostenibbli fl-edukazzjoni, fit-taħriġ u fit-tagħlim tul il-ħajja.

4.4Il-KESE jenfasizza l-importanza li l-baġit għall-programm Erasmus li jmiss jippromovi kooperazzjoni fost l-Istati Membri sabiex itejbu s-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tagħhom f'konformità mal-objettivi u l-attivitajiet politiċi diskussi maqbula demokratikament u miftiehma mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew f'konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali u l-KESE. Baġit akbar għandu jkun ikkombinat ma' aktar flessibbiltà u responsabbiltà fil-livell nazzjonali. Dan jgħodd għal objettivi relatati mal-kontenut, bħal kwalunkwe modifika fil-programm li ssir sabiex jiġi allinjat mal-iżviluppi politiċi u soċjoekonomiċi attwali u futuri fl-Ewropa.

4.5Il-KESE jappoġġja l-fatt li l-proposta tal-Kummissjoni se tippermetti lill-pajjiżi terzi jipparteċipaw fil-programm, u dan iqisu bħala opportunità għal aktar internalizzazzjoni u bħala mod biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fost istituzzjonijiet edukattivi differenti kif ukoll fost organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u tal-isport madwar id-dinja kollha, peress li dan se jipprovdi aktar opportunitajiet liż-żgħażagħ f'pajjiżi msieħba biex jistudjaw u jitħarrġu fl-Ewropa u viċi versa. Aċċess aktar faċli u appoġġ amministrattiv, finanzjarju u soċjali suffiċjenti lil dawn il-parteċipanti huma meħtieġa sabiex jiġi żgurat post għall-edukazzjoni Ewropea fix-xena tal-edukazzjoni globali.

4.6Il-KESE jirrikonoxxi r-rilevanza akbar attribwita għall-għodod għal kooperazzjoni virtwali u jaqbel li l-għażliet bħall-mobilità mħallta, kif enfasizzat ukoll fil-proposta, huma mod tajjeb ħafna biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-gruppi li jiffaċċjaw ostakli partikolari għall-mobilità fiżika bħal dawk li jgħixu f'żoni remoti, dawk li jieħdu ħsieb il-familja jew persuni b'diżabilità. Dawn l-għodod għandhom il-potenzjal li jsaħħu l-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni transnazzjonali u jgħinu biex iħejju u jiggwidaw lill-parteċipanti futuri. Madankollu, il-KESE jenfasizza li l-għodod virtwali ma għandhomx jissostitwixxu l-esperjenza fiżika u li dawn għandhom jibqgħu komplementari għaliha. Għandha tingħata prijorità lill-investiment f'mobilità fiżika ta' kwalità.

4.7Il-KESE jissuġġerixxi li l-proposta tirreferi għal ostakli burokratiċi li jistgħu jinqalgħu meta gruppi ta’ studenti ta’ nazzjonalitajiet u status differenti jkunu jridu jipparteċipaw f’inizjattiva ta’ mobilità; b’mod partikolari, jekk il-pajjiz ta’ destinazzjoni jkun pajjiż mhux tal-UE (eż. rekwiżiti tal-viża differenti jew restrizzjonijiet ta’ aċċess għal nazzjonalitajiet differenti).

4.8Il-KESE jemmen li l-isem tal-programm huwa ta' importanza kruċjali u li huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-pubbliku ġenerali jkollu fehim ċar ta' dak li l-programm jappoġġja u li dan ikopri l-fażijiet kollha tal-edukazzjoni u tal-forom ta’ tagħlim, u mhux biss l-edukazzjoni għolja, peress li nofs il-finanzjament tal-Erasmus imur għall-promozzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ, it-tagħlim għall-adulti u l-appoġġ liż-żgħażagħ u l-isport, u b'hekk iż-żgħażagħ u l-persunal ikunu jistgħu jqattgħu perjodu ta' żmien barra mill-pajjiż. Madankollu, issa li s-sinjal "+" li jissimbolizza l-fatt li l-programmi kollha jitpoġġew taħt kappa waħda se jgħib mill-isem, il-programm jidħol f'riskju li "jitlef" atturi barra mis-settur tal-edukazzjoni għolja. Il-KESE għalhekk jissuġġerixxi li l-isem “Erasmus +” jibqa’. 

4.9Il-KESE jaqbel ma’ l-għadd akbar ta’ objettivi dwar it-tagħlim għall-adulti u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali kontinwi (CVET), u jissuġġerixxi li l-ambitu mwessa’ jkun rifless fl-allokazzjoni tal-finanzjament. Il-KESE jirrimarka li t-tagħlim għall-adulti jindirizza wkoll lill-persuni soċjoekonomikament żvantaġġjati, inklużi r-refuġjati. Għaldaqstant, il-KESE huwa mħasseb li għal darb'oħra t-tagħlim għall-adulti u l-appoġġ lill-adulti b'livell baxx ta' ħiliet se jiġu allokati l-iżgħar perċentwal tal-baġit. Il-KESE jiddubita jekk dan l-ammont, flimkien mal-baġit FSE+ futur, hux se jkun biżżejjed biex jappoġġja s-70 miljun adult b'livell baxx ta' ħiliet li jeħtieġ li jiġu integrati fis-suq tax-xogħol, sabiex iżommu l-impjiegi tagħhom, u sabiex jiġu appoġġjati fit-tranżizzjoni tagħhom bejn l-impjiegi.

4.10Filwaqt li l-KESE japprezza l-isforzi magħmula biex jiżdied il-baġit ETV, għandu jiġi nnotat li mhuma previsti l-ebda miżuri partikolari biex jipprovdu ETV ta’ kwalità ogħla, attraenti, aċċessibbli u inklużiva. Fl-istess ħin, il-mobbiltà għall-istudenti tal-ETV u tal-apprendistati għandhom jitjiebu (1 % biss tal-apprendisti Ewropej – il-mira għall-2020 hija 6 % – attwalment qed jagħżlu għal soġġorn barra mill-pajjiż matul it-taħriġ tagħhom 8 ) skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta' Kwalità u Effettivi (EFQEA) 9 , is-Sistema Ewropea ta’ Kredits għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET) u l-Qafas ta' Referenza Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (EQAVET).

4.11Il-KESE jixtieq jara kif l-"approċċ ta' tagħlim tul il-ħajja" jitpoġġa fil-prattika u jemmen li għandu jkun hemm fokus aktar b'saħħtu fuq il-kooperazzjoni transsettorjali (KA2), b'baġit suffiċjenti għall-implimentazzjoni ta' proġetti ta' politika fuq skala kbira, minħabba l-potenzjal kbir tagħhom kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE, kif muri fir-Rapport ta' Informazzjoni tal-KESE dwar Erasmus+ 10 .

4.12Il-KESE jilqa’ bi pjaċir ukoll iż-żieda fil-baġit għall-persunal, b'mod partikolari għall-mobilità tal-għalliema u ta’ dawk li jħarrġu, biex jappoġġja l-iżvilupp professjonali inizjali u kontinwu tagħhom. Il-mobilità tal-għalliema, ta’ dawk li jħarrġu u ta’ persunal ieħor (fil-qasam edukattiv) hija essenzjali biex tgħin tittejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Din trawwem ukoll kooperazzjoni internazzjonali essenzjali fost l-istituzzjonijiet edukattivi u organizzazzjonijiet oħra kif ukoll l-internazzjonalizzazzjoni tagħhom. Il-KESE jemmen li l-proposta tista' tipprovdi aktar appoġġ lill-għalliema, lil dawk li jħarrġu, lil persunal (edukattiv) ieħor, lill-professuri tal-universitajiet u lir-riċerkaturi li jeħtieġ li jiġu ssostitwiti fl-impjieg tagħhom meta jipparteċipaw f'perjodi ta' mobilità. Dawn għandhom jingħataw appoġġ għat-tagħlim tal-lingwi, u l-liv ta' mobilità tagħhom jeħtieġ li jitqies bħala parti mill-impjieg tagħhom u l-iżvilupp personali u professjonali kontinwu rikonoxxut tagħhom.

4.13Il-KESE jemmen li l-programm Erasmus li jmiss jeħtieġ jiġi mifrux u appoġġjat mis-servizzi ta' gwida għall-karrieri fl-istituzzjonijiet edukattivi u ta' taħriġ, s-servizzi ta’ impjieg u organizzazzjonijiet oħrajn, kif ukoll jidher aktar fil-kampanji tal-midja sabiex jintlaħqu gruppi destinatarji aktar mifruxa;

4.14Il-KESE jissuġġerixxi li r-Regolament isemmi l-importanza li l-allokazzjoni tal-baġit u l-għotjiet konkreti jkunu konnessi ma' proċeduri ta' valutazzjoni ta' kwalità stretti u ma' deskrizzjoni tal-eżiti tat-tagħlim. Il-proposta għandha tpoġġi wkoll enfasi speċjali fuq il-validazzjoni u r-rikonoxximent tal-edukazzjoni u ta' taħriġ barra mill-pajjiż u onlajn. B’hekk, il-proposta għandha tagħmel referenza għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali 11 , l-EFQEA 12 , il-Proċess ta’ Bolonja u l-valuri fundamentali tagħha u s-sistemi nazzjonali tal-krediti, għodod u strumenti Ewropej bħall-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK), ir-Reġistru Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni Għolja (EQAR), l-ECVET u l-EQAVET.

4.15Il-programm Erasmus+ huwa element kruċjali bħala appoġġ għall-isforzi u l-ħidma ta' kuljum tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, speċjalment l-appoġġ għal Tagħlim Mhux Formali u Informali kif ukoll l-iżvilupp ta' Ħidma fost iż-Żgħażagħ. Għalhekk, għandha tintlaqa' tajjeb il-proposta li l-kapitolu dwar iż-żgħażagħ jibqa' entità separata fil-programm li jmiss. Minkejja dan, sabiex jintlaħqu aktar iż-żgħażagħ, u speċjalment dawk b'inqas opportunitajiet, l-attivitajiet taħt il-kapitolu dwar iż-żgħażagħ huma kruċjali biex jintlaħqu dawn il-miri. Skont l-evalwazzjoni interim tal-programm attwali, l-azzjonijiet taħt il-kapitolu dwar iż-żgħażagħ, li japplikaw approċċi ta' tagħlim inklużivi u mhux formali, kienu l-aktar ta' suċċess biex jilħqu liż-żgħażagħ b'inqas opportunitajiet. Dan għandu jitqies meta jkun qed jiġi allokat il-finanzjament għal kapitoli differenti. Il-kapitolu taż-żgħażagħ jeħtieġ għaldaqstant ikollu aċċess għal finanzjament aħjar. Barra minn hekk, jeħtieġ jiġu kkunsidrati għotjiet għal avvenimenti fuq skala kbira għaż-żgħażagħ Ewropej (permezz ta’offerta ta’ għotja “għal kull avveniment” aktar milli għotjiet “per capita” għal avvenimenti bħal dawn), peress li dan ikun iżid b’mod sinifikanti l-għadd ta’ żgħażagħ li jintlaħqu mill-Erasmus+.

4.16Is-Servizz Volontarju Ewropew (SVE) – li hu parti importanti mill-programm Erasmus preċedenti – issa tneħħa. Peress li l-attivitajiet issa għandhom jaqgħu taħt il-mandat tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà u mhux tal-Erasmus+, ir-rabtiet bejn dawn iż-żewġ programmi għandhom jiġu żviluppati u ċċarati aktar.

4.17Il-KESE huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta' komponenti edukattivi f'DiscoverEU. Il-qalba tal-programm Erasmus+ hija l-mobilità u dan għandu komponent ta' tagħlim b'saħħtu. Jekk dan ikun nieqes allura ma jkunx jappartjeni għal Erasmus+. Barra minn hekk, huwa fatt pożittiv li ż-żgħażagħ huma appoġġjati fl-esplorazzjoni tal-kontinent Ewropew, minħabba l-valur miżjud li dan jirrappreżenta fir-rigward tat-tagħlim dwar pajjiżi, persuni, lingwi, kulturi differenti eċċ. Madankollu DiscoverEU tagħti l-impressjoni li hija inizjattiva li primarjament tibbenefika liż-żgħażagħ privileġġjati. Hija tkopri biss l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u għalhekk teskludi liż-żgħażagħ żvantaġġjati li ma jistgħux jaffordjaw li jivvjaġġaw. Barra minn hekk, ir-rwol tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fl-implimentazzjoni ta' din l-azzjoni se jirrikjedi aktar spjegazzjoni. Sabiex din l-inizjattiva ssir tassew sinifikanti u ta' valur, jeħtieġ li jkollha komponent edukattiv u tinkludi ġenwinament liż-żgħażagħ kollha.

4.18B’mod partikolari hemm bżonn li l-applikazzjonijiet għall-proġetti taħt il-programm Erasmus li jmiss jiġu ssemplifikati u razzjonalizzati. Skont ir-Rapport ta' Informazzjoni tal-KESE dwar l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu ta' Erasmus+ 13 u r-riċerka tal-imsieħba soċjali 14 , kien hemm nuqqas ta' inklużività ta'organizzazzjonijiet ta' kull daqs u tip miż-żoni u r-reġjuni ġeografiċi kollha tal-UE. Għalhekk, il-KESE jilqa' bi pjaċir l-intenzjoni tajba tal-proposta li jingħataw għotjiet fuq skala żgħira li jappoġġjaw lil dawk li ma għandhomx esperjenza ta' kif għandhom japplikaw għall-programm. Madankollu, is-semplifikazzjoni għandha tiżgura li tiġi evitata ġestjoni ħażina. Għalhekk, il-KESE jilqa' l-enfasi tal-proposta fuq l-importanza ta' korp tal-awditjar indipendenti fil-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-aġenziji nazzjonali;

4.19Fir-rigward tal-kapitolu Żgħażagħ, it-terminoloġija proposta ta’ organizzazzjonijiet ta’ daqs “kbir” vs. “żgħir” ma tikkorrispondix mar-realtà tal-benefiċjarji. Minflok, il-KESE jirrakkomanda li fil-programm il-ġdid tingħata prijorità għal attivitajiet u organizzazzjonijiet “immexxija mill-voluntiera”, fejn iż-żgħażagħ jaqdu rwol ewlieni fit-tmexxija tal-iżvilupp edukattiv tagħhom stess. Barra minn hekk, il-gruppi taż-żgħażagħ lokali għandhom ikunu jistgħu jirreġistraw bħala benefiċjarji bħala gruppi taż-żgħażagħ indipendenti, minkejja l-entità legali nazzjonali. Il-gruppi taż-żgħażagħ lokali jeħtieġ jirċievu l-gwida li għandhom bżonn mill-aġenziji nazzjonali rispettivi tagħhom. Dan ikun ta’ għajnuna biex il-finanzjament jiġi kanalizzat lejn l-inizjattivi taż-żgħażagħ innifishom, u biex jitnaqqas r-riskji li sehem kbir tal-fondi jmur għall-operaturi professjonisti, kif sfortunatament ġara taħt il-programm attwali u kien ikkritikat matul il-konsultazzjonijiet tal-KESE dwar ir-rieżami ta’ nofs it-terminu.

4.20It-tixrid u s-sostenibbiltà tal-proġetti huma importanti ħafna wkoll. Il-proposta għandha tħeġġeġ it-tixrid adatt tar-riżultati tal-proġetti, il-kontinwazzjoni tal-proġetti li taw prova li huma eċċellenti u tixrid ikkoordinat tal-eżiti tal-proġett fil-livell tal-UE u madwar l-UE.

4.21L-għotjiet operattivi tal-istess daqs jeħtieġ jiġu offruti kemm lil setturi tal-edukazzjoni formali kif ukoll dawk tal-edukazzjoni mhux formali. Dan ikun isaħħaħ l-komplementarjetajiet u jagħti s-setgħa lis-settur tal-edukazzjoni mhux formali sabiex jipprovdi programmi interessanti ta’ kwalità għolja. Barra minn hekk, l-għotja operattiva jeħtieġ tkun proporzjonata għall-firxa ta’ impatt relatata mal-prijoritajiet tal-programm u anke għall-ispejjeż operattivi tal-pjattaformi Ewropej.

4.22Barra minn hekk, il-KESE jemmen li l-programm li jmiss għandu jippermetti li l-proġetti fil-livell Ewropew japplikaw permezz ta’ struttura ċentralizzata, iktar milli permezz tal-aġenziji nazzjonali. Dan għandu jiżgura iktar aċċess għal netwerks u organizzazzjonijiet Ewropej, kif ukoll jaħdem kontra l-finanzjament duplikat għal proġetti paralleli.

4.23Peress li l-baġit tal-programm huwa bbażat fuq il-kontribuzzjoni finanzjarja taċ-ċittadini tal-UE, il-KESE jissottolinja l-importanza ta' governanza demokratika fil-programm futur u jenfasizza l-ħtieġa assoluta għall-kumitat permanenti li jirregola l-programm sabiex il-partijiet interessati u l-imsieħba soċjali rilevanti kollha fil-livell Ewropew jingħataw pożizzjoni permanenti fl-istruttura tiegħu u mhux biss "status ta' osservatur fuq bażi ad-hoc".

Brussell, 17 ta’ Ottubru 2018

Luca Jahier
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

_____________

(1)     Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2018 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja . Il-kompetenzi ewlenin huma definiti bħala: litteriżmu u lingwi ; matematika, xjenza u inġinerija ; kompetenza diġitali ; kompetenzi personali, soċjali u tat-tagħlim; kompetenza ċivika; intraprenditorija ; u għarfien u espressjoni kulturali. Dan jinkludi wkoll sett komprensiv ta’ valuri, ħiliet u attitudnijiet għal parteċipazzjoni xierqa f’soċjetajiet demokratiċi.
(2)    L-Istudju tal-Impatt Erasmus (2014) iddikjara li kważi żewġ terzi tal-istudenti kellhom mill-inqas ġenitur li jaħdem bħala eżekuttiv, professjonist jew tekniku.
(3)    What are the obstacles to student mobility during the decision and planning phase? Intelligence brief No. 02 (2016) http://www.eurostudent.eu/download_files/documents/EV_IB_mobility_obstacles.pdf .
(4)    Science, technology, engineering, arts and mathematics (STEAM).
(5)     http://www.europarl.europa.eu/charter/pdf/text_en.pdf .
(6)     https://www.un.org/development/desa/disabilities/convention-on-the-rights-of-persons-with-disabilities.html .
(7)     http://ec.europa.eu/dgs/education_culture/repository/education/news/2015/documents/citizenship-education-declaration_en.pdf .
(8)     http://www.institutdelors.eu/wp-content/uploads/2018/01/extendingerasmus-fernandesbertoncini-june2017.pdf?pdf=ok .
(9)       http://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2018/03/15/quality-and-effective-apprenticeships-council-adopts-european-framework/ .
(10)     https://www.eesc.europa.eu/en/our-work/opinions-information-reports/information-reports/erasmus-mid-term-evaluation .
(11)     https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=celex%3A32012H1222%2801%29 .
(12)       http://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2018/03/15/quality-and-effective-apprenticeships-council-adopts-european-framework/ .
(13)     https://www.eesc.europa.eu/en/our-work/opinions-information-reports/information-reports/erasmus-mid-term-evaluation .
(14)    ETUC – ETUCE – CEEP – EFEE: Investment in Education, 2017 https://www.etuc.org/sites/default/files/publication/files/investment_in_education_and_training_-etuc_-ceep.pdf .