Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
INT/863
Sikurezza tal-vetturi / protezzjoni tal-utenti vulnerabbli
OPINJONI
Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip għall-vetturi motorizzati u l-karrijiet tagħhom, kif ukoll għas-sistemi, għall-komponenti u għall-unitajiet tekniċi separati maħsubin għat-tali vetturi, fir-rigward tas-sikurezza ġenerali tagħhom u tal-protezzjoni tal-okkupanti tal-vetturi u l-utenti vulnerabbli tat-triq, li jemenda r-Regolament (UE) 2018/... u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 78/2009, (KE) Nru 79/2009 u (KE) Nru 661/2009
[COM(2018) 286 final – 2018/0145 COD]
Relatur: Raymond HENCKS
|
Konsultazzjoni
|
Parlament Ewropew, 28/05/2018
Kunsill, 04/06/2018
|
|
Bażi legali
|
L-Artikolu 114(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
|
|
|
|
|
Sezzjoni kompetenti
|
Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum
|
|
Adottata fis-sezzjoni
|
04/09/2018
|
|
Adottata fil-plenarja
|
19/09/2018
|
|
Sessjoni plenarja Nru
|
537
|
|
Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)
|
193/1/2
|
1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1Matul l-aħħar deċennji, is-sikurezza fit-toroq fl-Unjoni Ewropea tjiebet b'mod sinifikanti bis-saħħa tat-tisħiħ tal-kodiċi tat-triq, tar-rekwiżiti li jirregolaw l-imġiba tas-sewwieqa u tal-kondizzjonijiet tax-xogħol u t-taħriġ ta' sewwieqa professjonali, it-titjib fl-infrastrutturi tat-toroq u t-twettiq ta' servizzi ta' emerġenza, u rekwiżiti leġislattivi tal-UE aktar stretti rigward is-sikurezza tal-vetturi, li l-industrija tal-karozzi dejjem wieġbet għalihom b'soluzzjonijiet tekniċi innovattivi.
1.2Madankollu, l-għadd ta' persuni li jinqatlu fit-toroq tal-UE għadu konsiderevolment ogħla mill-objettiv li l-UE stabbiliet fil-White Paper dwar it-Trasport tal-2011, jiġifieri li toqrob lejn l-objettiv ta' "mwiet żero" sal-2050, u li tnaqqas bin-nofs l-għadd ta' inċidenti fatali fit-toroq sal-2020.
1.3Bosta inċidenti fit-toroq huma esklużivament kaġun ta' żball uman, ħafna drabi relatat ma' veloċità eċċessiva, l-aljenazzjoni jew sewqan taħt l-effett tal-alkoħol. Għalhekk jeħtieġ li ċ-ċittadini tal-UE jiġu mħeġġa aktar jew saħansitra mġiegħla biex jieħdu r-responsabbiltà primarja tas-sikurezza tagħhom stess u dik tal-utenti l-oħra tat-toroq fl-Unjoni billi jadottaw imġiba adatta.
1.4Għaldaqstant għandu jiġi adottat approċċ integrat għas-sikurezza fit-toroq, li jkopri l-imġiba tas-sewwieqa, il-kondizzjonijiet tax-xogħol u l-kompetenzi tas-sewwieqa professjonali, kif ukoll l-infrastrutturi. Is-sistemi ta' sikurezza fil-vetturi, li kapaċi jevitaw jew jikkoreġu l-iżbalji umani huma daqstant ieħor fattur kritiku tas-sikurezza.
1.5Il-KESE jilqa' bi pjaċir il-fatt li l-Kummissjoni biħsiebha tagħmel firxa ġdida ta' miżuri ta' sikurezza avvanzati obbligatorji għall-vetturi kollha fil-forma ta' tagħmir standard għall-vetturi tat-triq, inklużi sistemi ta' monitoraġġ tal-pressjoni tat-tajers, aġġustament intelliġenti tal-veloċità, sorveljanza fuq l-għeja u l-attenzjoni tas-sewwieq, detezzjoni tal-aljenazzjoni, detezzjoni ta' sewqan b'lura, sinjal ta' waqfa ta' emerġenza u bbrejkjar ta' emerġenza.
1.6Il-KESE jaqbel ukoll li l-vetturi tqal tal-merkanzija u x-xarabanks għandhom ikunu mgħammra b'sistema ta' detezzjoni u twissija dwar il-preżenza ta' utenti tat-triq vulnerabbli fil-viċinanzi immedjati tan-naħat ta' quddiem u tal-lemin tal-vettura, li jitfasslu u jinbnew b'mod li jtejbu l-viżibbiltà ta' utenti tat-triq vulnerabbli mis-sedil tas-sewwieq u mgħammra b'sistema ta' twissija ta' devjazzjoni mill-karreġġata. Jilqa' bi pjaċir ukoll l-obbligu addizzjonali li jitfasslu u jinbnew xarabanks li jkunu aċċessibbli wkoll għal persuni b'inqas mobbiltà, inklużi dawk li jużaw is-siġġu tar-roti.
1.7Min-naħa l-oħra, wieħed jistaqsi għaliex il-Kummissjoni ma timponix alkometru li jaffettwa l-istartjar tal-vettura u tipprevedi li sempliċement tiffaċilita l-installazzjoni ta' tali alkometru. Il-KESE jemmen li t-test bl-alkometru għandu jkun obbligatorju u mhux biss għażla.
1.8Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda li jiġi previst reġistratur tal-avvenimenti (inċidenti) wkoll għat-trakkijiet, għall-vetturi tqal tal-merkanzija u għax-xarabanks, peress li anke jekk it-takografi diġà jagħtu xi data dwar is-sewqan, dawn ma jaħżnux id-data kruċjali ta' matul u ta' wara l-inċident.
1.9Fl-aħħar nett, il-KESE jinnota b'dispjaċir li s-sistemi ta' sikurezza aktar stretti minn dawk li timponi l-leġislazzjoni Ewropea, li l-manifatturi jinstallaw fuq bażi volontarja, spiss ikunu limitati għall-mudelli tal-aqwa kwalità, b'detriment għal mudelli orħos li jkunu nieqsa minn miżuri ta' sikurezza avvanzati mhux obbligatorji. Dan ifisser li mhux iċ-ċittadini kollha tal-UE għandhom aċċess għal karozzi b'livell ta' sikurezza ekwivalenti. Sabiex dan jiġi indirizzat, il-KESE jirrakkomanda li, fir-rigward tar-Regolament inkwistjoni, il-Kummissjoni Ewropea timponi l-adattament tal-istandards Ewropej għall-evoluzzjoni teknoloġika malajr kemm jista' jkun.
1.10Dan japplika wkoll għall-vetturi tqal tal-merkanzija u għax-xarabanks, b'mod partikolari fir-rigward tas-sistema ta' detezzjoni u twissija dwar il-preżenza ta' utenti tat-triq fil-viċinanzi immedjati tan-naħat ta' quddiem u tal-lemin tal-vettura, li l-installazzjoni tagħha hija prevista mill-proposta għal regolament, u li iżda issa għandha wkoll issir obbligatorja fl-iqsar żmien possibbli.
2.Introduzzjoni
2.1Matul l-aħħar deċennji, is-sikurezza fit-toroq tjiebet b'mod sinifikanti, l-aktar minħabba sistemi ta' sikurezza avvanzati fil-vetturi, it-titjib fl-infrastrutturi tat-toroq, it-tisħiħ tal-kodiċi tat-triq, il-kampanji ta' sensibilizzazzjoni għas-sewwieqa, u l-ħeffa u l-kompetenza tas-servizzi ta' emerġenza.
2.2Madankollu, bejn l-Istati Membri differenti għad hemm differenzi sostanzjali, u dan minkejja l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea li, permezz tal-programmi u l-linji gwida differenti tagħha, tfittex li tarmonizza r-regoli tas-sikurezza mal-Unjoni Ewropea kollha.
2.3Pereżempju:
-is-sinjali tat-toroq u l-età minima tas-sewqan mhumiex l-istess kullimkien;
-l-użu ta' telefon ċellulari waqt is-sewqan b'sett 'hands free' huwa permess f'xi pajjiżi;
-il-livell permissibbli ta' alkoħol fid-demm ivarja, skont l-Istati Membri, bejn tolleranza żero u ċertu approċċ permissiv;
-il-livelli limiti tal-veloċità huma differenti;
-it-tagħmir tas-sikurezza meħtieġ għaċ-ċiklisti (elmi) u għas-sewwieqa (ġakketta tas-sikurezza fluworexxenti, trijangolu ta' twissija ta' periklu, kitt tal-ewwel għajnuna, apparat tat-tifi tan-nar) mhumiex l-istess kullimkien.
2.4Fl-2017, l-għadd ta' persuni li nqatlu fit-toroq tal-UE kien 25 300, jiġifieri tnaqqis ta' 2 % f'sena, iżda li madankollu xorta baqa' fil-biċċa l-kbira insuffiċjenti biex jitnaqqas b’mod sinifikanti l-għadd ta' mwiet fit-toroq, sabiex noqorbu lejn l-objettiv ta' "mwiet żero" fit-trasport bit-triq sal-2050.
2.5Is-sena li għaddiet madwar 135 000 persuna weġġgħu serjament, ħafna minnhom persuni bil-mixi, ċiklisti u sewwieqa tal-muturi, li jitqiesu bħala utenti partikolarment vulnerabbli mill-Kummissjoni.
2.6Skont il-Kummissjoni Ewropea, l-ispiża soċjoekonomika tal-inċidenti fit-toroq hija stmata għal EUR 120 biljun fis-sena (trattamenti mediċi, inkapaċità għax-xogħol, eċċ.).
3.Il-proposta tal-Kummissjoni
3.1Din l-inizjattiva hija parti mit-tielet pakkett ta' mobbiltà dwar "L-Ewropa Attiva", li għandha l-għan li tagħmel il-mobbiltà Ewropea aktar sikura u aktar aċċessibbli, l-industrija Ewropea aktar kompetittiva u l-impjiegi Ewropej aktar sikuri, u twassal għal adattament aħjar għall-imperattiv tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, b'mod partikolari billi ssaħħaħ ir-rekwiżiti dwar l-apparat tas-sikurezza fil-vetturi tat-triq.
3.2Peress li d-dispożizzjonijiet attwali li jirrigwardaw il-proċedura tal-approvazzjoni tal-UE tat-tip ta' vettura fil-qafas tal-protezzjoni tal-persuni bil-mixi u tas-sikurezza tal-idroġenu huma, fil-biċċa l-kbira, antikwati minħabba l-iżviluppi teknoloġiċi, ir-Regolamenti (KE) Nru 78/2009 (protezzjoni tal-persuni bil-mixi), (KE) Nru 79/2009 (vetturi bil-mutur li jaħdmu bl-idroġenu) u (KE) Nru 661/2009 (rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip għas-sikurezza ġenerali tal-vetturi bil-mutur,) huma mħassra u sostitwiti bid-dispożizzjonijiet ekwivalenti tar-Regolamenti tan-NU u l-emendi tagħhom, li l-Unjoni vvotat favurihom jew inkella applikat, f'konformità mad-Deċiżjoni 97/836/KE.
3.3B'mod ġenerali, il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament għas-Sikurezza Ġenerali tal-Vetturi (RSĠ) jinżamm, iżda fil-livell tal-karatteristiċi tas-sikurezza attwalment applikabbli għal vetturi b'eżenzjonijiet korrispondenti, il-kamp ta' applikazzjoni qed jiġi estiż biex ikopri l-kategoriji kollha ta' vetturi u biex jabolixxi l-eżenzjonijiet attwali relatati ma' vetturi utilitarji sportivi (SUVs) u ma' vannijiet.
3.4L-abbozz tar-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi ġenerali applikabbli għall-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi, sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati, u jipprovdi lista ta' oqsma ta' sikurezza, li għalihom hemm żviluppati regoli dettaljati (jew għandhom jiġu żviluppati) ulterjorment fil-leġislazzjoni sekondarja. Ir-Regolamenti kollha tan-NU dwar is-sikurezza fit-toroq applikabbli fuq bażi obbligatorja fl-UE huma inklużi f'anness għall-abbozz tar-Regolament inkwistjoni.
3.5Din il-proposta tipprevedi wkoll li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tiddefinixxi regoli u rekwiżiti tekniċi dettaljati permezz ta' atti delegati.
3.6Il-kamp ta' applikazzjoni attwali tal-obbligu li l-karozzi tal-passiġġieri jiġu mgħammra b'sistema ta' monitoraġġ fuq il-pressjoni tat-tajers ġie estiż għall-kategoriji kollha tal-vetturi.
3.7Serje ta' apparati ta' sikurezza avvanzati, bħall-aġġustament intelliġenti tal-veloċità, is-sistemi ta' sorveljanza fuq l-għeja u l-attenzjoni tas-sewwieq jew id-detezzjoni tal-aljenazzjoni, id-detezzjoni ta' sewqan b'lura, is-sinjal ta' waqfa ta' emerġenza, l-iffaċilitar tal-installazzjoni tal-alkometru li jaffettwa l-istartjar tal-vettura, u s-sistema avvanzata tal-ibbrejkjar ta' urġenza saru obbligatorji għall-vetturi kollha.
3.8Il-karozzi tal-passiġġieri u l-vetturi kummerċjali ħfief ukoll għandhom ikunu mgħammra b'dawn li ġejjin:
-reġistratur tad-data tal-avveniment (tal-inċident),
-sistema ta' żamma ta' direzzjoni fil-karreġġata, u
-protezzjoni frontali mfassla u mibnija biex tipprovdi lill-utenti vulnerabbli tat-triq żona estiża ta' protezzjoni kontra l-impatt ma' rashom.
It-trakkijiet u l-vetturi tqal tal-merkanzija (kategoriji N2 u N3) u x-xarabanks (kategoriji M2 u M3) għandhom ikunu mgħammra b'dawn li ġejjin:
-sistema ta' detezzjoni u twissija dwar il-preżenza ta' utenti tat-triq vulnerabbli li jkunu fil-viċinanzi immedjati tan-naħat ta' quddiem u tal-lemin tal-vettura, li jitfasslu u jinbnew b'mod li jtejbu l-viżibbiltà ta' utenti tat-triq vulnerabbli mis-sedil tas-sewwieq, u
-sistema ta' twissija ta' devjazzjoni mill-karreġġata.
Barra minn hekk, ix-xarabanks għandhom ikunu mfassla u mibnija b'mod li jkunu aċċessibbli għall-persuni b'mobbiltà mnaqqsa, inklużi dawk li jużaw is-siġġu tar-roti.
Il-vetturi li jaħdmu bl-idroġenu għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti speċifikati fl-Anness V ta' dan ir-Regolament.
Rigward il-vetturi awtomatizzati, regoli u rekwiżiti tekniċi dettaljati ta' sikurezza għandhom jiġu żviluppati ulterjorment biex iservu bħala bażi għall-iskjerament tal-vetturi awtomatizzati.
4.Kummenti ġenerali
4.1Il-KESE jfaħħar lill-Kummissjoni talli għamlet obbligatorji firxa ġdida ta' miżuri ta' sikurezza avvanzati bħala tagħmir standard għall-vetturi tat-triq. Madankollu, jixtieq ifakkar li flimkien mar-reviżjonijiet tal-istandards minimi obbligatorji għall-karozzi ġodda mibjugħa fis-suq Ewropew, jeħtieġ li ċ-ċittadini tal-UE jiġu mħeġġin aktar u saħansitra mġiegħlin jassumu r-responsabbiltà primarja tas-sikurezza tagħhom stess u dik tal-utenti l-oħra tat-toroq fl-UE permezz ta' mġiba adatta.
4.2Hemm ir-riskju li, għalkemm il-miżuri l-ġodda rigward l-apparat ta' sikurezza fil-vetturi huma siewja u meħtieġa, dawn se jkollhom biss effett limitat fuq it-tnaqqis imsemmi ta’ inċidenti serji fit-toroq, fin-nuqqas ta’ miżuri oħra komplementari dwar l-imġiba tal-utenti, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-kompetenzi tax-xufiera professjonali, u l-infrastrutturi tat-toroq. Il-persistenza ta' għadd kbir ta' inċidenti fit-toroq, li tirriżulta f'għadd kbir ta' mwiet u korrimenti serji tirrikjedi aġġustament dinamiku addizzjonali fil-politika dwar is-sikurezza fit-toroq li, minbarra li ssaħħaħ ir-rekwiżiti dwar l-apparat ta' sikurezza fil-vetturi tat-triq u tinkludi miżuri preventivi, tkun tinkludi wkoll miżuri ta’ prevenzjoni u miżuri dissważivi kontra dawk kollha li ma jsegwux ir-regoli u li jipperikolaw il-ħajja tagħhom u dik ta' ħaddieħor.
4.3Il-KESE jemmen li anke jekk it-teknoloġiji interattivi tas-sewwieqa u s-Sistemi ta' Trasport Intelliġenti (ITS) għandhom jiġu promossi, m'għandniex nistennew li l-mobbiltà tal-ġejjieni, speċjalment is-sistemi ta' trasport intelliġenti u s-sistemi tas-sewqan totalment awtomatizzat, se jirnexxielha, f'medda qasira u medja ta' żmien, tindirizza l-isfidi li għandna bħalissa.
4.4Skont il-Kummissjoni, il-qafas rivedut se jkun adattat aħjar biex tittejjeb il-protezzjoni ta' utenti vulnerabbli tat-triq. L-Artikolu 3(1) ta' dan ir-Regolament jiddefinixxi l-utent vulnerabbli bħala "utent tat-triq fuq vettura motorizzata b'żewġ roti jew utent tat-triq mhux motorizzat, bħal ċiklist jew persuna bil-mixi". Il-KESE jqis li din id-definizzjoni mhux bilfors tkopri lill-kategoriji kollha f'"riskju għoli", inklużi fost oħrajn persuni intrinsikament fraġli minħabba l-età (tfal, anzjani) jew b'xi diżabbiltà.
4.5Huwa rikonoxxut li r-riskji għall-utenti tat-triq huma prinċipalment ikkaġunati mill-imġiba tas-sewwieqa (veloċità eċċessiva, abbuż minn alkoħol jew drogi, l-użu ta' tagħmir elettroniku portabbli waqt is-sewqan tal-vettura, mumenti ta' distrazzjoni, il-kondizzjoni fiżika tas-sewwieqa, ħin ta' sewqan twil wisq, nuqqas ta' konformità mal-perjodi ta' mistrieħ) u minn infrastrutturi mhux adatti (nuqqas ta' spazji riżervati għall-persuni bil-mixi, nuqqas ta' dawl adattat għas-sitwazzjoni).
4.6Għaldaqstant, il-KESE jaqbel li biex tipprevjeni xi wħud minn dawn il-perikli, il-Kummissjoni għandha timponi l-installazzjoni sistematika fil-karozzi ġodda ta':
-sistema ta' kontroll adattiva u ta’ aġġustament intelliġenti tal-veloċità li, minbarra l-aspett tas-sikurezza, tinkoraġġixxi sewqan li jiffavorixxi l-iffrankar fl-użu tal-karburant u b’hekk li jnaqqas it-tniġġis,
-sistema ta’ monitoraġġ tal-pressjoni tat-tajers,
-sistemi avvanzati ta' sorveljanza fuq l-għeja tas-sewwieq u d-detezzjoni tal-aljenazzjoni.
4.7Min-naħa l-oħra, wieħed jistaqsi għaliex il-Kummissjoni ma timponix alkometru li jaffettwa l-istartjar tal-vettura u tipprevedi li sempliċement tiffaċilita l-installazzjoni ta' tali alkometru. Skont studju minn "Verband der TÜV e.V", 11 % tal-inċidenti fl-2016 ġew ikkaġunati minn sewwieqa li nstab li kienu xurbana. Meta jitqies li l-għadd ta' każi ta' sewqan fi stat xurban mhux irreġistrati huwa fi proporzjon ta' 1 f'600, l-għadd ta' inċidenti kkaġunati mill-abbuż tal-alkoħol huwa stmat għal aktar minn 25 %. Il-KESE jemmen li t-test tal-alkometru m'għandux ikun limitat għal dawk reċidivi b'liċenzja sospiża permezz ta' sentenza tal-qorti minħabba sewqan fi stat xurban jew taħt l-influwenza tad-drogi, iżda għandu jkun obbligatorju b'mod ġenerali.
4.8Il-KESE jirrakkomanda li jiġi previst reġistratur tal-avvenimenti (inċidenti) wkoll għat-trakkijiet u għax-xarabanks, peress li anke jekk it-takografi ta' dawn il-vetturi diġà jipprovdu xi data dwar is-sewqan, dawn ma jaħżnux id-data kruċjali ta' matul u ta' wara l-inċident.
4.9Skont il-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni, fl-anness għall-proposta tar-Regolament inkwistjoni, f'perjodu ta' sittax-il sena, huwa mistenni li l-introduzzjoni ta' apparati ta' sikurezza ġodda fuq rakkomandazzjoni se tnaqqas l-għadd ta' mwiet u korrimenti serji b'24 794 u 140 740 rispettivament. Il-KESE jistaqsi jekk hemmx ir-riskju li dawn l-estimi, b’numri preċiżi, jitqiesu bħala ftit li xejn kredibbli, u li jagħmlu ħsara lill-valur miżjud ġenerali tal-istudju tal-impatt.
4.10Fl-aħħar nett, il-KESE jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li l-manifatturi qed jiżviluppaw, fuq bażi volontarja, vetturi b'livelli ta' sikurezza ogħla minn dawk li timponi l-leġislazzjoni Ewropea. Sfortunatament, dan it-titjib spiss ikun limitat għall-mudelli tal-ogħla kwalità li jinxtraw fis-swieq ewlenin tal-Istati Membri, b'detriment għal mudelli orħos li jkunu nieqsa minn miżuri ta' sikurezza avvanzati mhux obbligatorji. Dan ifisser li mhux iċ-ċittadini kollha tal-UE għandhom aċċess għal karozzi b'livell ta' sikurezza ekwivalenti. Sabiex dan jiġi indirizzat, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea timponi l-adattament tal-istandards Ewropej għall-evoluzzjoni teknoloġika malajr kemm jista' jkun.
Dan japplika wkoll għall-vetturi tqal tal-merkanzija u għax-xarabanks, b'mod partikolari fir-rigward tas-sistema ta' detezzjoni u twissija dwar il-preżenza ta' utenti tat-triq fil-viċinanzi immedjati tan-naħat ta' quddiem u tal-lemin tal-vettura (blind spot), li l-installazzjoni tagħha għandha wkoll issir obbligatorja fl-iqsar żmien possibbli.
Brussell, 19 ta’ Settembru 2018
Luca JAHIER
President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
____________