Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
ECO/466
L-obbligi tal-investituri istituzzjonali u tal-maniġers tal-assi rigward is-sostenibbiltà
OPINJONI
Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar divulgazzjonijiet relatati ma’ investimenti sostenibbli u riskji għas-sostenibbiltà u li jemenda d-Direttiva (KE) Nru 2016/2341
[COM(2018) 354 final – 2018/0179 (COD)]
Relatur: Carlos TRIAS PINTÓ
|
Konsultazzjoni
|
Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 06/07/2018
Parlament Ewropew, 05/07/2018
|
|
Bażi legali
|
L-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
|
|
|
|
|
Sezzjoni kompetenti
|
Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u Koeżjoni Ekonomika u Soċjali
|
|
Adottata fis-sezzjoni
|
03/10/2018
|
|
Adottata fil-plenarja
|
17/10/2018
|
|
Sessjoni plenarja Nru
|
538
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet)
|
174/7/4
|
1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1L-atturi finanzjarji jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni tal-ekonomija Ewropea lejn sistema aktar ekoloġika, aktar reżiljenti u ċirkolari, peress li jintegraw il-fatturi ASG:
·f’attivitajiet ta’ konsulenza lill-investituri finali, billi jistaqsu dwar il-preferenzi tagħhom rigward is-sostenibbiltà;
·fit-tfassil jew l-għażla ta’ portafoll ta’ assi finanzjarji;
·fid-divulgazzjoni trasparenti u l-ġustifikazzjoni affidabbli tat-teħid tad-deċiżjonijiet;
·fl-informazzjoni ex ante prekuntrattwali dwar l-integrazzjoni tar-riskji u l-impatt mistenni tagħhom;
·fir-rapporti perjodiċi billi jiġi ddikjarat l-impatt globali relatat mas-sostenibbiltà tal-prodott finanzjarju permezz tal-użu ta’ indikaturi rilevanti tas-sostenibbiltà.
1.2L-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG), u il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima jiffurmaw il-frontispizju tal-pilastri tas-sostenibbiltà kondiviża, u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-finanzi sostenibbli se jsawwar din l-arkitettura ġdida.
1.3Il-punt tat-tluq huwa li abbażi ta’ evidenza xjentifika stretta gradwalment jiġu definiti liema attivitajiet huma sostenibbli, bl-użu ta’ metodoloġija tal-analiżi kost-benefiċċji matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-proġett li jivvaluta l-esternalitajiet ambjentali, soċjali u ekonomiċi.
1.4Jekk nibdew mill-vettur “A” (tal-kriterji ASG), għandhom jiġu rrispettati s-salvagwardji soċjali stabbiliti fil-livell internazzjonali, kif ukoll il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Għall-KESE, is-salvagwardji għandhom ikomplu sal-“G”, mingħajr ma tintesa l-governanza fiskali tajba (korporattiva u istituzzjonali).
1.5Il-KESE jfaħħar id-disinn tal-Pjan ta’ Azzjoni. Din l-Opinjoni tiffoka fuq l-azzjonijiet marbuta mar-riorjentazzjoni tal-flussi kapitali lejn investimenti sostenibbli u għalhekk taffettwa b'mod sħiħ l-obbligi fiduċjarji tal-atturi tas-swieq kapitali, li l-aktar punt dgħajjef tagħhom, l-investitur finali, se jkun kapaċi jallinja l-preferenzi tiegħu ta’ sostenibbiltà mad-deċiżjonijiet informati ta’ investiment tiegħu. Kemm ir-Regolament il-ġdid propost kif ukoll ir-riforma tad-Direttiva jipprovdu solidità, koerenza u effettività għal dan l-iżvilupp tal-Pjan ta’ Azzjoni.
1.6Ta' spiss jissemma l-momentum biex in-neċessità ssir virtù: insaħħu l-“Ewropa tal-valuri” billi nieħdu f’idejna r-riedni tas-sostenibbiltà. F’dan ir-rigward, il-KESE huwa impenjat bis-sħiħ lejn it-tfassil ta’ prodotti finanzjarji pan-Ewropej sostenibbli, abbażi tal-konvinzjoni li dawn iservu biex ikollna aktar Ewropa u Ewropa aħjar.
1.7Il-KESE japprova l-proposta tal-Kummissjoni li toħloq Pjattaforma dwar Finanzi Sostenibbli, magħmula minn esperti li jirrappreżentaw kemm lis-settur pubbliku kif ukoll lis-settur privat. Il-KESE għandu jkun parti minnha.
1.8Fl-aħħar nett, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali matul il-proċess kollu.
2.Sfond
2.1Qafas ġenerali: Pjan ta’ Azzjoni għall-finanzjament tat-tkabbir sostenibbli
2.1.1Fit-triq twila għat-tlestija tal-Unjoni Finanzjarja, ir-reviżjoni għal tul ta’ żmien medju tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (USK) iffokat fuq il-mobilizzazzjoni tat-tfaddil Ewropew permezz tal-promozzjoni ta’ investimenti privati sostenibbli. Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-finanzjament tat-tkabbir sostenibbli, imniedi mill-Kummissjoni fit-8 ta’ Marzu 2018, stabbilixxa pjan direzzjonali intelliġenti u preċiż biex jissodisfa dan l-impenn.
2.1.2Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali laqa’ b'mod favorevoli ħafna din l-inizjattiva, li l-għaxar azzjonijiet tagħha jistabbilixxu sekwenza ta’ atti konsistenti u interkonnessi sew, li għandhom jiġu adottati qabel tmiem l-2019.
2.1.3Il-proposta biex jiġi emendat il-qafas regolatorju, li hija s-suġġett ta’ din l-Opinjoni, hija relatata mar-rwol fiduċjarju tal-atturi finanzjarji.
2.1.4Tirreferi b’mod partikolari għall-Azzjoni 7 tal-Pjan ta’ Azzjoni, fejn l-inkorporazzjoni tas-sostenibbiltà fil-portafolli ta’ investiment u l-iżvelar korrett tagħha għandha bħala korollarja l-Azzjoni 4, dwar il-parir lill-investitur finali. Hija taffettwa wkoll parzjalment l-Azzjoni 9, peress li hija kundizzjoni sine qua non għall-kumpaniji biex joħorġu informazzjoni korporattiva extrafinanzjarja, ta’ kwalità u armonizzata.
2.1.5B’mod parallel, fi ħdan din l-ewwel sensiela koerenti ta’ miżuri tal-Pjan ta’ Azzjoni, il-KESE jadotta l-fehma tiegħu dwar it-tassonomija (Azzjoni 1) u l-parametri referenzjarji tas-sostenibbiltà (Azzjoni 5).
2.2L-obbligi tal-investituri istituzzjonali u tal-maniġers tal-assi rigward is-sostenibbiltà
2.2.1Qed jiġi propost Regolament dwar l-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ta’ sostenibbiltà fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u t-tixrid ta’ informazzjoni dwar investimenti sostenibbli u riskji ta’ sostenibbiltà, akkumpanjat mill-emenda tad-Direttiva (UE) 2016/2314 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni tal-fondi ta’ pensjoni okkupazzjonali, kif ukoll tal-atti delegati tal-Kummissjoni Ewropea biex jiġu adattati b’mod koerenti d-direttivi MiFID II u IDD, assistiti mill-awtoritajiet superviżorji.
2.2.2L-għan huwa li jiġi żgurat li l-maniġers tal-assi, l-investituri istituzzjonali, id-distributuri ta’ assigurazzjonijiet u l-konsulenti tal-investiment jinkludu fatturi ambjentali, soċjali u ta’ governanza korporattivi (ASG) fid-deċiżjonijiet ta’ investiment tagħhom (Azzjoni 7) u proċessi konsultattivi (Azzjoni 4) bħala parti mid-dmir tagħhom li jaġixxu fl-aħjar interess tal-investituri jew tal-benefiċjarji.
2.2.3Il-maniġers tal-assi u l-investituri istituzzjonali għandhom jiżvelaw kif l-investimenti tagħhom huma allinjati ma’ dawn l-objettivi ta’ sostenibbiltà u jirrappurtaw perjodikament dwar il-prestazzjoni mhux finanzjarja tal-investimenti, bl-użu ta’ indikaturi ta’ impatt ad hoc. Dan ifisser aktar trasparenza għall-investituri finali, li jkunu jistgħu jagħmlu deċiżjonijiet informati sew, ibbażati fuq prodotti komparabbli u ħielsa minn greenwashing u / jew social washing.
2.2.4Ir-Regolament propost se japplika għall-maniġers tal-assi, l-investituri istituzzjonali (kumpaniji ta’ assigurazzjonijiet regolati minn Solvenza II u fondi tal-pensjoni okkupazzjonali regolati minn IORP II), id-distributuri tal-assigurazzjonijiet irregolati mid-Direttiva dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjonijiet (IDD), konsulenti dwar l-investiment u maniġers ta’ portafolli individwali rregolati mill-MiFID II.
2.2.5Ir-regoli proposti jkopru l-prodotti finanzjarji kollha offruti u s-servizzi (immaniġġjar u pariri ta’ portafoll) ipprovduti mill-entitajiet imsemmija hawn fuq, irrispettivament minn jekk isegwux objettivi ta’ investiment sostenibbli jew le.
2.2.6Parametru referenzjarju b'livell baxx ta' karbonju tal-UE jew parametru referenzjarju b'livell baxx ta' karbonju b'impatt pożittiv se jintuża biss għal dawk il-prodotti/servizzi li għandhom għan ta’ emissjonijiet baxxi ta’ karbonju, bl-istess mod kif parametri referenzjarji oħra jiġu applikati għall-prodotti/is-servizzi li għandhom l-għan li jkollhom impatt ambjentali u/jew soċjali.
2.2.7B'dan il-mod, l-investituri se jqisu l-kopertura tar-riskji ta’ sostenibbiltà meta jevalwaw ir-ritorn fuq l-investimenti fit-tul tagħhom u jikkonformaw mal-hekk imsejħa “obbligi fiduċjarji” fl-aħjar interess tal-investituri/benefiċjarji finali tagħhom.
2.2.8Bl-istess mod, is-settur finanzjarju se jkollu rwol essenzjali fl-aġġustament tar-riskji tat-tibdil fil-klima u l-isfidi ambjentali, soċjali u ta’ governanza, li jerġa’ jorjenta b’mod gradwali flussi kapitali privati lejn investimenti sostenibbli, permezz tal-għażla ta’ attivitajiet, proġetti u kumpaniji xierqa.
2.2.9Min-naħa tagħha, l-UE se ssaħħaħ il-fondi pubbliċi biex tiġbed aktar investimenti privati. B’mod partikolari, il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (EFSI 2.0), estiż u msaħħaħ, fis-seħħ mill-31 ta’ Diċembru 2017, jipproponi objettiv ta’ investiment intelliġenti għall-klima ta’ 40 % u se jkompli jikber fil-Qafas Finanzjarju Multiannwali (QFP) 2021-2027.
3.Kummenti ġenerali
3.1Fit-tranżizzjoni lejn ekonomiji aktar sostenibbli u inklużivi, approċċ ibbilanċjat lejn ir-riskji ASG u allinjament adegwat tal-atturi tas-sistema finanzjarja jikkontribwixxu għall-istabbiltà finanzjarja sistemika.
3.2Fil-qafas tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, il-KESE ta l-fehma tiegħu dwar l-obbligi fiduċjarji rigward is-sostenibbiltà tal-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi.
3.3B’mod partikolari, il-KESE huwa impenjat ifassal il-prodotti finanzjarji marbuta mal-pensjonijiet fit-tassonomija l-ġdida u l-parametri referenzjarji, li jistgħu jiġu assoċjati mal-investimenti fit-tul tal-EFSI 2.0 u l-fond futur “InvestEU” previst fil-QFM 2021-2027.
3.4B’hekk, “il-prodotti tal-pensjoni personali pan-Ewropej” (PEPP) futuri jkunu jistgħu jingħataw l-istatus ta’ prodott sostenibbli emblematiku, minħabba l-valur kbir li jiġi stabbilit fluss ta’ riżorsi finanzjarji fuq medda twila ta’ żmien li tippermetti fl-istess ħin tindirizza varjetà ta’ sfidi tas-soċjetà Ewropea: fil-qosor, din tiggarantixxi l-benesseri futur tan-nies filwaqt li tiffinanzja infrastrutturi sostenibbli. Fil-fehma tal-KESE, din se tkun l-għażla ta’ investiment prestabbilita u għandha tippermetti lil min ifaddal permezz ta' PEPP biex jirkupra l-kapital investit, inkluż permezz tal-appoġġ istituzzjonali sussidjarju tal-Unjoni Ewropea.
3.5Minbarra l-mobilizzazzjoni tal-iffrankar domestiku, irid jiġi attirat aktar investiment lejn l-Ewropa. Lil hinn mill-istimoli assoċjati mal-investiment sostenibbli, bosta studji juru li l-investituri jfittxu aċċess għas-swieq kapitali akbar, minħabba li dawn għandhom tendenza li jiksbu qligħ ogħla fuq l-investimenti.
3.6L-integrazzjoni tas-suq tal-kapital għandha tikkunsidra wkoll riformi u inċentivi li jippromvu pjani sostenibbli tal-pensjoni individwali u kollettivi pan-Ewropej, taħt il-premessa li fl-istess ħin tiġi żgurata sistema solida tal-pensjonijiet pubbliċi, waqt li titwessa’ l-bażi attwali tal-individwi affiljati mas-sistemi tas-sigurtà soċjali. Għandhom jitħeġġu s-sistemi ta’ pensjonijiet pubbliċi biex jistabbilixxu wkoll investiment sostenibbli mill-fondi ta’ riżerva tagħhom, fejn dawn ikunu jeżistu
3.7Min-naħa l-oħra, il-KESE enfasizza li s-servizzi ta’ intermedjazzjoni finanzjarja, bħala parti fundamentali tal-obbligi legali tagħhom, għandhom jinteraġixxu b’mod proattiv mal-klijenti biex jipprovdulhom informazzjoni ċara dwar ir-riskji finanzjarji possibbli u l-benefiċċji li jiġu inklużi l-fatturi ASG. Fil-każ tal-investitur fil-livell tal-konsumatur, għandu jiġi vverifikat li dan fehem b’mod preċiż l-informazzjoni kollha mogħtija.
3.8B’hekk, il-KESE jappoġġja wkoll l-adattament ta’ MiFID II u tad-Direttiva dwar id-distribuzzjoni ta’ assigurazzjonijiet, u huwa favur li l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) ulterjorment tinkludi preferenzi għal dispożizzjonijiet dwar is-sostenibbiltà fil-linji gwida tagħha dwar l-evalwazzjoni tal-adegwatezza. B’mod partikolari, u mingħajr ma jiġu kompromessi l-għanijiet ta’ dawn id-Direttivi biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-investituri, għandu jiġi eżaminat kif il-preferenzi ta’ sostenibbiltà tal-investituri jistgħu jiġu inklużi f’din il-leġislazzjoni sabiex il-konsulenti finanzjarji jkunu jistgħu joħorġu rakkomandazzjonijiet xierqa dwar prodotti finanzjarji li jirrispettaw kemm jista’ jkun possibbli l-preferenzi u l-adattabilità tal-klijenti.
3.9Fil-qosor, il-KESE ifaħħar ir-reviżjoni simultanja konsistenti tas-Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja sabiex jiġu integrati r-riskji ta’ sostenibbiltà finanzjarjament materjali f’ħidmiet ta’ superviżjoni mikroprudenzjali, u jifhem li r-rekwiżiti attwali tal-kapital u tal-likwidità jridu jintiżnu b’attenzjoni skont dawn il-fatturi ġodda.
3.10Fl-aħħar nett, il-KESE jsemma’ leħnu, għal darb’oħra, biex jilmenta bil-kbir dwar il-fatt li lanqas il-pajjiżi l-aktar avvanzati ma rnexxielhom inaqqsu d-disparità bejn is-sessi. F’dan ir-rigward, il-finanzi sostenibbli joffru tweġibiet effettivi: l-investiment b’perspettiva tal-ġeneru (a gender-lens investing) jista’ jinkludi l-iffinanzjar ta’ negozji li huma proprjetà tan-nisa, kumpaniji b’rekord sod ta’ impjieg tan-nisa, jew dawk il-kumpaniji li jtejbu l-ħajjiet tan-nisa u l-bniet permezz tal-prodotti u s-servizzi tagħhom.
3.11Barra minn hekk, skont The Boston Consulting Group, kemm il-millennials kif ukoll in-nisa qegħdin dejjem aktar ifittxu li jallinjaw l-miri finanzjarji u ta’ investiment tagħhom mal-valuri tagħhom, mingħajr ma jitnaqqsu l-aspettattivi tar-redditu tagħhom. Fi kliem ieħor, qegħdin ifittxu unità ta’ valur miżjud lil hinn mir-redditi ta’ finanzjament.
4.Kummenti speċifiċi
4.1Il-KESE jqis li huwa xieraq li l-bażi legali għal dan ir-Regolament huwa l-Artikolu 114 tat-TFUE, peress li tfittex li żżomm kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni bejn id-diversi atturi finanzjarji filwaqt li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumaturi (investituri finali).
4.2Proposta għal Regolament
4.2.1Il-KESE jappoġġja l-armonizzazzjoni permezz ta’ dan ir-Regolament tar-regoli li għandhom jiġu segwiti mill-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi fil-proċess ta’ investiment, filwaqt li jitqiesu l-fatturi u r-riskji ta’ sostenibbiltà, kif ukoll ir-rekwiżiti ta’ trasparenza li jippermettu paragun oġġettiv bejn prodotti finanzjarji sostenibbli. Jenfasizza wkoll ir-rwol ta’ sorveljanza li għandhom l-awtoritajiet fid-disinn tal-istandards tekniċi għall-proċess ta’ preżentazjoni u żvelar ta’ informazzjoni, li għalih għandhom ikollhom parir tekniku speċjalizzat.
4.2.2Il-KESE jilqa’ d-definizzjonijiet komprensivi tal-Artikolu 2, u jinnota b’mod pożittiv li l-aspetti ambjentali, soċjali u ta’ governanza jitqiesu flimkien, u b’hekk ser jiġu riflessi fil-ħolqien ta’ tassonomija ġodda. Dan l-approċċ regolatorju huwa rifless fil-paragrafu (o), peress li l-investimenti sostenibbli m’għandhomx ikunu bbażati biss fuq l-għanijiet ambjentali stipulati fis-sottoparagrafu (i) msemmi fl-Artikolu 2 tal-Proposta għal Regolament dwar it-tassonomija ġdida, iżda għandhom ukoll jikkonformaw mas-sottoparagrafi (ii) u (iii) li huma relatati mad-dimensjoni soċjali u ta' governanza. Dawn id-dispożizzjonijiet ġew ifformulati biex jiffaċilitaw l-obbligu ta’ rappurtar li ser ikollhom dawk l-aġenti tas-suq li diġà jintegraw il-fatturi soċjali u ta’ governanza fil-portafolli ta’ investiment tagħhom, u l-KESE jemmen li għandhom jiġu fformulati bħala salvagwardji “tat-tassonomija ekoloġika”, fis-sens litterali tagħha.
4.2.3Il-KESE jappoġġja li l-atturi kollha jippubblikaw fuq l-internet l-integrazzjoni ta’ fatturi ta’ sostenibbiltà finanzjarjament materjali flimkien mar-riskji finanzjarji assoċjati mal-katalogu tal-prodotti tagħhom. Madankollu, ser ikun utli biss jekk l-informazzjoni tkun kemm jista’ jkunstandardizzata u aġġornata simultanjament mill-atturi kollha fil-katina tal-investiment.
4.2.4L-informazzjoni prekuntrattwali hija ta’ importanza kbira u għandha tkun ċara, rilevanti, oġġettiva u kumparabbli. Huwa importanti li l-informazzjoni speċifika msemmija għal kull familja ta’ prodotti tiġi kklassifikata u l-indikaturi tal-impatt u / jew il-parametri referenzjarji jkunu indikati b’mod ċar, inkluża l-metodoloġija tal-kalkolu.
4.2.5Fl-aħħar nett, il-KESE jappoġġja r-regoli biex jinfurmaw lill-investituri finali dwar l-impatt tal-investimenti tagħhom. Fl-istess ħin, iħeġġeġ lill-awtorità superviżorja Ewropea kompetenti f’kull każ biex tissorvelja mill-qrib jekk jintlaħqux ir-rekwiżiti ta’ perjodiċità, jekk l-aġġornament u l-għoti ta’ informazzjoni oġġettiva humiex sodisfatti, sabiex b'hekk tiġi żgurata koerenza mal-istrateġiji ta’ kummerċjalizzazzjoni assoċjati ma’ kull prodott.
4.3Proposta għal emenda tad-Direttiva (UE) 2016/2341
4.3.1Il-KESE jappoġġja li l-atti kollha ddelegati biex jintegraw il-fatturi ASG f’direttivi li jaffettwaw l-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi jkunu dderivati mir-“regola tal-persuna prudenti” u, konsegwentement, jipprovdu qafas affidabbli u sikur għall-politiki ta’ investiment, li jibbilanċjaw il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-atturi u jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur.
4.3.2Għal dik ir-raġuni, jappoġġja r-reviżjoni ta’ din id-Direttiva, sabiex tkun konformi mad-direttivi u l-fondi l-oħrajn affettwati minn dan ir-Regolament.
4.4Atti delegati (MIFID II u Direttiva dwar id-Distribuzzjoni tal-Assigurazzjoniji)
4.4.1Issir referenza għall-Azzjoni 4 tal-Pjan ta’ Azzjoni bil-għan li jinkiseb allinjament mal-Azzjoni 7, f'eżerċizzju marbut mal-koerenza regolatorja. Il-KESE jappoġġja l-emendi previsti għall-atti delegati preċedenti, sabiex jiġi żgurat li l-investitur finali jiġi mistoqsi b’mod adegwat dwar il-preferenzi ta’ sostenibbiltà tiegħu, li mbagħad għandhom jiġu riflessi b’mod ċar fir-rakkomandazzjonijiet tal-konsulent.
4.5Lil hinn mill-appoġġ tal-ewwel passi li l-Kummissjoni ser tieħu fil-pjan direzzjonali marbut mal-Pjan ta’ Azzjoni biex tiffinanzja l-iżvilupp sostenibbli, il-KESE jagħti l-osservazzjonijiet li ġejjin:
4.5.1Huwa essenzjali li jiġu sfruttati l-esperjenza u l-evidenza empirika pprovduti mill-atturi finanzjarji li diġà jaħdmu b'titoli bankarji u, konsegwentement, il-Kummissjoni Ewropea għandha tipprovdi appoġġ ordinat u sistematiku tal-prattiki tas-suq, peress li dan huwa fattur ewlieni għal kostruzzjoni korretta tat-tassonomija l-ġdida.
4.5.2Se jkollha tippermetti, fil-qafas tal-proċessi l-ġodda għal “Leġislazzjoni Aħjar”, interazzjoni akbar bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-partijiet interessati ewlenin: laqgħat wiċċ imb'wiċċ jew virtwali, workshops speċjalizzati, għodod ġodda, eċċ. Dan kollu mingħajr ma jiddgħajjfu l-kompiti fdati lill-grupp tekniku ta’ esperti fil-finanzi sostenibbli, u gruppi ad hoc oħra għal atti delegati tal-Kummissjoni, kif ukoll tal-proċedura ta’ konsultazzjoni attwali, li l-ambitu tagħha għadu limitat.
4.5.3Fl-isforz biex titlesta l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, huwa kruċjali li tiġi stimulata l-interazzjoni tar-riżorsi pubbliċi u privati, li joħolqu rotot differenti biex jingħataw direzzjoni ġdida lill-flussi kapitali u jikkonverġu diversi sorsi sabiex jiġġeneraw koinvestiment sostenibbli (fondazzjonijiet, assoċjazzjonijiet, donaturi, finanzjament kollettiv ta’ ekwità, eċċ.), li japplika l-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni, li jelimina ostakli transkonfinali u ostakli amministrattivi skont il-liġijiet tal-Istati Membri, u jarmonizza t-trattament fiskali.
4.5.4Fil-fehma tal-KESE, l-ispejjeż biex tiġi inkorporata s-sostenibbiltà fil-portafolli tal-ġestjoni tal-assi huma aċċessibbli anke għal atturi iżgħar, li jistgħu faċilment jikkumpensawhom billi jiġġeneraw volum ta’ negozju akbar għal raġunijiet ta’ prestiġju ta’ reputazzjoni.
4.5.5L-Azzjoni 9 tal-Pjan (It-tisħiħ tad-divulgazzjoni għas-sostenibbiltà) għandha tkun l-ingranaġġ sabiex ikun iktar faċli għall-SMEs li jipprovdu informazzjoni ta’ kwalità dwar is-sostenibbiltà, u b’hekk iżidu s-sehem tagħhom ta' finanzjament sostenibbli.
4.5.6L-akbar tħassib jinsab fl-azzjonijiet ta’ konformità, li b’mod ġenerali huma teknokratiċi u joħonqu lill-entitajiet b'inqas mezzi. L-awtoritajiet superviżorji (b’mod partikolari l-ESMA u l-EIOPA) għandhom jirrikjedu biss l-informazzjoni rilevanti, u b’hekk jiġu ffaċilitati l-kompiti tat-trażmissjoni tad-data u ta' ġustifikazzjoni.
4.5.7Il-KESE japprova l-iskadenza ta’ 12-il xahar għall-applikazzjoni regolatorja, peress li għall-prodotti aggregati ta’ investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni, id-dħul fis-seħħ kien possibbli wara sitt xhur biss.
4.5.8Fl-aħħar nett, il-KESE jistaqsi jekk, fid-dawl tal-esperjenza miksuba mill-inizjattiva “Leġislazzjoni Aħjar”, huwiex eċċessiv li jingħata perjodu ta’ sittin xahar bħala l-perjodu massimu biex tiġi riveduta l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
Brussell, 17 ta’ Ottubru 2018
Luca Jahier
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
____________