MT

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

INT/850

Prekursuri tal-isplussivi

OPINJONI

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prekursuri tal-isplussivi, li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 98/2013 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prekursuri tal-isplussivi
[COM(2018) 209 final – 2018/0103 (COD)]

Relatur: David SEARS

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 28/05/2018

Kunsill, 31/05/2018

Bażi legali

Artikolu 114 tat-TFUE

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

07/06/2018

Adottata fil-plenarja

11/07/2018

Sessjoni plenarja Nru

536

Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet)

128/0/1



1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1Il-KESE jilqa’ r-Regolament propost. Il-proposta tibni fuq u tieħu post ir-Regolament eżistenti, li l-KESE kkummenta dwaru f’Jannar 2011 1 , u tipprova tislet mill-esperjenzi fil-livell nazzjonali u tal-UE minn mindu daħal fis-seħħ fl-2013 u b’effett sħiħ (previst) minn Settembru 2014.

1.2Il-KESE jinnota li ż-żmien permess għat-tħejjija tar-Regolament il-ġdid kien limitat minn fatturi proċedurali, inkluż iż-żmien qasir li issa huwa disponibbli qabel it-tmiem tal-mandat attwali kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-Parlament Ewropew. Minħabba l-implimentazzjoni pjuttost qasira u bil-mod tar-Regolament eżistenti u l-ħtieġa għal appoġġ serju u ta’ xiri sfurzat mill-Istati Membri u l-atturi kollha tal-katina ta’ provvista għas-sostituzzjoni tiegħu, dan huwa ta’ dispjaċir. Ir-raġunijiet għal din l-implimentazzjoni bil-mod, b’mod partikolari minn pajjiżi ewlenin li qed jesperjenzaw atti terroristiċi kontra l-popolazzjoni tagħhom stess, jeħtieġ li jiġu eżaminati aktar mill-qrib.

1.3Il-KESE jinnota għadd ta’ oqsma fejn għandha tiġi kkunsidrata aktar ċarezza fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-implimentazzjoni tar-Regolament; dawn jeħtieġ li jiġu diskussi wkoll f’aktar dettall mal-Istati Membri fix-xhur li ġejjin. Jeħtieġ li ssir aktar ħidma fuq id-dispożizzjonijiet fir-rigward tal-bejgħ permezz tal-internet biex dawn ikollhom xi effett reali; huwa diffiċli li wieħed jara kif dawn jistgħu jkunu effettivi fil-livell tal-Istat Membru biss.

1.4Fl-aħħar nett, u għal darb’oħra, il-KESE għandu dubju dwar l-effikaċja tar-raggruppament ta’ dawn is-sustanzi diverġenti ħafna taħt reġim regolatorju wieħed. B’riżultat ta’ dan ikun diffiċli biex tiġi abbozzata l-leġislazzjoni u ħafna aktar diffiċli biex tiġi implimentata jew mifhuma minn utent professjonali jew membru tal-pubbliku ġenerali. Approċċ speċifiku għas-sustanza differenti huwa għalhekk rakkomandat. Il-leġislazzjoni tal-UE fir-rigward tal-prekursuri tad-droga tipprovdi mudell siewi għal dan 2 .

2.Introduzzjoni

2.1Apparat esplożiv improvviżat (IED) li jinkorpora varjetà ta’ splussivi magħmulin id-dar (HMEs) jintuża minn terroristi u atturi mhux statali oħra biex iwettqu attakki statiċi, permezz ta’ vettura (VB) jew permezz ta’ persuni (PB) fuq stabbilimenti militari u ekonomiċi, primarjament biex ikattru t-terrur fost il-popolazzjonijiet ċivili, għal għanijiet politiċi jew reliġjużi.

2.2L-għarfien meħtieġ biex jinbena, jinħażen u jitwassal dan l-apparat huwa disponibbli faċilment fuq l-internet. Il-materja prima tista’ tkun disponibbli b’mod ġenerali (id-dqiq, iz-zokkor, id-diżil, fertilizzanti). Splussivi u detonaturi aktar b’saħħithom (TATP, PETN, HMTD) jeħtieġu sinteżi kimika minn sustanzi oħra disponibbli fis-suq tal-konsumaturi għal għanijiet leġittimi. Splussivi kummerċjali (inklużi d-dinamita, it-trab iswed u t-TNT) huma diġà kkontrollati b’mod strett u issa ftit li xejn jintużaw, tal-anqas fid-dinja żviluppata.

2.3Il-maġġornaza tal-inċidenti terroristiċi jseħħu, ħafna drabi fuq bażi ta’ kuljum u mhux dejjem irreġistrati, fid-dinja inqas żviluppata. Dawn jammontaw għal kważi 99 % tal-imwiet relatati mat-terroriżmu. Madankollu, il-pajjiżi aktar sinjuri – u aktar stabbli u protetti aħjar – huma wkoll fil-mira u meta jirnexxu l-attakki, l-effetti tagħhom jistgħu jkunu devastanti, kif issa jistgħu jixhdu ċittadini ta’ għadd ta’ bliet ewlenin tal-UE (u tal-Istati Uniti).

2.4Minkejja dan, ir-riskju reali ta’ kuljum għadu baxx (tal-anqas meta mqabbel ma’ perikli oħra fiżika jew ġeneralment aċċettati) – u r-reazzjonijiet mill-gvernijiet għandhom it-tendenza li jvarjaw skont l-esperjenza lokali u l-prattika nazzjonali. Naturalment, huwa possibbli li r-reġimi awtoritarji (għadhom) ma ġewx ikkunsidrati bħala miri; leġislaturi aktar liberali jistgħu jiġu attakkati b’mod aktar frekwenti iżda huma kkonċernati wkoll bil-preservazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. Bħal dejjem, m'hemm l-ebda tweġiba faċli.

2.5Dawn il-mistoqsijiet ġew indirizzati f’opinjonijiet preċedenti mill-KESE, fl-2008 3 , dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ “ċerti sustanzi perikolużi” inkluż in-nitrat tal-ammonju (AN) użat fi kwantitajiet kbar ħafna bħala fertilizzant ibbażat fuq in-nitroġenu u anke bħala komponent effettiv irħis ta’ splussivi kummerċjali u magħmulin id-dar, u fl-2011 4 , dwar l-ewwel Regolament dwar il-kontroll tal-prekursuri tal-isplussivi, li issa se jiġi mħassar u sostitwit fid-dawl tal-esperjenza miksuba. Prekursuri għal drogi illeċiti u l-iżvijar tagħhom mill-użu leġittimu ġew indirizzati wkoll u l-leġislazzjoni relatata tista’ tipprovdi mudell utli li għandu jiġi segwit hawnhekk.

3.Il-proposti tal-Kummissjoni

3.1Ir-Regolament il-ġdid propost dwar il-kontroll tal-prekursuri tal-isplussivi (15-il paġna) fih introduzzjoni (17-il paġna.), 3 Annessi (kull wieħed ta’ paġna) u valutazzjoni tal-impatt (IA) (188 paġna.). Huwa bbażat fuq l-Artikolu 114 tat-TFUE dwar il-funzjonament tas-suq intern. Jimponi obbligi ġodda fuq l-Istati Membri u fuq dawk kollha kkonċernati bil-kummerċ fis-sustanzi elenkati fl-Annessi I (għal prekursuri “ristretti”) u II (għal prekursuri “rapportabbli”), u jistabbilixxi l-format meħtieġ għal liċenzja għal "utenti professjonali" fl-Anness III. Ir-Regolament huwa maħsub biex jidħol fis-seħħ 20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali u japplika sena wara dik id-data.

3.2L-approċċ ġenerali għalhekk jibqa’ bħal qabel; għadd ta’ sustanzi (disgħa) huma elenkati bħala ristretti f’termini tal-konċentrazzjoni tagħhom (u għalhekk il-valur u l-użu tagħhom fil-manifattura ta’ HMEs) għal bejgħ lill-pubbliku ġenerali. Sett ulterjuri ta’ sustanzi (għal darb’ oħra disgħa) jistgħu jinbiegħu b’mod liberu, iżda għandhom jiġu rrappurtati transazzjonijiet “suspettużi” lil punti ta’ kuntatt magħżula nazzjonalment.

3.3F’dawn il-listi, in-nitrat tal-ammonju (AN) tmexxa mit-tieni għall-ewwel lista (b’emenda korrispondenti għall-Anness XVII tar-Regolament REACH dwar ir-reġistrazzjoni ta’ sustanzi kimiċi) u tliet sustanzi jew gruppi ġodda li kienu ġew miżjuda permezz ta’ atti delegati tal-Kummissjoni f’Novembru 2016 żdiedu ġew inklużi mat-tieni lista (trab tal-aluminju, trab tal-manjeżju u eżaidrat tan-nitrat tal-manjeżju). L-14-il sustanza l-oħra diġà elenkati ma nbidlux. Il-Valutazzjoni tal-Impatt tistabbilixxi r-raġunament wara dan it-tibdil (minkejja li t-tliet żidiet mhumiex diskussi fid-dettall u ma tingħata ebda informazzjoni hawnhekk jew bħala parti mill-atti delegati dwar il-katini tal-provvista affettwati, l-impatti potenzjali tas-suq, jew il-kwantitajiet li x’aktarx ser jinxtraw minn utenti professjonali jew minn membri tal-pubbliku ġenerali).

3.4Ir-Regolament jipprovdi wkoll il-kjarifika tant meħtieġa tar-rwoli differenti fid-diversi katini ta’ provvista, u jipprovdi b’mod partikolari definizzjonijiet ċari ta’ “operaturi ekonomiċi”, “utenti professjonali”, “bdiewa” u “membri tal-pubbliku ġenerali”.

3.5Billi r-Regolament eżistenti jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-programm REFIT tal-Kummissjoni, il-proposta l-ġdida tfittex li tnaqqas il-kostijiet u żżid l-effiċjenza (u jekk jista’ jkun l-effikaċja) billi tnaqqas l-għadd ta’ opzjonijiet disponibbli lill-Istati Membri. Il-membri mill-pubbliku (L-utenti mhux professjonali) se jkunu meħtieġa jiksbu liċenzja biex jużaw prekursuri ristretti f’ċerti konċentrazzjonijiet li jaqbżu l-valuri ta’ limitu speċifikati fl-Anness 1, u l-proċess anqas strett eżistenti tal-awtoreġistrazzjoni ma jibqax biżżejjed. Il-liċenzji eżistenti jistgħu jiġġeddu biss jekk jitqiesu li jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-Regolament il-ġdid.

3.6Il-ħtieġa ta’ informazzjoni u sensibilizzazzjoni dwar il-miżuri l-ġodda għal dawk kollha fil-katini ta’ provvista fiżiċi u onlajn rilevanti hija rikonoxxuta – għalkemm il-mekkanika attwali ta’ dan għadha mhijiex ċara. L-iskedi tad-data tas-sikurezza, pereżempju, huma maħsuba għas-sikurezza tal-ħaddiema u l-konsumaturi waqt il-ħidma li tinvolvi s-sustanzi, u mhux għall-prevenzjoni tal-użu illegali tagħhom. Il-valuri ta’ limitu, tant importanti u stabbiliti f’Anness I, huma diffiċli biex jiġu interpretati għal uħud mis-sustanzi elenkati u jaf jirrikjedu reviżjoni, speċjalment peress li kull wieħed minnhom jirreferi għal katina tal-provvista u għal sett ta’ operaturi ekonomiċi differenti. Jekk ikun jagħti il-każ li hemm l-aħjar prattiki f’dan ir-rigward fil-livell tal-Istat Membru, dawn għandhom jiġu kondiviżi b’mod ċar u b’mod kemm jista’ jkun wiesa’.

3.7L-Istati Membri jistgħu jipproponi kontrolli aktar stretti (inklużi livelli aktar baxxi ta’ konċentrazzjoni jew projbizzjonijiet kompleti) u l-Kummissjoni tista’ żżid sustanzi ġodda mal-Annessi jekk dan jirriżulta li jkun meħtieġ biex jiġi kkontrollat it-terroriżmu.

3.8L-Istati Membri huma meħtieġa jipprovdu lill-Kummissjoni sommarji annwali tan-numru ta’ tranżazzjonijiet suspettużi, applikazzjonijiet għal-liċenzi u raġunijiet għal rifjut, azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni, u dettalji tal-ispezzjonijiet li jitwettqu fuq attivitajiet onlajn u offlajn.

3.9Finalment, il-Kummissjoni, mhux inqas minn sitt snin wara d-data tal-applikazzjoni, għandha tirrevedi u tirrapporta dwar l-effikaċja tar-Regolament lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-KESE.

4.Kummenti ġenerali u speċifiċi

4.1Il-KESE jilqa’ l-proposta għal Regolament ġdid u jappoġġja b’mod qawwi l-objettivi tiegħu. Is-sustanzi li qed jiġu kkontrollati huma konformi b’mod wiesa’ mal-listi prijoritarji f’partijiet oħra tad-dinja żviluppata. Id-definizzjonijiet il-ġodda għandhom iġibu ċarezza għal dawk li qed jipprovaw isegwuh. Ikun hemm xi kostijiet addizzjonali għal gvernijiet, iżda dawn jidhru li huma proporzjonali għall-benefiċċji ta’ aktar minimizzazzjoni tal-attività terroristika. Reġim regolatorju komuni fl-Istati Membri kollha għandu jkun ta’ benefiċċju għal fornituri u operaturi ekonomiċi oħra. Il-bżonn li jitnaqqsu r-riskji għall-pubbliku ġenerali (u oħrajn inklużi għal individwi bi profil għoli, pulizija u persunal militari) filwaqt li jippermetti l-moviment liberu ta’ merkanzija għal skopijiet leġittimi, jidher raġjonevolment bilanċjat.

4.2Il-KESE jaqbel ukoll li hemm il-ħtieġa għal azzjoni urġenti u kkoordinata mill-Istati Membri u jikkondividi t-tħassib tal-Kummissjoni dwar ir-rispons bil-mod u mhux uniformi għar-Regolament eżistenti.

4.3Madankollu, dan, min-naħa tiegħu, iqajjem tħassib dwar il-proċessi segwiti fit-tħejjija tas-sostituzzjoni tiegħu, b’mod partikolari fil-kuntest u l-kwalità tad-dokumenti ta’ prova. Il-Valutazzjoni tal-Impatt imħejjija mill-Kummissjoni bbażata fuq ħidma mill-konsulenti Ernst & Young, tiddependi b’mod qawwi fuq statistika fil-livell tal-UE pubblikament disponibbli li tista’ jew ma tistax tkun adegwata jew kompleta. Il-format, li jsegwi linji gwida interni, ma jippermettix li din tinqara faċilment jew b’mod ċar. Il-Konsultazzjoni Pubblika Miftuħa attirat 83 tweġiba biss ta’ sinifikanza varjabbli. It-tnejn li huma tħejjew fuq perjodu qasir inkluż il-Milied u l-Ewwel tas-Sena 2017-18, bi ftit ħin jew bl-ebda ħin biex jimtlew lakuni fl-evidenza ppreżentata. Id-disponibbiltà tal-prodotti onlajn ġiet ikkontrollata minn tiftix tal-Amazon; ma ssir l-ebda referenza għal sorsi aktar oskuri fuq id-dark web.

4.4Il-KESE jifhem li l-kwistjoni ewlenija tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament, jiġifieri, liema prodotti għandhom ikunu kkontrollati, ġiet riveduta mill-Kummissjoni fi stadju bikri iżda din ma ġietx spjegata fil-Valutazzjoni tal-Impatt. Kif diġà ġie nnotat, ma jidher li hemm l-ebda analiżi tas-suq għat-tliet sustanzi miżjuda fl-2016 permezz ta’ atti delegati. In-nuqqas ta’ kontrolli fuq l-aċidu idrokloriku, li kien inkluż fil-Valutazzjoni tal-Impatt imħejji għar-Regolament attwali iżda li tneħħa fl-aħħar mument mil-lista eżistenti mingħajr spjega. Prekursuri oħra ta’ prijorità medja inklużi l-permanganat tal-potassju, in-nitrat tas-sodju, l-urea u t-trab taż-żingu li qegħdin f’listi oħrajn ta’prodotti b’użu doppju potenjali għandhom tal-inqas jiġu diskussi. Il-progress lejn lista rikonoxxuta fuq livell globali, tal-anqas għad-dinja żviluppata, ikun għan utli.

4.5Il-KESE jaqbel mal-lista ta’ miżuri ta’ kontroll possibbli li tneħħew fi stadju bikri. Madankollu, irid ikun hemm xi tħassib rigward il-firxa dejqa ta’ kontrolli li qed tiġi proposta bħalissa, b’mod speċjali minħabba n-natura diverġenti ħafna tal-prodotti kkonċernati. Id-daqsijiet tal-pakkett, il-barcodes u l-insistenza fuq pagament permezz ta' kards traċċabbli jew trasferimenti bankarji minn kontijiet personali jew korporattivi kollha jista’ jkollhom sehem fil-limitazzjoni jew l-intraċċar tal-bejgħ. Prattiki attwali fl-Istati Membri jistgħu jkunu differenti ħafna, iżda dan ma jidhirx li huwa argument konvinċenti fil-gwerra kontra t-terroriżmu.

4.6Id-differenzi fl-applikazzjoni tar-Regolament eżistenti, madankollu, se jaffettwaw l-ispejjeż għal xi Stati Membri u għal dawk involuti fid-distribuzzjoni legali u l-użu tal-prodotti ristretti. Minħabba li għadd ta’ ordnijiet ta’ ksur kienu meħtieġa biex tiġi żgurata azzjoni taħt ir-reġim attwali, jista’ jkun hemm xi nuqqas ta’ rieda biex jiġi aċċettat l-approċċ ta’ liċenzja biss, huma x’inhuma l-benefiċċji fit-tul. Il-kontrolli fuq il-bejgħ permezz tal-internet jissemmew iżda jitħallew mingħajr aktar analiżi bħala responsabbiltà nazzjonali.

4.7Il-proposta tinkludi analiżi fit-tul tal-kompatibbiltà tagħha ma’ leġislazzjoni oħra tal-UE u l-legalità tagħha, inkluż dik dwar il-Protezzjoni Ġenerali tad-Data (GDPR) li għadha kemm bdiet tapplika b’mod sħiħ. Il-limitazzjonijiet tas-sistema attwali ta’ kodiċijiet NM li jintużaw biex jiġu identifikati movimenti transfruntiera ta’ sustanzi u taħlitiet huma diskussi wkoll – kif kienu tmien snin ilu meta nkitbet l-opinjoni preċedenti. Minħabba li attwalment huma elenkati biss 18-il sustanza – u probabbilment ma jiġux elenkati aktar minn 12 oħra –għandu jkun possibbli li jiġu żviluppati kodiċijiet doganali xierqa speċifikament għall-użu skont dan ir-Regolament u biex jiġi żgurat li leġislazzjoni oħra tal-UE żviluppata għal finijiet oħra ma tkunx f’kunflitt mal-għanijiet bażiċi tas-sigurtà u s-sikurezza taċ-ċittadini tal-UE.

4.8Il-KESE jinnota wkoll li l-prodotti elenkati jvarjaw b’mod wiesa’ fil-volumi tal-produzzjoni, il-katini ta’ provvista u l-użu finali leġittimu tagħhom kemm għal utenti professjonali kif ukoll għall-pubbliku ġenerali. L-unika ħaġa li għandhom komuni bejniethom hija li huma potenzjalment ta’ valur għat-terroristi – u l-intenzjoni tal-leġislazzjoni hija għalhekk li jiġu mfixkla dawn il-katini ta’ provvista mhux mixtieqa permezz tal-miżuri disponibbli kollha.

4.9Dawn il-miżuri mhux se jkunu l-istess għal kull prodott; l-integrazzjoni sfurzata tagħhom f’sistema ta’ kontroll waħda x’aktarx li ma tkunx effettiva daqs kemm għandha tkun. Approċċ preferut għandu jkun direttiva qafas sempliċi li tistabbilixxi l-għanijiet fil-wisa’, b’konsultazzjonijiet, analiżijiet, Valutazzjonijiet tal-Impatt u Regolamenti partikolari li japplikaw għal kull waħda mis-sustanzi elenkati. B’mod ġenerali, dan jiffranka l-ħin u jsalva l-ħajjiet – u ċertament jissodisfa aħjar ir-rekwiżiti tal-programm REFIT.

4.10Dan jippermetti wkoll kollaborazzjoni fit-tul aktar mill-qrib u skambju ta’ informazzjoni mal-manifatturi u oħrajn affettwati, li kollha kemm huma jappoġġjaw miżuri biex jitnaqqas l-użu ħażin tal-prodotti tagħhom. Il-volumi ddevjati lejn użu llegali huma trivjali meta mqabbla ma’ kwalunkwe telf ta’ reputazzjoni jew ir-riskju ta’ aktar restrizzjonijiet. Sforzi globali biex jiġu kkontrollati l-ammonti żgħar ħafna ta' anidride aċetiku meħtieġa għall-manifattura ta’ drogi illeċiti inkluża l-eroina jipprovdu eżempju utli ta’ x’jista’ jinkiseb f’dan ir-rigward. Il-KESE ppubblika l-Opinjoni tiegħu dwar din il-proposta fir-rigward tal-prekursuri tad-droga f’Jannar 2013 5 . Ħafna mill-ideat ikkunsidrati f’dak iż-żmien japplikaw bl-istess mod għall-prekursuri tal-isplussivi soġġetti għal restrizzjoni jew rapportar skont din il-proposta.

4.11Fl-aħħar nett il-KESE jilqa’ l-involviment kontinwu tiegħu fl-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament iżda, b’mod speċjali fid-dawl tal-iskedi ta’ żmien stretti fis-seħħ matul l-iżvilupp tal-proposta, jikkunsidra li kwalunkwe reviżjoni sussegwenti mill-Kummissjoni għandha titwettaq mhux aktar tard minn, aktar milli mhux inqas minn, sitt snin wara d-data tal-applikazzjoni tiegħu.

Brussell, 11 ta' Lulju 2018

Luca JAHIER

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

_____________

(1)      ĠU C 84, 17.3.2011, p. 25.
(2)      ĠU C 76, 14.3.2013, p. 54.
(3)      ĠU C 204, 9.8.2008, p. 13.
(4)      ĠU C 84, 17.3.2011, p. 25.
(5)      ĠU C 76, 14.3.2013, p. 54.