Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
REX/503
Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Mercosur
OPINJONI
Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni
Lejn Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Mercosur
(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
Relatur: Josep PUXEU ROCAMORA
Korelatur: Mário SOARES
|
Amministratur
|
Lucía MÉNDEZ DEL RÍO CABRA
|
|
Data tad-dokument
|
18/05/2018
|
|
Konsultazzjoni
|
…, DD/MM/YYYY
|
|
Bażi legali
|
Artikolu … tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
|
|
|
|
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja
|
15/02/2018
|
|
Bażi legali
|
Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
|
|
|
Opinjoni fuq inizjattiva proprja
|
|
|
|
|
Sezzjoni kompetenti
|
Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni
|
|
Adottata fis-sezzjoni
|
26/04/2018
|
|
Adottata fil-plenarja
|
DD/MM/YYYY
|
|
Sessjoni plenarja Nru
|
...
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet)
|
98/0/4…
|
1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1Il-KESE huwa tal-fehma li l-konklużjoni tan-negozjati dwar Ftehim sod ta’ Assoċjazzjoni (FA) bejn il-Mercosur u l-UE, li ġew imġebbda għal wisq żmien, tkun ferm utli għall-partijiet, qabel xejn għall-UE stess, li kieku tikseb benefiċċji importanti mill-iffirmar tat-Trattat ta’ Assoċjazzjoni, b’mod speċjali fuq perjodu medju u twil ta’ żmien, u l-ewwel nett l-aċċess għal suq ta’ kważi 300 miljun abitant. Barra minn hekk, il-Mercosur jista’ jiddiversifika l-ekonomiji tiegħu u jżid il-valur tal-esportazzjonijiet tiegħu, kif ukoll ikollu aċċess għal suq ta’ 500 miljun abitant. Il-FA milħuq għandu jkun fundamentalment il-frott ta’ djalogu parteċipattiv u trasparenti.
1.2Ix-xena internazzjonali attwali, it-tnaqqis fil-fiduċja min-naħa taċ-ċittadini li l-globalizzazzjoni tibbenefika lil kulħadd, iż-żieda fil-protezzjoniżmu kummerċjali bl-adozzjoni ta’ ostakli doganali ġodda u l-preferenza għal negozjati bilaterali minflok dawk multilaterali, għandhom ikunu ta’ stimolu għall-konklużjoni ta’ Ftehim mitlub minn atturi distinti fiż-żewġ kontinenti. Il-Brexit huwa fatt rilevanti li għandu jiġi kkunsidrat fin-negozjati.
1.3Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rapport tal-Parlament Ewropew dwar il-“Qafas Ġdid għar-relazzjonijiet tal-UE mal-Amerika Latina”, kif ukoll il-formulazzjoni, min-naħa tal-SEAE, ta’ komunikazzjoni li tirrevedi r-relazzjonijiet strateġiċi mal-Amerika Latina bħala parti mill-Istrateġija Globali tal-Politika Estera tiegħu. Dawn l-inizjattivi, li jenfasizzaw l-interess strateġiku tal-UE għall-Amerika Latina u li jagħtu prova li r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ reġjuni għandhom ikunu iżjed milli sempliċement kummerċjali, jikkoinċidu kronoloġikament ma’ oħrajn promossi mis-soċjetà ċivili, ċentri akkademiċi jew think tanks.
1.4Il-KESE jqis li Ftehim ta’ din in-natura jkun biss possibbli jekk ikun ibbilanċjat, jibbenefika liż-żewġ partijiet fuq perjodu medju u twil ta’ żmien u ma jissagrifika lill-ebda settur (bħal dak agrikolu jew dak industrijali), reġjun jew pajjiż partikolari. Il-FA fl-ebda każ ma jista’ jkun ibbażat fuq negozjati ħżiena. Filwaqt li jqis dak kollu li jirrigwarda l-kooperazzjoni u d-djalogu politiku (tnejn mit-tliet pilastri essenzjali tal-FA), il-KESE jitlob lin-negozjaturi biex juru l-akbar rieda politika meħtieġa sabiex jiġi konkluż il-Ftehim u l-impenn massimu sabiex jingħelbu d-differenzi li bħalissa qegħdin jaffettwaw id-dimensjoni kummerċjali, filwaqt li jiġu rikonoxxuti l-aspetti sensittivi ta’ wħud mis-setturi inklużi fin-negozjati, u bl-użu tar-rikonoxximent tal-asimmetriji, is-segwitu tal-punti miftiehma, il-miżuri ta’ akkumpanjament u l-kumpens, l-istabbiliment ta’ eċċezzjonijiet, il-pjani ta’ żvilupp għall-appoġġ tas-setturi li huma l-iktar affettwati, il-promozzjoni tal-investimenti, il-politiki ta’ innovazzjoni, u l-klawsoli ta’ kumpens, tranżitorji jew evoluttivi. Barra minn hekk, fil-miżuri ta’ akkumpanjament għandhom jiġu involuti l-politiki kollha tal-UE, fost affarijiet oħra.
1.5Għall-KESE, il-bidliet diġitali profondi li qegħdin iseħħu fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku jistgħu jkunu xprun importanti biex jinkiseb vantaġġ aħjar mill-iffirmar ta’ FA bejn l-UE u l-Mercosur. Fost is-setturi li jistgħu jintlaqtu b’mod sodisfaċenti għandu jitqies it-tisħiħ tal-katini globali tal-valur, li f’dan il-mument huma ferm dgħajfa, bejn l-UE u l-Mercosur. Il-FA jkun rilevanti wkoll f’dak kollu li jirrigwarda l-bini ta’ infrastrutturi, b’mod speċjali ta’ interkonnessjoni, l-iżvilupp ta’ enerġiji rinnovabbli u, b’mod speċjali, is-settur tat-telekomunikazzjonijiet billi, qabel kollox, tiddaħħal is-sistema 5G kemm fl-UE kif ukoll fl-Amerika Latina.
1.6Fi kwalunkwe każ, il-KESE jħeġġeġ lin-negozjaturi u b’mod partikolari lill-UE biex jiżnu l-ispiża politika, ekonomika u ta’ opportunità għolja li tirriżulta min-nuqqas ta’ ftehim jew ftehim żbilanċjat għaż-żewġ partijiet. Huwa ċar li l-ispiża tan-nuqqas ta’ ftehim m’għandhiex tiġi kkalkulata biss billi jiġu kkunsidrati l-pajjiżi tal-Mercosur, iżda għandha tinkludi wkoll l-Amerika Latina kollha, u b’mod speċjali l-pajjiżi tal-Alleanza tal-Paċifiku, li saru wieħed mill-punti fokali ta’ attenzjoni Ewropea fil-proċess ta’ integrazzjoni reġjonali tal-Amerika Latina.
1.7Għall-KESE huwa essenzjali li l-FA jkun ambizzjuż u jkopri l-aspetti kollha tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Mercosur. Għandhom jiġu kkunsidrati l-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles reċenti ffirmati mal-Kanada u mal-Ġappun. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġu indirizzati l-ostakli reali li qed jiffaċċjaw in-negozji permezz tal-armonizzazzjoni tar-regolamenti u r-riperkussjonijiet fuq l-ostakli mhux kummerċjali.
1.8Il-FA għandu jkollu dimensjoni soċjali, professjonali u ambjentali li tinvolvi l-Ftehim kollu. Din id-dimensjoni għandha tiggarantixxi r-relazzjonijiet ekonomiċi konformi mal-għanijiet soċjali u ambjentali tal-ftehim u li ma jinjorawx ir-regoli u l-garanziji li jirregolaw l-iżvilupp sostenibbli. Għandha ssir enfasi wkoll fuq l-importanza tas-sigurtà tal-ikel.
1.9Il-KESE jikkunsidra li l-FA għandu jkun strument attiv għall-promozzjoni tad-djalogu soċjali u t-twettiq tal-ftehimiet fundamentali tal-ILO, b’mod speċjali dawk li jirreferu għax-xogħol deċenti u li huma inklużi fid-Dikjarazzjoni tal-1998 dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet fix-Xogħol. F’dan ir-rigward, il-KESE jitlob l-inklużjoni ta’ kapitolu dwar kwistjonijiet soċjali u tax-xogħol u l-promozzjoni ta’ djalogu bejn l-intraprendituri u l-ħaddiema, li jista’ jagħti spinta għal koeżjoni soċjali akbar. Dak il-kapitolu għandu jirrikonoxxi d-dokumenti dwar ix-xogħol diġà adottati miż-żewġ Partijiet, jiġifieri, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u d-Dikjarazzjoni dwar Kwistjonijiet Soċjali u tax-Xogħol tal-Mercosur. B’dan il-mod, il-FA ser jiggarantixxi li l-ksur tal-prinċipji u d-drittijiet tax-xogħol ma jkunx jista’ jintuża bħala vantaġġ komparattiv leġittimu bejn il-partijiet fil-kummerċ internazzjonali. F’dan ir-rigward, għandhom jiġu inklużi mekkaniżmi li jiggarantixxu li dan jitwettaq.
1.10Il-KESE jitlob li kemm il-Forum Konsultattiv Ekonomiku u Soċjali (FKES) tal-Mercosur kif ukoll il-KESE stess, bħala korpi rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili taż-żewġ reġjuni, ikunu involuti fin-negozjati, fil-valutazzjonijiet ta’ impatt tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u fil-proposti li jitnisslu minnhom (fil-fehma tal-KESE, huwa fundamentali li jiġi analizzat minn qabel l-impatt ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni potenzjali u li jiġu stabbiliti mekkaniżmi biex wara jiġi vverifikat jekk twettqux u kif żviluppaw il-kwistjonijiet li jkunu inklużi fil-ftehim), kif ukoll fl-istabbiliment ta’ kapitolu speċifiku fi ħdan il-Ftehim li jirreferi għad-dimensjoni soċjali, professjonali u ambjentali.
1.11Il-KESE jitlob ukoll il-ħolqien ta’ Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ tas-soċjetà ċivili li jkun magħmul mill-KESE u l-FKES. Huwa għandu:
·ikun ta’ natura konsultattiva,
·ikollu kompożizzjoni paritarja u bbilanċjata bejn it-tliet setturi ta’ interessi rrappreżentati fiż-żewġ istituzzjonijiet,
·ikun jista’ jesprimi l-pożizzjoni tiegħu dwar l-oqsma kollha koperti mill-FA (inkluż, għalhekk, il-kapitolu tiegħu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli),
·u għandha tiġi rikonoxxuta l-kapaċità tiegħu ta’ interlokuzzjoni diretta mal-korpi konġunti l-oħrajn tal-FA, u
·jirċievi pariri mingħand dawn il-korpi, u jesprimi l-pożizzjoni tiegħu fuq inizjattiva propja, jifformula r-regoli interni tiegħu stess u jirċievi finanzjament adegwat mingħand l-awtoritajiet pubbliċi rispettivi tiegħu għat-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu.
1.12Il-KESE huwa tal-fehma li ma hemm l-ebda bżonn u huwa ineffiċjenti li s-soċjetà ċivili tkun rappreżentata darbtejn, darba fl-ambitu ġenerali tal-FA u darb’oħra fil-kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli. F’dan il-kuntest, il-KESE jikkunsidra li l-FA kollu kemm hu jaffettwa l-pajjiżi kollha taż-żewġ partijiet. Il-KESE jħeġġeġ lin-negozjaturi biex jitgħallmu mill-esperjenza ta’ ftehimiet ta’ assoċjazzjoni oħra, fejn twaqqfu gruppi konsultattivi domestiċi tas-soċjetà ċivili għal kull parti, mingħajr l-ebda possibbiltà ta’ diskussjoni rikonoxxuta taħt il-ftehim. Il-limitazzjonijiet ovvji ta’ dan il-mudell juri li ma jagħmilx sens li kull pajjiż tal-Mercosur ikollu grupp konsultattiv intern b’parteċipazzjoni indiretta tas-soċjetà ċivili fil-FA, speċjalment meta wieħed iqis li ż-żewġ partijiet għandhom korpi konsultattivi indipendenti, ibbilanċjati, rappreżentattivi u tajbin biżżejjed biex iwettqu l-mandat tagħhom skont il-FA.
2.Introduzzjoni
2.1Il-Mercosur ikopri 12 800 000 km2; għandu popolazzjoni ta’ 293 miljun abitant, b’densità ta’ 22,9 abitant/km2. Il-Mercosur jirrappreżenta s-sitt l-akbar ekonomija dinjija, b’PDG li jilħaq iż-żewġ biljun dollaru. Barra minn hekk, għandu żewġ membri bi drittijiet sħaħ fil-G-20: l-Arġentina u l-Brażil. Il-presidenza tal-Arġentina fil-G-20 fl-2018 tagħti idea tar-rilevanza dejjem tikber tar-reġjun.
2.2Wara l-iffirmar ta’ Ftehim Qafas Interreġjonali f’Diċembru 1995, l-UE u l-Mercosur bdew jinnegozjaw FA. Minħabba d-diffikultajiet bejn il-partijiet (kontroversja dwar mudelli ta’ produzzjoni agrikola u l-impatt tagħhom fuq is-suq, il-perċezzjoni tal-protezzjoniżmu industrijali u fis-settur tas-servizzi fl-UE u fil-Mercosur), in-negozjati ġew sospiżi fl-2004 prinċipalment minħabba l-aspettattivi differenti fir-rigward taċ-Ċiklu ta’ Doha. Fis-Summit tal-Amerika Latina, il-Karibew u l-Unjoni Ewropea tal-2010 ġie deċiż li jerġgħu jitnedew in-negozjati. Il-prospetti li jiġi ffinalizzat il-Ftehim fl-aħħar ta’din is-sena kienu inkoraġġanti, iżda, minħabba l-preġudizzju politikament fundamentali tal-gvernijiet tal-Mercosur fil-konfront tal-integrazzjoni reġjonali u r-relazzjoni tagħhom mal-UE, in-negozjati reġgħu weħlu, għalkemm wara bidla fil-pożizzjonijiet tal-gvern Brażiljan setgħu jerġgħu jibdew fl-2013.
2.3Fid-dawl ta’ theddid differenti kontra d-demokraziji rappreżentattivi u l-applikabbiltà sħiħa tal-libertajiet fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, il-KESE jenfasizza li l-FA bejn l-UE u l-Mercosur għandu jippromovi b’mod sod il-valuri, il-prinċipji demokratiċi u l-oqfsa demokratiċi ta’ politika fil-livell nazzjonali u internazzjonali.
2.4Meta wieħed iqis l-impatt dejjem jinbidel li n-negozjati tar-Renju Unit mal-UE jista’ jkollhom fuq il-FA, il-KESE huwa tal-fehma li dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu indirizzati b’mod dinamiku, filwaqt li jitqies l-iżjed impatt futur probabbli.
3.Il-kompontenti strateġiċi tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Mercosur
3.1L-iffirmar ta’ FA mal-Mercosur għandu jsir fil-kuntest ta’ politika estera Ewropea għall-Amerika Latina, li hija bbażata fuq in-natura speċjali tar-relazzjoni bireġjonali, relazzjoni ferm differenti minn dik li hemm ma’ kwalunkwe reġjun ieħor tad-dinja. Għalkemm hemm diffikultajiet sinifikanti (frammentazzjoni tar-reġjun), it-tisħiħ tar-relazzjoni mal-Amerika Latina għandu jibbenefika lill-UE, bl-istess mod kif it-tisħiħ tar-relazzjoni mal-UE għandu jkun ta’ benefiċċju għall-Amerika Latina.
3.2Hija meħtieġa rieda politika deċiżiva biex jinħoloq u jiġi promoss l-FA bħala ftehim mhux biss tal-kummerċ ħieles, iżda fuq kollox bħala ftehim strateġiku globali, li jkollu l-għan li jipprovdi lill-atturi ekonomiċi u soċjali kollha taż-żewġ partijiet b’vantaġġi fit-tul mil-lat ta’ żvilupp, sigurtà, proċessi ta’ migrazzjoni u sfidi ambjentali. Dan ukoll biex jintużaw il-mekkaniżmi preżenti kollha sabiex jiġu vvalutati l-asimmetriji eżistenti bejn iż-żewġ reġjuni, jitnaqqsu l-impatti negattivi tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ għal xi setturi, titnaqqas id-diskrepanza eżistenti fl-integrazzjoni tal-Mercosur u sabiex il-parteċipazzjoni soċjali u t-trasparenza jiġu stabbiliti bħala elementi essenzjali tal-relazzjoni bireġjonali.
3.3Il-FA jimplika opportunità kbira biex isir progress lejn għanijiet strateġiċi globali ta’ interess komuni. Ikun mod biex ikun hemm preżenza politika u ekonomika internazzjonali f’kuntest fejn l-ekonomija u l-politika jimxu mill-Atlantiku għall-Paċifiku. Lil hinn mill-ftehimiet fi ħdan l-Assoċjazzjoni Latino-Amerikana ta’ Integrazzjoni (ALADI), il-Mercosur m’għandu l-ebda Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles (FTA) la mal-Istati Uniti u lanqas mal-poteri Ażjatiċi l-kbar. Din hija waħda mid-differenzi mal-Alleanza tal-Paċifiku. Barra mill-Amerika Latina, il-Mercosur għandu diversi tipi ta’ ftehimiet mal-Afrika t’Isfel, l-Indja, il-Pakistan, it-Turkija u l-Marokk u FTA mal-Eġittu, l-Awtorità Palestinjana u l-Iżrael. Min-naħa tagħha, l-UE għandha aktar minn 50 ftehim kummerċjali ma’ pajjiżi differenti fid-dinja. Fl-Amerika Latina u l-Karibew, għandha ftehimiet mal-Messiku, iċ-Ċilì, l-Amerika Ċentrali, il-Perù, il-Kolombja, l-Ekwador u l-Cariforum. Fi kliem ieħor, FA bejn l-UE u l-Mercosur jirriżulta fi blokk bireġjonali b’piż speċifiku kbir fix-xena dinjija l-ġdida.
3.3.1Ix-xejra ta’ protezzjoniżmu li laħqet livell dinji qed ikollha impatt qawwi fuq l-ekonomija internazzjonali. FA bejn il-Mercosur u l-UE jista’ jsaħħaħ iż-żona tal-Atlantiku u jibgħat sinjal li hemm triq alternattiva għar-relazzjonijiet kummerċjali u biex tingħata spinta lill-progress tan-nazzjonijiet u tar-reġjuni. Din il-ġenerazzjoni ġdida ta’ ftehimiet ta’ kummerċ ħieles li jqisu l-preokkupazzjonijiet taċ-ċittadini milquta mit-telf tal-impjieg, akkomodazzjoni u sigurtà hija l-aħjar tweġiba kemm għall-protezzjoniżmu dejjem jikber kif ukoll għar-riskju ta’ politika kummerċjali li ma tħarisx liċ-ċittadini.
3.3.2Għalkemm il-Mercosur ma ffirmax trattat maċ-Ċina, il-preżenza tagħha fir-reġjun kibret b’mod esponenzjali f’dawn l-aħħar snin. L-Arġentina u l-Brażil huma żewġ pedini essenzjali għad-dħul Ċiniż, kif muri mhux biss mill-kummerċ iżda wkoll miż-żieda fl-Investiment Dirett Barrani (IDB), u l-għajnuna finanzjarja biex tingħata spinta lill-infrastrutturi.
3.3.3Fl-objettiv Ewropew li jiġi promoss globalment il-ħarsien tal-ambjent, l-UE tista’ ssib alleat strateġiku fil-Mercosur malli jiġi ffirmat il-FA. Illum l-ambjent huwa wieħed mill-iktar suġġetti importanti għall-Istati, għaċ-ċittadini u għas-sistema multilaterali. L-UE tinsab fuq quddiem nett tal-politiki u t-teknoloġiji ekoloġiċi. Għall-Mercosur, ir-riżorsi naturali jirrappreżentaw wieħed mill-ikbar vantaġġi, iżda r-reġjun huwa wkoll wieħed mill-iktar reġjuni mhedda mit-tibdil fil-klima. F’dan il-kuntest, għandha tingħata attenzjoni partikolari għar-rieżami u t-tneħħija fuq perjodu medju ta’ żmien l-prattiki intensivi agrikoli u dawk marbutin mat-trobbija tal-bhejjem li ma jkunux sostenibbli.
3.3.4Sabiex dan l-objettiv ikollu appoġġ suffiċjenti, ser ikun meħtieġ li fl-FA jiġi integrat element qawwi ta’ “enerġija, ambjent, tibdil fil-klima, xjenza u teknoloġija u innovazzjoni”. Dawn it-temi għandhom ikunu prijoritarji fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp.
3.4Huwa importanti wkoll li jitqiesu t-tagħlimiet meħuda dwar il-bażi tal-alleanzi eżistenti ma’ pajjiżi oħrajn tar-reġjun. Dan għandu jippermetti li jinbnew bażijiet sodi u ambjent adegwat sabiex l-investiment, kemm Ewropew kif ukoll lokali, jiżviluppa l-potenzjal kollu tiegħu b’mod sostenibbli, bħala xprun li jiġġenera l-ġid, l-impjieg u l-benesseri.
4.Aspetti sensittivi tan-negozjati
4.1Il-vantaġġi ta’ FA bejn l-UE u l-Mercosur ma jostrux id-diffikultajiet tan-negozjati, li jistgħu jinġabru fil-qosor f’ħames punti: i) il-kumplessità tal-aġenda tan-negozjar, jiġifieri l-kontenut tal-Ftehim kummerċjali, industrijali u dak marbut mas-servizzi; ii) l-iżbilanċ potenzjali taż-żewġ partijiet fl-agrikoltura; iii) id-dgħufijiet strutturali fl-integrazzjoni tal-Mercosur, li jillimitaw il-kummerċ ħieles; iv) id-dimensjoni soċjali u ambjentali tal-FA; u v) l-inugwaljanza fil-livell ta’ rieda politika tal-partijiet biex jilħqu l-Ftehim u kemm huma disposti li jużaw il-possibbiltajiet kollha tal-mekkaniżmi ta’ kumpens fi ħdanu u barra minnu, sabiex dan ikun jista’ jintlaħaq. Dawn l-estremi kollha huma analizzati f’dan id-dokument b’mod mhux eżawrjenti u abbażi tal-letteratura disponibbli sal-lum.
4.1.1F’dak li jirrigwarda l-kummerċ, wara negozjati li ħadu daqshekk fit-tul, id-diffikultajiet ġew identifikati. Mill-perspettiva Ewropea, dawn huma ċċentrati fuq is-settur agroalimentari tal-Mercosur. B’mod partikolari hemm il-biża’ ta’ impatt negattiv fis-setturi taz-zokkor, tal-laħam taċ-ċanga, tat-tiġieġ u tal-majjal, tal-frott u tal-ħxejjex. Hemm ukoll suspett ta’ protezzjoniżmu industrijali (karozzi u prodotti kimiċi bħall-etanol) kif ukoll għal ċerti prodotti agrikoli pproċessati (inkluż l-inbid); hemm ir-riskju li r-regoli ta’ protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini ma jiġux rispettati; il-livell tal-eżiġenzi tar-regoli ta’ sigurtà tal-provvista alimentari u ta’ protezzjoni ambjentali huma relattivament baxxi; hemm nuqqas ta’ trasparenza fil-kuntratti pubbliċi.
4.1.2Għall-UE, huwa fundamentali li jinżammu l-istandards tal-produzzjoni miksuba għall-benefiċċju tal-konsumaturi u tal-produzzjoni. L-aspetti tas-sigurtà tal-provvista alimentari, tal-protezzjoni ambjentali u tal-benesseri tal-annimali (inklużi t-tekniki tal-ikel) għandhom jiġu kkunsidrati b’reċiproċità ċara. L-użu u l-ħarsien tar-regoli dwar l-użu ta’ prodotti għas-saħħa tal-pjanti u l-annimali għandhom jiġu espressi b’mod ċar ħafna fil-FA. Bl-istess mod, għandhom jiġu implimentati sistemi ta’ verifika effettivi u verifikabbli fil-proċessi ta’ produzzjoni u fil-każ ta’ prodotti tal-bhejjem, fit-trasport u fit-tbiċċir tal-annimali għall-kummerċ kollu bejn il-partijiet. F’dan ir-rigward, il-kapitolu dwar il-ħarsien tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti huwa ta’ importanza vitali għad-difiża ta’ patrimonju komuni Ewropew miksub matul is-snin u għall-ġlieda kontra l-plaġjariżmu u l-frodi.
4.1.3Il-produzzjonijiet soġġetti għal kwoti, bħaz-zokkor, l-etanol, u l-laħam taċ-ċanga u l-vitella, għandhom ikunu aġġustati għal sistema ta’ monitoraġġ permanenti u uniformi, sabiex jiġu adottati miżuri ta’ kumpens fil-każ li jinħolqu bidliet sinifikattivi u sabiex jiġi evitat li jkun hemm abbandun tal-produzzjoni lokali. F’dak li jirrigwarda l-frott u l-ħxejjex, jekk tiġi rrinunzjata l-protezzjoni tal-mekkaniżmu ta’ prezzijiet tad-dħul, għandu jiġi stabbilit osservatorju tal-funzjonament tas-suq sabiex iħares l-interessi tal-produzzjoni taż-żewġ partijiet; b’hekk ikun meħtieġ li jiġu organizzati gruppi ta’ ħidma sabiex jiġu skambjati previżjonijiet u inċidenti li joħolqu distorsjoni fis-suq.
4.2Mill-perspettiva tal-Mercosur, l-enfasi hija fuq l-agrikoltura. It-tħassib Ewropew jista’ jitnaqqas jekk jinkiseb twettiq raġonevoli tal-istess standards – ambjentali, ta’ sigurtà tal-provvista tal-ikel, ta’ benesseri tal-annimali, eċċ. – kemm fil-produzzjoni Ewropea kif ukoll għall-importazzjonijiet mill-Mercosur. Il-FA m’għandu jżid id-dipendenza alimentari fl-ebda waħda mill-partijiet u għandu jinkludi l-istrumenti meħtieġa sabiex jiġu evitati mudelli ta’ agrikoltura li ftit li xejn huma sostenibbli, filwaqt li jitqiesu b’mod permanenti l-interessi tal-konsumaturi.
4.3Fir-rigward tal-prodotti industrijali, fejn l-ostakli huma iżgħar, jidher li l-possibbiltà li jintlaħaq ftehim hija ikbar, hekk kif ġara pereżempju fil-Ftehim tal-UE mal-Korea t’Isfel fir-rigward tal-industrija tal-karozzi. Fl-aħħar nett, temi oħra, bħall-proprjetà intellettwali, li huma partikolarment sensittivi għal uħud mill-pajjiżi tal-Mercosur bħall-Brażil, jistgħu jkunu soġġetti għal klawsoli evoluttivi jew tranżitorji fuq il-bażi ta’ dak li ġie stabbilit fid-WTO. F’dan il-kuntest, il-KESE jqis li jista’ jitfassal, fost inizjattivi oħra, programm dwar il-proprjetà industrijali li jistimola t-trasferiment tat-teknoloġija sabiex tinħoloq sistema ta’ privattivi valida bejn l-UE u l-Mercosur li tkun tista’ tiġi estiża għall-Amerika Latina kollha.
4.4Id-dgħufijiet strutturali tal-Mercosur jistgħu jkunu ta’ diffikultà għall-FA. Huma jenfasizzaw il-limitazzjonijiet li jirriżultaw mill-iskarsezza ta’ infrastrutturi ta’ interkonnessjoni u l-livell baxx ta’ integrazzjoni tal-katini reġjonali tal-valur f’territorju li huwa tliet darbiet akbar mill-UE. Dan jinkludi livell baxx ta’ kummerċ intrareġjonali u l-predominanza tal-kummerċ ekstrareġjonali, unjoni doganali mhux kompluta, in-nuqqas ta’ koordinazzjoni tal-politiki makroekonomiċi u d-dgħufija tal-istituzzjonijiet reġjonali. Eżempju ta’ dan huwa l-ineżistenza ta’ qorti sovranazzjonali tal-ġustizzja tal-Mercosur b’sentenzi vinkolanti għall-gvernijiet jew l-effettività baxxa tas-sistema ta’ riżoluzzjoni bonarja tat-tilwim.
4.4.1Minkejja l-approvazzjoni ta’ Kodiċi Doganali Komuni ġdid tal-Mercosur fl-2010, dan għadu ma daħalx fis-seħħ, u din hija r-raġuni għaliex għadha tapplika t-tariffa esterna komuni (Common External Tariff – CET). Il-Mercosur hija żona ta’ kummerċ ħieles aktar milli unjoni doganali.
4.5Madankollu, in-negozjati attwali mal-erba’ membri tal-Mercosur (l-Arġentina, il-Brażil, il-Paragwaj u l-Urugwaj) huwa fatt li għandu jiġi apprezzat b’mod pożittiv ħafna min-naħa Ewropea. It-tkabbir potenzjali tal-blokk, b’membri ġodda pendenti, ikompli jikkomplika t-termini tan-negozjati.
4.6Il-KESE huwa favur it-twaqqif ta’ qorti multilaterali għas-soluzzjoni ta’ tilwim dwar l-investiment u li l-pajjiżi tal-Mercosur, kif ukoll il-pajjiżi assoċjati, jingħaqdu mal-inizjattiva sabiex tiġi żgurata ċertezza legali ikbar, kemm għall-investituri tal-Amerika Latina kif ukoll dawk Ewropej. Aħna tal-fehma wkoll li kwalunkwe sħubija futura tal-OECD għandha ssir bil-kundizzjoni ta’ implimentazzjoni u konformità effettivi tal-ftehimiet tagħhom mal-UE u l-ħolqien ta’ klima ta’ ċertezza legali u rispett sħiħ tal-liġi fir-rigward tal-operaturi ekonomiċi u soċjali kollha fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku.
5.Potenzjal u opportunitajiet tal-FA
5.1Il-FA li l-UE u l-Mercosur qegħdin jinnegozjaw imur ferm aktar lil hinn minn ftehim ta’ kummerċ ħieles għaliex jikkunsidra żewġ komponenti oħrajn li jagħmlu differenza – id-djalogu politiku u l-kooperazzjoni. Fid-dawl tat-theddid kontra l-multilateraliżmu, iż-żieda tal-protezzjoniżmu u s-sinjali ta’ gwerer kummerċjali, dan huwa l-mument adatt għall-UE biex turi l-impenn strateġiku tagħha fil-konfront tal-Amerika Latina b’mod ġenerali u lejn il-Mercosur b’mod partikolari u biex tisfrutta l-opportunitajiet eżistenti.
5.2Il-konklużjoni ta’ FA bejn l-UE u l-Mercosur, meta jitqiesu t-territorju, il-popolazzjoni u l-iskambji kummerċjali attwali ta’ aktar minn EUR 84 biljun fis-sena, jippermetti li jissaħħaħ ir-rwol taż-żewġ blokok fix-xena internazzjonali u li jinħoloq spazju kbir ta’ integrazzjoni ekonomika b’effetti ta’ benefiċċju għaż-żewġ partijiet li jiġġenera esternalitajiet pożittivi, inkluż fil-kumplament tal-Amerika Latina. Għal din ir-raġuni, il-FA mal-Mercosur għandu jkun ftehim ta’ benefiċċju għaż-żewġ partijiet.
5.3L-UE hija l-ewwel ekonomija dinjija u l-Mercosur hija s-sitt waħda. Il-pajjiżi tal-Mercosur bdew jiddiversifikaw l-ekonomiji tagħhom, b’element agroalimentari qawwi, iżda wkoll b’bażi industrijali dejjem tikber li għandha riżorsi konsiderevoli tal-enerġija u t-teknoloġija. It-tentattivi ta’ diversifikazzjoni ekonomika, b’mod speċjali li jingħata valur aggregat akbar lill-esportazzjonijiet tal-Mercosur, jirrappreżentaw opportunità eċċellenti għall-impriżi Ewropej, b’mod speċjali dawk teknoloġiċi u tas-servizzi.
5.4Bejn l-2012 u l-2016 il-Paragwaj biss żamm ir-ritmu ta’ tkabbir tiegħu ta’ 8,4 %, filwaqt li l-Arġentina (1,4 %) u l-Urugwaj (2,9 %) ġarrbu tnaqqis. Il-Brażil ġarrab tnaqqis ta’ -1,4 %. Madankollu, diġà qiegħed jiġi osservat irkupru fl-Arġentina u l-Brażil u l-previżjonijiet fuq medda ta’ żmien medju qegħdin jerġgħu jsiru inkoraġġanti.
5.5Iċ-ċertezza legali li teżisti fl-erba’ pajjiżi tal-Mercosur hija fatt rilevanti li għandu jiġi kkunsidrat, għalkemm għandha u tista’ tittejjeb. Il-korruzzjoni saret kwistjoni ta’ tħassib dejjem akbar għaż-żewġ naħat.
5.6L-importanza kemm kwalitattiva kif ukoll kwantitattiva tas-suq reġjonali tvarja b’mod konsiderevoli skont id-daqs tal-pajjiżi membri tal-Mercosur. F’termini relattivi, huwa osservat li dawk ta’ daqs iżgħar għandhom parteċipazzjoni akbar fil-kummerċ mal-Ewropa. Fl-2015, l-UE kienet tirrappreżenta aktar minn 40 % tal-kummerċ tal-Paragwaj, qrib it-30 % tal-Urugwaj u kważi kwart tal-Arġentina, iżda ma laħqitx l-10 % tal-Brażil. Dawn iċ-ċifri huma simili kemm għall-esportazzjonijiet kif ukoll għall-importazzjonijiet.
5.7L-IDB huwa wieħed mill-punti b’saħħithom tal-preżenza tal-UE fil-Mercosur, u l-IDB Ewropew jaqbeż dak li l-UE għandha fiċ-Ċina, l-Indja u r-Russja meta jitqiesu flimkien. Il-kummerċ Ewropew mal-pajjiżi tal-Mercosur għandu potenzjal kbir ta’ tkabbir minkejja ż-żieda fl-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet Ċiniżi. Madankollu, fattur li għandu jiġi kkunsidrat huwa d-dipendenza eċċessiva mill-esportazzjonijiet tal-Mercosur lejn iċ-Ċina f’materja prima.
5.8Il-preżenza ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) Ewropej żdiedet f’dawn l-aħħar snin fil-pajjiżi tal-Mercosur u wħud mill-SMEs tal-Mercosur bdew jaċċessaw is-suq Ewropew. Il-FA bejn l-UE u l-Mercosur ikun opportunità eċċellenti biex l-SMEs Ewropej iżidu l-preżenza u l-attività tagħhom fir-reġjun.
5.8.1L-UE essenzjalment tesporta prodotti mmanifatturati, tagħmir, apparat tat-trasport u prodotti kimiċi, u timporta prodotti alimentari u tal-enerġija. Il-konklużjoni ta’ FA ser ikollha potenzjal enormi ta’ ħolqien ta’ ġid, u tippermetti li l-intraprendituri, il-ħaddiema u s-soċjetà kollha kemm hi jibbenefikaw minnu, b’mod speċjali jekk tkun kapaċi tiftaħ spazji għall-investimenti, b’mod partikolari f’attivitajiet ġodda li jkunu bbażati fuq l-użu intensiv tal-għarfien u impjieg ta’ kwalità tajba, li tistimola l-ħolqien ta’ intrapriżi ta’ żgħar u ta’ daqs medju permezz tal-ħolqien ta’ impjiegi onlajn u li tagħti spinta lill-innovazzjoni u d-demokratizzazzjoni tat-teknoloġiji ġodda li jikkontribwixxu biex jiġu pprovduti għall-massa, b’mod partikolari fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT). L-investiment f’teknoloġija bħaż-żieda tal-kummerċ bireġjonali jistgħu jippromovu l-ħolqien tal-impjieg, jekk jinħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji għal dan.
5.8.2Min-naħa l-oħra, jeżistu fatturi speċifiċi li jkunu jfissru mhux biss opportunità ta’ negozju iżda wkoll kontribut importanti għall-iżvilupp sostenibbli, il-bini ta’ infrastrutturi inklużivi u li jirrispettaw l-ambjent, li jiffaċilitaw l-aċċess għal servizzi bażiċi f’qafas ġdid ta’ żvilupp urban u li jiffavorixxu l-koeżjoni territorjali; il-promozzjoni ta’ investimenti fl-inġinerija u teknoloġiji li jtaffu t-tisħin klimatiku; kif ukoll l-użu ta’ enerġiji sostenibbli, li jiddiversifikaw b’sorsi rinnovabbli mhux konvenzjonali u li japprofittaw mill-esperjenza tal-impriżi Ewropej f’dan il-qasam sabiex isir progress lejn ekonomija ekoloġika.
5.8.3Barra minn hekk, FA sod jista’ jiffavorixxi l-ġid ekonomiku u soċjali fiż-żewġ reġjuni jekk ikun hemm iċ-ċirkustanzi adatti, li mingħajr dubju għandu jwassal għall-ħolqien ta’ impjiegi, pereżempju permezz ta’:
-opportunitajiet ġodda ta’ negozju għall-intrapriżi f’oqsma mhux tradizzjonali, bħat-teknoloġiji l-ġodda, l-ekonomija ekoloġika u n-netwerks soċjali;
-l-espansjoni ta’ swieq tradizzjonali fis-setturi tat-telekomunikazzjonijiet, tal-karozzi, tal-industrija farmaċewtika, tal-elettriku u dik bankarja;
-il-ftuħ ta’ swieq ġodda għall-SMEs;
-il-forniment ta’ riżorsi naturali u l-ikel, filwaqt li jiġu appoġġjati ż-żamma tal-bijodiversità u s-sostenibbiltà ambjentali;
-il-promozzjoni tal-ekonomija soċjali, demokratika u ta’ solidarjetà bħala mekkaniżmu għat-titjib tan-nisġa soċjoekonomika, u r-regolarizzazzjoni tal-ekonomija moħbija.
5.9FA mal-Mercosur jippermetti lill-UE li ssaħħaħ ir-rabtiet ekonomiċi u ġeopolitiċi tagħha ma’ msieħeb strateġiku. Jekk jiġi konkluż immedjatament, dan il-ftehim bireġjonali ser ikun l-ewwel wieħed ta’ din ix-xorta ffirmat mill-Mercosur, li għandu jippermetti lill-UE taqbeż lil kompetituri internazzjonali oħrajn, bħall-Istati Uniti, iċ-Ċina jew saħansitra l-Indja, ir-Russja u l-Korea t’Isfel. Barra minn hekk, il-FA ser isaħħaħ l-Assoċjazzjoni Strateġika mal-Brażil – li jeskludi l-kummerċ –, li huwa pajjiż ferm rilevanti fil-ġeopolitika internazzjonali. Dan il-FA ser isaħħaħ il-preżenza Ewropea fl-Amerika Latina, reġjun b’riżervi importanti ta’ enerġija, ikel u ilma, tliet riżorsi vitali fis-seklu 21. Il-FA jista’ jikkontribwixxi biex isaħħaħ ir-rabtiet ekonomiċi u ġeopolitiċi bejn l-Atlantiku u l-Paċifiku.
5.10FA mal-UE ikun ta’ benefiċċju wkoll minn perspettiva strateġika għall-Mercosur. Minn naħa waħda, dan jippermettilha ssaħħaħ il-pożizzjoni reġjonali tagħha u tiffaċilita l-isforzi li jinsabu għaddejjin biex toqrob lejn l-Alleanza tal-Paċifiku u, min-naħa l-oħra, ser itejjeb il-kapaċità tagħha ta’ negozjar internazzjonali, u jista’ jibbilanċja mill-ġdid xi asimmetriji tal-pajjiżi tal-Mercosur (u tal-Amerika Latina b’mod ġenerali) fir-relazzjoni kummerċjali u finanzjarja tagħhom ma’ kompetituri internazzjonali oħrajn. Il-Mercosur ser jibbenefika minn trasferimenti teknoloġiċi, xjentifiċi u edukattivi u ser jakkwista alleat importanti fl-ambitu multilaterali fi kwistjonijiet li jaffettwawh bis-sħiħ, bħat-tibdil fil-klima, l-iżvilupp sostenibbli u l-ġlieda kontra t-theddid globali.
5.11Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rieda politika tal-Partijiet fil-qasam tal-kooperazzjoni u jinkoraġġixxi lill-Partijiet biex jagħmlu użu effettiv mill-istrumenti finanzjarji eżistenti għall-approfondiment tal-kooperazzjoni fl-oqsma li ġejjin:
·l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-iskambji universitarji: Erasmus UE-Mercosur;
·il-kooperazzjoni fir-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Investiment bejn l-universitajiet, iċ-ċentri pubbliċi ta’ riċerka u l-intrapriżi; prijorità lit-trasferiment teknoloġiku;
·proġetti ta’ żvilupp u negozju sostenibbli u
·koeżjoni soċjali: il-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanza.
6.Is-soċjetà ċivili u l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni
6.1Il-KESE jqis li n-natura bireġjonali tal-kontenut tal-FA hija element fundamentali u divrenzjali ta’ dawn in-negozjati u punt ta’ negozjati għar-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi f’dinja li qiegħda ssir dejjem aktar globalizzata. Billi jinsab konvint mill-valur tad-djalogu mas-soċjetà ċivili tal-kontropartijiet tal-politika estera tal-UE, il-KESE ilu jaħdem għal aktar minn għoxrin sena mal-organizzazzjonijiet tal-Mercosur, kemm fis-segwitu tan-negozjati kif ukoll fil-preżervazzjoni ta’ djalogu permanenti u strutturat li jiffaċilita l-fehim reċiproku u jippermetti kontribut, kritiku iżda kostruttiv, għar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ reġjuni.
6.2Mingħajr l-ebda dubju, il-KESE jevalwa r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Mercosar bħala pożittivi. Din ir-relazzjoni, li għandha storja twila, tissejjes fuq ir-rabtiet profondi storiċi, kulturali u lingwistiċi u taspira li tapprofondixxi l-integrazzjoni reġjonali, li jiġu indirizzati b’mod konġunt l-isfidi komuni li jirriżultaw mill-globalizzazzjoni, u li jiġi żgurat li l-ambitu tal-koeżjoni soċjali u tal-iżvilupp ekonomiku jibqgħu inseparabbli. Is-soċjetajiet ċivili taż-żewġ naħat ħolqu netwerk ta’ relazzjonijiet sodi, li kkontribwixxew għal koordinazzjoni aħjar fi ħdan kull settur (tan-negozju, tat-trejdjunjins u s-settur terzjarju).
6.3F’dawn l-aħħar snin rajna rikonoxximent ta’ dan ix-xogħol fl-aċċettazzjoni ġenerali min-negozjaturi Ewropej tal-ħtieġa li jiddaħħlu dispożizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili f’kull ftehim, filwaqt li dan jintrabat mal-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon dan l-iżvilupp, iżda jiddispjaċih li fil-ftehimiet fis-seħħ bħalissa s-soċjetà ċivili għandha rwol limitat. Tabilħaqq, inħolqu gruppi konsultattivi domestiċi għal kull Parti (u għal kull pajjiż firmatarju għall-parti mhux Ewropea meta din tkun reġjun), mingħajr ma l-ftehimiet jipprevedu formalment il-possibbiltà li dawn il-gruppi konsultattivi domestiċi jaħdmu flimkien. Iżjed gravi minn hekk, l-istabbiliment tal-gruppi konsultattivi domestiċi tal-pajjiżi msieħba jiddependi esklużivament mir-rieda tal-gvernijiet tagħhom, li wassal għal sitwazzjoni ta’ żbilanċ bejn is-setturi, nuqqas ta’ rappreżentattività, nuqqas ta’ indipendenza fil-konfront tal-gvernijiet tagħhom, u nuqqas ta’ interess, jew saħansitra rifjut bla ħabi, min-naħa tal-gvernijiet li għandhom jistabbilixxuhom.
6.3.1Il-KESE jirrifjuta l-possibbiltà li n-negozjati dwar il-FA mal-Mercosur ser twassal għal darb’oħra għal mudell ta’ parteċipazzjoni abbażi tal-mudell tal-gruppi konsultattivi domestiċi.
6.4Il-KESE jfakkar, għal darb’oħra, li l-Mercosur, bħall-UE, huwa istituzzjoni ta’ parteċipazzjoni u konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili, il-Forum Konsultattiv Ekonomiku u Soċjali tal-Mercosur (FKES). Il-FKES jirrappreżenta b’mod ugwali s-setturi ekonomiċi u tax-xogħol u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili. Il-membri tiegħu jiltaqgħu regolarment u jressqu pożizzjonijiet ta’ kunsens quddiem l-awtoritajiet politiċi tar-reġjun. L-appoġġ tal-KESE lill-FKES sa mill-ħolqien tiegħu kellu l-għan sa mill-bidu nett li jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ ta’ dan il-korp bħala fattur essenzjali għall-integrazzjoni soċjali u ekonomika tar-reġjun.
6.5Il-KESE jafferma mill-ġdid il-prinċipji tat-trasparenza u l-parteċipazzjoni, kemm fin-negozjar kif ukoll fl-iżvilupp tal-FA, bil-għan li jiġi ffaċilitat proċess virtwuż ta’ fiduċja fl-istituzzjonijiet u li s-soċjetà ċivili tilleġittima u tieħu sehem fin-negozjati li jaffettwawha direttament. Jiddispjaċih, għalhekk, dwar in-nuqqas ta’ trasparenza f’dawn in-negozjati, li ma għamlux użu mill-mudell tajjeb identifikat qabel fin-negozjati għal ftehim ta’ kummerċ ħieles mal-Istati Uniti, u jitlob li tingħata informazzjoni sistematika, sinifikanti u rilevanti lis-soċjetà ċivili tal-partijiet kollha involuti fin-negozjar, speċjalment dawk marbuta mal-Mercosur.
6.6B’konformità mal-pożizzjonijiet konġunti tal-KESE u tal-FKES – u tal-ftehimiet preliminari milħuqa matul in-negozjati ta’ qabel l-2004 u li mbagħad intlaħaq kunens dwarhom, li fihom intlaħaq qbil li ż-żewġ istituzzjonijiet kienu ser jirċievu mandat konġunt b’rabta mal-FA – nitolbu l-ħolqien ta’ Kumitat Konġunt għall-Monitoraġġ tas-soċjetà ċivili fi ħdan il-FA. Dan il-Kumitat Konġunt għall-Monitoraġġ għandu:
·ikollu l-istess għadd ta’ membri mill-KESE u mill-FKES;
·jirrappreżenta t-tliet setturi (ekonomiċi, tax-xogħol, u organizzazzjonijiet oħra) b’mod ibbilanċjat;
·ikollu funzjonijiet konsultattivi obbligatorji li jkopru s-suġġetti kollha tal-FA, inklużi l-kapitolu kummerċjali u s-segwitu tal-kwistjonijiet marbutin mal-iżvilupp sostenibbli;
·jirċievi informazzjoni f’waqtha u aġġornata mill-Partijiet dwar l-impatt tal-FA;
·ikollu l-kapaċità ta’ interlokuzzjoni mal-korpi konġunti l-oħrajn tal-FA (kunsill ta’ assoċjazzjoni, kumitat ta’ assoċjazzjoni, korp parlamentari konġunt, bord dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli);
·jirċievi pariri mingħand dawn il-korpi, iżda jesprimi wkoll il-pożizzjoni tiegħu fuq inizjattiva tiegħu stess;
·jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu, u
·jirċievi finanzjament adegwat mingħand l-awtoritajiet pubbliċi rispettivi tiegħu għat-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu.
6.7Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ li jkollu dawn il-karatteristiċi jagħmilha aktar sempliċi biex jinstabu soluzzjonijiet għall-kunflitti li jistgħu jinqalgħu wara l-iffirmar tal-FA, u sitwazzjonijiet potenzjali ta’ mblukkar. B’mod konkret, u skont l-approċċ ta’ korpi li diġà jeżistu fi ftehimiet simili, dan il-Kumitat għandu jimmonitorja l-impatt li l-FA għandu fit-titjib tad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tax-xogħol, u dawk soċjali u ambjentali (billi jikkontrolla li ma jkunx hemm każijiet ta’ dumping soċjali jew ambjentali biex jinkisbu vantaġġi kummerċjali, pereżempju) u l-ħarsien strett min-naħa tal-partijiet ta’ dawk il-ftehimiet jew konvenzjonijiet internazzjonali li huma ffirmaw. Min-natura tagħhom stess, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jiffurmaw il-Kumitat huma l-aktar adatti biex jiżguraw li l-FA jirriżulta ta’ benefiċċju għall-partijiet kollha, u biex jintermedjaw jew jiffaċilitaw il-komunikazzjoni mas-setturi milquta. Għaldaqstant, il-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ għandu jkun jista’ jibgħat l-informazzjoni li jkollu dwar każijiet konkreti, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-korpi konġunti tal-FA, bil-għan li jikseb risposti.
6.8Il-KESE jikkunsidra li jeħtieġ li tiġi inkluża dimensjoni soċjali fil-FA li, apparti li tinkludi l-kummerċ, tmur lil hinn minn dan u li jkollha bħala għan globali li żżid il-koeżjoni soċjali. Dan jgħodd fuq kollox għall-impatt tal-Ftehim fuq l-impjieg, il-ħarsien tal-interessi tal-popolazzjonijiet lokali u ta’ dawk l-aktar żvantaġġati, il-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-ħarsien tal-ambjent, id-drittijiet tal-immigranti u tal-ħaddiema b’mod ġenerali, il-protezzjoni tal-konsumaturi u l-promozzjoni tal-ekonomija soċjali. F’dan ir-rigward, għandu jinkludi l-impenn tal-Partijiet li japplikaw il-konvenzjonijiet fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol b’mod li l-ksur tal-prinċipji u d-drittijiet fundamentali fix-xogħol la jiġi invokat u lanqas jintuża bħala vantaġġ komparattiv fil-kummerċ internazzjonali. Bl-istess mod, l-inklużjoni ta’ kapitolu dwar kwistjonijiet soċjali u tax-xogħol biex jiġu indirizzati l-problemi fid-dinja tax-xogħol u biex jiġi promoss id-djalogu bejn l-intraprendituri u l-ħaddiema jista’ jkun strument sabiex il-Ftehim jiġġenera impjieg ta’ kwalità tajba, itejjeb il-kundizzjonijiet soċjali tal-ħaddiema u jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal distribuzzjoni aħjar tal-ġid.
Brussell, 26 ta’ April 2018
Dilyana SLAVOVA
President tas-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni
_____________