MT

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

SOC/573

Pakkett dwar l-interoperabbiltà

OPINJONI

Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza


Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE (fruntieri u viża) u li jemenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE, ir-Regolament (KE) Nru 767/2008, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/ĠAI, ir-Regolament (UE) 2016/399 u r-Regolament (UE) 2017/2226 
[COM(2017) 793 final – 2017/0351 (COD)]

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE (il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni)
[COM(2017) 794 final – 2017/0352 (COD)]

Kuntatt

triin.aasmaa@eesc.europa.eu

Amministratur

Triin AASMAA

Data tad-dokument

03/05/2018

Relatur: Laure BATUT

Grupp ta’ Studju

Pakkett dwar l-interoperabbiltà

President

Jarosław MULEWICZ (PL-I)

Relatur

Laure BATUT (FR-II)

Membri

Vladimír BÁLEŠ (SK-III)

Bojidar DANEV (BG-I)

Pietro Francesco DE LOTTO (IT-I)

Erika KOLLER (HU-II)

Baiba MILTOVIČA (LV-III)

José Antonio MORENO DÍAZ (ES-II)

Cristian PȊRVULESCU (RO-III)

Espert(a)

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 19/01/2018

Bażi legali

L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

DD/MM/YYYY

Bażi legali

L-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Bażi legali

L-Artikolu 31 tar-Regoli ta' Proċedura

Rapport ta' informazzjoni

Bażi legali

L-Artikolu 31a tar-Regoli ta' Proċedura

Riżoluzzjoni

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

25/04/2018

Adottata fil-plenarja

DD/MM/YYYY

Sessjoni plenarja Nru

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

…/…/…



1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1Il-KESE jqis utli u pożittiva l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex titjieb l-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE dwar il-fruntieri u l-viża kif ukoll il-kooperazzjoni tal-pulizija, dik ġudizzjarja, u fir-rigward tal-asil u l-migrazzjoni.

1.2Il-KESE jqis li din l-interoperabilità għandha tkun għan strateġiku tal-UE sabiex hija tibqa’ żona miftuħa, li tiggarantixxi d-drittijiet fundamentali u l-mobilità. L-UE u l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jipproteġu l-ħajja u s-sigurtà tal-bnedmin kollha; il-prinċipju ta’ non-refoulement jrid jiġi rispettat bis-sħiħ.

1.3Il-miżuri li jimmiraw għall-interoperabilità jinftiehmu aħjar jekk:

·jiżguraw, fil-qafas tal-istrateġija tal-UE dwar il-migrazzjoni, il-kundizzjonijiet tal-ekwilibriju bejn il-libertà u s-sigurtà, bir-rispett tas-separazzjoni tas-setgħat;

·jiggarantixxu lill-persuni kkonċernati d-drittijiet fundamentali tagħhom, b'mod partikolari s-sigurtà tad-data personali u tal-ħajja privata tagħhom, id-dritt li jkollhom aċċess għad-data tagħhom, għar-rettifika u għat-tħassir ta' din id-data fi żmien raġonevoli, permezz ta' proċeduri aċċessibbli;

·jaffermaw mill-ġdid, inkluż fil-leġislazzjonijiet sekondarji kollha, il-ħtieġa li jiġi rispettat il-prinċipju tal-privatezza fid-disinn (privacy by design);

·ma joħolqux ostakli ġodda għat-traffiku normali tal-passiġġieri u tal-merkanzija.

1.4Il-KESE jitlob għal proċeduri u garanziji fir-rigward tal-użu tad-data għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi li:

·jipprevedu li japplikaw f'dan ir-rigward il-liġi Ewropea li l-aktar li tipproteġi (GDPR);

·jippermettu l-aċċellerazzjoni tal-proċess li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli għall-analiżi tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali;

·jiżguraw lill-persuni kkonċernati d-dritt tagħhom għal żewġ istanzi ġudizzjarji;

·jiżguraw lill-minorenni, b'mod partikolari dawk mhux akkumpanjati, li jinsabu f'sitwazzjoni irregolari, f'sitwazzjoni ta' persekuzzjoni jew f'sitwazzjoni kriminali, id-dritt li jiksbu viża, li jkunu protetti u integrati u li jibbenefikaw mid-dritt li jkunu minsija fi żmien iqsar minn dak għall-adulti.

1.5Il-KESE jemmen li l-bażi legali attwali tas-sistemi ta’ informazzjoni għandha tiġi msaħħa u tqis l-evoluzzjoni tas-sistemi tal-ġbir tad-data. Huwa jirrakkomanda:

·it-tisħiħ tas-sigurtà tal-bażijiet tad-data eżistenti u dik tal-mezzi ta' komunikazzjoni tagħhom;

·l-evalwazzjoni tal-impatt tat-tisħiħ tal-kontroll a priori fuq il-ġestjoni tar-riskji;

·kontroll u evalwazzjoni permanenti tal-arkitettura mill-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data (KEPD); jesiġi li l-persuni responsabbli jirrapportaw kull sena lill-awtoritajiet li jieħdu d-deċiżjonijiet u lill-Kummissjoni dwar is-sigurtà tal-elementi tal-interoperabbiltà, u kull sentejn dwar l-impatt tal-miżuri fuq id-drittijiet fundamentali;

1.6Il-KESE jqis li l-proġett għandu jitmexxa minn persunal kompetenti u jirrakkomanda:

·programmi ta' taħriġ b'saħħithom għall-awtoritajiet ikkonċernati u għall-aġenti tal-eu-LiSA;

·kontroll strett tal-kompetenzi tal-aġenti u tal-kandidati għal din l-aġenzija.

1.7Il-KESE jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-finanzjament tas-sistema l-ġdida. Il-monitoraġġ tal-ippjanar se jkun kruċjali biex jiġu evitati devjazzjonijiet mill-baġits u biex il-proġett jitwassal sa tmiemu fl-2029.

1.8Il-KESE jirrakkomanda li ċ-ċittadini jiġu infurmati sa tmiem il-proġett dwar il-progress dwar il-progress miksub, u li n-nies jirċievu tagħrif edukattiv dwar il-kontrolli li huma soġġetti għalihom. Iqis li għandha tiġi prevista l-possibbiltà li jitwaqqaf kollox jekk il-libertà u d-drittijiet fundamentali jiġu pperikolati permezz ta’ funzjonament ħażin tas-sistema.

2.Introduzzjoni

2.1Fil-kuntest internazzjonali tal-2017 meqjus bħala instabbli kemm mil-lat ġeopolitiku kif ukoll mil-lat tas-sigurtà interna tal-Istati Membri, il-Kunsill talab lill-Kummissjoni diversi drabi biex timplimenta l-mezzi sabiex jinstabu t-traċċi ta' persuni "f'riskju" li diġà kienu soġġetti għal kontroll f'wieħed mill-Istati Membri. L-intraċċar tal-qsim tal-fruntieri, tal-vjaġġi u tar-rotot tagħhom fl-Ewropa jista' jkun kruċjali għas-sigurtà fl-Unjoni.

2.2Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Lulju 2016, il-Parlament stieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tipprovdi s-salvagwardji meħtieġa għall-protezzjoni tad-data.

2.3It-testijiet inkwistjoni huma konformi mal-għan “L-ippreservar u t-tisħiħ ta' Schengen 1 ”. L-Unjoni diġà għandha diversi regolamenti u servizzi diġitalizzati ta' informazzjoni fl-oqsma marbuta mal-kontroll tal-qsim tal-fruntieri ta' persuni u ta' merkanzija.

2.4Nota:

·SIS: Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen, wieħed mill-iżjed mekkaniżmi qodma, rivedut, li jiġġestixxi spettru kbir ta' twissijiet dwar il-persuni u l-merkanzija;

·Eurodac: Sistema Ewropea għat-tqabbil tar-rekords dattiloskopiċi ta' persuni li jfittxu asil u taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi f'sitwazzjoni irregolari fil-fruntieri u fl-Istati Membri, u għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-applikazzjonijiet (CESE 2016-02981, relatur: is-Sur Moreno Díaz 2 );

·VIS: Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (kodiċi dwar il-viżi), li tiġġestixxi l-viżi għal soġġorn qasir (CESE 2014-02932, relaturi: is-Sur Pezzini u s-Sur Pariza Castaños 3 );

·EES: Sistema ta' Dħul/Ħruġ, li għad trid tittieħed deċiżjoni dwarha, u li għandha tiġġestixxi b'mod elettroniku d-data tal-passaporti u d-dati ta' dħul/ħruġ taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jżuru ż-żona Schengen (CESE 2016-03098 SOC/544, relatur: is-Sur Pîrvulescu, 4 );

·ETIAS: Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar li għad trid tittieħed deċiżjoni dwarha, li mistennija tkun sistema awtomatizzata vasta għall-ħżin u għall-verifika ex ante tad-data dwar iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li ma jeħtiġux viża biex jivvjaġġaw fiż-żona Schengen (CESE 2016-06889 SOC/556, relatur: is-Sur Simons 5 );

·ECRIS-TCN: Sistema Ewropea ta' skambju ta' informazzjoni dwar ir-rekord kriminali taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi, proposta attwalment mill-Kummissjoni, hija sistema diġitali ta' skambju ta' informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet tal-ġustizzja diġà meħuda mill-ġurisdizzjonijiet nazzjonali.

2.5Il-mezzi attwali ta' awtorità kompetenti jistgħu jitqabblu permezz ta' smartphone b'applikazzjonijiet differenti, ilkoll separati u li kull waħda minnhom tagħti l-informazzjoni "tagħha".

2.6Ħlief għas-SIS, dawn is-sistemi jiffukaw fuq il-ġestjoni taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi. Jeżistu sitt sistemi komplementari u deċentralizzati. L-informazzjoni kollha mfittxija tikkonsisti fit-tweġibiet differenti miksuba minn diversi bażijiet mill-aġenziji ta' investigazzjoni, skont l-awtorizzazzjonijiet ta' aċċess tagħhom.

2.7Il-Kummissjoni tipproponi li twieġeb għall-kwistjoni li ġejja:

-permezz ta’ liema metodu, mingħajr ma jinbidlu l-istrutturi diġà fis-seħħ u billi tinżamm il-komplementarjetà tagħhom, ikunu attivi l-bażijiet tad-data kollha, sabiex malli persuna tidħol fit-territorju Ewropew, u permezz ta’ interrogazzjoni waħdanija tas-sistema, l-informazzjoni kollha diġà miġbura fil-bażijiet eżistenti tikkonverġi u tkun disponibbli għall awtorità ta’ kontroll awtorizzata li tinterroga, bir-rispett sħiħ tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data u d-drittijiet fundamentali.

2.8Il-Kummissjoni Ewropea, fil-proposti inkwistjoni:

2.8.1tixtieq iżżid il-possibbiltajiet addizzjonali li joffri aċċess għall-bażijiet tad-data tal-Europol u tal-Interpol, li diġà jikkooperaw mal-awtoritajiet superviżorji Ewropej;

2.8.2tixtieq "tissinkronizza" t-tiftix ta' informazzjoni biex jitnaqqas il-ħin tar-rispons f'dak li jirrigwarda d-dossier tal-migranti u biex jitħaffef ir-rispons tas-sigurtà fejn meħtieġ. Biex tagħmel dan, hija tipproponi li jinħolqu entitajiet ġodda, li għandhom jippermettu li l-bażijiet attwali joperaw f’simbjożi.

2.9L-għanijiet tagħha huma li tindirizza kemm jista' jkun il-lakuni tas-sistemi differenti; ittejjeb il-ġestjoni tal-fruntieri esterni taż-żona Schengen; tikkontribwixxi għas-sigurtà interna tal-Unjoni; tiġġestixxi l-frodi tal-identità, issolvi l-każijiet ta' identitajiet multipli; issib il-persuni suspettati jew diġà kkundannati u ssegwi r-rotot tagħhom fiż-żona Schengen.

2.10Biex immorru lura għat-tixbiha mal-ismartphone, l-awtorità kompetenti mhux biss ikollha bosta applikazzjonijiet għad-dispożizzjoni tagħha iżda hija tkun tista' tiġbor ukoll fl-istess ħin u fil-kuntest tal-istess tiftixa, id-data maħżuna fit-tagħmir kollu tagħha: il-PC, il-mowbajl, it-telefon, it-tablet, in-notebook, eċċ, billi tuża l-kodiċi ta' aċċess tagħha.

3.Il-funzjonament tas-sistema

3.1Il-Kummissjoni wettqet konsultazzjonijiet u sejħet laqgħa ta' grupp ta' esperti ta' livell għoli 6 dwar is-sistemi ta' informazzjoni u l-interoperabbiltà, maħtura mill-Istati Membri, il-pajjiżi tal-Grupp Schengen, l-aġenziji Ewropej bħal eu-LISA2 7 u FRA 8 , taħt il-koordinazzjoni tad-DĠ HOME.

Il-metodu: interkonnettività jew interoperabbiltà?

3.1.1L-interkonnettività tas-sistemi ta' informazzjoni hija l-possibbiltà li jingħaqdu flimkien b'tali mod li d-data ta' waħda tkun tista' tiġi kkonsultata awtomatikament minn oħra.

3.1.2L'interoperabbiltà 9 hija l-kapaċità ta' sistemi differenti li jikkomunikaw, jiskambjaw data u jużaw l-informazzjoni skambjata, filwaqt li jirrispettaw l-awtorizzazzjonijiet ta' aċċess għas-sistemi.

3.2L-għażla tal-interoperabbiltà

3.2.1Il-Kummissjoni tqis li din ma tfixkilx il-kisbiet tal-istrutturi u tal-kompetenzi attwali, u li d-data tibqa' “f'silos separati”. Minkejja ż-żieda fil-komunikazzjoni, dan jippreżenta vantaġġ ta' sigurtà għas-sistemi u d-data, li bla dubju l-ebda waħda minnhom mhija se tkun aċċessibbli permezz tal-internet. It-testi inkwistjoni jinkludu similaritajiet sinifikanti, u jirrigwardaw:

-wieħed minnhom, COM(2017) 793, dwar l-interoperabbiltà tas-sistemi ta' informazzjoni relatati mal-fruntieri u mal-viżi,

-u l-ieħor, COM(2017) 794, dwar il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja, l-asil u l-migrazzjoni.

3.3L-għodod il-ġodda

3.3.1Sabiex jaħdmu f’interoperabbiltà, jeħtieġ li s-sitt bażijiet jiġu kkomplementati minn arkitettura ġdida ta’ erba’ għodod ġodda biex jaħdmu b’mod rapidu billi s-sistema tiġi kkonsultata darba biss, filwaqt li jiġu salvagwardati l-persuni li għandhom is-setgħa fl-oriġini tat-talbiet.

3.4ESP, il-portal Ewropew tat-tfittxija

3.4.1L-awtorità superviżorja kompetenti (l-utent finali) għandu jkollha aċċess uniku għas-sistema kollha. Minflok twettaq sitt tiftixiet, hija tniedi tiftixa waħda biss (pulizija, dwana, eċċ.,) sabiex tinterroga diversi bażijiet fl-istess ħin dwar id-data misjuba mingħajr ma tinħażen fl-ebda minnhom. Jekk dawn jeżistu, is-sistema ssibhom. L-ewwel waħda tista' tkun newtrali għall-persuna kkontrollata ("no-hit"), iżda jekk id-data taqbel mat-tieni informazzjoni ("hit") li tkun teżisti fil-bażijiet bħal SIS, EES, ETIAS, dan jista' jwassal għal tiftix aktar dettaljai u għal inkjesta.

3.5BMS kondiviż (shared biometric matching service)

3.5.1Din il-pjattaforma kondiviża ta' tqabbil tippermetti t-tiftix u t-tqabbil fl-istess ħin ta' data matematika, bijometrika, marki tas-swaba' u ritratti tal-identità, minn bażijiet differenti, bħal SIS, Eurodac, VIS, EES 10 , ECRIS, iżda mhux ETIAS; id-data tagħhom għandha tkun kompatibbli.

3.5.2Id-data matematika mhijiex se tinżamm fil-forma oriġinali tagħha.

3.6CIR (Common Identity Repository)

3.6.1"Repożitorju komuni ta' informazzjoni dwar l-identità" se jiġbor id-data dwar l-identità bijografika u bijometrika taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi kkontrollati, kemm dawk li jinsabu fil-fruntieri kif ukoll dawk li jinsabu fl-Istati Membri (ta' Schengen). Indikatur ta' tqabbil tal-informazzjoni fil-bażijiet differenti se jħaffef it-tiftix. Taħt ir-responsabbiltà tal-aġenzija eu-LISA u bil-mezzi ta' sigurtà tagħha, din id-data se tkun issalvagwardjata b'tali mod li l-ebda persuna ma tkun tista' taċċessa aktar minn linja alfanumerika waħda fl-istess ħin. Ir-repożitorju CIR ġie żviluppat minn EES u ETIAS, u ma għandux iwassal għad-duplikazzjoni tad-data. Ir-repożitorju jista' jkun utli wkoll għal tiftix ċivili.

3.7MID (multiple-identity detector)

3.7.1Dan se jkollu r-rwol li jivverifika l-identità korretta tal-persuni in bona fide, u jiġġieled il-frodi tal-identità, permezz ta' tiftix fil-bażijiet kollha fl-istess ħin. L-ebda amministrazzjoni għad ma użat għodda bħal din, li għandha tgħin biex jiġi evitat is-serq tal-identità.

3.8Ir-rwol tal-Aġenzija eu-LISA 11

3.8.1L-aġenzija, li nħolqot fl-2011, għandha l-kompitu li tiffaċilita l-politiki tal-UE fl-oqsma tal-ġustizzja, tas-sigurtà u tal-libertà. Stabbilita f'Tallin, fl-Estonja, din diġà tassigura l-iskambju ta' informazzjoni bejn id-diversi awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u l-funzjonament kontinwu tas-sistemi tas-sistemi ta’ informazzjoni fuq skala kbira kif ukoll il-libertà ta' moviment tal-persuni fiż-żona Schengen.

3.8.2Din qiegħda taħdem fuq il-proġett "Smart Borders" (Fruntieri Intelliġenti) u fl-arkitettura l-ġdida ta' skambji tad-data se jkollha l-kompitu li taħżen l-elementi marbuta ma' persuni u dawk relatati mal-awtoritajiet, mal-investigazzjonijiet u mal-investigaturi. L-aġenzija se tikkontrolla l-awtorizzazzjonijiet tal-applikanti, u se tiżgura s-sigurtà tad-data, inkluż fil-każ ta' "inċident" [Art. 44, proposti (2017) 793 u 794].

3.8.3L-użu tal-UMF (Universal Message Format) li għad irid jinħoloq, għandu jiffaċilita l-ħidma bis-sistemi l-ġodda, li se jkunu obbligatorji, billi jimponi l-ħolqien ta' interfaċċi fl-Istati Membri li għad ma għandhomx waħda u sistema ta' traduzzjoni temporanja minn lingwa għal oħra.

3.9Il-protezzjoni tad-data personali (Art. 8 u 7 tal-Karta):

3.9.1Il-Proposta għal Regolament tirrikonoxxi l-possibbiltà ta' inċidenti ta' sigurtà. L-Istati Membri u s-sistemi ta' data tagħhom għandhom, l-ewwel, jirrispettaw il-prinċipji tal-protezzjoni tad-data previsti fit-testi, it-trattat, il-Karta tad-Drittijiet Fundamental u l-GDPR 12 li se jidħol fis-seħħ fil-25 ta' Mejju 2018.

4.Diskussjoni

4.1Il-valur miżjud tal-interoperabbiltà f’sistema demokratika

4.1.1L-UE għandha bżonn ta’ regolazzjoni u ta’ mezzi ta’ investigazzjoni li jipproteġuha kontra l-kriminalità. L-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni hija opportunità biex tiġi asserita s-supremazija tad-dritt u d-difiża tad-drittijiet tal-bniedem.

4.1.2L-EES u l-ETIAS, flimkien ma' BMS u CIR, se jippermettu l-kontroll tal-qsim tal-fruntieri mhux biss ta' persuni suspettati iżda wkoll taċ-ċittadini Ewropej kollha, u ż-żamma tad-data tagħhom. Madankollu, il-possibbiltà għall-"awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi [li jkollhom aċċess] għas-sistemi ta' informazzjoni mhux tal-infurzar tal-liġi fil-livell tal-UE" [Art. 17 CIR, proposta (2017) 794 u 793] ma tistax tkun kompatibbli mal-għanijiet iddikjarati bħala l-bażi tal-proposti inkwistjoni. Il-Kumitat (Art. 300(4) TFUE) għandu jsemmi hawnhekk il-prinċipju tal-proporzjonalità u jitlob lill-Kummissjoni biex tevita kull skema tat-tip "Big Brother 13 " u l-ħolqien ta’ ostakli għal-libertà ta' moviment tal-Ewropej (Art. 3 TUE).

4.1.3Il-mudell propost għall-ġbir u l-użu tad-data personali miksuba fil-fruntieri u fit-territorju tal-Unjoni waqt il-kontrolli tal-movimenti u tad-dokumenti miżmuma huwa ppreżentat bħala wieħed rigoruż, li huwa miftuħ biss għal persuni awtorizzati u għal finijiet tas-sigurtà u l-ġestjoni, u jwassal għal aktar fluwidità tal-proċeduri.

4.1.4Il-Kumitat huwa dubjuż dwar ir-rigorożità: il-lakuni se jibqgħu, il-kostruzzjoni mifruxa fuq 9 snin hija bbażata fuq "pedamenti" li s'issa għadhom ma jeżistux bħall-bażijiet EES jew ETIAS, jew l-interfaċċi nazzjonali. Il-kuntest teknoloġiku jevolvi kontinwament; il-proġett jibbaża b'neċessità fuq l-istat attwali tat-teknoloġija u ma jipprovdix baġit għall-ġestjoni tal-obsoloxxenza li possibbilment ikollha impatt f'ċerti setturi diġitali.

4.1.5Barra minn hekk, l-iżvilupp rapidu tal-użu tal-algoritmi magħrufa bħala l-intelliġenza artifiċjali (IA) seta' jitqies fil-proġett kemm bħala għodda ta' kontroll tas-sistemi kif ukoll bħala ċavetta tas-sigurtà li għandha tiġi fdata lill-awtoritajiet li jieħdu d-deċiżjonijiet sabiex jiġi żgurat l-użu demokratiku tal-arkitettura.

4.1.6Il-proposta tiżviluppa sistema għal protagonisti in bona fide, li jirrispettaw il-liġijiet. Il-fatt li r-riedni jkunu f'idejn persuni huwa rassikuranti, iżda huma jistgħu jkunu wkoll il-ħolqa d-dgħajfa. Il-Kumitat jissuġġerixxi ż-żieda ta' artikolu li jipprevedi "salvaviti differenzjali", għall-każijiet ta' kriżi politika u/jew ta' "ġestjoni", fejn kull problema f'bażi tista' tirrappreżenta riskju għall-arkitettura kollha 14 . Il-ġeneralizzazzjoni tal-UMF tista’ tirriżulta f’użu internazzjonali, pożittiv ħafna iżda riskjuż ħafna għall-protezzjoni tad-data. L-awtoritajiet kompetenti għandhom responsabilità kbira. Dawn l-aspetti mhumiex previsti fit-testi attwali.

4.2Il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali

4.2.1Id-drittijiet fundamentali huma assoluti; ma jistgħux jiġu limitati sakemm ma jkunx neċessarju u b’tali mod li għal finijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni u bil-kundizzjoni li l-kontenut essenzjali tagħhom jiġi rispettat (Art. 8 u 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali). Il-Kumitat għandu dubji dwar kif tista' tiġi vvalutata l-proporzjonalità tal-miżuri ta' kontroll fil-każijiet tal-migranti li jaħarbu mill-persekuzzjonijiet u jfittxu asil fix-xtut tal-Unjoni. [COM(2017) 794, p. 20 – Memorandum ta' Spjegazzjoni]. It-tfittxija għall-persuni suspettati bil-għan li jiġu evitati l-atti kriminali, b'mod partikolari l-atti terroristiċi, ma għandhiex tqarreb id-demokraziji tagħna mal-kunċett ta' reat antiċipat; għandha tinżamm differenza bejn "attivitajiet" u "opinjonijiet" li jfixklu l-ordni pubbliku.

4.2.2Ir-rispett tad-drittijiet stipulati fil-Karta għal kull persuna għandu jiżgura l-bilanċ bejn is-sigurtà u l-libertà li mingħajrhom tmut id-demokrazija. Il-Kumitat iqis li dan għandu jkun għan permanenti għall-awtoritajiet superviżorji kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell Ewropew.

4.2.3Il-katina tal-awtoritajiet involuti fi tfittxija kif ukoll il-metadata relatata magħha se jinżammu fis-sistema. Id-drittijiet fundamentali ta' dawn l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiġu rrispettati fir-rigward tad-data ġġenerata, b'mod partikolari fir-rigward tas-sigurtà tagħhom, tal-ħajja privata tagħhom, f'każ ta' intrużjoni fl-istruttura b'intenzjoni ħażina u tal-użu ħażin tad-data bejn iż-żmien tad-dħul tagħha u dak tat-tħassir tagħha.

4.3Protezzjoni tad-data

4.3.1Il-proposti jirrikonoxxu l-prinċipju tal-protezzjoni tad-data personali sa mid-disinn u b'mod awtomatiku, minkejja li l-Memorandum ta' Spjegazzjoni tagħhom ifakkar li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja (QtĠ), dan mhux dritt assolut. Il-Kumitat jirrikonoxxi l-vantaġġi tal-miżuri preventivi li jiżguraw is-sigurtà, il-ġlieda kontra l-identitajiet foloz u l-garanzija tad-dritt għall-asil. Iżda jenfasizza l-limiti tal-matematika u tal-anonimizzazzjoni tad-data: il-persuni kkonċernati jista' jkollhom aktar bżonn tad-data tagħhom.

4.3.2Huwa jenfasizza wkoll li t-tip tad-data miżmuma, bijometrika u bijoloġika, hija ta' interess partikolari għal ċerti intrapriżi u għall-kriminalità. Hawnhekk, iċ-ċibersigurtà hija importanti daqs is-sigurtà fiżika, u ftit li xejn tissemma fil-proposti. Id-data miżmuma se tinħażen f'post fiżiku wieħed; anke jekk dan ikun protett, jista' jiġi espost.

4.3.3Il-KESE jfakkar li fir-rigward tal-protezzjoni tad-data u tad-dritt għat-tħassir (li jkun minsi/li tkun minsija), l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni għandhom jikkonformaw mar-Regolament (KE) Nru 45/2001, li joffri inqas protezzjoni mill-GDPR 15 tal-2016 (li se jidħol fis-seħħ f'Mejju 2018) li għandhom jirrispettaw l-Istati Membri. Il-Kumitat jenfasizza l-kumplessità tal-implimentazzjoni ta' dan id-dritt u jibża' li l-vjaġġaturi, il-migranti u l-persuni li jfittxu asil ma jkunux jistgħu jirrispettawh:

1)il-protezzjoni tad-data personali għandha tkun ivvalidata għall-bażijiet kollha nazzjonali u Ewropej eżistenti, sabiex tkun imħarsa kollha;

2)din hija fundamentali sabiex iċ-ċittadini jaċċettaw dan in-netwerk sħiħ ta' sorveljanza fuqhom.

4.3.4It-tul taż-żamma tad-data miġbura mill-awtoritajiet kompetenti mhux speċifikat b'mod ċar fil-proposti. It-testi jistabbilixxu l-proċedura tad-dritt għal rettifika u/jew tħassir ġewwa u barra l-Istat tal-applikazzjoni u l-Istat responsabbli, iżda ma jistabbilixxux skadenzi għaż-żamma tad-data (Art. 47 tal-proposti). Il-Kumitat jirrakkomanda li din l-iskadenza tiġi stabbilita, u li din tkun iqsar għall-minorenni (Karta, Art. 24), ħlief f'każijiet ta' terroriżmu, sabiex huma jkunu jistgħu jtejbu l-possibbiltajiet tagħhom li jintegraw ruħhom.

4.4Il-governanza u l-obbligu ta’ rendikont

4.4.1Il-bażijiet internazzjonali mhumiex soġġetti għall-istess regoli bħas-sistemi kompjuterizzati Ewropej. L-implimentazzjoni ta' format universali ta' aċċess, li jista' jsir internazzjonali, se jkun biss element tekniku li ma jgħaqqadx ir-regolamenti, anke jekk l-Interpol ikollu jirrispetta l-Artikolu 17 tal-Patt tan-NU 16 . Barra minn hekk, l-awtorizzazzjonijiet jibqgħu fir-responsabbiltà tal-Istati Membri. Il-KESE jqis li dan il-punt għandu jiġi indirizzat fil-proposti.

4.4.2Interrogazzjoni waħda, u s-simbjożi tal-bażijiet Ewropej tagħti l-verdett tagħha. Il-KESE jenfasizza li l-burokrazija ġġenerata se tkun aktar minn proporzjonali għall-veloċità miksuba. Il-governanza se tkun żgurata mill-Kummissjoni fil-qafas ta' proċedura ta' kontroll mal-Istati Membri. Iċ-ċentru se jkun l-aġenzija eu-LISA, inkarigata l-aktar biex timplimenta l-proċeduri tal-ġbir ta' informazzjoni dwar il-funzjonament tal-interoperabbiltà; hija se tirċievi l-informazzjoni mingħand l-Istati Membri u mill-Europol, u se se tressaq quddiem il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni, rapport ta' valutazzjoni teknika, kull erba' snin, filwaqt li l-Kummissjoni tħejji hija stess rapport globali sena wara (Art. 68 tal-proposti). Għall-Kumitat, dawn is-sekwenzi huma twal wisq. Il-valutazzjoni tas-sigurtà tal-elementi tal-interoperabbiltà [Art. 68(5)(d)] għandha ssir tal-inqas kull sena, u dik tal-impatt fuq id-drittijiet fundamentali għandha ssir tal-inqas kull sentejn [(l-istess artikolu, punt b)].

4.4.3Il-Kumitat jiddispjaċih li kwistjonijiet fundamentali bħal dawk indirizzati minn dawn il-proposti huma ġestiti minn aġenziji Ewropej li, għal ħafna ċittadini, ir-reklutaġġ u l-funzjonament tagħhom mhumiex ċari. Huwa jqis neċessarju li jiġu amalgamati l-prattiki tajba u, għall-finijiet ta' konsultazzjoni, jiġu involuti l-awtoritajiet superviżorji indipendenti tal-użu tad-data (KEPD), u aġenziji oħra bħall-FRA u l-ENISA.

4.4.4Dawn l-istrutturi u l-proċeduri ġodda kollha se jiġu implimentati permezz ta' atti delegati u atti ta' implimentazzjoni tal-Kumissjoni. Il-Kumitat jittama li l-għan tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-protezzjoni tad-data personali jibqa' minqux f'dawn l-atti kollha matul iż-żmien, f'approċċ ta' akkoljenza mtejba tal-persuni fil-fruntieri. Il-KESE jirrakkomanda li ċ-ċittadini Ewropej jiġu infurmati dwar l-istadji kollha sa tmiem il-proġett, u li n-nies jirċievu tagħrif edukattiv dwar il-kontrolli li huma soġġetti għalihom.

5.It-taħriġ meħtieġ tal-awtoritajiet superviżorji fl-Unjoni kollha

5.1Il-Kumitat iqis li fl-ewwel perjodu (wara l-2021) se jkun meħtieġ bosta taħriġ, għall-kuntrarju ta' dak li l-Kummissjoni tipproponi fis-sommarju tagħha tal-valutazzjoni tal-impatt (C). Hija tirreferi għal EUR 76 miljun fis-sena. It-tranżizzjoni għal proċeduri ġodda dejjem tirrikjedi aġġornamenti. F'dan il-każ dan jirrigwarda l-fruntieri kollha tal-Unjoni u s-sistemi nazzjonali. Uħud mill-Istati Membri għad ma għandhomx sistemi kompatibbli u se jkollhom jagħmlu sforz sinifikanti u jimplimentaw interfaċċi li permezz tagħhom ikunu jistgħu jipparteċipaw. Sabiex taħdem l-interoperabbiltà, jeħtieġ li jkunu indirizzati d-differenzi bejn l-Istati Membrij.

5.2Se jkun kruċjali t-taħriġ fl-użu ta' data ta' kwalità u tal-UMF. Il-Kumitat jissuġġerixxi li flimkien mas-CEPOL 17 , il-Frontex, l-Europol, eċċ., jiġi organizzat ċentru ta' taħriġ konġunt għall-awtoritajiet kompetenti, fosthom l-eu-LISA, li l-kompetenzi tal-membri tagħha għandhom jiġu vverifikati b'mod strett.

5.3Għodda bħall-MID ma teżisti mkien aktar. F'każ li l-għodda tirnexxi, din se tkun b'saħħitha. L-arkitettura l-ġdida se tirrikjedi data tal-aqwa kwalità. Sabiex dan kollu jissodisfa l-aspettattivi tal-proġett, l-Istati Membri kollha għandhom jipparteċipaw fl-istess livell, altrimenti l-lakuni jkunu agħar minn qabel. U f'dan il-każ, ser jiddgħajfu d-dritt għall-asil u d-dritt ta' aċċess għal protezzjoni internazzjonali (Art. 18 u 19 tal-Karta).

6.Il-finanzjament

6.1L-arkitettura kollha proposta tibbaża fuq ċerti suppożizzjonijiet: l-adozzjoni tas-sistemi EES, ETIAS, il-UMF mill-awtoritajiet li jieħdu d-deċiżjonijiet, il-funzjonament tajjeb tal-MID u l-fatt li s-CIR ikun sigur. Żewġ korpi, il-KEPD, l-aġenzija eu-LISA, u forsi anke l-aġenzija ENISA se jkollhom biżżejjed persunal u mezzi finanzjarji? Il-Kummissjoni qed tipproponi l-kofinanzjament tal-UE u tal-Istati Membri. Il-Kumitat jinnota li l-ġestjoni tas-"Semestru" għadha ssir permezz ta' baġits ta' awsterità u li, barra minn hekk, l-użu attwali tal-bażijiet eżistenti (SIS, VIS, Prüm, EES) għadu jrid jitjieb aktar fir-rigward tar-rekwiżiti legali (rapport tal-grupp ta' esperti).

6.2Il-KESE jistaqsi dwar l-impatt baġitarju tal-“Brexit”, peress li r-Renju Unit mhuwiex fis-sistema ta’ Schengen.

6.3Il-fond previst huwa l-FSI, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-fruntieri. Għandu jibda jaħdem fl-2023. Il-Kumitat jiddubita jekk 5 snin humiex biżżejjed biex jitnaqqsu d-diskrepanzi Ewropej u jingħaqdu flimkien il-kundizzjonijiet għas-suċċess. Il-baġit previst huwa ta' EUR 424,7 miljun fuq 9 snin (2019-2027). L-Unjoni (FSI) u l-Istati Membri se jkollhom iħallsu. L-Istati għandhom ikunu f'pożizzjoni li jkunu jistgħu jħaddmu s-sistemi attwali mal-arkitettura l-ġdida tal-informatika b'mod korrett. Il-Kumitat iqis li r-ritorn għat-tkabbir għandu jservi biex jitwettqu dawn l-investimenti.

Brussell, 25 ta' April 2018

Christa SCHWENG
President tas-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

_____________

(1)       COM(2017) 570 final .
(2)       ĠU C 34, 2.2.2017, p. 144
(3)       ĠU C 458, 19.12.2014, p. 36
(4)       ĠU C 487, 28.12.2016, p. 66
(5)       ĠU C 246, 28.7.2017, p. 28
(6)      DĠ HOME, Unità B/3; Deċiżjoni tal-Kummissjoni C/2016/3780 tas-17 ta' Ġunju 2016; http://ec.europa.eu/transparency/regexpert/index.cfm?Lang=MT
(7)      Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja.
(8)      FRA: Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali.
(9)      Kummissjoni, COM(2016) 205 final , Komunikazzjoni, “Sistemi ta' Informazzjoni aktar bsaħħithom u aktar intelliġenti għall-Fruntieri u s-Sigurtà”.
(10)      Il-korsiv ifakkar li t-testi li jikkonċernaw lil dawn il-korpi għadhom ma ġewx adottati.
(11)      Regolament (UE) Nru 1077/2011, eu-LISA, Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja.
(12)      Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data). Opinjoni tal-KESE: ĠU C 229, 31.7.2012, p. 90-97 u ĠU C 345, 13.10.2017, p. 138 .
(13)      F'1984, George Orwell.
(14)      CEPD, anness, ir-rapport finali tal-grupp ta’ esperti ta’ livell għoli, Mejju 2017.
(15)      GDPR, Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data [Regolament (UE) 2016/679].
(16)      Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, NU: "Artikolu 17: 1. No one shall be subjected to arbitrary interference with his privacy, family, home or correspondence, nor to attacks upon his honour and reputation. (Ħadd ma għandu jkun soġġett għal interferenzi arbitrarji jew illegali fil-ħajja privata, fil-familja, jew fid-dar jew fil-korrispondenza tiegħu, u lanqas għal attakki illegali fuq l-unur tiegħu jew ir-reputazzjoni tiegħu.) 2. Everyone has the right to the protection of the law against such interference or attacks." (Kulħadd għandu d-dritt għall-protezzjoni tal-liġi kontra tali interferenzi jew attakki.)
(17)      CEPOL, Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-taħriġ ta' servizzi tal-infurzar tal-liġi (Budapest, l-Ungerija)