Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
SOC/571
Pjan ta' Azzjoni tal-Unjoni Ewropea 2017-2019 – L-indirizzar tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa
OPINJONI
Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Pjan ta' Azzjoni tal-Unjoni Ewropea 2017-2019 – L-indirizzar tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa
[COM(2017) 678 final]
Relatur: Anne DEMELENNE (BE-II)
Korelatur: Vladimíra DRBALOVÁ (CZ-I)
|
Konsultazzjoni
|
Kummissjoni Ewropea, 13/12/2017
|
|
Bażi legali
|
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
|
|
|
|
|
Sezzjoni kompetenti
|
Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza
|
|
Adottata fis-sezzjoni
|
27/03/2018
|
|
Adottata fil-plenarja
|
19/04/2018
|
|
Sessjoni plenarja Nru
|
534
|
|
Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)
|
194/3/4
|
1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1Il-KESE jilqa' b'mod ġenerali l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea sabiex tindirizza d-differenza persistenti bejn il-pagi tan-nisa u tal-irġiel billi tipproponi sensiela wiesgħa u koerenti ta' attivitajiet fil-pjan ta' azzjoni li qed jiġi eżaminat. Madankollu, iqis li kull wieħed mit-tmien komponenti jixraqlu żvilupp aktar fil-fond.
1.2Il-KESE jirrakkomanda li l-attenzjoni tiġi ffukata fuq l-għeruq kulturali u l-isterjotipi fis-sistemi edukattivi u ta' apprendistat li jaffettwaw l-għażliet tal-karriera. Barra minn hekk, jirrakkomanda li jiġu approfonditi r-raġunijiet tas-segregazzjoni fis-swieq tax-xogħol u li jiġu imposti miżuri aktar b'saħħithom biex din tiġi megħluba.
1.3Il-KESE jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni rigward it-trasparenza fil-pagi u l-awditi tar-remunerazzjoni fis-setturi u fil-kumpaniji sabiex jiġu ffaċilitati l-ġbir tad-data (statistika) individwalizzata u pjani ta' azzjoni xierqa. Is-Semestru Ewropew huwa mod effettiv biex l-Istati Membri jiġu mħeġġa jieħdu b'urġenza miżuri xierqa u jistabbilixxu b'mod partikolari infrastruttura soda ta' faċilitajiet ta' akkoljenza tat-tfal u ta' kura fit-tul aċċessibbli u affordabbli.
1.4Il-KESE jirrakkomanda li jissoktaw l-isforzi tal-istrateġija 2020 biex tintlaħaq rata ta' impjieg preferibbilment full-time ta' 75 % għan-nisa u l-irġiel.
1.5Il-KESE huwa kuntent li l-Kummissjoni tirrikonoxxi r-rwol essenzjali tal-imsieħba soċjali fil-proċessi bħala atturi ewlenin fis-suq tax-xogħol. Huwa jenfasizza l-kontribut tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-prinċipji tas-sħubija fuq il-bażi ta' responsabilitajiet definiti b'mod ċar.
1.6Il-KESE jifraħ lill-Kummissjoni għall-mezzi finanzjarji allokati għad-diversi proġetti iżda jinsisti li jeħtieġ li, waqt il-qafas finanzjarju pluriennali, jiġu identifikati oħrajn għall-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni kollu, l-aktar fil-finanzjament tal-faċilitajiet ta' akkoljenza u ta' kura, mingħajr ma jkunu ta' detriment għall-Istati Membri (u b'hekk fir-rispett tar-"regola tad-deheb").
2.Introduzzjoni
2.1Il-prinċipju tal-pagi ugwali ilu stabbilit fit-Trattati tal-UE sa mill-1957. L-istabbiliment ta' pagi ugwali permezz tal-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa huwa ta' vantaġġ għal kulħadd: ikun ifisser pass lejn soċjetà ġusta u ekwa li minnha jgawdi kulħadd. Il-ġlidiet għad-drittijiet tan-nisa wrew l-inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel, li wasslu biex il-leġislaturi (fil-livelli kollha tal-awtorità) jieħdu miżuri f'dan il-qasam. Madankollu dawn l-inugwaljanzi għadhom jeżistu fid-diversi relazzjonijiet soċjali, fil-familja, fl-iskola, fis-soċjetà, fil-politika u fid-dinja tax-xogħol.
2.2L-indirizzar tad-differenzi fil-pagi "mhux aġġustati" bejn is-sessi għadu tabilħaqq sfida diffiċli. L-UE, l-Istati Membri u l-imsieħba soċjali, bl-għajnuna tas-soċjetà ċivili, huma mitluba jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom f'approċċi mmirati, billi japplikaw kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew, miżuri leġislattivi kif ukoll mhux leġislattivi sabiex jindirizzaw fl-istess ħin il-kawżi multipli tal-inugwaljanzi fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel, bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020.
2.3Id-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel hija iżgħar fil-pajjiżi fejn l-ugwaljanza inġenerali hija ogħla u fil-pajjiżi fejn in-negozjar kollettiv huwa aktar mifrux. Huwa stmat li żieda ta' 1 % fil-"kopertura" tad-djalogu soċjali tnaqqas id-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel b'0,16 %, u aktar kemm ikun għoli l-grad ta' koordinazzjoni fil-formazzjoni tal-pagi, aktar it-tqassim tal-pagi jkun ugwali.
3.Il-kuntest f'ċifri
3.1Skont id-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel, in-nisa fl-UE għadhom jaqilgħu medja ta' 16,3 % inqas mill-irġiel. L-ewwel pass biex titnaqqas id-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel huwa li wieħed jifhem il-kawżi u l-konsegwenzi ta' dan il-fenomenu. Il-fatturi deskritti hawn taħt kollha jagħmlu parti mill-problema minn naħa, u min-naħa l-oħra parti mis-soluzzjoni.
3.2Ir-rata ta' impjieg: l-Istrateġija Ewropa 2020 stabbiliet il-mira ta' 75 % għan-nisa u l-irġiel impjegati fl-2020. Madankollu, fl-2014, ir-rata globali tal-impjieg tal-UE kienet ta' 64,9 % b'rata partikolarment baxxa għan-nisa (59,6 %, meta mqabbla ma' 70,1 % għall-irġiel ta' bejn l-20 u l-64 sena). Il-parteċipazzjoni tan-nisa ssir essenzjali u jeħtieġ li jsir aġġustament radikali fis-suq tax-xogħol, billi jiġi żgurat li jkun aċċessibbli għan-nisa. Fir-rapport tiegħu dwar id-diskrepanza bejn in-nisa u l-irġiel fil-qasam tal-impjieg, il-Eurofound jikkalkula li din qed tiswa lill-UE madwar EUR 370 biljun fis-sena, jew 2,8 % tal-PDG tagħha.
3.3Il-part-time: Fl-2015, madwar tmien persuni minn kull għaxra li kellhom impjieg fl-UE kienu jaħdmu full-time u tnejn minn kull għaxra kienu jaħdmu part-time. Fost dawn l-44,7 miljun ħaddiem part-time, 10,0 miljuni kienu f'sottoimpjieg, li jfisser li kienu jixtiequ jżidu l-ħin tax-xogħol tagħhom. Dan jirrappreżenta aktar minn wieħed minn kull ħamsa (22,4 %) tal-ħaddiema kollha part-time u 4,6 % tat-total tal-impjiegi fl-UE. Żewġ terzi ta' dawn il-ħaddiema part-time f'sitwazzjoni ta' sottoimpjieg kienu nisa (66 %). Din is-sitwazzjoni għandha impatt negattiv fuq il-prospetti ta' taħriġ, l-iżvilupp tal-karriera, il-benefiċċji tal-qgħad u d-drittijiet għall-pensjoni.
3.4Il-bilanċ bejn in-nisa u l-irġiel fil-pożizzjonijiet maniġerjali: skont l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-sessi tal-2017, ippubblikat mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), li huwa effettiv ħafna, fost it-tmien oqsma vvalutati mill-Indiċi, id-differenza bejn ir-rappreżentanza tan-nisa u tal-irġiel fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi, soċjali u ekonomiċi kellha l-inqas livell ta' ugwaljanza. Madankollu, minħabba li ffokaw b'mod partikolari fuq l-isfera ekonomika, l-edizzjonijiet tal-2013 u tal-2017 tal-Indiċi flimkien jindikaw żieda progressiva fin-numru ta' nisa preżenti fil-bordijiet, minn 9 % għal 21 % bejn l-2003 u l-2015. Dan huwa l-każ tal-Istati Membri li adottaw leġislazzjoni vinkolanti, bħal Franza u n-Netherlands. Dawn l-estimi jirrigwardaw biss lill-kumpaniji l-kbar elenkati.
3.5Għalkemm il-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) jirrappreżentaw il-parti l-kbira tal-impjegaturi fuq il-kontinent (fl-2014, dawn kienu jikkostitwixxu 99,8 % tal-intrapriżi kollha fl-UE-28 u kienu jimpjegaw kważi 90 miljun persuna – 67 % tal-impjiegi kollha), l-indikaturi u l-miżuri politiċi jikkonċentraw fuq l-ikbar bordijiet. Għalkemm il-miżuri leġislattivi introdotti f'dawn l-aħħar għaxar snin wasslu għal progress interessanti, jeħtieġ li jsiru aktar sforzi. Għodod differenti huma disponibbli għad-diversi Stati Membri: approċċi volontarji, kwoti, sanzjonijiet, eċċ.
3.6Il-kriżi kif ukoll l-għażliet ta' awsterità relatati mar-riformi baġitarji f'ċerti Stati Membri, wasslu għal inqas mezzi u investimenti fl-infrastrutturi soċjali u pubbliċi. Ma saret ebda valutazzjoni tal-impatt skont is-sessi għad li l-aċċess għal dawn l-infrastrutturi sar aktar diffiċli. Madankollu hemm rabta diretta bejn il-faqar tal-ommijiet u r-riskju ta' faqar u ta' esklużjoni soċjali tat-tfal. Barra minn hekk, wieħed jinnota issa li d-differenza bejn in-nisa u l-irġiel f'termini ta' pensjonijiet kienet tammonta għal 38 % fl-2015 fl-UE, li jfisser li ħafna aktar nisa huma f'riskju ta' faqar meta javvanzaw fl-età.
3.7Is-segregazzjoni bejn is-sessi fil-professjonijiet u fis-setturi: skont il-Kummissjoni, is-segregazzjoni bejn is-sessi fis-setturi kkonċernati hija waħda mill-kawżi ewlenin tad-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel. Ċertu numru ta' setturi u ta' impjiegi għadhom iddominati minn irġiel jew minn nisa: inqas nisa jagħżlu li jmorru f'setturi li jħallsu aktar bħall-kostruzzjoni, l-industrija, it-trasport, ix-xjenza u l-ICT. "Jekk aktar nisa jinġibdu lejn is-settur tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM), dan kieku jikkontribwixxi għal żieda fil-PDG per capita tal-UE ta' bejn 2,2 u 3,0 % fl-2050". Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-irġiel, għall-kuntrarju, rarament jidħlu f'setturi ewlenin għall-futur tas-soċjetà u tal-ekonomija Ewropej, bħall-edukazzjoni, l-infermerija u l-professjonijiet fil-kura tas-saħħa.
3.8Skont il-pjan ta' azzjoni, in-nisa jitilqu mis-suq tax-xogħol biex jindukraw lit-tfal u/jew lil membri tal-familja tagħhom u, jekk ma jirtirawx għalkollox mis-suq tax-xogħol, ta' spiss jaċċettaw pożizzjonijiet bi kwalifika aktar baxxa sabiex jakkomodaw ir-rwoli fil-familja tagħhom x’ħin jirritornaw lura mix-xogħol. L-impatt negattiv tan-nuqqas ta' faċilitajiet ta' indukrar tat-tfal ta' kwalità, affordabbli u b'ħinijiet ta' ftuħ twal fuq il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol huwa ttrattat fil-miri ta' Barċellona li għadhom ’il bogħod milli jintlaħqu.
3.9L-impatt fuq il-pagi għal ċerti gruppi vulnerabbli (nisa li jmexxu familja b'ġenitur wieħed, nisa bi ftit kwalifiki u dawk li, barra dan, għandhom sfond ta' immigrazzjoni, b'diżabilità, eċċ.) għandu jingħata attenzjoni partikolari.
4.Il-pjan ta' azzjoni propost
4.1Il-pjan ta' azzjoni li għadu kemm ġie propost mill-Kummissjoni jipprovdi sett koerenti ta' miżuri maħsuba biex jindirizzaw id-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel minn kull angolu possibbli, minflok jiżolaw fattur wieħed jew kawża waħda. Dawn il-miżuri se jsaħħu lil xulxin. Il-KESE jappoġġja dan il-pjan iżda jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex tiżgura l-valutazzjoni tal-miżuri attwali diġà rakkomandati u timplimentahom, jekk ikun il-każ, permezz tas-Semestru Ewropew.
4.2Ġew definiti tmien komponenti ewlenin ta' azzjoni:
1.Applikazzjoni aħjar tal-prinċipju tal-pagi ugwali;
2.Il-ġlieda kontra s-segregazzjoni okkupazzjonali u settorjali (is-segregazzjoni orizzontali);
3.It-tkissir tas-"saqaf tal-ħġieġ" (is-segregazzjoni vertikali);
4.L-eliminazzjoni tal-effett detrimentali tal-obbligi tal-familja;
5.It-titjib tal-valutazzjoni tal-ħiliet, tal-isforzi u tar-responsabilitajiet tan-nisa;
6.It-trasparenza: ma jitħallewx l-inugwaljanzi u l-isterjotipi;
7.Twissija u informazzjoni rigward id-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel; u
8.Tisħiħ tas-sħubijiet sabiex titneħħa d-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel; u
Biex dawn l-azzjonijiet ikunu effikaċi, se jkunu meħtieġa sinerġiji bejn il-miżuri meħuda mill-parteċipanti ewlenin fil-livell tal-UE, tal-Istati Membri u tal-kumpaniji.
4.3Il-KESE jinnota li l-parti l-kbira tal-miżuri proposti favur l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel huma xierqa u jikkunsidra li dan il-pjan ta' azzjoni ambizzjuż se jkun effikaċi jekk jibbaża fuq il-fehim komuni tal-fatturi li jikkawżaw id-differenza fil-pagi bejn is-sessi. F'dan ir-rigward, element importanti jikkonċerna l-ġbir ta' statistika fil-livell tal-Eurostat, li għandu jibbaża fuq data individwalizzata u mhux fuq dik tal-unità domestika, peress li din tgħin biex jaħbi l-faqar tan-nisa. Jeħtieġ li jibbaża wkoll fuq il-parteċipazzjoni attiva tal-partijiet interessati pubbliċi u privati kollha f'kull livell: awtoritajiet lokali, istituzzjonijiet tal-UE, Stati Membri, imsieħba soċjali, kumpaniji pubbliċi u privati, korpi edukattivi, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, eċċ.
4.4Il-KESE jfakkar lill-Istati Membri l-ħtieġa li jinvestu f'sistemi edukattivi nondiskriminatorji u inklużivi. Jeħtieġ li tkun imħeġġa aktar diversità fl-aċċess għal studji f'suġġetti futuri, bħall-iSTEM (ix-xjenza, it-teknoloġija – inkluż l-ICT –, l-inġinerija, il-matematika), sabiex il-bniet ikunu jistgħu jsibu mpjiegi f'setturi aktar promettenti u mħallsin aktar. Barra minn hekk, se jkun meħtieġ li n-nisa jkunu jistgħu jibbenefikaw minn taħriġ addizzjonali tul il-karriera tagħhom (permezz ta' teknoloġiji ġodda bħat-tagħlim mill-bogħod), li hija raġuni eċċellenti għall-promozzjoni u għalhekk għaż-żieda fil-paga. Barra minn hekk, biex jiġu indirizzati l-isfidi demografiċi mingħajr ma jiġu penalizzati n-nisa, ikun tajjeb li titħeġġeġ l-istess diversità fis-setturi soċjali fejn huma rrappreżentati l-aktar.
4.5Il-KESE jappella lill-Kummissjoni sabiex tqajjem kuxjenza fost il-kumpaniji dwar il-problema tal-pagi ugwali bejn in-nisa u l-irġiel, b'mod partikolari għall-interess tagħhom stess, jiġifieri: li jtejbu l-aċċess għall-ħaddiema nisa minħabba l-kwistjonijiet tat-tibdil demografiku u n-nuqqas dejjem jikber tal-ħiliet.
4.6Il-KESE huwa ġeneralment tal-fehma li l-kumpaniji jeħtieġu li jagħmlu aktar sabiex jindirizzaw il-kawżi kulturali u l-isterjotipi stabbiliti għal żmien twil li jikkontribwixxu għad-differenza persistenti fil-pagi. Il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni ta' dak li ġie implimentat u ssaħħaħ il-miżuri attwali.
5.Ir-rwol essenzjali tal-imsieħba soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili
5.1L-imsieħba soċjali huma impenjati ħafna favur l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u favur is-soluzzjoni tal-problemi relatati.
5.2Il-Qafas ta' Azzjoni tal-2005 dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi ffirmat mill-imsieħba soċjali Ewropej juri diġà kif għandha tiġi indirizzata l-kwistjoni tad-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel: bl-użu ta' għodod prattiċi eżistenti u t-tfassil ta' statistika ċara u aġġornata fil-livell settorjali/nazzjonali biex l-imsieħba soċjali jkunu jistgħu janalizzaw u jifhmu l-kawżi kumplessi tad-differenza fil-pagi, filwaqt li jiżguraw li s-sistemi ta' kumpens, inklużi s-sistemi ta' valutazzjoni tal-impjiegi u tal-pagi (pagi gross u mhux kull siegħa), ikunu trasparenti u newtrali mill-aspett tas-sessi, u filwaqt li joqogħdu attenti għall-effetti diskriminatorji li jista' jkollhom.
5.3Biex tingħata tweġiba għall-biża' tal-impjegaturi dwar piż amministrattiv addizzjonali, għandhom jiġu pprovduti miżuri adegwati ta' appoġġ għall-kumpaniji. L-ugwaljanza fil-pagi taqa' kemm taħt ir-responsabilità tal-junjins kif ukoll tal-impjegaturi. Naturalment, jeħtieġ li jiddaħħlu fis-seħħ inizjattivi għall-promozzjoni tal-ugwaljanza fil-kuntest tal-edukazzjoni, tas-suq tax-xogħol, tal-faċilitajiet ta' akkoljenza tat-tfal, eċċ. Madankollu, it-trasparenza fil-pagi hija soluzzjoni wkoll, peress li t-trasparenza u l-awditi tar-remunerazzjoni għandhom posthom fil-proċess. Il-kumpaniji qed jibdew jagħtu sehem fil-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol u diġà qed jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet sabiex jiggarantixxu sistemi ta’ remunerazzjoni newtrali mill-perspettiva tal-ġeneru u li jaqblu mad-diversità tas-sistemi nazzjonali ta' relazzjonijiet professjonali. Huwa importanti li l-partijiet interessati kollha jkollhom ir-rwol tagħhom biex tiġi indirizzata d-differenza fir-remunerazzjoni bejn is-sessi u jispjegaw il-kawżi reali tagħha, li jiżguraw approċċ aktar koerenti u bbażat fuq fatti u jiċċaraw ideat żbaljati eventwali.
5.4F'dak li jirrigwarda lit-trejdjunjins, dawn jirrikonoxxu li l-eżistenza ta' qafas legali favur l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel jista' jkun inċentiv importanti għan-negozjati, b'mod partikolari biex jikkonvinċi lill-impjegaturi rigward l-importanza ekonomika u soċjali tan-negozjati għall-ugwaljanza. F'dan ir-rigward, stħarriġ imwettaq mill-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (KETU) isib li l-ftehimiet dwar il-pagi li għandhom l-għan li jnaqqsu l-inugwaljanzi fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel spiss huma dawk li jiffukaw fuq il-pagi minimi u ż-żieda tal-paga tal-ħaddiema b'paga baxxa. Skont l-istess stħarriġ, 20% biss tat-trejdjunjins innegozjaw ftehimiet kontra s-segregazzjoni okkupazzjonali billi taw żidiet ogħla fil-pagi lill-ħaddiema b'paga baxxa fis-setturi ddominati min-nisa.
5.5Minkejja numru ta' ħaddiema nisa affiljati, il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-eżekuttivi tal-junjins qed tavvanza bil-mod ħafna. It-timijiet tal-junjins għandhom jimmiraw għal aktar diversità għall-iżvilupp ta' pjan ta' azzjoni dwar is-sessi rappreżentattivi. Jidher li hemm sitwazzjoni simili fil-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem (pubbliċi u privati) u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li għandhom jimmiraw ukoll għal aktar diversità meta jiżviluppaw strateġija dwar il-ġeneri.
6.Perspettivi
6.1L-istħarriġ annwali tat-tkabbir 2018 jimmira li jibni fuq il-momentum iġġenerat mill-espansjoni ekonomika attwali. Dan jiffoka fuq ir-riformi li għandhom l-għan li jistimulaw l-investiment fil-kapital uman u s-setturi soċjali skont ir-"regola tad-deheb", u li jtejbu l-funzjonament tas-swieq tal-prodotti, tas-servizzi u tax-xogħol sabiex jissaħħu l-produttività u t-tkabbir fit-tul, kif ukoll sabiex tiżdied l-inklużjoni permezz ta' nfiq pubbliku ta' kwalità aħjar, ta' tassazzjoni aktar ġusta u tal-immodernizzar tal-istituzzjonijiet pubbliċi.
6.2Barra minn hekk, l-istħarriġ annwali tat-tkabbir jista' jiġġenera stadji addizzjonali fiċ-ċiklu kollu tas-Semestru Ewropew, billi jintroduċi l-fatturi kollha li jinfluwenzaw id-differenzi fil-pagi bejn is-sessi fir-rapporti nazzjonali u fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.
6.3Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali huwa kompletament integrat fih, bil-prijorità mogħtija lir-riformi li jippromovu l-akkwist tal-ħiliet mill-ħaddiema, li jippromovu l-opportunitajiet indaqs fis-suq tax-xogħol u kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, li jkabbru l-produttività tax-xogħol biex tiġi appoġġjata ż-żieda fil-pagi, speċjalment dawk l-aktar baxxi, u li jagħmlu s-sistemi ta' protezzjoni soċjali aktar adatti u aktar sostenibbli.
6.4Il-KESE jittama għalhekk li s-sitwazzjoni ekonomika tajba attwali dovuta għal ċertu tkabbir ekonomiku u għall-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali tista' tagħti spinta ġdida biex titnaqqas id-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel, u li l-pjan ta' azzjoni propost se jkun verament effettiv. Jekk dan ma jseħħx sa tmiem l-2019, il-KESE jippjana li jagħti parir lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri leġislattivi u mhux leġislattivi fil-livell l-aktar xieraq, b'mod partikolari b'sanzjonijiet u/jew inċentivi.
Brussell, 19 ta' April 2018
Luca JAHIER
President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
*
*
*
NB:
L-Anness jinsab fil-paġni li jmiss.
ANNESS I
Hawn taħt hawn lista ta' dokumenti prinċipali maħsuba biex inaqqsu l-inugwaljanzi bejn is-sessi u, b'mod partikolari, id-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel:
·Id-Direttiva dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tal-opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjieg u xogħol (riformulazzjoni) (2006/54/KE), li tinkludi l-prinċipju tar- remunerazzjoni ugwali stabbilit fit-Trattati tal-UE mill-1957;
·Il-Konvenzjoni 100 tal-ILO dwar Remunerazzjoni Ugwali, 1951;
·ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tal-prinċipju tal-pagi ugwali għall-irġiel u n-nisa permezz tat-trasparenza (2014/124/UE) u r-rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni C(2014) 1405 tal-Kummissjoni [COM(2017) 671 final];
·L-impenn strateġiku tal-Kummissjoni Ewropea għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2016-2019;
·Il-Proposta għal Direttiva dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati f'borża u miżuri relatati (COM (2012) 614 final);
·Id-Dikjarazzjoni ta' Ruma tal-2017;
·il-proklamazzjoni interistituzzjonali tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fis-17 ta' Novembru 2017, waqt is-Summit Soċjali għall-Impjiegi Ġusti u t-Tkabbir f'Gothenburg (l-Iżvezja);
·Il-Proposta għal Direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw [COM(2017) 253 final]; u
·Il-Pjan ta' Azzjoni tal-Unjoni Ewropea 2017-2019 – L-indirizzar tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa [COM(2017) 678 final].
_____________