MT

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

INT/840

Pakkett dwar il-proprjetà intellettwali

OPINJONI

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew – Sistema bbilanċjata ta’ infurzar tal-Proprjetà Intellettwali li twieġeb għall-isfidi tas-soċjetà tal-lum
[COM(2017) 707 final]

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew – Gwida dwar ċerti aspetti
tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali

[COM(2017) 708 final]

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill
u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
 – L-istabbiliment tal-approċċ
tal-UE għall-Privattivi Essenzjali għal Standard

[COM(2017) 712 final]

Relatur: Franca SALIS-MADINIER

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 18/01/2018

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

09/03/2018

Adottata fil-plenarja

14/03/2018

Sessjoni plenarja Nru

533

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

180/0/3



1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1L-Unjoni tal-Innovazzjoni hija waħda mill-iżjed inizjattivi validi tal-Istrateġija Ewropa 2020. Għal dan il-għan, huwa essenzjali li jitħeġġeġ il-proċess tal-innovazzjoni Ewropea billi jitħeġġu l-intrapriżi bbażati fl-Istati Membri.

1.2Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda (KESE) jaqbel mal-objettivi tal-Kummissjoni rigward l-armonizzazzjoni tas-sistemi legali u tal-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-2004 dwar l-Infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (IPRED) 1 , li għandha l-għan li tapplika l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji meħtieġa biex jiġi żgurat l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (DPI) fil-proċedimenti ċivili u jiġi stabbilit kif jistgħu jiġu kkalkulati d-danni biex jiġu kkumpensati d-detenturi tad-DPI fl-Istati Membri.

1.3Il-Kumitat jenfasizza l-importanza li jinżamm l-interess ġenerali tas-soċjetà kollha permezz tat-tqassim ġust tal-valur maħluq bejn id-diversi atturi tal-proprjetà intellettwali, sabiex jiġu żgurati l-prosperità fl-Ewropa, ir-rispett tal-interessi tad-detenturi tad-DPI u s-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi.

1.4Il-KESE jappoġġja l-prinċipji FRAND (fair, reasonable and non-discriminatory – ġust, raġonevoli u mhux diskriminatorju) relatati mal-privattivi essenzjali għal standard. Il-Kumitat huwa tal-fehma li prinċipji simili jistgħu wkoll jiġu trasposti u applikati mutatis mutandis għad-dritt tal-awtur u d-drittijiet relatati, għall-privattivi, għat-trademarks, għad-disinni, eċċ.

1.5Il-Kumitat jirrakkomanda li l-prinċipji li jirregolaw l-“istandards” tekniċi jiġu kkompletati permezz ta’ “standards” soċjali biex jiġi żgurat bilanċ bejn l-atturi privati u l-investituri pubbliċi li jaġixxu fl-interess ġenerali.

1.6Il-Kumitat jirrakkomanda, b’mod partikolari, bilanċ bejn ir-rikonoxximent ġust tad-drittijiet intellettwali u l-iżvilupp tal-innovazzjonijiet li jistgħu joħolqu benefiċċju reali għas-soċjetà kollha. Mingħajr l-intenzjoni li jillimita d-dritt fundamentali li jiġu infurzati drittijiet privati permezz tas-sistema legali, il-Kumitat jistqarr li, jekk interessi speċifiċi jkunu f’kunflitt mal-interess ġenerali, għandu jsir arbitraġġ favur id-difiża tal-interess ġenerali.

1.7Il-KESE jħeġġeġ regolamentazzjoni li tinkoraġġixxi lir-riċerkaturi żgħażagħ jużaw l-għarfien u l-ħiliet tagħhom sabiex iniedu proġetti kummerċjali ġodda. L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għandhom jadottaw, b’mod partikolari, miżuri bħal prezzijiet aċċessibbli li jippermettu lill-intraprendituri żgħażagħ jiżviluppaw il-proġetti innovattivi tagħhom.

1.8Il-KESE jikkunsidra li fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni, huwa importanti li jiġu identifikati 2 kif imiss il-partijiet ikkonċernati (l-intrapriżi, l-awturi, l-inventuri, l-artisti 3 , il-konsumaturi 4 , l-intermedjarji, id-“detenturi tad-drittijiet” 5 , eċċ.) skont it-tip ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali (privattivi, disinni u mudelli) u li dawn jaħdmu flimkien sabiex jistabbilixxu d-detentur tad-DPI.

1.9Fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni, huwa essenzjali li l-konsumatur jiġi mgħarraf sabiex jadotta prattika ta’ responsabilità soċjali aktar b’saħħitha fir-rigward tal-proprjetà “immaterjali”, simili għal dik ipprattikata fil-qasam tal-proprjetà “materjali”, mingħajr ma fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur jinkiser id-dritt tagħhom għal “kopja privata”. Il-KESE japprezza ħafna l-kampanji tal-midja stabbiliti mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUPIO) u l-Osservatorju Ewropew tal-Ksur tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali li għandhom l-għan li jissensibilizzaw lill-pubbliku dwar il-ksur tad-DPI, u fil-futur ser jappoġġjaw proposti għat-tisħiħ u r-repetizzjoni ta’ dawn il-kampanji.

1.10Il-Kumitat jikkunsidra li l-prinċipju tas-“sors miftuħ” għandu jiġi implimentat b’mod korrett fil-qasam tar-riċerka pubblika. Il-kunċett u l-prinċipju tas-“sors miftuħ” huma realtà prattikata fiċ-ċentri ta’ riċerka universitarji u jistħoqqilhom qafas ġuridiku adatt

1.11Il-Kumitat jappoġġja l-estensjoni tar-rwol tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO).

1.12Il-KESE jirrakkomanda li jitwaqqaf netwerk Ewropew ta’ medjazzjoni li jaħdem b’konformità mad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex titjieb il-ġestjoni tal-kunflitti.

1.13Il-Kumitat jaqbel mar-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Kummissjoni għat-titjib tal-mekkaniżmu tal-Forum legali sabiex jiġu rrispettati aħjar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

2.Il-proposta tal-Kummissjoni

2.1Is-sistemi ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali huma strument fundamentali ta’ innovazzjoni u ta’ tkabbir u jippermettu lill-intrapriżi, lill-kreaturi u lill-inventuri jiksbu qligħ mill-investiment tagħhom fl-għarfien u fil-kreattività. Skont ċerti studji, is-setturi intensivi fid-DPI (drittijiet tal-proprjetà intellettwali) jirrappreżentaw madwar 42 % tal-PDG tal-Unjoni Ewropea (UE), b’valur ta’ madwar EUR 5,7 triljun fis-sena, jiġġeneraw 38 % tal-impjiegi kollha, u jikkontribwixxu sa 90 % tal-esportazzjonijiet tagħha 6 .

2.2Ir-rivoluzzjoni diġitali fetħet sensiela ta’ possibilitajiet ġodda iżda esponiet ukoll lid-DPI tal-UE għal riskji ġodda u akbar billi tiffaċilita ċ-ċirkolazzjoni onlajn ta’ beni u kontenuti foloz, u toħloq konfużjoni fost il-konsumaturi bejn dak li huwa ffalsifikat u dak li huwa ġenwin u legaliu, u billi tagħmel aktar diffiċli l-identifikazzjoni tal-kriminali. Dan wassal għal żieda ġenerali fin-numru ta’ każijiet ta’ ksur tal-proprjetà intellettwali.

2.3Il-beni foloz jew ikkupjati jirrappreżentaw attwalment 2,5 % tal-kummerċ dinji u l-industrija tal-UE hija partikolarment affettwata 7 , l-aktar f’setturi fejn il-kumpaniji tal-UE huma fuq quddiem fid-dinja.

2.4Dan il-pakkett ta’ miżuri tal-Kummissjoni għandu l-għan li jkompli jtejjeb l-applikazzjoni u l-infurzar tad-DPI fl-Istati Membri tal-UE, fil-fruntieri tagħna u fuq skala internazzjonali. Il-pakkett jinkludi:

-komunikazzjoni dwar “Sistema bbilanċjata ta’ infurzar tal-Proprjetà Intellettwali li twieġeb għall-isfidi tas-soċjetà tal-lum” [COM(2017) 707 final];

-komunikazzjoni li tipprovdi gwida dwar kif għandha tiġi applikata d-Direttiva dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (“id-Direttiva IPRED”) [COM(2017) 708 final];

-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jinkludi valutazzjoni tad-Direttiva IPRED [SWD(2017) 431 final u SWD(2017) 432 final] (mhux disponibbli bil-Malti);

-komunikazzjoni dwar il-Privattivi Essenzjali għal Standard [COM(2017) 712 final];

-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni tal-Memorandum ta’ Qbil dwar il-bejgħ ta’ beni foloz fuq l-internet [SWD(2017) 430 final] (mhux disponibbli bil-Malti).

2.5Il-pakkett jistabbilixxi miżuri f’erba’ taqsimiet ewlenin:

1)miżuri li jippermettu li l-partijiet ikkonċernati fil-qasam tal-proprjetà intellettwali jibbenefikaw aktar faċilment minn sistema omoġenja, ġusta u effettiva ta’ infurzar ġudizzjarju fl-UE;

2)azzjonijiet maħsuba biex jappoġġjaw l-inizjattivi mmexxija mill-atturi settorjali fil-ġlieda kontra l-ksur tal-proprjetà intellettwali;

3)inizjattivi maħsuba biex isaħħu l-kapaċitajiet tad-dwana u ta' awtoritajiet oħrajn biex jinfurzaw id-DPI;

4)miżuri biex jissaħħu l-isforzi kontra l-ksur tal-proprjetà intellettwali fuq skala dinjija, bil-promozzjoni tal-aħjar prattiki u bl-intensifikar tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi.

3.Kummenti ġenerali

3.1Id-dokumenti li pproponiet il-Kummissjoni huma rilevanti u jirrigwardaw għadd kbir ta' aspetti relatati mad-dritt tal-proprjetà intellettwali. L-għan tal-proposti tal-KESE huwa li jiġu definiti azzjonijiet u rakkomandazzjonijiet li jsaħħu l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fid-dawl tal-mandat istituzzjonali tal-KESE, li jiffoka l-iżjed fuq il-perspettivi soċjali u ekonomiċi.

3.2It-tliet dokumenti tal-Kummissjoni għandhom jitqiesu f’daqqa u jinkludu l-aspetti kollha tad-dritt tal-proprjetà intellettwali. Filwaqt li jiġu enfasizzati l-Memorandum ta’ Qbil u l-interpretazzjoni pjuttost stretta tal-privattivi essenzjali għal standard kif ukoll il-prinċipji FRAND, jeżisti r-riskju li l-konsultazzjoni tkun limitata għall-innovazzjonijiet fid-dinja diġitali. Madankollu, il-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet tagħna jridu jiġbdu l-attenzjoni għall-oqsma kollha tal-liġi dwar il-proprjetà intellettwali.

3.3Waqt li l-KESE jaqsam it-tħassib tal-Kummissjoni dwar l-effetti tad-diġitalizzazzjoni fuq ir-riskji għad-DPI, huwa jipproponi li l-kwistjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, tal-kreattività u tal-innovazzjoni tiġi indirizzata mill-perspettiva legali u soċjali, bil-għan li tissaħħaħ il-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet.

3.4Permezz ta’ dawn il-proposti dwar id-DPI, il-Kummissjoni tixtieq issaħħaħ it-tkabbir ekonomiku u żżid l-impjieg fl-Ewropa. Il-Kumitat jaqbel ma’ dawn l-għanijiet, waqt li jikkunsidra li l-pedament ta’ kull innovazzjoni u kreazzjoni huwa l-kreattività personali u t-tim li l-awtur jew inventur jappartjeni għalih. Il-kreattività hija ħila intrinsika tal-bniedem u hija prerekwiżit għall-innovazzjoni.

3.5Il-KESE jirrakkomanda f’dan ir-rigward qafas Ewropew aktar ċar dwar it-trasferiment tad-drittijiet bejn id-diversi partijiet ikkonċernati. Taħt ir-regolamenti nazzjonali u Ewropej eżistenti, mhuwiex fil-kompetenza ta’ din il-konsultazzjoni b’rabta mad-Direttiva IPRED li tiddefinixxi f’termini konkreti d-“detenturi tad-drittijiet” eż. il-kreaturi, l-intrapriżi, l-intermedjarji jew il-pubblikaturi, peress li huma definiti fil-liġi materjali dwar id-drittijiet tal-proprjetà intelletwali fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, mhux fid-Direttiva IPRED.

3.5.1Il-liġi dwar il-proprjetà intellettwali tkopri firxa diversa ta’ perspettivi (id-drittijiet tal-awtur u it-trademarks, id-disinji industrijali, l-indikazzjonijiet ġeografiċi, eċċ.). Jekk fl-aħħar mill-aħħar irridu li jkun hemm suq uniku Ewropew, ser ikollna nimxu lejn fehim komuni u niddefinixxu b’mod aktar preċiż il-kunċett ta’ “detentur tad-dritt” billi jinħolqu l-kundizzjonijiet li jippermettu lill-partijiet interessati kollha jiddiskutu u jsolvu t-tilwim u jindirizzaw l-interessi tagħhom. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-livell nazzjonali u Ewropew għandhom ikunu allinjati aħjar ma’ xulxin sabiex jiġu evitati kunflitti jew ambigwitajiet.

3.6Il-KESE jikkunsidra li minkejja li d-Direttiva mhux se tkun tista’ tipprovdi qafas uniformi għall-Ewropa kollha, tista’ tħeġġeġ aktar lill-Istati Membri joħolqu bażi ta’ prinċipji għall-armonizzazzjoni, pereżempju billi jiġu żviluppati “kodiċijiet” imfasslin apposta għal kull dritt tal-proprjetà intellettwali. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-applikazzjoni tal-prinċipji etiċi bħall-ekwità, il-proporzjonalità u n-nondiskriminazzjoni għad-DPI.

3.7Il-KESE jappoġġja l-inizjattivi tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-aċċessibilità tad-data. Huwa ċar li approċċ Ewropew għad-dritt tal-proprjetà intellettwali jirrappreżenta ekonomija sinifikanti fuq skala kbira u b’hekk joffri opportunitajiet ġodda għall-ekonomija mil-lat tat-tkabbir u ż-żieda fl-impjieg.

3.8Il-proċess ekonomiku jseħħ bejn il-persuna li toħloq u l-konsumatur li jixtri l-prodotti. Bejn dawn, hemm firxa sħiħa ta’ attività ekonomika li fiha l-interessi differenti għandhom isibu l-post ideali tagħhom. Il-konsumatur jinsab fi tmiem dan il-proċess. Dan tal-aħħar spiss ikun vittma tal-falsifikazzjoni u tal-piraterija peress li jħallas prezzijiet għaljin wisq għal prodotti foloz.

3.8.1Qed iseħħu bosta innovazzjonijiet fl-iżvilupp ta’ proċessi diġitali. Fil-qasam diġitali, l-innovazzjoni hija mgħaġġla ferm. Dan iqajjem mistoqsijiet dwar is-sigurtà u l-kunfidenzjalità u jagħmel il-protezzjoni tal-“proprjetà intellettwali” aktar diffiċli iżda mhux impossibbli. Il-partijiet kollha, speċjalment dawk bi preżenza fuq l-internet, għandhom jiġu identifikati sew sabiex jinkixfu kontijiet foloz li jagħmlu kummerċ inġust.

3.8.2Il-KESE jaqbel mal-proposti tal-Kummissjoni għall-għoti ta’ liċenzja u għall-infurzar tad-drittijiet. Madankollu, il-KESE jiddispjaċih li, fil-proposti dwar il-kontroll tal-kunflitti ta’ interess, il-Kummissjoni tindirizza biss tilwim legali (Qorti Unifikata tal-Privattivi) u ma tippreżentax strumenti konkreti, pereżempju ċentru għall-medjazzjoni, li permezz tiegħu l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jiġġestixxu t-tilwim tagħhom stess fir-rigward tar-regoli legali ġenerali u jwettqu djalogu reċiproku qabel ma jagħmlu rikors f’qorti.

3.8.3Il-Kumitat għamel l-analiżi u jemmen li pjattaforma speċifika tista’ tagħti valur miżjud importanti. Strument adatt bħall-“pjattaforma tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali”, preferibbilment bi status rikonoxxut kostituzzjonali, jista’ jorganizza u jikkoordina d-djalogu ekstraġudizzjarju bejn il-partijiet interessati rappreżentattivi biex joffru medjazzjoni, arbitraġġ u rikonċiljazzjoni. Dil-pjattaform ser tissodisfa l-ħtiġijiet billi tlaqqa’ flimkien l-atturi kollha kkonċernati, b’mod li jkunu jistgħu jiddiskutu t-tħassib u l-fehmiet differenti tagħhom u jressqu kodiċijiet ta’ kondotta adatti biex jiġu adottati.

3.8.4Din il-pjattaforma tista’ tiġbor l-aħjar prattiki li diġà jeżistu fl-Ewropa u tippreżentahom bħala bażi għal oħrajn. Il-KESE nnifsu jirrappreżenta s-soċjetà ċivili inġenerali, fejn jitmexxa d-djalogu fl-Ewropa u fl-Istati Membri, iżda dan għadu pjuttost ġenerali u għandu jkun possibbli li jkun hemm rabta iżjed mill-qrib ma’ gruppi professjonali speċifiċi, bħall-kittieba, il-ġurnalisti u l-pubblikaturi, u biex tinħoloq rabta bejn ir-riċerkaturi u l-istituti, sabiex tiġi żgurata allokazzjoni adatta tad-drittijiet tal-proprjetà u jiġi evitat it-tilwim.

4.Kummenti speċifiċi

4.1L-innovazzjoni fl-Ewropa

4.1.1L-innovazzjoni tinsab fil-qalba tal-Istrateġija Ewropa 2020. L-innovazzjoni tal-intrapriżi stabbiliti fl-Ewropa għandha tiġi mħeġġa u ppreservata. Bosta proġetti innovattivi jiġu żviluppati fin-negozji l-ġodda u fl-SMEs. Dawn spiss ikollhom bażi finanzjarja dgħajfa u faċilment jispiċċaw jinxtraw minn intrapriżi kbar li, fuq perjodu twil ta’ żmien, jirrilokawhom f’kontinenti oħrajn. Għalhekk, l-Ewropa ma tgawdix mill-valur miżjud ekonomiku tagħhom u mill-impjieg.

4.1.2L-SMEs qed jinfirxu fl-Ewropa għad-detriment tal-intrapriżi tradizzjonali kbar. Xi drabi, intrapriżi tradizzjonali jgħibu fl-istess waqt li jibdew jiġu żviluppati proġetti ta’ intrapriżi ġodda. F’dawn l-intrapriżi, il-qofol tal-innovazzjoni huwa l-proċessi ta’ tranżizzjoni. F’dan il-proċess għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-ħaddiema biex huma jkunu jistgħu jibqgħu jżommu l-pass permezz ta’ skemi ta’ taħriġ vokazzjonali antiċipati u adattati.

4.2Prinċipji etiċi

4.2.1Bl-istess mod li l-Kummissjoni tipproponi l-prinċipji FRAND b’rabta mal-privattivi essenzjali għal standard, il-Kumitat jappoġġja l-applikazzjoni ta’ prinċipji u standards tal-imparzjalità mutatis mutandis għal oqsma l-oħrajn tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Madankollu, il-prinċipji FRAND strettament jimplikaw limitazzjoni legali tal-liġi dwar il-privattivi. Il-prinċipji ma jistgħux sempliċement jiġu adottati f’setturi oħra, iżda għandhom ikunu kkunsidrati u diskussi każ b’każ 8 .

4.2.2Bl-istess mod, il-prinċipju tas-“sors miftuħ” għandu jiġi implimentat mingħajr ma jippenalizza r-riċerka pubblika. L-istituzzjonijiet pubbliċi spiss jiffinanzjaw ir-riċerka xjentifika. Qabel jiġu ppubblikati fir-rivisti speċjalizzati, l-artikli tagħha, jkunu jridu jiġu evalwati mill-pari li jivvalutaw b’mod kritiku x-xogħol tar-riċerkaturi. Dawn ir-rivisti huma disponibbli fiċ-ċentri ta’ riċerka universitarja permezz ta’ netwerks diġitali dinjija bħall-“Web of Science”, li l-universitajiet iħallsu somom konsiderevoli biex ikollhom aċċess għalihom, mentri dan il-kontenut għandu jkun aċċessibbli bi prezz raġonevoli. L-universitajiet m’għandhomx jerġgħu jħallsu biex jipprovdu l-istudenti tagħhom bil-vantaġġ tal-aċċess għal testi ta’ riċerka preċedenti. Dan l-użu doppju tal-fondi pubbliċi ma jidhirx li huwa effettiv u ma jaqbilx mal-valuri tal-ġustizzja u tal-użu raġonevoli.

4.3Il-protezzjoni soċjali

4.3.185 % tal-invenzjonijiet huma ta' impjegati. Din hija kwistjoni importanti għall-Kummissjoni li qed tistabbilixxi sistema bbilanċjata ta’ infurzar tal-proprjetà intellettwali li tindirizza l-isfidi tas-soċjetà tal-lum 9 . Il-KESE jenfasizza li l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiem kreattiv tifforma wkoll parti minn dan il-bilanċ. Din tista’ ttejjeb ħafna l-istatus tal-artisti u l-istatus tar-riċerkaturi.

5.L-għodda għal aktar preservazzjoni u kontroll tal-interessi tal-partijiet ikkonċernati

5.1L-organizzazzjoni tal-partijiet ikkonċernati 10

5.1.1F’approċċ intersezzjonali, il-prattiki tajbin jistgħu jiġu trasferiti għal setturi oħrajn: l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-ġurnalisti, pereżempju, jistgħu jinnegozjaw it-trasferiment tad-dritt tal-awtur tagħhom, kif ukoll l-użu sussegwenti tat-testi tagħhom f’applikazzjonijiet (diġitali) oħrajn, mal-organizzazzjoni professjonali tal-edituri għal paga ġusta. Il-ġurnalisti jkunu jistgħu wkoll jikkonkludu ftehimiet fuq il-prinċipji tal-libertà tal-istampa, il-protezzjoni tal-informaturi, ir-regoli dwar il-kunfidenzjalità tad-data, id-drittijiet tal-awtur tal-qarrejja.

5.1.2Sabiex jiġi żviluppat qafas ekstralegali kredibbli, il-partijiet ikkonċernati kollha għandhom jikkonsultaw flimkien biex jiftiehmu dwar il-modi tat-trasferiment tad-DPI u jimplimentaw kodiċijiet ta’ kondotta u ftehimiet settorjali adatti u vijabbli, adattati għas-sitwazzjoni speċifika u relatati mal-partikolaritajiet tas-settur u tal-qasam tad-dritt inkwistjoni.

5.1.3Forum dwar id-DPI għall-konsultazzjoni u d-djalogu bejn il-partijiet ikkonċernati jista’ jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehimiet innegozjati. Il-konsultazzjoni Ewropea għandha tradizzjoni twila ta’ bilanċ bejn l-interessi nazzjonali u dawk Ewropej. Dan il-forum ta’ konsultazzjoni jista’ wkoll jaqdi rwol ta’ medjazzjoni, billi jorganizza lill-atturi li jirrappreżentaw l-awturi, ir-riċerkaturi, l-artisti, l-NGOs, l-imsieħba soċjali (junjins u impjegaturi), l-universitajiet, l-organizzazzjonijiet professjonali, l-intermedjarji u l-istituzzjonijiet pubbliċi sabiex jipparteċipaw fit-tħaddim tal-forum legali bil-kooperazzjoni tal-Kummissjoni u l-istituzzjonijiet Ewropej tal-EUIPO u tal-Osservatorju.

5.2L-organizzazzjoni u s-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi

5.2.1Is-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi wkoll tgħin fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni permezz ta' kampanji fil-midja li jtejbu l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà immaterjali, mingħajr ma fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur ma jinkiser id-dritt tagħhom għal “kopja privata”. Barra minn hekk, dawn il-kampanji għandhom jedukaw lill-konsumaturi dwar il-perikli għas-saħħa u s-sikurezza tagħhom meta jużaw ċerti prodotti foloz speċifiċi.

5.3It-titjib tal-effiċjenza tas-sistemi tal-infurzar ġudizzjarju

5.3.1Bil-għan li tittejjeb l-effiċjenza tas-sistemi tal-infurzar ġudizzjarju, il-Kumitat jappoġġja l-proposti tal-Kummissjoni 11 fis-sejħa tagħha lill-Istati Membri “biex jippubblikaw b’mod sistematiku d-deċiżjonijiet ġudizzjarji” u fis-sejħa tagħha wkoll li jingħata rwol importanti lill-EUIPO u lill-Osservatorju. Huwa f’idejn il-Kummissjoni li tiddeċiedi liema huwa l-aktar korp adatt biex jorganizza dibattitu bejn il-partijiet interessati fi ħdan il-“pjattaforma tad-DPI”, jekk dan jagħmel il-politika tad-DPI fl-Ewropa aktar koerenti u adattata għas-Suq Uniku. Il-KESE jqis ukoll li huwa rilevanti li tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li jiġu żviluppati għodod alternattivi ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (ADR) sabiex jiġi ssalvagwardjat il-prinċipju tal-imparzjalità.

5.3.2Mingħajr preġudizzju għall-protezzjoni penali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li l-Kummissjoni ma komplietx fil-livell tal-UE, F’dan il-kuntest, għandha tissaħħaħ il-ħidma ta’ koordinazzjoni bejn id-WIPO (l-Uffiċċju Dinji tal-Proprjetà Intellettwali) u l-EUIPO.

6.Valutazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

6.1Il-KESE jinnota li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward jikkonċernaw l-iżjed l-isfera legali.

6.2Mingħajr preġudizzju għall-kors tal-ġustizzja, ikun tajjeb li jinħoloq qafas ta’ medjazzjoni legali aktar b’saħħtu fost il-partijiet ikkonċernati biex jitfasslu proposti ta’ konċiljazzjoni. Din il-proċedura ta’ konċiljazzjoni tista’ tippermetti li jissolvew kunflitti fost il-partijiet differenti u jiġu evitati proċeduri ġuridiċi kkumplikati, għaljin u twal. Dan il-prinċipju diġà huwa fis-seħħ fis-Sistema Unitarja tal-Privattivi, li għandha Ċentru ta’ Arbitraġġ u Medjazzjoni. Il-KESE jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex tkompli teżamina din il-kwistjoni bil-kooperazzjoni tal-EUIPO, u jilqa’ b’sodisfazzjon u jappoġġja l-idea f’oqsma oħra tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

6.3Il-Kumitat jappoġġja l-istedina tal-Kummissjoni lill-atturi settorjali sabiex jieħdu l-miżuri ta’ diliġenza adatti sabiex jindirizzaw il-ksur tal-proprjetà intellettwali. Madankollu, ikun tajjeb li qabel kollox jiġu pprovduti strumenti istituzzjonali speċifiċi biex il-partijiet ikkonċernati kollha jkunu organizzati u jinġabru flimkien sabiex iniedu u, fejn diġà jeżisti, eż. fil-forma ta’ Memorandum ta’ Qbil, ikomplu djalogu u jagħtu d-DPI lid-detenturi leġittimi tagħhom. Jeħtieġ li jiġu mħeġġa u żviluppati iżjed il-ftehimiet volontarji li jlaqqgħu flimkien lid-detenturi tad-drittijiet, lill-pjattaformi tal-internet, lir-reklamar onlajn u lill-provvedituri tal-kunsinna u tas-servizzi finanzjarji.

Brussell, 14 ta’ Marzu 2018

Georges DASSIS

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

_____________

(1)       ĠU L 195, 2.6.2004, p. 16 (mhux disponibbli bil-Malti)
(2)      COM(2017) 707 final, paġna 3, punt 1): “il-miżuri li jippermettu li l-partijiet ikkonċernati fil-qasam tal-PI jibbenefikaw aktar faċilment minn sistema omoġenja, ġusta u effettiva ta’ infurzar ġudizzjarju fl-UE”.
(3)      COM(2017) 708 final, it-tieni sentenza tar-raba’ paragrafu tal-introduzzjoni: “Dan għaliex, peress li d-Direttiva tipprevedi armonizzazzjoni minima (jiġifieri l-Artikolu 2 jippermetti b’mod espliċitu li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi mezzi li jkunu aktar favorevoli għad-detenturi tad-drittijiet).”
(4)      COM(2017) 712 final, paġna 1, it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu.
(5)      COM(2017) 707 final, paġna 4, l-ewwel paragrafu: “(…) jiġi żgurat li d-detenturi tal-privattivi jiġu ppremjati għall-investimenti tagħhom fir-riċerka u fl-iżvilupp u għall-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni u b’hekk jiġu inċentivati joffru l-aħjar teknoloġiji tagħhom biex jiġu inklużi fl-istandards”.
(6)      L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), “Intellectual property rights intensive industries and economic performance in the EU” (Is-setturi intensivi fid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u r-riżultati ekonomiċi fl-UE), 2016.
(7)      Skont studju reċenti, 5 % tal-importazzjonijiet kollha fl-UE ġejjin mill-falsifikazzjoni jew mill-piraterija; dan il-kummerċ illegali għandu valur ta’ madwar EUR 85 biljun.
(8)      Ara l-punt 1.6.
(9)      COM(2017) 707 final.
(10)      Ara l-punt 3.8.1.
(11)      COM(2017) 707 final, p. 8.