Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
ECO/447
Reviżjoni tar-regoli prudenzjali għad-ditti tal-investiment
OPINJONI
Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti prudenzjali tad-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 575/2013 u (UE) Nru 600/2014 u (UE) Nru 1093/2010
[COM(2017) 790 final – 2017/0359 (COD)]
Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-superviżjoni prudenzjali tad-ditti tal-investiment u li temenda d-Direttivi 2013/36/UE u 2014/65/UE
[COM(2017) 791 final – 2017/0358 (COD)]
|
Amministratur
|
Krisztina PERLAKY-TÓTH
|
|
Data tad-dokument
|
03/04/2018
|
Relatur: Jarosław MULEWICZ
|
Konsultazzjoni
|
Parlament Ewropew: COM(2017) 790 final: 18/01/2018 u COM(2017) 791 final: 18/01/2018
Kunsill tal-Unjoni Ewropea: COM(2017) 790 final: 14/02/2018 u COM(2017) 791 final: 14/02/2018
|
|
Bażi legali
|
Artikoli 114 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
|
|
|
|
|
Sezzjoni kompetenti
|
Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali
|
|
Adottata fis-sezzjoni
|
26/03/2018
|
|
Adottata fil-plenarja
|
DD/MM/YYYY
|
|
Sessjoni plenarja Nru
|
…
|
|
Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)
|
…/…/…
|
1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa' l-proposti tal-Kummissjoni u jittama li dawn jikkontribwixxu b'mod effettiv għall-ilħuq tal-għanijiet stabbiliti mill-Kummissjoni.
1.1.1L-UE għandha bżonn ta’ swieq kapitali aktar b’saħħithom biex tippromovi l-investiment, biex tisfrutta s-sorsi ta’ finanzjament eżistenti, biex tiftaħ il-bibien għal sorsi ġodda ta’ finanzjament għall-kumpaniji, toffri lill-unitajiet domestiċi opportunitajiet aħjar ta’ finanzjament u ssaħħaħ l-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Il-Kummissjoni impenjat ruħha li ddaħħal fis-seħħ l-elementi kostitwenti kollha li fadal biex tlesti l-Unjoni tas-Swieq Kapitali sal-2019.
1.1.2It-tieni għan huwa relatat mal-Brexit u mal-ħtieġa għall-UE li tattira ditti tal-investiment. Minħabba d-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-UE, jeħtieġ li jiġi aġġornat il-qafas regolatorju tal-UE biex jagħmlu lill-UE attraenti għall-kumpaniji finanzjarji. Filwaqt li jaġixxi bħala ċentru importanti għas-swieq kapitali u għall-attivitajiet ta' investiment, ir-Renju Unit għandu l-akbar numru ta' ditti tal-investiment fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Kważi nofs dawn id-ditti huma bbażati hemmhekk, segwit mill-Ġermanja, minn Franza, min-Netherlands u minn Spanja. Ħafna mid-ditti tal-investiment fiż-ŻEE huma ta' daqs żgħir jew medju. Skont l-istimi tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), tmien ditti tal-investiment ibbażati fir-Renju Unit jikkontrollaw madwar 80 % tal-assi tad-ditti tal-investiment kollha fiż-ŻEE.
1.1.3It-tielet għan huwa relatat mal-ħolqien ta' qafas legali speċifiku għad-ditti tal-investiment. Il-qafas prudenzjali attwali jiffoka primarjament fuq l-istituzzjonijiet ta' kreditu u fuq ir-riskji involuti. Id-ditti tal-investiment ma jiħdux depożiti u lanqas jipprovdu self. Dan ifisser li huma ferm anqas skoperti għar-riskju ta' kreditu u għar-riskju li d-depożitanti dlonk jiġbdu flushom. Is-servizzi tagħhom jiffokaw fuq strumenti finanzjarji – li għall-kuntrarju tad-depożiti – ma jitħallsux b'parità iżda jvarjaw skont iċ-ċaqliq tas-suq. Madankollu, dawn jikkompetu mal-istituzzjonijiet ta' kreditu fil-forniment ta' servizzi ta' investiment, li l-istituzzjonijiet ta' kreditu jistgħu joffru lill-klijenti tagħhom permezz tal-liċenzja bankarja tagħhom. Għaldaqstant, l-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment huma żewġ istituzzjonijiet differenti mill-aspett kwalitattiv. Madankollu, id-ditti tal-investiment sistemiċi ma jaqgħux barra mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament u d-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital (CRR/CDR IV) u huma ttrattati bħala istituzzjonijiet finanzjarji. Dawk id-ditti, fid-dawl tal-fatt li se jsiru istituzzjonijiet ta' kreditu, għandhom għalhekk jibqgħu japplikaw ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u d-Direttiva 2013/36/UE, ikunu soġġetti għas-superviżjoni mill-awtoritajiet kompetenti inkarigati mill-istituzzjonijiet ta' kreditu, inkluż il-BĊE fil-qafas tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku.
1.1.4Ir-raba' għan tal-Kummissjoni huwa relatat mal-istabbiliment ta' qafas prudenzjali Ewropew uniformi u integrat għad-ditti tal-investiment. Minħabba l-profili tan-negozju differenti tad-ditti tal-investiment, jeżistu diversi eċċezzjonijiet legali skont il-pajjiż ta' stabbiliment tagħhom. Dan jirriżulta f'kumplessità regolatorja għal bosta kumpaniji, b'mod partikolari għal dawk li għandhom attivitajiet f'diversi pajjiżi. Dan iġib miegħu riskji addizzjonali. L-implimentazzjoni tal-qafas legali attwali mill-Istati Membri ġġib magħha frammentazzjoni tax-xenarju regolatorju għad-ditti tal-investiment, b'possibbiltà ta' arbitraġġ regolatorju dannuż. Dan jista' jhedded l-integrità u l-funzjonament tas-suq uniku. Ir-regoli prudenzjali għad-ditti tal-investiment proposti mill-Kummissjoni japplikaw għall-maġġoranza tad-ditti tal-investiment ta' daqs żgħir u medju fl-Istati Membri kollha tal-UE.
1.2Il-KESE jirrimarka li l-attivitajiet tad-ditti tal-investiment ibbażati fir-Renju Unit se jiġu ttrasferiti nolens volens fi Stat Membru fi ħdan l-unjoni bankarja jew fiż-żona tal-euro, b'mod partikolari fiċ-ċentri finanzjarji tal-pajjiżi taż-żona tal-euro bħall-Ġermanja, Franza, il-Lussemburgu, in-Netherlands u l-Irlanda. L-Istati Membri tal-UE‑, li mhumiex parti miż-żona tal-euro, mhumiex eliġibbli.
1.3Il-KESE jilqa' l-fatt li s-SMEs huma mistennija li jkunu fost il-benefiċjarji ewlenin tad-Direttiva u tar-Regolament. Qafas prudenzjali aktar proporzjonat u xieraq għalihom għandu jtejjeb il-kundizzjonijiet għat-twettiq tan-negozju, u għandhom jonqsu l-ostakli għad-dħul. Dan japplika b'mod partikolari għar-rekwiżiti kapitali u għall-piż amministrattiv. Il-KESE jirrimarka li dawn ir-regoli għandhom jagħtu spinta ġdida lill-kumpaniji innovattivi li jfittxu t-tkabbir diġitali. Dan jinkludi wkoll l-iffaċilitar tal-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament, li mhumiex banek jew ditti tal-investiment. Qafas prudenzjali aktar xieraq għandu jgħin ukoll biex jiġi lliberat kapital ristrett relatat ma' proċeduri regolatorji mhux produttivi u jippermetti lid-ditti tal-investiment żgħar joffru servizzi aħjar lill-klijenti tagħhom – inklużi SMEs oħra. Barra minn hekk, dan għandu jippermetti lid-ditti tal-investiment jaġixxu bħala intermedjarji fil-mobilizzazzjoni tal-investimenti ta' min ifaddal fl-UE kollha u b'hekk jiffaċilita l-aċċess tal-kumpaniji Ewropej għal sorsi ta' finanzjament alternattivi lil hinn mis-settur bankarju.
1.4Id-Direttiva proposta u r-Regolament propost dwar ir-rekwiżiti prudenzjali u s-superviżjoni tad-ditti tal-investiment jinkludu r-regoli u r-rekwiżiti meħtieġa fir-rigward tal-kapital inizjali u l-kapital eżistenti, tas-setgħat superviżorji, tar-rekwiżiti għall-pubblikazzjoni u tar-rimunerazzjoni. Dan inaqqas ir-riskji assoċjati mal-attivitajiet finanzjarji tad-ditti tal-investiment. Tibqa’ l-kwistjoni dwar f'liema punt ir-riskju mġarrab mid-ditti tal-investiment se jiġi ttrasferit għal fuq il-klijenti tagħhom – l-investituri u l-kumpaniji individwali. Jekk id-ditti tal-investiment iwettqu unikament attivitajiet intermedjarji għall-klijenti tagħhom u jillimitaw ruħhom għall-għoti ta' pariri dwar investimenti jew immaniġġjar ta' portafolji, ir-riskju assoċjat mal-istrumenti finanzjarji jiġġarrab primarjament mill-klijent.
1.5Għadu mhuwiex ċar jekk l-introduzzjoni unilaterali mill-Unjoni ta' qafas legali speċifiku għad-ditti tal-investiment ibbażati fl-UE mingħajr ma jitqiesu s-swieq bħal dawk tal-Istati Uniti, il-Ġappun, iċ-Ċina u l-Indja f'termini ta' globalizzazzjoni u l-kummerċ elettroniku hijiex se tirriżulta fit-tluq ta' investituri mill-Ewropa. Il-qafas legali kumpless ħafna tal-MiFID II u r-rekwiżit ta' reġistrazzjoni għall-prodotti finanzjarji wasslu biex 20 sa 50 % tal-prodotti ma baqgħux jiġu offruti. Għal din ir-raġuni, ir-regoli l-ġodda f'qafas legali speċifiku għad-ditti tal-investiment għandhom jiġu ssorveljati u modifikati b'mod flessibbli f'każ ta' reazzjoni negattiva mis-swieq finanzjarji. Il-KESE jaqbel li t-tranżazzjonijiet finanzjarji, li jammontaw sa 54 % tal-PDG globali, jirrappreżentaw riskju sinifikanti. Fl-istess waqt, dawn joffru wkoll opportunità kbira sabiex jiġi ffinanzjat l-iżvilupp. Jekk il-qafas legali ma jinbidilx b'mod flessibbli, id-ditti tal-investiment tar-Renju Unit se jittrasferixxu ruħhom fl-Istati Uniti u mhux fl-UE, minkejja l-intenzjonijiet tajba tagħhom.
2.Sfond
2.1Fl-UE jeżistu diversi tipi ta' ditti tal-investiment, li joffru servizzi differenti għal klijenti differenti. Skont l-informazzjoni tal-EBA, fit-tmiem tal-2015 kien hemm 6 051 ditta tal-investiment fiż-ŻEE. Fil-parti l-kbira tagħhom dawn huma SMEs. Skont l-EBA, madwar tmien ditti tal-investiment ibbażati fir-Renju Unit, jikkontrollaw madwar 80 % tal-assi tad-ditti tal-investiment kollha fiż-ŻEE. Fuq il-bażi tal-informazzjoni mill-EBA, madwar 40 % tad-ditti tal-investiment fiż-ŻEE huma permessi li jipprovdu unikament servizzi ta' pariri dwar investimenti. 80 % tad-ditti tal-investiment taż-ŻEE jillimitaw l-attivitajiet tagħhom għas-servizz ta' pariri dwar investimenti, għar-riċevuta u t-trażmissjoni ta' ordnijiet, għall-immaniġġjar ta' portafolji u għall-eżekuzzjoni tal-ordnijiet. Madwar 20 % minnhom huma awtorizzati li jinnegozjaw f'isimhom stess jew li jassumu l-ħruġ tat-titoli. Attwalment, dawn is-servizzi huma soġġetti għall-aktar rekwiżiti prudenzjali stretti.
2.2Filwaqt li jaġixxi bħala ċentru importanti għas-swieq kapitali u għall-attivitajiet ta’ investiment, ir-Renju Unit għandu l-akbar numru ta' ditti tal-investiment fiż-ŻEE, bi kważi nofshom ibbażati hemm, segwit mill-Ġermanja, minn Franza, min-Netherlands u minn Spanja. Ħafna mid-ditti tal-investiment fiż-ŻEE huma ta' daqs żgħir jew medju. Bħala regola, id-ditti tal-investiment sistematikament importanti huma, attwalment, is-sussidjarji ta' gruppi bankarji jew brokers/negozjanti bbażati fl-Istati Uniti, fl-Iżvizzera jew fil-Ġappun.
2.3S'issa, l-EBA identifikat 11-il kategorija ta' ditti tal-investiment, primarjament abbażi tas-servizzi tad-ditti tal-investiment, li huma permessi li joffru f'konformità mad-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji, u abbażi ta' jekk iżommux flus u titoli għall-klijenti tagħhom. Id-ditti tal-investiment, li joffru firxa wiesgħa ta' servizzi, huma soġġetti għall-istess rekwiżiti li japplikaw għall-istituzzjonijiet ta' kreditu f'dak li għandu x'jaqsam mar-rekwiżiti kapitali għall-kreditu, ir-riskju tas-suq u operattiv, il-likwidità potenzjali, u r-regoli dwar ir-rimunerazzjoni u l-governanza korporattiva. Madankollu, il-kumpaniji b'setgħat limitati (li ġeneralment huma meqjusa inqas riskjużi bħalma huma s-servizzi ta' pariri dwar investimenti u r-riċevuta u t-trażmissjoni ta' ordnijiet) huma eżentati mill-maġġoranza ta' dawn ir-rekwiżiti. L-EBA tipproponi klassifikazzjoni ġdida tad-ditti tal-investiment bi tliet kategoriji minflok bi ħdax. Ir-rakkomandazzjonijiet oriġinali jindikaw li d-ditti tal-investiment sistematikament importanti jiffurmaw parti mill-Klassi 1 u jibqgħu jkunu soġġetti għall-qafas tas-CRR/CRD IV. Klassi 2 tinkludi kumpaniji li jissodisfaw wieħed mill-kriterji li ġejjin: jinnegozjaw f'isimhom stess u jkunu soġġetti għal riskji tas-suq jew tal-kontroparti; iżommu u jamministraw l-assi tal-klijenti; iżommu l-flus tal-klijenti jew jaqbżu ċerti limiti (assi amministrati kemm permezz ta' mmaniġġjar ta' portafolji diskrezzjonali kif ukoll permezz ta' arranġamenti mhux diskrezzjonali ta' aktar minn EUR 1,2 biljun; ordnijiet tal-klijenti eżegwiti b'valur minimu ta' EUR 100 miljun kuljum għal negozji fi flus u/jew mill-inqas EUR 1 biljun kuljum għad-derivattivi; ikollhom assi li b'kollox jammontaw għal aktar minn EUR 100 miljun; jiġġeneraw rikavati gross totali li jaqbżu l-EUR 30 miljun). Dawn il-kumpaniji għandhom jikkalkulaw ir-rekwiżiti kapitali tagħhom abbażi tal-parametri tar-riskju ġodda (fatturi K). Klassi 3 tinkludi kumpaniji, li ma jwettqu l-ebda attività msemmija hawn fuq u li jinsabu taħt il-limiti msemmija. Dawn ma għandhomx għalfejn jissodisfaw ir-rekwiżiti kapitali skont il-fatturi K.
2.4Il-qafas regolatorju tal-UE għad-ditti tal-investiment huwa magħmul minn żewġ partijiet ewlenin: l-ewwel, id-Direttiva dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (MiFID), u minn Jannar 2018 mill-MiFID II/MiFIR, li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni kif ukoll r-regoli għall-organizzazzjoni u r-regoli korporattivi. It-tieni, l-istess bħall-istituzzjonijiet ta' kreditu, dawn huma soġġetti wkoll għall-qafas prudenzjali skont is-CRR/CRD IV, peress li dawn jistgħu jikkompetu ma' istituzzjonijiet ta' kreditu fil-prestazzjoni ta' dawn l-attivitajiet ta' investiment li jistgħu joffru lill-klijenti tagħhom permezz tal-liċenzja bankarja tagħhom. Madankollu, l-istituzzjonijiet ta' kreditu huma soġġetti għar-regoli ewlenin tal-MiFID, li skonthom jiġu allinjati r-rekwiżiti għall-forniment ta' servizzi ta' investiment għad-ditti tal-investiment u l-istituzzjonijiet ta' kreditu, kemm f'termini ta' protezzjoni tal-investituri u r-rekwiżiti dwar l-imġiba kummerċjali skont l-MiFID, kif ukoll fir-rigward tar-rekwiżiti prudenzjali ewlenin tas-CRR/CRD IV.
2.5Kif inhu previst fid-dispożizzjonijiet tas-CRR, ir-rieżami tal-qafas prudenzjali għad-ditti tal-investiment twettaq f’konsultazzjoni mal-EBA, mal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) u mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. B'segwitu ta' opinjoni mill-Kummissjoni f'Diċembru 2014, f'Diċembru 2015 l-EBA ppreżentat rapport dwar il-qafas prudenzjali attwali għad-ditti tal-investiment, li fih hija talbet bidla tal-approċċ attwali. Wara t-tieni sejħa mill-Kummissjoni għal opinjoni f’Ġunju 2016, f’Novembru 2016 l-EBA ppubblikat dokument ta' diskussjoni għall-konsultazzjoni li ffoka fuq reġim prudenzjali potenzjali ġdid għall-maġġoranza assoluta tad-ditti tal-investiment. Id-dokument dam 3 xhur miftuħ għal kummenti. Wara li kkunsidrat ir-rispons u d-data addizzjonali li kienet ġabret mingħand id-ditti tal-investiment flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, l-EBA ppreżentat ir-rakkomandazzjonijiet finali tagħha f’Settembru 2017 u stiednet lill-partijiet interessati biex jagħmlu l-kummenti tagħhom. Il-kalibrar preċiż tar-rakkomandazzjonijiet għal rekwiżiti kapitali ġodda ġie appoġġjat b'eżerċizzju dettaljat ta' ġbir ta' data li involva lid-ditti tal-investiment. Dan twettaq mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti f'isem l-EBA f'żewġ stadji fl-2016 u fl-2017.
2.6Ir-rapport tal-EBA jikkostitwixxi analiżi komprensiva u pubblikament disponibbli tal-istatus quo, b'data dwar in-numri u t-tipi ta' ditti tal-investiment fl-Istati Membri. Ir-rapport jipproponi wkoll reġim ġdid għall-maġġoranza tad-ditti tal-investiment billi jeliminahom għalkollox mill-qafas tas-CRR/tas-CRD IV u jħalli biss lid-ditti tal-investiment sistemiċi fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' din tal-aħħar, f'konformità mal-approċċ rivedut għall-identifikazzjoni tagħhom f'din il-proposta. Il-proposta hi konsistenti wkoll mal-MiFID u mal-MiFID II / mal-MiFIR. Billi tistabbilixxi rekwiżiti prudenzjali li huma mfassla għan-negozju u għar-riskji tad-ditti tal-investiment, din tiċċara meta u għaliex japplikaw dawn ir-rekwiżiti. B'hekk, f'ċerti każijiet din tegħleb l-applikazzjoni arbitrarja tar-rekwiżiti prudenzjali kkawżata mill-istabbiliment tar-rekwiżiti għas-servizzi ta' investiment tal-banek elenkati fl-MiFID minflok l-applikazzjoni tagħhom għall-attivitajiet tad-ditti tal-investiment.
2.7Ir-riżultati tar-rieżami tal-EBA ġew diskussi mal-Istati Membri fil-Kumitat tas-Servizzi Finanzjarji f'Marzu u f'Ottubru 2017 u fil-Grupp ta' Esperti tal-Kummissjoni dwar is-Settur Bankarju, il-Pagamenti u l-Assigurazzjoni f’Ġunju u f'Settembru 2017. Il-kummenti tal-partijiet ikkonċernati riċevuti dwar il-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni ppubblikata f'Marzu 2017 ġew ikkunsidrati wkoll. Finalment, il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll kummenti rċevuti preċedentement fis-sejħa miftuħa b'mod ġenerali għall-evidenza dwar l-effiċjenza, il-konformità, il-konsistenza u l-koerenza tal-qafas regolatorju ġenerali tal-UE għas-servizzi finanzjarji. Fid-dawl tal-konsultazzjoni pubblika dettaljata u tal-ġbir ta' data mwettaq mill-EBA, il-Kummissjoni qieset li ma kienx hemm bżonn li fl-istess ħin tagħmel konsultazzjoni pubblika ġenerali. Minflok, is-servizzi tal-Kummissjoni wettqu konsultazzjonijiet immirati mal-partijiet ikkonċernati. Dawn il-konsultazzjonijiet kienu jinkludu:
-round table mal-partijiet ikkonċernati tal-industrija (ditti tal-investiment, investituri, ditti legali u konsulenti) fis-27 ta' Jannar 2017 dwar abbozz tal-proposti tal-EBA għal reġim futur;
-sessjoni ta' ħidma dwar l-ispejjeż tar-reġim attwali fit-30 ta' Mejju 2017 u
-sessjoni ta' ħidma dwar l-abbozz tar-rakkomandazzjonijiet finali tal-EBA fis-17 ta' Lulju 2017.
2.8L-EBA tqis li r-reġim ġdid globali għad-ditti kollha ta' investiment mhux sistemiċi tal-UE se jwassal għal żieda ta' 10 % tar-rekwiżiti kapitali meta mqabbla mar-rekwiżiti attwali, u għal tnaqqis ta' 16 % meta mqabbla mar-rekwiżiti totali applikati bħala riżultat tas-supplimenti tal-Pilastru 1. Il-mod kif dawn l-impatti jitqassmu fost id-ditti ta' investiment jiddependi fuq id-daqs tagħhom, liema servizzi ta' investiment jipprovdu u kif se jkunu japplikaw għalihom ir-rekwiżiti ġodda ta' kapital tagħhom. Dwar il-fondi proprji disponibbli, l-EBA ssib li huma biss ftit id-ditti li ma jkollhomx biżżejjed kapital biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda. Dan jinvolvi biss numru żgħir ta' konsulenti finanzjarji, ta' ditti li jinnegozjaw u ta' ditti li joffru servizzi multipli. Madankollu, għad-ditti f'dan il-grupp li ż-żidiet tagħhom ikunu aktar mid-doppju tar-rekwiżiti attwali tagħhom, jista' jiġi awtorizzat limitu massimu għal numru ta' snin.
2.9It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jagħti lill-UE l-kompetenza li tistabbilixxi dispożizzjonijiet xierqa dwar l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern (l-Artikolu 114 tat-TFUE). Se jiġu adottati Direttivi sabiex jiġu ffaċilitati l-użu u t-twettiq ta' attivitajiet kummerċjali fi ħdan l-UE (l-Artikolu 53 tat-TFUE). Dan jestendi għal leġislazzjoni li tindirizza s-superviżjoni prudenzjali tal-fornituri ta' servizzi finanzjarji, f'dan il-każ ditti tal-investiment. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva proposta jieħdu post dawk fis-CRD IV, li wkoll huma bbażati fuq l-Artikolu 53 tat-TFUE, peress li huma relatati mad-ditti tal-investiment. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva li għalih tirreferi din il-proposta jieħdu post dawk fir-Regolament (UE) Nru 575/2013, li wkoll huma bbażati fuq l-Artikolu 114 tat-TFUE, peress li huma relatati mad-ditti tal-investiment.
2.10Ir-regolamenti ġodda mhux ser ikollhom impatt fuq il-baġit tal-UE.
3.Osservazzjonijiet u kummenti
3.1Il-KESE jilqa' l-fatt li l-proposta tistabbilixxi r-rekwiżiti għall-ħatra tal-awtoritajiet superviżorji prudenzjali, għall-kapital inizjali u l-kapital eżistenti tad-ditti tal-investiment, għal-likwidità, għar-riskju tal-konċentrazzjoni, għas-setgħat u għall-għodod superviżorji għas-superviżjoni prudenzjali tad-ditti tal-investiment mill-awtoritajiet kompetenti, kif ukoll id-doveri fir-rigward tar-rapportar u l-pubblikazzjoni, għar-rieżami u l-evalwazzjoni superviżorji, kif ukoll għall-governanza u r-rimunerazzjoni. Id-Direttiva tinkludi wkoll regoli dwar is-superviżjoni u l-kontrolli tad-ditti tal-investiment u twassal għal tnaqqis fit-tipi kollha ta' riskji, li jistgħu jinħolqu mill-attivitajiet kummerċjali ta' dawn id-ditti. Id-Direttiva tapplika għad-ditti tal-investiment kollha koperti mill-MiFID II li bdiet tapplika minn Jannar 2018.
3.2Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-proposta teħtieġ li l-Istati Membri jaħtru awtorità biex din teżerċita s-setgħat għas-superviżjoni prudenzjali skont din id-Direttiva. L-Istati Membri jistgħu jew jagħtu dawn is-setgħat lil awtorità eżistenti fil-forma tal-funzjoni u tas-setgħat mogħtija skont is-CRD IV jew inkella jvestuhom f’awtorità ġdida. L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħat li jirrieżaminaw u jevalwaw is-sitwazzjoni prudenzjali tad-ditti tal-investiment u, fejn ikun hemm bżonn, jeżerċitaw is-setgħat biex jitolbu tibdiliet f'oqsma bħall-governanza u l-kontrolli interni, il-proċessi u l-proċeduri ta' mmaniġġjar tar-riskju u, fejn ikun hemm bżonn, jistabbilixxu rekwiżiti addizzjonali, inklużi b’mod partikolari rekwiżiti kapitali u tal-likwidità.
3.3Skont il-fehma tal-KESE, huwa importanti li l-awtoritajiet kompetenti jikkooperaw mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti jew mal-korpi responsabbli fl-Istat Membru tagħhom għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tal-istituzzjonijiet finanzjarji. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti, bħala partijiet għas-Sistema Ewropea ta' Superviżjoni Finanzjarja (SESF), jikkooperaw ma' xulxin u, b'mod partikolari, jiżguraw iċ-ċirkolazzjoni ta' informazzjoni adatta u affidabbli bejniethom u bejn partijiet oħrajn għas-SESF. B'mod partikolari, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw l-iskambju ta' informazzjoni fl-oqsma li ġejjin: l-istruttura maniġerjali u tas-sjieda tad-ditta tal-investiment, il-konformità mar-rekwiżiti kapitali, ir-riskju tal-konċentrazzjoni u l-likwidità tad-ditta tal-investiment, il-proċeduri ta' amministrazzjoni u dawk kontabilistiċi u mekkaniżmi interni ta' kontroll tad-ditta u kwalunkwe fattur rilevanti ieħor li jista' jinfluwenza r-riskju maħluq mid-ditta tal-investiment. Il-KESE jemmen li b'hekk is-suq Ewropew għall-investimenti se jsir aktar trasparenti.
3.4L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jipprovdu lill-EBA, lill-ESMA, lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS), lill-banek ċentrali tal-Istati Membri, lis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) u lill-BĊE fil-kapaċità tagħhom bħala awtoritajiet monetarji u, fejn xieraq, awtoritajiet pubbliċi responsabbli mis-sorveljanza tas-sistemi ta' pagament u saldu, informazzjoni kunfidenzjali meta dik l-informazzjoni tkun neċessarja għat-twettiq tal-kompiti tagħhom. Fil-fehma tal-KESE, dan joħloq sistema ta' informazzjoni Ewropea dwar id-ditti tal-investiment, li teoretikament tagħmilha impossibbli għall-kumpaniji illeċiti biex iwettqu tranżazzjonijiet finanzjarji.
3.5Il-kapital inizjali meħtieġ ta' ditta tal-investiment, b'mod partikolari ta' SME, li ma żżomm l-ebda flus jew titolu tal-klijenti jiżdied ftit minn 50 000 EUR għal 75 000 EUR. Ir-rekwiżiti għall-kapital inizjali ta' ditta tal-investiment sistemikament importanti huma regolati mis-CRR/CRD IV. Il-KESE jtenni li l-proposta għal Direttiva dwar is-superviżjoni prudenzjali tad-ditti tal-investiment hija opportunità għall-SMEs – b'mod partikolari għal dawk li qed jikbru bl-għajnuna ta' mezzi diġitali.
3.6Data li tirrigwarda aktar minn 1 200 kumpanija tindika li 80 % tal-kumpaniji jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-likwidità proposti. Madwar 70 % tal-kumpaniji għandhom aktar mit-triplu tal-ammont meħtieġ. Għaldaqstant, il-KESE jemmen li r-regoli l-ġodda mhux se jwasslu biex il-maġġoranza vasta tad-ditti tal-investiment li jeżistu attwalment jisparixxu mis-suq.
3.7Il-politika ta' rimunerazzjoni fid-ditti tal-investiment trid tibqa' trasparenti u tkun marbuta mar-riskji u l-profitti li jagħmlu. Is-sistemi ta' rimunerazzjoni jridu jiġu kkontrollati u approvati mill-awtoritajiet superviżorji. L-Istati Membri jirrikjedu li d-ditti tal-investiment jiddivulgaw il-politika ta' rimunerazzjoni tagħhom u jiżguraw li d-ditti tal-investiment jipprovdu, fuq talba, informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward ta' kemm persuni fiżiċi jirċievu kumpens ta' EUR 1 miljun jew aktar għal kull sena finanzjarja. F'dawn il-każijiet, l-awtoritajiet għandhom jiġu pprovduti wkoll b'informazzjoni dwar ir-responsabbiltajiet tal-impjiegi, il-qasam tan-negozju involut u l-elementi ewlenin tas-salarju, il-bonus, l-għotja fuq terminu twil u l-kontribuzzjoni tal-pensjoni. Din l-informazzjoni se tintbagħat lill-EBA u se tiġi ppubblikata. Skont il-fehma tal-KESE, dan l-approċċ, li l-għan tiegħu huwa li jorbot is-salarji mar-riżultati ekonomiċi tad-ditti tal-investiment, huwa kompletament iġġustifikat.
3.8Il-KESE jilqa' l-fatt li l-fergħat ta' ditti tal-investiment barranin huma kkontrollati u huma obbligati jipprovdu informazzjoni fuq bażi annwali dwar id-ditta, it-tip ta' attivitajiet u l-post fejn jinsabu kwalunkwe sussidjarja u fergħa, il-fatturat, l-għadd ta' impjegati fuq bażi ekwivalenti għall-full time, il-profitt jew it-telf qabel it-taxxa, it-taxxa fuq il-profitt jew it-telf kif ukoll is-sussidji pubbliċi rċevuti.
3.9Il-KESE jappoġġja wkoll il-fatt li l-Artikolu 33 tal-proposta għal Direttiva jirrikjedi lill-awtoritajiet kompetenti jieħdu azzjoni xierqa meta r-rieżami u l-evalwazzjoni msemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 1 ikunu wrew li l-valur ekonomiku tal-ekwità ta' ditta tal-investiment jkun naqas b'aktar minn 15 % tal-kapital tal-Grad 1 tagħha. Dan japplika b'mod ġenerali anke għad-ditti tal-investiment li jżidu l-ekwità tagħhom.
4.Kummenti speċifiċi
4.1Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li permezz tal-estensjoni tal-MiFID għas-swieq tad-derivattivi kollha fl-2007, xi kumpaniji li jispeċjalizzaw fin-negozjar b'derivattivi ta' komoditajiet ġew kompletament esklużi mill-MiFID u mir-regoli prudenzjali. L-attivitajiet kummerċjali ta' bosta minn dawn il-kumpaniji, li għandhom x'jaqsmu ma' strumenti finanzjarji, għandhom it-tendenza li jfittxu li jiħħeġġjaw ir-riskji tal-kumpaniji prinċipali tagħhom fir-rigward tal-produzzjoni fiżika, tat-trasferiment, tal-ħażna jew tal-akkwist tal-kommoditajiet fiżiċi sottostanti. Skont l-industrija (pereżempju l-enerġija, l-agrikoltura), il-miżuri tal-iħħeġġjar jistgħu jkunu konsiderevoli u li, b'konsegwenza ta' dan, se jkollhom impatt kbir fuq ir-rekwiżiti kapitali taħt il-qafas legali attwali. Attwalment, dawn il-kumpaniji huma koperti mill-proposta għal Direttiva dwar is-superviżjoni prudenzjali tad-ditti tal-investiment.
4.2Fil-fehma tal-KESE, huwa importanti li permezz tal-proposta għal Direttiva u Regolament jinħolqu parametri tar-riskju ġodda (fatturi K), kif ukoll tinħoloq il-possibbiltà li jiġu introdotti u limitati b'mod gradwali rekwiżiti aktar stretti. Il-fatturi K ikopru riskji għall-klijenti ("risks-to-customer", RtC), u għad-ditti li jinnegozjaw f'isimhom stess u jeżegwixxu ordnijiet tal-klijenti għan-nom tagħhom stess, riskji għas-suq ("risks-to-market", RtM) u riskji għad-ditta ("risks-to‑firm", RtF).
4.3Fl-opinjonijiet tiegħu dwar "Emenda għar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital (CRR) biex jinkorpora modifiki għall-qafas ta’ Basel" (ECO/424) u "MiFID/MiFIR" (INT/790) kif ukoll f'opinjonijiet preċedenti dwar is-CRR/CDR IV, il-KESE dejjem kien favur regoli prudenzjali għas-swieq kapitali tal-UE.
Brussell, 26 ta' Marzu 2018
Joost VAN IERSEL
Il-President tas-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali
_____________