MT

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

INT/832

SME “aħseb l-ewwel fiż-żgħir”

OPINJONI

Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum


Il-promozzjoni tal-SMEs fl-Ewropa, b’attenzjoni speċjali lejn approċċ leġislattiv orizzontali lejn l-SMEs u r-rispett ta’ “aħseb l-ewwel fiż-żgħir” tas-Small Business Act
(Opinjoni esploratorja)

Amministratur

Jana VALANT

Data tad-dokument

04/01/2018

Relatur Milena ANGELOVA

Korelatur Panagiotis GKOFAS

Konsultazzjoni

Il-Presidenza Bulgara tal-Kunsill, 05/09/2017

Bażi legali

L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

18/12/2017

Adottata fil-plenarja

DD/MM/YYYY

Sessjoni plenarja Nru

...

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

…/…/…



1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1Il-KESE jisħaq li l-SMEs jirrikjedu attenzjoni speċjali 1 u jistieden lill-KE tagħmel l-SBA u l-prinċipji tiegħu legalment vinkolanti. Dan irid ikun akkumpanjat minn azzjonijiet konġunti fil-pront, imfassla bir-reqqa u kkoordinati mill-UE, l-Istati Membri – inkluż fil-livell reġjonali u lokali – u assoċjazzjonijiet tan-negozju, immirati lejn it-titjib tas-sitwazzjoni għall-SMEs f’termini reali. L-atturi kollha jeħtiġilhom li jieħdu l-impenn li jimplimentaw dak li qablu dwaru b’mod konġunt u jridu jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom fil-kuntest ta’ żvilupp soċjetali u progress ekonomiku.

1.2Huwa meħtieġ involviment aktar mill-qrib tal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-SMEs fis-Semestru Ewropew, inklużi rapportar u monitoraġġ konsistenti tal-implimentazzjoni u r-riżultati tal-ftehimiet ta’ sħubija tal-Istati Membri. Il-KESE jistieden lill-KE u lill-Kunsill jinkludu implimentazzjoni tas-SBA bħala eżerċizzju ta’ skrutinju permanenti fis-Semestru u l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-SMEs.

1.3Il-KESE jitlob politika Ewropea orizzontali dwar l-SMEs li tkun inklużiva, koerenti u effettiva li tqis ukoll il-ħtiġijiet tas-sottogruppi differenti kollha tal-SMEs, eż. kumpaniji li joħolqu l-valur, mikro, żgħar, tal-familja u tradizzjonali kif ukoll dawk li joperaw f’żoni remoti, il-ħaddiema għal rashom u l-artiġjanat, u jikkunsidra essenzjali li jkun hemm definizzjoni għal kull wieħed u waħda minnhom 2 . Il-libertà li jitwettaq negozju bbażat fuq forom ta’ demokrazija ekonomika inerenti fil-mudell soċjali u tas-suq tal-UE – kif irrikonoxxut fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – trid tiġi mħarsa b’mod effettiv u l-ispirtu, il-kultura u l-edukazzjoni intraprenditorjali jridu jitjiebu fl-Ewropa.

1.4Il-KESE jirrakkomanda li l-Presidenzi b’rotazzjoni, tal-Bulgarija, tal-Awstrija u tar-Rumanija, tal-Kunsill tal-UE jistabbilixxu u joperaw “Grupp Konsultattiv tal-SMEs” konġunt, interistituzzjonali u permanenti mal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-SMEs. Għandu jibda ħidmietu billi jsegwi u jirrapporta dwar il-pjani ta’ ħidma speċifiċi għall-2014-2020 fir-rigward ta’ politiki u programmi tal-SMEs orizzontali u transsettorjali.

1.5Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa biex jiġu implimentati malajr il-proposti speċifiċi stipulati f’dan id-dokument, u jitlob lill-KE, lill-PE u lill-Kunsill biex jieħdu pass f’waqthom għal dan il-għan.

2.Kuntest u s-sitwazzjoni attwali

2.1F’Settembru 2017 il-Presidenza Bulgara li jmiss tal-Kunsill tal-UE talbet opinjoni esploratorja dwar il-promozzjoni tal-SMEs fl-Ewropa b’fokus speċjali fuq approċċ leġislattiv orizzontali għall-SMEs u rispett għall-SBA u l-prinċipju ta’ “aħseb l-ewwel fiż-żgħir”. Il-KESE jilqa’ bi ħġaru din l-inizjattiva, peress li hija konformi mad-diversi talbiet fl-opinjonijiet tal-KESE biex l-SBA u l-prinċipji li dan jistabbilixxi jsiru legalment vinkolanti.

2.2F’Ġunju 2017 il-KE ppubblikat Pjan Direzzjonali 3 biex tibda konsultazzjonijiet dwar ir-rilevanza u l-ħtieġa li tiġi aġġornata d-definizzjoni ta’ SMEs. Ir-reazzjonijiet inizjali għalih urew li maġġoranza ta’ dawk li wieġbu – 18 min 22 – iqisu li d-definizzjoni hija skaduta u jitolbu li din tiġi aġġornata u aġġustata 4 .

2.3Fl-2011, il-KE ppubblikat Reviżjoni tas-Small Business Act għall-Ewropa 5 bil-għan li titħaffef l-implimentazzjoni tiegħu 6 , u nediet konsultazzjoni pubblika fl-2014 dwar kif is-Small Business Act għandu jiġi rivedut 7 , iżda hija ħasra li l-ebda azzjonijiet ta’ politika ulterjuri kienu meħuda sabiex dan jiġi segwit. Il-progress annwali tas-Small Business Act huwa eżaminat min-Netwerk tar-Rappreżentanti tal-SMEs, iżda huwa meħtieġ ħafna xogħol biex jiġi żgurat li din l-informazzjoni effettivament tasal għand l-SMEs u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom.

2.4Il-KESE jilqa’ l-isforzi ffokati tal-KE biex timplimenta l-prinċipju ta’ “aħseb l-ewwel fiż-żgħir”, u b’mod speċjali l-approċċ ta’ attenzjoni lejn l-interessi tal-SMEs, kif applikat fir-REFIT u l-Inizjattiva favur in-Negozji l-ġodda u n-Negozji li qed jespandu 8 .

3.Kummenti ġenerali

3.1Il-KESE jiddispjaċih li l-progress fl-applikazzjoni reali tal-prinċipju ta’ “aħseb l-ewwel fiż-żgħir” jibqa’ frammentat u ’l bogħod milli jitlesta. Dan id-dewmien fl-implimentazzjoni huwa perikoluż ħafna minħabba li l-SMEs bħalissa qegħdin jaffaċċjaw aktar sfidi minn qatt qabel – kompetizzjoni ħarxa, nuqqas ta’ forza tax-xogħol tas-sengħa, forom ġodda ta’ xogħol u ta’ konsum, fluss ta’ informazzjoni dejjem aktar kumpless u intens, riżorsi limitati għall-innovazzjoni, tnaqqis kostanti fil-grad tar-rwol tal-imprenditur, swieq finanzjarji volatili, aċċess ikkomplikat għall-finanzjament u dipendenza għolja fuq ambjent estern, setgħa limitata ta’ negozjar 9 . Is-sitwazzjoni tal-SMEs hija aggravata aktar minn proċess kumpless iżżejjed ta’ standardizzazzjoni teknika, regoli ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u tad-data ġenerali, abbużi tas-suq minn atturi globali, u parteċipazzjoni mxekkla fil-kuntratti pubbliċi tal-UE/nazzjonali u fil-katina ta’ valur mondjali. Jenħtieġ li jiġu ddisinjati soluzzjonijiet aktar effiċjenti, b’mod speċjali meta l-SMEs jiġu affettwati b’mod negattiv minn problemi strutturali u fallimenti tas-suq.

3.2Id-diġitalizzazzjoni u l-iżviluppi teknoloġiċi li din tinvolvi, inkluż il-kummerċ elettroniku, ma jippreżentawx biss opportunitajiet prezzjużi għall-SMEs iżda joħolqu wkoll sfidi importanti, li jħeġġuhom jibdlu l-kultura, l-attivitajiet u l-mudelli ta’ negozju tagħhom. Ikun mixtieq ħafna li s-setturi ekonomiċi u r-reġjuni li huma l-aktar kritiċi għall-SMEs jiġu involuti aktar mill-qrib fl-Industrija 4.0.

4.Tfassil aħjar tal-politika u implimentazzjoni aktar effettiva

4.1Il-KESE ma jarax id-definizzjoni tal-SMEs bħala t-tweġiba għall-problemi kollha tal-SMEs, iżda bħala strument li jipprevedi aċċess aħjar għall-miżuri ta’ sostenn. Kwalunkwe reviżjoni tad-definizzjoni jenħtieġ li tkun ibbażata fuq evalwazzjoni tal-effetti tal-bidliet proposti dwar il-politiki u l-programmi tal-UE dwar l-SMEs u b’mod speċjali fuq il-kontribuzzjoni tagħhom għat-tkabbir u l-ħolqien tax-xogħol. L-aġġornament irid iqis ukoll ir-rakkomandazzjoni ewlenija bbażata fuq ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet u d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE 10 . Il-KESE jitlob li jsir aktar xogħol biex tiġi esplorata l-possibilità li r-reviżjoni tinkludi mill-anqas 11 : flessibbiltà għall-SMEs biex jagħżlu liema tnejn mit-tliet kriterji tal-Artikolu 2 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni 12 se jissodisfaw, minflok ma jiġi impost il-“kriterju tan-numru ta’ impjegati” 13 bħala l-uniku kriterju prinċipali; miżuri biex jiġu aġġornati, kull meta meħtieġ, il-limiti stabbiliti tal-Artikolu 2, inkluż billi jiġu allinjati mal-aktar approċċ aġġornat kif stabbilit fid-Direttiva 2013/34/UE 14 u r-rieżami u r-reviżjoni tar-regoli restrittivi fl-Artikolu 3 15 . Jekk id-definizzjoni tal-SMEs tiġi riveduta, il-Kummissjoni trid tagħmel dan f’kooperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tal-SMEs fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali.

4.2Jenħtieġ li jiġi applikat approċċ aktar dettaljat u differenzjat għat-tfassil ta’ miżuri ta’ appoġġ għall-SMEs, b’kunsiderazzjoni tal-eteroġeneità u d-diversità tal-SMEs u l-fallimenti tas-suq differenti li jaffaċċjaw. Jenħtieġ li jiġu esplorati l-ħtiġijiet speċifiċi tas-sottogruppi differenti 16 li għandhom il-potenzjal li jżidu valur għall-proċess ta’ żvilupp ekonomiku 17 , bid-diversi forom u mudelli legali differenti ta’ operazzjoni 18 , sabiex jiġi ddisinjat u ppreżentat b’mod effettiv portafoll adegwat ta’ miżuri ta’ politika biex jiġi promoss it-tkabbir tagħhom, inkluż billi tingħata definizzjoni għal kull wieħed u waħda minnhom 19 . Jenħtieġ li tintuża kummerċjalizzazzjoni effettiva u jenħtieġ li jiġu mmonitorjati u vvalutati studji oġġettivi inklużi analiżijiet kwantitattivi tal-miżuri ta’ promozzjoni u ta’ sostenn fl-Istati Membri skont is-Semestru tal-UE fil-livell tal-UE kull sena.

5.Finanzjament tal-SMEs

5.1Il-maġġoranza tal-SMEs huma intrapriżi żgħar ħafna jew mikro, li jiġbru l-ħaddiema għal rashom u l-professjonijiet liberi. Dawn il-gruppi għandhom ħtiġijiet speċifiċi ħafna f’termini ta’ finanzjament – ammonti relattivament baxxi, l-ebda kollateral, u abbiltà limitata ħafna biex ikampaw b’formalitajiet amministrattivi. Filwaqt li japprezza l-potenzjal konsiderevoli tagħhom biex joħolqu impjiegi sostenibbli, b’mod speċjali fi bliet relattivament żgħar u remoti, il-KESE jistieden lill-KE tagħmel enfasi akbar fuq id-disinn ta’ strumenti sempliċi, b’aċċess faċli biex tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tagħhom.

5.2Dejn

5.2.1Peress li l-Karta tal-SMEs u l-SBA huma inklużi fost il-prijoritajiet reċenti tal-Unjoni Bankarja tal-UE, il-KESE jitlob approċċ aktar komprensiv, fil-fond u konsistenti biex jitkejjel kif il-prinċipju ta’ “aħseb l-ewwel fiż-żgħir” ġie jew jista’ jiġi applikat għall-politiki bankarji tal-UE u leġislazzjoni bankarja u finanzjarja nazzjonali differenti fl-Istati Membri. Il-KESE jistieden lill-Awtorità Bankarja Ewropea tinkludi rappreżentanza tal-KESE fil-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati kif ukoll f’fora tekniċi rilevanti oħra.

5.2.2Il-KESE jitlob il-ħolqien u l-iżvilupp ta’ netwerk ta’ “ombudsman tal-kreditu” mill-Istati Membri taħt il-koordinazzjoni tal-UE, sabiex jiffaċilita u jibbilanċja aktar id-djalogu bejn l-SMEs u l-istituzzjonijiet tal-kreditu.

5.2.3Sabiex jonqos id-distakk fl-informazzjoni bejn il-banek u l-SMEs u jitjieb l-għarfien finanzjarju tagħhom, il-KESE jissuġġerixxi li d-data kwalitattiva tintalab u tiġi analizzata sabiex jinsilet tagħlim dwar kif l-istrumenti finanzjarji jintużaw mill-banek intermedjarji biex jilħqu lill-SMEs li l-aktar jeħtieġu riżorsi finanzjarji 20 u x’inhuma r-raġunijiet għaliex ma jingħatawx kreditu, f’konformità mal-prinċipji tal-feedback mill-banek 21 .

5.2.4Il-KESE jinsab tassew imħasseb bir-rapporti ta’ banek qegħdin ifallu li qed iġaiegħlu jfallu lil xi intrapriżi żgħar minħabba sempliċi problemi ta’ fluss tal-flus u jistieden lill-KE tieħu miżuri fil-pront biex tipprevjeni tali avvenimenti fil-futur. Karta tal-kreditu ta’ kumpanija li żżomm rendikont tal-kreditu u tippermetti żieda fil-limitu ta’ kreditu abbażi ta’ rekord prudenti 22 tista’ tkun soluzzjoni waħda.

5.2.5Il-pjattaformi innovattivi għal self bejn il-pari għandhom potenzjal kbir bħala sors alternattiv ta’ finanzjament għall-SMEs, li jagħmlu possibbli forom mhux bankarji ta’ medjazzjoni finanzjarja. Madankollu, il-potenzjal għoli ta’ dawn il-forom ġodda ta’ self għadu mxekkel minn oqsma mhux ċari ta’ liġi u regolazzjoni. Il-KESE jitlob sforz internazzjonali minn dawk li jfasslu l-politika, ir-regolaturi u l-partijiet ikkonċernati biex jiċċaraw ir-regoli li jirregolaw intermedjarji finanzjarji ewlenin f’dan il-qasam, mingħajr ma jiġi ġġenerat piż regolatorju kbir.

5.2.6Il-prattiki tajba tal-Istati Membri għal aċċess faċli u affordabbli tal-SMEs għal finanzjament jenħtieġ li jiġi studjat u mxerred, u r-replika tagħhom jenħtieġ li tiġi inċentivata.

5.2.7L-SMEs fl-Ewropa ftit li xejn għandhom aċċess jew ma għandhom l-ebda aċċess għas-suq tal-bonds maħruġa minn kumpanija, minħabba nuqqas ta’ likwidità, spejjeż għolja ta’ ħruġ u rekwiżiti għolja ta’ informazzjoni. Il-KESE jemmen li rekwiżiti ta’ elenkar u ta’ divulgazzjoni proporzjonati għall-SMEs, l-adozzjoni ta’ inċentivi speċifiċi u l-ħolqien ta’ swieq tal-kapital speċjalizzati tal-SMEs fil-livell tal-Istati Membri se jgħinu biex jingħelbu dawn l-ostakli.

5.3Fondi tal-UE

5.3.1Ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat iridu jiġi ssemplifikati u aġġornati, biex titneħħa kull inċertezza għall-SMEs, b’mod speċjali dawk relatati mal-konnessjoni tal-persuni fiżiċi, is-sjieda mill-Istat u muniċipali, l-istrutturi ta' parteċipazzjoni u limitazzjonijiet oħrajn li huma diffiċli ħafna biex jiġu intraċċati. Il-KESE jappoġġja l-konklużjonijiet tar-Regolamentazzjoni żejda fl-istudju tal-FSIE ppubblikat fl-2017 mid-DĠ għall-Politiki Interni tal-PE, b’mod partikolari l-ħtieġa għal aktar semplifikazzjoni tar-regoli, kif ukoll li jkunu aktar konformi mal-kundizzjonijiet fuq il-post u jiġu applikati b’mod aktar flessibbli, peress li l-kumplessità tagħhom iżżid il-piż amministrattiv, ir-riskji ta’ duplikazzjoni tar-rekwiżiti u l-preferenza għal konformità mar-regoli minflok il-prestazzjoni tal-proġetti implimentati 23 .

5.3.2Meta jitfasslu miżuri ta’ sostenn u programmi fil-livell tal-UE, dawn jenħtieġ li jinkludu kriterji li se jiggarantixxu bilanċ ġeografiku raġonevoli.

5.3.3Il-KESE jħeġġeġ lill-KE biex iżżomm u tiżviluppa aktar il-programm COSME, bħala strument ta’ appoġġ importanti tal-SMEs 24 .

5.3.4Il-KESE jiddispjaċih li d-data hija skarsa ħafna dwar l-impatt ċar ta’ riżorsi ddedikati għall-miżuri ta’ politika dwar l-SMEs skont il-QFP 2014-2020. Il-Kumitat jistieden lill-KE tindirizza dan minnufih u, meta tivvaluta l-effett tagħhom, tirrapporta dwar u timmonitorja kemm il-kriterji kwalitattivi kif ukoll dawk kwantitattivi.

5.3.5Il-KESE jistieden lill-KE u lill-Istati Membri jimplimentaw il-Prinċipju tas-Sħubija 25 b’mod aktar effettiv meta jistabbilixxu l-qafas għall-QFP li jmiss. Minkejja li l-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet hija vinkolanti, fil-prattika hemm ħafna impedimenti li jwaqqfuhom milli jkollhom impatt reali fuq id-deċiżjonijiet.

5.3.6B’mod ġenerali l-appoġġ għall-SMEs kien immirat lejn iż-żieda fir-riċerka u l-innovazzjoni u lejn in-negozji ġodda. Mingħajr ma jqiegħed dubju fuq l-importanza ta’ dawn il-politiki, il-KESE jrid jenfasizza li frazzjoni limitata ħafna tal-SMEs kollha se tibbenefika minnhom u għalhekk jitlob strumenti ta’ sostenn aktar diversifikati, li jimmiraw it-tipi kollha ta’ intrapriżi u li jkopru l-fażijiet kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom.

5.4Ekwità

5.4.1L-iżvilupp tas-CMU – espansjoni tal-fondi ta’ riskju, swieq tal-ekwità privati – inklużi swieq informali, investituri informali u finanzjament kollettiv, tejjeb l-aċċess għall-kapital ta’ riskju għal kategoriji partikolari ta’ SMEs. Madankollu, huwa improbabbli li porzjon kbira ħafna ta’ SMEs tkun tista’ tibbenefika wisq minnhom. Anke għall-kumpaniji innovattivi, in-negozji ġodda u l-kumpaniji ta’ daqs medju, l-istrumenti l-ġodda mhumiex faċli biex jintużaw u għad hemm differenzi konsiderevoli bejn il-pajjiżi minħabba l-livell ta’ żvilupp tas-swieq kapitali lokali u n-nuqqas ta’ leġislazzjoni xierqa.

5.4.2Il-KESE jistieden lill-KE tipprovdi aktar informazzjoni u mentoraġġ għall-SMEs sabiex jitwessa’ l-ambitu tal-viżjoni strateġika tagħhom u titjieb il-kapaċità tagħhom li jużaw finanzjament tal-ekwità. Peress li b’mod tradizzjonali l-SMEs kienu jiddependu l-aktar minn finanzjament tad-dejn, l-għarfien u l-fehim tagħhom ta’ strumenti alternattivi huwa limitat u l-attitudnijiet ta' mġieba tagħhom huma eżitanti fir-rigward tal-finanzjament tal-ekwità. Filwaqt li jagħraf l-isforzi reċenti tal-KE biex iżżid l-għarfien dwar strumenti finanzjarji individwali, il-KESE jenfasizza li dan mhux biżżejjed u jitlob li l-organizzazzjonijiet tan-negozju jiġu appoġġjati u jingħataw inċentivi biex jiżviluppaw approċċ strateġiku fit-tul tal-SMEs għall-finanzjament tan-negozju. Peress li jinsabu f’kuntatt ta’ kuljum mal-SMEs, dawn jistgħu jgħinuhom iżidu l-fehim tagħhom ta’ kif strumenti differenti jistgħu jaqdu l-ħtiġijiet ta’ finanzjament differenti tal-SMEs fi stadji speċifiċi taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom.

6.Huma meħtieġa azzjonijiet ibbażati fuq l-evidenza u li huma prattiċi biex jappoġġjaw l-SMEs

6.1Minkejja l-utilità potenzjali tiegħu 26 , sfortunatament in-netwerk tar-rappreżentanti tal-SMEs naqas milli jagħti prova tal-valur miżjud reali tiegħu f'għadd ta’ pajjiżi u huwa diffiċli ħafna li jiġi intraċċat ir-riżultat tal-ħidma tiegħu. Sabiex l-idea eċċellenti ta’ tali netwerk tkun tista’ terġa’ tingħata l-ħajja, dan jeħtieġ li jingħata rwol aktar importanti, inkluż kuntatt aktar mill-qrib u immedjat mal-organizzazzjonijiet nazzjonali u lokali tal-SMEs, u l-iskambju ta’ prattiki tajba u rapporti. Il-KESE jirrakkomanda li n-netwerk joħloq u jagħmel disponibbli pjattaforma għal skambju ta’ prattiki tajba sabiex jipproduċi, flimkien mal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-SMEs tal-UE/nazzjonali, rapport annwali dwar kemm qed jiġi inforzat b’mod effettiv “il-prinċipju ta’ aħseb l-ewwel fiż-żgħir”. Jirrakkomanda wkoll li r-rappreżentant nazzjonali tal-SMEs jiġi sorveljat u segwit minn persuna maħtura mill-organizzazzjonijiet tal-SMEs.

6.2Il-KESE jqis li jkun ta’ għajnuna għar-rappreżentanti jekk jipparteċipaw fir-Reviżjoni tal-Prestazzjoni tal-SMEs u li jkollhom linji gwida ġenerali mill-KE għal kooperazzjoni aktar sistematika u strutturata mal-organizzazzjonijiet tal-SMEs.

6.3L-Assemblea tal-SMEs hija promossa bħala “l-assemblea ġenerali tal-SMEs” u l-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-idea ta’ forum fejn l-SMEs jistgħu jiltaqgħu, jidentifikaw kwistjonijiet urġenti u jfittxu soluzzjonijiet. Sabiex l-Assemblea tal-SMEs titla’ għal livell aktar effettiv u ssaħħaħ ir-rwol tagħha bħala pjattaforma ta’ diskussjoni u teħid ta’ deċiżjonijiet, il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li:

-l-organizzazzjonijiet tal-SMEs jiġu involuti aktar mill-qrib fil-preparazzjoni annwali u s-segwitu tal-Assemblea, u jkollhom rwol konsultattiv reali;

-il-laqgħat tal-Assemblea jipprovdu materjal aktar analitiku b’fatti importanti, tendenzi, aspettazzjonijiet ippreżentati minn riċerkaturi newtrali – primarjament istituzzjonijiet akkademiċi;

-l-eżempji tajba u l-analiżijiet komparattivi b'suċċess ta’ fora ta’ skala simili jiġu implimentati fil-pront 27 ;

-tiġi adottata proċedura trasparenti u inklużiva għal sejħiet għal parteċipazzjoni, li tiggarantixxi taħlita xierqa ta’ intraprendituri, organizzazzjonijiet tal-SMEs, intermedjarji, istituzzjonijiet akkademiċi u ta’ riċerka u dawk li jfasslu l-politika mill-Istati Membri kollha 28 ;

-jinkisbu riżultati tanġibbli bbażati fuq id-diskussjonijiet u l-ħidma tal-Assemblea – eż. punti ewlenin mid-diskussjoni, listi ta’ x’għandu jsir, eċċ. Kull sena jenħtieġ li jiġi prodott u jsir disponibbli rapport dwar kif ġew implimentati d-deċiżjonijiet tas-sena preċedenti;

-tiġi inkluża konsultazzjoni mal-SMEs u r-rappreżentanti tagħhom meta jiġu deċiżi l-programm u l-ambitu tal-kwistjonijiet li għandhom jiġu diskussi matul l-Assemblea.

6.4Peress li huwa tassew konvint li r-rappreżentanza żżid l-effettività tal-politiki u l-miżuri fil-livell tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali u tista’ tipprovdi impetu addizzjonali għad-djalogu soċjali fil-livell settorjali, il-KESE jitlob rappreżentazzjoni aħjar tal-SMEs b’investimenti f’azzjonijiet konġunti minn organizzazzjonijiet b’saħħithom u rappreżentattivi tal-SMEs u l-iskambju ta’ esperjenzi u prattiki tajba.

6.5Xi portals tal-web ta’ informazzjoni tal-KE li huma importanti għall-SMEs, mhumiex tradotti fil-lingwi kollha tal-UE, u dan iqiegħed lill-SMEs fi żvantaġġ. L-istess japplika għal ħafna mill-konsultazzjonijiet pubbliċi.

6.6Il-KESE huma mħasseb li wisq studji u stħarriġiet tal-KE jiġu esternalizzati lil konsulenti privati, li ma għandhomx għarfien profond tal-politiki dwar l-SMEs u l-effetti tagħhom peress li dawn ma jkunux f’kuntatt ta’ kuljum mal-SMEs u ma jirrappreżentawhomx. Korpi xjentifiċi indipendenti u sħubijiet pubbliċi/privati f’kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-SMEs huma meħtieġa b’mod urġenti biex jagħtu valur miżjud reali għall-SMEs fil-livell tal-UE.

7.Piż amministrattiv u regolatorju

7.1Il-piż regolatorju Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali jibqa’ ostaklu ewlieni għall-SMEs peress li dawn għandhom it-tendenza li ma jkunux mgħammra tajjeb biex jindirizzaw il-problemi li jirriżultaw mir-regolamentazzjoni eċċessiva. Il-KESE jinsisti li l-proċeduri ta’ konformità ma jenħtieġx li jkunu għalja jew jieħdu fit-tul aktar minn dak neċessarju. Il-prinċipju ta’ kunsens silenzjuż jeħtieġ li jiġi promoss fit-tfassil ta’ leġislazzjonijiet fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali. L-Istati Membri jeħtieġ li jiġu mħeġġa jżommu t-taxxi amministrattivi għal livell li ma jaqbiżx l-ispejjeż amministrattivi.

7.2Il-prinċipju ta’ “darba biss” u t-test tal-SMEs jenħtieġ li jiġu applikati b’mod iktar bir-reqqa u sistematiku mis-servizzi rilevanti tal-KE 29 u jsiru legalment vinkolanti, minħabba li bħalissa l-applikazzjoni tagħhom fil-prattika hija limitata ħafna peress li titħalla għar-rieda tajba tal-Istati Membri. Dan l-isforz irid ikopri kemm il-leġislazzjoni kif ukoll il-proċeduri amministrattivi li jaffettwaw lill-SMEs (inkluż bl-introduzzjoni ta’ interlokutur wieħed u obbligi ta’ rapportar imnaqqsa 30 ).

7.3Il-KESE jistieden lill-KE tanalizza l-impenji tagħha biex tivvaluta partijiet differenti tal-leġislazzjoni u r-regolamenti, li huma pendenti jew imdewma, u tipproċedi fil-pront b’dawk li huma relatati mal-SMEs. Il-Kumitat jappella lill-KE biex tikkonsolida u ssaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tad-direttorat speċjali għall-SMEs.

7.4Il-KE jeħtiġilha tiżgura li l-valutazzjoni tal-impatt u l-programm REFIT jagħtu, meta applikabbli, attenzjoni speċjali lill-ħtiġijiet tal-SMEs. Dan irid jiġi rifless ukoll mill-Istati Membri. L-intenzjoni ddikjarata mill-KE fir-reviżjoni tal-SBA li “tesplora [...] il-possibbiltà li tistabbilixxi miri biex tnaqqas l-‘esaġerazzjoni’ mill-Istati Membri” trid tiġi implimentata fil-prattika 31 , inkluż bit-tħeġġiġ lill-Istati Membri biex jagħtu responsabbiltà għall-monitoraġġ lil korp ċentrali partikolari. Dan jista’ jieħu l-forma ta’ servizz ta’ twissija bikrija, li jimmonitorja l-koerenza tat-traspożizzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, sabiex jiġu evitati leġislazzjoni b’regolamentazzjoni żejda jew piż amministrattiv mhux neċessarju. Il-KESE jissuġġerixxi wkoll li jenħtieġ li jkun obbligatorju għall-aġendi tar-rappreżentanti tal-SMEs li jinkludu kwistjonijiet li jkunu fl-aġenda regolatorja tal-KE.

7.5Il-KESE jistieden lil dawk li jfasslu l-politika Ewropea u nazzjonali biex jiżguraw li jkun hemm skrutinju sistematiku ta’ regolamenti ġodda u l-implimentazzjoni tagħhom mir-rappreżentanti ta’ assoċjazzjoni ta’ intrapriżi tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali, u biex jinxterdu b’mod usa’ l-aħjar prattiki ta’ xi Stati Membri bbażati fuq approċċ ta’ “wieħed-ġewwa-wieħed-barra” – fejn possibbli, regolament ġdid b’impatt fuq l-SMEs jenħtieġ li jiġi adottat biss jekk jitħassar regolament antik.

7.6Peress li japprezza l-importanza kruċjali tat-trasferimenti tan-negozju għall-SMEs u b’mod speċjali n-negozji tal-familja, il-KESE jitlob miżuri fil-pront biex dawn jiġu ffaċilitati u ssemplifikati bi spiża raġonevoli.

7.7Il-kultura ta’ teħid ta’ riskju trid tiġi promossa b’mod usa’, inkluż bil-ħolqien ta’ qafas leġislattiv tat-tieni opportunità aktar favorevoli. Proġetti bħal PRE-SOLVE u Twissija Bikrija Ewropa għandhom ikomplu jiġu żviluppati u replikati biex ikopru l-Istati Membri kollha.

8.Riżorsi umani

8.1Filwaqt li ħafna mill-impjiegi l-ġodda fl-UE jinħolqu mill-SMEs, reċentement dawn iffaċċjaw problemi serji fl-aċċess għal forza tax-xogħol tas-sengħa, b’mod speċjali ħaddiema mgħammra minn ħiliet relatati mal-ekonomija diġitali, li huwa riżultat, fost affarijiet oħra, tal-istampa demografika li qiegħda tiddeterjora f’ħafna reġjuni f’termini ta’ xejriet tal-popolazzjoni u tat-tixjiħ.

8.2Anke f’reġjuni fejn il-popolazzjoni qiegħda tikber, huwa diffiċli għall-SMEs li jirreklutaw u jżommu forza tax-xogħol b’ħiliet għolja u jikkonformaw mar-rekwiżiti regolatorji u burokratiċi li qed jiżdiedu tal-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol. L-SMEs jeħtieġu assistenza biex jidentifikaw, jattiraw u jħarrġu riżorsi umani. Huma meħtieġa riżorsi biex jappoġġjaw lill-SMEs fir-rigward tat-taħriġ dwar is-saħħa u s-sikurezza u s-servizzi ta’ kura tas-saħħa għall-ħaddiema – pereżempju billi jiġu offruti tali servizzi lil raggruppament jew grupp ta’ SMEs, sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż u jiġu limitati l-formalitajiet tekniċi.

8.3Il-KESE jistieden lill-KE tiżviluppa miżuri ta’ sostenn li jipprovdu programmi ta’ taħriġ barra l-istaġun u mfassla apposta biex tkun kwalifikata l-forza tax-xogħol tagħhom u tħeġġeġ lill-Istati Membri joħolqu sistemi biex joffru tali programmi fuq bażi regolari, peress li l-kumpaniji l-kbar ibatu minn proporzjonijiet għolja ta’ tluq. Dawn il-miżuri se jgħinu lill-SMEs jegħlbu n-nuqqasijiet tas-suq tax-xogħol li jxekklu l-prospetti tagħhom.

8.4Il-KESE jenfasizza b’mod partikolari l-ħtieġa li jiżdied in-numru ta’ apprendistati, kif ukoll li jinħolqu programmi speċjali ta’ ggwidar u tutelaġġ, sabiex jittaffew il-problemi ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ. Dan irid isir bl-anqas piż amministrattiv possibbli għall-SMEs.

8.5Il-KESE jinnota li ż-żieda fl-impjiegi qiegħda sseħħ primarjament fis-settur tal-SMEs u b’mod partikolari fl-intrapriżi ta’ daqs medju. Fl-istess ħin, hija ta’ sfida li jinsabu modi xierqa biex tiġi pprovduta opportunità għal djalogu soċjali bejn l-impjegati u l-impjegaturi f’dawn l-intrapriżi, u biex tingħata struttura speċifika. Inizjattiva mmirata lejn il-ġbir ta’ eżempji innovattivi misluta mill-aħjar prattiki ta’ diversi pajjiżi tista’ tikkontribwixxi għal dan.

9.Intraprenditorija

9.1F’konformità mal-opinjonijiet preċedenti tiegħu 32 , il-KESE jinsab imħasseb minħabba li d-data reċenti turi li “l-intraprenditorija tan-neċessità” pprevaliet fuq “l-intraprenditorija tal-opportunità”, u jistieden lill-KE u lill-Istati Membri jibdew ifasslu miżuri biex jaqilbu din it-tendenza 33 , u jħeġġu kultura aktar b’saħħitha ta’ intraprenditorija fl-Ewropa.

9.2Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 34 huwa ’l bogħod mill-implimentazzjoni. Il-KESE jqis kwalunkwe dewmien ulterjuri bħala detrimentali ferm, peress li l-ispirtu intraprenditorjali fl-Ewropa qed jaqa’ lura meta mqabbel ma’ partijiet oħra tad-dinja u l-miżuri fis-seħħ jipproduċu effett limitat 35 .

9.3Il-livell baxx ta’ adattament mill-SMEs għas-suq intern diġitali fir-relazzjonijiet kummerċjali transkonfinali tagħhom huwa ta’ tħassib kbir għalihom, u speċjalment għall-kumpaniji mikro. Għandhom jiġu mħeġġa jipparteċipaw taħt l-istess kundizzjonijiet tas-suq u f’sitwazzjoni ugwali mal-kummerċjanti onlajn il-kbar internazzjonali u Ewropej. L-SMEs iridu jiġu assigurati dwar id-dritt tagħhom li jagħżlu f’liema suq joperaw u dwar il-libertà kuntrattwali, sabiex terġa’ tinkiseb il-fiduċja fit-twettiq ta’ tranżazzjonijiet transkonfinali.

9.4Il-KESE jitlob li tinħoloq klima pożittiva globali li tista’ tagħti spinta lill-attività intraprenditorjali għal kulħadd, mingħajr ma tingħata attenzjoni speċjali lil gruppi speċifiċi ta’ intraprendituri. Għal dan l-għan, huwa meħtieġ b’mod urġenti Pjan ta’ Azzjoni għal Edukazzjoni b’Attitudni Intraprenditorjali.

9.5Filwaqt li jenfasizza r-rwol ta’ standards kulturali u soċjali, il-KESE jistieden lill-KE u lill-Istati Membri jkunu aktar innovattivi fis-sejba ta’ modi kif tiġi indirizzata l-kultura ta’ averżjoni għar-riskju. Il-valur tal-intraprendituri u l-kumpaniji u r-rwol kruċjali tagħhom fil-ħolqien tal-impjieg u t-tkabbir iridu jiġu promossi aħjar, inkluż bit-tfassil ta’ Pilastru tad-Drittijiet tal-Intraprendituri speċjali 36 , li jenħtieġ li jkopri l-forom kollha ta’ intraprendituri u tiġi ddikjarata Sena tal-Intraprendituri. Il-KE u l-Istati Membri jeħtiġilhom itejbu l-kundizzjonijiet qafas għall-intraprenditorija bħall-aċċess għal finanzjament, il-qafas regolatorju u l-edukazzjoni intraprenditorjali.

9.6Il-KESE jistieden lill-KE tappoġġja u tippromovi servizzi u programmi konsultattivi għat-titjib tal-ġestjoni ta’ negozji tradizzjonali żgħar u tal-familja, peress li kollox f’dawn il-kumpaniji huwa relatat direttament ma’ dan il-fattur, kif ukoll għal tagħlim tul il-ħajja, inkluż bil-provvediment ta’ għodod edukattivi onlajn f’oqsma bħall-ippjanar tan-negozju u l-istandards tal-produzzjoni, il-leġislazzjoni dwar il-konsumaturi u regolamenti oħra.

10.Aċċess għas-swieq

10.1Xi studji juru li proporzjon żgħira ħafna ta’ SMEs 37 tqis is-suq intern bħala s-suq domestiku tagħhom. Għalkemm il-biċċa l-kbira tal-SMEs huma lokali, l-attivitajiet kummerċjali tagħhom huma dipendenti ħafna fuq ir-regolamenti dwar is-suq intern. Il-KESE jitlob li s-suq intern, kemm għal prodotti kif ukoll servizzi, jiġi approfondit, li l-ostakoli regolatorji u l-piżijiet amministrattivi jonqsu, u li jinħolqu strumenti li jappoġġjaw l-espansjoni tal-SMEs fi ħdan is-suq intern.

10.2Il-KESE jistieden lill-KE tevalwa liema strumenti tal-SMEs fis-setturi differenti jgħinu lill-SMEs ikunu aktar attivi u involuti fil-parteċipazzjoni fin-negozjati dwar il-ftehim kummerċjali u d-difiża tal-kummerċ, u tagħmel sforz biex tippromovi ulterjorment l-aktar strumenti effettivi, u tqiegħed il-prinċipju “aħseb l-ewwel fiż-żgħir” fil-qalba tal-politika tal-kummerċ tal-UE.

10.3Il-KESE jenfasizza l-fatt li l-SMEs huma dejjem aktar importanti għall-UE u jitlob li jkun hemm azzjoni rapida sabiex tiżdied l-internazzjonalizzazzjoni tagħhom, li tippermettilhom biex jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet li jipprovdu s-swieq barranin.

10.4Il-KESE jistieden lill-KE tiżgura operat aħjar u aktar effettiv taċ-ċentri tal-SMEs intiżi biex jgħinu lill-SMEs jidħlu fi swieq importanti – eż. iċ-Ċina, il-Ġappun, eċċ. Dan jistieden lill-KE tiżgura kooperazzjoni aħjar u aktar effettiva bejn l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-SMEs u awtoritajiet ta’ standardizzazzjoni fir-rigward ta’ standards tekniċi eżistenti u ġodda tal-UE.

10.5Xi Stati Membri jirrapportaw prattiki kummerċjali inġusti min-naħa ta’ katini kummerċjali kbar li jimponu kundizzjonijiet ta’ kummerċ ta’ piż eċċessiv fuq l-SMEs. Din il-kwistjoni trid tiġi studjata aktar u tiġi indirizzata kif xieraq.

10.6Il-KESE jistieden lill-KE wkoll biex iżżid l-isforzi tagħha permezz tal-programmi Ewropej u nazzjonali tagħha biex iżżid is-sehem tad-ditti żgħar għal kuntratti tal-gvern miksuba mill-akkwist pubbliku 38 .

10.7Il-KESE jemmen li huwa importanti li l-organizzazzjonijiet tal-SMEs jiġu involuti fi sħubijiet sabiex, permezz ta’ taħriġ u koordinazzjoni aħjar, dawn ikunu jistgħu jindirizzaw il-konsegwenzi ta’ diżastri naturali u mhux naturali fil-livell tal-UE.

Brussell, 18 ta' Diċembru 2017

Martin SIECKER

Il-President tas-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

____________

(1)      B’mod speċjali issa, 35 sena wara l-adozzjoni mill-PE tas-“Sena Ewropea tan-Negozji Artiġjanali”, 25 sena wara t-tnedija tas-Suq Intern, 15-il sena wara l-introduzzjoni tal-euro.
(2)       ĠU C318, 23.12.2009, p.22 ; ĠU C 226, 16.7.2014, p. 10 .
(3)       http://ec.europa.eu/growth/smes/business-friendly-environment/sme-definition_en .
(4)       http://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/initiatives/ares-2017-2868537/feedback_en?size=10&page=2 . L-isforzi tal-KE biex tniedi l-istadju li jmiss tal-konsultazzjoni fil-lingwi kollha tal-UE jixirqilhom it-tifħir, għax b’hekk jippermettu input usa’.
(5)      COM(2011) 78 final.
(6)      COM(2008) 394 final.
(7)       https://ec.europa.eu/growth/smes/business-friendly-environment/small-business-act_en , Ref. Ares(2015)812234 - 25/02/2015.
(8)      COM (2016) 733 final.
(9)      Diversi studji – eż. PE, 2011; CSES, 2012; KE, 2008; OECD, 1998.
(10)       http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/AUTO/?uri=uriserv:OJ.C_.2017.030.01.0056.01.MLT&toc=OJ:C:2017:030:FULL , http://curia.europa.eu/juris/document/document.jsf?text=&docid=183329&pageIndex=0&doclang=MT&mode=lst&dir=&occ=first&part=1&cid=687947 , http://curia.europa.eu/juris/document/document.jsf?http://curia.europa.eu/juris/document/document.jsf?text=&docid=183335&pageIndex=0&doclang=MT&mode=lst&dir=&occ=first&part=1&cid=691887 .
(11)      ECO/433 (għadha mhux ippubblikata fil-ĠU).
(12)      L-Artikolu 2, Anness, 2003/361/KE.
(13)      L-Artikolu 4, Anness, 2003/361/KE.
(14)      Id-Direttiva 2013/34/UE, 26 ta’ Ġunju 2013.
(15)      L-Artikolu 3, Anness, 2003/361/KE.
(16)      ECO/433, punt 2.4 (għadha mhux ippubblikata fil-ĠU).
(17)      ECO/433, punt 2.5 (għadha mhux ippubblikata fil-ĠU).
(18)       ĠU C 345, 13.10.2017, p.15 (punt 3.2).
(19)       ĠU C318, 23.12.2009, p.22 ; ĠU C 226, 16.7.2014, p. 10 .
(20)      Biex tiġi miġġielda l-prattika negattiva eżistenti fejn il-banek kummerċjali joffru riżorsi finanzjarji ta’ valur baxx appoġġjati mill-UE lill-klijenti leali tagħhom, filwaqt li jiġi miċħud l-aċċess għalihom mill-maġġoranza tal-SMEs.
(21)       http://www.ebf.eu/wp-content/uploads/2017/06/High-level-principles-on-feedback-given-by-banks-on-declined-SME-credit-applications.pdf .
(22)      Bħal “Széchenyi card” Ungeriża.
(23)       http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2017/585906/IPOL_STU(2017)585906_EN.pdf .
(24)       ĠU C 181, 21.6.2012, p.125 .
(25)      Ir-Regolament 1303/2013 (l-Artikolu 5), żviluppat aktar fir-Regolament 240/2014.
(26)       http://ec.europa.eu/growth/smes/business-friendly-environment/small-business-act/sme-envoys_en . Ir-rapporti ta’ attività u dokumenti oħra: http://ec.europa.eu/transparency/regexpert/index.cfm?do=groupDetail.groupDetail&groupID=2666 .
(27)      Pereżempju l-EuroFi Financial Forum http://www.eurofi.net/ , il-Financial Services Forum Annwali, eċċ.
(28)      Ir-rappreżentazzjoni tal-SMEs bħalissa qiegħda tiġi diskussa, minħabba li “Id-dħul għall-Assemblea tal-SMEs u l-Premju Ewropew għall-Promozzjoni tal-Intrapriża jsir biss bi stedina mill-KE”. Dan wassal għal sitwazzjoni fejn kull sena jinġabar l-istess ċirku ta’ parteċipanti, mingħajr garanzija ta’ jekk dawn jirrappreżentawx lill-komunità tal-SMEs fil-pajjiżi tagħhom jew jekk dawn għandhomx il-kapaċità li jgħaddu l-messaġġi mill-Assemblea lil dik il-komunità. Is-suġġerimenti mhumiex misluta mis-suġġetti u l-aġenda tinkludi biss eżempji frammentati ta’ intraprenditorija. L-Assemblea ma tiddiskutix kwistjonijiet importanti u lanqas ma tipproduċi proposti.
(29)       http://www.eurochambres.eu/Content/Default.asp?PageID=1&DocID=7733 .
(30)      COM(2011) 78 final, p.8.
(31)      COM(2011) 78 final, p. 8.
(32)      ECO/433 (adottat).
(33)      Id-data turi li għall-ħames snin wara l-bidu tal-kriżi fl-2008, in-numru ta’ SMEs żdied filwaqt li l-valur miżjud u n-numru ta’ impjegati naqsu. Sett tad-Data tal-Analiżi tal-Prestazzjoni tal-SMEs tal-KE (edizzjoni tal-2014).
(34)      COM(2012) 795 final.
(35)      Studju tal-KESE dwar “Il-valutazzjoni tal-effikaċja tal-politiki tal-UE relatati mal-SMEs għall-perjodu 2007-2015”.
(36)       http://www.eurochambres.eu/custom/EUROCHAMBRES_proposal_for_a_European_Pillar_of_Entrepreneurial_Rights-2016-00213-01.pdf .
(37)      Fl-Iżvezja – 6 % biss.
(38)       https://ec.europa.eu/growth/single-market/public-procurement/strategy_en ; https://www.ppact.eu/ ; www.sesamproject.eu ; http://www.tenderio.com/ .