Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
NAT/724
Vantaġġi tal-approċċ ta’ Żvilupp Lokali mmexxi mill-Komunità
OPINJONI
Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Il-vantaġġi ta’ approċċ ta’ Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD) għal żvilupp integrat lokali u rurali
(Opinjoni esploratorja)
Relatur: Roman HAKEN
|
Konsultazzjoni
|
Presidenza Estonjana tal-Kunsill, 08/08/2017
|
|
Bażi legali
|
Artikolu 302 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa
Opinjoni esploratorja
|
|
|
|
|
Deċiżjoni tal-Bureau
|
19/09/2017
|
|
|
|
|
Sezzjoni kompetenti
|
Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent
|
|
Adottata fis-sezzjoni
|
21/11/2017
|
|
Adottata fil-plenarja
|
07/12/2017
|
|
Sessjoni plenarja Nru
|
530
|
|
Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)
|
152/3/0
|
1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1L-Unjoni Ewropea tinsab fil-bidu ta’ negozjati dwar il-politika wara l-2020. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri qed jibdew jiddiskutu il-qafas finanzjarju futur għall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE).
1.2L-Unjoni Ewropea kif tista’ ssaħħaħ ir-rabtiet tagħha mal-Istati Membri u terġa’ tikseb il-fiduċja taċ-ċittadini tagħha?
1.3Ir-risposta tista’ tkun l-implimentazzjoni tajba ta’ approċċ ta’ Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD) li jippermetti l-iżvilupp lokali integrat u l-involviment taċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tagħhom fil-livell lokali. Il-KESE huwa konvint li s-CLLD jista’ jkollu ħafna vantaġġi bħala għodda għall-iżvilupp lokali Ewropew ta’ suċċess.
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jirrakkomanda li:
1.4tiġi stabbilita viżjoni ċara għall implimentazzjoni b’finanzjament minn sorsi varji tas-CLLD fl-Unjoni Ewropea, li jkun żgurat li approċċ tas-CLLD jiġi użat għat-tipi kollha ta’ territorji: rurali (inklużi żoni remoti, muntanjużi u gżejjer), urbani u kostali,
1.5il-Kummissjoni Ewropea titħeġġeġ tesplora u tanalizza bir-reqqa l-opportunitajiet biex jinħoloq fondi ta’ riżerva għas-CLLD fil-livell tal-UE. Irrispettivament minn dan, il-Kummissjoni Ewropea ser ikollha tiżgura li l-Istati Membri kollha għandhom fond nazzjonali għas-CLLD b’kontrbiuzzjonijiet mill-erba’ Fondi SIE kollha (FAEŻR, FEŻR, FSE u FEMS),
1.6jiġi definit qafas armonizzat tal-Fondi SIE kollha u jiġu stabbiliti regoli sempliċi għall-implimentazzjoni tal-Fond CLDD fil-livell tal-UE,
1.7jiġi rikonoxxut li s-CLLD, li jikkostitwixxi t-tisħiħ tal-metodu LEADER, jagħti lill-Istati Membri opportunità unika biex jiżviluppaw l-oqsma tagħhom b’mod aktar inklużiv, sostenibbli u integrat fi sħubija mal-partijiet interessati lokali. Sabiex jinkiseb impatt akbar, jeħtieġ li jiġu pprovduti biżżejjed mezzi finanzjarji għall-implimentazzjoni tas-CLLD fil-perjodu ta' programmazzjoni 2021-2027. Sabiex dan isir, aħna nħeġġu lill-Kummissjoni Ewropea biex tistabbilixxi rekwiżit obbligatorju għall-Istati Membri sabiex jallokaw tal-inqas 15 % minn kull baġit tal-Fond SIE għall-Fond CLLD, li għandu wkoll ikun appoġġjat b’riżorsi nazzjonali suffiċjenti,
1.8tiġi evitata kwalunkwe diskrepanza bejn il-perjodi ta' programmazzjoni u jkun żgurat bidu aħjar għall-perjodu 2021-2027,
1.9qafas legali kkumplikat u proċeduri li jieħdu ħafna ħin ikkawżaw tkabbir sinifikanti fil-piż burokratiku għall-atturi tas-CLLD kollha. Sabiex tinkiseb l-effiċjenza fl-implimentazzjoni futura tas-CLLD b’diversi fondi, il-KESE jitlob semplifikazzjoni sinfikanti tal-qafas legali tas-CLLD, tal-proċeduri ta’ implimentazzjoni u tal-mudell għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027. Il-kuntest politiku u ekonomiku l-ġdid għandu jintuża biex jitnaqqsu l-piżijiet burokratiċi u jitnieda qafas sempliċi li huwa ffukat fuq l-opportunitajiet u l-fiduċja. Inħolqot sistema sempliċi, pereżempju, fl-evoluzzjoni tal-għotjiet globali. Minflok ma wieħed jiffoka fuq il-prevenzjoni tal-iżbalji, hemm ħtieġa għal regolamenti li jistgħu jappoġġjaw verament il-gruppi ta’ azzjoni lokali (GAL) u l-benefiċjarji lokali (utenti aħħarin),
1.10filwaqt li jiġi permess djalogu mill-qrib bejn l-atturi kollha tas-CLDD fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali fit-tħejjijiet għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss għall-bini ta’ fiduċja u għall-implimentazzjoni ta’ approċċ integrat ta’ diversi fondi tas-CLLD. Ir-rabtiet bejn l-UE, iċ-ċittadini u l-komunitajiet jeħtieġ li jissaħħu,
1.11b’hekk ikun hemm bini ta’ kapaċità kontinwa tal-atturi tas-CLLD kollha (awtoritajiet, GAL, LEADER u netwerks rurali, aġenziji tal-pagamenti, eċċ.) b’rabta mas-CLLD ta’ diversi fondi,
1.12u b’hekk jiġi sfruttat il-potenzjal tas-soluzzjonijiet tal-IT għas-semplifikazzjoni u l-awtomizzazzjoni tal-ġbir tad-data fil-livell nazzjonali u lokali, L-aqwa prattiki fl-użu ta’ dawn is-sistemi jridu jiġu disseminati bejn l-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni u l-gruppi ta’ azzjoni lokali (bħal fl-Estonja, pereżempju). Is-sistemi tal-IT iridu jiġu żviluppati b’inklużjoni ġenwina tal-partijiet interessati kollha u mmirati li jgħinu l-istrateġija globali tas-semplifikazzjoni tal-FSIE,
1.13jintuża approċċ parteċipattiv biex l-istrateġiji ta’ żvilupp lokali jinżammu f’konformità – u jiġu adattati – għat-tibdil fil-kundizzjonijeit lokali (il-koeżjoni soċjali, il-migrazzjoni, ir-raggruppamenti reġjonali, l-ekonomija ekoloġika, it-tibdil fil-klima, soluzzjonijiet intelliġenti, it-teknoloġija, u aktar) u jittieħdu l-benefiċċji mir-rivoluzzjoni f’teknoloġiji ġodda u l-IT,
1.14il-valur ewlieni tal-gruppi ta’ azzjoni lokali li wkoll ikunu jistgħu jagħżlu proġetti tajbin huwa marbut mar-rwol tagħhom bħala animaturi territorjali, inkluż fil-kooperazzjoni interterritorjali u transnazzjonali. Il-gruppi ta' azzjoni lokali jeħtieġu li jkunu faċilitaturi attivi u jaħdmu f'bosta setturi billi jinvolvu l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fl-oqsma tagħhom,
1.15huwa importanti li l-kisbiet tal-gruppi ta’ azzjoni lokali jkunu viżibbli, jintwerew sew u jrid ikun hemm evalwazzjoni kontinwa tal-implimentazzjoni tal-istrateġiji ta’ żvilupp lokali u bidla fil-konċentrazzjoni minn mekkaniżmi ta’ kontroll tal-eliġibbiltà lejn l-iżgurar ta’ riżultati, valutazzjoni tal-prestazzjoni u impatti fuq perjodu twil,
1.16is-CLLD f’żoni urbani u periurbani huma l-isfidi għall-iżvilupp lokali tal-UE futur. Il-KESE jirrakkomanda li tinġabar data dwar piloti ta’ suċċess u jiġu organizzati kampanji ta’ informazzjoni u ta’ motivazzjoni għal użu usa’. Ser jinħtieġ it-taħriġ għal atturi urbani lokali u l-amministrazzjoni pubblika. Is-CLLD fiż-żoni urbani jista’ jintuża bħala għodda għall-implimentazzjoni tal-Aġenda Urbana tal-UE u kkombinata mal-programm URBACT.
2.Introduzzjoni u implimentazzjoni tas-CLLD fl-Istati Membri: sfond
2.1Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità huwa aġġornament tal-metodu LEADER li ilu aktar minn 26 sena. Id-differenza ewlenija tikkonċerna l-approċċ integrat b'mod aktar strett u l-mudell ta’ finanzjament diversifikat. Madankollu, issa, xi Gruppi ta’ Azzjoni Lokali fiż-żoni rurali għandhom aċċess għal fondi mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, Soċjali u tas-Sajd. Bil-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni attwali (2014-2020), l-użu ta’ diversi fondi tas-CLLD ġie estiż għad-dimensjoni urbana.
2.2Skont data mill-Kummissjoni Ewropea għoxrin Stat Membru adottaw l-approċċ b’diversi fondi f’dan il-perjodu ta’ programmazzjoni tal-2014-2020: l-Awstrija, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja u r-Renju Unit. Tmien pajjiżi (il-Belġju, il-Kroazja, Ċipru, l-Estonja, l-Irlanda, il-Lussemburgu, Malta u n-Netherlands) iddeċidew li ma jagħmlux dan għall-perjodu attwali. Bis-saħħa ta’ negozjati li rnexxew, il-kontribuzzjoni tal-fondi l-oħra hija qrib il-50 % f’xi pajjiżi (ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, il-Portugall, u s-Slovakkja). L-introduzzjoni tal-approċċ ta’ diversi fondi teħtieġ rieda politika u fehim tal-benefiċċji tas-CLLD fil-livell nazzjonali u kollaborazzjoni tajba bejn il-ministeri. L-għan tal-Kummissjoni Ewropea huwa li tkisser l-ostakoli bejn il-fondi u b’hekk tagħti spinta lis-sinerġija u lill-koerenza kemm fil-livell lokali kif ukoll reġjonali.
2.3L-approċċ LEADER ġie infurzat mill-ġdid għall-perjodu 2014-2020. Meta jiġi kkunsidrat ir-rwol tal-komunitajiet lokali fil-kontribut lejn il-koeżjoni territorjali u lejn l-għanijiet strateġiċi tal-Ewropa 2020, l-UE – b’appoġġ qawwi mill-Parlament Ewropew – iddeċidiet li tiffaċilita u ssaħħaħ l-użu tas-CLLD għat-tipi kollha ta’ territorji (rurali, urbani, kostali) u d-diversi tipi ta’ ħtiġijiet tal-komunità (b'mod partikolari soċjali, kulturali, ambjentali u ekonomiċi). Fil-perjodu 2014-2020, l-inizjattivi tas-CLLD huma eliġibbli għal appoġġ mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej kollha (ħlief il-Fond ta’ Koeżjoni) u huma soġġetti għal qafas komuni stipulat fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (CPR) li jirregolaw dawn il-fondi. Dan jiżgura aktar konsistenza u koordinazzjoni fil-finanzjament mill-UE u effiċjenza akbar fl-użu tiegħu. Ir-regoli komuni huma kkomplementati minn funzjonijiet speċifiċi għall-fond (pereżempju, minimu ta’ 5 % tal-fondi FAEŻR irid isegwi l-approċċ CLLD, filwaqt li l-appoġġ għas-CLLD huwa fakultattiv għall-fondi l-oħra). Ir-rekwiżit ta’ finanzjament obbligatorju ggarantixxa l-implimentazzjoni ta’ suċċess ta’ LEADER.
2.4F’dan il-perjodu ta’ programmar ġie akkumpanjat mill-għodda ITI, li hija ffokata fuq żoni kbar (NUTS III, metropolitani, eċċ) u fuq proġetti makro. Is-soċjetà ċivili organizzata hija anqas involuta b’mod intensiv f’dan il-proċess milli fl-iskema mikro tas-CLLD.
2.5Is-CLLD huwa bbażat fuq tliet elementi interkonnessi: gruppi ta’ azzjoni lokali (rappreżentanti ta’ interessi soċjoekonomiċi lokali pubbliċi u privati), strateġiji ta' żvilupp lokali integrati u territorji definiti sew. Kull wieħed minn dawn it-tlieta huwa soġġett għal rekwiżiti speċifiċi stipulati fis-CPR – pereżempju: it-territorju fil-mira għandu jkollu popolazzjoni minn 10 000 sa 150 000 abitant u l-istrateġiji għandhom jinkludu l-objettivi mfittxija, analiżi tal-ħtiġijiet u potenzjal taż-żona, u pjani ta' azzjoni u finanzjarji.
2.6Il-KESE huwa sorpriż li fis-snin disgħin il-programm LEADER kien aktar faċli u sempliċi biex jiġi implimentat minn issa. Issa hemm il-kompjuters, l-internet, is-softwer u l-mowbajls, iżda x-xogħol sar effettivament aktar diffiċli. Għalhekk, il-KESE jrid li jkollna semplifikazzjoni reali – inkella din il-“burokrazija teknoloġika” se teqred l-istrumenti tal-UE li rnexxew.
3.Benefiċċji ewlenin tad-diversi fondi tas-CLLD fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji ta' żvilupp lokali
3.1L-approċċ ta’ diversi fondi tas-CLLD jagħti lill-Istati Membri l-abbiltà li jtejbu l-kapaċità lokali u reġjonali għal żvilupp integrat. Il-prattiki fl-Istati Membri wrew li żvilupp lokali integrat jinfuwenza spettru wiesa’ ta’ attivitajiet u għandu impatt maġġuri fuq l-ekonomiji lokali u l-ħolqien tax-xogħol, speċjalment barra mill-produzzjoni primarja fl-agrikoltura.
3.2Barra minn hekk, żvilupp lokali integrat għandu effett benefiċjarju kbir fuq l-inklużjoni soċjali minħabba l-involviment u l-parteċipazzjoni ta’ partijiet ikkonċernati differenti (diversi tipi ta’ atturi, gruppi ta’ età, sessi). Is-CLLD jipprovdi l-opportunità li jiġu involuti aktar il-partijiet interessati lokali u reġjonali milli kien possibbli b’LEADER, li kellu biss appoġġ mill-FAEŻR. L-iżvilupp reġjonali qed jikseb aktar importanza bis-CLLD.
3.3Il-politika ta' koeżjoni tal-UE tfittex li tikseb koeżjoni territorjali, li hija wkoll l-għan tal-approċċ CLLD. Is-CLLD jinkludi t-tipi kollha ta’ territorji: rurali, urbani u kostali, diversi ħtiġijiet tal-komunità (soċjali, kulturali, ambjentali, u ekonomiċi) u diversi mekkaniżmi ta' finanzjament (huma involuti erba’ Fondi SIE). Li jkun hemm is-CLLD fit-tipi kollha ta’ territorji jgħin biex tinbena l-koeżjoni bejn iż-żoni rurali, periurbani u urbani li jgħin biex jingħeleb jew jitwaqqaf l-effett ta’ periferija.
3.4Il-metodoloġija tas-CLLD għandha rwol importanti li tagħti bidu għall-iżvilupp lokali integrat minħabba l-komponenti li jiffurmawha: approċċ minn isfel għal fuq, strateġiji ta’ żvilupp lokali bbażati fuq iż-żona, sħubiji pubbliċi-privati, innovazzjoni, approċċ integrat u multisettorjali, netwerking u kooperazzjoni, u amministrazzjoni deċentralizzata. Sabiex tkun appoġġjata l-implimentazzjoni korretta tal-metodoloġija tas-CLLD, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni, id-disseminazzjoni tal-attivitajiet u viżibbiltà ogħla tal-metodu nnifsu u tal-benefiċċji tiegħu huma meħtieġa.
3.5Aktar minn 26 sena ta’ esperjenza fl-implimentazzjoni tal-programm LEADER urew li l-metodoloġija LEADER/CLLD taħdem, li hija mod sostenibbli u effiċjenti biex jiġu żviluppati territorji u li għandha impatt fit-tul fuq l-iżvilupp lokali. Is-CLLD issa żviluppa l-potenzjal tiegħu aktar b’approċċ integrat aktar mill-qrib li jista’ jidher bħala saħansitra aktar effettiv bis-saħħa tal-mudell ta’ implimentazzjoni varjat tiegħu.
3.6Dan il-mudell ta’ implimentazzjoni varjat tas-CLLD jgħin lill-Istati Membri u lit-territorji lokali biex inaqqsu r-riskji u jżidu t-trasparenza.
3.7Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet minn isfel għal fuq, li jiggarantixxi li l-investimenti jkunu f’konformità mal-ħtiġijiet reali u l-potenzjal taż-żoni lokali. Is-CLLD għandu jkun saħansitra aktar flessibbli, filwaqt li jħaddan il-ħtiġijiet possibbli tal-komunità kollha u jippermetti lin-nies lokali biex jagħżlu l-kwistjonijiet l-aktar rilevanti għall-istrateġija ta’ żvilupp lokali tagħhom.
3.8L-involviment u l-bini ta' kapaċità tal-atturi lokali huwa wieħed mill-akbar vantaġġi tal-metodoloġija CLLD. L-iżvilupp lokali integrat huwa l-aħjar mod ta’ kif jinbnew rabtiet u sinerġiji bejn diversi partijiet ikkonċernati u kwistjonijiet fl-iżvilupp lokali.
3.9Il-KESE jilqa’ l-fatt li s-CLLD huwa proċess li jinvolvi l-parteċipazzjoni u t-taħriġ fuq bażi kontinwa tan-nies lokali. L-approċċ integrat aktar mill-qrib tiegħu jagħti lill-komunitajiet lokali aktar opportunitajiet biex iżidu l-kapaċitajiet u l-għarfien tagħhom. Rabtiet rurali-urbani-kostali jfissru li dawk involuti jistgħu jitgħallmu minn xulxin u jsibu tweġibiet għal sfidi importanti b’mod aktar inklużiv. Il-kooperazzjoni, in-netwerking u t-taħriġ fuq bażi kontinwa jżidu l-governanza tajba.
3.10L-importanza tal-ekonomija ekoloġika, l-inklużjoni soċjali, it-tnaqqis tal-faqar, il-kwistjonijiet ta’ migrazzjoni, ir-raggruppamenti reġjonali, ir-rabtiet rurali-urbani-kostali, is-soluzzjonijiet intelliġenti u t-teknoloġiji tal-IT qed tikber fl-iżvilupp lokali. Is-CLLD joħloq opportunitajiet għat-tipi differenti kollha ta’ territorji (rurali, urbani u kostali) u komunitajiet biex jaħdmu flimkien fuq dawn l-isfidi. Approċċ b’divesri fondi tas-CLLD huwa mekkaniżmu tajjeb ħafna biex jiġi appoġġjat il-kunċett “Irħula Intelliġenti” permezz tal-bini tal-kapaċità, l-investimenti, l-appoġġ għall-innovazzjoni u n-netwerking, kif ukoll permezz tal-għoti ta’ għodod ta’ finanzjament innovattivi għat-titjib fis-servizzi u l-infrastruttura.
3.11Il-KESE jittama li aktar konsistenza u koordinazzjoni fil-finanzjament mill-UE se jagħmluha aktar faċli għall-atturi lokali biex ifasslu strateġiji multisettorjali appoġġjati minn kombinament ta’ fondi u adattati aktar għal territorji mħallta (eż. rurali-urban-kostali). S’issa, sabiex l-affarijiet jiġu semplifikati fi strateġiji ta’ diversi fondi, irid jitfassal “fond prinċipali” biex ikopri l-kostijiet tal-ġestjoni kollha fil-livell nazzjonali. Regolamentazzjoni tas-CLLD b’sett unifikat ta’ regoli għall-Fondi SIE kollha fil-livell tal-UE tkun saħansitra aktar effiċjenti biex jitnaqqas il-piż burokratiku.
3.12Il-KESE huwa konvint li l-inklużjoni tat-tipi kollha ta’ oqsma ta’ prijorità tal-4 Fondi SIE għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji ta’ żvilupp lokali toħloq bosta vantaġġi għat-tipi kollha ta’ gruppi ta’ azzjoni lokali.
3.13Is-CLLD huwa approċċ għall-iżvilupp minn isfel għal fuq b’oriġini Ewropea li jista’ jgħin biex jiġu bilanċjati t-tendenzi anti-Ewropej fil-komunitajiet lokali billi jsir kontribut għall-inklużjoni soċjali u l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli fit-territorji fejn jiġi applikat.
4.Ħtiġijiet/diffikultajiet ewlenin bl-implimentazzjoni ta’ diversi fondi tas-CLLD 2014-2020
4.1Koeżjoni batuta bejn il-fondi differenti u koeżjoni territorjali batuta wrew li dawn huma l-aktar ostakoli sinifikanti fil-livell nazzjonali, kif ukoll livell baxx ta’ fehim tal-benefiċċji tas-CLLD fost dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet. Kien diffiċli li tinkiseb sinerġija reali bejn il-fondi u t-territorji (rurali, urbani u kostali) differenti minħabba l-“fruntieri” li għadhom jeżistu bejn il-fondi fil-livell nazzjonali. Kull fond għandu regoli u regolamenti differenti u hemm kooperazzjoni fqira bejn l-awtorità maniġerjali u nuqqas ta’ koordinazzjoni ċara f’ħafna mill-pajjiżi li qed jimplimentaw id-diversi fondi tas-CLLD. L-Iżvezja biss timplimenta diversi fondi tas-CLLD madwar il-pajjiż kollu u għamlet l-erba’ Fondi SIE kollha disponibbli għat-tipi kollha (rurali-urban-kostali) ta’ gruppi ta’ azzjoni lokali.
4.2L-Istati Membri m’għandhomx iżidu regoli u rekwiżiti addizzjonali li jxekklu s-semplifikazzjoni. Is-semplifikazzjoni għandha tkun semplifikazzjoni reali f’konformità mar-regoli proposti mill-Kummissjoni Ewropea. Huwa meħtieġ taħriġ u fehim ċar ta’ dawn il-mudelli. Skont il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, m’hemmx aktar żbalji fil-proġetti LEADER milli hemm fi proġetti oħra taħt miżuri differenti.
4.3L-Istati Membri ma għandhomx ibiddlu s-CLLD f’mod li jwassal finanzjament allokat fi ħdan lista predefinita ta’ miżuri nazzjonali. Is-CLLD għandu jkun għodda għall-iżvilupp “broadband” b’miżuri definiti fil-livell lokali.
4.4Kien hemm dewmien twil fil-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni. Mhux il-pajjiżi kollha setgħu jiżguraw il-kontinwità bejn il-perjodi ta' programmazzjoni u l-implimentazzjoni bla xkiel, li kkawża ħafna inċertezza u telf tal-motivazzjoni u tal-għarfien eżistenti. Dan għandu jiġi evitat fil-futur.
4.5Il-KESE huwa konxju li nuqqas ta’ fiduċja bejn l-atturi tas-CLLD jipprevjeni milli jiġi kkontrollat il-potenzjal ta’ dan il-metodu. Jeħtieġ li din il-fiduċja tkompli tikber Pieni kostanti matul l-implimentazzjoni jagħmlu ħsara lill-fiduċja u lil djalogu tajjeb. L-awtoritajiet maniġerjali, inklużi l-Aġenziji tal-Pagamenti, għandhom diskrezzjoni li ma jissanzjonawx u dan għandu jintuża aktar ta’ spiss.
4.6Il-potenzjal reali tas-semplifikazzjoni permezz tal-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet tal-IT ma ġiex irrealizzat. Mhux l-atturi kollha tas-CLLD kienu involuti fil-proċess tal-iżvilupp ta’ għodod tal-IT u dan ikkawża diffikultajiet bl-użu ta’ dawn is-sistemi. L-għarfien prattiku tal-gruppi ta’ azzjoni lokali għandu jingħata fiduċja meta jitfasslu għodod tal-IT għall-kunsinna. Il-pjattaformi tal-IT żviluppati mill-Awtoritajiet Maniġerjali għandhom jikkorrispondu għall-ħtiġijiet tal-atturi kollha tas-CLLD. Il-gruppi ta’ azzjoni lokali għandhom jingħataw pjattaformi flessibbli u miftuħa sabiex jippermettu l-implimentazzjoni tal-istrateġiji tagħhom ta’ żvilupp lokali f’konformità mal-ispeċifiċitajiet taż-żona tagħhom. Għandha tiġi evitata l-istandardizzazzjoni.
4.7Il-KESE jara diskrepanzi bejn l-aspettattivi, l-isforzi u l-mezzi finanzjarji f’bosta Stati Membri. Jekk l-intenzjoni hija li niksbu riżultati reali, allura jeħtieġ li jiġu investiti biżżejjed flus sabiex l-aspettattivi tagħna jkunu realistiċi. Sabiex jinkiseb l-impatt, jinħtieġ li jkun hemm ir-realiżmu fl-allokazzjoni ta’ biżżejjed mezzi finanzjarji għas-CLLD minn kull Fond SIE. Hemm xi eżempji tajbin ħafna għal dan fl-UE (bħal Saxony b’40 % u Asturias bi 17 % mill-PŻR tagħhom).
4.8Djalogu fqir bejn l-atturi kollha tas-CLLD (awtoritajiet maniġerjali, gruppi ta' azzjoni lokali, aġenziji tal-pagamenti, netwerks ta’ LEADER – bħal ELARD u netwerks rurali u dawk nazzjonali ta’ LEADER) ikkawża burokrazija dejjem tikber u dewmien kbir biex jingħata bidu għall-perjodu ta' programmazzjoni u biex jingħataw il-fondi lill-applikanti tal-proġett. Hija meħtieġa koordinazzjoni effettiva u trasparenti bejn l-awtoritajiet u l-ministeri differenti fil-livell nazzjonali, kif ukoll djalogu mill-qrib mal-gruppi ta' azzjoni lokali. Anke d-djalogu dirett bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-gruppi ta' azzjoni lokali jeħtieġ tisħiħ – il-KESE jista’ jipprovdi għajnuna f'dan ir-rigward.
4.9Nuqqas ta’ bini ta' kapaċità tal-awtoritajiet u tal-gruppi ta’ azzjoni lokali biex jgħinuhom jimplimentaw id-diversi fondi tas-CLLD ġie wkoll rikonoxxut f’ħafna mill-Istati Membri. Għandu jkun possibbli tagħlim kontinwu u l-ħolqien ta' fehim kondiviż tal-implimentazzjoni ta’ diversi fondi tas-CLLD sabiex tittejjeb il-kapaċità tal-atturi tas-CLLD. L-ispirtu kolleġjali għandu jissaħħaħ, Il-GAL u l-awtoritajiet għandhom ikunu mħarrġin sew u jkunu konxji tar-realtajiet ta’ xulxin. Dan jista’ jintlaħaq permezz tal-parteċipazzjoni tal-uffiċjali pubbliċi, il-membri tal-gruppi ta’ azzjoni lokali u l-partijiet interessati lokali f’missjonijiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni, taħriġ, skambji ta’ persunal, eċċ. Il-KESE jipproponi li programm bħal dan għandu jiġi ffinanzjat permezz ta’ estensjoni tal-programm ERASMUS.
4.10Il-KESE huwa konvint li fil-livell tal-UE l-valur miżjud tal-approċċ ta’ diversi fondi tas-CLLD u l-mudelli ta’ implimentazzjoni possibbli ma ġewx spjegati tajjeb. Hemm nuqqas ta' viżjoni ċara ta’ kif l-Istati Membri għandhom effettivament jimplimentaw id-diversi fondi tas-CLLD. L-Istati Membri għandhom jingħataw mudelli sempliċi, strutturi u l-aħjar prattiki.
4.11Il-potenzjal reali tal-gruppi ta’ azzjoni lokali bħala faċilitaturi għat-territorji tagħhom ma ntużax tajjeb biżżejjed. Jeħtieġ li jinħolqu kundizzjonijiet biex jippermettu lill-gruppi ta’ azzjoni lokali jikkonċentraw fuq ir-rwol tagħhom tal-mobilizzazzjoni taż-żona u jgħinu biex joħorġu u jiġu implimentati l-aqwa ideat. Ir-riċerka turi li huwa meħtieġ l-appoġġ tal-gruppi ta’ azzjoni lokali tal-medjaturi biex jitrawwem żvilupp lokali integrat. Il-gruppi ta' azzjoni lokali għandhom il-kapaċità li jaħdmu fis-setturi kollha u jlaqqgħu flimkien partijiet ikkonċernati differenti. Il-kompitu tal-gruppi ta' azzjoni lokali mhuwiex biss li jkunu s-sors ta’ finanzjament u li jaġixxu bħala saff amministrattiv addizzjonali, iżda wkoll li jaġixxu bħala organizzazzjoni ta’ żvilupp reali li tibda proġetti ta’ kooperazzjoni u li tippermetti taħriġ u netwerking, b’appoġġ finanzjarju u organizzazzjonali adegwat.
4.12Ħafna drabi jkun hemm nuqqas ta' evalwazzjoni ċara u sempliċi u mudelli ta’ monitoraġġ ta’ strateġiji ta’ żvilupp lokali. L-evalwazzjoni għandha tkun parti minn proċess ta’ tagħlim tal-komunità u għalhekk huwa importanti ħafna li l-gruppi ta’ azzjoni lokali kontinwament jiġbru informazzjoni u jevalwaw l-implimentazzjoni tal-istrateġiji tagħhom. Soluzzjonijiet avvanzati tal-IT għall-ġbir u l-analiżi tad-data għandhom jiġu introdotti, flimkien ma’ proċessi parteċipattiv u analiżi kwalitattiva f’konformità mal-prinċipji tas-CLLD. Investiment f’livell tal-UE għandu jsir f’għodod ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni koerenti għas-CLLD. Fl-Iżvezja, il-metodoloġija tar-rakkuntar tal-istejjer intużat b'suċċess.
4.13L-użu ħażin tal-poter minn awtoritajiet maniġerjali ġie identifikat f’xi Stati Membri, fejn ma kien hemm l-ebda djalogu bejn l-atturi tal-LEADER/tas-CLLD u l-gruppi ta' azzjoni lokali ma kellhom l-ebda opportunità biex jipparteċipaw f’diskussjonijiet bħala msieħba indaqs. Il-KESE jwissi wkoll kontra d-dominazzjoni tal-muniċipalitajiet lokali u s-sodisfazzjon tal-aġendi politiċi tagħhom b’riżorsi tas-CLLD. Il-gruppi ta’ azzjoni lokali għandhom jiġu garantiti l-indipendenza fil-ħidma u t-teħid ta’ deċiżjonijiet tagħhom, mingħajr pressjoni uffiċjali jew mhux uffiċjali minn muniċipalitajiet.
5.Proposti tal-KESE għall-perjodu ta' programmazzjoni 2021-2027 fil-livell tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali
Fil-livell Ewropew:
5.1Li tiġi stabbilita viżjoni ċara fil-livell tal-UE tal-implimentazzjoni obbligatorja ta’ diversi fondi tas-CLLD biex jiġu pprovduti mudelli u linji gwida sempliċi malajr kemm jista’ jkun u biex tiġi introdotta l-aħjar prattika dwar kif jiġu implimentati d-diversi fondi tas-CLLD fl-Istati Membri malajr kemm jista’ jkun (2018).
5.2Naħsbu b’mod kreattiv billi nesploraw u nanalizzaw bir-reqqa l-opportunitajiet biex jinħoloq fondi ta’ riżerva għas-CLLD fil-livell tal-UE. Irrispettivament minn dan, il-Kummissjoni Ewropea ser ikollha tiżgura li l-Istati Membri kollha għandhom fond nazzjonali għas-CLLD.
5.3Jiġi stabbilit qafas armonizzat għall-Fondi SIE kollha u regoli sempliċi għall-implimentazzjoni tal-Fond CLDD fil-livell tal-UE.
5.4Jintalab it-tfassil ta’ sors ta’ finanzjament speċjali tas-CLLD (Fond CLLD) b’kontribuzzjonijiet mill-erba’ Fondi SIE kollha li jikkorrispondu għall-oqsma ta’ prijorità kollha tal-fondi differenti għat-territorji rurali, urbani u kostali fil-livell nazzjonali (jekk jogħġbok ara l-mudell propost ta’ hawn taħt).
5.5L-Istati Membri jkunu meħtieġa jallokaw tal-inqas 15 % minn kull baġit tal-Fond SIE għall-Fond CLLD u riżorsi nazzjonali suffiċjenti.
5.6Jissaħħaħ id-djalogu bejn l-atturi kollha tas-CLLD f’kull livell (Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali).
5.7Jinstab isem iktar memorabbli u aċċettabbli - LEADER minħabba l-istorja ta’ suċċess tiegħu jkun isem tajjeb għal din l-għodda, pereżempju.
5.8Issir kondiviżjoni tal-aħjar prattika fl-użu tas-CLLD il-ġdid fiż-żoni urbani billi tinżamm f’post wieħed, u b’hekk ma jkunx hemm għalfejn titfittex f’kull DĠ (eżempju:
www.clld-u.eu
).
Fil-livell nazzjonali (amministrazzjonijiet devoluti) jew reġjonali:
5.9Ikun garantit l-użu ta’ approċċ ta’ diversi fondi tas-CLLD għat-tipi kollha ta’ territorji (rurali, urbani u kostali) u li jittieħed benefiċċju mill-vantaġġi tal-iżvilupp lokali integrat.
5.10Jiġi allokat minimu ta’ 15 % minn kull baġit tal-Fond SIE għall-fond nazzjonali tas-CLLD u jiżdiedu biżżejjed riżorsi nazzjonali biex jiggarantixxu l-implimentazzjoni tal-potenzjal reali ta’ dan il-metodu.
5.11Jiġi stabbilit Programm operazzjonali tas-CLLD li permezz tiegħu dan il-Fond ser jintuża għall-appoġġ ta’ żvilupp lokali integrat f’territorji rurali, urbani u kostali. Il-Fond CLLD f’kull Stat Membru għandu jiġi allokat għall-objettivi stabbiliti mill-istrateġiji ta’ żvilupp lokali, mingħajr distinzjoni jew demarkazzjoni bejn id-diversi Fondi SIE. Il-Fond CLLD għandu jintuża fuq bażi deċentralizzata permezz ta’ gruppi ta’ azzjoni lokali, biex b’hekk l-istrateġiji jistgħu jirrispondu għall-ħtiġijiet u l-isfidi lokali.
5.12Jiġi stabbilit korp wieħed ta’ ġestjoni għall-impliemntazzjoni tas-CLLD fil-livell nazzjonali.
5.13Jiġu evitati d-diskrepanzi bejn il-perjodi ta' programmazzjoni u tkun żgurata tnedija bla xkiel tal-perjodu ta' programmazzjoni 2021-2027.
5.14Isir djalogu mill-qrib bejn l-atturi kollha tas-CLLD fil-livell nazzjonali u mal-gruppi ta' azzjoni lokali sabiex jitfassal programm operazzjonali tas-CLLD fil-livell nazzjonali.
5.15Jiġi permess bini ta' kapaċità kontinwu tal-awtoritajiet u tal-gruppi ta' azzjoni lokali.
5.16Jintuża l-potenzjal tal-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet tal-IT olistiċi sabiex il-proċess kif jitwassal is-CLLD ikun aktar faċli. L-atturi kollha tas-CLLD għandhom ikunu involuti fil-proċess tal-iżvilupp ta’ għodod tal-IT u l-atturi kollha għandhom jibbenefikaw mis-soluzzjonijiet tal-IT żviluppati.
5.17Titkompla l-kooperazzjoni taħt l-għodda ta’ Investiment Territorjali Integrat (ITI), li tintuża għal territorji ikbar u proġetti makro.
5.18Titħejja kampanja sabiex is-CLLD jiġi introdott bħala għodda ta’ sinerġija – sabiex jinkisbu l-effettività, is-sħubija, is-sussidjarjetà u l-appoġġ finanzjarju.
Fil-livell lokali u reġjonali:
5.19Jiġi żgurat il-valur miżjud reali tal-iżvilupp lokali integrat u r-raġonevolezza tal-ispejjeż. Jittieħed benefiċċju mill-koeżjoni territorjali li toħloq sinerġija u tgħin fl-użu ta’ riżorsi u opportunitajiet ġodda.
5.20Jekk ikun xieraq u sabiex tissaħħaħ koeżjoni aħjar tat-territorji u tiżdied il-kapaċità amministrattiva tal-gruppi ta’ azzjoni lokali, tingħata konsiderazzjoni serja biex jiġu inklużi t-tipi differenti kollha ta’ territorju (rurali, urbani u kostali) fl-istess grupp ta’ azzjoni lokali jew jinbnew rabtiet b’saħħithom bejn l-istrateġiji għall-iżvilupp lokali f’tipi differenti ta’ territorji. Fl-istess ħin, għandha tittieħed l-attenzjoni biex il-gruppi ta’ azzjoni lokali ma jikbrux iżżejjed u jitilfu r-rabta tagħhom mal-oriġini tagħhom.
5.21L-istrateġiji parteċipattivi ta' żvilupp lokali jinżammu konformi ma’ – u jiġu adattati –mal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol li jinbidlu, inklużi l-kwistjonijiet rilevanti kollha (koeżjoni soċjali, faqar, migrazzjoni, raggruppamenti reġjonali, ekonomija ekoloġika, tibdil fil-klima, soluzzjonijiet intelliġenti, teknoloġija, eċċ.) u li jittieħed benefiċċju mir-revoluzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda u tal-IT.
5.22Ikun promotur attiv u jaħdem fis-setturi kollha billi jinvolvi lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fit-territorju tal-gruppi ta' azzjoni lokali. Jagħti attenzjoni speċjali lit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proċessi parteċipattivi.
5.23Ikun attiv f’kooperazzjoni interterritorjali u transnazzjonali.
5.24Ikun hemm taħriġ kontinwu, netwerking u kooperazzjoni tal-atturi lokali u tal-persunal tal-gruppi ta' azzjoni lokali.
5.25Tiġi organizzata l-evalwazzjoni kontinwa tal-implimentazzjoni tal-istrateġiji ta’ żvilupp lokali u li jinstabu modi kif il-komunitajiet jiġu involuti f’dan il-proċess ta’ evalwazzjoni.
Brussell, 7 ta' Diċembru 2017
Georges Dassis
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
_____________