MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-ATT DELEGAT
L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni r-rapporti annwali ta’ monitoraġġ tagħhom dwar l-implimentazzjoni tal-iskema tal-iskejjel (“l-iskema”) sal-31 ta’ Jannar tas-sena kalendarja ta’ wara t-tmiem tas-sena skolastika kkonċernata.
L-istudji ta’ appoġġ għall-evalwazzjoni li saru fl-2023 identifikaw il-piż amministrattiv tal-monitoraġġ bħala wieħed mill-fatturi li jillimitaw l-effiċjenza tal-iskema. Fil-livell tal-Istati Membri, il-piż huwa primarjament relatat mar-rappurtar dwar l-implimentazzjoni tal-Iskema. Fil-livell tas-servizzi tal-Kummissjoni, jiġi ddedikat ammont sinifikanti ta’ żmien biex jintalbu kjarifiki mill-Istati Membri dwar ir-rapporti annwali ta’ monitoraġġ tagħhom.
Għalhekk, biex titnaqqas il-burokrazija, jenħtieġ li r-rappurtar dwar l-implimentazzjoni tal-iskema jiġi ssimplifikat billi, kemm jista’ jkun, imma mingħajr ma jixxekkel l-għan tal-monitoraġġ (jiġifieri li jintwera l-progress fl-implimentazzjoni tal-iskema), titnaqqas l-informazzjoni obbligatorja li tkun trid tiġi inkluża fir-rapporti annwali ta’ monitoraġġ.
2.KONSULTAZZJONIJIET QABEL L-ADOZZJONI TAL-ATT
Il-konsultazzjonijiet, li jinvolvu esperti mis-27 Stat Membru kollha, saru fil-Grupp ta’ Esperti għas-Swieq Agrikoli, b’mod partikolari dwar aspetti li jaqgħu taħt ir-Regolament dwar l-OKS unika: Sottogrupp tal-Prodotti tal-Annimali, fil-laqgħat tat-23 ta’ Mejju 2024, tal-20 ta’ Ġunju 2024, tat-18 ta’ Lulju 2024 u tad-29 ta’ Awwissu 2024. F’dawn il-laqgħat saret preżentazzjoni tal-emenda ppjanata tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/40 kif ukoll skambju ta’ opinjonijiet mal-esperti.
L-abbozz tar-regolament delegat ġie ppubblikat fuq il-portal tal-Kummissjoni Ewropea “Semma’ leħnek” mit-2 sat-30 ta’ Ottubru 2024 biex jinġabru l-fehmiet taċ-ċittadini u tal-partijiet ikkonċernati. Dan irċieva feedback minn 4 partijiet ikkonċernati. Parti kkonċernata waħda appoġġat l-inizjattiva, u waħda talbet għal aktar simplifikazzjoni tal-iskema bil-għan li jittaffa l-piż għall-fornituri. Madankollu, il-feedback ta’ din tal-aħħar jikkonċerna l-implimentazzjoni tal-iskema fil-livell tal-Istati Membri. Żewġ partijiet ikkonċernati kellhom talbiet u suġġerimenti li jmorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-att peress li jikkonċernaw ir-regoli dwar it-tfassil tal-iskema tal-UE tal-iskejjel stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.
3.ELEMENTI LEGALI TAL-ATT DELEGAT
Skont l-Artikolu 24(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati dwar l-obbligu għall-Istati Membri li jimmonitorjaw l-effettività tal-iskema tal-iskejjel tagħhom. Skont l-Artikolu 223(2)(a) tal-istess Regolament, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati li jistabbilixxu n-natura u t-tip ta’ informazzjoni li għandha tiġi nnotifikata.
Dan l-att delegat jissostitwixxi l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/40 biex jeskludi ċerti elementi mhux essenzjali mir-rapporti annwali ta’ monitoraġġ li għandhom jiġu ppreżentati mill-Istati Membri.
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...
ta'25.11.2024
li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2017/40 fir-rigward tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna tal-Unjoni għall-provvista ta’ frott u ħxejjex, banana u ħalib fl-istabbilimenti edukattivi
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 24(2), il-punt (b), u l-Artikolu 223(2), il-punt (a), tiegħu,
Billi:
(1)Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/40 2 , l-Istati Membri huma meħtieġa jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna tal-Unjoni għall-provvista ta’ frott u ħaxix, banana u ħalib fl-istabbilimenti edukattivi (“skema tal-iskejjel”) u jinkludu informazzjoni speċifika fir-rapporti annwali ta’ monitoraġġ tagħhom.