DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...

ta’ 1.2.2022

li tiddetermina jekk prodott li fih il-klorur tal-alkil (C12–16) dimetilbenżilammonju huwiex prodott bijoċidali, skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Billi:

(1)Fit-2 ta’ Lulju 2020, id-Danimarka talbet lill Kummissjoni biex tiddeċiedi jekk il-prodott li fih il-klorur tal-alkil (C12–16) dimetilbenżilammonju (ADBAC/BKC (C12-C16)) f’konċetrazzjoni ta’ 2.4% u li hu kummerċjalizzat fid-Danimarka mill-manifattur bħala aġent tat-tindif li jaġixxi fit-tul għat-tneħħija ta’ saffi li jakkumulaw fuq l-injam, ix-xogħol bil-briks, iċ-ċangaturi tas-soqfa, il-ġebel għall-pavimentar, u wċuħ oħra (“il-prodott”), hu prodott bijoloġiku kif definit fil-punt (a) tal-Artiklu 3(1) tar-Regolament (EU) Nru 528/2012.

(2)Il-klorur tal-alkil (C12–16) dimetilbenżilammonju (ADBAC/BKC (C12-C16)) hu mniżżel fl-Anness II tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 2 dwar il-programm ta’ ħidma għall-evalwazzjoni sistematika tas-sustanzi attivi kollha. ADBAC/BKC (C12-C16) hu inkluż fil-programm ta’ rieżami, fost l-oħrajn, tat-tip ta’ prodott 2, jiġifieri, “diżinfettanti u alkaċidi li mhumiex maħsuba għall-applikazzjoni diretta fuq il-bnedmin jew fuq l-annimali”, kif definit fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Il-prodott għalhekk fih sustanza attiva kif definita fil-punt (c) tal-Artikolu 3(1) ta’ dak ir-Regolament.

(3)Kif sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tad-19 ta’ Diċembru 2019, fil-Kawża C-592/18 Darie 3 , “il-kunċett ta’ ‘prodott bijoċidali’, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 528/2012, huwa wiesa’ ” [...]. Din l-interpretazzjoni wiesgħa hija kkorroborata mill-objettiv stabbilit fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, ibbażat fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni, li jiġi żgurat “livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent” 4 .

(4)Kif innotat ukoll mill-Qorti, il-kategorizzazzjoni bħala “prodott bijoċidali” għall-finijiet tal-punt (a) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 hija soġġetta, fost affarijiet oħra, għall-fatt li l-prodott għandu “l-intenzjoni li jeqred, jiskoraġġixxi, jirrendi bla ħsara, jipprevjeni l-azzjoni ta’ kwalunkwe organiżmu ta’ ħsara jew jeżerċita b’mod ieħor effett ta’ kontroll fuqu” 5 .

(5)Fis-sentenza tagħha tad-19 ta’ Diċembru 2019, fil-Kawża C-592/18 Darie, il-Qorti enfasizzat ukoll li “l-prodotti tad-deterġenti mhumiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 528/2012. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 21 tar-Regolament Nru 648/2004, prodott jista’ jiġi kklassifikat kemm bħala “deterġent” fis-sens tal-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament kif ukoll bħala “prodott bijoċidali” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 528/2012” 6 . Fi kwalunkwe każ, prodott jista’ jitqies bħala prodott bijoċidali skont it-tifsira tal-punt (a) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, irrispettivament minn jekk jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 648/2004 7 .

(6)Jekk il-fatt li prodott jiġi ddikjarat mill-manifattur li huwa prodott “tat-tindif” kien biżżejjed biex jiġi konkluż li dak il-prodott ma għandux skop bijoċidali u, għalhekk, mhuwiex prodott bijoċidali, ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 jistgħu faċilment jiġu evitati u l-objettivi tiegħu jistgħu jiddgħajfu. Approċċ bħal dan jikkontradixxi l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “prodott bijoċidali” pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, għandha titqies l-informazzjoni kollha pprovduta mill-manifattur, mid-distributuri u fil-punti tal-bejgħ biex jiġi vvalutat jekk prodott jitqiegħedx fis-suq b’intenzjoni bijoċidali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(7)Il-preżenza ta’ sustanzi attivi ’l fuq minn ċerti livelli ta’ konċentrazzjoni fi prodott timplika fil-prattika li l-prodott se jkollu effett ta’ kontroll fuq organiżmu ta’ ħsara wieħed jew aktar. Għalhekk, tali livelli ta’ konċentrazzjoni jistgħu jipprovdu indikazzjoni sinifikanti li l-prodott jitqiegħed fis-suq b’intenzjoni bijoċidali skont it-tifsira tal-punt (a) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(8)Abbażi tal-informazzjoni sottomessa mid-Danimarka, il-prodott fih is-sustanza attiva ADBAC/BKC (C12-C16) f’konċentrazzjoni ta’ 2.4% u jista’ jintuża mhux dilwit jew użat dilwit f’50%, u din il-konċentrazzjoni hija simili għal dik għall-istess sustanza attiva fi prodotti bijoċidali li jneħħu l-alga awtorizzati fin-Netherlands meta dawn tal-aħħar jiġu dilwiti għall-użu f’konformità mal-istruzzjonijiet tal-użu tagħhom.

(9)Skont l-informazzjoni sottomessa mid-Danimarka, il-manifattur jiddeskrivi l-prodott bħala aġent tat-tindif li jaħdem fit-tul għat-tneħħija ta’ saffi tal-injam, xogħol bil-briks, ċangaturi tas-soqfa, ġebel għall-pavimentar, u wċuħ oħra u, fl-iskeda teknika teknika, jindika li l-prodott għandu jintuża biss barra. Il-manifattur jiddikjara wkoll li l-uċuħ maħmuġin ħafna għandhom l-ewwel jitnaddfu bl-użu ta’ deterġent mill-istess manifattur qabel ma l-wiċċ jiġi ttrattat bil-prodott. Id-Danimarka ssottomettiet ukoll informazzjoni minn distributur u minn punti ta’ bejgħ online. Id-distributur isostni li l-prodott ikisser it-tkabbir u jipprovdi protezzjoni mit-tkabbir mill-ġdid. Skont id-distributur, tali tkabbir jista’ jitqies bħala akkumulazzjoni ħadra fuq il-wiċċ jew bħala tbajja’ skuri – b’mod partikolari f’postijiet li huma protetti mix-xemx minn siġar jew arbuxxelli, fuq naħat li jħarsu lejn it-Tramuntana, u fejn hemm ħafna umdità. Id-distributur jispeċifika li din l-akkumulazzjoni ta’ tkabbir ma tagħmilx ħsara diretta lill-injam, iżda tinfirex f’massa kbira u kontinwa, li tipprevjeni l-umdità milli taħrab. F’punt ta’ bejgħ online, huwa ddikjarat li l-prodott għandu effetti preventivi. Id-Danimarka sostniet ukoll li, f’punt tal-bejgħ online ieħor, il-prodott huwa inkluż f’kategorija ta’ prodotti mmirati għat-tindif tal-injam, tal-pavimentar u tas-soqfa u li huma deskritti bħala li għandhom effett dirett fuq l-algi fuq l-uċuħ.

(10)Għalhekk jidher li l-prodott huwa maħsub biex jipprevjeni u jikkontrolla t-tkabbir ta’ alga mhux mixtieqa, li tissodisfa d-definizzjoni ta’ organiżmu ta’ ħsara kif stabbilit tal-punt g tal-Artikolu 3(1), tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(11)Minħabba li l-prodott fih sustanza attiva u huwa maħsub biex jeżerċita effett ta’ kontroll fuq organiżmu ta’ ħsara b’mod ta’ azzjoni li mhuwiex sempliċiment fiżiku jew mekkaniku, il-prodott għandu jitqies bħala prodott bijoċidali kif definit fl-Artikolu 3(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(12)Peress li t-tip ta’ prodott 2, kif definit fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, ikopri prodotti użati bħala alkaċidi mhux maħsuba għall-applikazzjoni diretta fuq il-bnedmin jew l-annimali, il-prodott għandu jaqa’ taħt it-tip ta’ prodott 2.

(13)Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Prodott li fih is-sustanza attiva l-klorur tal-alkil (C12–16) dimetilbenżilammonju f’konċentrazzjoni ta’ 2.4% u li, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-manifattur jew mid-distributuri, huwa maħsub biex jintuża kontra l-alka, għandu jitqies bħala prodott bijoċidali fit-tifsira tal-Artikolu 3(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 u għandu jaqa’ taħt it-tip ta’ prodott 2 kif definit fl-Anness V ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, 1.2.2022

   Għall-Kummissjoni

   Il-President
   Ursula VON DER LEYEN

(1)    ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.
(2)    Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 tal-4 ta’ Awwissu 2014 dwar il-programm ta’ ħidma għall-evalwazzjoni sistematika tas-sustanzi attivi bijoċidali kollha li jeżistu fil-prodotti bijoċidali msemmijin fir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 294, 10.10.2014, p. 1).
(3)    Is-sentenza tal-QtĠ-UE tal-Ħamis, 19 ta’ Diċembru 2019, Darie, C-592/18, ECLI:EU:C:2019:1140.
(4)    Ara C-592/18 Darie, op. cit., paragrafu 42.
(5)    Ara C-592/18 Darie, op.cit., paragrafu 32; ara wkoll is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ottubru 2021, Biofa, C‑29/20, ECLI:EU:C:2014:843, paragrafu 26.
(6)    Ara C-592/18, Darie, op. cit., paragrafu 48.
(7)    Ir-Regolament (KE) Nru 648/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 dwar diterġenti (ĠU L 104, 8.4.2004, p. 1).