MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-ATT DELEGAT

Din id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni temenda, għall-fini tal-adattament għall-progress tekniku u xjentifiku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (tfassil mill-ġdid) 1 (id-Direttiva RoHS). L-emenda tikkonċerna eżenzjoni għal applikazzjonijiet speċifikati li fihom il-merkurju f’lampi fluworexxenti bil-katodu kiesaħ (CCFLs) u f’lampi fluworexxenti bl-elettrodi esterni għal finijiet speċjali.

L-Artikolu 4 tad-Direttiva RoHS jirrestrinġi l-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (EEE). Attwalment japplikaw restrizzjonijiet għal 10 sustanzi, li huma elenkati fl-Anness II tad-Direttiva: iċ-ċomb, il-merkurju, il-kadmju, il-kromju eżavalenti, il-bifenili polibromurati (PBB), l-eteri tad-difenil polibromurat (PBDE), il-ftalat tal-bis(2-etileżil) (DEHP), il-ftalat tal-butil benżil (BBP), il-ftalat tad-dibutil (DBP) u l-ftalat tad-diisobutil (DIBP). L-Annessi III u IV jelenkaw il-materjali u l-komponenti tal-EEE għal applikazzjonijiet speċifiċi li huma eżentati mir-restrizzjonijiet fuq is-sustanzi skont l-Artikolu 4(1).

L-Artikolu 5 tad-Direttiva jipprevedi l-adattament tal-Annessi III u IV għall-progress xjentifiku u tekniku, li jista’ jinvolvi l-għoti, it-tiġdid jew ir-revoka tal-eżenzjonijiet. Skont l-Artikolu 5(1)(a), l-eżenzjonijiet għandhom jiġu inklużi fl-Annessi III u IV biss jekk dan ma jdgħajjifx il-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa li jagħti r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (REACH) 2 u jekk jissodisfaw kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin biss: (i) it-tneħħija jew is-sostituzzjoni tas-sustanza permezz ta’ bidliet fid-disinn jew fil-materjali u fil-komponenti li ma jeħtieġu l-ebda materjal jew sustanza elenkati fl-Anness II mhijiex prattikabbli mil-lat xjentifiku jew tekniku; (ii) l-affidabbiltà tas-sostituti mhix żgurata; (iii) l-impatti negattivi totali fuq l-ambjent, fuq is-saħħa u fuq is-sikurezza tal-konsumatur ikkawżati mis-sostituzzjoni tas-sustanza x’aktarx li jissuperaw il-benefiċċji totali tagħha għall-ambjent, għas-saħħa u għas-sikurezza tal-konsumatur.

Id-deċiżjonijiet dwar l-eżenzjonijiet u t-tul ta’ żmien tagħhom għandhom iqisu d-disponibbiltà tas-sostituti u l-impatt soċjoekonomiku tas-sostituzzjoni. Id-deċiżjonijiet dwar it-tul ta’ żmien tagħhom għandhom iqisu kwalunkwe impatt potenzjali fuq l-innovazzjoni. Fejn ikun rilevanti, għandha tiġi applikata mentalità li tqis iċ-ċiklu tal-ħajja fir-rigward tal-impatti kumplessivi tal-eżenzjoni.

L-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva jirrikjedi li l-Kummissjoni tinkludi materjali u komponenti tal-EEE għal applikazzjonijiet speċifiċi elenkati fl-Annessi III u IV permezz ta’ atti delegati individwali. L-Artikolu 5(3) u l-Anness V jistabbilixxu l-proċedura għat-tressiq ta’ applikazzjonijiet relatati mal‑eżenzjoni.

2.KONSULTAZZJONIJIET QABEL L-ADOZZJONI TAL-ATT

Il-Kummissjoni tirċievi talbiet 3 mingħand l-operaturi ekonomiċi biex tagħti jew iġġedded l-eżenzjonijiet skont l-Artikolu 5(3) u l-Anness V tad-Direttiva RoHS.

L-eżenzjoni 3(a) sa (c) attwali tal-Anness III tippermetti l-użu tal-merkurju f’lampi fluworexxenti b’katodu kiesaħ u f’lampi fluworexxenti bl-elettrodi esterni (CCFL u EEFL) għal finijiet speċjali li ma jaqbżux (għal kull lampa): 3(a) Tul qasir (≤ 500 mm):3,5 mg; 3(b) Tul medju (> 500 mm u ≤ 1 500 mm): 5 mg; 3(c) Tul twil (> 1 500 mm):13 mg.

Il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni waħda għat-tiġdid ta’ din l-eżenzjoni fil-15 ta’ Jannar 2015. Fil-qofol, l-applikanti sostnew li hemm nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ sostituti għall-applikazzjonijiet koperti minn dik l-eżenzjoni, li għandhom ħajja effettiva twila ħafna u li jistgħu jiġu sostitwiti mill-manifatturi u mill-professjonisti biss 4 . Applikazzjoni għat-tiġdid addizzjonali, mill-istess applikanti, waslet f’Jannar 2020. F’konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva RoHS (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(5)), l-eżenzjoni tibqa’ valida sa meta l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għat-tiġdid.

Sabiex tevalwa l-applikazzjoni għat-tiġdid ta’ dik l-eżenzjoni, il-Kummissjoni nediet studju f’Ġunju 2015 5 , li ġie konkluż fl-2016, biex twettaq il-valutazzjoni teknika u xjentifika meħtieġa, inkluż konsultazzjoni online ta’ tmien ġimgħat mal-partijiet ikkonċernati 6 . Minbarra dak l-istudju li jivvaluta d-data teknika u xjentifika estensiva u l-kontributi li waslu, kif dokumentat fir-rapport ta’ studju, il-Kummissjoni wettqet żewġ studji/aġġornamenti komplementari, inkluż l-involviment tal-partijiet ikkonċernati. L-istudju ppubblikat fl-2019 7 iffoka fuq il-valutazzjoni soċjoekonomika u d-disponibbiltà tas-sostituti, filwaqt li fl-2020 sar aġġornament abbażi ta’ ċifri u mmudellar reċenti 8 . Ir-rapporti finali tal-istudju u tal-aġġornamenti tal-valutazzjoni soċjoekonomika ġew ippubblikati 9 ; il-partijiet ikkonċernati ġew innotifikati.

Il-Kummissjoni kkonsultat lill-grupp ta’ esperti tal-Istati Membri għall-atti delegati skont id-Direttiva RoHS matul il-laqgħat tal-esperti tal-1 ta’ Settembru 2016, tad-29 ta’ Ottubru 2018 u tal-21 ta’ Ottubru 2019 sabiex tiġbor il-fehmiet tal-Istati Membri dwar proposta ta’ azzjoni f’konformità mal-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet. Wettqet il-passi proċedurali meħtieġa kollha fir-rigward tal-eżenzjonijiet mir-restrizzjoni fuq is-sustanzi skont l-Artikoli 5(3) sa 5(7) 10 . Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew ġew notifikati dwar l-attivitajiet kollha.

L-istudju ta’ sostenn finali indika li sostituti ħielsa mill-merkurju fil-forma ta’ dijodi li jemettu d‑dawl (LEDs) huma disponibbli u jintużaw bħala sorsi ta’ tidwil f’tagħmir ġdid li jiddaħħal fis-suq. Madankollu, ikkonkluda li mhux fattibbli li l-lampi LED jintużaw bħala sostituti għat-tiswija ta’ EEE ddisinjat oriġinarjament b’sorsi ta’ dawl CCFL/EEFL. Għalhekk, jenħtieġ li l-eżenzjoni tiġġedded għal dawn tal-aħħar.

Bħala konklużjoni, il-valutazzjonijiet xjentifiċi u tekniċi, inkluż il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati, sabu li:

il-kriterji tal-eżenzjoni għadhom issodisfati fir-rigward tal-eżenzjoni 3(a) sa (c), għaliex mhuwiex fattibbli li l-lampi LED jintużaw bħala sostituti għat-tiswija ta’ EEE ddisinjat oriġinarjament b’sorsi ta’ dawl CCFL/EEFL; u

minħabba l-ħajja twila ħafna tas-CCFLs/tal-EEFLs, it-tiġdid tal-eżenzjoni għal tliet snin oħra huwa ġġustifikat.

L-evalwazzjoni sabet ukoll li t-tiġdid ma jdgħajjifx il-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa li jagħti r-Regolament REACH (f’konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva).

F’konformità mal-Linji Gwida dwar Regolamentazzjoni Aħjar, l-abbozz tad-Direttiva Delegata ġie ppubblikat fuq il-Portal tar-Regolamentazzjoni Aħjar għal perjodu ta’ erba’ ġimgħat biex jinġabar il-feedback tal-pubbliku. Matul il-konsultazzjoni dwar l-abbozz tal-att, ġew riċevuti 10 kontributi. Il-formulazzjoni tal-eżenzjoni ġiet iċċarata abbażi tal-kummenti li ġew riċevuti mingħand il-membri tal-pubbliku. . L-abbozz tal-att ġie rivedut ulterjorment biex jiġi stabbilit perjodu ta’ validità ta’ tliet snin minflok ta’ ħames snin peress li matul il-konsultazzjoni ġiet ipprovduta informazzjoni li d-disponibbiltà ta’ sostituti avvanzat fl-aħħar snin mill-valutazzjoni li saret fl-2016. Barra minn hekk, il-perjodu ta’ validità ta’ tliet snin huwa konformi mad-data tal-iskadenza tal-eżenzjoni 35 simili fl-Anness IV tad-Direttiva RoHS li tikkonċerna wkoll il-lampi fluworexxenti b’katodu kiesaħ. Il-perjodu ta’ validità ta’ tliet snin huwa koerenti wkoll mar-rekwiżiti tal-ekodisinn peress li ħafna lampi, li jaqgħu taħt din l-eżenzjoni skont id-Direttiva RoHS, minn Settembru 2021 mhux se jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-enerġija stabbiliti bir-Regolamenti dwar l-Ekodisinn 2019/2020 11 u 2019/2021 12 .

3.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-ATT DELEGAT

Id-Direttiva Delegata ġġedded l-eżenzjoni 3(a) sa (c) fl-Anness III tad-Direttiva RoHS, għall-użu tal-merkurju f’applikazzjonijiet speċifikati.

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni, ibbażata fuq l-istudji ta’ sostenn u l-konsultazzjonijiet, ikkonkludiet li t-talba għal eżenzjoni tissodisfa mill-inqas wieħed mill-kriterji tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva RoHS, li jiġġustifika l-estensjoni tal-eżenzjoni: il-merkurju ma jistax jiġi sostitwit b’mod affidabbli fil-kategoriji ta’ lampi koperti minn din l-eżenzjoni.

Fil-qosor, il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni huma ssodisfati, u l-entrati tal-eżenzjoni 3(a) sa (c) għandhom jiġġeddu.

Id-dati tal-iskadenza għall-eżenzjoni huma stabbiliti f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2). L-evalwazzjoni kkonkludiet li l-istat tal-iżvilupp tas-sostituti jiġġustifika tiġdid għal perjodu ta’ tliet snin. Mhux mistenni li dan ikollu impatti avversi fuq l-innovazzjoni.

L-istrument legali huwa Direttiva Delegata, kif previst fid-Direttiva 2011/65/UE, u b’mod partikolari sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(a) tagħha.

L-objettiv tad-Direttiva Delegata hu li tikkontribwixxi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent u tallinja d-dispożizzjonijiet għall-funzjonament tas-suq intern fil-qasam tat-tagħmir elettriku u elettroniku, billi tippermetti l-użu ta’ sustanzi li suppost huma pprojbiti għal applikazzjonijiet speċifiċi, f’konformità mad-dispożizzjonijiet u l-kundizzjonijiet tad-Direttiva RoHS u skont il-proċedura stabbilita fiha għall-adattament tal-Annessi III u IV għall-progress xjentifiku u tekniku.

Id-Direttiva Delegata ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-UE.

DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...

ta’ 13.12.2021

li temenda, għall-finijiet ta’ adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-użu tal-merkurju f’lampi fluworexxenti b’katodu kiesaħ u f’lampi fluworexxenti bl-elettrodi esterni għal finijiet speċjali

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku 13 , u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1)(a) tagħha,

Billi:

(1)Id-Direttiva 2011/65/UE tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li t-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq ma jkunx fih is-sustanzi perikolużi elenkati fl-Anness II ta’ dik id-Direttiva. Dik ir-restrizzjoni ma tapplikax għal ċerti applikazzjonijiet eżentati li huma elenkati fl-Anness III ta’ dik id-Direttiva.

(2)Il-kategoriji tat-tagħmir elettriku u elettroniku li għalihom tapplika d-Direttiva 2011/65/UE huma elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva.

(3)Il-merkurju hu sustanza ristretta elenkata fl-Anness II tad-Direttiva 2011/65/UE.

(4)Permezz tad-Deċiżjoni 2010/571/UE 14 , il-Kummissjoni tat, fost affarijiet oħra, eżenzjoni għall-użu tal-merkurju f’lampi fluworexxenti b’katodu kiesaħ u f’lampi fluworexxenti bl-elettrodi esterni (CCFL u EEFL) għal finijiet speċjali (“l-eżenzjoni”), li issa hija elenkata bħala l-eżenzjoni 3(a), 3(b) u 3(c) fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE. L-eżenzjoni kellha tiskadi fil-21 ta’ Lulju 2016, f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2)(a) ta’ dik id-Direttiva.

(5)L-eżenzjoni tkopri grupp eteroġenju ta’ lampi b’għamliet, teknoloġiji, applikazzjonijiet u finijiet differenti. Il-merkurju jintuża fit-tubu bi skarika, li huwa essenzjali biex l-enerġija elettrika tiġi kkonvertita f’dawl.

(6)Fil-15 ta’ Jannar 2015, il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni għat-tiġdid tal-eżenzjoni (“l-applikazzjoni għat-tiġdid”), jiġifieri fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2011/65/UE, li ġiet segwita f’Jannar 2020 b’applikazzjoni għat-tiġdid addizzjonali mill-istess applikanti. F’konformità mal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2011/65/UE, l-eżenzjoni tibqa’ valida sa meta tiġi adottata deċiżjoni dwar it-talba għat-tiġdid.

(7)L-evalwazzjoni tal-applikazzjoni għat-tiġdid, li qieset id-disponibbiltà tas-sostituti u l-impatt soċjoekonomiku tas-sostituzzjoni, ikkonkludiet li attwalment is-sostituzzjoni jew l-eliminazzjoni tal-merkurju fl-applikazzjonijiet ikkonċernati mhix prattikabbli teknikament. Madankollu, dik l-evalwazzjoni enfasizzat li sostituti ħielsa mill-merkurju fil-forma ta’ lampi li jemettu d-dawl (LED) huma disponibbli, u li qed jintużaw bħala sorsi ta’ tidwil f’tagħmir ġdid li jiddaħħal fis-suq. L-evalwazzjoni kienet tinkludi konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati f’konformità mal-Artikolu 5(7) tad-Direttiva 2011/65/UE. Il-kummenti li waslu matul dawk il-konsultazzjonijiet saru disponibbli għall-pubbliku fuq sit web apposta.

(8)L-eżenzjoni hija konsistenti mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 15 u għalhekk ma ddgħajjifx il-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa mogħtija minnu.

(9)Għalkemm f’ħafna applikazzjonijiet, is-CCFL u l-EEFL ġew sostitwiti b’sostituti ħielsa mill-merkurju; xi applikazzjonijiet xorta jeħtieġu li dawn il-lampi jiżguraw il-funzjonalità tagħhom u jevitaw ġenerazzjoni prematura ta’ skart elettriku u elettroniku.

(10)Għalhekk jixraq li jingħata t-tiġdid tal-eżenzjoni għal perjodu ta’ tliet snin, f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2011/65/UE, għal dawk il-lampi biss li jintużaw fit-tagħmir elettriku u elettroniku li ddaħħal fis-suq qabel l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva. F’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2011/65/UE, it-tul ta’ żmien tal-eżenzjoni x’aktarx li ma jkollux impatti avversi fuq l-innovazzjoni.

(11)Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2011/65/UE tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE huwa emendat kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard minn [l-aħħar jum tas-sitt xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva] il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn [l-aħħar jum tas-sitt xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva + jum wieħed].

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 13.12.2021

   Għall-Kummissjoni

   Il-President
   Ursula VON DER LEYEN

(1)    Id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88).
(2)    ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.
(3)     https://ec.europa.eu/environment/waste/rohs_eee/adaptation_en.htm .
(4)    https://rohs.exemptions.oeko.info/fileadmin/user_upload/RoHS_Pack_9/Exemption_3__ac_/
3a_3b_3c_LE_RoHS_Exemption_Req__Final.pdf
(5)    Ir-rapport finali tal-istudju huwa disponibbli fuq: https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/a3fdcc8c-4273-11e6-af30-01aa75ed71a1
(6)    Perjodu ta’ konsultazzjoni: mill-21 ta’ Awwissu sas-16 ta’ Ottubru 2015; https://rohs.exemptions.oeko.info .  
(7)     https://rohs.exemptions.oeko.info/fileadmin/user_upload/reports/FWCW_RoHS_Lamps_SEA_ 20190729_Final.pdf
(8)     https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/f44f2383-dd0a-11ea-adf7-01aa75ed71a1/language-en/format-PDF/source-146144383 , mill-paġna 92.
(9)

    https://ec.europa.eu/environment/waste/rohs_eee/studies_rohs1_en.htm .

(10)    Lista tal-passi amministrattivi meħtieġa hija disponibbli fuq is- sit web tal-Kummissjoni . Wieħed jista’ jara l-istadju attwali tal-proċedura għal kull abbozz ta’ att delegat fir-Reġistru Interistituzzjonali tal-Atti Delegati fuq https://webgate.ec.europa.eu/regdel/#/home .
(11)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/2020 tal-1 ta’ Ottubru 2019 li jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-ekodisinn għas-sorsi tad-dawl u t-tagħmir ta’ kontroll separat (ĠU L 315, 5.12.2019, p. 209-240).
(12)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/2021 tal-1 ta’ Ottubru 2019 li jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għall-unitajiet tal-wiri elettroniċi (ĠU L 315, 5.12.2019, p. 241-266).
(13)    ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.
(14)    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/571/UE tal-24 ta’ Settembru 2010 li temenda, għal skopijiet ta’ adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness għad-Direttiva 2002/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjonijiet għal applikazzjonijiet li jkun fihom iċ-ċomb, il-merkurju, il-kadmju, il-kromju eżavalenti, il-bifenili polibrominati u l-eteri tad-difenil polibrominati (ĠU L 251, 25.9.2010, p. 28).
(15)    Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

ANNESS

Fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, l-entrati 3, 3(a), 3(b) u 3(c) huma sostitwiti b’dan li ġej:

Eżenzjoni

Kamp ta’ applikazzjoni u dati tal-applikabbiltà

“3

Il-merkurju f’lampi fluworexxenti b’katodu kiesaħ u f’lampi fluworexxenti bl-elettrodi esterni (CCFL u EEFL) għal finijiet speċjali użati f’EEE mqiegħed fis-suq qabel [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet: Data tal-pubblikazzjoni tad-Direttiva Delegata fil-Ġurnal Uffiċjali] li ma jaqbżux (għal kull lampa):

3(a)

Tul qasir (≤ 500 mm): 3,5 mg

Tiskadi [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet: tliet snin wara l-pubblikazzjoni tad-Direttiva Delegata fil-Ġurnal Uffiċjali]

3(b)

Tul medju (>500 mm u ≤1 500 mm): 5 mg

Tiskadi [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet: tliet snin wara l-pubblikazzjoni tad-Direttiva Delegata fil-Ġurnal Uffiċjali]

3(c)

Tul twil (> 1 500 mm): 13 mg

Tiskadi [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet: tliet snin wara l-pubblikazzjoni tad-Direttiva Delegata fil-Ġurnal Uffiċjali]”