|
SEJĦA GĦAL EVIDENZA GĦAL VALUTAZZJONI TAL-IMPATT |
|
|
Titolu tal-inizjattiva |
Reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Tikkettar tal-Karozzi |
|
DĠ ewlieni (unità responsabbli) |
Direttorat Ġenerali għall-Azzjoni Klimatika – Unità B3: Mobilità (I): Triq |
|
Tip probabbli ta’ inizjattiva |
Proposta leġiżlattiva |
|
Skeda taż-żmien indikattiva |
Q2-2026 |
|
Informazzjoni addizzjonali |
Tikkettar tal-karozzi - il-Kummissjoni Ewropea |
|
Dan id-dokument huwa biss għal finijiet ta’ tagħrif. Ma jippreġudikax id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni dwar jekk din l-inizjattiva hijiex se tiġi segwita jew dwar il-kontenut finali tagħha. L-elementi kollha tal-inizjattiva deskritti, inkluż it-twaqqit tagħha, huma soġġetti għal tibdil. |
|
|
A. Kuntest politiku, definizzjoni tal-problema u analiżi tas-sussidjarjetà |
|
Kuntest politiku |
|
Id-Direttiva 1999/94/KE (id-Direttiva dwar it-Tikkettar tal-Karozzi) tirrikjedi li l-informazzjoni dwar il-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet tas-CO2 ta’ karozzi ġodda mibjugħa jew mikrija fl-UE ssir disponibbli għall-konsumaturi. Dan biex ikun żgurat li l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati fir-rigward tal-impronta klimatika u l-konsum tal-fjuwil tal-karozzi li jixtru jew jikru. Dawn ir-regoli jistgħu wkoll jeqilbu indirettament id-domanda għal vetturi b’emissjonijiet żero jew baxxi u jgħinu lill-manifatturi jikkonformaw mal-istandards tas-CO2 tal-UE għall-vetturi ħfief (ir-Regolament (UE) 2019/631). L-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) 2019/631 jirrikjedi li l-Kummissjoni tirrieżamina d-Direttiva dwar it-Tikkettar tal-Karozzi, u, fejn xieraq, tressaq proposta leġiżlattiva. Il-Pjan ta’ azzjoni Industrijali għas-settur awtomobilistiku Ewropew jindika li r-rieżami se jsir fl-2026, wara evalwazzjonili ġiet ippubblikata fl-4 ta’ Ġunju 2025. |
|
Problema li l-inizjattiva timmira li tindirizza |
|
Id-Direttiva dwar it-Tikkettar tal-Karozzi għandha l-għan li tiżgura li t-tagħrif relatat mal-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet tas-CO2 ta’ karozzi tal-passiġġieri ġodda offruti għall-bejgħ jew għall-kiri fl-UE huwa disponibbli għall-konsumaturi biex jagħmlu għażla infurmata. Din tippromwovi għażliet sostenibbli, filwaqt li tħeġġeġ lill-konsumaturi jagħżlu vetturi b’anqas emissjonijiet tas-CO2 jew b’emissjonjiet żero, li min-naħa l-oħra jappoġġaw l-azzjoni klimatika. Din tgħin ukoll lill-manifatturi tal-vetturi jilħqu l-miri tagħhom tas-CO2. L-evalwazzjoni tad-Direttiva sabet li diversi gruppi ta’ xerrejja tal-vetturi, b’mod partikolari x-xerrejja ta’ karozzi b’emissjonijiet żero, vetturi kummerċjali ħfief ġodda u vetturi użati, mhumiex jinqdew jew mhumiex moqdija b’mod adegwat mid-Direttiva. L-evalwazzjoni sabet ukoll li n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni jirriżulta f’implimentazzjoni li tvarja b’mod sinifikanti bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, biex isibu informazzjoni dwar karozzi ġodda, il-konsumaturi jiddependu dejjem aktar fuq pjattaformi diġitali, li mhumiex koperti biżżejjed mid-Direttiva. Dawn il-problemi jillimitaw l-abbilità tad-Direttiva li tixpruna d-domanda għal vetturi b’emissjonijiet żero, u għalhekk li tikkomplementa r-regoli tal-UE dwar in-naħa tal-provvista li jistabbilixxu standards ta’ emissjonijiet tas-CO2 għal karozzi tal-passiġġieri ġodda u vetturi kummerċjali ħfief. |
|
Bażi għall-azzjoni tal-UE (bażi legali u analiżi tas-sussidjarjetà) |
|
Bażi legali |
|
Il-bażi legali ta’ din l-inizjattiva hija l-Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). |
|
Ħtieġa prattika li tittieħed azzjoni tal-UE |
|
It-tibdil fil-klima huwa kompetenza kondiviża bejn l-UE u l-Istati Membri li fil-biċċa l-kbira ġiet eżerċitata mill-UE, u b’hekk saret kompetenza esklużiva taħt l-Artikolu 2(2) tat-TFUE. Għalhekk, il-koordinazzjoni fil-livell tal-UE hija meħtieġa u l-azzjoni hija ġġustifikata kif previst fl-Artikolu 191 tat-TFUE, li għandu l-għan li jippreżerva, jipproteġi u jtejjeb il-kwalità tal-ambjent, jipproteġi s-saħħa tal-bniedem, l-użu prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali u jippromwovi miżuri fil-livell internazzjonali biex jiġu indirizzati l-problemi ambjentali reġjonali jew globali, u b’mod partikolari l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. L-azzjoni tal-UE hija ġġustifikata minħabba li hemm suq uniku għal karozzi tal-passiġġieri ġodda u vetturi kummerċjali ħfief. Dan jagħmilha aktar kosteffettiva li tiġi żgurata azzjoni armonizzata dwar il-miri tas-CO2 għal dawn il-vetturi fis-suq uniku kollu minħabba l-ekonomiji ta’ skala. Mhuwiex probabbli li l-Istati Membri li jaġixxu individwalment ikunu jeħtieġu li tali informazzjoni tiġi pprovduta b’mod konsistenti. L-azzjoni tal-UE hija ġġustifikata kemm fid-dawl tal-impatt transfruntier tat-tibdil fil-klima kif ukoll minħabba l-ħtieġa li jiġi salvagwardjat is-suq uniku għall-vetturi. |
|
B. Objettivi u opzjonijiet ta’ politika |
|
L-objettivi ewlenin tad-Direttiva attwali huma li tiżgura li l-informazzjoni dwar il-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet tas-CO2 ta’ karozzi tal-passiġġieri ġodda offruti għall-bejgħ jew għall-kiri fl-UE jsiru disponibbli għall-konsumaturi sabiex ikunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati. Din l-inizjattiva għandha l-għan li taġġorna l-objettivi u r-regoli attwali biex jirriflettu l-bidliet fis-suq tal-vetturi u fl-ambjent teknoloġiku. Dan jinkludi r-reviżjoni tal-kontenut tat-tikketta, b’mod partikolari biex tiġi pprovduta informazzjoni rilevanti dwar vetturi b’emissjonijiet żero u biex jiġi mħeġġeġ l-użu ta’ għodod diġitali. Il-valutazzjoni tal-impatt se tesplora varjetà ta’ għażliet u tqabbilhom mal-linja bażi (jiġifieri l-applikazzjoni kontinwa tad-Direttiva attwali). Il-valutazzjoni tal-impatt se tiffoka fuq: ·il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (tipi ta’ vetturi koperti); ·l-armonizzazzjoni tat-tikketta; ·il-karatteristiċi tad-disinn tat-tikketta u l-elementi ta’ informazzjoni li għandhom jiġu inklużi fuqha; ·l-użu ta’ kanali ta’ informazzjoni u għodod diġitali. Il-valutazzjoni tal-impatt se tikkunsidra wkoll għażliet possibbli ta’ simplifikazzjoni, filwaqt li tqis is-sejbiet tal-evalwazzjoni. |
|
C. Impatti probabbli |
|
Din l-inizjattiva tista’ tgħin lill-konsumaturi jagħmlu għażliet aktar sostenibbli u tikkontribwixxi għall-objettiv li tiżdied id-domanda għal vetturi b’emissjonijiet żero. Billi tagħmel dan, tkun qed taġixxi bħala miżura min-naħa tad-domanda li: -tappoġġa t-tranżizzjoni għal mobilità b’emissjonijiet żero; -tgħin lill-manifatturi tal-vetturi jilħqu l-miri tagħhom tal-emissjonijiet tas-CO2. |
|
D. Strumenti għal regolamentazzjoni aħjar |
|
Valutazzjoni tal-impatt |
|
Se titwettaq valutazzjoni tal-impatt biex tappoġġa t-tħejjija ta’ din l-inizjattiva. Is-sejbiet tal-evalwazzjoni ppubblikati fl-4 ta’ Ġunju 2025 se jintużaw biex jinfurmaw il-valutazzjoni tal-impatt dwar għażliet ta’ politika u alternattivi possibbli biex tiġi indirizzata kwalunkwe problema identifikata fil-futur. Il-valutazzjoni tal-impatt se tħares lejn l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali ta’ diversi għażliet ta’ politika. Il-valutazzjoni se tappoġġa t-tħejjija ta’ proposta leġiżlattiva. |
|
Strateġija ta’ konsultazzjoni |
|
Il-konsultazzjoni għandha l-għan li tiżgura li l-pubbliku u l-partijiet ikkonċernati, inklużi dawk li se jiġu affettwati direttament minn din l-inizjattiva, ikunu jistgħu jipprovdu l-fehmiet u l-input tagħhom. Il-metodi ta’ konsultazzjoni se jinkludu konsultazzjoni pubblika, intervisti mmirati mal-partijiet ikkonċernati u stħarriġ immirat tal-awtoritajiet nazzjonali. Il-konsultazzjoni pubblika mistennija li titnieda fit-tieni trimestru tal-2025. Se ddum 12-il ġimgħa u se tkun aċċessibbli fuq il-paġna ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi tal-Kummissjoni “Semma’ leħnek” fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. Fi tmiem dan il-proċess ta’ konsultazzjoni, se jiġu abbozzati rapport fil-qosor fattwali u rapport ta’ sinteżi. Ir-rapport fil-qosor fattwali se jiġi ppubblikat 8 ġimgħat wara li tagħlaq il-konsultazzjoni. Ir-rapport ta’ sinteżi se jiġi anness mal-valutazzjoni tal-impatt. |
|
Għaliex qed nagħmlu din il-konsultazzjoni? |
|
Il-konsultazzjoni għandha l-għan li tiżgura li l-partijiet ikkonċernati kollha jkunu jistgħu jipprovdu l-fehmiet u l-input tagħhom dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Tikkettar tal-Karozzi. Il-konsultazzjoni se tinkludi mistoqsijiet li jħarsu ’l quddiem, b’mod partikolari dwar l-armonizzazzjoni, l-elementi ta’ informazzjoni fuq it-tikketta, l-użu ta’ kanali ta’ informazzjoni u għodod diġitali u l-estensjoni possibbli tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. |
|
Udjenza fil-mira |
|
L-individwi u l-organizzazzjonijiet kollha huma mistiedna li jikkontribwixxu għal din il-konsultazzjoni. Il-kontribuzzjonijiet huma partikolarment mitluba mill-amministrazzjonijiet nazzjonali fl-UE, mill-industrija awtomobilistika, mill-industrija tal-fjuwils u tal-enerġija, minn organizzazzjonijiet nongovernattivi ambjentali, mill-organizzazzjonijiet tal-utenti tal-konsumaturi u tal-vetturi, mis-sħab soċjali, u mill-istituzzjonijiet tar-riċerka u akkademiċi. |