SEJĦA GĦAL EVIDENZA

GĦAL INIZJATTIVA (mingħajr valutazzjoni tal-impatt)

Dan id-dokument għandu l-għan li jinforma lill-pubbliku u lill-partijiet ikkonċernati dwar il-ħidma tal-Kummissjoni, sabiex ikunu jistgħu jipprovdu feedback u jipparteċipaw b’mod effettiv fl-attivitajiet ta’ konsultazzjoni.

Nitolbu lil dawn il-gruppi biex jipprovdu opinjonijiet dwar kif il-Kummissjoni tinterpreta l-problema u s-soluzzjonijiet possibbli, u biex jagħtuna kwalunkwe informazzjoni rilevanti li jista’ jkollhom.

Titolu tal-inizjattiva

Nikkollegaw l-Ewropa b’Ferroviji ta’ Veloċità Għolja

DĠ ewlieni – unità responsabbli

DĠ MOVE, Unitajiet B.1 “Networks tat-Trasport” u C.3 “Żona Ferrovjarja Unika Ewropea”

Tip probabbli ta’ inizjattiva

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

Żmien indikattiv

It-tieni trimestru tal-2025

Informazzjoni addizzjonali

Dan id-dokument huwa biss għal finijiet ta’ informazzjoni. Ma jippreġudikax id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni dwar jekk din l-inizjattiva hijiex se tiġi realizzata jew dwar il-kontenut finali tagħha. L-elementi kollha tal-inizjattiva deskritti f’dan id-dokument, inkluż it-twaqqit tagħha, huma soġġetti għal tibdil.

A. Kuntest politiku, definizzjoni tal-problema u analiżi tas-sussidjarjetà

Kuntest politiku

Element ewlieni biex jintlaħaq l-objettiv tal-Istrateġija Komprensiva għal Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti tal-2020, bil-għan li sal-2050 jitnaqqsu l-emissjonijiet mit-trasport fl-UE b’90 %, sabiex tintlaħaq il-mira ta’ emissjonijiet żero netti tal-UE sal-2050, huwa billi nikkollegaw l-UE b’servizzi ferrovjarji rapidi, komdi u affidabbli. L-Istrateġija enfasizzat l-importanza ta’ stadji importanti bħall-irduppjar tat-traffiku ferrovjarju ta’ veloċità għolja sal-2030, it-triplikar tiegħu sal-2050, u li l-ivvjaġġar kollettiv skedat ta’ inqas minn 500 km isir newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-UE sal-2030.

L-inizjattivi li għaddejjin bħalissa diġà jipprovdu bażi soda għall-iżvilupp ta’ network ferrovjarju Ewropew ta’ veloċità għolja. Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-2021 biex tingħata spinta lis-servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri fuq distanzi twal u transfruntiera stabbilixxa azzjonijiet orizzontali biex jiġu indirizzati l-ostakli għall-forniment ta’ servizzi fuq network bħal dan. Barra minn hekk, ir-Regolament TEN-T tal-2024 jagħti stampa tal-infrastruttura meħtieġa biex iċ-ċentri urbani Ewropej ewlenin jiġu konnessi b’ferroviji ta’ veloċità għolja.

Kemm ir-rapporti strateġiċi ta’ Draghi kif ukoll ta’ Letta enfasizzaw l-iżvilupp ta’ network ferrovjarju ta’ veloċità għolja komprensiv u pan-Ewropew bħala prijorità ewlenija biex tingħata spinta lill-ekonomija tal-Ewropa u tiżdied il-kompetittività tagħha. Il-Komunikazzjoni tal-2025 “Boxxla għall-Kompetittività tal-UE” affermat mill-ġdid l-importanza ta’ din l-inizjattiva, u ħabbret “pjan ambizzjuż għal network ferrovjarju Ewropew ta’ veloċità għolja.”

Problema li l-inizjattiva timmira li tindirizza

It-titjib tal-konnettività ferrovjarja, u b’mod partikolari tal-ferroviji ta’ veloċità għolja (HSR), huwa ta’ benefiċċju kbir ħafna biex l-UE tinġieb aktar qrib, isir avvanz fid-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport, u jitjiebu l-kompetittività, il-koeżjoni u l-produttività tan-negozji. Madankollu, għadha tippersisti l-frammentazzjoni tan-network ferrovjarju ta’ veloċità għolja tat-TEN-T tul il-fruntieri nazzjonali.

In-nuqqas ta’ sezzjonijiet transfruntiera u l-ostakli tekniċi, meta jkun qed isir l-operat bejn in-networks, għadhom ma ppermettewx li jiġu sfruttati l-investimenti kbar li saru fl-Istati Membri individwali, u l-Ewropa tal-Lvant għadha konnessa ħażin. L-ostakli tekniċi, legali, finanzjarji u operazzjonali jagħmluha wkoll diffiċli għall-kumpaniji l-ġodda biex jidħlu fis-suq u joffru servizzi ferrovjarji ġodda.

Il-Komunikazzjoni għandha l-għan li tindirizza dawn il-kwistjonijiet ewlenin identifikati li ġejjin: id-dewmien fl-implimentazzjoni ta’ proġetti tal-infrastruttura tal-HSR nazzjonali u transfruntiera; l-investiment nazzjonali insuffiċjenti u l-kostijiet għoljin tal-kostruzzjoni tal-HSR; l-interoperabbiltà insuffiċjenti fil-livell tal-UE; il-finanzjament insuffiċjenti għall-vetturi ferrovjarji; l-armonizzazzjoni insuffiċjenti tat-tħaddim tal-ferroviji fl-UE kollha; l-aċċess limitat għall-faċilitajiet tas-servizzi u għas-servizzi assoċjati; l-affordabbiltà tas-servizzi ferrovjarji ta’ veloċità għolja għall-passiġġieri, u l-ostakli għall-ibbukkjar u għall-bejgħ tal-biljetti tal-ferrovija fl-UE. Barra minn hekk, l-inizjattiva u t-tkabbir projettat relatat fl-attività ferrovjarja se jikkontribwixxu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mit-trasport u l-impatti ambjentali u fuq is-saħħa assoċjati, kif deskritt fir-rapportZero pollution monitoring and outlook 2025.

Bażi għall-azzjoni tal-UE (bażi legali u analiżi tas-sussidjarjetà)

Bażi legali

L-Artikoli 91, 171 u 172 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)

Ħtieġa prattika li tittieħed azzjoni tal-UE

It-trasport ferrovjarju huwa kompetenza kondiviża. Il-Komunikazzjoni nnifisha mhi se toħloq l-ebda obbligu legali. Se tinkludi b’mod komprensiv id-dimensjonijiet infrastrutturali, tekniċi, finanzjarji, ambjentali u tal-forniment tas-servizzi tal-konnettività ferrovjarja ta’ veloċità għolja tal-UE f’qafas ġenerali wieħed. Jeħtieġ li jitfasslu azzjonijiet minn perspettiva tal-UE biex jiġi stabbilit network ferrovjarju ta’ veloċità għolja fl-UE kollha. Kwalunkwe inizjattiva speċifika li tista’ titħabbar permezz tal-Komunikazzjoni se tindirizza b’mod individwali l-kwistjoni tas-sussidjarjetà.

Huwa meħtieġ approċċ tal-UE għall-ferroviji ta’ veloċità għolja sabiex jiġu indirizzati l-aspetti transfruntiera tal-konnettività (eż. l-implimentazzjoni f’waqtha ta’ proġetti transfruntiera tal-HSR, l-armonizzazzjoni tat-tħaddim tal-ferroviji, u l-interoperabbiltà). Pereżempju, l-aċċess għall-ħruġ tal-biljetti u l-informazzjoni relatata ma’ dan jistgħu jkunu ta’ ostaklu għall-konsumaturi biex jużaw is-sistema ferrovjarja, speċjalment dik transfruntiera. Fir-rigward tal-finanzjament, l-Istati Membri għandhom it-tendenza li jagħtu prijorità lill-proġetti nazzjonali, għad-detriment tal-konnettività transfruntiera fl-UE kollha, inkluż għall-ferroviji ta’ veloċità għolja. It-tħaddim tal-ferroviji bejn in-networks jeħtieġ li jiġi armonizzat, u l-infrastruttura tan-networks trid issir interoperabbli għalkollox. L-UE tinsab fl-aħjar pożizzjoni biex tipprovdi qafas ġenerali bil-għan li jiġu indirizzati dawn l-ostakli.

B. X’objettivi għandha l-inizjattiva u kif se tiksibhom

Il-Komunikazzjoni se tindirizza d-dimensjonijiet tal-infrastruttura, tekniċi, ambjentali, kummerċjali, finanzjarji u tas-servizzi tal-konnettività ferrovjarja transfruntiera ta’ veloċità għolja tal-UE, filwaqt li tipproponi azzjonijiet immirati bil-għan li:

·Jiġu kkoordinati l-ippjanar, il-finanzjament u l-implimentazzjoni ta’ infrastruttura interoperabbli 

·Tiġi ffaċilitata offerta ferrovjarja ffukata fuq iċ-ċittadini, attraenti u għall-but ta’ kulħadd, ibbażata fuq mudell ta’ negozju kompetittiv u profittabbli għall-operaturi

·Tissaħħaħ il-kompetittività tal-industrija Ewropea tal-provvista ferrovjarja.

L-għan huwa li jinħoloq qafas ta’ abilitazzjoni biex tiġi ssodisfata b’mod effettiv id-domanda dejjem akbar għat-trasport sostenibbli, jiġi appoġġat l-użu akbar tat-trasport ferrovjarju, jiġi żviluppat network ferrovjarju ta’ veloċità għolja effiċjenti fl-użu tal-enerġija, li jikkollega lill-UE ma’ għażla tal-ivvjaġġar għall-but ta’ kulħadd u frekwenti, u jiġu ffukati l-investimenti fejn x’aktarx l-aktar li jkollhom impatt f’termini ta’ konnettività tal-UE u għalhekk ikollhom valur miżjud għoli tal-UE.

Il-Komunikazzjoni se tibni fuq l-objettivi maqbula tan-network tal-infrastruttura tar-Regolament TEN-T u se tressaq serje ta’ azzjonijiet immirati biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet identifikati hawn fuq, bil-għan li tippermetti l-iżvilupp ikkoordinat ta’ network ferrovjarju Ewropew ta’ veloċità għolja b’konnessjonijiet ewlenin li għandhom jiġu stabbiliti mil-lum sal-2040. Il-Komunikazzjoni għandha wkoll l-għan li tiżgura li l-kundizzjonijiet operazzjonali, tekniċi u ekonomiċi għall-forniment ta’ servizzi transfruntiera futuri jiġu diskussi fi stadju bikri ta’ ppjanar, f’format li jinkludi l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, sabiex l-ostakli potenzjali jiġu identifikati minn qabel u jiġu indirizzati b’mod ikkoordinat (inkluż bejn il-fruntieri); li tippermetti lill-operaturi jidħlu malajr fis-suq ladarba l-infrastruttura tkun fis-seħħ.

Impatti probabbli

Din hija inizjattiva mhux leġiżlattiva, li għandha l-għan li tistabbilixxi qafas ta’ abilitazzjoni biex jinħoloq network ferrovjarju transfruntier ta’ veloċità għolja tal-UE mingħajr xkiel. L-inizjattiva se tipprovdi ċarezza dwar l-ostakli attwali għall-konnettività ferrovjarja ta’ veloċità għolja fl-UE u ħarsa ġenerali lejn il-leġiżlazzjoni eżistenti u futura relatata mal-iżvilupp tal-ferroviji ta’ veloċità għolja. Kwalunkwe inizjattiva speċifika mħabbra fil-Komunikazzjoni se tkun soġġetta għal valutazzjoni tal-impatt kif meħtieġ.

Bosta impatti pożittivi jistgħu jirriżultaw mill-abilitazzjoni tal-konnettività ferrovjarja ta’ veloċità għolja u b’hekk:

-Jissaħħu r-rabtiet ekonomiċi bejn il-pajjiżi u r-reġjuni, jiġu ffaċilitati l-ivvjaġġar fuq xogħol u t-turiżmu, titjieb il-koeżjoni territorjali, u jiġu stimulati l-ekonomiji reġjonali.

-Jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u t-tniġġis tal-arja u akustiku billi tiġi pprovduta alternattiva vijabbli u aktar nadifa għall-ivvjaġġar bl-ajru u bil-karozza.

-Jiġu appoġġati l-produzzjoni u l-akkwist tat-teknoloġija ferrovjarja ta’ veloċità għolja tal-UE, u jissaħħu l-industriji Ewropej u l-kompetittività globali tagħhom.

Monitoraġġ futur

Il-monitoraġġ tal-iżvilupp tan-network tal-HSR se jsir permezz tal-mekkaniżmi ta’ governanza stabbiliti fir-Regolament TEN-T tal-2024, li se japplikaw speċifikament għall-Kurituri Ewropej tat-Trasport.

C. Regolamentazzjoni aħjar

Valutazzjoni tal-impatt

L-inizjattiva hija Komunikazzjoni ta’ politika mhux leġiżlattiva u għalhekk mhi meħtieġa l-ebda valutazzjoni tal-impatt. Inizjattivi speċifiċi mħabbra fil-Komunikazzjoni li jippermettu għażla reali bejn għażliet ta’ politika alternattivi u li potenzjalment jista’ jkollhom impatti sinifikanti, se jkunu soġġetti għal valutazzjonijiet tal-impatt u se jiġu aktar tard matul il-mandat.

Strateġija tal-konsultazzjoni

Il-Kummissjoni qed tistieden lill-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati biex jipprovdu l-fehmiet u l-kontribut tagħhom permezz ta’ din is-sejħa għal evidenza. Se ssir ukoll konsultazzjoni mmirata mal-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari biex jinġabru informazzjoni u data mill-kategoriji tal-partijiet ikkonċernati li ġejjin: l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti, l-operaturi ferrovjarji, l-amministraturi tal-infrastruttura ferrovjarja, il-manifatturi, ir-rappreżentanti tal-passiġġieri, il-bejjiegħa tal-biljetti, is-sħab soċjali, il-korpi ta’ finanzjament u ta’ riċerka, l-NGOs. L-inizjattiva se tqis l-attivitajiet ta’ konsultazzjoni preċedenti li jikkonċernaw l-HSR, kif ukoll is-sejbiet ta’ studji u ta’ rapporti rilevanti. Se jitħejja rapport fil-qosor, li jipprovdi sommarju tal-attivitajiet ta’ konsultazzjoni.

Għaliex qed nagħmlu din il-konsultazzjoni?

Il-konsultazzjoni se tagħti lill-partijiet ikkonċernati tul il-katina tal-valur l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom sabiex l-elementi kritiċi tat-tfassil tal-Komunikazzjoni u l-implimentazzjoni futura tagħha jkunu jistgħu jiġu indirizzati, filwaqt li jitqiesu l-perspettivi relatati mal-infrastruttura, l-operaturi u l-passiġġieri. Il-konsultazzjoni mmirata tfittex li tiżgura li jkun hemm fehim komuni tal-ostakli ewlenin identifikati fil-ħidma preparatorja li twassal għall-Komunikazzjoni.

Udjenza fil-mira

Il-partijiet ikkonċernati ewlenin identifikati li x’aktarx ikunu interessati fis-suġġett jinkludu l-awtoritajiet nazzjonali, l-operaturi ferrovjarji, l-amministraturi tal-infrastruttura ferrovjarja, il-manifatturi, il-bejjiegħa tal-biljetti, ir-rappreżentanti tal-passiġġieri, is-sħab soċjali, il-korpi ta’ finanzjament u ta’ riċerka, l-NGOs, u l-pubbliku ġenerali.