ANNESS
Linji gwida għall-implimentazzjoni ta’ ċerti kriterji tal-għażla għall-proġetti strateġiċi b’emissjonijiet żero netti stabbiliti fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) 2024/1735
1.Kunsiderazzjonijiet ġenerali
L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu bħala proġetti strateġiċi b’emissjonijiet żero netti, proġetti ta’ manifattura tat-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti li jinsabu fl-Unjoni li jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2024/1735, u li jissodisfaw mill-inqas wieħed mill-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 13(1) ta’ dak ir-Regolament.
Fil-valutazzjoni dwar jekk proġett jissodisfax l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2024/1735, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw jekk il-proġett jistax jikkontribwixxi għall-għanijiet tal-Unjoni dwar il-klima u l-enerġija, inklużi r-reżiljenza u s-sostenibbiltà tal-ktajjen tal-provvista b’emissjonijiet żero netti. Jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu l-kontroll tal-impriżi involuti u l-involviment relattiv ta’ kull impriża fil-proġett, speċjalment fid-dawl tal-influwenza potenzjali minn atturi ta’ pajjiżi terzi. Jenħtieġ li l-kontroll jiġi interpretat kif definit fl-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004.
Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-kriterji, l-applikazzjonijiet ta’ proġetti ta’ manifattura tat-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti li jridu jiġu rikonoxxuti bħala proġetti strateġiċi b’emissjonijiet żero netti għandhom jiġu ppreżentati lill-Istat Membru rilevanti bl-użu tal-formola stabbilita minn qabel ipprovduta fuq is-sit web uffiċjali tal-Kummissjoni.
Il-Kummissjoni tħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri biex isegwu l-proċess ta’ applikazzjoni deskritt hemm hekk. Dan il-proċess huwa mfassal biex jiffaċilita t-tħejjija, is-sottomissjoni sigura u r-rieżami tal-applikazzjonijiet għal status ta’ proġett strateġiku b’emissjonijiet żero netti. L-Istati Membri huma mħeġġa wkoll jiddeżinjaw awtorità waħda jew aktar bħala punt ta’ kuntatt nazzjonali responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal status ta’ proġett strateġiku b’emissjonijiet żero netti.
Il-punt ta’ kuntatt nazzjonali jrid jikkoordina l-evalwazzjoni tal-kriterji tal-għażla stabbiliti fl-Artikolu 13 tar-Regolament 2024/1735. Jenħtieġ li huma jiżguraw li l-proċess ta’ applikazzjoni jsegwi approċċ koerenti u strutturat, filwaqt li jiffaċilitaw komunikazzjoni fil-pront u akkurata bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-Kummissjoni. L-involviment tal-punt ta’ kuntatt bħala parti integrali mill-proċedura ta’ applikazzjoni jgħin lill-Istati Membri jiżguraw li l-proċedura tkun aktar simplifikata u effiċjenti biex b’hekk titjieb il-koordinazzjoni mal-Kummissjoni u tiżdied t-trasparenza tal-proċess ta’ evalwazzjoni.
2.Faċilità tal-manifattura li hija l-ewwel tat-tip tagħha
It-terminu faċilità tal-manifattura li hija “l-ewwel tat-tip tagħha” msemmi fl-Artikolu 13(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2024/1735 huwa definit fl-Artikolu 3(32) ta’ dak ir-Regolament bħala “faċilità ġdida jew sostanzjalment aġġornata b’teknoloġija b’emissjonijiet żero netti li tipprovdi innovazzjoni fir-rigward tal-proċess tal-manifattura tat-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti li għadha mhijiex sostanzjalment preżenti jew impenjata li tinbena fl-Unjoni”. Għalhekk, faċilità li hija l-ewwel tat-tip tagħha hija faċilità li (i) qed tipproduċi teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti elenkati fl-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament u (ii) għandha kapaċità ta’ innovazzjoni fir-rigward tal-proċess tal-manifattura tat-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti li għadha mhijiex sostanzjalment preżenti jew ippjanata li tinbena fl-Unjoni fis-sens li faċilità li kapaċi tipproduċi prodott, proċess jew prestazzjoni komparabbli jenħtieġ li ma tkunx diġà teżisti jew li ma jkunx hemm impenn li tinbena fl-Unjoni. Jenħtieġ li l-kapaċitajiet ta’ innovazzjoni ma jinkludux bidliet jew titjib minuri.
Il-kunċett ta’ “innovazzjoni” msemmi fil-punt (ii) għandu jkun iggwidat mill-applikazzjoni usa’ tiegħu fil-qafas leġiżlattiv tal-Unjoni, inkluż ir-Regolament (UE) 2023/1781 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Meta innovazzjoni tkun diġà qed tintuża fir-Riċerka u l-Iżvilupp jew fil-produzzjoni fuq skala żgħira fl-Unjoni, il-produzzjoni ġdida fuq skala kbira ta’ dik l-innovazzjoni xorta tista’ titqies li għadha mhijiex preżenti b’mod sostantiv fl-Unjoni. Faċilità li tuża materjal innovattiv għall-ewwel darba fl-Unjoni tista’ tikkwalifika bħala l-ewwel tat-tip tagħha, anki jekk dak il-materjal ikun ġie ttestjat f’faċilitajiet pilota fl-Unjoni. Proġetti paralleli li jseħħu fl-istess ħin jistgħu wkoll jiġu rikonoxxuti fl-ambitu ta’ din il-klassifikazzjoni.
3.L-aħjar teknoloġija b’emissjonijiet żero netti disponibbli
It-terminu “l-aħjar disponibbli” fil-kuntest tat-“teknoloġija b’emissjonijiet żero netti” u tal-“kapaċità tal-manifattura” huwa msemmi fl-Artikolu 13(1), il-punt (b) u fl-Artikolu 13(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2024/1735. “Kapaċità tal-manifattura” hija definita fl-Artikolu 3(33) bħala “l-ammont totali tal-kapaċità tal-output tat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti prodotti fi proġett ta’ manifattura jew, meta proġett ta’ manifattura jipproduċi komponenti speċifiċi jew makkinarju speċifiku użat primarjament għall-produzzjoni ta’ tali prodotti aktar milli l-prodotti finali nfushom, il-kapaċità tal-output tal-prodotti finali li għalihom jiġu prodotti tali komponenti jew makkinarju speċifiku”.
Il-kunċett ta’ “l-aħjar” teknoloġija b’emissjonijiet żero “disponibbli” għandu jiġi interpretat b’kont meħud tal-kuntest usa’ tar-Regolament (UE) 2024/1735 u l-qafas leġiżlattiv tal-Unjoni, inkluż id-Direttiva (UE) 2024/1785 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li tiddefinixxi “l-aħjar” u “metodi tekniċi disponibbli”. Filwaqt li din id-definizzjoni tapplika għall-prestazzjoni ambjentali, tista’ tiġi adatta u applikata fir-rigward tal-prattiki tal-manifattura tat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti. Għaldaqstant, il-manifattura ta’ “l-aħjar” teknoloġija “disponibbli” tindika l-aktar attivitajiet u metodi operazzjonali effettivi u avvanzati żviluppati, b’enfasi fuq l-effiċjenza teknoloġika u l-innovazzjoni tal-prattiki tal-manifattura.
“L-aħjar” teknoloġija “disponibbli” msemmija fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2024/1735 għandha tinftiehem kif ġej:
(a)“l-aħjar” kapaċità tal-manifattura hija l-istess bħall-istadju l-aktar effettiv u avvanzat fl-iżvilupp tal-attivitajiet tal-manifattura u l-metodi ta’ tħaddim tagħhom li juri l-adegwatezza prattika ta’ tekniki partikolari.
(b)“teknoloġija disponibbli” hija l-istess bħal teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti li huma żviluppati fuq skala li tippermetti l-implimentazzjoni tagħhom fis-settur industrijali rilevanti f’kundizzjonijiet ekonomikament u teknikament vijabbli, meta jitqiesu l-kostijiet u l-benefiċċji involuti, irrispettivament minn jekk tali teknoloġiji humiex prodotti jew diġà qed jintużaw fl-Unjoni, dment li jkunu raġonevolment aċċessibbli għall-operaturi.
Alternattivament, il-manifattura ta’ “l-aħjar” teknoloġija b’emissjonijiet żero “disponibbli” tista’ tiġi interpretata bħala l-kapaċità tal-proġett li jimmanifattura l-aħjar prodotti tat-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti disponibbli bħalissa fis-suq intern. Għaldaqstant, “l-aħjar” teknoloġija “disponibbli” tista’ tikkonsisti fi prodotti bi prestazzjoni aħjar meta mqabbla mal-prodotti disponibbli bħalissa fis-suq intern. Jenħtieġ li l-valutazzjonijiet ikunu bbażati fuq sorsi kredibbli bħal rapporti tekniċi u informazzjoni dwar is-suq.
Meta t-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti kkonċernata tkun diġà taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni dwar il-prestazzjoni ambjentali, bħal, iżda mhux limitat għal, id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament (UE) 2024/1781 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, it-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti fl-ogħla jew fit-tieni l-ogħla klassi ta’ effiċjenza enerġetika għandhom jitqiesu bħala l-aħjar disponibbli jekk jappartjenu għall-ogħla jew għat-tieni l-ogħla klassi popolata tal-klassijiet ta’ prestazzjoni applikabbli.
4.Kapaċità tal-manifattura sinifikanti
Għandu jintuża mill-inqas wieħed mill-metodi li ġejjin biex jiġi ddeterminat jekk il-kapaċità tal-manifattura tistax titqies bħala “sinifikanti” f’konformità mal-Artikolu 13(1), il-punt (a) (ii), tar-Regolament (UE) 2024/1735.
(a)Meta l-kapaċità ta’ produzzjoni annwali ppjanata ta’ proġett ta’ manifattura tat-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti tkun tista’ titkejjel f’gigawatt (GW), kapaċità ugwali għal 1 GW jew aktar fis-sena għal mill-inqas prodott finali wieħed, komponent speċifiku, jew makkinarju speċifiku użat primarjament għall-produzzjoni ta’ teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti f’sit ta’ produzzjoni wieħed għandha titqies sinifikanti.
(b)Meta l-kapaċità ta’ produzzjoni annwali ppjanata ta’ proġett ta’ manifattura tat-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti ma tkunx tista’ titkejjel f’GW, il-kapaċità ppjanata tiegħu tista’ titqies sinifikanti jekk tkun daqs jew taqbeż il-kapaċità ta’ produzzjoni annwali ta’ kwalunkwe wieħed mill-aqwa għaxar proġetti ta’ manifattura tat-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti tal-istess tip jew tat-tip ekwivalenti li diġà joperaw fl-Unjoni, u l-kapaċità ta’ produzzjoni annwali tagħhom għandha tiġi kkalkolata abbażi tad-data tas-suq għas-sena preċedenti li tkun derivata minn sorsi kredibbli bħal rapporti tekniċi u informazzjoni dwar is-suq.
(c)Meta proġetti ta’ manifattura tat-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti jkunu siti ta’ produzzjoni integrati vertikalment, il-kapaċità tagħhom tista’ titqies sinifikanti jekk aktar minn prodott finali wieħed, komponent speċifiku jew makkinarju speċifiku użat primarjament għall-produzzjoni ta’ teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti jridu jiġu prodotti fl-istess sit.
(d)Meta l-kapaċità ta’ produzzjoni attwali tal-Unjoni ta’ prodott finali, komponent speċifiku jew makkinarju speċifiku użat primarjament għall-produzzjoni ta’ teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti tkun taħt il-parametru referenzjarju ta’ 40 % stabbilit fl-Artikolu 5(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2024/1735, kapaċità ta’ produzzjoni aktar baxxa mill-kapaċità ta’ produzzjoni stabbilita fil-punti (a) u (b) f’din it-taqsima tista’ titqies ukoll bħala “sinifikanti”. Il-valutazzjoni dwar jekk kapaċità tal-produzzjoni aktar baxxa tistax titqies sinifikanti tista’ titwettaq abbażi tal-monitoraġġ mill-Kummissjoni tal-progress tal-Unjoni fl-issodisfar ta’ dak il-parametru referenzjarju skont l-Artikolu 42(1), il-punt (b), ta’ dak ir-Regolament. Fin-nuqqas ta’ tali informazzjoni rilevanti, l-applikant għal status ta’ proġett strateġiku b’emissjonijiet żero netti jista’ jipprovdi lill-Istat Membru rapporti tekniċi kredibbli u informazzjoni dwar is-suq.
Biex jiġi ddeterminat jekk proġett jipprovdix kapaċità sinifikanti tal-manifattura f’konformità mal-punti (a) sa (d), l-Istati Membri jistgħu barra minn hekk jikkunsidraw ukoll jekk il-proġett huwiex konformi mal-prijoritajiet strateġiċi tal-Unjoni, ir-reżiljenza tal-katina tal-provvista u s-sostenibbiltà ambjentali.
5.Gwida dwar kriterji l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2024/1735
(a)Sostenibbiltà ambjentali
Sabiex jiġi ddeterminat jekk proġett jissodisfax il-kriterju skont l-Artikolu 13(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2024/1735, jenħtieġ li proġett juri li l-prattiki adottati jnaqqsu b’mod sinifikanti u permanenti l-emissjonijiet ta’ ekwivalenti ta’ CO2 (CO2-eq), filwaqt li jottimizzaw il-kobenefiċċji ambjentali fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa fl-arja, fl-ilma u fil-ħamrija kif ukoll fir-rigward tal-effiċjenza tal-enerġija, tal-ilma u tal-materjali u fir-rigward tal-użu ta’ sustanzi perikolużi. Dawk it-tnaqqisiet għandhom ikunu:
(i)ibbażati fuq l-istima ta’ tunnellati ta’ CO2-eq evitati, bl-użu ta’ suppożizzjonijiet u metodoloġija definiti b’mod ċar;
(ii)objettiv ewlieni tal-proġett u kontribut sostanzjali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet f’konformità mal-għanijiet tal-Unjoni dwar il-klima u l-enerġija.
L-Istat Membru li jipproċessa t-talba għal status ta’ proġett strateġiku b’emissjonijiet żero netti għandu jiżgura li l-emissjonijiet ma jiġux sempliċiment trasferiti għal settur ieħor iżda jirriżultaw fi tnaqqis kumplessiv tal-emissjonijiet ta’ CO2-eq. Barra minn hekk, kwalunkwe waħda mill-prattiki elenkati fl-Artikolu 13(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2024/1735 hija meħtieġa li tnaqqas ir-rati tal-emissjonijiet ta’ CO2-eq b’mod sinifikanti u permanenti.
(b)Is-soll ta’ 50 % għad-dipendenza fuq l-importazzjonijiet
Għall-finijiet tal-Artikolu 13(1), il-punt (a)(i), tar-Regolament (UE) 2024/1735, is-soll ta’ 50 % għad-dipendenza fuq l-importazzjonijiet għal teknoloġija b’emissjonijiet żero netti għandu jinftiehem bħala l-proporzjon bejn l-importazzjonijiet kumulattivi lejn l-Unjoni mill-pajjiżi terzi kollha kkombinati u l-provvista tal-Unjoni fl-istess sena.
L-informazzjoni aġġornata li l-Kummissjoni għandha tipprovdi f’konformità mal-Artikolu 29(2), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2024/1735, tista’, fejn disponibbli, tintuża mill-Istati Membri bħala punt ta’ referenza meta tiġi ddeterminata d-dipendenza fuq l-importazzjoni. Fin-nuqqas ta’ tali informazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw id-dipendenza fuq l-importazzjoni abbażi ta’ sorsi kredibbli oħra bħal rapporti tekniċi u informazzjoni dwar is-suq.
(c)Sehem sinifikanti tal-produzzjoni dinjija u rwol kruċjali fir-reżiljenza
Għall-finijiet tal-Artikolu 13(1), il-punt (a)(iii), tar-Regolament (UE) 2024/1735,
(i)it-terminu “sehem sinifikanti tal-produzzjoni dinjija” għandu jinftiehem bħala l-proġett li jipproduċi prodott finali, komponent speċifiku jew makkinarju speċifiku li għalih il-kapaċità tal-manifattura fl-Unjoni taqbeż il-15 % tal-kapaċità tal-manifattura globali, u dan jikkorrispondi għall-parametru referenzjarju għall-manifattura globali stabbilit fl-Artikolu 5(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2024/1735 u li għandu jiġi stabbilit abbażi tal-monitoraġġ mill-Kummissjoni tal-progress tal-Unjoni fl-issodisfar ta’ dak il-parametru referenzjarju skont l-Artikolu 42(1), il-punt (b), ta’ dak ir-Regolament.
Fin-nuqqas ta’ tali informazzjoni rilevanti, l-applikant għal status ta’ proġett strateġiku b’emissjonijiet żero netti jista’ jipprovdi lill-Istat Membru rapporti tekniċi kredibbli u informazzjoni dwar is-suq.
(ii) Barra minn hekk, it-terminu “rwol kruċjali fir-reżiljenza tal-Unjoni” fl-Artikolu 13(1), il-punt (a)(iii), tar-Regolament (UE) 2024/1735 għandu jiġi interpretat bħala l-impatt dirett ta’ proġett fuq is-sigurtà tal-katina tal-provvista, l-indipendenza enerġetika, jew l-awtonomija strateġika tal-Unjoni.