REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...
ta'29.10.2025
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 142/2011 fir-rigward tar-rekwiżiti għall-importazzjoni taż-żejt tat-tisjir użat
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali u derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 41(3), l-ewwel u t-tielet subparagrafi, l-Artikolu 42(2), il-punti (b) u (d), tiegħu,
Whereas:
(1)Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 2 jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni għas-saħħa pubblika u tal-annimali għall-prodotti sekondarji tal-annimali u għall-prodotti derivati minnhom, sabiex jiġu evitati u jittaffew ir-riskji li ġejjin minn dawk il-prodotti għas-saħħa pubblika u għal dik tal-annimali. Dawk il-miżuri ta’ implimentazzjoni jikkonċernaw l-elementi kollha tal-katina tal-prodotti sekondarji tal-annimali mill-ġenerazzjoni sal-użu aħħari jew ir-rimi inkluż il-ġbir, l-immaniġġar u t-trasport ta’ prodotti sekondarji tal-annimali, kif ukoll il-kundizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti sekondarji tal-annimali importati u prodotti derivati minnhom.
(2)Sabiex jiġi ffaċilitat il-kummerċ internazzjonali taż-żejt tat-tisjir użat, jeħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti armonizzati għall-importazzjoni tiegħu fl-Unjoni.
(3)Iż-żejt tat-tisjir użat jitqies bħala skart tal-catering li għalih japplika r-Regolament (KE) Nru 1069/2009, kif previst fl-Artikolu 2(2), il-punt (g)(iii), ta’ dak ir-Regolament, meta jkun maħsub għall-ipproċessar bi sterilizzazzjoni bil-pressjoni jew għall-ipproċessar bil-metodi msemmija fl-Artikolu 15(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), ta’ dak ir-Regolament jew għat-trasformazzjoni f’bijogass jew għall-ikkompostjar. Meta ż-żejt tat-tisjir użat jew kwalunkwe prodott derivat minnu jkun maħsub għall-operazzjonijiet soġġetti għar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 kif imsemmi fl-Artikolu 2(2), il-punt (g)(iii), ta’ dak ir-Regolament, l-importazzjoni, it-trasport, it-trattament u l-użu sussegwenti ta’ tali żejt tat-tisjir użat huma rregolati minn dak ir-Regolament.
(4)Żejt tat-tisjir użat, għajr skart tal-catering li joriġina minn mezzi tat-trasport li joperaw internazzjonalment, huwa materjal tal-Kategorija 3 skont l-Artikolu 10, il-punt (p), tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009. Żejt tat-tisjir użat li ma fihx jew ma jikkonsistix minn materjali li joriġinaw mill-annimali ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009.
(5)Iż-żejt tat-tisjir użat huwa żejt u frazzjoni xaħmija ta’ skart tal-catering. Jenħtieġ li tiżdied definizzjoni ta’ żejt tat-tisjir użat fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 biex jiġi ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżiti previsti għall-importazzjonijiet taż-żejt tat-tisjir użat.
(6)Iż-żejt tat-tisjir użat huwa materjal tal-bidu għall-produzzjoni ta’ fjuwils rinnovabbli, bijodiżil jew prodotti oleokimiċi. Sabiex jiġu evitati u minimizzati r-riskji għas-saħħa pubblika u tal-annimali li jirriżultaw minn żejt tat-tisjir użat, jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti rilevanti għall-importazzjonijiet ta’ żejt tat-tisjir użat, inklużi restrizzjonijiet fuq is-saħħa tal-annimali, lista ta’ pajjiżi terzi li minnhom jista’ jiġi importat iż-żejt tat-tisjir użat, mudell ta’ dikjarazzjoni li takkumpanja kunsinna ta’ żejt tat-tisjir użat importat meta jsiru l-kontrolli uffiċjali fuq il-kunsinna fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera tad-dħul fl-Unjoni u r-rekwiżiti għall-istabbiliment tal-oriġini taż-żejt tat-tisjir użat.
(7)Sabiex jiġi evitat id-dħul taż-żejt tat-tisjir użat fil-katina tal-għalf għall-annimali tar-razzett, il-kunsinni taż-żejt tat-tisjir użat importati minn pajjiżi terzi, sakemm iż-żejt tat-tisjir użat ma jiġix imċaqlaq permezz ta’ sistema ta’ trasportaturi magħluqa, jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-kundizzjonijiet għall-monitoraġġ tat-trasport u tal-wasla ta’ kunsinni ta’ ċertu merkanzija mill-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla sal-istabbiliment fil-post tad-destinazzjoni fl-Unjoni msemmi fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1666 3 .
(8)Dawk il-kontrolli jenħtieġ li japplikaw ukoll meta ż-żejt tat-tisjir użat jissaħħan jew jiddewweb f’impjant approvat li jwettaq attivitajiet intermedji, jew jinħażen temporanjament f’impjant tal-ħżin intermedju approvat qabel ma jiġi kkonsenjat fid-destinazzjoni finali f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2019/1666, sakemm iż-żejt tat-tisjir użat ma jiġix imċaqlaq permezz ta’ sistema ta’ transportaturi magħluqa.
(9)Sabiex jiġu armonizzati r-rekwiżiti tal-importazzjoni għaż-żejt tat-tisjir użat, jenħtieġ li jiġi introdott mudell ġdid ta’ dikjarazzjoni fl-Anness XV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 li jakkumpanja l-kunsinni taż-żejt tat-tisjir użat meta jsiru l-kontrolli uffiċjali fuq il-kunsinna fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera tad-dħul fl-Unjoni.
(10)Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 142/2011 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.
(11)Huwa xieraq li l-operaturi u l-awtoritajiet kompetenti jingħataw biżżejjed żmien biex jallinjaw il-proċeduri eżistenti mar-rekwiżiti armonizzati għall-importazzjoni taż-żejt tat-tisjir użat stabbiliti f’dan ir-Regolament. Għaldaqstant, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika minn … [24 xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].