KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI


Approvazzjoni tal-kontenut ta’ abbozz għal Regolament tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija u abbozz għal Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-Trattat għal ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija

Il-Kummissjoni approvat il-kontenut ta’ abbozz għal Regolament tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija u abbozz għal Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-Trattat għal ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija fil-11 ta’ Settembru 2025.

L-abbozz għal Regolament tal-Kummissjoni jaġġorna r-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija tat-Trasferiment tat-Teknoloġija attwali, li jeżenta ċerti kategoriji ta’ ftehimiet dwar it-trasferiment tat-teknoloġija mill-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) tat-Trattat.

L-abbozz tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni jaġġorna l-Linji Gwida attwali tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-Trattat għal ftehimiet dwar it-trasferiment tat-teknoloġija.

Il-Kummissjoni approvat l-abbozzi bl-għan li tippubblikahom għall-konsultazzjoni.

L-abbozz għal Regolament tal-Kummissjoni u l-abbozz għal-Linji Gwida tal-Kummissjoni huma mehmuża bħala Annessi għal din il-Komunikazzjoni.

L-abbozzi huma miftuħa għall-konsultazzjoni pubblika fuq:

https://competition-policy.ec.europa.eu/public-consultations_en?prefLang=mt

Wara l-konsultazzjoni pubblika, l-abbozzi se jiġu ffinalizzati, filwaqt li jitqies ir-rispons riċevut, bil-ħsieb tal-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ Regolament tal-Kummissjoni rivedut u Linji Gwida riveduti tal-Kummissjoni.


ANNESS I

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) …/…

ta’ XXX

dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ akkordji dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

ABBOZZ

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill Nru 19/65/KEE tat-2 ta’ Marzu 1965 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 85(3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta’ ftehim u prattiċi miftiehma 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 1 tiegħu,

Wara li ppubblikat abbozz ta’ dan ir-Regolament,

Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv dwar Prattiċi Restrittivi u Posizzjonijiet Dominanti,

Billi:

(1)Ir-Regolament Nru 19/65/KEE jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tapplika, permezz ta’ regolament, l-Artikolu 101(3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta’ akkordji dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija u għall-prattiki korrispondenti miftehma li għalihom jipparteċipaw biss żewġ impriżi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat.

(2)Skont ir-Regolament Nru 19/65/KEE, il-Kummissjoni, b’mod partikolari, adottat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 316/2014 2 . Ir-Regolament (KE) Nru 316/2014 jiddefinixxi kategoriji ta’ akkordji dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li l-Kummissjoni qieset li normalment jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Bil-ħsieb tal-esperjenza pożittiva ġenerali fl-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament u r-riżultati tal-evalwazzjoni ta’ dak ir-Regolament, huwa xieraq li jiġi adottat regolament ġdid ta’ eżenzjoni ta’ kategorija.

(3)Dan ir-Regolament għandu jiżgura l-protezzjoni effettiv tal-kompetizzjoni u jipprovdi ċertezza legali adegwata għall-impriżi. Is-segwitu ta’ dawk l-objettivi għandu jqis kemm jista’ jkun il-ħtieġa li tiġi ssimplifikata s-superviżjoni amministrattiva u l-qafas leġiżlattiv.

(4)L-akkordji dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija jikkonċermaw il-liċenzjar tad-drittijiet tat-teknoloġija. Tali akkordji s-soltu jtejbu l-effiċjenza ekonomika u jkunu favur il-kompetizzjoni billi jistgħu jnaqqsu d-duplikazzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp, jinċentivaw ir-riċerka u l-iżvilupp inizjali, jixprunaw l-innovazzjoni inkrimentali, jiffaċilitaw it-tixrid tat-teknoloġija u jiġġeneraw il-kompetizzjoni fis-suq tal-prodott.

(5)Il-probabbiltà li tali effetti li jtejbu l-effiċjenza u li jkunu favur il-kompetittività jegħlbu kwalunkwe effett antikompetittiv li jirriżulta mir-restrizzjonijiet li jinsabu fl-akkordji dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija tiddependi fuq il-grad tas-saħħa fis-suq tal-impriżi ikkonċernati u, għalhekk, sa liema punt dawk l-impriżi jiffaċċjaw il-kompetizzjoni minn impriżi li jipposjedu teknoloġiji sostituti jew impriżi li jipproduċu prodotti sostituti.

(6)Dan ir-Regolament għandu japplika biss għal akkordji dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija bejn liċenzjatur u liċenzjatarju. Għandu jkopri tali akkordji anki jekk l-akkordju jkun fih kundizzjonijiet relatati ma’ aktar minn livell wieħed ta’ kummerċ, pereżempju li jirrikjedu li l-liċenzjatarju jistabbilixxi sistema partikolari ta’ distribuzzjoni u jispeċifika l-obbligi li l-liċenzjatarju jrid jew jista’ jimponi fuq il-bejjiegħa mill-ġdid tal-prodotti li ġew prodotti taħt il-liċenzja. Madankollu, tali kundizzjonijiet u obbligi għandhom ikunu konformi mar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għal akkordji ta’ provvista u distribuzzjoni, kif stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2022/720 3 u spjegati fil-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar ir-Restrizzjonijiet Vetikali 4 . L-akkordji ta’ provvista u distribuzzjoni konklużi bejn liċenjatarju u x-xerrejja tal-prodotti tal-kuntratt tiegħu ma għandhomx jiġu eżentati minn dan ir-Regolament. 

(7)Dan ir-Regolament għandu japplika biss għal akkordji li fihom il-liċenzjatur jippermetti lil-liċenzjatarju u/jew wieħed jew aktar mis-subkuntratturi tiegħu li jisfruttaw d-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata, possibbilment wara aktar riċerka u żvilupp mil-liċenzjatarju u/jew mis-subkuntratturi tiegħu, għall-finijiet tal-produzzjoni ta’ oġġetti jew servizzi. Ma għandux japplika għal-liċenzjar fil-kuntest ta’ akkordji ta’ riċerka u żvilupp li huma koperti bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/1066 5 jew għal-liċenzjar fil-kuntest ta’ akkordji ta’ speċjalizzazzjoni li huma koperti bir-Regolament tal-Kumissjoni (UE) 2023/1067 6 . Ma għandux japplika wkoll għal akkordji li l-għan primarju tagħhom huwa s-sempliċi bejgħ mill-ġdid jew distribuzzjoni ta’ software, kemm jekk permezz ta’ mezzi fiżiċi kif ukoll dawk diġitali, peress li tali akkordji ma jikkonċernawx il-liċenzjar tat-teknoloġija għall-fini ta’ produzzjoni iżda huma aktar simili għal akkordji ta’ distribuzzjoni.

(8)Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal akkordji biex jiġu stabbiliti pools tat-teknoloġija, jiġifieri, akkordji għall-pooling tat-teknoloġiji bil-għan li dawn jiġu liċenzjati lill-kontributuri għall-pool jew lil partijiet terzi, jew għal akkordji li permezz tagħhom it-teknoloġiji ippuljati jiġu liċenzjati lil dawk il-partijiet terzi. Lanqas ma għandu japplika għal arranġamenti li permezz tagħhom il-liċenzjatarji potenzjali tat-teknoloġija jifthiemu li jinnegozjaw it-termini ta’ akkordji dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija b’mod konġunt (gruppi ta’ negozjar tal-liċenzjar).

(9)Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat permezz ta’ regolament, mhuwiex meħtieġ li jiġu definiti dawk l-akkordji dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Fil-valutazzjoni individwali ta’ akkordji skont l-Artikolu 101(1), għandhom jitqiesu diversi fatturi, u b’mod partikolari l-istruttura u d-dinamika tat-teknoloġija rilevanti u tas-swieq tal-prodott.

(10)Il-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija stabbilita permezz ta’ dan ir-Regolament għandu jkun limitat għal dawk l-akkordji li fir-rigward tagħhom jista’ jiġi assunt b’ċertezza suffiċjenti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Sabiex jintlaħqu l-benefiċċji u l-objettivi tat-trasferiment ta’ teknoloġija, dan ir-Regolament ma għandux ikopri biss it-trasferiment ta’ teknoloġija bħala tali iżda anki dispożizzjonijiet oħra li jinsabu f’akkordji dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija jekk, u sa liema punt, dawk id-dispożizzjonijiet ikunu direttament relatati mal-produzzjoni jew il-bejgħ tal-prodotti tal-kuntratt.

(11)Għal akkordji dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija bejn kompetituri jista’ jiġi preżunt li, meta s-sehem ikkombinat tas-swieq rilevanti miżmuma mill-partijiet ma jaqbiżx l-20 % u l-akkordji ma jkunx fihom ċerti restrizzjonijiet antikompetittivi b’mod gravi, dawn ġeneralment iwasslu għal titjib fil-produzzjoni jew fid-distribuzzjoni u jippermettu lill-konsumaturi sehem ġust mill-benefiċċji li jirriżultaw.

(12)Għal akkordji dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija bejn partijiet mhux kompetituri jista’ jiġi preżunt li, meta s-sehem individwali tas-swieq rilevanti miżmum minn kull waħda mill-partijiet ma jaqbiżx it-30 % u l-akkordji ma jkunx fihom ċerti restrizzjonijiet antikompetittivi b’mod gravi, dawn ġeneralment iwasslu għal titjib fil-produzzjoni jew fid-distribuzzjoni u jippermettu lill-konsumaturi sehem ġust mill-benefiċċji li jirriżultaw.

(13)L-ishma mis-suq fis-swieq rilevanti tat-teknoloġija għandhom jiġu kkalkolati fuq il-bażi tal-preżenza tad-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata fis-swieq rilevanti ġeografiċi u tal-prodotti li fihom jinbiegħu l-prodotti tal-kuntratt, jiġifieri fuq il-bażi tal-bejgħ ta’ prodotti tal-kuntratt li ġew prodotti mil-liċenzjatur u l-liċenzjatarji tiegħu flimkien. Għalhekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, it-teknoloġiji li jkunu għadhom ma ġġenerawx bejgħ ta’ prodotti tal-kuntratt se jitqiesu li għandhom sehem mis-suq ta’ żero.

(14)Jekk jinqabeż il-livell limitu applikabbli tas-sehem mis-suq f’suq wieħed jew aktar tal-prodott jew tat-tekonoloġija, l-eżenzjoni ta’ kategorija ma għandhiex tapplika għall-akkordji għas-swieq kkonċernati rilevanti.

(15)Ma jista’ jkun hemm l-ebda preżunzjoni li, ’l fuq minn dawk il-livelli limiti tas-sehem mis-suq, l-akkordji dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Pereżempju, akkordji esklużivi għall-ħruġ ta’ liċenzji bejn impriżi mhux kompetituri normalment ma jkunux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1). Ma jista’ jkun hemm ukoll l-ebda preżunzjoni li, ’il fuq minn dawk il-livelli limiti tas-sehem mis-suq, akkordji dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni. Madankollu, jista’ wkoll ma jiġix preżunt li dawn normalment jwasslu għal vantaġġi oġġettivi ta’ tali karattru u daqs li jikkumpensaw għall-iżvantaġġi li joħolqu għall-kompetizzjoni.

(16)Dan ir-Regolament ma għandux jeżenta akkordji dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li jinkludu restrizzjonijiet li ma jkunux indispensabbli għat-titjib tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni. B’mod partikolari, akkordji dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li jinkludu ċerti restrizzjonijiet antikompetittivi b’mod gravi, bħall-iffissar tal-prezzijiet mitluba lill-partijiet terzi, għandhom jiġu esklużi mill-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija stabbilit b’dan ir-Regolament, irrispettivament mill-ishma mis-suq tal-impriżi kkonċernati. Meta akkordju jkun fih tali restrizzjonijiet ibsin, l-akkordju kollu kemm hu għandu jiġi eskluż mill-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija.

(17)Sabiex jiġu protetti l-inċentivi għall-innovazzjoni u l-applikazzjoni xierqa tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, ċerti restrizzjonijiet għandhom jiġu esklużi mill-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija. B’mod partikolari, għandhom jiġu esklużi l-obbligi ta’ retroċessjoni esklussivi u l-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni. Meta tali restrizzjonijiet jiġu inklużi f’akkordju dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija, għandha tiġi eskluża biss ir-restrizzjoni inkwistjoni mill-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija.

(18)Il-livelli limiti tas-sehem mis-suq, in-nuqqas ta’ eżenzjoni tal-akkordji dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li jinkludu restrizzjonijiet antikompetittivi b’mod gravi u r-restrizzjonijiet esklużi previsti f’dan ir-Regolament normalment jiżguraw li l-akkordji li għalihom tapplika l-eżenzjoni ta’ kategorija ma jippermettux lill-impriżi parteċipi jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ parti sostanzjali tal-prodotti inkwistjoni.

(19)Dan ir-Regolament għandu jindika s-sitwazzjonijiet tipiċi li fihom jista’ jitqies xieraq li jiġi rtirat il-benefiċċju tal-eżenzjoni stabbilit b’dan ir-Regolament, skont l-Artikolu 29 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 7 .

(20)Sabiex issaħħaħ is-superviżjoni ta’ networks paralleli ta’ akkordji dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija b’effetti restrittivi simili u li jkopru aktar minn 50 % minn suq partikolari, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ regolament, tiddikjara li dan ir-Regolament inapplikabbli għal akkordji dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li jkun fihom restrizzjonijiet speċifiċi relatati mas-suq ikkonċernat, biex b’hekk l-Artikolu 101 tat-Trattat jerġa’ japplika b’mod sħiħ għal tali akkordji,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

1.Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)“akkordju” tfisser akkordju, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew prattika miftehma;

(b)“drittijiet tat-teknoloġija” tfisser l-għarfien prattiku u d-drittijiet li ġejjin, jew taħlita tat-tnejn, inklużi l-applikazzjonijiet ta’ dawk id-drittijiet jew l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tagħhom:

(i)privattivi;

(ii)mudelli ta’ utilità;

(iii)drittijiet tad-diżinn,

(iv)topografiji ta’ prodotti semikondutturi;

(v)ċertifikati ta’ protezzjoni supplimentari għal prodotti mediċinali jew prodotti oħra li għalihom jistgħu jinkisbu tali ċertifikati ta’ protezzjoni supplimentari;

(vi)ċertifikati ta’ min inissel il-pjanti; u

(vii)drittijiet tal-awtur tas-software;

(c)“akkordju dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija” tfisser:

(i)akkordju għall-ħruġ ta’ liċenzji tad-drittijiet tat-teknoloġija bejn żewġ impriżi għall-fini tal-produzzjoni ta’ prodotti tal-kuntratt mil-liċenzjatarju u/jew mis-subkuntrattur(i) tiegħu;

(ii)ċessjoni tad-drittijiet tat-teknoloġija bejn żewġ impriżi għall-fini tal-produzzjoni tal-prodotti tal-kuntratt, li fiha parti mir-riskju assoċjat mal-isfruttar tat-teknoloġija jerfgħaha ċ-ċendent;

(d)“akkordju reċiproku” tfisser akkordju dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li fih żewġ impriżi jagħtu lil xulxin, fl-istess kuntratt jew f’kuntratti separati, liċenzja għad-drittijiet tat-teknoloġija, u meta dawk il-liċenzji jikkonċernaw teknoloġiji li jikkompetu jew jistgħu jintużaw għall-produzzjoni ta’ prodotti kompetituri;

(e)“akkord mhux reċiproku” tfisser akkordju dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li fih impriża waħda tagħti lil impriża oħra liċenzja għad-drittijiet tat-teknoloġija, jew meta żewġ impriżi jagħtu lil xulxin tali liċenzja iżda meta dawk il-liċenzji ma jkunux jikkonċernaw teknoloġiji kompetituri u ma jkunux jistgħu jintużaw għall-produzzjoni ta’ prodotti kompetituri;

(f)“prodott” tfisser oġġetti jew servizzi, inklużi kemm l-oġġetti u s-servizzi intermedjarji kif ukoll l-oġġetti u s-servizzi finali;

(g)“prodott tal-kuntratt” tfisser prodott li jiġi prodott, direttament jew indirettament, fuq il-bażi tad-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata;

(h)“drittijiet tal-proprjetà intellettwali” tinkludi d-drittijiet tal-proprjetà industrijali, b’mod partikolari l-privattivi u l-marki kummerċjali, id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet assoċjati;

(i)“għarfien prattiku” tfisser pakkett ta’ informazzjoni prattika, li jirriżulta mill-esperjenza u mill-ittestjar, li jkun:

(i)sigriet, jiġifieri, li ma jkunx magħruf b’mod ġenerali jew aċċessibbli b’mod faċli;

(ii)sostanzjali, jiġifieri, sinifikanti u utli għall-produzzjoni tal-prodotti tal-kuntratt; u

(iii)identifikat, jiġifieri, deskritt b’mod komprensiv biżżejjed sabiex ikun possibbli li jiġi verifikat li jissodisfa l-kriterji ta’ segretezza u sostanzjalità;

(j)“suq tal-prodott rilevanti” tfisser is-suq għall-prodotti tal-kuntratt u s-sostituti tagħhom, jiġifieri dawk il-prodotti kollha li jitqies bħala interkambjabbli jew sostitwibbli mix-xerrej, minħabba l-karatteristiċi tal-prodotti, il-prezzijiet tagħhom u l-użu maħsub tagħhom;

(k)“suq rilevanti tat-teknoloġija” tfisser is-suq għad-drittijiet liċenzjati tat-teknoloġija u s-sostituti tagħhom, jiġifieri dawk id-drittijiet tat-teknoloġija kollha li jitqiesu bħala interkambjabbli jew sostitwibbli mil-liċenzjatarju, minħabba l-karatteristiċi tad-drittijiet tat-teknoloġija, id-drittijiet pagabbli fir-rigward ta’ dawk id-drittijiet u l-użu maħsub tagħhom;

(l)“suq ġeografiku rilevanti” tfisser iż-żona li fiha l-impriżi kkonċernati jkunu involuti fil-provvista jew fid-domanda ta’ prodotti jew fil-liċenzjar tad-drittijiet tat-teknoloġija, fejn il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni jkunu omoġenji biżżejjed u li jistgħu jkunu distinti minn żoni ġirien billi l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni jkunu sostanzjalment differenti f’dawk iż-żoni;

(m)“suq rilevanti” tfisser il-kombinazzjoni tas-suq rilevanti tal-prodott jew tat-teknoloġija mas-suq ġeografiku rilevanti;

(n)“impriżi kompetituri” tfisser impriżi li jikkompetu fis-suq rilevanti, jiġifieri:

(i)impriżi kompetituri fis-suq rilevanti li fih id-drittijiet tat-teknoloġija jiġu liċenzjati, jiġifieri, impriżi li jagħtu l-liċenżji tad-drittijiet tat-teknoloġija li jikkompetu ma’ xulxin (kompetituri effettivi fis-suq rilevanti);

(ii)impriżi kompetituri fis-suq rilevanti li fih jinbiegħu l-prodotti tal-kuntratt, jiġifieri, impriżi li, fin-nuqqas tal-akkordju dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija, ikunu t-tnejn attivi fis-suq/swieq rilevanti li fih(om) jinbiegħu l-prodotti tal-kuntratt (kompetituri effettivi fis-suq rilevanti) jew li, fin-nuqqas tal-akkordju dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija, fuq bażi realistika u mhux biss bħala sempliċi possibbiltà teoretika, x’aktarx li jwettqu l-investimenti addizzjonali meħtieġa jew iġarrbu kostijiet oħra meħtieġa biex jidħlu fis-suq/swieq rilevanti f’perjodu ta’ żmien li jkun qasir biżżejjed biex jimponi pressjoni kompetittiva fuq impriżi li diġà huma attivi fis-suq rilevanti (kompetituri potenzjali fis-suq rilevanti);

(o)“sistema ta’ distribuzzjoni selettiva” tfisser sistema ta’ distribuzzjoni fejn il-liċenzjatur jintrabat li jagħti l-liċenzja għall-produzzjoni tal-prodotti tal-kuntratt, direttament jew indirettament, biss lil liċenzjatarji magħżula fuq bażi ta’ kriterji speċifikati u fejn dawk il-liċenzjatarji jintrabtu li ma jbigħux il-prodotti tal-kuntratt lil distributuri mhux awtorizzati fit-territorju riżervat mil-liċenzjatur biex fih iħaddem dik is-sistema;

(p)“liċenzja esklużiva” tfisser liċenzja li permezz tagħha l-liċenzjatur stess ma jkunx permess li jipproduċi fuq il-bażi tad-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjati u ma jkunx permess li jagħti liċenżja għad-drittijiet marbutin mat-teknoloġija liċenzjata lil partijiet terzi, b’mod ġenerali jew għal użu partikolari jew f’territorju partikolari;

(q)“territorju esklużiv” tfisser territorju partikolari li fih impriża waħda biss ikollha l-permess tipproduċi il-prodotti tal-kuntratt, iżda li madankollu xorta jkun possibbli li liċenzjatarju ieħor ta’ liċenzja jingħata l-peremss li jipproduċi l-prodotti tal-kuntratt f’dak it-territorju biss għal klijent partikolari wieħed, fejn din it-tieni liċenzja tkun ingħatat sabiex jinħoloq sors alternattiv ta’ provvista għal dak il-klijent;

(r)“grupp esklużiv ta’ klijenti” tfisser grupp ta’ klijenti li għalih parti waħda biss għall-akkordju dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija tista’ tbegħilhom b’mod attiv il-prodotti tal-kuntratt li ġew prodotti bit-teknoloġija liċenzjata;

(s)“bejgħ attiv” tfisser li l-klijenti jiġu mmirati b’mod attiv permezz ta’ żjarat, ittri, emails, telefonati jew mezzi oħra ta’ komunikazzjoni diretta jew permezz ta’ reklamar u promozzjoni mmirati, offline jew online, pereżempju permezz ta’ media stampata jew diġitali, inkluża media online, servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet jew reklamar fuq magni tat-tiftix immirati lejn klijenti f’territorji jew gruppi ta’ klijenti partikolari, l-operat ta’ sit web b’dominju tal-ogħla livell li jikkorrispondi għal territorji partikolari, jew l-offerta fuq sit web ta’ lingwi li jintużaw komunement f’territorji partikolari, meta tali lingwi jkunu differenti minn dawk użati komunement fit-territorju li fih ikun stabbilit ix-xerrej;

(t) “bejgħ passiv” tfisser bejgħ bi tweġiba għal talbiet mhux mitluba minn klijenti individwali, inkluża l-konsenja ta’ prodotti jew servizzi lill-klijent mingħajr ma l-bejgħ jkun inbeda permezz ta’ reklamar immirat b’mod attiv lejn klijent partikolari, grupp ta’ klijenti partikolari jew territorju partikolari, u jinkludi l-bejgħ li jirriżulta minn parteċipazzjoni f’akkwist pubbliku jew minn risposti għal sejħiet għall-offerti privati.

2.Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, it-termini “impriża”, “liċenzjatur” u “liċenzjatarju” għandhom jinkludu l-impriżi konnessi rispettivi tagħhom.

“Impriżi konnessi” tfisser:

(a)impriżi li fihom waħda mill-partijiet għall-akkordju dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija, direttament jew indirettament:

(i)li jkollhom is-setgħa li jeżerċitaw aktar minn nofs id-drittijiet tal-vot, jew

(ii)li jkollhom is-setgħa li jaħtru aktar minn nofs il-membri tal-bord superviżorju, tal-bord maniġerjali jew tal-korpi li legalment jirrapreżentaw l-impriża, jew

(iii)li għandhom id-dritt li jammaniġġjaw l-affarijiet tal-impriża;

(b)impriżi li, direttament jew indirettament, ikollhom id-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a) fil-konfront ta’ parti għall-akkordju dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija;

(c)impriżi li fihom impriża msemmija fil-punt (b) ikollha, direttament jew indirettament, id-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a);

(d)impriżi li fihom parti għall-akkordju dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija flimkien ma’ impriża waħda jew aktar imsemmija fil-punti (a), (b) jew (c), jew li fihom tnejn jew aktar mill-impriżi msemmija l-aħħar, flimkien ikollhom id-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a);

(e)impriżi li fihom id-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a) ikunu miżmuma konġuntament minn:

(i)partijiet għall-akkordju dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija jew l-impriżi konnessi rispettivi tagħhom imsemmija fil-punti (a) sa (d); jew

(ii)parti waħda jew aktar għall-akkordju dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija jew impriża konnessa waħda jew aktar tagħhom imsemmija fil-punti (a) sa (d) u parti terza waħda jew aktar.

Artikolu 2

Eżenzjoni

1.Skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat u suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, l-Artikolu 101(1) tat-Trattat ma japplikax għal akkordji dwar it-trasferimenti ta’ teknoloġija.

2.L-eżenzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tapplika sal-punt li l-akkordji dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija jkun fihom restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. L-eżenzjoni għandha tapplika sakemm ma jkunux skadew id-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjati, jew ikunu ġew dikjarati invalidi jew, fil-każ tal-għarfien prattiku, sakemm l-għarfien prattiku jibqa’ sigriet. Madankollu, meta l-għarfien prattiku jsir magħruf pubblikament b’riżultat ta’ azzjoni mil-liċenzjatarju, l-eżenzjoni għandha tapplika għad-durata tal-akkordju.

3.L-eżenzjoni prevista fil-paragrafu 1 għandha tapplika wkoll għad-dispożizzjonijiet fl-akkordji dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija relatati max-xiri ta’ prodotti mil-liċenzjatarju jew relatati mal-liċenzjar jew iċ-ċessjoni ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali oħra jew għarfien prattiku ieħor lil-liċenzjatarju, jekk, u sa fejn, dawk id-dispożizzjonijiet ikunu direttament relatati mal-produzzjoni jew il-bejgħ tal-prodotti tal-kuntratt.

Artikolu 3

Livelli limiti tas-sehem mis-suq

1.Meta l-impriżi li jkunu parti għall-akkordju jkunu impriżi kompetituri, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 għandha tapplika bil-kundizzjoni li s-sehem mis-suq ikkombinat tal-partijiet ma jaqbiżx l-20 % fis-suq/swieq rilevanti.

2.Meta l-impriżi li jkunu parti għall-akkordju ma jkunux impriżi kompetituri, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 għandha tapplika bil-kundizzjoni li s-sehem mis-suq ta’ kull waħda mill-partijiet ma jaqbiżx it-30 % fis-suq/swieq rilevanti.

Artikolu 4

Restrizzjonijiet ibsin

1.Meta l-impriżi li jkunu parti għall-akkordju jkunu impriżi kompetituri, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 ma għandhiex tapplika għal akkordji li, direttament jew indirettament, weħidhom jew flimkien ma’ fatturi oħra taħt il-kontroll tal-partijiet, ikollhom bħala l-objettiv tagħhom kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)ir-restrizzjoni tal-abbiltà ta’ parti li tiddetermina l-prezzijiet tagħha meta tbigħ il-prodotti lil partijiet terzi;

(b)il-limitazzjoni tal-produzzjoni, ħlief il-limitazzjonijiet fuq il-produzzjoni tal-prodotti tal-kuntratt imposti fuq il-liċenzjatarju f’akkordju mhux reċiproku jew imposti fuq wieħed mil-liċenzjatarji biss f’akkordju reċiproku;

(c)l-allokazzjoni ta’ swieq jew klijenti ħlief:

(i)l-obbligu fuq il-liċenzjatur u/jew il-liċenzjatarju, f’akkordju mhux reċiproku, li ma jipproduċix bid-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata fit-territorju esklużiv riżervat għall-parti l-oħra u/jew ma jbigħx il-prodotti tal-kuntratt b’mod attiv u/jew b’mod passiv fit-territorju esklużiv jew lill-grupp esklużiv ta’ klijenti riżervat għall-parti l-oħra,

(ii)ir-restrizzjoni, f’akkordju mhux reċiproku, tal-bejgħ attiv tal-prodotti tal-kuntratt mil-liċenzjatarju fit-territorju esklużiv jew lill-grupp esklużiv ta’ klijenti allokat mil-liċenzjatur lil liċenzjatarju ieħor dment li dan tal-aħħar ma kienx impriża kompetitriċi tal-liċenzjatur fil-ħin tal-konklużjoni tal-liċenzja tiegħu stess,

(iii)l-obbligu fuq il-liċenzjatarju li jipproduċi l-prodotti tal-kuntratt biss għall-użu tiegħu dment li l-liċenzjatarju ma jkunx ristrett milli jbigħ il-prodotti tal-kuntratt b’mod attiv jew b’mod passiv bħala spare parts għall-prodotti tiegħu stess;

(iv)l-obbligu fuq il-liċenzjatarju, f’akkordju mhux reċiproku, li jipproduċi l-prodotti tal-kuntratt biss għal klijent partikolari, meta l-liċenzja tkun ingħatat sabiex jinħoloq sors alternattiv ta’ provvista għal dak il-klijent;

(d)ir-restrizzjoni tal-abbiltà tal-liċenzjatarju li jisfrutta d-drittijiet tat-teknoloġija tiegħu stess jew ir-restrizzjoni tal-abbiltà ta’ kwalunkwe waħda mill-partijiet għall-akkordju li twettaq riċerka u żvilupp, sakemm tali restrizzjoni tal-aħħar ma tkunx indispensabbli biex jiġi evitat l-iżvelar tal-għarfien prattiku liċenzjat lil partijiet terzi.

2.Meta l-impriżi li jkunu parti għall-akkordju ma jkunux impriżi kompetituri, l-eżenzjoni stipulata fl-Artikolu 2 ma tapplikax għal akkordji li l-għan tagħhom, direttament jew indirettament, weħidhom jew flimkien ma’ fatturi oħra li jkunu fil-kontroll tal-partijiet, għandhom bħala l-għan tagħhom xi wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)ir-restrizzjoni ta' l-abbiltà ta' parti partikolari milli tistabbilixxi l-prezzijiet tagħha waqt il-bejgħ tal-prodotti tagħha lil terzi partijiet, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jiġi imponut prezz massimu ta' bejgħ jew prezz rakkomandat ta' bejgħ, sakemm dan ma jsirx prezz fiss jew prezz minimu ta' bejgħ minħabba pressjoni jew inċentivi li jkunu qed jiġu offruti mill-partijiet;

(b)ir-restrizzjoni tat-territorju li fih, jew tal-klijenti li lilhom, il-liċenzjatarju jkun jista’ jbegħilhom b’mod passiv il-prodotti tal-kuntratt, ħlief:

(i)ir-restrizzjoni ta’ bejgħ passiv f’territorju esklużiv jew lil grupp esklużiv ta’ klijenti riżervat għal-liċenzjatur,

(ii)l-obbligu li l-prodotti tal-kuntratt jiġu prodotti biss għall-użu tiegħu stess dment li l-liċenzjatarju ma jkunx restritt milli jbigħ il-prodotti tal-kuntratt b’mod attiv jew passiv bħala spare parts għall-prodotti tiegħu stess;

(iii)l-obbligu li l-prodotti tal-kuntratt jiġu prodotti biss għal xi klijent partikolari, fejn il-liċenzja tkun ingħatat sabiex jinħoloq sors alternattiv ta’ provvista għal dak il-klijent;

(iv)ir-restrizzjoni ta’ bejgħ lill-utenti finali permezz ta’ liċenzjatarju li jopera fil-livell kummerċjali tal-bejgħ bl-ingrossa;

(v)ir-restrizzjoni tal-bejgħ lil distributuri mhux awtorizzati li jinsabu f’territorju li fih il-liċenzjatur jopera sistema ta’ distribuzzjoni selettiva għall-prodotti tal-kuntratt;

(c)ir-restrizzjoni ta’ bejgħ attiv jew passiv lill-utenti finali minn liċenzjatarju li jkun membru ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva u li jopera fil-livell tal-bejgħ bl-imnut, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jiġi projbit membru tas-sistema milli jopera minn post mhux awtorizzat ta’ stabbiliment.

3.Meta l-impriżi li jkunu parti għall-akkordju ma jkunux impriżi kompetituri fiż-żmien il-konklużjoni tal-akkordju iżda jsiru impriżi kompetituri wara dan, għandu japplika l-paragrafu 2 u mhux il-paragrafu 1 għall-perjodu kollu ta’ validità tal-akkordju sakemm l-akkordju sussegwentement ma jiġix emendat fi kwalunkwe aspett materjali f’perjodu sussegwenti. Emenda ta’ dak it-tip tinkludi l-konklużjoni ta’ akkordju ġdid dwar it- trasferiment ta’ teknoloġija bejn il-partijiet li jirrigwarda d-drittijiet tat-teknoloġija li jikkompetu ma’ xulxin.

Artikolu 5

Restrizzjonijiet esklużi

1.L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 ma għandha tapplika għal ebda wieħed mill-obbligi li ġejjin li jinsabu fl-akkordji dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija:

(a)kwalunkwe obbligu dirett jew indirett fuq il-liċenzjatarju biex jagħti liċenzja esklużiva jew biex jagħti ċessjoni ta’ drittijiet, totalment jew parzjalment, lil-liċenzjatur jew lil parti terza nnominata mil-liċenzjatur fir-rigward tat-titjib tiegħu stess ft-teknoloġija liċenzjata, jew l-applikazzjonijiet ġodda tiegħu stess tat-teknoloġija liċenzjata;

(b)kwalunkwe obbligu dirett jew indirett fuq parti biex ma tikkontestax il-validità tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li l-parti l-oħra jkollha fl-Unjoni, mingħajr preġudizzju għall-possibilità, fil-każ ta’ liċenzja esklużiva, li tiġi prevista t-terminazzjoni tal-akkordju dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija f’każ li l-liċenzjatarju jikkontesta l-validità ta’ xi wieħed mid-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata.

2.Meta l-impriżi li jkunu parti għall-akkordji ma jkunux impriżi kompetituri, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 ma għandha tapplika għall-ebda obbligu dirett jew indirett li jillimita l-abbiltà tal-liċenzjatarju li jisfrutta d-drittijiet tat-teknoloġija tiegħu stess jew li jillimita l-abbiltà ta’ xi waħda mill-partijiet għall-akkordju li twettaq riċerka u żvilupp, sakemm tali restrizzjoni tal-aħħar ma tkunx indispensabbli biex jiġi evitat l-iżvelar tal-għarfien prattiku liċenzjat lil partijiet terzi.

Artikolu 6

L-irtirar ta’ każijiet individwali

1.Il-Kummissjoni tista’ tirtira l-benefiċċju ta’ dan ir-Regolament, skont l-Artikolu 29(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, meta fi kwalunkwe każ partikolari issib li akkordju dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li għalih tapplika l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament madankollu jkollu effetti li ma jkunux kompatibbli mal-Artikolu 101(3) tat-Trattat, u b’mod partikolari meta:

(a)l-aċċess tat-teknoloġiji tat-terzi partijiet għas-suq ikun restritt, pereżempju minħabba l-effett kumulattiv ta’ networks paralleli ta’ akkordji restrittivi simili li jipprojbixxu lil-liċenzjatarji milli jużaw it-teknoloġiji tal-partijiet terzi;

(b)l-aċċess għas-suq ta’ liċenzjatarji potenzjali ikun ristrett, pereżempju minħabba l-effett kumulattiv ta’ networks paralleli ta’ akkordji restrittivi simili li jipprojbixxu l-liċenzjatur milli jagħti liċenzji lil liċenzjatarji oħra jew minħabba li l-uniku sid tat-teknoloġija li jagħti liċenzji tad-drittijiet tat-teknoloġija rilevanti jikkonkludi liċenzja esklużiva ma’ liċenzjatarju li jkun diġà attiv fis-suq tal-prodott fuq il-bażi ta’ drittijiet tat-teknoloġija sostitwibbli.

2.Meta, fi kwalunkwe każ partikolari, akkordju dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li għalih tapplika l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament, ikollu effetti li jkunu inkompatabbli mal-Artikolu 101(3) tat-Trattat fit-territorju ta’ Stat Membru, jew f’parti minnu, li jkollu l-karatteristiċi kollha ta’ suq ġeografiku distint, l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ dak l-Istat Membru tista’ tirtira l-benefiċċju ta’ dan ir-Regolament, skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, fir-rigward ta’ dak it-territorju, fl-istess ċirkostanzi bħal dawk stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 7

Nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament

1.Skont l-Artikolu 1a tar-Regolament Nru 19/65/KEE, il-Kummissjoni tista’ permezz ta’ regolament tiddikjara li, meta networks paralleli ta’ akkordji simili dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija jkopru aktar minn 50 % ta’ suq rilevanti, dan ir-Regolament ma għandux japplika għall-akkordju dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li fihom restrinzjonijiet speċifiċi relatati ma’ dak is-suq.

2.Regolament skont il-paragrafu 1 ma għandux isir applikabbli aktar kmieni minn sitt xhur wara l-adozzjoni tiegħu.

Artikolu 8

Applikazzjoni tal-livelli limiti tas-sehem mis-suq

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-livelli limiti tas-sehem mis-suq stipulati fl-Artikolu 3, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)is-sehem mis-suq għandu jiġi ikkalkolat fuq il-bażi tal-valur tal-bejgħ fis-suq; jekk id-data dwar il-valur ta’ bejgħ fis-suq ma tkunx disponibbli, jistgħu jintużaw stimi bbażati fuq informazzjoni oħra affidabbli tas-suq, inklużi l-volumi ta’ bejgħ fis-suq, biex jiġi stabbilit is-sehem mis-suq tal-impriża kkonċernata;

(b)is-sehem mis-suq għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi ta’ data relatata mas-sena kalendarja preċedenti; jekk is-sena kalendarja preċedenti ma tkunx rappreżentattiva tal-pożizzjoni tal-partijiet fis-suq/swieq rilevanti, is-sehem mis-suq għandu jiġi kkalkolat bħala medja tal-ishma mis-suq tal-partijiet fit-3 snin kalendarji preċedenti.

(c)is-sehem mis-suq tal-impriżi msemmija fl-Artikolu 1(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (e), għandu jitqassam b’mod indaqs bejn kull impriża li jkollha d-drittijiet jew is-setgħat elenkati fl-Artikolu 1(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (a);

(d)is-sehem mis-suq ta’ parti attiva f’suq rilevanti tat-teknoloġija għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi tal-preżenza tad-drittijiet tat-teknoloġija ta’ dik il-parti fis-suq/swieq rilevanti (jiġifieri s-suq/swieq tal-prodott u s-suq/swieq ġeografiku/ġeografiċi) li fih(om) jinbiegħu l-prodotti tal-kuntratt, jiġifieri, fuq il-bażi tal-bejgħ ikkombinat ta’ dik il-parti u l-liċenzjatarji tagħha tal-prodotti li jinkorporaw id-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata ta’ dik il-parti;

(e)jekk is-sehem mis-suq imsemmi fl-Artikolu 3(1) jew (2) inizjalment ma jkunx aktar minn 20 % jew 30 % rispettivament iżda sussegwentement jgħola aktar minn dawk il-livelli, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 għandha tkompli tapplika għal perjodu ta’ tliet snin kalendarji konsekuttivi wara s-sena li fiha jkunu nqabżu għall-ewwel darba l-livell limitu ta’ 20 % jew il-livell limitu ta’ 30 %.

Artikolu 9

Relazzjoni ma’ regolamenti oħra ta’ eżenzjoni ta’ kategorija

Dan ir-Regolament ma għandux japplikax għal akkordji tal-liċenzja fl-akkordji dwar riċerka u żvilupp li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1066 jew fl-akkordji ta’ speċjalizzazzjoni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1067.

Artikolu 10

Perjodu ta’ tranżizzjoni

Il-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 101(1) tat-Trattat ma għandhiex tapplika mill-1 ta’ Mejju 2026 sat-30 ta’ April 2027 għal akkordji diġà fis-seħħ fit-30 ta’ April 2026 li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni previsti f’dan ir-Regolament iżda li, fit-30 ta’ April 2026, issodisfaw il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni previsti fir-Regolament (UE) Nru 316/2014.

Artikolu 11

Perjodu ta’ validità

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2026

Għandu jiskadi fit-30 ta’ April 2038.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kummissjoni

Il-President
[…]

(1)    ĠU 36, 6.3.1965, p. 533/65.
(2)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 316/2014 tal-21 ta’ Marzu 2014 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat għal kategoriji ta’ ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija (ĠU L 93, 28.3.2004, p. 17).
(3)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2022/720 tal-10 ta’ Mejju 2022 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU L 134, 11.05.2022, p. 4).
(4)      Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Avviż tal-Kummissjoni: Linji Gwida dwar restrizzjonijiet vertikali (ĠU C 248, 30.6.2022, p. 1)
(5)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 2023/1066 tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ akkordji ta’ riċerka u żvilupp (ĠU L 143, 02.06.2023, p. 9).
(6)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/1067 tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ akkordji ta’ speċjalizzazzjoni (ĠU L 143, 02.06.2023, p. 20).
(7)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1).

ANNESS II

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

ABBOZZ

WERREJ

1.INTRODUZZJONI

2.PRINĊIPJI ĠENERALI

2.1.L-Artikolu 101 tat-Trattat u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali

2.2.Kunċetti rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-Trattat għal ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija

2.2.1.Il-kunċett ta’ impriża

2.2.2.Restrizzjoni tal-kompetizzjoni u d-distinzjoni bejn ir-restrizzjonijiet minħabba l-għan u r-restrizzjonijiet minħabba l-effett

2.2.3.L-effetti ta’ ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija

2.2.4.Definizzjoni tas-suq

2.2.5.Id-distinzjoni bejn kompetituri u nonkompetituri

2.3.Ftehimiet li ġeneralment jaqgħu ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat

3.APPLIKAZZJONI TAR-REKTT

3.1.Effetti legali tar-REKTT

3.2.Kamp ta’ applikazzjoni u d-durata tar-REKTT

3.2.1.Il-kunċett ta’ ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija

3.2.2.Il-kunċett ta’ “trasferiment”

3.2.3.Ftehimiet bejn żewġ partijiet

3.2.4.Ftehimiet dwar il-produzzjoni ta’ prodotti tal-kuntratt

3.2.5.Durata

3.2.6.Relazzjoni ma’ regolamenti oħrajn ta’ eżenzjoni ta’ kategorija

3.3.Il-limiti tas-sehem mis-suq tar-REKTT

3.3.1.Limiti tas-sehem mis-suq

3.3.2.Kalkolu tal-ishma mis-suq għas-swieq tat-teknoloġija skont ir-REKTT

3.4.Restrizzjonijiet fundamentali skont il-TTBER

3.4.1.Prinċipji ġenerali

3.4.2.Ftehimiet bejn kompetituri

3.4.3.Ftehimiet bejn nonkompetituri

3.5.Restrizzjonijiet esklużi

3.6.Irtirar u disapplikazzjoni tal-eżenzjoni ta’ kategorija

3.6.1.Irtirar tal-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija

3.6.2.NUQQAS TA’ APPLIKAZZJONI TAR-REKTT

4.APPLIKAZZJONI TAL-ARTIKOLU 101(1) U (3) TAT-TRATTAT LIL HINN MILL-KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TAL-REKTT

4.1.Il-qafas ġenerali tal-analiżi

4.1.1.Fatturi rilevanti għall-valutazzjoni skont l-Artikolu 101(1) tat-Trattat

4.1.2.Fatturi rilevanti għall-valutazzjoni skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat

4.2.Applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-Trattat għal diversi tipi ta’ restrizzjonijiet fil-liċenzjar

4.2.1.Obbligi rigward royalties

4.2.2.Ħruġ esklużiv ta’ liċenzji u restrizzjonijiet fuq il-bejgħ

4.2.3.Restrizzjonijiet fuq il-produzzjoni

4.2.4.Restrizzjonijiet fuq il-qasam tal-użu

4.2.5.Restrizzjonijiet fuq l-użu kaptiv

4.2.6.Abbinament u ggruppar

4.2.7.Obbligi ta’ nonkompetizzjoni

4.3.Ftehimiet ta’ riżoluzzjoni

4.4.Pools tat-teknoloġija

4.4.1.Il-valutazzjoni tal-ħolqien u l-operat ta’ pools ta’ teknoloġija

4.4.2.Il-valutazzjoni ta’ restrizzjonijiet individwali fi ftehimiet bejn il-pool u l-liċenzjatarji tiegħu

4.5.Gruppi ta’ Negozjati dwar il-liċenzjar

4.5.1.Introduzzjoni

4.5.2.Valutazzjoni skont l-Artikolu 101(1) tat-Trattat

4.5.3.Valutazzjoni skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat

1.INTRODUZZJONI

(1)Dawn il-Linji Gwida jistabbilixxu l-prinċipji għall-valutazzjoni ta’ ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-Trattat) 1 . Il-ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija huma ftehimiet li permezz tagħhom liċenzjatur jawtorizza lil liċenzjatarju sabiex juża ċerti drittijiet tat-teknoloġija għall-produzzjoni ta’ prodotti jew servizzi, kif definit fl-Artikolu 1(1), il-punt (c) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) …/… ta’ XXX dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-kategoriji ta’ ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija (“ir-REKTT”) 2 .

(2)Dawn il-Linji Gwida jipprovdu gwida dwar l-applikazzjoni tar-REKTT kif ukoll dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-Trattat għal ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li jaqgħu lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-REKTT. Permezz tal-ħruġ ta’ dawn il-Linji Gwida, il-Kummissjoni għandha l-għan li tgħin lill-impriżi jivvalutaw il-ftehimiet tagħhom dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija skont ir-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni u b’hekk tiffaċilita l-użu ta’ tali ftehimiet. Il-ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija jippermettu t-tixrid tat-teknoloġija u jinċentivaw ir-riċerka u l-iżvilupp inizjali, u b’hekk jippromwovu l-innovazzjoni 3 . It-tixrid tat-teknoloġija u tal-innovazzjoni huma fatturi ewlenin ta’ ekonomija tal-Unjoni kompetittiva, reżiljenti 4 u sostenibbli.

(3)Il-prinċipji stabbiliti f’dawn il-Linji Gwida jridu jiġu applikati fid-dawl tal-fatti partikolari ta’ kull każ. Dan jeskludi applikazzjoni mekkanika. L-eżempji pprovduti f’dawn il-Linji Gwida jservu biss bħala illustrazzjonijiet u ma humiex maħsuba biex ikunu eżawrjenti.

(4)Dawn il-Linji Gwida huma mingħajr preġudizzju għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 101 tat-Trattat u tar-REKTT mill-Qorti Ġenerali u mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (flimkien imsejħa “il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea”).

(5)Ir-REKTT u dawn il-Linji Gwida huma mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà ta’ applikazzjoni parallela tal-Artikolu 102 tat-Trattat għal ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija 5 .

(6)Dawn il-Linji Gwida huma strutturati kif ġej:

(a)It-Taqsima 2.1 tiddeskrivi l-prinċipji ġenerali li jirregolaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-Trattat għal ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija. It-Taqsima 2.2 tiddiskuti kunċetti rilevanti għall-valutazzjoni ta’ dawn il-ftehimiet skont l-Artikolu 101, inklużi l-effetti pożittivi u negattivi tal-liċenzjar tal-proprjetà intellettwali fuq il-kompetizzjoni, id-definizzjoni tas-suq rilevanti u d-distinzjoni bejn kompetituri u nonkompetituri; It-Taqsima 2.3 tiddiskuti ftehimiet li ġeneralment jaqgħu lil hinn mill-Artikolu 101.

(b)It-Taqsima 3 tipprovdi gwida dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tar-REKTT. Din tispjega d-definizzjoni ta’ ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija għall-produzzjoni ta’ prodotti li hemm fil-kuntratt, ir-relazzjoni bejn ir-REKTT u regolamenti oħra ta’ eżenzjoni ta’ kategorija, il-limiti tas-sehem fis-suq stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-REKTT, u r-restrizzjonijiet fundamentali u esklużi stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5 tar-REKTT.

(c)It-Taqsima 4 tiddeskrivi l-politika ta’ infurzar tal-Kummissjoni f’każijiet individwali. Għal dak il-għan, hija tispjega kif ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li ma humiex koperti mir-REKTT huma vvalutati skont l-Artikolu 101(1) u (3) tat-Trattat, u tipprovdi gwida dwar diversi tipi ta’ restrizzjonijiet li spiss jinsabu fi ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija u fi ftehimiet oħra relatati mad-drittijiet tat-teknoloġija.

2.PRINĊIPJI ĠENERALI

2.1.L-Artikolu 101 tat-Trattat u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali

(7)L-objettiv tal-Artikolu 101 tat-Trattat huwa li jiżgura li l-impriżi ma jużawx ftehimiet, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u prattiċi miftiehma 6 sabiex jipprevjenu, jirrestrinġu jew joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq għad-detriment tal-konsumaturi. L-Artikolu 101 isegwi wkoll l-objettiv li jinkiseb suq intern integrat, li jsaħħaħ il-kompetizzjoni fl-Unjoni.

(8)L-Artikolu 101 tat-Trattat japplika għal ftehimiet bejn impriżi li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri 7 u li jipprevjenu, jirrestrinġu jew jgħawġu l-kompetizzjoni 8 . Dan jipprovdi qafas legali għall-valutazzjoni ta’ ftehimiet bħal dawn, li jqis id-distinzjoni bejn l-effetti antikompetittivi u dawk prokompetittivi.

(9)Il-valutazzjoni tal-ftehimiet skont l-Artikolu 101 tat-Trattat tikkonsisti f’żewġ stadji. L-ewwel pass, skont l-Artikolu 101(1), huwa li jiġi vvalutat jekk il-ftehim għandux għan antikompetittiv jew jipproduċix effetti restrittivi attwali jew potenzjali. It-tieni pass, li jsir meħtieġ biss jekk jinstab ftehim li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fi ħdan l-ambitu tal-Artikolu 101(1), huwa li jiġi vvalutat jekk il-ftehim jiġġenerax effiċjenzi li jissodisfaw l-erba’ kundizzjonijiet tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 101(3). Dawk il-kundizzjonijiet huma li l-ftehim (i) irid jikkontribwixxi għat-titjib tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni tal-prodotti jew għall-promozzjoni tal-progress tekniku jew ekonomiku, filwaqt li (ii) jħalli lill-konsumaturi sehem ġust mill-benefiċċji li jirriżultaw, mingħajr ma (iii) jimponi restrizzjonijiet li ma humiex indispensabbli biex jintlaħqu dawk l-għanijiet u mingħajr ma (iv) jippermetti lill-impriżi parteċipanti jingħataw il-possibbiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ parti sostanzjali mill-prodotti kkonċernati 9 . Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament 1/2003, l-oneru tal-prova li ftehim jirrestrinġi l-kompetizzjoni fi ħdan l-ambitu tal-Artikolu 101(1) jaqa’ fuq l-awtorità tal-kompetizzjoni jew ir-rikorrent li jkun allega ksur tal-Artikolu 101, filwaqt li l-oneru tal-prova li l-erba’ kundizzjonijiet tal-eċċezzjoni tal-Artikolu 101(3) huma ssodisfati jaqa’ fuq l-impriżi li jisħqu fuq il-benefiċċju ta’ dik l-eċċezzjoni.

(10)Il-liġijiet dwar il-proprjetà intellettwali jagħtu drittijiet esklużivi lill-propjetarji tal-privattivi, drittijiet tal-awtur, drittijiet ta’ disinn, trademarks u drittijiet oħra mħarsa legalment. Sid il-proprjetà intellettwali huwa intitolat skont il-liġijiet dwar il-propjetà intellettwali li jippreveni milli jsir użu mhux awtorizzat tal-proprjetà intellettwali tiegħu u li jisfruttaha, pereżempju, billi jilliċenzjaha lil partijiet terzi. Bl-eċċezzjoni tad-drittijiet tal-eżekuzzjoni 10 , ladarba prodott li jinkorpora dritt tal-proprjetà intellettwali jitqiegħed fis-suq fi ħdan iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu, id-dritt tal-proprjetà intellettwali jkun eżawrit, li jfisser li d-detentur ma jkunx jista’ jużah aktar biex jikkontrolla l-bejgħ tal-prodott (il-prinċipju tal-eżawriment tal-Unjoni) 11 . Id-detentur tad-dritt ma għandu ebda dritt skont il-liġijiet dwar il-proprjetà intellettwali li jippreveni l-bejgħ mil-liċenzjatarji jew mix-xerrejja ta’ tali prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata. Il-prinċipju tal-eżawriment tal-Unjoni huwa konformi mal-funzjoni essenzjali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, li hija li tagħti d-dritt lid-detentur li jeskludi lil oħrajn mill-isfruttament tal-proprjetà intellettwali tiegħu mingħajr il-kunsens tiegħu.

(11)Il-fatt li l-liġijiet dwar il-proprjetà intellettwali jagħtu drittijiet esklużivi ta’ sfruttament ma jimplikax li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ma japplikawx għal-liġi tal-kompetizzjoni. L-Artikolu 101 tat-Trattat huwa b’mod partikolari applikabbli għal ftehimiet li permezz tagħhom id-detentur jagħti liċenzja lil impriża oħra biex din tisfrutta d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tiegħu 12 . Lanqas ma jimplika li hemm xi kunflitt inerenti bejn id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u r-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jippromwovu innovazzjoni billi jinċentivaw lill-impriżi jinvestigaw fir-riċerka u fl-iżvilupp ta’ prodotti u proċessi ġodda jew imtejba. L-istess tagħmel il-kompetizzjoni billi tpoġġi pressjoni fuq l-impriżi biex ikunu innovattivi. L-innovazzjoni tikkostitwixxi komponent essenzjali u dinamiku f’ekonomija tas-suq miftuħa u kompetittiva. Għalhekk, kemm id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali kif ukoll il-kompetizzjoni huma neċessarji għall-promozzjoni tal-innovazzjoni u biex jiġi żgurat li din tiġi sfruttata b’mod kompetittiv.

(12)Għall-valutazzjoni ta’ ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija skont l-Artikolu 101 tat-Trattat, għandu jiġi mfakkar li l-ħolqien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ħafna drabi jinvolvi investiment sostanzjali u li spiss din tkun operazzjoni riskjuża. Sabiex il-kompetizzjoni dinamika ma titnaqqasx u biex jinżamm l-inċentiv għall-innovazzjoni, jenħtieġ li l-innovatur ma jkunx ristrett bla bżonn fl-isfruttament tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jirriżultaw li huma ta’ valur. Għal dawn ir-raġunijiet, l-innovatur għandu jkun liberu li jfittex remunerazzjoni xierqa għal proġetti ta’ suċċess, li tkun biżżejjed biex jinżammu l-inċentivi għall-investiment, meta jitqiesu wkoll il-proġetti li fallew. Il-liċenzjar tat-teknoloġija jista’ jirrikjedi wkoll li l-liċenzjatarju jagħmel investimenti sinifikanti li ma jkunux jistgħu jiġu rkuprati fit-totalità tagħhom (jiġifieri, li hekk kif joħroġ minn dak il-qasam partikolari ta’ attività, l-investiment ma jkunx jista’ jintuża mil-liċenzjatarju għal attivitajiet oħra jew jinbiegħ ħlief jekk mhux b’telf sinifikanti) fit-teknoloġija liċenzjata u fl-assi tal-produzzjoni meħtieġa biex din tiġi sfruttata. L-Artikolu 101 ma jistax jiġi applikat mingħajr ma jitqiesu dawn l-investimenti ex ante magħmula mill-partijiet u mir-riskji relatati magħhom. Ir-riskju li jiffaċċjaw il-partijiet u l-investiment li ma jkunx jista’ jiġi rkuprat fit-totalità tiegħu li jrid isir jistgħu għalhekk iwasslu biex ftehim jaqa’ ’l barra mill-Artikolu 101(1) jew jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3), skont il-każ, għall-perjodu ta’ żmien meħtieġ biex jiġu rkuprati l-investimenti.

(13)Il-qafas legali pprovdut mill-Artikolu 101 tat-Trattat huwa flessibbli biżżejjed biex iqis l-aspetti dinamiċi tal-liċenzjar għat-teknoloġija. Ma hemm l-ebda suppożizzjoni li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-ftehimiet għall-ħruġ ta’ liċenzji minnhom infushom iwasslu għal tħassib dwar il-kompetizzjoni. Il-biċċa l-kbira tal-ftehimiet għal-liċenzjar tat-teknoloġija ma jirrestrinġux il-kompetizzjoni. Fil-fatt, il-liċenzjar tat-teknoloġija ġeneralment huwa pro-kompetittiv, peress li jwassal għad-disseminazzjoni tat-teknoloġija u jippromwovi l-innovazzjoni mil-liċenzjatur u mil-liċenzjatarji. Meta l-ftehimiet għal-liċenzjar tat-teknoloġija jirrestrinġu l-kompetizzjoni, dawn spiss iwasslu għal effiċjenzi favur il-kompetizzjoni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) 13 . Għalhekk, il-maġġoranza l-kbira tal-ftehimiet għal-liċenzjar tat-teknoloġija huma kompatibbli mal-Artikolu 101.

2.2.Kunċetti rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-Trattat għal ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija

2.2.1.Il-kunċett ta’ impriża

(14)L-Artikolu 101(1) tat-Trattat japplika għal impriżi u għal assoċjazzjonijiet ta’ impriżi. Impriża hija entità ta’ elementi personali, tanġibbli u intanġibbli, involuta f’attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus legali tagħha u mill-mod kif tiġi ffinanzjata.

2.2.2.Restrizzjoni tal-kompetizzjoni u d-distinzjoni bejn ir-restrizzjonijiet minħabba l-għan u r-restrizzjonijiet minħabba l-effett

(15)L-Artikolu 101(1) tat-Trattat jipprojbixxi ftehimiet li l-għan jew l-effett tagħhom huwa r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni. L-Artikolu 101(1) japplika kemm għal restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn il-partijiet fil-ftehim kif ukoll għal restrizzjonijiet fil-kompetizzjoni bejn xi waħda mill-partijiet u partijiet terzi.

(16)Il-valutazzjoni ta’ jekk ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija jirrestrinġix il-kompetizzjoni trid issir fil-kuntest reali li fih isseħħ il-kompetizzjoni fl-assenza tal-ftehim u ta’ kwalunkwe restrizzjoni li jkun hemm fih. Meta ssir din il-valutazzjoni, jeħtieġ li jitqies l-impatt probabbli tal-ftehim fuq il-kompetizzjoni interteknoloġika (il-kompetizzjoni bejn impriżi li jużaw teknoloġiji kompetituri) u fuq il-kompetizzjoni intrateknoloġika (il-kompetizzjoni bejn impriżi li jużaw l-istess teknoloġija) 14 . L-Artikolu 101(1) tat-Trattat jipprojbixxi restrizzjonijiet kemm tal-kompetizzjoni bejn it-teknoloġiji kif ukoll tal-kompetizzjoni fl-ambitu tal-istess teknoloġija. Għalhekk jeħtieġ li jiġi vvalutat sa liema punt il-ftehim jaffettwa jew x’aktarx li jaffettwa dawk iż-żewġ aspetti tal-kompetizzjoni fis-suq.

(17)Il-kunċett ta’ restrizzjonijiet minħabba l-għan jirreferi biss għal ċerti tipi ta’ koordinazzjoni bejn l-impriżi li jiżvelaw grad suffiċjenti ta’ ħsara għall-kompetizzjoni, b’tali mod li ma jkunx hemm bżonn li jiġu vvalutati l-effetti tagħhom 15 .

(18)Il-kunċett ta’ restrizzjonijiet minħabba l-effett jirreferi għal ftehimiet li ma għandhomx għan antikompetittiv, iżda li għalihom jintwera li għandhom effetti restrittivi reali jew potenzjali sinifikanti fuq il-kompetizzjoni 16 . Sabiex ftehim ikollu effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni, dan irid ikollu, jew ikun probabbli li jkollu, impatt negattiv sinifikanti fuq mill-inqas wieħed mill-parametri tal-kompetizzjoni fis-suq, bħall-prezz, il-produzzjoni, il-kwalità tal-prodotti, il-varjetà tal-prodotti jew l-innovazzjoni. Sabiex jintwera li ftehim jirrestrinġi l-kompetizzjoni minħabba l-effett, huwa ġeneralment meħtieġ li jiġi(u) definit(i) is-suq(swieq) rilevanti u li jiġu vvalutati l-effetti tal-ftehim fuq id-dinamika tas-suq fil-każ speċifiku. Pereżempju, effetti antikompetittivi sinifikanti huma aktar probabbli li jseħħu meta mill-inqas waħda mill-partijiet fi ftehim ikollha jew tikseb xi grad ta’ saħħa fis-suq 17 .

(19)Meta l-impriżi jinvolvu ruħhom f’kooperazzjoni li ma taqax taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) tat-Trattat minħabba li jkollha effetti newtrali jew pożittivi fuq il-kompetizzjoni, restrizzjoni tal-awtonomija kummerċjali ta’ waħda jew aktar mill-partijiet lanqas ma taqa’ taħt dik il-projbizzjoni diment li dik ir-restrizzjoni tkun oġġettivament neċessarja sabiex tiġi implimentata l-kooperazzjoni u tkun proporzjonata għall-objettivi tal-kooperazzjoni (“restrizzjonijiet anċillari”) 18 . Sabiex jiġi ddeterminat jekk restrizzjoni tikkostitwix restrizzjoni anċillari, huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-kooperazzjoni tkunx impossibbli li titwettaq fin-nuqqas tar-restrizzjoni inkwistjoni. Il-fatt li l-kooperazzjoni hija sempliċiment aktar diffiċli sabiex tiġi implimentata, jew anqas profittabbli mingħajr ir-restrizzjoni kkonċernata, ma jagħmilx dik ir-restrizzjoni “oġġettivament neċessarja” u, għalhekk, anċillari 19 .

(20)Kif spjegat fil-paragrafu (9) ta’ dawn il-Linji Gwida, ftehim li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fi ħdan l-ambitu tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat xorta jista’ jkun kompatibbli mal-Artikolu 101 jekk il-partijiet ikunu jistgħu juru li l-ftehim jissodisfa l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi tal-Artikolu 101(3).

2.2.3.L-effetti ta’ ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija

(21)Għall-fini tal-valutazzjoni tal-ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija skont l-Artikolu 101 tat-Trattat, jenħtieġ li jitqiesu l-parametri rilevanti kollha tal-kompetizzjoni, bħall-prezzijiet, il-produzzjoni f’termini tal-kwantitajiet tal-prodotti, il-kwalità u l-varjetà tal-prodott, kif ukoll l-innovazzjoni. Eżempji li juru l-effetti possibbli tal-ftehimiet ta’ liċenzjar fuq dawn il-parametri huma pprovduti fit-Taqsimiet li ġejjin, li jiddistingwu bejn effetti pożittivi u negattivi.

2.2.3.1.Effetti pożittivi

(22)Il-ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija jista’ jkollhom effetti prokompetittivi sostanzjali, u l-maġġoranza l-kbira ta’ dawk l-ftehimiet huma tabilħaqq prokompetittivi. Il-ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija jistgħu jippromwovu l-innovazzjoni billi jippermettu lill-innovaturi jiggwadanjaw qligħ biex ikopru tal-anqas parti mill-kostijiet tagħhom fuq ir-riċerka u l-iżvilupp (“R&Ż”).

(23)Il-ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija jwasslu wkoll għad-disseminazzjoni tat-teknoloġiji, li jistgħu joħolqu valur billi jnaqqsu l-kostijiet tal-produzzjoni tal-liċenzjatarju jew billi jippermettulu jipproduċi prodotti ġodda jew imtejba. L-effiċjenzi fil-livell tal-liċenzjatarju spiss joħorġu minn kombinazzjoni tat-teknoloġija tal-liċenzjatur mal-assi u t-teknoloġiji tal-liċenzjatarju. Il-liċenzjar ħafna drabi jseħħ minħabba li huwa aktar effiċjenti għal-liċenzjatur li jilliċenzja t-teknoloġija milli jisfruttaha hu stess. Dan jista’ jkun il-każ b’mod partikolari meta l-liċenzjatarju diġà jkollu aċċess għall-assi neċessarji tal-produzzjoni. Imbagħad, il-ftehim jippermetti lil-liċenzjatarju jikseb aċċess għal teknoloġija li tista’ tiġi kkombinata ma’ dawk l-assi, u b’hekk ikun jista’ jisfrutta teknoloġiji ġodda jew imtejba.

(24)Eżempju ieħor tal-liċenzjar li potenzjalment itejjeb l-effiċjenza huwa meta l-liċenzjatarju diġà jkollu teknoloġija u l-kombinazzjoni ta’ dik it-teknoloġija u t-teknoloġija tal-liċenzjatur tagħti lok għal sinerġiji. Meta ż-żewġ teknoloġiji jiġu kkombinati, il-liċenzjatarju jista’ jkun kapaċi jikseb konfigurazzjoni ta’ kost/produzzjoni li kieku ma kinitx tkun possibbli.

(25)Il-ftehimiet għall-ħruġ ta’ liċenzji jistgħu wkoll jagħtu lok għal effiċjenzi fl-istadju tad-distribuzzjoni, bl-istess mod bħal ftehimiet vertikali għad-distribuzzjoni ta’ prodotti u servizzi. Tali effiċjenzi jistgħu jieħdu l-forma ta’ ffrankar ta’ kostijiet jew il-forniment ta’ servizzi ta’ valur għall-konsumaturi. L-effetti pożittivi tal-ftehimiet vertikali huma deskritti fil-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar restrizzjonijiet vertikali 20 (“Linji Gwida Vertikali”).

(26)Il-liċenzjar jaf iservi wkoll għall-għan prokompetittiv ta’ tneħħija tal-ostakoli għall-iżvilupp u l-isfruttar tat-teknoloġija tal-liċenzjatarju stess. B’mod partikolari f’setturi fejn numru kbir ta’ privattivi huma prevalenti, il-liċenzjar ħafna drabi jseħħ sabiex tinħoloq libertà tad-disinn billi jitneħħa r-riskju ta’ pretensjonijiet ta’ ksur mil-liċenzjatur 21 .

2.2.3.2.Effetti negattivi

(27)Filwaqt li l-ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija huma ġeneralment prokompetittivi, f’ċerti każijiet, l-impriżi jistgħu jużawhom biex isegwu objettivi antikompetittivi li fl-aħħar mill-aħħar jagħmlu ħsara lill-konsumaturi.

(28)L-effetti negattivi fis-suq li jistgħu jirriżultaw minn ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija restrittivi jinkludu dawn li ġejjin:

(a)it-tnaqqis tal-kompetizzjoni interteknoloġika, inkluż il-faċilitazzjoni tal-kollużjoni, kemm espliċita kif ukoll taċita;

(b)l-esklużjoni tal-kompetituri billi jiżdiedu l-kostijiet tagħhom, jiġi ristrett l-aċċess tagħhom għal inputs essenzjali jew inkella jiżdiedu l-ostakli għad-dħul; kif ukoll

(c)it-tnaqqis tal-kompetizzjoni intrateknoloġika.

(29)Ir-riskju ta’ kompetizzjoni interteknoloġika mnaqqsa huwa ogħla meta jiġu imposti obbligi reċiproċi 22 . Pereżempju, meta kompetituri jittrasferixxu lil xulxin teknoloġiji kompetituri bejniethom u jimponu obbligu reċiproku li jipprovdu lil xulxin b’titjib futur fuq it-teknoloġiji rispettivi tagħhom, u meta dan il-ftehim jipprevjeni lil xi wieħed mill-kompetituri milli jieħu vantaġġ teknoloġiku fuq l-ieħor, il-kompetizzjoni fl-innovazzjoni bejn il-partijiet hija ristretta (ara wkoll il-paragrafu (262) ).

(30)Ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija bejn kompetituri jistgħu jiffaċilitaw ukoll il-kollużjoni. Ir-riskju ta’ kollużjoni huwa ogħla fi swieq ikkonċentrati 23 . Ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija jistgħu jiffaċilitaw il-kollużjoni billi jżidu t-trasparenza fis-suq, billi jikkontrollaw ċertu mġiba u jgħollu l-ostakli għad-dħul. Il-kollużjoni tista’ tiġi ffaċilitata wkoll permezz ta’ ftehimiet li jwasslu għal livell għoli ta’ komunalità tal-kostijiet, għaliex l-impriżi li għandhom kostijiet simili huma aktar probabbli li jkollhom fehmiet simili fuq it-termini tal-koordinazzjoni 24 .

(31)Il-kollużjoni tista’ tiġi ffaċilitata wkoll bl-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva bejn il-kompetituri matul l-implimentazzjoni ta’ ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija. L-implimentazzjoni ta’ ftehim għal-liċenzjar tista’ tirrikjedi l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva. Jekk il-ftehim nnifsu ma jaqax taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) tat-Trattat minħabba li għandu effetti newtrali jew pożittivi fuq il-kompetizzjoni, skambju ta’ informazzjoni li huwa anċillari għal dak il-ftehim lanqas ma jaqa taħt dik il-projbizzjoni. Dan huwa l-każ jekk l-iskambju ta’ informazzjoni jkun oġġettivament neċessarju sabiex jiġi implimentat il-ftehim għal-liċenzjar u jkun proporzjonat għall-objettivi tiegħu. Meta l-iskambju ta’ informazzjoni jmur lil hinn minn dak li huwa oġġettivament neċessarju biex jiġi implimentat il-ftehim jew ma jkunx proporzjonat għall-objettivi tiegħu, dan għandu jiġi vvalutat bl-użu tal-gwida pprovduta fil-Kapitolu 6 tal-Linji Gwida dwar il-Ftehimiet Orizzontali. Jekk l-iskambju ta’ informazzjoni jaqa’ taħt l-Artikolu 101(1), dan xorta jista’ jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3).

(32)Il-ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija jistgħu jirrestrinġu wkoll il-kompetizzjoni interteknoloġika billi joħolqu ostakli għad-dħul jew għall-espansjoni mill-kompetituri. Pereżempju, partijiet terzi jistgħu jiġu esklużi meta liċenzjaturi preeżistenti jimponu obbligi ta’ nonkompetizzjoni fuq il-liċenzjatarji sa tali punt li numru insuffiċjenti ta’ liċenzjatarji jkunu disponibbli biex jikkonkludu liċenzji ma’ partijiet terzi u fejn id-dħul fil-livell tal-liċenzjatarji jkun diffiċli 25 .

(33)Il-ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija jistgħu jirrestrinġu wkoll il-kompetizzjoni intrateknoloġika. Dan jista’ jirriżulta pereżempju mill-impożizzjoni fuq il-liċenzjatarji għaż-żamma tal-prezz għall-bejgħ mill-ġdid jew ta’ restrizzjonijiet territorjali jew tal-bejgħ lill-klijenti. Ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni fi ħdan it-teknoloġija jistgħu jiffaċilitaw il-kollużjoni bejn il-liċenzjatarji. Huma jistgħu wkoll jiffaċilitaw kollużjoni bejn is-sidien ta' teknoloġiji li jikkompetu bejniethom jew inaqqsu l-kompetizzjoni bejn it-teknoloġiji billi jgħollu l-barrieri tad-dħul.

2.2.4.Definizzjoni tas-suq

(34)L-approċċ tal-Kummissjoni biex tiddefinixxi s-suq rilevanti huwa stabbilit fl-Avviż tagħha dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-għanijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni 26 (“Avviż dwar id-Definizzjoni tas-Suq”). Dawn il-Linji Gwida jindirizzaw biss aspetti mid-definizzjoni tas-suq li huma ta' importanza partikolari fil-qasam tal-liċenzjar tat-teknoloġija.

(35)It-teknoloġija hija fattur tal-produzzjoni li jiġi integrat jew fi prodott jew fi proċess tal-produzzjoni. Il-liċenzjar tat-teknoloġija għaldaqstant jista’ jaffettwa l-kompetizzjoni kemm upstream fis-swieq tal-fatturi tal-produzzjoni u kemm fis-swieq ta’ prodotti lesti. Pereżempju, ftehim bejn żewġ partijiet li jbigħu prodotti li jikkompetu u li jagħtu liċenzja reċiproka tad-drittijiet tat-teknoloġija li jirrigwardaw il-produzzjoni ta’ dawk il-prodotti upstream jista’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni fejn jidħol is-suq ta’ prodotti jew servizzi downstream ikkonċernati. Il-liċenzjar inkroċjat jista’ wkoll jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq upstream għat-teknoloġija u possibbilment anke fi swieq oħra upstream tal-fatturi tal-produzzjoni. Għall-finijiet ta’ valutazzjoni tal-effetti kompetittivi ta’ ftehimiet tal-liċenzja jista’ għalhekk ikunmeħtieġ li jiġu ddefiniti s-suq (swieq) rilevanti tal-prodott kif ukoll is-suq (swieq) rilevanti tat-teknoloġija 27 .

(36)Is-suq tal-prodotti rilevanti jinkludi l-prodotti tal-kuntratt (li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata) u prodotti li huma meqjusin mix-xerrejja bħala interkambjabbli ma’ jew sostitwibbli għall-prodotti tal-kuntratt, minħabba l-karatteristiċi tal-prodotti, il-prezzijiet tagħhom u l-użu maħsub tagħhom, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u l-istruttura tal-provvista u tad-domanda fis-suq. Prodotti tal-kuntratt jistgħu jappartjenu għal suq tal-prodotti finali u/jew intermedji. 

(37)Is-swieq tat-teknoloġija rilevanti jikkonsistu fid-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjati u s-sostituti tagħhom, jiġifieri, drittijiet tat-teknoloġija oħrajn li jitqiesu mil-liċenzjatarji bħala interkambjabbli jew sostitwibbli mad-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjati, minħabba l-karatteristiċi tad-drittijiet tat-teknoloġija, ir-royalties tagħhom u l-użu maħsub tagħhom, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u l-istruttura tal-provvista u tad-domanda fis-suq. Billi nibdew mit-teknoloġija li hija kummerċjalizzata mil-liċenzjatur, huwa meħtieġ li jiġu identifikati dawk it-teknoloġiji l-oħrajn li l-liċenzjatarji jistgħu jaqilbu għalihom b’rispons għal deterjorament fil-kundizzjonijiet tal-provvista tat-teknoloġija tal-liċenzja meta mqabbla ma’ dawk ta’ teknoloġiji oħra. Metodu alternattiv huwa li jitqies is-suq tal-prodotti li jinkorporaw id-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjati (ara l-paragrafu (40) ).

(38)It-terminu “suq rilevanti” użat fl-Artikolu 3 tar-REKTT u definit fl-Artikolu 1(1), il-punt (m) tiegħu jirreferi għas-suq tal-prodotti rilevanti u s-suq rilevanti tat-teknoloġija kemm fid-dimensjoni tal-prodott kif ukoll f’dik ġeografika tagħhom.

(39)Is-“suq ġeografiku rilevanti” huwa definit fl-Artikolu 1(1), il-punt (1) tar-REKTT u jinkludi ż-żona li fiha l-impriżi kkonċernati jkunu involuti fil-provvista jew fid-domanda ta’ prodotti jew fil-liċenzjar għat-teknoloġija, fejn il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni jkunu omoġenji biżżejjed u li jistgħu jkunu distinti minn żoni ġirien minħabba li l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni jkunu sostanzjalment differenti f’dawk iż-żoni. Id-dimensjoni ġeografika tas-suq(swieq) tat-teknoloġija rilevanti tista’ tvarja mid-dimensjoni ġeografika tas-suq(swieq) tal-prodott rilevanti.

(40)Ladarba s-swieq rilevanti jkunu ġew identifikati, l-ishma fis-suq jistgħu jiġu assenjati lid-diversi sorsi ta’ kompetizzjoni fis-suq u jintużaw bħala indikazzjoni tas-saħħa relattiva tal-operaturi fis-suq. Fil-każ ta’ swieq tat-teknoloġija, mod wieħed ta’ kif wieħed jista’ jipproċedi huwa billi jiġu kkalkolati l-ishma mis-suq abbażi ta’ kull sehem mid-dħul tal-liċenzjar totali mir-royalties tat-teknoloġija, li jirrappreżenta sehem mis-suq ta’ teknoloġija fejn ikunu ġew illiċenzjati teknoloġiji kompetituri. Madankollu, ħafna drabi dan jista’ jkun sempliċement mod teoretiku u mhux prattiku ta’ kif wieħed jista’ jipproċedi, minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni ċara dwar id-dħul mir-royalties. Approċċ ieħor, li huwa dak użat għall-fini tal-applikazzjoni tal-isfera ta’ sikurezza tar-REKTT, huwa li jiġu kkalkolati l-ishma mis-suq fis-suq tat-teknoloġija abbażi tal-bejgħ ta’ prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata fis-swieq tal-prodotti downstream (għal aktar dettall, ara l-paragrafi (110) - (115) ta’ dawn il-Linji Gwida. F’każijiet individwali lil hinn mill-isfera ta’ sikurezza tar-REKTT, jista’ jkun meħtieġ, meta prattikament possibbli, li jiġu applikati ż-żewġ approċċi deskritti sabiex tiġi vvalutata b’mod aktar akkurat il-pożizzjoni fis-suq tal-liċenzjatur, u li jitqiesu fatturi oħra li jagħtu indikazzjoni tajba tas-saħħa relattiva tat-teknoloġiji disponibbli (għal aktar dettall fuq dawk il-fatturi, ara l-paragrafi (184) - (193) ta’ dawn il-Linji Gwida) 28 .

(41)Il-ftehimiet għal-liċenzjar tat-teknoloġija jistgħu jaffettwaw il-kompetizzjoni fl-innovazzjoni 29 . Madankollu, fl-analiżi ta’ effetti bħal dawn, il-Kummissjoni normalment tillimita ruħha għal li teżamina l-impatt tal-ftehim fuq il-kompetizzjoni fi ħdan is-swieq eżistenti tal-prodotti u tat-teknoloġija. Il-kompetizzjoni fi swieq bħal dawn tista’ tiġi affettwata minn ftehimiet li jittardjaw l-introduzzjoni ta’ prodotti mtejba jew ta’ prodotti ġodda li maż-żmien jieħdu post il-prodotti eżistenti. F’każijiet bħal dawn, l-innovazzjoni hija sors ta’ kompetizzjoni potenzjali li trid titqies meta jiġi vvalutat l-impatt tal-ftehim fuq is-swieq tal-prodotti u fuq is-swieq tat-teknoloġija. Madankollu, f’għadd limitat ta’ każijiet, jista’ jkun utli u neċessarju li jiġu analizzati wkoll, separatament, l-effetti fuq il-kompetizzjoni fl-innovazzjoni. Dan huwa partikolarment il-każ għal swieq innovattivi ħafna kkaratterizzati minn riċerka u żvilupp frekwenti u sinifikanti u meta l-ftehim jaffettwa l-innovazzjoni mmirata lejn il-ħolqien ta’ prodotti jew teknoloġiji ġodda 30 . F’każijiet bħal dawn, jista’ jiġi analizzat jekk wara l-ftehim ikunx se jifdal għadd biżżejjed ta’ proġetti ta’ riċerka u żvilupp kompetituri biex tinżamm effettivament il-kompetizzjoni fl-innovazzjoni 31 .

2.2.5.Id-distinzjoni bejn kompetituri u nonkompetituri

(42)B'mod ġenerali, ftehimiet bejn kompetituri huma ta' riskju akbar għall-kompetizzjoni milli ftehimiet bejn partijiet mhux kompetituri 32 .

(43)Sabiex tiġi determinata r-relazzjoni kompetittiva bejn il-partijiet għall-ftehim, jenħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-partijiet fin-nuqqas tal-ftehim kienux ikunu kompetituri attwali jew potenzjali. Jekk fin-nuqqas tal-ftehim il-partijiet kieku ma jkunux kompetituri attwali jew potenzjali fi kwalunkwe suq rilevanti affettwat mill-ftehim, huma ma jitqisux bħala kompetituri.

(44)Il-partijiet ikunu kompetituri attwali f’suq għall-provvista ta’ prodotti jekk qabel il-ftehim iż-żewġ naħat ikunu diġà attivi fl-istess suq rilevanti.

(45)Parti titqies bħala kompetitur potenzjali tal-parti l-oħra f’suq għall-provvista ta’ prodotti jekk, fin-nuqqas tal-ftehim, kien ikun hemm possibbiltajiet reali u konkreti biex l-ewwel parti tidħol fis-suq rilevanti u tikkompeti mal-parti l-oħra li hija stabbilita f’dak is-suq 33 . Sejba ta’ kompetizzjoni potenzjali trid tkun ibbażata fuq korp ta’ fatti konsistenti filwaqt li jitqiesu l-istruttura tas-suq u l-kuntest ekonomiku u legali li topera fih. Il-possibbiltà ipotetika ta’ dħul jew is-sempliċi xewqa jew rieda ta’ parti li tidħol ma hijiex biżżejjed 34 .  Min-naħa l-oħra, ma hemmx bżonn li jintwera b’ċertezza li l-impriża fil-fatt se tidħol fis-suq rilevanti u li se tkun kapaċi żżomm postha hemmhekk 35 . Pereżempju, id-dħul huwa aktar probabbli jekk il-liċenzjatarju jkollu assi li faċilment ikunu jistgħu jintużaw biex jidħol fis-suq mingħajr ma jġarrab kostijiet sinifikanti li ma jistgħux jiġu rkuprati fit-totalità tagħhom jew jekk ikun diġà żviluppa pjanijiet, jew inkella jekk jibda jinvesti mod ieħor, biex jidħol fis-suq.

(46)Fil-kuntest speċifiku tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, jista’ jkun il-każ li parti waħda jew iż-żewġ partijiet ikollhom drittijiet validi tal-proprjetà intellettwali li jimblukkaw lill-parti l-oħra milli topera fis-suq rilevanti jew milli tidħol fih mingħajr ma tikser dawn id-drittijiet tat-teknoloġija. Din tissejjaħ “pożizzjoni ta’ mblukkar”. Fil-valutazzjoni tal-impatt possibbli ta’ pożizzjoni ta’ mblukkar fuq ir-relazzjoni kompetittiva tagħhom, il-partijiet għandhom jikkunsidraw il-fatturi li ġejjin:

(a)Jekk iż-żewġ partijiet ikunu diġà qed joperaw fis-suq rilevanti, huwa improbabbli ħafna li jkunu f’pożizzjoni ta’ mblukkar, sakemm sentenza finali tal-qorti ma tkunx ikkonfermat il-ksur u l-validità tad-dritt tal-proprjetà intellettwali. Fin-nuqqas ta’ sentenza bħal din, il-partijiet ġeneralment jitqiesu bħala kompetituri effettivi.

(b)Jekk waħda mill-partijiet tkun għadha ma hijiex qed topera fis-suq, iżda tkun diġà għamlet investimenti sostanzjali jew tkun ħadet passi preparatorji sinifikanti biex tidħol fis-suq, huwa probabbli ħafna li l-partijiet ikunu tal-anqas kompetituri potenzjali 36 . Fin-nuqqas ta’ investimenti u passi bħal dawn, il-partijiet, meta jindirizzaw il-kwistjoni dwar jekk humiex kompetituri potenzjali, ikollhom jibbażaw ruħhom fuq l-evidenza kollha disponibbli f’dak iż-żmien, inkluż il-possibbiltà li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jinkisru, il-validità tad-drittijiet inkwistjoni u jekk hemmx possibbiltajiet effettivi li ssir ċirkomvenzjoni tad-drittijiet eżistenti tal-proprjetà intellettwali. Evidenza partikolarment konvinċenti dwar l-eżistenza ta’ pożizzjoni ta’ mblukkar hija meħtieġa meta l-partijiet ikollhom interess komuni fil-pretensjoni tal-eżistenza ta’ pożizzjoni ta’ mblukkar sabiex jitqiesu bħala nonkompetituri, pereżempju meta l-allegata pożizzjoni ta’ mblukkar tkun tikkonċerna teknoloġiji li huma teknoloġikament sostitwibbli (ara l-paragrafu (37) ) jew jekk ikun hemm persważjoni sinifikanti minn parti waħda jew miż-żewġ partijiet lill-oħra 37 .

(47)Il-partijiet ikunu kompetituri effettivi fis-suq tat-teknoloġija jekk jew it-tnejn li huma jkunu diġà qegħdin jilliċenzjaw id-drittijiet tat-teknoloġija sostitwibbli, jew jekk il-liċenzjatarju jkun diġà qed jilliċenzja d-drittijiet tat-teknoloġija tiegħu u l-liċenzjatur jidħol fis-suq tat-teknoloġija billi dan jikkonċedi liċenzja għad-drittijiet tat-teknoloġija kompetitriċi lil-liċenzjatarju.

(48)Il-partijiet jiġu kkunsidrati bħala kompetituri potenzjali fis-suq tat-teknoloġija jekk ikunu proprjetarji ta’ teknoloġiji sostitwibbli u l-liċenzjatarju ma jilliċenzjax it-teknoloġija proprja tiegħu, diment li x’aktarx ikun probabbli li jagħmel dan f’każ ta’ deterjorament fil-kundizzjonijiet tal-provvista tat-teknoloġija tal-liċenzjatur meta mqabbla ma’ dawk ta’ teknoloġiji oħra 38 . Fil-każ tas-swieq tat-teknoloġija, ġeneralment huwa aktar diffiċli li jiġi vvalutat jekk il-partijiet ikunux kompetituri potenzjali. Din hija r-raġuni għala, għall-applikazzjoni tar-REKTT, il-kompetizzjoni potenzjali fis-suq tat-teknoloġija ma titqiesx (ara l-paragrafu (107) ta’ dawn il-Linji Gwida) u l-partijiet jitqiesu li ma humiex kompetituri. 

(49)F’ċerti każijiet jista’ jkun possibbli wkoll li jiġi konkluż li filwaqt li l-liċenzjatur u l-liċenzjatarju jipproduċu prodotti kompetituri, dawn ma jkunux kompetituri fis-suq tal-prodott rilevanti u fis-suq tat-teknoloġija rilevanti għax it-teknoloġija liċenzjata tirrappreżenta innovazzjoni tant drastika li t-teknoloġija tal-liċenzjatarju jkun għaddielha żmienha jew ma tkunx għadha kompetittiva. F’dawn il-każijiet, it-teknoloġija tal-liċenzjatur jew toħloq suq ġdid jew inkella teskludi t-teknoloġija tal-liċenzjatarju mis-suq eżistenti. Madankollu, ħafna drabi ma jkunx possibbli li tintlaħaq din il-konklużjoni fiż-żmien meta jiġi konkluż il-ftehim. Normalment ikun biss meta t-teknoloġija jew il-prodotti li jinkorporawha jkunu saru disponibbli għall-konsumaturi għal ċertu żmien li jsir jidher li t-teknoloġija l-qadima ma tibqax valida jew kompetittiva. Pereżempju, meta ġiet żviluppata t-teknoloġija tal-compact discs u s-CD players u d-disks tpoġġew fis-suq, ma kienx ovvju li din it-teknoloġija l-ġdida kienet se tieħu post ir-rekords tal-vinil. Dan deher biss xi snin wara. Għalhekk, il-partijiet jiġu kkunsidrati bħala kompetituri jekk fil-ħin tal-konklużjoni tal-ftehim ma jkunx ovvju li t-teknoloġija tal-liċenzjatarju saret obsoleta jew ma għadhiex kompetittiva. Madankollu, peress li kemm l-Artikolu 101(1) u (3) tat-Trattat iridu jiġu applikati fid-dawl tal-kuntest reali li fih ikun seħħ l-ftehim, il-valutazzjoni hija sensittiva għal bdil materjali tal-fatti. Għalhekk, il-kategorizzazzjoni tar-relazzjoni bejn il-partijiet tista’ tinbidel f’relazzjoni bejn partijiet nonkompetituri jekk aktar tard it-teknoloġija tal-liċenzjatarju ssir obsoleta jew mhux kompetittiva fis-suq.

(50)F’xi każijiet, il-partijiet jistgħu jsiru kompetituri wara l-konklużjoni ta’ ftehim minħabba li l-liċenzjatarju jiżviluppa jew jakkwista u jibda jisfrutta teknoloġija kompetitriċi. F’każijiet bħal dawn, irid jitqies il-fatt li l-partijiet ma kinux kompetituri fil-ħin tal-konklużjoni tal-ftehim u li l-ftehim ġie konkluż f’dak il-kuntest. Għalhekk, il-Kummissjoni se tiffoka l-aktar fuq l-impatt tal-ftehim fuq il-kapaċità tal-liċenzjatarju li jisfrutta t-teknoloġija (kompetitriċi) tiegħu stess. Għal din ir-raġuni, il-lista ta’ restrizzjonijiet fundamentali li japplikaw għal ftehimiet bejn kompetituri mhux se jiġu applikati għal tali ftehimiet sakemm il-ftehim ma jiġix sussegwentement emendat fi kwalunkwe aspett materjali wara li l-partijiet ikunu saru kompetituri (ara l-Artikolu 4(3) tar-REKTT). 

(51)L-impriżi li jkunu partijiet fi ftehim jistgħu jsiru kompetituri wkoll wara l-konklużjoni tal-ftehim meta l-liċenzjatarju kien diġà attiv fis-suq rilevanti fejn jinbiegħu l-prodotti tal-kuntratt qabel il-konklużjoni tal-kuntratt u l-liċenzjatur sussegwentement jidħol f’dak is-suq jew abbażi tad-dittijiet tat-teknoloġija liċenzjata jew ta’ teknoloġija ġdida. F’dak il-każ, il-lista fundamentaliapplikabbli għal ftehimiet bejn partijiet mhux kompetituri terġa’ tkompli tapplika għal ħajja sħiħa tal-ftehim sakemm il-ftehim ma jiġix sussegwentement emendat fi kwalunkwe aspett materjali (ara l-Artikolu 4(3) tar-REKTT). Emenda materjali tinkludi l-konklużjoni ta’ ftehim ġdid dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija bejn il-partijiet li jikkonċernaw id-drittijiet tat-teknoloġija kompetitriċi li jistgħu jintużaw għall-produzzjoni ta’ prodotti li jikkompetu mal-prodotti tal-kuntratt.

2.3.Ftehimiet li ġeneralment jaqgħu ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat

(52)Ftehimiet li ma humiex kapaċi jaffettwaw b’mod apprezzabbli l-kummerċ bejn l-Istati Membri (nuqqas ta’ effett fuq il-kummerċ) jew li ma jirrestrinġux b’mod apprezzabbli l-kompetizzjoni (ftehimiet ta’ importanza minuri) jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Il-Kummissjoni pprovdiet gwida dwar in-nuqqas ta’ effett fuq il-kummerċ fil-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar il-kunċett tal-effett fuq il-kummerċ li jinsab fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE 39 (“il-Linji Gwida dwar l-Effett fuq il-Kummerċ”), u dwar ftehimiet ta’ importanza minuri fl-Avviż tal-Kummissjoni dwar ftehimiet ta’ importanza minuri li ma jirrestrinġux b’mod apprezzabbli l-kompetizzjoni skont l-Artikolu 101(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea 40 (“Avviż De Minimis”). Kemm il-Linji Gwida dwar l-Effett fuq il-Kummerċ kif ukoll l-Avviż De Minimis huma partikolarment rilevanti għall-valutazzjoni ta’ ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija bejn intrapriżi żgħar u medji 41 .

3.APPLIKAZZJONI TAR-REKTT

3.1.Effetti legali tar-REKTT

(53)Ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tar-REKTT huma eżentati mill-projbizzjoni li tinsab fl-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Ftehimiet eżentati ta’ kategorija huma legalment validi u infurzabbli 42 .

(54)L-eżenzjoni ta’ kategorija pprovduta mir-REKTT hija bbażata fuq il-preżunzjoni li - sal-punt li jinqabdu mill-Artikolu 101(1) tat-Trattat - ċerti kategoriji ta’ ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija ġeneralment jissodisfaw l-erba’ kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) 43 . Il-limiti tas-sehem fis-suq (l-Artikolu 3 tar-REKTT), il-lista ta’ restrizzjonijiet fundamentali (l-Artikolu 4 tar-REKTT) u r-restrizzjonijiet esklużi (l-Artikolu 5 tar-REKTT) għandhom l-għan li jiżguraw li jiġu eżentati bħala kategorija biss dawk il-ftehimiet restrittivi biss li jistgħu jiġu preżunti b’mod raġonevoli li jissodisfaw l-erba’ kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3).

(55)Kif stabbilit fit-Taqsima 2 ta’ dawn il-Linji Gwida, bosta ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija jaqgħu taħt l-Artikolu 101(1) tat-Trattat, jew għaliex bl-ebda mod ma jirrestrinġu l-kompetizzjoni, jew inkella għaliex ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni ma tkunx waħda li tinħass 44 . Fi kwalunkwe każ, fejn ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija jissodisfa l-kundizzjonijiet tar-REKTT, ma hemmx bżonn li jiġi ddeterminat jekk jaqax taħt l-Artikolu 101(1) 45 .

(56)Barra mill-ambitu tal-eżenzjoni ta’ kategorija, huwa rilevanti li jiġi eżaminat jekk fil-każ individwali, il-ftehim jirrestrinġix il-kompetizzjoni fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat u, jekk dan ikun il-każ, jiġux issodisfatti l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3). Ma hemm l-ebda presuppożizzjoni li ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li jaqgħu ’l barra mill-eżenzjoni ta’ kategorija jinqabdu mill-Artikolu 101(1) jew jonqsu milli jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3). B’mod partikolari, is-sempliċi fatt li l-ishma mis-suq tal-partijiet jeċċedu l-limiti tas-sehem mis-suq stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-REKTT ma huwiex bażi biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat li l-ftehim jaqa’ taħt l-Artikolu 101(1). Hija meħtieġa valutazzjoni individwali tal-effetti probabbli tal-ftehim. 

3.2.Kamp ta’ applikazzjoni u d-durata tar-REKTT

3.2.1. Il-kunċett ta’ ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija

(57)Ir-REKTT u dawn il-Linji Gwida jkopru ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija. F’konformità mal-Artikolu 1(1)(b) tar-REKTT, il-kunċett ta’ “drittijiet tat-teknoloġija” jkopri għarfien prattiku kif ukoll privattivi, mudelli ta’ utilità, drittijiet tad-disinn, topografiji tal-prodotti semikondutturi, ċertifikati ta’ protezzjoni supplimentari għal prodotti mediċinali jew prodotti oħrajn li għalihom jistgħu jinkisbu tali ċertifikati ta’ protezzjoni supplimentari, ċertifikati ta’ nissiela tal-pjanti u drittijiet tal-awtur tas-software jew kombinazzjoni tagħhom kif ukoll applikazzjonijiet għal dawn id-drittijiet u għar-reġistrazzjoni ta’ dawk id-drittijiet. Id-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata għandhom jippermettu lil-liċenzjatarju, kemm jekk b’input ieħor kif ukoll jekk le, li jipproduċi l-prodotti tal-kuntratt. Ir-REKTT japplika biss fl-Istati Membri fejn il-liċenzjatur jippossjedi d-drittijiet tat-teknoloġija rilevanti. Inkella, ma jkunx hemm drittijiet tat-teknoloġija x’jiġu trasferiti fi ħdan it-tifsira tar-REKTT.

(58)Fl-Artikolu 1(1), il-punt (i) tar-REKTT, kompetenza hija definita bħala pakkett ta’ informazzjoni prattika, li jirriżulta mill-esperjenza u l-ittestjar li jkun sigriet, sostanzjali u identifikat:

(a)“Sigriet” tfisser li b’mod ġenerali l-kompetenza ma tkunx magħrufa jew aċċessibbli faċilment.

(b)“Sostanzjali” tfisser li l-kompetenza tinkludi informazzjoni li tkun sinifikanti u utli għall-produzzjoni tal-prodotti koperti bil-ftehim tal-liċenzja jew għall-applikazzjoni tal-proċess kopert bil-ftehim tal-liċenzjar. Fi kliem ieħor, l-informazzjoni għandha tikkontribwixxi għall-produzzjoni tal-prodotti kuntrattwali, jew tiffaċilitaha, b'mod sinifikanti. Fejn il-kompetenza liċenzjata tkun dwar prodott, u mhux dwar proċess, din il-kundizzjoni timplika li l-kompetenza hija utli għall-produzzjoni tal-prodott kuntrattwali. Din il-kundizzjoni ma tiġix issodisfata meta l-prodott tal-kuntratt jista’ jiġi prodott abbażi ta’ teknoloġija disponibbli liberament. Madankollu, il-kundizzjoni ma tirrikjedix li l-prodott tal-kuntratt ikun ta’ valur ogħla minn prodotti magħmula permezz ta’ teknoloġija disponibbli liberament. Fil-każ ta’ teknoloġiji tal-proċessi, din il-kundizzjoni timplika li l-għarfien prattiku huwa utli fis-sens li fid-data tal-konklużjoni tal-ftehim jista’ jkun raġonevolment mistenni li jkun kapaċi jtejjeb b’mod sinifikanti l-pożizzjoni kompetittiva tal-liċenzjatarju, pereżempju billi jnaqqas il-kostijiet tal-produzzjoni tiegħu.

(c)“Identifikat” tfisser li jkun possibbli li jiġi vverifikat li l-għarfien liċenzjat jissodisfa l-kriterji tas-segretezza u s-sostanzjalità. Din il-kundizzjoni tiġi ssodisfata meta l-għarfien liċenzjat ikun deskritt f’forma diġitali jew stampata. Madankollu, f’xi każijiet dan jista’ ma jkunx raġonevolment possibbli. L-għarfien liċenzjat jista’ jkun jikkonsisti f’għarfien prattiku li l-impjegati tal-liċenzjatur ikollhom fil-pussess tagħhom. Pereżempju, l-impjegati tal-liċenzjatur jistgħu jkunu fil-pussess ta’ għarfien sigriet u sostanzjali dwar proċess ta’ produzzjoni partikolari li jingħadda lil-liċenzjatarju fil-forma ta’ taħriġ tal-impjegati tal-liċenzjatarju. F’każijiet bħal dawn, ikun biżżejjed li fil-ftehim tiġi deskritta n-natura ġenerali tal-għarfien prattiku u jiġu elenkati l-impjegati li se jkunu jew li huma involuti diġà fit-trażmissjoni tiegħu lil-liċenzjatarju.

3.2.1.1.L-applikazzjoni tal-Artikolu 2(3) tar-REKTT

(59)Dispożizzjonijiet fi ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li jirrelataw max-xiri ta’ prodotti mil-liċenzjatarju huma koperti mir-REKTT biss, u sal-punt li, dawk id-dispożizzjonijiet ikunu direttament relatati mal-produzzjoni jew mal-bejgħ tal-prodotti tal-kuntratt. Għalhekk, ir-REKTT ma japplikax għal dawk il-partijiet ta’ ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija relatati ma’ inputs jew tagħmir li jintuża għal finijiet oħra għajr il-produzzjoni tal-prodotti tal-kuntratt. Pereżempju, meta ħalib jinbiegħ flimkien ma’ liċenzja ta’ teknoloġija għall-produzzjoni tal-ġobon, il-ħalib użat għall-produzzjoni tal-ġobon bit-teknoloġija liċenzjata biss se jkun kopert bir-REKTT. Id-dispożizzjonijiet fi ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li jirrelataw mal-liċenzjar ta’ tipi oħra ta’ proprjetà intellettwali, bħal trademarks u drittijiet tal-awtur, għajr id-drittijiet tal-awtur tas-software (dwar id-drittijiet tal-awtur għas-software ara l-paragrafi (57) u (86) ta’ dawn il-Linji Gwida), huma koperti mir-REKTT biss jekk, u sal-punt li, ikunu direttament relatati mal-produzzjoni jew mal-bejgħ tal-prodotti tal-kuntratt. Din il-kundizzjoni tiżgura li dispożizzjonijiet li jkopru tipi oħrajn ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jiġu eżentati bħala kategorija sal-punt li dawk id-drittijiet l-oħra ta’ proprjetà intelletwali jservu biex il-liċenzjatarju jkun jista’ jisfrutta aħjar it-teknoloġija liċenzjata. Pereżempju, meta liċenzjatur jawtorizza liċenzjatarju sabiex juża t-trademark tiegħu fuq il-prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata, din il-liċenzja tat-trademark tista’ tippermetti lil-liċenzjatarju jisfrutta t-teknoloġija liċenzjata aħjar billi l-konsumaturi jitħallew jagħmlu rabta immedjata bejn il-prodott u l-karatteristiċi mogħtija lilu permezz tad-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata. Obbligu fuq il-liċenzjatarju sabiex juża t-trademark tal-liċenzjatur jista’ jippromwovi wkoll it-tixrid tat-teknoloġija billi jippermetti lil-liċenzjatur sabiex jidentifika ruħu bħala s-sors tat-teknoloġija sottostanti. Ir-REKTT ikopri ftehimiet ta’ trasferiment tat-teknoloġija f’dan ix-xenarju anke jekk l-interess ewlieni tal-partijiet ikun fl-isfruttar tat-trademark aktar milli tat-teknoloġija 46 .

3.2.1.2.Il-liċenzjar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-REKTT

(60)Il-Kummissjoni mhux se testendi l-prinċipji stabbiliti fir-REKTT u f’dawn il-Linji Gwida għal-liċenzjar tat-trademarks (ħlief fis-sitwazzjoni stabbilita fil-paragrafu (59) ta’ dawn il-Linji Gwida). Il-liċenzjar tat-trademark ħafna drabi jsir fil-kuntest tad-distribuzzjoni u l-bejgħ mill-ġdid ta’ prodotti u servizzi u ġeneralment huwa aktar simili għal ftehimiet ta’ distribuzzjoni milli għal-liċenzjar tat-teknoloġija. Meta l-liċenzja tat-trademark hija direttament relatata mal-użu, mal-bejgħ jew mal-bejgħ mill-ġdid ta’ oġġetti u servizzi u ma tkunx tikkostitwixxi l-għan ewlieni tal-ftehim, il-ftehim għal-liċenzjar ikun kopert mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 720/2022 47 (“ir-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija Applikabbli għall-Ftehimiet Vertikali”).

(61)Ir-REKTT ma jkoprix il-liċenzjar tad-drittijiet tal-awtur għajr id-drittijiet tal-awtur tas-software (ħlief fis-sitwazzjoni stabbilita fil-paragrafu (59) ta’ dawn il-Linji Gwida). Madankollu, il-Kummissjoni bħala regola ġenerali, se tapplika l-prinċipji stabbiliti fir-REKTT u f’dawn il-Linji Gwida meta tivvaluta l-liċenzjar tad-drittijiet tal-awtur għall-produzzjoni ta’ prodotti tal-kuntratt skont l-Artikolu 101 tat-Trattat 48 . Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni mhux se testendi l-prinċipji tar-REKTT u dawn il-Linji Gwida għal-liċenzjar tad-drittijiet tal-awtur fi ftehimiet ta’ merchandising. Dawk il-ftehimiet tipikament jinvolvu l-liċenzjar mid-detentur tad-dritt ta’ marka, karattru fittizju jew personaġġ pubbliku għall-finijiet tal-manifattura u tal-bejgħ ta’ prodotti li jkollhom dak is-sinjal jew karattru. Ftehimiet bħal dawn ħafna drabi jkunu aktar simili għal ftehimiet ta’ distribuzzjoni mill-ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija 49 .

3.2.1.3.Il-liċenzjar ta’ ċerti tipi ta’ data

Applikazzjoni tal-prinċipji tar-REKTT u tal-Linji Gwida

(62)Ir-REKTT ma jkoprix il-liċenzjar tad-data, ħlief meta d-data li tkun qed tiġi lliċenzjati taqa’ fid-definizzjoni ta’ għarfien prattiku fl-Artikolu 1(1), il-punt (i) tar-REKTT (ara paragrafu (58) ta’ dawn il-Linji Gwida) jew ta’ wieħed mid-drittijiet tat-teknoloġija elenkati fl-Artikolu 1(1), il-punt (b) tar-REKTT, jew meta l-liċenzjar tad-data jseħħ fi ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija u jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2(3) tar-REKTT 50 .

(63)Madankollu, il-Kummissjoni se tapplika b’mod ġenerali l-prinċipji tar-REKTT u ta’ dawn il-Linji Gwida meta tivvaluta, skont l-Artikolu 101 tat-Trattat, ftehimiet għal-liċenzjar tad-data bejn żewġ impriżi għall-fini tal-produzzjoni ta’ prodotti tal-kuntratt fejn id-data liċenzjata tikkonċerna bażi tad-data li tkun protetta bid-dritt tal-awtur jew bid-dritt uniku definit fid-Direttiva 96/9/KE.

(64)Il-valutazzjoni ta’ ftehimiet għal-liċenzjar ta’ tali bażijiet tad-data għall-produzzjoni ta’ oġġetti jew servizzi skont l-Artikolu 101 tat-Trattat tagħti lok għal kunsiderazzjonijiet simili bħal-liċenzjar tad-drittijiet tat-teknoloġija koperti mir-REKTT. Il-ħolqien ta’ bażijiet tad-data protetti bid-drittijiet tal-awtur jew bid-dritt uniku jista’ jinvolvi investimenti sinifikanti u l-liċenzjar tagħhom normalment ikollu natura pro-kompetittiva. Dan jippromwovi l-innovazzjoni billi jippermetti lill-kreaturi tal-bażi tad-data jiggwadanjaw qligħ biex ikopru mill-inqas parti mill-kostijiet tagħhom tar-riċerka u l-iżvilupp. Dan iwassal ukoll għad-disseminazzjoni ta’ data protetta mid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, li tista’ żżid l-innovazzjoni downstream u toħloq valur billi tnaqqas il-kostijiet tal-produzzjoni tal-liċenzjatarji jew billi tippermettilhom jipproduċu prodotti ġodda jew imtejba 51 .

(65)Madankollu, b’mod simili għall-ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija, ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni fil-ftehimiet għal-liċenzjar relatati ma’ bażijiet ta’ data protetti bid-drittijiet tal-awtur jew bid-drittijiet uniċi jistgħu jipproduċu effetti antikompetittivi fis-suq 52 , speċjalment f’każijiet meta waħda mill-partijiet ikollha s-saħħa fis-suq. Meta tivvaluta dawn ir-restrizzjonijiet, il-Kummissjoni ġeneralment tapplika l-prinċipji tar-REKTT u ta’ dawn il-Linji Gwida. Madankollu, il-liċenzjar tad-data huwa prattika li qed tevolvi malajr, u ma jistax jiġi eskluż li ċerti restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni inklużi f’tali liċenzji jew ma humiex koperti minn dawn il-Linji Gwida jew jipproduċu effetti fuq il-kompetizzjoni jew il-konsumaturi huma sostanzjalment differenti minn dawk deskritti f’dawn il-Linji Gwida. F’każijiet bħal dawn, il-Kummissjoni se tivvaluta r-restrizzjonijiet skont l-Artikolu 101 tat-Trattat billi tapplika prinċipji ġenerali (ara t-Taqsima 2 ta’ dawn il-Linji Gwida) għall-fatti ta’ kull każ.

(66)Meta l-ftehimiet għal-liċenzjar tad-data jikkonċernaw data li ma tkunx protetta mid-drittijiet sui generis tal-bażi tad-data jew mid-drittijiet tal-awtur f’bażijiet tad-data, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk huwiex xieraq li jiġu applikati l-prinċipji tar-REKTT u ta’ dawn il-Linji Gwida abbażi taċ-ċirkostanzi ta’ kull każ. Il-ftehimiet għal-liċenzjar tad-data li jsiru għall-fini tal-produzzjoni ta’ oġġetti jew servizzi jistgħu jikkonċernaw diversi tipi ta’ data. Minħabba d-differenzi fil-karatteristiċi tad-data, il-qafas regolatorju rilevanti jew il-mod li bih tinġabar jew tiġi ġġenerata d-data, il-prinċipji stabbiliti fir-REKTT u f’dawn il-Linji Gwida (inklużi l-prinċipji stabbiliti fil-paragrafi li ġejjin ta’ din it-Taqsima) jistgħu ma jkunux xierqa għall-valutazzjoni ta’ ftehimiet bħal dawn fil-każijiet kollha.

L-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva

(67)L-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva bejn il-kompetituri, irrispettivament minn jekk l-iskambju jseħħx direttament jew indirettament permezz ta’ parti terza, jista’ jikser l-Artikolu 101 tat-Trattat 53 .

(68)Fil-kuntest tal-liċenzjar tal-bażijiet tad-data protetti minn drittijiet uniċi jew mid-drittijiet tal-awtur, jista’ jseħħ l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva: (i) jekk is-suġġett tal-liċenzja nnifsu, jiġifieri bażi tad-data protetta minn drittijiet uniċi jew mid-drittijiet tal-awtur, ikun fih informazzjoni kummerċjalment sensittiva, u/jew (ii) jekk, sabiex jiġi implimentat il-ftehim għal-liċenzjar tad-data, il-partijiet jiskambjaw informazzjoni – li ma hijiex parti mill-bażi tad-data nnifisha – li hija kummerċjalment sensittiva.

(69)Meta tivvaluta l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva fi ftehimiet għal-liċenzjar tad-data bejn il-kompetituri, il-Kummissjoni ġeneralment tapplika l-prinċipji stabbiliti fil-Kapitolu 6 tal-Linji Gwida dwar Ftehimiet Orizzontali li jikkonċernaw l-iskambju ta’ informazzjoni. Madankollu, jekk il-liċenzjar tal-bażi tad-data nnifsu ma jaqax taħt il-projbizzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat minħabba li għandu effetti newtrali jew pożittivi fuq il-kompetizzjoni, skambju ta’ informazzjoni li huwa anċillari għal dak il-ftehim lanqas ma jaqa’ taħt dik il-projbizzjoni. Dan ikun il-każ jekk l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva jkun oġġettivament neċessarju sabiex jiġi implimentat il-ftehim għal-liċenzjar tad-data u jkun proporzjonat għall-objettivi tiegħu.

(70)Barra minn hekk, f’ħafna każijiet, l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva fil-kuntest tal-liċenzjar tal-bażijiet tad-data ma jirrestrinġix il-kompetizzjoni skont l-għan, f’liema każ ikun meħtieġ li jiġi vvalutat jekk l-iskambju għandux effetti restrittivi 54 . Għal dik il-valutazzjoni, in-natura tal-informazzjoni skambjata, il-karatteristiċi tal-iskambju u l-karatteristiċi tas-suq huma rilevanti, kif ukoll kwalunkwe miżura implimentata mill-partijiet biex jiġi mminimizzat ir-riskju ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni 55 .

(71)Meta l-kompetituri jużaw ftehimiet ta’ liċenzjar tad-data bħala mezz biex jinvolvu ruħhom fi skambji ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva bl-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, il-Kummissjoni ma tapplikax il-prinċipji ta’ dawn il-Linji Gwida biex tivvaluta l-ftehim skont l-Artikolu 101 tat-Trattat.

Obbligi imposti minn leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni

(72)Il-gwida pprovduta f’dawn il-Linji Gwida hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) 56 u liġi oħra tal-Unjoni applikabbli għall-iskambju ta’ informazzjoni.

(73)Meta l-liċenzjar tal-bażijiet tad-data protetti minn drittijiet uniċi jew minn drittijiet tal-awtur ikun awtorizzat minn obbligu ta’ kondiviżjoni tad-data impost mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, il-Kummissjoni tqis dan l-obbligu meta tapplika l-prinċipji tar-REKTT u dawn il-Linji Gwida għall-ftehim għal-liċenzjar. Sal-punt li l-impriżi jżommu d-diskrezzjoni dwar kif jimplimentaw il-leġiżlazzjoni rilevanti, l-Artikolu 101 tat-Trattat ikompli japplika.

3.2.2.Il-kunċett ta’ “trasferiment”

(74)Il-kunċett ta’ “trasferiment” jimplika li t-teknoloġija trid tgħaddi minn impriża għal oħra. Trasferimenti bħal dawn normalment isiru fil-forma ta’ liċenzjar, li permezz tiegħu, il-liċenzjatur jagħti lil-liċenzjatarju d-dritt li juża d-drittijiet tat-teknoloġija tiegħu bi ħlas ta’ royalties.

(75)Kif stabbilit fl-Artikolu 1(1), il-punt (c) tar-REKTT, iċ-ċessjonijiet fejn parti mir-riskju assoċjat mal-isfruttament tad-drittijiet tat-teknoloġija tibqa’ f’idejn iċ-ċedent huma wkoll meqjusa bħala ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija. B’mod partikolari, dan huwa l-każ fejn is-somma pagabbli b’kunsiderazzjoni taċ-ċessjoni hija dipendenti fuq il-fatturat iġġenerat miċ-ċessjonarju mill-bejgħ ta’ prodotti mmanifatturati bl-użu tat-teknoloġija assenjata, il-kwantità ta’ tali prodotti mmanifatturati jew in-numru ta’ operazzjonijiet imwettqa bl-użu tat-teknoloġija.

(76)Ftehim li permezz tiegħu l-liċenzjatur jimpenja ruħu li ma jeżerċitax id-drittijiet tat-teknoloġija kontra l-liċenzjatarju jista’ wkoll jitqies bħala trasferiment tad-drittijiet tat-teknoloġija. Fil-fatt, l-essenza ta’ liċenzja ta’ privattiva pura huwa d-dritt li wieħed jopera fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt esklużiv tal-privattiva. Minn dan isegwi li r-REKTT ikopri wkoll l-hekk imsejħa ftehimiet ta’ nonasserzjoni, li permezz tagħhom il-liċenzjatur jippermetti lil-liċenzjatarju jipproduċi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-privattiva 57 .

3.2.3.Ftehimiet bejn żewġ partijiet

(77)F’konformità mal-Artikolu 1(1), il-punt (c) tar-REKTT, l-eżenzjoni ta’ kategorija tapplika biss għall-ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija “bejn żewġ impriżi”. Ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija bejn aktar minn żewġ impriżi ma humiex koperti bir-REKTT 58 .

(78)Ftehimiet konklużi bejn żewġ impriżi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-REKTT anke jekk il-ftehim jistipula kundizzjonijiet fir-rigward ta’ aktar minn livell wieħed ta’ kummerċ. Pereżempju, ir-REKTT japplika għal ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li ma jikkonċernax biss l-istadju tal-produzzjoni iżda anke l-istadju tad-distribuzzjoni, li jistipula l-obbligi li l-liċenzjatarju jrid jew jista’ jimponi fuq ir-rivendituri tal-prodotti mmanifatturati skont il-liċenzja 59 .

(79)Ftehimiet li jistabbilixxu pools tat-teknoloġija u l-liċenzjar barra minn pools tat-teknoloġija ġeneralment huma ftehimiet multipartitiċi u għalhekk ma humiex koperti mir-REKTT 60 . Il-kunċett ta’ pools tat-teknoloġija jkopri ftehimiet li permezz tagħhom żewġ partijiet jew aktar jiftiehmu li jiġbru flimkien it-teknoloġiji rispettivi tagħhom u joħorġu liċenzja għalihom f’daqqa bħala pakkett. Il-kunċett ta’ pools tat-teknoloġija jkopri wkoll arranġamenti li permezz tagħhom żewġ impriżi jew aktar jiftiehmu li jilliċenzjaw parti terza u jawtorizzawha li tagħti liċenzja fuq il-pakkett ta’ teknoloġiji.

(80)Il-ftehimiet għall-ħruġ ta’ liċenzji konklużi bejn aktar minn żewġ impriżi ħafna drabi jagħtu lok għall-istess kwistjonijiet bħal ftehimiet għall-ħruġ ta’ liċenzji tal-istess natura konklużi bejn żewġ impriżi. Fil-valutazzjoni individwali tagħha ta’ ftehimiet għall-ħruġ ta’ liċenzji li jkunu tal-istess natura bħal dawk koperti mill-eżenzjoni ta’ kategorija iżda li jkunu konklużi bejn aktar minn żewġ impriżi, il-Kummissjoni se tapplika b’analoġija l-prinċipji stabbiliti fir-REKTT. Madankollu, il-pools tat-teknoloġija u l-liċenzjar minn pools tat-teknoloġija huma trattati b’mod speċifiku fit-Taqsima 4.4 ta’ dawn il-Linji Gwida.

3.2.4.Ftehimiet dwar il-produzzjoni ta’ prodotti tal-kuntratt

(81)Mill-Artikolu 1(1), il-punt (c) tar-REKTT jirriżulta li, biex jibbenefikaw mill-eżenzjoni ta’ kategorija, il-ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija jridu jsiru “għall-fini ta’ produzzjoni ta’ prodotti tal-kuntratt”, jiġifieri, prodotti li jinkorporaw jew jiġu prodotti bid-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata. Il-ftehim irid tippermetti lil-liċenzjatarju u/jew lis-subkuntrattur(i) tagħha li jisfrutta t-teknoloġija liċenzjata bl-iskop li jiġu prodotti oġġetti jew servizzi (ara wkoll il-premessa 7 tar-REKTT).

(82)Meta l-fini tal-ftehim ma jkunx il-produzzjoni tal-prodotti tal-kuntratt iżda, pereżempju, kemm sempliċiment jimblokka l-iżvilupp jew il-kummerċjalizzazzjoni ta’ teknoloġija kompetitriċi, il-ftehim għall-ħruġ ta’ liċenzji ma jkunx kopert mir-REKTT u dawn il-Linji Gwida jistgħu ma jkunux xierqa għall-valutazzjoni tal-ftehim. B’mod aktar ġenerali, jekk il-partijiet ma jisfruttawx id-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata, ma jkun hemm l-ebda attività li ttejjeb l-effiċjenza, f’liema każ ir-raġuni nnifisha tal-eżenzjoni ta’ kategorija tkun nieqsa.

(83)L-isfruttament tad-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata- mhux neċessarjament jeħtieġ li jieħu l-forma ta’ integrazzjoni tal-assi. L-isfruttament iseħħ ukoll meta l-liċenzja toħloq libertà tad-disinn għal-liċenzjatarju, billi tippermettilu jisfrutta t-teknoloġija tiegħu stess mingħajr ma jiffaċċja r-riskju ta’ pretensjonijiet ta’ ksur mil-liċenzjatur. Fil-każ ta’ liċenzjar bejn il-kompetituri, il-fatt li l-partijiet ma jisfruttawx it-teknoloġija liċenzjata jista’ jkun indikazzjoni li l-arranġament ikun biss kartell moħbi. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni teżamina każijiet ta’ nonsfruttament mill-qrib.

(84)Ir-REKTT japplika għal ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija għall-fini tal-produzzjoni ta’ prodotti tal-kuntratt mil-liċenzjatarju u/jew mis-subkuntrattur(i) tiegħu. Għalhekk, ir-REKTT ma japplikax għal (dawk il-partijiet ta’) ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li jippermettu s-subliċenzjar. Madankollu, il-Kummissjoni tapplika b’analoġija l-prinċipji stabbiliti fir-REKTT u f’dawn il-Linji Gwida għal ftehimiet ta’ “liċenzjar oriġinali” bejn il-liċenzjatur u l-liċenzjatarju (jiġifieri ftehim li permezz tiegħu, il-liċenzjatur jippermetti lil-liċenzjatarju li jissottoliċenzja t-teknoloġija). Ftehimiet bejn il-liċenzjatarju u subliċenzjatarji għall-produzzjoni ta’ prodotti tal-kuntratt huma koperti mir-REKTT.

(85)It-terminu “prodotti tal-kuntratt” jinkludi prodotti u servizzi magħmula permezz tad-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata. Dan ikun il-każ kemm meta t-teknoloġija liċenzjata tintuża fil-proċess tal-produzzjoni kif ukoll meta din tkun inkorporata fil-prodott innifsu. F’dawn il-Linji Gwida, it-terminu “prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata” jkopri ż-żewġ sitwazzjonijiet. Ir-REKTT japplika fil-każijiet kollha meta d-drittijiet tat-teknoloġija jiġu liċenzjati għall-finijiet ta’ produzzjoni ta’ prodotti u servizzi. Il-qafas tar-REKTT u dawn il-linji gwida huma bbażati fuq il-premessa li hemm rabta diretta bejn id-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata u prodott tal-kuntratt. F’każijiet meta ma teżisti l-ebda rabta bħal din, jiġifieri meta l-iskop tal-ftehim huwa li ma jippermettux il-produzzjoni ta’ prodott tal-kuntratt, il-qafas analitiku pprovdut mir-REKTT u dawn il-Linji Gwida jistgħu ma jkunux xierqa.

(86)Il-liċenzjar tad-drittijiet tal-awtur tas-softwer għall-fini tal-bejgħ mill-ġdid jew tad-distribuzzjoni b’xi mod ieħor tas-softwer, kemm jekk permezz ta’ kanali fiżiċi kif ukoll diġitali 61 , ma jitqiesx bħala “produzzjoni” fi ħdan l-ambitu tar-REKTT u għalhekk mhuwiex kopert mir-REKTT u minn dawn il-Linji Gwida. Tali liċenzjar huwa minflok kopert b’analoġija mir-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija Applikabbli għall-Ftehimiet Vertikali u mil-Linji Gwida Vertikali 62 . Pereżempju, ir-REKTT u dawn il-Linji Gwida ma jkoprux il-liċenzjar tad-drittijiet tal-awtur tas-software li permezz tiegħu, l-liċenzjatarju jiġi pprovdut b’kopja oriġinali jew diġitali tas-software sabiex joffri s-software lill-utenti finali. Lanqas ma jkopru l-liċenzjar tad-drittijiet tal-awtur tas-software u d-distribuzzjoni tas-software permezz ta’ liċenzji “clickwrap”, jiġifieri sett ta’ kundizzjonijiet ippreżentati lill-utent finali matul l-installazzjoni tas-software jew it-tniżżil online li l-utent jitqies li aċċetta billi jikklikkja buttuna “Naqbel” jew ekwivalenti qabel ma jipproċedi, jew il-liċenzjar tad-drittijiet tal-awtur tas-software u d-distribuzzjoni tas-software permezz tat-tniżżil online jew tal-istreaming. 

(87)Madankollu, meta s-software liċenzjat jiġi inkorporat mil-liċenzjatarju fil-prodott tal-kuntratt, dan ma huwiex meqjus bħala sempliċi riproduzzjoni iżda bħala produzzjoni. Pereżempju, ir-REKTT u dawn il-Linji Gwida jkopru l-liċenzjar tad-drittijiet tal-awtur tas-software li permezz tiegħu il-liċenzjatarju jkun awtorizzat li juża s-software billi jinkorporah f’apparat li miegħu jinteraġixxi s-software. Bl-istess mod, meta s-software liċenzjat jintuża bħala input fil-proċess industrijali tal-liċenzjatarju jew meta l-liċenzjatarju jżid valur sinifikanti għas-software permezz ta’ modifika jew żvilupp ulterjuri, huwa jitqies bħala liċenzjar għall-fini tal-produzzjoni.

(88)Ir-REKTT ikopri s-sottokuntrattar, li permezz tiegħu, il-liċenzjatur jilliċenzja d-drittijiet tat-teknoloġija lil-liċenzjatarju li jimpenja ruħu li jipproduċi ċerti prodotti abbażi tagħhom esklużivament għal-liċenzjatur. Is-sottokuntrattar jista’ jinvolvi wkoll il-provvista ta’ tagħmir mil-liċenzjatur biex jintuża fil-produzzjoni tal-prodotti u s-servizzi koperti mill-ftehim. Sabiex dan l-aħħar tip ta’ sottokuntrattar jiġi kopert mir-REKTT bħala parti minn ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija, it-tagħmir fornut irid ikun direttament relatat mal-produzzjoni tal-prodotti tal-kuntratt. Is-subkuntrattar huwa wkoll kopert mill-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-ftehimiet tas-subkuntrattar 63 . F’konformità ma’ dik in-Notifika, li tibqa’ applikabbli, ftehimiet ta’ sottokuntratti li permezz tagħhom is-sottokuntrattur jimpenja ruħu li jipproduċi ċerti prodotti esklużivament għall-kuntrattur ġeneralment jaqgħu ’l barra mill-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Ftehimiet ta’ sottokuntratti li permezz tagħhom il-kuntrattur jiddetermina l-prezz tat-trasferiment tal-prodotti tal-kuntratt intermedju bejn is-subkuntratturi f’katina ta’ valur tas-sottokuntrattar ġeneralment ukoll jaqgħu ’l barra mill-Artikolu 101(1) diment li l-prodotti tal-kuntratt ikunu prodotti esklużivament għall-kuntrattur. Madankollu, restrizzjonijiet oħrajn imposti fuq is-subkuntrattur bħall-obbligu li ma jwettaqx jew li ma jisfruttax ir-riċerka u l-iżvilupp tiegħu stess, jistgħu jaqgħu fi ħdan l-Artikolu 101(1). 64

(89)Ir-REKFTT japplika wkoll għal ftehimiet li permezz tagħhom il-liċenzjatarju jrid iwettaq xogħol ta’ R&Ż qabel ma jikseb prodott jew proċess li jkun lest għal użu kummerċjali, sakemm l-għan tal-ftehim ikun il-produzzjoni ta’ prodott tal-kuntratt identifikat, jiġifieri, prodott magħmul bid-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata. Meta l-liċenzjatur ikun korp akkademiku, istitut ta’ riċerka jew SME, li, f’kull każ, ma jkunx involut f’attivitajiet ta’ produzzjoni, l-identifikazzjoni tal-prodott fil-ftehim dwar it-trasferiment tat-teknoloġija tista’ ssir f’termini aktar ġenerali.

(90)Ir-REKTT u dawn il-Linji Gwida ma jkoprux ftehimiet li fihom id-drittijiet marbutin mat-teknoloġija huma lliċenzjati għall-fini ta' awtorizzazzjoni tad-detentur ta' liċenzja sabiex iwettaq iktar R&Ż f'bosta oqsma, inkluż żvilupp ulterjuri ta' prodott li jirriżulta mit-tali R&Ż. Jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet speċifikati fih, tali ftehimiet huma koperti mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/1066 65 (“ir-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija tar-Riċerka u l-Iżvilupp”), u jiġu vvalutati skont il-qafas tal-kapitolu rilevanti tal-Linji Gwida dwar Ftehimiet Orizzontali li jikkonċernaw ftehimiet ta’ riċerka u żvilupp 66 . Pereżempju, ir-REKTT u dawn il-Linji Gwida ma jkoprux is-subkuntrattar tar-riċerka u l-iżvilupp, li permezz tiegħu, il-liċenzjatarju jimpenja ruħu li jwettaq riċerka u żvilupp fil-qasam tat-teknoloġija liċenzjata u li jrodd lura l-pakkett ta’ teknoloġija mtejba lil-liċenzjatur 67 . Barra minn hekk, is-sempliċi liċenzjar ta’ għodda ta’ riċerka teknoloġika għall-użu f’attività ta’ riċerka ulterjuri huwa aktar simili għall-ftehimiet ta’ riċerka u żvilupp mill-perspettiva tal-valutazzjoni skont l-Artikolu 101 tat-Trattat. Fl-evalwazzjoni ta’ ftehimiet bħal dawn, il-Kummissjoni, bħala regola ġenerali, se tapplika l-prinċipji stabbiliti fir-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija ta’ Riċerka u Żvilupp u fil-kapitolu tal-Linji Gwida dwar Ftehimiet Orizzontali dwar ftehimiet ta’ riċerka u żvilupp.

3.2.5.Durata

(91)L-eżenzjoni ta’ kategorija tapplika sakemm id-dritt tat-teknoloġija liċenzjat ma jkunx skada, inqabeż jew ġie ddikjarat invalidu. Fil-każ tal-għarfien prattiku, l-eżenzjoni ta’ kategorija tapplika sakemm l-għarfien prattiku liċenzjat jibqa’ sigriet, u tieqaf tapplika meta l-għarfien prattiku jitlef is-segretezza tiegħu, ħlief fejn l-għarfien prattiku jsir magħruf pubblikament minħabba azzjoni mil-liċenzjatarju, f’liema każ l-eżenzjoni għandha tibqa’ tapplika għat-tul tal-ftehim (ara l-Artikolu 2(2) tar-REKTT).

(92)L-eżenzjoni ta’ kategorija tapplika għal kull dritt tat-teknoloġija liċenzjata kopert mill-ftehim u tieqaf tapplika fid-data ta’ skadenza, invalidità jew dħul fid-dominju pubbliku tal-aħħar dritt tat-teknoloġija fl-ambitu tar-REKTT.

3.2.6.Relazzjoni ma’ regolamenti oħrajn ta’ eżenzjoni ta’ kategorija

(93)Ir-REKTT ikopri ftehimiet bejn żewġ impriżi li jirrigwardaw il-liċenzjar ta’ drittijiet tat-teknoloġija għall-fini ta’ produzzjoni tal-prodotti tal-kuntratt. Madankollu, id-drittijiet tat-teknoloġija jistgħu jkunu wkoll element ta’ tipi oħra ta’ ftehimiet. Barra minn hekk, il-prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata sussegwentement jinbiegħu fis-suq. Huwa għalhekk meħtieġ li tiġi indirizzata l-interfaċċa bejn ir-REKTT u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/1067 68 (“ir-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija ta’ Speċjalizzazzjoni”), ir-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija tar-R&Ż 69 u r-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija tal-Ftehimiet Vertikali 70 .

3.2.6.1.Ir-regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija ta’ speċjalizzazzjoni u ftehimiet ta’ Riċerka u Żvilupp

(94)Skont l-Artikolu 9 tar-REKTT, ir-REKTT ma japplikax għal-liċenzjar fil-kuntest ta’ ftehimiet ta’ speċjalizzazzjoni li huma koperti mir-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija ta’ Speċjalizzazzjoni jew għal-liċenzjar fil-kuntest ta’ ftehimiet ta’ Riċerka u Żvilupp li huma koperti mir-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija ta’ Riċerka u Żvilupp.

(95)F’konformità mal-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija ta’ Speċjalizzazzjoni, dak ir-Regolament ikopri ftehimiet ta’ speċjalizzazzjoni, li permezz tagħhom parti waħda jew aktar jaqblu li jieqfu jipproduċu ċerti prodotti u li jixtruhom mingħand parti oħra, u ftehimiet ta’ produzzjoni konġunta, li permezz tagħhom żewġ partijiet jew aktar jaqblu li jipproduċu ċerti prodotti b’mod konġunt. Dan ir-Regolament jestendi għal dispożizzjonijiet rigward iċ-ċessjoni jew l-użu tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, diment li dawn ma jkunux jikkostitwixxu l-għan ewlieni tal-ftehim, iżda jkunu relatati direttament u neċessarji għall-implimentazzjoni tiegħu.

(96)Meta l-impriżi jistabbilixxu impriża konġunta tal-produzzjoni u jagħtu lill-impriża konġunta liċenzja teknoloġika għall-fini tal-produzzjoni, tali liċenzjar ikun kopert mir-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija ta’ Speċjalizzazzjoni. Iżda, meta l-impriża konġunta tinvolvi ruħha fil-liċenzjar tat-teknoloġija lil partijiet terzi, dik l-attività ma tkunx marbuta mal-produzzjoni mill-impriża konġunta u għalhekk ma tkunx koperta mir-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija ta’ Speċjalizzazzjoni. Tali ftehimiet tal-liċenzja, li jgħaqqdu flimkien it-teknoloġiji tal-partijiet, jikkostitwixxu pools ta’ teknoloġija, li huma koperti mit-taqsima 4.4 ta’ dawn il-Linji Gwida.

(97)Ir-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija ta’ Riċerka u Żvilupp ikopri ftehimiet bejn żewġ impriżi jew aktar relatati ma’ R&Ż konġunti jew imħallsa u l-isfruttament konġunt tar-riżultati tagħhom. F’konformità mal-Artikolu 1(1), il-punt (10), ta’ dak ir-Regolament, ir-riċerka u l-iżvilupp u l-isfruttament tar-riżultati tagħhom jitwettqu b’mod konġunt fejn ix-xogħol involut jitwettaq minn tim konġunt, minn organizzazzjoni jew minn impriża konġunta, fdati b’mod konġunt lil parti terza jew allokati bejn il-partijiet permezz ta’ speċjalizzazzjoni fil-kuntest ta’ riċerka u żvilupp jew tal-ispeċjalizzazzjoni fil-kuntest tal-isfruttament (li jinkludi l-produzzjoni u d-distribuzzjoni, inkluż il-liċenzjar).

(98)Minn dan isegwi li r-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija ta’ Riċerka u Żvilupp ikopri l-liċenzjar bejn il-partijiet u mill-partijiet għal entità konġunta fil-kuntest ta’ ftehim ta’ R&Ż, u li tali liċenzjar ma huwiex kopert mir-REKTT. Fil-kuntest ta’ tali ftehimiet, il-partijiet jistgħu jiddeterminaw ukoll il-kundizzjonijiet għal-liċenzjar lil partijiet terzi tar-riżultati li joħorġu mill-ftehim ta’ riċerka u żvilupp. Madankollu, peress li l-liċenzjatarji terzi ma jkunux parti għall-ftehim ta’ Riċerka u Żvilupp, il-ftehim tal-liċenzja individwali konkluż mal-partijiet terzi ma huwiex kopert mir-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija ta’ Riċerka u Żvilupp. Dawk il-ftehimiet ta’ liċenzjar jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni ta’ kategorija pprovduta fir-REKTT jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tar-REKTT.

3.2.6.2.Ir-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija tal-Ftehimiet Vertikali

(99)Ir-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija tal-Ftehimiet Vertikali 71 japplika għal ftehimiet li jidħlu fihom żewġ impriżi jew iktar li kull waħda minnhom topera, għall-finijiet tal-ftehim, f'livelli differenti tal-katina ta' produzzjoni jew distribuzzjoni, u b'rabta mal-kundizzjonijiet li fihom il-partijiet jistgħu jixtru, ibigħu jew jerġgħu jbigħu ċerti prodotti jew servizzi. Għaldaqstant, din tkopri ftehimiet ta' provvista u distribuzzjoni.

(100)Peress li r-REKTT ikopri biss ftehimiet bejn żewġ partijiet u li licenzjatarju li jbigħ prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija lliċenzjata, huwa fornitur għall-finijiet tar-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija tal-Ftehimiet Vertikali, dawk iż-żewġ regolamenti ta' eżenzjoni ta' kategorija huma marbutin ferm mill-qrib. Ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija bejn liċenzjatur u liċenzjatarju huma koperti mir-REKTT, filwaqt li ftehimiet bejn liċenzjatarju u xerrejja tal-prodotti tal-kuntratt huma koperti mir-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija Applikabbli għall-Ftehimiet Vertikali.

(101)Ir-REKTT jeżenta wkoll ftehimiet bejn il-liċenzjatur u l-liċenzjatarju meta l-ftehim jimponi obbligi fuq il-liċenzjatarju rigward il-mod kif irid ibigħ il-prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata. B’mod partikolari, il-liċenzjatur jista’ jirrikjedi lil-liċenzjatarju biex jistabbilixxi ċertu tip ta’ sistema ta’ distribuzzjoni partikolari bħal distribuzzjoni esklużiva jew distribuzzjoni selettiva. Madankollu, il-ftehimiet ta’ distribuzzjoni konklużi għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ tali obbligi huma koperti biss mir-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija Applikabbli għall-Ftehimiet Vertikali. Pereżempju, il-liċenzjatur jista’ jobbliga lil-liċenzjatarju jistabbilixxi sistema ta’ distribuzzjoni esklużiva biex ibigħ il-prodotti tal-kuntratt. Madankollu, sabiex jibbenefika mir-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija Applikabbli għall-Ftehimiet Vertikali, il-liċenzjatarju fil-prinċipju jrid jiżgura li d-distributuri tiegħu jibqgħu liberi li jagħmlu bejgħ passiv fit-territorji allokati lil distributuri esklużivi oħrajn maħtura mil-liċenzjatarju 72 .

(102)Barra minn hekk, biex jibbenefikaw mir-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija Applikabbli għall-Ftehimiet Vertikali, id-distributuri fil-prinċipju jridu jkunu liberi li jbigħu kemm b’mod attiv kif ukoll b’mod passiv fit-territorji koperti mis-sistemi ta’ distribuzzjoni ta’ fornituri oħrajn, jiġifieri, liċenzjatarji oħrajn li jipproduċu l-prodotti tagħhom stess fuq il-bażi tad-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata. Dan għaliex, għall-finijiet tar-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija Applikabbli għall-Ftehimiet Vertikali, kull liċenzjatarju huwa fornitur separat. Madankollu, ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata l-eżenzjoni ta’ kategorija ta’ restrizzjonijiet tal-bejgħ attiv fi ħdan sistema ta’ distribuzzjoni ta’ fornitur li tinsab f’dak ir-Regolament, jistgħu japplikaw ukoll meta l-prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata jinbiegħu minn liċenzjatarji differenti b’ditta komuni li hija proprjetà tal-liċenzjatur. Meta l-prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata jinbiegħu taħt identità ta’ marka komuni, jista’ jkun hemm l-istess raġunijiet ta’ effiċjenza biex jiġu applikati l-istess tipi ta’ limiti bejn is-sistemi ta’ distribuzzjoni tal-liċenzjatarji bħal fil-każ ta’ sistema ta’ distribuzzjoni vertikali unika. F’tali każijiet, il-Kummissjoni x’aktarx li ma tikkontestax restrizzjonijiet meta, b’analoġija, jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tar-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija Applikabbli għall-Ftehimiet Vertikali. Sabiex tkun teżisti identità ta’ marka komuni, il-prodotti jridu jinbiegħu u jiġu kkummerċjalizzati taħt marka komuni, li tkun kapaċi twassal il-kwalità u informazzjoni rilevanti oħra lill-konsumatur. Ma huwiex biżżejjed li, minbarra d-ditti tal-liċenzjatarji, il-prodott iġorr id-ditta tal-liċenzjatur, li tidentifikah bħala s-sors tat-teknoloġija liċenzjata.

3.3.Il-limiti tas-sehem mis-suq tar-REKTT 

(103)L-isfera ta’ sikurezza legali pprovduta mir-REKTT hija soġġetta għal-limiti tas-sehem mis-suq, li jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni ta’ kategorija għal ftehimiet li ġeneralment jistgħu jiġu preżunti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Il-fatt li ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija jaqa’ barra mill-isfera ta’ sikurezza, minħabba li l-ishma mis-suq tal-partijiet jaqbżu l-limiti, ma jwassal għal ebda preżunzjoni jew li l-ftehim jaqa’ taħt l-Artikolu 101(1) jew li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3). Tali ftehimiet jirrikjedu valutazzjoni individwali skont l-Artikolu 101.

3.3.1.Limiti tas-sehem mis-suq

(104)Il-limitu tas-sehem mis-suq li għandu jiġi applikat għall-fini tal-isfera ta’ sikurezza tar-REKTT jiddependi fuq jekk il-ftehim ġiex konkluż bejn kompetituri jew nonkompetituri.

(105)Il-limiti tas-sehem mis-suq japplikaw kemm għas-suq(swieq) rilevanti tad-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata kif ukoll għas-suq(swieq) rilevanti tal-prodotti tal-kuntratt. Jekk il-limitu applikabbli fuq is-sehem mis-suq jinqabeż f’suq wieħed jew aktar ta’ prodotti u tat-teknoloġija, l-eżenzjoni ta’ kategorija ma tapplikax għall-ftehimiet għal dak is-suq(swieq) rilevanti. Pereżempju, jekk il-ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija jikkonċerna żewġ swieq separati tal-prodott, l-eżenzjoni ta’ kategorija tista’ tapplika għal wieħed mis-swieq u mhux għall-ieħor.

(106)Skont l-Artikolu 3(1) tar-REKTT, l-isfera ta’ sikurezza prevista fl-Artikolu 2 tar-REKTT tapplika għal ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija bejn kompetituri bil-kundizzjoni li s-sehem mis-suq ikkombinat tal-partijiet ma jaqbiżx l-20 % ta’ kwalunkwe suq rilevanti. Il-limitu tas-sehem mis-suq tal-Artikolu 3(1) tar-REKTT huwa applikabbli jekk il-partijiet ikunu kompetituri effettivi jew kompetituri potenzjali fis-suq(swieq) tal-prodott jew kompetituri effettivi fis-suq tat-teknoloġija jew it-tnejn (għad-distinzjoni bejn kompetituri u nonkompetituri, ara t-Taqsima 2.2.5 ta’ dawn il-Linja Gwida).

(107)Il-kompetizzjoni potenzjali fis-suq tat-teknoloġija ma titqiesx għall-applikazzjoni tal-limitu tas-sehem mis-suq jew tal-lista fundamentali relatata ma ftehimiet bejn il-kompetituri. Barra mill-isfera ta’ sikurezza tar-REKTT, titqies il-kompetizzjoni potenzjali fis-suq tat-teknoloġija.

(108)Meta l-impriżi li jkunu partijiet fil-ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija ma jkunux kompetituri, japplika l-limitu tas-sehem mis-suq stabbilit fl-Artikolu 3(2) tar-REKTT. Dan jipprevdi li l-eżenzjoni ta’ kategorija tapplika jekk is-sehem mis-suq ta’ kull parti ma taqbiżx 30 % tas-swieq tat-teknoloġija u tal-prodotti rilevanti affettwati.

(109)Meta l-partijiet isiru kompetituri fl-ambitu tal-Artikolu 3(1) tar-REKTT f’punt aktar tard, pereżempju meta l-liċenzjatarju diġà kien preżenti, qabel il-ħruġ tal-liċenzja, fis-suq relevanti li fih jinbiegħu l-prodotti tal-kuntratt u l-liċenzjatur sussegwentement isir fornitur reali jew potenzjali fl-istess suq relevanti, il-limitu ta’ sehem mis-suq ta’ 20 % se japplika mill-mument li fih saru kompetituri. Madankollu, f’dan il-każ, il-lista fundamentali applikabbli għall-ftehimiet bejn nonkompetituri se tibqa’ tapplika għall-ħajja sħiħa tal-ftehim sakemm il-ftehim ma jiġix emendat sussegwentement fi kwalunkwe aspett materjali (ara l-Artikolu 4(3) tar-REKTT u l-paragrafu (51) ta’ dawn il-Linji Gwida).

3.3.2.Kalkolu tal-ishma mis-suq għas-swieq tat-teknoloġija skont ir-REKTT 

(110)L-Artikolu 8, il-punt (d), tar-REKTT jispeċifika l-metodu li jrid jintuża biex jiġu kkalkolati l-ishma mis-suq fis-swieq tat-teknoloġija rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-REKTT. Skont dan il-metodu, is-sehem mis-suq ta’ parti li hija attiva bħala liċenzjatarju f’suq tat-teknoloġija rilevanti jiġi kkalkolat fuq il-bażi tal-preżenza tad-drittijiet tat-teknoloġija ta’ dik il-parti fis-suq(swieq) rilevanti (jiġifieri s-suq(swieq) tal-prodott u s-suq(swieq) ġeografiku (ġeografiċi)) fejn jinbiegħu l-prodotti tal-kuntratt. B’mod partikolari, il-bejgħ ikkombinat ta’ dik il-parti u tal-liċenzjatarji tagħha ta’ prodotti li jinkorporaw id-drittijiet tat-teknoloġija ta’ dik il-parti jiġi kkalkolat bħala sehem mill-bejgħ kollu ta’ prodotti kompetituri, irrispettivament minn jekk dawk il-prodotti kompetituri humiex prodotti b’teknoloġija li tkun qed tiġi liċenzjata. Dan il-metodu huwa applikat biex jiġu kkalkolati l-ishma mis-suq kemm tal-liċenzjatur kif ukoll tal-liċenzjatarju f’każijiet meta l-liċenzjatarju hu huwa stess attiv bħala liċenzjatur fis-suq tat-teknoloġija rilevanti.

(111)Dan l-approċċ għall-kalkolu tal-ishma mis-suq tal-partijiet fis-swieq tat-teknoloġija rilevanti, abbażi tal-“impronta” tagħhom fil-livell tal-prodott, intgħażel minħabba d-diffikultajiet prattiċi tal-kalkolu tal-ishma tas-suq fis-swieq tat-teknoloġija bl-użu tal-introjtu mir-royalties (ara l-paragrafu (40) ). Minbarra d-diffikultà ġenerali li tinkiseb dejta affidabbli dwar dħul mir-royalties, id-dħul attwali mir-royalties jista’ wkoll jissottovaluta b’mod serju l-pożizzjoni ta’ teknoloġija fis-suq fil-każ li pagamenti minn royalties jitnaqqsu bħala riżultat ta’ liċenzjar reċiproku jew il-provvista ta’ prodotti marbuta. Li l-kalkolu tal-ishma tas-suq jiġi bbażat fuq is-suq tat-teknoloġija fuq il-prodotti mmanifatturati bit-teknoloġija rilevanti ma jġorrx dak ir-riskju. Tali impatt fil-livell tal-prodott b’mod ġenerali jirrifletti sew il-pożizzjoni fis-suq tat-teknoloġija.

(112)Mill-Artikolu 3u l-Artikolu 8, il-punt (d), tar-REKTT jirriżulta li jekk it-teknoloġija liċenzjata ma tkunx iġġenerat bejgħ ta’ prodotti tal-kuntratt fis-sena kalendarja preċedenti, pereżempju minħabba li t-teknoloġija tkun ġdida u prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija jkunu għadhom ma ġewx ikkummerċjalizzati, it-teknoloġija titqies, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-REKTT, li ma jkollha l-ebda sehem mis-suq għal dik is-sena kalendarja.

(113)Idealment, il-prodotti mmanifatturati bl-użu ta’ teknoloġiji interni li ma humiex liċenzjati jiġu esklużi mis-suq tal-prodotti għall-fini tal-kalkolu tal-impronta, peress li dawk it-teknoloġiji interni huma biss restrizzjoni indiretta fuq it-teknoloġija liċenzjata. Madankollu, peress li fil-prattika jista’ jkun diffiċli għal-liċenzjatur u għal-liċenzjatarji li jkunu jafu jekk prodotti oħra fl-istess suq tal-prodott ikunux manifatturati b’teknoloġiji liċenzjati jew interni, il-kalkolu tas-sehem mis-suq tat-teknoloġija, għall-finijiet tar-REKTT, huwa bbażat fuq il-prodotti magħmula bit-teknoloġija liċenzjata bħala parti mill-prodotti kollha mibjugħa f’dak is-suq ta’ prodott. Dan l-approċċ jista’ jkun mistenni li jnaqqas is-sehem mis-suq ikkalkolat billi jiġu inklużi prodotti mmanifatturati b’teknoloġiji interni, iżda madankollu b’mod ġenerali se jipprovdi indikatur tajjeb tal-pożizzjoni tas-suq tat-teknoloġija liċenzjata. L-ewwel nett, dan ikopri kwalunkwe kompetizzjoni potenzjali minn impriżi li qed jipproduċu bit-teknoloġija tagħhom stess u li x’aktarx jibdew il-liċenzjar fil-każ ta’ deterjorament fil-kundizzjonijiet tal-provvista tat-teknoloġija tal-liċenzjatur meta mqabbla ma’ dawk ta’ teknoloġiji oħra (bħal f’żieda żgħira iżda permanenti fit-tariffi tal-liċenzji imposti mil-liċenzjar). It-tieni, anke fejn mhux probabbli li proprjetarji ta’ teknoloġija oħra jibdew joħorġu liċenzji, il-liċenzjatur mhux neċessarjament ikollu saħħa fis-suq, fis-suq tat-teknoloġija anke jekk għandu sehem kbir mid-dħul tal-liċenzjar. Jekk is-suq tal-prodott downstream huwa kompetittiv, il-kompetizzjoni fuq dak il-livell tista’ effettivament tillimita lil-liċenzjatur. Żieda fir-royalties upstream taffettwa l-kostijiet tal-liċenzjatarju, li tagħmlu inqas kompetittiv u b’hekk tista’ tikkawża li jitlef il-bejgħ. Is-sehem mis-suq ta’ teknoloġija fis-suq tal-prodott ikopri wkoll dan l-element u għalhekk normalment ikun indikatur tajjeb tas-saħħa fis-suq tal-liċenzjatur fis-suq tat-teknoloġija. 

(114)Sabiex tiġi vvalutata l-pożizzjoni fis-suq tat-teknoloġija liċenzjata, trid titqies ukoll id-dimensjoni ġeografika tas-suq tat-teknoloġija. Xi kultant dan jista’ jkun differenti mid-dimensjoni ġeografika tas-suq tal-prodott downstream rispettiv. Għall-fini tal-applikazzjoni tar-REKTT, id-dimensjoni ġeografika tas-suq tat-teknoloġija rilevanti tkun iddeterminata wkoll mis-suq(swieq) tal-prodott. Madankollu, lil hinn mill-isfera ta’ sikurezza tar-REKTT jista’ jkun xieraq li titqies ukoll żona ġeografika possibbilment usa’, li fiha l-liċenzjatur u l-liċenzjatarji tat-teknoloġiji kompetituri jkunu attivi, li fiha l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni jkunu omoġenji biżżejjed u li jistgħu jkunu distinti minn żoni ġirien minħabba li l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni jkunu differenti b’mod apprezzabbli f’dawk iż-żoni.

(115)Meta s-sehem(l-ishma) mis-suq tal-partijiet jogħla (jogħlew) ’l fuq mil-limitu rilevanti ta’ 20 % jew 30 % matul il-ħajja tal-ftehim, l-isfera ta’ sikurezza tkompli tapplika għal perjodu ta’ 3 snin kalendarji konsekuttivi wara s-sena li fiha jkun inqabeż il-limitu (ara l-Artikolu 8, il-punt (e) tar-REKTT).

Kalkolu tal-ishma mis-suq għas-swieq tal-prodotti skont ir-REKTT

(116)Is-sehem mis-suq tal-liċenzjatarju fis-swieq rilevanti fejn jinbiegħu l-prodotti tal-kuntratt jiġi kkalkolat abbażi tal-bejgħ ta’ prodotti tal-liċenzjatarju li jinkorporaw it-teknoloġija tal-liċenzjatarju u prodotti kompetituri, jiġifieri, l-bejgħ totali tal-liċenzjatarju fis-suq tal-prodott inkwistjoni. Meta l-liċenzjatur ikun ukoll fornitur tal-prodotti fis-suq rilevanti, għandu jitqies ukoll il-bejgħ fis-suq tal-prodotti inkwistjoni. Il-bejgħ li jsir minn liċenzjatarji oħrajn ma jitqisx għall-fini tal-kalkolu tas-sehem mis-suq tal-liċenzjatarju jew tal-liċenzjatur fis-suq(swieq) rilevanti tal-prodott.

(117)L-ishma mis-suq għandhom jiġu kkalkolati abbażi tad-data dwar il-valur tal-bejgħ għas-sena kalendarja ta’ qabel, fejn tali data tkun disponibbli. Tali data normalment tipprovdi indikazzjoni aktar akkurata dwar is-saħħa ta’ teknoloġija milli d-data dwar il-volum. Madankollu, meta ma jkunx hemm disponibbli data bbażata fuq il-valur, jistgħu jintużaw stimi bbażati fuq informazzjoni tas-suq affidabbli oħra, inkluża data dwar il-volum tal-bejgħ fis-suq. B’mod ġenerali, l-ishma mis-suq iridu jiġu kkalkulati billi tintuża data dwar il-bejgħ relatata mas-sena kalendarja ta’ qabel. Madankollu, f’każijiet li fihom id-data dwar il-bejgħ relatata mas-sena kalendarja ta’ qabel ma tkunx rappreżentattiva tal-pożizzjoni tal-partijiet fis-suq(swieq) rilevanti, l-ishma mis-suq jiġu kkalkolati bħala medja tal-ishma mis-suq tal-partijiet għall-aħħar 3 snin kalendarji preċedenti (ara l-Artikolu 8, il-punt (b) tar-REKTT) 73 .

(118)Il-prinċipji stabbiliti f’din it-Taqsima 3.3 jistgħu jiġu illustrati bl-eżempji li ġejjin:

Eżempji li jikkonċernaw il-liċenzjar bejn nonkompetituri

Eżempju 1

Impriża A hija speċjalizzata fl-iżvilupp ta’ prodotti u tekniki bijoteknoloġiċi u żviluppat prodott ġdid jismu Xeran. Hija ma hijiex attiva bħala produttur ta’ Xeran, li għalih la għandha l-faċilitajiet ta’ produzzjoni u lanqas ta’ distribuzzjoni. Impriża B hija waħda mill-produtturi ta' prodotti li jikkompetu, u li tipproduċihom permezz ta' teknoloġiji disponibbli liberament u mingħajr proprjetarju. Fis-sena 1, B kienet qiegħda tbigħ b’EUR 25 miljun fi prodotti li hija pproduċiet permezz tat-teknoloġiji disponibbli liberament. Fis-sena 2, A tagħti liċenzja lil B biex tipproduċi prodotti Xeran. Fl-istess sena B tbigħ b’EUR 15-il miljun fi produzzjoni bl-għajnuna tat-teknoloġiji disponibbli liberament u b’EUR 15-il miljun fi prodotti Xeran. Fis-sena 3 u fis-snin ta’ wara B tipproduċi u tbigħ prodotti Xeran biss, għall-valur ta’ EUR 40 miljun fis-sena. Barra minn hekk, fis-sena 2 A bdiet tilliċenzja wkoll lil C, li ma kinitx attiva f’dak is-suq tal-prodotti qabel. C tipproduċi u tbigħ biss Xeran: b’EUR 10 miljun fis-sena 2 u b’EUR 15-il miljun fis-sena 3 u fis-snin ta’ wara. Is-suq totali għal Xeran u s-sostituti tiegħu, fejn huma attivi B u Ċ, għandu valur ta’ EUR 200 miljun fis-sena.

Fis-sena 2, is-sena li fiha jiġu konklużi l-ftehimiet ta’ liċenzjar, is-sehem ta’ A fis-suq tat-teknoloġija huwa ta’ 0 % peress li, għall-fini tal-applikazzjoni tar-REKTT, is-sehem mis-suq tiegħu jrid jiġi kkalkulat abbażi tal-bejgħ totali ta’ Xeran fis-sena preċedenti. Fis-sena 3, is-sehem mis-suq ta’ A fis-suq tat-teknoloġija huwa ta’ 12,5 %, li jirrifletti l-valur ta’ Xeran prodott minn B u Ċ fis-sena 2 ta’ qabel. Fis-sena 4 u wara, is-sehem mis-suq ta’ A fis-suq tat-teknoloġija huwa ta’ 27,5 %, li jirrifletti l-valur ta’ Xeran prodott minn B u Ċ fis-sena preċedenti.

Fis-sena 2, is-sehem mis-suq ta' B fis-suq tal-prodott huwa ta' 12,5 %, li jirrifletti l-bejgħ ta' EUR 25 miljun ta' B fis-sena 1. Fis-sena 3, is-sehem mis-suq ta' B fis-suq tal-prodott huwa ta' 15 % għaliex il-bejgħ tiegħu żdied għal EUR 30 miljun fis-sena 2. Fis-sena 4 u minn hemm ’il quddiem, is-sehem mis-suq ta’ B huwa ta’ 20 %, minħabba li l-bejgħ tiegħu huwa EUR 40 miljun fis-sena. Is-sehem mis-suq ta’ Ċ fis-suq tal-prodott huwa ta’ 0 % fis-snin 1 u 2, 5 % fis-sena 3 u 7.5 % wara.

Minħabba li l-ftehimiet għal-liċenzjar bejn A u B, u bejn A u Ċ, huma bejn nonkompetituri u s-sehem mis-suq individwali ta’ A, B u Ċ huwa ta’ inqas minn 30 % kull sena, kull ftehim huwa kopert mill-isfera ta’ sikurezza tar-REKTT.

Eżempju 2

Is-sitwazzjoni hija l-istess bħal dik fl-eżempju 1, iżda din id-darba B u Ċ qed joperaw fi swieq ġeografiċi differenti. Huwa stabbilit li s-suq totali ta’ Xeran u tas-sostituti tiegħu għandu valur ta’ EUR 100 miljun fis-sena f’kull suq ġeografiku.

F’dan il-każ, is-sehem mis-suq ta’ A fis-swieq tat-teknoloġija rilevanti jrid jiġi kkalkolat abbażi tad-data dwar il-bejgħ ta’ prodotti għal kull wieħed miż-żewġ swieq tal-prodotti ġeografiċi b’mod separat. Fis-suq fejn hija attiva B, is-sehem mis-suq ta’ A jiddependi mill-bejgħ ta’ Xeran minn B. Bħal f’dan l-eżempju, is-suq totali huwa preżunt li jkun EUR 100 miljun, jiġifieri, nofs id-daqs tas-suq fl-eżempju 1, is-sehem mis-suq ta’ A huwa ta’ 0 % fis-sena 2, 15 % fis-sena 3 u 40 % minn hemm ’il quddiem. Is-sehem mis-suq ta’ B huwa ta’ 25 % fis-sena 2, 30 % fis-sena 3 u 40 % wara dan. Fis-snin 2 u 3, l-ishma individwali mis-suq ta’ A u B ma jaqbżux il-limitu ta’ 30 %. Madankollu, il-limitu jinqabeż mis-sena 4, u dan ifisser li, f’konformità mal-Artiklu 8(e), tar-REKTT, wara s-sena 7, il-ftehim għall-ħruġ ta’ liċenzji bejn A u B ma jistax jibqa’ jibbenefika mill-isfera ta’ sikurezza iżda jrid jiġi vvalutat fuq bażi individwali.

Fis-suq fejn hija attiva Ċ, is-sehem mis-suq ta’ A jiddependi mill-bejgħ ta’ Xeran minn Ċ. Is-sehem mis-suq ta’ A fis-suq tat-teknoloġija, ibbażat fuq il-bejgħ ta’ Ċ fis-sena preċedenti, huwa għalhekk ta’ 0 % fis-sena 2, 10 % fis-sena 3, u 15 % minn hemm ’il quddiem. Is-sehem mis-suq ta’ Ċ fis-suq tal-prodotti huwa l-istess: 0 % fis-sena 2, 10 % fis-sena 3, u 15 % minn hemm ’il quddiem. Għalhekk, il-ftehim għall-ħruġ ta’ liċenzji bejn A u Ċ jaqa’ taħt l-isfera ta’ sikurezza għall-perjodu kollu.

Eżempji li jikkonċernaw il-liċenzjar bejn il-kompetituri

Eżempju 3

L-impriżi A u B huma attivi fl-istess suq tal-prodott u ġeografiku rilevanti għal ċertu prodott kimiku. Kull wieħed minnhom għandu wkoll privattiva fuq teknoloġiji differenti użati għall-produzzjoni ta’ dak il-prodott. Fis-sena 1, A u B jiffirmaw ftehim għal-liċenzjar inkroċjati biex joħorġu liċenzja lil xulxin għall-użu tat-teknoloġiji rispettivi tagħhom. Fis-sena 1, A u B jipproduċu biss bit-teknoloġiji tagħhom stess u A tbigħ EUR 15-il miljun tal-prodott u B tbigħ EUR 20 miljun tal-prodott. Mis-sena 2, it-tnejn li huma jużaw it-teknoloġiji kemm tagħhom stess kif ukoll ta’ xulxin. Minn dik is-sena 'l quddiem, A tbiegħ b'EUR 10 miljuni fi prodotti magħmula permezz tat-teknoloġija tagħha stess u b'EUR 10 miljuni fi prodotti magħmula permezz tat-teknoloġija ta' B. Mis-sena 2, A tbiegħ EUR 15-il miljun tal-prodott immanifatturat bit-teknoloġija tagħha stess u EUR 10 miljun tal-prodott mmanifatturat bit-teknoloġija ta’ A. Is-suq totali għall-prodott u s-sostituti tiegħu jiswa EUR 100 miljun f’kull sena.

Sabiex jiġi vvalutat il-ftehim għall-ħruġ ta’ liċenzji skont ir-REKTT, irid jiġi kkalkolat is-sehem mis-suq ta’ A u B kemm fis-suq tat-teknoloġija kif ukoll fis-suq tal-prodotti. Is-sehem mis-suq ta’ A fis-suq tat-teknoloġija jiddependi mill-ammont tal-prodott mibjugħ fis-sena preċedenti li ġie mmanifatturat, kemm minn A kif ukoll minn B, bit-teknoloġija ta’ A. Is-sehem ta’ A fis-suq tat-teknoloġija jiddependi mill-ammont tal-prodott mibjugħ fis-sena ta’ qabel il-produzzjoni, kemm minn A u kemm minn B, bit-teknoloġija ta’ A. Fis-sena 2, is-sehem ta’ A fis-suq tat-teknoloġija għalhekk huwa ta' 15 %, li jirrifletti l-produzzjoni u l-bejgħ tagħha ta' EUR 15-il miljun fis-sena 1. Mis-sena 3, is-sehem mis-suq ta' A fis-suq tat-teknoloġija huwa ta' 20 %, li jirrifletti l-bejgħ ta' EUR 20 miljun fi prodotti mmanifatturati bit-teknoloġija ta' A u prodotti u mibjugħa minn A u B (EUR 10 miljun kull wieħed). Bl-istess mod, fis-sena 2, is-sehem, is-suq ta’ B fis-suq tat-teknoloġija huwa ta’ 20 % u minn hemm ’il quddiem ta’ 25 %.

L-ishma mis-suq ta’ A u B fis-suq tal-prodotti jiddependu mill-bejgħ rispettiv tagħhom tal-prodott fis-sena preċedenti, irrispettivament mit-teknoloġija użata. Is-sehem mis-suq ta’ A fis-suq tal-prodotti huwa ta’ 15 % fis-sena 2 u ta’ 20 % minn hemm ’il quddiem. Is-sehem mis-suq ta’ B fis-suq tal-prodotti huwa ta’ 20 % fis-sena 2 u ta’ 25 % minn hemm ’il quddiem.

Minħabbba li l-ftehim huwa bejn partijiet kompetituri, biex dan jibbenefika mill-isfera ta’ sikurezza tar-REKTT, is-sehem tagħhom flimkien fis-suq, kemm fis-suq tat-teknoloġija kif ukoll fis-suq tal-prodotti, irid ikun inqas mil-limitu fuq is-sehem fis-suq ta’ 20 %. Huwa ċar li dan mhuwiex il-każ hawnhekk. Is-sehem ikkombinat tal-partijiet fis-suq tat-teknoloġija u f’dak tal-prodotti huwa ta' 35 % fis-sena 2 u ta' 45 % minn hemm ’il quddiem. Dan il-ftehim bejn partijiet kompetituri għaldaqstant irid ikun ivvalutat fuq bażi individwali.

3.4.Restrizzjonijiet fundamentali skont il-TTBER

3.4.1.Prinċipji ġenerali

(119)L-Artikolu 4 tar-REKTT jinkludi lista ta’ restrizzjonijiet fundamentali. Dawn huma restrizzjonijiet serji tal-kompetizzjoni li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet jenħtieġ jiġu pprojbiti minħabba l-ħsara li jikkawżaw lill-konsumaturi. F’każijiet eċċezzjonali, restrizzjonijiet fundamentali jistgħu jaqgħu barra mill-Artikolu 101(1) tat-Trattat fejn ikunu oġġettivament meħtieġa għall-konklużjoni ta’ ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija 74 jew għal raġunijiet ta’ sikurezza jew saħħa relatati man-natura perikoluża tal-prodott inkwistjoni. Tali esklużjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tista’ ssir biss abbażi tal-fatturi oġġettivi esterni għall-partijiet infushom u mhux abbażi ta’ perspettivi u karatteristiċi suġġettivi tal-partijiet. Il-mistoqsija ma hijiex jekk il-partijiet fis-sitwazzjoni partikolari tagħhom ma kinux jaċċettaw li jikkonkludu ftehim inqas restrittiv, iżda jekk, minħabba n-natura tal-ftehim u l-karatteristiki tas-suq, ma kienx jiġi konkluż ftehim inqas restrittiv mill-impriżi f’kuntest simili.

(120)Mill-Artikolu 4(1) u 4(2) tar-REKTT jirriżulta li, meta ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija jkun fih restrizzjoni fundamentali tal-kompetizzjoni, il-ftehim kollu jaqa’ barra mill-eżenzjoni ta’ kategorija. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li fil-kuntest ta’ valutazzjoni individwali huwa improbabbli li restrizzjonijiet fundamentali se jissodisfaw l-erba’ kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat.

(121)L-Artikolu 4 tar-REKTT jiddistingwi bejn ftehimiet bejn kompetituri u ftehimiet bejn nonkompetituri.

3.4.2.Ftehimiet bejn kompetituri    

(122)L-Artikolu 4(1) tar-REKTT jelenka r-restrizzjonijiet fundamentali għall-ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija bejn il-kompetituri. L-Artikolu 4(1) jipprovdi li l-eżenzjoni ta’ kategorija ma tapplikax għal ftehimiet li, direttament jew indirettament, b’mod iżolat jew flimkien ma’ fatturi oħra taħt il-kontroll tal-partijiet, għandhom bħala l-għan tagħhom xi wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)ir-restrizzjoni tal-kapaċita ta’ parti li tiddetermina l-prezzijiet tagħha meta tkun qed tbigħ il-prodotti lil partijiet terzi;

(b)il-limitazzjoni tal-produzzjoni, minbarra l-limitazzjonijiet fuq il-produzzjoni tal-prodotti tal-kuntratt imposti fuq il-liċenzjatarju fi ftehim mhux reċiproku jew imposti fuq wieħed biss mil-liċenzjatarji fi ftehim reċiproku;

(c)l-allokazzjoni ta’ swieq jew ta’ klijenti għajr:

(i)    l-obbligu tal-liċenzjatur u/jew ta’ liċenzjatarju, fi ftehim mhux reċiproku, li ma jipproduċix bid-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata fi ħdan territorju esklużiv riżervat għall-parti l-oħra u/jew li ma jbigħx il-prodotti tal-kuntratt, b’mod attiv jew passiv, fit-territorju esklużiv jew lill-grupp ta’ klijenti esklużiv li jkun riżervat għall-parti l-oħra;

(ii)    ir-restrizzjoni, fi ftehim mhux reċiproku, ta’ bejgħ attiv tal-prodotti tal-kuntratt minn liċenzjatarju f’territorju esklużiv jew lill-grupp ta’ klijenti esklużiv li jkun allokat minn liċenzjatur lil xi liċenzjatarju ieħor diment li dan tal-aħħar ma kienx impriża kompetitriċi tal-liċenzjatarju fiż-żmien tal-konklużjoni tal-liċenzja tiegħu stess;

(iii)    l-obbligu fuq il-liċenzjatarju li jipproduċi l-prodotti tal-kuntratt għall-użu tiegħu biss diment li l-liċenzjatarju ma jkunx ristrett milli jbigħ il-prodotti tal-kuntratt b’mod attiv jew passiv bħala spare parts għall-prodotti tiegħu stess;

(iv)    l-obbligu fuq il-liċenzjatarju, fi ftehim mhux reċiproku, li jipproduċi l-prodotti tal-kuntratt għal xi klijent partikolari biss, fejn il-liċenzja tkun ingħatat sabiex jinħoloq sors alternattiv ta’ provvista għal dak il-klijent;

(d)ir-restrizzjoni tal-kapaċità tal-liċenzjatarju li jisfrutta d-drittijiet tat-teknoloġija tiegħu stess jew ir-restrizzjoni tal-kapaċità ta’ kwalunkwe waħda mill-partijiet fi ftehim li twettaq R&Ż, sakemm din ir-restrizzjoni tal-aħħar ma tkunx indispensabbli biex tipprevjeni l-iżvelar tal-għarfien prattiku liċenzjat lil partijiet terzi.

Distinzjoni bejn ftehimiet reċiproċi u ftehimiet mhux reċiproċi bejn il-kompetituri

(123)Għal ċertu restrizzjonijiet fundamentali, ir-REKTT jagħmel distinzjoni bejn ftehimiet reċiproċi u ftehimiet mhux reċiproċi. Il-lista fundamentali hija aktar stretta għal ftehimiet reċiproċi milli hija għal ftehimiet mhux reċiproċi bejn il-kompetituri. Ftehimiet reċiproċi huma ftehimiet għal-liċenzjar inkroċjati meta t-teknoloġiji liċenzjati jkunu teknoloġiji kompetituri jew jistgħu jintużaw għall-produzzjoni ta’ prodotti kompetituri. Ftehim mhux reċiproku huwa ftehim li fih, waħda mill-partijiet biss tkun qed tilliċenzja d-drittijiet tat-teknoloġija tagħha lill-parti l-oħra jew meta, fil-każ ta’ liċenzji inkroċjati, id-drittijiet liċenzjati tat-teknoloġija ma jkunux teknoloġiji kompetituri u d-drittijiet liċenzjati ma jistgħux jintużaw għall-produzzjoni ta’ prodotti kompetituri. Ftehim ma jkunx reċiproku għall-finijiet tar-REKTT, sempliċiment minħabba li l-ftehim ikun jinkludi obbligu ta’ retroċessjoni jew minħabba li l-liċenzjatarju jilliċenzja lura t-titjib tiegħu stess tat-teknoloġija liċenzjata. Meta ftehim mhux reċiproku sussegwentement isir ftehim reċiproku minħabba li tiġi konkluża t-tieni liċenzja bejn l-istess partijiet, dawk il-partijiet jista’ jkollhom jirrevedu l-ewwel liċenzja sabiex jevitaw li l-ftehim ikun jinkludi restrizzjoni fundamentali. Fil-valutazzjoni tagħha ta’ tali każijiet, il-Kummissjoni tqis it-tul tal-perjodu bejn il-konklużjoni tal-ewwel u tat-tieni liċenzja.

Restrizzjonijiet fuq il-prezz bejn il-kompetituri

(124)Ir-restrizzjoni fundamentali msemmija fl-Artikolu 4(1), il-punt (a) tar-REKTT tikkonċerna ftehimiet bejn il-kompetituri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-iffissar tal-prezzijiet għal prodotti mibjugħa lil partijiet terzi, inklużi l-prodotti li jinkoporaw it-teknoloġija liċenzjata. L-iffissar tal-prezzijiet bejn il-kompetituri ġeneralment jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. L-iffissar tal-prezzijiet jista’ jsir fil-forma ta’ ftehim fuq il-prezz eżatt li għandu jinżamm jew lista ta’ prezzijiet b’ċerti ribassi massimi permessi. Huwa immaterjali jekk il-ftehim jirrigwardax prezzijiet fissi, minimi, massimi jew rakkomandati. L-iffissar tal-prezzijiet jista’ jiġi implimentat ukoll indirettament billi jiġu applikati diżinċentivi għad-devjazzjoni minn livell ta’ prezz miftiehem, pereżempju, billi jiġi pprovdut li r-rata tar-royalties tiżdied jekk il-prezzijiet tal-prodott jitnaqqsu taħt ċertu livell. Madankollu, obbligu fuq il-liċenzjatarju li jħallas ċertu royalty minimu ma jammontax fih innifsu għal iffissar tal-prezzijiet.

(125)Meta r-royalties jiġu kkalkolati abbażi tal-bejgħ ta’ prodott individwali, l-ammont tar-royalty ikollu impatt dirett fuq il-kost marġinali tal-prodott u b’hekk, ikollu impatt dirett fuq il-prezzijiet tal-prodott 75 . Għaldaqstant, il-kompetituri jistgħu jużaw il-liċenzji inkroċjati b’royalties reċiproċi kontinwi bħala mezz ta’ koordinazzjoni u/jew żieda fil-prezzijiet fis-swieq tal-prodotti downstream 76 . Madankollu, il-Kummissjoni se tittratta biss liċenzji inkroċjati b’royalties reċiproċi kontinwi bħala ffissar tal-prezzijiet f’ċirkostanzi speċifiċi, bħal meta l-ftehim jipprevedi l-ħlas ta’ royalties irrispettivament minn jekk it-teknoloġija tintużax tabilħaqq, jew meta l-ftehim ikun nieqes minn kwalunkwe għan pro-kompetittiv u għalhekk ma jikkostitwix ftehim ta’ liċenzjar bona fide.

(126)Ir-restrizzjoni fundamentali msemmija fl-Artikolu 4(1), il-punt (a) tar-REKTT tkopri wkoll ftehimiet li permezz tagħhom ir-royalties jiġu kkalkolati abbażi tal-bejgħ kollu tal-prodotti irrispettivament minn jekk it-teknoloġija liċenzjata tkunx qed tintuża. Tali ftehimiet jaqgħu wkoll fi ħdan ir-restrizzjoni fundamentali stabbilita fil-Artikolu 4(1), il-punt (d) tar-REKTT dwar ir-restrizzjonijiet tal-kapaċità tal-liċenzjatarju li juża d-drittijiet tat-teknoloġija tiegħu stess (ara l-paragrafu (141) ta’ dawn il-Linji Gwida). B’mod ġenerali, tali ftehimiet jirrestrinġu l-kompetizzjoni peress li jgħollu l-kost tal-użu tad-drittijiet tat-teknoloġija kompetitriċi tal-liċenzjatarju stess u jirrestrinġu l-kompetizzjoni li kienet teżisti fin-nuqqas tal-ftehim 77 . Dan japplika kemm għal ftehimiet reċiproċi kif ukoll għal dawk mhux reċiproċi. 

(127)Madankollu, b’mod eċċezzjonali, ftehim li permezz tiegħu r-royalties jiġu kkalkolati abbażi tal-bejgħ kollu tal-prodott jista’ jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat f’każ individwali fejn, abbażi ta’ fatturi oġġettivi jista jiġi konkluż li r-restrizzjoni hija indispensabbli biex iseħħ liċenzjar pro-kompetittiv. Dan jista’ jkun il-każ meta, fin-nuqqas tar-restrizzjoni, ikun impossibbli jew diffiċli wisq li r-royalty li għandha titħallas mil-liċenzjatarju tiġi kkalkolata u mmonitorjata, pereżempju minħabba li t-teknoloġija tal-liċenzjatur ma tħalli l-ebda traċċa fuq il-prodott finali u ma jkunx hemm metodi ta’ monitoraġġ alternattivi prattikabbli disponibbli.

Restrizzjonijiet fuq il-produzzjoni bejn il-kompetituri

(128)Ir-restrizzjoni fundamentali msemmija fl-Artikolu 4(1), il-punt (b) tar-REKTT tirrigwarda restrizzjonijiet reċiproċi fuq il-produzzjoni tal-partijiet. Restrizzjoni fuq il-produzzjoni hija limitazzjoni fuq kemm parti tkun tista' tipproduċi u tbigħ. L-Artikolu 4(1), il-punt (b) ma japplikax fil-każ ta’ limitazzjonijiet fuq il-produzzjoni imposti fuq il-liċenzjatarju fi ftehim mhux reċiproku, jew limitazzjonijiet fuq il-produzzjoni imposti fuq wieħed mil-liċenzjatarji fi ftehim reċiproku, sakemm il-limitazzjoni tkun tirrigwarda biss il-prodotti magħmula permezz tat-teknoloġija liċenzjata. L-Artikolu 4(1), il-punt (b), għalhekk jidentifika bħala fundamentali r-restrizzjonijiet reċiproċi fuq il-produzzjoni u r-restrizzjonijiet fuq il-produzzjoni tal-liċenzjatur fir-rigward tat-teknoloġija tiegħu stess. Fejn il-kompetituri jiftiehmu li jimponu limitazzjonijiet reċiproċi fuq il-produzzjoni, l-iskop u l-effett probabbli tal-ftehim ikun li titnaqqas il-produzzjoni fis-suq. L-istess jista’ jingħad għal ftehimiet li jnaqqsu l-inċentiv tal-partijiet li jespandu l-produzzjoni, pereżempju billi japplikaw royalties kontinwi reċiproki għal kull unità li jiżdiedu hekk kif tiżdied il-produzzjoni jew billi jobbligaw lil xulxin li jagħmlu pagamenti jekk jinqabeż ċertu livell ta' produzzjoni.

(129)It-trattament l-aktar favorevoli għal limitazzjonijiet mhux reċiproċi fuq il-kwantità huwa bbażat fuq il-kunsiderazzjoni li restrizzjoni unidirezzjonali mhux neċessarjament twassal għal inqas produzzjoni fis-suq, filwaqt li r-riskju li l-ftehim ma jkunx ftehim ta’ liċenzjar bona fide huwa iżgħar ukoll meta r-restrizzjoni ma tkunx waħda reċiproka. Meta liċenzjatarju jkun lest li jaċċetta restrizzjoni unidirezzjonali, aktarx li l-ftehim iwassal għal integrazzjoni reali tat-teknoloġiji komplimentari jew integrazzjoni li ssaħħaħ l-effiċjenza tat-teknoloġija superjuri tal-liċenzjatur bl-assi produttivi tal-liċenzjatarju. Bl-istess mod, fi ftehim reċiproku, restrizzjoni fuq il-produzzjoni imposta fuq wieħed mil-liċenzjatarji biss x’aktarx tirrifletti l-valur ogħla tat-teknoloġija liċenzjata minn waħda mill-partijiet u tista’ sservi ta’ promozzjoni għal-liċenzjar pro-kompetittiv.

Allokazzjoni tas-suq u tal-konsumatur bejn il-kompetituri

(130)Ir-restrizzjoni fundamentali stabbilita fl-Artikolu 4(1), il-punt (c) tar-REKTT tikkonċerna l-allokazzjoni tas-swieq u tal-klijenti. Ftehimiet li permezz tagħhom il-kompetituri jikkondividu s-swieq u l-klijenti jkollhom bħala l-għan tagħhom ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Ftehim li permezz tiegħu l-kompetituri jaqblu, fi ftehim reċiproku, li ma jipproduċux f’ċerti territorji jew li ma jbigħux b’mod attiv, passiv, jew it-tnejn, f’ċerti territorji jew lil ċerti klijenti riżervati għall-parti l-oħra, hija restrizzjoni fundamentali. B’hekk, pereżempju, il-liċenzjar esklużiv reċiproku bejn il-kompetituri jitqies bħala kondiviżjoni tas-suq.

(131)L-Artikolu 4(1), il-punt (c) tar-REKTT japplika irrispettivament minn jekk il-liċenzjatarju jibqax liberu li juża d-drittijiet tat-teknoloġija tiegħu stess. Meta l-liċenzjatarju jkun lest biex juża t-teknoloġija tal-liċenzjatur biex jipproduċi prodott partikolari, tista’ tiġih ħafna flus biex iżomm linja ta’ produzzjoni separata li tuża teknoloġija oħra biex iservi klijenti li ma humiex affettwati mir-restrizzjonijiet. Barra minn hekk, minħabba l-potenzjal antikompetittiv tar-restrizzjonijiet, il-liċenzjatarju jista’ jkollu ftit inċentiv li jipproduċi permezz tat-teknoloġija tiegħu stess. Tali restrizzjonijiet huma wkoll improbabbli ħafna li jkunu indispensabbli biex iseħħ il-liċenzjar prokompetittiv.

(132)Skont l-Artikolu 4(1), il-punt (c)(i) tar-REKTT, ma hijiex restrizzjoni fundamentali għal-liċenzjatur fi ftehim mhux reċiproku li jagħti liċenzja esklużiva lil-liċenzjatarju biex jipproduċi abbażi tat-teknoloġija liċenzjata f’territorju partikolari u li b’hekk jaqbel li hu stess ma jipproduċix il-prodotti tal-kuntratt f’dak it-territorju jew ma jipprovdix il-prodotti tal-kuntratt minn dak it-territorju. Tali liċenzji esklużivi huma eżentati bħala kategorija irrispettivament mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-territorju. Jekk il-liċenzja tkun waħda globali, l-esklużività timplika li l-liċenzjatur se jastjeni milli jidħol jew jibqa’ fis-suq. L-eżenzjoni ta’ kategorija tapplika wkoll jekk il-liċenzjatarju fi ftehim mhux reċiproku ma huwiex permess li jipproduċi f’territorju esklużiv riżervat għal-liċenzjatur. L-għan ta’ tali ftehimiet jista’ jkun li jagħti lil-liċenzjatur, lil-liċenzjatarju, jew lit-tnejn, inċentiv li jinvesti fit-teknoloġija liċenzjata u jiżviluppaha. Għalhekk, l-għan tal-ftehim ma huwiex neċessarjament li s-swieq jiġu kondiviżi.

(133)F’konformità mal-Artikolu 4(1), il-punt (c)(i) tar-REKTT u għall-istess raġuni, l-eżenzjoni ta’ kategorija tapplika wkoll għal ftehimiet mhux reċiproċi li permezz tagħhom il-partijiet jaqblu li ma jbigħux il-prodotti tal-kuntratt b’mod attiv jew passiv f’territorju esklużiv jew lil grupp ta’ klijenti esklużiv riżervat għall-parti l-oħra 78 . Il-bejgħ “attiv” u “passiv” huwa definit fl-Artikolu 1 tar-REKTT 79 . Restrizzjonijiet fuq il-kapaċità tal-liċenzjatarju jew tal-liċenzjatur li jbigħ b’mod attiv, passiv, jew it-tnejn fit-territorju fil-grupp ta’ klijenti tal-parti l-oħra huma eżentati bħala kategorija biss jekk dak it-territorju jew il-grupp ta’ klijenti jkun ġie riżervat b’mod esklużiv għal dik il-parti l-oħra. Madankollu, f’ċerti ċirkostanzi speċifiċi, ftehimiet li jkun fihom tali restrizzjonijiet ta’ bejgħ jistgħu, f’każ individwali, jissodisfaw ukoll il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat jekk l-esklużività hija kondiviża fuq bażi ad hoc, pereżempju jekk meħtieġ biex tittaffa skarsezza temporanja fil-produzzjoni tal-liċenzjatur jew tal-liċenzjatarju li għalihom ikun esklużivament allokat it-territorju jew il-grupp tal-klijenti. F’tali każijiet, il-liċenzjatur jew il-liċenzjatarju x’aktarx ikun għadu protett biżżejjed kontra l-bejgħ attiv jew passiv, jew it-tnejn, biex ikollu l-inċentiv li jilliċenzja t-teknoloġija tiegħu jew jinvesti fil-produzzjoni bl-użu tat-teknoloġija liċenzjata. Tali restrizzjonijiet, anke meta jirrestrinġu l-kompetizzjoni, jippromwovu t-tixrid prokompetittiv u l-integrazzjoni ta’ dik it-teknoloġija fl-assi tal-produzzjoni tal-liċenzjatarju.

(134)B’implikazzjoni, il-fatt li l-liċenzjatur jaħtar lil-liċenzjatarju bħala l-uniku liċenzjatarju tiegħu f’territorju partikolari, li jimplika li partijiet terzi mhux se jkunu liċenzjati biex jipproduċu abbażi tat-teknoloġija tal-liċenzjatur fit-territorju inkwistjoni, lanqas ma jikkostitwixxi restrizzjoni fundamentali. Fil-każ ta’ tali liċenzji uniċi, l-eżenzjoni ta’ kategorija tapplika irrispettivament minn jekk il-ftehim huwiex reċiproku jew le, peress li l-ftehim ma jaffettwax il-kapaċità tal-partijiet li jisfruttaw bis-sħiħ id-drittijiet tat-teknoloġija tagħhom stess fit-territorji rispettivi tagħhom.

(135)L-Artikolu 4(1), il-punt (c)(ii) tar-REKTT jeskludi mil-lista ta’ restrizzjonijiet fundamentali, u b’hekk jeżenta bħala kategorija sal-limitu tas-sehem mis-suq, restrizzjonijiet fi ftehim mhux reċiproku dwar il-bejgħ attiv ta’ prodotti tal-kuntratt minn liċenzjatarju f’territorju jew lil grupp ta’ klijenti allokat mil-liċenzjatur lil liċenzjatarju ieħor. Dan bil-kundizzjoni, madankollu, li l-liċenzjatarju protett ma kienx kompetitur tal-liċenzjatur fiż-żmien meta jiġi konkluż il-ftehim. Mhuwiex ġustifikat li dawn ir-restrizzjonijiet f’dik is-sitwazzjoni jiġu trattati bħala restrizzjonijiet fundamentali. Jekk il-liċenzjatur jagħti lil-liċenzjatarju, li ma kienx diġà fis-suq, protezzjoni kontra l-bejgħ attiv minn liċenzjatarji kompetituri tal-liċenzjatur u li għal din ir-raġuni huma diġà stabbiliti fis-suq, dawn ir-restrizzjonijiet x'aktarx iwasslu biex il-liċenzjatarju jisfrutta t-teknoloġija liċenzjata b'mod aktar effiċjenti. Min-naħa l-oħra, jekk id-detenturi tal-liċenzja jaqblu bejniethom li ma jbigħux attivament jew passivament f'ċerti territorji jew lil ċerti gruppi ta' klijenti, il-ftehim ikun jammonta għal kartell fost id-detenturi tal-liċenzja. Peress li ftehimiet bħal dawn ma jinvolvu l-ebda trasferiment ta' teknoloġija, dawn ma jidħlux fl-ambitu tar-REKTT.

(136)L-Artikolu 4(1), il-punt (c)(iii) tar-REKTT jinkludi eċċezzjoni ulterjuri għar-restrizzjoni fundamentali fl-Artikolu 4(1)(c), b’mod partikolari restrizzjonijiet għall-użu intern, jiġifieri r-rekwiżit li l-liċenzjatarju jkun jista’ jipproduċi l-prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata biss għall-użu tiegħu stess. Fejn il-prodott tal-kuntratt ikun komponent, il-liċenzjatarju jista’ għalhekk ikun obbligat li jipproduċi dak il-komponent biss biex jiġi inkorporat fil-prodotti tiegħu stess u li ma jbigħx il-komponenti lil produtturi oħrajn. Madankollu, il-liċenzjatarju jrid ikun jista’ jbigħ il-komponenti bħala spare parts għall-prodotti tiegħu stess u għalhekk iforni lil partijiet terzi li jipprovdu servizzi ta’ wara l-bejgħ fuq dawk il-prodotti. Ir-restrizzjonijiet dwar użu intern kif definiti jistgħu jkunu neċessarji biex iħeġġu t-tixrid tat-teknoloġija, partikolarment bejn kompetituri, u huma koperti bl-eżenzjoni ta' kategorija. Tali restrizzjonijiet huma trattati wkoll fit-Taqsima 4.2.5 ta’ dawn il-Linji Gwida.

(137)Fl-aħħar nett, l-Artikolu 4(1), il-punt (c)(iv) tar-REKTT jeskludi mil-lista fundamentali obbligu fuq il-liċenzjatarju fi ftehim mhux reċiproku li jipproduċi l-prodotti tal-kuntratt għal xi klijent partikolari biss bil-għan li jinħoloq sors alternattiv ta’ provvista għal dak il-klijent. Għaldaqstant, hija kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 4(1), il-punt (c)(iv), li l-liċenzja tkun limitata għall-ħolqien ta’ sors ta’ provvista alternattiv għal klijent partikolari. Madankollu, ma hijiex kundizzjoni li tingħata tali liċenzja waħda biss. L-Artikolu 4(1), il-punt (c)(iv) ikopri wkoll sitwazzjonijiet fejn jiġu liċenzjati aktar minn impriża waħda biex ifornu lill-istess klijent speċifikat. L-Artikolu 4(1), il-punt (c)(iv) japplika irrespettivament mid-durata tal-ftehim għall-ħruġ ta’ liċenzji. Pereżempju, liċenzja ta’ darba sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta’ proġett ta’ klijent partikolari hija koperta minn din l-eċċezzjoni. Il-potenzjal ta’ tali ftehimiet li jikkondividu s-swieq huwa limitat meta l-liċenzja tingħata biss għall-fini li jiġi fornut klijent partikolari. B’mod partikolari, f’tali ċirkostanzi ma jistax jiġi preżunt li l-ftehim se jwassal biex il-liċenzjatarju jieqaf jisfrutta t-teknoloġija tiegħu stess.

(138)Ir-restrizzjonijiet fuq il-qasam tal-użu fi ftehimiet bejn kompetituri li jillimitaw il-liċenzja għal suq wieħed jew aktar ta’ prodotti, oqsma tekniċi ta’ applikazzjoni jew setturi industrijali 80 ma humiex restrizzjonijiet fundamentali. Tali restrizzjonijiet huma eżentati bħala kategorija sal-limitu fuq is-sehem mis-suq ta’ 20 %, irrispettivament minn jekk il-ftehim huwiex reċiproku jew le. Tali restrizzjonijiet ma humiex meqjusa li għandhom bħala l-għan tagħhom l-allokazzjoni ta’ swieq jew klijenti. Madankollu, hija kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni ta’ kategorija li r-restrizzjonijiet fuq il-qasam tal-użu ma jmorrux lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-teknoloġiji liċenzjati. Pereżempju, meta l-liċenzjatarji huma limitati wkoll fl-oqsma tekniċi ta’ applikazzjoni li fihom jistgħu jużaw id-drittijiet tat-teknoloġija tagħhom stess, il-ftehim jammonta għal kondiviżjoni tas-suq.

(139)L-eżenzjoni ta’ kategorija tapplika irrispettivament minn jekk ir-restrizzjoni fuq il-qasam ta’ użu tkunx waħda simetrika jew asimetrika. Restrizzjoni asimmetrika fuq il-qasam tal-użu fi ftehim reċiproku ta’ liċenzja timplika li kull parti hija permessa tuża t-teknoloġiji rispettivi li joħorġu liċenzji għalihom biss għal oqsma differenti tal-użu. Sakemm il-partijiet ma jkunux ristretti fl-użu tat-teknoloġiji tagħhom stess, ma hemm l-ebda suppożizzjoni li l-ftehim iwassal lill-partijiet biex jabbandunaw jew joqogħdu lura milli jidħlu fil-qasam(oqsma) kopert mil-liċenzja lill-parti l-oħra. Anke jekk il-liċenzjatarji jkunu lesti biex jużaw it-teknoloġija liċenzjata fil-qasam tal-użu liċenzjat, jista’ ma jkun hemm l-ebda impatt fuq l-assi użati għall-produzzjoni barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-liċenzja. F’dan ir-rigward, huwa importanti li r-restrizzjoni tirrelata ma’ swieq ta’ prodotti distinti, setturi industrijali jew oqsma tekniċi ta’ applikazzjoni u mhux ma’ klijenti, allokati skont it-territorju jew skont il-grupp, li jixtru prodotti li jaqgħu fl-istess suq ta’ prodotti, settur industrijali jew qasam tekniku ta’ applikazzjoni. Ir-riskju tal-kondiviżjoni tas-suq huwa meqjus sostanzjalment akbar fl-aħħar każ (ara l-paragrafu (131) ). Barra minn hekk, restrizzjonijiet fuq il-qasam tal-użu jistgħu jkunu meħtieġa biex jiġi promoss il-ħruġ pro-kompetittiv ta’ liċenzji (ara l-paragrafu (233) ).

Restrizzjonijiet fuq il-kapaċità tal-partijiet li jwettqu riċerka u żvilupp

(140)Ir-restrizzjoni fundamentali tal-kompetizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(1), il-punt (d) tar-REKTT tkopri restrizzjonijiet fuq il-kapaċità ta’ kwalunkwe waħda mill-partijiet li jwettqu riċerka u żvilupp. Iż-żewġ partijiet iridu jkunu liberi li jwettqu riċerka u żvilupp indipendenti. Din ir-regola tapplika irrispettivament minn jekk ir-restrizzjoni tapplikax għal qasam kopert mil-liċenzja jew għal oqsma oħrajn. Madankollu, is-sempliċi fatt li l-partijiet jaqblu li jipprovdu lil xulxin b’titjib fil-futur tat-teknoloġiji rispettivi tagħhom ma jammontax għal restrizzjoni fuq ir-riċerka u l-iżvilupp indipendenti. L-effett fuq il-kompetizzjoni ta’ tali ftehimiet irid jiġi vvalutat fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-każ individwali. L-Artikolu 4(1), il-punt (d) ma jestendix ukoll għal restrizzjonijiet fuq il-kapaċità ta’ parti li twettaq riċerka u żvilupp ma’ partijiet terzi, meta tali restrizzjoni tkun meħtieġa biex tipproteġi l-għarfien prattiku tal-liċenzjatur kontra d-divulgazzjoni. Biex ikunu koperti bl-eċċezzjoni, ir-restrizzjonijiet imposti biex jipproteġu l-għarfien prattiku tal-liċenzjatur kontra d-divulgazzjoni jridu jkunu neċessarji u proporzjonati biex tiġi żgurata tali protezzjoni. Pereżempju, meta l-ftehim jaħtar impjegati partikolari tal-liċenzjatarju biex jitħarrġu fl-użu tal-għarfien espert liċenzjat u jkunu responsabbli għalih, jista’ jkun biżżejjed li l-liċenzjatarju jkun obbligat li ma jippermettix li dawn l-impjegati jkunu involuti fir-riċerka u fl-iżvilupp ma’ partijiet terzi. Hemm salvagwardji oħrajn li jistgħu jkunu xierqa bl-istess mod.

Restrizzjonijiet fuq l-użu tat-teknoloġija tal-liċenzjatarju stess

(141)F’konformità mal-Artikolu 4(1), il-punt (d) tar-REKTT, il-liċenzjatarju jrid ukoll li ma jkunx ristrett fl-użu tat-teknoloġija kompetitriċi tiegħu stess, diment li waqt li jkun qed jagħmel dan ma jagħmilx użu mid-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata mil-liċenzjatur. Fir-rigward tad-drittijiet tat-teknoloġija tiegħu stess, il-liċenzjatarju ma jridx ikun soġġett għal limitazzjonijiet f’termini ta’ fejn jipproduċi jew ibigħ, l-oqsma tekniċi tal-użu jew is-swieq tal-prodotti li fihom jipproduċi, kemm jipproduċi jew ibigħ u l-prezz li bih ibigħ. Lanqas ma jista' jkun obbligat iħallas royalties fuq prodotti mmanifatturati fuq il-bażi tad-drittijiet marbutin mat-teknoloġija tiegħu stess (ara l-paragrafu (126) ta’ dawn il-Linji Gwida). Barra minn hekk, il-liċenzjatarju m'għandux jinżamm milli jilliċenzja t-teknoloġija tiegħu lil partijiet terzi. Fejn jiġu imposti restrizzjonijiet fuq l-użu mil-liċenzjatarju tat-teknoloġija tiegħu stess jew biex iwettaq R&Ż, il-kompetittività tat-teknoloġija tad-detentur titnaqqas. L-effett ta’ dan huwa li titnaqqas il-kompetizzjoni fis-swieq tal-prodotti u tat-teknoloġija eżistenti u li jitnaqqas l-inċentiv tal-liċenzjatarju li jinvesti fl-iżvilupp u t-titjib tat-teknoloġija tiegħu. L-Artikolu 4(1), il-punt (d) tar-REKTT ma jestendix għal restrizzjonijiet fuq l-użu mid-detentur ta' liċenzja tat-teknoloġija tal-parti terza li tikkompeti mat-teknoloġija lliċenzjata. Għalkemm tali obbligi li wieħed ma jikkompetix jistgħu jkollhom effetti ta' esklużjoni fuq it-teknoloġija ta' partijiet terzi (ara t-Taqsima 4.2.7 ta’ dawn il-Linji Gwida), dawn ma jkollhomx l-effett li jnaqqsu l-inċentiv tad-detenturi ta' liċenzja li jinvestu fl-iżvilupp u t-titjib tat-teknoloġija tagħhom stess. 

3.4.3.Ftehimiet bejn nonkompetituri

(142)L-Artikolu 4(2) tar-REKTT jelenka r-restrizzjonijiet fundamentali għal-liċenzjar bejn nonkompetituri. L-Artikolu 4(2) jipprovdi li l-eżenzjoni ta’ kategorija ma tapplikax għal ftehimiet li, direttament jew indirettament, b’mod iżolat jew flimkien ma’ fatturi oħra taħt il-kontroll tal-partijiet, għandhom bħala l-għan tagħhom xi wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)ir-restrizzjoni tal-kapaċità ta’ parti li tiddetermina l-prezzijiet tagħha meta tbiegħ prodotti lil partijiet terzi, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jiġi impost prezz massimu ta’ bejgħ jew jiġi rrakkomandat prezz ta’ bejgħ, diment li dan ma jammontax għal prezz fiss jew minimu ta bejgħ bħala riżultat ta’ pressjoni minn kwalunkwe waħda mill-partijiet jew inċentivi li jkunu qed jiġu offruti minnhom;

(b)ir-restrizzjoni tat-territorju li fih, jew tal-klijenti li lilhom il-liċenzjatarju jista’ jbigħ b’mod passiv il-prodotti tal-kuntratt, minbarra:

(i)    ir-restrizzjoni ta’ bejgħ passiv f’territorju esklużiv jew lil grupp ta’ klijenti esklużiv li jkun riżervat għal-liċenzjatur;

(ii)    l-obbligu li l-prodotti tal-kuntratt jiġu prodotti biss għall-użu tiegħu stess diment li l-liċenzjatarju ma jkunx ristrett milli jbigħ il-prodotti tal-kuntratt b’mod attiv jew passiv bħala spare parts għall-prodotti tiegħu stess;

(iii)    l-obbligu li l-prodotti tal-kuntratt jiġu prodotti biss għal klijent partikolari, meta l-liċenzja tkun ingħatat sabiex jinħoloq sors alternattiv ta’ provvista għal dak il-klijent;

(iv)    ir-restrizzjoni ta’ bejgħ lill-utenti finali permezz ta’ liċenzjatarju li jopera fil-livell bl-ingrossa tal-kummerċ;

(v)    ir-restrizzjoni tal-bejgħ lil distributuri mhux awtorizzati li jinsabu f’territorju fejn il-liċenzjatur jopera sistema ta’ distribuzzjoni selettiva għall-prodotti tal-kuntratt;

(c)ir-restrizzjoni ta’ bejgħ attiv u passiv lill-utenti finali minn liċenzjatarju li jkun membru ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva u li topera fil-livell tal-bejgħ bl-imnut, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li membru tas-sistema jkun ipprojbit milli jopera minn post mhux awtorizzat ta’ stabbiliment.

Iffissar tal-prezzijiet

(143)Ir-restrizzjoni fundamentali msemmija fl-Artikolu 4(2), il-punt (a) tar-REKTT tirrigwarda l-iffissar tal-prezzijiet fil-bejgħ ta’ prodotti lil partijiet terzi. B'mod aktar speċifiku, din id-dispożizzjoni tkopri restrizzjonijiet li l-iskop dirett jew indirett tagħhom ikun l-iffissar ta' prezz tal-bejgħ fiss jew minimu, jew livell ta' prezz fiss jew minimu li għandu jkun osservat mil-liċenzjatur jew mil-liċenzjatarju fil-bejgħ ta' prodotti lil partijiet terzi. Fil-każ ta' ftehimiet li jiffissaw il-prezz tal-bejgħ direttament, ir-restrizzjoni hija ċara. Madankollu, l-iffissar tal-prezzijiet tal-bejgħ jista' jsir ukoll b'mezzi indiretti. Eżempji ta' dawn tal-aħħar huma ftehimiet li jiffissaw il-marġini, li jiffissaw il-livell massimu ta' skontijiet, li jorbtu l-prezz tal-bejgħ mal-prezzijiet tal-kompetituri, li jimponu prezzijiet minimi ta’ reklamar, theddid, intimidazzjoni, twissijiet, penali jew terminazzjoni tal-kuntratt marbuta mal-osservanza ta' livell ta' prezzijiet partikolari. Il-mezzi diretti jew indiretti biex jiġi ffissat prezz jistgħu jkunu aktar effettivi meta jsiru flimkien ma' miżuri biex ikun identifikat it-tnaqqis fil-prezzijiet, bħalma huma sistemi ta' monitoraġġ tal-prezzijiet 81 jew l-obbligu fuq il-liċenzjatarju li jirrapporta kull devjazzjoni fil-prezz. Bl-istess mod, l-iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet jista’ jsir aktar effettiv meta marbut ma’ miżuri li jnaqqsu l-inċentiv tal-liċenzjatarju li jbaxxi l-prezz tal-bejgħ tiegħu, bħal meta l-liċenzjatur jobbliga lil-liċenzjatarju japplika klawżola ta' klijent l-aktar favorit, jiġifieri obbligu li jikkonċedi lil klijent partikolari kull terminu aktar favorevoli mogħti lil oħrajn. L-użu ta’ prezzijiet tal-bejgħ rakkomandati jew l-impożizzjoni ta’ prezzijiet massimi mhumiex ikkunsidrati fihom infushom bħala li jwasslu għal prezzijiet tal-bejgħ fissi jew minimi. Madankollu, jekk il-liċenzjatur jikkombina tali prezzijiet rakkomandati jew prezzijiet massimi ma’ inċentivi biex jiġi applikat ċertu livell ta’ prezz jew diżinċentivi biex jitbaxxa l-prezz tal-bejgħ, dan jista’ jammonta għall-iffissar tal-prezzijiet.

Restrizzjonijiet tal-kapaċità tal-liċenzjatarju li jagħmel bejgħ passiv

(144)L-Artikolu 4(2), il-punt (b), tar-REKTT jikkategorizza bħala restrizzjoni fundamentali r-restrizzjoni tal-kapaċità tal-liċenzjatarju li jagħmel bejgħ passiv ta’ prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata. 82 Ir-restrizzjonijiet rigward il-bejgħ passiv jistgħu jkunu r-riżultat ta' obbligi diretti, bħalma hu l-obbligu li ma jbigħx lil ċerti klijenti jew lil klijenti f'ċerti territorji jew l-obbligu li jirreferi ordnijiet minn dawn il-klijenti lil liċenzjatarji oħrajn. Ir-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ passiv jistgħu jirriżultaw ukoll minn miżuri indiretti mmirati biex iwasslu sabiex liċenzjatarju jastjeni milli jagħmel tali bejgħ bħal inċentivi finanzjarji u l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ monitoraġġ immirata lejn il-verifika tad-destinazzjoni effettiva tal-prodotti tal-kuntratt 83 . Limitazzjonijiet kwantitattivi jistgħu jkunu mezz indirett biex jiġi ristrett il-bejgħ passiv. Il-Kummissjoni ma tassumix li l-limitazzjonijiet fuq il-kwantità fihom infushom għandhom iservu dan il-għan. Madankollu, se jiġi preżunt mod ieħor meta l-limitazzjonijiet fuq il-kwantità jintużaw biex jiġi implimentat ftehim sottostanti ta’ kompartimentalizzazzjoni tas-suq. Indikazzjonijiet tiegħu jinkludu l-aġġustament tal-kwantitajiet maż-żmien biex ikopru d-domanda lokali biss, il-kombinazzjoni flimkien ta’ limitazzjonijiet fuq il-kwantità u l-obbligu li jinbiegħu kwantitajiet minimi fit-territorju, kif ukoll obbligi minimi ta’ royalty marbuta mal-bejgħ fit-territorju, rati ta’ royalties differenzjati li jiddependu mid-destinazzjoni tal-prodotti u l-monitoraġġ tad-destinazzjoni tal-prodotti mibjugħa mil-liċenzjatarji individwali.

(145)Ir-restrizzjoni fundamentali ġenerali li tkopri l-bejgħ passiv mil-liċenzjatarji hija suġġetta għal numru ta' eċċezzjonijiet, li huma koperti fil-paragrafi (146) sa (151) . Madankollu, f’ċerti ċirkostanzi, ir-restrizzjonijiet tal-kapaċità tal-liċenzjar jew tal-liċenzjatarju li jagħmlu bejgħ passiv lill-utenti finali jistgħu jkunu invalidi skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku.

(146)Eċċezzjoni 1:    L-Artikolu 4(2), il-punt (b) tar-REKTT ma jkoprix restrizzjonijiet fuq il-bejgħ (kemm attiv kif ukoll passiv) imposti fuq il-liċenzjatur 84 . Ir-restrizzjonijiet kollha fuq il-bejgħ imposti fuq il-liċenzjatur huma eżentati bħala kategorija sal-limitu tas-sehem mis-suq ta’ 30 %. L-istess japplika għar-restrizzjonijiet kollha fuq il-bejgħ attiv mil-liċenzjatarju, bl-eċċezzjoni ta’ dak li ntqal dwar il-bejgħ attiv fil-paragrafu (151) ta’ dawn il-Linji Gwida. L-eżenzjoni ta’ kategorija ta’ restrizzjonijiet fuq il-bejgħ attiv hija bbażata fuq is-suppożizzjoni li tali restrizzjonijiet jippromwovu l-investiment, il-kompetizzjoni mhux ibbażata fuq il-prezzijiet u t-titjib fil-kwalità tas-servizzi pprovduti mil-liċenzjatarji, billi jsolvu problemi ta’ approfittar u problemi ta’ rinunzja. Fil-każ ta’ restrizzjonijiet fuq il-bejgħ attiv bejn it-territorji tal-liċenzjatarji jew bejn gruppi ta’ klijenti, ma huwiex meħtieġ li l-liċenzjatarju protett ikun ingħata territorju esklużiv jew grupp ta’ klijenti esklużiv. L-eżenzjoni ta’ kategorija tapplika wkoll għal restrizzjonijiet fuq il-bejgħ attiv, fejn aktar minn liċenzjatarju wieħed ikun inħatar għal territorju jew grupp ta’ klijenti partikolari. Investiment li jtejjeb l-effiċjenza x’aktarx li jiġi promoss meta liċenzjatarju jista’ jkun ċert li se jiffaċċja biss kompetizzjoni attiva fil-bejgħ minn numru limitat ta’ liċenzjatarji ġewwa t-territorju u mhux ukoll minn liċenzjatarji barra t-territorju. 

(147)Eċċezzjoni 2:    Ir-restrizzjonijiet fuq bejgħ attiv u passiv mil-liċenzjatarji f'territorju esklużiv jew lil grupp ta' klijenti esklużivi rriżervat għal-liċenzjatur mhumiex restrizzjonijiet fundamentali (ara l-Artikolu 4(2), il-punt (b)(i) tar-REKTT) u huma għalhekk soġġetti għal eżenzjoni ta' kategorija 85 . Huwa suppost li, sal-limitu fuq is-sehem fis-suq, tali limitazzjonijiet, fejn jirrestrinġu l-kompetizzjoni, jippromwovu t-tixrid pro-kompetittiv u l-integrazzjoni tat-teknoloġija fl-assi tal-produzzjoni tal-liċenzjatarju. Biex territorju jew grupp ta' klijenti jkun riżervat għal-liċenzjatur, mhuwiex meħtieġ li l-liċenzjatur attwalment jipproduċi permezz tat-teknoloġija liċenzjata fit-territorju jew għall-grupp ta' klijenti kkonċernat. Territorju jew grupp ta’ klijenti jista’ wkoll jiġi riżervat mil-liċenzjatur għal sftruttament aktar tard.

(148)Eċċezzjoni 3:    L-Artikolu 4(2), il-punt (b)(ii) tar-REKTT idaħħal fl-eżenzjoni ta’ kategorija restrizzjoni li biha l-liċenzjatarju jkun obbligat jipproduċi prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata għall-użu (kaptiv) tiegħu stess biss. Meta l-prodott tal-kuntratt ikun komponent, il-liċenzjatarju jista’ għalhekk ikun obbligat li juża dak il-prodott biss għall-inkorporazzjoni fil-prodotti tiegħu stess u jista’ jkun obbligat li ma jbigħx il-prodott lil produtturi oħrajn. Madankollu, il-liċenzjatarju jrid ikun jista’ jbigħ il-prodotti b’mod attiv jew passiv bħala spare parts għall-prodotti tiegħu stess u għalhekk irid ikun jista’ jforni lil partijiet terzi li jipprovdu servizzi ta’ wara l-bejgħ fuq dawn il-prodotti. Ir-restrizzjonijiet fuq l-użu kaptiv huma trattati wkoll fit-Taqsima 4.2.5.

(149)Eċċezzjoni 4:    Bħal fil-każ ta’ ftehimiet bejn kompetituri (ara l-paragrafu (137) ta’ dawn il-Linji Gwida) l-eżenzjoni ta’ kategorija tapplika wkoll għal ftehimiet li permezz tagħhom, il-liċenzjatarju jkun obbligat li jipproduċi l-prodotti tal-kuntratt għal klijent partikolari biss sabiex jipprovdi lil tali klijent b’sors alternattiv ta’ provvista, irrispettivament mid-durata tal-ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija (ara l-Artikolu 4(2), il-punt (b)(iii) tar-REKTT). Fil-każ ta’ ftehimiet bejn nonkompetituri, tali restrizzjonijiet huma improbabbli li jinqabdu mill-Artikolu 101(1) tat-Trattat.

(150)Eċċezzjoni 5: L-Artikolu 4(2), il-punt (b)(iv) tar-REKTT idaħħal fl-eżenzjoni ta’ kategorija l-obbligu fuq il-liċenzjatarju, fejn jopera fil-livell bl-ingrossa tal-kummerċ, li ma jbigħx lil utenti finali u b’hekk li jbigħ biss lil bejjiegħa bl-imnut. Obbligu bħal dan jippermetti lil-liċenzjatur li jassenja l-funzjoni tad-distribuzzjoni bl-ingrossa lil-liċenzjatarju u normalment ma jidħolx fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) 86 .

(151)Eċċezzjoni 6: Fl-aħħarnett, l-Artikolu 4(2), il-punt (b)(v) tar-REKTT idaħħal fl-ambitu tal-eżenzjoni ta’ kategorija r-restrizzjoni fuq il-liċenzjatarju li ma jbigħx lil distributuri mhux awtorizzati. Din l-eċċezzjoni tippermetti lil-liċenzjatur li jimponi fuq il-liċenzjatarju l-obbligu li jkunu parti minn sistema ta' distribuzzjoni selettiva. F’dan il-każ, madankollu, id-detenturi tal-liċenzja għandhom ikunu jistgħu, skont l-Artikolu 4(2), il-punt (c) tar-REKTT, ibigħu kemm attivament kif ukoll passivament lill-utenti finali, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li tali detentur ikun ristrett għal funzjoni ta' bejgħ bl-ingrossa kif previst fl-Artikolu 4(2), il-punt (b)(iv) tar-REKTT (ara l-paragrafu (150) ta’ dawn il-Linji Gwida). Fi ħdan it-territorju fejn il-liċenzjatur jopera sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, din is-sistema ma tistax tiġi kkombinata ma’ territorji esklużivi jew ma’ gruppi ta’ klijenti esklużivi fejn dan iwassal għal restrizzjoni ta’ bejgħ attiv jew passiv lil utenti finali, peress li dan ikun restrizzjoni fundamentali skont l-Artikolu 4(2), il-punt (c) tar-REKTT. Madankollu, dan huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li liċenzjatarju jiġi pprojbit milli jopera minn post ta’ stabbiliment mhux awtorizzat.

(152)Ir-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ passiv minn liċenzjatarji f’territorju esklużiv jew grupp ta’ klijenti allokat lil liċenzjatarju ieħor huma restrizzjonijiet fundamentali fl-ambitu tal-Artikolu 4(2), il-punt (b) tar-REKTT. Madankollu, f’ċirkostanzi speċifiċi, tali restrizzjonijiet jistgħu jaqgħu barra mill-Artikolu 101(1) tat-Trattat għal perjodu limitat jekk ikunu oġġettivament meħtieġa biex il-liċenzjatarju protett jippenetra suq ġdid 87 . Pereżempju, dan jista’ japplika meta liċenzjatarju jkun irid jagħmel investimenti sostanzjali biex jibda u jiżviluppa suq ġdid u r-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ passiv minn liċenzjatarji oħra jkunu limitati għall-perjodu meħtieġ sabiex il-liċenzjatarju jirkupra l-investimenti tiegħu. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, dan il-perjodu mhux se jaqbeż is-sentejn mid-data li fiha l-prodotti tal-kuntratt jitqiegħdu għall-ewwel darba fis-suq fit-territorju esklużiv mil-liċenzjatarju jew jinbiegħu għall-ewwel darba lill-grupp ta’ klijenti esklużiv tiegħu.

3.5.Restrizzjonijiet esklużi

(153)L-Artikolu 5 tar-REKTT jelenka tliet tipi ta’ restrizzjonijiet li huma esklużi mill-eżenzjoni ta’ kategorija biex jiġu protetti l-inċentivi għall-innovazzjoni. Madankollu, ma hemm l-ebda presuppożizzjoni li tali restrizzjonijiet jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat jew li jonqsu milli jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3). L-esklużjoni ta’ dawn ir-restrizzjonijiet mill-eżenzjoni ta’ kategorija tfisser biss li huma jirrikjedu valutazzjoni individwali skont l-Artikolu 101. L-esklużjoni ta’ restrizzjoni mill-eżenzjoni ta’ kategorija skont l-Artikolu 5 tar-REKTT hija limitata għal dik ir-restrizzjoni speċifika, diment li din tkun tista’ titqies separatament mill-bqija tal-ftehim. F’dak il-każ, il-bqija tal-ftehim ikompli jibbenefika mill-eżenzjoni ta’ kategorija.

Retroċessjonijiet esklużivi

(154)L-Artikolu 5(1), il-punt (a) tar-REKTT jikkonċerna l-obbligi li jimponu retroċessjonijiet esklużivi, jiġifieri liċenzja esklużiva lura lil-liċenzjatur jew lil parti terza maħtura mil-liċenzjatur għal kwalunkwe titjib fit-teknoloġija liċenzjata magħmula mil-liċenzjatarju jew iċ-ċesjoni ta’ drittijiet għal tali titjib lil-liċenzjatur jew lil parti terza maħtura mil-liċenzjatur. Retroċessjoni esklużiva hija definita bħala retroċessjoni li tippreveni lil-liċenzjatarju (li f’dan il-każ huwa l-innovatur u l-liċenzjatur tat-titjib) milli jisfrutta t-titjib (kemm għall-produzzjoni tiegħu stess kif ukoll biex joħroġ liċenzja għal partijiet terzi). Huwa probabbli li jitnaqqas l-inċentiv tal-liċenzjatarju biex jinnova peress li dan ifixkel lil-liċenzjatarju fl-isfruttament tat-titjib, inkluż il-liċenzjar ta’ dan it-titjib lil partijiet terzi. Dan ikun il-każ kemm meta t-titjib ikun jikkonċerna l-istess applikazzjoni bħat-teknoloġija liċenzjata kif ukoll meta l-liċenzjatarju jiżviluppa applikazzjonijiet ġodda tat-teknoloġija liċenzjata. F’konformità mal-Artikolu 5(1), il-punt (a) tar-REKTT, tali obbligi ma humiex koperti mill-eżenzjoni ta’ kategorija.

(155)L-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1), il-punt (a) tar-REKTT ma tiddependix minn jekk il-liċenzjatur iħallasx korrispettiv bi skambju għall-akkwist tat-titjib jew għall-kisba ta’ liċenzja esklużiva. Madankollu, l-eżistenza u l-ammont ta’ tali korrispettiv – inkluż jekk jiġix ikkalkolat abbażi tal-valur tat-titjib – jistgħu jkunu fattur rilevanti fil-kuntest ta’ valutazzjoni individwali skont l-Artikolu 101 tat-Trattat. Meta r-retroċessjoni ssir fuq prezz, hemm inqas possibbiltà li l-obbligu joħloq diżinċentiv għal-liċenzjatarju li jinnova. Għall-valutazzjoni individwali tal-obbligu ta' retroċessjoni esklużiv lilhinn mill-eżenzjoni ta' kategorija, il-pożizzjoni tal-liċenzjatur fis-suq tat-teknoloġija hija wkoll fattur rilevanti. Aktar ma tkun b'saħħitha l-pożizzjoni tal-liċenzjatur, aktar ikun probabbli li l-obbligi ta' retroċessjoni esklużivi jkollhom effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni fl-innovazzjoni. Aktar ma tkun b’saħħitha l-pożizzjoni tal-liċenzjatur, aktar ikun importanti li l-liċenzjatarju jsir sors importanti ta’ innovazzjoni u ta’ kompetizzjoni fil-ġejjieni. L-impatt negattiv ta' obbligi ta' retroċessjoni jista' jiżdied ukoll fejn ikun hemm netwerks paralleli dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li jinkludu tali obbligi. Fejn it-teknoloġiji disponibbli jkunu kkontrollati minn numru limitat ta' liċenzjaturi li jimponu obbligi ta' retroċessjoni esklużivi fuq id-detenturi ta' liċenzja, ir-riskju ta' effetti antikompetittivi huwa akbar minn meta jkun hemm numru ta' teknoloġiji u xi wħud minnhom biss ikunu liċenzjati fuq termini ta' retroċessjoni esklużiva.

(156)L-obbligi ta’ retroċessjoni mhux esklużiva huma koperti mill-isfera ta’ sikurezza tar-REKTT. Dan japplika wkoll anke meta l-obbligi ma jkunux reċiproċi, jiġifieri, imposti biss fuq il-liċenzjatarju, u l-liċenzjatur ikun intitolat li jgħaddi t-titjib lil liċenzjatarji oħra. Obbligu ta’ retroċessjoni mhux reċiproku jista’ jippromwovi d-disseminazzjoni ta’ teknoloġija ġdida billi jippermetti lil-liċenzjatur jiddetermina liberament jekk jgħaddix, u sa fejn, it-titjib li jkun għamel il-liċenzjatarju lil-liċenzjatarji l-oħrajn tal-liċenzjatur. Klawżola li tipprevedi li tali titjib jingħadda lil oħrajn tippromwovi wkoll id-disseminazzjoni tat-teknoloġija, b’mod partikolari meta kull liċenzjatarju jkun jaf, fil-ħin tal-kuntrattar, li se jkun fuq l-istess livell ma’ liċenzjatarji oħra f’termini tat-titjib fit-teknoloġija li abbażi tagħha jkun qed jipproduċi.

(157)Barra mill-isfera ta’ sikurezza, l-obbiligi ta’ retroċessjoni mhux esklużiva jista’ jkollhom effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni u fuq l-innovazzjoni taħt ċirkostantzi speċifiċi. Pereżempju, huma jista’ jkollhom effetti negattivi fuq l-innovazzjoni fil-każ ta’ liċenzji inkroċjati bejn kompetituri meta obbligu ta’ retroċessjoni fuq iż-żewġ partijiet jingħaqad ma’ obbligu fuq iż-żewġ partijiet li jikkondividu t-titjib tat-teknoloġija tagħhom mal-parti l-oħra. Il-kondiviżjoni tat-titjib kollu bejn il-kompetituri jista’ jippreveni lil kull kompetitur milli jieħu vantaġġ kompetittiv fuq l-oħrajn (ara wkoll il-paragrafu (262) ). Aktar ma tkun kbira s-saħħa fis-suq tal-liċenzjatur u aktar ma tkun kbira l-kopertura tas-suq tal-klawżoli ta’ retroċessjoni, aktar ikun probabbli li dawn il-klawżoli jaffettwaw il-kompetizzjoni u l-innovazzjoni inter-teknoloġiċi.  

Klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni u ta’ terminazzjoni

(158)Ir-restrizzjoni eskluża stabbilita fl-Artikolu 5(1), il-punt (b) tar-REKTT tikkonċerna klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni, jiġifieri, obbligi diretti jew indiretti fuq parti biex ma tikkontestax il-validità tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li l-parti l-oħra żżomm fl-Unjoni, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà, fil-każ ta’ liċenzja esklużiva, li l-liċenzjatur itemm il-ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija fil-każ li l-liċenzjatarju jikkontesta l-validità ta’ kwalunkwe wieħed mid-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata.

Ir-raġuni għall-esklużjoni ta’ klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni mill-eżenzjoni ta’ kategorija hija l-fatt li l-liċenzjatarji normalment ikunu fl-aħjar pożizzjoni biex jivvalutaw jekk dritt ta’ proprjetà intellettwali huwiex invalidu jew le. Fl-interess ta’ kompetizzjoni mhux imxekkla u f’konformità mal-prinċipji sottostanti għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali invalida għandhom jiġu eliminati 88 . Proprjetà intellettwali invalida xxekkel l-innovazzjoni aktar milli tippromwoviha. L-Artikolu 101(1) tat-Trattat x’aktarx japplika għall-klawżoli ta’ non-kontestazzjoni fejn id-dritt tat-teknoloġija liċenzjata huwa ta’ valur u li għalhekk joħloq żvantaġġ kompetittiv għal impriżi li ma jkunux jistgħu jużawh jew li jistgħu jużawh biss jekk jitħallsu r-royalties. F’tali każijiet, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) huma improbabbli li jiġu ssodisfatti. Fir-rigward tal-valutazzjoni ta’ klawżoli ta’ nonkontestazzjoni fil-kuntest ta’ ftehimiet ta’ riżoluzzjoni, ara l-paragrafi (263) u (264) .

(159)Ġeneralment, klawżola li tobbliga lil-liċenzjatarju biex ma jikkontestax is-sjieda tad-drittijiet tat-teknoloġija ma tikkostitwix restrizzjoni tal-kompetizzjoni fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Kemm jekk il-liċenzjatur għandu s-sjieda tad-drittijiet tat-teknoloġija kif ukoll jekk le, l-użu tat-teknoloġija mil-liċenzjatarju u minn kwalunkwe parti oħra jiddependi mill-kisba ta’ liċenzja fi kwalunkwe każ, u b’hekk, ġeneralment, il-kompetizzjoni ma tkunx affettwata 89 .

(160)L-Artikolu 5(1), il-punt (b) tar-REKTT jeskludi wkoll mill-eżenzjoni ta’ kategorija d-dritt, f’liċenzja mhux esklużiva, li l-liċenzjatur itemm il-ftehim fil-każ li l-liċenzjatarju jikkontesta l-validità ta’ kwalunkwe wieħed mid-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata. Tali dritt ta’ terminazzjoni jista’ jkollu l-istess effett bħal klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni, b’mod partikolari meta l-bdil mit-teknoloġija tal-liċenzjatur jirriżulta f’telf sinifikanti għal-liċenzjatarju (pereżempju meta l-liċenzjatarju diġà jkun investa f’magni jew f’għodod speċifiċi li ma jistgħux jintużaw għall-produzzjoni b’teknoloġija oħra) jew meta t-teknoloġija tal-liċenzjatur tkun input neċessarju għall-produzzjoni tal-liċenzjatarju. Pereżempju, fil-kuntest tal-privattivi essenzjali għal standard, il-liċenzjatarju li jipproduċi prodotti konformi mal-istandard se jkollu juża neċessarjament il-privattivi kollha li jimxu fuq tali standards. F’tali każ, il-kontestazzjoni tal-validità tal-privattivi rilevanti tista’ tirriżulta f’telf sinifikanti jekk il-ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija jintemm. Meta t-teknoloġija tal-liċenzjatur ma tkunx essenzjali għal standard, iżda jkollha pożizzjoni importanti ħafna fis-suq, id-diżinċentiv għall-kontestazzjoni jista’ jkun għoli wkoll meta titqies id-diffikultà għal-liċenzjatarju sabiex isib teknoloġija alternattiva vijabbli x’jikseb b’liċenzja. Il-kwistjoni dwar jekk it-telf ta’ profitt tal-liċenzjatarju jkunx sinifikanti, u għalhekk jekk jaġixxix bħala diżinċentiv b’saħħtu għal kontestazzjoni, jeħtieġ li tiġi vvalutata fuq bażi ta’ każ b’każ.

(161)F’dawn ix-xenarji deskritti fil-paragrafu (160) , il-liċenzjatarju jista’ jkun li jiġi skoraġġut milli jikkontesta l-validità tad-dritt tat-teknoloġija liċenzjata jekk dan jista’ jirriskja t-terminazzjoni tal-ftehim għal-liċenzjar u b’hekk jaffaċċja riskji sinifikanti li jmorru lil hinn mill-obbligi tar-royalties tiegħu. Madankollu, għandu jiġu nnotat ukoll li, barra mill-kuntest ta’ dawn ix-xenarji, klawżola ta’ terminazzjoni ħafna drabi ma tipprovdix diżinċentiv sinifikanti għall-kontestazzjoni u għalhekk ma tipproduċix l-istess effett bħal klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni.

(162)L-interess tat-tisħiħ tal-inċentiv tal-liċenzjatur li jgħaddi l-liċenzja lil ħaddieħor billi ma jkunx imġiegħel ikompli jkollu x’jaqsam ma’ liċenzjatarju li jikkontesta s-suġġett innifsu tal-ftehim għall-ħruġ ta’ liċenzji jrid jiġi bbilanċjat kontra l-interess pubbliku li jiġu eliminati l-ostakli għall-attività ekonomika li jistgħu jinqalgħu meta dritt tal-proprjetà intellettwali jkun ingħata bi żball. Sabiex jinstab bilanċ bejn dawk l-interessi, għandu jitqies jekk il-liċenzjatarju jissodisfax l-obbligi kollha tiegħu skont il-ftehim fil-mument tal-kontestazzjoni, b’mod partikolari l-obbligu li jitħallsu r-royalties miftiehma. 

(163)Fil-każ ta’ ħruġ esklużiv ta’ liċenzji, klawżoli ta’ terminazzjoni huma normalment anqas probabbli li jkollhom effetti antikompetittivi. Ladarba tkun ingħatat il-liċenzja, il-liċenzjatur jista’ jsib ruħu f’sitwazzjoni partikolari ta’ dipendenza, minħabba li l-liċenzjatarju se jkun l-uniku sors ta’ dħul tiegħu fir-rigward tad-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata jekk ir-royalties ikunu dipendenti fuq il-produzzjoni bid-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata, minħabba li ħafna drabi jista’ jkun mod effiċjenti biex jiġu strutturati l-pagamenti tar-royalties. F’dan ix-xenarju, l-inċentivi għall-innovazzjoni u għal-liċenzjar jistgħu jiġu mdgħajfa jekk, pereżempju, il-liċenzjatur kellu jsib ruħu msakkar bi ftehim ma’ liċenzjatarju esklużiv li ma jibqax jagħmel sforzi sinifikanti biex jiżviluppa, jipproduċi u jqiegħed fis-suq il-prodott (li għandu jiġi) immanifatturat bid-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata 90 . Huwa għalhekk li r-REKTT jeżenta bħala kategorija il-klawżoli ta’ terminazzjoni fi ftehimiet esklużivi għal-liċenzjar diment li jiġu ssodisfati wkoll il-kundizzjonijiet l-oħrajn tal-isfera ta’ sikurezza. Barra mill-isfera ta’ sikurezza, hija meħtieġa valutazzjoni ta’ każ b’każ. 

(164)Il-klawżoli ta’ ebda kontestazzjoni u ta’ terminazzjoni li jirrigwardaw biss l-għarfien espert mhumiex esklużi mill-eżenzjoni ta’ kategorija. Il-Kummissjoni tieħu fehma aktar favorevoli ta’ dawn il-klawżoli, peress li x’aktarx ikun diffiċli ħafna jew impossibbli għal-liċenzjatur li jirkupra l-għarfien liċenzjat ladarba dan ikun ġie żvelat. F'dawn il-każijiet, l-obbligu fuq il-liċenzjatarju li ma jikkontestax il-kompetenza liċenzjata jista’ jippromwovi t-tixrid ta' teknoloġija jekk jippermetti lil-liċenzjaturi aktar dgħajfa li jagħtu liċenzji lil liċenzjatarji b'saħħithom mingħajr il-biża' li ssirilhom kontestazzjoni ladarba l-kompetenza tkun ġiet assorbita mil-liċenzjatarju.

Il-limitazzjoni tal-użu jew l-iżvilupp mid-detentur tat-teknoloġija tiegħu stess (ftehimiet bejn partijiet li mhumiex kompetituri)

(165)L-Artikolu 5(2) tar-REKTT jeskludi mill-eżenzjoni ta' kategorija, fil-każ ta' ftehimiet bejn partijiet mhux kompetituri, kull obbligu dirett jew indirett li jillimita l-abbilità tal-liċenzjatarju li jisfrutta t-teknoloġija tiegħu jew li jillimita l-abbiltà ta' kwalunkwe parti fil-ftehim milli twettaq R&Ż, sakemm din ir-restrizzjoni ma tkunx indispensabbli biex tevita li tiġi żvelata kompetenza dwar il-kompetenza liċenzjata lil partijiet terzi. Il-kontenut ta’ din il-kundizzjoni huwa l-istess bħal dak tal-Artikolu 4(1), il-punt (d), tar-REKTT, li jifforma parti mil-lista ta’ restrizzjonijiet fundamentali applikabbli għal ftehimiet bejn kompetituri, u huwa kopert fil-paragrafi (140) u (141) ta’ dawn il-Linji Gwida. Madankollu, fil-każ ta' ftehimiet bejn partijiet mhux kompetituri ta' xulxin ma jistax jitqies li dawn ir-restrizzjonijiet b'mod ġenerali għandhom effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni jew li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat b'mod ġenerali ma ntlaħqux. Għalhekk hija meħtieġa valutazzjoni individwali skont l-Artikolu 101.

(166)Fil-każ ta’ ftehimiet bejn nonkompetituri, il-liċenzjatarju normalment ma jkunx proprjetarju ta’ teknoloġija kompetitriċi. Madankollu, jista’ jkun hemm każijiet li, għall-finijiet tar-REKTT, il-partijiet jitqiesu nonkompetituri minkejja l-fatt li l-liċenzjatarju jkun proprjetarju ta’ teknoloġija kompetitriċi. Dan huwa l-każ li fih il-liċenzjatarju jkun proprjetarju ta’ teknoloġija iżda ma jilliċenzjahiex u l-liċenzjatur ma jkunx fornitur reali jew potenzjali fis-suq tal-prodott. Għall-finijiet tar-REKTT, f’tali ċirkostanzi, il-partijiet la huma kompetituri fis-suq tat-teknoloġija u lanqas ma huma kompetituri fis-suq tal-prodotti downstream 91 . F’tali każijiet, huwa importanti li jiġi żgurat li l-liċenzjatarju ma jkunx ristrett fil-kapaċità tiegħu li jisfrutta t-teknoloġija tiegħu stess u jkompli jiżviluppaha. Din it-teknoloġija tikkostitwixxi restrizzjoni kompetittiva fis-suq, li għandha tiġi ppreservata. F’sitwazzjoni bħal din, ir-restrizzjonijiet fuq l-użu mil-liċenzjatarju tat-teknoloġija tiegħu stess jew fuq ir-R&Ż normalment jitqiesu li jirrestrinġu l-kompetizzjoni u li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Pereżempju, obbligu fuq il-liċenzjatarju li jħallas ir-royalties mhux biss fuq il-bejgħ ta’ prodotti li jipproduċi bit-teknoloġija liċenzjata iżda wkoll fuq il-bejgħ ta’ prodotti li jipproduċi bit-teknoloġija tiegħu stess, b’mod ġenerali jillimita l-kapaċità tal-liċenzjatarju li jisfrutta t-teknoloġija tiegħu stess b’hekk ikun eskluż mill-eżenzjoni ta’ kategorija.

(167)F’każijiet meta l-liċenzjatarju ma jkunx proprjetarju ta’ teknoloġija kompetitriċi jew ma jkunx diġà qed jiżviluppa tali teknoloġija, restrizzjoni fuq il-kapaċità tal-partijiet li jwettqu riċerka u żvilupp indipendenti tista’ tirrestrinġi l-kompetizzjoni, pereżempju, meta ftit teknoloġiji biss ikunu disponibbli jew il-partijiet ikunu sors (potenzjali) importanti ta’ innovazzjoni fis-suq. Dan jgħodd b’mod partikolari meta l-partijiet ikollhom l-assi u l-ħiliet neċessarji biex iwettqu aktar riċerka u żvilupp. F’dak il-każ, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat huma improbbabli li jiġu ssodisfatti. F’każijiet oħra li fihom ikun hemm numru ta’ teknoloġiji disponibbli u li fihom il-partijiet ma jkollhomx assi jew ħiliet speċjali, ir-restrizzjoni fuq ir-riċerka u l-iżvilupp hija probabbli li jew taqa barra l-Artikolu 101(1) għan-nuqqas ta’ effett restrittiv applikabbli jew inkella tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3). It-trażżin jista’ jippromwovi d-disseminazzjoni ta’ teknoloġija ġdida, pereżempju, billi jħeġġeġ lil-liċenzjatarju jiffoka fuq l-isfruttament u fuq l-iżvilupp tat-teknoloġija liċenzjata.

3.6.Irtirar u disapplikazzjoni tal-eżenzjoni ta’ kategorija

3.6.1.Irtirar tal-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija

(168)Kif iddikjarat fl-Artikolu 6 tar-REKTT, il-Kummissjoni tista’, skont l-Artikolu 29(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, tirtira l-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija meta ssib f’każ partikolari li ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li għalih tapplika l-eżenzjoni ta’ kategorija jkollu effetti li mhumiex kompatibbli mal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jistgħu bl-istess mod jirtiraw il-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija fir-rigward tat-territorju nazzjonali tagħhom meta ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija kopert mill-eżenzjoni ta’ kategorija jkollu effetti li huma inkompatibbli mal-Artikolu 101(3) fit-territorju tal-Istat Membru tagħhom, jew f’parti minnu, li jkollu l-karatteristiċi ta’ suq ġeografiku distint.

(169)L-awtorità tal-kompetizzjoni li tipproponi li tirtira l-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija għandha l-oneru li tipprova li l-ftehim jaqa’ fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat u ma jissodisfax waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3). 92 Minħabba li l-irtirar jimplika li l-ftehim ikkonċernat jirrestrinġi l-kompetizzjoni fit-tifsira tal-Artikolu 101(1) u li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3), l-irtirar irid ikun akkompanjat b’deċiżjoni negattiva skont l-Artikoli 5, 7 jew 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. L-irtirar tal-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija jippoduċi biss effetti ex nunc, jiġifieri li ma jaffettwax l-istatus eżentat tal-ftehim għall-perjodu ta’ qabel id-data li fiha l-irtirar isir effettiv.

(170)F’konformità mal-Artikolu 6 tar-REKTT, l-irtirar jista’ b’mod partikolari jkun iġġustifikat fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)l-aċċess ta’ teknoloġiji tal-partijiet terzi għas-suq ikun restritt, pereżempju, minħabba l-effett kumulattiv ta’ networks paralleli ta’ ftehimiet restrittivi simili li jipprojbixxu lil-liċenzjatarji milli jużaw it-teknoloġiji tal-partijiet terzi;

(b)l-aċċess ta’ liċenzjatarji potenzjali għas-suq huwa ristrett, pereżempju minħabba l-effett kumulattiv ta’ networks paralleli ta’ ftehimiet restrittivi simili li jipprojbixxu lil-liċenzjaturi milli jilliċenzjaw liċenzjatarji oħra jew minħabba li l-uniku proprjetarju ta’ teknoloġija li jilliċenzja d-drittijiet rilevanti tat-teknoloġija jikkonkludi liċenzja esklużiva ma’ liċenzjatarju li jkun diġà attiv fis-suq tal-prodotti abbażi tad-drittijiet tat-teknoloġija sostitwibbli. Sabiex jikkwalifikaw bħala rilevanti, id-drittijiet tat-teknoloġija jeħtieġ li jkunu kemm teknikament kif ukoll kummerċjalment sostitwibbli sabiex il-liċenzjatarju jkun attiv fis-suq rilevanti tal-prodott.

(171)L-Artikolu 6(a) tar-REKTT jirreferi għall-possibbiltà ta’ rtirar tal-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija f’każijiet meta l-liċenzjaturi ta’ partijiet terzi, inklużi l-liċenzjaturi potenzjali, jiġu esklużi mis-swieq tat-teknoloġija rilevanti minħabba l-effett kumulattiv tan-networks ta’ ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li jipprojbixxu lil-liċenzjatarji milli jisfruttaw teknoloġiji kompetituri. L-esklużjoni ta’ liċenzjaturi oħra hija probabbli li tirriżulta f’każijiet li fihom, il-biċċa l-kbira tal-impriżi fis-suq li jistgħu (b’mod effiċjenti) jieħdu liċenzja li tikkompeti huma pprevenuti milli jagħmlu dan bħala konsegwenza ta’ ftehimiet restrittivi u meta liċenzjatarji potenzjali jiffaċċjaw ostakli relattivament kbar għad-dħul. L-Artikolu 6(b) tar-REKTT jirreferi għall-possibbiltà ta’ rtirar f’każijiet meta liċenzjatarji oħra jkunu esklużi minħabba l-effett kumulattiv ta’ ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li jipprojbixxu lil-liċenzjaturi milli jilliċenzjaw liċenzjatarji oħrajn u b’hekk jipprevjenu lil liċenzjatarji potenzjali milli jiksbu aċċess għat-teknoloġija meħtieġa. Il-kwistjoni tal-esklużjoni hija eżaminata f’aktar dettall fit-Taqsimiet 4.2.2 u 4.2.7.

(172)L-irtirar tal-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija jista’ jkun ġustifikat ukoll meta:

(a)il-kompetizzjoni bejn il-liċenzjaturi hija ristretta bħala riżultat tal-impożizzjoni minn għadd sinifikanti ta’ liċenzjaturi kompetituri tar-rekwiżiti għal-liċenzjatarji tagħhom biex jestendu għalihom kundizzjonijiet aktar favorevoli miftiehma ma’ liċenzjaturi oħrajn;

(b)l-aċċess tal-klijenti għall-prodotti tal-kuntratt huwa limitat bla bżonn bħala riżultat tar-restrizzjonijiet tal-kapaċità tal-liċenzjatur jew tal-liċenzjatarji li jagħmlu bejgħ passiv lil territorju esklużiv jew lil grupp esklużiv ta’ klijenti riżervat għal-liċenzjatur jew għal liċenzjatarju;

(c)ir-royalties f’suq tat-teknoloġija rilevanti huma stabbiliti f’livell suprakompetittiv bħala riżultat tal-effett kumulattiv ta’ ftehimiet simili ta’ liċenzjar reċiproku bejn impriżi kompetituri.

3.6.2.NUQQAS TA’ APPLIKAZZJONI TAR-REKTT

(173)L-Artikolu 7 tar-REKTT jippermetti lill-Kummissjoni li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-REKTT, permezz ta’ regolament, networks paralleli ta’ ftehimiet simili meta l-ftehimiet jkopru aktar minn 50 % ta’ suq rilevanti. Tali miżura ma hijiex indirizzata lil impriżi individwali iżda tikkonċerna l-impriżi kollha li l-ftehimiet tagħhom ikunu definiti fir-regolament li jiddikjara li r-REKTT ma japplikax.

(174)Billi l-irtirar tal-benefiċċju tar-REKTT mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 6 jimplika l-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 7 jew l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, l-effett ta’ regolament tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 7 tar-REKTT li jiddikjara li r-REKTT ma għandux japplika huwa li jitneħħa l-benefiċċju tar-REKTT u li terġa’ tiddaħħal l-applikazzjoni sħiħa tal-Artikolu 101(1) u (3) tat-Trattat fir-rigward tar-restrizzjonijiet u tas-swieq ikkonċernati. Wara l-adozzjoni ta’ regolament li jiddikjara li r-REKTT ma huwiex applikabbli għal suq partikolari fir-rigward ta’ ftehimiet li fihom ċerti restrizzjonijiet, l-impriżi jridu jużaw il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, l-avviżi u l-linji gwida għal gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 għal ftehimiet individwali. Meta xieraq, il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni f’każ individwali, li tista’ tipprovdi gwida lill-impriżi kollha li joperaw fis-suq ikkonċernat.

(175)Biex jiġi kkalkulat il-proporzjon ta’ 50 % ta’ kopertura tas-suq, għandu jitqies kull network individwali ta’ ftehimiet ta’ liċenzjar li jkun fihom ir-restrizzjonijiet, jew possibbiltajiet ta’ restrizzjonijiet differenti, li jipproduċu effetti simili fis-suq.

(176)L-Artikolu 7 tar-REKTT ma jinvolvix obbligu min-naħa tal-Kummissjoni li taġixxi meta jinqabeż il-proporzjon tal-kopertura tas-suq ta’ 50 %. B’mod ġenerali, l-adozzjoni ta’ regolament skont l-Artikolu 7 tkun xierqa meta jkun probabbli li l-aċċess għas-suq rilevanti jew il-kompetizzjoni f’dak is-suq ikunu ristretti b’mod apprezzabbli. Fil-valutazzjoni tal-ħtieġa li jiġi applikat l-Artikolu 7, il-Kummissjoni tqis jekk irtirar individwali jkunx rimedju aktar xieraq. Dan jista’ jiddependi, b’mod partikolari, fuq in-numru ta’ impriżi kompetituri li jikkontribwixxu għal effett kumulattiv f’suq jew fuq in-numru ta’ swieq ġeoġrafiċi affettwati fi ħdan l-Unjoni.

(177)Kwalunkwe regolament adottat skont l-Artikolu 7 tar-REKTT irid jistabbilixxi b’mod ċar il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Għalhekk, il-Kummissjoni trid li l-ewwel nett tiddefinixxi s-suq(swieq) rilevanti tal-prodott u ġeografiku u, t-tieni, tidentifika t-tip ta’ restrizzjoni tal-liċenzjar li fir-rigward tagħha r-REKTT ma jibqax japplika. Fir-rigward tal-aspett tal-aħħar, il-Kummissjoni tista’ tbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament skont it-tħassib dwar il-kompetizzjoni li għandha l-ħsieb li tindirizza. Pereżempju, filwaqt li n-netwerks paralleli ta' arranġamenti non kompetittivi jqisu l-iskop li jkun stabbilit il-proporzjon ta’ 50 % tal-kopertura tas-suq, min-naħa l-oħra l-Kummissjoni tista' tirriduċi l-għan tar-regolament biss għal obbligi ta’ non-kompetizzjoni li jaqbżu ċertu tul ta' żmien. Fejn xieraq, il-Kummissjoni tista' tipprovdi wkoll gwida billi tispeċifika l-livell tas-sehem fis-suq li, fil-kuntest tas-suq speċifiku, jista' jitqies bħala mhux biżżejjed sabiex iwassal għall-kontribuzzjoni sinifikanti minn intrapriża individwali għall-effett kumulattiv. B'mod ġenerali, fejn is-sehem fis-suq tal-prodotti li jinkoporaw teknoloġija liċenzjata minn liċenzjatur individwali ma jaqbiżx il-5 %, il-ftehim jew netwerk ta' ftehimiet li jkopru dik it-teknoloġija ma jitqisux li jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għal effett ta' esklużjoni kumulattiv 93 .

(178)Il-perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ mhux anqas minn 6 xhur li l-Kummissjoni trid tistabbilixxi skont l-Artikolu 7(2) tar-REKTT huwa maħsub biex jippermetti lill-impriżi kkonċernati jadattaw il-ftehimiet tagħhom biex iqisu r-regolament li jiddikjara li r-REKTT ma japplikax.

(179)Regolament li jiddikjara li r-REKTT ma japplikax, ma jaffettwax l-istatus eżentat ta’ kategorija tal-ftehimiet ikkonċernati għall-perjodu li jippreċedi d-dħul fis-seħħ tiegħu.

4.APPLIKAZZJONI TAL-ARTIKOLU 101(1) U (3) TAT-TRATTAT LIL HINN MILL-KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TAL-REKTT

4.1.Il-qafas ġenerali tal-analiżi

(180)Ftehimiet li jaqgħu barra mill-eżenzjoni ta’ kategorija, pereżempju, minħabba li jinqabżu l-limiti fuq is-sehem mis-suq, jew il-ftehim jinvolvi aktar minn żewġ partijiet, ma humiex soġġetti għal xi preżunzjoni ta’ illegalità. Tali ftehimiet jirrikjedu valutazzjoni individwali skont l-Artikolu 101 tat-Trattat. Il-ftehimiet li jew ma jirrestrinġux il-kompetizzjoni fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) jew li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) huma validi u infurzabbli.

Sfera ta’ sikurezza meta jkun hemm biżżejjed teknoloġiji kkontrollati b’mod indipendenti

(181)Sabiex tiżdied il-prevedibbiltà lil hinn mill-każi fejn japplika r-REKTT, u sabiex l-analiżi dettaljata tkun limitata għal każi li x'aktarx jinvolvu tħassib reali dwar il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni hija tal-fehma li, fejn ma jkunx każ ta' restrizzjonijiet fundamentali, il-possibbiltà hija li l-Artikolu 101 tat-Trattat ma jkunx qiegħed jinkiser fejn ikun hemm erba' teknoloġiji jew aktar ikkontrollati indipendentement, minbarra t-teknoloġiji kkontrollati mill-partijiet fil-ftehim, li huma sostitwibbli għat-teknoloġija liċenzjata għal spiża għall-utent komparabbli. Meta jiġi vvalutat jekk it-teknoloġiji humiex sostitwibbli, trid titqies is-saħħa kummerċjali relattiva tat-teknoloġiji inkwistjoni. Ir-restrizzjoni kompetittiva imposta minn teknoloġija hija limitata jekk ma tikkostitwix alternattiva kummerċjalment vijabbli għat-teknoloġija liċenzjata. Pereżempju, jekk minħabba l-effetti ta’ network fis-suq, il-konsumaturi jkollhom preferenza qawwija għal prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata, teknoloġiji oħra li diġà qegħdin fis-suq jew li x’aktarx jidħlu fis-suq fi żmien raġonevoli jistgħu ma jikkostitwux alternattiva reali u għalhekk jistgħu jimponu biss restrizzjoni kompetittiva limitata. 

(182)Il-fatt li ftehim jaqa’ barra mill-isfera ta’ sikurezza stabbilita fil-paragrafu (181) ta’ dawn il-Linji Gwida ma jimplikax li jaqa’ taħt l-Artikolu 101(1) tat-Trattat u, jekk iva, li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) ma jiġux issodisfati. Tali ftehimiet jirrikjedu valutazzjoni individwali, abbażi tal-prinċipji stabbiliti f’dawn il-Linji Gwida.

4.1.1. Fatturi rilevanti għall-valutazzjoni skont l-Artikolu 101(1) tat-Trattat

(183)Diment li l-ftehim ma jkunx fih restrizzjonijiet skont l-għan, huwa meħtieġ li jiġi vvalutat jekk għandux l-effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni 94 . Eżempji ta’ effetti restrittivi possibbli jistgħu jinstabu fit-Taqsima 2.2.3 ta’ dawn il-Linji Gwida.

(184)Meta jiġi vvalutat jekk ftehim joħloqx restrizzjoni apprezzabbli tal-kompetizzjoni, huwa meħtieġ li jitqies kif xieraq il-mod li bih il-kompetizzjoni topera fis-suq inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-fatturi li ġejjin huma partikolarment rilevanti:

(a)in-natura tal-ftehim;

(b)il-pożizzjoni fis-suq tal-partijiet;

(c)il-pożizzjoni fis-suq tal-kompetituri;

(d)il-pożizzjoni fis-suq tax-xerrejja fis-swieq rilevanti;

(e)l-ostakli għad-dħul;

(f)id-dinamika tas-suq.

(185)L-importanza ta’ fatturi individwali tista’ tvarja minn każ għal każ u tiddependi fuq il-fatturi l-oħrajn kollha. Pereżempju, sehem kbir mis-suq tal-partijiet normalment huwa indikatur tajjeb tas-saħħa tas-suq, iżda fil-każ ta’ ostakli baxxi għad-dħul jista’ ma jkunx indikattiv tas-saħħa tas-suq. Għaldaqstant, mhux possibbli li jkun hemm regoli fissi dwar l-importanza tal-fatturi individwali.

(186)Il-ftehimiet dwar trasferiment ta' teknoloġija jistgħu jsiru f'diversi forom. Għalhekk, huwa importanti li tiġi analizzata n-natura tal-ftehim f'termini tar-relazzjoni kompetittiva bejn il-partijiet u tal-limitazzjonijiet li jinkludi. F'dan ir-rigward, huwa neċessarju li wieħed imur lilhinn mit-termini espressi tal-ftehim. Wieħed jista' jsib restrizzjonijiet impliċiti fil-mod kif il-partijiet jimplimentaw il-ftehim u mill-inċentivi li jkollhom.

(187)Il-pożizzjoni tal-partijiet fis-suq, inkluż impriżi de facto jew de jure ikkontrollati mill-partijiet, tipprovdi indikazzjoni dwar kemm għandhom saħħa fis-suq, jekk ikollhom, il-liċenzjatur, il-liċenzjatarju jew it-tnejn li huma. Aktar ma jkun għoli s-sehem mis-suq tagħhom, aktar huwa probabbli li tkun kbira s-saħħa fis-suq tagħhom. Dak jgħodd b'mod partikolari fejn is-sehem fis-suq jirrifletti l-vantaġġi f'termini ta' spejjeż jew vantaġġi kompetittivi oħrajn fil-konfront tal-kompetituri. Dawk il-vantaġġi kompetittivi jistgħu pereżempju jirriżultaw mill-fatt li impriża tkun l-ewwel waħda li tidħol fis-suq, mill-pussess ta’ privattivi essenzjali għall-istandard jew ta’ teknoloġija superjuri. Madankollu, l-ishma mis-suq huma dejjem fattur wieħed biss fil-valutazzjoni tal-pożizzjonijiet fis-suq. Pereżempju, fil-każ tas-swieq tat-teknoloġija, l-ishma mis-suq mhux dejjem ikunu indikatur tajjeb tas-saħħa relattiva tat-teknoloġija inkwistjoni u li ċ-ċifri dwar is-sehem mis-suq jistgħu jvarjaw konsiderevolment skont id-diversi metodi ta’ kalkolu possibbli.

(188)L-ishma fis-suq u l-vantaġġi u l-iżvantaġġi kompetittivi possibbli jintużaw ukoll fil-valutazzjoni tal-pożizzjoni fis-suq tal-kompetituri. Aktar ma jkunu b’saħħithom il-kompetituri effettivi u aktar ma jkun kbir in-numru tagħhom, anqas ikun hemm riskju li l-partijiet ikunu jistgħu jeżerċitaw is-saħħa fis-suq. Madankollu, jekk in-numru ta’ kompetituri jkun pjuttost baxx u l-pożizzjoni fis-suq tagħhom (daqs, kostijiet, potenzal ta’ riċerka u żvilupp, eċċ.) tkun pjuttost simili, din l-istruttura tas-suq tista’ żżid ir-riskju ta’ kollużjoni.

(189)Il-pożizzjoni fis-suq tax-xerrejja tipprovdi indikazzjoni ta’ jekk xerrej wieħed jew aktar għandhomx is-saħħa tax-xerrej jew le. L-ewwel indikatur tas-saħħa tax-xerrej huwa s-sehem mis-suq tax-xerrej fis-suq tax-xiri. Dak is-sehem jirrifletti l-importanza tad-domanda tiegħu għal fornituri possibbli. Indikaturi oħra jiffukaw fuq il-pożizzjoni tax-xerrej fis-suq tal-bejgħ mill-ġdid tiegħu, inklużi karatteristiċi bħal firxa ġeografika wiesgħa tal-ħwienet tiegħu, u l-immaġni tal-marka tiegħu fost il-konsumaturi finali. F’ċerti ċirkostanzi, is-saħħa tax-xerrej tista’ tipprevjeni lil-liċenzjatur jew lil-liċenzjatarju milli jeżerċita s-saħħa tas-suq fuq is-suq u b’hekk tissolva l-problema ta’ kompetizzjoni li kieku kienet teżisti. Dan huwa partikolarment il-każ meta klijenti b’saħħithom ikollhom il-kapaċità u l-inċentiv li jġibu sorsi ġodda ta’ provvista fis-suq fil-każ ta’ żieda żgħira iżda permanenti fil-prezzijiet relattivi. Meta x-xerrejja b’saħħithom sempliċiment jakkwistaw termini vantaġġużi mill-fornitur jew sempliċement jgħaddu kwalunkwe żieda fil-prezz lill-klijenti tagħhom, il-pożizzjoni tax-xerrejja ma tkunx tali li tipprevjeni l-eżerċitar tas-saħħa tas-suq mil-liċenzjatarju fis-suq tal-prodotti u għalhekk ma tkunx tali li ssolvi l-problema tal-kompetizzjoni f’dak is-suq 95 .

(190)L-ostakoli għad-dħul jitkejlu mill-punt sa fejn il-kumpaniji eżistenti jżidu l-prezz tagħhom ’il fuq mil-livell kompetittiv mingħajr ma jattiraw daħla ġdida. Fin-nuqqas ta’ ostakli għad-dħul, id-dħul faċli u rapidu jagħmel iż-żidiet fil-prezzijiet mhux profittabbli. Bħala regola ġenerali, l-ostakli għad-dħul jistgħu jitqiesu baxxi meta d-dħul effettiv fis-suq, biżżejjed għall-prevenzjoni jew għat-tnaqqis tal-eżerċitar tas-saħħa tas-suq, x’aktarx li jseħħ fi żmien sena jew sentejn.

(191)L-ostakoli għad-dħul jistgħu jirriżultaw minn firxa wiesgħa ta’ fatturi, bħal ekonomiji ta’ skala u kamp ta’ applikazzjoni (inklużi effetti tan-network ta’ negozji b’diversi naħat), regolamenti tal-gvern, speċjalment meta dawn jistabbilixxu drittijiet esklużivi, għajnuna mill-Istat, taxxa tal-importazzjoni, drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, is-sjieda ta’ riżorsi meta l-provvista tkun limitata pereżempju minħabba limitazzjonijiet naturali, faċilitajiet essenzjali, vantaġġ ta’ min jidħol l-ewwel u l-lealtà tal-konsumaturi lejn il-marka maħluqa minn reklamar b’saħħtu fuq perjodu ta’ żmien. Ftehimiet restrittivi konklużi mill-impriżi jistgħu jaħdmu bħala ostaklu għad-dħul billi jagħmlu l-aċċess aktar diffiċli u jeskludu l-partijiet kompetituri (potenzjali). L-ostakli għad-dħul jistgħu jeżistu fi kwalunkwe stadju tal-proċess tar-riċerka u l-iżvilupp, tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni. Il-kwistjoni ta’ jekk kwalunkwe wieħed minn dawn il-fatturi għandux jiġi deskritt bħala ostaklu għad-dħul tiddependi b’mod partikolari fuq jekk dawn jinvolvux kostijiet li ma jistgħux jiġu rkuprati fit-totalità tagħhom. Tali kostijiet huma dawk il-kostijiet li jridu jiġġarrbu sabiex wieħed jidħol jew ikun attiv f’suq iżda li jintilfu meta wieħed joħroġ mis-suq. Aktar ma jkun hemm kostijiet li ma jistgħux jiġu rkuprati fit-totalità tagħhom, aktar iridu l-parteċipanti potenzjali jiżnu r-riskji marbuta mad-dħul fis-suq, u aktar l-operaturi eżistenti jistgħu jheddu b’mod kredibbli li se jlaħħqu mal-kompetizzjoni ġdida, minħabba li l-kostijiet li ma jistgħux jiġu rkuprati fit-totalità tagħhom jagħmluha tiġi tiswa ħafna flus għall-operaturi eżistenti biex joħorġu mis-suq. B’mod ġenerali, id-dħul jirrikjedi kostijiet li ma jistgħux jiġu rkuprati fit-totalità tagħhom, xi kultant minuri u xi kultant kbar. Għalhekk, il-kompetizzjoni reali ġeneralment hija aktar effettiva u tħalli impatt akbar fil-valutazzjoni ta’ każ milli l-kompetizzjoni potenzali.

(192)Huwa meħtieġ ukoll li titqies id-dinamika tas-swieq rilevanti. F’xi swieq dinamiċi, l-effetti negattivi potenzjali ta’ restrizzjonijiet partikolari jistgħu jkunu anqas problematiċi, peress li l-kompetizzjoni inter-teknoloġika minn rivali dinamiċi u innovattivi tista’ taġixxi bħala restrizzjoni suffiċjenti. Madankollu, f’każijiet oħra, ir-restrizzjonijiet jistgħu jagħtu vantaġġ kompetittiv dejjiemi lil operatur stabbilit f’suq dinamiku u b’hekk jirriżultaw f’effetti negattivi fit-tul għall-kompetizzjoni. Dan jista’ jkun il-każ meta restrizzjoni tipprevjeni lir-rivali milli jibbenefikaw mill-effetti tan-network, jew meta suq ikun suġġett għal telfien tal-bilanċ.

(193)Fil-valutazzjoni ta’ restrizzjonijiet partikolari, jista’ jkun neċessarju li jitqiesu fatturi oħra. Tali fatturi jinkludu effetti kumulattivi, jiġifieri, il-kopertura tas-suq minn ftehimiet simili, it-tul tal-ftehimiet, l-ambjent regolatorju, u mġiba li tista’ tindika jew tiffaċilita l-kollużjoni, bħal tmexxija fil-prezzijiet, bidliet fil-prezzijiet imħabbra minn qabel u diskussjonijiet dwar il-prezz “ix-xieraq”, riġidità fil-prezz bħala rispons għal kapaċità ta’ produzzjoni żejda, diskriminazzjoni fil-prezz miżmum u mġiba ta’ kollużjoni fil-passat.

4.1.2.Fatturi rilevanti għall-valutazzjoni skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat

(194)Ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li jirrestrinġu l-kompetizzjoni jistgħu jipproduċu wkoll effetti prokompetittivi fil-forma ta’ effiċjenzi li jisbqu l-effetti antikompetittivi tagħhom. Il-valutazzjoni tal-effetti antikompetittivi titwettaq fil-qafas tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat, li jipprovdi eċċezzjoni mill-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1). Sabiex dik l-eċċezzjoni tkun applikabbli, il-ftehim dwar it-trasferiment tat-teknoloġija jrid jissodisfa l-erba’ kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 101(3) (ara l-paragrafu (9) ta’ dawn il-Linji Gwida). L-impriża li tistrieħ fuq l-Artikolu 101(3) trid turi, permezz ta' argumenti u provi konvinċenti, li l-erba’ kundizzjonijiet ta’ dak l-Artikolu huma ssodisfati 96 .

(195)Il-valutazzjoni ta’ ftehimiet restrittivi taħt l-Artikolu 101(3) tat-Trattat issir fil-kuntest reali li jsiru fih 97 u abbażi tal-fatti eżistenti fi kwalunkwe punt partikolari fiż-żmien. Il-valutazzjoni hija għalhekk sensittiva għal bidliet materjali fil-fatti. Ir-regola ta’ eċċezzjoni tal-Artikolu 101(3) tapplika diment li jiġu ssodisfati l-erba’ kundizzjonijiet u ma tibqax tapplika meta dan ma jibqax aktar il-każ 98 . Madankollu, meta jiġi applikat l-Artikolu 101(3), huwa neċessarju li jitqiesu l-investimenti inizjali li huma diffiċli biex jiġu rkuprati fit-totalità tagħhom magħmulin minn xi waħda mill-partijiet u ż-żmien meħtieġ u r-restrizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġi impenjat u rkuprat investiment li jsaħħaħ l-effiċjenza. L-Artikolu 101 ma jistax jiġi applikat mingħajr ma jitqiesu l-investimenti ex ante u r-riskji relatati magħhom. Ir-riskju quddiem il-partijiet u l-investiment li ma jinġabarx lura li jridu jagħmlu biex jimplimentaw l-ftehim jista' għalhekk iwassal biex, għall-perjodu ta' żmien meħtieġ biex jiġu rkuprati l-investimenti, l-ftehim ma jaqax taħt l-Artikolu 101(1) jew jilħaq il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3).

(196)L-ewwel kundizzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat tirrikjedi valutazzjoni tal-benefiċċji oġġettivi ġġenerati mill-ftehim. Eżempji ta’ tali effiċjenzi huma stabbiliti fit-Taqsima 2.2 ta’ dawn il-Linji Gwida.

(197)It-tielet kundizzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat tirrikjedi li l-ftehim ma jimponix restrizzjonijiet li ma humiex indispensabbli għall-ilħuq tal-benefiċċji oġġettivi tal-ftehim. Sabiex jiġi vvalutat jekk it-test tal-indispensabbiltà huwiex issodisfat, il-Kummissjoni se teżamina b’mod partikolari jekk ir-restrizzjonijiet individwali jagħmluhiex possibbli li l-attività inkwistjoni titwettaq b’mod aktar effiċjenti milli kien ikun il-każ fin-nuqqas tar-restrizzjoni kkonċernata. Meta ssir din il-valutazzjoni, iridu jitqiesu l-kundizzjonijiet tas-suq u r-realtajiet li qed jiffaċċjaw il-partijiet. L-impriżi li jinvokaw il-benefiċċju tal-Artikolu 101(3) ma humiex meħtieġa li jikkunsidraw alternattivi ipotetiċi u teoretiċi. Madankollu, dawn iridu jispjegaw u juru għaliex alternattivi li jidhru realistiċi u ferm anqas restrittivi jkunu ferm anqas effiċjenti. Jekk l-applikazzjoni ta’ dik li tidher li hija alternattiva kummerċjalment realistika u anqas restrittiva twassal għal telf sinifikanti ta’ effiċjenzi, ir-restrizzjoni inkwistjoni tiġi ttrattata bħala indispensabbli. F’ċerti każijiet, jista’ jkun neċessarju wkoll li jiġi eżaminat jekk il-ftehim nnifsu huwiex indispensabbli biex jinkisbu l-effiċjenzi. Fil-każ ta’ liċenzjar sempliċi bejn żewġ partijiet, ġeneralment ma huwiex neċessarju li wieħed imur lil hinn minn eżaminazzjoni tal-indispensabbiltà ta’ limitazzjonijiet individwali. Normalment ma jkunx hemm alternattiva anqas restrittiva għall-ftehim għal-liċenzjar innifsu.

(198)It-tieni kundizzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat tirrikjedi li l-konsumaturi jirċievu sehem ġust mill-benefiċċji. Dan jimplika li l-konsumaturi tal-prodotti mmanifatturati taħt il-liċenzja jridu li tal-anqas jiġu kkumpensati għall-effetti negattivi tal-ftehim 99 . Dan ifisser li l-kisbiet fl-effiċjenza jridu jikkumpensaw bis-sħiħ għall-impatt negattiv probabbli fuq il-prezzijiet, il-produzzjoni u fatturi rilevanti oħrajn ikkawżati mill-ftehim. Huma jistgħu jagħmlu dan billi jibdlu l-istruttura tal-kostijiet tal-impriżi kkonċernati, billi jagħtuhom inċentiv sabiex inaqqsu l-prezz, jew billi jippermettu lill-konsumaturi jiksbu aċċess għal prodotti ġodda jew imtejba, u b’hekk jikkumpensaw għal kwalunkwe żieda probabbli fil-prezz 100 .

(199)Ir-raba’ kundizzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat tirrikjedi li l-ftehim ma jistax jagħti lill-partijiet għall-ftehim il-possibbiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ parti sostanzjali mill-oġġetti jew mis-servizzi kkonċernati. Din tippresupponi analiżi tal-pressjonijiet kompetittivi li jifdal fis-suq u l-impatt tal-ftehim fuq tali sorsi ta’ kompetizzjoni. Għall-applikazzjoni ta’ din il-kundizzjoni, trid titqies ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 101(3) u l-Artikolu 102. F’konformità mal-ġurisprudenza stabbilita, l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) ma tistax tipprevjeni l-applikazzjoni tal-Artikolu 102 tat-Trattat 101 . Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 101 u l-Artikolu 102 it-tnejn isegwu l-għan li jżommu kompetizzjoni effettiva fis-suq, il-konsistenza tirrikjedi li l-Artikolu 101(3) jiġi interpretat bħala li jipprekludi kwalunkwe applikazzjoni tar-regola tal-eċċezzjoni għal ftehimiet restrittivi li jikkostitwixxu abbuż ta’ pożizzjoni dominanti 102 . Il-fatt li l-ftehim inaqqas b’mod sostanzjali kompetizzjoni fir-rigward ta’ parametru rilevanti wieħed mhux neċessarjament ifisser li l-kompetizzjoni hija eliminata fl-ambitu tal-Artikolu 101(3). Pool ta’ teknoloġija tista’, pereżempju, twassal għall-ħolqien ta’ standard tal-industrija, li jwassal għal sitwazzjoni li fiha hemm ftit kompetizzjoni bejn il-formati teknoloġiċi. Ladarba l-atturi ewlenin fis-suq jadottaw format partikolari, l-effetti ta’ network jistgħu jagħmluha diffiċli ħafna biex formati alternattivi jibqgħu jeżistu. Madankollu, dan ma jimplikax li l-ħolqien ta’ standard tal-industrija de facto dejjem jelimina l-kompetizzjoni fl-ambitu tal-aħħar kundizzjoni tal-Artikolu 101(3), b’mod partikolari meta l-fornituri jibqgħu liberi biex jikkompetu fuq il-prezz, il-kwalità, l-għażla, l-innovazzjoni u l-karatteristiċi tal-prodott.

4.2.Applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-Trattat għal diversi tipi ta’ restrizzjonijiet fil-liċenzjar

(200)Din it-Taqsima tkopri diversi tipi ta’ restrizzjonijiet li huma b’mod komuni inklużi fil-ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija. Ir-restrizzjonijiet li diġà ġew indirizzati fit-Taqsimiet l-oħra ta’ dawn il-Linji Gwida, b’mod partikolari t-Taqsima 3.4 dwar ir-restrizzjonijiet fundamentali u t-Taqsima 3.5 dwar ir-restrizzjonijiet esklużi, huma ttrattati biss fil-qosor f’din it-Taqsima.

(201)Din it-Taqsima tkopri kemm ftehimiet bejn kompetituri kif ukoll ftehimiet bejn nonkompetituri. Għal ftehimiet bejn kompetituri, issir distinzjoni — meta xieraq — bejn ftehimiet reċiproċi u ftehimiet mhux reċiproċi. Dik id-distinzjoni ma hijiex meħtieġa fil-każ ta’ ftehimiet bejn nonkompetituri. Meta l-impriżi la jkunu kompetituri effettivi u lanqas potenzjali f’suq tat-teknoloġija rilevanti jew f’suq għal prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata, liċenzja reċiproka hija, għall-finijiet prattiċi kollha, ekwivalenti għal żewġ liċenzji separati. Is-sitwazzjoni hija differenti għal ftehimiet li permezz tagħhom il-partijiet jiġbru flimkien pakkett ta’ teknoloġija li mbagħad jiġi liċenzjat lil partijiet terzi. Tali ftehimiet huma koperti f’din it-Taqsima.

(202)Din it-Taqsima ma tkoprix obbligi fi ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li b’mod ġenerali ma humiex restrittivi għall-kompetizzjoni fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Dawk l-obbligi jinkludu, iżda mhumiex limitati għal:

(a)obbligi ta' kunfidenzjalità;

(b)obbligi fuq il-liċenzjatarju li ma jissottoliċenzjax;

(c)obbligi biex it-teknoloġija liċenzjata ma tintużax wara l-iskadenza tal-ftehim, sakemm it-teknoloġija liċenzjata tibqa' valida u fis-seħħ;

(d)obbligi biex il-liċenzjatarju jkun assistit fl-infurzar tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali liċenzjata;

(e)obbligi li jitħallsu royalties minimi jew li tkun prodotta kwantità minima ta' prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata;

(f)obbligi li tintuża t-trade mark tal-konċedent jew li jkun indikat ismu fuq il-prodott.

4.2.1.Obbligi rigward royalties

(203)Il-partijiet fi ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija huma, b’mod ġenerali, liberi li jistabbilixxu r-royalty pagabbli mil-liċenzjatur u l-mod ta’ ħlas tiegħu mingħajr ma jkunu kkonċernati mill-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Dak il-prinċipju japplika kemm għal ftehimiet bejn partijiet mhux kompetituri u kemm ftehimiet bejn partijiet kompetituri. L-obbligi rigward royalties jistgħu pereżempju jkunu fil-forma ta’ ħlasijiet ta’ somma f’daqqa, perċentwal mill-prezz tal-bejgħ jew ammont fiss għal kull prodott li jinkorpora t-teknoloġija liċenzjata. Meta t-teknoloġija liċenzjata tkun tirrelata ma’ input li huwa inkorporat fi prodott finali, ġeneralment ma jkunx restrittiv għall-kompetizzjoni li r-royalties jiġu kkalkolati abbażi tal-prezz tal-prodott finali, diment li dan jinkorpora t-teknoloġija liċenzjata 103 . Fil-każ tal-liċenzjar ta’ software, royalties ibbażati fuq l-għadd ta’ utenti u royalties ikkalkolati fuq bażi ta’ kull magna huma ġeneralment kompatibbli mal-Artikolu 101(1).

(204)Barra mill-eżenzjoni ta’ kategorija, id-dispożizzjonijiet dwar ir-royalties fi ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija bejn il-kompetituri jistgħu jirrestrinġu l-kompetizzjoni fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat meta l-kompetituri jinvolvu ruħhom f’liċenzji inkroċjati u jimponu royalties kurrenti li jkunu sproporzjonati b’mod ċar meta mqabbla mal-valur tas-suq tal-liċenzja u meta l-partijiet ikollhom strutturi tal-kostijiet simili, jew meta tali royalties ikollhom impatt sinifikanti fuq il-prezzijiet tas-suq. Fil-valutazzjoni ta’ jekk ir-royalties humiex sproporzjonati, jeħtieġ li jiġu eżaminati r-royalties mħallsa minn liċenzjatarji oħra fl-istess suq tal-prodott għall-istess teknoloġiji jew għal teknoloġiji sostituti. F’każijiet bħal dawn diffiċilment jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3). 

(205)L-eżenzjoni ta’ kategorija tapplika biss għal ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija sakemm id-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjati skont il-ftehim ikunu validi u fis-seħħ. Madankollu, ftehimiet li fihom obbligi ta’ royalties li jestendu lil hinn mill-perjodu ta’ validità tad-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata mhux neċessarjament jirrestrinġu l-kompetizzjoni fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, b’mod partikolari fejn il-liċenzjatur jista’ liberament itemm il-ftehim. Pereżempju, dispożizzjoni ta’ dak it-tip tista’ tippermetti lil-liċenzjatarju jifrex ir-royalties fuq perjodu itwal. Jekk, wara li jiskadu d-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata, partijiet terzi jkunu legalment kapaċi jisfruttaw it-teknoloġija u joħolqu pressjoni kompetittiva suffiċjenti fis-suq, ir-royalties ta’ wara l-iskadenza x’aktarx li ma jirrestrinġux il-kompetizzjoni fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) 104 . Madankollu, f’ċirkostanzi speċifiċi, tali obbligi jistgħu jirrestrinġu l-kompetizzjoni, pereżempju, jekk, mal-iskadenza tad-drittijiet, it-terminazzjoni tal-ftehim tfixkel b’mod sinifikanti l-kapaċità tal-liċenzjatarju li jibqa’ attiv fis-suq u ma jkunx hemm pressjoni kompetittiva biżżejjed minn partijiet terzi (pereżempju, minħabba ostakli kbar għad-dħul) 105 .

(206)Fil-każ ta’ ftehimiet bejn nonkompetituri, l-eżenzjoni ta’ kategorija tkopri ftehimiet li permezz tagħhom ir-royalties jiġu kkalkolati abbażi kemm tal-prodotti mmanifatturati bit-teknoloġija liċenzjata kif ukoll tal-prodotti mmanifatturati b’teknoloġiji liċenzjati minn partijiet terzi. Tali ftehimiet jistgħu jiffaċilitaw il-kejl tar-royalties. Madankollu, jistgħu jwasslu wkoll għal esklużjoni mis-suq billi jżidu l-kostijiet tal-użu ta’ inputs ta’ partijiet terzi u b’hekk jista’ jkollhom effetti simili għal dawk ta’ obbligu ta’ nonkompetizzjoni. Jekk jitħallsu royalties mhux biss fuq prodotti mmanifatturati bit-teknoloġija liċenzjata iżda wkoll fuq prodotti mmanifatturati b’teknoloġija ta’ parti terza, imbagħad ir-royalties iżidu l-kostijiet ta’ dawn tal-aħħar u jnaqqsu d-domanda għat-teknoloġija ta’ parti terza. Lil hinn mill-eżenzjoni ta’ kategorija, il-kwistjoni jekk ir-restrizzjoni għandhiex effetti ta’ esklużjoni għalhekk trid tiġi kkunsidrata. Għal dak il-għan, huwa xieraq li jintuża l-qafas analitiku stabbilit fit-Taqsima 4.2.7 ta’ dawn il-Linji Gwida. Fil-każ ta’ effetti ta’ esklużjoni apprezzabbli, tali ftehimiet jaqgħu taħt l-Artikolu 101(1) tat-Trattat u x’aktarx ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3), sakemm ma jkunx hemm xi mod prattiku ieħor biex jiġu kkalkolati u mmonitorjati l-ħlasijiet tar-royalties.

4.2.2.Ħruġ esklużiv ta’ liċenzji u restrizzjonijiet fuq il-bejgħ

(207)Għall-fini ta’ dawn il-Linji Gwida, ikun utli li ssir id-distinzjoni bejn restrizzjonijiet fuq il-produzzjoni f’territorju partikolari (liċenzji esklużivi jew uniċi) u restrizzjonijiet fuq il-bejgħ ta’ prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata f’territorju partikolari u/jew lil grupp ta’ klijenti partikolari (restrizzjonijiet fuq il-bejgħ).

4.2.2.1.Liċenzji esklużivi u uniċi

(208)“Liċenzja esklużiva” tfisser li l-liċenzjatur innifsu ma huwiex permess jipproduċi abbażi tad-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata, u lanqas ma huwa permess li jilliċenzja dawk id-drittijiet lil partijiet terzi, b’mod ġenerali jew għal użu partikolari jew f’territorju partikolari. F’tali każijiet, il-liċenzjatarju huwa l-unika parti li hija awtorizzata tipproduċi abbażi tad-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata għall-użu jew fit-territorju kkonċernat.

(209)Liċenzja unika tfisser li l-liċenzjatur jimpenja ruħu li ma jilliċenzjax lil partijiet terzi biex jipproduċu f’territorju partikolari, iżda jżomm id-dritt li jipproduċi bl-użu tat-teknoloġija liċenzjata nnifisha.

(210)Meta l-liċenzjatur jikkommetti ruħu li ma jipproduċix hu stess jew li ma jilliċenzjax oħrajn biex jipproduċu f’territorju partikolari, dak it-territorju jista’ jkopri d-dinja kollha jew xi parti minnha.

(211)Il-liċenzji esklużivi u uniċi spiss ikunu akkumpanjati minn restrizzjonijiet fuq il-bejgħ li jillimitaw meta l-partijiet jistgħu jbigħu prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata.

(212)Il-liċenzjar esklużiv reċiproku bejn il-kompetituri huwa forma ta’ kondiviżjoni tas-suq u tal-klijenti, kif stabbilit fl-Artikolu 4(1), il-punt (c) tar-REKTT. Madankollu, il-liċenzjar uniku reċiproku bejn il-kompetituri huwa eżentat bħala kategorija sal-limitu tas-sehem mis-suq ta’ 20 %. Skont tali ftehim, il-partijiet jimpenjaw ruħhom b’mod reċiproku li ma jilliċenzjawx it-teknoloġiji kompetittivi tagħhom lil partijiet terzi iżda jistgħu jkomplu jużaw it-teknoloġiji huma stess. Meta l-partijiet ikollhom grad sinifikanti ta’ saħħa fis-suq, tali ftehimiet jistgħu jiffaċilitaw kollużjoni billi jiżguraw li l-partijiet ikunu l-uniċi sorsi ta’ produzzjoni fis-suq abbażi tat-teknoloġiji liċenzjati.

(213)Il-liċenzjar esklużiv mhux reċiproku bejn il-kompetituri huwa eżentat bħala kategorija sal-limitu tas-sehem mis-suq ta’ 20 %. ’Il fuq mil-limitu tas-sehem mis-suq, il-liċenzjar esklużiv jista’ jipproduċi effetti restrittivi; aktar ma tkun kbira s-saħħa tas-suq ta’ kwalunkwe parti, aktar tkun kbira l-probabbiltà ta’ effetti restrittivi. Meta l-liċenzja esklużiva tkun waħda li tkopri d-dinja kollha, dan jimplika li l-liċenzjatur ikun ħareġ mis-suq. Meta l-esklużività tkun limitata għal territorju partikolari bħal pereżempju Stat Membru, il-ftehim jimplika li l-liċenzjatur jastjeni milli jipproduċi prodotti u servizzi abbażi tat-teknoloġija liċenzjata fit-territorju inkwistjoni. Sabiex jiġu vvalutati tali liċenzji esklużivi, huwa meħtieġ li titqies is-saħħa fis-suq tal-liċenzjatur u tal-liċenzjatarju. Jekk iż-żewġ partijiet ikollhom pożizzjoni limitata fis-suq tal-prodott u l-liċenzjatur ma jkollux il-kapaċità li jisfrutta b’mod effettiv it-teknoloġija fit-territorju tal-liċenzjatarju, il-ftehim x’aktarx li ma jaqax taħt l-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Każ speċjali jeżisti meta l-liċenzjatur u l-liċenzjatarju jikkompetu biss fis-suq tat-teknoloġija. Il-liċenzjatur, pereżempju istitut ta’ riċerka jew impriża żgħira bbażata fuq ir-riċerka, bħal spin-off, li tikkompeti mal-liċenzjatarju fis-suq tat-teknoloġija biss, ma għandux il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni u distribuzzjoni biex effettivament iġib fis-suq prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata. F’tali każijiet, il-liċenzjatur ma huwiex kapaċi jikkompeti b’mod effettiv downstream fis-suq tal-prodotti. B’riżultat ta’ dan, il-liċenzja esklużiva x’aktarx ma tirrestrinġix il-kompetizzjoni fl-ambitu tal-Artikolu 101(1), diment li l-liċenzjatarju ma jkollux saħħa sinifikanti fis-suq, fis-suq tal-prodott.

(214)Il-liċenzjar esklużiv bejn partijiet mhux kompetituri – sa fejn jinqabad taħt l-Artikolu 01(1) tat-Trattat – x'aktarx jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3). Liċenzja esklużiva tkun ta’ spiss meħtieġa sabiex il-liċenzjatarju jkun imħeġġeġ jinvesti fit-teknoloġija liċenzjata u jpoġġi l-prodotti fis-suq fil-mument xieraq. Dan jgħodd b'mod partikolari fejn il-liċenzjatarju jkollu jagħmel investimenti kbar biex ikompli jiżviluppa t-teknoloġija liċenzjata. Intervent kontra l-esklużività ladarba l-liċenzjatarju jkun ikkummerċjalizza b’suċċess it-teknoloġija liċenzjata jċaħħad lil-liċenzjatarju mir-redditu finanzjarju fuq l-investiment tiegħu u jkun ta’ ħsara għall-kompetizzjoni, għat-tixrid tat-teknoloġija u għall-innovazzjoni. Għalhekk, huwa biss f'każijiet eċċezzjonali li l-Kummissjoni tintervjeni kontra l-liċenzjar esklużiv fi ftehimiet bejn partijiet mhux kompetituri, irrispettivament mill-ambitu territorjali tal-liċenzja.

(215)Madankollu, jekk il-liċenzjatarju diġà jkollu teknoloġija sostitwibbli li juża għall-produzzjoni interna, il-liċenzja esklużiva tista’ ma tkunx meħtieġa biex tinċentiva lil-liċenzjatarju biex idaħħal prodott fis-suq. F’tali każijiet, il-liċenzjar esklużiv jista’ minflok jaqa’ taħt l-Artikolu 101(1) tat-Trattat, b’mod partikolari meta l-liċenzjatur ikollu saħħa tas-suq fis-suq tal-prodott. Is-sitwazzjoni ewlenija li fiha intervent jista’ jkun ġustifikat hija meta liċenzjatarju dominanti jikseb liċenzja esklużiva għal teknoloġija kompetitriċi waħda jew aktar. Ftehimiet bħal dawn ġeneralment jinqabdu taħt l-Artikolu 101(1) u x’aktarx ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3). Sabiex japplika l-Artikolu 101(1), id-dħul fis-suq tat-teknoloġija jrid ikun diffiċli u t-teknoloġija liċenzjata trid tikkostitwixxi sors reali ta’ kompetizzjoni fis-suq. F’tali ċirkostanzi, liċenzja esklużiva tista’ teskludi liċenzjatarji terzi, iżżid l-ostakli għad-dħul u tippermetti lil-liċenzjatarju li jżomm jew li jsaħħaħ is-saħħa tiegħu fis-suq. 

(216)Il-ftehimiet għal-liċenzjar inkroċjati, li permezz tagħhom żewġ partijiet jew aktar jaqblu li jilliċenzjaw it-teknoloġiji tagħhom biss lil xulxin u mhux li jilliċenzjaw lil partijiet terzi, iwasslu għal tħassib partikolari li l-pakkett ta’ teknoloġiji li jirriżulta joħloq standard ta’ industrija de facto li għalih partijiet terzi jrid ikollhom aċċess sabiex jikkompetu b’mod effettiv fis-suq. F’tali każijiet, il-ftehim joħloq standard magħluq riżervat għall-partijiet fil-ftehim. Il-Kummissjoni se tivvaluta tali ftehimiet f’konformità mal-prinċipji applikati għall-pools tat-teknoloġija (ara t-Taqsima 4.4 ta’ dawn il-Linji Gwida). B’mod partikolari, it-teknoloġiji li jappoġġaw tali standard normalment għandhom jiġu liċenzjati lil partijiet terzi skont termini ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji 106 , f’konformità mal-proċess ta’ żvilupp standard applikabbli 107 . Meta l-partijiet fil-ftehim jikkompetu ma’ partijiet terzi f’suq ta’ prodott eżistenti u l-ftehim ikun relatat ma’ dak is-suq tal-prodott, standard magħluq x’aktarx ikollu effetti ta’ esklużjoni sostanzjali. Dan l-impatt negattiv fuq il-kompetizzjoni jista’ jiġi evitat biss permezz tal-liċenzjar lil partijiet terzi wkoll.

4.2.2.2.Restrizzjonijiet fuq il-bejgħ

(217)Fir-rigward tar-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ, trid issir distinzjoni importanti bejn liċenzjar bejn kompetituri u liċenzjar bejn nonkompetituri.

(218)Restrizzjonijiet fuq il-bejgħ attiv u passiv minn parti waħda jew miż-żewġ partijiet fi ftehim reċiproku bejn kompetituri huma restrizzjonijiet fundamentali tal-kompetizzjoni skont l-Artikolu 4(1), il-punt (c) tar-REKTT. Dawn ir-restrizzjonijiet ġeneralment jinqabdu taħt l-Artikolu 101(1) tat-Trattat u x'aktarx ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3). Tali restrizzjonijiet ġeneralment jitqiesu bħala kondiviżjoni tas-suq, minħabba li jipprevjenu lill-parti affettwata milli tbigħ b’mod attiv u passiv f’territorji u lil gruppi ta’ klijenti li attwalment kienet diġà taqdi jew li realistikament setgħet taqdi fl-assenza tal-ftehim.

(219)Fil-każ ta’ ftehimiet mhux reċiproċi bejn partijiet kompetituri, l-eżenzjoni ta’ kategorija tapplika għal restrizzjonijiet fuq il-bejgħ attiv u passiv mil-liċenzjatarju jew mil-liċenzjatur fit-territorju esklużiv jew għall-grupp esklużiv ta’ klijenti riżervat għall-parti l-oħra (ara l-Artikolu 4(1), il-punt (c)(i) tar-REKTT) sa limitu tas-sehem tas-suq ta’ 20 %. ’Il fuq mil-limitu tas-sehem mis-suq, tali restrizzjonijiet fuq il-bejgħ jaqgħu taħt l-Artikolu 101(1) tat-Trattat meta waħda mill-partijiet jew it-tnejn li huma jkollhom saħħa sinifikanti fis-suq. Madankollu, tali restrizzjonijiet jistgħu jkunu indispensabbli għad-disseminazzjoni ta’ teknoloġiji siewja u għalhekk jistgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3). Dan jista’ jkun il-każ meta l-liċenzjatur ikollu pożizzjoni relattivament dgħajfa fis-suq fit-territorju fejn hu stess jisfrutta t-teknoloġija. F’tali każijiet, ir-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ attiv mil-liċenzjatarju jistgħu jkunu indispensabbli biex iġiegħel lil-liċenzjatur jagħti l-liċenzja. Fin-nuqqas ta’ tali restrizzjonijiet, il-liċenzjatur jista’ jaffaċċja kompetizzjoni attiva fl-qasam ewlieni ta’ attività tiegħu. Bl-istess mod, restrizzjonijiet fuq il-bejgħ attiv mil-liċenzjatur jistgħu jkunu indispensabbli, b’mod partikolari meta l-liċenzjatarju jkollu pożizzjoni relattivament dgħajfa fis-suq fit-territorju allokat lilu u jkollu jagħmel investimenti sinifikanti sabiex jisfrutta t-teknoloġija liċenzjata b’mod effiċjenti.

(220)L-eżenzjoni ta’ kategorija tapplika wkoll għal restrizzjonijiet fuq il-bejgħ attiv mil-liċenzjatarju f’territorju esklużiv jew għal grupp ta’ klijenti allokat lil liċenzjatarju ieħor li ma kienx kompetitur tal-liċenzjatur fiż-żmien meta ġie konkluż l-ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija. Madankollu, dan japplika biss meta l-ftehim ma jkunx reċiproku (ara l-Artikolu 4(1), il-punt (c)(ii) tar-REKTT). ’Il fuq mil-limitu tas-sehem mis-suq, tali restrizzjonijiet attivi fuq il-bejgħ x’aktarx li jaqgħu taħt l-Artikolu 101(1) tat-Trattat li fih il-partijiet ikollhom saħħa sinifikanti fis-suq. Madankollu, ir-restrizzjoni x’aktarx li tkun indispensabbli fl-ambitu tal-Artikolu 101(3) għall-perjodu ta’ żmien meħtieġ sabiex il-liċenzjatarju protett jippenetra suq ġdid u jistabbilixxi preżenza fis-suq fit-territorju allokat jew vis-à-vis l-grupp ta’ klijenti allokat. Din il-protezzjoni kontra l-bejgħ attiv tippermetti lil-liċenzjatarju jegħleb l-assimetrija li jaffaċċja minħabba l-fatt li xi wħud mil-liċenzjatarji jkunu impriżi kompetituri tal-liċenzjatur u għalhekk ikunu diġà stabbiliti fis-suq. Ir-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ passiv minn liċenzjatarji f’territorju jew lil grupp ta’ klijenti li jkunu ġew allokati esklużivament lil liċenzjatarju ieħor huma restrizzjonijiet fundamentali skont l-Artikolu 4(1), il-punt (c) tar-REKTT.

(221)Fil-każ ta’ ftehimiet bejn nonkompetituri, ir-restrizzjonijiet tal-kapaċità tal-liċenzjatarju li jagħmel bejgħ attiv u passiv f’territorju jew lil grupp ta’ klijenti rriżervat esklużivament għal-liċenzjatur huma eżentati bħala kategorija sal-limitu tas-sehem mis-suq ta’ 30 %. ’Il fuq minn dak il-limitu, tali restrizzjonijiet jirrikjedu valutazzjoni individwali. Huma jistgħu, f’ċerti każijiet, jaqgħu barra mill-Artikolu 101(1) tat-Trattat jew jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3), pereżempju, jekk ikunu oġġettivament meħtieġa għad-disseminazzjoni ta’ teknoloġiji siewja. Dan jista’ jkun il-każ fejn il-liċenzjatur ikollu pożizzjoni relattivament dgħajfa fis-suq fit-territorju fejn hu stess jisfrutta t-teknoloġija. F’tali każijiet, ir-restrizzjonijiet tal-kapaċità tal-liċenzjatarju li jagħmel bejgħ attiv jistgħu jkunu indispensabbli biex iġiegħlu lil-liċenzjatur jagħti l-liċenzja. Fin-nuqqas ta’ tali restrizzjonijiet, il-liċenzjatur jista’ jaffaċċja kompetizzjoni attiva fl-qasam ewlieni ta’ attività tiegħu. F’każijiet oħrajn, restrizzjonijiet fuq il-bejgħ imposti fuq il-liċenzjatarju jistgħu jaqgħu taħt l-Artikolu 101(1) u jistgħu ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3). Dan x’aktarx li jkun il-każ meta l-liċenzjatur individwalment ikollu grad sinifikanti ta’ saħħa tas-suq u meta serje ta’ ftehimiet simili konklużi minn liċenzjaturi, li flimkien ikollhom pożizzjoni b’saħħitha fis-suq, ikollhom effett kumulattiv.

(222)Madankollu, fil-każ ta’ ftehimiet bejn nonkompetituri, meta l-liċenzjatur jopera sistema ta’ distribuzzjoni selettiva f’territorju partikolari, ma huwiex permess li dik is-sistema tiġi kkombinata ma’ allokazzjonijiet esklużivi ta’ gruppi territorjali jew ta’ klijenti meta dan iwassal għal restrizzjoni ta’ bejgħ attiv jew passiv lill-utenti finali. Tali kombinazzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni fundamentali skont l-Artikolu 4(2), il-punt (c) tar-REKTT (ara l-paragrafu (151) tal-Linji Gwida).

(223)Restrizzjonijiet fuq il-bejgħ imposti fuq il-liċenzjatur, meta dawn jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, x’aktarx jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3). sakemm ma jkunx hemm alternattivi reali fis-suq għat-teknoloġija tal-liċenzjatur jew tali alternattivi jkunu liċenzjati lil-liċenzjatarju mingħand partijiet terzi. Tali restrizzjonijiet u b’mod partikolari restrizzjonijiet fuq il-bejgħ attiv x’aktarx ikunu indispensabbli fl-ambitu tal-Artikolu 101(3) sabiex iħeġġu lil-liċenzjatarju jinvesti fil-produzzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u l-bejgħ tal-prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata. Huwa probabbli li l-inċentiv tal-liċenzjatarju li jinvesti jonqos b’mod sinifikanti jekk jaffaċċja kompetizzjoni diretta mil-liċenzjatur li l-kostijiet ta’ produzzjoni tiegħu ma għandhomx il-piż ta’ pagamenti ta’ royalties, li possibilment iwasslu għal livelli subottimali ta’ investiment.

(224)Fir-rigward tar-restrizzjonijiet fi ftehimiet bejn nonkompetituri tal-kapaċità tal-liċenzjatarju li jagħmel bejgħ attiv lil territorji jew lil gruppi ta’ klijenti allokati esklużivament lil liċenzjatarji oħrajn, dawn ir-restrizzjonijiet huma eżentati bħala kategorija fil-limitu tas-sehem mis-suq ta’ 30 %. ’Il fuq minn dak il-limitu, tali restrizzjonijiet jirrikjedu valutazzjoni individwali. Meta l-liċenzjatarju jkollu saħħa sinifikanti fis-suq, dawn ir-restrizzjonijiet jistgħu jillimitaw il-kompetizzjoni intra-teknoloġika u x’aktarx jaqgħu taħt l-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Madankollu, tali restrizzjonijiet jistgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) li fih ikunu meħtieġa jipprevjenu approfittar u ġegħil lil-liċenzjatarju jagħmel l-investiment meħtieġ għall-isfruttament effettiv tat-teknoloġija liċenzjata fit-territorju tiegħu u l-promozzjoni tal-bejgħ tal-prodott liċenzjat. Ir-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ passiv huma kkategorizzati bħala restrizzjonijiet fundamentali mill-Artikolu 4(2), il-punt (b) tar-REKTT (ara l-paragrafi (144) sa (151) hawn fuq). Tali restrizzjonijiet, b’mod ġenerali, x’aktarx li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3).

4.2.3.Restrizzjonijiet fuq il-produzzjoni

(225)Restrizzjonijiet reċiproċi fuq il-produzzjoni fi ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija bejn kompetituri jikkostitwixxu restrizzjoni fundamentali kif stabbilita fl-Artikolu 4(1), il-punt (b) tar-REKTT (ara l-paragrafu (128) tal-Linji Gwida). L-Artikolu 4(1), il-punt (b) ma jkoprix restrizzjonijiet fuq il-produzzjoni relatati mat-teknoloġija liċenzjata imposti fuq il-liċenzjatarju fi ftehim mhux reċiproku jew imposti fuq wieħed biss mil-liċenzjatarji fi ftehim reċiproku. Tali restrizzjonijiet huma eżentati bħala kategorija sal-limitu tas-sehem fis-suq ta’ 20 %. ’Il fuq minn dak il-limitu, ir-restrizzjonijiet fuq il-produzzjoni jirrikjedu valutazzjoni individwali. Tali restrizzjonijiet jistgħu jirrestrinġu l-kompetizzjoni fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat li fih il-partijiet ikollhom saħħa sinifikanti fis-suq. Iżda huwa probabbli li japplika l-Artikolu 101(3) f’każijiet fejn it-teknoloġija tal-liċenzjatur tkun sostanzjalment aħjar minn dik tal-liċenzjatarju u l-limitazzjoni fuq il-produzzjoni taqbeż b’mod konsiderevoli l-ammont ta’ produzzjoni li l-liċenzjatarju kien jipproduċi qabel il-konklużjoni tal-ftehim. F’dak il-każ, l-effett tal-limitazzjoni fuq il-produzzjoni jkun limitat, anke fi swieq fejn id-domanda tkun qiegħda tiżdied. Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat, irid jitqies ukoll li tali restrizzjonijiet jistgħu jkunu neċessarji sabiex iġiegħlu lil-liċenzjatur jifrex it-teknoloġija tiegħu bl-aktar mod wiesa’ possibbli. Pereżempju, jista’ jkun li liċenzjatur ma jkunx jixtieq li jilliċenzja lill-kompetituri tiegħu jekk ma jkunx jista’ jillimita l-liċenzja għal sit ta’ produzzjoni partikolari b’kapaċità speċifika (liċenzja ta’ sit). Meta l-ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija iwassal għal integrazzjoni reali tal-assi komplimentari, ir-restrizzjonijiet fuq il-produzzjoni imposti fuq il-liċenzjatarju jistgħu għalhekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3). Madankollu, dan ma huwiex probabbli li jkun il-każ meta l-partijiet ikollhom saħħa sinifikanti fis-suq.

(226)Ir-restrizzjonijiet fuq il-produzzjoni fi ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija bejn nonkompetituri huma eżentati bħala kategorija sal-limitu tas-sehem mis-suq ta’ 30 %. ’Il fuq minn dak il-limitu, hija meħtieġa valutazzjoni tal-effetti individwali. Ir-riskju antikompetittiv ewlieni li jirriżulta minn restrizzjonijiet fuq il-produzzjoni imposti fuq il-liċenzjatarji fi ftehimiet bejn nonkompetituri huwa t-tnaqqis tal-kompetizzjoni intrateknoloġika bejn il-liċenzjatarji. Is-sinifikanza ta’ tali effetti antikompetittivi tiddependi fuq il-pożizzjoni fis-suq tal-liċenzjatur u tal-liċenzjatarji, u sa liema punt il-limitazzjoni tal-produzzjoni tipprevjeni lil-liċenzjatarju milli jissodisfa d-domanda għall-prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata.

(227)Meta r-restrizzjonijiet fuq il-produzzjoni huma kkombinati ma’ territorji esklużivi jew ma’ gruppi ta’ klijenti esklużivi, l-effetti restrittivi tagħhom jiżdiedu. Il-kombinazzjoni taż-żewġ tipi ta’ restrizzjonijiet tagħmilha aktar probabbli li l-ftehim iservi biex jaqsam is-swieq.

(228)Limitazzjonijiet fuq il-produzzjoni imposti fuq il-liċenzjatarju fi ftehimiet bejn nonkompetituri jista’ jkollhom ukoll effetti prokompetittivi billi jippromwovu d-disseminazzjoni tat-teknoloġija. Bħala fornitur tat-teknoloġija, il-liċenzjatur normalment għandu jkun liberu li jiddetermina l-ammont ta’ produzzjoni li l-liċenzjatarju jipproduċi permezz tat-teknoloġija liċenzjata. Jekk il-liċenzjatur ma jkunx liberu li jiddetermina l-produzzjoni tal-liċenzjatarju, għadd ta’ ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija jistgħu lanqas biss jidħlu fis-seħħ, u dan jkollu impatt negattiv fuq it-tixrid ta’ teknoloġija. Dan huwa partikolarment probabbli li jkun il-każ meta l-liċenzjatur ikun ukoll produttur, peress li l-produzzjoni tal-liċenzjatarju tista’ ssib it-triq lura lejn il-qasam ewlieni tal-operat tal-liċenzjatarji u b’hekk ikollu impatt dirett fuq dawk l-attivitajiet. Min-naħa l-oħra, huwa anqas probabbli li r-restrizzjonijiet fuq il-produzzjoni jkunu meħtieġa sabiex tiġi żgurata d-disseminazzjoni tat-teknoloġija tal-liċenzjatur meta dawn ikunu kkombinati ma’ restrizzjonijiet fuq il-bejgħ imposti fuq il-liċenzjatarju, li jipprojbixxu milli huwa jbigħ f’territorju jew lil grupp ta’ klijenti riżervati għal-liċenzjatur.

4.2.4.Restrizzjonijiet fuq il-qasam tal-użu

(229)Taħt restrizzjoni fuq il-qasam tal-użu, l-użu tal-liċenzjatarju tat-teknoloġija liċenzjata huwa limitat għal qasam tekniku wieħed jew aktar ta’ applikazzjoni, swieq tal-prodotti jew setturi industrijali. Dan ifisser li l-liċenzjatarju jista’ juża biss id-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata f’dawk iż-żoni speċifikati. Settur industrijali jista’ jinkludi diversi swieq tal-prodotti, iżda mhux parti minn suq tal-prodotti. L-istess teknoloġija tista’ ħafna drabi tintuża biex isiru prodotti differenti; dawn il-prodotti jistgħu jappartjenu għall-istess swieq ta’ prodotti jew għal swieq differenti ta’ prodotti. Pereżempju, teknoloġija tal-iffurmar tista’ tintuża fl-istess settur industrijali biex isiru fliexken tal-plastik u tazzi tal-plastik, kull prodott li jappartjeni għal suq separat tal-prodotti. Madankollu, suq ta’ prodott wieħed jista’ jinkludi diversi oqsma tekniċi ta’ użu. Pereżempju, teknoloġija biex isiru chipsets tista’ tintuża biex tipproduċi chipsets b’limitu ta’ erba’ CPUs u b’aktar minn erba’ CPUs. Liċenzja li tillimita l-użu tat-teknoloġija liċenzjata għall-produzzjoni ta’chipsets b’limitu ta’ erba’ CPUs tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-qasam tekniku tal-użu. 

(230)Minħabba li r-restrizzjonijiet fuq il-qasam tal-użu huma koperti mill-eżenzjoni ta’ kategorija u li ċerti restrizzjonijiet rigward il-klijenti huma restrizzjonijiet fundamentali skont l-Artikolu 4(1), il-punt (c) u l-Artikolu 4(2), il-punt (b) tar-REKTT, huwa importanti li ssir distinzjoni bejn iż-żewġ kategoriji ta’ restrizzjonijiet (ara wkoll il-paragrafi (138) u (139) ta’ dawn il-Linji Gwida). Restrizzjoni rigward il-klijenti tippresupponi li jkunu ġew identifikati gruppi ta’ klijenti speċifiċi u li l-partijiet huma ristretti milli jbigħu lil tali gruppi identifikati. Il-fatt li restrizzjoni fuq il-qasam tista’ tikkorrispondi għal ċerti gruppi ta’ klijenti f’suq ta’ prodott ma jimplikax li r-restrizzjoni hija restrizzjoni rigward il-klijenti. Pereżempju, il-fatt li ċerti klijenti jixtru predominantement jew esklużivament chipsets b’aktar minn erba’ CPUs ma jimplikax li liċenzja li hija limitata għal chipsets b’limitu sa erba’ CPUs tikkostitwixxi restrizzjoni rigward il-klijent. Madankollu, il-qasam tal-użu jrid jiġi definit b’mod oġġettiv b’referenza għal karatteristiċi tekniċi identifikati u sinifikattivi tal-prodott tal-kuntratt.

(231)Minħabba li ċerti restrizzjonijiet fuq il-produzzjoni huma restrizzjonijiet fundamentali skont l-Artikolu 4(1), il-punt (b) tar-REKTT, huwa importanti li wieħed jinnota li r-restrizzjonijiet fuq il-qasam tal-użu ma jitqisux bħala restrizzjonijiet fuq il-produzzjoni. Dan għaliex restrizzjoni fuq il-qasam tal-użu ma tillimitax il-produzzjoni li l-liċenzjatarju jista’ jipproduċi fil-qasam tal-użu liċenzjat.

(232)Bl-istess mod għat-territorji, l-oqsma ta' użu jistgħu jkunu allokati lil-liċenzjatarju taħt liċenzja esklużiva jew unika. Ara t-Taqsima 4.2.2.1 ta’ dawn il-Linji Gwida għal spjegazzjoni tad-differenza bejn liċenzjar esklużiv u uniku, inkluż l-impatt fuq il-kapaċità tal-liċenzjatur li jisfrutta t-teknoloġija liċenzjata fil-qasam tal-użu kkonċernat. B’mod partikolari, għal-liċenzjar bejn partijiet kompetituri, dan ifisser li l-liċenzjar esklużiv reċiproku huwa restrizzjoni fundamentali taħt l-Artikolu 4(1), il-punt (c) tar-REKTT.

(233)Ir-restrizzjonijiet fuq il-qasam tal-użu jista’ jkollhom effetti pro-kompetittivi billi jinkoraġġixxu lil-liċenzjatur li jilliċenzja t-teknoloġija tiegħu għal applikazzjonijiet lil hinn mill-qasam ewlieni tal-attività tiegħu. Jekk il-liċenzjatur ma jkunx jista’ jżomm lid-detenturi tal-liċenzja milli joperaw f’oqsma fejn huwa nnifsu jisfrutta t-teknoloġija tiegħu, jew f'oqsma fejn il-valur tat-teknoloġija jkun għadu mhux daqstant stabbilit, x’aktarx li ma jinċentivax lil-liċenzjatur milli jilliċenzja jew iwassalu biex jitlob royalty ogħla. Il-fatt li f’ċerti setturi l-liċenzjar ħafna drabi jsir biex tiġi żgurata l-libertà tad-diżinn billi jiġu pprevenuti pretensjonijiet ta’ ksur, irid jitqies ukoll. Fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liċenzja, il-liċenzjatarju jista’ jiżviluppa t-teknoloġija tiegħu stess mingħajr biża’ ta’ pretensjonijiet ta’ ksur mil-liċenzjatur.

(234)Ir-restrizzjonijiet fuq il-qasam tal-użu imposti fuq il-liċenzjatarju fi ftehimiet bejn kompetituri effettivi jew potenzjali huma eżentati bħala kategorija sal-limitu tas-sehem fis-suq ta’ 20 %. ’Il fuq mil-limitu tas-sehem mis-suq, tali restrizzjonijiet iridu jiġu vvalutati individwalment. It-tħassib ewlieni dwar il-kompetizzjoni huwa r-riskju li l-liċenzjatarju ma jibqax forza kompetittiva barra mill-qasam tal-użu liċenzjat. Dan ir-riskju huwa akbar fil-każ ta’ liċenzji inkroċjati bejn kompetituri li permezz tagħhom il-ftehim jipprevedi restrizzjonijiet asimmetriċi fuq il-qasam tal-użu. Ir-restrizzjonijiet fuq il-qasam tal-użu huma asimmetriċi fejn parti waħda tkun permessa tuża t-teknoloġija liċenzjata f’settur industrijali, suq tal-prodott jew qasam tekniku ta’ applikazzjoni wieħed u l-parti l-oħra tkun permessa tuża t-teknoloġija liċenzjata l-oħra f’settur industrijali, suq tal-prodott jew qasam tekniku ta’ applikazzjoni differenti. Tħassib dwar il-kompetizzjoni jista’ jirriżulta b’mod partikolari meta l-faċilità ta’ produzzjoni tal-liċenzjatarju, li hija mgħammra biex tuża t-teknoloġija liċenzjata, tintuża wkoll biex tipproduċi prodotti barra mill-qasam tal-użu liċenzjat bl-użu tat-teknoloġija tal-liċenzjatarju stess. Jekk il-probabbiltà hija li l-ftehim iwassal biex il-liċenzjatarju jnaqqas il-produzzjoni barra mill-qasam ta' użu liċenzjat, il-ftehim x'aktarx jaqa’ fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Restrizzjonijiet simmetriċi fuq il-qasam tal-użu, jiġifieri, ftehimiet li bihom il-partijiet huma liċenzjati sabiex jużaw it-teknoloġija ta’ xulxin fi ħdan l-istess qasam/oqsma tal-użu, aktarx li ma jkunux koperti mill-Artikolu 101(1). Tali ftehimiet huma improbabbli li jirrestrinġu l-kompetizzjoni li kienet teżisti fin-nuqqas tal-ftehim. L-Artikolu 101(1) x’aktarx ma japplikax ukoll għal ftehimiet li sempliċiment jippermettu lil-liċenzjatarju jiżviluppa u jisfrutta t-teknoloġija tiegħu stess fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liċenzja mingħajr il-biża’ ta’ pretensjonijiet ta’ ksur mil-liċenzjatur. F’tali każijiet, ir-restrizzjonijiet fuq il-qasam tal-użu fihom infushom ma jirrestrinġux il-kompetizzjoni li kienet teżisti fin-nuqqas tal-ftehim. Fin-nuqqas tal-ftehim, il-liċenzjatarju rriskja wkoll pretensjonijiet ta’ ksur barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-qasam tal-użu liċenzjat. Madankollu, jekk il-liċenzjatarju jtemm jew inaqqas l-attivitajiet tiegħu fiż-żona barra l-qasam tal-użu liċenzjat mingħajr ġustifikazzjoni kummerċjali, dan jista’ jkun indikazzjoni ta’ ftehimiet sottostanti ta’ kondiviżjoni tas-suq li jammonta għal restrizzjoni fundamentali skont l-Artikolu 4(1), il-punt (c) tar-REKTT.

(235)Ir-restrizzjonijiet fuq il-qasam tal-użu imposti fuq il-liċenzjatarju u fuq il-liċenzjatur fi ftehimiet bejn nonkompetituri huma eżentati bħala kategorija sal-limitu tas-sehem fis-suq ta’ 30 %. ’Il fuq mil-limitu tas-sehem mis-suq, tali restrizzjonijiet jeħtieġu valutazzjoni individwali. B’mod ġenerali, dawn ma jirrestrinġux il-kompetizzjoni fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, jew itejbu l-effiċjenza u għalhekk jistgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3). Huwa jippromwovu d-disseminazzjoni ta’ teknoloġija billi jagħtu inċentiv lil-liċenzjatur sabiex joħroġ liċenzja għall-isfruttament f’oqsma li fihom ma jkunx irid jisfrutta t-teknoloġija huwa stess. Jekk il-liċenzjatur ma kienx kapaċi jipprevjeni lil-liċenzjatarji milli joperaw f’oqsma li fihom il-liċenzjatur jisfrutta t-teknoloġija nnifisha, dan jista’ jiġi diżinċentivat mil-liċenzjar.

(236)Fi ftehimiet bejn nonkompetituri, il-liċenzjatur normalment huwa intitolat ukoll li jagħti liċenzji uniċi jew esklużivi lil liċenzjatarji differenti limitati għal qasam ta’ użu wieħed jew aktar. Tali restrizzjonijiet jillimitaw il-kompetizzjoni intrateknoloġika bejn il-liċenzjatarji bl-istess mod bħal-liċenzjar esklużiv territorjali u jiġu vvalutati bl-istess mod (ara t-Taqsima 4.2.2.1 tal-Linji Gwida).

4.2.5.Restrizzjonijiet fuq l-użu kaptiv

(237)Restrizzjoni fuq l-użu kaptiv hija obbligu fuq il-liċenzjatarju li jillimita l-produzzjoni tiegħu tal-prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata għall-kwantitajiet meħtieġa għall-produzzjoni tal-prodotti tiegħu stess u għall-manutenzjoni u t-tiswija tal-prodotti tiegħu stess. Fi kliem ieħor, din it-tip ta’ restrizzjoni fuq l-użu tobbliga lil-liċenzjatarju juża l-prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata biss bħala input għall-inkorporazzjoni fil-produzzjoni tiegħu stess. Din ma tippermettix lil-liċenzjatarju jbigħ il-prodott li jinkorpora t-teknoloġija liċenzjata għall-inkorporazzjoni fil-prodotti ta’ produtturi oħra.

(238)Ir-restrizzjonijiet fuq l-użu kaptiv huma eżentati bħala kategorija sal-limitu tas-sehem fis-suq ta’ 20 % u 30 %. ’Il fuq minn dawk il-limiti, tali restrizzjonijiet jeħtieġu valutazzjoni individwali. F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li ssir distinzjoni bejn ftehimiet bejn kompetituri u ftehimiet bejn nonkompetituri.

(239)Fi ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija bejn il-kompetituri, rekwiżit li l-liċenzjatarju juża t-teknoloġija liċenzjata biss biex jipproduċi inputs għall-inkorporazzjoni fil-prodotti tiegħu stess jipprevenih milli jforni komponenti lil produtturi ta’ partijiet terzi. Jekk qabel ma jiġi konkluż il-ftehim, il-liċenzjatarju ma kienx fornitur effettiv jew potenzjali tal-komponenti lil produtturi oħrajn, ir-restrizzjoni fuq l-użu kaptiv ma tibdel xejn meta mqabbla mas-sitwazzjoni preċedenti qabel ma ġie konkluż il-ftehim. F’dawk iċ-ċirkostanzi, ir-restrizzjoni tiġi vvalutata bl-istess mod bħal fil-każ ta’ ftehimiet bejn nonkompetituri. Min-naħa l-oħra, jekk il-liċenzjatarju huwa fornitur effettiv jew potenzjali tal-komponenti, huwa meħtieġ li jiġi vvalutat l-impatt tal-ftehim fuq dik l-attività. Jekk il-liċenzjatarju jinvesti fit-tagħmir biex juża t-teknoloġija tal-liċenzjatur, il-liċenzjatarju jieqaf juża t-teknoloġija tiegħu stess fuq bażi awtonoma u b’hekk jieqaf jopera bħala fornitur tal-komponenti, il-ftehim jirrestrinġi l-kompetizzjoni li kienet teżisti qabel il-konklużjoni tal-ftehim. Dan jista’ jirriżulta f’effetti antikompetittivi serji meta l-liċenzjatur ikollu grad sinifikanti ta’ saħħa fis-suq tal-komponenti.

(240)Fil-każ ta’ ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija bejn nonkompetituri, hemm żewġ riskji kompetittivi ewlenin li jirriżultaw mir-restrizzjonijiet fuq l-użu kaptiv: restrizzjoni fuq il-kompetizzjoni intra-teknoloġika fis-suq għall-provvista ta’ inputs; u l-prevenzjoni ta’ arbitraġġ bejn il-liċenzjatarji, li jistgħu jżidu l-kapaċità tal-liċenzjatur li jimponi royalties diskriminatorji fuq il-liċenzjatarji.

(241)Madankollu, ir-restrizzjonijiet fuq l-użu kaptiv jistgħu jippromwovu wkoll liċenzjar prokompetittivi. Jekk il-liċenzjatur huwa fornitur tal-komponenti, ir-restrizzjoni tista’ tkun meħtieġa għad-disseminazzjoni tat-teknoloġija bejn nonkompetituri. Fin-nuqqas tar-restrizzjoni, il-liċenzjatur ma jistax jagħti l-liċenzja jew jista’ jagħmel dan biss b’royalties ogħla, għax inkella joħloq kompetizzjoni diretta miegħu nnifsu fis-suq tal-komponenti. F’każijiet bħal dawn, restrizzjoni fuq l-użu ristrett ma tirrestrinġix il-kompetizzjoni fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat jew tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3). Madankollu, il-liċenzjatarju ma għandux ikun ristrett milli jbigħ il-prodott liċenzjat bħala partijiet ta’ sostituzzjoni għall-prodotti tiegħu stess. Il-liċenzjatarju għandu jkun jista’ jaqdi s-suq ta’ wara l-bejgħ għall-prodotti tiegħu stess, inklużi fornituri ta’ servizzi indipendenti li jagħtu servizz u jsewwu l-prodotti mmanifatturati mil-liċenzjatarju.

(242)Fejn il-liċenzjatur ma jkunx fornitur tal-komponenti fis-suq tal-prodott rilevanti, din ir-raġuni biex jiġu imposti restrizzjonijiet għall-użu intern ma tapplikax. F'dawn il-każi, restrizzjoni fuq l-użu intern fil-prinċipju tista' tippromwovi t-tixrid tat-teknoloġija billi tiżgura li d-detenturi tal-liċenzja ma jbigħux lil produtturi li jikkompetu mal-liċenzjatur fi swieq tal-prodott oħrajn. Madankollu, restrizzjoni imposta fuq il-liċenzjatarju biex dan ma jbigħx lil ċerti gruppi ta' klijenti riżervati għal-liċenzjatur normalment tikkostitwixxi alternattiva inqas restrittiva. Konsegwenza ta' dan, f'każijiet bħal dawn b’mod ġenerali r-restrizzjoni fuq l-użu intern ma tkunx meħtieġa biex tinxtered it-teknoloġija.

4.2.6.Abbinament u ggruppar

(243)Fil-kuntest tal-liċenzjar tat-teknoloġija, il-liċenzja tkun abbinata fejn il-liċenzjatur jilliċenzja teknoloġija waħda (il-prodott prinċipali) biss jekk id-detentur jieħu liċenzja għal teknoloġija oħra jew jekk jixtri prodott partikolari mingħand il-liċenzjatur jew ħaddieħor indikat minnu (il-prodott abbinat). Ir-raggruppament iseħħ meta żewġ teknoloġiji, jew teknoloġija u prodott, jinbiegħu flimkien bħala lott. Madankollu, fiż-żewġ każijiet hija kundizzjoni li l-prodotti u t-teknoloġiji involuti jkunu distinti fis-sens li jkun hemm domanda distinta għal kull wieħed mill-prodotti u għal kull waħda mit-teknoloġiji li jiffurmaw parti mill-bejgħ abbinat jew mir-raggruppament. F’dan li ġej, it-terminu “bejgħ” jirreferi kemm għall-bejgħ kif ukoll għar-raggruppament.

(244)L-Artikolu 3 tar-REKTT, li jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni ta’ kategorija skont il-limiti tas-sehem fis-suq, jiżgura li bejgħ abbinat u raggruppament ma humiex eżentati bħala kategorija ’l fuq mil-limitu tas-sehem fis-suq ta’ 20 % fil-każ ta’ ftehimiet bejn kompetituri u 30 % fil-każ ta’ ftehimiet bejn nonkompetituri. Il-limiti tas-sehem fis-suq japplikaw għal kwalunkwe suq ta’ prodott jew ta’ teknoloġija affettwat mill-ftehim ta’ liċenzji, inkluż is-suq tal-prodott abbinat. Il-bqija ta’ din it-Taqsima tipprovdi gwida għall-valutazzjoni tal-bejgħ f’każijiet individwali ’l fuq mil-limitu tas-sehem mis-suq 108 .

(245)L-effett restrittiv ewlieni tal-bejgħ huwa l-esklużjoni ta’ fornituri tal-prodott marbut li jkunu qed jikkompetu. Il-bejgħ abbinat jista’ jippermetti wkoll lil-liċenzjatur iżomm is-saħħa tas-suq fis-suq għall-prodott li jorbot billi jżid l-ostakli għad-dħul. Pereżempju, jista’ jġiegħel lil parteċipanti ġodda jidħlu f’diversi swieq fl-istess ħin. Barra minn hekk, il-bejgħ abbinat jippermetti lil-liċenzjatur iżid ir-royalties, pereżempju meta l-prodott li jorbot u l-prodott marbut ikunu parzjalment sostitwibbli u ż-żewġ prodotti ma jintużawx fi proporzjonijiet fissi. Il-bejgħ abbinat jipprevjeni lil-liċenzjatarju milli jaqleb għal inputs sostitwibbli b’reazzjoni għal żidiet fir-royalties għall-prodott li jorbot. Dan it-tħassib dwar il-kompetizzjoni huwa indipendenti minn jekk il-partijiet fi ftehim ikunux kompetituri jew le. Biex il-bejgħ abbinat jipproduċi effetti x’aktarx antikompetittivi, il-liċenzjatur irid li jkollu grad sinifikanti ta’ saħħa fis-suq fil-prodott li jorbot sabiex jirrestrinġi l-kompetizzjoni fil-prodott marbut. Fin-nuqqas ta’ tali saħħa fis-suq, il-liċenzjatur x’aktarx li ma jkunx jista’ jisfrutta t-teknoloġija tiegħu biex jeskludi l-fornituri tal-prodott marbut. Barra minn hekk, bħal fil-każ ta’ obbligi ta’ nonkompetizzjoni, il-bejgħ abbinat irid ikopri proporzjon suffiċjenti tas-suq tal-prodott marbut biex iseħħu effetti ta’ esklużjoni (mis-suq) apprezzabbli. F’każijiet meta l-liċenzjatur ikollu saħħa fis-suq għall-prodott marbut, aktar milli fis-suq għall-prodott li jorbot, ir-restrizzjoni ġeneralment tiġi analizzata bħala klawżola ta’ nonkompetizzjoni jew sfurzar kwantitattiv. Dan jirrifletti l-fatt li kwalunkwe tħassib dwar il-kompetizzjoni x’aktarx li joriġina fis-suq tal-prodott marbut, mhux fis-suq tal-prodott li jorbot 109 .

(246)Il-bejgħ abbinat jista’ jwassal ukoll għal titjib fl-effiċjenza. Dan huwa pereżempju l-każ fejn il-prodott marbut huwa neċessarju għal sfruttament teknikament sodisfaċenti tat-teknoloġija liċenzjata jew biex jiġi żgurat li l-produzzjoni taħt il-liċenzja tikkonforma mal-istandards ta’ kwalità rispettati mil-liċenzjatur u minn liċenzjatarji oħra. F’tali każijiet, il-bejgħ abbinat ħafna drabi jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Meta l-liċenzjatarji jużaw it-trademark jew l-isem kummerċjali tal-liċenzjatur, jew meta jkun ovvju b’xi mod ieħor għall-konsumaturi li hemm rabta bejn il-prodott li jinkorpora t-teknoloġija liċenzjata u l-liċenzjatur, il-liċenzjatur għandu interess leġittimu fl-iżgurar li l-kwalità tal-prodotti ma ddgħajjifx il-valur tat-teknoloġija tiegħu jew ir-reputazzjoni kummerċjali tiegħu. Barra minn hekk, meta l-konsumaturi jkunu jafu li l-liċenzjatur u l-liċenzjatarji tiegħu jipproduċu abbażi tal-istess teknoloġija, il-liċenzjatarji x’aktarx ma jiħdux liċenzja sakemm it-teknoloġija ma tkunx sfruttata mill-partijiet kollha b’mod teknikament sodisfaċenti.

4.2.7.Obbligi ta’ nonkompetizzjoni

(247)Obbligi ta’ nonkompetizzjoni fil-kuntest tal-liċenzjar għat-teknoloġija jieħdu l-forma ta’ obbligu fuq il-liċenzjatarju li ma jużax teknoloġiji ta’ partijiet terzi li jikkompetu mat-teknoloġija liċenzjata. Sal-punt li obbligu ta’ nonkompetizzjoni jkopri prodott jew teknoloġija addizzjonali fornuta mil-liċenzjatur, l-obbligu jiġi ttrattat fit-Taqsima 4.2.6 ta’ dawn il-Linji Gwida dwar l-abbinament.

(248)Ir-REKTT jeżenta obbligi ta’ nonkompetizzjoni fi ftehimiet bejn kompetituri u fi ftehimiet bejn nonkompetituri sal-limiti tas-sehem mis-suq ta’ 20 % u 30 % rispettivament. Il-bqija ta’ din it-Taqsima tipprovdi gwida għall-valutazzjoni tal-obbligi ta’ nonkompetizzjoni f’każijiet individwali ’l fuq mil-limitu tas-sehem mis-suq.

(249)Ir-riskju kompetittiv ewlieni ppreżentat minn obbligi ta’ nonkompetizzjoni huwa l-esklużjoni ta’ teknoloġiji ta’ partijiet terzi. L-obbligi ta’ nonkompetizzjoni jistgħu jiffaċilitaw ukoll il-kollużjoni bejn il-liċenzjaturi meta diversi liċenzjaturi jużawhom fi ftehimiet separati (użu kumulattiv) jew fil-każ ta’ liċenzji inkroċjati bejn il-kompetituri meta ż-żewġ partijiet jaqblu li ma jużawx teknoloġiji ta’ partijiet terzi. L-esklużjoni ta’ teknoloġiji kompetituri tnaqqas il-pressjoni kompetittiva fuq ir-royalties mitluba mil-liċenzjatur u tnaqqas il-kompetizzjoni bejn it-teknoloġiji eżistenti billi tillimita l-possibbiltajiet li l-liċenzjatarji jaqilbu għal teknoloġiji kompetituri. Minħabba li fiż-żewġ każijiet, il-problema ewlenija hija l-esklużjoni, l-analiżi ġeneralment tista’ tkun l-istess fil-każ ta’ ftehimiet bejn kompetituri u ftehimiet bejn nonkompetituri.

(250)Esklużjoni tista’ tirriżulta meta proporzjon sostanzjali ta’ liċenzjatarji potenzjali diġà jkunu abbinati ma’ sors wieħed jew, fil-każ ta’ effetti kumulattivi, ma’ aktar sorsi ta’ teknoloġija u huma pprevenuti milli jisfruttaw teknoloġiji kompetituri. L-effetti tal-esklużjoni jistgħu jirriżultaw minn ftehimiet konklużi minn liċenzjatur wieħed bi grad sinifikanti ta’ saħħa tas-suq jew mill-effett kumulattiv ta’ ftehimiet konklużi minn bosta liċenzjaturi, anke meta kull ftehim individwali jew network ta’ ftehimiet ikun kopert mir-REKTT. Madankollu, f’dan l-aħħar każ, effett kumulattiv serju ma huwiex probabbli li jirriżulta sakemm anqas minn 50 % tas-suq ikun marbut. Jekk dak il-limitu jinqabeż, huwa probabbli li sseħħ esklużjoni sinifikanti meta jkun hemm ostakli relattivament għoljin għad-dħul għal liċenzjatarji ġodda. Jekk l-ostakli għad-dħul ikunu baxxi, liċenzjatarji ġodda jkunu jistgħu jidħlu fis-suq u jisfruttaw kummerċjalment teknoloġiji attraenti miżmuma minn partijiet terzi u b’hekk ikunu jirrappreżentaw alternattiva reali għal-liċenzjatarji eżistenti. Sabiex tiġi ddeterminata l-possibbiltà reali tad-dħul u l-espansjoni minn partijiet terzi, huwa meħtieġ ukoll li jitqies sa liema punt id-distributuri huma marbuta mal-liċenzjatarji permezz ta’ obbligi ta’ nonkompetizzjoni. It-teknoloġiji ta’ partijiet terzi għandhom possibbiltà reali ta’ dħul biss jekk ikollhom aċċess għall-assi ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni meħtieġa. Fi kliem ieħor, il-faċilità għad-dħul fis-suq ma tiddependix biss fuq id-disponibbiltà tal-liċenzjatarji, iżda wkoll minn kemm dawn ikollhom aċċess għad-distribuzzjoni. Fil-valutazzjoni tal-effetti tal-esklużjoni fil-livell tad-distribuzzjoni, il-Kummissjoni se tapplika l-qafas analitiku stabbilit fit-Taqsima 8.2.1 tal-Linji Gwida Vertikali 110 .

(251)Meta l-liċenzjatur ikollu saħħa sinifikanti fis-suq, obbligi fuq il-liċenzjatarji biex jiksbu t-teknoloġija biss mingħand il-liċenzjatur jistgħu jwasslu għal effetti ta’ esklużjoni sinifikanti. Aktar kemm il-pożizzjoni fis-suq tal-liċenzjatur tkun b’saħħitha, aktar ikun għoli r-riskju li jiġu esklużi teknoloġiji kompetituri. Biex iseħħu effetti ta’ esklużjoni apprezzabbli, l-obbligi ta’ nonkompetizzjoni mhux bilfors iridu jkopru parti sostanzjali tas-suq. Effetti ta’ esklużjoni apprezzabbli jistgħu jseħħu meta l-obbligi ta’ nonkompetizzjoni jkunu mmirati lejn impriżi li jkunu l-aktar probabbli li jilliċenzjaw teknoloġiji kompetituri. Ir-riskju ta’ esklużjoni huwa partikolarment għoli fejn hemm biss għadd limitat ta’ liċenzjatarji potenzjali.

(252)Obbligi ta’ nonkompetizzjoni jistgħu jipproduċu wkoll effetti prokompetittivi. L-ewwel nett, tali obbligi jistgħu jippromwovu t-tixrid tat-teknoloġija billi jnaqqsu r-riskju ta’ miżapproprjazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-għarfien prattiku liċenzjat. Jekk liċenzjatarju jkun intitolat li jilliċenzja drittijiet ta’ teknoloġiji li jikkompetu mingħand partijiet terzi, hemm ir-riskju li l-kompetenza liċenzjata tintuża fl-isfruttament tat-teknoloġiji li jikkompetu u b'hekk ikunu qegħdin jibbenefikaw il-kompetituri. Meta liċenzjatarju jisfrutta wkoll teknoloġiji li jikkompetu, dan jista’ jagħmel il-monitoraġġ tal-pagamenti tar-royalties aktar diffiċli. Dan jista’ jservi ta’ diżinċentiv għal-liċenzjaturi biex jidħlu fi ftehimiet ta’ liċenzjar.

(253)It-tieni nett, obbligi ta' non-kompetizzjoni, possibbilment flimkien ma' territorju esklużiv, jistgħu jkunu neċessarji sabiex ikun żgurat li l-liċenzjatarju jkollu inċentiv li jinvesti fit-teknoloġija u jisfruttaha b'mod effettiv. Fejn il-ftehim jinqabad mill-Artikolu 101(1) tat-Trattat minħabba effett ta’ esklużjoni sensibbli, biex wieħed jibbenefika mill-Artikolu 101(3) jista’ jkun meħtieġ li tintgħażel alternattiva anqas restrittiva. Alternattivi bħal dawn jistgħu jinkludu l-impożizzjoni ta’ obbligi minimi ta’ produzzjoni jew royalties, li tipikament ikollhom inqas potenzjal li jeskludu teknoloġiji li jikkompetu.

(254)It-tielet, f’każijiet meta l-liċenzjatur jikkommetti ruħu li jagħmel investimenti sinifikanti speċifiċi għall-klijent, pereżempju fit-taħriġ u fl-adattament tat-teknoloġija liċenzjata għall-bżonnijiet tal-liċenzjatarju, jistgħu jkunu meħtieġa obbligi ta’ nonkompetizzjoni, jew obbligi ta’ produzzjoni minima jew royalties minimi biex il-liċenzjatur jagħmel l-investiment u biex jiġu evitati problemi ta’ dewmien. Madankollu, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-liċenzjatur se jkun jista’ jirkupra l-kostijiet ta’ tali investimenti permezz ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa. Dan jimplika li hemm alternattivi anqas restrittivi disponibbli.

4.3.Ftehimiet ta’ riżoluzzjoni

(255)Il-ħruġ ta' liċenzji tad-drittijiet marbutin mat-teknoloġija fi ftehimiet ta' soluzzjoni jista' jservi bħala mezz ta' soluzzjoni għal tilwim jew evitar milli parti waħda teżerċita d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħha sabiex tipprevjeni lill-parti l-oħra milli tisfrutta d-drittijiet marbutin mal-proprjetà intellettwali tagħha stess 111 .

(256)Ftehimiet bonarji fil-kuntest ta’ disputi dwar teknoloġija huma fil-prinċipju mod leġittimu biex jinstab kompromess aċċettabbli għaż-żewġ naħat fil-każ ta’ tilwim ġuridiku f’bona fede. Min-naħa l-oħra, il-kontestazzjonijiet dwar il-validità u l-portata tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huma parti mill-kompetizzjoni normali f’setturi fejn jeżistu drittijiet esklużivi fir-rigward tat-teknoloġija 112 . Saħansitra, huwa fl-interess ġenerali tal-pubbliku li jitneħħew drittijiet invalidi ta’ proprjetà intellettwali bħala ostaklu mhux mistħoqq għall-innovazzjoni u l-attività ekonomika 113 .

(257)Soġġett għal valutazzjoni tal-kontenut speċifiku u l-kuntest ekonomiku tiegħu, il-liċenzjar, inkluż il-liċenzji inkroċjati, fil-kuntest ta’ ftehimiet ta’ riżoluzzjoni jista’ jitqies bħala leġittimu minn perspettiva tal-liġi tal-kompetizzjoni meta, fin-nuqqas tal-liċenzja, il-liċenzjatarju jkun eskluż mis-suq.  114  

(258)Madankollu, ftehimiet bonarji jistgħu wkoll jirrestrinġu l-kompetizzjoni fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, skont it-termini tagħhom u t-termini ta’ ftehimiet oħra bejn il-partijiet, kif ukoll il-kuntest legali u ekonomiku tagħhom 115 . F’dawk il-każijiet, huwa partikolarment neċessarju li jiġi vvalutat jekk il-partijiet humiex kompetituri effettivi jew potenzjali.

Restrizzjoni bi ħlas fi ftehimiet ta’ riżoluzzjoni

(259)Ftehimiet bonarji tat-tip “restrizzjonijiet bi ħlas” jew “ħlas għad-dewmien” ta’ spiss ma jinvolvux id-drittijiet tat-trasferiment tat-teknoloġija, iżda huma bbażati fuq trasferiment ta' valur minn parti waħda b'limitazzjoni fuq id-dħul u/jew l-espansjoni fis-suq tal-parti l-oħra fis-suq u jistgħu jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) 116 .

(260)Pereżempju, ftehimiet ta’ riżoluzzjoni tat-tip “ħlas għar-restrizzjoni” jew “ħlas għall-ittardjar” bejn kompetituri effettivi jew potenzjali jitqiesu bħala restrizzjoni skont l-oġġett meta jkun evidenti mill-eżaminazzjoni tal-ftehim li t-trasferimenti tal-valur involuti ma għandhom l-ebda spjegazzjoni għajr li jaqdu l-interessi kummerċjali kemm tad-detentur ta’ teknoloġija kif ukoll tal-partijiet l-oħrajn involuti biex ma jinvolvux ruħhom f’kompetizzjoni fuq il-merti 117 . Dan japplika, pereżempju, meta parti waħda tagħmel trasferimenti tal-valur lil parti waħda jew aktar li jirriżultaw fi qligħ nett għal dawk il-partijiet li jkun sinifikanti biżżejjed biex jiġu skoraġġuti milli jidħlu jew milli jespandu fis-suq b’mod indipendenti 118 .

Liċenzji inkroċjati fi ftehimiet ta’ riżoluzzjoni

(261)Ftehimiet ta’ riżoluzzjoni li permezz tagħhom il-partijiet sempliċement jagħtu liċenzji inkroċjati lil xulxin u jimponu restrizzjonijiet fuq l-użu tat-teknoloġiji tagħhom, inklużi restrizzjonijiet dwar il-liċenzjar lil partijiet terzi, jistgħu jaqgħu taħt l-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Il-ftehim x’aktarx ma joħloqx tħassib dwar il-kompetizzjoni jekk il-partijiet ma jkunux kompetituri effettivi jew potenzjali u l-liċenzji inkroċjati jkunu limitati għal dak li huwa meħtieġ biex tiġi solvuta pożizzjoni ġenwina ta’ mblukkar bidirezzjonali. Jekk minflok il-partijiet ikunu kompetituri u l-partijiet jaqsmu s-swieq jew jiffissaw royalties kurrenti reċiproċi li jkollhom impatt sinifikanti fuq il-prezzijiet tas-suq, il-ftehim x’aktarx jaqa’ fl-ambitu tal-Artikolu 101(1).

(262)Meta skont il-ftehim ta’ riżoluzzjoni l-partijiet ikunu intitolati jużaw it-teknoloġija ta’ xulxin u l-ftehim jestendi għal żviluppi fil-futur, huwa meħtieġ li jiġi vvalutat l-impatt tal-ftehim fuq l-inċentiv tal-partijiet sabiex jinnovaw. F’każijiet meta l-partijiet ikollhom grad sinifikanti ta’ saħħa fis-suq, il-ftehim x’aktarx jaqa’ taħt l-Artikolu 101(1) tat-Trattat fejn il-ftehim jipprevjeni lill-partijiet milli jieħdu vantaġġ kompetittiv fuq xulxin. Ftehimiet li jeliminaw jew li jnaqqsu sostanzjalment il-possibbiltajiet ta’ parti waħda li tieħu vantaġġ kompetittiv fuq l-oħra jnaqqsu l-inċentiv għall-innovazzjoni u b’hekk jaffettwaw b’mod negattiv parametru essenzjali tal-kompetizzjoni. Tali ftehimiet huma improbabbli li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3). Huwa partikolarment improbabbli li r-restrizzjoni tista’ titqies indispensabbli fl-ambitu tat-tielet kundizzjoni tal-Artikolu 101(3). Il-kisba tal-għan tal-ftehim, jiġifieri li jiġi żgurat li l-partijiet ikunu jistgħu jkomplu jisfruttaw it-teknoloġija tagħhom stess mingħajr ma jiġu mblukkati mill-parti l-oħra, ma tirrikjedix li l-partijiet jaqblu li jikkondividu l-innovazzjonijiet futuri. Madankollu, huwa improbabbli li l-partijiet jiġu pprevenuti milli jiksbu vantaġġ kompetittiv fuq xulxin meta l-iskop tal-liċenzja huwa li tippermetti lill-partijiet jiżviluppaw it-teknoloġiji rispettivi tagħhom u meta l-liċenzja ma twassalhomx biex jużaw l-istess soluzzjonijiet teknoloġiċi. Tali ftehimiet sempliċiment joħolqu l-libertà tad-disinn billi jipprevenu pretensjonijiet futuri ta’ ksur mill-parti l-oħra.

Klawżoli ta’ nonkontestazzjoni fi ftehimiet ta’ riżoluzzjoni

(263)Fil-kuntest ta’ ftehim ta’ riżoluzzjoni, il-klawżoli ta’ nonkontestazzjoni ġeneralment jaqgħu barra l-Artikolu 101(1) tat-Trattat.

(264)Madankollu, klawżoli ta’ nonkontestazzjoni fi ftehimiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu, taħt ċirkostanzi speċifiċi, ikunu anti-kompetittivi u jistgħu jaqgħu taħt l-Artikolu 101(1) tat-Trattat 119 . Pereżempju, tista’ tintuża klawżola ta’ nonkontestazzjoni biex jiġi eliminat kompetitur li, fin-nuqqas tal-klawżola, x’aktarx kien joħloq theddida kompetittiva 120 . Pereżempju, klawżola ta’ nonkontestazzjoni tista’ tikser l-Artikolu 101(1) meta dritt tal-proprjetà intellettwali jkun ingħata wara l-għoti ta’ informazzjoni żbaljata jew qarrieqa 121 . L-iskrutinju ta’ tali klawżoli jista’ jkun meħtieġ ukoll jekk id-drittijiet tat-teknoloġija jkunu input meħtieġ għall-produzzjoni tal-liċenzjatarju (ara wkoll il-paragrafu (160) ta’ dawn il-Linji Gwida).

4.4.Pools tat-teknoloġija

(265)Pools tat-teknoloġija huma definiti bħala ftehimiet li permezz tagħhom żewġ partijiet jew aktar jgħaqdu flimkien pakkett ta’ teknoloġija li huwa liċenzjat mhux biss għall-kontributuri fil-pool iżda wkoll għal partijiet terzi. F’termini tal-istruttura tagħhom, il-pools tat-teknoloġija jistgħu jieħdu l-forma ta’ ftehimiet sempliċi bejn numru limitat ta’ partijiet jew ftehimiet aktar kumplessi li fihom l-organizzazzjoni tal-ħruġ tal-liċenzi tat-teknoloġiji miġbura tiġi fdata lil entità separata. Fiż-żewġ każijiet, il-pool jista’ jippermetti lil-liċenzjatarji jaċċessaw it-teknoloġija koperta mill-pool abbażi ta’ liċenzja waħda.

(266)Ma hemm l-ebda rabta inerenti bejn il-pools tat-teknoloġija u l-istandards, iżda l-pools ħafna drabi jappoġġaw, kompletament jew parzjalment, standard ta’ industrija de facto jew de jure 122 . Pools tat-teknoloġija differenti jistgħu jkunu kompatibbli ma' standards li jikkompetu 123 . Il-pools tat-teknoloġija jistgħu jipproduċu effetti prokompetittivi, b’mod partikolari billi jnaqqsu l-kostijiet tat-tranżazzjonijiet u billi jistabbilixxu limitu fuq ir-royalties kumulattivi biex jipprevjenu l-marġinalizzazzjoni doppja. Dawn jippermettu l-ħruġ uniku ta’ liċenzji tat-teknoloġiji koperti mill-pool. Dan huwa partikolarment siewi f’setturi fejn id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huma prevalenti u l-liċenzji jeħtieġ li jinkisbu minn numru sinifikanti ta’ liċenzjaturi sabiex ikunu jistgħu joperaw fis-suq. F’każijiet meta l-liċenzjatarji jirċievu servizzi kontinwi rigward l-applikazzjoni tat-teknoloġija liċenzjata, il-liċenzjar konġunt u l-provvista ta’ servizzi permezz tal-pool jistgħu jwasslu għal aktar tnaqqis fil-kostijiet. Pools ta’ privattivi jistgħu wkoll ikollhom rwol ta’ benefiċċju fl-implimentazzjoni ta’ standards prokompetittivi.

(267)Il-pools tat-teknoloġija jistgħu wkoll ikunu restrittivi għall-kompetizzjoni. Il-ħolqien ta’ pool tat-teknoloġija neċessarjament jimplika bejgħ konġunt tat-teknoloġiji miġbura, li fil-każ ta’ pools komposti biss jew predominantement minn teknoloġiji sostituti jammonta għal kartell ta’ ffissar tal-prezzijiet. Il-pools ta’ teknoloġija jistgħu wkoll jeskludu teknoloġiji alternattivi, pereżempju meta l-pool ikun jappoġġa standard tal-industrija jew jistabbilixxi standard tal-industrija de facto. L-eżistenza tal-istandard, flimkien mal-pool tista’ tagħmilha aktar diffiċli biex teknoloġiji ġodda jidħlu fis-suq jew jeskludu teknoloġiji kompetituri li jkunu diġà fis-suq.

(268)Ftehimiet li jistabbilixxu pools ta’ teknoloġija u li jistabbilixxu t-termini u l-kundizzjonijiet għall-operat tagħhom ma humiex koperti mir-REKTT, irrispettivament min-numru ta’ partijiet involuti. Dan minħabba li l-ftehim biex jiġi stabbilit il-pool ma jippermettix lil liċenzjatarju partikolari jipproduċi prodotti tal-kuntratt (ara t-Taqsima 3.2.4 ta’ dawn il-Linji Gwida). Tali ftehimiet għandhom jiġu vvalutati biss skont dawn il-Linji Gwida.

(269)Il-pools ta’ teknoloġija jwasslu għal għadd ta’ kwistjonijiet li ma jirriżultawx fil-kuntest ta’ tipi oħra ta’ liċenzjar għat-teknoloġija, b’mod partikolari fir-rigward tal-għażla tat-teknoloġiji inklużi u l-operat tal-pool. Il-ħruġ ta liċenzji mill-pool ġeneralment jikkostitwixxi ftehim bejn diversi partijiet, peress li l-kontributuri għall-pool normalment jiddeterminaw it-termini tal-liċenzja. Għal din ir-raġuni, il-liċenzjar minn pool lanqas ma huwa kopert mir-REKTT. Dan jiġi indirizzat separatament fil-paragrafu (285) u fit-Taqsima 4.4.2 ta’ dawn il-Linji Gwida. 

4.4.1.Il-valutazzjoni tal-ħolqien u l-operat ta’ pools ta’ teknoloġija 

(270)Il-mod kif pool tat-teknoloġija jinħoloq, jiġi organizzat u operat jista' jnaqqas ir-riskju li jkollu l-għan jew l-effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni u jgħin sabiex jiżgura li l-arranġament huwa pro-kompetittiv. Fil-valutazzjoni tar-riskji u l-effiċjenzi possibbli għall-kompetizzjoni, il-Kummissjoni se tikkunsidra, fost ħwejjeġ oħra, it-trasparenza tal-proċess tal-ħolqien tal-pool; l-għażla u n-natura tat-teknoloġiji miġbura, inkluż sa fejn esperti indipendenti huma involuti fil-ħolqien u l-operat tal-pool u jekk ġewx stabbiliti salvagwardji kontra skambju ta’ informazzjoni sensittiva u mekkaniżmi indipendenti għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim. 

Il-parteċipazzjoni miftuħa

(271)Meta l-parteċipazzjoni fil-ħolqien tal-pool u ta’ kwalunkwe standard de facto jew de jure appoġġat mill-pool tkun miftuħa għall-partijiet interessati kollha, huwa aktar probabbli li t-teknoloġiji inklużi fil-pool jintgħażlu abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet tal-prezz u tal-kwalità milli meta l-pool jiġi stabbilit minn grupp limitat ta’ sidien tat-teknoloġija.

Għażla u natura tat-teknoloġiji miġbura

(272)Ir-riskji kompetittivi u l-potenzjal għat-titjib tal-effiċjenza tal-pools tat-teknoloġija jiddependu fil-biċċa l-kbira fuq ir-relazzjoni bejn it-teknoloġiji miġbura u t-teknoloġiji barra mill-pool. Iridu jsiru żewġ distinzjonijiet bażiċi bejn: (a) komplementi u sostituti teknoloġiċi, u (b) teknoloġiji essenzjali u mhux essenzjali.

(273)Żewġ teknoloġiji jitqiesu komplimentari għall-kuntrarju ta’ sostituti meta t-tnejn ikunu meħtieġa biex jiġi mmanifatturat prodott jew biex jitwettaq proċess li miegħu jkunu relatati t-teknoloġiji. Min-naħa l-oħra, żewġ teknoloġiji jitqiesu sostituti meta kwalunkwe teknoloġija tippermetti lid-detentur jimmanifattura l-prodott jew iwettaq il-proċess li miegħu jkunu relatati t-teknoloġiji.

(274)Teknoloġija tista’ tkun essenzjali f’żewġ sitwazzjonijiet:

a)meta t-teknoloġija tkun essenzjali biex jiġi mmanifatturat prodott partikolari jew biex jitwettaq proċess partikolari li miegħu jkunu relatati t-teknoloġiji miġbura;

b)meta t-teknoloġija tkun essenzjali biex jiġi mmanifatturat tali prodott jew biex jitwettaq tali proċess f’konformità ma’ standard li jinkorpora t-teknoloġiji miġbura.

(275)Fl-ewwel każ, teknoloġija hija essenzjali (għall-kuntrarju ta’ mhux essenzjali) jekk ma jkun hemm ebda sostitut vijabbli (kemm minn perspettiva kummerċjali kif ukoll minn perspettiva teknika) għal dik it-teknoloġija ġewwa jew barra l-pool, u t-teknoloġija tkun tikkostitwixxi parti neċessarja mill-pakkett ta’ teknoloġiji meħtieġa għall-produzzjoni tal-prodott(i) jew it-twettiq tal-proċess(i) li miegħu jkun marbut il-grupp. Fit-tieni każ, teknoloġija tkun essenzjali jekk tikkostitwixxi parti meħtieġa (ma jkun hemm l-ebda sostitut vijabbli) tat-teknoloġiji miġbura meħtieġa għall-konformità mal-istandard appoġġat mill-pool (teknoloġiji standard essenzjali). It-teknoloġiji li huma essenzjali huma, skont id-definizzjoni, komplementari wkoll, peress li kull teknoloġija hija meħtieġa biex tagħmel użu mill-pakkett sħiħ ta’ teknoloġiji koperti mill-pool. Il-fatt li detentur ta’ teknoloġija jiddikjara li teknoloġija hija essenzjali ma jistabbilix fih innifsu li tali teknoloġija hija essenzjali fl-ambitu tal-kriterji stabbiliti f’dan il-paragrafu.

(276)Meta t-teknoloġiji f’pool ikunu sostituti, ir-royalties x’aktarx ikunu ogħla milli kieku jkunu mod ieħor, minħabba li l-liċenzjatarji ma jibbenefikawx mir-rivalità bejn it-teknoloġiji inkwistjoni. Meta t-teknoloġiji f’pool ikunu komplementari, il-pool tat-teknoloġija jnaqqas il-kostijiet tat-tranżazzjonijiet u dan jista’ jwassal għal royalties ġenerali aktar baxxi. Dan minħabba li l-partijiet huma f’pożizzjoni li jistabbilixxu royalty komuni għall-pakkett, aktar milli kull liċenzjatur jistabbilixxi royalties separati għat-teknoloġija tagħhom stess, mingħajr ma jitqies li ż-żieda tar-royalties għal teknoloġija waħda normalment tnaqqas id-domanda għal teknoloġiji komplementari. Jekk ir-royalties għal teknoloġiji komplementari jiġu stabbiliti individwalment, it-total ta’ dawk ir-royalties ħafna drabi jista’ jaqbeż dak li jkun stabbilit kollettivament minn pool għall-pakkett tal-istess teknoloġiji komplementari. Il-valutazzjoni tal-irwol ta’ sostituti barra mill-pool hija stabbilita fil-paragrafu (286) .

(277)Id-distinzjoni bejn teknoloġiji komplimentari u sostitwibbli ma hijiex ċara fil-każijiet kollha, peress li t-teknoloġiji jistgħu jkunu sostituti parzjalment u komplementari parzjalment. Meta, minħabba l-effiċjenzi li jirriżultaw mill-integrazzjoni ta’ żewġ teknoloġiji, il-liċenzjatarji x’aktarx li jitolbu ż-żewġ teknoloġiji, it-teknoloġiji jiġu ttrattati bħala komplementari, anke jekk ikunu parzjalment sostitwibbli. F’tali każijiet, huwa probabbli li, fin-nuqqas tal-pool, il-liċenzjatarji kienu jkunu jridu jilliċenzjaw iż-żewġ teknoloġiji minħabba l-benefiċċju ekonomiku addizzjonali tal-użu taż-żewġ teknoloġiji għall-kuntrarju tal-użu ta’ waħda minnhom biss.

(278)Fin-nuqqas ta’ tali evidenza bbażata fuq id-domanda, ċerti karatteristiċi tal-pool jistgħu jindikaw li t-teknoloġiji miġbura huma komplementari, bħal:

(a)il-partijiet li jikkontribwixxu t-teknoloġija għall-pool jibqgħu liberi li jilliċenzjaw id-drittijiet tat-teknoloġija tagħhom individwalment;

(b)il-pool joffri kemm il-pakkett kollu kif ukoll l-għażla li jiġu liċenzjati d-drittijiet tat-teknoloġija ta’ kull parti separatament ukoll;

(c)ir-royalties aggregati għal liċenzji separati għat-teknoloġiji kollha miġbura ma jaqbżux ir-royalties imposti mill-pool għall-pakkett kollu tad-drittijiet tat-teknoloġija.

(279)L-inklużjoni ta’ teknoloġiji sostituti fil-pool ġeneralment jirrestrinġi l-kompetizzjoni inter-teknoloġija peress li dan jista’ jammonta għal raggruppament kollettiv u jwassal għal iffissar tal-prezzijiet bejn il-kompetituri. Bħala regola ġenerali, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-inklużjoni ta’ teknoloġiji sostituti sinifikanti fil-pool tirrestrinġi l-kompetizzjoni fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Il-Kummissjoni tqis ukoll li huwa improbabbli li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) jiġu ssodisfati f’tali każ. Minħabba li t-teknoloġiji inkwistjoni huma alternattivi, ma jkun hemm l-ebda ffrankar fil-kostijiet tat-tranżazzjonijiet mill-fatt li jiġu inklużi ż-żewġ teknoloġiji fil-pool. Fin-nuqqas tal-pool, il-liċenzjatarji ma kinux jippreżentaw domanda għaż-żewġ teknoloġiji. Biex jittaffa t-tħassib dwar il-kompetizzjoni, ma huwiex biżżejjed li l-partijiet jibqgħu liberi li jilliċenzjaw indipendentement. Dan minħabba li l-partijiet aktarx li jkollhom ftit inċentiv biex jilliċenzjaw indipendentement sabiex ma jdgħajfux l-attività ta’ liċenzjar tal-pool, u dan jippermettilhom jeżerċitaw is-saħħa fis-suq b’mod konġunt.

L-għażla u l-funzjoni ta’ esperti indipendenti

(280)Fattur rilevanti ieħor fil-valutazzjoni tar-riskji kompetittivi u tal-effiċjenzi ta’ pools tat-teknoloġija huwa sa fejn l-esperti indipendenti jkunu involuti fil-ħolqien u fl-operat tal-pool. Pereżempju, il-valutazzjoni ta’ jekk teknoloġija hijiex essenzjali jew le għal standard appoġġat minn pool, ħafna drabi hija kwistjoni kumplessa li tirrikjedi għarfien espert speċjali. L-involviment ta’ esperti indipendenti f’tali valutazzjoni jista’ jgħin biex jiġi żgurat li jiġu inklużi biss teknoloġiji essenzjali fil-pool. Meta l-għażla tat-teknoloġiji li għandhom jiġu inklużi fil-pool titwettaq minn espert indipendenti, dan jista’ jgħin ukoll biex jiġi żgurat li l-kompetizzjoni bejn is-soluzzjonijiet teknoloġiċi disponibbli ma tiġix distorta.

(281)Il-Kummissjoni se tqis kif jintgħażlu l-esperti u l-funzjonijiet li għandhom iwettqu. L-esperti għandhom ikunu indipendenti mill-impriżi li ffurmaw il-pool. Jekk l-esperti jkunu konnessi mal-liċenzjaturi jew mal-amministraturi tal-pool, jew jiddependu fuq il-liċenzjaturi jew fuq l-amministraturi tal-pool bi kwalunkwe mod ieħor, l-involviment tal-espert jingħata inqas piż. L-esperti jrid ikollhom ukoll l-għarfien espert tekniku neċessarju biex iwettqu d-diversi funzjonijiet li ġew fdati lilhom. Il-funzjonijiet ta’ esperti indipendenti jistgħu jinkludu, b’mod partikolari, il-verifika ta’ jekk id-drittijiet tat-teknoloġija proposti għall-inklużjoni fil-grupp humiex validi u essenzjali jew le. Drittijiet tal-poprjetà intellettwali invalidi jrażżnu l-innovazzjoni, aktar milli jippromwovuha.

(282)Fl-aħħar nett, kwalunkwe mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim previst fl-istrumenti li jistabbilixxu l-pool huma rilevanti u għandhom jitqiesu. Aktar kemm is-soluzzjoni tat-tilwim tiġi fdata lil korpi jew persuni li huma indipendenti mill-pool u mill-membri tiegħu, aktar huwa probabbli li s-soluzzjoni tat-tilwim topera b’mod newtrali.

Salvagwardji kontra l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva

(283)Huwa rilevanti wkoll li jitqiesu l-ftehimiet li jirregolaw l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva bejn il-partijiet 124 . Il-Kummissjoni se tqis liema salvagwardji ġew stabbiliti biex tiżgura li ma tiġix skambjata informazzjoni kummerċjalment sensittiva. F’dan ir-rigward, espert indipendenti, korp tal-liċenzjar jew amministratur ta’ pool jista’ jkollu rwol importanti billi jiżgura li d-data dwar il-produzzjoni u l-bejgħ, li tista’ tkun meħtieġa għall-finijiet tal-kalkolu u l-verifika tar-royalties, ma tiġix żvelata lill-membri tal-pool li jikkompetu fis-swieq affettwati.

(284)Għandhom jiġu stabbiliti wkoll salvagwardji biex jiġi żgurat li informazzjoni kummerċjalment sensittiva ma tiġix skambjata bejn gruppi kompetituri, b’mod partikolari meta d-detenturi ta’ teknoloġija jipparteċipaw fil-(ħolqien ta’) pools kompetituri.

Sfera ta’ sikurezza

(285)Il-ħolqien u l-operat tal-pool, inkluż il-liċenzjar, ġeneralment jaqgħu barra l-Artikolu 101(1) tat-Trattat, irrispettivament mill-pożizzjoni fis-suq tal-partijiet, jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)il-parteċipazzjoni fil-proċess tal-ħolqien tal-pool tkun miftuħa għall-proprjetarji tad-drittijiet tat-teknoloġija interessati kollha;

(b)id-drittijiet tat-teknoloġija inklużi fil-pool jiġu ddivulgati b’mod effettiv lil liċenzjatarji potenzjali u eżistenti;

(c)jiġu adottati biżżejjed salvagwardji biex jiġi żgurat li teknoloġiji essenzjali biss (li għalhekk neċessarjament huma kumplimentari wkoll) jinġabru flimkien, u l-metodoloġija użata biex tiġi vverifikata l-essenzjalità u biex ir-riżultati tal-valutazzjonijiet tal-essenzjalità jiġu ddivulgati b’mod effettiv lil-liċenzjatarji potenzjali;

(d)jiġu adottati biżżejjed salvagwardji biex jiġi żgurat li l-iskambji ta’ informazzjoni sensittiva (bħall-ipprezzar u d-data tal-ouput) jkunu ristretti għal dak li hu neċessarju għall-ħolqien u għall-operat tal-pool;

(e)it-teknoloġiji miġbura huma liċenzjati fil-pool fuq bażi mhux esklużiva;

(f)it-teknoloġiji miġbura huma liċenzjati mill-pool lil-liċenzjatarji potenzjali kollha fuq termini ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji (FRAND, fair, reasonable and non-discriminatory) 125 , inklużi dispożizzjonijiet li jiżguraw li l-liċenzjatarji ma jiġux iċċarġjati aktar minn darba għall-istess drittijiet tat-teknoloġija;

(g)il-partijiet li jkunu qed jikkontribwixxu t-teknoloġija fil-pool u l-liċenzjatarji jkunu liberi li jikkontestaw il-validità u l-essenżjalità tat-teknoloġiji miġbura;

(h)il-partijiet li jkunu qed jikkontribwixxu t-teknoloġija fil-pool u l-liċenzjatarji jibqgħu liberi li jiżviluppaw prodotti u teknoloġija kompetituri.

Lil hinn mill-isfera ta’ sikurezza

(286)Metafil-pool ikunu inklużi teknoloġiji kumplimentari sinifikanti iżda mhux essenzjali, hemm riskju ta’ esklużjoni ta’ teknoloġiji ta’ partijiet terzi. Ladarba teknoloġija tkun inkluża fil-pool u liċenzjata bħala parti mill-pakkett, il-liċenzjatarji x’aktarx li jkollhom ftit inċentiv li jilliċenzjaw teknoloġija kompetitriċi, meta r-royalty imħallsa għall-pakkett tkun diġà tkopri teknoloġija sostituta. Barra minn hekk, l-inklużjoni ta’ teknoloġiji li ma humiex neċessarji għall-finijiet tal-produzzjoni tal-prodott(i) jew tat-twettiq tal-proċess(i) li magħhom tirrelata l-pool tat-teknoloġija jew biex ikun hemm konformità mal-istandard li jinkludi t-teknoloġija miġbura ġġiegħel ukoll lil-liċenzjatarji jħallsu għal teknoloġija li jistgħu ma jkollhomx bżonnha. Għalhekk, l-inklużjoni ta’ tali teknoloġija kumplimentari tammonta għal ragruppament kollettiv. Meta pool jinkludi teknoloġiji mhux essenzjali, il-ftehim x’aktarx jaqa’ taħt l-Artikolu 101(1) tat-Trattat li fih il-pool għandu pożizzjoni sinifikanti fi kwalunkwe suq rilevanti.

(287)Minħabba li teknoloġiji sostituti u kumplimentari jistgħu jiġu żviluppati wara l-ħolqien tal-pool, il-ħtieġa li tiġi vvalutata l-essenzjalità ma tispiċċax mal-ħolqien tal-pool. Teknoloġija inkluża f’pool tista’ ssir mhux essenzjali maż-żmien, minħabba żviluppi teknoloġiċi, bħall-evoluzzjoni tal-istandard innifsu, jew bidliet fl-implimentazzjoni prattika tiegħu. Pereżempju, privattiva vvalutata bħala essenzjali għal verżjoni preċedenti ta’ standard tista’ ma tibqax tikkwalifika bħala tali jekk il-bidliet sussegwenti jnaqqsu r-rilevanza tagħha jew jagħmlu l-użu tagħha mhux obbligatorju. Meta l-pool isir jaf li tali teknoloġija alternattiva hija disponibbli u mitluba mil-liċenzjatarji, it-tħassib dwar l-esklużjoni jista’ jiġi evitat billi lil-liċenzjatarji ġodda u eżistenti tiġi offruta liċenzja mingħajr it-teknoloġija li ma għadhiex essenzjali b’rata ta’ royalty imnaqqsa b’mod korrispondenti. Madankollu, jista’ jkun hemm modi oħra biex jiġi żgurat li t-teknoloġiji ta’ partijiet terzi ma jiġux esklużi.

(288)Fil-valutazzjoni ta’ pools tat-teknoloġija li jinkludu teknoloġiji mhux essenzjali iżda komplementari, għandhom jiġu kkunsidrati tal-anqas il-fatturi li ġejjin:

(a)jekk hemmx raġunijiet prokompetittivi biex it-teknoloġiji mhux essenzjali jkunu inklużi fil-pool;

(b)jekk il-liċenzjaturi fil-pool jibqgħux liberi li jilliċenzjaw it-teknoloġiji rispettivi tagħhom b’mod indipendenti: meta l-pool jkun kompost minn numru limitat ta’ teknoloġiji u jkun hemm teknoloġiji sostituti barra mill-pool, jista’ jkun li l-liċenzjatarji jiġbru flimkien il-pakkett ta’ teknoloġija tagħhom stess kompost parzjalment minn teknoloġija li tifforma parti mill-pool u parzjalment minn teknoloġija li hija proprjetà ta’ partijiet terzi;

(c)jekk, f’każijiet li fihom it-teknoloġiji miġbura jkollhom applikazzjonijiet differenti li wħud minnhom ma jirrikjedux l-użu tat-teknoloġiji kollha miġbura, il-pool joffri t-teknoloġiji bħala pakkett wieħed biss jew jekk joffrix pakketti separati għal applikazzjonijiet distinti, b’kull wieħed li jinvolvi biss dawk it-teknoloġiji relevanti għall-applikazzjoni inkwistjoni. F’dan l-aħħar każ, teknoloġiji li ma humiex essenzjali għal prodott jew proċess partikolari ma jiġux abbinati ma’ teknoloġiji essenzjali;

(d)jekk it-teknoloġiji miġbura humiex disponibbli biss bħala pakkett uniku jew jekk il-liċenzjatarji għandhomx il-possibbiltà li jiksbu liċenzja għal parti biss mill-pakkett, bi tnaqqis korrispondenti fir-royalties. Il-possibbiltà li tinkiseb liċenzja għal parti biss mill-pakkett tista’ tnaqqas ir-riskju li jiġu esklużi teknoloġiji ta’ partijiet terzi barra mill-pool, b’mod partikolari meta l-liċenzjatarju jikseb tnaqqis korrispondenti fir-royalties. Dan jirrikjedi li sehem mir-royalty ġenerali jkun ġie assenjat lil kull teknoloġija fil-pool. Meta l-ftehimiet għall-ħruġ ta’ liċenzji konklużi bejn il-pool u l-liċenzjatarji individwali jkunu għal żmien relattivament twil u t-teknoloġija miġbura tappoġġa standard industrijali de facto, irid jitqies ukoll il-fatt li l-pool jista’ jeskludi l-aċċess għas-suq ta’ teknoloġiji sostituti. Fil-valutazzjoni tar-riskju ta’ esklużjoni f’tali każijiet, huwa rilevanti li jitqies jekk il-liċenzjatarji jistgħux itemmu parti mil-liċenzja b’avviż raġonevoli, u jiksbu tnaqqis korrispondenti fir-royalties.

(289)Il-pools tat-teknoloġija li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat jistgħu jwasslu għal effiċjenzi prokompetittivi (ara l-paragrafu (266) ta’ dawn il-Linji Gwida) li jridu jiġu vvalutati skont l-Artikolu 101(3) u bbilanċjati kontra l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni. Pereżempju, meta pool tat-teknoloġija jinkludi teknoloġiji mhux essenzjali iżda jissodisfa l-kundizzjonijiet l-oħrajn kollha tal-isfera ta’ sikurezza stabbiliti fil-paragrafu (285) , u jkun hemm raġunijiet prokompetittivi biex jiġu inklużi privattivi mhux essenzjali fil-pool (ara l-paragrafu (288) ta’ dawn il-Linji Gwida) u l-liċenzjatarji jkollhom il-possibbiltà li jiksbu liċenzja għal parti biss mill-pakkett bi tnaqqis korrispondenti tar-royalties (ara l-paragrafu (288) ta’ dawn il-Linji Gwida), il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) x’aktarx li jiġu ssodisfati.

4.4.2.Il-valutazzjoni ta’ restrizzjonijiet individwali fi ftehimiet bejn il-pool u l-liċenzjatarji tiegħu

(290)Meta l-ftehim sabiex jitwaqqaf pool tat-teknoloġija ma jiksirx l-Artikolu 101 tat-Trattat, il-pass li jmiss ikun li jiġi vvalutat l-impatt kompetittiv tal-ftehimiet ta’ liċenzjar miftehmin mill-pool mal-liċenzjatarji tiegħu. Il-kundizzjonijiet li taħthom jingħataw dawk il-liċenzji jistgħu jkunu koperti mill-Artikolu 101(1). L-għan ta’ din it-Taqsima huwa li jiġi indirizzat ċertu għadd ta’ restrizzjonijiet li jinstabu normalment fi ftehimiet għal-liċenzjar minn pools ta’ teknoloġija u li jeħtieġ li jiġu vvalutati fil-kuntest ġenerali tal-pool. Ir-REKTT ma japplikax għall-ftehimiet għall-ħruġ ta’ liċenzji konklużi bejn il-pool u l-liċenzjatarji terzi (ara l-paragrafu ( (269) ) ta’ dawn il-Linji Gwida). Għalhekk, din it-Taqsima tittratta l-valutazzjoni individwali ta’ kwistjonijiet ta’ liċenzjar li huma partikolari għal-liċenzjar fil-kuntest tal-pools tat-teknoloġija.

(291)Meta tkun qed tagħmel il-valutazzjoni tagħha ta’ ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija bejn il-pool u l-liċenzjatarji tagħha, il-Kummissjoni se tkun iggwidata mill-prinċipji ewlenin li ġejjin:

(a)aktar kemm il-pożizzjoni fis-suq tal-pool tkun b’saħħitha, aktar ikun hemm ir-riskju ta’ effetti antikompetittivi;

(b)aktar kemm il-pożizzjoni fis-suq tal-pool tkun b’saħħitha, aktar ikun probabbli li l-qbil li ma tingħatax liċenzja lil-liċenzjatarji potenzjali kollha jew li jingħataw liċenzji b’termini diskriminatorji se jikser l-Artikolu 101 tat-Trattat;

(c)il-pools ma għandhomx jeskludu bla bżonn teknoloġiji ta’ partijiet terzi jew jillimitaw il-ħolqien ta’ pools alternattivi;

(d)il-ftehimiet ma għandhom jinkludu l-ebda waħda mir-restrizzjonijiet fundamentali elenkati fl-Artikolu 4 tar-REKTT (ara t-Taqsima 3.4 ta’ dawn il-Linji Gwida).

(292)L-impriżi li jistabbilixxu pool ta’ teknoloġija li tkun kompatibbli mal-Artikolu 101 tat-Trattat, normalment huma liberi li jinnegozjaw u jistabbilixxu royalties għall-pakkett ta’ teknoloġija, (soġġett għal kwalunkwe impenn eżistenti għal-liċenzja b’termini FRAND), u s-sehem ta’ kull teknoloġija mir-royalties jew qabel jew wara li jiġi stabbilit l-istandard. Tali ftehim huwa inerenti fl-istabbiliment tal-pool jew il-pool ma jistax fih innifsu jitqies bħala restrizzjoni għall-kompetizzjoni. F’ċerti ċirkostanzi, jista’ jkun aktar effiċjenti jekk ir-royalties tal-pool jiġu miftiehma qabel ma jiġi stabbilit l-istandard, sabiex jiġi evitat li l-proċess tal-istabbiliment tal-istandards iżid ir-rata tar-royalties billi tingħata saħħa sinifikanti fis-suq lil teknoloġija essenzjali waħda jew aktar. Madankollu, il-liċenzjatarji jridu jibqgħu liberi li jiddeterminaw il-prezz tal-prodotti mmanifatturati taħt il-liċenzja.

(293)Meta l-pool ikollu pożizzjoni dominanti fis-suq, ir-royalties u termini oħrajn ta’ liċenzjar ma għandhomx ikun eċċessivi u diskriminatorji u l-liċenzji ma għandhomx ikunu esklużivi 126 . Dawk ir-rekwiżiti huma meħtieġa biex jiġi żgurat li l-pool ikun miftuħ u ma jwassalx għal esklużjoni jew għal effetti anti-kompetittivi oħra fis-swieq downstream. Madankollu, dawk ir-rekwiżiti ma jipprekludux rati differenti ta’ royalties għal użi differenti. B’mod ġenerali l-applikazzjoni ta’ rati differenti ta’ royalties għal swieq tal-prodotti differenti ma titqiesx bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni, filwaqt li ma għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni fi ħdan is-swieq tal-prodotti. B’mod partikolari, it-trattament tal-liċenzjatarji tal-pool ma għandux jiddependi fuq jekk humiex liċenzjaturi wkoll jew le. Għalhekk, il-Kummissjoni se tqis jekk il-liċenzjaturi u l-liċenzjatarji humiex soġġetti għall-istess obbligi ta’ royalties.

(294)Il-liċenzjaturi u l-liċenzjatarji għandhom ikunu liberi li jiżviluppaw prodotti u standards kompetituri. Huma għandhom ukoll ikunu libera li jagħtu u jirċievu liċenzji barra mill-pool. Dawn ir-rekwiżiti huma neċessarji sabiex jiġi limitat ir-riskju ta’ esklużjoni ta’ teknoloġiji ta’ partijiet terzi u biex jiġi żgurat li l-pool ma jillimitax l-innovazzjoni u ma jipprekludix il-ħolqien ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi kompetittivi. Meta teknoloġija miġbura tkun inkluża fi standard tal-industrija de facto u meta l-partijiet ikunu soġġetti għal obbligi ta’ nonkompetizzjoni, il-pool joħloq riskju partikolari li jipprevjeni teknoloġiji u standards ġodda u mtejba.

(295)Obbligi ta’ retroċessjoni ma għandhomx ikunu esklużivi u għandhom ikunu limitati għal żviluppi li jkunu essenzjali jew importanti għall-użu tat-teknoloġija miġbura. Dan jippermetti lill-pool jibbenefika mit-titjib fit-teknoloġija miġbura. Huwa leġittimu għall-partijiet fil-pool li jiżguraw li l-isfruttament tat-teknoloġija miġbura ma jistax jiġi mwaqqaf mil-liċenzjatarji, inklużi s-sottokuntratturi li jkunu qed jaħdmu taħt il-liċenzja tal-liċenzjatarju, li jkollhom jew jiksbu teknoloġiji essenzjali.

(296)Wieħed mir-riskji huwa li l-pools tat-teknoloġija jistgħu jipproteġu drittijiet tat-teknoloġija invalidi. Il-ġbir flimkien jista’ jżid il-kostijiet u jnaqqas il-probabbiltà ta’ kontestazzjoni b’suċċess. Dan jista’ jfalli jekk privattiva waħda biss fil-pool tkun valida. Il-protezzjoni ta’ privattivi invalidi fil-pool tista’ tobbliga lil-liċenzjatarji jħallsu royalties aktar għoljin u tista’ tipprevjeni l-innovazzjoni fil-qasam kopert bi privattiva invalida. F’dak il-kuntest, klawżoli ta’ non-kontestazzjoni, inklużi klawżoli ta’ terminazzjoni 127 , fi ftehim dwar trasferiment ta’ teknoloġija bejn il-pool u liċenzjatarji x’aktarx li jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat.

4.5.Gruppi ta’ Negozjati dwar il-liċenzjar

4.5.1.Introduzzjoni

(297)Il-Gruppi ta’ Negozjati għal-Liċenzjar (Licensing Negotiation Groups, “LNG”) huma arranġamenti li permezz tagħhom liċenzjatarji potenzjali (implimentaturi tat-teknoloġija) jaqblu li jinnegozjaw it-termini tal-ftehimiet dwar it-trasferiment tat-teknoloġija b’mod konġunt. Il-gwida f’din it-Taqsima tapplika għal-LNG sa fejn dawn ikunu relatati man-negozjar tat-termini tal-ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija kif definit fl-Artikolu 1(1), il-punt (c), tar-REKTT. Din il-gwida tapplika irrispettivament minn:

(a) il-forma ġuridika tal-LNG (pereżempju, jekk dan jikkonsistix fi ftehim sempliċi jew huwa entità ġuridika separata);

(b)jekk il-membri tal-LNG humiex impriżi kompetituri fi swieq tal-prodotti downstream jew le;

(c)jekk il-kontroparti tal-LNG hijiex detentur ta’ teknoloġija individwali jew pool ta’ teknoloġija jew pjattaforma intermedjarja jew le 128 .

(298)Meta n-negozjati bejn LNG u detentur ta’ teknoloġija jwasslu għal termini miftiehma għal-liċenzjar, kwalunkwe ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li jirriżulta konkluż bejn id-detentur tad-dritt u l-membri individwali tal-LNG irid jiġi vvalutat, kif xieraq, skont ir-REKTT jew skont il-Kapitolu 4 ta’ dawn il-Linji Gwida.

(299)Il-Kapitolu 4 tal-Linji Gwida dwar il-Ftehimiet Orizzontali (Xiri Konġunt) ma għandux japplika għal-LNGs li huma koperti minn din il-gwida. Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 102 tat-Trattat.

Effetti prokompetittivi possibbli tal-LNGs

(300)L-LNGs jistgħu jiffaċilitaw il-liċenzjar għat-teknoloġija billi:

(a)inaqqsu l-għadd ta’ negozjati individwali bejn id-detenturi ta’ teknoloġija u l-implimentaturi tat-teknoloġija, u b’hekk inaqqsu l-kostijiet tat-tranżazzjonijiet tal-liċenzjar;

(b)jiġbru flimkien l-għarfien espert tal-implimentaturi tat-teknoloġija, pereżempju dwar il-validità u l-valur tad-drittijiet tat-teknoloġija, u b’hekk jippromwovu negozjati aktar infurmati;

(c)jgħinu fl-indirizzar tal-iżvantaġġ ta’ min jidħol l-ewwel, jiġifieri meta l-implimentaturi tat-teknoloġija ma jkunux iridu jinnegozjaw ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija qabel ma l-kompetituri tagħhom ikunu għamlu dan 129 .

Effetti antikompetittivi possibbli tal-LNGs

(301)L-effetti antikompetittivi possibbli tal-LNGs jinkludu:

(a)il-ħolqien ta’ saħħa eċċessiva ta’ negozjar għall-implimentaturi tat-teknoloġija parteċipanti, li tippermettilhom li jġiegħlu lid-detenturi ta’ teknoloġija jaċċettaw termini sottokompetittivi għal-liċenzjar (skont FRAND fil-każ ta’ privattivi essenzjali għal standard), li jistgħu ma jinċentivawx l-innovazzjoni mid-detenturi ta’ teknoloġija 130 ;

(b)l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva bejn l-implimentaturi tat-teknoloġija kompetituri, li jirriżulta f’telf ta’ inċertezza strateġika, għall-kuntrarju tal-prinċipju li kull impriża trid tiddetermina l-imġiba tagħha fis-suq b’mod indipendenti;

(c)żieda fil-komunalità tal-kostijiet bejn l-implimentaturi tat-teknoloġija kompetituri, li tista’ tiffaċilita l-koordinazzjoni fis-swieq tal-prodotti downstream;

(d)kollużjoni bejn l-implimentaturi parteċipanti fis-swieq tal-prodotti downstream 131 ;

(e)l-esklużjoni ta’ implimentaturi kompetituri fi swieq tal-prodotti downstream 132 .

4.5.2.Valutazzjoni skont l-Artikolu 101(1) tat-Trattat

Tħassib ewlieni dwar il-kompetizzjoni

(302)L-LNGs li jinkludu kompetituri effettivi jew potenzjali jistgħu jwasslu għal restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-swieq upstream għal-liċenzjar tat-teknoloġija u/jew fis-swieq tal-prodotti downstream, u dan jirriżulta f’innovazzjoni mnaqqsa, kwalità tal-prodott, varjetà jew produzzjoni, prezzijiet miżjuda, allokazzjoni tas-suq, jew esklużjoni antikompetittiva ta’ implimentaturi oħrajn tat-teknoloġija.

Restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan

(303)L-LNGs li joperaw b’mod trasparenti vis-à-vis detenturi tad-drittijiet tat-teknoloġija u li huma limitati għan-negozjar konġunt tat-termini tal-ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija ġeneralment ma jirrestrinġux il-kompetizzjoni minħabba l-għan.

(304)L-LNGs jistgħu jintgħarfu minn kartelli tax-xerrejja, jiġifieri ftehimiet jew prattiki miftiehma bejn żewġ xerrejja jew aktar 133 li, barra minn kwalunkwe ftehim ta’ xiri konġunt li jinteraġixxi b’mod kollettiv mal-fornituri f’isem il-membri tiegħu: (i) jikkoordinaw l-imġiba individwali tax-xerrejja fis-suq tax-xiri;(ii) jinfluwenzaw il-parametri rilevanti tal-kompetizzjoni bejniethom, jew (iii) jinvolvu l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva bejn ix-xerrejja dwar l-intenzjonijiet tax-xiri tagħhom jew in-negozjati tagħhom mal-fornituri 134 . Fil-kuntest tal-liċenzjar għat-teknoloġija, tali koordinazzjoni tal-imġiba tax-xerrej tista’ b’mod partikolari tieħu l-forma ta’ żamma koordinata, jiġifieri rifjut jew dewmien mhux raġonevoli mill-implimentaturi tat-teknoloġija biex jinnegozjaw jew jidħlu fi ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija jew biex jaċċettaw termini raġonevoli ta’ liċenzjar. 

(305)Meta l-implimentaturi tat-teknoloġija jittrattaw individwalment mad-detenturi ta’ teknoloġija (jiġifieri ma jinvolvux ruħhom f’negozjati konġunti mad-detentur ta’ teknoloġija), kull implimentatur irid jiddeċiedi l-istrateġija ta’ liċenzjar tiegħu b’mod indipendenti u l-implimentaturi jridu li, permezz ta’ ftehimiet jew prattiki miftiehma, ma jneħħux l-inċertezza strateġika bejniethom fir-rigward tal-imġiba futura tagħhom fis-suq. B’mod partikolari, l-implimentaturi tat-teknoloġija jridu li, qabel ma jinvolvu ruħhom f’negozjati individwali ta’ liċenzjar ma’ detentur ta’ teknoloġija, ma jippruvawx jistabbilixxu bejniethom wieħed jew aktar mit-termini tal-ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija (pereżempju, il-kamp ta’ applikazzjoni jew il-qasam tal-użu tal-liċenzja tat-teknoloġija, it-tariffa tal-liċenzja, l-identità tal-liċenzjatur jew id-durata tal-liċenzja).

(306)Kartelli tax-xerrejja jiżvelaw min-natura tagħhom grad suffiċjenti ta’ ħsara għall-kompetizzjoni b’tali mod li ma jkunx neċessarju li jiġu vvalutati l-effetti tagħhom fis-suq( 135 )). Għalhekk dawn jikkostitwixxu restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Għaldaqstant, għall-fini tal-valutazzjoni ta’ kartell tax-xerrej, ma huwiex meħtieġ li jiġi(u) ddefinit(i) is-suq/swieq rilevanti jew li tiġi vvalutata l-pożizzjoni fis-suq tax-xerrejja parteċipanti fis-suq tax-xiri upstream jew jekk dawn jikkompetux fi swieq tal-bejgħ downstream.

(307)Il-fatturi li ġejjin jagħmluha inqas probabbli li LNG jikkostitwixxi kartell tax-xerrej:

(a)L-LNG jagħmilha ċara għad-detenturi ta’ teknoloġija li huwa jinnegozja f’isem il-membri tiegħu, bil-għan li dawn jidħlu fi ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija skont it-termini miftiehma permezz tan-negozjati konġunti. Dan ma jirrikjedix li l-LNG jiżvela b’mod sistematiku lid-detentur ta’ teknoloġija l-identità ta’ kull membru, b’mod partikolari meta s-sħubija tal-LNG tinbidel ta’ spiss 136 . Madankollu, ma hijiex ir-responsabbiltà tal-liċenzjatarji li jieħdu passi sabiex isiru jafu dwar l-eżistenza ta’ LNG, pereżempju permezz ta’ partijiet terzi jew rapporti tal-istampa. Minkejja dan, is-segretezza ma hijiex rekwiżit sabiex jiġi stabbilit kartell ta’ xerrejja 137 .

(b)Il-membri tal-LNG iddefinew il-forma, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-funzjonament tal-kooperazzjoni tagħhom fi ftehim bil-miktub, sabiex il-konformità tiegħu mal-Artikolu 101 tkun tista’ tiġi vverifikata ex post u titqabbel mal-operat reali tal-LNG. Madankollu, ftehim bil-miktub ma jistax fih innifsu jipproteġi l-LNG mill-infurzar tad-dritt tal-kompetizzjoni.

(308)L-LNGs jistgħu jikkontribwixxu wkoll jew iservu bħala għodda għall-involviment f’kartell ta’ bejjiegħ, jiġifieri, ftehim bejn il-kompetituri sabiex jiffissaw il-prezzijiet tal-bejgħ, jillimitaw il-produzzjoni jew l-ishma mis-suq jew il-klijenti fis-swieq tal-bejgħ downstream. F’dak il-każ, l-LNG jista’ jiġi vvalutat flimkien mal-kartell fis-suq tal-bejgħ downstream.

(309)LNG li għandu l-għan li jeskludi kompetituri effettivi jew potenzjali tal-membri tal-LNG mis-swieq tal-prodotti downstream huwa forma ta’ bojkott orizzontali u jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. 

(310)LNG jista’ jwassal għall-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva bejn il-membri tal-LNG, li jistgħu jkunu kompetituri. Meta kwalunkwe tali skambju ma jkunx oġġettivament meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-LNG u proporzjonat għall-objettivi tiegħu, dan jista’ jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

Effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni

(311)L-LNGs li bihom ix-xerrejja jinteraġixxu b’mod konġunt mal-fornituri permezz tal-arranġament, iridu jiġu vvalutati fil-kuntest legali u ekonomiku tagħhom fir-rigward tal-effetti reali u probabbli tagħhom fuq il-kompetizzjoni. Il-valutazzjoni trid tkopri l-effetti restrittivi possibbli fuq is-swieq tat-teknoloġija rilevanti, meta l-LNG jinteraġixxi mad-detenturi ta’ teknoloġija, u s-swieq tal-prodotti rilevanti, meta l-membri tal-LNG jistgħu jikkompetu bħala fornituri. F’din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni se tqabbel l-effetti reali jew probabbli tal-LNG f’dawk is-swieq mas-sitwazzjoni li kieku sseħħ fin-nuqqas ta’ dak l-LNG speċifiku.

(312)B’mod ġenerali, l-LNGs huma anqas probabbli li jwasslu għal tħassib dwar il-kompetizzjoni meta l-membri ma jkollhomx saħħa tas-suq fis-swieq għal-liċenzjar tat-teknoloġija rilevanti jew fis-swieq tal-prodotti rilevanti.

(313)Ċerti restrizzjonijiet miftiehma mill-membri ta’ LNG jistgħu jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) meta jkunu oġġettivament meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-LNG u proporzjonati għall-objettivi tiegħu 138 .

Swieq rilevanti

(314)L-LNGs jistgħu jaffettwaw il-kompetizzjoni fis-swieq għal-liċenzjar tat-teknoloġija upstream, jiġifieri s-swieq li fihom il-membri tal-LNG jinnegozjaw b’mod konġunt mad-detenturi ta’ teknoloġija, u fis-swieq tal-prodotti downstream, jiġifieri s-swieq li fihom il-membri tal-LNG huma attivi bħala fornituri.

(315)Id-definizzjoni tas-swieq tat-teknoloġija rilevanti ssegwi l-prinċipji stabbiliti fl-Avviż dwar id-Definizzjoni tas-Swieq u tiddependi fuq il-kunċett ta’ sostitwibbiltà għall-identifikazzjoni ta’ restrizzjonijiet kompetittivi. Peress li n-negozjar tal-liċenzji mill-implimentaturi tat-teknoloġija huwa forma ta’ xiri, il-valutazzjoni tas-sostitwibbiltà tiffoka fuq l-alternattivi disponibbli għall-fornituri tat-teknoloġija, aktar milli fuq l-alternattivi disponibbli għall-implimentaturi. Fi kliem ieħor, l-alternattivi disponibbli għad-detenturi ta’ teknoloġija huma deċiżivi fl-identifikazzjoni tar-restrizzjonijiet kompetittivi fuq il-membri tal-LNG. Dawk l-alternattivi jistgħu jiġu analizzati, pereżempju, permezz tal-eżaminazzjoni tar-reazzjoni probabbli tad-detenturi ta’ teknoloġija għal tnaqqis żgħir iżda mhux tranżizzjonali tal-prezz offrut għat-teknoloġiji tagħhom. Ladarba s-suq rilevanti jkun ġie ddefinit, is-sehem mis-suq tal-membri tal-LNG jista’ jiġi kkalkolat abbażi tal-valur jew tal-volum tax-xiri tagħhom tal-liċenzji tat-teknoloġija rilevanti bħala sehem mill-bejgħ totali fis-suq għal-liċenzjar tat-teknoloġija rilevanti.

(316)Meta l-membri tal-LNG jkunu kompetituri effettivi jew potenzjali fis-swieq tal-prodotti downstream, dawk is-swieq huma rilevanti wkoll għall-valutazzjoni. Is-swieq tal-prodotti rilevanti huma definiti permezz tal-metodoloġija deskritta fl-Avviż dwar id-Definizzjoni tas-Swieq.

Saħħa fis-suq

(317)Ma hemm l-ebda limitu assolut li jekk jinqabeż jista’ jiġi preżunt li l-membri ta’ LNG ikollhom saħħa tas-suq b’tali mod li l-LNG x’aktarx iwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Madankollu, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, ma huwiex probabbli li l-membri ta’ LNG ikollhom saħħa tas-suq jekk is-sehem ikkombinat tad-domanda tagħhom fis-swieq tat-teknoloġija rilevanti ma jaqbiżx il-15 % u s-sehem ikkombinat tal-provvista tagħhom fis-swieq tal-prodotti rilevanti ma jaqbiżx il-15 %.

(318)Sehem mis-suq li jaqbeż dak il-limitu f’suq wieħed jew fit-tnejn li huma ma jindikax minnu nnifsu li l-LNG huwa probabbli li jwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni. LNG b’sehem tas-suq ikkombinat li jaqbeż dak il-limitu jirrikjedi valutazzjoni dettaljata tal-effetti tiegħu fuq is-swieq rilevanti, filwaqt li jitqiesu fatturi bħall-karatteristiċi u l-pożizzjoni tas-suq tal-membri tal-LNG, il-konċentrazzjoni tas-suq, il-qrubija tal-kompetizzjoni, l-eżistenza possibbli ta’ rabtiet kuntrattwali jew rabtiet oħra bejn il-membri tal-LNG u implimentaturi oħrajn tat-teknoloġiji affettwati, in-natura tat-teknoloġiji affettwati mill-LNG, ir-regoli operatorji tal-LNG (inkluż, pereżempju, jekk il-membri tal-LNG jibqgħux liberi li jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet mad-detenturi ta’ teknoloġija barra l-LNG), u s-saħħa kumpensatorja possibli tad-detenturi ta’ teknoloġija u l-klijenti downstream.

Effetti fuq is-swieq tat-teknoloġija

(319)Meta l-membri tal-LNG ikollhom sehem għoli tad-domanda kkombinat fis-swieq tat-teknoloġija rilevanti, l-LNG jista’ jippermettilhom jeżerċitaw saħħa konġunta ta’ xiri. Dan jista’ jwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni fis-swieq tat-teknoloġija rilevanti, pereżempju billi jitnaqqsu l-inċentivi tad-detenturi ta’ teknoloġija biex jinvestu fir-riċerka u l-iżvilupp. Ir-riskju ta’ tali effetti negattivi huwa akbar meta LNG jinteraġixxi ma’ detenturi ta’ teknoloġija li ma jkollhomx saħħa ta’ negozjar kumpensatorju jew meta l-membri tal-LNG jieħdu azzjoni koordinata bl-għan li jirrestrinġu l-libertà tad-detentur ta’ teknoloġija li jiddeċiedi jekk għandhomx jinnegozjaw mal-LNG, pereżempju billi jinvolvu ruħhom f’rifjuti kkoordinati għan-negozjar jew jikkonkludu ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija. Min-naħa l-oħra, tali effetti negattivi huma anqas probabbli meta d-detenturi ta’ teknoloġija jkollhom saħħa ta’ negozjar kumpensatorju. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, meta t-teknoloġiji rilevanti jkunu essenzjali għal standard li huwa adottat b’mod ġenerali fis-swieq tal-prodotti downstream rilevanti jew li għalihom ma jkun hemm l-ebda sostitut; meta jkun hemm ftit liċenzjaturi biss u dawn ikollhom portafolji kbar ta’ drittijiet tat-teknoloġija, jew fejn l-LNG jinnegozja ma’ grupp ta’ teknoloġija.

(320)L-LNGs jistgħu jintużaw ukoll biex jeskludu implimentaturi tat-teknoloġija kompetituri mis-swieq tat-teknoloġija u b’hekk jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-swieq tal-prodotti downstream. Pereżempju, LNG jista’ jirrestrinġi l-kapaċità tad-detenturi ta’ teknoloġija li jidħlu fi ftehimiet ta’ trasferiment tat-teknoloġija mal-implimentaturi li ma jkunux membri tal-LNG jew jista’ jirrestrinġi t-termini ta’ tali ftehimiet. It-tħassib dwar l-esklużjoni huwa inqas probabbli meta (i) il-parteċipazzjoni fl-LNG tkun miftuħa għall-implimentaturi tat-teknoloġija kollha li jissodisfaw kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji, (ii) ir-regoli operatorji tal-LNG ma jiddiskriminawx bejn il-membri, u (iii) l-LNG ma jirrestrinġix il-kapaċità tad-detenturi ta’ teknoloġija li jidħlu fi ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija ma’ implimentaturi kompetituri jew li jirrestrinġu t-termini ta’ tali ftehimiet.

Effetti fuq is-swieq tal-prodotti downstream

(321)Meta l-membri ta’ LNG ma jkunux kompetituri effettivi jew potenzjali fis-swieq tal-prodotti downstream jew ma jkollhomx saħħa tas-suq f’dawk is-swieq, l-LNG huwa improbbabli li jkollu effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni fi swieq downstream.

(322)Meta l-membri ta’ LNG jkunu kompetituri effettivi jew potenzjali fis-swieq tal-prodotti downstream, l-LNG jista’ jiffaċilita l-koordinazzjoni tal-imġiba tal-membri fis-swieq downstream 139 . Ir-riskju ta’ tali koordinazzjoni huwa ogħla meta (i) l-istruttura tas-swieq tal-prodotti downstream twassal għal kollużjoni (pereżempju, is-suq ikun ikkonċentrat u juri grad sinifikanti ta’ trasparenza) jew (ii) il-membri tal-LNG jkollhom sehem mis-suq ikkombinat għoli fis-swieq tal-prodotti downstream.

(323)L-LNGs jistgħu jiffaċilitaw ukoll il-kollużjoni bejn il-membri tagħhom meta l-LNG jwassal għal grad għoli ta’ komunalità tal-kostijiet (b’mod partikolari l-kostijiet varjabbli) bejn il-membri, diment li l-membri tal-LNG jkollhom saħħa tas-suq fis-suq tal-prodotti downstream rilevanti u l-karatteristiċi tas-suq iwasslu għall-koordinazzjoni.

(324)L-implimentazzjoni ta’ LNG tista’ twassal għall-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva bejn il-membri tal-LNG, pereżempju rigward it-termini li fuqhom ikunu lesti li jidħlu fi ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija. Meta l-LNG innifsu ma jaqax taħt l-Artikolu 101(1) tat-Trattat minħabba li għandu effetti newtrali jew pożittivi fuq il-kompetizzjoni, skambju ta’ informazzjoni li huwa oġġettivament meħtieġ biex jimplimenta l-LNG u huwa proporzjonat għall-objettivi tiegħu, ma jaqax taħt dik il-projbizzjoni 140 .

(325)L-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva jista’ jiffaċilita l-koordinazzjoni fir-rigward tal-prezzijiet tal-bejgħ u tal-produzzjoni, u b’hekk iwassal għal eżitu kollużiv fis-swieq tal-prodotti downstream. Sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ skambji mhux meħtieġa ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva, l-LNGs jistgħu jimplimentaw timijiet nodfa, maniġers indipendenti jew salvagwardji oħra, pereżempju biex jiżguraw li informazzjoni kummerċjalment sensittiva tiġi kondiviża biss bejn il-membri tal-LNG f’forma anonimizzata u/jew aggregata. Jistgħu jiġu implimentati wkoll salvagwardji biex jiġi żgurat li informazzjoni kummerċjalment sensittiva ma tiġix kondiviża ma’ LNGs oħrajn, pereżempju f’każijiet meta l-membri jipparteċipaw f’aktar minn LNG wieħed.

Sfera ta’ sikurezza

(326)LNGs li ma jinvolvux restrizzjonijiet ta’ kompetizzjoni skont l-għan u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ġeneralment ma jkunux probabbli li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat jew x’aktarx jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3):

(a)il-parteċipazzjoni fl-LNG hija miftuħa għall-implimentaturi tat-teknoloġija kollha li jissodisfaw kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji;

(b)l-LNG jiżvela lid-detenturi ta’ teknoloġija r-regoli operatorji tiegħu u l-fatt li jinnegozja f’isem il-membri tiegħu;

(c)l-attività tal-LNG hija limitata għan-negozjar konġunt tat-termini tal-ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija;

(d)il-membri tal-LNG ma jiskambjawx informazzjoni kummerċjalment sensittiva għajr informazzjoni li hija oġġettivament meħtieġa u proporzjonata għat-twettiq ta’ negozjati konġunti permezz tal-LNG;

(e)il-membri tal-LNG ma jinvolvux ruħhom f’imġiba koordinata, inkluż hold-outs koordinati, li għandha l-għan li tillimita l-libertà tad-detenturi tat-teknoloġija li jiddeċiedu jekk jidħlux jew li jitterminawx in-negozjati mal-LNG, jew il-libertà tal-membri tal-LNG li jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet b’mod bilaterali mad-detenturi tat-teknoloġija, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-membri tal-LNG jaqblu li ma jinnegozjawx jew jikkonkludu bilateralment ftehimiet dwar it-trasferiment tat-teknoloġija ma’ detentur tat-teknoloġija matul in-negozjati bejn dak id-detentur tat-teknoloġija u l-LNG, dment li d-durata ta’ tali restrizzjoni ma taqbiżx 6 xhur;

(f)l-LNG u kwalunkwe ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija nnegozjat permezz tal-LNG ma jirrestrinġux il-kapaċità tad-detenturi ta’ teknoloġija li jidħlu fi ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija ma’ partijiet terzi jew jirrestrinġu t-termini ta’ dawk l-ftehimiet;

(g)it-tariffi tal-liċenzjar pagabbli skont il-ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija nnegozjati permezz tal-LNG ma jaqbżux l-10 % tal-prezz tal-bejgħ tal-prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata.

(327)L-LNGs li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ hawn fuq jirrikjedu valutazzjoni individwali skont l-Artikolu 101 tat-Trattat. Ma hemm l-ebda presuppożizzjoni li tali LNGs jirrestrinġu l-kompetizzjoni fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) jew li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3).

4.5.3.Valutazzjoni skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat

(328)Meta LNG jirrestrinġi l-kompetizzjoni fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, huwa meħtieġ li jiġi vvalutat jekk l-LNG jiġġenerax effiċjenzi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3).

Titjib fl-effiċjenza

(329)L-LNGs jistgħu jiġġeneraw titjib fl-effiċjenza. B’mod partikolari, dawn jistgħu jnaqqsu l-kostijiet tat-tranżazzjonijiet tal-liċenzjar kemm għall-implimentaturi tat-teknoloġija kif ukoll għad-detenturi ta’ teknoloġija, b’mod partikolari billi jeliminaw il-ħtieġa għal kull membru tal-LNG li jidħol f’negozjati bilaterali ta’ liċenzjar ma’ detentur ta’ teknoloġija partikolari. Permezz tal-ġbir flimkien tal-għarfien espert tal-implimentaturi tat-teknoloġija, l-LNGs jistgħu jnaqqsu l-assimetriji tal-informazzjoni bejn l-implimentaturi tat-teknoloġija u d-detenturi, li jwasslu għal negozjati aktar infurmati, inkluż dwar jekk it-termini tal-liċenzjar proposti humiex FRAND. L-LNGs jistgħu jindirizzaw ukoll żvantaġġ ta’ min jidħol l-ewwel, li minħabba fih, l-implimentaturi tat-teknoloġija jistgħu ma jkunux iridu jidħlu fi ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija qabel ma l-kompetituri tagħhom ikunu għamlu dan. Dawn l-effiċjenzi jistgħu jirriżultaw fil-konklużjoni ta’ għadd akbar ta’ ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija u b’hekk tixrid usa’ tat-teknoloġija. Dan imbagħad jista’ jkun mistenni li jwassal għal aktar innovazzjoni fis-suq, għall-benefiċċju tal-konsumaturi.

Indispensabbiltà

(330)Ir-restrizzjonijiet li jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-kisba tat-titjib fl-effiċjenza ġġenerat minn LNG ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3). Pereżempju, għall-fini tat-tnaqqis tal-kostijiet tat-tranżazzjonijiet tal-liċenzjar, jista’ ma jkunx indispensabbli għal LNG li jirrikjedi li detentur ta’ teknoloġija ma jagħtix termini ta’ liċenzjar aktar favorevoli lil partijiet terzi.

Trasferiment lill-konsumaturi

(331)Titjib fl-effiċjenza li jinkiseb permezz ta’ restrizzjonijiet indispensabbli jrid jiġi mgħoddi lill-konsumaturi sa punt li jegħleb l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni kkawżati mill-LNG. Pereżempju, it-tnaqqis fil-kostijiet tal-liċenzjar għat-teknoloġija jista’ jiġi mgħoddi fil-forma ta’ prezzijiet tal-bejgħ aktar baxxi fis-swieq tal-prodotti downstream. It-trasferiment lill-konsumaturi huwa aktar probabbli meta l-membri tal-LNG ma jkollhomx saħħa tas-suq fis-swieq tal-prodotti downstream.

Ebda eliminazzjoni tal-kompetizzjoni

(332)Il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat ma jiġux issodisfati jekk l-LNG jippermetti lill-partijiet jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ parti sostanzjali tal-prodotti inkwistjoni. Din il-kundizzjoni tapplika kemm għas-swieq tat-teknoloġija rilevanti kif ukoll għas-swieq tal-prodotti rilevanti. Ishma mis-suq ikkombinati għoljin huma indikazzjoni waħda li din il-kundizzjoni tista’ ma tiġix issodisfata.

(1)

   Dawn il-Linji Gwida jissostitwixxu l-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija ( ĠU C 89, 28.3.2014, p. 3 ).

(2)

   ĠU L […]. Ir-REKTT jissostitwixxi r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 316/2014 tal-21 ta’ Marzu 2014 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ ftehimiet dwar trasferiment ta’ teknoloġija (ĠU L 93, 28.3.2014, p. 17, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg/2014/316/oj ).

(3)

   Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Boxxla għall-Kompetittività tal-UE”, COM (2025) 30 final.

(4)

     Ir-reżiljenza tinkludi l-prontezza tad-difiża, ir-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista tad-difiża u tas-suq intern.

(5)

   Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, ECLI:EU:C:2023:1011, il-punt 119 u l-ġurisprudenza kkwotata fiha. Pereżempju fil-qasam ta’ ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija ara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Diċembru 2012 fil-Każ AT.39230 – Rio Tinto Alcan.

(6)

   F’dawn il-Linji Gwida, sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, it-terminu “ftehim” jinkludi prattiċi miftiehma u deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi.

(7)

   Ara l-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar il-kunċett tal-effett fuq il-kummerċ li jinsab fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU C 101, 27.4.2004, p. 81).

(8)

   F’dawn il-Linji Gwida, it-terminu “restrizzjoni” jinkludi l-prevenzjoni u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

(9)

   Il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) u l-metodoloġija għall-applikazzjoni tagħhom huma spjegati ulterjorment fil-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat (ĠU C 101, 27.4.2004, p. 97).

(10)

   Din l-eċċezzjoni tapplika wkoll għad-drittijiet tal-kiri. Ara f’dan ir-rigward l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 28, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/115/oj ).

(11)

   Dan il-prinċipju tal-eżawriment tal-Unjoni huwa pereżempju minqux fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trademarks (ĠU L 336, 23.12.2015, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2015/2436/oj ), l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 154, 16.6.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2017/1001/oj ), l-Artikolu 15 tad-Direttiva 98/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 1998 dwar il-protezzjoni legali ta’ disinji (ĠU L 289, 28.10.1998, p. 28, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1998/71/oj ), l-Artikolu 21 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 3, 5.1.2002, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/6/oj ), l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2006/115/KE, ikkwotat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2001/29/oj ), l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU L 111, 5.5.2009, p. 16, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/24/oj ), l-Artikolu 5, il-punt (c) tad-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta’ databases (ĠU L 77, 27.3.1996, p. 20, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1996/9/oj ), l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva tal-Kunsill 87/54/KEE tas-16 ta’ Diċembru 1986 dwar il-protezzjoni legali ta’ topografiji ta’ prodotti semikundutturi (ĠU L 24, 27.1.1987, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1987/54/oj ), l-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas-27 ta’ Lulju 1994 dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (ĠU L 227, 1.9.1994, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1994/2100/oj ), l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1257/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2012 li jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja (ĠU L 361, 31.12.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1257/oj ). Dwar id-drittijiet tal-awtur tas-software ara pereżempju s-sentenzi tal-Qorti tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft GmbH vs. Oracle International Corp., C-128/11, ECLI:EU:C:2012:407 u tat-12 ta’ Ottubru 2016, Ranks u Vasiļevičs, C-166/15, ECLI:EU:C:2016:762.

(12)

   Ara eż. is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2023, Valve vs Il-Kummissjoni, T-172/21, ECLI:EU:T:2023:587, il-punt 191.

(13)

   Ara l-Linji Gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat iċċitati fin-nota f’qiegħ il-paġna 9.

(14)

   Il-kompetizzjoni bejn impriżi li jużaw l-istess teknoloġija (il-kompetizzjoni intrateknoloġika bejn il-liċenzjatarji) tikkostitwixxi komplement importanti għall-kompetizzjoni bejn l-impriżi li jużaw teknoloġiji kompetituri (il-kompetizzjoni interteknoloġika). Pereżempju, il-kompetizzjoni intrateknoloġika tista’ twassal għal prezzijiet orħos ta’ prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija kkonċernata, li mhux biss tista’ tipprovdi benefiċċji diretti u immedjati għall-konsumaturi ta’ dawn il-prodotti, iżda tista’ toħloq ukoll kompetizzjoni ikbar bejn l-impriżi li jużaw it-teknoloġiji kompetituri. Fil-kuntest tal-liċenzjar, il-fatt li l-liċenzjatarji qegħdin ibigħu l-prodott tagħhom stess irid jiġi kkunsidrat ukoll. Ma humiex ibigħu mill-ġdid prodott fornut minn impriża oħra. Għalhekk, jista’ jkun hemm aktar lok għal differenzjazzjoni tal-prodott u kompetizzjoni bbażata fuq il-kwalità bejn il-liċenzjatarji milli fil-każ ta’ ftehimiet vertikali għall-bejgħ mill-ġdid tal-prodotti.

(15)

     Ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, ECLI:EU:C:2023:1011, il-punt 162 u l-ġurisprudenza ċċitata.

(16)

   Għal aktar gwida dwar il-kunċett ta’ restrizzjonijiet minħabba l-għan u minħabba l-effett, il-qafas analitiku rispettiv tagħhom u eżempji rilevanti ta’ dawk ir-restrizzjonijiet ara eż. is-sentenzi tal-Qorti tal-21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, ECLI:EU:C:2023:1011, il-punti 161 et seq. u tal-5 ta’ Diċembru 2024, Tallinna Kaubamaja Grupp u KIA Auto, C-606/23, ECLI:EU:C:2024:1004, il-punti 23 et seq.; ara wkoll il-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali (“Linji Gwida dwar Ftehimiet Orizzontali”) (ĠU C259, 21.7.2023, p.1), il-punti 22 et seq.

(17)

   Is-saħħa fis-suq hija l-kapaċità li l-prezzijiet jinżammu b’mod profittabbli ’l fuq mil-livelli kompetittivi għal perjodu ta’ żmien jew li l-produzzjoni f’termini tal-kwantitajiet tal-prodott, il-kwalità u l-varjetà tal-prodott jew l-innovazzjoni tinżamm b’mod profittabbli taħt il-livelli kompetittivi għal perjodu ta’ żmien. Il-grad ta’ saħħa fis-suq normalment meħtieġ sabiex jinstab ksur skont l-Artikolu 101(1) huwa anqas mill-grad ta’ saħħa fis-suq meħtieġ sabiex tinstab dominanza skont l-Artikolu 102.

(18)

       Is-Sentenzi tal-Qorti tas-26 ta’ Ottubru 2023, EDP – Energias de Portugal et., C-331/21, ECLI:EU:C:2023:812, il-punti 88 u seq., tal-11 ta’ Settembru 2014, MasterCard vs il-Kummissjoni, C-382/12 P, ECLI:EU:C:2014:2201, il-punt 89, tal-11 ta’ Lulju 1985, Remia et. vs il-Kummissjoni, Kawża 42/84, EU:C:1985:327, il-punti 19-20, tat-28 ta’ Jannar 1986, Pronuptia, Kawża 161/84, ECLI:EU:C:1986:41, il-punti 15-17, tal-15 ta’ Diċembru 1994, Gøttrup-Klim, C‑250/92, ECLI:EU:C:1994:413, il-punt 35, u tat-12 ta’ Diċembru 1995, Oude Luttikhuis et., C‑399/93, ECLI:EU:C:1995:434, il-punti 12-15.

(19)

   Is-sentenzi tal-Qorti tas-26 ta’ Ottubru 2023, EDP - Energias de Portugal et., C-331/21, ECLI:EU:C:2023:812, il-paragrafu 90 u tal-11 ta’ Settembru 2014, MasterCard vs Il-Kummissjoni, C-382/12 P, ECLI:EU:C:2014:2201, il-paragrafu 91. 

(20)

   ĠU C 248, 30.6.2022, p.1, il-paragrafi 12 et seq.

(21)

   Madankollu, meta tali ftehimiet għal-liċenzjar iwasslu għall-ħruġ mis-suq minn waħda mill-partijiet, dawn jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1).

(22)

   Eżempju huwa meta żewġ impriżi stabbiliti fi Stati Membri differenti joħorġu liċenzji inkroċjati ta’ teknoloġiji kompetituri lil xulxin u jaqblu li ma jbigħux prodotti fis-swieq domestiċi ta’ xulxin. Tali ftehim jirrestrinġi l-kompetizzjoni potenzjali bejniethom.

(23)

   Kollużjoni tirrikjedi li l-impriżi kkonċernati jkollhom fehmiet simili dwar dak li huwa ta’ interess komuni għalihom u dwar kif jiffunzjonaw il-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni. Sabiex il-kollużjoni taħdem, l-impriżi jridu jkunu jistgħu jsegwu wkoll l-imġiba ta’ xulxin fis-suq u jrid ikun hemm deterrenti adegwati biex jiżguraw li jkun hemm inċentiv biex ħadd ma jmur kontra l-politika komuni fis-suq, filwaqt li l-ostakoli tad-dħul iridu jkunu għoljin biżżejjed biex jillimitaw id-dħul ta’ barranin jew l-espansjoni tagħhom.

(24)

   Ara f’dan ir-rigward il-paragrafu 21 tal-Linji Gwida dwar il-Ftehimiet Orizzontali.

(25)

   Eżempju ieħor huwa l-esklużjoni potenzjali tal-fornituri ta’ teknoloġiji sostitwibbli, li tista’ sseħħ meta liċenzjatarju b’saħħa sinifikanti fis-suq jiġbor diversi komponenti ta’ teknoloġija f’pakkett ta’ liċenzjar uniku—għalkemm parti mill-pakkett biss hija essenzjali għall-produzzjoni ta’ prodott partikolari.

(26)

   ĠU C, C/2024/1645, 22.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1645/oj .

(27)

   Ara pereżempju d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Novembru 2010 f’Każ Nru COMP/M.5675 Syngenta/Monsanto fejn il-Kummissjoni analizzat il-fużjoni ta’ żewġ kumpaniji integrati vertikalment li jrabbu l-ġirasol billi eżaminat kemm (i) is-suq upstream għall-kummerċ (jiġifieri l-iskambju u l-liċenzjar) tal-varjetajiet (linji parentali u ibridi) u (ii) is-suq downstream għall-kummerċjalizzazzjoni tal-ibridi. Fid-Deċiżjoni tagħha tat-13 ta’ Marzu 2009 f’COMP/M.5406, IPIC/MAN Ferrostaal AG, il-Kummissjoni ddefiniet, minbarra suq għall-produzzjoni ta’ melamina ta’ grad għoli, suq upstream ta’ teknoloġija għall-provvista tat-teknoloġija tal-produzzjoni tal-melamina. Ara wkoll id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Ġunju 1995 fil-Każ Nru COMP/M.269, Shell/Montecatini u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Ġunju 2023 fil-Każ Nru COMP/M.10783 EQT Future/AM Fresh/SNFL/IFG, li fihom il-Kummissjoni vvalutat fużjoni li tinvolvi kumpaniji attivi fl-industrija tal-għeneb tal-mejda billi eżaminat is-suq upstream għat-tnissil u l-liċenzjar ta’ varjetajiet ta’ dwieli tal-għeneb tal-mejda protetti mingħajr żerriegħa, kif ukoll is-swieq downstream għall-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-għeneb tal-mejda.

(28)

   Ara eż. id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Diċembru 2012, fil-Każ AT.39230 - Rio Tinto Alcan, il-punti 38-41. Ara wkoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każijiet Nru COMP/M.5675 Syngenta/Monsanto u COMP/M.5406 IPIC/MAN Ferrostaal AG iċċitati fin-nota 27 f’qiegħ il-paġna.

(29)

   Pereżempju, il-ftehimiet għal-liċenzjar tat-teknoloġija jistgħu jaffettwaw l-iżvilupp ta’ prodotti jew teknoloġiji li (i) itejbu l-prodotti jew it-teknoloġiji eżistenti; (ii) jissostitwixxu prodotti jew teknoloġiji eżistenti, jew li (iii) joħolqu domanda kompletament ġdida. Il-ftehimiet għal-liċenzjar tat-teknoloġija jistgħu jaffettwaw ukoll (iv) l-isforzi bikrija tal-innovazzjoni, jiġifieri l-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp li ma humiex relatati mill-qrib ma’ prodott jew ma’ teknoloġija speċifika.

(30)

   Ara pereżempju l-paragrafi 90 et seq. tal-Avviż dwar id-Definizzjoni tas-Suq, iċċitati fin-nota 26 f’qiegħ il-paġna.

(31)

   F’dan ir-rigward, dawn il-Linji Gwida jipprovdu sfera ta’ sikurezza mhux vinkolanti għall-ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li jaqgħu barra mill-eżenzjoni ta’ kategorija minħabba li jinqabżu l-limiti tas-sehem mis-suq: ara l-paragrafu (181) .

(32)

   Ara pereżempju l-kunsiderazzjonijiet fil-paragrafu 10 tal-Linji Gwida Vertikali, li japplikaw mutatis mutandis għal-liċenzjar tat-teknoloġija.

(33)

     Ara s-sentenza tal-Qorti tas-26 ta’ Ottubru 2023, EDP – Energias de Portugal et, C-331/21, ECLI:EU:C:2023:812, il-punt 61.

(34)

     Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-Qorti tas-26 ta’ Ottubru 2023, EDP – Energias de Portugal et., C‑331/21, ECLI:EU:C:2023:812, il-punti 60-63 u tat-30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et., C-307/18, ECLI:EU:C:2020:52, il-punti 36-39.

(35)

   Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-Qorti tas-26 ta’ Ottubru 2023, EDP – Energias de Portugal et, C-331/21, ECLI:EU:C:2023:812, il-punt 62; tat-30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C-307/18, ECLI:EU:C:2020:52, il-punti 36 sa 45; tal-25 ta’ Marzu 2021, H. Lundbeck A/S u Lundbeck Ltd vs Il-Kummissjoni Ewropea, C-591/16 P, ECLI:EU:C:2021:243, il-punti 54 sa 57; tas-27 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni vs Servier et., C-176/19 P, ECLI:EU:C:2024:549, il-punti 100-101.

(36)

   Pereżempju, il-partijiet x’aktarx jiġu kkunsidrati bħala kompetituri potenzjali f’suq rilevanti għall-provvista ta’ prodotti fejn il-liċenzjatarju jipproduċi abbażi tat-teknoloġija tiegħu stess f’suq ġeografiku wieħed u jibda jipproduċi f’suq ġeografiku ieħor abbażi ta’ teknoloġija liċenzjata kompetitriċi. F’ċirkostanzi bħal dawn, huwa probabbli li l-liċenzjatarju jkun kapaċi jidħol fit-tieni suq ġeografiku abbażi tat-teknoloġija tiegħu stess, sakemm tali dħul ma jkunx prekluż minn fatturi oġġettivi, inkluż l-eżistenza ta’ mblukkar ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

(37)

   Ara, għal dak il-għan, is-sentenzi tal-Qorti tat-30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C-307/18, ECLI:EU:C:2020:52, il-paragrafi 54-56; tas-27 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni vs Servier Et, C-176/19 P, ECLI:EU:C:2024:549, il-punti 87-89, 103 u 131; tas-27 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni Ewropea vs KRKA, C-151/19 P, ECLI:EU:C:2024:546, il-punt 411.    

(38)

   Għal finijiet operazzjonali u prattiċi, dik il-valutazzjoni tipikament tiffoka fuq ir-reazzjonijiet għaż-żidiet fil-prezzijiet. Pereżempju, metodu wieħed huwa li jiġi kkunsidrat jekk il-liċenzjatarju jkunx probabbli li jibda jilliċenzja t-teknoloġija proprja tiegħu b’risposta għal żieda żgħira iżda permanenti fil-prezzijiet tat-teknoloġija. Madankollu, il-valutazzjoni tista’ tqis ukoll il-bidliet li jaffettwaw parametri oħra tal-kompetizzjoni, bħall-kwalità tal-prodott jew il-livell ta’ innovazzjoni.

(39)

   ĠU C101, 27.4.2004, p. 81.

(40)

   ĠU C291, 30.8.2014, p. 1.

(41)

   Għal gwida dwar id-definizzjoni tas-swieq rilevanti u l-kalkolu tal-ishma mis-suq fil-kuntest ta’ ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija, ara t-Taqsima 2.2.4 ta’ dawn il-Linji Gwida.

(42)

   Ftehimiet eżentati ta’ kategorija jistgħu jiġu pprojbiti biss wara l-irtirar tal-eżenzjoni ta’ kategorija mill-Kummissjoni jew mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri – ara t-Taqsima 3.6 ta’ dawn il-Linji Gwida dwar l-irtirar tal-eżenzjoni ta’ kategorija.

(43)

         Ara l-paragrafu (9) .

(44)

   Ara, pereżempju, it-Taqsima 2.4.

(45)

   Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1/oj ), ftehimiet li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri iżda li ma jkunux projbiti mill-Artikolu 101 ma jistgħu lanqas jiġu pprojbiti mil-liġi tal-kompetizzjoni nazzjonali.

(46)

   Pereżempju, ir-REKTT jista’ jkopri l-ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija vvalutat fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 90/186/KEE tat-23 ta’ Marzu 1990 dwar proċediment skont l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (IV/32.736 - f’Moosehead/Whitebread) (ĠU l 100, 20.4.1990, p. 32, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1990/186/oj ), ara b’mod partikolari l-paragrafu 16 ta’ dik id-Deċiżjoni.

(47)

   Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 720/2022 tal-10 ta’ Mejju 2022 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ ftehimiet vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU L 134, 11.5.2022, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/720/oj ).

(48)

   Fil-valutazzjoni ta’ jekk għandhomx jiġu applikati l-prinċipji stabbiliti fir-REKTT u f’dawn il-Linji Gwida, il-Kummissjoni se tikkunsidra l-ispeċifiċitajiet tal-kuntest legali u ekonomiku. Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 għal-liċenzji tad-drittijiet tal-awtur, ara pereżempju s-sentenzi tal-Qorti tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League Ltd et. vs QC Leisure et. C-403/08, ECLI:EU:C:2011:631, il-punti 137-146 u tad-9 ta’ Diċembru 2020, Groupe Canal vs Il-Kummissjoni, C-132/19 P, ECLI:EU:C:2020:1007.

(49)

   Ara, pereżempju, id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Marzu 2019 fil-Każ AT.40436 – Merkanzija sportiva anċillari; tad-9 ta’ Lulju 2019 fil-Każ AT.40432 – Character merchandise; u tat-30 ta’ Jannar 2020 fil-Każ AT. 40433 – Merkanzija ċinematografika.

(50)

   Dan ikun il-każ fejn il-liċenzjar tad-data jseħħ fi ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija; ikun direttament relatat mal-produzzjoni jew mal-bejgħ tal-prodotti tal-kuntratt u jikkwalifika bħala l-liċenzjar jew iċ-ċessjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew l-għarfien prattiku lil-liċenzjatarju. Il-Kummissjoni tqis li l-aħħar rekwiżit huwa ssodisfat meta d-data li tkun qed tiġi lliċenzjata tkun protetta bid-drittijiet tal-awtur jew bi drittijiet uniċi tal-bażi tad-data kif definiti fid-Direttiva 96/9/KE dwar il-protezzjoni legali ta’ databases.

(51)

L-effetti pro-kompetittivi fuq is-suq downstream fejn jopera l-liċenzjatarju huma marbuta mal-iskop tal-liċenzja, jiġifieri l-produzzjoni ta’ prodotti kuntrattwali. Madankollu, il-bażijiet tad-data liċenzjati jistgħu jintużaw ukoll minn liċenzjatarji għal finijiet oħra, inkluż b’modi antikompetittivi biex jagħmlu ħsara lill-konsumaturi (pereżempju, għal prattiki abbużivi mmirati lejn (gruppi ta’) konsumaturi partikolari). Il-gwida pprovduta f’din it-Taqsima hija limitata għal ftehimiet għal-liċenzjar għall-fini tal-produzzjoni ta’ prodotti kuntrattwali.

(52)

   Gwida dwar kif għandhom jiġu ddefiniti s-swieq tista’ tinstab fl-Avviż dwar id-Definizzjoni tas-Suq iċċitat fin-nota 26 f’qiegħ il-paġna.

(53)

     Ara l-Kapitolu 6 tal-Linji Gwida dwar il-Ftehimiet Orizzontali; ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tad-29 ta’ Lulju 2024, Banco BPN/BIC Português et, C-298/22, ECLI:EU:C:2024:638, il-paragrafi 51 et seq.

(54)

   Ara wkoll l-Artikolu 6.2.7 tal-Linji Gwida dwar Ftehimiet Orizzontali.

(55)

   Ara wkoll l-Artikolu 6.2.4.4 tal-Linji Gwida dwar Ftehimiet Orizzontali.

(56)

   Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj ).

(57)

   It-termini “ħruġ ta’ liċenzja” jew “liċenzjat” użati f’dawn il-Linji Gwida jinkludu wkoll arranġamenti ta’ nonasserzjoni sakemm it-trasferiment tad-drittijiet ta’ teknoloġija jseħħu kif deskritt f’din it-Taqsima.

(58)

   Skont ir-Regolament Nru 19/65/KEE tal-Kunsill tat-2 ta’ Marzu 1965 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 85 (3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta’ ftehim u prattiċi miftiehma (ĠU 36, 6.3.1965, p. 533, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1965/19/oj ), il-Kummissjoni ma għandhiex is-setgħa li teżenta l-kategorija ta’ ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija konklużi bejn aktar minn żewġ impriżi.

(59)

   Ara l-premessa 6 tar-REKTT kif ukoll it-Taqsima 3.2.6 ta’ dawn il-Linji Gwida.

(60)

   Għal aktar dettalji, ara l-paragrafu (268) .

(61)

   Ara eż. id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Jannar 2021 fil-Każ AT.40413 – Focus Home.

(62)

   Ċitata fin-nota 20 f’qiegħ il-paġna.

(63)

   L-Avviż tal-Kummissjoni tat-18 ta' Diċembru 1978 rigward l-istima tagħha ta' ċertu ftehimiet ta' subkontratti fir-rigward tal-Artikolu 85(1) tat-Trattat tal-KEE (ĠU C 1, 3.1.1979, p. 2).

(64)

   Ara l-paragrafu 3 tan-Notifika tal-Kummissjoni dwar il-ftehimiet tas-subkuntrattar imsemmija fin-nota f'qiegħ il-paġna 63.

(65)

   Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/1066 tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ ftehimiet ta’ riċerka u żvilupp (ĠU L 143, 2.6.2023, p.9, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1066/oj ). Ara wkoll it-Taqsima 3.2.6.1. ta’ dawn il-Linji Gwida.

(66)

   Ara l-paragrafi 51 et seq. tal-Linji Gwida dwar il-Ftehimiet Orizzontali.

(67)

   Madankollu, dan l-aħħar eżempju huwa kopert mir-Regolament dwar l-Eżenzjoni ta’ Kategorija ta’ Riċerka u Żvilupp iċċitat fin-nota 65 f’qiegħ il-paġna, ara wkoll it-Taqsima 3.2.6.1. tal-Linji Gwida.

(68)

   Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 2023/1067 tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ ftehimiet ta’ speċjalizzazzjoni (ĠU L 143, 2.6.2023, p. 20, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1067/oj ).

(69)

   Iċċitati fin-nota 65 f’qiegħ il-paġna.

(70)

   Iċċitati fin-nota 47 f’qiegħ il-paġna.

(71)

   Ikkwotat fin-nota 47 f’qiegħ il-paġna.

(72)

     Ara l-Artikolu 4, il-punti (b), (c) u (d) tar-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija Applikabbli għall-Ftehimiet Vertikali.

(73)

     Ara wkoll il-paragrafu 95 tal-Linji Gwida dwar il-Ftehimiet Orizzontali.

(74)

   Ara l-paragrafu 18 tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat, iċċitat fin-nota 9 f’qiegħ il-paġna.

(75)

   F’dan ir-rigward, ara l-paragrafu 98 tal-Linji Gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat iċċitat fin-nota 9 f’qiegħ il-paġna.

(76)

   Dan huwa wkoll il-każ meta parti waħda toħroġ liċenzja lill-parti l-oħra u taċċetta li tixtri input fiżiku mingħand il-liċenzjatarju. Il-prezz tax-xiri jista’ jservi l-istess funzjoni tar-royalty.

(77)

   Ara f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-25 ta’ Frar 1986,Windsurfing International, C-193/83, ECLI:EU:C:1986:75, il-punt 67.

(78)

   F’ċerti ċirkostanzi, ir-restrizzjonijiet tal-bejgħ passiv mil-liċenzjatur jew mil-liċenzjatarji lill-utenti finali jistgħu jkunu nulli skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) 2018/302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Frar 2018 dwar l-indirizzar tal-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat u forom oħrajn ta’ diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, tal-post tar-residenza jew tal-post tal-istabbiliment tal-klijenti fi ħdan is-suq intern u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2006/2004 u (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 60I, 2.3.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/302/oj ) (“ir-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku”).

(79)

   Għal aktar gwida dwar il-kunċetti ta’ bejgħ “attiv” u “passiv”, ara l-paragrafi 211-215 tal-Linji Gwida Vertikali.

(80)

   Ara t-Taqsima 4.2.4 ta’ dawn il-Linji Gwida għal aktar dettall dwar ir-restrizzjonijiet fuq il-qasam tal-użu.

(81)

   Madankollu, waħedhom, il-monitoraġġ tal-prezzijiet u r-rappurtar tal-prezzijiet ma jammontawx għall-iffissar tal-prezzijiet.

(82)

   Din ir-restrizzjoni fundamentali tapplika għal ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li jaffettwaw il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni. Għal gwida fuq ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li jaffettwaw l-esportazzjonijiet barra mill-Unjoni, ara l-paragrafi 100 et seq. tal-Effett fuq il-Linji Gwida tal-Kummerċ.

(83)

   Miżuri li jippermettu lil-liċenzjatur jivverifika d-destinazzjoni tal-prodotti liċenzjati, bħat-theddida jew it-twettiq ta’ awditi biex jivverifika l-konformità tal-liċenzjatarju ma’ restrizzjonijiet oħra, ma humiex fihom infushom restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni. Madankollu, jistgħu jitqiesu li jiffurmaw parti minn restrizzjoni fundamentali tal-bejgħ passiv meta jintużaw mil-liċenzjatur sabiex jikkontrolla d-destinazzjoni tal-oġġetti fornuti, pereżempju meta jintużaw flimkien ma’ prattiki oħrajn. Ara, b’analoġija, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Jannar 2020 fil-Każ AT.40433 - Merkanzija ċinematografika, il-punti 65 u 66.

(84)

   Ara wkoll il-paragrafu   (145) fuq ir-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku.

(85)

   Ara wkoll il-paragrafu   (145) fuq ir-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku.

(86)

   Ara wkoll il-paragrafu   (145) fuq ir-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku.

(87)

   Ara wkoll il-paragrafu (145) fuq ir-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku.

(88)

   Ara s-sentenza tal-Qorti tal-25 ta’ Frar 1986,Windsurfing International, C-193/83, ECLI:EU:C:1986:75, il-punt 92.

(89)

   Ara, b’analoġija, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 90/186/KEE, il-paragrafu 15 (li tiddiskuti klawżoli li jipprevenu l-kontestazzjoni tas-sjieda tat-trademark).

(90)

   Fil-kuntest ta’ ftehim li teknikament ma jkunx ftehim esklużiv, u meta klawżola ta’ terminazzjoni għalhekk ma tkunx koperta bl-eżenzjoni ta’ kategorija, il-liċenzjatur jista’, f’każ speċifiku, ikun f’sitwazzjoni simili ta’ dipendenza fir-rigward ta’ liċenzjatarju bis-saħħa tax-xerrej konsiderevoli. Tali dipendenza se titqies fil-valutazzjoni individwali tal-ftehim skont l-Artikolu 101.

(91)

   Ara l-paragrafu (48) ta’ dawn il-Linji Gwida.

(92)

     L-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 101(3) tapplika biss meta l-erba’ kundizzjonijiet kollha ta’ dak l-Artikolu jiġu ssodisfati, għalhekk l-eżenzjoni ta’ kategorija tista’ tiġi rtirata meta ftehim ma jissodisfax waħda jew aktar mill-erba’ kundizzjonijiet.

(93)

   F’dan ir-rigward ara l-paragrafu 10 tal-Avviż De Minimis, ikkwotat fin-nota 40 f’qiegħ il-paġna ta’ dawn il-Linji Gwida.

(94)

   Ara l-paragrafu (18) .

(95)

   Ara s-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 1999,Irish Sugar, T-228/97, ECLI:EU:T:1999:246, il-punt 101.

(96)

   Ara s-sentenza tal-Qorti tas-27 ta’ Ġunju 2024, Teva UK Ltd et vs Il-Kummissjoni Ewropea, C-198/19 P, ECLI:EU:C:2024:551, il-punt 135.

(97)

   Ara s-sentenza tal-Qorti tas-17 ta’ Settembru 1985, Ford vs Il-Kummissjoni, il-Kawżi Magħquda 25/84 u 26/84, ECLI:EU:C:1985:340, il-punti 25-26 u l-Linji Gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat (imsemmija fin-nota 9 f’qiegħ il-paġna), il-punt 44.

(98)

   Ara, pereżempju, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/242/KE tat-3 ta’ Marzu 1999, dwar proċediment skont l-Artikolu 85 tat-Trattat tal-KE (IV/36.237 – TPS) (ĠU L 90, 2.4.1999, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1999/242/oj )). Bl-istess mod, il-projbizzjoni fl-Artikolu 101(1) tapplika biss sakemm il-ftehim jkollu skop restrittiv jew effetti restrittivi.

(99)

   Ara l-paragrafu 85 tal-Linji Gwida dwar l-applikazzjoni. tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat, iċċitat fin-nota 9 f’qiegħ il-paġna.

(100)

   Ibidem, il-paragrafi 98 u 102.

(101)

   Ara b’analoġija s-sentenza tal-Qorti tas-16 ta’ Marzu 2000, Compagnie Maritime Belge, Każijiet Magħquda C-395/96 P u C-396/96 P, ECLI:EU:C:2000:132, il-punt 130. Bl-istess mod, l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) ma timpedix l-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu ta’ merkanzija, servizzi, persuni u kapital. Dawk ir-regoli huma f’ċerti ċirkostanzi applikabbli għal ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma fl-ambitu tal-Artikolu 101. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters, C-309/99, ECLI:EU:C:2002:98, il-punt 120.

(102)

   Ara f’dan ir-rigward is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Lulju 1990, Tetra Pak (I), T-51/89, ECLI:EU:T:1990:41. Ara wkoll il-paragrafu 106 tal-Linji Gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat iċċitat fin-nota 9 f’qiegħ il-paġna ta’ dawn il-Linji Gwida.

(103)

   Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 102 tat-Trattat għall-iffissar tar-royalties (ara s-sentenza tal-Qorti tal-14 ta’ Frar 1978, United Brands, C-27/76, ECLI:EU:C:1978:22, il-punt 250, ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tas-16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt - Duales System Deutschland GmbH, C-385/07 P, ECLI:EU:C:2009:456, il-punti 142).

(104)

   Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tas-7 ta’ Lulju 2016, Genentech, C-567/14, ECLI:EU:C:2016:526, il-punti 39-40.

(105)

   Ara wkoll il-paragrafu (124)  et seq.

(106)

   F’dan ir-rigward, ara l-Avviż tal-Kummissjoni fil-Każ Canon/Kodak (ĠU C 330, 1.11.1997, p. 10) u l-Kawża IGR Stereo Television imsemmija: fil-Kummissjoni Ewropea, il-Ħdax ir-rapport dwar il-politika tal-kompetizzjoni – Ippubblikat flimkien mal-“Fifteenth General Report on the Activities of the European Communities in 1981”, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 1982, il-paragrafu 94.

(107)

     Ara l-gwida dwar l-istandardizzazzjoni fil-Kapitolu 7 tal-Linji Gwida dwar il-Ftehimiet Orizzontali.

(108)

   Eżempju ta’ kif dan il-qafas analitiku ġie applikat fil-prattika, ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Diċembru 2012 fil-każ AT.39230 – Rio Tinto Alcan, il-punti 96 et seq.

(109)

   Għall-qafas analitiku applikabbli ara t-Taqsima 4.2.7 ta’ dawn il-Linji Gwida u l-paragrafi 298 et seq. tal-Linji Gwida Vertikali.

(110)

   Ara n-nota 20 f’qiegħ il-paġna.

(111)

   Ir-REKTT u dawn il-Linji Gwida tagħha huma mingħajr ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-Trattat għal ftehimiet bonarji li ma jkunx fihom ftehim ta’ liċenzjar.

(112)

   Ara s-sentenzi tal-Qorti tat-30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C-307/18, ECLI:EU:C:2020:52, il-punt 81; tas-27 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni vs KRKA, C-151/19 P, ECLI:EU:C:2024:546, il-punt 72; tas-27 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni vs Servier et., C-176/19 P, ECLI:EU:C:2024:549, il-punt 105.

(113)

   Ara s-sentenza tal-25 ta' Frar 1986, Windsurfing vs Il-Kummissjoni, C-193/83, ECLI:EU:T:1986:75, il-punt 92.

(114)

   Ara eż. is-sentenza tal-Qorti tas-27 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni Ewropea vs KRKA, C-151/19 P, ECLI:EU:C:2024:546, il-punt 398, li tiċċara li dan ma japplikax jekk il-ftehimiet bejn il-partijiet jipprojbixxu wkoll lil-liċenzjatarju milli jidħol fi swieq oħra.

(115)

   Ara f’dan ir-rigward is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni vs Servier Et, C-176/19 P, ECLI:EU:C:2024:549, il-punti 178-179.

(116)

   Ara eż. is-sentenza tal-Qorti tat-30 ta’ Frar 2020, Generics (UK) Ltd et, C-307/18, ECLI:EU:C:2020:52, il-punti 60 et seq. Ara wkoll is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni vs Servier Et, C-176/19 P, ECLI:EU:C:2024:549, il-punt 104. Din is-sentenza tiċċara li, fil-kuntest speċifiku tal-industrija farmaċewtika u s-saldi tal-privattivi bejn manifattur tal-mediċina oriġinatur u manifattur tal-mediċina ġeneriku, trasferiment tal-valur jista’ jitqies leġittimu jekk ikun iġġustifikat bis-sħiħ mill-ħtieġa għal kumpens tal-kostijiet jew għat-tfixkil ikkawżat mil-litigazzjoni solvuta — bħall-ispejjeż u t-tariffi tal-konsulenti tal-manifattur ġeneriku—jew mill-ħtieġa li jiġi remunerat il-forniment reali u mixhud bi prova ta’ prodotti jew servizzi pprovduti mill-manifattur ġeneriku lill-oriġinatur.

(117)

   Ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-25 ta’ Marzu 2021, Lundbeck Ltd vs Il-Kummissjoni Ewropea, C-591/16 P, ECLI:EU:C:2021:243, il-punt 114.

(118)

   Ma hemm l-ebda rekwiżit li dak il-qligħ nett ikun neċessarjament akbar mill-profitti li l-kompetitur kien jagħmel kieku kellu suċċess fil-proċedimenti tal-privattiva. Ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti tat-30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C-307/18, ECLI:EU:C:2020:52, il-paragrafi 87-94.

(119)

   Ara pereżempju s-sentenza tal-Qorti tat-30 ta’ Frar 2020, Generics (UK) Ltd et, C-307/18, ECLI:EU:C:2020:52, il-punt 82.

(120)

   Ara, għal dak il-għan, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Ottubru 2023, Teva Pharmaceutical Industries Ltd u Cephalon Inc. vs Il-Kummissjoni Ewropea, T-74/21, ECLI:EU:T:2023:651, il-punt 242.

(121)

   Ara għal dak l-għan id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Novembru 2020 fil-każ AT.39686 – Cephalon, il-punt 1208.

(122)

   Ara dwar it-trattament tal-istandards u t-trattament tal-ftehimiet ta’ standardizzazzjoni fil-Linji Gwida dwar il-Ftehimiet Orizzontali, il-Kapitolu 7, iċċitat fin-nota 16f’qiegħ il-paġna. Il-pools ta’ teknoloġija tipikament joperaw programmi ta’ liċenzjar li huma strutturati madwar standards speċifiċi tal-industrija.

(123)

   F’dan ir-rigward ara l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni IP/02/1651 dwar il-liċenzjar għal privattivi għal servizzi tal-mowbajl (3G) tat-tielet ġenerazzjoni. Dak il-każ kien jinvolvi ħames pools ta’ teknoloġija li ħolqu ħames teknoloġiji differenti, li kull waħda minnhom setgħet tintuża biex tipproduċi tagħmir tat-3G.

(124)

   Għad-dettalji dwar l-iskambju ta’ informazzjoni, ara l-Linji Gwida dwar il-Ftehimiet Orizzontali, il-Kapitolu 6, iċċitati fin-nota 16 f’qiegħ il-paġna.

(125)

   Għal dettalji dwar FRAND, ara l-Linji Gwida dwar Ftehimiet Orizzontali, il-paragrafu 458, iċċitati fin-nota 16 f’qiegħ il-paġna.

(126)

   Madankollu, jekk pool tat-teknoloġija ma jkollux saħħa tas-suq, il-liċenzjar mill-pool normalment ma jirrestrinġix il-kompetizzjoni fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) anke jekk dawk il-kundizzjonijiet ma jiġux issodisfati.

(127)

   Ara t-Taqsima 3.5 ta’ dawn il-Linji Gwida.

(128)

   Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, ir-referenzi f’din it-Taqsima għad-detenturi ta’ teknoloġija jinkludu detenturi individwali tad-drittijiet, pools tat-teknoloġija u pjattaformi intermedjarji.

(129)

   Il-gwida f’din it-Taqsima hija mingħajr preġudizzju għall-obbligi li jirriżultaw mid-dritt fil-qasam tal-proprjetà intellettwali għall-implimentaturi tat-teknoloġija biex jiksbu liċenzji sabiex jisfruttaw id-drittijiet tat-teknoloġija.

(130)

     B’mod partikolari, il-membri tal-LNG jistgħu jinvolvu ruħhom f’hold-outs koordinati, jiġifieri jistgħu jirrifjutaw li jinnegozjaw jew li jidħlu fi ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija, jew li jinvolvu ruħhom f’dewmien mhux raġonevoli. 

(131)

     Ara wkoll il-paragrafu (308) .

(132)

     Ara wkoll il-paragrafu (309) .

(133)

   Ara wkoll il-paragrafi 279 sa 281 tal-Linji Gwida dwar il-Ftehimiet Orizzontali. Ir-referenzi fil-paragrafi (304) to (306) ta’ dawn il-Linji Gwida għax-xerrejja jinkludu b’analoġija liċenzjatarji potenzjali tat-teknoloġija.

(134)

   Ara l-Kapitolu 6 tal-Linji Gwida dwar Ftehimiet Orizzontali li jikkonċernaw l-iskambju ta’ informazzjoni u, b’mod partikolari, it-Taqsima 6.2.6, li tapplika wkoll għall-iskambji ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva bejn ix-xerrejja.

(135)

   Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Novembru 2019, Campine, T-240/17, ECLI:EU:T:2019:778, il-punt 297; ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands ET, C-8/08, ECLI:EU:C:2009:343, il-punt 37; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2006, French Beef, każijiet magħquda T-217/03 u T-245/03, ECLI:EU:T:2006:391, il-punt 83 u s-segwenti.

(136)

     B’mod ġenerali, se jkun fl-interess ta’ LNG li d-detenturi ta’ teknoloġija jiġu pprovduti b’informazzjoni suffiċjenti dwar l-identità tal-membri tiegħu biex id-detentur ta’ teknoloġija jkun jista’ jieħu deċiżjoni infurmata dwar jekk jinnegozjax mal-LNG.

(137)

     Il-Kummissjoni ssanzjonat kartelli ta’ xerrejja li ma kinux qegħdin joperaw b’mod kompletament sigriet iżda tal-anqas bdew b’mod relattivament trasparenti. Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/600/KE tat-2 ta’ April 2003, dwar proċediment skont l-Artikolu 81 tat-Trattat tal-KE (Kawża COMP/C.38.279/F3 French beef) (ĠU L 209, 19.8.2003, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2003/600/oj ).

(138)

   Ara l-paragrafu (19) dwar il-kunċett ta’ restrizzjonijiet anċillari.

(139)

   Ara wkoll il-paragrafu (308) dwar il-possibbiltà li l-LNGs jistgħu jintużaw bħala għodda biex jinvolvu ruħhom f’kartell tal-bejjiegħa fis-swieq tal-prodotti downstream.

(140)

   Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Settembru 2014, MasterCard vs Il-Kummissjoni, C-382/12 P, ECLI:EU:C:2014:2201, il-punt 89. Ara wkoll il-paragrafu 369 tal-Linji Gwida dwar il-Ftehimiet Orizzontali.