MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-ATT DELEGAT
Din id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni temenda, għall-finijiet tal-adattament għall-progress tekniku u xjentifiku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (“id-Direttiva RoHS”) fir-rigward ta’ eżenzjoni għaċ-ċomb fl-istann b’temperatura ta’ tidwib għolja.
L-Artikolu 4 tad-Direttiva RoHS jirrestrinġi l-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (EEE, Electrical and Electronic Equipment). Bħalissa, hemm 10 sustanzi ristretti u elenkati fl-Anness II tad-Direttiva: iċ-ċomb, il-merkurju, il-kadmju, il-kromu eżavalenti, il-bifenili polibrominati (PBBs, Polybrominated Biphenyls), l-eteri tad-difenil polibrominat (PBDEs, Polybrominated Diphenyl Ethers), il-ftalat tal-bis(2-etileżil) (DEHP, Bis(2-ethylhexyl) Phthalate), il-butilbenżilftalat (BBP, Butyl Benzyl Phthalate), id-dibutilftalat (DBP, Dibutyl Phthalate) u d-diisobutilftalat (DIBP, Diisobutyl Phthalate).
L-Annessi III u IV tad-Direttiva RoHS jelenkaw il-materjali u l-komponenti tal-EEE għal applikazzjonijiet speċifiċi eżentati mir-restrizzjonijiet fuq is-sustanzi fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva. L-Artikolu 5 jippermetti l-adattament tal-Annessi III u IV għall-progress xjentifiku u tekniku (dwar l-għoti, it-tiġdid u r-revoka tal-eżenzjonijiet). Skont l-Artikolu 5(1)(a), l-eżenzjonijiet iridu jiġu inklużi fl-Annessi III u IV biss jekk din l-inklużjoni ma ddgħajjifx il-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa li jagħti r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (“ir-Regolament REACH”) u jekk tiġi ssodisfata kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
·jekk it-tneħħija jew is-sostituzzjoni permezz ta’ bidliet fid-disinn jew permezz ta’ materjali u komponenti li ma jkunu jirrikjedu l-ebda materjal jew sustanza minn dawk elenkati fl-Anness II ma tkunx prattikabbli mil-lat xjentifiku jew tekniku;
·jekk ma tiġix żgurata l-affidabbiltà tas-sostituti;
·jekk l-impatti negattivi totali tas-sostituzzjoni fuq l-ambjent, is-saħħa u s-sikurezza tal-konsumatur x’aktarx li jkunu se jisbqu l-benefiċċji totali għall-ambjent, għas-saħħa u għas-sikurezza tal-konsumatur.
Id-deċiżjonijiet dwar l-eżenzjonijiet, u d-durata tagħhom, iridu jqisu d-disponibbiltà tas-sostituti u l-impatt soċjoekonomiku tas-sostituzzjoni. Id-deċiżjonijiet dwar id-durata tal-eżenzjonijiet iridu jqisu kwalunkwe impatt potenzjali fuq l-innovazzjoni. Meta jkunu qegħdin jiġu kkunsidrati l-impatti ġenerali tal-eżenzjoni jrid jiġi applikat il-kunċett taċ-ċiklu tal-ħajja, meta jkun rilevanti.
L-EEE soġġett għad-Direttiva RoHS huwa kklassifikat f’konformità mal-kategorizzazzjoni stabbilita fl-Anness I.
L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva RoHS jippermetti lill-Kummissjoni tinkludi materjali u komponenti tal-EEE għal applikazzjonijiet speċifiċi fil-listi tal-Annessi III u IV permezz ta’ atti delegati individwali f’konformità mal-Artikolu 20. L-Artikolu 5(3) u l-Anness V jistabbilixxu l-proċedura għas-sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet għal eżenzjoni.
2.KONSULTAZZJONIJIET QABEL L-ADOZZJONI TAL-ATT
Il-Kummissjoni tirċievi talbiet mingħand l-operaturi ekonomiċi biex tagħti jew iġġedded l-eżenzjonijiet skont l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva RoHS.
Il-punt 7(a) tal-Anness III tad-Direttiva RoHS jelenka eżenzjoni għaċ-ċomb fl-istann tat-tip b’temperatura ta’ tidwib għolja (jiġifieri ligi bbażati fuq iċ-ċomb li jkun fihom 85 % jew aktar ċomb skont il-piż). L-eżenzjoni fil-punt 7(a) ġiet imġedda l-aktar reċentement bid-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2018/742. Il-formulazzjoni ta’ dik l-eżenzjoni ma nbidlitx mill-introduzzjoni tagħha fl-2003.
L-eżenzjoni fil-punt 7(a) kellha tiskadi fil-21 ta’ Lulju 2021 għall-kategoriji 1 sa 7 u 10 kif ukoll għall-kategoriji 8 u 9 minbarra apparat mediku dijanjostiku in vitro (IVD, In Vitro Diagnostic) u strumenti ta’ monitoraġġ u kontroll industrijali (IMCI, Monitoring and Control Instrument). L-eżenzjoni kellha tiskadi fil-21 ta’ Lulju 2023 għall-kategorija 8 apparat mediku dijanjostiku in vitro u fil-21 ta’ Lulju 2024 għall-kategorija 9 strumenti ta’ monitoraġġ u kontroll industrijali, u “EEE ieħor mhux kopert minn xi waħda mill-kategoriji l-oħra” tal-kategorija 11 (“EEE ieħor”).
Fil-15 u s-16 ta’ Jannar 2020, il-Kummissjoni rċeviet talbiet ta’ tiġdid għal eżenzjoni fil-punt 7(a) dwar il-kategoriji 1-10. Barra minn hekk, fid-9 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni rċeviet talba simili għall-kategorija 11. L-applikazzjonijiet kollha waslu fil-perjodu ta’ żmien għat-tiġdid stabbilit fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva RoHS.
Għall-kategorija 9 strumenti ta’ monitoraġġ u kontroll industrijali u għall-kategorija 11 EEE ieħor, il-Kummissjoni rċeviet żewġ applikazzjonijiet ta’ tiġdid fl-20 ta’ Jannar 2023, fil-perjodu ta’ żmien għat-tiġdid stabbilit fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva RoHS.
Skont l-Artikolu 5(5), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva RoHS, l-eżenzjonijiet eżistenti jenħtieġ li jibqgħu validi sakemm tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għat-tiġdid mill-Kummissjoni.
Valutazzjoni teknika
F’Ottubru 2020, il-Kummissjoni nediet studju, li ġie konkluż fi Frar 2022, biex twettaq il-valutazzjoni teknika u xjentifika meħtieġa, inkluża konsultazzjoni pubblika ta’ 10 ġimgħat mal-partijiet ikkonċernati. Il-kummenti kollha ġew meqjusa. L-informazzjoni dwar il-konsultazzjoni ġiet ipprovduta fuq is-sit web tal-proġett.
Matul il-konsultazzjoni pubblika ġew sottomessi seba’ kontributi individwali għall-eżenzjoni fil-punt 7(a). Ir-rappreżentanti tal-industrija prinċipalment appoġġaw it-tiġdid tal-eżenzjoni fil-punt 7(a), filwaqt li l-awtoritajiet pubbliċi kkritikaw l-kamp ta’ applikazzjoni mhux definit u n-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni fl-implimentazzjoni ta’ dik l-eżenzjoni.
Il-punti ewlenin derivati mill-valutazzjoni teknika u xjentifika huma s-segwenti.
L-istann tat-tip b’temperatura ta’ tidwib għolja li jkun fih iċ-ċomb jintuża f’komponenti differenti għal kategoriji ta’ EEE differenti. Dan jista’ jintuża fl-EEE bħala materjal għat-twaħħil ta’ dammi, għall-interkonnessjonijiet elettriċi interni, bħala materjal għall-issiġillar, fil-lampi jew fi transducers tal-awdjo.
Dan it-tip ta’ stann juża bejn 85 % u 95,5 % ċomb skont il-piż. Il-konċentrazzjoni għolja taċ-ċomb tikkontribwixxi għal proprjetajiet tal-materjal importanti, bħal punti ta’ tidwib għoljin (>260 °C) u konduttività termali u elettrika tajba, duttilità, reżistenza għall-korrużjoni, natura ta’ ossidazzjoni xierqa u l-kapaċità ta’ żamma tal-ilma. Dawn il-proprjetajiet huma rilevanti b’mod speċjali f’ambjenti ħorox, eż. applikazzjonijiet esposti għal vibrazzjoni jew temperaturi għoljin. Dawn il-proprjetajiet tal-materjal jiffaċilitaw ukoll manifattura aktar faċli u aktar rapida tal-komponenti EEE u b’hekk kosteffiċjenza aħjar fil-manifattura tal-EEE.
L-eżenzjoni fil-punt 7(a) tal-Anness III għaċ-ċomb fl-istann b’temperatura ta’ tidwib għolja tkopri eluf ta’ tunnellati ta’ ċomb fis-sena u probabbilment hija waħda mill-eżenzjonijiet li tuża l-aktar ċomb skont id-Direttiva RoHS.
L-eżenzjoni fil-punt 7(a) ta’ spiss tintuża bħala ġustifikazzjoni għal valuri taċ-ċomb għoljin fl-istann għal diversi prodotti għalkemm ma hemm l-ebda neċessità teknikament evidenti. Il-kamp ta’ applikazzjoni la jiddefinixxi l-qasam ta’ applikazzjoni u lanqas ma jindirizza l-iskop funzjonali taċ-ċomb abbażi tal-proprjetajiet tiegħu.
Jeżisti stann mingħajr ċomb għal temperaturi ogħla li jista’ jintuża f’ċerti applikazzjonijiet. Qasam wieħed fejn sar progress fit-tfassil ta’ soluzzjonijiet mingħajr ċomb kien dak tat-transducers tal-awdjo ta’ frekwenza għolja u baxxa. Madankollu, għal setturi oħrajn, l-impenn li jiġu żviluppati sostituti għall-istann tat-tip b’temperatura ta’ tidwib għolja li jkun fih iċ-ċomb huwa limitat.
Il-valutazzjoni teknika tikkonkludi li s-soluzzjonijiet mingħajr ċomb mhux se jkunu disponibbli għall-applikazzjonijiet kollha fit-3 snin li ġejjin. Fil-preżent, l-applikazzjonijiet differenti tal-materjali u l-kundizzjonijiet meħtieġa għalihom huma wisq varji biex jiġġustifikaw il-waqfien tal-eżenzjoni abbażi ta’ soluzzjonijiet individwali.
Madankollu, b’mod simili għall-approċċ propost fl-aktar valutazzjoni teknika reċenti, fl-2016, il-qsim tal-punt ta’ eżenzjoni f’subentrati aktar speċifiċi jagħmilha aktar faċli li tiġi pprovduta evidenza mfassla apposta u li tiġi vvalutata d-disponibbiltà u l-affidabbiltà tal-alternattivi fil-futur. Is-segmentazzjoni tal-eżenzjoni 7(a) f’oqsma ta’ applikazzjoni appoġġati minn kundizzjonijiet tekniċi hija l-aktar kategorizzazzjoni xierqa. Dan l-approċċ jgħin biex il-valutazzjoni teknika li jmiss tiġi ffukata fuq dawn l-oqsma ta’ applikazzjoni.
L-istudju tekniku investiga d-demarkazzjoni potenzjali bejn l-oqsma ta’ applikazzjoni tekniċi biex jippermetti kategorizzazzjoni bħal din. Is-sottokategoriji prattiċi ġew żviluppati abbażi tal-ogħla livell tekniku kurrenti u b’kunsiderazzjoni tal-kontribut tal-partijiet ikkonċernati ewlenin mis-settur. L-intenzjoni hija li jiġu koperti l-applikazzjonijiet kollha attwalment fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni fil-punt 7(a) biex tiġi evitata kwalunkwe distorsjoni inaċċettabbli fis-settur.
Ġew identifikati l-oqsma ta’ applikazzjoni li ġejjin:
·l-interkonnessjonijiet interni fl-EEE;
·il-konnessjonijiet integrali tat-twaħħil tad-damma fil-komponenti tal-EEE;
·il-konnessjonijiet integrali għal komponenti għajr id-damma li għandhom jiġu mmuntati fuq subassemblaġġi (ġonot tal-istann tal-ewwel livell);
·il-ġonot tal-istann tat-tieni livell għat-twaħħil tal-komponenti mal-bord taċ-ċirkwit stampat jew mal-oqfsa taċ-ċomb;
·il-materjali għall-issiġillar ermetiċi;
·l-istann tat-tip b’temperatura ta’ tidwib għolja li fih iċ-ċomb f’ċerti lampi;
·it-transducers tal-awdjo.
Peress li kien hemm biżżejjed żmien biex isir adattament għal dawn is-sottokategoriji u biex tingħata għajnuna għall-iżvilupp tagħhom, is-segmentazzjoni f’sottokategoriji ma hijiex meqjusa bħala piż amministrattiv sproporzjonat għall-industrija. Barra minn hekk, l-ambitu tal-oqsma ta’ applikazzjoni kien imfassal b’mod xieraq biex ikopri l-kamp ta’ applikazzjoni eżistenti tal-eżenzjoni fil-punt 7(a). Madankollu, huwa mifhum li l-industrija għandu jkollha l-possibbiltà li tapplika għal sottokategoriji ġodda. Għalhekk, huwa rrakkomandat tiġdid għal żmien qasir għall-punt 7(a) preċedenti.
Sabiex jiġu vvalutati l-applikazzjonijiet ta’ tiġdid speċifiċi għall-kategorja 9 strumenti ta’ monitoraġġ u kontroll industrijali u għall-kategorija 11 EEE ieħor, fl-2024 sar u ġie ffinalizzat studju ta’ valutazzjoni teknika u xjentifika. L-evalwazzjonijiet inkludew konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati f’konformità mal-Artikolu 5(7) tad-Direttiva RoHS.
Iċ-ċomb fl-istann tat-tip b’temperatura ta’ tidwib għolja kopert mill-eżenzjoni fil-punt 7(a) jintuża f’firxa diversa ta’ applikazzjonijiet finali u ma ġie pprovdut l-ebda argument tekniku sod biex jiġu ġġustifikati ambiti jew perjodi ta’ validità differenti skont il-kategorija tal-EEE. Dan ġie kkonfermat mit-tieni studju ta’ valutazzjoni teknika, li ffoka fuq informazzjoni speċifika għall-kategorija.
Skont ir-rekwiżit tal-livell limitu fil-kuntest tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva RoHS, eżenzjoni ma tistax iddgħajjef il-protezzjoni ambjentali u tas-saħħa mogħtija mir-Regolament REACH. L-istann tat-tip b’temperatura ta’ tidwib għolja li jkun fih iċ-ċomb jiġi applikat f’komponenti elettriċi interni, mhux aċċessibbli f’ċirkostanzi normali għall-konsumaturi. Għalhekk, it-tiġdid tal-eżenzjoni fil-punt 7(a) ma jġorr l-ebda riskju ta’ ksur tal-livell ta’ protezzjoni stabbilit mir-Regolament REACH.
Il-Kummissjoni kkonsultat lill-grupp ta’ esperti tal-Istati Membri għall-atti delegati fil-kuntest tad-Direttiva RoHS fil-11 ta’ Ottubru 2021 u fit-18 ta’ Settembru 2024. Hija wettqet il-passi proċedurali meħtieġa kollha fir-rigward tal-eżenzjonijiet mir-restrizzjonijiet fuq is-sustanzi f’konformità mal-Artikolu 5(3) sa (7). Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew ġew innotifikati dwar l-attivitajiet rilevanti kollha.
Il-punt ewlieni ta’ kritika mill-esperti tal-Istati Membri kien jikkonċerna l-informazzjoni insuffiċjenti pprovduta mill-applikanti bħala parti mill-valutazzjonijiet tekniċi. L-applikanti jenħtieġ li juru b’mod ċar li l-kriterji skont l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva RoHS huma ssodisfati u jissostanzjaw l-asserzjonijiet tagħhom. Inkella, jenħtieġ li ma tingħata l-ebda eżenzjoni. Il-Kummissjoni qieset dan billi ħolqot subentrati u perjodi ta’ validità qosra, meta jkun meħtieġ. Il-Kummissjoni qieset ukoll kontributi oħrajn, minn diversi rappreżentanti tal-industrija, favur iż-żamma tal-istatus quo f’termini ta’ eżenzjonijiet.
3.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-ATT DELEGAT
L-evalwazzjoni turi li l-eżenzjoni li għandha tingħata ma ddgħajjifx il-protezzjoni ambjentali u tas-saħħa li jagħti r-Regolament REACH, f’konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva RoHS.
Għall-biċċa l-kbira tal-applikazzjonijiet koperti mill-eżenzjoni fil-punt 7(a), is-sostituti jew ma jkunux disponibbli jew ma għandhomx affidabbiltà jew prestazzjoni adegwata. Għalhekk, il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(a), l-ewwel u t-tieni inċiż, huma ssodisfati: it-tneħħija jew is-sostituzzjoni tagħhom permezz ta’ bidliet fid-disinn jew permezz ta’ materjali u komponenti li ma jkunu jirrikjedu l-ebda materjal jew sustanza minn dawk elenkati fl-Anness II ma tkunx prattikabbli mil-lat xjentifiku jew tekniku, u ma tiġix żgurata l-affidabbiltà tas-sostituti.
Madankollu, huwa xieraq li tiġi riveduta l-formulazzjoni tal-punt 7(a) kurrenti tal-Anness III u li jinħolqu sottokategoriji għall-oqsma differenti ta’ applikazzjoni tal-istann b’punt ta’ temperatura għolja skont dak il-punt. Għalhekk, l-att delegat jintroduċi seba’ subentrati I sa VII skont l-eżenzjoni stabbilita fil-punt 7(a).
Minkejja li l-kamp ta’ applikazzjoni tas-subentrati kollha jenħtieġ li jkun identiku għall-kamp ta’ applikazzjoni preċedenti tal-eżenzjoni fil-punt 7(a), l-eżenzjoni preċedenti fil-punt 7(a) għandha tingħata perjodu ta’ validità għal żmien qasir li jippermetti lill-industrija titlob oqsma ta’ applikazzjoni nieqsa.
Minħabba l-ammont ta’ żmien li għadda minn meta twettqet il-valutazzjoni teknika (li ntemmet fi Frar 2022), is-sottoeżenzjonijiet il-ġodda jkollhom perjodu ta’ validità limitat minflok il-perjodu ta’ validità massimu possibbli, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tekniċi. Għall-fini li l-applikanti jingħataw l-opportunità li jipprovdu data nieqsa u li jlestu u jissostanzjaw l-asserzjonijiet li saru fil-valutazzjoni teknika preċedenti, skadenza qasira titqies suffiċjenti. Peress li l-oneru tal-prova li jiġi ssodisfat kriterju tal-Artikolu 5(1)(a) jaqa’ fuq l-applikant, jenħtieġ li tiġi sottomessa data kompluta fil-valutazzjoni li jmiss, inkella jrid jitqies nuqqas ta’ tiġdid minħabba data nieqsa.
Is-sottoeżenzjonijiet fil-punti 7(a)-I sa 7(a)-VII jenħtieġ li jkollhom validità kemxejn itwal mill-eżenzjoni l-antika fil-punt 7(a) biex jagħtu lill-industrija żmien biex tħejji t-talbiet ta’ tiġdid b’informazzjoni aktar dettaljata dwar dawn l-oqsma ta’ applikazzjoni. Fid-dawl tal-evalwazzjoni teknika, huwa xieraq li tiġi stabbilita data ta’ skadenza waħda għall-kategoriji kollha elenkati fl-Anness I tad-Direttiva RoHS.
Id-dati li fihom dawn l-eżenzjonijiet jenħtieġ li jiskadu huma stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu. Il-perjodu ta’ validità ta’ dawk l-eżenzjonijiet jenħtieġ li jkun twil biżżejjed biex l-industrija tħejji t-talbiet ta’ tiġdid f’konformità mal-Artikolu 5(5), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva RoHS, li jistipula li l-applikazzjonijiet għat-tiġdid ta’ eżenzjoni jridu jsiru mhux aktar tard minn 18-il xahar qabel ma tiskadi l-eżenzjoni.
L-istrument legali huwa direttiva delegata, kif previst fid-Direttiva RoHS u jissodisfa r-rekwiżiti rilevanti tal-Artikolu 5(1)(a) tagħha.
Id-direttiva delegata għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem u tarmonizza d-dispożizzjonijiet għall-funzjonament tas-suq uniku fil-qasam tal-EEE, billi tippermetti l-użu ta’ sustanzi li altrimenti jkunu pprojbiti għal applikazzjonijiet speċifiċi, f’konformità mad-Direttiva RoHS u mal-proċedura stabbilita f’dik id-Direttiva għall-adattament tal-progress xjentifiku u tekniku tal-Annessi III u IV tagħha.
Mhux mistenni li l-perjodi ta’ validità mogħtija jkollhom impatti avversi fuq l-innovazzjoni.
Id-direttiva delegata ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.
DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...
ta'8.9.2025
li temenda d-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għaċ-ċomb fl-istann b’temperatura ta’ tidwib għolja
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1), il-punt (a) tagħha,
Billi:
(1)L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/65/UE jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li t-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq ma jkunx fih is-sustanzi perikolużi elenkati fl-Anness II ta’ dik id-Direttiva. Dik ir-restrizzjoni ma tapplikax għal ċerti applikazzjonijiet eżentati li huma elenkati fl-Anness III ta’ dik id-Direttiva.
(2)Il-kategoriji tat-tagħmir elettriku u elettroniku li għalihom tapplika d-Direttiva 2011/65/UE huma elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva.
(3)Iċ-ċomb huwa sustanza ristretta elenkata fl-Anness II tad-Direttiva 2011/65/UE. Il-valur tal-konċentrazzjoni ttollerat massimu huwa ta’ 0,1 % skont il-piż taċ-ċomb f’materjali omoġenji.
(4)Id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2018/742 tat eżenzjoni għall-użu taċ-ċomb fl-istann tat-tip b’temperatura ta’ tidwib għolja, kif stabbilit fil-punt 7(a) tal-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni ma nbidilx minn meta ġiet introdotta. Għall-biċċa l-kbira tal-kategoriji tat-tagħmir elettriku u elettroniku, l-eżenzjoni kellha tiskadi fil-21 ta’ Lulju 2021.
(5)F’Jannar 2020 u f’Ottubru 2020, waslu tliet talbiet ta’ tiġdid għall-eżenzjoni msemmija fil-premessa 4 fil-perjodu ta’ żmien għat-tiġdid stabbilit fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2011/65/UE. F’konformità mal-Artikolu 5(5), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2011/65/UE, l-eżenzjoni eżistenti tibqa’ valida sakemm tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għat-tiġdid mill-Kummissjoni. Sabiex jiġu evalwati l-applikazzjonijiet riċevuti, fl-2022 twettaq u ġie ffinalizzat studju ta’ valutazzjoni teknika u xjentifika. L-evalwazzjonijiet kienu jinkludu konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati f’konformità mal-Artikolu 5(7) tad-Direttiva 2011/65/UE.
(6)L-eżenzjoni rigward it-tagħmir elettriku u elettroniku fil-kategorija 8 “apparat mediku dijanjostiku in vitro”, imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2011/65/UE kellha tiskadi fil-21 ta’ Lulju 2023 u l-eżenzjonijiet rigward il-kategoriji 9 “strumenti ta’ monitoraġġ u kontroll industrijali” u 11 “EEE ieħor mhux kopert mill-kategoriji t’hawn fuq”, imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2011/65/UE, kellhom jiskadu fl-1 ta’ Lulju 2024. Fl-20 ta’ Jannar 2023, ġew sottomessi żewġ applikazzjonijiet ta’ tiġdid għall-kategorija 9 u għall-kategorija 11 fil-perjodu ta’ żmien għat-tiġdid stabbilit fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2011/65/UE. F’konformità mal-Artikolu 5(5), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2011/65/UE, l-eżenzjoni eżistenti tibqa’ valida sakemm tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għat-tiġdid mill-Kummissjoni. . Sabiex jiġu evalwati l-applikazzjonijiet riċevuti, twettaq studju ta’ valutazzjoni teknika u xjentifika li ġie ffinalizzat fl-2024. L-evalwazzjonijiet kienu jinkludu konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati f’konformità mal-Artikolu 5(7) tad-Direttiva 2011/65/UE.
(7)L-evalwazzjoni tat-tiġdid tal-eżenzjoni mitlub ikkonkludiet li l-istann tat-tip b’temperatura ta’ tidwib għolja li fih iċ-ċomb jintuża f’diversi applikazzjonijiet ta’ tagħmir elettriku u elettroniku. Dak it-tip ta’ stann fih aktar minn 85 % ċomb skont il-piż u għandu karatteristiċi kruċjali bħal punt tat-tidwib għoli, konduttività elettrika, konduttività termali, duttilità, reżistenza għall-korrużjoni, natura ta’ ossidazzjoni xierqa, u żamma tal-ilma.
(8)Għalkemm huma parzjalment disponibbli sostituti u alternattivi individwali, fit-3 snin li ġejjin mhux se jkunu disponibbli soluzzjonijiet mingħajr ċomb, jew se jkunu disponibbli biss b’affidabbiltà insuffiċjenti għall-applikazzjonijiet rilevanti kollha.
(9)Madankollu, l-eżenzjoni stabbilita fil-punt 7(a) tal-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tintuża b’mod wiesa’ u xi drabi mingħajr l-ebda ħtieġa teknika għaliha. Sabiex jiġi mminimizzat l-użu mhux xieraq ta’ dik l-eżenzjoni u biex tkun tista’ ssir evalwazzjoni mfassla skont l-applikazzjoni, huwa xieraq li l-eżenzjoni tinqasam f’subentrati. Twettqet valutazzjoni teknika u xjentifika b’diversi sensiliet ta’ konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati li ffukat fuq l-iżvilupp ta’ subentrati adegwati.
(10)Il-valutazzjoni teknika u xjentifika msemmija fil-premessa 9 identifikat seba’ oqsma ta’ applikazzjoni li jkopru l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni kurrenti stabbilita fil-punt 7(a) tal-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, jiġifieri interkonnessjonijiet interni f’tagħmir elettriku u elettroniku (EEE, Electrical and Electronic Equipment), konnessjonijiet integrali ta’ twaħħil ta’ dammi f’komponenti EEE, konnessjonijiet integrali għal komponenti għajr id-dammi li għandhom jiġu mmuntati ma’ subassemblaġġi (ġonot tal-istann tal-ewwel livell), ġonot tal-istann tat-tieni livell għat-twaħħil ta’ komponenti ma’ bord ta’ ċirkwit stampat jew oqfsa taċ-ċomb, materjali għall-issiġillar ermetiċi, stann tat-tip b’temperatura ta’ tidwib għolja f’ċerti lampi, transducers tal-awdjo. Dawk l-oqsma ta’ applikazzjoni huma speċifikati aktar mill-kundizzjonijiet tekniċi.
(11)Peress li ngħata biżżejjed żmien biex isir kontribut u biex isir adattament għall-iżvilupp tas-subentrati, u peress li l-oqsma ta’ applikazzjoni rilevanti kollha koperti mill-eżenzjoni attwalment applikabbli li hija stabbilita fil-punt 7(a) tal-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE jenħtieġ li jkomplu jiġu koperti mill-eżenzjoni mġedda, is-segmentazzjoni fis-subentrati ma hijiex meqjusa bħala piż amministrattiv sproporzjonat għall-industrija. Biex tiġi pprevenuta kwalunkwe distorsjoni fis-suq sinifikanti fis-settur rilevanti, jenħtieġ li jiġi pprovdut perjodu biex jiġu identifikati oqsma ta’ applikazzjoni nieqsa. Għalhekk, jenħtieġ li jingħata perjodu ta’ validità għal żmien qasir għat-tneħħija gradwali tal-eżenzjoni stabbilita fil-punt 7(a) tal-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, f’konformità mal-Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva 2011/65/UE.
(12)Għas-subentrati, jenħtieġ li jingħata perjodu ta’ validità suffiċjenti meta jitqiesu l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni teknika msemmija fil-premessa 9 biex il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jissupplimentaw l-informazzjoni dwar l-oqsma ta’ applikazzjoni. Id-dati ta’ skadenza jenħtieġ li jqisu l-perjodu minimu ta’ 18-il xahar qabel id-data ta’ skadenza, li fiha t-talbiet ta’ tiġdid jeħtieġ li jiġu ppreżentati f’konformità mal-Artikolu 5(5), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva 2011/65/UE.
(13)Minħabba t-tiġdid għal perjodu ta’ żmien qasir li jifdal tal-eżenzjoni stabbilita fil-punt 7(a) tal-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, huwa xieraq li tiġi stabbilita data ta’ skadenza waħda għall-kategoriji kollha ta’ EEE stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 2011/65/UE.
(14)It-tiġdid tal-eżenzjoni stabbilita fil-punt 7(a) tal-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE u l-introduzzjoni tas-subentrati tagħha ma jnaqqsux il-protezzjoni ambjentali u tas-saħħa mogħtija mir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(15)Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Direttiva 2011/65/UE tiġi emendata kif xieraq,
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
L-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Direttiva.
Artikolu 2
1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard minn [l-aħħar jum tas-sitt xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva] , il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.
Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn [l-aħħar jum tas-sitt xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva + jum].
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.
2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, 8.9.2025
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN