REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...
ta'18.6.2025
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2067 fir-rigward ta’ ċerti aspetti tal-verifika tad-data u l-akkreditament tal-verifikaturi
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE, u b’mod partikolari l-Artikolu 15, it-tielet subparagrafu, u l-Artikolu 30f(1) tagħha,
Billi:
(1)Wara l-emenda tad-Direttiva 2003/87/KE bid-Direttiva (UE) 2023/959 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2067 jeħtieġ li jiġi emendat biex jinkorpora r-regoli li japplikaw għall-verifika tal-ilħuq tal-istadji importanti u l-miri speċifikati fl-Artikolu 10b(4) tad-Direttiva 2003/87/KE. Biex jiġi pprovdut mod strutturat ta’ rapportar dwar l-istadji importanti u l-miri miksuba u biex tiġi ffaċilitata l-verifika tagħhom, fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1842 ġew inklużi rekwiżiti proċedurali dwar is-sottomissjoni u l-kontenut ta’ rapport dwar in-newtralità klimatika. Huwa essenzjali li jiġu pprovduti regoli armonizzati dwar il-verifika ta’ tali rapport.
(2)Sabiex jiġi vvalutat jekk intlaħqux l-istadji importanti u l-miri, huwa essenzjali li l-verifikatur jivvaluta l-kompletezza u l-konformità tar-rapport dwar in-newtralità klimatika mar-rekwiżiti elenkati fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1842, jivverifika l-opportunitajiet għat-titjib tal-proċess ta’ monitoraġġ u rapportar u l-akkuratezza tad-data fir-rapport dwar in-newtralità klimatika. Jenħtieġ li l-verifikatur jieħu l-pjan għan-newtralità klimatika bħala punt tat-tluq u jivvaluta l-konformità tal-operatur ma’ dak il-pjan, b’mod partikolari fir-rigward tal-istadji importanti, il-miri, il-miżuri u l-investimenti. Sabiex l-awtorità kompetenti tiddeċiedi jekk il-kwoti tal-emissjonijiet għandhomx jitnaqqsu f’konformità mal-Artikolu 22b(1) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/331, jenħtieġ li r-rapport ta’ verifika jkun fih biżżejjed informazzjoni dwar kwalunkwe inkonsistenza li ma setgħetx tiġi solvuta qabel ma jinħareġ dak ir-rapport, inkluż kwalunkwe nonosservanza tal-pjan għan-newtralità klimatika mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2441, li jkunu ġew identifikati mill-verifikatur.
(3)Sabiex ikun hemm allinjament mar-regoli u l-istandards armonizzati dwar il-verifika tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u tad-data dwar l-allokazzjoni, id-definizzjonijiet fl-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2067, l-obbligi fl-Artikolu 4 u l-applikazzjoni tar-rekwiżiti fil-Kapitoli II u III ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jenħtieġ li jiġu estiżi biex ikopru l-verifika tar-rapporti dwar in-newtralità klimatika sakemm dik il-verifika ma tkunx teħtieġ regoli mfassla apposta oħra. Bl-istess mod, ir-rekwiżiti dwar l-akkreditazzjoni tal-verifikaturi fil-Kapitolu V ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni u r-rekwiżiti dwar il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-korpi nazzjonali ta’ akkreditazzjoni u l-awtoritajiet kompetenti fil-Kapitolu VI ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jenħtieġ li japplikaw għall-verifika tar-rapporti dwar in-newtralità klimatika.
(4)Huwa essenzjali li l-verifikatur jikseb biżżejjed informazzjoni biex jipprovdi assigurazzjoni raġonevoli li r-rapport dwar in-newtralità klimatika jkun ħieles minn dikjarazzjonijiet skorretti materjali u li jkunu ntlaħqu l-istadji importanti u l-miri. Sabiex jiġu żgurati approċċi armonizzati, jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar it-tip ta’ informazzjoni li għandha tiġi kondiviża bejn l-operatur u l-verifikatur u l-fatturi li għandhom jitqiesu fl-analiżi strateġika u tar-riskju għall-fini tal-ippjanar tal-verifika.
(5)Sabiex jivvaluta l-ilħuq tal-istadji importanti u tal-miri stabbiliti fil-pjan għan-newtralità klimatika skont l-Artikolu 10b(4) tad-Direttiva 2003/87/KE, jenħtieġ li l-verifikatur jivverifika d-data li tintuża biex jintwera li jkunu ntlaħqu dawk l-istadji importanti u l-miri. Sabiex tiġi żgurata l-armonizzazzjoni tal-valutazzjoni tal-verifikatur tar-rapporti dwar in-newtralità klimatika fl-installazzjonijiet kollha, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar il-verifiki li għandhom jitwettqu fuq l-evidenza tal-operatur u l-pjan għan-newtralità klimatika u l-lakuni fid-data użata biex jintwera li ntlaħqu l-istadji importanti jew il-miri.
(6)Għall-finijiet tal-ippjanar tal-verifika tar-rapporti dwar in-newtralità klimatika u tal-valutazzjoni ta’ jekk dikjarazzjoni skorretta, nonkonformità jew nonosservanza humiex materjali, jenħtieġ li jiġi stabbilit livell ta’ materjalità. Sabiex jiġi applikat l-aspett kwantitattiv tiegħu u jitnaqqas il-piż amministrattiv, jenħtieġ li jiġi speċifikat livell ta’ materjalità uniformi wieħed għall-operaturi kollha irrispettivament mid-daqs u l-emissjonijiet tagħhom. It-tip ta’ data li għaliha jenħtieġ li jiġi applikat il-livell ta’ materjalità jiddependi mit-tip ta’ mira kwantitattiva definita fil-pjan għan-newtralità klimatika u jenħtieġ li, fl-interess taċ-ċertezza legali, tiġi speċifikata fil-leġiżlazzjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-verifikatur iqis in-natura, id-daqs u ċ-ċirkostanzi partikolari ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta, nonkonformità jew kwistjoni ta’ nonosservanza.
(7)F’konformità mal-Artikolu 10a(1), il-ħames subparagrafu u l-Artikolu 10b(4) tad-Direttiva 2003/87/KE, rapport dwar in-newtralità klimatika jista’ jiġi vverifikat bħala sodisfaċenti biss jekk ir-rapport dwar in-newtralità klimatika jkun ħieles minn dikjarazzjonijiet skorretti materjali u jekk ikunu ntlaħqu l-istadji importanti u l-miri stabbiliti fil-pjan għan-newtralità klimatika fir-rigward tal-perjodu rilevanti ta’ 5 snin. Sabiex jiġi ffaċilitat ir-rapportar strutturat mill-verifikatur, jenħtieġ li jiġu speċifikati regoli dwar meta rapport dwar in-newtralità klimatika ma jkunx jista’ jiġi vverifikat bħala sodisfaċenti.
(8)Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2066 ġie emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2493 biex jinkludi regoli ta’ monitoraġġ u rapportar dwar il-klassifikazzjoni żero u l-klassifikazzjoni mhux żero tal-fjuwils tal-bijomassa, il-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika, il-fjuwils tal-karbonju riċiklat u l-fjuwils sintetiċi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. B’riżultat ta’ dan, ir-regoli eżistenti dwar ir-rwol tal-verifikatur fil-valutazzjoni tal-applikabbiltà tal-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra stabbiliti bid-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-evidenza tal-konformità ma’ dawk il-kriterji jeħtieġ li jiġu adattati. Bħala parti mill-valutazzjoni tal-verifikatur tal-applikazzjoni korretta tal-metodoloġija ta’ monitoraġġ, il-verifikatur jenħtieġ li jivverifika l-evidenza tal-operatur, tal-operatur tal-inġenji tal-ajru jew tal-entità regolata ta’ jekk il-kriterji rilevanti tas-sostenibbiltà u l-kriterji tal-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra stabbiliti fl-Artikolu 29(2) sa (7) u (10) u fl-Artikolu 29a tad-Direttiva (UE) 2018/2001 għall-fjuwils tal-bijomassa, il-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika u l-fjuwils tal-karbonju riċiklat humiex applikabbli u jekk dawk il-kriterji ġewx issodisfati. Jenħtieġ li japplikaw verifiki simili meta tiġi vvalutata l-konformità mal-kriterji tal-iffrankar ta’ gassijiet serra stabbiliti fl-Artikolu 2(13) tad-Direttiva (UE) 2024/1788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-fjuwils sintetiċi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Jekk il-verifikatur jidentifika nonosservanza tal-kriterji applikabbli tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar ta’ gassijiet serra, li ma jistgħux jiġu kkoreġuti qabel ma jinħareġ ir-rapport ta’ verifika, dan jenħtieġ li jiġi rrapportat fir-rapport ta’ verifika.
(9)Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 ġie emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2024/2493 biex jirregola l-attribuzzjoni ta’ fjuwils alternattivi jew fjuwils tal-avjazzjoni eliġibbli u l-emissjonijiet tagħhom għal titjiriet speċifiċi. Meta dawk il-fjuwils ma jkunux jistgħu jiġu attribwiti fiżikament għal titjira speċifika, jiġu inklużi regoli speċifiċi dwar l-attribuzzjoni proporzjonali ta’ dawk il-fjuwils għal titjiriet li jitilqu mill-ajruporti u ż-żmien tal-konsenja tal-fjuwils lis-sistema ta’ forniment tal-fjuwil. Fl-interess taċ-ċertezza legali u l-integrità ambjentali, huwa xieraq li jiġi speċifikat ir-rwol tal-verifikatur fil-verifika ta’ jekk ir-rekwiżiti rilevanti fl-Artikolu 53a sa 54c tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 ġewx issodisfati.
(10)Sabiex jiżgura l-attribuzzjoni proporzjonali korretta ta’ fjuwils tal-avjazzjoni alternattivi u fjuwils tal-avjazzjoni eliġibbli għat-titjiriet u jinforma lill-awtorità kompetenti b’dan, il-verifikatur jenħtieġ li jwettaq verifiki dwar il-kompletezza u l-akkuratezza tal-ammont ta’ fjuwil tal-avjazzjoni alternattiv pur bi klassifikazzjoni żero mitlub u l-ammont ta’ fjuwil tal-avjazzjoni pur eliġibbli għal kull kategorija ta’ fjuwil skont l-Artikolu 3c(6) tad-Direttiva 2003/87/KE. Kwalunkwe inkonsistenza osservata jenħtieġ li tiġi rrappurtata mill-verifikatur fir-rapport ta’ verifika.
(11)F’konformità mal-kamp ta’ applikazzjoni estiż tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE, bir-Regolament (UE) 2024/2493, ġew introdotti regoli ġodda ta’ monitoraġġ u rapportar ta’ CO2 ittrasferit lejn installazzjonijiet jew l-infrastruttura tat-trasport tas-CO2 għall-ħżin ġeoloġiku fit-tul kif speċifikat fl-Artikolu 49 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066. Sabiex jiġi żgurat li jiġu identifikati inkonsistenzi fit-tnaqqis tal-ammont ta’ CO2 ittrasferit, huwa essenzjali li jiġu speċifikati l-verifiki li verifikatur jenħtieġ li jwettaq meta jivvaluta l-applikazzjoni korretta tal-metodoloġija ta’ monitoraġġ u t-tnaqqis xieraq tas-CO2 ittrasferit f’konformità mal-Artikolu 49 ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.
(12)Sabiex jiġi żgurat li s-CO2 magħqud kimikament b’mod permanenti fi prodott elenkat fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/2620 jitnaqqas b’mod korrett mill-emissjonijiet totali ta’ installazzjoni, huwa essenzjali li jiġu speċifikati l-verifiki li għandhom jitwettqu mill-verifikatur fuq il-kwantità ta’ CO2 magħquda kimikament b’mod permanenti f’dawk il-prodotti u t-tnaqqis ta’ dak is-CO2.
(13)Wara l-emendi fid-Direttiva (UE) 2023/958 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-regoli ta’ monitoraġġ u rapportar rigward l-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2 tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru huma stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/2066. Bħala riżultat ta’ dawk il-bidliet, jenħtieġ li jiġu inkorporati regoli armonizzati dwar il-verifika tal-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2 u l-akkreditazzjoni tal-verifikaturi li jwettqu tali verifika fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2067.
(14)Il-verifika tar-rapport dwar l-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2 tal-operatur tal-inġenji tal-ajru jenħtieġ li ssegwi l-istess passi bħall-verifika tar-rapporti dwar l-emissjonijiet tas-CO2 tal-operatur tal-inġenji tal-ajru. Għal dak l-għan, id-definizzjonijiet fl-Artikolu 3, l-obbligu fl-Artikolu 4 u l-applikazzjoni tar-rekwiżiti fil-Kapitoli II u III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2067 jenħtieġ li jiġu estiżi biex ikopru l-verifika tal-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2 sakemm il-karatteristiċi speċifiċi ta’ dik il-verifika ma jkunux jeħtieġu regoli mfassla apposta oħra. Bl-istess mod, ir-rekwiżiti dwar l-akkreditazzjoni tal-verifikaturi fil-Kapitolu V tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2067 u r-rekwiżiti dwar il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-korpi nazzjonali ta’ akkreditazzjoni u l-awtoritajiet kompetenti fil-Kapitolu VI ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jenħtieġ li japplikaw għall-verifika tal-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2.
(15)F’konformità mal-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2003/87/KE, l-awtomatizzazzjoni għandha tiġi applikata kemm jista’ jkun fil-verifika tal-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2. Meta r-rapporti dwar l-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2 jimtlew awtomatikament mis-sistema ta’ trekkjar tal-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2 (“NEATS”, non-CO2 aviation effects tracking system) żviluppata mill-Kummissjoni jew minn għodda tal-IT ta’ parti terza approvata mill-Kummissjoni mingħajr ebda involviment jew emenda tad-data tal-input mill-operatur tal-inġenji tal-ajru, jenħtieġ li r-rapporti tal-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2 jitqiesu vverifikati. F’każijiet bħal dawn, ir-rapport ikun għadda minn kontrolli ta’ verifika awtomatizzati mis-sistema jew mill-għodda. Sabiex jiġi żgurat l-allinjament mar-rapportar tas-CO2 u biex tinkiseb l-ogħla akkuratezza tad-data possibbli, jenħtieġ li titwettaq verifika tal-konsistenza bħala parti mill-verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet tal-operatur tal-inġenji tal-ajru bejn l-informazzjoni dwar it-titjira fir-rapport dwar l-emissjonijiet u l-informazzjoni dwar it-titjira fin-NEATS jew fl-għodda tal-IT ta’ parti terza filwaqt li jitqies il-kamp ta’ applikazzjoni tat-titjiriet koperti mid-Direttiva 2003/87/KE. Sabiex jiġi minimizzat il-piż amministrattiv, tali verifiki tal-konsistenza jenħtieġ li ma jkunux meħtieġa għall-emittenti iżgħar. Kwalunkwe inkonsistenza fl-informazzjoni dwar it-titjira jenħtieġ li tiġi rrapportata mill-verifikatur fir-rapport ta’ verifika.
(16)Meta l-operatur tal-inġenji tal-ajru jdaħħal id-data tiegħu stess fin-NEATS jew f’għodda ta’ parti terza approvata mill-Kummissjoni jew japplika l-metodi ta’ kalkolu tiegħu stess, huwa essenzjali fl-interessi tal-integrità ambjentali u ż-żieda tal-fiduċja tal-pubbliku fl-akkuratezza tad-data biex ir-rapport dwar l-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2 li jiġi vverifikat minn verifikatur kompetenti u indipendenti.
(17)Sabiex il-verifikaturi jwettqu verifika ta’ rapport dwar l-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2 u jivvalutaw l-aspetti tekniċi tal-monitoraġġ u r-rapportar tal-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2, jenħtieġ li jiġu definiti kriterji ta’ kompetenza speċifiċi. Dan għandu jippermetti lill-korpi ta’ akkreditazzjoni jivvalutaw il-kompetenza u l-prestazzjoni tal-verifikatur skont dawk il-kriterji speċifiċi meta jakkreditaw u jissorveljaw il-verifikaturi.
(18)Sabiex tiżdied il-fiduċja tal-pubbliku fil-kwalità u r-robustezza tal-verifika filwaqt li tiġi ffaċilitata l-akkreditazzjoni u jiġi evitat il-piż amministrattiv, jenħtieġ li tinħoloq estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkreditazzjoni eżistenti numru 12 għall-avjazzjoni għall-verifika tar-rapport dwar l-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2. Il-verifikaturi li jwettqu verifika ta’ rapport dwar l-emissjonijiet jenħtieġ li jiġu akkreditati skont il-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkreditazzjoni 12a filwaqt li l-verifikaturi li jivverifikaw rapporti dwar l-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2 jenħtieġ li jiġu akkreditati għall-kamp ta’ applikazzjoni estiż tal-akkreditazzjoni 12b. Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, jenħtieġ li ssir eżenzjoni għal dawk is-sitwazzjonijiet fejn il-verifika tar-rapporti dwar l-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2 tkun relattivament sempliċi minħabba t-tip ta’ data mdaħħla mill-operatur tal-inġenji tal-ajru bħal informazzjoni dwar it-titjira, data dwar it-trajettorja tat-titjira jew data tal-proprjetajiet tal-inġenji tal-ajru. F’każijiet bħal dawn, akkreditazzjoni skont il-kamp ta’ applikazzjoni 12a għandha tkun biżżejjed.
(19)Sabiex ma jkollhomx impatt fuq l-akkreditazzjonijiet validi tal-verifikaturi li jivverifikaw ir-rapporti dwar l-emissjonijiet tas-CO2, il-verifikaturi li huma akkreditati skont il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ akkreditazzjoni 12 sa meta dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ, jenħtieġ li jkunu jistgħu jivverifikaw ir-rapporti dwar l-emissjonijiet, u r-rapporti dwar l-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2 tal-operatur tal-inġenji tal-ajru, meta l-operatur tal-inġenji tal-ajru jibdel biss l-informazzjoni dwar it-titjira, id-data dwar it-trajettorja tat-titjira jew il-proprjetajiet tal-inġenji tal-ajru fin-NEATS jew l-għodda ta’ parti terza approvata mill-Kummissjoni.
(20)Huwa essenzjali li l-verifikatur ikollu aċċess għas-sistemi tal-IT użati mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru biex jimmonitorjaw u jirrapportaw l-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2. Jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli armonizzati dwar it-tip ta’ informazzjoni, sistemi jew għodod li għandhom jiġu kondiviżi bejn l-operatur u l-verifikatur u l-fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati fl-analiżi strateġika u tar-riskju għall-fini tal-ippjanar tal-verifika.
(21)Bħala parti mill-verifika tad-data, il-verifikaturi jenħtieġ li jwettqu verifiki speċifiċi tal-konsistenza fuq id-data li tintuża mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru meta jiġbru r-rapporti dwar l-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2. It-tip ta’ verifiki jenħtieġ li jiddependu fuq l-input speċifiku tad-data. Huma meħtieġa regoli armonizzati biex jiġu definiti dawk il-verifiki u kif tiġi indirizzata d-data nieqsa fl-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2.
(22)Sabiex ikun hemm allinjament mal-verifika tas-CO2 u biex jiġi akkomodat il-fatt li d-data dwar l-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2 hija fil-biċċa l-kbira pproċessata u rreġistrata f’sistemi awtomatizzati, id-definizzjoni ta’ sit fil-verifika tas-CO2 u r-regoli dwar iż-żjarat fuq il-post li għandhom jitwettqu mill-verifikatur jenħtieġ li japplikaw għall-verifika tar-rapporti dwar l-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2. Iż-żjarat virtwali fuq il-post jenħtieġ li jkunu permessi taħt kundizzjonijiet simili. Il-korpi nazzjonali ta’ akkreditament jenħtieġ li jimmonitorjaw l-applikazzjoni ta’ dawk il-kundizzjonijiet u l-prestazzjoni tal-verifikaturi matul dawn iż-żjarat fil-post bħala parti mis-sorveljanza annwali tal-verifikaturi.
(23)Fl-interess taċ-ċertezza legali u l-evitar tal-piż amministrattiv, huwa xieraq livell ta’ materjalità uniformi wieħed għall-operaturi kollha tal-inġenji tal-ajru għall-fini tal-ippjanar tal-verifika tar-rapporti dwar l-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2 u għall-appoġġ tal-valutazzjoni tal-verifikatur f’dik il-verifika dwar jekk dikjarazzjoni skorretta, nonkonformità jew nonosservanza għandhomx impatt materjali.
(24)Sabiex jiġi żgurat li dikjarazzjonijiet skorretti, nonkonformità jew nonosservanza individwali jew aggregati tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/2066 taħt il-livell ta’ materjalità applikabbli ma jiġux injorati, dawk il-kwistjonijiet jenħtieġ li jitqiesu wkoll bħala materjali jekk dan ikun iġġustifikat minħabba n-natura, id-daqs u ċ-ċirkostanzi partikolari ta’ dik il-kwistjoni partikolari.
(25)Sabiex jittaffa l-piż amministrattiv għall-entitajiet regolati b’sitwazzjonijiet sempliċi ta’ monitoraġġ u b’riskji baxxi, jenħtieġ li jinbnew xi simplifikazzjonijiet fil-verifika ta’ dawn ir-rapporti tal-entità regolata. Dawn is-simplifikazzjonijiet jenħtieġ li jkunu applikabbli taħt kundizzjonijiet stretti biss biex tiġi żgurata l-kwalità tal-verifika u tiġi ppreservata l-integrità ambjentali.
(26)Sabiex jitnaqqas ir-riskju li tiġi pperikolata l-imparzjalità tal-verifikatur, ir-regoli dwar l-imparzjalità u l-indipendenza tal-verifikatur u tal-persunal tiegħu li jwettaq attivitajiet ta’ verifika jenħtieġ li jiġu estiżi għall-verifika tar-rapporti dwar l-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2.
(27)Skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/87/KE, ir-regoli għall-monitoraġġ u r-rapportar tal-emissjonijiet mill-fjuwils tal-bijomassa, mill-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika, mill-fjuwils tal-karbonju riċiklat u mill-fjuwils sintetiċi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2024. Għalhekk, ir-regoli dwar il-verifika tal-emissjonijiet relatati ma’ dawk il-fjuwils jenħtieġ li japplikaw għall-verifika tar-rapporti dwar l-emissjonijiet li jappartjenu għall-perjodu ta’ rapportar 2024.
(28)Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima.
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2067 huwa emendat kif ġej:
(1)l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:
(a)il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:
(b) il-verifika tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra li jkun hemm mill-1 ta’ Jannar 2025, irrapportati mill-entità regolata skont l-Artikolu 30f tad-Direttiva 2003/87/KE;”
(b)jiżdied il-punt (c):
“(c) il-verifika tal-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2 li jkun hemm mill-1 ta’ Jannar 2025, irrapportati mill-operatur tal-inġenji tal-ajru skont l-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2003/87/KE.”;
(2)l-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:
(a)jiddaħħal il-punt (6c) li ġej:
“(6c) “rapport dwar l-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2” tfisser ir-rapport li għandu jiġi sottomess mill-operatur tal-inġenji tal-ajru skont l-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2003/87/KE u inkluż bħala dokument mehmuż fir-rapport annwali dwar l-emissjonijiet tal-operatur tal-inġenji tal-ajru f’konformità mal-Artikolu 68(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066;”;
(b)il-punt (7) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(7)
“rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru” tfisser ir-rapport annwali dwar l-emissjonijiet li operatur jew operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jissottometti skont l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/87/KE, ir-rapport dwar l-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2, ir-rapport dwar id-data ta’ referenza li operatur jibgħat skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/331*, ir-rapport dwar id-data ta’ min jidħol ġdid li l-operatur jissottometti skont l-Artikolu 5(2) ta’ dak ir-Regolament, ir-rapport annwali dwar il-livell ta’ attività jew ir-rapport dwar in-newtralità klimatika;”;
___________
* Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/331 tad-19 ta’ Diċembru 2018 li jiddetermina regoli tranżizzjonali għall-Unjoni kollha għall-allokazzjoni armonizzata bla ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 59, 27.2.2019, p. 8, ELI:
http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/331/oj
).
(c)il-punt (13) huwa emendat kif ġej:
(i)il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(b)għall-finijiet tal-verifika ta’ rapport dwar l-emissjonijiet ta’ operatur tal-inġenji tal-ajru jew rapport dwar l-effetti tal-avjazzjoni mhux tas-CO2 ta’ operatur tal-inġenji tal-ajru, kwalunkwe att jew ommissjoni ta’ att min-naħa tal-operatur tal-inġenji tal-ajru li jmur kontra r-rekwiżiti tal-pjan ta’ monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti;”;
(ii)jiddaħħal il-punt (ca) li ġej:
“(ca) għall-finijiet tal-verifika ta’ rapport dwar in-newtralità klimatika, kwalunkwe att jew ommissjoni ta’ att mill-operatur li jmur kontra l-ispeċifikazzjonijiet fil-pjan għan-newtralità klimatika;”;
(d)fil-punt (14), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(a)
għall-finijiet tal-verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet jew ir-rapport dwar l-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2 ta’ operatur tal-inġenji tal-ajru: il-postijiet fejn jiġi ddefinit u mmaniġġjat il-proċess ta’ monitoraġġ, fosthom il-postijiet fejn jiġu kkontrollati u maħżuna d-data u l-informazzjoni rilevanti;”;
(e)il-punt (30) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(30) ‘perjodu ta’ rapportar tal-livell ta’ attività’ tfisser il-perjodu applikabbli qabel is-sottomissjoni tar-rapport annwali dwar il-livell ta’ attività skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1842;”;
(f)jiżdiedu l-punti (31) u (32) li ġejjin:
“(31) ‘rapport dwar in-newtralità klimatika’ tfisser rapport sottomess minn operatur skont l-Artikolu 3b(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1842;
(32) ‘perjodu ta’ rapportar tan-newtralità klimatika’ tfisser, skont l-Artikolu 10a(1), il-ħames subparagrafu, u l-Artikolu 10b(4), ir-raba’ subparagrafu, tad-Direttiva 2003/87/KE, il-perjodu applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2025 u sussegwentement kull perjodu ta’ 5 snin li jintemm fil-31 ta’ Diċembru ta’ kull ħames sena sussegwenti.”;
(3)L-Artikolu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 6
Affidabbiltà tal-verifika
Rapport ivverifikat dwar l-emissjonijiet, rapport dwar l-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2, rapport dwar id-data ta’ referenza, rapport dwar id-data ta’ min jidħol ġdid jew rapport annwali dwar il-livell ta’ attività għandu jkun affidabbli għall-utenti. Dawk ir-rapporti għandhom jirrappreżentaw b’mod ġenwin dak li għandhom l-għan li jirrappreżentaw jew inkella dak li wieħed jista’ jistenna b’mod raġonevoli li jirrappreżentaw.
Il-proċess ta’ verifika tar-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jkun għodda affidabbli u effettiva ta’ appoġġ għall-proċeduri ta’ garanzija tal-kwalità u ta’ kontroll tal-kwalità, li tipprovdi informazzjoni li operatur jew operatur tal-inġenji tal-ajru jkun jista’ juża biex itejjeb il-prestazzjoni tiegħu b’rabta mal-monitoraġġ u mar-rapportar tal-emissjonijiet, tal-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2, tad-data rilevanti għall-allokazzjoni bla ħlas jew tad-data rilevanti għar-rapporti dwar in-newtralità klimtika, inkluż b’rabta mal-istadji importanti u l-miri.”;
(4)l-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 4 huwa emendat kif ġej:
(i)il-punti (a) u (b) huma sostitwiti b’dan li ġej:
“(a) ir-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru huwa komplut u jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness X tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, fl-Anness IV tar-Regolament Delegat (UE) 2019/331, fl-Artikolu 3(2) jew fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1842, kif xieraq;
(b)jekk l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru jkunx aġixxa f’konformità mar-rekwiżiti tal-permess għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra u tal-pjan ta’ monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti jew le meta l-verifika tkun qed issir b’rabta ma’ rapport dwar l-emissjonijiet ta’ operatur, u jekk huwa jkunx aġixxa f’konformità mar-rekwiżiti tal-pjan ta’ monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti jew le meta l-verifika tkun qed issir b’rabta ma’rapport dwar l-emissjonijiet jew rapport dwar l-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2 ta’ operatur tal-inġenji tal-ajru;”;
(ii)jiddaħħal il-punt (ca) li ġej:
“(ca) fejn tkun ikkonċernata l-verifika ta’ rapport dwar in-newtralità klimatika ta’ operatur, jekk l-operatur ikunx aġixxa f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tal-pjan għan-newtralità klimatika skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2441*, b’mod partikolari b’rabta mal-miżuri, l-istadji importanti, l-investimenti u l-miri;
______________
*Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2441 tal-31 ta’ Ottubru 2023 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontenut u l-format tal-pjanijiet ta’ newtralità klimatika meħtieġa għall-għoti tal-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet (ĠU L, 2023/2441, 3.11.2023, ELI:
http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2441/oj
).’;
(iii)it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Għall-finijiet tal-punt (d), il-verifikatur għandu jikseb evidenza ċara u oġġettiva mingħand l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru li tappoġġa l-emissjonijiet aggregati rrappurtati, l-effetti tal-avjazzjoni mhux tas-CO2, id-data rilevanti għall-allokazzjoni bla ħlas, jew id-data rilevanti għar-rapporti dwar in-newtralità klimatika filwaqt li jqis l-informazzjoni l-oħra kollha pprovduta fir-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru.”;
(b)jiddaħħal il-paragrafu (5a) li ġej:
“5a. Jekk il-verifikatur jiskopri li operatur ma jkunx qed jikkonforma mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2441, dik l-irregolarità għandha tiġi inkluża fir-rapport ta’ verifika anke jekk il-pjan għan-newtralità klimatika jkun tqies konformi ma’ dak ir-Regolament mill-awtorità kompetenti f’konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 22b(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/331.”;
(5)L-Artikolu 9(1) huwa emendat kif ġej:
(a)jiddaħħal il-punt (ba) li ġej:
“(ba) il-livell ta’ informazzjoni u l-kumplessità tal-pjan għan-newtralità klimatika, fejn hija kkonċernata l-verifika tar-rapport dwar in-newtralità klimatika;”;
(b)il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(e)
il-post fejn jinsabu l-informazzjoni u d-data marbutin mal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, l-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2, id-data rilevanti għall-allokazzjoni bla ħlas jew id-data rilevanti għar-rapporti dwar in-newtralità klimatika.”;
(6)l-Artikolu 10(1) huwa emendat kif ġej:
(a)jiddaħħal il-punt (ca) li ġej:
“(ca) l-aħħar verżjoni tal-pjan għan-newtralità klimatika tal-operatur kif ukoll kull verżjoni rilevanti oħra tal-pjan għan-newtralità klimatika;”;
(b)il-punt (h) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(h)
ir-rapport annwali dwar l-emissjonijiet, ir-rapport dwar l-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2, ir-rapport dwar id-data ta’ referenza, ir-rapport dwar id-data ta’ min jidħol ġdid, ir-rapport annwali dwar il-livell tal-attività jew ir-rapport dwar in-newtralità klimatika tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru, kif xieraq;”;
(c)jiddaħħal il-punt (kb) li ġej:
“(kb) jekk il-pjan għan-newtralità klimatika jkun ġie aġġornat matul il-perjodu ta’ rapportar dwar in-newtralità klimatika, reġistru ta’ dak it-tibdil kollu f’konformità mal-Artikolu 22d tar-Regolament Delegat (UE) 2019/331;”;
(d)il-punti (m), (n) u (o) huma sostitwiti b’dan li ġej:
“(m)
ir-rapport ta’ verifika tas-sena ta’ qabel, tal-perjodu ta’ referenza ta’ qabel jew tal-perjodu ta’ rapportar dwar in-newtralità klimatika ta’ qabel, kif xieraq, jekk il-verifikatur ma jkunx wettaq il-verifika ta’ dak l-operatur partikolari jew ta’ dak l-operatur tal-inġenji tal-ajru partikolari fis-sena ta’ qabel, fil-perjodu ta’ referenza ta’ qabel jew fil-perjodu ta’ rapportar dwar in-newtralità klimatika ta’ qabel, kif xieraq;
(n)
il-korrispondenza rilevanti kollha mal-awtorità kompetenti, b’mod partikolari l-informazzjoni relatata man-notifika tal-modifiki tal-pjan ta’ monitoraġġ, tal-pjan ta’ metodoloġija tal-monitoraġġ, tal-pjan għan-newtralità klimatika jew tal-istadji importanti u l-miri kif ukoll il-korrezzjonijiet tad-data rappurtata, kif xieraq;
(o)
informazzjoni dwar il-bażijiet tad-data u s-sorsi tad-data użati għall-finijiet tal-monitoraġġ u tar-rapportar, fosthom dawk tal-Eurocontrol jew ta’ organizzazzjoni rilevanti oħra, is-sistema ta’ trekkjar tal-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2 (“NEATS”) jew għodda tal-IT ta’ parti terza skont l-Artikolu 56a(7) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066;”;
(e)jiddaħħal il-punt (oa) li ġej:
“(oa) informazzjoni u data sottostanti li jintużaw mill-operatur tal-inġenji tal-ajru biex jiġbor informazzjoni dwar it-titjira, informazzjoni dwar il-proprjetajiet tal-inġenji tal-ajru u tip ieħor ta’ informazzjoni mmonitorjata, sabiex jitwettaq il-kalkolu għall-ekwivalenti tas-CO2 tal-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2 għal kull titjira, fejn in-NEATS issir disponibbli aktar tard mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 56b(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066;”;
(7)l-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 3 huwa emendat kif ġej:
(i)il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(b)għall-finijiet tal-verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet jew tar-rapport dwar l-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2 ta’ operatur tal-inġenji tal-ajru, id-daqs tal-operatur tal-inġenji tal-ajru u n-natura tiegħu, it-tqassim tal-informazzjoni f’postijiet differenti, kif ukoll l-għadd ta’ titjiriet u t-tip tagħhom;”;
(ii)jiddaħħal il-punt (ca) li ġej:
“(ca) għall-finijiet tal-verifika tar-rapport dwar in-newtralità klimatika, il-pjan għan-newtralità klimatika, l-istadji importanti u l-miri speċifiċi stabbiliti f’dak il-pjan kif ukoll kwalunkwe aġġornament tal-pjan għan-newtralità klimatika fil-perjodu ta’ rapportar dwar in-newtralità klimatika;”;
(iii)il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(d)in-natura, l-iskala u l-kumplessità tas-sorsi tal-emissjonijiet u tal-flussi mis-sorsi, kif ukoll it-tagħmir u l-proċessi li jkunu wasslu għad-data dwar l-emissjonijiet, għall-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2 jew għad-data rilevanti għall-allokazzjoni bla ħlas, fosthom it-tagħmir tal-kejl deskritt fil-pjan ta’ monitoraġġ jew fil-pjan ta’ metodoloġija tal-monitoraġġ, kif xieraq, l-oriġini u l-applikazzjoni tal-fatturi ta’ kalkolu u sorsi primarji oħrajn tad-data;”;
(b)jiddaħħal il-punt (f) li ġej:
“(f) għall-finijiet tal-verifika tal-effetti tal-avjazzjoni mhux tas-CO2, ir-rapport dwar sa liema punt id-data tiġi pprovduta mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru fin-NEATS jew fl-għodod tal-IT ta’ partijiet terzi approvati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 56a(8) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066.”;
(c)il-paragrafu 4 huwa emendat kif ġej:
(i)jiddaħħal il-punt (aa) li ġej:
“(aa) jekk il-verżjoni tal-pjan għan-newtralità klimatika ippreżentata lilu hijiex l-aktar verżjoni reċenti jew le u ġietx meqjusa konformi mill-awtorità kompetenti f’konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 22b(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/331;”;
(ii)jiddaħħal il-punt (bb) li ġej:
“(bb) jekk sarx tibdil fil-pjan għan-newtralità klimatika matul il-perjodu ta’ rapportar dwar in-newtralità klimatika u jekk l-awtorità kompetenti ġietx infurmata dwar dak it-tibdil;”;
(8)l-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:
(a)fil-paragrafu 1, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“ (c)
pjan ta’ kampjunar tad-data li jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni u l-metodi tal-kampjunar tad-data b’rabta mal-punti tad-data li fuqhom jissejsu l-emissjonijiet aggregati mogħtija fir-rapport dwar l-emissjonijiet tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru, l-effetti aggregati mhux marbuta mas-CO2 fir-rapport dwar l-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2, id-data aggregata rilevanti għall-allokazzjoni bla ħlas mogħtija fir-rapport dwar id-data ta’ referenza tal-operatur, fir-rapport dwar id-data ta’ min jidħol ġdid jew fir-rapport annwali dwar il-livell tal-attività jew id-data aggregata rilevanti biex jintwera li l-istadji importanti u l-miri stabbiliti fil-pjan għan-newtralità klimatika jkunu ntlaħqu.”;
(b)fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Il-verifikatur għandu jistabbilixxi l-pjan magħmul bħala test imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1 b’mod li jippermettilu jistabbilixxi kemm jista’ joqgħod fuq l-attivitajiet ta’ kontroll rilevanti biex jivvaluta l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (b), (c), (ca) u (d) tal-Artikolu 7(4), jew fl-Artikolu 7(4), it-tielet subparagrafu.”;
(9)fl-Artikolu 14, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Il-verifikatur għandu jimplimenta l-pjan ta’ verifika u, abbażi tal-analiżi tar-riskju, jivverifika l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ monitoraġġ jew tal-pjan ta’ metodoloġija tal-monitoraġġ kif approvat mill-awtorità kompetenti, jew tal-pjan għan-newtralità klimatika, kif xieraq.”;
(10)l-Artikolu 16 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:
(i)il-kliem introduttorju fl-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
‘‘2. Bħala parti mill-verifika tad-data msemmija fil-paragrafu 1 u filwaqt li jqis il-pjan ta’ monitoraġġ, il-pjan ta’ metodoloġija tal-monitoraġġ jew il-pjan għan-newtralità klimatika approvat, kif xieraq, fosthom il-proċeduri deskritti f’dak il-pjan, il-verifikatur għandu jivverifika l-affarijiet li ġejjin:”;
(ii)jiddaħħal il-punt (ca) li ġej:
“(ca) għall-finijiet tal-verifika ta’ rapport dwar in-newtralità klimatika, il-konsistenza mal-konfini tal-installazzjoni stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 u mas-subinstallazzjonijiet tiegħu stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2019/331;”;
(iii)il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(d)għall-finijiet tal-verifika ta’ rapport dwar l-emissjonijiet jew rapport dwar l-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2 ta’ operatur tal-inġenji tal-ajru, il-kompletezza tat-titjiriet koperti minn attività tal-avjazzjoni mniżżla fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE li għaliha l-operatur tal-inġenji tal-ajru jkun responsabbli kif ukoll il-kompletezza tad-data dwar l-emissjonijiet jew l-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2;”;
(iv)jiddaħħal il-punt (fb) li ġej:
“(fb) għall-finijiet tal-verifika ta’ rapport ta’ newtralità klimatika, il-konsistenza bejn l-emissjonijiet storiċi, il-livelli tal-emissjonijiet kif ukoll il-livelli ta’ attività u d-data inkluża fir-rapporti dwar id-data ta’ referenza u fir-rapporti dwar il-livell ta’ attività;”;
(b)jiddaħħlu l-paragrafi 2a, 2b, 2c u 2d li ġejjin:
“2a. Meta l-operatur tal-inġenji tal-ajru jipprovdi data dwar it-trajettorji tat-titjira fir-rapport dwar l-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2, il-verifikatur għandu jivverifika l-kompletezza tal-informazzjoni dwar it-trajettorja tat-titjira bħala parti mill-verifika tad-data msemmija fil-paragrafu 1 u filwaqt li jqis il-pjan ta’ monitoraġġ approvat.
2b. Meta l-operatur tal-inġenji tal-ajru jipprovdi data dwar il-proprjetajiet tal-inġenji tal-ajru fir-rapport dwar l-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2, il-verifikatur għandu mill-inqas jivverifika bħala parti mill-verifika tad-data msemmija fil-paragrafu 1 u filwaqt li jqis il-pjan ta’ monitoraġġ approvat:
(a)il-konsistenza bejn it-tipi ta’ inġenji tal-ajru elenkati fil-pjan ta’ monitoraġġ approvat u d-data rrapportata dwar it-tipi ta’ inġenji tal-ajru u dawk irreġistrati fir-reġistri interni;
(b)il-konsistenza bejn is-sorsi tad-data u l-proċeduri tal-operatur tal-inġenji tal-ajru dwar il-magni tal-inġenji tal-ajru bin-numru uniku tal-identifikatur tal-magna tal-inġenju tal-ajru elenkat fil-bank tad-data tal-emissjonijiet tal-magni tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO, International Civil Aviation Organization) jew sors tad-data ekwivalenti li jintuża biex jiġu identifikati l-magni mehmuża mal-inġenju tal-ajru;
(c)il-konsistenza bejn il-massa tal-inġenju tal-ajru, il-massa waqt il-qtugħ mill-art jew il-fattur tat-tagħbija fir-reġistri interni tal-operatur tal-inġenji tal-ajru u d-dokumentazzjoni dwar il-massa u l-bilanċ mad-data rrapportata mill-operatur tal-inġenji tal-ajru.
Il-verifikatur għandu juża wkoll il-bażi tad-data ta’ simulazzjoni tal-prestazzjoni tal-inġenju tal-ajru biex jistma l-massa tal-inġenju tal-ajru, il-massa waqt il-qtugħ mill-art jew il-fattur tat-tagħbija sabiex iqabbel mad-data pprovduta mill-operatur tal-inġenji tal-ajru.
2c. Meta l-operatur tal-inġenji tal-ajru jipprovdi data dwar il-prestazzjoni tal-inġenji tal-ajru fir-rapport dwar l-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2, il-verifikatur għandu, bħala parti mill-verifika tad-data msemmija fil-paragrafu 1 u filwaqt li jqis il-pjan ta’ monitoraġġ approvat, jivverifika dan li ġej:
(a)il-konsistenza bejn id-data dwar it-trajettorja tat-titjira u d-data dwar il-prestazzjoni tal-inġenji tal-ajru tul it-trajettorja tagħha, inkluż il-kontroverifika tat-timbri tal-ħin użati għad-data dwar it-trajettorja tat-titjira u d-data dwar il-prestazzjoni tal-inġenju tal-ajru;
(b)il-konsistenza bejn il-konsum aggregat tal-fjuwil, id-data dwar il-fjuwil mixtri jew fornut mod ieħor lill-inġenju tal-ajru li jwettaq l-attività tal-avjazzjoni u l-kejl tat-tank;
(c)il-konsistenza bejn id-data rrappurtata mill-operatur tal-inġenji tal-ajru u l-ispeċifikazzjonijiet tal-manifattur, ir-reġistri interni u l-proċeduri relatati mal-fjuwil ikkonsenjat, il-fluss tal-fjuwil u l-effiċjenza tal-magna tal-inġenju tal-ajru, inkluża l-ispinta tal-magna tal-inġenju tal-ajru;
(d)kwalunkwe informazzjoni li l-verifikatur iqis meħtieġa sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ verifika għal livell aċċettabbli sabiex tinkiseb assigurazzjoni raġonevoli li r-rapport dwar l-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2 ikun ħieles minn dikjarazzjoni skorretta materjali.
Meta jivverifika l-konsistenza tad-data msemmija fil-punt (a), il-verifikatur għandu juża wkoll il-bażi tad-data ta’ simulazzjoni tal-prestazzjoni tal-inġenju tal-ajru biex jistma l-kejl tal-fluss tal-fjuwil u l-effiċjenza tal-magna sabiex jitqabbel mad-data pprovduta mill-operatur tal-inġenji tal-ajru.
2d. Meta l-operatur tal-inġenji tal-ajru juża l-metodu tiegħu stess biex jiddetermina l-proprjetajiet tal-fjuwil jew id-data tat-temp fir-rapport dwar l-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2, il-modulu tal-ħruq tal-fjuwil tiegħu stess jew il-modulu ta’ stima tal-emissjonijiet imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 56a(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, il-verifikatur għandu jivverifika bħala parti mill-verifika tad-data msemmija fil-paragrafu 1, il-validità tal-informazzjoni tal-input użata biex tiġi ddeterminata d-data u jiġu applikati l-metodi kif approvati mill-awtorità kompetenti fil-pjan ta’ monitoraġġ.”;
(c)jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:
‘‘4. Għall-finijiet tal-verifika tal-kompletezza tat-trajettorji tat-titjira msemmija fil-paragrafu 2a, il-verifikatur għandu juża l-Mudell Tattiku tat-Titjira Kurrenti tal-Eurocontrol, il-Mudell Tattiku tat-Titjira Regolat tal-Eurocontrol, jew inkella, il-Mudell Tattiku tat-Titjira Reġistrat tal-Eurocontrol jew ekwivalenti f’termini ta’ akkuratezza tad-data, fejn xieraq, kif ukoll id-data tax-Xandir ta’ Sorveljanza Awtomatika Dipendenti.”;
(11)l-Artikolu 17 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:
‘‘4. Meta s-CO2 ittrasferit jitnaqqas f’konformità mal-Artikolu 49 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 u s-CO2 ittrasferit jitkejjel kemm mill-installazzjoni tat-trasferiment kif ukoll minn dik riċeventi jew mill-infrastruttura tat-trasport tas-CO2, il-verifikatur għandu jivverifika jekk id-differenzi bejn il-valuri mkejla fiż-żewġ installazzjonijiet jew fl-infrastruttura tat-trasport tas-CO2 jistgħux jiġu spjegati mill-inċertezza tas-sistemi ta’ kejl u jekk il-medja aritmetika korretta tal-valuri mkejla ntużatx fir-rapporti dwar l-emissjonijiet taż-żewġ installazzjonijiet jew tal-infrastruttura tat-trasport tas-CO2.
Meta l-inċertezza tas-sistemi tal-kejl ma tkunx tista’ tispjega d-differenzi bejn il-valuri mkejla fiż-żewġ installazzjonijiet, il-verifikatur għandu jivverifika jekk sarux xi aġġustamenti sabiex jiġu allinjati d-differenzi bejn il-valuri mkejla jew le, jekk dawk l-aġġustamenti kinux konservattivi jew le u jekk l-awtorità kompetenti approvatx dawk l-aġġustamenti jew le.
Meta s-CO2 fi tranżitu jkun ġie rrapportat f’konformità mal-Artikolu 49(7) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, il-verifikatur għandu jivverifika jekk is-CO2 fi tranżitu jkunx ġie ttrasferit lejn installazzjoni jew infrastruttura tat-trasport tas-CO2 oħra sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara.”;
(b)jiddaħħlu l-paragrafi 4a, 4b u 4c li ġejjin:
“4a. Meta l-N2O ittrasferit ma jingħaddx bħala rilaxxat f’konformità mal-Artikolu 50 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 u l-N2O ittrasferit jitkejjel kemm mill-installazzjoni li tkun qed tittrasferih kif ukoll minn dik li tkun qed tirċevih, il-verifikatur għandu jivverifika jekk l-inċertezza tas-sistemi tal-kejl tistax tispjega d-differenzi bejn il-valuri mkejla fiż-żewġ installazzjonijiet u jekk tkunx intużat il-medja aritmetika korretta tal-valuri mkejla fir-rapporti dwar l-emissjonijiet taż-żewġ installazzjonijiet jew le.
Meta l-inċertezza tas-sistemi tal-kejl ma tkunx tista’ tispjega d-differenzi bejn il-valuri mkejla fiż-żewġ installazzjonijiet, il-verifikatur għandu jivverifika jekk sarux xi aġġustamenti sabiex jiġu allinjati d-differenzi bejn il-valuri mkejla jew le, jekk dawk l-aġġustamenti kinux konservattivi jew le u jekk l-awtorità kompetenti approvatx dawk l-aġġustamenti jew le.
4b. Meta s-CO2 ittrasferit f’konformità mal-Artikolu 49(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jirriżulta minn materjali jew fjuwils li fihom karbonju bi klassifikazzjoni żero, il-verifikatur għandu jivverifika dan kollu li ġej:
(a)ir-riżultati tas-CO2 ittrasferit minn materjali jew fjuwils li fihom karbonju bi klassifikazzjoni żero;
(b)l-installazzjoni tat-trasferiment jew l-infrastruttura tat-trasport tas-CO2 tkun naqqset is-CO2 ittrasferit b’mod korrett, proporzjonali għall-frazzjoni tal-karbonju li ma joriġinax minn karbonju bi klassifikazzjoni żero;
(c)l-operatur tal-installazzjoni jew l-infrastruttura tat-trasport tas-CO2 ikun immonitorja l-emissjonijiet minn avvenimenti ta’ tnixxija, l-emissjonijiet li jaħarbu jew l-emissjonijiet ivventjati jekk ikunu seħħew tali emissjonijiet;
(d)kwalunkwe informazzjoni li l-verifikatur iqis meħtieġa sabiex ir-riskju ta’ verifika jitnaqqas għal livell aċċettabbli sabiex tinkiseb assigurazzjoni raġonevoli li r-rapport dwar l-emissjonijiet ikun ħieles minn dikjarazzjoni skorretta materjali.
4c. Meta s-CO2 ikun magħqud kimikament b’mod permanenti fi prodott f’konformità mal-Artikolu 49a tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, il-verifikatur għandu jivverifika dan kollu li ġej:
(a)il-prodott huwa elenkat fir-Regolament Delegat (UE) 2024/2620;
(b)l-operatur ikun naqqas b’mod korrett is-CO2 li joriġina minn karbonju bi klassifikazzjoni mhux żero li jkun kimikament magħqud b’mod permanenti f’konformità mal-Artikolu 49a tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066;
(c)il-kwantità ta’ CO2 kimikament magħqud b’mod permanenti fi prodott elenkat fir-Regolament Delegat (UE) 2024/2620;
(d)meta s-CO2 jirriżulta minn materjal jew fjuwils li fihom frazzjoni ta’ karbonju bi klassifikazzjoni żero:
(i)ir-riżultati tas-CO2 minn dawk il-materjali jew il-fjuwils;
(ii)l-operatur ikun naqqas is-CO2 li jkun kimikament magħqud b’mod permanenti b’mod korrett, proporzjonali għall-frazzjoni tal-karbonju li ma joriġinax minn karbonju bi klassifikazzjoni żero;
(e)kwalunkwe informazzjoni li l-verifikatur iqis meħtieġa sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ verifika għal livell aċċettabbli sabiex tinkiseb assigurazzjoni raġonevoli li r-rapport dwar l-emissjonijiet ikun ħieles minn dikjarazzjoni skorretta materjali.”;
(c)il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“5.
Għall-fini tal-verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet tal-operatur, il-verifikatur għandu, bħala parti mill-kontroll imsemmi fil-paragrafu 1, jivverifika l-evidenza li ġejja:
(a) l-evidenza tal-operatur li turi l-konformità tal-fjuwils tal-bijomassa bi klassifikazzjoni żero mal-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-gassijiet serra stabbiliti fl-Artikolu 29(2) sa (7) u (10) tad-Direttiva (UE) 2018/2001;
(b) l-evidenza tal-operatur li turi l-konformità ta’ fjuwil rinnovabbli bi klassifikazzjoni żero ta’ oriġini mhux bijoloġika (“RFNBO”, renewable fuel of non-biological origin) jew ta’ fjuwils tal-karbonju riċiklat (“RCF”, recycled carbon fuels) mal-kriterji tal-iffrankar tal-gassijiet serra stabbiliti fl-Artikolu 29a tad-Direttiva (UE) 2018/2001;
(c) l-evidenza tal-operatur li turi dan kollu li ġej:
(i) il-konformità tal-fjuwils sintetiċi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju bi klassifikazzjoni żero mal-limitu ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra kif imsemmi fl-Artikolu 2, il-punt (13), tad-Direttiva (UE) 2024/1788;
(ii) jekk il-kontenut ta’ karbonju ta’ fjuwils sintetiċi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju kienx soġġett għal ċediment minn qabel ta’ kwoti skont id-Direttiva 2003/87/KE.”;
(d)jiddaħħlu l-paragrafi 5a u 5b li ġejjin:
“5a. Meta l-operatur ikun iddetermina l-frazzjoni tal-bijomassa u l-frazzjoni tal-bijomassa identika bi klassifikazzjoni żero tal-bijogass bl-użu ta’ rekords tax-xiri f’konformità mal-Artikolu 39(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, il-verifikatur għandu jivverifika dan kollu li ġej:
(a)il-kwantità ta’ bijogass mixtri ma tiġix iddikjarata li tintuża minn ħaddieħor;
(b)l-operatur u l-produttur tal-frazzjoni tal-bijomassa huma konnessi mal-istess grilja tal-gass;
(c)kwalunkwe informazzjoni li l-verifikatur iqis meħtieġa sabiex ir-riskju ta’ verifika jitnaqqas għal livell aċċettabbli sabiex tinkiseb assigurazzjoni raġonevoli li r-rapport dwar l-emissjonijiet ikun ħieles minn dikjarazzjoni skorretta materjali.
5b. Meta l-frazzjoni tal-RFNBO jew tal-RCF u l-frazzjoni tal-RFNBO jew tal-RCF identika bi klassifikazzjoni żero tal-gass naturali jiġu ddeterminati f’konformità mal-Artikolu 39a tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, il-verifikatur għandu jivverifika dan kollu li ġej:
(a)il-kwantità ta’ RFNBO jew RCF mixtrija ma tiġix iddikjarata li tintuża minn ħaddieħor;
(b)l-operatur u l-produttur tal-RFNBO/l-RCF huma konnessi mal-istess grilja tal-gass;
(c)kwalunkwe informazzjoni li l-verifikatur iqis meħtieġa sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ verifika għal livell aċċettabbli sabiex tinkiseb assigurazzjoni raġonevoli li r-rapport dwar l-emissjonijiet ikun ħieles minn dikjarazzjoni skorretta materjali.”;
(e)il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“6.
Meta l-fjuwil tal-avjazzjoni alternattiv jew il-fjuwil tal-avjazzjoni eliġibbli jiġi kkonsenjat lill-inġenju tal-ajru f’lottijiet fiżikament identifikabbli u jista’ jiġi attribwit fiżikament għal titjira rrapportata, il-verifikatur għandu jivverifika jekk il-fjuwil tal-avjazzjoni alternattiv jew il-kwantità ta’ fjuwil tal-avjazzjoni eliġibbli hijiex attribwita b’mod korrett għat-titjira direttament wara l-ippumpjar tal-fjuwil.
Meta jitwettqu diversi titjiriet sussegwenti mingħajr ippumpjar tal-fjuwil bejn dawk it-titjiriet sussegwenti, il-verifikatur għandu jivverifika jekk il-kwantità tal-fjuwil tal-avjazzjoni alternattiv jew tal-fjuwil tal-avjazzjoni eliġibbli huwiex assenjat lil dawn it-titjiriet b’mod proporzjonali għall-emissjonijiet minn dawk it-titjiriet ikkalkulati bl-użu tal-fattur ta’ emissjoni preliminari.
Meta l-fjuwil tal-avjazzjoni alternattiv ma jkunx jistgħu jiġu attribwiti fiżikament f’ajrudrom għal titjira speċifika, il-verifikatur għandu jivverifika jekk il-fjuwil tal-avjazzjoni alternattiv huwiex attribwit għal titjiriet li għalihom iridu jiġu ċeduti kwoti f’konformità mal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2003/87/KE, b’mod proporzjonali għall-emissjonijiet minn dawk it-titjiriet li jitilqu minn dak l-ajrudrom ikkalkulati bl-użu tal-fattur ta’ emissjoni preliminari.
Meta l-fjuwil tal-avjazzjoni eliġibbli ma jkunx jista’ jiġi attribwiti fiżikament f’ajrudrom għal titjira speċifika, il-verifikatur għandu jivverifika jekk il-fjuwil tal-avjazzjoni eliġibbli huwiex attribwit għal titjiriet li għalihom iridu jiġu ċeduti kwoti f’konformità mal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2003/87/KE u għat-titjiriet koperti mill-Artikolu 3c(8) ta’ dik id-Direttiva, b’mod proporzjonali għall-emissjonijiet minn dawk it-titjiriet ikkalkulati bl-użu tal-fattur ta’ emissjoni preliminari.
Għall-finijiet tat-tielet u r-raba’ subparagrafi, il-verifikatur għandu jivverifika jekk il-fjuwil tal-avjazzjoni alternattiv jew il-fjuwil tal-avjazzjoni eliġibbli ġiex ikkonsenjat fis-sistema ta’ forniment tal-fjuwil tal-ajrudrom tat-tluq fil-perjodu ta’ rapportar, jew 3 xhur qabel il-bidu, jew 3 xhur wara t-tmiem, ta’ dak il-perjodu ta’ rapportar kif speċifikat fil-pjan ta’ monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti.
Għall-finijiet tal-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba’ subparagrafi, il-verifikatur għandu jivverifika li:
(a)il-fjuwil tal-avjazzjoni alternattiv jew il-fjuwil tal-avjazzjoni eliġibbli jkun assenjat b’mod korrett f’pari ta’ ajrudromi fir-rapport dwar l-emissjonijiet tal-operatur tal-inġenji tal-ajru;
(b)l-ammont totali ta’ fjuwil tal-avjazzjoni alternattiv mitlub ma jaqbiżx l-użu totali tal-fjuwil ta’ dak l-operatur tal-inġenji tal-ajru għal titjiriet li għalihom iridu jiġu ċeduti kwoti f’konformità mal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2003/87/KE, li joriġinaw mill-ajrudrom li fih jiġi fornut il-fjuwil tal-avjazzjoni alternattiv;
(ba) l-ammont totali ta’ fjuwil tal-avjazzjoni eliġibbli mitlub ma jaqbiżx l-użu totali tal-fjuwil ta’ dak l-operatur tal-inġenji tal-ajru għal titjiriet li għalihom iridu jiġu ċeduti kwoti f’konformità mal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2003/87/KE u għal titjiriet koperti mill-Artikolu 3c(8) ta’ dik id-Direttiva, li joriġinaw mill-ajrudrom li fih jiġi fornut il-fjuwil tal-avjazzjoni eliġibbli;
(c) l-ammont ta’ fjuwil tal-avjazzjoni alternattiv għal titjiriet li għalihom il-kwoti jridu jiġu ċeduti f’konformità mal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2003/87/KE ma jaqbiżx il-kwantità totali ta’ fjuwil tal-avjazzjoni alternattiv mixtri li minnu titnaqqas il-kwantità totali ta’ fjuwil tal-avjazzjoni alternattivi mibjugħ lil partijiet terzi;
(ca) l-ammont ta’ fjuwil tal-avjazzjoni eliġibbli għal titjiriet li għalihom iridu jiġu ċeduti l-kwoti f’konformità mal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2003/87/KE u minn titjiriet koperti mill-Artikolu 3c(8) ta’ dik id-Direttiva ma jaqbiżx il-kwantità totali ta’ fjuwil tal-avjazzjoni eliġibbli mixtri li minnu titnaqqas il-kwantità totali ta’ fjuwil tal-avjazzjoni eliġibbli mibjugħ lil partijiet terzi;
(d)il-proporzjon bejn il-fjuwil tal-avjazzjoni alternattiv jew il-fjuwil tal-avjazzjoni eliġibbli u l-fjuwils fossili attribwiti għal titjiriet aggregati għal kull par ta’ ajrudromi ma jaqbiżx il-limitu massimu ta’ taħlit għal dak il-fjuwil tal-avjazzjoni alternattiv jew il-fjuwil tal-avjazzjoni eliġibbli kif iċċertifikat skont standard internazzjonali rikonoxxut;
(e)il-frazzjoni aggregata bi klassifikazzjoni żero fil-fjuwil tal-avjazzjoni alternattiv ma taqbiżx l-ammont ta’ fjuwil tal-avjazzjoni alternattiv li għalih jiġu pprovduti l-provi li ġejjin:
(i)meta l-frazzjoni bi klassifikazzjoni żero tikkonċerna l-frazzjoni tal-bijomassa ta’ fjuwil tal-avjazzjoni alternattiv, il-prova li tissodisfa l-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-gassijiet serra stabbiliti fl-Artikolu 29(2) sa (7) u (10) tad-Direttiva (UE) 2018/2001;
(ii)meta l-frazzjoni bi klassifikazzjoni żero tikkonċerna l-frazzjoni RFNBO jew RCF ta’ fjuwil alternattiv imħallat, il-prova li ġew issodisfati l-kriterji tal-iffrankar tal-gassijiet serra stabbiliti fl-Artikolu 29a tad-Direttiva (UE) 2018/2001;
(iii)meta l-frazzjoni bi klassifikazzjoni żero tikkonċerna l-frazzjoni ta’ fjuwil sintetiku b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju ta’ fjuwil alternattiv imħallat, il-prova li ntlaħaq il-limitu ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra kif imsemmi fl-Artikolu 2, il-punt (13), tad-Direttiva (UE) 2024/1788 u l-prova li l-kontenut tal-karbonju tal-fjuwil sintetiku b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju kien soġġett għal ċediment minn qabel tal-kwoti skont id-Direttiva 2003/87/KE.
(f)l-istess ammonti ta’ fjuwil tal-avjazzjoni alternattiv jew ta’ fjuwil tal-avjazzjoni eliġibbli ma ġewx ikkunsidrati u ddikjarati li ntużaw f’rapport preċedenti, jew minn operatur ieħor tal-inġenji tal-ajru, jew f’sistema oħra tal-ipprezzar tal-karbonju.”
(12)Jiddaħħal l-Artikolu 17c li ġej:
“Artikolu 17c
Verifika tal-ilħuq tal-istadji importanti u l-miri
Għall-finijiet tal-verifika ta’ rapport dwar in-newtralità klimatika, il-verifikatur għandu jivverifika jekk ikunux intlaħqu l-istadji importanti u l-miri stabbiliti fil-pjan għan-newtralità klimatika. Għal dan l-għan il-verifikatur għandu jivverifika:
(a)l-evidenza tal-operatur dwar jekk il-miżuri relatati mal-istadji importanti u l-miri ġewx implimentati u jekk l-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri tlestietx;
(b)l-impatt ta’ kwalunkwe aġġornament tal-pjan għan-newtralità klimatika fuq l-ilħuq tal-istadji importanti u l-miri;
(c)jekk l-evidenza tal-operatur li jilħaq l-istadji importanti u l-miri hijiex konsistenti mal-pjan għan-newtralità klimatika;
(d)jekk tintużax data xierqa biex jintwera jekk intlaħqux l-istadji importanti u l-miri stabbiliti fil-pjan għan-newtralità klimatika;
(e)jekk il-kalkolu tad-data użata biex jintwera jekk l-istadji importanti u l-miri stabbiliti fil-pjan għan-newtralità klimatika ntlaħqux, huwiex korrett u jekk dik id-data hijiex konsistenti ma’ data rilevanti oħra fir-rapport ivverifikat dwar l-emissjonijiet, fir-rapport dwar id-data ta’ referenza u fir-rapport annwali dwar il-livell ta’ attività;
(f)jekk il-miri milħuqa jurux tnaqqis f’konformità mat-tnaqqis stmat tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra deskritt fil-pjan għan-newtralità klimatika u, jekk le, x’inhi l-ġustifikazzjoni.”;
(13)l-Artikolu 18 huwa emendat kif ġej:
(a)jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:
“1a. Meta d-data li tkun meħtieġa għall-kalkolu tal-effetti tal-avjazzjoni mhux tas-CO2 tkun nieqsa, il-verifikatur għandu jivverifika jekk id-data nieqsa tistax tiġi stmata bl-użu tan-NEATS jew ta’ għodda tal-IT ta’ parti terza approvata mill-Kummissjoni.
Meta d-data nieqsa ma tkunx tista’ tiġi stmata f’konformità mal-ewwel subparagrafu, il-verifikatur għandu jivverifika jekk id-data ta’ sostituzzjoni approvata mill-awtorità kompetenti tkunx ġiet applikata b’mod korrett.
Meta operatur tal-inġenji tal-ajru ma jkunx kapaċi jikseb approvazzjoni għal data ta’ sostituzzjoni fil-ħin, il-verifikatur għandu jivverifika jekk l-approċċ li jkun uża l-operatur tal-inġenji tal-ajru biex tiġi kompluta d-data nieqsa jiżgurax li ma jiġux sottovalutati l-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2 u li dan l-approċċ ma jwassalx għal dikjarazzjonijiet skorretti materjali.”;
(b)jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:
‘‘4. Meta jkun hemm lakuni fid-data li tintuża biex jintwera li jkunu ntlaħqu l-istadji importanti jew il-miri stabbiliti fil-pjan għan-newtralità klimatika, il-verifikatur għandu jivverifika jekk l-approċċ użat mill-operatur biex jikkumpensa għad-data nieqsa jkunx ibbażat fuq evidenza raġonevoli u jiżgura li d-data meħtieġa f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2441 ma tkunx sottovalutata jew sopravalutata.”;
(14)fl-Artikolu 21, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:
‘‘5. Għall-finijiet tal-verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet, tar-rapport dwar id-data ta’ referenza, tar-rapport dwar id-data ta’ min jidħol ġdid, tar-rapport annwali dwar il-livell ta’ attività jew tar-rapport dwar in-newtralità klimatika tal-operatur, il-verifikatur għandu jiddeċiedi, abbażi tal-analiżi tar-riskju, jekk humiex meħtieġa żjarat f’postijiet addizzjonali, inkluż fejn partijiet rilevanti tal-attivitajiet tal-fluss tad-data u tal-attivitajiet ta’ kontroll jitwettqu f’postijiet oħra bħall-kwartieri ġenerali tal-kumpanija u uffiċċji oħra lil hinn mis-sit.”;
(15)l-Artikolu 22 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1. Jekk il-verifikatur jidentifika dikjarazzjonijiet skorretti, nonkonformitajiet jew nonosservanzi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, tar-Regolament Delegat (UE) 2019/331, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1842 jew tar-Regolament tal-Implimentazzjoni (UE) 2023/2441 kif xieraq, matul il-verifika, huwa għandu jinforma lill-operatur jew lill-operatur tal-inġenji tal-ajru dwar dan fil-ħin u jitlob korrezzjonijiet rilevanti.
L-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jikkoreġi kull dikjarazzjoni skorretta jew in-nonkonformitajiet li jkun ġie mgħarraf bihom.
Meta jkun ġie identifikat nonosservanza tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, tar-Regolament Delegat (UE) 2019/331, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1842 jew tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2441, l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti u jikkoreġi n-nonosservanza kif xieraq mingħajr dewmien żejjed.”;
(b)il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:
‘‘2. Il-verifikatur għandu jiddokumenta u jimmarka bħala riżolti fid-dokumentazzjoni tal-verifika interna d-dikjarazzjonijiet skorretti, in-nonkonformitajiet jew in-nonosservanzi kollha mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, mar-Regolament Delegat (UE) 2019/331, mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1842 jew mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2441 li jkunu ġew ikkoreġuti mill-operatur jew mill-operatur tal-inġenji tal-ajru matul il-verifika.”;
(c)il-paragrafu 3 huwa emendat kif ġej:
(i)it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Il-verifikatur għandu jistabbilixxi jekk id-dikjarazzjonijiet skorretti mhux ikkoreġuti, meta jittieħdu waħedhom jew flimkien ma’ dikjarazzjonijiet skorretti oħrajn, ikollhomx effett materjali fuq l-emissjonijiet totali rrapportati, fuq l-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2, fuq id-data totali rrapportata rilevanti għall-allokazzjoni bla ħlas jew fuq id-data rilevanti għar-rapportar dwar in-newtralità klimatika. Meta jkun qed jivvaluta l-materjalità tad-dikjarazzjonijiet skorretti, il-verifikatur għandu jqis id-daqs u n-natura tad-dikjarazzjonijiet skorretti, kif ukoll iċ-ċirkostanzi partikolari li fihom ikunu seħħew.”;
(ii)ir-raba’ subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Jekk l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru ma jikkoreġix in-nonosservanza tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, tar-Regolament Delegat (UE) 2019/331, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1842 jew tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2441 f’konformità mal-paragrafu 1 qabel ma l-verifikatur joħroġ ir-rapport ta’ verifika, il-verifikatur għandu jivvaluta jekk in-nonosservanza mhux ikkoreġuta għandhiex impatt fuq id-data rappurtata u jekk dan iwassalx għal dikjarazzjoni skorretta materjali.”;
(16)l-Artikolu 23 huwa emendat kif ġej:
(a)jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:
“2a. Għall-finijiet tal-verifika tar-rapporti dwar l-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2, il-livell ta’ materjalità għandu jkun ta’ 5 % tas-CO2(e) aggregat totali rrapportat fir-rapport dwar l-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2.”;
(b)jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:
‘‘5. Għall-finijiet tal-verifika ta’ rapport dwar in-newtralità klimatika, il-livell ta’ materjalità għandu jkun ta’ 5 % ta’ kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:
(a)l-emissjonijiet totali tal-installazzjoni għas-subinstallazzjoni rilevanti, meta l-miri milħuqa jkunu relatati mal-miri tal-emissjonijiet assoluti;
(b)il-livell ta’ intensità ta’ kull subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju ta’ prodott rilevanti individwalment, espress bħala tCO2eq għal kull unità ta’ produzzjoni rilevanti, fejn il-miri miksuba jkunu relatati mal-livelli ta’ attività ta’ subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju ta’ prodott;
(c) il-livell ta’ intensità ta’ kull subinstallazzjoni rilevanti ta’ parametru referenzjarju tas-sħana individwalment, espress bħala tCO2eq għal kull TJ ta’ sħana kkunsmata, meta l-miri miksuba jkunu relatati mal-livelli ta’ attività ta’ subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tas-sħana;
(d) il-livell ta’ intensità ta’ kull subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tal-fjuwil rilevanti individwalment, espress bħala tCO2eq għal kull TJ ta’ fjuwil ikkunsmat, meta l-miri miksuba jkunu relatati mal-livelli ta’ attività ta’ subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tal-fjuwil;
(e) il-livell ta’ intensità ta’ kull subinstallazzjoni rilevanti tal-emissjonijiet minn proċess individwalment, espress bħala tCO2eq għal kull unità ta’ produzzjoni rilevanti, meta l-miri miksuba jkunu relatati mal-livelli ta’ attività ta’ subinstallazzjoni ta’ emissjonijiet minn proċess;
(f) il-mira speċifika użata biex jiġi ddeterminat il-perċentwal tal-valur tal-parametru referenzjarju, meta din tikkonċerna miri relattivi għall-valur tal-parametru referenzjarju għal kull subinstallazzjoni rilevanti.”;
(17)Fl-Artikolu 24, jiddaħħal il-punt (ea) li ġej:
“(ea) għall-finijiet tal-verifika ta’ rapport dwar in-newtralità klimatika, jiżgura li tkun inġabret biżżejjed evidenza biex tkun tista’ tingħata opinjoni ta’ verifika b’aċċertament raġonevoli li jkunu ntlaħqu l-istadji importanti u l-miri stabbiliti fil-pjan għan-newtralità klimatika;”;
(18)L-Artikolu 26(1) huwa emendat kif ġej:
(a)il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(c)
għall-finijiet tal-verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru, tar-rapport dwar l-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2 tal-operatur tal-inġenji tal-ajru jew tal-verifika tar-rapport dwar id-data ta’ referenza, tar-rapport annwali dwar il-livell tal-attività jew tar-rapport ta’ data ta’ min jidħol ġdid tal-operatur, biżżejjed informazzjoni biex tappoġġa l-opinjoni ta’ verifika, fosthom il-ġustifikazzjonijiet għall-ġudizzji li jkunu saru dwar jekk id-dikjarazzjonijiet skorretti identifikati għandhomx effett materjali fuq l-emissjonijiet irrapportati, l-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2 jew fuq id-data rrapportata rilevanti għall-allokazzjoni bla ħlas.”;
(b)jiżdied il-punt (d) li ġej:
“(d)
għall-finijiet tal-verifika ta’ rapport dwar in-newtralità klimatika, biżżejjed informazzjoni biex tappoġġa l-opinjoni ta’ verifika, fosthom il-ġustifikazzjonijiet għall-ġudizzji li jkunu saru dwar jekk id-dikjarazzjonijiet skorretti identifikati humiex materjali u dwar jekk intlaħqux l-istadji importanti u l-miri stabbiliti fil-pjan għan-newtralità klimatika.”;
(19)l-Artikolu 27 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:
(i)fl-ewwel subparagrafu, is-sentenza introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:
“1.
Abbażi tal-informazzjoni miġbura matul il-verifika, il-verifikatur għandu joħroġ rapport ta’ verifika lill-operatur jew lill-operatur tal-inġenji tal-ajru dwar kull rapport dwar l-emissjonijiet, rapport dwar l-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2 jew rapport dwar id-data ta’ referenza, rapport dwar id-data ta’ min jidħol ġdid, rapport annwali dwar il-livell ta’ attività li kien soġġett għal verifika, li jkun fih kwalunkwe waħda mid-dikjarazzjonijiet tal-opinjoni li ġejjin.”;
(ii)jiddaħħal il-punt (ba) li ġej:
“(ba) għall-finijiet tal-verifika ta’ rapport dwar in-newtralità klimatika, l-istadji importanti u l-miri stabbiliti fil-pjan għan-newtralità klimatika ma ntlaħqux;”;
(iii)jiddaħħal il-punt (ca) li ġej:
“(ca) għall-finijiet tal-verifika ta’ rapport dwar in-newtralità klimatika, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-verifika huwa limitat wisq skont l-Artikolu 28 u l-verifikatur ma setax jikseb biżżejjed evidenza biex joħroġ opinjoni ta’ verifika b’aċċertament raġonevoli li jkunu ntlaħqu l-istadji importanti jew il-miri stabbiliti fil-pjan għan-newtralità klimatika;”;
(iv)it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“ Għall-finijiet tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, ir-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru jista’ jiġi vverifikat bħala sodisfaċenti biss fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:
(a)meta r-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru ma jkunx fih dikjarazzjonijiet skorretti materjali;
(b)meta, għall-finijiet tal-verifika ta’ rapport dwar in-newtralità klimatika, ikunu nkisbu l-istadji importanti u l-miri stabbiliti fil-pjan għan-newtralità klimatika.”;
(b)il-paragrafu 3 huwa emendat kif ġej:
(i)il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej;
“(e) il-kriterji li ntużaw għall-verifika tar-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru, inklużi l-permess, fejn applikabbli, u l-verżjonijiet tal-pjan ta’ monitoraġġ jew tal-pjan ta’ metodoloġija tal-monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti, jew tal-pjan għan-newtralità klimatika, kif xieraq, kif ukoll il-perjodu ta’ validità ta’ kull pjan;”;
(ii)jiddaħħal il-punt (ga) li ġej:
“(ga) meta dan ikollu x’jaqsam mal-verifika tar-rapport dwar l-effetti tal-avjazzjoni mhux tas-CO2 tal-operatur tal-inġenji tal-ajru, is-CO2(e) aggregat tal-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2 għal kull operatur tal-inġenji tal-ajru;”;
(iii)jiddaħħal il-punt (gb) li ġej:
“(gb) meta dan ikollu x’jaqsam mal-verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet tal-operatur tal-inġenji tal-ajru, il-konferma li jkun twettqet verifika fuq il-kompletezza u l-akkuratezza tal-ammont ta’ fjuwil tal-avjazzjoni alternattiv bi klassifikazzjoni żero mitlub u l-ammont ta’ fjuwil tal-avjazzjoni eliġibbli pur għal kull kategorija ta’ fjuwil skont l-Artikolu 3c(6) tad-Direttiva 2003/87/KE, inkluża konferma li ma kien hemm l-ebda inkonsistenza osservata u li l-attribuzzjoni proporzjonali tal-fjuwils għat-titjiriet ġiet applikata b’mod korrett fejn applikabbli;”;
(iv)jiddaħħal il-punt (hb) li ġej:
“(hb) meta dan ikollu x’jaqsam mal-verifika tar-rapport dwar in-newtralità klimatika, il-miri u l-istadji importanti miksuba sa tmiem il-perjodu ta’ rapportar dwar in-newtralità klimatika;”;
(v)il-punt (i) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(i) il-perjodu tar-rapportar, il-perjodu ta’ referenza, il-perjodu ta’ rapportar tal-livell ta’ attività jew il-perjodu ta’ rapportar dwar in-newtralità klimatika soġġett għall-verifika;”;
(vi)il-punt (o) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(o)
kwalunkwe kwistjoni ta’ nonosservanza tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, tar-Regolament Delegat (UE) 2019/331, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1842 jew tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2441 li tkun ħarġet fid-deher waqt il-verifika;”;
(vii)jiddaħħlu l-punti (qa) u (qb) li ġejjin:
“(qa) dikjarazzjoni jekk il-metodu użat biex jimtlew il-lakuni fid-data skont l-Artikolu 18(4) iwassal għal dikjarazzjonijiet skorretti materjali;
(qb) meta l-operatur tal-inġenji tal-ajru ma jkunx kiseb approvazzjoni għal data ta’ sostituzzjoni fil-ħin skont l-Artikolu 18(1a) dikjarazzjoni jekk il-metodu użat biex jimtlew il-lakuni fid-data jwassalx għal dikjarazzjonijiet skorretti materjali;”;
(viii)jiddaħħal il-punt (rf) li ġej:
“(rf) meta l-verifikatur li jwettaq verifika ta’ rapport dwar l-emissjonijiet ta’ operatur tal-inġenji tal-ajru jkun wettaq il-kontroll skont l-Artikolu 33a(2) ta’ dan ir-Regolament, konferma li d-data dwar it-titjiriet fin-NEATS jew l-għodda tal-IT ta’ parti terza msemmija fl-Artikolu 56a(7) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 tkun konsistenti mad-data dwar it-titjiriet fir-rapport dwar l-emissjonijiet filwaqt li jitqies il-kamp ta’ applikazzjoni tat-titjiriet koperti mid-Direttiva 2003/87/KE u t-titjiriet irrapportati mill-operatur tal-inġenji tal-ajru, inkluż, fejn rilevanti, deskrizzjoni ta’ kwalunkwe sejba u osservazzjoni rigward il-konsistenza u l-kompletezza tat-titjiriet;”;
(c)il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:
‘‘4. Il-verifikatur għandu jiddeskrivi d-dikjarazzjonijiet skorretti, in-nonkonformità u n-nonosservanzi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, ir-Regolament Delegat (UE) 2019/331, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1842 jew ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2441 f’biżżejjed dettall fir-rapport ta’ verifika sabiex l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru kif ukoll l-awtorità kompetenti jkunu jistgħu jifhmu dan li ġej:
(a)id-daqs u n-natura tad-dikjarazzjoni skorretta, in-nonkonformità jew in-nonosservanza tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, tar-Regolament Delegat (UE) 2019/331, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1842 jew tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2441;
(b)għaliex id-dikjarazzjoni skorretta għandha effett materjali, jew għaliex ma għandhiex dan l-effett;
(c)għal liema element tar-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru tirreferi d-dikjarazzjoni skorretta, jew għal liema element tal-pjan ta’ monitoraġġ, tal-pjan ta’ metodoloġija tal-monitoraġġ jew tal-pjan għan-newtralità klimatika tirreferi n-nonkonformità;
(d)ma’ liema Artikolu fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, fir-Regolament Delegat (UE) 2019/331, fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1842 jew fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2441 għandha x’taqsam in-nonosservanza.”;
(20)l-Artikolu 28 huwa emendat kif ġej:
(a)il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:
“Il-verifikatur jista’ jikkonkludi li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-verifika msemmi fl-Artikolu 27(1)(c) u l-Artikolu 27(1)(ca) huwa limitat wisq fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:”;
(b)il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(c)
meta l-pjan ta’ monitoraġġ, il-pjan ta’ metodoloġija tal-monitoraġġ jew il-pjan għan-newtralità klimatika, kif xieraq, ma jkunx jipprovdi biżżejjed ċarezza jew kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ biżżejjed biex ikun jista’ joħroġ b’konklużjonijiet dwar il-verifika;”;
(c)il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(e)
meta l-pjan ta’ metodoloġija tal-monitoraġġ ma jkunx ġie approvat mill-awtorità kompetenti.”;
(d)jiżdied il-punt (f) li ġej:
“(f)
meta l-pjan għan-newtralità klimatika ma jkunx ġie vverifikat u meqjus konformi mill-awtorità kompetenti f’konformità mal-Artikolu 22b(1), it-tieni subparagrafu, il-punt (c), tar-Regolament Delegat (UE) 2019/331.”;
(21)L-Artikolu 30(1) huwa emendat kif ġej:
(a)jiddaħħal il-punt (da) li ġej:
“(da) il-monitoraġġ u r-rapportar tal-effetti mhux marbuta mas-CO2;”;
(b)jiżdied il-punt (f) li ġej:
“(f) il-ġbir, l-ipproċessar u r-rapportar ta’ data għar-rapporti dwar in-newtralità klimatika, inkluż fir-rigward tal-istadji importanti u l-miri.”;
(22)fl-Artikolu 31(3), il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(d)jekk ir-rapport dwar id-data ta’ referenza tal-operatur, ir-rapport dwar id-data ta’ min jidħol jew ir-rapport dwar in-newtralità klimatika jkun ivverifikat.”;
(23)l-Artikolu 33 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 33
Verifika ssimplifikata tar-rapport dwar l-emissjonijiet tal-operatur tal-inġenji tal-ajru
1.
B’deroga mill-Artikolu 21(1) ta’ dan ir-Regolament, verifikatur jista’ jiddeċiedi li ma jwettaqx żjara fuq il-post ta’ operatur tal-inġenji tal-ajru bl-użu tal-għodod issimplifikati msemmija fl-Artikolu 55(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 biex jiddetermina l-emissjonijiet ta’ CO2 jekk il-verifikatur ikun ikkonkluda, abbażi tal-analiżi tar-riskju tiegħu, li jista’ jkollu aċċess mill-bogħod għad-data rilevanti kollha.
2.
Meta operatur tal-inġenji tal-ajru juża l-għodod issimplifikati msemmijin fl-Artikolu 55(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 biex jiddetermina l-konsum tal-fjuwil u d-data rrapportata dwar l-emissjonijiet tas-CO2 tkun ġiet iġġenerata bl-użu ta’ dawk l-għodod, b’mod indipendenti minn kwalunkwe dħul min-naħa tal-operatur tal-inġenji tal-ajru, il-verifikatur jista’ jiddeċiedi, abbażi tal-analiżi tar-riskji tiegħu, li ma jwettaqx il-verifiki msemmija fl-Artikoli 14 u 16, fl-Artikolu 17(1) u (2) u fl-Artikolu 18 ta’ dan ir-Regolament.”;
(24)jiddaħħal l-Artikolu 33a li ġej:
“Artikolu 33a
Verifika ssimplifikata tar-rapport dwar l-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2 tal-operatur tal-inġenji tal-ajru
1.B’deroga mill-Artikoli 7 sa 27 ta’ dan ir-Regolament, ir-rapport dwar l-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2 tal-operatur tal-inġenji tal-ajru jitqies li ġie vverifikat jekk ir-rapport jimtela min-NEATS jew minn għodda tal-IT ta’ parti terza msemmija fl-Artikolu 56a(7) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, b’mod indipendenti minn kull dħul tal-operatur tal-inġenji tal-ajru u mingħajru u jekk l-operatur tal-inġenji tal-ajru jkun wieħed minn dawn li ġejjin:
(a)emittent żgħir skont it-tifsira tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/2066;
(b)għall-perjodu ta’ rapportar 2025 u 2026, operatur tal-inġenji tal-ajru li jkollu emissjonijiet annwali totali ta’ inqas minn 3 000 tunnellata ta’ CO2 minn titjiriet għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 28a(1), il-punt (a), u fl-Artikolu 3c(8) tad-Direttiva 2003/87/KE.
2.Meta r-rapport dwar l-effetti tal-avjazzjoni mhux tas-CO2 ta’ operatur tal-inġenji tal-ajru għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1, jimtela min-NEATS jew minn għodda tal-IT ta’ parti terza msemmija fl-Artikolu 56a(7) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, b’mod indipendenti minn kull dħul ta’ dak l-operatur tal-inġenji tal-ajru u mingħajr emenda minnu, ir-rapport dwar l-effetti tal-avjazzjoni mhux tas-CO2 jitqies ivverifikat. Madankollu, il-verifikatur li jwettaq verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet ta’ dak l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jivverifika, bħala parti minn dik il-verifika, il-konsistenza bejn l-informazzjoni dwar it-titjiriet fir-rapport dwar l-emissjonijiet u l-informazzjoni dwar it-titjira fin-NEATS jew fl-għodda ta’ parti terza filwaqt li jitqies il-kamp ta’ applikazzjoni tat-titjiriet koperti mid-Direttiva 2003/87/KE u rrapportati mill-operatur tal-inġenji tal-ajru.”;
(25)l-Artikolu 34b huwa emendat kif ġej:
(a)l-intestatura hija sostitwita b’dan li ġej:
“Żjarat virtwali fuq il-post għall-verifika tar-rapporti tal-operatur tal-inġenji tal-ajru”;
(b)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1.
B’deroga mill-Artikolu 21(1), il-verifikatur jista’ jiddeċiedi li jwettaq żjara virtwali fuq il-post għall-finijiet tal-verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet ta’ operatur tal-inġenji tal-ajru jew tar-rapport dwar l-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2 ta’ operatur tal-inġenji tal-ajru f’każijiet oħra minbarra dawk koperti mill-Artikolu 34a. Id-deċiżjoni tal-verifikatur li jwettaq żjara virtwali fuq il-post għandha tissejjes fuq l-eżitu tal-analiżi tar-riskju u għandha tittieħed wara li jiġi stabbilit li l-verifikatur jista’ jkollu aċċess mill-bogħod għad-data rilevanti kollha. Il-verifikatur għandu javża lill-operatur tal-inġenji tal-ajru bid-deċiżjoni tiegħu li jwettaq żjara virtwali fuq il-post mingħajr dewmien żejjed.”;
(c)fil-paragrafu 3, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“ (a) meta verifikatur ikun qed jivverifika r-rapport dwar l-emissjonijiet jew ir-rapport dwar l-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2 ta’ operatur tal-inġenji tal-ajru għall-ewwel darba;”;
(26)fl-Artikolu 37(5), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Meta l-verifikatur ikun qed iwettaq verifika tar-rapporti dwar id-data ta’ referenza, ir-rapporti dwar id-data ta’ min jidħol ġdid, ir-rapporti annwali dwar il-livell ta’ attività jew ir-rapporti dwar in-newtralità klimatika t-tim ta’ verifika għandu jinkludi wkoll mill-inqas persuna waħda bil-kompetenza teknika u bl-għarfien meħtieġ biex tivvaluta l-aspetti tekniċi speċifiċi rigward il-ġbir, il-monitoraġġ u r-rapportar tad-data rilevanti għall-allokazzjoni bla ħlas.”;
(27)fl-Artikolu 38(1), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(a)għarfien tad-Direttiva 2003/87/KE, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, tar-Regolament Delegat (UE) 2019/331, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1842 jew tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2441 fil-każ ta’ verifika tar-rapport dwar id-data ta’ referenza, tar-rapport dwar id-data ta’ min jidħol ġdid, tar-rapport annwali dwar il-livell ta’ attività jew tar-rapport dwar in-newtralità klimatika ta’ dan ir-Regolament, tal-istandards rilevanti, u ta’ leġiżlazzjoni rilevanti oħra, tal-linji gwida applikabbli, kif ukoll tal-linji gwida u tal-leġiżlazzjoni rilevanti maħruġa mill-Istat Membru li fih il-verifikatur ikun qed iwettaq verifika;”;
(28)fl-Artikolu 43(3), it-tieni subparagrafu huwa emendat kif ġej:
(a)is-sentenza introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:
“Għandu jitqies li jkun inħoloq riskju inaċċettabbli għall-imparzjalità jew kunflitt ta’ interess imsemmijin fl-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu b’mod partikolari fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:”;
(b)il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(b)
meta verifikatur jew kull parti mill-istess entità legali jkunu jipprovdu assistenza teknika biex tiġi żviluppata jew tinżamm is-sistema implimentata għall-monitoraġġ u għar-rapportar tal-emissjonijiet, tal-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2 jew tad-data rilevanti għall-allokazzjoni bla ħlas;”;
(c)jiżdiedu l-punti (c) u (d) li ġejjin:
“(c) meta verifikatur iwettaq verifika tar-rapport dwar in-newtralità klimatika u li l-verifikatur jew kwalunkwe parti mill-istess entità legali jipprovdu servizzi ta’ konsulenza msemmija fil-punt (a), assistenza teknika msemmija fil-punt (b) jew servizzi ta’ konsulenza dwar il-miżuri u l-investimenti deskritti fil-pjan għan-newtralità klimatika, inkluża valutazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva tal-impatti stmati fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra ta’ dawn il-miżuri u l-investimenti;
(d) meta verifikatur iwettaq verifika tar-rapport dwar in-newtralità klimatika u li l-verifikatur jew kwalunkwe parti mill-istess entità legali jipprovdu servizzi ta’ konsulenza msemmija fil-punt (a), assistenza teknika msemmija fil-punt (b) jew servizzi ta’ konsulenza biex jiġi żviluppat il-pjan għan-newtralità klimatika jew jiġi abbozzat ir-rapport dwar in-newtralità klimatika.”;
(29)fl-Artikolu 43l, jiddaħħal il-paragrafu 5a li ġej:
“5a. Għall-finijiet tal-verifika tar-rapporti tal-entità regolata, il-verifikatur għandu jivverifika, bħala parti mill-verifika msemmija fil-paragrafu 1:
(a) l-evidenza tal-entità regolata li turi l-konformità tal-fjuwils tal-bijomassa bi klassifikazzjoni żero mal-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-gassijiet serra stabbiliti fl-Artikolu 29(2) sa (7) u (10) tad-Direttiva (UE) 2018/2001;
(b) l-evidenza tal-entità regolata li turi l-konformità ta’ fjuwil rinnovabbli bi klassifikazzjoni żero ta’ oriġini mhux bijoloġika jew ta’ fjuwils tal-karbonju riċiklat mal-kriterji tal-iffrankar tal-gassijiet serra stabbiliti fl-Artikolu 29a tad-Direttiva (UE) 2018/2001;
(c) l-evidenza tal-entità regolata li turi dan kollu li ġej:
(i) il-konformità tal-fjuwils sintetiċi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju bi klassifikazzjoni żero mal-limitu ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra kif imsemmi fl-Artikolu 2, il-punt (13), tad-Direttiva (UE) 2024/1788;
(ii) jekk il-kontenut ta’ karbonju ta’ fjuwils sintetiċi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju kienx soġġett għal ċediment minn qabel ta’ kwoti skont id-Direttiva 2003/87/KE.”;
(30)l-Artikolu 43w huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:
(i)il-punti (a), (b) u (c) huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:
“(a) il-flussi ta’ fjuwil rilaxxati għall-konsum mill-entità regolata huma fjuwils standard kummerċjali jew fjuwils ekwivalenti għal fjuwils standard kummerċjali skont l-Artikolu 75k(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066;
(b) jiġu applikati valuri prestabbiliti għall-fattur ta’ emissjoni u għall-fattur ta’ konverżjoni tal-unitajiet;
(c) għall-frazzjoni tal-bijomassa, jiġi applikat valur prestabbilit jew meta japplikaw dawn kollha li ġejjin:
(i) il-livell 3b jiġi applikat għad-determinazzjoni tal-frazzjoni tal-bijomassa tal-fluss tal-fjuwil f’konformità mal-Anness IIa, it-taqsima 2.3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066;
(ii) il-verifikatur jingħata aċċess għar-rekords rilevanti kollha dwar id-dokumentazzjoni tal-bilanċ tal-massa f’konformità mal-Artikolu 30(1) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 u l-evidenza ta’ konformità mal-kriterji tas-sostenibbiltà jew tal-iffrankar tal-gassijiet serra;
(iii) l-entità regolata tipprovdi lill-verifikatur aċċess għall-persunal rilevanti kollu għall-intervisti.”;
(ii)jiżdied il-punt (d) li ġej:
“(d) għal kull fluss ta’ fjuwil, japplika fattur tal-ambitu ta’ 1 skont l-Artikolu 75l(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, jew japplika valur prestabbilit tal-fattur tal-ambitu skont l-Artikolu 75l(6) ta’ dak ir-Regolament;”;
(b)il-paragrafu 3 huwa emendat kif ġej:
(i) il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(c) jiġu applikati valuri prestabbiliti għall-fattur ta’ emissjoni u għall-fattur ta’ konverżjoni tal-unitajiet;”
(ii) il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(d) għall-frazzjoni tal-bijomassa, jiġi applikat valur prestabbilit jew meta japplikaw dawn kollha li ġejjin:
(i) il-livell 3b jiġi applikat għad-determinazzjoni tal-frazzjoni tal-bijomassa tal-fluss tal-fjuwil f’konformità mal-Anness IIa, it-taqsima 2.3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066;
(ii) il-verifikatur jingħata aċċess għar-rekords rilevanti kollha dwar id-dokumentazzjoni tal-bilanċ tal-massa f’konformità mal-Artikolu 30(1) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 u l-evidenza ta’ konformità mal-kriterji tas-sostenibbiltà jew tal-iffrankar tal-gassijiet serra;
(iii) l-entità regolata tipprovdi lill-verifikatur aċċess għall-persunal rilevanti kollu għall-intervisti.”;
(iii)jiżdied il-punt (e) li ġej:
“(e) għal kull fluss ta’ fjuwil, japplika fattur tal-ambitu ta’ 1 skont l-Artikolu 75l(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, jew japplika valur prestabbilit tal-fattur tal-ambitu skont l-Artikolu 75l(6) ta’ dak ir-Regolament.”;
(31)l-Artikolu 43x huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 43x
Pjan ta’ verifika simplifikat, żjarat virtwali tal-post u verifika simplifikata
1. L-Artikoli 34 u 34a għandhom japplikaw għall-verifika tal-emissjonijiet tal-entità regolata koperti mill-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE. Għal dak il-fini, kwalunkwe referenza għal operatur, installazzjoni u operatur tal-inġenji tal-ajru għandha tinqara daqslikieku kienet referenza għal entità regolata.
2. Għall-fini tal-verifika ta’ rapport dwar l-emissjonijiet tal-entità regolata għall-perjodi ta’ rapportar 2025 u 2026, il-verifikatur jista’, abbażi tal-analiżi tar-riskji, jiddeċiedi li ma jwettaqx kontrolli fuq il-metodoloġija għad-determinazzjoni tal-ammonti ta’ fjuwil rilaxxati jekk il-kwantità tal-ammonti ta’ fjuwil rilaxxati fir-rapport dwar l-emissjonijiet tal-entità regolata tkun determinata abbażi tal-metodoloġija kif imsemmi fl-Artikolu 75j(1)(a) tar-Regolament (UE) 2018/2066 u tapplika kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:
(a) ikun hemm evidenza minn sors indipendenti li l-kwantitajiet ta’ fjuwil iddeterminati bil-metodi kif imsemmija fl-Artikolu 75j(1)(a) tar-Regolament (UE) 2018/2066 jikkorrispondu għall-ammonti ta’ fjuwil rilaxxati fir-rapport dwar l-emissjonijiet tal-entità regolata;
(b) l-ammonti ta’ fjuwil rilaxxati fir-rapport dwar l-emissjonijiet tal-entità regolata jiġu ġġenerati mis-sistema kompjuterizzata użata għall-moviment u għas-sorveljanza tal-oġġetti soġġetti għas-sisa msemmija fl-Artikolu 20(2) tad-Direttiva (UE) 2020/262 *, mingħajr ebda bidla mill-entità regolata.
3. L-entità regolata għandha tipprovdi lill-verifikatur aċċess għall-evidenza kif imsemmi fil-paragrafu 2, (il-punt a) u evidenza mis-sistema kompjuterizzata kif imsemmi fil-paragrafu 2, (il-punt b), sabiex tagħmel kontroverifika tal-kwantità tal-ammonti ta’ fjuwil fl-evidenza mal-ammonti ta’ fjuwil rilaxxati fir-rapporti annwali dwar l-emissjonijiet.
4. L-Artikolu 43v(7)(a) ma għandux japplika jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 43w(3) ikunu applikabbli u l-verifikatur ikun iddeċieda li ma jwettaqx kontrolli fuq il-metodoloġija biex jiddetermina l-ammonti ta’ fjuwil rilaxxati f’konformità mal-paragrafu 2.
5. L-Artikolu 43v(7)(a) ma għandux japplika jekk ikunu applikabbli l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 43w(2).
* Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (riformulazzjoni), (ĠU L 58, 27.2.2020, p. 4–42, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2020/262/oj).’;
(32)l-Artikolu 44 huwa emendat kif ġej:
(a)it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Għall-finijiet tal-verifika tar-rapporti dwar id-data ta’ referenza, tar-rapporti dwar id-data ta’ min jidħol ġdid, tar-rapporti annwali dwar il-livell ta’ attività jew tar-rapporti dwar in-newtralità klimatika, verifikatur li jkun qed joħroġ rapport ta’ verifika lil operatur għandu jkun akkreditat ukoll għall-grupp ta’ attività bin-numru 98 imsemmi fl-Anness I.”;
(b)jiżdiedu t-tielet u r-raba’ subparagrafi li ġejjin:
“B’deroga mill-ewwel subparagrafu, meta l-operatur tal-inġenji tal-ajru jinkludi l-informazzjoni dwar it-titjiriet tiegħu stess, id-data dwar it-trajettorji tat-titjiriet jew il-proprjetajiet tal-inġenji tal-ajru fin-NEATS jew għodda tal-IT ta’ parti terza approvata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 56a(7) u (8) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 u l-bqija tar-rapport dwar l-effetti tal-avjazzjoni mhux tas-CO2 jimtela min-NEATS jew minn dik l-għodda tal-IT ta’ parti terza, b’mod indipendenti minn kwalunkwe dħul u mingħajr emenda mill-operatur tal-inġenji tal-ajru, verifikatur li jwettaq il-verifika tar-rapport dwar l-effetti tal-avjazzjoni mhux tas-CO2 ta’ dak l-operatur tal-inġenji tal-ajru jista’ jiġi akkreditat għall-grupp ta’ attività 12a msemmi fl-Anness I.
Iċ-ċertifikati ta’ akkreditazzjoni għall-verifika tar-rapporti dwar l-emissjonijiet tal-operatur tal-inġenji tal-ajru maħruġa taħt il-grupp ta’ attività 12 tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkreditazzjoni, li huma validi fl-31 ta’ Marzu 2025, għandhom jitqiesu maħruġa għall-grupp ta’ attività 12a fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkreditazzjoni”;
(33)fl-Artikolu 58(2), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“It-tim ta’ valutazzjoni għandu jinkludi tal-inqas persuna waħda li jkollha għarfien tal-monitoraġġ u tar-rapportar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra jew tal-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2 skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 li jkunu rilevanti għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkreditazzjoni u li jkollha l-kompetenza u l-għarfien meħtieġa biex tivvaluta l-attivitajiet ta’ verifika fl-installazzjoni, fl-operatur tal-inġenji tal-ajru jew fl-entità regolata għal dak il-kamp ta’ applikazzjoni, u tal-inqas persuna waħda li tkun taf il-leġiżlazzjoni u l-linji gwida nazzjonali rilevanti.”;
(34)fl-Artikolu 59(1), il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(b)ikollu għarfien tad-Direttiva 2003/87/KE, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, tar-Regolament Delegat (UE) 2019/331 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2019/1842 meta l-assessur jivvaluta l-kompetenza u l-prestazzjoni tal-verifikatur għall-kamp ta’ applikazzjoni bin-numru 98 imsemmi fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2441 meta l-assessur jivvaluta verifikatur li jwettaq verifika ta’ rapport dwar in-newtralità klimatika, ta’ dan ir-Regolament, ta’ standards rilevanti u ta’ leġiżlazzjoni rilevanti oħra kif ukoll ta’ linji gwida applikabbli;”;
(35)fl-Artikolu 60(2), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(a)
ikollu għarfien tad-Direttiva 2003/87/KE, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, tar-Regolament Delegat (UE) 2019/331 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2019/1842 meta l-espert tekniku jivvaluta l-kompetenza u l-prestazzjoni tal-verifikatur għall-kamp ta’ applikazzjoni bin-numru 98 imsemmi fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2441 meta l-espert tekniku li jkun qed iwettaq verifika ta’ rapport dwar in-newtralità klimatika, ta’ dan ir-Regolament, ta’ standards rilevanti, u ta’ leġiżlazzjoni rilevanti oħra kif ukoll ta’ linji gwida applikabbli;”;
(36)fl-Artikolu 69, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1.
L-Istati Membri jistgħu jobbligaw lill-verifikaturi jużaw mudelli elettroniċi jew formati speċifiċi tal-fajls għar-rapporti ta’ verifika f’konformità mal-Artikolu 74(1) jew l-Artikolu 75u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, f’konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/331, jew f’konformità mal-Artikolu 3(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2019/1842.”;
(37)fl-Artikolu 77(1), il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(b)l-indirizz u d-dettalji ta’ kuntatt tal-operaturi jew tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru li r-rapporti dwar l-emissjonijiet, ir-rapporti dwar l-effetti tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2, ir-rapporti dwar id-data ta’ referenza, ir-rapporti dwar id-data ta’ min jidħol ġdid, ir-rapporti annwali dwar il-livell ta’ attività jew ir-rapporti dwar in-newtralità klimatika tagħhom ikun qed jivverifika;”;
(38)L-Anness I huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
L-Artikolu 1, il-punti (11)(c), (11)(d) u (11)(e), (19)(b)(iii) u (29) għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2025 għall-verifika tal-emissjonijiet li jseħħu mill-1 ta’ Jannar 2024 ’il quddiem.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 18.6.2025
Il-President
Ursula VON DER LEYEN