REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...
ta'2.6.2025
li jistabbilixxi deroga mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 dwar l-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni ta’ biċċiet mingħajr għeruq għat-tħawwil tal-Calibrachoa spp., tal-Petunia spp. u tal-ibridi tagħhom mill-Gwatemala
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE, u b’mod partikolari l-Artikolu 42a(1) tiegħu,
Billi:
(1)L-Artikolu 7 flimkien mal-punt 18 tal-Anness VI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 jipprojbixxi l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ pjanti għat-tħawwil mill-familja Solanaceae minn ċerti pajjiżi terzi.
(2)Diversi Stati Membri esprimew l-interess tagħhom li jimportaw biċċiet mingħajr għeruq għat-tħawwil tal-Calibrachoa spp. u tal-Petunia spp. u tal-ibridi tagħhom (“il-pjanti speċifikati”) mill-Gwatemala, minn fejn il-kummerċ bħalissa huwa pprojbit. Dawk l-Istati Membri u l-Gwatemala ppreżentaw dossier tekniku li jinkludi l-proċeduri għall-produzzjoni tal-pjanti speċifikati fil-Gwatemala.
(3)F’Diċembru 2023, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA, European Food Safety Agency) (“l-Awtorità”) adottat opinjoni xjentifika dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-pjanti mingħajr għeruq tal-Petunia u tal-Calibrachoa mill-Gwatemala.
(4)L-Awtorità identifikat il-Bactericera cockerelli (Šulc.), il-Bemisia tabaci Genn. (popolazzjoni mhux Ewropea), il-Chloridea virescens Fabricius, l-Eotetranychus lewisi (McGregor), l-Epitrix cucumeris (Harris), l-Epitrix subcrinita (Lec.), il-Helicoverpa zea (Boddie), il-Liriomyza huidobrensis (Blanchard), il-Liriomyza sativae Blanchard, il-Liriomyza trifolii (Burgess), il-virus tal-mużajk dehbi tal-bżar (Pepper golden mosaic virus), il-virus huasteco tal-vini musfara tal-bżar (Pepper huasteco yellow vein virus), il-Phenacoccus solenopsis Tinsley, ir-Ralstonia pseudosolanacearum Safni et al., ir-Ralstonia solanacearum (Smith) Yabuuchi et al. Emend. Safni et al., l-iSpodoptera ornithogalli Guenée, il-virus tal-weraq mibruma tal-isquash (Squash leaf curl virus), il-virus tal-weraq estremament mibruma tat-tadam (Tomato severe leaf curl virus), il-virus li jdebbel u jtebba’ t-tadam (Tomato spotted wilt virus), il-virus tal-weraq musfara mibruma tat-tadam (Tomato yellow leaf curl virus) u l-Xanthomonas vescicatoria (ex Doidge) Vauterin et al. bħala pesti rilevanti għall-pjanti speċifikati.
(5)L-Awtorità evalwat il-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji deskritti fid-dossier għall-pesti identifikati u stmat il-probabbiltà tal-ħelsien tal-pjanti speċifikati minn dawk il-pesti.
(6)Abbażi ta’ dik l-opinjoni, il-miżuri meħtieġa biex jiġi indirizzat ir-riskju ta’ dawk il-pesti jenħtieġ li jiġu adottati bħala rekwiżiti fitosanitarji tal-importazzjoni, sabiex jiġi żgurat li r-riskju fitosanitarju mill-introduzzjoni tal-pjanti speċifikati fl-Unjoni jitnaqqas għal livell aċċettabbli.
(7)Il-Bactericera cockerelli (Šulc.), il-Bemisia tabaci Genn. (popolazzjoni mhux Ewropea), l-Eotetranychus lewisi (McGregor), il-Helicoverpa zea (Boddie), il-Liriomyza sativae Blanchard, il-virus tal-mużajk dehbi tal-bżar (Pepper golden mosaic virus), il-virus huasteco tal-vini musfara tal-bżar (Pepper huasteco yellow vein virus), ir-Ralstonia pseudosolanacearum Safni et al., ir-Ralstonia solanacearum (Smith) Yabuuchi et al. Emend. Safni et al., il-virus tal-weraq mibruma tal-isquash (Squash leaf curl virus) u l-virus tal-weraq estremament mibruma tat-tadam (Tomato severe leaf curl virus) huma elenkati bħala pesti ta’ kwarantina tal-Unjoni fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072. Il-Liriomyza huidobrensis (Blanchard) u l-Liriomyza trifolii (Burgess) huma elenkati bħala pesti ta’ kwarantina fiż-żoni protetti fl-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072. L-Epitrix cucumeris (Harris), l-Epitrix subcrinita (Lec.) huma soġġetti għall-miżuri tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/270/UE u l-Chloridea virescens Fabricius u l-iSpodoptera ornithogalli Guenée huma soġġetti għall-miżuri tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1941. Peress li l-pjanti speċifikati bħalissa huma pprojbiti milli jidħlu fit-territorju tal-Unjoni, dawn mhumiex soġġetti għar-rekwiżiti speċjali tal-Anness VII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072.
(8)Il-virus li jdebbel u jtebba’ t-tadam (Tomato spotted wilt virus), il-virus tal-weraq musfara mibruma tat-tadam (Tomato yellow leaf curl virus) u l-Xanthomonas vesicatoria (ex Doidge) Vauterin et al. huma elenkati fl-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 bħala pesti rregolati mhux ta’ kwarantina fl-Unjoni għal komoditajiet għajr pjanti tal-Petunia spp. u tal-Calibrachoa spp. Billi dawn il-pesti ma ġewx identifikati bħala pesti li jikkawżaw impatt ekonomiku fuq il-produzzjoni tal-Petunia spp. u tal-Calibrachoa spp. fit-territorju tal-Unjoni, jenħtieġ li ma jitqisux bħala pesti speċifikati għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.
(9)Il-Phenacoccus solenopsis Tinsley mhuwiex elenkat bħala pest ta’ kwarantina tal-Unjoni fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, u ma ġie osservat l-ebda impatt sinifikanti fuq il-pjanti ospitanti infettati minn dak il-pest fit-territorju tal-Unjoni. Għalhekk, ma huwa meħtieġ l-ebda rekwiżit tal-importazzjoni fir-rigward ta’ dak il-pest.
(10)Sabiex jiġi żgurat li l-introduzzjoni tal-pjanti speċifikati ma tippreżentax riskju ta’ introduzzjoni tal-pesti speċifikati fit-territorju tal-Unjoni, jenħtieġ li l-pjanti jitkabbru minn pjanti li joriġinaw mit-territorju tal-Unjoni biex tiġi evitata l-preżenza ta’ pesti fil-materjal tal-bidu.
(11)Jenħtieġ li l-produzzjoni tal-pjanti speċifikati ssir f’siti tal-produzzjoni li huma approvati mill-Organizzazzjoni Nazzjonali għall-Protezzjoni tal-Pjanti (NPPO, National Plant Protection Organisation) tal-Gwatemala għall-produzzjoni tal-pjanti speċifikati għall-esportazzjoni fl-Unjoni u li huma identifikati b’kodiċi uniku tat-traċċabbiltà li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jidentifikaw, f’każ ta’ sejba ta’ pest speċifikat fi pjanta speċifikata fit-territorju tal-Unjoni, is-sit tal-produzzjoni li minnu toriġina dik il-pjanta speċifikata.
(12)Barra minn hekk, biex jiġi żgurat li l-pjanti speċifikati jkunu ħielsa mill-pesti speċifikati, jenħtieġ li jitkabbru taħt protezzjoni fiżika u jiġu spezzjonati qabel l-esportazzjoni.
(13)Peress li s-sintomi tal-preżenza tal-pesti speċifikati jistgħu ma jkunux viżibbli fuq il-biċċiet mingħajr għeruq importati fl-Unjoni, jenħtieġ li wara l-importazzjoni fit-territorju tal-Unjoni l-pjanti speċifikati jitħawlu u jiffurmaw l-għeruq fil-bini tal-operaturi professjonisti awtorizzati speċifikament biex joħorġu l-passaporti tal-pjanti għal dawn il-pjanti li joriġinaw mill-Gwatemala jew tal-operaturi professjonisti li għalihom l-awtoritajiet kompetenti joħorġu l-passaporti tal-pjanti, peress li huma soġġetti għal spezzjonijiet uffiċjali regolari. L-operaturi professjonisti li għandhom ikabbru l-pjanti speċifikati jew jinkoraġġuhom jiffurmaw l-għeruq jenħtieġ li jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti qabel ma jirċievu l-pjanti speċifikati sabiex dawn tal-aħħar jippjanaw l-ispezzjonijiet uffiċjali fil-ħin.
(14)Sabiex jiġi evitat li l-pjanti speċifikati jiġu mċaqilqa għall-ewwel darba lejn il-bini ta’ operaturi professjonisti li mhumiex awtorizzati joħorġu l-passaporti tal-pjanti għall-pjanti speċifikati, jenħtieġ li l-importatur jippreżenta dokument maħruġ mill-awtorità kompetenti li jikkonferma li l-pjanti jridu jiġu mċaqilqa lejn il-bini ta’ operaturi professjonisti li, skont l-Artikolu 89(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031, huma speċifikament awtorizzati li joħorġu l-passaporti tal-pjanti għall-pjanti li jiffurmaw l-għeruq jew jitkabbru mill-pjanti speċifikati, jew lejn il-bini ta’ operaturi professjonisti li għalihom l-awtoritajiet kompetenti joħorġu l-passaporti tal-pjanti għall-pjanti speċifikati.
(15)Peress li sa issa ma saret l-ebda introduzzjoni tal-pjanti speċifikati fit-territorju tal-Unjoni u għad ma hemm l-ebda esperjenza f’dan il-kummerċ, il-pjanti speċifikati jippreżentaw riskju fitosanitarju li għadu ma ġiex ivvalutat bis-sħiħ. Għalhekk, jenħtieġ li r-rekwiżiti pprovduti minn dan ir-Regolament ikunu ta’ natura temporanja skont l-Artikolu 42a(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031.
(16)Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)“pesti speċifikati” tfisser il-Bactericera cockerelli (Šulc.), il-Bemisia tabaci Genn., il-Chloridea virescens Fabricius, l-Eotetranychus lewisi (McGregor), l-Epitrix cucumeris (Harris), l-Epitrix subcrinita (Lec.), il-Helicoverpa zea (Boddie), il-Liriomyza huidobrensis (Blanchard), il-Liriomyza sativae Blanchard, il-Liriomyza trifolii (Burgess), il-virus tal-mużajk dehbi tal-bżar (Pepper golden mosaic virus), il-virus huasteco tal-vini musfara tal-bżar (Pepper huasteco yellow vein virus), ir-Ralstonia pseudosolanacearum Safni et al., Ralstonia solanacearum (Smith) Yabuuchi et al. Emend. Safni et al., l-iSpodoptera ornithogalli Guenée, l-virus tal-weraq mibruma tal-isquash (Squash leaf curl virus) u l-virus tal-weraq estremament mibruma tat-tadam (Tomato severe leaf curl virus);
(2)“pjanti speċifikati” tfisser biċċiet mingħajr għeruq maħsuba għat-tħawwil tal-Calibrachoa spp. u tal-Petunia spp. u tal-ibridi tagħhom, imkabbra fil-Gwatemala u derivati f’linja diretta minn pjanti omm importati mill-Unjoni.
Artikolu 2
Deroga mill-projbizzjoni tal-introduzzjoni tal-pjanti speċifikati fit-territorju tal-Unjoni
B’deroga mill-punt 18 tal-Anness VI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, l-introduzzjoni tal-pjanti speċifikati fit-territorju tal-Unjoni għandha tkun permessa skont jekk tikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Rekwiżiti għall-introduzzjoni tal-pjanti speċifikati fit-territorju tal-Unjoni u għall-moviment tagħhom fih
1.Il-pjanti speċifikati jistgħu jiġu introdotti fl-Unjoni biss jekk jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kollha li ġejjin:
(a)qabel il-bidu tal-kummerċ, l-Organizzazzjoni Nazzjonali għall-Protezzjoni tal-Pjanti (NPPO, National Plant Protection Organisation) tal-Gwatemala kkomunikat bil-miktub lill-Kummissjoni l-lista tal-miżuri maħsuba biex jiżguraw l-issodisfar tar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 1 tal-Anness I;
(b)l-NPPO tal-Gwatemala tippreżenta lill-Kummissjoni, sal-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena, il-lista tas-siti tal-produzzjoni, bil-kodiċijiet tat-traċċabbiltà tagħhom, li huma approvati biex jesportaw il-pjanti speċifikati lejn l-Unjoni fis-sena kalendarja ta’ wara, u tikkomunika minnufih kwalunkwe emenda ta’ dik il-lista;
(c)l-NPPO tal-Gwatemala tippreżenta lill-Kummissjoni, sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, rapport annwali dwar l-attivitajiet imwettqa matul is-sena kalendarja preċedenti, li jkun fih l-elementi kollha stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness I.
2.Sabiex il-pjanti speċifikati jiġu introdotti fit-territorju tal-Unjoni, l-operatur professjonist importatur għandu jippreżenta dokument maħruġ mill-awtorità kompetenti li jikkonferma li l-operatur professjonist li jirċievi l-pjanti speċifikati jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 3.
3.Ladarba jiġu introdotti fl-Unjoni, il-pjanti speċifikati jistgħu jiġu mċaqilqa biss lejn:
(a)il-bini tal-operaturi professjonisti li, skont l-Artikolu 89(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031, huma speċifikament awtorizzati li joħorġu l-passaporti tal-pjanti għall-pjanti li jiffurmaw l-għeruq jew jitkabbru mill-pjanti speċifikati; jew
(b)il-bini tal-operaturi professjonisti li għalihom l-awtoritajiet kompetenti joħorġu l-passaporti tal-pjanti għall-pjanti speċifikati.
Qabel ma jirċievu l-pjanti speċifikati, l-operaturi professjonisti msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti bid-data prevista tal-wasla ta’ dawk il-pjanti u għandhom iżommu l-kodiċi tat-traċċabbiltà msemmi fil-punt 1(c)(iii) tal-Anness I.
4.Il-pjanti li jiffurmaw l-għeruq jew jitkabbru direttament mill-pjanti speċifikati għandhom jinżammu separati minn kwalunkwe pjanta oħra suxxettibbli għall-pesti speċifikati. Għandhom ikunu soġġetti għal spezzjonijiet uffiċjali mill-inqas darba qabel ma jiġu mċaqilqa għall-ewwel darba barra mill-bini tal-operatur professjonist ikkonċernat u qrib kemm jista’ jkun tal-ħin tal-moviment tagħhom. Dawk l-ispezzjonijiet għandhom jinkludu, f’każ ta’ suspett ta’ infezzjoni, kampjunar u ttestjar molekulari għall-virus tal-mużajk dehbi tal-bżar (Pepper golden mosaic virus), għall-virus huasteco tal-vini musfara tal-bżar (Pepper huasteco yellow vein virus), għall-virus tal-weraq mibruma tal-isquash (Squash leaf curl virus) u għall-virus tal-weraq estremament mibruma tat-tadam (Tomato severe leaf curl virus).
F’każ ta’ sejbiet ta’ pesti speċifikati fuq pjanti li jiffurmaw l-għeruq jew jitkabbru mill-pjanti speċifikati, mill-inqas il-pjanti kollha li jiffurmaw l-għeruq jew jitkabbru mill-istess lott ta’ pjanti speċifikati għandhom jinqerdu minnufih u, jekk xieraq, il-bini rispettiv għandu jitnaddaf u jiġi diżinfettat.
5.L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bi kwalunkwe sejba tal-preżenza ta’ pest speċifikat fuq il-pjanti speċifikati jew fuq pjanti li jiffurmaw l-għeruq jew jitkabbru mill-pjanti speċifikati. Il-Kummissjoni għandha tinforma minnufih lill-NPPO tal-Gwatemala b’dan.
Meta l-NPPO tal-Gwatemala tiġi infurmata bil-preżenza ta’ pest speċifikat fuq pjanti speċifikati jew fuq pjanti li jiffurmaw l-għeruq jew jitkabbru mill-pjanti speċifikati, is-sit tal-produzzjoni minn fejn joriġinaw il-pjanti speċifikati ma għandux jibqa’ jiġi approvat għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni u l-NPPO tal-Gwatemala għandha tneħħi minnufih dak is-sit tal-produzzjoni mil-lista ta’ siti tal-produzzjoni approvati msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (b), sakemm jintwera li l-ħelsien mill-pesti ġie restawrat.
Artikolu 4
Emenda tal-Anness VI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072
L-Anness VI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 huwa emendat f’konformità mat-test stabbilit fl-Anness II.
Artikolu 5
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Għandu japplika sat-30 ta’ April 2028.
Magħmul fi Brussell, 2.6.2025
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
MT
ANNESS
ANNESS I
Rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 3 għall-introduzzjoni tal-pjanti speċifikati fit-territorju tal-Unjoni
1.
Il-pjanti speċifikati jistgħu jiġu introdotti fit-territorju tal-Unjoni biss jekk jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha li ġejjin:
(a)
ġew prodotti f’siti tal-produzzjoni li:
(I)huma inklużi mill-Organizzazzjoni Nazzjonali għall-Protezzjoni tal-Pjanti (NPPO, National Plant Protection Organisation) tal-Gwatemala f’lista ta’ siti tal-produzzjoni approvati rikonoxxuti bħala ħielsa mill-pesti speċifikati u li għandhom permess jesportaw il-pjanti speċifikati lejn l-Unjoni;
(II)huma identifikati b’kodiċi uniku tat-traċċabbiltà li jidher fil-lista msemmija fil-punt (i);
(III)huma fiżikament iżolati kontra l-insetti, b’bibien doppji, fejn it-tieni bieb jinfetaħ biss wara li l-ewwel bieb ikun ingħalaq kompletament, u jkollhom sistema fis-seħħ biex jiżguraw proċeduri tal-iġjene u tad-diżinfezzjoni għall-persunal, it-tagħmir u l-proċessi kollha tal-produzzjoni;
(IV)għandhom sistema biex jipprovdu ilma tat-tisqija mingħajr pesti, li huwa soġġett għal mill-inqas żewġ spezzjonijiet uffiċjali annwali, inkluż ittestjar molekulari, biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm Ralstonia pseudosolanacearum Safni et al. u Ralstonia solanacearum (Smith) Yabuuchi et al. Emend. Safni et al.,;
(V)huma kompletament iddedikati għall-produzzjoni tal-pjanti speċifikati jew ta’ pjanti oħra li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-saħħa tal-pjanti u huma soġġetti għal tindif u diżinfezzjoni sħiħa qabel l-introduzzjoni ta’ pjanti speċifikati ġodda;
(VI)għandhom xkafef biex iżommu l-qsari mill-inqas 50 cm ’l fuq mill-art;
(VII)għandhom sistema fis-seħħ biex iżommu rekord tal-proċessi kollha, inkluż il-lottijiet prodotti u l-proċeduri għall-kontroll tal-pesti speċifikati matul kull ċiklu ta’ produzzjoni;
(VIII)f’każ ta’ sejbiet ta’ pest speċifikat, jitneħħew mil-lista ta’ siti tal-produzzjoni msemmija fil-punt (i) sakemm is-sitwazzjoni ħielsa mill-pesti tkun ġiet restawrata, imbagħad jiġu approvati mill-ġdid biss għall-produzzjoni u l-esportazzjoni ta’ dan il-materjal;
(b)
kienu:
(I)imkabbra fil-Gwatemala u derivati f’linja diretta minn pjanti omm importati mill-Unjoni;
(II)prodotti bl-użu ta’ materjal għat-tkabbir u qsari li huma ġodda jew soġġetti għal trattamenti biex jiġi żgurat il-ħelsien minn organiżmi li jinġarru fil-ħamrija u minn kwalunkwe pest speċifikat qabel ma jintużaw fil-proċess tal-produzzjoni;
(III)immonitorjati bin-nases għall-preżenza ta’ insetti minn persunal imħarreġ;
(IV)soġġetti għal eżamijiet viżwali biex jiġi żgurat in-nuqqas tal-pesti speċifikati jew is-sintomi tagħhom minn persunal imħarreġ kull ġimgħa;
(V)soġġetti, fejn xieraq, għal trattamenti kontra l-pesti;
(VI)soġġetti għall-ittestjar molekulari għad-detezzjoni tal-virus tal-mużajk dehbi tal-bżar (Pepper golden mosaic virus), tal-virus huasteco tal-vini musfara tal-bżar (Pepper huasteco yellow vein virus), tal-virus tal-weraq mibruma tal-isquash (squash leaf curl virus), tal-virus tal-weraq estremament mibruma tat-tadam (Tomato severe leaf curl virus) mill-inqas darba qabel l-ewwel lott ta’ biċċiet mingħajr għeruq jiġi esportat lejn l-Unjoni matul dak iċ-ċiklu ta’ produzzjoni jew wara kwalunkwe sejba tal-Bemisia tabaci Genn. fis-sit tal-produzzjoni;
(c)
qabel l-esportazzjoni, kull lott ta’ pjanti speċifikati minn kull sit tal-produzzjoni kien:
(I)soġġett għal spezzjoni uffiċjali għall-preżenza tal-pesti speċifikati, permezz ta’ metodu tal-kampjunar li jippermetti d-detezzjoni ta’ mill-inqas livell ta’ infestazzjoni ta’ 1 %, b’livell ta’ fiduċja ta’ 99 % f’konformità mal-Istandard Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji (ISPM, International Standard for Phytosanitary Measures) Nru 31, inkluż l-ittestjar molekulari għall-virus tal-mużajk dehbi tal-bżar (Pepper golden mosaic virus), tal-virus huasteco tal-vini musfara tal-bżar (Pepper huasteco yellow vein virus), tal-virus tal-weraq mibruma tal-isquash (squash leaf curl virus), u tal-virus tal-weraq estremament mibruma tat-tadam (Tomato severe leaf curl virus) f’każ ta’ suspett ta’ infezzjoni;
(II)ittrasportat mis-sit tal-produzzjoni għall-faċilitajiet tal-ħżin, tat-tkessiħ jew tal-imballaġġ fil-postijiet tal-produzzjoni, b’tali mod li tiġi evitata l-kontaminazzjoni mal-pesti speċifikati;
(III)ippakkjat f’kaxxi, fejn kull kaxxa tinkludi tikketta bil-kodiċi tat-traċċabbiltà tas-sit tal-produzzjoni;
(d)
ikunu akkumpanjati minn ċertifikat fitosanitarju, maħruġ mill-NPPO tal-Gwatemala, li jiċċertifika l-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament u jinkludi, skont ir-rubrika “Dikjarazzjoni Addizzjonali”:
(I)l-isem/ismijiet tas-sit(i) tal-produzzjoni approvat(i) minn fejn joriġinaw il-pjanti;
(II)il-kodiċi(jiet) tat-traċċabbiltà tas-sit(i) tal-produzzjoni minn fejn joriġinaw il-pjanti;
(III)id-dikjarazzjoni “Din il-kunsinna tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) xxx/xxx” [l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għandu jdaħħal in-numru ta’ dan ir-Regolament].
2.
Ir-rapport annwali dwar l-attivitajiet tas-sena kalendarja preċedenti għandu jinkludi għal kull sit tal-produzzjoni:
(a)
l-għadd ta’ pjanti speċifikati esportati lejn l-Unjoni;
(b)
il-ħarsa ġenerali tal-ispezzjonijiet uffiċjali mwettqa qabel l-esportazzjoni;
(c)
is-sejbiet tal-preżenza tal-pesti speċifikati;
(d)
l-għadd ta’ pjanti meqruda minħabba suspett ta’ infestazzjoni jew infestazzjoni bil-pesti speċifikati; u
(e)
l-azzjonijiet meħuda biex jiġi restawrat il-ħelsien mill-pesti tas-sit tal-produzzjoni u tiġi evitata r-rikorrenza tal-pesti speċifikati.
ANNESS II
Fil-punt 18 tal-Anness VI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, it-test tal-kolonna “Deskrizzjoni” huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Pjanti għat-tħawwil tas-Solanaceae għajr iż-żrieragħ u l-pjanti koperti mill-entrati 15, 16 jew 17 *
*ħlief il-pjanti li ġejjin:
-biċċiet mingħajr għeruq maħsuba għat-tħawwil tal-Calibrachoa u tal-Petunia u tal-ibridi tagħhom mill-Kenja, li jistgħu jiġu introdotti fl-Unjoni soġġetti għar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) .../... li jistabbilixxi deroga mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 dwar l-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni ta’ biċċiet mingħajr għeruq għat-tħawwil tal-Calibrachoa spp., tal-Petunia spp. u tal-ibridi tagħhom mill-Kenja [l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet għandu jdaħħal ir-referenza tal-pubblikazzjoni];
-biċċiet mingħajr għeruq maħsuba għat-tħawwil tal-Calibrachoa u tal-Petunia u tal-ibridi tagħhom mill-Gwatemala, li jistgħu jiġu introdotti fl-Unjoni soġġetti għar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) .../... li jistabbilixxi deroga mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 dwar l-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni ta’ biċċiet mingħajr għeruq għat-tħawwil tal-Calibrachoa spp., tal-Petunia spp. u tal-ibridi tagħhom mill-Gwatemala [l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet għandu jdaħħal ir-referenza tal-pubblikazzjoni ]”