MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-ATT DELEGAT
Dan l-Att Delegat jemenda r-Regolament (UE) 2019/1242 billi jżid subgruppi tal-vetturi għal trakkijiet b’kombinazzjoni tqila ħafna u billi jinkludi dawn il-vetturi bħala subgruppi separati tal-vetturi fil-kalkoli tal-miri fl-Anness I.
2.KONSULTAZZJONIJIET QABEL L-ADOZZJONI TAL-ATT
Il-Kummissjoni talbet il-feedback mingħand il-partijiet ikkonċernati permezz ta’:
(a)konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Esperti dwar l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi bil-mutur, inklużi l-awtoritajiet tal-Istati Membri, il-manifatturi tal-vetturi, il-fornituri u l-NGOs fid-29 ta’ Mejju, fit-18 ta’ Lulju, fit-22 ta’ Ottubru u fl-14 ta’ Novembru 2024. Il-kummenti ppreżentati ġew ikkunsidrati u meqjusa kif xieraq.
(b)konsultazzjoni pubblika online ta’ 4 ġimgħat fuq il-portal ta’ regolamentazzjoni aħjar “Semma’ leħnek”, mis-7 ta’ Marzu 2025 sal-4 ta’ April 2025; fil-portal waslu 10 kummenti. Il-kummenti li waslu permezz tal-portal, li kienu rilevanti għall-att, appoġġaw il-proposta u pproponew diversi emendi. L-emendi proposti marru kontra l-opinjoni tal-Grupp ta’ Esperti. F’dan il-kuntest, dawn il-kummenti ma wasslux għal bidliet f’dan l-att delegat.
3.ELEMENTI LEGALI TAL-ATT DELEGAT
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta dan l-Att Delegat permezz tal-Artikolu 14(1), il-punti (a), (e), (f) u (g) tar-Regolament (UE) 2019/1242.
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...
ta'20.5.2025
li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1242 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward taż-żieda ta’ subgruppi tal-vetturi għal trakkijiet b’kombinazzjoni tqila ħafna
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1242 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi standards tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO₂ għall-vetturi tqal ġodda u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 595/2009 u (UE) 2018/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1), il-punti (a), (e), (f) u (g), tiegħu,
Billi:
(1)Jekk jintużaw f’kundizzjonijiet operazzjonali u reġjonali xierqa, it-trakkijiet b’kombinazzjoni tqila ħafna (“trakkijiet EHC”, extra-heavy combination lorries) definiti fl-Artikolu 3(25) tar-Regolament (UE) 2019/1242, jista’ jkollhom emissjonijiet tas-CO2 aktar baxxi għal kull kilometraġġ li jsir u għal kull tagħbija utli ttrasportata, espressi f’valuri aktar baxxi ta’ gCO2/t∙km, meta mqabbla ma’ kombinazzjonijiet ta’ vetturi oħrajn;
(2)Jenħtieġ li dawn il-valuri aktar baxxi ta’ gCO2/t∙km jiġu riflessi fil-kalkolu tal-konformità mal-miri tal-emissjonijiet tas-CO2 previsti fl-Artikolu 3a(1), il-punti (b), (c) u (d) tar-Regolament (UE) 2019/1242 billi jiżdiedu subgruppi separati tal-vetturi għal trakkijiet EHC;