MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-ATT DELEGAT

Id-data dwar l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi għandha rwol kruċjali fl-appoġġ tal-iżvilupp ta’ servizzi ta’ informazzjoni affidabbli. Dawn is-servizzi ta’ informazzjoni jipprovdu lill-konsumaturi b’fiduċja fir-rigward tal-użu ta’ vetturi li jaħdmu bi fjuwils alternattivi u l-infrastruttura tagħhom. Barra minn hekk, data suffiċjenti u ta’ kwalità għolja tippermetti lill-utenti tad-data 1   jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar l-għażliet tas-suq, l-ippjanar tal-infrastruttura u l-investimenti. Għal din ir-raġuni, l-Artikolu 20(2) tar-Regolament (UE) 2023/1804 2 jistabbilixxi li sal-14 ta’ April 2025, l-operaturi ta’ punti tal-irriċarġjar u punti tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku, jew, f’konformità mal-arranġamenti bejniethom, is-sidien ta’ dawk il-punti, jenħtieġ li jiżguraw id-disponibbiltà ta’ data statika u data dinamika dwar l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi mħaddma minnhom, jew servizzi marbuta b’mod inerenti ma’ tali infrastruttura li huma jipprovdu jew li jesternalizzaw, mingħajr ħlas.

L-Artikolu 20(2) tar-Regolament (UE) 2023/1804 jelenka wkoll sett preliminari ta’ tipi ta’ data li l-operaturi ta’ punti tal-irriċarġjar u punti ta’ riforniment aċċessibbli għall-pubbliku għall-fjuwils alternattivi jenħtieġ li jagħmlu disponibbli. Skont l-Artikolu 20(6)(a) tar-Regolament (UE) 2023/1804, il-Kummissjoni trid tadotta atti delegati biex temenda l-Artikolu 20(2) biex tinkludi tipi ta’ data addizzjonali u, meta tagħmel dan, tqis l-iżviluppi teknoloġiċi jew is-servizzi ġodda disponibbli fis-suq.

B’mod ġenerali, huwa meħtieġ li t-tipi ta’ data addizzjonali jkunu disponibbi biex jiġi żgurat li l-utenti finali jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati bis-sħiħ dwar l-irriċarġjar u r-riforniment tal-vetturi tagħhom abbażi ta’ servizzi ta’ informazzjoni ta’ kwalità għolja żviluppati mill-atturi rilevanti tas-suq. B’mod partikolari, huma meħtieġa tipi ta’ data addizzjonali biex jiġi żgurat li jkun hemm informazzjoni ġenerali kompluta dwar l-operaturi tal-punti tal-irriċarġjar u tar-riforniment, inkluża informazzjoni dwar il-preżenza ta’ persuni fiżiċi li jattendu l-istazzjon tal-irriċarġjar jew tar-riforniment, jew l-eżistenza ta’ faċilitajiet li joffru servizzi assoċjati lill-utent. Aspett importanti ieħor jirrigwarda d-data dwar l-aspetti ta’ aċċessibbiltà u dawk operazzjonali, fejn huma meħtieġa aktar tipi ta’ data li jagħtu dettalji dwar il-kompatibbiltà tat-tip ta’ vettura, bħal speċifikazzjonijiet speċifiċi tal-vetturi permessi. Dawn it-tipi ta’ data huma kruċjali għall-irriċarġjar u għar-riforniment bla xkiel tal-vetturi heavy-duty. Barra minn hekk, hemm bżonn ta’ tipi oħra ta’ data biex jiġu indirizzati b’mod speċifiku l-iżviluppi teknoloġiċi u s-servizzi ġodda li jidħlu fis-suq, bħal servizzi plug-and-charge jew servizzi tal-irriċarġjar intelliġenti.

Għalhekk, dan ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni jemenda l-Artikolu 20(2) tar-Regolament (UE) 2023/1804 biex jiġu inklużi aktar tipi ta’ data, filwaqt li jitqiesu wkoll l-iżviluppi teknoloġiċi u s-servizzi ġodda li jidħlu fis-suq.

 

 

2.KONSULTAZZJONIJIET QABEL L-ADOZZJONI TAL-ATT

Fit-tħejjija ta’ dan ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni kkonsultat esperti mill-Istati Membri u min-Norveġja, mil-Liechtenstein u mill-Iżlanda permezz ta’ diversi laqgħat tas-sottogrupp ta’ implimentazzjoni tal-grupp ta’ esperti tal-Forum dwar it-Trasport Sostenibbli (STF, Sustainable Transport Forum) (E03321/4). B’kollox, saru seba’ laqgħat bejn Settembru 2023 u Ġunju 2024. Barra minn hekk, l-objettivi ġenerali u l-kontenut ta’ dan ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni ġew diskussi fil-Kumitat dwar l-Infrastruttura tal-Fjuwils Alternattivi (C49500) fit-23 ta’ Novembru 2023.

Dan ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni jibni fuq l-eżiti tal-Azzjoni ta’ Appoġġ għall-Programm (PSA, Programme Support Action) tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF, Connecting Europe Facility) dwar il-Ġbir ta’ data relatata mal-punti tal-irriċarġjar/tar-riforniment għal fjuwils alternattivi u l-kodiċijiet ta’ identifikazzjoni uniċi relatati mal-atturi tal-elettromobbiltà” (IDACS, Data collection related to recharging/refuelling points for alternative fuels and the unique identification codes related to e-mobility actors). Din il-PSA ġiet konkluża fl-2022 u laqqgħet flimkien 15-il Stat Membru.

Fl-aħħar nett, l-esperti tal-industrija ġew infurmati wkoll dwar il-ħidma preparatorja fuq dan ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni bħala parti minn żewġ sottogruppi tal-STF: is-sottogrupp dwar il-governanza u l-istandards u s-sottogrupp dwar id-data. Dawn l-esperti tal-industrija pprovdew input tekniku u rakkomandazzjonijiet dwar it-tipi ta’ data li huma s-suġġett ta’ dan ir-Regolament.

L-abbozz tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni kien soġġett għal perjodu ta’ feedback ta’ 4 ġimgħat għall-konsultazzjoni pubblika fuq il-portal tal-Kummissjoni Semma’ Leħnek. Din il-konsultazzjoni rriżultat f’total ta’ 28 tweġiba minn firxa varjata ta’ partijiet ikkonċernati, inklużi organizzazzjonijiet individwali, assoċjazzjonijiet tan-negozju, organizzazzjonijiet mhux governattivi, istituzzjonijiet akkademiċi u ta’ riċerka, trade unions, u ċittadini tal-UE.

Il-feedback ipprovda appoġġ qawwi għad-dispożizzjonijiet inklużi fl-abbozz tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni, li jirrifletti rikonoxximent wiesa’ tal-importanza tiegħu fil-kisba tal-objettivi ta’ politika mixtieqa rigward id-disponibbiltà tad-data tal-infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment għall-fjuwils alternattivi.

Il-partijiet ikkonċernati pproponew l-inklużjoni ta’ tipi ta’ data speċifiċi addizzjonali jew il-modifika ta’ wħud minn dawk diġà proposti. Barra minn hekk, partijiet ikkonċernati oħra rrakkomandaw li t-tipi ta’ data proposti ġodda f’dan ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni jiġu allinjati aktar ma’ dawk diġà inkorporati fil-protokoll tal-Interfaċċa għall-Punt tal-Irriċarġjar Miftuħ (OCPI, Open Charge Point Interface). Il-Kummissjoni qieset li t-tipi l-ġodda ta’ data proposti fl-abbozz tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni jipprovdu rappreżentazzjoni bbilanċjata tal-ħtiġijiet rilevanti tal-informazzjoni għall-utenti, filwaqt li jqisu l-prattiki eżistenti tas-suq. Għalhekk, ġie konkluż li ma kienet meħtieġa l-ebda bidla.

3.ELEMENTI LEGALI TAL-ATT DELEGAT

Dan ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq l-Artikolu 20(6), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2023/1804, li jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati biex temenda l-Artikolu 20(2) biex jinkludi tipi ta’ data addizzjonali li jikkonċernaw punti tal-irriċarġjar u punti tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku għall-fjuwils alternattivi jew servizzi marbuta b’mod inerenti ma’ tali infrastruttura li l-operaturi ta’ dik l-infrastruttura jipprovdu jew jesternalizzaw fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi jew servizzi ġodda disponibbli fis-suq.

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...

ta'2.4.2025

li jemenda r-Regolament (UE) 2023/1804 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tipi ta’ data addizzjonali dwar l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Ir-Regolament (UE) 2023/1804 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi, u li jħassar id-Direttiva 2014/94/UE 3 , u b’mod partikolari l-Artikolu 20(6), il-punt (a), tiegħu,

Billi:

(1)L-Artikolu 20(2) tar-Regolament (UE) 2023/1804 jistabbilixxi li sal-14 ta’ April 2025, l-operaturi ta’ punti tal-irriċarġjar u punti ta’ riforniment aċċessibbli għall-pubbliku għall-fjuwils alternattivi, jew, f’konformità mal-arranġamenti bejniethom, is-sidien ta’ dawk il-punti, għandhom jiżguraw id-disponibbiltà ta’ data statika u data dinamika dwar l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi mħaddma minnhom, jew servizzi marbuta b’mod inerenti ma’ tali infrastruttura li huma jipprovdu jew li jesternalizzaw, mingħajr ħlas.

(2)Sabiex jiġi pprovdut sett komprensiv ta’ data b’mod armonizzat madwar l-Unjoni b’kapaċità li jissodosfa l-ħtiġijiet ta’ informazzjoni futuri tal-utenti finali tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi, li jipprovdihom b’informazzjoni suffiċjenti dwar il-post ġeografiku, il-karatteristiċi u s-servizzi ġenerali offruti fil-punti tal-irriċarġjar u tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku, filwaqt li jqis ukoll l-iżviluppi teknoloġiċi ġodda u s-servizzi ġodda li se jidħlu fis-suq, huwa neċessarju li tiġi emendata l-lista tas-sett preliminari ta’ tipi ta’ data inkluża fl-Artikolu 20(2) tar-Regolament (UE) 2023/1804.

(3)It-tipi ta’ data addizzjonali introdotti permezz ta’ dan ir-Regolament huma relatati mal-informazzjoni ġenerali dwar l-operaturi tal-punti tal-irriċarġjar u tal-punti tar-riforniment, inkluża l-informazzjoni dwar il-preżenza ta’ persuni fiżiċi li jieħdu ħsieb l-istazzjon tal-irriċarġjar jew tar-riforniment, jew l-eżistenza ta’ faċilitajiet li joffru servizzi assoċjati lill-utent. Barra minn hekk, ċerti tipi ta’ data jkopru aspetti ta’ aċċessibbiltà, bħal parametri aktar dettaljati tal-kompatibbiltà tat-tip ta’ vettura billi jinkludu speċifikazzjonijiet tal-vetturi permessi u aspetti operazzjonali, bħall-kapaċità kumulattiva ta’ kuljum tal-istazzjonijiet tar-riforniment tal-idroġenu jew il-pressjoni tal-idroġenu kkonsenjata fil-punt tar-riforniment. Barra minn hekk, it-tipi oħra ta’ data jindirizzaw b’mod speċifiku l-iżviluppi teknoloġiċi u s-servizzi ġodda li jidħlu fis-suq, bħal servizzi plug-and-charge jew servizzi tal-irriċarġjar intelliġenti. B’mod ġenerali, jeħtieġ li jiġu introdotti dawn it-tipi ta’ data addizzjonali biex jiġi żgurat li l-utenti finali jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar is-sessjonijiet tal-irriċarġjar u tar-riforniment tagħhom abbażi ta’ servizzi ta’ informazzjoni ta’ kwalità għolja żviluppati mill-atturi rilevanti tas-suq.

(4)Sabiex jiġu evitati duplikazzjonijiet bejn it-tipi ta’ data eżistenti u dawk miżjuda ġodda, jeħtieġ li jiġu aġġustati ċerti tipi ta’ data elenkati fl-Artikolu 20(2) tar-Regolament (UE) 2023/1804. Pereżempju, it-tip ta’ data “post ġeografiku tal-punti tal-irriċarġjar u tal-punti ta’ riforniment għall-fjuwils alternattivi” huwa sostitwit b’diversi tipi ta’ data addizzjonali ġodda bħal “informazzjoni dwar il-pożizzjoni ġeografika tas-sistema globali ta’ navigazzjoni bis-satellita (GNSS, Global Navigation Satellite System)”, “informazzjoni addizzjonali dwar il-pożizzjoni ġeografika”, “pajjiż”, “reġjun”, “belt jew raħal”, “kodiċi postali”, u “isem li hemm fuq l-indirizz”.

(5)Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jikkomplementaw is-subtaqsimiet eżistenti skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament (UE) 2023/1804 billi jżidu punti ġodda mal-Artikolu 20(2) tar-Regolament (UE) 2023/1804 biex ikopru data statika għall-infrastruttura għar-riforniment tal-idroġenu aċċessibbli għall-pubbliku, data statika ulterjuri għall-infrastruttura tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku għall-fjuwils alternattivi, u data dinamika ulterjuri għall-infrastruttura għar-riforniment tal-idroġenu aċċessibbli għall-pubbliku.

(6)It-tipi ta’ data addizzjonali introdotti permezz ta’ dan ir-Regolament huma konsistenti mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi relatati mal-format, il-frekwenza u l-kwalità stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 20(7) tar-Regolament (UE) 2023/1804 bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) … li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1804 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet u tal-proċeduri relatati mad-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tad-data dwar l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi (C (2025)1917) 4 .

(7)Sabiex jiġu antiċipati l-iżviluppi futuri u l-implimentazzjoni tal-Artikolu 20(5) tar-Regolament (UE) 2023/1804, it-tipi ta’ data stabbiliti b’dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu aċċessibbli wkoll permezz ta’ punt ta’ aċċess komuni Ewopew li jrid jiġi stabbilit mill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2026. Dan se jippermetti lill-utenti tad-data jaċċessaw faċilment id-data u jqabblu l-informazzjoni dwar il-karatteristiċi tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi, bħall-prezz, l-aċċessibbiltà, id-disponibbiltà jew il-kapaċità tal-potenza.

(8)It-tipi ta’ data addizzjonali stipulati b’dan ir-Regolament jibnu fuq l-eżiti tal-Azzjoni ta’ Appoġġ għall-Programm tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa b’rabta mal-Ġbir ta’ data relatata mal-punti tal-irriċarġjar/tar-riforniment għall-fjuwils alternattivi u l-kodiċijiet ta’ identifikazzjoni uniċi relatati mal-atturi tal-elettromobbiltà (IDACS) li ġiet konkluża fl-2022.

(9)Skont l-Artikolu 20(8) tar-Regolament (UE) 2023/1804 l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafi 6 u 7 tal-Artikolu 20 ta’ dak ir-Regolament għandhom jipprevedu perjodi tranżizzjonali raġonevoli qabel ma d-dispożizzjonijiet li jinsabu fihom, jew l-emendi tagħhom, isiru vinkolanti fuq l-operaturi jew is-sidien ta’ punti tal-iċċarġjar u punti ta’ riforniment għall-fjuwils alternattivi. Għalhekk, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-14 ta’ April 2025 biex jikkoinċidi mad-data tal-applikazzjoni tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament (UE) 2023/1804.

(10)Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) 2023/1804 jenħtieġ li jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 2023/1804 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Sal-14 ta’ April 2025, l-operaturi ta’ punti tal-irriċarġjar u punti ta’ riforniment aċċessibbli għall-pubbliku għall-fjuwils alternattivi, jew, f’konformità mal-arranġamenti bejniethom, is-sidien ta’ dawk il-punti, għandhom jiżguraw id-disponibbiltà ta’ data statika u data dinamika dwar l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi mħaddma minnhom, jew servizzi marbuta b’mod inerenti ma’ tali infrastruttura li huma jipprovdu jew li jesternalizzaw, mingħajr ħlas. It-tipi ta’ data li ġejjin għandhom ikunu disponibbli:

(a)Data statika għall-infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku għall-fjuwils alternattivi mħaddma minnhom:

(1)Isem legali tal-operatur jew tas-sid tal-punt tal-irriċarġjar jew tar-riforniment,

(2)Isem kummerċjali tal-operatur jew tas-sid tal-punt tal-irriċarġjar jew tar-riforniment,

(3)L-għadd ta’ punti tal-irriċarġjar jew tar-riforniment,

(4)Appoġġ għas-servizz,

(5)Telefown tal-helpdesk,

(6)Faċilitajiet li joffru servizzi assoċjati lill-utent,

(7)Informazzjoni dwar il-pożizzjoni ġeografika tas-Sistema Globali ta’ navigazzjoni bis-satellita (GNSS),

(8)Informazzjoni addizzjonali dwar il-pożizzjoni ġeografika,

(9)Pajjiż,

(10)Reġjun,

(11)Belt jew raħal,

(12)Kodiċi postali,

(13)Isem li hemm fuq l-indirizz,

(14)Ħinijiet tal-ftuħ,

(15)Żona tal-ħin,

(16)Kompatibbiltà tat-tip ta’ vettura,

(17) Speċifikazzjonijiet tal-vettura permessi,

(18)Għadd ta’ spazji għall-parkeġġ,

(19)Għadd ta’ spazji ta’ parkeġġ għall-persuni b’diżabbiltà,

(20)Apparat ta’ pagament b’qarrej tal-kards tal-bank,

(21)Apparat ta’ pagament b’funzjonalità mingħajr kuntatt li mill-inqas ikun kapaċi jaqra l-kards tal-pagament,

(22)Opzjoni oħra ta’ pagament ad hoc,

(23)Informazzjoni addizzjonali dwar il-fornituri tal-pagamenti aċċettati,

(24)Opzjoni ta’ pagament ibbażata fuq kuntratt (abbonament),

(b)Data statika ulterjuri għall-infrastruttura tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku mħaddma minnhom:

(1)Kodiċi tal-ID tal-punt tal-irriċarġjar (konnettur),

(2)Għadd ta’ konnetturi,

(3)Tip ta’ konnettur (plagg),

(4)Tip ta’ kurrent,

(5)Potenza massima tal-istazzjon tal-irriċarġjar,

(6)Potenza massima tal-punt tal-irriċarġjar,

(7)Fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà li joffru rriċarġjar ibbażat fuq kuntratt,

(8)Plug-and-charge,

(9)Servizzi tal-irriċarġjar intelliġenti,

(10) L-elettriku fornut huwa 100 % rinnovabbli,

(c)Data statika ulterjuri għall-infrastruttura għar-riforniment tal-idroġenu aċċessibbli għall-pubbliku mħaddma minnhom:

(1)Stat tal-idroġenu,

(2)Pressjoni tal-idroġenu,

(3)Kapaċità kumulattiva ta’ kuljum,

(4)L-idroġenu fornut huwa 100 % rinnovabbli,

(d)Data statika ulterjuri għall-infrastruttura tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku għall-metan likwifikat

(1)Il-metan likwifikat fornut huwa 100 % rinnovabbli,

(e)Data statika ulterjuri għall-infrastruttura tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku għall-fjuwils alternattivi mħaddma minnhom:

(1)Tip ta’ konnettur (distributur),

(f)Data dinamika għall-infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku għall-fjuwils alternattivi mħaddma minnhom:

(1)Status operazzjonali,

(2)Disponibbiltà,

(3)Prezz ad hoc

(g)Data dinamika ulterjuri għall-infrastruttura għar-riforniment tal-idroġenu aċċessibbli għall-pubbliku mħaddma minnhom:

(1)Ammont limitat ta’ idroġenu disponibbli”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-14 ta’ April 2025.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 2.4.2025

   Għall-Kummissjoni

   Il-President
   Ursula VON DER LEYEN

(1)    Skont l-Artikolu 2(16) tar-Regolament (UE) 2023/1804, “utent tad-data” tfisser kwalunkwe awtorità pubblika, awtorità tat-toroq, operatur tat-toroq, operatur tal-punti tal-irriċarġjar u tar-riforniment, organizzazzjoni tar-riċerka jew mhux governattiva, fornitur ta’ servizz ta’ mobbiltà, pjattaforma tar-roaming elettroniku, fornitur tal-mapep diġitali jew kwalunkwe entità oħra interessata fl-użu tad-data biex tipprovdi informazzjoni, toħloq servizzi jew twettaq riċerka jew analiżi dwar l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi.
(2)    ĠU L 234, 22.9.2023, p. 1; ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1804/oj.
(3)    ĠU L 234, 22.9.2023, p. 1-47; ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1804/oj.
(4)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/xxx li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1804 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet u tal-proċeduri relatati mad-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tad-data dwar l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi (ĠU L, xxx/xxx, ELI: xxx) [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet: jekk jogħġbok daħħal ir-referenza għal (C(2025)1917)]