MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-ATT DELEGAT
Id-Direttiva dwar it-Tagħmir tar-Radju 2014/53/UE (minn issa ’l quddiem imsejħa RED) tistabbilixxi qafas regolatorju għat-tqegħid tat-tagħmir tar-radju fis-Suq Uniku. Dan jikkonċerna l-kundizzjonijiet obbligatorji ta’ aċċess għas-suq tat-tagħmir tar-radju. Id-Direttiva RED tkopri t-tagħmir elettriku u elettroniku li jista’ juża l-ispettru tar-radju għall-finijiet ta’ komunikazzjoni u/jew determinazzjoni tar-radju. L-Istati Membri, permezz tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza tas-suq tagħhom, għandhom jieħdu miżuri korrettivi fuq it-tagħmir tar-radju mhux konformi.
L-Artikolu 3 tal-RED jistabbilixxi r-rekwiżiti essenzjali li għandu jikkonforma magħhom it-tagħmir tar-radju mqiegħed fis-suq tal-Unjoni. L-Artikolu 3(1)(a) jistabbilixxi r-rekwiżit essenzjali b’rabta mas-saħħa u s-sikurezza, l-Artikolu 3(1)(b) jistabbilixxi r-rekwiżiti essenzjali b’rabta mal-kompatibbiltà elettromanjetika u l-Artikolu 3(2) jistabbilixxi r-rekwiżiti essenzjali b’rabta mal-użu effettiv u effiċjenti tal-ispettru tar-radju. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(3) jipprevedi rekwiżiti essenzjali addizzjonali, li japplikaw għal dawk il-kategoriji jew il-klassijiet ta’ tagħmir tar-radju speċifikati f’atti delegati relatati tal-Kummissjoni.
Fir-rigward tar-rekwiżiti essenzjali tal-RED li huma stabbiliti fl-Artikolu 3(3), l-ewwel subparagrafu, il-punti (d), (e) u (f), il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat (UE) 2022/30. Dak ir-Regolament Delegat ġie adottat fid-29 ta’ Ottubru 2021, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2022 u se jsir applikabbli mill-1 ta’ Awwissu 2024.
Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2022)5637, il-Kummissjoni għamlet talba lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) u lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (CENELEC) biex jiġu abbozzati standards armonizzati ġodda b’appoġġ għall-Artikolu 3(3), l-punti (d), (e) u (f) tal-RED, għall-klassijiet u għall-kategoriji tar-radju speċifikati mir-Regolament Delegat (UE) 2022/30.
L-għan ta’ dan ir-regolament delegat huwa li l-applikazzjoni tar-Regolament Delegat (UE) 2022/30 tiġi differita sabiex l-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni jkun jista’ jkollhom biżżejjed żmien biex jindirizzaw kif xieraq il-kwistjonijiet kumplessi u l-problemi li jiltaqgħu magħhom fir-rigward tat-tħejjija tal-istandards armonizzati rilevanti.
Barra minn hekk, se jiġi kkoreġut żball li nstab, fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2022/30, fir-rigward tal-espressjoni “data dwar it-traffiku u data dwar is-sit”, li għandha tinqara “data dwar it-traffiku jew data dwar is-sit”.
2.KONSULTAZZJONIJIET QABEL L-ADOZZJONI TAL-ATT
Il-konsultazzjoni tal-grupp ta’ esperti dwar it-tagħmir tar-radju (E03587) seħħet fit-30 ta’ April 2023. L-esperti tal-Istati Membri ġew ikkonsultati wkoll fit-30 ta’ Mejju 2023. L-esperti tal-Istati Membri approvaw l-abbozz tal-att b’mod unanimu.
Tnediet pubblikazzjoni formali ta’ erba’ ġimgħat għall-feedback. Il-konsultazzjoni kienet miftuħa għaċ-ċittadini u għall-partijiet ikkonċernati kollha, mingħajr l-ebda restrizzjoni. L-għadd finali ta’ kontributi li waslu kien 45. Il-profil tal-pajjiż tar-rispondenti kien kif ġej:
Fl-Unjoni Ewropea: l-ikbar numru ta’ tweġibiet ġew mill-Ġermanja (15) u l-Belġju (13); il-bqija tat-tweġibiet ġew minn Franza (4), id-Danimarka (2), l-Italja (2), Spanja (1), is-Slovakkja (1), l-Ungerija (1), l-Irlanda (1), il-Finlandja (1) u l-Greċja (1).
Barra mill-Unjoni Ewropea: Intbagħtu erba’ kontribuzzjonijiet minn barra l-Unjoni Ewropea (waħda mill-Iżvizzera, waħda mill-Ġappun, waħda mit-Tajwan u oħra mir-Renju Unit).
Il-profil tat-tipi ta’ rispondenti kien kif ġej:
L-industrija (il-maġġoranza tal-kontribuzzjonijiet): 36 kontribuzzjoni.
Ċittadini tal-UE: erba’ kontribuzzjonijiet.
Assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi: żewġ kontribuzzjonijiet.
Ċittadin mhux tal-UE: feedback wieħed.
Entitajiet oħra: żewġ kontribuzzjonijiet.
Wara l-valutazzjoni ta’ dawn il-kontributi kollha, ġie konkluż li mhuwiex meħtieġ li l-abbozz tal-att jiġi mmodifikat, għar-raġunijiet spjegati hawn taħt:
Uħud mir-rispondenti huma mħassba dwar in-nuqqas ta’ sigurtà tal-apparati mingħajr fili fl-Unjoni Ewropea llum il-ġurnata u l-ħtieġa li l-manifatturi jiġu obbligati jimplimentaw miżuri taċ-ċibersigurtà b’mod urġenti. F’dan ir-rigward, in-nuqqas ta’ standards armonizzati rilevanti jikkomplika bil-wisq il-proċess tal-konformità mar-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 2014/53/UE relatati maċ-ċibersigurtà. Jekk jeżistu standards armonizzati bħal dawn, il-manifatturi se jkunu jistgħu jwettqu awtovalutazzjoni u jekk ikunu involuti, il-korpi notifikati jistgħu jużawhom bħala punt ta’ riferiment.
Xi rispondenti oħra ssuġġerew li jkun hemm dewmien akbar. L-estensjoni f’dan ir-regolament delegat hija madankollu tweġiba għat-talba tas-CEN u s-CENELEC u ma hemm l-ebda raġuni ġustifikata biex wieħed imur lil hinn minn dan. Il-Kummissjoni ddeċidiet li ssib bilanċ sabiex tiżgura l-prestazzjoni bla xkiel tas-suq tal-UE, għalhekk l-estensjoni ġiet adattata b’tali mod li l-istandards armonizzati rilevanti jkunu disponibbli qabel l-applikabbiltà tar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti.
Il-fatt li fil-fehma tagħhom, ċerti laboratorji huma diġà preparati, mhuwiex inkompatibbli ma’ din l-estensjoni minħabba li ma jfixkilx lill-manifatturi milli jikkonformaw mar-rekwiżiti minn qabel.
3.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-ATT DELEGAT
L-objettiv ta’ dan ir-regolament delegat huwa li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2022/30, sabiex jiddifferixxi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu, u jikkoreġi żball.
Ir-regolament delegat ma għandu l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-UE.
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...
ta’ 20.7.2023
li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2022/30 fir-rigward tad-data tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti essenzjali għat-tagħmir tar-radju u li jikkoreġi dak ir-Regolament
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE, u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3), it-tieni subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 3(3), l-ewwel subparagrafu, il-punti (d), (e) u (f) tal-ewwel subparagrafu t tagħha,
Billi:
(1)Id-Direttiva 2014/53/UE tistabbilixxi qafas regolatorju għat-tagħmir tar-radju biex ikun jista’ jitqiegħed fis-suq u jintuża fl-Unjoni. Ir-rekwiżiti essenzjali għal dan it-tagħmir huma stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ dik id-Direttiva.
(2)Fir-rigward tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 2014/53/UE li huma stabbiliti fl-Artikolu 3(3), l-ewwel subparagrafu, il-punti (d), (e) u (f), il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat (UE) 2022/30, li jispeċifika liema kategoriji jew klassijiet tat-tagħmir tar-radju huma kkonċernati minn kull wieħed minn dawk ir-rekwiżiti essenzjali u li għandu japplika mill-1 ta’ Awwissu 2024.
(3)Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2022)5637, il-Kummissjoni għamlet talba lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) u lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (CENELEC) għall-abbozzar ta’ standards armonizzati ġodda b’appoġġ għall-Artikolu 3(3), l-ewwel subparagrafu, il-punti (d), (e) u (f) tad-Direttiva 2014/53/UE, għall-kategoriji u għall-klassijiet tat-tagħmir tar-radju speċifikati mir-Regolament Delegat (UE) 2022/30 sat-30 ta’ Settembru 2023.
(4)Il-kwistjonijiet li jeħtieġ jiġu indirizzati mill-istandards armonizzati li jitħejjew b’appoġġ għar-rekwiżiti essenzjali u li se jsiru applikabbli mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament Delegat (UE) 2022/30, huma kumplessi ħafna. Dawn huma relatati maċ-ċibersigurtà, jiġifieri l-protezzjoni tan-network, tad-data personali u tal-privatezza u l-protezzjoni mill-frodi, b’appoġġ għall-Artikolu 3(3), l-ewwel subparagrafu, il-punti (d), (e) u (f) tad-Direttiva 2014/53/UE. Barra minn hekk, din hija l-ewwel darba li qed jiġu żviluppati standards armonizzati fir-rigward tal-protezzjoni tan-network, tad-data personali u tal-privatezza u l-protezzjoni mill-frodi u għall-kategoriji u għall-klassijiet tat-tagħmir tar-radju speċifikati mir-Regolament Delegat (UE) 2022/30. Is-CEN u s-CENELEC talbu estensjoni tal-perjodu speċifikat fit-talba, għal mill-inqas 9 xhur, sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw il-kwistjonijiet kumplessi u l-problemi li ltaqgħu magħhom fir-rigward tat-tħejjija tal-istandards armonizzati rilevanti u biex jipprovdu standards armonizzati ta’ kwalità għolja.
(5)Għalkemm l-użu ta’ standards armonizzati skont il-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità stabbiliti fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/53/UE mhuwiex obbligatorju, in-nuqqas ta’ standards armonizzati jikkumplika bil-wisq il-proċess tal-konformità mar-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 2014/53/UE. Għalhekk jixraq li jiġi estiż il-perjodu għall-applikazzjoni tar-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 2014/53/UE li huma stabbiliti fl-Artikolu 3(3), l-ewwel subparagrafu, il-punti (d), (e) u (f) sabiex l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni jkunu jistgħu jingħataw biżżejjed żmien biex jiżviluppaw standards ta’ kwalità għolja.
(6)Instab żball fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2022/30, fir-rigward tad-deskrizzjoni tad-data li t-tagħmir tar-radju jeħtieġ li jkun kapaċi jipproċessa. Jenħtieġ li dak l-iżball jiġi kkorreġut.
(7)Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2022/30 jiġi emendat u kkoreġut skont dan,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emenda għar-Regolament Delegat (UE) 2022/30
Fl-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/30, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Għandu japplika mill-1 ta’ Awwissu 2025.”
Artikolu 2
Korrezzjoni għar-Regolament Delegat (UE) 2022/30
Fl-Artikolu 1(2), tar-Regolament Delegat (UE) 2022/30, il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:
“2. Ir-rekwiżit essenzjali stabbilit fil-punt (e) tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2014/53/UE għandu japplika għal kwalunkwe tagħmir tar-radju li ġej, jekk dak it-tagħmir tar-radju jkun kapaċi jipproċessa, skont it-tifsira tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) 2016/679, id-data personali, kif definita fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2016/679, jew id-data dwar it-traffiku jew id-data dwar is-sit, kif definit fl-Artikolu 2, il-punti (b) u (c) tad-Direttiva 2002/58/KE:”.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 20.7.2023
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN