MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-ATT DELEGAT

Id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli 1 (“id-Direttiva”) tippromwovi l-użu tal-enerġija rinnovabbli fis-settur tat-trasport billi tobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li s-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija fit-trasport ikun mill-inqas 14 % sal-2030.

Il-bijofjuwils u l-bijogass huma l-aktar fjuwils rinnovabbli komuni kkunsmati fit-trasport. Dawn spiss jistgħu jiġu prodotti wkoll fi proċess komuni f’raffinerija billi materja prima b’bażi bijoloġika tiġi mħallta ma’ materja prima b’bażi fossili. F’każijiet bħal dawn, u sabiex jiġi kkalkolat il-kontribut tal-bijofjuwils u tal-bijogass għall-mira tal-enerġija rinnovabbli fit-trasport, huwa meħtieġ li jiġi ddeterminat x’inhu l-proporzjon tagħhom meta jitħalltu mal-fjuwils fossili. Il-metodi deskritti f’dan l-att legali jistgħu jintużaw ukoll mill-Istati Membri tal-UE biex jivverifikaw is-sehem tal-bijofjuwils meta jitħalltu mal-fjuwils fossili, f’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/996 dwar ir-regoli għall-verifika tas-sostenibbiltà u tal-kriterji għall-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-kriterji ta’ riskju baxx tat-tibdil indirett fl-użu tal-art. 

L-Artikolu 28(5) tad-Direttiva jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta att delegat biex tispeċifika l-metodoloġija għad-determinazzjoni tas-sehem tal-bijofjuwils u tal-bijogass użati fit-trasport li jirriżulta minn bijomassa li tkun qiegħda tiġi pproċessata mal-fjuwils fossili fi proċess komuni.

2.KONSULTAZZJONIJIET QABEL L-ADOZZJONI TAL-ATT

Minħabba li huwa ta’ natura teknika, dan l-att delegat ma kellux bżonn jiġi appoġġat b’valutazzjoni tal-impatt, li normalment tkun meħtieġa biss għal inizjattivi maġġuri. 

L-att delegat huwa bbażat fuq ir-riżultati ta’ diversi konsultazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 28(5) tad-Direttiva, inkluża laqgħa waħda tal-Grupp ta’ Esperti dwar il-Fjuwils Rinnovabbli li saret fil-25 ta’ Jannar 2023 u workshop tal-partijiet ikkonċernati li sar fid-19 ta’ Ġunju 2020. 

L-att delegat ġie ppubblikat għall-feedback tal-pubbliku fuq il-portal tar-Regolamentazzjoni Aħjar mit-22 ta’ Ġunju sal-20 ta’ Lulju 2022. 

3.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-ATT DELEGAT

L-att delegat huwa magħmul skont l-Artikolu 28(5) tad-Direttiva, li jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati li jispeċifikaw il-metodoloġija għad-determinazzjoni tas-sehem tal-bijofjuwils u tal-bijogass użati fit-trasport li jirriżulta minn bijomassa li tkun qiegħda tiġi pproċessata mal-fjuwils fossili fi proċess komuni.

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...

ta’ 5.6.2023

dwar il-metodoloġija għad-determinazzjoni tas-sehem tal-bijofjuwils u tal-bijogass użati fit-trasport li jirriżulta mill-bijomassa li tkun qiegħda tiġi pproċessata mal-fjuwils fossili fi proċess komuni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, u b’mod partikolari l-Artikolu 28(5) tagħha,

Billi:

(1)Il-koproċessar tipikament jirreferi għal unità ta’ raffinerija taż-żejt li tipproċessa l-materja prima tal-bijomassa flimkien mal-materja prima fossili u li tittrasformahom f’fjuwils finali. Madankollu, din il-metodoloġija tista’ tiġi applikata wkoll f’każijiet oħra ta’ installazzjonijiet li jittrattaw il-bijolikwidi u ż-żejt fossili jew installazzjonijiet li jikkoproċessaw l-iskart ta’ oriġini bijoloġika u mhux bijoloġika. Il-materja prima tal-bijomassa tista’ pereżempju tkun materjal ibbażat fuq il-lipidi, bħal żejt veġetali, żejt tar-raża mhux raffinat jew żejt tal-piroliżi, u l-materja prima fossili tipikament toriġina minn żejt mhux maħdum. Il-fjuwils finali prodotti minn taħlita ta’ materja prima bħal din normalment ikunu l-fjuwil tad-diżil, il-fjuwil tal-ġettijiet, iż-żejt għat-tisħin, il-fjuwil marin, il-gażolina, il-komponenti tal-gażolina u xi drabi l-gass propan, kostitwent tal-Gass Likwifikat miż-Żejt, filwaqt li jistgħu jkunu preżenti wkoll frazzjonijiet minuri ta’ prodotti oħrajn. Kruċjalment, dawn il-fjuwils koproċessati fihom sehem ta’ bijofjuwils u ta’ bijogass. Il-każ ta’ unità tal-produzzjoni li tuża l-bijometan bħala materja prima li tittieħed mill-infrastruttura interkonnessa, li hija ċċertifikata u traċċata permezz tas-sistema ta’ bbilanċjar tal-massa tal-infrastruttura tal-gass interkonnessa, ma huwiex meqjus bħala tip ta’ koproċessar skont it-tifsira ta’ dan ir-regolament delegat.

(2)Għall-finijiet ta’ dan ir-regolament delegat, il-bijogass jirreferi għall-gass li joriġina mill-materja prima tal-bijomassa, u li jiġi prodott mill-koproċessar ta’ dik il-materja prima tal-bijomassa flimkien mal-materja prima fossili biex jiġu kkonvertiti f’fjuwils likwidi u gassużi finali.

(3)Sabiex is-sehem rinnovabbli tal-fjuwils prodotti fi proċess komuni mill-bijomassa u mill-materja prima fossili jkun jista’ jingħadd mal-miri stabbiliti skont id-Direttiva (UE) 2018/2001 u jikkontribwixxi b’mod effettiv għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra fl-Unjoni, l-Artikolu 28(5) tagħha jirrikjedi li l-Kummissjoni tadotta att delegat li jispeċifika l-metodoloġija li biha jiġi ddeterminat is-sehem tal-bijofjuwils, u tal-bijogass għat-trasport, li jirriżulta mill-bijomassa li tiġi pproċessata mal-fjuwils fossili fi proċess komuni.

(4)Sabiex jinkiseb bilanċ bejn il-kostijiet tal-verifika u l-akkuratezza tat-testijiet, l-att delegat jippermetti lill-operaturi ekonomiċi li jew jużaw metodu ta’ ttestjar armonizzat komuni, ibbażat fuq l-ittestjar tar-radjokarbonju (14C), jew li jużaw il-metodi ta’ ttestjar tagħhom stess, li jistgħu jkunu speċifiċi għall-kumpanija jew speċifiċi għall-proċess. Madankollu, sabiex jiġi żgurat li jiġi applikat metodu ta’ verifika komuni fis-suq, l-operaturi ekonomiċi li jużaw metodu ieħor li ma huwiex l-ittestjar tar-radjokarbonju (14C) bħala l-metodu ewlieni ta’ ttestjar jenħtieġ li jużaw b’mod regolari l-ittestjar tar-radjokarbonju (14C) tal-outputs biex jivverifikaw il-korrettezza tal-metodu ewlieni tal-ittestjar użat. Barra minn hekk, sabiex l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jidraw l-applikazzjoni tal-ittestjar tar-radjokarbonju (14C) flimkien ma’ metodu ta’ ttestjar ieħor bħala metodu ewlieni, fl-ewwel sena tal-applikazzjoni ta’ din il-metodoloġija hija permessa xi flessibbiltà dwar il-perċentwal aċċettabbli ta’ devjazzjoni bejn ir-riżultati tat-testijiet ta’ verifika ewlenija u dawk tat-tieni verifika.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Kapitolu I. Metodi biex jiġi ddeterminat is-sehem tal-bijofjuwils, u tal-bijogass għat-trasport, prodotti mill-bijomassa li tkun qiegħda tiġi pproċessata bil-fjuwils fossili fi proċess komuni

Artikolu 1

Approċċ ġenerali u l-applikazzjoni ta’ metodi eliġibbli

1.L-operaturi ekonomiċi li jikkoproċessaw il-bijomassa jistgħu jiżviluppaw u jużaw metodu ta’ ttestjar speċifiku għall-kumpanija jew speċifiku għall-proċess biex jiddeterminaw is-sehem ibbażat fuq il-karbonju tal-bijokontenut li huwa adattat għad-disinn partikolari tal-fabbrika u għat-taħlita ta’ materja prima partikolari tagħhom. Dak il-metodu ewlieni ta’ ttestjar għandu jkun ibbażat fuq il-bilanċ tal-massa jew tal-enerġija, il-metodi tar-rendiment, jew l-ittestjar tar-radjokarbonju (14C) (jiġifieri d-detezzjoni tar-radjokarbonju permezz tal-Ispettrometrija tal-Massa bl-Aċċellerazzjoni (AMS) jew tal-metodu tal-Għadd bix-Xintillazzjoni Likwida (LSC)) tal-outputs.

2.L-operaturi ekonomiċi għandhom iqisu r-raffinerija kollha, l-installazzjoni li tittratta l-bijolikwidi u ż-żejt fossili jew l-installazzjoni li tikkoproċessa l-inputs tal-iskart bħala konfini tas-sistema indipendentement mill-metodu ta’ ttestjar użat. It-taħlit ta’ fjuwils koproċessati ma’ fjuwils oħra għandu jitqies li huwa lil hinn mill-konfini tas-sistema. L-ittestjar tar-radjokarbonju (14C) għandu jsir qabel ma l-fjuwils prodotti permezz tal-koproċessar ikomplu jitħalltu ma’ fjuwils fossili oħra jew ma’ bijofjuwils li ma kinux parti mill-koproċessar innifsu.

3.Meta l-operaturi ekonomiċi jirrapportaw ir-riżultati tal-koproċessar, dawn għandhom jipprovdu dettalji dwar l-akkuratezza u l-preċiżjoni tal-metodu tal-ittestjar użat. L-operaturi ekonomiċi għandhom iqisu u jirrapportaw kwalunkwe ineżattezza fil-kejl tagħhom tal-flussi jew tal-valuri tat-tisħin bħala parti mill-metodu ta’ ttestjar ewlieni tagħhom. L-operaturi ekonomiċi għandhom japplikaw l-istess metodu ta’ ttestjar għal unitajiet ta’ pproċessar differenti tal-istess raffinerija, l-installazzjoni li tittratta l-bijolikwidi u ż-żejt fossili jew l-installazzjoni li tikkoproċessa l-inputs ta’ skart. Jekk dawn l-unitajiet ma jkunux konnessi u ma jkun hemm l-ebda fluss bejniethom, l-operaturi ekonomiċi jistgħu japplikaw metodi ta’ ttestjar differenti. Fil-każ ta’ installazzjonijiet li jikkoproċessaw l-inputs ibbażati fuq l-iskart, din il-metodoloġija u din il-verifika permezz tal-ittestjar tar-radjokarbonju (14C) jistgħu jiġu applikati biss jekk sett affidabbli u rappreżentattiv ta’ kampjuni jkun jista’ jitwettaq fil-livell tal-inputs li jippermettu li jiġi stabbilit il-bijokontenut fl-inputs totali.

4.L-operaturi ekonomiċi għandhom jiżguraw li l-limitu ta’ detezzjoni tal-metodu ta’ ttestjar magħżul jista’ jkejjel b’mod effettiv is-sehem mistenni ta’ bijofjuwils jew ta’ bijogass fil-proċess.

5.Meta l-operaturi ekonomiċi jirrapportaw ir-riżultati tal-koproċessar bl-użu ta’ metodu ta’ ttestjar ewlieni li ma huwiex wieħed ibbażat fuq l-ittestjar tar-radjokarbonju (14C), huma għandhom jużaw l-ittestjar tar-radjokarbonju (14C) tal-outputs bħala mod ta’ verifika regolari tal-korrettezza tal-prestazzjoni tas-sistema tagħhom u tar-riżultati tal-metodu ewlieni tal-ittestjar użat. Se tkun meħtieġa verifika permezz ta’ ttestjar tar-radjokarbonju (14C) għall-outputs kollha li jiddikjaraw bijokontenut ibbażat fuq il-karbonju.

6.L-operaturi ekonomiċi għandhom jiddokumentaw bir-reqqa l-ammonti u t-tipi ta’ bijomassa li jidħlu fil-proċess komuni fejn il-bijomassa tiġi pproċessata ma’ fjuwils fossili, kif ukoll l-ammonti ta’ bijofjuwils u bijogass li jiġu prodotti minn dik il-bijomassa. Barra minn hekk, l-operaturi ekonomiċi għandhom jissostanzjaw dik l-informazzjoni b’evidenza, inklużi r-riżultati tal-metodu ewlieni tal-ittestjar tal-kontroll stabbilit fil-paragrafu 1 u r-riżultati tal-metodu ta’ verifika stabbilit fil-paragrafu 5 jew fl-Artikolu 5 fil-każ li jiġi stabbilit is-sehem tal-idroġenu ta’ oriġini bijoloġika.

Artikolu 2

Metodu tal-bilanċ tal-massa

1.Jekk jintuża metodu ta’ bilanċ tal-massa, l-operatur ekonomiku għandu jwettaq l-analiżi tal-bilanċ tal-massa sħiħa tal-massa totali tal-inputs u tal-outputs. Il-metodu tal-bilanċ tal-massa għandu jiżgura li l-bijokontenut tal-outputs kollha jkun proporzjonali għall-bijokontenut tal-inputs u li s-sehem tal-materjal bijoġeniku identifikat mir-riżultati tal-ittestjar tar-radjokarbonju 14C jiġi allokat għal kull output. Se jiġu applikati fatturi ta’ konverżjoni differenti għal kull output li jikkorrispondu bl-aktar mod akkurat għall-bijokontenut imkejjel permezz tar-riżultati tal-ittestjar tar-radjokarbonju 14C. L-output għandu jqis il-massa mitlufa f’effluwenti gassużi, f’ilmijiet mormijin industrijali likwidi u f’residwi solidi. Il-metodu tal-bilanċ tal-massa għandu jinkludi karatterizzazzjoni analitika addizzjonali tal-materja prima u tal-prodotti, bħall-analiżi definittiva u l-analiżi immedjata tal-flussi tal-massa tas-sistema.

2.Jekk jintuża metodu tal-bilanċ tal-massa bħala l-metodu ewlieni, l-operaturi ekonomiċi għandhom iqisu fil-kalkolu l-umdità u impuritajiet oħrajn mhux tal-fjuwil fil-materja prima tagħhom kif ukoll fl-outputs tal-proċess tal-produzzjoni tagħhom.

Artikolu 3

Metodu tal-bilanċ tal-enerġija

1.Jekk jintuża metodu tal-bilanċ tal-enerġija, is-sehem tal-enerġija tal-kontenut bijoġeniku fl-outputs kollha minn pass ta’ koproċessar f’raffinerija taż-żejt għandu jiġi ddeterminat bħala ugwali għas-sehem tal-enerġija tal-kontenut bijoġeniku fl-input tar-raffinerija. Il-metodu tal-bilanċ tal-enerġija għandu jirreġistra l-kontenut tal-enerġija fil-bijomassa u fil-materja prima fossili u l-enerġija tal-proċess li tidħol fil-faċilità ta’ koproċessar. Il-kontenut tal-enerġija kemm tal-bijomassa kif ukoll tal-materja prima fossili għandu jiġi kkalkolat bl-użu tal-massa tal-materja prima u l-valur tat-tisħin aktar baxx tagħha (valur kalorifiku baxx, imkejjel f’MJ għal kull kg). Il-bijofrazzjoni, ikkalkolata bħala l-input ta’ bijoenerġija diviż bl-input totali ta’ enerġija, għandha tiġi applikata għall-outputs kollha tal-fjuwil, li jirriżultaw mill-koproċessar, sabiex jiġi ddeterminat il-bijokontenut fil-fjuwils finali prodotti. Għandhom jiġu applikati fatturi ta’ konverżjoni differenti għal kull output li jikkorrispondu bl-aħjar mod għall-bijokontenut imkejjel permezz tar-riżultati tal-ittestjar tar-radjokarbonju 14C.

Artikolu 4

Metodi tar-rendiment

1.Meta jintuża metodu tar-rendiment, l-operaturi ekonomiċi jistgħu jużaw wieħed miż-żewġ metodi deskritti hawn taħt sabiex jiksbu fattur tar-rendiment li għandu jiġi applikat għall-proċess komuni tal-produzzjoni tal-fjuwil:

(a)Metodu tar-Rendiment A. Ir-rendimenti tad-diversi prodotti għandhom l-ewwel jiġu osservati u rreġistrati meta l-unitajiet tal-ipproċessar joperaw biss b’materja prima fossili pura jew, għal applikazzjonijiet speċifiċi (eż. konċentrazzjonijiet limitati) fuq unitajiet ta’ skala pilota rappreżentattivi ta’ dawk fuq skala kummerċjali. Imbagħad, sehem ta’ materja prima tal-bijomassa għandu jiżdied mal-fluss tal-input u l-effett inkrementali fuq ir-rendimenti għandu jiġi osservat u rreġistrat. Imbagħad, il-bijokontenut għandu jiġi attribwit lil kull prodott b’mod proporzjonali għaż-żieda fil-produzzjoni tiegħu. Kull fattur tar-rendiment għandu jkun validu biss għall-inputs ta’ referenza u għall-kundizzjonijiet tal-proċess, li għalihom ikun ġie stabbilit il-fattur tar-rendiment. L-operaturi ekonomiċi jistgħu jiddefinixxu fatturi ta’ rendiment differenti biex jirreferu għal proċessi u għal kundizzjonijiet ta’ operar differenti. L-Istati Membri, f’konformità mar-regoli stipulati f’dan ir-Regolament, jistgħu jiddefinixxu l-fatturi tar-rendiment li l-operaturi ekonomiċi jridu jużaw fit-territorju tagħhom. Jekk jintużaw fatturi tar-rendiment differenti, għandu jsir test tar-radjokarbonju 14C kull darba li jintuża fattur tar-rendiment ġdid u għandha tiġi vverifikata l-korrelazzjoni bejn l-inputs ta’ referenza u l-kundizzjonijiet tal-proċess u, jekk ikun meħtieġ, din għandha tiġi aġġornata.

(b)Il-Metodu tar-Rendiment B. Dan il-metodu għandu jistabbilixxi relazzjoni bejn l-input bijoloġiku u l-output bijoloġiku ta’ unità ta’ koproċessar. Il-fattur ta’ konverżjoni għandu jiġi ddeterminat billi jintużaw diversi lottijiet ta’ materja prima f’kundizzjonijiet magħrufa ta’ koproċessar, inkluża karatterizzazzjoni sħiħa tal-inputs u tal-outputs tas-sistema. Wara li tiġi ddeterminata din il-korrelazzjoni tal-fattur tar-rendiment, din tista’ tiġi applikata għall-materja prima bijoġenika tal-istess tip u kwalità li tintuża fl-istess unità ta’ koproċessar li taħdem taħt l-istess kundizzjonijiet operattivi.

2.L-operaturi ekonomiċi jistgħu jużaw metodi ta’ rendiment bħala metodu ewlieni biss jekk is-sistema tinżamm taħt kundizzjonijiet operattivi ta’ referenza ddefiniti minnhom, inkluż għall-kwalità tal-materja prima. Jekk l-operaturi ekonomiċi jużaw metodu ta’ rendiment, huma għandhom jużaw l-ittestjar tar-radjokarbonju 14C bħala metodu ta’ kontroll biex jivverifikaw il-fattur tar-rendiment tiegħu tal-anqas kull meta jibdlu l-kundizzjonijiet operattivi ta’ referenza u f’konformità mal-Artikolu 6.

3.L-operatur ekonomiku għandu juri l-operat kontinwu tal-impjant f’kundizzjonijiet ta’ koproċessar magħrufa billi jħaddem kull input bijoloġiku speċifiku permezz ta’ ttestjar 14C, użat biex jiġi kkalkolat il-fattur ta’ konverżjoni speċifiku tiegħu.

Artikolu 5

L-istabbiliment tas-sehem tal-idroġenu ta’ oriġini bijoloġika

1.Jekk is-sistema ta’ produzzjoni tikkoproċessa l-idroġenu rinnovabbli ta’ oriġini bijoloġika, l-operaturi ekonomiċi għandhom jiddokumentaw u jipprovdu evidenza dwar l-oriġini tal-idroġenu kif ukoll prova li l-idroġenu li jidħol fl-idrotrattatur jew f’unità oħra ta’ koproċessar:

(a)ma ngħaddx bħala enerġija rinnovabbli xi mkien ieħor sabiex jiġi evitat l-għadd doppju, u

(b)ġie inkorporat fil-fjuwil finali u mhux sempliċiment użat biex jitneħħew l-impuritajiet.

2.L-operaturi ekonomiċi jistgħu jużaw analiżi elementari komuni tar-raffinerija bħat-test tas-CHN (Karbonju, Idroġenu, Nitroġenu) biex jikkwantifikaw il-kontenut ta’ idroġenu tal-materjal qabel u wara l-idrotrattament bħala mod biex jiġi ddokumentat jekk hemmx xi żieda fil-kontenut ta’ idroġenu tal-fjuwil. L-operaturi ekonomiċi jistgħu jqisu kwalunkwe żieda bħal din bħala bijofjuwil jew bijogass addizzjonali fl-output. L-oriġini bijoloġika tal-idroġenu użat fl-idrotrattament jew fil-koproċessar għandha tiġi ċċertifikata għall-oriġini bijoloġika tiegħu mill-fornitur jew mill-operaturi ekonomiċi nfushom, f’każ li jkunu wkoll produtturi qabel l-użu.

Kapitolu II. Verifika tal-korrettezza tad-dikjarazzjonijiet tal-operaturi ekonomiċi dwar is-sehem tal-bijofjuwil, u tal-bijogass għat-trasport, li jirriżultaw mill-bijomassa li tiġi pproċessata bil-fjuwils fossili fi proċess komuni

Artikolu 6

Rekwiżiti speċifiċi għall-ittestjar tar-radjokarbonju (14C)

1.Meta jwettqu ttestjar tar-radjokarbonju (14C), l-operaturi ekonomiċi għandhom japplikaw il-metodu tal-Ispettrometrija tal-Massa bl-Aċċellerazzjoni (AMS). Madankollu, jistgħu alternattivament japplikaw metodu ta’ Għadd bix-Xintillazzjoni Likwida (LSC) jekk il-bijosehem ikun mistenni li jkun mill-inqas % 1 tal-volum u jekk il-kampjun ikun adattat għal dan il-metodu ta’ ttestjar, speċjalment fir-rigward tal-partikoli preżenti fil-likwidu.

2.L-operaturi ekonomiċi għandhom jiżguraw li, meta jwettqu test tar-radjokarbonju 14C, it-tip ta’ test tar-radjokarbonju 14C magħżul jista’ jidentifika u jikkwantifika b’mod affidabbli l-bijosehem. Huma għandhom jipprovdu dettalji dwar l-akkuratezza u l-preċiżjoni tar-riżultati.

3.L-ittestjar tal-radjokarbonju 14C għandu jikkwantifika wkoll kwalunkwe telf ta’ karbonju minn oriġini bijoġenika minħabba l-proċess tat-tneħħija tal-ossiġenu mill-materja prima bijoġenika billi jsir tqabbil tal-karbonju bijoġeniku u fossili fl-inputs u fil-prodotti tal-output.

4.Jekk l-ittestjar tar-radjokarbonju 14C, meta jintuża bħala t-tieni metodu ta’ ttestjar ta’ verifika tal-bijokontenut f’output, juri devjazzjoni ta’ aktar minn 1 % f’termini assoluti, meta mqabbel mar-riżultati tal-metodu ewlieni użat mill-operatur ekonomiku, il-valuri tal-ittestjar tar-radjokarbonju 14C għandhom jitqiesu validi. Fl-ewwel sena tal-applikazzjoni ta’ din il-metodoloġija, l-operaturi ekonomiċi jistgħu japplikaw devjazzjoni akbar ta’ 3 % minflok ta’ 1 % f’termini assoluti, sakemm dawn jirfinaw is-sistema tagħhom ta’ metodi ta’ ttestjar. Barra minn hekk, l-operatur ekonomiku għandu jirrieżamina l-metodi ewlenin ta’ ttestjar tiegħu biex jikkoreġi kwalunkwe żball fis-sistema li jwassal għal tali devjazzjoni u rispettivament jikkalibra l-metodu ta’ ttestjar jekk ikun hemm bżonn.

5.Il-frekwenza għat-twettiq tal-metodu ta’ ttestjar ewlieni u tal-metodu ta’ ttestjar tar-radjokarbonju 14C meta jintuża bħala t-tieni metodu ta’ ttestjar ta’ verifika għandha tiġi ddeterminata billi jitqiesu l-kumplessità u l-varjabbiltà tal-parametri ewlenin tal-koproċessar, b’tali mod li jiġi żgurat li fi kwalunkwe ħin, il-pretensjonijiet tal-bijokontenut jirriflettu l-ishma attwali tagħhom. L-operaturi ekonomiċi għandhom iwettqu l-kalkolu tas-sehem tal-bijokontenut mill-inqas għal kull lott jew kunsinna. Sakemm ma jiġix applikat metodu li jista’ jimmappja l-kundizzjonijiet operattivi relatati mal-kontenut tal-karbonju fl-output għal kull lott jew kunsinna, il-metodu ta’ ttestjar tar-radjokarbonju 14C għandu jitwettaq kull darba li jkun hemm bidla ta’ aktar minn 5 %, meta mqabbel mal-kundizzjonijiet bażi, fil-kompożizzjoni tal-materja prima f’termini tas-sehem tal-input bijoġeniku jew tal-ammont ta’ inputs tal-idroġenu u tal-katalizzatur fil-massa totali, il-parametri tal-proċess f’termini tat-temperatura tal-proċess f’temperatura assoluta [K] jew fi pressjoni tal-proċess fi pressjoni assoluta [Pa] jew fil-kompożizzjoni tal-prodott. Analiżi elementari tal-karbonju, tal-ossiġenu u tan-nitroġenu, flimkien ma’ analiżi tal-kontenut tal-ilma u tas-solidi, għandha tiġi pprovduta bħala bażi għall-valutazzjoni tal-parametri tal-kompożizzjoni tal-prodott. Fil-każijiet kollha, il-metodu ta’ ttestjar tar-radjokarbonju 14C għandu jitwettaq mill-inqas darba kull 4 xhur.

Artikolu 7

Iż-żamma ta’ rekords, il-kontroll tal-proċess, l-awditjar u r-rapportar tad-devjazzjonijiet

1.Meta l-operaturi ekonomiċi jsostnu li hemm sehem speċifiku ta’ bijofjuwils jew bijogass fil-fjuwil li jqiegħdu fis-suq, huma għandhom iżommu kampjuni għal mill-inqas sentejn kif ukoll rekords tad-data u tal-kalkoli tal-kejl. L-operaturi ekonomiċi għandhom jipprovdu lill-korpi ta’ ċertifikazzjoni u lill-awdituri tagħhom b’aċċess sħiħ għal tali kampjuni, rekords u evidenza oħra. L-operaturi ekonomiċi għandhom iħejju deskrizzjoni dettaljata tal-metodu ewlieni tal-ittestjar li użaw, inkluża indikazzjoni tal-akkuratezza u tal-preċiżjoni tiegħu kif ivverifikat ukoll permezz tal-applikazzjoni tal-ittestjar tar-radjokarbonju 14C u flimkien ma’ proċedura għall-applikazzjoni tiegħu.

2.Sabiex jiġu evitati r-riskji ta’ devjazzjonijiet u sabiex tiġi ffaċilitata l-verifika retrospettiva tal-awditjar tal-akkuratezza tal-asserzjonijiet magħmula mir-raffineriji jew minn installazzjonijiet oħra ta’ koproċessar fuq il-bijosehem fil-fjuwils tagħhom, l-operaturi ekonomiċi għandhom japplikaw sistema ġenerali ta’ bilanċ tal-massa li tindika l-bijosehem tal-input u tal-output. Huma għandhom iwettqu dan il-kalkolu tal-bilanċ tal-massa b’mod parallel mal-metodu ta’ ttestjar ewlieni sabiex jivverifikaw u jqabblu r-riżultati taż-żewġ metodi dwar il-valutazzjoni tal-bijosehem fil-fjuwils finali prodotti.

3.Jekk fi ħdan il-konfini tar-raffinerija jew ta’ installazzjoni oħra ta’ koproċessar, l-operaturi ekonomiċi jħalltu l-output tal-koproċessar ma’ fjuwils oħra, huma għandhom jużaw sistema ta’ bilanċ tal-massa li tippermetti kunsinni ta’ fjuwils prodotti li jirriżultaw mill-bijomassa, li jiġu pproċessati ma’ fjuwils fossili fi proċess komuni, sabiex jitħalltu ma’ fjuwils oħra, filwaqt li tiġi pprovduta informazzjoni adegwata dwar il-karatteristiċi u d-daqsijiet tal-kunsinni, f’konformità mal-Artikolu 30 tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

4.Kwalunkwe devjazzjoni identifikata mill-awdituri tal-korpi ta’ ċertifikazzjoni fl-ishma ta’ bijofjuwils jew bijogass fil-fjuwil li l-operaturi ekonomiċi jqiegħdu fis-suq għandha tiġi ttrattata bħala nuqqas ta’ konformità maġġuri u nnotifikata minnufih lill-iskemi volontarji jew lil skemi oħra ta’ ċertifikazzjoni li jivverifikaw il-konformità tal-fjuwil li jirriżulta mill-bijomassa mal-kriterji għas-sostenibbiltà u għall-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra stabbiliti fl-Artikolu 29(2) sa (7) u (10) tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

5.L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jivverifikaw ukoll l-asserzjonijiet tal-operaturi ekonomiċi dwar is-sehem tal-bijofjuwils jew tal-bijogass fil-fjuwils li jqiegħdu fis-suq billi jużaw il-metodi msemmija fl-Artikoli 6 u 7 ta’ dan ir-Regolament. Kwalunkwe devjazzjoni identifikata bħala riżultat ta’ dawn il-verifiki ta’ kontroll għandha tiġi nnotifikata minnufih lill-korp taċ-ċertifikazzjoni u lill-iskema volontarja jew lil skema oħra ta’ ċertifikazzjoni li tkun iċċertifikat it-talbiet.

6.Fil-każ ta’ notifiki bħal dawn magħmula jew minn korpi ta’ ċertifikazzjoni jew mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, l-iskema ta’ ċertifikazzjoni kkonċernata għandha tkun obbligata li tieħu azzjoni immedjata billi tinvestiga l-każ. Jekk l-investigazzjoni tagħhom tikkonferma s-sejbiet tal-korp ta’ ċertifikazzjoni jew tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, l-iskema ta’ ċertifikazzjoni għandha tittratta d-devjazzjonijiet bħala nuqqasijiet ta’ konformità maġġuri u għandha tissospendi minnufih iċ-ċertifikat tal-operatur ekonomiku.

7.Sabiex tiġi rrettifikata l-akkuratezza tal-asserzjonijiet, il-valuri aktar baxxi stabbiliti mill-verifiki ta’ kontroll għandhom jintużaw bħala bażi għall-kalkolu mill-ġdid tat-talbiet. Barra minn hekk, l-operatur ekonomiku għandu jiġi mħeġġeġ mill-iskemi ta’ ċertifikazzjoni biex jirrieżamina l-metodi ta’ ttestjar tiegħu biex jikkoreġi, fost l-oħrajn, kwalunkwe żball fis-sistema li jwassal għal tali devjazzjonijiet.

8.L-effettività tal-miżuri meħuda mill-operatur ekonomiku għandha tiġi vvalidata minn awditu ieħor tal-korp taċ-ċertifikazzjoni qabel ma s-sospensjoni taċ-ċertifikat tiegħu tkun tista’ titneħħa.

Kapitolu III. Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 5.6.2023

   Għall-Kummissjoni

   Il-President
   Ursula VON DER LEYEN

(1)    Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82.