RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
ta’ 4.5.2023
dwar il-ġlieda kontra l-piraterija online tal-isport u avvenimenti diretti oħra
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,
Billi:
(1)L-isport u avvenimenti diretti oħrajn bħall-kunċerti jikkontribwixxu għat-trawwim ta’ xena kulturali Ewropea diversa. Dawn għandhom ukoll rwol importanti biex ilaqqgħu liċ-ċittadini flimkien u biex jipprovdu sens ta’ komunità. L-organizzazzjoni ta’ tali avvenimenti kif ukoll it-trażmissjoni diretta u r-ritrażmissjoni tagħhom jeħtieġu investimenti sostanzjali u jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku u għall-ħolqien tal-impjiegi fl-Unjoni.
(2)Kif iddikjarat fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Mejju 2021 dwar l-isfidi tal-organizzaturi tal-avvenimenti sportivi fl-ambjent diġitali u kif muri minn studji reċenti, il-valur ewlieni tal-biċċa l-kbira tal-avvenimenti sportivi diretti jinsab fl-isfruttament matul it-trażmissjoni diretta u jintemm ma’ tmiem l-avveniment. Għalhekk, ir-ritrażmissjonijiet mhux awtorizzati ta’ avvenimenti sportivi diretti jistgħu jikkawżaw telf sinifikanti fid-dħul kemm għall-organizzaturi tal-avvenimenti sportivi kif ukoll għax-xandara u b’hekk jimminaw il-vijabbiltà tas-servizzi li joffru. Il-ħtieġa għal rimedji effiċjenti għal avvenimenti sportivi diretti ġiet enfasizzata mill-Parlament Ewropew, li nnota wkoll li fl-istess ħin l-organizzaturi ta’ avvenimenti sportivi għandhom jikkontribwixxu għal mudell sportiv Ewropew li jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-isport u li jkun konformi mal-objettivi soċjali u edukattivi. Din ir-Rakkomandazzjoni hija segwitu għal dik ir-riżoluzzjoni u tirrakkomanda miżuri li l-Istati Membri u l-atturi tas-suq huma mħeġġa jieħdu.
(3)Kunsiderazzjonijiet simili japplikaw għal trażmissjonijiet diretti ta’ avvenimenti oħrajn li, minħabba l-ispeċifiċità tagħhom, jiġbdu l-aktar interess mill-udjenza u jiġġeneraw il-biċċa l-kbira tal-valur tagħhom matul it-trażmissjoni diretta tagħhom. Dan jikkonċerna, pereżempju, it-trażmissjonijiet diretti ta’ avvenimenti kulturali bħal kunċerti, opri, musicals, prestazzjonijiet teatrali, jew spettakli tal-logħob. Il-ħsara ekonomika kkawżata mill-piraterija ta’ avvenimenti diretti tinkludi t-telf tat-tariffi tal-abbonament tal-utenti, il-bejgħ tal-biljetti tad-dħul u d-dħul mir-reklamar, u b’hekk taffettwa lill-partijiet ikkonċernati kollha li jikkontribwixxu għall-katina tal-valur tal-avvenimenti diretti.
(4)Il-piraterija sseħħ permezz ta’ mezzi dejjem aktar sofistikati biex ir-ritrażmissjonijiet mhux awtorizzati ta’ avvenimenti diretti jkunu disponibbli għall-utenti online permezz ta’ servizzi differenti, bħal IPTV, apps jew siti web illegali. Id-dħul mill-piraterija online ta’ avvenimenti sportivi ġie stmat li jammonta għal EUR 522 miljun fl-2019, meta jitqiesu biss mudelli ta’ negozju illegali li jiddependu fuq it-tariffi tal-abbonament tal-utenti. Dan huwa fenomenu globali fejn is-servizzi tal-pirati li jagħmlu streaming dirett tal-avvenimenti qegħdin jużaw dejjem aktar kumpaniji ospitanti “offshore” biex jilħqu lill-utenti fl-Unjoni filwaqt li jimminimizzaw l-esponiment għad-drittijiet tal-awtur jew għal-liġi kriminali. F’dawn l-aħħar snin, ġie żviluppat tip ġdid ta’ servizz li jappoġġa l-piraterija, imsejjaħ Piraterija-bħala-Servizz (“Piracy-as-a-Service”) li jipprovdi sett ta’ servizzi kummerċjalment disponibbli li jagħmluha faċli li persuna toħloq, topera, u timmonetizza operazzjoni ta’ piraterija li tiffunzjona b’mod sħiħ. F’xi każijiet, dawk is-servizzi ta’ ksur jirriflettu servizzi leġittimi ta’ streaming. Barra minn hekk, l-operaturi li jagħmlu disponibbli r-ritrażmissjonijiet mhux awtorizzati żviluppaw strateġiji ta’ reżiljenza biex jevitaw il-miżuri ta’ infurzar. Għalhekk hemm bżonn li jiġi mmonitorjat bir-reqqa l-iżvilupp ta’ forom ġodda ta’ strateġiji ta’ piraterija u reżiljenza, li jista’ jkollhom impatt ukoll fuq tipi oħra ta’ kontenut u jaffettwaw il-kapaċità tad-detenturi tad-drittijiet li jinfurzaw id-drittijiet tagħhom b’mod effettiv, filwaqt li jitqiesu b’mod partikolari l-bidliet teknoloġiċi u l-mudelli ġodda ta’ negozju.
(5)Ir-ritrażmissjonijiet diretti mhux awtorizzati ta’ avvenimenti diretti jibdew bl-interċettazzjoni u bil-qbid illeċiti tas-sinjal tax-xandir jew ta’ qabel ix-xandir li mbagħad jgħaddi minn diversi fornituri ta’ servizzi intermedjarji biex jasal għand l-utenti finali permezz ta’ interfaċċi differenti (siti web, apps, IPTV). Is-servizzi ta’ fornituri li joffru soluzzjonijiet ta’ prestazzjoni għolja jistgħu jintużaw għar-ritrażmissjonijiet mhux awtorizzati, bħal pereżempju fornituri ta’ servers apposta. Barra minn hekk, is-servizzi upstream fil-katina tat-trażmissjoni bħan-networks tat-twassil tal-kontenut jew il-proxies inversi jistgħu jintużaw b’mod ħażin mill-operaturi tar-ritrażmissjoni mhux awtorizzata biex jipprovdu tali ritrażmissjonijiet jew joskuraw is-sors tar-ritrażmissjonijiet mhux awtorizzati. Barra minn hekk, il-fornituri tal-aċċess għall-internet downstream jipprovdu konnettività għall-Internet lill-utenti finali u jservu bħala gateway għall-kontenut kollu disponibbli online.
(6)Meta jitqiesu l-istruttura tal-internet, ir-rwoli rispettivi tat-tipi differenti ta’ servizzi intermedjarji, kif ukoll il-mezzi teknoloġiċi disponibbli għalihom, il-fornituri ta’ dawn is-servizzi jista’ jkollhom rwol kruċjali fl-assistenza lid-detenturi tad-drittijiet u lill-awtoritajiet nazzjonali biex ineħħu jew jiddiżattivaw l-aċċess għar-ritrażmissjonijiet mhux awtorizzati ta’ avvenimenti diretti. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu identifikati soluzzjonijiet effettivi adattati għall-funzjonijiet rispettivi tat-tipi differenti ta’ fornituri intermedjarji tas-servizzi, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-obbligi differenti applikabbli għall-fornituri ta’ servizzi intermedjarji skont ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, sabiex ikunu jistgħu jneħħu jew jiddiżattivaw malajr l-aċċess għar-ritrażmissjonijiet mhux awtorizzati ta’ avvenimenti diretti.
(7)Diversi għodod għall-ġlieda kontra r-ritrażmissjonijiet mhux awtorizzati ta’ kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati diġà huma previsti fid-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29/KE u l-Artikoli 9 u 11 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-detenturi tad-drittijiet jistgħu jitolbu mandati ta’ inibizzjoni kontra l-kontraventuri jew kontra l-intermedjarji li s-servizzi tagħhom jintużaw minn parti terza biex jiksru dritt tal-awtur jew dritt relatat. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2022/2065 jipprovdi qafas ġenerali biex jiġi żgurat ambjent online sikur, prevedibbli u affidabbli, li jindirizza t-tixrid tal-kontenut illegali online. Dan jarmonizza r-regoli dwar il-mekkaniżmi ta’ avviż u ta’ azzjoni u jissimplifika l-ipproċessar tal-avviżi mibgħuta lill-fornituri tas-servizzi tal-hosting. Fil-prattika, l-implimentazzjoni ta’ rimedji disponibbli tiddependi min-natura tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji. Ċerti servizzi intermedjarji, bħall-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting, jistgħu jieħdu azzjoni biex ineħħu jew jiddiżattivaw l-aċċess għall-kontenut illegali ospitat minnhom malli jirċievu avviż, filwaqt li oħrajn, bħall-fornituri tal-aċċess għall-internet, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe azzjoni volontarja ulterjuri, huma obbligati biss li jaġixxu abbażi ta’ mandat ta’ inibizzjoni mogħti minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva biex jipprevjenu l-aċċess tal-utenti finali għal kontenut kontraventorju.
(8)L-avvenimenti sportivi ma humiex intrinsikament protetti mid-drittijiet tal-awtur u minn drittijiet relatati. L-organizzaturi tal-avvenimenti sportivi ma humiex rikonoxxuti bħala detenturi tad-drittijiet skont id-dritt tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-awtur u għaldaqstant, fil-prinċipju, ma setgħux jagħmlu użu mid-drittijiet u mir-rimedji eżistenti skont il-liġi tal-proprjetà intellettwali tal-Unjoni, b’mod partikolari skont id-Direttiva 2004/48/KE, sakemm ma jkollhomx id-drittijiet fuq bażi kuntrattwali minn detenturi tad-drittijiet oħra jew ikunu jibbenefikaw minn dritt ta’ proprjetà intellettwali mogħti skont id-dritt nazzjonali.
(9)L-organizzaturi tal-avvenimenti sportivi jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni speċifika mogħtija skont id-dritt nazzjonali f’ċerti Stati Membri. Il-possibbiltà li l-Istati Membri jipproteġu avvenimenti sportivi fil-livell nazzjonali, fejn xieraq bis-saħħa tal-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali ġiet rikonoxxuta fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. F’ċerti Stati Membri, l-organizzaturi ta’ avvenimenti sportivi, flimkien ma’ organizzazzjonijiet tax-xandir, għandhom aċċess għal rimedji li jippermettulhom jieħdu azzjoni fir-rigward ta’ ritrażmissjonijiet mhux awtorizzati ta’ avvenimenti sportivi diretti.
(10)Barra minn hekk, l-organizzazzjonijiet tax-xandir igawdu minn drittijiet differenti skont id-dritt tal-Unjoni li jistgħu jippermettulhom li jieħdu azzjoni kontra r-ritrażmissjoni mhux awtorizzata ta’ avvenimenti sportivi diretti.
(11)Fin-nuqqas ta’ drittijiet u rimedji speċifiċi fil-livell tal-Unjoni li japplikaw għall-avvenimenti sportivi, spiss ikun diffiċli għall-organizzaturi tal-avvenimenti sportivi li jaġixxu fil-ħin kontra r-ritrażmissjonijiet mhux awtorizzati ta’ avvenimenti sportivi diretti. Sabiex jiġi prevenut it-telf ta’ valur mit-trażmissjoni diretta ta’ avvenimenti sportivi, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħeġġu jiżguraw li l-organizzaturi ta’ avvenimenti sportivi jkollhom aċċess għal rimedji li jippermettulhom jitolbu aċċess għat-twaqqif ta’ ritrażmissjonijiet mhux awtorizzati b’mod rapidu ħafna. Madankollu, f’xi każijiet l-organizzaturi ta’ avvenimenti sportivi jibbenefikaw ukoll mid-drittijiet u r-rimedji stabbiliti fid-Direttiva 2004/48/KE peress li ngħataw drittijiet ta’ proprjetà intellettwali skont id-dritt nazzjonali. F’każijiet bħal dawn, l-Istati Membri huma mħeġġa jikkunsidraw jekk u sa liema punt ir-rakkomandazzjonijiet li jikkonċernaw ir-ritrażmissjonijiet mhux awtorizzati tal-avvenimenti sportivi diretti jenħtieġ li japplikaw ukoll għal dawk l-organizzaturi ta’ avvenimenti sportivi.
(12)It-trażmissjoni diretta ta’ avvenimenti apparti l-isport hija ġeneralment protetta bid-drittijiet tal-awtur u bid-drittijiet relatati mogħtija skont id-dritt tal-Unjoni lill-awturi, lill-artisti, lill-produtturi tal-fonogrammi, lill-produtturi tal-films u lill-organizzazzjonijiet tax-xandir. Fil-każ ta’ dawk id-drittijiet, id-detenturi tad-drittijiet jistgħu jserrħu fuq ir-rimedji previsti fid-Direttiva 2001/29/KE, id-Direttiva 2004/48/KE u r-Regolament (UE) 2022/2065. Dan japplika wkoll għall-organizzaturi tal-avvenimenti sportivi li jingħataw id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali skont id-dritt nazzjonali. Importanti li jiġi żgurat li r-rimedji disponibbli għad-detenturi tad-drittijiet jippermettu azzjoni fil-pront, li tqis in-natura speċifika tat-trażmissjoni diretta ta’ avveniment, b’mod partikolari l-element sensittiv għaż-żmien tagħha.
(13)L-għan ta’ din ir-Rakkomandazzjoni huwa li tiġi miġġielda l-piraterija online tal-isport u ta’ avvenimenti diretti oħra. Għalhekk, fir-rigward tal-avvenimenti sportivi diretti, hemm bżonn li l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha jitħeġġu jieħdu miżuri effettivi kontra r-ritrażmissjoni mhux awtorizzata ta’ avvenimenti sportivi diretti, filwaqt li tiggarantixxi s-salvagwardji meħtieġa għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.
(14)Fir-rigward ta’ avvenimenti diretti oħra, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati jitħeġġu japplikaw ir-rimedji eżistenti kontra l-ksur tad-drittijiet tal-awtur b’mod li jqis l-ispeċifiċità tat-trażmissjonijiet diretti.
(15)Hemm bżonn li titrawwem kollaborazzjoni bejn l-organizzaturi tal-avvenimenti sportivi, id-detenturi tad-drittijiet, il-fornituri ta’ servizzi intermedjarji u l-awtoritajiet pubbliċi.
(16)Jenħtieġ li din ir-Rakkomandazzjoni ma tapplika għall-ebda użu leġittimu tal-kontenut. B’mod partikolari, jenħtieġ li ssir distinzjoni bejn ir-ritrażmissjoni mhux awtorizzata ta’ avvenimenti diretti u kwalunkwe użu ta’ kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati f’konformità ma’ kwalunkwe limitazzjoni jew eċċezzjoni prevista fid-Direttiva 2001/29/KE jew fid-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, bħal klipps tal-awdjo jew vidjows mxandra fost persuni fl-udjenza ta’ avveniment dirett u minnhom jew imxandra mill-ġurnalisti għall-finijiet ta’ informazzjoni lill-pubbliku ġenerali, anke f’ħin reali. Barra minn hekk, din ir-Rakkomandazzjoni ma tapplikax għar-rapporti tal-aħbarijiet qosra mħejjija minn organizzazzjonijiet tax-xandir f’konformità mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, pereżempju, billi tibbaża fuq siltiet qosra magħżula mis-sinjal ta’ organizzazzjoni tax-xandir li tittrażmetti fuq bażi esklużiva.
(17)Ir-Regolament (UE) 2022/2065 jinkludi regoli applikabbli għal servizzi intermedjarji fis-suq intern li huma rilevanti fil-każ ta’ ritrażmissjoni mhux awtorizzata ta’ avvenimenti diretti. B’mod partikolari, l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2022/2065 jintroduċi regoli armonizzati dwar “avviż u azzjoni” għall-fornituri tas-servizzi tal-hosting biex jipprevedu proċessar f’waqtu u diliġenti ta’ avviżi relatati ma’ kontenut illegali. Il-Premessa 52 ta’ dak ir-Regolament tiddikjara li l-fornituri tas-servizzi tal-hosting jenħtieġ li jaġixxu fil-ħin fuq l-avviżi, b’mod partikolari billi jqisu t-tip ta’ kontenut illegali li jkun qed jiġi nnotifikat u l-urġenza li tittieħed azzjoni.
(18)Minħabba n-natura speċifika tal-avvenimenti diretti, huwa essenzjali li malli jasal avviż tittieħed azzjoni urġenti mill-fornituri tas-servizzi tal-hosting sabiex tiġi minimizzata l-ħsara kkawżata mir-ritrażmissjonijiet mhux awtorizzati tal-avvenimenti diretti.
(19)Ir-Regolament (UE) 2022/2065 jimponi wkoll obbligi addizzjonali fuq il-pjattaformi online biex jittieħdu l-miżuri tekniċi u organizzazzjonali meħtieġa biex jiġi żgurat li l-avviżi sottomessi minn senjalaturi fdati jingħataw prijorità u jiġu pproċessati u deċiżi mingħajr dewmien żejjed. Il-fornituri l-oħra tas-servizzi tal-hosting mhumiex koperti minn dawk l-obbligi; madankollu dan il-mekkaniżmu huwa utli biex jitħaffef l-ipproċessar tal-avviżi li jikkonċernaw avvenimenti diretti. Għalhekk, jixraq li jiġi rrakkomandat li l-fornituri tas-servizzi tal-hosting, għajr il-pjattaformi online, jagħtu prijorità lill-avviżi sottomessi minn senjalaturi fdati sabiex tittieħed azzjoni urġenti matul it-trażmissjoni ta’ avveniment dirett. F’dan il-kuntest jenħtieġ li titqies is-sitwazzjoni speċifika tal-intrapriżi mikro jew żgħar.
(20)Barra minn hekk, ċerti fornituri tas-servizzi tal-hosting kienu qed jiżviluppaw soluzzjonijiet tekniċi li jippermettu lid-detenturi tad-drittijiet, permezz ta’ interfaċċa apposta għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet, biex jinnotifikaw, anke f’ħin reali, l-użi mhux awtorizzati tal-kontenut tagħhom u jħaffu aktar l-ipproċessar ta’ dawk l-avviżi. Ir-Regolament (UE) 2022/2065 jappella lill-Kummissjoni tappoġġa u tippromwovi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ standards volontarji fir-rigward tas-sottomissjoni elettronika ta’ avviżi minn senjalaturi fdati, anke permezz ta’ interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet. Jenħtieġ li jitħeġġu wkoll l-iżvilupp u l-użu ta’ tali soluzzjonijiet tekniċi mill-intermedjarji għajr il-pjattaformi online, dment li jiġi inkorporat mekkaniżmu ta’ rimedju fihom.
(21)Hemm modi differenti ta’ kriptaġġ jew ta’ kif jiġi mmarkat is-sinjal tax-xandir, fosthom bl-immarkar tal-ilma forensiku, sabiex dan jiġi protett minn użi mhux awtorizzati. Id-detenturi tad-drittijiet jenħtieġ li jagħmlu l-aħjar użu minn dawn is-soluzzjonijiet li jistgħu jgħinu biex jiġi identifikat minnufih u b’mod preċiż is-sors tar-ritrażmissjonijiet mhux awtorizzati.
(22)Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji upstream fl-infrastruttura tal-internet bħal networks ta’ twassil tal-kontenut jew proxies inversi spiss jistgħu jkunu l-uniċi servizzi identifikati mid-detenturi tad-drittijiet meta jidentifikaw ritrażmissjoni mhux awtorizzata ta’ avvenimenti diretti. Sakemm ma jipprovdux servizzi ta’ hosting, ir-regoli dwar l-avviżi ma japplikawx għalihom. Madankollu, xi fornituri jippermettu avviżi u jikkontribwixxu għall-identifikazzjoni tal-indirizzi tal-IP użati minn operaturi qarrieqa, u b’hekk għandhom rwol importanti fil-ġlieda kontra r-ritrażmissjonijiet mhux awtorizzati ta’ avvenimenti diretti. Għaldaqstant, jenħtieġ li dawn jitħeġġu jappoġġaw u jikkondividu informazzjoni mad-detenturi tad-drittijiet u mal-fornituri tas-servizzi tal-hosting dwar l-identifikazzjoni tas-sorsi tar-ritrażmissjonijiet mhux awtorizzati, inkluż, fejn xieraq, l-indirizz IP tal-oriġini tas-servers. Jenħtieġ li jistabbilixxu wkoll politika robusta kontra l-użu ħażin tas-servizzi tagħhom, pereżempju billi fit-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom jipprovdu l-possibbiltà li jissospendu s-servizzi tagħhom lil operaturi qarrieqa li spiss jagħmlu disponibbli ritrażmissjoni mhux awtorizzata. Jenħtieġ li dawn il-prattiki japplikaw ukoll għas-servizzi li joffru soluzzjonijiet ta’ prestazzjoni għolja, b’mod partikolari l-fornituri ta’ servers apposta li tipikament jintużaw ħażin biex iwasslu r-ritrażmissjonijiet mhux awtorizzati.
(23)Id-Direttiva 2001/29/KE u d-Direttiva 2004/48/KE jagħtu lid-detenturi tad-drittijiet il-possibbiltà li jressqu mandat ta’ inibizzjoni kontra fornitur ta’ servizz intermedjarju li s-servizzi tiegħu jkunu qed jintużaw minn parti terza biex jiksru d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħhom. Fl-2017, il-Kummissjoni ħarġet il-Komunikazzjoni “Gwida dwar ċerti aspetti tad-Direttiva 2004/48/KE” li tiddikjara li f’ċerti każijiet jista’ jkun xieraq li tali mandat ta’ inibizzjoni jirrikjedi li l-fornitur tas-servizz intermedjarju jirtira jew jiddiżattiva l-aċċess għal kontenut illegali. F’każijiet ta’ ksur fuq skala kbira jew ksur li jseħħ b’mod strutturali, il-gwida tindika li abbażi ta’ analiżi ta’ każ b’każ, jista’ jkun proporzjonat li jkun meħtieġ li jiġi mblukkat l-aċċess għas-sit web kollu. F’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-gwida tenfasizza li, soġġett għal ċerti salvagwardji, il-mandat ta’ inibizzjoni ma għandux għalfejn jiddeskrivi b’mod espliċitu l-miżuri li l-fornituri jridu jieħdu biex jiksbu r-riżultat mixtieq. Madankollu, id-dritt tal-Unjoni ma jipprevedix regoli dwar il-karatteristiċi speċifiċi ta’ mandat ta’ inibizzjoni u lanqas ma hemm regoli espliċiti li jappartjenu għal trażmissjonijiet diretti.
(24)Jistgħu jintużaw miżuri tekniċi differenti biex jiġu implimentati mandati ta’ inibizzjoni ta’ mblukkar u biex jiġi evitat l-aċċess tal-utenti finali għar-ritrażmissjoni mhux awtorizzata, pereżempju permezz tas-Sistema ta’ Ismijiet ta’ Dominji (DNS) jew l-imblukkar tal-IP.
(25)Barra minn hekk, f’konformità mal-Gwida, il-mandati ta’ inibizzjoni dinamiċi li jkopru postijiet ġodda tal-internet meta r-ritrażmissjoni mhux awtorizzata ssir disponibbli immedjatament wara l-ħruġ tal-mandat ta’ inibizzjoni, jistgħu jkunu mezz effettiv biex tiġi evitata l-kontinwazzjoni ta’ ritrażmissjoni mhux awtorizzata bil-kundizzjoni li jiġu pprovduti s-salvagwardji meħtieġa. Tali mandati ta’ inibizzjoni huma rimedju utli biex jiġu indirizzati l-istrateġiji ta’ reżiljenza żviluppati mis-servizzi tal-piraterija, pereżempju l-istabbiliment ta’ siti mera taħt ismijiet ta’ dominji differenti jew il-qlib għal indirizzi IP differenti biex jiġu evitati miżuri ta’ mblukkar.
(26)Sa issa, il-mandati ta’ inibizzjoni dinamiċi kienu disponibbli biss f’uħud mill-Stati Membri. Dawn jingħataw jew mill-qrati jew minn ċerti awtoritajiet amministrattivi li jkollhom is-setgħa li jordnaw miżuri ta’ mblukkar jew tneħħija ex officio jew wara l-ilmenti. Mandati ta’ inibizzjoni ta’ dan it-tip huma adattati b’mod partikolari biex jindirizzaw ir-ritrażmissjonijiet mhux awtorizzati ta’ avvenimenti diretti.
(27)Huwa essenzjali li l-organizzaturi tal-avvenimenti sportivi, anke jekk ma jkunux rikonoxxuti bħala detenturi tad-drittijiet skont id-dritt tal-Unjoni, ikunu jistgħu jagħmlu mandati ta’ inibizzjoni biex jipprevjenu r-ritrażmissjoni mhux awtorizzata ta’ avveniment sportiv dirett u jipprojbixxu l-kontinwazzjoni ta’ tali ritrażmissjoni mhux awtorizzata, f’konformità mad-dritt nazzjonali. Importanti wkoll li l-mandati ta’ inibizzjoni li jindirizzaw l-avvenimenti sportivi diretti jkunu dinamiċi, sabiex ikopru b’ħeffa suffiċjenti, is-servizzi addizzjonali tal-piraterija, mhux identifikati fil-ħin tal-proċedimenti, li jagħtu aċċess għar-ritrażmissjoni mhux awtorizzata tal-istess avveniment sportiv dirett, diment li jiġu applikati s-salvagwardji meħtieġa.
(28)Peress li t-telf tal-valur għal tipi oħra ta’ avvenimenti diretti spiss ikun ogħla matul it-trażmissjoni diretta, huwa daqstant ieħor importanti li tiġi mħeġġa disponibbiltà usa’ ta’ mandati ta’ inibizzjoni dinamiċi biex tiġi pprevenuta r-ritrażmissjoni mhux awtorizzata ta’ tali avvenimenti.
(29)Sabiex jiġi prevenut l-imblukkar żejjed, jenħtieġ li jiġu identifikati b’mod korrett il-postijiet addizzjonali tal-internet li għalihom japplikaw mandati ta’ inibizzjoni dinamiċi. Jistgħu jiġu previsti diversi possibbiltajiet biex tiġi aġġornata l-lista tal-postijiet tal-internet koperti minn mandat ta’ inibizzjoni, bħal qbil dwar metodoloġija bħala parti mill-mandat ta’ inibizzjoni, fosthom għall-kooperazzjoni bejn id-detenturi tad-drittijiet u d-destinatarji tal-mandati ta’ inibizzjoni, soġġetti għal kontroll minn awtorità ġudizzjarja.
(30)Il-mandat ta’ inibizzjoni ikun normalment indirizzat lill-fornituri tal-aċċess għall-Internet, peress li dawk ikunu f’pożizzjoni tajba biex jipprevjenu l-aċċess tal-utenti finali għal servizz speċifiku li joffri r-ritrażmissjonijiet mhux awtorizzati tal-avvenimenti diretti. Madankollu, jistgħu jintużaw fornituri oħra ta’ servizzi intermedjarji b’mod ħażin biex jiffaċilitaw ir-ritrażmissjonijiet mhux awtorizzati jew biex jevitaw l-inibizzjonijiet ta’ mblukkar. Pereżempju, in-networks tal-konsenja tal-kontenut u l-proxies inversi jistgħu jintużaw biex jostakolaw l-oriġini tar-ritrażmissjoni mhux awtorizzata, filwaqt li riżolturi alternattivi tad-DNS u servizzi ta’ prokura bħan-Networks Privati Virtwali (VPNs) jistgħu jintużaw biex jiffaċilitaw l-aċċess għas-servizzi li jkunu ġew imblukkati. Il-fornituri ta’ servizzi intermedjarji jenħtieġ li jikkunsidraw jekk jistgħux jieħdu aktar miżuri volontarji biex jipprevjenu li s-servizzi tagħhom jintużaw ħażin. Tali miżuri fuq inizjattiva proprja jistgħu jiġu diskussi b’mod partikolari fil-kuntest tal-monitoraġġ ta’ din ir-Rakkomandazzjoni li l-Kummissjoni se twettaq bl-appoġġ tal-Osservatorju Ewropew tal-Ksur tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali ospitat mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (“l-Osservatorju tal-EUIPO”).
(31)Atturi oħra fis-suq bħall-fornituri ta’ reklamar, kif ukoll il-fornituri tas-servizzi tal-pagament, permezz tal-obbligi tagħhom skont il-qafas tal-UE kontra l-ħasil tal-flus u azzjonijiet volontarji, jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-ġlieda kontra l-piraterija online. Biex jitnaqqas il-valur tas-servizzi tal-piraterija, il-Kummissjoni qiegħda tiffaċilita memorandum ta’ qbil dwar ir-reklamar online u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Il-firmatarji ta’ dak il-memorandum jimpenjaw ruħhom volontarjament li jimminimizzaw it-tqegħid ta’ reklamar fuq is-siti web u applikazzjonijiet mobbli li jiksru d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, inkluż id-drittijiet tal-awtur. Tali kooperazzjoni jenħtieġ li titħeġġeġ ulterjorment biex jiġi żgurat li tali servizzi ma jiffaċilitawx il-promozzjoni u l-funzjonament tal-operaturi li jagħtu aċċess għal ritrażmissjoni mhux awtorizzata ta’ avvenimenti diretti.
(32)Sabiex tiġi indirizzata l-piraterija b’mod olistiku, huwa importanti li jiżdiedu d-disponibbiltà, l-affordabbiltà, u l-attraenza tal-offerti kummerċjali għall-utenti finali biex jaċċessaw it-trażmissjoni jew ir-ritrażmissjonijiet ta’ avvenimenti diretti. Fir-rigward ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà bħal-Logħob Olimpiku, it-Tazza tad-Dinja tal-Futbol jew il-Kampjonat Ewropew tal-Futbol, l-Istati Membri jistgħu jiżguraw aċċess wiesa’ mill-pubbliku għall-kopertura tat-televiżjoni f’konformità mal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2010/13/UE.
(33)Barra minn hekk, skont studju reċenti, l-aċċessibbiltà u d-disponibbiltà ta’ offerti legali bi prezz kompetittiv irriżultaw fi tnaqqis żgħir fl-għadd ta’ utenti li jikkonsmaw kontenut ikkupjat. Huwa għalhekk importanti li titqajjem il-kuxjenza tal-utenti finali dwar id-disponibbiltà tal-offerta legali. Pereżempju, ċerti Stati Membri jiżguraw li meta sit web jiġi mblukkat skont mandat ta’ inibizzjoni, l-utenti li jippruvaw jaċċessawh jiġu infurmati dwar l-imblukkar u jingħataw informazzjoni dwar is-sorsi fejn il-kontenut jista’ jiġi aċċessat legalment. Dan jista’ jsir pereżempju billi ssir referenza għall-portal tal-kontenut online Ewropew, Agorateka, żviluppat mill-Osservatorju tal-EUIPO, li jorbot ma’ portals nazzjonali eżistenti.
(34)Il-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-Istati Membri hija importanti biex jiġi indirizzat aħjar il-fenomenu tar-ritrażmissjonijiet mhux awtorizzati ta’ avvenimenti diretti, li min-natura tagħhom iseħħu bejn il-fruntieri. L-iskambju ta’ informazzjoni dwar servizzi li huma soġġetti għal mandat ta’ inibizzjoni fi Stat Membru wieħed jista’ jkun ta’ għajnuna biex jinforma lill-awtoritajiet tal-infurzar fi Stati Membri oħra fejn ikunu disponibbli l-istess servizzi.
(35)L-Osservatorju tal-EUIPO huwa fdat bir-Regolament (UE) Nru 386/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jipprovdi mekkaniżmi li jgħinu biex jittejjeb l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri u biex titrawwem il-kooperazzjoni ma’ dawk l-awtoritajiet u bejniethom. Il-kooperazzjoni eżistenti ffaċilitata mill-Osservatorju tal-EUIPO dwar dawn il-kwistjonijiet jenħtieġ li tiżviluppa f’network iddedikat għall-Istati Membri biex jiskambjaw strutturalment informazzjoni dwar miżuri, proċeduri u rimedji applikati għar-ritrażmissjonijiet mhux awtorizzati ta’ avvenimenti diretti sportivi u oħrajn , inkluż dwar l-impatt u l-effiċjenza ta’ dawk l-għodod ta’ infurzar, u dwar l-isfidi u l-prattiki tajbin f’dak il-qasam. In-network jenħtieġ li jippermetti d-djalogu madwar l-Istati Membri kollha u jinkludi lill-awtoritajiet amministrattivi b’setgħat speċifiċi fir-rigward tal-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jeżistu f’ċerti Stati Membri. L-informazzjoni miġbura taħt in-network jenħtieġ li tikkontribwixxi għall-monitoraġġ tal-effetti tar-rakkomandazzjoni.
(36)It-tisħiħ tal-għarfien espert ta’ persuni involuti fl-infurzar tad-drittijiet kontra r-ritrażmissjonijiet mhux awtorizzati ta’ avvenimenti diretti permezz ta’ miżuri ta’ taħriġ xierqa jikkostitwixxi mod ieħor kif jinkiseb infurzar aktar effiċjenti. L-Osservatorju tal-EUIPO jenħtieġ li jitħeġġeġ jiżviluppa u jorganizza attivitajiet li jsaħħu l-għarfien għall-imħallfin nazzjonali u l-awtoritajiet nazzjonali f’dan il-qasam speċifiku.
(37)Il-Kummissjoni se timmonitorja mill-qrib l-azzjonijiet meħuda fid-dawl ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, bl-appoġġ tal-Osservatorju tal-EUIPO, li għandu jipprovdi għarfien espert tekniku u appoġġ organizzazzjonali kif ukoll jimmonitorja l-evoluzzjoni tar-ritrażmissjoni mhux awtorizzata ta’ avvenimenti diretti fl-Istati Membri. Sabiex jitwettaq dan il-kompitu, huwa essenzjali li l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati jaqsmu l-informazzjoni rilevanti dwar is-segwitu mogħti lil din ir-Rakkomandazzjoni u l-volum ta’ ritrażmissjonijiet mhux awtorizzati ta’ avvenimenti diretti. Il-partijiet ikkonċernati jenħtieġ li jipprovdu wkoll informazzjoni dwar l-evoluzzjoni tal-offerti legali tal-kontenut kopert minn din ir-Rakkomandazzjoni. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni se tivvaluta l-effetti mogħtija lil din ir-Rakkomandazzjoni u se tiddetermina jekk humiex meħtieġa passi addizzjonali, inkluż biex jiġi pprevenut it-tixrid illegali ta’ tipi oħra ta’ kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur.
(38)Ir-rikors għal rimedji skont din ir-Rakkomandazzjoni jirrikjedi l-ibbilanċjar xieraq tad-drittijiet u tal-interessi tal-persuni kkonċernati mill-miżuri filwaqt li jitqiesu d-drittijiet fundamentali differenti u l-proporzjonalità ta’ tali miżuri fi kwalunkwe każ individwali. Jenħtieġ li l-applikazzjoni ta’ tali miżuri tkun strettament immirata u ma għandhiex timponi obbligi eċċessivi fuq l-intermedjarji. Jenħtieġ li tali miżuri ma jwasslux għal monitoraġġ ġenerali.
(39)Sabiex jiġi żgurat ir-rispett għad-dritt fundamentali għall-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, kif ukoll il-moviment liberu ta’ data personali, l-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest ta’ kwalunkwe miżura meħuda biex tagħti effett lil din ir-Rakkomandazzjoni jenħtieġ li jsir f’konformità sħiħa mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679() u d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(), u jenħtieġ li jiġi sorveljat mill-awtoritajiet superviżorji kompetenti.
(40)Din ir-Rakkomandazzjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, din ir-Rakkomandazzjoni tfittex li tiżgura rispett sħiħ għall-Artikoli 8, 11, 16, 17, u 47 tal-Karta.
(41)Minħabba l-komplementarjetà bejn din ir-Rakkomandazzjoni u r-Regolament (UE) 2022/2065, jenħtieġ li l-effetti tar-Rakkomandazzjoni dwar ir-ritrażmissjonijiet mhux awtorizzati ta’ sport dirett u ta’ avvenimenti diretti oħra jiġu vvalutati, filwaqt li jitqiesu s-sejbiet tal-Osservatorju tal-EUIPO, flimkien mal-effetti ta’ dak ir-Regolament, jiġifieri, sa mhux aktar tard mis-17 ta’ Novembru 2025.
ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:
SKOP
(1)Din ir-Rakkomandazzjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet nazzjonali, lid-detenturi tad-drittijiet u lill-fornituri tas-servizzi intermedjarji biex jieħdu miżuri effettivi, xierqa, u proporzjonati għall-ġlieda kontra r-ritrażmissjonijiet mhux awtorizzati ta’ avvenimenti sportivi diretti u ta’ avvenimenti diretti oħrajn f’konformità mal-prinċipji stabbiliti f’din ir-Rakkomandazzjoni u f’konformità sħiħa mad-dritt tal-Unjoni, inkluż il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
(2)Din ir-Rakkomandazzjoni tfakkar l-obbligi tal-Istati Membri, tad-detenturi tad-drittijiet, tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji u tar-riċevituri tas-servizzi tagħhom f’konformità mad-dispożizzjonijiet vinkolanti tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva 2000/31/KE, id-Direttiva 2001/29/KE, id-Direttiva 2002/58/KE, ir-Regolament (UE) 2022/2065, id-Direttiva (UE) 2019/790 u d-Direttiva 2004/48/KE. Ir-Rakkomandazzjoni ma tapplika għall-ebda użu leġittimu ta’ kontenut, bħall-użu ta’ kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur taħt limitazzjonijiet u eċċezzjonijiet u l-użu ta’ estratti qosra f’konformità mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2010/13/UE.
DEFINIZZJONIJIET
(3)Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a)“organizzatur tal-avvenimenti sportivi” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tieħu r-responsabbiltà għall-organizzazzjoni ta’ avveniment sportiv li jkun aċċessibbli għall-pubbliku;
(b)“trażmissjoni diretta ta’ avveniment” tfisser trażmissjoni f’ħin reali, bi kwalunkwe mezz, inkluż b’mezzi bil-wajers jew bla fili, ta’ avveniment lill-pubbliku li ma jkunx preżenti fil-post fejn l-avveniment iseħħ f’ħin reali;
(c)“trażmissjoni diretta ta’ avveniment sportiv” tfisser trażmissjoni f’ħin reali, bi kwalunkwe mezz, inkluż b’mezzi bil-wajers jew bla fili, ta’ avveniment sportiv lill-pubbliku li ma jkunx preżenti fil-post fejn l-avveniment iseħħ f’ħin reali;
(d)“detentur ta’ drittijiet fi trażmissjoni diretta ta’ avvenimenti sportivi” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha drittijiet fit-trażmissjoni diretta ta’ avveniment sportiv, irrispettivament minn jekk dawn humiex drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, u li hija legalment intitolata li tinforza dawk id-drittijiet;
(e)“detentur ta’ drittijiet fit-trażmissjoni diretta ta’ avveniment” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati fit-trażmissjoni diretta ta’ xogħlijiet u suġġetti oħra;
(f)“ritrażmissjoni mhux awtorizzata” tfisser trażmissjoni simultanja jew ritrażmissjoni maħsuba biex tiġi riċevuta mill-pubbliku ta’ trażmissjoni diretta inizjali ta’ avveniment jew ta’ trażmissjoni diretta ta’ avveniment sportiv, u li ma tkunx ġiet awtorizzata mid-detentur tad-drittijiet.
RITRAŻMISSJONI MHUX AWTORIZZATA TA’ AVVENIMENTI SPORTIVI DIRETTI
Żgurar tat-trattament fil-pront ta’ avviżi relatati ma’ ritrażmissjonijiet mhux awtorizzati ta’ avvenimenti sportivi diretti
Trattament fil-pront tal-avviżi
(4)Meta jipproċessaw l-avviżi relatati mar-ritrażmissjonijiet mhux awtorizzati ta’ avvenimenti sportivi diretti, jenħtieġ li l-fornituri tas-servizzi tal-hosting iqisu n-natura speċifika ta’ trażmissjonijiet diretti ta’ avveniment sportiv sabiex jimmiraw li jimminimizzaw il-ħsara kkawżata matul ir-ritrażmissjoni mhux awtorizzata ta’ avveniment bħal dan.
(5)Sabiex jiġi żgurat li l-avviż jiġi pproċessat u tittieħed deċiżjoni matul it-trażmissjoni diretta ta’ avveniment sportiv, il-fornituri tas-servizzi tal-hosting, għajr il-pjattaformi online, huma mħeġġa jikkooperaw mad-detenturi tad-drittijiet fit-trażmissjoni diretta ta’ avvenimenti sportivi, b’mod partikolari billi:
(a)effettivament jinvolvu lil sinjalaturi fdati għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni;
(b)jiżviluppaw u jużaw soluzzjonijiet tekniċi mmirati lejn l-iffaċilitar tal-ipproċessar tal-avviżi, bħall-interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet.
Kooperazzjoni bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-fornituri tas-servizzi intermedjarji
(6)Sabiex tiġi protetta t-trażmissjoni diretta ta’ avvenimenti sportivi, id-detenturi tad-drittijiet fit-trażmissjoni diretta ta’ avvenimenti sportivi jenħtieġ li jitħeġġu jużaw l-aħjar soluzzjonijiet tekniċi disponibbli biex jiffaċilitaw l-identifikazzjoni tas-sors tar-ritrażmissjoni mhux awtorizzata.
(7)Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji, b’mod partikolari dawk li jistgħu jidentifikaw u jillokalizzaw is-sors tar-ritrażmissjonijiet mhux awtorizzati ta’ avvenimenti sportivi diretti, huma mħeġġa:
(a)jikkooperaw, inkluż mal-fornituri tas-servizzi tal-hosting u mad-detenturi tad-drittijiet fit-trażmissjoni diretta ta’ avvenimenti sportivi, biex jiffaċilitaw l-identifikazzjoni tas-sors tar-ritrażmissjonijiet mhux awtorizzati u;
(b)jistabbilixxu miżuri speċifiċi kontra l-użu ħażin ripetut tas-servizzi tagħhom.
Mandati ta’ inibizzjoni li jindirizzaw ir-ritrażmissjoni mhux awtorizzata ta’ avvenimenti sportivi diretti
(8)L-Istati Membri huma mħeġġa jivvalutaw jekk, fil-ġuriżdizzjoni tagħhom, l-organizzaturi ta’ avvenimenti sportivi humiex intitolati li jieħdu azzjoni legali biex jipprevjenu, jew jipprojbixxu r-ritrażmissjoni mhux awtorizzata ta’ avveniment sportiv dirett. Fejn dan ma jkunx il-każ, l-Istati Membri huma mħeġġa jagħtu pożizzjoni legali lill-organizzaturi tal-avvenimenti sportivi biex jagħmlu mandat ta’ inibizzjoni sabiex jipprevjenu ritrażmissjoni mhux awtorizzata imminenti ta’ avvenimenti sportivi diretti jew jipprojbixxu l-kontinwazzjoni tar-ritrażmissjoni mhux awtorizzata.
Destinatarji tal-mandati ta’ inibizzjoni
(9)L-Istati Membri huma mħeġġa jippreparaw għal mandati ta’ inibizzjoni kontra operaturi ta’ ritrażmissjonijiet mhux awtorizzati ta’ avvenimenti sportivi diretti, kif ukoll kontra fornituri ta’ servizzi intermedjarji li s-servizzi tagħhom jintużaw ħażin minn parti terza għal ritrażmissjonijiet mhux awtorizzati ta’ avvenimenti sportivi diretti, irrispettivament min-nuqqas ta’ responsabbiltà tal-intermedjarju, sabiex tiġi tterminata jew prevenuta tali ritrażmissjoni mhux awtorizzata ta’ avvenimenti sportivi diretti. Tali mandat ta’ inibizzjoni jista’ jikkonsisti mill-imblukkar tal-aċċess għal ritrażmissjonijiet mhux awtorizzati ta’ avvenimenti sportivi diretti.
(10)L-Istati Membri huma mħeġġa jipprevedu l-possibbiltà li japplikaw dawk il-mandati ta’ inibizzjonijiet għall-fornituri tas-servizzi intermedjarji li jimmiraw l-attivitajiet tagħhom lejn ir-riċevituri tas-servizzi fl-Istati Membri.
(11)L-Istati Membri huma mħeġġa jippermettu lid-detenturi tad-drittijiet fi trażmissjoni diretta ta’ avvenimenti sportivi japplikaw għal mandat ta’ inibizzjoni qabel il-bidu tal-avveniment sportiv, fosthom billi jissottomettu evidenza quddiem l-awtorità kompetenti li turi li l-operatur inkwistjoni diġà pprovda aċċess għal ritrażmissjoni mhux awtorizzata ta’ avvenimenti sportivi simili li għalihom għandhom id-drittijiet.
Natura dinamika tal-mandati ta’ inibizzjoni
(12)L-Istati Membri huma mħeġġa wkoll jipprevedu mandati ta’ inibizzjoni li jippermettu estensjoni ta’ mandat ta’ inibizzjoni impost fuq fornitur ta’ servizzi intermedjarju partikolari biex jippermettu l-imblukkar ta’ servizzi ta’ piraterija li jwettqu ritrażmissjonijiet mhux awtorizzati ta’ avvenimenti sportivi diretti anki jekk ma jkunux ġew identifikati fiż-żmien tal-applikazzjoni għal mandat ta’ inibizzjoni, iżda jkunu jikkonċernaw l-istess avveniment sportiv, f’konformità mar-regoli proċedurali nazzjonali tagħhom.
(13)Sabiex jiġu identifikati dawk is-servizzi tal-piraterija b’mod xieraq wara l-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li jħeġġu l-użu tal-metodoloġija ta’ każ b’każ għall-aġġornament tal-lista ta’ postijiet tal-internet koperti mill-mandat ta’ inibizzjoni (identifikati pereżempju permezz ta’ isem ta’ dominju, indirizz tal-IP jew URL), inkluż permezz tal-kooperazzjoni bejn id-detenturi tad-drittijiet u d-destinatarji tal-mandat ta’ inibizzjoni, soġġetti għall-kontroll minn awtorità ġudizzjarja. L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw jekk awtorità nazzjonali indipendenti tenħtieġx li tiċċertifika l-lista ta’ postijiet tal-internet koperti minn mandat ta’ inibizzjoni.
(14)Meta l-Istati Membri jagħtu s-setgħa lil awtorità amministrattiva indipendenti biex toħroġ mandati ta’ inbizzjoni jew taġġorna l-lista ta’ postijiet tal-internet koperti mill-mandat ta’ inibizzjoni, tali deċiżjonijiet jenħtieġ li jkunu soġġetti għad-dritt ta’ appell quddiem il-qrati.
Salvagwardji
(15)Meta jintroduċu jew japplikaw regoli dwar il-mandati ta’ inibizzjoni relatati mar-ritrażmissjoni mhux awtorizzata ta’ avvenimenti sportivi diretti, l-Istati Membri huma mħeġġa jqisu li l-miżuri stabbiliti fil-mandat ta’ inibizzjoni jenħtieġ li ma jkunux ta’ piż mhux raġonevoli għad-destinatarji. Jenħtieġ li dawn ikunu strettament immirati u jenħtieġ li ma jċaħħdux bla bżonn lill-utenti mill-possibbiltà ta’ aċċess legali għall-informazzjoni disponibbli.
(16)Fejn il-mandat ta’ inibizzjoni jieħu l-forma ta’ miżura ta’ mblukkar, jenħtieġ li tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li dan ikollu fil-mira tiegħu s-servizzi tal-piraterija identifikati minn postijiet tal-internet li huma prinċipalment iddedikati għall-għoti ta’ aċċess għal ritrażmissjonijiet mhux awtorizzati jew għal tipi oħra ta’ kontenut mhux awtorizzat.
(17)Il-miżuri tekniċi applikati għall-implimentazzjoni ta’ tali mandati ta’ inibizzjoni jenħtieġ li jkunu adegwati biex jipprevjenu jew, tal-anqas, jagħmlu diffiċli, l-aċċess għar-ritrażmissjoni mhux awtorizzata ta’ avvenimenti sportivi diretti, u jiskoraġġixxu serjament lill-utenti finali milli jaċċessaw dawk ir-ritrażmissjonijiet mhux awtorizzati.
(18)L-Istati Membri huma mħeġġa jiżguraw li d-detenturi tad-drittijiet fi trażmissjoni diretta ta’ avvenimenti sportivi jaġġornaw regolarment l-informazzjoni dwar il-postijiet tal-internet li ma għadhomx jintużaw għal ritrażmissjoni mhux awtorizzata ta’ avvenimenti sportivi, sabiex ir-restrizzjonijiet fuq dawn il-postijiet tal-internet ikunu jistgħu jitneħħew.
(19)L-Istati Membri huma mħeġġa jipprevedu li t-tul ta’ żmien tal-mandat ta’ inibizzjoni jenħtieġ li ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tad-detenturi tad-drittijiet fit-trażmissjoni diretta ta’ avvenimenti sportivi. L-Istati Membri huma mħeġġa jipprevedu li l-miżuri ta’ mblukkar applikati f’dan il-kuntest jidħlu fis-seħħ biss meta sseħħ it-trażmissjoni diretta tal-avveniment sportiv.
Kooperazzjoni volontarja
(20)Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji jenħtieġ li jitħeġġu jikkunsidraw inizjattivi volontarji xierqa u proporzjonati biex jipprevjenu li s-servizzi tagħhom jintużaw ħażin għal ritrażmissjoni mhux awtorizzata ta’ avvenimenti sportivi diretti.
(21)Atturi oħra tas-suq bħas-servizzi ta’ reklamar u ta’ pagament jenħtieġ li jitħeġġu jiżguraw li s-servizzi tagħhom ma jiffaċilitawx il-promozzjoni u l-funzjonament tal-operaturi li jagħtu aċċess għal ritrażmissjoni mhux awtorizzata ta’ avvenimenti sportivi diretti.
RITRAŻMISSJONIJIET MHUX AWTORIZZATI TA’ AVVENIMENTI DIRETTI OĦRA
Żgurar tat-trattament fil-pront ta’ avviżi relatati ma’ ritrażmissjonijiet mhux awtorizzati ta’ avvenimenti diretti oħra
Trattament fil-pront tal-avviżi
(22)Meta jipproċessaw l-avviżi relatati ma’ ritrażmissjonijiet mhux awtorizzati ta’ avvenimenti diretti oħra, jenħtieġ li l-fornituri tas-servizzi tal-hosting iqisu n-natura speċifika tat-trażmissjonijiet diretti sabiex ikollhom l-għan li jimminimizzaw il-ħsara kkawżata matul ir-ritrażmissjoni mhux awtorizzata ta’ tali avveniment.
(23)Sabiex jiġi żgurat li l-avviż jiġi pproċessat u li tittieħed deċiżjoni matul it-trażmissjoni diretta ta’ avveniment, il-fornituri tas-servizzi tal-hosting, għajr il-pjattaformi online, huma mħeġġa jikkooperaw mad-detenturi tad-drittijiet, b’mod partikolari billi:
(a)effettivament jinvolvu lil sinjalaturi fdati għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni;
(b)jiżviluppaw u jużaw soluzzjonijiet tekniċi mmirati lejn l-iffaċilitar tal-ipproċessar tal-avviżi, bħall-interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet.
Kooperazzjoni bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-fornituri tas-servizzi intermedjarji
(24)Sabiex tiġi protetta t-trażmissjoni diretta ta’ avveniment, id-detenturi tad-drittijiet ta’ trażmissjoni diretta ta’ avveniment jenħtieġ li jiġu mħeġġa jużaw l-aħjar soluzzjonijiet tekniċi disponibbli biex jiffaċilitaw l-identifikazzjoni tas-sors ta’ ritrażmissjoni mhux awtorizzata.
(25)Il-fornituri ta’ servizzi intermedjarji, b’mod partikolari dawk li jistgħu jidentifikaw u jillokalizzaw is-sors tar-ritrażmissjonijiet mhux awtorizzati ta’ avvenimenti diretti, huma mħeġġa:
(a)jikkooperaw, inkluż mad-detenturi tad-drittijiet biex jiffaċilitaw l-identifikazzjoni tas-sors ta’ ritrażmissjoni mhux awtorizzata ta’ avvenimenti diretti;
(b)jistabbilixxu miżuri speċifiċi kontra l-użu ħażin ripetut tas-servizzi tagħhom.
Mandati ta’ inibizzjoni li jindirizzaw ir-ritrażmissjonijiet mhux awtorizzati ta’ avvenimenti diretti oħra
Natura dinamika tal-mandati ta’ inibizzjoni
(26)L-Istati Membri huma mħeġġa jipprevedu l-possibbiltà li jintalbu mandati ta’ inibizzjoni imposti fuq fornitur ta’ servizz intermedjarju partikolari, li jistgħu jiġu estiżi biex jippermettu l-imblukkar ta’ servizzi tal-pirati li jwettqu ritrażmissjoni mhux awtorizzata, anki jekk ma kinux identifikati fiż-żmien tal-applikazzjoni għal mandat ta’ inibizzjoni, iżda fejn jikkonċernaw l-istess avveniment dirett, f’konformità mar-regoli proċedurali nazzjonali tagħhom u f’konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt tal-Unjoni, inkluż il-Karta, b’mod partikolari, id-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali.
(27)Sabiex jiġu identifikati dawk is-servizzi tal-piraterija b’mod xieraq wara l-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li jħeġġu l-użu tal-metodoloġija ta’ każ b’każ għall-aġġornament tal-lista ta’ postijiet tal-internet koperti mill-mandat ta’ inibizzjoni (identifikati pereżempju permezz ta’ isem ta’ dominju, indirizz tal-IP jew URL), inkluż permezz tal-kooperazzjoni bejn id-detenturi tad-drittijiet u d-destinatarji tal-mandat ta’ inibizzjoni, soġġetti għall-kontroll minn awtorità ġudizzjarja.
(28)Meta l-Istati Membri jagħtu s-setgħa lil awtorità amministrattiva indipendenti biex toħroġ mandati ta’ inbizzjoni jew taġġorna l-lista ta’ postijiet tal-internet koperti mill-mandat ta’ inibizzjoni, tali deċiżjonijiet jenħtieġ li jkunu soġġetti għad-dritt ta’ appell quddiem il-qrati.
Salvagwardji
(29)Meta jintroduċu jew japplikaw regoli dwar il-mandati ta’ inibizzjoni relatati mar-ritrażmissjoni mhux awtorizzata ta’ avvenimenti diretti, l-Istati Membri huma mħeġġa jqisu li l-miżuri stabbiliti fil-mandat ta’ inibizzjoni jenħtieġ li ma jkunux ta’ piż mhux raġonevoli għad-destinatarji. Jenħtieġ li dawn ikunu strettament immirati u jenħtieġ li ma jċaħħdux bla bżonn lill-utenti mill-possibbiltà ta’ aċċess legali għall-informazzjoni disponibbli.
(30)L-Istati Membri huma mħeġġa jiżguraw li d-detenturi tad-drittijiet fi trażmissjoni diretta ta’ avveniment jaġġornaw regolarment l-informazzjoni dwar il-postijiet tal-internet li ma jkunux għadhom jintużaw għal ritrażmissjoni mhux awtorizzata ta’ avvenimenti diretti, sabiex ir-restrizzjonijiet fuq dawn il-postijiet tal-internet ikunu jistgħu jitneħħew.
Kooperazzjoni volontarja
(31)Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji jenħtieġ li jitħeġġu jikkunsidraw inizjattivi volontarji xierqa u proporzjonati biex jipprevjenu li s-servizzi tagħhom jintużaw ħażin għal ritrażmissjoni mhux awtorizzata ta’ avvenimenti live.
(32)Atturi oħra tas-suq bħas-servizzi ta’ reklamar u ta’ pagament jenħtieġ li jitħeġġu jiżguraw li s-servizzi tagħhom ma jiffaċilitawx il-promozzjoni u l-funzjonament ta’ operaturi li jagħtu aċċess għal ritrażmissjoni mhux awtorizzata ta’ avveniment dirett.
SENSIBILIZZAZZJONI U KOOPERAZZJONI VOLONTARJA BEJN L-AWTORITAJIET PUBBLIĊI
Offerti kummerċjali u sensibilizzazzjoni
(33)Id-detenturi tad-drittijiet fi trażmissjonijiet diretti ta’ avvenimenti sportivi u avvenimenti oħra jenħtieġ li jitħeġġu jżidu d-disponibbiltà, l-affordabbiltà, u l-attraenza tal-offerti kummerċjali tagħhom lill-utenti finali madwar l-Unjoni.
(34)L-Istati Membri huma mħeġġa jżidu l-kuxjenza tal-utenti dwar l-offerti legali ta’ sport dirett u ta’ avvenimenti oħra. L-Istati Membri huma mistiedna wkoll jinfurmaw lill-utenti li jippruvaw jaċċessaw servizzi li joffru ritrażmissjoni mhux awtorizzata ta’ avvenimenti sportivi diretti u ta’ avvenimenti diretti oħra, li kienu ġew imblukkati wara mandat ta’ inibizzjoni, dwar ir-raġunijiet għall-imblukkar u jipprovduhom b’informazzjoni dwar l-offerti legali disponibbli għall-osservazzjoni ta’ tali avvenimenti.
(35)L-Istati Membri huma mħeġġa jqajmu kuxjenza dwar il-kwistjonijiet koperti minn din ir-Rakkomandazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi u jibnu l-kapaċità biex jiffaċilitaw l-investigazzjoni u li jieħdu azzjoni xierqa kontra l-operaturi ta’ ritrażmissjoni mhux awtorizzata ta’ sport dirett u avvenimenti oħra diretti fuq skala kummerċjali, fosthom permezz ta’ parteċipazzjoni f’operazzjonijiet transfruntiera eżistenti tal-infurzar tal-liġi.
Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi
(36)L-Istati Membri huma mħeġġa jiskambjaw b’mod proattiv informazzjoni dwar l-aċċess għas-servizzi, li l-aċċess għalihom ġie mblukkat fit-territorju tagħhom abbażi ta’ mandat ta’ inibizzjoni mogħti minn awtorità nazzjonali.
(37)Il-Kummissjoni tistieden lill-Osservatorju tal-EUIPO biex jistabbilixxi network dedikat ta’ awtoritajiet amministrattivi biex regolarment jiskambjaw informazzjoni dwar il-miżuri applikati, l-isfidi u l-prattiki tajbin fl-indirizzar tal-kwistjonijiet koperti f’din ir-Rakkomandazzjoni. L-Istati Membri li ma għandhomx awtoritajiet amministrattivi speċjalizzati, inkluż dawk li żviluppaw inizjattivi rilevanti oħra fir-rigward tal-piraterija, huma mħeġġin jieħdu sehem f’dawn l-iskambji wkoll. B’mod partikolari, in-network jenħtieġ li jimmira li jivvaluta opportunitajiet għal aktar kooperazzjoni transfruntiera.
(38)L-Osservatorju tal-EUIPO huwa mħeġġeġ jagħmel disponibbli attivitajiet li jsaħħu l-għarfien għall-imħallfin u l-awtoritajiet nazzjonali dwar ir-regoli u l-prattiki eżistenti fir-rigward tal-infurzar tad-drittijiet kontra ritrażmissjonijiet mhux awtorizzati ta’ sport dirett u avvenimenti diretti oħra.
SEGWITU U MONITORAĠĠ
(39)Il-Kummissjoni tistieden lill-Osservatorju tal-EUIPO jappoġġaha fl-identifikazzjoni tal-indikaturi, b’kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, sabiex jiġu ssorveljati l-implimentazzjoni u l-effetti ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.
(40)L-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati huma mħeġġa jippreżentaw lill-Osservatorju tal-EUIPO u lill-Kummissjoni l-informazzjoni rilevanti kollha dwar tali miżuri u azzjonijiet. Barra minn hekk, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati huma mistiedna jissottomettu informazzjoni u data disponibbli dwar il-volum ta’ ritrażmissjonijiet mhux awtorizzati ta’ sport dirett u ta’ avvenimenti diretti oħra. Il-partijiet ikkonċernati huma mħeġġa wkoll jissottomettu data dwar id-disponibbiltà u l-iskopertibbiltà tal-offerti legali tal-kontenut kopert minn din ir-Rakkomandazzjoni.
(41)Fuq din il-bażi u sorsi rilevanti oħra, il-Kummissjoni tistieden lill-Osservatorju tal-EUIPO biex jappoġġaha fil-monitoraġġ tal-effetti ta’ din ir-Rakkomandazzjoni fuq il-piraterija online tal-isport u ta’ avvenimenti diretti oħra.
(42)Il-Kummissjoni se tivvaluta l-effetti ta’ din ir-Rakkomandazzjoni fuq ir-ritrażmissjonijiet mhux awtorizzati tal-isport dirett u avvenimenti diretti oħra, filwaqt li tqis kif xieraq is-sejbiet tal-Osservatorju tal-EUIPO, sa mhux aktar tard mis-17 ta’ Novembru 2025. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk humiex meħtieġa miżuri addizzjonali fil-livell tal-Unjoni, inkluż biex jiġi pprevenut it-tixrid illegali ta’ tipi oħra ta’ kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi teknoloġiċi, l-evoluzzjoni tal-kanali ta’ distribuzzjoni u x-xejriet tal-konsum, u kwalunkwe impatt li l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2065 seta’ kellha fuq ir-ritrażmissjonijiet mhux awtorizzati tal-isport dirett u ta’ avvenimenti diretti oħra.
Magħmul fi Brussell, 4.5.2023
Għall-Kummissjoni
Thierry BRETON
Membru tal-Kummissjoni