MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-ATT DELEGAT
Mill-1 ta’ Jannar 2022, il-melħ tal-baħar u mlieħ oħra għall-ikel u l-għalf huma inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi. Skont ir-Regolament (UE) 2018/848, l-imlieħ organiċi għandhom jiġu prodotti skont il-prinċipji u r-regoli ġenerali għall-produzzjoni organika. Il-melħ mhuwiex prodott agrikolu u jista’ jinkiseb b’metodi differenti. Huwa meħtieġ li jiġu spjegati fid-dettall il-metodi li jistgħu jintużaw għall-produzzjoni tal-melħ tal-baħar organiku u mlieħ organiċi oħra għall-ikel u l-għalf f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/848.
2.KONSULTAZZJONIJIET QABEL L-ADOZZJONI TAL-ATT
L-abbozz tal-att ġie diskuss bir-reqqa mal-Istati Membri fil-Grupp ta’ Esperti dwar il-Produzzjoni Organika kif ukoll mal-organizzazzjonijiet ewlenin li jirrappreżentaw is-settur organiku u l-produtturi tal-melħ, jiġifieri IFOAM, COPA-COGECA, Artisanal sea salt Europa, Salimar u EUSALT. Waqt l-abbozzar ta’ dawk ir-regoli, id-DĠ AGRI kkoopera mill-qrib ma’ Direttorati Ġenerali oħra fil-qasam tal-għarfien espert speċifiku tagħhom. Is-sħab tad-WTO ġew innotifikati. Wara t-tħassib espress minn bosta partijiet ikkonċernati permezz tal-mekkaniżmu ta’ feedback, li sar mis-7 ta’ Diċembru 2022 sal-4 ta’ Jannar 2023, il-Kummissjoni tipproponi li tipprovdi perjodu ta’ żmien raġonevoli għall-adattament għall-projbizzjoni tat-tekniki tal-evaporazzjoni u t-tnixxif tal-imlieħ bl-użu ta’ enerġija mhux rinnovabbli sabiex tippermetti tranżizzjoni bla xkiel għas-settur.
3.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-ATT DELEGAT
Dan l-att jistabbilixxi regoli dettaljati ta’ produzzjoni għall-melħ tal-baħar organiku u għal imlieħ organiċi oħra għall-ikel u l-għalf.
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...
ta’ 2.5.2023
li jemenda r-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli dettaljati tal-produzzjoni għall-melħ tal-baħar organiku u mlieħ organiċi oħra għall-ikel u l-għalf
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007, u b’mod partikolari l-Artikoli 21(1) u 30(7)(a) tiegħu,
Billi:
(1)Mill-1 ta’ Jannar 2022, il-melħ tal-baħar u mlieħ oħrajn għall-ikel u l-għalf huma inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli organiċi tal-Unjoni wara l-inklużjoni ta’ dawk il-prodotti fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2018/848. L-imlieħ organiċi li huma maħsuba biex jiġu prodotti, ippreparati, ittikkettati, distribwiti u mqiegħda fis-suq bħala ikel jew għalf, importati fl-Unjoni jew esportati minnha, iridu jinkisbu f’konformità mal-prinċipji u r-regoli ġenerali għall-produzzjoni organika stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/848.
(2)L-imlieħ jistgħu jinkisbu b’metodi differenti. B’mod partikolari, xi mlieħ, bħall-melħ tal-baħar u melħ mis-salmura naturali jew minn lagi mielħa, jiġu prodotti wara operazzjoni ta’ pproċessar, jiġifieri tnixxif; filwaqt li mlieħ oħrajn, bħall-imlieħ tal-blat, jiġu prodotti direttament mingħajr ipproċessar, pereżempju permezz ta’ tħaffir u qtugħ. Minħabba din il-varjetà ta’ metodi, huwa meħtieġ li jiġu pprovduti regoli ta’ produzzjoni dettaljati li jenħtieġ li jkun hemm konformità magħhom sabiex jinkiseb melħ tal-baħar organiku u mlieħ organiċi oħrajn għall-ikel u l-għalf. Sabiex jappoġġaw u jiffaċilitaw il-konformità mar-regoli tal-produzzjoni organika, l-operaturi jenħtieġ li jieħdu miżuri preventivi f’kull stadju tal-produzzjoni, tat-tħejjija u tad-distribuzzjoni f’konformità mal-Artikolu 28(1) tar-Regolament (UE) 2018/848.
(3)Meta unità ta’ produzzjoni ta’ azjenda tkun maħsuba biex tikseb melħ organiku għall-ikel u l-għalf, l-unità ta’ produzzjoni jenħtieġ li tkun soġġetta għal perjodu ta’ konverżjoni li matulu l-unità tiġi ġestita skont ir-regoli tal-produzzjoni organika, iżda ma tkunx tista’ tipproduċi prodotti organiċi. Jenħtieġ li l-prodotti jkunu jistgħu jitqiegħdu fis-suq bħala prodotti organiċi meta jkun għadda l-perijodu ta’ konverżjoni. Madankollu, f’konformità mal-Artikolu 10(3)(b), tar-Regolament (UE) 2018/848, il-perjodu preċedenti jista’ jiġi rikonoxxut bħala parti mill-perjodu ta’ konverżjoni jekk il-prodott jiġi prodott f’żona li, għal perjodu ta’ 6 xhur ma jkunx ġie ittrattat bi prodotti u sustanzi mhux awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni organika. Ir-rikonoxximent ta’ perjodi preċedenti japplika wkoll għall-produzzjoni tal-melħ organiku jekk iż-żona li fiha jiġi prodott il-melħ tissodisfa dawk il-kundizzjonijiet.
(4)Il-melħ huwa preżenti fin-natura f’forma solida jew maħlula fl-ilma; sabiex jiġi żgurat li l-melħ organiku jikkorrispondi man-natura vera tal-prodott, jenħtieġ li l-metodi tal-ipproċessar li jikkostitwixxu mill-ġdid il-forma solida preċedenti wara d-dissoluzzjoni artifiċjali bħar-rikristallizzazzjoni jiġu pprojbiti.
(5)Jenħtieġ li ċerti metodi ta’ produzzjoni u preparazzjoni użati għall-produzzjoni ta’ mlieħ organiċi jiġu pprojbiti sabiex jiġi protett l-ambjent, jiġi minimizzat l-użu ta’ enerġija mhux rinnovabbli, u biex wieħed ikompli jikkontribwixxi għal ambjent mhux tossiku.
(6)Dan ir-Regolament jipprojbixxi l-użu tal-enerġija minn sorsi mhux rinnovabbli għat-tekniki tal-evaporazzjoni u t-tnixxif fil-produzzjoni tal-melħ organiku. Madanakollu, sabiex l-operaturi li jkunu żviluppaw l-attività ekonomika tagħhom bl-użu ta’ enerġija minn sorsi mhux rinnovabbli fit-tekniki tal-evaporazzjoni u t-tnixxif fil-proċess tal-melħ organiku, jingħataw il-possibilità li jadattaw, dawk l-operaturi jenħtieġ li jitħallew jużaw l-enerġija minn sorsi mhux rinnovabbli għal dawk it-tekniki u l-proċessi għal perjodu ta’ sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
(7)Il-jodju u l-ingredjenti ta’ oriġini agrikola, bħal ħxejjex aromatiċi, jistgħu jiżdiedu mal-melħ. Jenħtieġ li l-melħ ipproċessat ikun ittikkettat bħala organiku biss jekk l-ingredjenti kollha miżjuda ta’ oriġini agrikola huma organiċi. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi dwar it-tikkettar għall-melħ organiku.
(8)Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2018/848 jiġi emendat skont dan,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (UE) 2018/848 huwa emendat kif ġej:
(1)fl-Artikolu 30, jiddaħħal il-paragrafu 6a li ġej:
“6a
Għall-melħ tal-baħar u mlieħ oħra għall-ikel u l-għalf, it-termini msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jintużaw fid-deskrizzjoni ta’ bejgħ u fil-lista ta’ ingredjenti, dment li:
(a)il-melħ jikkonforma mar-regoli dettaljati tal-produzzjoni stabbiliti fil-Parti VIII tal-Anness II u jirrappreżenta aktar minn 50 % tal-materja niexfa skont il-piż;
(b)l-ingredjenti kollha ta’ oriġini agrikola li jiżdiedu mal-melħ ikunu organiċi.”;
(2)L-Anness II huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Madankollu, il-punt 2.1.(e) tal-Parti VIII tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848 kif emendat bl-Artikolu 1, il-punt (2), ta’ dan ir-Regolament għandu japplika minn [sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament – għandha timtela mill-OP].
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 2.5.2023
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
ANNESS
Fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848 għandha tiżdied il-Parti VIII li ġejja:
Parti VIII: Melħ tal-baħar u mlieħ oħra għall-ikel u l-għalf
Minbarra r-regoli tal-produzzjoni stabbiliti fl-Artikoli 9 sa 11, ir-regoli stipulati f’din il-Parti għandhom japplikaw għall-produzzjoni organika tal-melħ tal-baħar u mlieħ oħra għall-ikel u l-għalf.
1.Rekwiżiti ġenerali
1.1.Il-melħ organiku għandu jinkiseb mill-baħar, mid-depożiti tal-melħ tal-blat, mis-salmura naturali jew mil-lagi mielħa. Ma għandux ikun prodott sintetiku ta’ reazzjonijiet kimiċi jew effluwent jew prodott sekondarju mill-industrija kimika, impjanti ta’ desalinizzazzjoni jew proċess ta’ flotazzjoni tal-putassa.
1.2.Il-produzzjoni u l-preparazzjoni għandhom jitwettqu f’postijiet li mhumiex soġġetti għall-kontaminazzjoni bi prodotti jew sustanzi li l-użu tagħhom mhux awtorizzat għall-użu fil-produzzjoni organika, jew bi sustanzi niġġiesa li jipperikolaw in-natura organika tal-prodotti.
1.3.L-operaturi għandhom jipprovdu valutazzjoni ambjentali lill-awtorità kompetenti jew, fejn xieraq, lill-awtorità ta’ kontroll jew lill-korp ta’ kontroll. Il-kontenut tal-valutazzjoni ambjentali għandu jkun ibbażat fuq l-Anness IV tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
1.4.Il-produzzjoni tal-melħ u t-tekniki ta’ preparazzjoni għandhom jipprevjenu jew jimminimizzaw il-kontaminazzjoni tal-ambjent u, fejn xieraq, jenħtieġ li jgħinu biex tiġi ppreservata l-bijodiversità u biex ir-riżorsi jintużaw b’mod sostenibbli.
1.5.L-operaturi li jipproduċu l-melħ għandhom jikkonformaw ma’ perjodu ta’ konverżjoni ta’ mill-inqas 6 xhur qabel jibdew jipproduċu l-melħ organiku. Matul dak il-perijodu ta’ konverżjoni, huma għandhom japplikaw ir-regoli dwar il-produzzjoni organika stabbiliti f’dan ir-Regolament.
1.6.Il-preparazzjoni tal-melħ għandha tkun konformi mal-prinċipji ta’ prattika tajba ta’ manifattura.
1.7.L-operaturi li jippreparaw il-melħ għandhom jistabbilixxu u jaġġornaw il-proċeduri addattati bbażati fuq identifikazzjoni sistematika ta’ stadji kritiċi tal-ipproċessar.
1.8.L-applikazzjoni tal-proċeduri msemmija fil-punt 1.7 għandha tiżgura li l-melħ jikkonforma ma’ dan ir-Regolament.
1.9.Meta jimplimentaw il-proċeduri msemmija fil-punt 1.7, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 28, l-operaturi b’mod partikolari għandhom:
(a)jieħdu miżuri ta’ prekawzjoni u jżommu rekords ta’ dawk il-miżuri;
(b)jimplimentaw miżuri addattati ta’ tindif, jagħmlu monitoraġġ tal-effikaċja tagħhom u jżommu rekords ta’ dawk l-operazzjonijiet;
(c)jiggarantixxu li ma jitqiegħedx melħ mhux organiku fis-suq b’indikazzjoni li tirreferi għall-produzzjoni organika.
1.10.Il-preparazzjoni ta’ melħ organiku, dak fil-fażi ta’ konverżjoni u dak mhux organiku għandha ssir separatament fiż-żmien jew fl-ispazju. Fejn melħ organiku, dak fil-fażi ta’ konverżjoni u dak mhux organiku, fi kwalunkwe kombinazzjoni, jkunu ppreparati jew maħżuna fl-istess unità ta’ preparazzjoni, l-operatur għandu:
(a)jinforma lill-awtorità kompetenti jew, fejn xieraq, lill-awtorità ta’ kontroll jew lill-korp ta’ kontroll;
(b)iwettaq l-operazzjonijiet b’mod kontinwu sakemm titlesta l-linja ta’ preparazzjoni, separatament fiż-żmien jew fl-ispazju, minn operazzjonijiet simili mwettqa fuq kull tip ieħor ta’ melħ (organiku, dak fil-fażi ta’ konverżjoni jew dak mhux organiku);
(c)jaħżen il-melħ organiku, dak fil-fażi ta’ konverżjoni u dak mhux organiku, qabel u wara l-operazzjonijiet, separati minn xulxin fiż-żmien jew fl-ispazju;
(d)iżomm reġistru aġġornat tal-operazzjonijiet u tal-kwantitajiet ippreparati jew proċessati kollha;
(e)iwettaq il-miżuri meħtieġa biex jiżgura l-identifikazzjoni tal-lottijiet u biex jevita t-taħlit jew skambji bejn melħ organiku, dak fil-fażi ta’ konverżjoni u dak mhux organiku;
(f)iwettaq operazzjonijiet fuq melħ organiku jew fil-fażi ta’ konverżjoni biss wara tindif addattat tat-tagħmir.
1.11.Ma għandhomx jintużaw prodotti, sustanzi u tekniki li jirrikostitwixxu l-proprjetajiet li jintilfu fl-ipproċessar u fil-ħżin tal-melħ organiku, li jikkoreġu r-riżultati ta’ negliġenza fil-preparazzjoni jew fl-ipproċessar tal-melħ organiku, jew li b’xi mod jistgħu jqarrqu dwar in-natura vera tal-melħ li huwa maħsub biex jiġi kkummerċjalizzat bħala organiku.
2.Rekwiżiti speċifiċi għall-produzzjoni u l-preparazzjoni tal-melħ
2.1.Hu pprojbit li jintużaw il-prattiki, il-proċessi, it-trattamenti u t-tekniki li ġejjin:
(a)l-estrazzjoni tal-melħ tal-blat bl-użu ta’ splussivi;
(b)l-estrazzjoni tas-soluzzjoni jew dissoluzzjoni artifiċjali tal-melħ tal-blat fuq il-wiċċ;
(c)it-titjib tal-melħ permezz tal-flotazzjoni, is-separazzjoni elettrostatika, is-separazzjoni termoadeżiva jew is-separazzjoni tal-materja tqila;
(d)il-metodi ta’ pproċessar li jirrikostitwixxu l-forma solida preċedenti wara dissoluzzjoni artifiċjali bħar-rikristallizzazzjoni;
(e)it-tekniki tal-evaporazzjoni u t-tnixxif tal-melħ bl-użu ta’ enerġija minn sorsi mhux rinnovabbli;
(f)l-użu ta’ folji tal-plastik bħala s-saff ta’ kuntatt tal-qiegħ tal-għadira tal-evaporazzjoni u tal-kristallizzazzjoni;
(g)it-tekniki għall-preparazzjoni tal-melħ għall-ikel li huma pprojbiti skont l-atti ta’ implimentazzjoni adottati f’konformità mal-Artikolu 16(3);
(h)it-tekniki għal-preparazzjoni tal-melħ għall-għalf li huma pprojbiti skont l-atti ta’ implimentazzjoni adottati f’konformità mal-Artikolu 17(3).
2.2.Il-kondizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw għall-kompożizzjoni ta’ prodotti fejn il-melħ organiku huwa l-ingredjent ewlieni:
(a)il-melħ jikkonforma mar-regoli stabbiliti f’dan l-Anness u jirrappreżenta aktar minn 50 % tal-materja niexfa skont il-piż;
(b)l-ingredjenti kollha ta’ oriġini agrikola li huma miżjuda fil-melħ huma organiċi;
(c)ma għandux ikun preżenti l-melħ mhux organiku flimkien ma’ melħ organiku;
(d)ma għandux ikun preżenti l-melħ fil-fażi ta’ konverżjoni flimkien mal-melħ organiku jew mhux organiku.
2.3.L-użu ta’ ċerti prodotti u sustanzi fil-preparazzjoni tal-melħ organiku
2.3.1.Ma għandhomx jintużaw addittivi u aġenti tal-ipproċessar.
2.3.2.Ma għandhomx jiżdiedu minerali fil-melħ għall-ikel, ħlief il-jodju.
2.3.3.Il-materjali tal-għalf li jintużaw fil-melħ għall-għalf ma għandhomx ikunu ġew ipproċessati bl-għajnuna ta’ solventi sintetizzati kimikament.
2.3.4.Għal dak l-għan għandhom jintużaw biss il-prodotti awtorizzati skont l-Artikolu 24 għat-tindif u d-diżinfezzjoni fil-faċilitajiet tal-ipproċessar u tal-ħżin. L-operaturi għandhom iżommu rekords tal-użu ta’ dawk il-prodotti, inklużi d-data jew id-dati li fihom intuża kull prodott, l-isem tal-prodott, is-sustanzi attivi tiegħu, u l-post fejn intuża.
2.4.L-operaturi għandhom iżommu rekords ta’ kull input li jkun intuża fil-produzzjoni tal-melħ. Fil-każ tal-produzzjoni tal-melħ kompost għall-ikel jew għall-għalf, ir-riċetti jew il-formuli kompluti li juru l-kwantitajiet tal-input u tal-output għandhom jinżammu disponibbli għall-awtorità kompetenti jew, fejn xieraq, għall-awtorità ta’ kontroll jew għall-korp ta’ kontroll.”