MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-ATT DELEGAT

L-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2019/1021 (“ir-Regolament dwar il-POPs”) jistabbilixxi li l-objettiv ta’ dak ir-Regolament huwa li jipproteġi s-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent mill-Pollutanti Organiċi Persistenti (“POPs”) permezz tal-projbizzjoni, l-eliminazzjoni gradwali mill-aktar fis possibbli, jew ir-restrizzjoni tal-manifattura, it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ sustanzi soġġetti għall-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar il-Pollutanti Organiċi Persistenti.

L-eżaklorobenżen (HCB) huwa elenkat fl-Anness I tar-Regolament dwar il-POPs mingħajr valur ta’ limitu ta’ Kontaminant fi Traċċi Mhux Intenzjonat (UTC). Fl-UE, il-HCB kien jintuża prinċipalment bħala pestiċida. Meta fl-2004 kien elenkat fir-Regolament dwar il-POPs, tqies li ma kien meħtieġ l-ebda valur ta’ limitu peress li ma kienx mistenni li l-HCB jinstab f’sustanzi, f’taħlitiet jew f’oġġetti. Dan l-aħħar saret domanda lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) dwar valur ta’ limitu għall-preżenza tal-HCB bħala impurità fis-sustanzi. Il-HCB huwa magħruf ukoll li jiġi ffurmat bħala prodott sekondarju matul il-manifattura ta’ sustanzi kimiċi (prinċipalment solventi klorurati) u pestiċidi oħra, u fil-flussi ta’ skart ta’ impjanti tal-kloralkali u fil-proċessi ta’ preservazzjoni tal-injam. Barra minn hekk, mid-dossiers ta’ reġistrazzjoni tar-REACH huwa magħruf li l-użu prinċipali tas-sustanzi li fihom il-HCB bħala kostitwent jew impurità huma relatati mal-użu fil-linka, fil-kisi, fiż-żebgħa u fit-toners, mal-użu fl-applikazzjoni tal-injam, fl-applikazzjoni tat-tessuti u fil-plastik.

In-nuqqas ta’ valur ta’ limitu speċifikat tal-UTC jirriżulta f’inċertezza legali peress li l-partijiet ikkonċernati ma jafux jekk valur ta’ limitu japplikax jew liema valur għandu japplika. In-nuqqas ta’ valur ta’ limitu armonizzat jiġi interpretat daqslikieku japplika l-limitu ta’ detezzjoni, li jista’ jitqies bħala restrizzjoni sproporzjonata peress li jipprevjeni t-tqegħid fis-suq ta’ kwalunkwe sustanza, taħlita jew oġġett li jkun fih il-HCB. L-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament dwar il-POPs jistabbilixxi li l-projbizzjoni tal-manifattura, it-tqegħid fis-suq u l-użu tas-sustanzi elenkati fl-Anness I, sew jekk waħedhom, sew jekk f’taħlitiet jew f’oġġetti, ma tapplikax f’każ ta’ sustanza preżenti bħala kontaminant fi traċċi mhux intenzjonat, kif speċifikat fl-entrati rilevanti tal-Anness I, f’sustanzi, f’taħlitiet jew f’oġġetti. Għalhekk, il-preżenza tal-HCB bħala UTC f’sustanzi, f’taħlitiet jew f’oġġetti jenħtieġ li tiġi speċifikata fl-Anness I.

Fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli bħalissa, l-istabbiliment ta’ valur ta’ limitu għall-preżenza tal-HCB bħala UTC f’sustanzi, f’taħlitiet jew f’oġġetti, jitqies xieraq. Dan il-UTC jikkjarifika s-sitwazzjoni legali u jiffaċilita l-infurzar armonizzat fl-Unjoni kollha.

Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, dak il-valur ta’ limitu jenħtieġ li jiġi stabbilit għal 10 mg/kg (0,001 % skont il-piż) għall-preżenza tal-HCB bħala UTC f’sustanzi, f’taħlitiet u f’oġġetti.

2.KONSULTAZZJONIJIET QABEL L-ADOZZJONI TAL-ATT

Il-grupp ta’ esperti tal-POPs ġie kkonsultat dwar l-abbozz tal-att delegat f’żewġ laqgħat (il-“laqgħa POP CA”) fit-8 ta’ Ġunju u fit-23 ta’ Novembru 2021 u tqiesu l-kummenti li saru. Il-grupp huwa magħmul mill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha - rappreżentanti tal-Istati Membri, tal-ECHA, tal-industrija tas-sustanzi kimiċi u tas-soċjetà ċivili.

Bejn it-8 ta’ Novembru u s-6 ta’ Diċembru 2021 saret konsultazzjoni pubblika dwar l-abbozz tal-att delegat. Waslu tliet kummenti mingħand il-partijiet ikkonċernati. Il-kummenti marru f’direzzjonijiet opposti, jiġifieri żewġ partijiet ikkonċernati talbu valur ta’ limitu UTC aktar għoli, filwaqt li wieħed talab valur ta’ limitu UTC aktar baxx. Filwaqt li qieset l-informazzjoni kollha disponibbli, inkluża dik li waslet permezz tad-diversi konsultazzjonijiet, u wara aktar diskussjonijiet mal-grupp ta’ esperti tal-POPs fit-2 ta’ Ġunju 2022, il-Kummissjoni kkonkludiet li tipproċedi bil-valur ta’ limitu propost oriġinarjament.

3.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-ATT DELEGAT

L-att delegat jemenda l-entrata għall-eżaklorobenżen fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1021 sabiex jadattaha għall-progress xjentifiku u tekniku. Il-bażi ġuridika tal-att delegat propost hija l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2019/1021.

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...

ta’ 8.9.2022

li jemenda l-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-pollutanti organiċi persistenti fir-rigward tal-eżaklorobenżen

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-pollutanti organiċi persistenti 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tiegħu,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) 2019/1021 jimplimenta l-impenji tal-Unjoni skont il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Pollutanti Organiċi Persistenti 2 u skont il-Protokoll dwar il-Pollutanti Organiċi Persistenti għall-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja fuq Distanza Twila 3 .

(2)Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2019/1021, il-manifattura, it-tqegħid fis-suq u l-użu tas-sustanzi elenkati fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament, sew jekk waħedhom, sew jekk f’taħlitiet jew f’oġġetti, għandhom ikunu pprojbiti, soġġett għall-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament.

(3)L-eżaklorobenżen huwa elenkat fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1021 mingħajr valur ta’ limitu ta’ Kontaminant fi Traċċi Mhux Intenzjonat (UTC).

(4)L-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2019/1021 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati biex timmodifika entrati eżistenti fl-Anness I sabiex tadattahom għall-progress xjentifiku u tekniku.

(5)Il-Kummissjoni ddeterminat il-preżenza tal-eżaklorobenżen bħala impurità f’xi sustanzi, taħlitiet u oġġetti, inklużi pestiċidi, solventi klorurati, linka, kisi, żebgħa u toners, fl-applikazzjoni tal-injam, fl-applikazzjoni tat-tessuti u fil-plastik.

(6)Sabiex tiġi ċċarata s-sitwazzjoni legali u jiġi ffaċilitat l-infurzar fir-rigward tal-użu ta’ sustanzi, taħlitiet jew oġġetti li fihom l-eżaklorobenżen bħala kontaminant fi traċċi mhux intenzjonat, jenħtieġ li jiġi stabbilit limitu UTC ta’ 10 mg/kg (0,001 % skont il-piż) għall-eżaklorobenżen.

(7)Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/1021 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1021 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 8.9.2022

    Għall-Kummissjoni

   Il-President
   Ursula VON DER LEYEN

(1)    ĠU L 169, 25.6.2019, p. 45.
(2)    ĠU L 209, 31.7.2006, p. 3.
(3)    ĠU L 81, 19.3.2004, p. 37.

ANNESS

Fil-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1021, fir-raba’ kolonna (“Eżenzjoni speċifika fuq użu intermedju jew speċifikazzjoni oħra”) tal-entrata għall-eżaklorobenżen, jiżdied it-test li ġej:

“Għall-finijiet ta’ din l-entrata, il-punt (b) tal-Artikolu 4(1) għandu japplika għall-konċentrazzjonijiet tal-eżaklorobenżen ekwivalenti għal 10 mg/kg (0,001 % skont il-piż) jew inqas fejn ikun preżenti f’sustanzi, f’taħlitiet jew f’oġġetti.”.