ANNESS
ABBOZZ
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
Linji Gwida dwar restrizzjonijiet vertikali
Werrej
1.Introduzzjoni
1.1.L-iskop u l-istruttura ta’ dawn il-Linji Gwida
1.2.L-applikabbiltà tal-Artikolu 101 tat-Trattat għall-akkordji vertikali
2.L-effetti ta’ akkordji vertikali
2.1.Effetti pożittivi
2.2.Effetti negattivi
3.Akkordji vertikali li ġeneralment jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat
3.1.Ebda effett fuq il-kummerċ, akkordji ta’ importanza minuri u intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju
3.2.Akkordji ta’ aġenzija
3.2.1.Akkordji ta’ aġenzija li jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat
3.2.2.L-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) għal akkordji ta’ aġenzija
3.2.3.L-aġenzija u l-ekonomija tal-pjattaformi online
3.3.Akkordji ta’ sottokuntratti
4.Kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) X
4.1.Sfera ta’ sikurezza stabbilita mir-Regolament (UE) X
4.2.Definizzjoni ta’ akkordju vertikali
4.2.1.Il-kondotta unilaterali taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) X
4.2.2.L-impriżi joperaw f’livelli differenti tal-katina tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni
4.2.3.L-akkordji huma relatati max-xiri, mal-bejgħ jew mal-bejgħ mill-ġdid ta’ oġġetti jew servizzi
4.3.Akkordji vertikali fl-ekonomija tal-pjattaformi online
4.4.Limiti għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) X
4.4.1.Assoċjazzjonijiet ta’ bejjiegħa bl-imnut
4.4.2.Akkordji vertikali li fihom dispożizzjonijiet dwar drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (DPI)
4.4.3.Akkordji vertikali bejn il-kompetituri
4.4.4.Akkordji vertikali ma’ fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online li għandhom funzjoni ibrida
4.5.Ir-relazzjoni ma’ regolamenti oħrajn ta’ eżenzjoni ta’ kategorija
4.6.Tipi speċifiċi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni
4.6.1.Sistemi ta’ distribuzzjoni esklużiva
4.6.2.Sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva
4.6.3.Franchising
5.Definizzjoni tas-suq u kalkolu tas-sehem mis-suq
5.1.Avviż dwar id-Definizzjoni tas-Suq
5.2.Il-kalkolu tal-ishma mis-suq skont ir-Regolament (UE) X
5.3.Kalkolu tal-ishma mis-suq skont ir-Regolament (UE) X
6.L-applikazzjoni tar-Regolament (UE) X
6.1.Ir-restrizzjonijiet fundamentali skont ir-Regolament (UE) X
6.1.1.Żamma tal-prezz għall-bejgħ mill-ġdid
6.1.2.Restrizzjonijiet fundamentali skont l-Artikolu 4(b), (c), (d) u (e) tar-Regolament (UE) X
6.1.3.Restrizzjonijiet tal-bejgħ ta’ spare parts
6.2.Restrizzjonijiet li huma esklużi mir-Regolament (UE) X
6.2.1.Obbligi li ma ssirx kompetizzjoni li jaqbżu perjodu ta’ ħames snin
6.2.2.Obbligi li ma ssirx kompetizzjoni wara l-iskadenza tal-akkordju
6.2.3.Obbligi li ma ssirx kompetizzjoni imposti fuq membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva
6.2.4.Obbligi ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut bejn pjattaforma u oħra
7.L-Irtirar u s-Sospensjoni tal-Applikazzjoni
7.1.L-irtirar tal-benefiċċju tar-Regolament (UE) X
7.2.Diżapplikazzjoni tar-Regolament (UE) X
8.Politika ta’ infurzar f’każijiet individwali
8.1.Il-qafas tal-analiżi
8.1.1.Fatturi rilevanti għall-valutazzjoni skont l-Artikolu 101(1) tat-Trattat
8.1.2.Fatturi rilevanti għall-valutazzjoni skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat
8.2.Analiżi ta’ restrizzjonijiet vertikali speċifiċi
8.2.1.Marka unika tad-ditta
8.2.2.Provvista esklużiva
8.2.3.Restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ swieq online
8.2.4.Restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet
8.2.5.Obbligi ta’ parità
8.2.6.Ħlasijiet bil-quddiem għall-aċċess
8.2.7.Akkordji ta’ ġestjoni ta’ kategorija
8.2.8.Irbit
1.Introduzzjoni
1.1.L-iskop u l-istruttura ta’ dawn il-Linji Gwida
(1)Dawn il-Linji Gwida jistabbilixxu prinċipji għall-valutazzjoni ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) X. Sakemm ma jiġix iddikjarat mod ieħor, f’dawn il-Linji Gwida t-terminu “akkordjum” ikopri wkoll prattiċi miftiehma.
(2)Bil-ħruġ ta’ dawn il-Linji Gwida, il-Kummissjoni għandha l-għan li tgħin lill-impriżi jwettqu l-valutazzjoni tagħhom stess ta’ akkordji vertikali skont ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u li tiffaċilita l-infurzar tal-Artikolu 101 tat-Trattat. Madankollu, jenħtieġ li dawn il-Linji Gwida ma jiġux applikati b’mod mekkaniku, billi kull akkordju jrid jiġi evalwat fid-dawl tal-fatti tiegħu stess. Dawn il-Linji Gwida huma wkoll mingħajr preġudizzju għall-każistika tal-Qorti Ġenerali u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea”).
(3)Jistgħu jiġu konklużi akkordji vertikali għal oġġetti u servizzi intermedji jew finali. Sakemm ma jiġix iddikjarat mod ieħor, dawn il-Linji Gwida japplikaw għat-tipi kollha ta’ oġġetti u servizzi, u għal-livelli kollha tal-kummerċ. Barra minn hekk, sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor, it-terminu “utent finali” jinkludi impriżi u konsumaturi finali, jiġifieri persuni fiżiċi li jaġixxu għal skopijiet li huma barra mill-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tagħhom.
(4)Dawn il-Linji Gwida huma strutturati kif ġej:
·din l-ewwel taqsima introduttorja tispjega għaliex il-Kummissjoni tipprovdi gwida dwar akkordji vertikali u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik il-gwida. Tispjega wkoll l-għanijiet ta’ l-Artikolu 101 tat-Trattat, kif l-Artikolu 101 tat-Trattat japplika għal akkordju vertikali, u l-passi ewlenin fl-istima ta’ akkordju vertikali skont l-Artikolu 101 tat-Trattat;
·it-tieni taqsima tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-effetti pożittivi u negattivi maħluqa minn akkordji vertikali. Ir-Regolament (UE) X, dawn il-Linji Gwida, u l-politika ta’ infurzar tal-Kummissjoni f’każijiet individwali huma bbażati fuq il-kunsiderazzjoni ta’ dawn l-effetti;
·it-tielet taqsima tittratta akkordji vertikali li ġeneralment jaqgħu barra mill-Artikolu 101(1). Filwaqt li r-Regolament (UE) X ma japplikax għal dawn l-akkordji, huwa meħtieġ li tiġi pprovduta gwida dwar il-kundizzjonijiet li taħthom l-akkordji vertikali jistgħu jaqgħu barra mill-Artikolu 101(1).
·ir-raba’ taqsima tipprovdi aktar gwida dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) X, inklużi spjegazzjonijiet dwar l-eżenzjoni stabbilita mir-Regolament u d-definizzjoni ta’ akkordju vertikali. Din it-taqsima fiha wkoll gwida dwar akkordji vertikali fl-ekonomija tal-pjattaformi online, li għandha rwol dejjem aktar importanti fid-distribuzzjoni ta’ oġġetti u servizzi. Din it-taqsima tispjega wkoll il-limiti tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) X, kif stabbilit fl-Artikolu 2(2), (3) u (4) tar-Regolament. Dan jinkludi l-limiti speċifiċi li japplikaw għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn fornitur u xerrej f’xenarji ta’ distribuzzjoni doppja, skont l-Artikolu 2(5) tar-Regolament, u dawk li japplikaw għal akkordji relatati mal-forniment ta’ servizzi tal-intermedjazzjoni online meta l-fornitur ta’ dawk is-servizzi jkollu funzjoni ibrida, skont l-Artikolu 2(6) tar-Regolament. Ir-raba’ taqsima tispjega wkoll kif ir-Regolament (UE) X japplika f’każijiet meta akkordju vertikali jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ regolament ieħor ta’ eżenzjoni ta’ kategorija, kif stabbilit fl-Artikolu 2(7) tar-Regolament. Fl-aħħar nett, din it-taqsima fiha deskrizzjoni ta’ ċerti tipi komuni ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni, b’mod partikolari dawk li huma s-suġġett ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi fl-Artikolu 4 tar-Regolament dwar restrizzjonijiet fundamentali;
·il-ħames taqsima tittratta d-definizzjoni tas-swieq rilevanti u l-kalkolu tal-ishma tas-suq tal-impriżi, b’referenza għall-Avviż dwar id-Definizzjoni tas-Suq. Dan huwa rilevanti minħabba li l-akkordji vertikali jistgħu jibbenefikaw biss mill-eżenzjoni ta’ kategorija prevista mir-Regolament (UE) X meta l-ishma mis-suq tal-impriżi li huma parti għall-akkordju ma jaqbżux il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) X;
·is-sitt taqsima tkopri r-restrizzjonijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) X u r-restrizzjonijiet esklużi stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-Regolament, inklużi spjegazzjonijiet dwar għaliex il-kwalifika bħala restrizzjoni “fundamentali” jew “eskluża” hija rilevanti;
·is-seba’ taqsima fiha gwida dwar is-setgħat tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri (national competition authoritites, “NCAs”) li jirtiraw il-benefiċċju tar-Regolament (UE) X f’każijiet individwali, skont l-Artikolu 29 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat u l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) X, kif ukoll gwida dwar is-setgħa tal-Kummissjoni li tadotta regolamenti li jiddikjaraw li r-Regolament (UE) X ma japplikax, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) X;
·it-tmien taqsima tiddeskrivi l-politika ta’ infurzar tal-Kummissjoni f’każijiet individwali. Għal dan il-għan, hija tispjega kif l-akkordji vertikali li mhumiex koperti mir-Regolament (UE) X jiġu vvalutati skont l-Artikolu 101(1) u (3) tat-Trattat, u tipprovdi gwida dwar diversi tipi komuni ta’ restrizzjonijiet vertikali.
1.2.L-applikabbiltà tal-Artikolu 101 tat-Trattat għall-akkordji vertikali
(5)L-objettiv tal-Artikolu 101 tat-Trattat huwa li jiżgura li l-impriżi ma jużawx akkordji, orizzontali jew vertikali, biex jipprevjenu, jirrestrinġu jew joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq għad-detriment aħħari tal-konsumaturi. L-Artikolu 101 tat-Trattat isegwi wkoll l-objettiv usa’ li jinkiseb suq intern integrat, li jsaħħaħ il-kompetizzjoni fl-Unjoni. L-impriżi ma jistgħux jużaw akkordji vertikali biex jistabbilixxu mill-ġdid ostakli privati bejn l-Istati Membri fejn l-ostakli tal-Istat ġew aboliti b’suċċess.
(6)L-Artikolu 101 tat-Trattat japplika għall-akkordji u r-restrizzjonijiet vertikali fl-akkordji vertikali li jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jipprevjenu, jirrestrinġu jew joħolqu distorsjon tal-kompetizzjoni. Huwa jipprovdi qafas legali għall-valutazzjoni tar-restrizzjonijiet vertikali, li jqis id-distinzjoni bejn l-effetti anti-kompetittivi u pro-kompetittivi. L-Artikolu 101(1) tat-Trattat jipprojbixxi akkordji li jirrestrinġu jew jgħawġu l-kompetizzjoni b’mod sostanzjali. Madankollu, din il-projbizzjoni ma tapplikax għal akkordji li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat, b’mod partikolari meta l-akkordju jipprovdi biżżejjed benefiċċji biex jegħleb l-effetti antikompetittivi tiegħu, kif indikat fil-Linji Gwida tal-Artikolu 101(3).
(7)Filwaqt li ma hemm l-ebda sekwenza obbligatorja għall-valutazzjoni tal-akkordji vertikali, din ġeneralment tinvolvi l-passi li ġejjin:
·l-ewwel nett, jeħtieġ li l-impriżi involuti jistabbilixxu l-ishma mis-suq tal-fornitur u tax-xerrej fis-suq fejn huma jbigħu u jixtru, rispettivament, l-oġġetti jew is-servizzi tal-kuntratt.
·meta la s-sehem mis-suq tal-fornitur u lanqas dak tax-xerrej ma jaqbeż il-limitu tas-sehem mis-suq ta’ 30 % stabbilit fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) X, l-akkordju vertikali jkun kopert mill-eżenzjoni stabbilita mir-Regolament, sakemm l-akkordju ma jkunx fih restrizzjonijiet fundamentali fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament jew kwalunkwe restrizzjoni eskluża fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament li ma tistax tinqata’ mill-bqija tal-akkordju;
·meta s-sehem mis-suq rilevanti tal-fornitur jew tax-xerrej jaqbeż il-limitu ta’ 30 % jew l-akkordju jkun fih restrizzjoni fundamentali waħda jew aktar jew restrizzjonijiet esklużi mhux separabbli, huwa meħtieġ li jiġi vvalutat jekk l-akkordju vertikali jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat;
·meta l-akkordju vertikali jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 101(3) tat-Trattat.
(8)L-iżvilupp sostenibbli huwa prinċipju ewlieni tat-Trattat u objettiv prijoritarju għall-politiki tal-Unjoni, flimkien mad-diġitalizzazzjoni u Suq Uniku reżiljenti. Il-kunċett ta’ sostenibbiltà jinkludi, iżda mhuwiex limitat għal, l-indirizzar tat-tibdil fil-klima (pereżempju, permezz tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra), il-limitazzjoni tal-użu tar-riżorsi naturali, it-tnaqqis tal-iskart u l-promozzjoni tal-benessri tal-annimali. Is-sostenibbiltà, ir-reżiljenza u l-objettivi diġitali tal-Unjoni jitmexxew ’il quddiem permezz ta’ akkordji effiċjenti ta’ provvista u distribuzzjoni bejn l-impriżi. L-akkordji vertikali li jsegwu objettivi ta’ sostenibbiltà jew li jikkontribwixxu għal Suq Uniku diġitali u reżiljenti mhumiex kategorija distinta ta’ akkordji vertikali skont il-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Dawn l-akkordji jridu għalhekk jiġu vvalutati bl-użu tal-prinċipji stabbiliti f’dawn il-Linji Gwida, filwaqt li jitqies l-objettiv speċifiku li jsegwu. Għaldaqstant, l-eżenzjoni pprovduta mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) X tapplika għal akkordji vertikali li jsegwu s-sostenibbiltà, ir-reżiljenza u l-objettivi diġitali, dment li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tar-Regolament. Dawn il-Linji Gwida jinkludu eżempji li juru l-valutazzjoni ta’ akkordji vertikali li jsegwu objettivi ta’ sostenibbiltà.
(9)Meta akkordju vertikali jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat u r-Regolament (UE) X ma japplikax, l-akkordju jista’ xorta waħda jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-eċċezzjoni tal-Artikolu 101(3). Dan japplika wkoll għal akkordji vertikali li jsegwu objettivi ta’ sostenibbiltà jew li jikkontribwixxu għal Suq Uniku diġitali u reżiljenti. Filwaqt li t-Taqsima 8 tinkludi gwida dwar il-valutazzjoni ta’ tali akkordji vertikali f’każijiet individwali, linji gwida oħra tal-Kummissjoni jistgħu jkunu rilevanti wkoll. Dan jinkludi l-Linji Gwida tal-Artikolu 101(3), il-Linji Gwida Orizzontali u kwalunkwe gwida li tista’ tiġi pprovduta f’verżjonijiet futuri ta’ dawn il-Linji Gwida. Dawn il-Linji Gwida jistgħu, b’mod partikolari, jipprovdu gwida dwar iċ-ċirkostanzi li taħthom il-benefiċċji tas-sostenibbiltà, diġitali jew tar-reżiljenza jistgħu jitqiesu bħala effiċjenzi kwalitattivi jew kwantitattivi skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat.
2.L-effetti ta’ akkordji vertikali
(10)Għall-fini li jkunu valutati l-akkordji vertikali skont l-Artikolu 101 tat-Trattat u jkun applikat ir-Regolament (UE) X, huwa meħtieġ li jitqiesu l-parametri rilevanti kollha tal-kompetizzjoni, bħall-prezzijiet, l-output f’termini ta’ kwantitajiet tal-prodott, il-kwalità u l-varjetà tal-prodott, u l-innovazzjoni. Il-valutazzjoni trid tqis ukoll li l-akkordji vertikali bejn l-impriżi li joperaw f’livelli differenti tal-katina tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni huma ġeneralment inqas ta’ ħsara mill-akkordji orizzontali bejn il-kompetituri li jfornu oġġetti jew servizzi sostitwibbli. Fil-prinċipju, dan huwa dovut għan-natura komplementari tal-attivitajiet tal-partijiet għal akkordju vertikali, li normalment jimplika li l-azzjonijiet favur il-kompetizzjoni minn waħda mill-impriżi jkunu ta’ benefiċċju għall-parti l-oħra għall-akkordju u, fl-aħħar mill-aħħar, għall-konsumaturi. B’kuntrast mal-akkordji orizzontali, għalhekk, il-partijiet għal akkordju vertikali għandhom it-tendenza li jkollhom inċentiv biex jaqblu fuq prezzijiet aktar baxxi u livelli ogħla ta’ servizz, li huwa wkoll ta’ benefiċċju għall-konsumaturi. Bl-istess mod, parti għal akkordju vertikali normalment ikollha inċentiv biex topponi azzjonijiet mill-parti l-oħra li jistgħu jagħmlu ħsara lill-konsumaturi, billi tali azzjonijiet tipikament inaqqsu wkoll id-domanda għall-oġġetti jew is-servizzi fornuti mill-ewwel parti. Barra minn hekk, in-natura komplementari tal-attivitajiet tal-partijiet għal akkordju vertikali fit-tqegħid ta’ oġġetti jew servizzi fis-suq timplika wkoll li r-restrizzjonijiet vertikali jistgħu jipprovdu kamp ta’ applikazzjoni akbar għal effiċjenzi, pereżempju, billi jottimizzaw il-proċessi u s-servizzi tal-manifattura u tad-distribuzzjoni. Eżempji ta’ effetti pożittivi bħal dawn huma stabbiliti fit-Taqsima 2.1.
(11)Madankollu, l-impriżi b’saħħa fis-suq jistgħu jipprovaw jistgħu, f’ċerti każijiet, jużaw restrizzjonijiet vertikali biex isegwu skopijiet antikompetittivi li, fl-aħħar mill-aħħar, jagħmlu ħsara lill-konsumaturi. Kif spjegat aktar fit-Taqsima 2.2., restrizzjonijiet vertikali jistgħu b’mod partikolari jwasslu għal esklużjoni, trattib tal-kompetizzjoni jew kollużjoni. Is-saħħa fis-suq hija l-kapaċità li l-prezzijiet jinżammu ’l fuq mil-livelli kompetittivi jew li l-produzzjoni f’termini tal-kwantitajiet tal-prodott, il-kwalità u l-varjetà tal-prodott jew l-innovazzjoni tinżamm taħt il-livelli kompetittivi għal perjodu ta’ żmien mhux insinifikanti. Il-grad ta’ saħħa fis-suq meħtieġ biex tiġi stabbilita restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat huwa inqas mill-grad ta’ saħħa fis-suq meħtieġ għal sejba ta’ dominanza skont l-Artikolu 102 tat-Trattat.
2.1.Effetti pożittivi
(12)L-akkordji vertikali jista’ jkollhom effetti pożittivi, pereżempju, prezzijiet aktar baxxi, il-promozzjoni ta’ kompetizzjoni mhux ibbażata fuq il-prezzijiet jew il-kwalità mtejba tas-servizzi. In-negozjati distakkati bejn fornitur u xerrej, li jiddeterminaw biss il-prezz u l-kwantità ta’ tranżazzjoni, spiss jistgħu jwasslu għal livell subottimali ta’ investimenti u bejgħ, minħabba li ma jqisux l-esternalitajiet li jinħolqu min-natura komplementari tal-attivitajiet tal-fornitur u tad-distributuri tiegħu. Dawn l-esternalitajiet jaqgħu f’żewġ kategoriji: esternalitajiet vertikali u esternalitajiet orizzontali.
(13)L-esternalitajiet vertikali jinħolqu minħabba li d-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet meħuda f’livelli differenti tal-katina tal-provvista u tad-distribuzzjoni jiddeterminaw aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti jew ta’ servizzi, bħall-prezz, il-kwalità, is-servizzi relatati u l-kummerċjalizzazzjoni, li jaffettwaw mhux biss lill-impriża li tieħu d-deċiżjonijiet, iżda wkoll lil impriżi oħrajn f’livelli oħrajn tal-katina tal-provvista u tad-distribuzzjoni. Pereżempju, distributur jista’ ma jiksibx il-benefiċċji kollha tal-isforzi tiegħu biex iżid il-bejgħ, minħabba li wħud minn dawn il-benefiċċji jistgħu jmorru għand il-fornitur. Dan għaliex għal kull unità żejda li distributur ibigħ billi jbaxxi l-prezz tiegħu għall-bejgħ mill-ġdid jew billi jżid l-isforzi tal-bejgħ tiegħu, il-fornitur jibbenefika jekk il-prezz bl-ingrossa tiegħu jeċċedi l-ispejjeż marġinali tal-produzzjoni tiegħu. Dan jirrappreżenta esternalità pożittiva mogħtija lill-fornitur mill-azzjonijiet tad-distributur li jtejbu l-bejgħ. Bil-maqlub, jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet fejn, mill-perspettiva tal-fornitur, id-distributur jista’ jkun qed iżomm prezzijiet għoljin wisq, u/jew ma jagħmilx biżżejjed sforzi ta’ bejgħ.
(14)Jistgħu jinħolqu esternalitajiet orizzontali bejn id-distributuri tal-istess oġġetti jew servizzi meta distributur ma jkunx jista’ jadatta bis-sħiħ il-benefiċċji tal-isforzi tal-bejgħ tiegħu. Pereżempju, meta s-servizzi ta’ qabel il-bejgħ li jsaħħu d-domanda pprovduti minn distributur wieħed, bħal pariri personalizzati b’rabta ma’ oġġetti jew servizzi partikolari, jistgħu jwasslu għal bejgħ ogħla minn distributuri kompetituri li joffru l-istess oġġetti jew servizzi u, b’hekk, joħolqu inċentivi fost id-distributuri biex jieħdu vantaġġ mis-servizzi li jiswew ħafna flus ipprovduti minn oħrajn. F’ambjent ta’ distribuzzjoni omni-kanal, jista’ jkun hemm parassitiżmu bejn il-kanali tal-bejgħ online u offline, u fiż-żewġ direzzjonijiet. Pereżempju, il-klijenti jistgħu jżuru ħanut fiżiku biex jittestjaw oġġetti jew servizzi jew biex jiksbu informazzjoni utli oħra li fuqha jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom li jixtru, iżda mbagħad jordnaw il-prodott online mingħand distributur differenti. Għall-kuntrarju, il-klijenti jistgħu jiġbru informazzjoni fil-fażi ta’ qabel ix-xiri minn ħanut online u mbagħad iżuru ħanut fiżiku, jużaw l-informazzjoni li jkunu ġabru online biex jagħżlu u jittestjaw oġġetti jew servizzi partikolari, u fl-aħħar mill-aħħar jixtru offline f’ħanut fiżiku. Meta tali “free riding” ikun possibbli u fejn id-distributur li jipprovdi servizzi ta’ qabel il-bejgħ ma jkunx jista’ jakkwista bis-sħiħ il-benefiċċji, dan jista’ jwassal għal forniment subottimali ta’ tali servizzi f’termini ta’ kwantità jew kwalità.
(15)Fil-preżenza ta’ tali esternalitajiet, il-fornituri jista’ jkollhom inċentiv biex jikkontrollaw ċerti aspetti tal-operazzjonijiet tad-distributuri tagħhom u vice versa. B’mod partikolari, l-akkordji vertikali jistgħu jippermettu lill-fornituri jinternalizzaw l-effetti esterni msemmija hawn fuq, iżidu l-profitt konġunt tal-katina vertikali tal-provvista u tad-distribuzzjoni u, f’ċerti ċirkostanzi, il-benesseri tal-konsumatur.
(16)Għalkemm dawn il-Linji Gwida jfittxu li jagħtu ħarsa ġenerali tad-diversi ġustifikazzjonijiet għal restrizzjonijiet vertikali, huma ma jiddikjarawx li huma kompleti jew eżawrjenti. Ir-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ restrizzjonijiet vertikali partikolari jinkludu dawn li ġejjin:
(a)biex tiġi indirizzata l-kwistjoni ta’ esternalità vertikali. L-iffissar ta’ prezz għoli wisq mid-distributur, mingħajr ma jitqies l-effett tad-deċiżjonijiet tiegħu fuq il-fornitur, jista’ jiġi evitat mill-fornitur li jimponi prezz massimu ta’ bejgħ mill-ġdid fuq id-distributur. Bl-istess mod, biex jiżdiedu l-isforzi ta’ bejgħ tad-distributur, il-fornitur jista’, pereżempju, juża distribuzzjoni selettiva jew distribuzzjoni esklużiva.
(b)biex tiġi ttrattata l-problema ta’ approfittar: Jista’ jseħħ approfittar bejn ix-xerrejja fil-livell tal-bejgħ bl-ingrossa jew tal-bejgħ bl-imnut, b’mod partikolari, meta ma jkunx possibbli għall-fornitur li jimponi rekwiżiti effettivi ta’ promozzjoni jew ta’ servizz fuq ix-xerrejja kollha. L-approfittar bejn ix-xerrejja jista’ jseħħ biss fuq is-servizzi ta’ qabel il-bejgħ u fuq attivitajiet promozzjonali oħrajn, iżda mhux fuq is-servizzi ta’ wara l-bejgħ li għalihom id-distributur jista’ jitlob ħlas mingħand il-klijenti tiegħu individwalment. L-isforzi ta’ qabel il-bejgħ li fuqhom jista’ jseħħ l-approfittar jistgħu jkunu importanti, pereżempju, meta l-oġġetti jew is-servizzi jkunu relattivament ġodda, teknikament kumplessi jew ta’ valur għoli, jew meta r-reputazzjoni tal-oġġetti jew tas-servizzi tkun fattur determinanti importanti tad-domanda tagħhom. Restrizzjonijiet f’sistemi ta’ distribuzzjoni esklużivi jew selettivi, jew restrizzjonijiet oħra jistgħu jkunu ta’ għajnuna biex jevitaw jew inaqqsu tali approfittar. L-approfittar jista’ jseħħ ukoll bejn il-fornituri, pereżempju fejn manifattur wieħed jinvesti fil-promozzjoni fil-bini tax-xerrej li jattira wkoll klijenti għall-kompetituri ta’ dak il-manifattur. Ir-restrizzjonijiet li ma ssirx kompetizzjoni jistgħu jgħinu biex jingħeleb l-approfittar bejn il-fornituri;
(c)biex tiftaħ jew tidħol fi swieq ġodda: Meta fornitur ikun jixtieq jidħol f’suq ġeografiku ġdid, pereżempju, billi jesporta lejn pajjiż ieħor, dan jista’ jinvolvi investimenti irrekuperabbli speċjali mid-distributur biex jistabbilixxi l-marka tad-ditta fis-suq. Biex distributur lokali jiġi pperswadut jagħmel dawn l-investimenti, jista’ jkun meħtieġ li tiġi pprovduta protezzjoni territorjali biex id-distributur ikun jista’ jirkupra dawn l-investimenti. Dan jista’ jiġġustifika r-restrizzjoni ta’ distributuri li jinsabu fi swieq ġeografiċi oħrajn milli jbigħu fis-suq il-ġdid (ara wkoll il-paragrafi (118), (136) u (137)). Dan huwa każ speċjali tal-problema ta’ approfittar stabbilita fil-punt b).
(d)biex tkun ittrattata l-kwistjoni ta’ approfittar ta’ ċertifikazzjoni: F’xi setturi, ċerti distributuri għandhom reputazzjoni li jaħżnu biss oġġetti ta’ kwalità jew li jipprovdu servizzi ta’ kwalità (l-hekk imsejħa “distributuri primjum”). F’każ bħal dan, il-bejgħ permezz ta’ dawn id-distributuri jista’ jkun kruċjali, b’mod partikolari għat-tnedija b’suċċess ta’ prodott ġdid. Meta l-fornitur ma jistax jiżgura li d-distribuzzjoni tal-prodotti tiegħu tkun limitata għal dawn id-distributuri primjum, huwa jirriskja li ma jiġix elenkat minn dawn id-distributuri. F’dan ix-xenarju, l-użu ta’ distribuzzjoni esklużiva jew selettiva jista’ jiġi ġġustifikat;
(e)biex tiġi indirizzata l-problema ta’ waqfien totali (hold-up). Il-fornitur jew ix-xerrej jista’ jkollhom bżonn jagħmlu investimenti speċifiċi għar-relazzjoni (pereżempju f’tagħmir speċifiku jew taħriġ) li huma investimenti mitlufa u li għandhom ftit jew l-ebda valur barra mir-relazzjoni vertikali speċifika. Pereżempju, manifattur tal-komponenti jista’ jkollu jibni magni speċifiċi biex jissodisfa r-rekwiżiti ta’ wieħed mill-klijenti tiegħu, iżda l-magni jistgħu ma jkunux adattati għall-użu ma’ klijenti oħra u jista’ jkun impossibbli li jerġgħu jinbiegħu. Fin-nuqqas ta’ akkordju, il-parti li tinvesti se ssib ruħha f’pożizzjoni dgħajfa ta’ negozjar ladarba tkun għamlet l-investiment speċifiku għar-relazzjoni, billi tirriskja li “tinżamm” matul in-negozjati mas-sieħeb kummerċjali tagħha. It-theddida ta’ tali żamma opportunistika tista’ twassal għal investimenti subottimali mill-parti li tinvesti. Akkordji vertikali jistgħu jeliminaw il-kamp ta’ applikazzjoni għal waqfien (b’mod partikolari meta l-investiment jista’ jiġi kkuntrattat b’mod sħiħ u l-kontinġenzi futuri kollha jistgħu jiġu previsti) jew jistgħu jnaqqsu l-ambitu għall-waqfien. Pereżempju, obbligi li wieħed ma jikkompetix, obbligi ta’ kwantità, jew akkwist esklużiv jistgħu jnaqqsu l-problema ta’ waqfien meta l-investiment speċifiku għar-relazzjoni jsir mill-fornitur, filwaqt li d-distribuzzjoni esklużiva, l-allokazzjoni esklużiva tal-klijenti jew il-provvista esklużiva jistgħu jnaqqsu l-problema ta’ waqfien meta l-investiment isir mix-xerrej;
(f)biex tkun ittrattata l-problema tal-waqfien li tista' tqum fil-każ ta' trasferiment ta' għarfien espert sostanzjali. Il-fornitur tal-għarfien espert jista’ ma jixtieqx li l-għarfien espert jintuża minn jew għall-benefiċċju tal-kompetituri tiegħu, pereżempju fil-franchising. Sa fejn l-għarfien espert ma kienx faċilment disponibbli għax-xerrej, u sa fejn ikun sostanzjali u indispensabbli għat-tħaddim tal-akkordju, tali trasferiment jista’ jiġġustifika restrizzjoni ta’ nonkompetizzjoni, li normalment taqa’ barra mill-Artikolu 101(1) tat-Trattat f’każijiet bħal dawn.
(g)biex jinkisbu ekonomiji ta’ skala fid-distribuzzjoni. Biex l-ekonomiji ta’ skala jiġu sfruttati u b’hekk ikun hemm prezz tal-bejgħ bl-imnut aktar baxx għall-oġġetti jew għas-servizzi tiegħu, il-manifattur jista’ jkun irid jikkonċentra l-bejgħ mill-ġdid tal-oġġetti jew tas-servizzi tiegħu fuq għadd limitat ta’ distributuri. Biex jagħmel dan, huwa jista’ juża distribuzzjoni esklużiva, obbligi ta’ kwantità fil-forma ta’ rekwiżit ta’ xiri minimu, distribuzzjoni selettiva li tinkludi tali rekwiżit jew xiri esklużiv.
(h)biex tiġi żgurata l-uniformità u l-istandardizzazzjoni tal-kwalità. Restrizzjoni vertikali tista’ tgħin biex toħloq jew tippromwovi immaġni tal-marka tad-ditta, billi timponi ċerta miżura ta’ uniformità u standardizzazzjoni tal-kwalità fuq id-distributuri. Dan jista’ jipproteġi r-reputazzjoni tal-marka tad-ditta, iżid l-attraenza tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati għall-utenti finali u jżid il-bejgħ. Tali standardizzazzjoni tista’, pereżempju, tinkiseb permezz ta’ distribuzzjoni selettiva jew franchising;
(i)biex jiġu indirizzati l-imperfezzjonijiet tas-suq kapitali. Il-fornituri tal-kapital, bħal banek u swieq ta’ ekwità, jistgħu jipprovdu l-kapital b’mod subottimali meta jkollhom informazzjoni imperfetta dwar is-solvenza tal-mutwatarju jew fejn ikun hemm bażi inadegwata biex jiġi żgurat is-self. Ix-xerrej jew il-fornitur jista’ jkollu informazzjoni aħjar u jista’ jkun kapaċi, permezz ta’ relazzjoni esklużiva, jikseb sigurtà akbar għall-investiment tiegħu. Meta l-fornitur jipprovdi s-self lix-xerrej, dan jista’ jwassal għall-impożizzjoni ta’ obbligu li ma ssirx kompetizzjoni jew obbligu ta’ kwantità fuq ix-xerrej. Meta x-xerrej jipprovdi s-self lill-fornitur, din tista’ tkun ir-raġuni għall-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ provvista esklużiva jew obbligu ta’ kwantità fuq il-fornitur.
(17)Hemm grad għoli ta’ sostitwibbiltà bejn ir-restrizzjonijiet vertikali varji, li jfisser li l-istess problema ta’ ineffiċjenza tista’ tiġi indirizzata bl-użu ta’ restrizzjonijiet vertikali differenti. Pereżempju, jista’ jkun possibbli li jinkisbu ekonomiji ta’ skala fid-distribuzzjoni bl-użu ta’ distribuzzjoni esklużiva, distribuzzjoni selettiva, obbligu ta’ kwantità jew xiri esklużiv. Madankollu, l-effetti negattivi fuq kompetizzjoni jistgħu jkunu differenti bejn ir-restrizzjonijiet vertikali varji. Dan jitqies meta l-indispensabbiltà tiġi vvalutata skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat.
2.2.Effetti negattivi
(18)L-effetti negattivi fuq is-suq li jistgħu jirriżultaw minn restrizzjonijiet vertikali u li l-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE għandha l-għan li tipprevjeni huma, notevolment, dawn li ġejjin:
(a)esklużjoni antikompetittiva ta’ fornituri oħrajn jew xerrejja oħrajn billi jiżdiedu l-ostakli għad-dħul jew l-espansjoni;
(b)It-tnaqqis tal-kompetizzjoni bejn il-fornitur u l-kompetituri tiegħu u/jew il-faċilitazzjoni ta’ kollużjoni (espliċita jew taċita) fost dawn il-fornituri, li ta’ spiss issir referenza għalih bħala t-tnaqqis fil-kompetizzjoni bejn il-marki tad-ditta.
(c)tnaqqis ta’ kompetizzjoni bejn ix-xerrej u l-kompetituri tiegħu jew faċilitazzjoni ta’ kollużjoni espliċita jew kollużjoni taċita bejn xerrejja kompetituri, ħafna drabi magħrufa bħala tnaqqis ta’ kompetizzjoni f’marka tad-ditta meta din tirrigwarda distributuri ta’ oġġetti jew servizzi tal-istess fornitur;
(d)il-ħolqien ta’ ostakli għall-integrazzjoni tas-suq, inklużi, b’mod partikolari, limitazzjonijiet fuq l-għażla tal-konsumatur li jixtri oġġetti jew servizzi fi kwalunkwe Stat Membru.
(19)L-esklużjoni, it-trattib tal-kompetizzjoni u l-kollużjoni fil-livell tal-fornitur jistgħu jagħmlu ħsara lill-konsumaturi, b’mod partikolari billi:
(a)żieda fil-prezzijiet mitluba lix-xerrejja ta’ oġġetti jew servizzi, li min-naħa tagħhom jistgħu jwasslu għal prezzijiet bl-imnut ogħla;
(b)il-limitazzjoni tal-għażla ta’ prodotti jew servizzi;
(c)it-tnaqqis tal-kwalità tal-prodotti jew tas-servizzi;
(d)it-tnaqqis tal-innovazzjoni jew tas-servizz fil-livell tal-fornitur.
(20)L-esklużjoni, it-trattib tal-kompetizzjoni u l-kollużjoni fil-livell tad-distributur jistgħu jagħmlu ħsara lill-konsumaturi, b’mod partikolari permezz ta’:
(a)żieda fil-prezzijiet bl-imnut ta’ oġġetti jew servizzi;
(b)limitazzjoni tal-għażla ta’ kombinazzjonijiet ta’ servizzi ta’ prezzijiet u formati ta’ distribuzzjoni;
(c)tnaqqis tad-disponibbiltà u l-kwalità tas-servizzi bl-imnut;
(d)tnaqqis tal-livell ta’ innovazzjoni fil-livell ta’ distribuzzjoni.
(21)Tnaqqis fil-kompetizzjoni f’marka tad-ditta (jiġifieri l-kompetizzjoni bejn id-distributuri tal-oġġetti jew tas-servizzi tal-istess fornitur) minnu nnifsu mhuwiex probabbli li jwassal għal effetti negattivi għall-konsumaturi, jekk il-kompetizzjoni bejn il-marki tad-ditta (jiġifieri l-kompetizzjoni bejn id-distributuri tal-oġġetti jew tas-servizzi ta’ fornituri differenti) tkun b’saħħitha. B’mod partikolari, fi swieq fejn il-bejjiegħa bl-imnut individwali jiddistribwixxu l-marka/l-marki tad-ditta ta’ fornitur wieħed biss, tnaqqis tal-kompetizzjoni bejn id-distributuri tal-istess marka tad-ditta jwassal għal tnaqqis tal-kompetizzjoni f’marka tad-ditta bejn dawn id-distributuri, iżda jista’ ma jkollux effett negattiv fuq il-kompetizzjoni bejn id-distributuri inġenerali.
(22)L-effetti negattivi possibbli tar-restrizzjonijiet vertikali jissaħħu meta bosta fornituri u x-xerrejja tagħhom jorganizzaw il-kummerċ tagħhom b’mod simili, li jwassal għall-hekk imsejħa effetti kumulattivi.
3.Akkordji vertikali li ġeneralment jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat
3.1.Ebda effett fuq il-kummerċ, akkordji ta’ importanza minuri u intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju
(23)Qabel ma jiġi ttrattat il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) X, l-applikazzjoni tiegħu u, b’mod aktar ġenerali, il-valutazzjoni tal-akkordji vertikali skont l-Artikolu 101(1) u 101(3) tat-Trattat, huwa importanti li jiġi mfakkar li r-Regolament (UE) X japplika biss għal akkordji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat.
(24)L-akkordji li mhumiex kapaċi jaffettwaw b’mod sinifikanti l-kummerċ bejn l-Istati Membri (nuqqas ta’ effett fuq il-kummerċ) jew li ma jirrestrinġux il-kompetizzjoni b’mod sinifikanti (akkordji ta’ importanza minuri) jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Il-Kummissjoni pprovdiet gwida dwar l-effett fuq il-kummerċ fil-Linji Gwida dwar l-Effett fuq il-Kummerċ, u dwar akkordji ta’ importanza minuri fl-Avviż De Minimis. Dawn il-Linji Gwida huma mingħajr preġudizzju għal-Linji Gwida dwar l-Effett fuq il-Kummerċ u l-Avviż De Minimis, kif ukoll kwalunkwe gwida futura tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward.
(25)Il-Linji Gwida dwar l-Effett fuq il-Kummerċ stabbilew il-prinċipji żviluppati mill-Qrati tal-Unjoni biex jinterpretaw il-kunċett tal-effett fuq il-kummerċ u jindikaw meta l-akkordji x’aktarx ma jkunux kapaċi jaffettwaw b’mod sinifikanti l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Huma jinkludu preżunzjoni konfutabbli negattiva li tapplika għall-akkordji kollha fis-sens tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, irrispettivament min-natura tar-restrizzjonijiet inklużi f’tali akkordji, u b’hekk tapplika wkoll għal akkordji li fihom restrizzjonijiet fundamentali. Skont din il-preżunzjoni, l-akkordji vertikali fil-prinċipju ma jistgħux jaffettwaw b’mod sinjifikattiv il-kummerċ bejn l-Istati Membri meta:
(a)is-sehem mis-suq totali tal-partijiet fi kwalunkwe suq relevanti fl-Unjoni milqut minn akkordju ma jaqbiżx il-5 %, u
(b)il-fatturat annwali aggregat tal-Unjoni tal-fornitur iġġenerat mal-prodotti koperti mill-akkordju ma jaqbiżx l-EUR 40 miljun jew, f’każijiet li jinvolvu akkordji konklużi bejn xerrej u diversi fornituri, ix-xiri kkombinat tax-xerrej tal-prodotti koperti mill-akkordji ma jaqbiżx l-EUR 40 miljun. Il-Kummissjoni tista’ tikkonfuta l-preżunzjoni jekk analiżi tal-karatteristiċi tal-akkordju u tal-kuntest ekonomiku tiegħu turi l-kuntrarju.
(26)Kif stabbilit fl-Avviż De Minimis, l-akkordji vertikali konklużi minn dawk li mhumiex kompetituri ġeneralment jitqiesu li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat jekk is-sehem mis-suq miżmum minn kull waħda mill-partijiet għall-akkordju ma jaqbiżx il-15 % fi kwalunkwe wieħed mis-swieq rilevanti affettwati mill-akkordju. Din ir-regola ġenerali hija soġġetta għal żewġ eċċezzjonijiet. L-ewwel nett, fir-rigward tar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, l-Artikolu 101(1) tat-Trattat japplika anki jekk is-sehem mis-suq miżmum minn kull waħda mill-partijiet ma jaqbiżx il-15 %. Dan għaliex akkordju li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li għandu għan antikompetittiv jista’, min-natura tiegħu u indipendentement minn kwalunkwe effett konkret, jikkostitwixxi restrizzjoni sinifikattiva fuq il-kompetizzjoni. It-tieni, il-limiti tas-sehem mis-suq ta’ 15 % jitnaqqsu għal 5 % meta, f’suq rilevanti, il-kompetizzjoni tkun ristretta mill-effett kumulattiv ta’ networks paralleli ta’ akkordji. Il-paragrafi minn (257) sa (261) biex jittrattaw l-effetti kumulattivi fil-kuntest tal-irtirar tal-benefiċċju tar-Regolament (UE) X. L-Avviż De Minimis jiċċara li fornituri jew distributuri individwali b’sehem mis-suq li ma jaqbiżx il-5 % ġeneralment ma jitqisux li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għal effett kumulattiv ta’ esklużjoni.
(27)Barra minn hekk, ma hemm l-ebda preżunzjoni li l-akkordji vertikali konklużi minn impriżi, li waħda jew aktar minnhom għandhom sehem mis-suq individwali li jaqbeż il-15 %, jaqgħu awtomatikament taħt l-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Tali akkordji xorta jista’ ma jkollhomx effett sinifikanti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri jew jista’ jkun li ma jkunux jikkostitwixxu restrizzjoni sinifikattiva tal-kompetizzjoni. Għalhekk, jeħtieġ li dawn jiġu vvalutati fil-kuntest legali u ekonomiku tagħhom. Dawn il-Linji Gwida jinkludu kriterji għall-valutazzjoni individwali ta’ akkordji bħal dawn, kif stabbilit fit-taqsima 8.
(28)Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-akkordji vertikali bejn l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (minn hawn ’il quddiem “SMEs”) rarament ikunu kapaċi jaffettwaw b’mod sinifikanti l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni tqis ukoll li tali akkordji rarament jirrestrinġu l-kompetizzjoni b’mod sinifikanti fis-sens tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jinkludux restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni skont l-għan u fis-sens tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Għalhekk, l-akkordji vertikali bejn l-SMEs ġeneralment jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. F’każijiet meta tali akkordji madankollu jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, il-Kummissjoni normalment toqgħod lura milli tiftaħ proċedimenti minħabba nuqqas ta’ interess suffiċjenti għall-Unjoni, sakemm dawk l-impriżi, kollettivament jew individwalment, ma jkollhomx pożizzjoni dominanti f’parti sostanzjali mis-suq intern.
3.2.Akkordji ta’ aġenzija
3.2.1.Akkordji ta’ aġenzija li jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat
(29)Aġent huwa persuna ġuridika jew fiżika fdata bis-setgħa li tinnegozja u/jew tikkonkludi l-kuntratti f’isem persuna oħra (“il-prinċipal”), jew f’isem l-aġent stess jew inkella f’isem il-prinċipal, għax-xiri ta’ oġġetti jew servizzi mill-prinċipal, jew għall-bejgħ ta’ oġġetti jew servizzi fornuti mill-prinċipal.
(30)L-Artikolu 101 tat-Trattat japplika għal akkordji bejn żewġ impriżi jew aktar. F’ċerti ċirkostanzi, ir-relazzjoni bejn aġent u l-prinċipal tiegħu tista’ tiġi kkaratterizzata bħala waħda li fiha l-aġent ma jibqax jaġixxi bħala operatur ekonomiku indipendenti. Dan japplika meta l-aġent ma jġorr l-ebda riskju finanzjarju jew kummerċjali sinifikanti fir-rigward tal-kuntratti konklużi jew innegozjati f’isem il-prinċipal, kif spjegat aktar fil-paragrafi minn (31) sa (34). F’dan il-każ, l-akkordju ta’ aġenzija jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Billi dan jikkostitwixxi eċċezzjoni għall-applikabbiltà ġenerali tal-Artikolu 101 tat-Trattat għal akkordji bejn impriżi, jenħtieġ li l-kundizzjonijiet għall-kategorizzazzjoni ta’ akkordju bħala akkordju ta’ aġenzija għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat jiġu interpretati b’mod ristrett. Pereżempju, huwa inqas probabbli li akkordju ta’ aġenzija jiġi kategorizzat bħala li jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat meta l-aġent jinnegozja u/jew jikkonkludi kuntratti f’isem għadd kbir ta’ prinċipali. Il-kwalifika mogħtija għall-akkordju tagħhom mill-partijiet jew mil-leġiżlazzjoni nazzjonali mhijiex materjali għal din il-kategorizzazzjoni.
(31)Hemm tliet tipi ta’ riskju finanzjarju jew kummerċjali li huma materjali għall-kategorizzazzjoni ta’ akkordju bħala akkordju ta’ aġenzija għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat:
(a)ir-riskji speċifiċi għall-kuntratti, li huma direttament relatati mal-kuntratti konklużi u/jew innegozjati mill-aġent f'isem il-prinċipal, bħalma hu l-finanzjament tal-istokks;
(b)riskji relatati ma’ investimenti speċifiċi għas-suq. Dawn huma investimenti speċifikament meħtieġa għat-tip ta’ attività li għaliha l-aġent kien maħtur mill-prinċipal, jiġifieri li huma meħtieġa biex jippermettu lill-aġent jikkonkludi u/jew jinnegozja dan it-tip ta’ kuntratt. Tali investimenti ġeneralment ikunu irrekuperabbli, li tfisser li hekk kif iħalli dak il-qasam partikolari ta’ attività, l-investiment ma jkunx jista’ jintuża għal attivitajiet oħrajn jew jinbiegħ għajr b’telf sinifikanti;
(c)riskji relatati ma’ attivitajiet oħrajn imwettqa fl-istess suq tal-prodott, sal-punt li l-prinċipal jirrikjedi, bħala parti tar-relazzjoni ta’ aġenzija, li l-aġent iwettaq tali attivitajiet mhux bħala aġent f’isem il-prinċipal, iżda għar-riskju tiegħu stess.
(32)Akkordju se jiġi kategorizzat bħala akkordju ta’ aġenzija li ma jaqax fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat meta l-aġent ma jġorr l-ebda wieħed mit-tipi ta’ riskju elenkati fil-paragrafu (31) jew fejn iġorr dawn ir-riskji biss b’mod insinifikanti. Is-sinifikat ta’ kwalunkwe riskju bħal dan meħud mill-aġent ġeneralment għandu jiġi vvalutat b’referenza għad-dħul iġġenerat mill-aġent mill-forniment tas-servizzi tal-aġenzija, minflok b’referenza għad-dħul iġġenerat mill-bejgħ tal-oġġetti jew tas-servizzi koperti mill-akkordju ta’ aġenzija. Madankollu, ir-riskji li huma relatati mal-attività tal-forniment ta’ servizzi ta’ aġenzija b’mod ġenerali, bħar-riskju li l-introjtu tal-aġent ikun jiddependi mis-suċċess tiegħu bħala aġent jew mill-investimenti ġenerali, pereżempju, f’postijiet jew persunal li jistgħu jintużaw għal kwalunkwe tip ta’ attività, mhumiex materjali għal din il-valutazzjoni.
(33)Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, akkordju ġeneralment jiġi kkategorizzat bħala akkordju ta’ aġenzija li jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat fejn japplikaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a)l-aġent ma jixtrix il-proprjetà fl-oġġetti mixtrija jew mibjugħa skont l-akkordju ta’ aġenzija u ma jipprovdix huwa stess is-servizzi mixtrija jew mibjugħa skont l-akkordju ta’ aġenzija. Il-fatt li l-aġent jista’ temporanjament, għal perjodu qasir ħafna ta’ żmien, jakkwista l-proprjetà tal-oġġetti tal-kuntratt waqt li jbigħhom f’isem il-prinċipal ma jipprekludix l-eżistenza ta’ akkordju ta’ aġenzija li jaqa’ barra l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, sakemm l-aġent ma jġarrab l-ebda spejjeż jew riskji relatati mat-trasferiment ta’ proprjetà;
(b)l-aġent ma jikkontribwixxix għall-ispejjeż relatati mal-forniment jew max-xiri tal-oġġetti jew tas-servizzi tal-kuntratt, inklużi l-ispejjeż tat-trasport tal-oġġetti. Dan ma jipprekludix lill-aġent milli jwettaq is-servizz tat-trasport, dment li l-ispejjeż ikunu koperti mill-prinċipal;
(c)l-aġent ma jżommx bi spejjeż jew riskju tiegħu stokks tal-oġġetti tal-kuntratt, inkluża l-ispiża tal-finanzjament tal-istokk u l-ispiża tal-istokk mitluf. L-aġent għandu jkun jista’ jirritorna oġġetti mhux mibjugħa lill-prinċipal mingħajr ħlas, sakemm l-aġent ma jkollux tort, pereżempju, minħabba li jonqos milli jikkonforma ma’ miżuri raġonevoli ta’ sigurtà jew kontra s-serq biex jiġi evitat telf fl-istokk;
(d)l-aġent ma jiħux responsabbiltà għan-nuqqas ta' twettiq tal-kuntratt min-naħa tal-klijenti, bl-eċċezzjoni tat-telf tal-kummissjoni tal-aġent, sakemm l-aġent ma jkunx responsabbli għal nuqqas (pereżempju, billi jonqos milli jkun konformi ma' miżuri raġonevoli ta’ sigurtà jew kontra s-serq jew jonqos milli jirrispetta miżuri raġonevoli biex jirrapporta serq lill-prinċipal jew lill-puliżija jew biex jikkomunika lill-prinċipal it-tagħrif kollu meħtieġ li jkun disponibbli għalih dwar l-affidabilità finanzjarja tal-klijent);
(e)l-aġent ma jassumix ir-responsabbiltà lejn klijenti jew terzi persuni oħrajn għal telf jew dannu li jirriżulta mill-provvista tal-oġġetti jew tas-servizzi tal-kuntratt, sakemm, bħala aġent, ma jkunx responsabbli għal nuqqas f’dan ir-rigward;
(f)L-aġent mhuwiex obbligat, direttament jew indirettament, li jinvesti fil-promozzjoni tal-bejgħ, inkluż permezz ta’ kontribuzzjonijiet għall-baġit tal-prinċipal għar-reklamar jew għal attivitajiet ta’ reklamar jew ta’ promozzjoni speċifikament relatati mal-oġġetti jew mas-servizzi tal-kuntratt, sakemm l-ispejjeż ikunu rimborżati kompletament mill-prinċipal;
(g)l-aġent ma jagħmilx investimenti speċifiċi għas-suq f’tagħmir, bini, taħriġ tal-persunal jew reklamar, bħal, pereżempju, it-tank għall-ħżin tal-petrol fil-każ ta’ bejgħ bl-imnut tal-petrol, software speċifiku għall-bejgħ ta’ poloz tal-assikurazzjoni fil-każ ta’ aġenti tal-assikurazzjoni, jew reklamar relatat ma’ rotot jew destinazzjonijiet fil-każ ta’ aġenti tal-ivvjaġġar li jbigħu titjiriet jew akkomodazzjoni f’lukandi, sakemm dawn l-ispejjeż ma jiġux irrimborżati kompletament mill-prinċipal;
(h)l-aġent ma jwettaqx attivitajiet oħrajn fl-istess suq tal-prodott meħtieġa mill-prinċipal taħt ir-relazzjoni ta’ aġenzija (pereż. il-kunsinna tal-oġġetti), sakemm dawn l-attivitajiet ma jiġux irrimborżati kompletament mill-prinċipal.
(34)Filwaqt li l-lista stabbilita fil-paragrafu (33) mhijiex eżawrjenti, meta l-aġent iġarrab wieħed jew aktar mir-riskji jew l-ispejjeż imsemmija fil-paragrafi (31) sa (33), l-akkordju bejn l-aġent u l-prinċipal ma jiġix ikkategorizzat bħala akkordju ta’ aġenzija li jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Il-kwistjoni tar-riskju trid tiġi vvalutata fuq bażi ta’ każ b’każ, u fir-rigward tar-realtà ekonomika tas-sitwazzjoni aktar milli tal-forma ġuridika tal-akkordju. Għal raġunijiet prattiċi, l-analiżi tar-riskju tista’ tibda bil-valutazzjoni tar-riskji speċifiċi għall-kuntratt. Meta l-aġent iġarrab riskji speċifiċi għall-kuntratt li mhumiex insinifikanti, dan ikun biżżejjed biex jiġi konkluż li l-aġent huwa distributur indipendenti. Meta l-aġent ma jġarrabx riskji speċifiċi għall-kuntratt, mela mbagħad ikun meħtieġ li titkompla l-analiżi billi jiġu vvalutati r-riskji relatati mal-investimenti speċifiċi għas-suq. Fl-aħħar nett, meta l-aġent ma jġarrab l-ebda riskju speċifiku għall-kuntratt jew l-ebda riskju relatat ma’ investimenti speċifiċi għas-suq, jista’ jkun hemm bżonn li jiġu kkunsidrati r-riskji relatati ma’ attivitajiet oħrajn meħtieġa taħt ir-relazzjoni tal-aġenzija fl-istess suq tal-prodott.
(35)Prinċipal jista’ juża diversi metodi biex jirrimborża r-riskji rilevanti, sakemm tali metodi jiżguraw li l-aġent ma jġarrab l-ebda riskju, jew inkella jġarrab riskju insinifikanti biss, tat-tipi stabbiliti fil-paragrafi minn (31) sa (33). Pereżempju, prinċipal jista’ jagħżel li jirrimborża l-ispejjeż preċiżi mġarrba, jew jista’ jkopri l-ispejjeż permezz ta’ somma f’daqqa fissa, jew jista’ jħallas lill-aġent perċentwali fiss tad-dħul mill-oġġetti jew mis-servizzi mibjugħa skont l-akkordju ta’ aġenzija. Biex jiġi żgurat li r-riskji u l-ispejjeż rilevanti kollha jkunu koperti, il-metodu użat mill-prinċipal għandu jippermetti lill-aġent jiddistingwi faċilment bejn l-ammont/l-ammonti maħsub/maħsuba biex ikopri r-riskji u l-ispejjeż rilevanti u kull ammont ieħor imħallas/kull ammonti oħrajn mħallsa lill-aġent, pereżempju maħsub/maħsuba biex jirrimunera/jirrimuneraw lill-aġent għall-forniment tas-servizzi tal-aġenzija. Inkella, l-aġent jista’ ma jkunx jista’ jivverifika jekk il-metodu magħżul mill-prinċipal ikoprix l-ispejjeż tiegħu. Biex jiġi żgurat li jkunu koperti r-riskji rilevanti kollha, jista’ jkun meħtieġ li jiġi pprovdut metodu sempliċi għall-aġent biex jiddikjara u jitlob ir-rimborż ta’ kwalunkwe spiża li taqbeż is-somma f’daqqa miftiehma jew il-perċentwali fiss. Jista’ jkun meħtieġ ukoll li l-prinċipal jimmonitorja b’mod sistematiku kwalunkwe bidla fl-ispejjeż rilevanti u li jadatta s-somma f’daqqa jew il-perċentwali fiss kif xieraq. Meta l-ispejjeż rilevanti jiġu rrimborżati permezz ta’ perċentwali tal-prezz tal-prodotti mibjugħa skont l-akkordju ta’ aġenzija, jenħtieġ li l-prinċipal iqis ukoll li l-aġent jista’ jġarrab l-ispejjeż rilevanti ta’ investimenti speċifiċi għas-suq, anki meta jagħmel bejgħ limitat, jew inkella ma jagħmel l-ebda bejgħ, għal ċertu perjodu ta’ żmien. Tali spejjeż għandhom jiġu rrimborżati mill-prinċipal.
(36)Distributur indipendenti ta’ xi oġġetti jew servizzi ta’ fornitur jista’ jaġixxi wkoll bħala aġent għal oġġetti jew servizzi oħrajn tal-istess fornitur, dment li l-attivitajiet u r-riskji koperti mill-akkordju ta’ aġenzija jkunu jistgħu jiġu delineati b’mod effettiv, pereżempju minħabba li jikkonċernaw oġġetti jew servizzi li jippreżentaw funzjonalitajiet addizzjonali jew karatteristiċi ġodda. Biex l-akkordju jiġi kategorizzat bħala akkordju ta’ aġenzija li ma jaqax fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, id-distributur indipendenti jrid ikun ġenwinament liberu li jidħol fl-akkordju ta’ aġenzija (pereżempju, ir-relazzjoni ta’ aġenzija ma tridx tkun de facto imposta mill-prinċipal permezz ta’ theddida li jittermina jew jaggrava t-termini tar-relazzjoni ta’ distribuzzjoni). Bl-istess mod, il-prinċipal ma għandux jimponi direttament jew indirettament fuq l-aġent attività bħala distributur indipendenti, sakemm tali attività ma tiġix rimborżata kompletament mill-prinċipal, kif stabbilit fil-paragrafu (33)(h). Barra minn hekk, kif imsemmi fil-paragrafi minn (31) sa (33), ir-riskji rilevanti kollha marbuta mal-bejgħ tal-oġġetti jew servizzi koperti mill-akkordju ta’ aġenzija, inklużi investimenti speċifiċi għas-suq, għandhom jinġarru mill-prinċipal.
(37)Meta aġent iwettaq attivitajiet oħrajn għall-istess fornituri jew għal fornituri oħrajn għar-riskju tiegħu stess, ikun hemm il-possibbiltà li l-obbligi imposti fuq l-aġent fir-rigward tal-attività tal-aġenzija tiegħu jinfluwenzaw l-inċentivi tiegħu u jillimitaw l-indipendenza tat-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu meta jbigħ prodotti bħala attività indipendenti. B’mod partikolari, hemm riskju li l-politika tal-ipprezzar tal-prinċipal għall-prodotti mibjugħa skont l-akkordju ta’ aġenzija tinfluwenza l-inċentivi tal-aġent/tad-distributur biex il-prodotti li huwa jbigħ bħala distributur indipendenti jiġu pprezzati b’mod indipendenti. Barra minn hekk, il-kombinazzjoni ta’ aġenzija u distribuzzjoni indipendenti għall-istess fornitur tqajjem diffikultajiet fid-distinzjoni bejn l-investimenti u l-ispejjeż li jirrigwardjaw il-funzjoni tal-aġenzija, inklużi l-investimenti speċifiċi għas-suq, u dawk relatati biss mal-attività indipendenti. F’każijiet bħal dawn, il-valutazzjoni ta’ jekk relazzjoni ta’ aġenzija tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi minn (30) sa (33) tista’ għalhekk tkun partikolarment kumplessa.
(38)Ir-riskji deskritti fil-paragrafi (37) huma aktar ta’ tħassib partikolari jekk l-aġent iwettaq attivitajiet oħrajn bħala distributur indipendenti għall-istess prinċipal fl-istess suq tal-prodott. Bil-maqlub, dawn ir-riskji huma inqas probabbli li jinħolqu jekk l-attivitajiet l-oħrajn li l-aġent iwettaq bħala distributur indipendenti jkunu jikkonċernaw suq ta’ prodott differenti. B’mod aktar ġenerali, inqas ma jkunu interkambjabbli l-prodotti mibjugħa bl-akkordju ta’ aġenzija u l-prodotti mibjugħa b’mod indipendenti mill-aġent, inqas ikun probabbli li dan it-tħassib jinqala’. Meta kwalunkwe differenza oġġettiva bejn il-karatteristiċi tal-prodotti (pereżempju, kwalità ogħla, karatteristiċi ġodda jew funzjonijiet addizzjonali) tkun insinifikanti, jista’ jkun aktar diffiċli li jiġu delineati ż-żewġ tipi ta’ attività tal-aġent, f’liema każ jista’ jkun hemm riskju sinifikanti li l-aġent jiġi influwenzat mit-termini tal-akkordju ta’ aġenzija, b’mod partikolari fir-rigward tal-iffissar tal-prezzijiet, għall-prodotti li jiddistribwixxi b’mod indipendenti.
(39)Biex jidentifika l-investimenti speċifiċi għas-suq li għandhom jiġu rrimborżati meta jidħol f’akkordju ta’ aġenzija ma’ wieħed mid-distributuri indipendenti tiegħu li diġà huwa attiv fis-suq rilevanti, jenħtieġ li l-prinċipal jikkunsidra s-sitwazzjoni ipotetika ta’ aġent li għadu mhuwiex attiv fis-suq rilevanti biex jivvaluta liema investimenti huma rilevanti għat-tip ta’ attività li għaliha jinħatar l-aġent. Il-prinċipal ikollu jkopri investimenti speċifiċi għas-suq li huma meħtieġa biex joperaw fis-suq rilevanti, inkluż fejn dawk l-investimenti jikkonċernaw ukoll prodotti differenzjati distribwiti barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkordju ta’ aġenzija iżda li mhumiex esklużivament relatati mal-bejgħ ta’ tali prodotti differenzjati. L-uniku każ li fih il-prinċipal ma jkollux ikopri investimenti speċifiċi għas-suq fis-suq rilevanti jkun meta dawk l-investimenti jkunu relatati esklużivament mal-bejgħ ta’ prodotti differenzjati li ma jinbigħux skont l-akkordju ta’ aġenzija, iżda li jitqassmu b’mod indipendenti. Dan minħabba li l-aġent iġarrab l-ispejjeż kollha speċifiċi għas-suq biex jopera fis-suq, iżda ma jġarrabx l-ispejjeż speċifiċi għas-suq li huma relatati esklużivament mal-bejgħ tal-prodotti differenzjati jekk ma jkunx aġixxa wkoll bħala distributur indipendenti għal dawk il-prodotti (sakemm l-aġent ikun jista’ jopera fis-suq rilevanti mingħajr ma jbigħ il-prodotti differenzjati inkwistjoni). Sal-punt li l-investimenti rilevanti (pereżempju, investimenti f’tagħmir speċifiku għall-attività) jkunu diġà ġew deprezzati, ir-rimborż jista’ jiġi aġġustat proporzjonalment. Bl-istess mod, ir-rimborż jista’ jiġi aġġustat ukoll jekk l-investimenti speċifiċi għas-suq magħmula mid-distributur indipendenti jaqbżu b’mod sinifikanti l-investimenti speċifiċi għas-suq li huma meħtieġa biex aġent jibda jopera fis-suq rilevanti, bħala riżultat tal-attività tiegħu bħala distributur indipendenti.
(40)Eżempju ta’ kif l-ispejjeż jistgħu jiġu allokati fil-każ ta’ distributur li jaġixxi wkoll bħala aġent għal ċerti prodotti għall-istess fornitur.
|
Il-prodotti A, B u C ġeneralment jinbiegħu mill-istess distributur/distributuri. Il-prodotti A u B jappartjenu għall-istess prodott u suq ġeografiku, iżda huma differenzjati u jippreżentaw karatteristiċi oġġettivament differenti. Il-prodott C jappartjeni għal suq ta’ prodott differenti.
Fornitur li ġeneralment jiddistribwixxi l-prodotti tiegħu bl-użu ta’ distributuri indipendenti jixtieq juża akkordju ta’ aġenzija għad-distribuzzjoni tal-prodott tiegħu A, li fih funzjonalità ġdida. Hija toffri dan l-akkordju ta’ aġenzija lid-distributuri indipendenti tagħha (għall-prodott B) li diġà joperaw fl-istess prodott u suq ġeografiku, mingħajr ma tobbligahom legalment jew fattwalment jidħlu f’dan l-akkordju.
Biex l-akkordju ta’ aġenzija ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat u biex jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-paragrafi minn (30) sa (33) ta’ dawn il-Linji Gwida, il-prinċipal irid ikopri l-investimenti rilevanti kollha għall-attività tal-bejgħ ta’ kull wieħed mill-prodotti A u B (u mhux biss il-prodotti A), minħabba li ż-żewġ prodotti jappartjenu għall-istess suq tal-prodott u suq ġeografiku. Pereżempju, l-ispejjeż kollha mġarrba għall-adattament jew għall-forniment ta’ ħanut biex jintwerew u jinbiegħu l-prodotti A u B x’aktarx li jkunu speċifiċi għas-suq. Bl-istess mod, l-ispejjeż tal-persunal tat-taħriġ biex jinbiegħu l-prodotti A u B u l-ispejjeż relatati ma’ tagħmir speċifiku tal-ħżin, li jista’ jkun meħtieġ għall-prodotti A u B, x’aktarx li jkunu speċifiċi għas-suq. Dawn l-investimenti rilevanti, li normalment ikunu meħtieġa biex aġent jidħol fis-suq u jibda jbigħ il-prodotti A u B, jenħtieġ li jitħallsu mill-prinċipal, anki jekk l-aġent speċifiku jkun diġà stabbilit f’dak is-suq bħala distributur indipendenti.
Madankollu, il-prinċipal ma jkollux bżonn ikopri l-investimenti għall-bejgħ tal-prodott C, li ma jappartjenix għall-istess suq tal-prodott bħall-prodotti A u B. Barra minn hekk, f’każ li l-bejgħ tal-prodott B ikun jeħtieġ investimenti speċifiċi li mhumiex meħtieġa għall-bejgħ tal-prodott A (pereż. għamara apposta jew taħriġ tal-persunal), tali investimenti ma jkunux rilevanti u, għalhekk, ma jkollhomx bżonn ikunu koperti mill-prinċipal, diment li distributur ikun jista’ jopera fis-suq rilevanti, li jinkludi l-prodotti A u B, billi jbigħ biss il-prodott A.
Fir-rigward tar-reklamar, l-investimenti fir-reklamar għall-ħanut tal-aġent bħala tali (minflok ir-reklamar speċifiku għall-prodott A) ikunu ta’ benefiċċju kemm għall-ħanut tal-aġent b’mod ġenerali kif ukoll għall-bejgħ tal-prodotti A, B u C, filwaqt li l-prodott A biss jinbiegħ skont l-akkordju ta’ aġenzija. Għalhekk, dawn l-ispejjeż ikunu parzjalment rilevanti għall-valutazzjoni tal-akkordju ta’ aġenzija, sal-punt li jkunu relatati mal-bejgħ tal-prodott A li jinbiegħ skont l-akkordju ta’ aġenzija. L-ispiża ta’ kampanja pubbliċitarja li tirrigwarda esklużivament il-prodotti B jew C madankollu ma tkunx rilevanti u għalhekk ma jkollhiex għalfejn tiġi koperta mill-prinċipal, sakemm distributur ikun jista’ jopera fis-suq rilevanti billi jbigħ biss il-prodott A.
L-istess prinċipji japplikaw għall-investimenti f’sit web jew f’ħanut online, minħabba li parti minn dawn l-investimenti ma tkunx rilevanti, billi dawn ikollhom isiru irrispettivament mill-prodotti mibjugħa skont l-akkordju ta’ aġenzija. Għalhekk, il-prinċipal ma jkollux għalfejn jirrimborża investimenti ġenerali fid-disinn tas-sit web tal-aġent, sa fejn is-sit web innifsu jista’ jintuża biex jinbiegħu prodotti għajr dawk li jappartjenu għas-suq tal-prodott rilevanti, pereżempju, il-prodott C jew, b’mod aktar ġenerali, prodotti għajr A u B). Madankollu, l-investimenti relatati mal-attività ta’ reklamar jew ta’ bejgħ fuq is-sit web ta’ prodotti li jappartjenu għas-suq tal-prodott inkwistjoni, jiġifieri kemm il-prodott A kif ukoll dak B, ikunu rilevanti. Għalhekk, skont il-livell ta’ investiment meħtieġ għar-reklamar u l-bejgħ tal-prodotti A u B fuq is-sit web, il-prinċipal ikollu jkopri parti mill-ispejjeż tat-twaqqif tas-sit web jew tal-ħanut online. Kull investiment speċifiku għar-reklamar jew għall-bejgħ tal-prodott B biss ma jkollux bżonn jiġi kopert, dment li distributur ikun jista’ jopera fis-suq rilevanti li jbigħ biss il-prodott A.
|
3.2.2.L-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) għal akkordji ta’ aġenzija
(41)Meta akkordju jissodisfa l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu kkategorizzati bħala akkordju ta’ aġenzija li jaqa fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, il-funzjoni tal-bejgħ jew tax-xiri tal-aġent tifforma parti mill-attivitajiet tal-prinċipal. Billi l-prinċipal jassumi r-riskji kummerċjali u finanzjarji relatati mal-bejgħ u x-xiri tal-oġġetti jew tas-servizzi tal-kuntratt, l-obbligi kollha imposti fuq l-aġent b’rabta mal-kuntratti konklużi u/jew innegozjati f’isem il-prinċipal jaqgħu barra mill-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Is-suppożizzjoni mill-aġent tal-obbligi elenkati fl-aħħar ta’ dan il-paragrafu se titqies li tifforma parti inerenti minn akkordju ta’ aġenzija, billi dawn l-obbligi jirrigwardjaw il-kapaċità tal-prinċipal li jiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tal-attività tal-aġent b’rabta mal-oġġetti jew is-servizzi tal-kuntratt. Dan huwa essenzjali jekk il-prinċipal irid jassumi r-riskji fir-rigward tal-kuntratti konklużi u/jew innegozjati mill-aġent f’isem il-prinċipal. B’hekk, il-prinċipal jista’ jiddetermina l-istrateġija kummerċjali b’rabta ma’:
(a)limitazzjonijiet fit-territorju li fih l-aġent jista’ jbigħ dawn l-oġġetti jew is-servizzi tal-kuntratt;
(b)limitazzjonijiet fuq il-gruppi ta’ klijenti li lilhom l-aġent jista’ jbigħ l-oġġetti jew is-servizzi tal-kuntratt;
(c)il-prezzijiet u l-kundizzjonijiet li bihom l-aġent irid ibigħ jew jixtri l-oġġetti jew is-servizzi tal-kuntratt.
(42)B’kuntrast għal dan, meta l-aġent jassumi wieħed jew aktar mir-riskji rilevanti deskritti fil-paragrafi minn (31) sa (33), l-akkordju bejn l-aġent u l-prinċipal ma jikkostitwixxix akkordju ta’ aġenzija għall-fini tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. F’din is-sitwazzjoni, l-aġent ikun ittrattat bħala impriża indipendenti u l-akkordju bejn l-aġent u l-prinċipal ikun soġġett għall-Artikolu 101(1) tat-Trattat, bħal kwalunkwe akkordju vertikali ieħor. Għal din ir-raġuni, l-Artikolu 1(1)(k) tar-Regolament (UE) X jiċċara li impriża li, skont akkordju li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjonita l-Artikolu 101(1) tat-Trattat, tbigħ oġġetti jew servizzi f’isem impriża oħra, hija xerrejja.
(43)Anki jekk l-aġent ma jassumi l-ebda riskji sinifikanti, kif deskritt fil-paragrafi minn (31) sa (33), huwa jibqa’ impriża separata mill-prinċipal u, għalhekk, id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw ir-relazzjoni bejn l-aġent u l-prinċipal jistgħu ikunu skont l-Artikolu 101(1) tat-Trattat, irrispettivament minn jekk jifformawx parti mill-akkordju li jirregola l-bejgħ jew ix-xiri ta’ prodotti jew servizzi jew minn akkordju separat. Tali dispożizzjonijiet jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) X, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tar-Regolament. Barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) X, tali dispożizzjonijiet jeħtieġu valutazzjoni individwali skont l-Artikolu 101 tat-Trattat, kif deskritt fit-Taqsima8.1, b’mod partikolari biex jiġi ddeterminat jekk jipproduċux effetti restrittivi fis-sens tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat u, jekk iva, jekk jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Pereżempju, l-akkordji ta’ aġenzija jista’ jkun fihom dispożizzjoni li timpedixxi lill-prinċipal milli jaħtar aġenti oħrajn fir-rigward ta’ tip partikolari ta’ tranżazzjoni, klijent jew territorju (dispożizzjonijiet ta’ aġenzija esklużiva) jew dispożizzjoni li timpedixxi lill-aġent milli jaġixxi bħala aġent jew distributur ta’ impriżi li jikkompetu mal-prinċipal (dispożizzjonijiet dwar marka unika tad-ditta). Id-dispożizzjonijiet ta’ aġenzija esklużiva ġeneralment ma jwasslux għal effetti antikompetittivi. Madankollu, id-dispożizzjonijiet dwar marka unika tad-ditta u d-dispożizzjonijiet ta’ mhux kompetittivi ta’ wara t-terminu, li jikkonċernaw il-kompetizzjoni bejn il-marki tad-ditta, jistgħu jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat meta, b’mod iżolat jew permezz ta’ effetti kumulattivi, jirriżultaw f’esklużjoni tas-suq rilevanti meta l-oġġetti jew is-servizzi tal-kuntratt jinbiegħu jew jinxtraw (ara b’mod partikolari t-Taqsimiet 6.2.2 u 8.2.1).
(44)Akkordju ta’ aġenzija jista’ jaqa’ wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, anki jekk il-prinċipal jassumi r-riskji kummerċjali u finanzjarji rilevanti kollha, fejn l-akkordju jiffaċilita l-kollużjoni. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, meta għadd ta’ prinċipali jużaw l-istess aġenti, filwaqt li jeskludu b’mod kollettiv prinċipali oħrajn milli jużaw dawn l-aġenti, jew meta l-prinċipali jużaw l-aġenti biex jaqblu fuq strateġija ta’ kummerċjalizzazzjoni jew biex jiskambjaw informazzjoni sensittiva tas-suq.
(45)Fil-każ ta’ distributur indipendenti li jaġixxi wkoll bħala aġent għal ċerti oġġetti jew servizzi tal-istess fornitur, il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi minn (36) sa (39) għandha tiġi vvalutata strettament. Dan huwa meħtieġ biex jiġi evitat użu ħażin tal-kunċett tal-aġenzija f’xenarji meta l-fornitur ma jsirx effettivament attiv fil-livell tal-bejgħ bl-imnut permezz ta’ akkordju ta’ aġenzija filwaqt li jittieħdu d-deċiżjonijiet ta’ distribuzzjoni assoċjati kollha u jiġu assunti r-riskji relatati kollha f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-paragrafi minn (30) sa (33), iżda minflok jistabbilixxi mod faċli kif jiġu kkontrollati l-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut għal dawk il-prodotti li jippermettu marġini għoljin ta’ bejgħ mill-ġdid. Billi ż-żamma tal-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid (resalt price maintenance, “RPM”) hija restrizzjoni fundamentali skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) X, kif stabbilit fit-Taqsima 6.1.1, u restrizzjoni skont l-għan skont l-Artikolu 101(1) tat-Trattat, jenħtieġ li r-relazzjoni tal-aġenzija ma tintużax ħażin mill-fornituri biex jevitaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat.
3.2.3.L-aġenzija u l-ekonomija tal-pjattaformi online
(46)L-akkordji konklużi mill-impriżi attivi fl-ekonomija tal-pjattaformi online ġeneralment ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet biex jiġu kkategorizzati bħala akkordji ta’ aġenzija li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Dawn l-impriżi ġeneralment jaġixxu bħala operaturi ekonomiċi indipendenti u mhux bħala parti mill-impriżi li għalihom jipprovdu servizzi. B’mod partikolari, l-impriżi attivi fl-ekonomija tal-pjattaformi online spiss iservu għadd kbir ħafna ta’ bejjiegħa, u dan iżommhom milli effettivament isiru parti minn xi waħda mill-impriżi tal-bejjiegħa. Barra minn hekk, effetti qawwija tan-network u karatteristiċi oħra tal-ekonomija tal-pjattaformi online jistgħu jikkontribwixxu għal żbilanċ sinifikanti fid-daqs u fis-saħħa tan-negozjar tal-partijiet kontraenti. Dan jista’ jirriżulta f’sitwazzjoni meta l-kundizzjonijiet li bihom jinbiegħu l-oġġetti jew is-servizzi u l-istrateġija kummerċjali jiġu ddeterminati mill-impriża attiva fl-ekonomija tal-pjattaformi online aktar milli mill-bejjiegħa tal-oġġetti jew tas-servizzi. Barra minn hekk, l-impriżi attivi fl-ekonomija tal-pjattaformi online tipikament jagħmlu investimenti sinifikanti speċifiċi għas-suq, pereżempju, fis-servizzi tas-software, tar-reklamar u ta’ wara l-bejgħ, li jindikaw li dawk l-impriżi jġorru riskji finanzjarji jew kummerċjali sinifikanti assoċjati mat-tranżazzjonijiet li huma jintermedjaw.
3.3.Akkordji ta’ sottokuntratti
(47)L-akkordji ta’ sottokuntratti huma definiti fl-Avviż dwar is-Sottokuntratti bħala akkordji li bihom ditta waħda, imsejħa “il-kuntrattur”, kemm jekk b’konsegwenza ta’ ordni preċedenti minn terza persuna kif ukoll jekk le, tafda lil oħra, imsejħa “is-sottokuntrattur”, bil-manifattura ta’ oġġetti, bil-provvista ta’ servizzi jew bit-twettiq ta’ xogħol skont l-istruzzjonijiet tal-kuntrattur, li għandhom jiġu pprovduti lill-kuntrattur jew imwettqa f’ismu. Bħala regola ġenerali, l-akkordji ta’ sottokuntratti jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. L-Avviż dwar is-Sottokuntratti jinkludi aktar gwida dwar l-applikazzjoni ta’ din ir-regola ġenerali. B’mod partikolari, l-Avviż dwar is-Sottokuntratti jiddikjara li l-Artikolu 101(1) tat-Trattat ma japplikax għal klawżoli li jillimitaw l-użu ta’ teknoloġija jew tagħmir li l-kuntrattur jipprovdi lil sottokuntrattur, bil-kundizzjoni li t-teknoloġija jew it-tagħmir ikunu meħtieġa biex jippermettu lis-sottokuntrattur jipproduċi l-prodotti kkonċernati. L-Avviż dwar is-Sottokuntratti jiċċara wkoll il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-regola ġenerali, b’mod partikolari li restrizzjonijiet oħrajn imposti fuq is-sottokuntrattur jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-Trattat, bħall-obbligu li ma jmexxix jew ma jisfruttax ir-riċerka u l-iżvilupp tiegħu stess jew li ma jipproduċix għal terzi persuni.
4.Kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) X
4.1.Sfera ta’ sikurezza stabbilita mir-Regolament (UE) X
(48)L-eżenzjoni pprovduta mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) X tistabbilixxi eżenzjoni għal akkordji vertikali fis-sens tar-Regolament, sakemm l-ishma tas-suq miżmuma mill-fornitur u mix-xerrej fis-swieq rilevanti ma jaqbżux il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (ara t-Taqsima 5.2.) u l-akkordju ma jinkludi l-ebda waħda mir-restrizzjonijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (ara t-Taqsima 6.1.). Din l-isfera ta’ sikurezza tapplika sakemm il-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija ma jkunx ġie rtirat f’każ partikolari mill-Kummissjoni jew mill-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru (minn hawn ’il quddiem national competition authority, “NCA”) skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ara t-Taqsima 7.1. ). Il-fatt li akkordju vertikali jaqa’ barra mill-isfera ta’ sikurezza ma jfissirx li l-akkordju jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat jew li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat.
(49)Meta fornitur juża l-istess akkordju vertikali biex jiddistribwixxi diversi tipi ta’ oġġetti jew servizzi, l-applikazzjoni tal-limiti tas-sehem mis-suq stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) X tista’ tirriżulta fl-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament li tapplika fir-rigward ta’ xi oġġetti jew servizzi iżda mhux fir-rigward ta’ oħrajn. Fir-rigward tal-oġġetti jew is-servizzi li għalihom ma japplikax l-Artikolu 2(1) tar-Regolament, hija meħtieġa valutazzjoni individwali skont l-Artikolu 101 tat-Trattat.
4.2.Definizzjoni ta’ akkordju vertikali
(50)L-Artikolu 101(1) tat-Trattat jirreferi għal akkordji bejn impriżi. Huwa ma jagħmel l-ebda distinzjoni fir-rigward ta’ jekk dawn l-impriżi joperawx fl-istess livell jew f’livelli differenti tal-katina tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni. L-Artikolu 101(1) tat-Trattat għalhekk japplika kemm għal akkordji orizzontali kif ukoll vertikali.
(51)Skont is-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 19/65/KEE li tiddikjara permezz ta’ regolament li l-Artikolu 101(1) tat-Trattat ma għandux japplika għal ċerti kategoriji ta’ akkordji bejn impriżi, l-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament (UE) X jiddefinixxi akkordju vertikali bħala “akkordju jew prattika miftiehma bejn żewġ impriżi jew aktar, li kull waħda minnhom topera, għall-finijiet tal-ftehim jew il-prattika miftiehma, f’livell differenti tal-katina ta’ produzzjoni jew distribuzzjoni, u relatata mal-kundizzjonijiet li taħthom il-partijiet jistgħu jixtru, ibiegħu jew ibiegħu mill-ġdid ċerti oġġetti jew servizzi”.
4.2.1.Il-kondotta unilaterali taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) X
(52)Ir-Regolament (UE) X ma japplikax għal kondotta unilaterali mill-impriżi. Madankollu, imġiba unilaterali tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 102 tat-Trattat, li jipprojbixxi l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti.
(53)Ir-Regolament (UE) X japplika għal akkordji vertikali. Biex ikun hemm akkordju fis-sens tal-Artikolu 101 tat-Trattat, huwa biżżejjed li l-partijiet ikunu esprimew l-intenzjoni konġunta tagħhom li jġibu ruħhom b’mod speċifiku fis-suq (l-hekk imsejħa rieda komuni). Il-forma li biha tiġi espressa din l-intenzjoni hija irrilevanti, sakemm din tikkostitwixxi f’espressjoni fidila tal-intenzjoni tal-partijiet.
(54)Meta ma jkun hemm l-ebda akkordju espliċitu li jesprimi r-rieda komuni tal-partijiet, parti jew awtorità li tallega ksur tal-Artikolu 101 tat-Trattat trid tipprova li l-politika unilaterali ta’ parti waħda tirċievi l-kunsens tal-parti l-oħra. Fir-rigward ta’ akkordji vertikali, il-kunsens għal politika unilaterali speċifika jista’ jkun espliċitu jew taċitu:
(a)kunsens espliċitu jista’ jiġi mill-poteri mogħtija lill-partijiet f’akkordju ġenerali mfassal minn qabel. Meta l-klawżoli ta’ tali akkordju ġenerali jipprevedu jew jawtorizzaw parti biex tadotta sussegwentement politika unilaterali speċifika li torbot lill-parti l-oħra, il-kunsens min-naħa tal-parti l-oħra għal dik il-politika jista’ jiġi stabbilit fuq dik il-bażi.
(b)għal kunsens taċitu, huwa meħtieġ li jintwera li parti tirrikjedi, b’mod espliċitu jew impliċitu, il-kooperazzjoni tal-parti l-oħra għall-implimentazzjoni tal-politika unilaterali tagħha u, li l-parti l-oħra tkun ikkonformat ma’ dak ir-rekwiżit billi tkun implimentat dik il-politika unilaterali fil-prattika. Pereżempju, jekk wara tħabbira mill-fornitur ta’ tnaqqis unilaterali fil-provvisti biex jiġi evitat kummerċ parallel, id-distributuri jnaqqsu immedjatament l-ordnijiet tagħhom u ma jibqgħux jinvolvu ruħhom f’kummerċ parallel, allura dawk id-distributuri jagħtu l-kunsens taċitu tagħhom għall-politika unilaterali tal-fornitur. Madankollu, dan ma jistax jiġi konkluż jekk id-distributuri jkomplu jinvolvu ruħhom f’kummerċ parallel jew jipprovaw isibu modi ġodda biex jinvolvu ruħhom f’kummerċ parallel.
(55)Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, l-impożizzjoni ta’ termini u kundizzjonijiet ġenerali minn parti waħda tammonta għal ftehim fis-sens tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat fejn tali termini u kundizzjonijiet ġew aċċettati b’mod espliċitu jew taċitu mill-parti l-oħra.
4.2.2.L-impriżi joperaw f’livelli differenti tal-katina tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni
(56)Ir-Regolament (UE) X japplika għal akkordju bejn żewġ impriżi jew aktar, irrispettivament mill-mudell tan-negozju tagħhom. Ir-Regolament ma japplikax għal akkordji konklużi ma’ persuni fiżiċi li qed jaġixxu għal skopijiet li huma barra mill-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tagħhom, peress li tali persuni mhumiex impriżi.
(57)Barra minn hekk, biex jaqgħu fid-definizzjoni tal-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament (UE) X, irid jiġi konkluż akkordju bejn l-impriżi li joperaw, għall-finijiet tal-akkordju, f’livelli differenti tal-katina tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni. Pereżempju, jeżisti akkordju vertikali fejn impriża waħda tipproduċi materja prima jew tipprovdi servizz u tbigħu lil impriża oħra li tużah bħala input, jew fejn manifattur ibigħ prodott lil bejjiegħ bl-ingrossa li jbigħu mill-ġdid lil bejjiegħ bl-imnut. Bl-istess mod, jeżisti akkordju vertikali meta impriża tbigħ oġġetti jew servizzi lil impriża oħra li hija l-utent finali tal-oġġetti jew tas-servizzi.
(58)Billi d-definizzjoni fl-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament (UE) X tirreferi għall-iskop tal-ftehim speċifiku, il-fatt li impriża waħda li hija parti għall-akkordji hija attiva f’aktar minn livell wieħed tal-katina ta’ produzzjoni jew distribuzzjoni ma jipprekludix l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) X. Madankollu, meta jsir akkordju vertikali bejn impriżi kompetituri, ir-Regolament (UE) X ma japplikax, sakemm ma jiġux issodisfati l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2(4) tar-Regolament (ara t-Taqsimiet 4.4.3. u 4.4.4.).
4.2.3.L-akkordji huma relatati max-xiri, mal-bejgħ jew mal-bejgħ mill-ġdid ta’ oġġetti jew servizzi
(59)Biex jikkwalifika bħala akkordju vertikali fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament (UE) X, l-akkordju jrid ikun relatat mal-kundizzjonijiet li bihom il-partijiet “jistgħu jixtru, ibigħu jew ibiegħu mill-ġdid ċerti oġġetti jew servizzi”. F’konformità mal-iskop ġenerali ta’ regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija, li huwa li jipprovdi ċertezza legali, l-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament (UE) X irid jiġi interpretat b’mod wiesa’ bħala li japplika għall-akkordji vertikali kollha, irrispettivament minn jekk dawn humiex relatati ma’ oġġetti jew servizzi intermedji jew finali. Għall-fini tal-applikazzjoni tar-Regolament għal akkordju partikolari, kemm l-oġġetti jew is-servizzi pprovduti kif ukoll, fil-każ ta’ oġġetti jew servizzi intermedji, l-oġġetti jew is-servizzi finali li jirriżultaw, jitqiesu bħala oġġetti jew servizzi tal-kuntratt.
(60)L-akkordji vertikali fl-ekonomija tal-pjattaformi online, inklużi dawk li jidħlu fihom il-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online, kif imsemmi fl-Artikolu 1(1)(d) tar-Regolament (UE) X, huma koperti mill-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament (UE) X. Fil-każ ta’ akkordji vertikali relatati mal-forniment tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online, kemm is-servizzi tal-intermedjazzjoni online kif ukoll il-prodotti jew is-servizzi li jitwettqu permezz tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online jitqiesu bħala prodotti jew servizzi tal-kuntratt għall-fini tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) X għall-akkordju.
(61)Ir-Regolament (UE) X ma japplikax għal restrizzjonijiet vertikali li mhumiex relatati mal-kundizzjonijiet li bihom l-oġġetti jew is-servizzi jistgħu jinxtraw, jinbiegħu jew jinbiegħu mill-ġdid. Tali restrizzjonijiet iridu għalhekk jiġu vvalutati individwalment, jiġifieri huwa meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat u, jekk iva, jekk jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Pereżempju, ir-Regolament (UE) X ma japplikax għal obbligu li jipprevjeni lill-partijiet milli jwettqu riċerka u żvilupp indipendenti, li l-partijiet setgħu inkludew fl-akkordju vertikali tagħhom. Eżempju ieħor jikkonċerna l-kuntratti ta’ kiri u ta’ lokazzjoni. Għalkemm ir-Regolament (UE) X japplika għal akkordji għall-bejgħ u x-xiri ta’ oġġetti għall-fini tal-kiri tagħhom lil terzi persuni, l-akkordji ta’ kiri u lokazzjoni bħala tali mhumiex koperti mir-Regolament, minħabba li f’dak il-każ ma jkun hemm l-ebda bejgħ jew xiri ta’ oġġetti.
4.3.Akkordji vertikali fl-ekonomija tal-pjattaformi online
(62)Impriżi attivi fl-ekonomija tal-pjattaformi online għandhom rwol dejjem aktar importanti għad-distribuzzjoni tal-oġġetti u tas-servizzi. Dawn jippermettu modi ġodda ta’ kif isir in-negozju, li wħud minnhom mhumiex faċli li jiġu kkategorizzati bl-użu tal-kunċetti applikati għal akkordji vertikali fl-ambjent fiżiku.
(63)L-impriżi attivi fl-ekonomija tal-pjattaformi online spiss ikunu kkwalifikati bħala aġenti fil-liġi kuntrattwali jew kummerċjali. Madankollu, din il-kwalifika mhijiex materjali għall-kategorizzazzjoni tal-akkordji tagħhom skont l-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Akkordji vertikali li jidħlu fihom impriżi attivi fl-ekonomija tal-pjattaformi online jiġu kkategorizzati biss bħala akkordji ta’ aġenzija li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat meta jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima 3.2. Minħabba l-fatturi msemmija fit-Taqsima 3.2.3., dawk il-kundizzjonijiet ġeneralment ma jiġux issodisfati fil-każ ta’ akkordji li jidħlu fihom impriżi attivi fl-ekonomija tal-pjattaformi online.
(64)Meta akkordju vertikali konkluż minn impriża attiva fl-ekonomija tal-pjattaformi online ma jissodisfax il-kundizzjonijiet biex jiġi kategorizzat bħala akkordju ta’ aġenzija li jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, jeħtieġ li jitqies jekk l-akkordju huwiex relatat mal-forniment ta’ servizzi tal-intermedjazzjoni online. L-Artikolu 1(1)(e) tar-Regolament (UE) X jiddefinixxi s-servizzi tal-intermedjazzjoni online bħala servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li jippermettu lill-impriżi joffru prodotti jew servizzi lil impriżi oħra jew lill-konsumaturi finali, bil-għan li jiġi ffaċilitat il-bidu ta’ tranżazzjonijiet diretti bejn l-impriżi jew bejn impriża u konsumatur finali, irrispettivament minn jekk u fejn it-tranżazzjonijiet jiġu konklużi fl-aħħar mill-aħħar. Eżempji ta’ servizzi tal-intermedjazzjoni online jistgħu jinkludu s-swieq tal-kummerċ elettroniku, l-app stores, l-għodod għat-tqabbil tal-prezzijiet u s-servizzi tal-midja soċjali użati mill-impriżi.
(65)Biex tikkwalifika bħala fornitur tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online, impriża trid tiffaċilita l-bidu ta’ tranżazzjonijiet diretti bejn żewġ partijiet oħra. Fil-prinċipju, il-funzjonijiet imwettqa mill-impriża jridu jiġu vvalutati separatament għal kull akkordju vertikali li tidħol fih l-impriża, b’mod partikolari minħabba li l-impriżi attivi fl-ekonomija tal-pjattaformi online spiss japplikaw mudelli ta’ negozju differenti f’setturi differenti jew saħansitra fl-istess settur. Pereżempju, minbarra li jipprovdu servizzi tal-intermedjazzjoni online, dawn l-impriżi jistgħu jixtru u jbigħu mill-ġdid prodotti jew servizzi, u f’xi każijiet iwettqu ż-żewġ funzjonijiet vis-à-vis kontroparti waħda.
(66)Il-fatt li impriża tiġbor pagamenti għal tranżazzjonijiet li hija tintermedja, jew toffri servizzi anċillari flimkien mas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tagħha, pereżempju, servizzi ta’ reklamar, servizzi ta’ klassifikazzjoni, assikurazzjoni jew garanzija kontra l-ħsara, ma jipprekludihiex milli tiġi kategorizzata bħala fornitur ta’ servizzi tal-intermedjazzjoni online.
(67)Għall-fini tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) X, l-impriżi li huma parti għal akkordji vertikali huma kkategorizzati bħala fornituri jew xerrejja. Skont l-Artikolu 1(1)(d) tar-Regolament, impriża li tipprovdi servizzi tal-intermedjazzjoni online fis-sens tal-Artikolu 1(1)(e) tar-Regolament hija kkategorizzata bħala fornitur fir-rigward ta’ dawk is-servizzi u impriża li toffri jew tbigħ prodotti jew servizzi permezz tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online hija kkategorizzata bħala xerrej fir-rigward ta’ dawk is-servizzi tal-intermedjazzjoni online, irrispettivament minn jekk tħallasx biex tuża s-servizzi tal-intermedjazzjoni online. Dan għandu l-konsegwenzi li ġejjin għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) X:
(a)l-impriża li tipprovdi s-servizzi tal-intermedjazzjoni online ma tistax tiġi kkategorizzata bħala xerrej fis-sens tal-Artikolu 1(1)(k) tar-Regolament fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi offruti minn terzi persuni li jużaw dawk is-servizzi tal-intermedjazzjoni online;
(b)għall-fini tal-applikazzjoni tal-limiti tas-sehem mis-suq stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament, is-sehem mis-suq tal-impriża li tipprovdi s-servizzi tal-intermedjazzjoni online huwa kkalkulat fis-suq rilevanti għall-forniment ta’ dawk is-servizzi. Il-kamp ta’ applikazzjoni tas-suq rilevanti jiddependi fuq il-fatti tal-każ, b’mod partikolari l-grad ta’ sostitwibbiltà bejn is-servizzi tal-intermedjazzjoni online u offline, bejn is-servizzi tal-intermedjazzjoni użati għal kategoriji differenti ta’ prodotti jew servizzi u bejn is-servizzi tal-intermedjazzjoni u l-kanali tal-bejgħ dirett;
(c)ir-restrizzjonijiet imposti mill-impriża li tipprovdi s-servizzi tal-intermedjazzjoni online fuq ix-xerrejja ta’ dawk is-servizzi relatati mal-prezz li bih, it-territorji li lilhom, jew il-klijenti li lilhom jistgħu jinbiegħu l-prodotti jew is-servizzi intermedjati, inklużi r-restrizzjonijiet relatati mar-reklamar online u l-bejgħ online, huma soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tar-Regolament (restrizzjonijiet fundamentali). Pereżempju, skont l-Artikolu 4(a) tar-Regolament, l-eżenzjoni pprovduta mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament ma tapplikax għal akkordju li skontu fornitur tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online jimponi prezz tal-bejgħ fiss jew minimu għal tranżazzjoni li jiffaċilita;
(d)skont l-Artikolu 5(1)(d) tar-Regolament, l-eżenzjoni pprovduta mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament ma tapplikax għall-obbligi ta’ parità fil-livell tal-konsumatur fuq pjattaforma trasversali imposti mill-impriża li tipprovdi s-servizzi tal-intermedjazzjoni online fuq ix-xerrejja ta’ dawk is-servizzi;
(e)skont l-Artikolu 2(6) tar-Regolament, l-eżenzjoni pprovduta mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament ma tapplikax għal akkordji relatati mal-forniment tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online meta l-fornitur tas-servizzi jkun impriża li tikkompeti fis-suq rilevanti għall-bejgħ tal-prodotti jew tas-servizzi intermedjati (funzjoni ibrida). Kif stabbilit fit-Taqsima 4.4.4., akkordji bħal dawn iridu jiġu vvalutati skont il-Linji Gwida Orizzontali fir-rigward ta’ effetti kollużivi possibbli u skont it-Taqsima 8 ta’ dawn il-Linji Gwida fir-rigward ta’ xi restrizzjoni vertikali.
(68)L-impriżi attivi fl-ekonomija tal-pjattaformi online li ma jipprovdux servizzi tal-intermedjazzjoni online fis-sens tal-Artikolu 1(1)(e) tar-Regolament (UE) X jistgħu jiġu kkategorizzati jew bħala fornituri jew xerrejja għall-fini tal-applikazzjoni tar-Regolament. Pereżempju, tali impriżi jistgħu jiġu kkategorizzati bħala fornituri ta’ servizzi tal-input upstream jew bħala bejjiegħa (mill-ġdid) ta’ oġġetti jew servizzi downstream. Din il-kategorizzazzjoni tista’ taffettwa, b’mod partikolari, id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-fini tal-applikazzjoni tal-limiti tas-sehem mis-suq stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament, l-applikabbiltà tal-Artikolu 4 tar-Regolament (restrizzjonijiet fundamentali), u l-applikabbiltà tal-Artikolu 5 tar-Regolament (restrizzjonijiet esklużi).
4.4.Limiti għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) X
4.4.1.Assoċjazzjonijiet ta’ bejjiegħa bl-imnut
(69)L-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) X jipprevedi li l-akkordji vertikali li tidħol fihom assoċjazzjoni ta’ impriżi li tissodisfa ċerti kundizzjonijiet jistgħu jibbenefikaw mill-isfera ta’ sikurezza, u b’hekk jeskludu mill-isfera ta’ sikurezza l-akkordji vertikali li jidħlu fihom l-assoċjazzjonijiet l-oħra kollha. B’mod aktar speċifiku, l-akkordji vertikali konklużi bejn assoċjazzjoni u membri individwali, jew bejn assoċjazzjoni u fornituri individwali, jaqgħu fil-kamp ta’ applkazzjoni tar-Regolament (UE) X biss jekk il-membri kollha jkunu bejjiegħa bl-imnut, ibigħu oġġetti (u mhux servizzi) lil konsumaturi finali, u jekk kull membru individwali tal-assoċjazzjoni jkollu fatturat annwali li ma jaqbiżx il-EUR 50 miljun. Madankollu, meta għadd limitat biss tal-membri tal-assoċjazzjoni jkollhom fatturat annwali li jaqbeż il-limitu ta’ EUR 50 miljun u meta dawn il-membri flimkien jirrappreżentaw inqas minn 15 % tal-fatturat kollettiv tal-membri kollha flimkien, dan normalment ma jbiddilx il-valutazzjoni skont l-Artikolu 101 tat-Trattat.
(70)Assoċjazzjoni ta’ impriżi tista’ tinvolvi kemm akkordji orizzontali kif ukoll vertikali. L-akkordji orizzontali jridu jiġu vvalutati skont il-prinċipji stabbiliti fil-Linji Gwida Orizzontali. Meta l-konklużjoni ta’ dik l-evalwazzjoni hija li kooperazzjoni bejn impriżi fil-qasam tax-xiri jew tal-bejgħ ma tqajjimx tħassib, b’mod partikolari minħabba li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawk il-Linji Gwida dwar akkordji ta’ xiri u/jew kummerċjalizzazzjoni, tkun meħtieġa valutazzjoni ulterjuri biex jiġu eżaminati l-akkordji vertikali konklużi mill-assoċjazzjoni ma’ fornituri individwali jew membri individwali. Dik il-valutazzjoni ulterjuri trid titwettaq f’konformità mar-regoli tar-Regolament (UE) X, u b’mod partikolari mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 3, 4 u 5 tiegħu, u ma’ dawn il-Linji Gwida. Pereżempju, l-akkordji orizzontali konklużi bejn il-membri tal-assoċjazzjoni jew id-deċiżjonijiet adottati mill-assoċjazzjoni, bħad-deċiżjoni li l-membri jkunu meħtieġa jixtru mill-assoċjazzjoni jew id-deċiżjoni li jiġu allokati territorji esklużivi għall-membri, iridu l-ewwel jiġu vvalutati bħala akkordju orizzontali. Huwa biss meta dik il-valutazzjoni twassal għall-konklużjoni li l-akkordju orizzontali mhuwiex antikompetittiv li jkun meħtieġ li jiġu vvalutati l-akkordji vertikali bejn l-assoċjazzjoni u membri individwali jew bejn l-assoċjazzjoni u fornituri individwali.
4.4.2.Akkordji vertikali li fihom dispożizzjonijiet dwar drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (DPI)
(71)L-Artikolu 2(3) tar-Regolament (UE) X jipprevedi li l-akkordji vertikali li fihom ċerti dispożizzjonijiet li huma relatati maċ-ċessjoni jew l-użu tad-DPI jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament, soġġett għal ċerti kundizzjonijiet. Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) X ma japplikax għal akkordji vertikali oħra li fihom dispożizzjonijiet dwar id-DPI.
(72)Ir-Regolament (UE) X japplika għal akkordji vertikali li fihom dispożizzjonijiet dwar id-DPI meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)id-dispożizzjonijiet dwar id-DPI jridu jkunu parti minn akkordju vertikali, jiġifieri akkordju b’kundizzjonijiet li bihom il-partijiet jistgħu jixtru, ibigħu jew ibigħu mill-ġdid ċerti oġġetti jew servizzi;
(b)id-DPI jridu jiġu ċeduti lix-xerrej jew jiġu liċenzjati għall-użu minnu;
(c)id-dispożizzjonijiet dwar id-DPI ma jridux jikkostitwixxu l-għan primarju tal-akkordju;
(d)id-dispożizzjonijiet dwar id-DPI jridu jkunu direttament relatati mal-użu, il-bejgħ jew il-bejgħ mill-ġdid ta’ oġġetti jew servizzi mix-xerrej jew mill-klijenti tiegħu. Fil-każ ta’ franchising fejn il-kummerċjalizzazzjoni tifforma l-għan tal-isfruttament tad-DPI, l-oġġetti jew is-servizzi jiġu distribwiti mill-franchisee ewlieni jew mill-franchisees;
(e)id-dispożizzjonijiet dwar id-DPI, b’rabta mal-oġġetti jew mas-servizzi tal-kuntratt, ma jridx ikun fihom restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li jkollhom l-istess għan bħar-restrizzjonijiet vertikali li mhumiex eżentati permezz tar-Regolament (UE) X.
(73)Tali kundizzjonijiet jiżguraw li r-Regolament (UE) X japplika għal akkordji vertikali meta l-użu, il-bejgħ jew il-bejgħ mill-ġdid ta’ oġġetti jew servizzi jista’ jsir b’mod aktar effettiv minħabba li d-DPI jiġu ċeduti lix-xerrej jew liċenzjati għall-użu minnu. Dan ifisser li r-restrizzjonijiet dwar iċ-ċessjoni jew l-użu tad-DPI jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament meta l-għan prinċipali tal-akkordju jkun ix-xiri jew id-distribuzzjoni ta’ oġġetti jew servizzi.
(74)L-ewwel kundizzjoni, stabbilita fil-paragrafu (72)(a), tagħmilha ċara li l-kuntest li fih jiġu pprovduti d-DPI huwa akkordju għax-xiri jew għad-distribuzzjoni ta’ oġġetti, jew akkordju għax-xiri jew għall-forniment ta’ servizzi, u mhux akkordju dwar iċ-ċessjoni jew il-liċenzjar tad-DPI għall-manifattura ta’ oġġetti, lanqas akkordju purament għal-liċenzjar. Ir-Regolament (UE) X ma jkoprix pereżempju:
(a)akkordji meta parti tipprovdi lil parti oħra b’riċetta u tagħtiha liċenzja biex tipproduċi xarba b’din ir-riċetta;
(b)il-liċenzja pura ta’ trademark jew sinjal għall-finijiet ta’ merchandising;
(c)kuntratti ta’ sponsorjar dwar id-dritt għar-reklamar tiegħek stess bħala l-isponsor uffiċjali ta’ avveniment;
(d)liċenzjar ta’ drittijiet tal-awtur bħal kuntratti tax-xandir li jikkonċernaw id-dritt li tirrekordja u/jew ixxandar avveniment.
(75)It-tieni kundizzjoni tagħmilha ċara, kif stipulat fil-paragrafu (72)(b), li r-Regolament (UE) X ma japplikax meta d-DPI jkunu provduti mix-xerrej lill-fornitur, irrispettivament minn jekk id-DPI jirrigwardawx il-mod tal-manifattura jew tad-distribuzzjoni jew le. Akkordju relatat mat-trasferiment tad-DPI lill-fornitur u li jkun fih restrizzjonijiet possibbli fuq il-bejgħ magħmul mill-fornitur mhuwiex kopert mir-Regolament (UE) X. Dan ifisser li s-sottokuntrattar li jinvolvi t-trasferiment tal-għarfien espert lil sottokuntrattur mhuwiex kopert mir-Regolament (UE) X (ara wkoll it-Taqsima 3.3). Madankollu, akkordju vertikali li bih x-xerrej jipprovdi speċifikazzjonijiet biss lill-fornitur li jiddeskrivu l-oġġetti jew servizzi għat-tqassim huma koperti mir-Regolament (UE) X.
(76)It-tielet kundizzjoni, stabbilita fil-paragrafu (72)(c), teħtieġ li l-għan primarju tal-akkordju ma jkunx iċ-ċessjoni jew il-liċenzjar tad-DPI. L-għan primarju jrid ikun ix-xiri, il-bejgħ jew il-bejgħ mill-ġdid ta’ oġġetti jew servizzi u d-dispożizzjonijiet dwar id-DPI jridu jservu l-implimentazzjoni tal-akkordju vertikali.
(77)Ir-raba’ kundizzjoni, stipulata fil-paragrafu (72)(d), tirrikjedi li d-dispożizzjonijiet dwar id-DPI jiffaċilitaw l-użu, il-bejgħ jew il-bejgħ mill-ġdid ta’ oġġetti jew servizzi mix-xerrej jew mill-klijenti tiegħu. L-oġġetti jew is-servizzi għall-użu jew għall-bejgħ mill-ġdid ġeneralment jiġu fornuti mil-liċenzjatur, iżda jistgħu wkoll jinxtraw mil-liċenzjatarju mingħand fornitur terz. Id-dispożizzjonijiet dwar id-DPI normalment ikunu jikkonċernaw il-kummerċjalizzazzjoni ta’ oġġetti jew servizzi. Eżempju ta’ dan ikun akkordju dwar franchising fejn il-franchisor ibigħ oġġetti għall-bejgħ mill-ġdid lill-franchisee u jagħti liċenzja lill-franchisee biex juża t-trademark u l-għarfien espert espert tiegħu biex jikkummerċjalizza l-oġġetti, jew fejn il-fornitur ta’ estratt ikkonċentrat jagħti liċenzja lix-xerrej biex iħallat u jqiegħed l-estratt fi fliexken qabel ma jbigħu bħala xarba.
(78)Il-ħames kundizzjoni, stabbilita fil-paragrafu (72)(e), tirrikjedi li d-dispożizzjonijiet dwar id-DPI ma jkollhomx l-istess għan bħal kwalunkwe waħda mir-restrizzjonijiet fundamentali elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) X jew xi waħda mir-restrizzjonijiet li huma esklużi mill-benefiċċju tar-Regolament skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (ara t-Taqsima 6).
(79)Id-DPI rilevanti għall-implimentazzjoni ta’ akkordji vertikali fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament (UE) X ġeneralment ikunu jikkonċernaw tliet oqsma ewlenin: it-trademarks, id-drittijiet tal-awtur u l-għarfien espert.
4.4.2.1.It-trademarks
(80)Liċenzja ta’ trademark lil distributur tista’ tkun relatata mad-distribuzzjoni tal-prodotti tal-liċenzjatur f’territorju partikolari. Jekk tkun liċenzja esklużiva, l-akkordju jammonta għal distribuzzjoni esklużiva.
4.4.2.2.Id-drittijiet tal-awtur
(81)Ir-rivendituri ta’ oġġetti jew servizzi koperti mid-drittijiet tal-awtur (pereż. kotba u software) jistgħu jkunu obbligati mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur biex ibigħu mill-ġdid biss bil-kundizzjoni li x-xerrej, irrispettivament minn jekk ikunx rivenditur ieħor jew l-utent finali, ma għandux jikser id-drittijiet tal-awtur. Sa fejn dawn jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, tali obbligi fuq il-bejjiegħ mill-ġdid huma koperti mir-Regolament (UE) X.
(82)Kif imsemmi fil-paragrafu 62 tal-Linji Gwida dwar it-Trasferiment tat-Teknoloġija, il-liċenzjar tad-drittijiet tal-awtur tas-software għall-iskop ta’ sempliċi riproduzzjoni u distribuzzjoni tax-xogħol protett mhuwiex kopert mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 316/2014 iżda minflok huwa kopert b’analoġija mir-Regolament (UE) X u minn dawn il-Linji Gwida.
(83)Barra minn hekk, akkordji li permezz tagħhom kopji stampati ta’ software jiġu fornuti għall-bejgħ mill-ġdid u l-bejjiegħ mill-ġdid ma jakkwistax liċenzja għal xi drittijiet fis-software iżda għandu biss id-dritt li jbigħ mill-ġdid il-kopji stampati, għandhom jitqiesu bħala ftehimiet għall-provvista ta’ oġġetti għall-bejgħ mill-ġdid għall-fini tar-Regolament (UE) X. Skont din il-forma ta’ distribuzzjoni, il-liċenzjar tas-software jseħħ biss bejn is-sid tad-drittijiet tal-awtur u l-utent tas-software. Dan jista’ jieħu l-forma ta’ liċenzja “shrink wrap”, jiġifieri sett ta’ kundizzjonijiet inklużi fil-pakkett tal-kopja fiżika li l-utent finali jitqies li jaċċetta billi jiftaħ il-pakkett.
(84)Ix-xerrejja ta’ hardware li jinkorpora software protett mid-drittijiet tal-awtur jistgħu jkunu obbligati mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur li ma jiksrux id-drittijiet tal-awtur u, għalhekk, ma jridux jagħmlu kopji u jerġgħu jbigħu s-software jew jagħmlu kopji u jużaw is-software flimkien ma’ hardware ieħor. Sa fejn dawn jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, tali restrizzjonijiet fuq l-użu huma koperti mir-Regolament (UE) X.
4.4.2.3.Għarfien espert
(85)Akkordji ta’ franchising, bl-eċċezzjoni ta’ akkordji ta’ franchising industrijali, huma eżempju ta’ għarfien espert li qed jiġi kkomunikat lix-xerrej għal skopijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni. L-akkordji dwar franchising fihom liċenzji ta’ DPI relatati ma’ trademarks jew sinjali, u għarfien espert għall-użu u d-distribuzzjoni ta’ oġġetti jew il-forniment ta’ servizzi. Minbarra l-liċenzja tad-DPI, il-franchisor ġeneralment jipprovdi lill-franchisee tul kemm idum l-akkordju b’assistenza kummerċjali jew teknika, bħal servizzi ta’ akkwist, taħriġ, pariri dwar il-proprjetà immobbli u ppjanar finanzjarju. Il-liċenzja u l-assistenza pprovduta huma komponenti integrali tal-metodu tan-negozju li jkun soġġett għal franchising.
(86)Il-liċenzjar li jkun jinstab f’akkordju dwar franchising huwa kopert mir-Regolament (UE) X jekk ikunu sodisfatti l-ħames kundizzjonijiet kollha elenkati fil-paragrafu (72). Dan normalment ikun il-każ, għaliex f’ħafna akkordji ta' franchise, inklużi akkordji ta' franchise prinċipali, il-franchisor jipprovdi oġġetti u/jew servizzi, partikolarment servizzi ta' assistenza kummerċjali jew teknika, lil min jikseb il-franchise. Id-DPI jgħinu lil min jikseb il-franchise biex ibigħ mill-ġdid il-prodotti fornuti mill-franchisor jew minn fornitur maħtur mill-franchisor, jew biex juża dawk il-prodotti u jbigħ l-oġġetti jew servizzi li jirriżultaw. Meta l-akkordju dwar franchising ikun jikkonċerna biss jew primarjament il-liċenzjar tad-DPI, huwa ma jkunx kopert mir-Regolament (UE) X, iżda l-Kummissjoni, bħala regola ġenerali, tapplika l-prinċipji stabbiliti fir-Regolament (UE) X u dawn il-Linji Gwida għal tali akkordju.
(87)L-obbligi relatati mad-DPI li ġejjin huma ġeneralment meqjusa bħala meħtieġa biex jipproteġu d-DPI tal-franchisor u, meta dawn l-obbligi jaqgħu fil-kamp ta’ apllikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, huma jkunu koperti wkoll mir-Regolament (UE) X:
(a)obbligu fuq min jikseb il-franchise li ma jinvolvix ruħu, direttament jew indirettament, f’xi negozju simili;
(b)obbligu fuq min jikseb il-franchise li ma jakkwistax interessi finanzjarji fil-kapital ta’ impriża kompetittriċi biex min jikseb il-franchise jingħata s-setgħa li jinfluwenza l-kondotta ekonomika ta’ tali impriża;
(c)obbligu fuq min jikseb il-franchise li ma jiżvelax lil terzi persuni l-għarfien espert ipprovdut mill-franchisor, sakemm dan l-għarfien espert ma jkunx fid-dominju pubbliku;
(d)obbligu fuq min jikseb il-franchise li jikkomunika lill-franchisor kull esperjenza miksuba fl-isfruttar tal-franchise u li jagħti lill-franchisor u lil oħrajn li jiksbu l-franchise liċenzja mhux esklużiva għall-għarfien espert li jirriżulta minn dik l-esperjenza;
(e)obbligu fuq min jikseb il-franchise li jgħarraf lill-franchisor b’kull ksur tad-DPI liċenzjati, li jieħu azzjoni legali kontra dawk li jikkommettu dan il-ksur jew li jassisti lill-franchisor fi kwalunkwe azzjoni legali kontra dawk li jikkommettu l-ksur;
(f)obbligu fuq min jikseb il-franchise li ma jużax l-għarfien espert liċenzjat mill-franchisor għal finijiet oħrajn għajr l-isfruttament tal-franchise;
(g)obbligu fuq min jikseb il-franchise li ma jċedix id-drittijiet u l-obbligi skont l-akkordju dwar franchising mingħajr il-kunsens tal-franchisor.
4.4.3.Akkordji vertikali bejn il-kompetituri
(88)Fir-rigward ta’ akkordji vertikali bejn kompetituri, jenħtieġ li l-ewwel jiġi nnotat li, skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament (UE) X, li dwaru hemm gwida fit-Taqsima 4.5., ir-Regolament ma japplikax għal akkordji vertikali li s-suġġett tagħhom jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ xi regolament ieħor ta’ eżenzjoni ta’ kategorija, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’tali regolament ieħor.
(89)L-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(4) tar-Regolament (UE) X tistabbilixxi r-regola ġenerali li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament ma tapplikax għal akkordji vertikali bejn impriżi konkorrenti.
(90)L-Artikolu 1(1)(c) tar-Regolament (UE) X jiddefinixxi impriża kompetitriċi bħala kompetitriċi attwali jew potenzjali. Żewġ kumpaniji jiġu ttrattati bħala kompetituri attwali jekk ikunu attivi fl-istess suq (tal-prodott u ġeografiku) rilevanti. Impriża tiġi ttrattata bħala kompetitur potenzjali ta’ impriża oħra jekk, fin-nuqqas ta’ akkordju, fil-każ li jkun hemm żieda żgħira iżda permanenti fil-prezzijiet relattivi, x’aktarx li din l-ewwel impriża tagħmel, f’perjodu ta’ żmien qasir li normalment ma jaqbiżx sena, l-investimenti addizzjonali meħtieġa jew iġġarrab spejjeż oħrajn meħtieġa għal konverżjoni biex tidħol fis-suq rilevanti li fih l-impriża l-oħra tkun attiva. Din il-valutazzjoni trid tkun ibbażata fuq raġunijiet realistiċi, wara li jitqiesu l-istruttura tas-suq u l-kuntest ekonomiku u legali li fih topera. Is-sempliċi possibbilità teoretika li tidħol f'suq mhijiex biżżejjed. Irid ikun hemm possibbiltajiet reali u konkreti biex l-impriża tidħol fis-suq mingħajr l-ebda ostaklu insuperabbli għad-dħul. Bil-maqlub, ma hemmx bżonn li jintwera b’ċertezza li l-impriża se tidħol fis-suq ikkonċernat u li tkun kapaċi żżomm postha hemmhekk.
(91)Akkordji vertikali bejn impriżi kompetituri li ma jaqgħux fl-eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(4), it-tieni sentenza, tar-Regolament (UE) X, li dwarhom hemm gwida pprovduta fil-paragrafi minn (93) sa (95), iridu jiġu vvalutati individwalment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat. Dawn il-Linji Gwida huma rilevanti għall-valutazzjoni ta’ kwalunkwe restrizzjoni vertikali f’tali akkordji. Il-Linji Gwida Orizzontali jistgħu jipprovdu gwida rilevanti għall-valutazzjoni tal-effetti kollużivi possibbli.
(92)Bejjiegħ bl-ingrossa jew bejjiegħ bl-imnut li jipprovdi speċifikazzjonijiet lil manifattur biex jipproduċi oġġetti għall-bejgħ taħt l-isem tad-ditta ta’ dak il-bejjiegħ bl-ingrossa jew bejjiegħ bl-imnut ma jitqiesx bħala manifattur ta’ tali prodotti bil-marka tad-ditta proprja u konsegwentement mhuwiex kompetitur tal-manifattur għall-fini tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(4)(a) tar-Regolament (UE) X. Għalhekk, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament tista’ tapplika għal akkordju vertikali konkluż bejn, minn naħa waħda, bejjiegħ bl-ingrossa jew bejjiegħ bl-imnut li jbigħ prodotti bil-marka tad-ditta proprja li ġew manifatturati minn terza persuna (u mhux internament) u, min-naħa l-oħra, manifattur ta’ oġġetti tal-marka tad-ditta li jikkompetu. B’kuntrast ma’ dan, il-bejjiegħa bl-ingrossa u bl-imnut li jimmanifatturaw oġġetti internament għall-bejgħ bl-isem tal-marka d-ditta tagħhom stess huma kkunsidrati bħala manifatturi u għalhekk l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament ma tapplikax għal akkordji vertikali li jidħlu fihom dawn il-bejjiegħa bl-ingrossa jew bejjiegħa bl-imnut ma’ manifatturi ta’ oġġetti tal-marka tad-ditta kompetituri.
(93)It-tieni sentenza tal-Artikolu 2(4) tar-Regolament (UE) X fiha żewġ eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali li l-eżenzjoni ta’ kategorija ma tapplikax għal akkordji bejn impriżi kompetituri. B’mod aktar speċifiku, it-tieni sentenza tal-Artikolu 2(4) tipprovdi li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament tapplika għal akkordji vertikali mhux reċiproċi bejn impriżi kompetituri li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2(4)(a) jew (b) tar-Regolament. Mhux reċiproku jfisser b’mod partikolari li x-xerrej tal-oġġetti jew servizzi tal-kuntratt ma jfornix ukoll oġġetti jew servizzi konkorrenti lill-fornitur.
(94)Iż-żewġ eċċezzjonijiet stabbiliti fit-tieni sentenza tal-Artikolu 2(4) tar-Regolament (UE) X it-tnejn jikkonċernaw xenarji ta’ distribuzzjoni doppja, jiġifieri fejn fornitur ta’ oġġetti jew servizzi jkun attiv ukoll fil-livell downstream, u b’hekk jikkompeti mad-distributuri indipendenti tiegħu. L-Artikolu 2(4)(a) tar-Regolament jikkonċerna x-xenarju meta l-fornitur ibigħ l-oġġetti tal-kuntratt f’diversi livelli ta’ kummerċ, jiġifieri fil-livell upstream bħala manifattur, importatur jew bejjiegħ bl-ingrossa u fil-livell downstream bħala importatur, bejjiegħ bl-ingrossa jew bejjiegħ bl-imnut, filwaqt li x-xerrej ibigħ l-oġġetti tal-kuntratt f’livell downstream, jiġifieri bħala importatur, bejjiegħ bl-ingrossa jew bejjiegħ bl-imnut, u mhuwiex impriża li tikkompeti fil-livell upstream meta jixtri l-oġġetti tal-kuntratt. L-Artikolu 2(4)(b) tar-Regolament jikkonċerna sitwazzjonijiet meta l-fornitur ikun fornitur ta’ servizzi li jopera f’diversi livelli ta’ kummerċ, filwaqt li x-xerrej jopera biss fil-livell tal-bejgħ bl-imnut u ma jikkompetix mal-fornitur fil-livell tal-kummerċ fejn jixtri s-servizzi tal-kuntratt.
(95)Ir-raġunament għall-eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(4)(a) u (b) tar-Regolament (UE) X huwa li, f’xenarju ta’ distribuzzjoni doppja, l-impatt negattiv potenzjali tal-akkordju vertikali fuq ir-relazzjoni kompetittiva bejn il-fornitur u x-xerrej fil-livell downstream jitqies inqas importanti mill-impatt pożittiv potenzjali tal-ftehim vertikali fuq il-kompetizzjoni b’mod ġenerali fil-livelli upstream jew downstream. Billi l-Artikolu 2(4)(a) u (b) huma eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali li r-Regolament (UE) X ma japplikax għal akkordji bejn kompetituri, dawk l-eċċezzjonijiet jenħtieġ li jiġu interpretati b’mod strett.
(96)Meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(4)(a) jew (b) tar-Regolament (UE) X jiġu ssodisfati, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament tapplika għall-aspetti kollha tal-akkordju vertikali inkwistjoni, inkluż, b’mod ġenerali, skambji ta’ informazzjoni bejn il-partijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-akkordju. L-iskambju ta’ informazzjoni jista’ jikkontribwixxi għall-effetti prokompetittivi ta’ akkordji vertikali, inkluża l-ottimizzazzjoni tal-proċessi ta’ produzzjoni u distribuzzjoni. Dan japplika wkoll f’xenarji ta’ distribuzzjoni doppja. Madankollu, mhux l-iskambji kollha ta’ informazzjoni bejn fornitur u xerrej f’xenarju ta’ distribuzzjoni doppja jtejbu l-effiċjenza. Għal din ir-raġuni, l-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) X jipprevedi li l-eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(4)(a) u (b) ma japplikawx għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn fornitur u xerrej li jew ma jkunx direttament relatat mal-implimentazzjoni tal-akkordju vertikali jew ma jkunx meħtieġ biex itejjeb il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni tal-oġġetti jew tas-servizzi tal-kuntratt, jew li ma jissodisfa l-ebda waħda minn dawk il-kundizzjonijiet. L-Artikolu 2(5) tar-Regolament u l-gwida pprovduta fil-paragrafi minn (96) sa (103) biex jikkonċernaw biss l-iskambju ta’ informazzjoni fil-kuntest ta’ distribuzzjoni doppja, jiġifieri l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-partijiet għal akkordju vertikali li jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2(4)(a) jew (b) tar-Regolament.
(97)Għall-fini tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament u ta’ dawn il-Linji Gwida, l-iskambju ta’ informazzjoni jinkludi kull komunikazzjoni ta’ informazzjoni minn parti waħda tal-akkordju vertikali għall-parti l-oħra, irrispettivament mill-karatteristiċi tal-iskambju, pereżempju jekk l-informazzjoni tiġix ikkomunikata minn parti waħda biss jew miż-żewġ partijiet, jew jekk l-informazzjoni tiġix skambjata bil-miktub jew bil-fomm. Huwa wkoll immaterjali jekk il-forma u l-kontenut tal-iskambju tal-informazzjoni jkunux miftiehma fl-akkordju vertikali jew jekk dawn iseħħux fuq bażi informali, inkluż, pereżempju, meta parti waħda tal-akkordju vertikali tikkomunika informazzjoni li ma tkunx ġiet mitluba mill-parti l-oħra.
(98)Jekk skambju ta’ informazzjoni f’xenarju ta’ distribuzzjoni doppja jkunx marbut direttament mal-implimentazzjoni ta’ akkordju vertikali u jkunx meħtieġ biex tittejjeb il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni tal-oġġetti jew tas-servizzi tal-kuntratt fis-sens tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) X jista’ jkun jiddependi fuq il-mudell partikolari ta’ distribuzzjoni. Pereżempju, f’akkordju ta’ distribuzzjoni esklużiva, jista’ jkun meħtieġ li l-partijiet jiskambjaw l-informazzjoni marbuta mal-attivitajiet ta’ bejgħ rispettiv tagħhom f’territorji partikolari jew fir-rigward ta’ gruppi ta’ klijenti partikolari. Skont akkordju dwar franchising, jista’ jkun neċessarju li l-franchisor u min jikseb il-franchise jiskambjaw informazzjoni relatata mal-applikazzjoni ta’ mudell ta’ negozju uniformi fin-network ta’ franchising kollu. F’sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, jista’ jkun meħtieġ li d-distributur jikkondividi l-informazzjoni mal-fornitur relatat mal-konformità tagħha mal-kriterji tal-għażla u ma’ xi restrizzjoni fuq il-bejgħ lil distributuri mhux awtorizzati.
(99)Dan li jsegwi huwa lista mhux eżawrjenti ta’ eżempji ta’ informazzjoni li għandhom mnejn, skont iċ-ċirkostanzi partikolari, ikunu marbuta direttament mal-implimentazzjoni tal-akkordju vertikali u meħtieġa biex tittejjeb il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni tal-oġġetti jew tas-servizzi tal-kuntratt:
(a)informazzjoni teknika marbuta mal-oġġetti jew mas-servizzi tal-kuntratt, inkluża informazzjoni marbuta mar-reġistrazzjoni, maċ-ċertifikazzjoni, mat-trattament, mal-użu, mal-manutenzjoni, mat-tiswija, mall-aġġornament jew ir-reċiklaġġ tal-oġġetti jew tas-servizzi tal-kuntratt, b’mod partikolari meta tali informazzjoni tkun meħtieġa li tikkonforma ma’ miżuri regolatorji, u ma’ informazzjoni li tippermetti lill-fornitur jew lix-xerrej jadatta l-oġġetti jew is-servizzi tal-kuntratt għar-rekwiżiti tal-klijent;
(b)informazzjoni loġistika marbuta mal-produzzjoni u mad-distribużżjoni tal-oġġetti jew tas-servizzi tal-kuntratt fil-livelli upstream jew downstream, inkluża informazzjoni marbuta ma’ proċessi tal-produzzjoni, mal-inventarju, u, soġġetti għall-paragrafu (100)(b), mal-volumi ta’ bejgħ u ta’ redditu;
(c)soġġett għall-paragrafu (100)(b), l-informazzjoni marbuta max-xiri min-naħa tal-klijenti ta’ oġġetti jew ta’ servizzi tal-kuntratt, mal-preferenzi u mal-feedback tal-klijenti,dment li l-iskambju ta’ tali informazzjoni ma jintużax biex jirrestrinġi t-territorju li fih jew il-klijenti li lilhom ix-xerrej jista’ jbigħ l-oġġetti jew is-servizzi tal-kuntratt fis-sens tal-Artikolu 4(b), (c) jew (d) tar-Regolament (UE) X;
(d)informazzjoni marbuta mal-prezzijiet li bihom jinbiegħu l-oġġetti jew is-servizzi tal-kuntratt mill-fornitur lix-xerrej;
(e)soġġetta għall-paragrafu (100)(a), informazzjoni marbuta mal-prezzijiet rakkomandati tal-bejgħ mill-ġdid tal-fornitur jew mal-prezzijiet massimi tal-bejgħ mill-ġdid għall-oġġetti jew għas-servizzi tal-kuntratt, u informazzjoni marbuta mal-prezzijiet li bihom ix-xerrej jerġa’ jbigħ l-oġġetti jew is-servizzi, dment li t-tali skambju ta’ informazzjoni ma jintużax sabiex jirrestrinġi l-kapaċità tax-xerrej li jiddetermina l-prezz tal-bejgħ tiegħu jew li jinforza prezz tal-bejgħ fiss jew minimu fis-sens tal-Artikolu 4(a) tar-Regolament (UE) X;
(f)soġġetta għall-paragrafu (100) u l-punt (e) ta’ dan il-paragrafu, l-informazzjoni marbuta mal-kummerċjalizzazzjoni tal-oġġetti u s-servizzi tal-kuntratt, inkluża informazzjoni dwar kampanji promozzjonali u informazzjoni dwar oġġetti jew servizzi ġodda li jridu jiġu fornuti skont l-akkordju vertikali;
(g)informazzjoni marbuta mal-prestazzjoni, inkluża informazzjoni aggregata kkomunikata mill-fornitur lix-xerrej b’rabta mal-attivitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ bejgħ ta’ xerrejja oħrajn tal-oġġetti jew tas-servizzi tal-kuntratt, dment li din ma tippermettix lix-xerrej jidentifika l-attivitajiet ta’ xerrejja kompetituri partikolari, kif ukoll informazzjoni marbuta mal-volum jew mal-valur tal-bejgħ tax-xerrej tal-oġġetti jew tas-servizzi tal-kuntratt fir-rigward tal-bejgħ min-naħa tiegħu ta’ oġġetti jew ta’ servizzi kompetituri.
(100)Dawn li ġejjin huma eżempji ta’ informazzjoni li ġeneralment x’aktarx ma tissodisfax iż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) X meta tiġi skambjata bejn fornitur u xerrej f’xenarju ta’ distribuzzjoni doppja:
(a)informazzjoni relatata mal-prezzijiet futuri li bihom il-fornitur jew ix-xerrej ikun beħsiebu jbigħ l-oġġetti jew is-servizzi tal-kuntratt downstream;
(b)informazzjoni relatata ma’ utenti finali identifikati tal-prodotti jew servizzi tal-kuntratt, sakemm l-iskambju ta’ tali informazzjoni ma jkunx meħtieġ:
(1)biex il-fornitur jew ix-xerrej ikun jista’ jissodisfa r-rekwiżiti ta’ utent finali partikolari, pereżempju biex jadatta l-oġġetti jew is-servizzi tal-kuntratt għar-rekwiżiti tal-utent aħħari, biex jagħti lill-utent aħħari kundizzjonijiet speċjali, inkluż taħt skema ta’ lealtà tal-klijent, jew biex jipprovdi servizzi ta’ qabel jew ta’ wara l-bejgħ, inklużi servizzi ta’ garanzija,
(2)l-implimentazzjoni jew il-monitoraġġ tal-konformità ma’ akkordju ta’ distribuzzjoni selettiva jew akkordju ta’ distribuzzjoni esklużiva li taħtu utenti finali partikolari jiġu allokati lill-fornitur jew lix-xerrej;
(c)informazzjoni relatata ma’ merkanzija mibjugħa minn xerrej bl-isem tal-marka tad-ditta tiegħu stess skambjata bejn ix-xerrej u manifattur ta’ merkanzija tad-ditta konkorrenti, sakemm il-manifattur ma jkunx ukoll il-produttur ta’ dawk l-oġġetti bil-marka tad-ditta proprja.
(101)L-eżempji stabbiliti fil-paragrafi (99) u (100) huma pprovduti biex jassistu lill-impriżi fl-awtovalutazzjoni tagħhom. Madankollu, l-inklużjoni ta’ tip partikolari ta’ informazzjoni fil-paragrafu (99) ma timplikax li l-iskambju ta’ tali informazzjoni jissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) X fil-każijiet kollha. Bl-istess mod, l-inklużjoni ta’ tip partikolari ta’ informazzjoni fil-paragrafu (100) ma timplikax li l-iskambju ta’ tali informazzjoni qatt mhu se jissodisfa dawk iż-żewġ kundizzjonijiet. L-impriżi jridu għalhekk japplikaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament għall-fatti partikolari tal-akkordju vertikali tagħhom.
(102)Meta l-partijiet għal akkordju vertikali li jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2(4)(a) jew (b) tar-Regolament (UE) X jiskambjaw informazzjoni li jew ma tkunx direttament relatata mal-implimentazzjoni tal-akkordju vertikali tagħhom jew ma tkunx meħtieġa biex ittejjeb il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni tal-oġġetti jew is-servizzi tal-kuntratt, jew li ma tissodisfa l-ebda waħda minn dawk iż-żewġ kundizzjonijiet, l-iskambju ta’ informazzjoni jrid jiġi vvalutat individwalment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat. Skambji bħal dawn mhux neċessarjament jiksru l-Artikolu 101 tat-Trattat. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet l-oħra tal-akkordju vertikali xorta jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament, sakemm il-ftehim jikkonforma b’mod ieħor mal-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament.
(103)Meta impriżi konkorrenti jidħlu f’akkordju vertikali u jidħlu fi skambji ta’ informazzjoni li ma jibbenefikawx mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament, huma jistgħu jieħdu prekawzjonijiet biex jimminimizzaw ir-riskju li l-iskambju ta’ informazzjoni jqajjem tħassib dwar il-kompetizzjoni. Pereżempju, jistgħu jiskambjaw informazzjoni biss f’forma aggregata jew jiżguraw dewmien xieraq bejn il-ġenerazzjoni tal-informazzjoni u l-iskambju. Huma jistgħu jużaw ukoll miżuri tekniċi jew amministrattivi, bħal firewalls, biex jiżguraw li l-informazzjoni kkomunikata mix-xerrej tkun aċċessibbli biss għall-persunal responsabbli għall-attivitajiet upstream tal-fornitur u mhux għall-persunal responsabbli għall-attività ta’ bejgħ dirett downstream tal-fornitur. Madankollu, l-użu ta’ tali prekawzjonijiet ma jistax idaħħal fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) X skambji ta’ informazzjoni li altrimenti jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik l-eżenzjoni.
4.4.4.Akkordji vertikali ma’ fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online li għandhom funzjoni ibrida
(104)Skont l-Artikolu 2(6) tar-Regolament (UE) X, l-eċċezzjonijiet għad-distribuzzjoni doppja stabbiliti fl-Artikolu 2(4)(a) u (b) tar-Regolament ma japplikawx għal ftehimiet vertikali relatati mal-forniment tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online meta l-fornitur tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online jkollu funzjoni ibrida, jiġifieri jkun ukoll impriża li tikkompeti fis-suq rilevanti għall-bejgħ tal-prodotti jew tas-servizzi intermedjati. L-Artikolu 2(6) tar-Regolament (UE) X japplika għal ftehimiet vertikali “relatati” mal-forniment tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online, irrispettivament minn jekk il-ftehim ikunx relatat mal-forniment ta’ dawk is-servizzi lil parti għall-ftehim jew lil terzi persuni.
(105)L-akkordji vertikali relatati mal-forniment ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online konklużi mill-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online b’tali funzjoni ibrida ma jissodisfawx il-ġustifikazzjoni għall-eċċezzjonijiet ta’ distribuzzjoni doppja, stabbilita fl-Artikolu 2(4)(a) u (b) tar-Regolament (UE) X. Tali fornituri jista’ jkollhom inċentiv li jiffavorixxu l-bejgħ tagħhom stess u l-kapaċità li jinfluwenzaw l-eżitu tal-kompetizzjoni bejn l-impriżi li jużaw is-servizzi ta’ intermedjazzjoni online tagħhom. Għalhekk, tali akkordji vertikali jistgħu joħolqu tħassib għall-kompetizzjoni b’mod ġenerali fis-swieq rilevanti għall-bejgħ tal-oġġetti jew tas-servizzi intermedjati.
(106)L-Artikolu 2(6) tar-Regolament (UE) X japplika għal akkordji vertikali relatati mal-forniment ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online meta l-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online jkun kompetitur attwali jew potenzjali fis-suq rilevanti għall-bejgħ ta’ oġġetti jew ta’ servizzi intermedjati. B’mod partikolari, irid ikun probabbli li l-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online, f’terminu qasir (normalment mhux itwal minn sena), jagħmel l-investimenti addizzjonali neċessarji jew iġarrab spejjeż neċessarji oħrajn sabiex jidħol fis-suq rilevanti għall-bejgħ tal-oġġetti jew tas-servizzi intermedjati.
(107)L-akkordji relatati mal-forniment ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online li, skont l-Artikolu 2(6) tar-Regolament (UE) X, ma jibbenefikawx mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament iridu jiġu vvalutati individwalment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat. Tali akkordji mhux neċessarjament jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, jew jistgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni individwali skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat. L-Avviż De Minimis jista’ japplika meta l-partijiet ikollhom ishma mis-suq baxxi fis-suq rilevanti għall-forniment ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online u s-suq rilevanti għall-bejgħ ta’ oġġetti jew ta’ servizzi intermedjati. Il-Linji Gwida Orizzontali jistgħu jipprovdu gwida rilevanti għall-valutazzjoni tal-effetti kollużivi possibbli. Dawn il-Linji Gwida jistgħu jipprovdu gwida għall-valutazzjoni ta’ kwalunkwe restrizzjoni vertikali.
(108)Fin-nuqqas ta’ restrizzjonijiet bi skop, l-effetti antikompetittivi sinifikanti x’aktarx li ma jkunux probabbli meta l-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online ma jgawdix is-setgħa tas-suq fis-suq rilevanti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online, pereżempju minħabba li jkun daħal biss reċentement f’suq bħal dan (fażi tal-bidu). Fl-ekonomija tal-pjattaformi online, id-dħul iġġenerat minn fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online (pereżempju, kummissjonijiet) jista’ jkun biss l-ewwel indikatur għall-firxa tas-saħħa fis-suq tiegħu u jista’ jkun neċessarju wkoll li titqies metrika alternattiva, bħan-numru ta’ tranżazzjonijiet intermedjati mill-fornitur, in-numru ta’ utenti tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online (bejjiegħa u/jew xerrejja) u l-punt sa fejn tali utenti jużaw is-servizzi ta’ fornituri oħrajn. Huwa improbabbli wkoll li fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online jgawdi s-saħħa fis-suq meta ma jkunx jibbenefika minn effetti ta’ network pożittivi sinifikanti diretti jew indiretti.
(109)Fin-nuqqas ta’ restrizzjonijiet skont l-għan jew ta’ saħħa sinjifikanti fis-suq, ma huwiex probabbli li l-Kummissjoni tipprijoritizza l-azzjoni ta’ infurzar fir-rigward ta’ akkordji vertikali relatati mal-forniment ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online meta l-fornitur ikollu funzjoni ibrida. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta, f’xenarju ta’ distribuzzjoni doppja, fornitur jippermetti lix-xerrejja ta’ oġġetti jew ta’ servizzi tiegħu jużaw is-sit web tiegħu biex jiddistribwixxu l-oġġetti jew is-servizzi, iżda ma jippermettix li s-sit web jintuża biex jiġu offruti marki tad-ditta kompetituri ta’ oġġetti jew ta’ servizzi u li ma jkunx attiv b’xi mod ieħor fis-suq rilevanti għall-forniment ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online fir-rigward ta’ tali oġġetti jew servizzi.
4.5.Ir-relazzjoni ma’ regolamenti oħrajn ta’ eżenzjoni ta’ kategorija
(110)Kif spjegat fit-Taqsimiet 4.1. u 4.2., ir-Regolament (UE) X japplika għal akkordji vertikali li jridu jiġu vvalutati esklużivament skont ir-Regolament (UE) X u dawn il-Linji Gwida, sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor f’dawn il-Linji Gwida. Akkordji bħal dawn jistgħu jibbenefikaw mill-isfera ta’ sikurezza stabbilita mir-Regolament (UE) X.
(111)Skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament (UE) X, ir-Regolament ma japplikax għal akkordji vertikali meta s-suġġett tagħhom ikun jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ xi regolament ieħor ta’ eżenzjoni ta’ kategorija, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’tali regolament”. Għalhekk, huwa importanti li jiġi vverifikat mill-bidu jekk akkordju vertikali jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ xi regolament ieħor ta’ eżenzjoni ta’ kategorija.
(112)Ir-Regolament (UE) X ma japplikax għal akkordji vertikali koperti mir-regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija li ġejjin jew minn xi regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija futur relatat mat-tipi ta’ akkordji msemmijin f’dan il-paragrafu, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fir-regolament rispettiv:
·Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 316/2014;
·Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1217/2010;
·Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1218/2010.
(113)Ir-Regolament (UE) X lanqas ma japplika għat-tipi ta’ akkordji bejn il-kompetituri msemmijin fil-Linji Gwida Orizzontali, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mil-Linji Gwida Orizzontali.
(114)Ir-Regolament (UE) X japplika għal akkordji vertikali relatati max-xiri, mal-bejgħ jew mal-bejgħ mill-ġdid ta’ spare parts għal vetturi bil-mutur u għall-forniment ta’ servizzi ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni għal vetturi bil-mutur. Tali akkordji jibbenefikaw biss mill-isfera ta’ sikurezza maħluqa mir-Regolament (UE) X jekk, minbarra l-kundizzjonijiet tar-Regolament (UE) X, jikkonformaw mal-kundizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 461/2010 u mal-linji gwida ta’ akkumpanjament tiegħu.
4.6.Tipi speċifiċi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni
(115)Fornitur huwa liberu li jorganizza d-distribuzzjoni tal-oġġetti jew tas-servizzi tiegħu kif iqis xieraq. Il-fornitur jista’, pereżempju, jagħżel l-integrazzjoni vertikali, jiġifieri li jbigħ l-oġġetti jew is-servizzi tiegħu direttament lill-utenti finali jew li jiddistribwihom permezz tad-distributuri integrati vertikalment tiegħu, li huma impriżi konnessi fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) X. Dan it-tip ta’ sistema ta’ distribuzzjoni jinvolvi impriża waħda u għalhekk jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat.
(116)Il-fornitur jista’ jiddeċiedi wkoll li juża distributuri indipendenti. Għal dan il-għan, il-fornitur jista’ jistabbilixxi sistema ta’ distribuzzjoni ta’ tip wieħed jew aktar. Ċerti tipi ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni, jiġifieri distribuzzjoni selettiva u distribuzzjoni esklużiva, huma s-suġġett ta’ definizzjonijiet speċifiċi fl-Artikolu 1(1)(g) u (h) tar-Regolament (UE) X. Fit-Taqsimiet 4.6.1 u 4.6.2 rispettivament tingħata gwida dwar id-distribuzzjoni esklużiva u d-distribuzzjoni selettiva. Il-fornitur jista’ wkoll jiddistribwixxi l-oġġetti u s-servizzi tiegħu mingħajr ma juża la d-distribuzzjoni selettiva u lanqas id-distribuzzjoni esklużiva. Dawn it-tipi l-oħra ta’ distribuzzjoni huma klassifikati bħala sistemi ta’ distribuzzjoni libera bl-għan li japplikaw ir-Regolament.
4.6.1.Sistemi ta’ distribuzzjoni esklużiva
4.6.1.1.Definizzjoni ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni esklużiva
(117)F’sistema ta’ distribuzzjoni esklużiva, kif definit fl-Artikolu 1(1)(h) tar-Regolament (UE) X, il-fornitur jalloka territorju jew grupp ta’ klijenti esklużivament lil xerrej wieħed jew lil numru limitat ta’ xerrejja, filwaqt li jirrestrinġi lix-xerrejja l-oħrajn kollha tiegħu fl-Unjoni milli jbigħu b’mod attiv fit-territorju esklużiv jew lill-grupp esklużiv ta’ klijenti.
(118)Il-fornituri spiss jużaw sistemi ta’ distribuzzjoni esklużiva biex jinċentivaw lid-distributuri jagħmlu l-investimenti finanzjarji u mhux finanzjarji meħtieġa biex jiżviluppaw il-marka tad-ditta tal-fornitur f’territorju meta l-marka tad-ditta ma tkunx magħrufa ħafna, jew biex ibigħu prodott ġdid f’territorju partikolari jew lil grupp ta’ klijenti partikolari, jew biex jiċentivaw lid-distributuri jiffokaw l-attivitajiet ta’ bejgħ u ta’ promozzjoni tagħhom fuq prodott partikolari. Għad-distributuri, il-protezzjoni pprovduta b’esklużività tista’ tippermettilhom jiżguraw ċertu volum ta’ negozju u marġni li jiġġustifika l-isforzi ta’ investiment tagħhom.
4.6.1.2.L-applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-Trattat għas-sistemi ta’ distribuzzjoni esklużiva
(119)F’sistema ta’ distribuzzjoni li fiha l-fornitur jalloka esklużivament territorju jew grupp ta’ klijenti lil xerrej wieħed jew aktar, ir-riskji ewlenin possibbli għall-kompetizzjoni huma l-kompartimentalizzazzjoni tas-suq, li tista’ tiffaċilita d-diskriminazzjoni fil-prezzijiet, u t-tnaqqis fil-kompetizzjoni fil-marki tad-ditta. Meta l-biċċa l-kbira tal-aktar fornituri b’saħħithom attivi f’suq, jew kollha kemm huma, joperaw sistema ta’ distribuzzjoni esklużiva, din tista’ tnaqqas il-kompetizzjoni bejn il-marki tad-ditta u/jew tiffaċilita l-kollużjoni, kemm fil-livell tal-fornituri kif ukoll fil-livell tad-distributuri. Fl-aħħar nett, distribuzzjoni esklużiva tista’ twassal għall-esklużjoni ta’ distributuri oħrajn u, b’hekk, tnaqqas il-kompetizzjoni kemm fil-marka tad-ditta kif ukoll bejn il-marki tad-ditta fil-livell tad-distributuri.
(120)L-akkordji ta’ distribuzzjoni esklużiva jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) X, dment li s-sehem mis-suq tal-fornitur u tax-xerrej ma jaqbiżx it-30 %, l-akkordju ma jkunx fih restrizzjonijiet fundamentali fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) X, u n-numru ta’ distributuri maħturin għal kull territorju jew grupp ta’ klijenti esklużiv ma jkunx akbar minn ħamsa. Akkordju ta’ distribuzzjoni esklużiva xorta jista’ jibbenefika mill-isfera ta’ sikurezza prevista mir-Regolament (UE) X jekk ikun kombinat ma’ restrizzjonijiet vertikali mhux fundamentali oħrajn, bħal obbligu li ma ssirx kompetizzjoni limitat għal ħames snin, obbligu ta’ kwantità jew xiri esklużiv.
(121)L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) X hija limitata għal massimu ta’ ħames distributuri għal kull territorju esklużiv jew grupp esklużiv ta’ klijenti biex tippreserva l-inċentiv tad-distributuri biex jinvestu fil-promozzjoni u fil-bejgħ tal-oġġetti jew tas-servizzi tal-fornitur, filwaqt li tipprovdi lill-fornitur bi flessibbiltà suffiċjenti biex jorganizza s-sistema ta’ distribuzzjoni tiegħu. Lil hinn minn dak in-numru, hemm riskju akbar li d-distributuri esklużivi jistgħu jwettqu free-ride fuq l-investimenti ta’ xulxin, u b’hekk jeliminaw l-effiċjenza li d-distribuzzjoni esklużiva hija maħsuba li tikseb.
(122)Biex is-sistema ta’ distribuzzjoni esklużiva tibbenefika mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) X, id-distributuri maħtura jeħtiġilhom ikunu protetti minn bejgħ attiv fit-territorju esklużiv jew mill-grupp esklużiv ta’ klijenti mix-xerrejja kollha l-oħrajn tal-fornitur. Meta fornitur jaħtar aktar minn distributur wieħed għal territorju esklużiv jew għal grupp esklużiv ta’ klijenti, dawn id-distributuri kollha jeħtiġilhom ikunu protetti bl-istess mod minn bejgħ attiv fit-territorju esklużiv jew lill-grupp esklużiv ta’ klijenti mix-xerrejja l-oħrajn kollha tal-fornitur, iżda l-bejgħ attiv u passiv minn dawn id-distributuri fit-territorju esklużiv jew lill-grupp esklużiv ta’ klijenti ma jistax jiġi ristrett. Meta, għal raġunijiet prattiċi u mhux bl-għan ta’ prevenzjoni tal-kummerċ parallel, it-territorju esklużiv jew il-grupp esklużiv ta’ klijenti ma jkunx protett minn bejgħ attiv minn ċerti xerrejja għal perjodu temporanju, pereżempju meta l-fornitur jimmodifika s-sistema ta’ distribuzzjoni esklużiva u jeħtieġ iż-żmien biex jinnegozja mill-ġdid ir-restrizzjonijiet attivi fuq il-bejgħ ma’ ċerti xerrejja, is-sistema ta’ distribuzzjoni esklużiva xorta tista’ tibbenefika mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) X.
(123)L-akkordji vertikali użati għad-distribuzzjoni esklużiva jenħtieġ li jiddefinixxu l-ambitu tat-territorju jew tal-grupp ta’ klijenti li jiġi allokat esklużivament lid-distributuri. Pereżempju, it-territorju esklużiv jista’ jikkorrispondi għat-territorju ta’ Stat Membru jew għal żona akbar jew iżgħar. Grupp esklużiv ta’ klijenti jista’ jiġi ddefinit, pereżempju, billi jintuża kriterju wieħed jew aktar, bħall-okkupazzjoni jew l-attività tal-klijenti jew billi tintuża lista ta’ klijenti identifikati. Skont il-kriterji użati, il-grupp ta’ klijenti jista’ jkun limitat għal klijent wieħed.
(124)Meta territorju jew grupp ta’ klijenti jkun għadu ma ġiex allokat esklużivament lil distributur wieħed jew aktar, il-fornitur jista’ jirriżerva tali territorju jew grupp ta’ klijenti għalih stess, f’liema każ jeħtieġlu jinforma lid-distributuri kollha l-oħrajn tiegħu. Dan ma jirrikjedix li l-fornitur ikun kummerċjalment attiv fit-territorju riżervat jew fir-rigward tal-grupp riżervat ta’ klijenti. Pereżempju, il-fornitur jista’ jkun jixtieq jirriżerva t-territorju jew il-grupp ta’ klijenti għall-fini li jallokah lil distributuri oħrajn fil-futur.
4.6.1.3.Gwida dwar il-valutazzjoni individwali tal-akkordji ta’ distribuzzjoni esklużiva
(125)Barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) X, il-pożizzjoni tas-suq tal-fornitur u tal-kompetituri tiegħu hija ta’ importanza kbira, billi telf tal-kompetizzjoni bejn il-marki tad-ditta jkun ta’ problema biss jekk il-kompetizzjoni bejn il-marki tad-ditta tkun limitata għal-livell tal-fornitur jew tad-distributur. Aktar ma tkun b’saħħitha l-pożizzjoni tal-fornitur, notevolment ogħla mil-limitu ta’ 30 %, aktar tkun għolja l-probabbiltà li l-kompetizzjoni bejn il-marki tad-ditta tkun dgħajfa u aktar ikun kbir ir-riskju għall-kompetizzjoni li jirriżulta mit-tnaqqis fil-kompetizzjoni f’marka tad-ditta.
(126)Il-pożizzjoni tal-kompetituri tal-fornitur jista’ jkollha sinifikat doppju. L-eżistenza ta’ kompetituri b’saħħithom ġeneralment tindika li xi tnaqqis fil-kompetizzjoni fil-marka tad-ditta jkun megħlub minn kompetizzjoni suffiċjenti bejn il-marki tad-ditta. Madankollu, jekk l-għadd ta’ fornituri f’suq ikun pjuttost limitat u l-pożizzjoni tagħhom fis-suq tkun pjuttost simili f’termini ta’ sehem mis-suq, kapaċità u network tad-distribuzzjoni, hemm riskju ta’ kollużjoni u/jew tnaqqis ta’ kompetizzjoni. It-telf ta’ kompetizzjoni f’marka tad-ditta jista’ jżid dak ir-riskju, speċjalment meta diversi fornituri jħaddmu sistemi ta’ distribuzzjoni simili.
(127)Distribuzzjoni esklużiva multipla, jiġifieri meta fornituri multipli jaħtru l-istess distributur esklużiv/distributuri esklużivi f’territorju partikolari, tista’ tkompli żżid ir-riskju ta’ kollużjoni u/jew ta’ tnaqqis tal-kompetizzjoni fil-livell tal-fornituri u tad-distributuri. Meta distributur wieħed jew aktar jingħataw id-dritt esklużiv li jiddistribwixxu żewġ prodotti kompetituri jew aktar fl-istess territorju, il-kompetizzjoni bejn il-marki tad-ditta tista’ tiġi ristretta sostanzjalment għal dawk il-marki tad-ditta. Aktar ma jkun għoli s-sehem mis-suq kumulattiv tal-marki tad-ditta distribwiti mid-distributuri esklużivi ta’ marki tad-ditta multipli, aktar ikun għoli r-riskju ta’ kollużjoni u/jew ta’ tnaqqis tal-kompetizzjoni u aktar titnaqqas il-kompetizzjoni bejn il-marki tad-ditta. Meta bejjiegħ bl-imnut wieħed jew aktar ikunu distributuri esklużivi għal numru ta’ marki tad-ditta, hemm riskju li tnaqqis tal-prezz bl-ingrossa minn fornitur wieħed għall-marka tad-ditta tiegħu ma jiġix ittrasferit mill-bejjiegħa bl-imnut esklużivi lill-konsumatur, billi dan ikun inaqqas il-bejgħ u l-profitti li jagħmlu l-bejjiegħa bl-imnut bil-marki l-oħrajn tad-ditta. Meta mqabbla ma’ sitwazzjoni mingħajr distribuzzjoni esklużiva multipla, il-fornituri jkollhom anqas inċentiv li jidħlu f’kompetizzjoni fil-prezz ma’ xulxin. Meta l-ishma mis-suq tal-fornituri u tax-xerrejja individwali jkunu taħt il-limitu ta’ 30 %, tali effetti kumulattivi jistgħu jkunu raġuni biex jiġi rtirat il-benefiċċju tar-Regolament (UE) X.
(128)L-ostakli għad-dħul li jistgħu jfixklu lill-fornituri milli joħolqu n-network ta’ distribuzzjoni integrat tagħhom jew milli jsibu distributuri alternattivi huma anqas importanti fil-valutazzjoni tal-effetti antikompetittivi possibbli ta’ distribuzzjoni esklużiva. L-esklużjoni ta’ fornituri oħrajn ma tinħoloqx, sakemm id-distribuzzjoni esklużiva ma tkunx ikkombinata ma’ marka unika tad-ditta, li tobbliga jew iġġiegħel lid-distributur jikkonċentra l-ordnijiet tiegħu għal tip partikolari ta’ prodott ma’ fornitur wieħed. Il-kombinazzjoni ta’ distribuzzjoni esklużiva u ta’ marka unika tad-ditta tista’ tagħmilha aktar diffiċli għal fornituri oħrajn biex isibu distributuri alternattivi, b’mod partikolari meta tiġi applikata marka unika tad-ditta għal network dens ta’ distributuri esklużivi b’territorji żgħar jew fil-każ ta’ effett antikompetittiv kumulattiv. F’xenarju bħal dan, jenħtieġ li jiġu applikati l-prinċipji dwar marka unika tad-ditta stabbiliti fit-Taqsima 8.2.1.
(129)Il-kombinazzjoni ta’ distribuzzjoni esklużiva max-xiri esklużiv, li tirrikjedi li d-distributuri esklużivi jixtru l-marka tad-ditta tal-fornitur direttament mill-fornitur, iżżid ir-riskji ta’ kompetizzjoni mnaqqsa bejn il-marki tad-ditta u ta’ kompartimentalizzazzjoni tas-suq. Id-distribuzzjoni esklużiva diġà tillimita l-arbitraġġ mill-klijenti, billi tillimita n-numru ta’ distributuri għal kull territorju esklużiv u timplika li l-ebda distributur ieħor ma jista’ jbigħ b’mod attiv f’dak it-territorju. Ix-xiri esklużiv jelimina wkoll l-arbitraġġ possibbli mid-distributuri esklużivi, li ma jitħallewx jixtru mingħand distributuri oħrajn fis-sistema ta’ distribuzzjoni esklużiva. Dan iżid il-possibbiltà li l-fornitur jillimita l-kompetizzjoni fil-marka tad-ditta filwaqt li japplika kundizzjonijiet ta’ bejgħ mhux simili għad-detriment tal-konsumaturi, sakemm il-kombinazzjoni ta’ distribuzzjoni esklużiva max-xiri esklużiv ma tiġġenerax effiċjenzi li jkunu ta’ benefiċċju għall-konsumaturi.
(130)L-esklużjoni ta’ distributuri oħrajn ma tkunx problematika meta l-fornitur li jħaddem is-sistema ta’ distribuzzjoni esklużiva jaħtar numru kbir ta’ distributuri esklużivi fl-istess suq rilevanti u dawk id-distributuri esklużivi ma jkunux ristretti milli jbigħu lil distributuri mhux maħturin oħrajn. Madankollu, l-esklużjoni ta’ distributuri oħrajn tista’ tkun problematika fejn ikun hemm saħħa fis-suq downstream, b’mod partikolari fil-każ ta’ territorji kbar ħafna fejn distributur esklużiv isir ix-xerrej esklużiv għal suq sħiħ. Eżempju tkun katina ta’ supermarkets li ssir l-uniku distributur ta’ marka ewlenija tad-ditta f’suq nazzjonali tal-bejgħ bl-imnut tal-ikel. L-esklużjoni ta’ distributuri oħrajn tista’ tkun aggravata fil-każ ta’ distribuzzjoni esklużiva multipla.
(131)Is-saħħa tax-xerrej tista’ żżid ukoll ir-riskju ta’ kollużjoni min-naħa tax-xerrejja meta jiġu imposti arranġamenti ta’ distribuzzjoni esklużiva minn xerrejja importanti, li possibbilment jinsabu f’territorji differenti, fuq fornitur wieħed jew diversi.
(132)Il-valutazzjoni tad-dinamika tas-suq hija importanti, billi ż-żieda fid-domanda, it-teknoloġiji li jinbidlu u l-pożizzjonijiet tas-suq li jinbidlu jistgħu jagħmlu l-effetti negattivi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni esklużiva anqas probabbli milli fi swieq maturi.
(133)In-natura tal-prodott tista’ tkun rilevanti wkoll għall-valutazzjoni tal-effetti antikompettitivi possibbli tad-distribuzzjoni esklużiva. Dawk l-effetti se jkunu anqas akuti f’setturi li fihom il-bejgħ online huwa aktar prevalenti, billi l-bejgħ online jista’ jiffaċilita x-xiri mid-distributuri lil hinn mit-territorju esklużiv jew mill-grupp esklużiv ta’ klijenti.
(134)Il-livell ta’ kummerċ huwa importanti minħabba li l-effetti negattivi possibbli jistgħu jvarjaw bejn il-livell tal-bejgħ bl-ingrossa u dak tal-bejgħ bl-imnut. Id-distribuzzjoni esklużiva hija prinċipalment applikata fid-distribuzzjoni ta’ oġġetti jew servizzi finali. Telf ta’ kompetizzjoni fil-marka tad-ditta huwa partikolarment probabbli fil-livell tal-bejgħ bl-imnut meta t-territorji esklużivi jkunu kbar, billi, f’dak il-każ, il-konsumaturi ftit li xejn jista’ jkollhom possibbiltà li jagħżlu bejn distributur bi prezz għoli/servizz għoli u distributur bi prezz baxx/servizz baxx għal marka importanti tad-ditta.
(135)Manifattur li jagħżel bejjiegħ bl-ingrossa bħala d-distributur esklużiv tiegħu normalment jagħmel dan għal territorju akbar, bħal Stat Membru sħiħ. Sakemm il-bejjiegħ bl-ingrossa jkun jista’ jbigħ il-prodotti mingħajr limitazzjoni għall-bejjiegħa bl-imnut downstream, mhux probabbli li jkun hemm effetti antikompetittivi sinifikanti. Telf possibbli ta’ kompetizzjoni fil-marka tad-ditta fil-livell tal-bejgħ bl-ingrossa jista’ jingħeleb faċilment mill-effiċjenzi miksubin fil-loġistika u fil-promozzjoni, speċjalment meta l-manifattur ikun ibbażat fi Stat Membru differenti. Madankollu, distribuzzjoni esklużiva multipla toħloq riskji akbar għall-kompetizzjoni bejn il-marki tad-ditta fil-livell tal-bejgħ bl-ingrossa milli fil-livell tal-bejgħ bl-imnut. Meta bejjiegħ bl-ingrossa wieħed isir id-distributur esklużiv għal għadd sinifikanti ta’ fornituri, hemm mhux biss riskju li l-kompetizzjoni bejn dawn il-marki tad-ditta titnaqqas, iżda wkoll riskju ogħla ta’ esklużjoni fil-livell ta’ kummerċ bl-ingrossa.
(136)Madankollu, sistema ta’ distribuzzjoni esklużiva li tirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat tista’ toħloq effiċjenzi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Pereżempju, l-esklużività tista’ tkun neċessarja biex id-distributuri jiġu inċentivati jinvestu fl-iżvilupp tal-marka tad-ditta tal-fornitur jew fil-forniment ta’ servizzi li jsaħħu d-domanda. Barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) X, aktar ma jkun għoli n-numru ta’ distributuri esklużivi maħturin għal territorju partikolari, aktar tkun baxxa l-probabbiltà li jkollhom biżżejjed inċentivi biex jinvestu fil-promozzjoni tal-prodotti tal-fornitur u fl-iżvilupp tal-marka tiegħu tad-ditta, billi d-distributuri esklużivi l-oħrajn li jikkondividu t-territorju jistgħu jipprattikaw il-free-riding fuq l-isforzi ta’ investiment tagħhom.
(137)In-natura tal-prodott hija rilevanti għall-valutazzjoni tal-effiċjenzi. Effiċjenzi oġġettivi huma aktar probabbli fil-każ ta’ prodotti ġodda, ta’ prodotti kumplessi u ta’ prodotti li l-kwalitajiet tagħhom ikunu diffiċli li jiġu ġġudikati qabel il-konsum (l-hekk imsejħin prodotti ta’ esperjenza) jew saħansitra wara l-konsum (l-hekk imsejħin prodotti ta’ fiduċja). Barra minn hekk, distribuzzjoni esklużiva tista’ twassal għal iffrankar fl-ispejjeż loġistiċi minħabba l-ekonomiji ta’ skala fit-trasport u d-distribuzzjoni. Il-kombinazzjoni ta’ distribuzzjoni esklużiva u ta’ marka unika tad-ditta tista’ żżid l-inċentivi għad-distributur esklużiv/distributuri esklużivi biex jiffoka l-isforzi tiegħu/jiffokaw l-isforzi tagħhom fuq marka partikolari tad-ditta.
(138)Il-fatturi msemmijin fil-paragrafi (125) sa (137) jibqgħu rilevanti għall-valutazzjoni tas-sistemi ta’ distribuzzjoni esklużiva li bihom il-fornitur jalloka grupp ta’ klijenti esklużivament lil xerrej wieħed jew aktar. Għall-valutazzjoni ta’ dan it-tip ta’ sistema ta’ distribuzzjoni esklużiva, jenħtieġ li jitqiesu wkoll il-fatturi addizzjonali elenkati fil-paragrafi (139) u (140).
(139)B’mod simili għall-allokazzjoni esklużiva ta’ territorju, l-allokazzjoni esklużiva ta’ grupp ta’ klijenti ġeneralment tagħmel l-arbitraġġ mill-klijenti aktar diffiċli. Barra minn hekk, billi kull distributur maħtur għandu l-grupp ta’ klijenti tiegħu stess, ix-xerrejja li ma jaqgħux f’xi grupp bħal dan jistgħu jsibuha diffiċli li jiksbu l-prodotti tal-fornitur. Konsegwentement, jonqos l-ambitu għall-arbitraġġ minn dawn ix-xerrejja.
(140)Minbarra t-tipi ta’ effiċjenza msemmijin fil-paragrafu (136), l-allokazzjoni esklużiva tal-klijenti tista’ tiġġenera effiċjenzi meta jkun neċessarju għad-distributuri li jinvestu f’tagħmir, f’ħiliet jew f’għarfien espert speċifiċi biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ kategorija partikolari ta’ klijenti, jew meta investimenti bħal dawn iwasslu għal ekonomiji ta’ skala jew għal ambitu fil-loġistika. Il-perjodu ta’ deprezzament għal dawk l-investimenti huwa indikazzjoni tat-tul ta’ żmien li għalih tista’ tiġi ġġustifikata l-allokazzjoni esklużiva tal-klijenti. B’mod ġenerali, il-ġustifikazzjoni għall-allokazzjoni esklużiva ta’ klijenti tkun l-aktar b’saħħitha għal prodotti ġodda jew kumplessi u għal prodotti li jeħtieġu adattament għall-ħtiġijiet tal-klijent partikolari. Ħtiġijiet differenzjati identifikabbli huma aktar probabbli għal prodotti intermedji, jiġifieri prodotti li jinbiegħu lil diversi tipi ta’ xerrejja professjonali. B’kuntrast ma’ dan, l-allokazzjoni tal-konsumaturi x’aktarx li ma twassalx għal effiċjenzi.
(141)Dan li ġej huwa eżempju ta’ distribuzzjoni esklużiva multipla f’suq oligopolistiku:
|
F’suq nazzjonali għal prodott finali, hemm erba’ mexxejja tas-suq, li kull wieħed għandu sehem mis-suq ta’ madwar 20 %. Dawk l-erba’ mexxejja tas-suq ibigħu l-prodott tagħhom permezz ta’ distributuri esklużivi fil-livell tal-bejgħ bl-imnut. Il-bejjiegħa bl-imnut jingħataw territorju esklużiv li jikkorrispondi għall-belt, jew għal distrett tal-belt, li jinsabu fiha. Fil-biċċa l-kbira tat-territorji, l-erba’ mexxejja tas-suq jaħtru l-istess bejjiegħ bl-imnut esklużiv (“distribuzzjoni multipla”), li ħafna drabi jkun lokalizzat ċentralment u pjuttost speċjalizzat fil-prodott rilevanti. L-20 % li jifdal tas-suq nazzjonali huwa magħmul minn produtturi lokali żgħar, bl-akbar minn fost dawn il-produtturi għandu sehem mis-suq ta’ 5 % fis-suq nazzjonali. Dawk il-produtturi lokali ġeneralment ibigħu l-prodotti tagħhom permezz ta’ bejjiegħa bl-imnut oħrajn, primarjament minħabba li d-distributuri esklużivi tal-akbar erba’ fornituri ġeneralment ftit li xejn juru interess li jbigħu marki tad-ditta anqas magħrufin u orħos. Hemm differenzjazzjoni qawwija tal-marki tad-ditta u tal-prodotti fis-suq. L-erba’ mexxejja tas-suq għandhom kampanji ta’ reklamar nazzjonali kbar u immaġnijiet ta’ marki qawwija tad-ditta, filwaqt li l-produtturi periferali ma jirreklamawx il-prodotti tagħhom fil-livell nazzjonali. Is-suq huwa pjuttost matur, b’domanda stabbli u l-ebda innovazzjoni maġġuri fil-prodott u fit-teknoloġija. Il-prodott huwa relattivament sempliċi.
F’suq oligopolistiku bħal dan, hemm riskju ta’ kollużjoni bejn l-erba’ mexxejja tas-suq. Dak ir-riskju jiżdied permezz ta’ distribuzzjoni multipla. Il-kompetizzjoni f’marka tad-ditta hija limitata mill-esklużività territorjali. Il-kompetizzjoni bejn l-erba’ marki ewlenin tad-ditta titnaqqas fil-livell tal-bejgħ bl-imnut, minħabba li bejjiegħ bl-imnut wieħed jiffissa l-prezz tal-erba’ marki kollha tad-ditta f’kull territorju. Id-distribuzzjoni multipla timplika li, jekk produttur wieħed inaqqas il-prezz għall-marka tiegħu tad-ditta, il-bejjiegħ bl-imnut ma jkunx ħerqan li jittrażmetti dak it-tnaqqis fil-prezz lill-konsumatur, minħabba li jkun inaqqas il-bejgħ u l-profitti li jagħmel bil-marki l-oħrajn tad-ditta. B’hekk, il-produtturi għandhom inqas interess li jidħlu f’kompetizzjoni fuq il-prezz ma’ xulxin. Il-kompetizzjoni fil-prezz bejn il-marki tad-ditta teżisti prinċipalment bejn oġġetti b’immaġni baxxa tal-marka tad-ditta tal-produtturi periferali. L-argumenti ta’ effiċjenza possibbli għal distributuri esklużivi (konġunti) huma limitati, billi l-prodott huwa relattivament sempliċi, il-bejgħ mill-ġdid ma jeħtieġ l-ebda investiment speċifiku jew it-taħriġ u r-reklamar jitwettqu prinċipalment fil-livell tal-produtturi.
Minkejja li kull wieħed mill-mexxejja tas-suq għandu sehem mis-suq taħt il-limitu, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat jistgħu ma jiġux issodisfati u l-irtirar tal-eżenzjoni ta’ kategorija jista’ jkun neċessarju għall-akkordji konklużi mad-distributuri li s-sehem mis-suq tagħhom ikun taħt it-30 % tas-suq tal-akkwist.
|
(142)Dan li ġej huwa eżempju ta’ allokazzjoni esklużiva tal-klijenti:
|
Impriża żviluppat installazzjoni ta’ bexxiexa sofistikata. Bħalissa l-impriża għandha sehem mis-suq ta’ 40 % fis-suq tal-installazzjonijiet ta’ bexxiexa. Meta bdiet tbigħ il-bexxiexa sofistikata, hija kellha sehem mis-suq ta’ 20 % bi prodott eqdem. L-installazzjoni tat-tip ġdid ta’ bexxiexa tiddependi fuq it-tip ta’ bini fejn tkun installata u fuq l-użu tal-bini (pereżempju uffiċċju, impjant kimiku jew sptar). Il-kumpanija ħatret numru ta’ distributuri biex ibigħu u jinstallaw il-bexxiexa sofistikata. Kull distributur kellu bżonn iħarreġ lill-impjegati tiegħu għar-rekwiżiti ġenerali u speċifiċi tal-installazzjoni tal-bexxiexa sofistikata għal klassi partikolari ta’ klijenti. Biex jiġi żgurat li d-distributuri jispeċjalizzaw, l-impriża assenjat klassi esklużiva ta’ klijenti lil kull distributur u pprojbiet bejgħ attiv lill-klassijiet esklużivi ta’ klijenti tal-oħrajn. Wara ħames snin, id-distributuri esklużivi kollha se jkunu jistgħu jbigħu b’mod attiv lill-klassijiet kollha ta’ klijenti, sabiex b’hekk tintemm is-sistema ta’ allokazzjoni esklużiva tal-klijenti. Imbagħad, il-fornitur jista’ jibda jbigħ ukoll lil distributuri ġodda. Is-suq huwa pjuttost dinamiku, b’żewġ entrati reċenti u għadd ta’ żviluppi teknoloġiċi. Il-kompetituri għandhom ishma mis-suq ta’ bejn 5 % u 25 % u qegħdin ukoll jaġġornaw il-prodotti tagħhom.
Billi l-esklużività għandha tul ta’ żmien limitat u tgħin biex tiżgura li d-distributuri jistgħu jirkupraw l-investimenti tagħhom u jikkonċentraw l-isforzi tal-bejgħ inizjali tagħhom fuq ċerta klassi ta’ klijenti biex jitgħallmu s-sengħa, u billi l-effetti antikompettitivi possibbli jidhru limitati f’suq dinamiku, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat x’aktarx jiġu ssodisfati.
|
4.6.2.Sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva
4.6.2.1.Definizzjoni ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva
(143)F’sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, kif definita fl-Artikolu 1(1)(g) tar-Regolament (UE) X, il-fornitur jimpenja ruħu li jbigħ l-oġġetti jew is-servizzi tal-kuntratt, jew direttament jew indirettament, lil distributuri magħżulin fuq il-bażi ta’ kriterji speċifikati biss. Dawk id-distributuri jimpenjaw ruħhom li ma jbigħux tali oġġetti jew servizzi lil distributuri mhux awtorizzati fit-territorju riżervat mill-fornitur biex iħaddem s-sistema.
(144)Il-kriterji użati mill-fornitur sabiex jagħżel id-distributuri jistgħu jkunu kwalitattivi jew kwantitattivi, jew it-tnejn. Il-kriterji kwantitattivi jillimitaw in-numru ta’ distributuri direttament billi, pereżempju, jimponu numru fiss ta’ distributuri. Il-kriterji kwalitattivi jillimitaw in-numru ta’ distributuri indirettament, billi jimponu kundizzjonijiet li ma jistgħux jiġu ssodisfati mid-distributuri kollha, pereżempju, relatati mal-firxa ta’ prodotti li jridu jinbiegħu, mat-taħriġ tal-persunal tal-bejgħ, mas-servizz li jrid jiġi pprovdut fil-punt tal-bejgħ jew mar-reklamar u mal-preżentazzjoni tal-prodotti. Il-kriterji kwalitattivi jistgħu jirreferu għall-kisba tal-objettivi ta’ sostenibbiltà, bħat-tibdil fil-klima, il-ħarsien tal-ambjent jew il-limitazzjoni tal-użu tar-riżorsi naturali. Pereżempju, il-fornituri jistgħu jitolbu lid-distributuri jipprovdu servizzi ta’ rriċarġjar jew faċilitajiet ta’ riċiklaġġ fil-ħwienet tagħhom jew jiżguraw li l-oġġetti jiġu kkonsenjati permezz ta’ mezzi sostenibbli, bħal rota tal-ġarr tal-merkanzija minflok vettura bil-mutur.
(145)Is-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva huma komparabbli mas-sistemi ta’ distribuzzjoni esklużiva minħabba li jirrestrinġu l-għadd ta’ distributuri awtorizzati u l-possibbiltajiet ta’ bejgħ mill-ġdid. Id-differenza ewlenija bejn iż-żewġ tipi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni tinsab fin-natura tal-protezzjoni mogħtija lid-distributur. F’sistema ta’ distribuzzjoni esklużiva, id-distributur huwa protett kontra bejgħ attiv minn barra t-territorju esklużiv tiegħu, filwaqt li f’sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, id-distributur huwa protett kontra bejgħ attiv u passiv minn distributuri mhux awtorizzati.
4.6.2.2.L-applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-Trattat għas-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva
(146)Ir-riskji possibbli għall-kompetizzjoni ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva jinkludu tnaqqis fil-kompetizzjoni fil-marka tad-ditta u, speċjalment fil-każ ta’ effett kumulattiv, l-esklużjoni ta’ ċerti tipi ta’ distributuri, kif ukoll it-tnaqqis tal-kompetizzjoni u il-faċilitazzjoni ta’ kollużjoni bejn il-fornituri jew ix-xerrejja, minħabba l-limitazzjoni tan-numru ta’ xerrejja.
(147)Biex tiġi vvalutata l-kompatibbiltà ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva mal-Artikolu 101 tat-Trattat, l-ewwel huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk is-sistema taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1). Għal dan il-għan, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn distribuzzjoni selettiva purament kwalitattiva u distribuzzjoni selettiva kwantitattiva.
(148)Distribuzzjoni selettiva purament kwalitattiva tista’ taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat dment li jiġu ssodisfati t-tliet kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fis-sentenza Metro (“il-kriterji Metro”). Dan għaliex, jekk jiġu ssodisfati dawn il-kriterji, jista’ jiġi preżunt li r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fil-marka tad-ditta assoċjata ma’ distribuzzjoni selettiva tiġi kkumpensata minn titjib fil-kompetizzjoni tal-kwalità bejn il-marki tad-ditta.
(149)It-tliet kriterji Metro jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej: l-ewwel nett, in-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi inkwistjoni trid teħtieġ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva. Dan ifisser li, wara li titqies in-natura tal-prodott ikkonċernat, tali sistema trid tikkostitwixxi f’rekwiżit leġittimu biex tiġi ppreservata l-kwalità tagħha u jiġi żgurat l-użu xieraq tagħha. Pereżempju, l-użu ta’ distribuzzjoni selettiva jista’ jkun leġittimu għal prodotti ta’ kwalità għolja jew ta’ teknoloġija għolja jew għal oġġetti ta’ lussu. Il-kwalità ta’ tali oġġetti tista’ tirriżulta mhux biss mill-karatteristiċi materjali tagħhom, iżda wkoll mill-awra ta’ lussu madwarhom. Għalhekk, l-istabbiliment ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva li tfittex li tiżgura li l-oġġetti jintwerew b’mod li jikkontribwixxi għas-sostenn ta’ dik l-awra ta’ lussu jista’ jkun neċessarju biex tiġi ppreservata l-kwalità tagħhom. It-tieni, ir-rivendituri jeħtiġilhom jintgħażlu fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi ta’ natura kwalitattiva, li huma stabbiliti b’mod uniformi għar-rivendituri potenzjali kollha u li ma humiex applikati b’mod diskriminatorju. It-tielet nett, il-kriterji stabbiliti ma jridux imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ.
(150)Il-valutazzjoni ta’ jekk il-kriterji Metro humiex issodisfati teħtieġ mhux biss valutazzjoni ġenerali tal-akkordju ta’ distribuzzjoni selettiva inkwistjoni, iżda wkoll analiżi separata ta’ kull klawżola potenzjalment restrittiva tal-akkordju. Dan jimplika, b’mod partikolari, li jiġi vvalutat jekk il-klawżola restrittiva inkwistjoni tkunx proporzjonata fid-dawl tal-objettiv segwit mis-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva u jekk il-klawżola tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dak l-objettiv. Ir-restrizzjonijiet fundamentali ma jissodisfawx dan it-test tal-proporzjonalità. Min-naħa l-oħra, pereżempju, jista’ jkun proporzjonat għal fornitur ta’ oġġetti ta’ lussu li jipprojbixxi lid-distributuri awtorizzati tiegħu milli jużaw swieq online, dment li dan ma jipprevjenix indirettament l-użu effettiv tal-internet mid-distributur awtorizzat biex ibigħ l-oġġetti f’territorji jew lil klijenti partikolari. B’mod partikolari, tali projbizzjoni fuq l-użu ta’ swieq online ma tirrestrinġix il-bejgħ f’territorji jew lil klijenti partikolari meta d-distributur awtorizzat jibqa’ liberu jopera l-ħanut online tiegħu stess u jirreklama online biex iżid l-għarfien dwar l-attivitajiet online tiegħu u jattira klijenti potenzjali. F’dak il-każ, il-klawżola restrittiva, jekk tkun proporzjonata, taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat u ma tkun meħtieġa l-ebda analiżi ulterjuri.
(151)Irrispettivament minn jekk jissodisfawx il-kriterji Metro, l-akkordji ta’ distribuzzjoni selettiva kwalitattivi u/jew kwantitattivi jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni pprovduta mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) X, dment li l-ishma mis-suq kemm tal-fornitur kif ukoll tax-xerrej ma jaqbżux it-30 % u l-akkordju ma jkun fih l-ebda restrizzjoni fundamentali. Il-benefiċċju tal-eżenzjoni ma jintilifx jekk id-distribuzzjoni selettiva tkun ikkombinata ma’ restrizzjonijiet vertikali mhux fundamentali oħrajn, bħal obbligi li ma ssirx kompetizzjoni kif iddefiniti fl-Artikolu 1(1)(f) tar-Regolament (UE) X. L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament tapplika irrispettivament min-natura tal-prodott ikkonċernat u min-natura tal-kriterji tal-għażla. Barra minn hekk, il-fornitur ma huwiex obbligat jippubblika l-kriterji tal-għażla tiegħu.
(152)Meta f’każ partikolari akkordju ta’ distribuzzjoni selettiva li jibbenefika mill-eżenzjoni ta’ kategorija jirrestrinġi b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni fil-livell tal-fornituri jew tad-distributuri u ma jiġġenerax effiċjenzi li jisbqu l-effetti tar-restrizzjoni, pereżempju minħabba li l-kriterji tal-għażla ma jkunux marbutin mal-karatteristiċi tal-prodott jew ma jkunux neċessarji biex tittejjeb id-distribuzzjoni tal-prodott, il-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija jista’ jiġi rtirat.
4.6.2.3.Gwida dwar il-valutazzjoni individwali ta’ akkordji ta’ distribuzzjoni selettiva
(153)Barra l-iskop tar-Regolament (UE) X, il-pożizzjoni fis-suq tal-fornitur u tal-kompetituri tiegħu hija ta’ importanza ċentrali fil-valutazzjoni tal-effetti antikompettitivi possibbli, billi t-telf ta’ kompetizzjoni fil-marka tad-ditta, fil-prinċipju, jista’ jkun problematiku biss jekk il-kompetizzjoni bejn il-marki tad-ditta tkun limitata. Aktar ma tkun b’saħħitha l-pożizzjoni tal-fornitur, notevolment ’il fuq mil-limitu ta’ 30 %, aktar ikun għoli r-riskju għall-kompetizzjoni li jirriżulta mit-telf tal-kompetizzjoni fil-marka tad-ditta. Fattur importanti ieħor huwa n-numru ta’ networks ta’ distribuzzjoni selettiva preżenti fl-istess suq rilevanti. Meta d-distribuzzjoni selettiva tiġi applikata minn fornitur wieħed biss fis-suq, id-distribuzzjoni selettiva kwantitattiva ġeneralment ma twassalx għal effetti antikompetittivi. Madankollu, fil-prattika, id-distribuzzjoni selettiva ta’ spiss tiġi applikata minn bosta fornituri f’suq partikolari (effett kumulattiv).
(154)Fil-każ ta’ effett kumulattiv, huwa neċessarju li titqies il-pożizzjoni tas-suq tal-fornituri li japplikaw distribuzzjoni selettiva: meta d-distribuzzjoni selettiva tintuża mill-maġġoranza tal-fornituri ewlenin f’suq, dan jista’ jwassal għall-esklużjoni ta’ ċerti tipi ta’ distributuri, pereżempju, għal dawk li jiskontaw il-prezzijiet. Ir-riskju tal-esklużjoni ta’ distributuri aktar effiċjenti huwa akbar fil-każ ta’ distribuzzjoni selettiva milli għal distribuzzjoni esklużiva, minħabba li, b’sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, il-bejgħ lid-distributuri mhux awtorizzati huwa ristrett. Dik ir-restrizzjoni hija maħsuba biex tagħti lis-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva karattru magħluq li fih huma biss id-distributuri awtorizzati li jissodisfaw il-kriterji li għandhom aċċess għall-prodott, filwaqt li tagħmilha impossibbli għan-negozjanti mhux awtorizzati li jiksbu provvisti. Għaldaqstant, distribuzzjoni selettiva hija partikolarment addattata biex tevita pressjoni minn dawk li jiskontaw il-prezzijiet (kemm jekk ikunu distributuri offline kif ukoll jekk ikunu distributuri purament online) fuq il-marġini tal-manifattur, kif ukoll fuq il-marġini tad-distributuri awtorizzati. L-esklużjoni ta’ tali formati ta’ distribuzzjoni, kemm jekk tirriżulta mill-użu kumulattiv ta’ distribuzzjoni selettiva kif ukoll jekk mill-użu tagħha minn fornitur wieħed b’sehem mis-suq li jaqbeż it-30 %, tnaqqas il-possibbiltajiet għall-konsumaturi li jieħdu vantaġġ mill-benefiċċji speċifiċi offruti minn dawn il-formati ta’ distribuzzjoni, bħal prezzijiet aktar baxxi, aktar trasparenza u aċċess usa’ għall-prodott.
(155)Meta networks individwali ta’ distribuzzjoni selettiva jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista mir-Regolament (UE) X, l-irtirar tal-eżenzjoni ta’ kategorija jew id-diżapplikazzjoni tar-Regolament (UE) X tista’ tiġi kkunsidrata meta t-tali networks joħolqu effetti antikompetittivi kumulattivi. Madankollu, tali effetti kumulattivi antikompetittivi ma jkunux probabbli meta s-sehem totali tas-suq kopert minn distribuzzjoni selettiva ma jaqbiżx il-50 %. Lanqas ma huwa probabbli li jitqajjem tħassib dwar il-kompetizzjoni meta l-kopertura tas-suq taqbeż il-50 %, iżda s-sehem mis-suq aggregat tal-akbar ħames fornituri ma jaqbiżx il-50 %. Meta kemm is-sehem tal-akbar ħames fornituri kif ukoll is-sehem mis-suq kopert minn distribuzzjoni selettiva jaqbżu l-50 %, il-valutazzjoni tista’ tvarja skont jekk l-akbar ħames fornituri kollha japplikawx distribuzzjoni selettiva jew le. Aktar ma tkun b’saħħitha l-pożizzjoni tal-kompetituri li ma japplikawx distribuzzjoni selettiva, inqas ikun probabbli li distributuri oħrajn jiġu esklużi. Jista’ jqum tħassib dwar il-kompetizzjoni meta l-akbar ħames fornituri lkoll japplikaw distribuzzjoni selettiva. Dan probabbilment ikun il-każ, b’mod partikolari, meta l-akkordji konklużi mill-akbar fornituri jkun fihom kriterji kwantitattivi tal-għażla li jillimitaw direttament l-għadd ta’ distributuri awtorizzati, jew meta l-kriterji kwalitattivi applikati jeskludu ċerti formati ta’ distribuzzjoni, bħal rekwiżit li jkun hemm ħanut fiżiku wieħed jew aktar jew li jiġu pprovduti servizzi speċifiċi li tipikament jistgħu jiġu pprovduti biss f’format ta’ distribuzzjoni partikolari.
(156)B’mod ġenerali, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat x’aktarx li ma jiġux issodisfati jekk is-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva li jikkontribwixxu għall-effett kumulattiv jeskludu mis-suq distributuri ġodda li jkunu kapaċi jbigħu b’mod adegwat il-prodotti inkwistjoni, b’mod speċjali, dawk li jiskontaw il-prezzijiet jew id-distributuri online biss li joffru prezzijiet aktar baxxi lill-konsumaturi, u b’hekk jillimitaw id-distribuzzjoni, għall-vantaġġ ta’ ċerti kanali eżistenti u għad-detriment tal-konsumaturi finali. Forom aktar indiretti ta’ distribuzzjoni selettiva kwantitattiva, li jirriżultaw pereżempju mill-kombinazzjoni ta’ kriterji tal-għażla purament kwalitattivi b’rekwiżit għad-distributuri biex jiksbu ammont minimu ta’ xirjiet annwali, huma anqas probabbli li jipproduċu effetti negattivi netti, b’mod partikolari jekk l-ammont minimu inkwistjoni ma jirrappreżentax proporzjon sinifikanti mill-fatturat totali tad-distributur mit-tip ta’ prodotti inkwistjoni u ma jmurx lil hinn minn dak li jkun meħtieġ sabiex il-fornitur jirkupra l-investiment speċifiku għar-relazzjoni tiegħu u/jew iwettaq ekonomiji ta’ skala fid-distribuzzjoni. Fornitur b’sehem mis-suq li ma jaqbiżx il-5 % ġeneralment ma jitqiesx li jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal effett kumulattiv.
(157)L-ostakli għad-dħul huma prinċipalment rilevanti fil-każ ta’ esklużjoni ta’ distributuri mhux awtorizzati mis-suq. L-ostakli għad-dħul jistgħu jkunu sinifikanti meta d-distribuzzjoni selettiva tiġi applikata mill-manifatturi ta’ prodotti tal-marka tad-ditta, minħabba li ġeneralment ikun hemm bżonn żmien u investiment konsiderevoli għad-distributuri esklużi mis-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva biex iniedu l-marki tagħhom stess jew jiksbu provvisti kompetittivi xi mkien ieħor.
(158)Is-saħħa tax-xerrejja tista’ żżid ir-riskju ta’ kollużjoni bejn id-distributuri. Id-distributuri li għandhom pożizzjoni b’saħħitha fis-suq jistgħu jwasslu lill-fornituri biex japplikaw kriterji tal-għażla li jeskludu l-aċċess għas-suq għal distributuri ġodda u aktar effiċjenti. Konsegwentement, is-saħħa tax-xerrej tista’ tbiddel b’mod sinifikanti l-analiżi tal-effetti antikompetittivi possibbli ta’ distribuzzjoni selettiva. L-esklużjoni mis-suq ta’ distributuri aktar effiċjenti tista’ tinħoloq meta organizzazzjoni ta’ distributuri b’saħħitha timponi kriterji tal-għażla fuq il-fornitur bil-għan li tillimita d-distribuzzjoni għall-vantaġġ tal-membri tagħha.
(159)Skont l-Artikolu 5(1)(c) tar-Regolament (UE) X, il-fornitur ma jistax jimponi obbligu li jwassal sabiex id-distributuri awtorizzati, direttament jew indirettament, ma jbigħux il-marki tad-ditta ta’ fornituri kompetituri partikolari. Din id-dispożizzjoni hija maħsuba biex tiskoraġġixxi kollużjoni orizzontali biex teskludi marki partikolari permezz tal-ħolqien ta’ grupp selettiv ta’ marki mill-fornituri ewlenin. Mhuwiex probabbli li tali obbligu jkun jista’ jiġi eżentat meta s-sehem mis-suq tal-akbar ħames fornituri jkun ta’ 50 % jew aktar, sakemm l-ebda wieħed mill-fornituri li jimponu tali obbligu ma jkun jappartjeni għall-akbar ħames fornituri fis-suq.
(160)Ġeneralment ma jqumx tħassib dwar il-kompetizzjoni fir-rigward tal-esklużjoni mis-suq ta’ fornituri oħrajn, dment li fornituri oħrajn ma jitwaqqfux milli jużaw l-istess distributuri, bħalma jista’ jseħħ, pereżempju, meta d-distribuzzjoni selettiva tiġi kkombinata ma’ marka unika tad-ditta. Fil-każ ta’ network dens ta’ distributuri awtorizzati jew fil-każ ta’ effett kumulattiv, il-kombinazzjoni ta’ distribuzzjoni selettiva u ta’ obbligu li ma ssirx kompetizzjoni tista’ toħloq riskju ta’ esklużjoni ta’ fornituri oħrajn. F’dak il-każ, tapplika l-gwida relatata ma’ marka unika tad-ditta stabbilita fit-Taqsima 8.2.1. Meta d-distribuzzjoni selettiva ma tiġix ikkombinata ma’ obbligu li ma ssirx kompetizzjoni, l-esklużjoni ta’ fornituri kompetituri mis-suq xorta tista’ tkun tħassib. Dan ikun il-każ meta l-fornituri ewlenin mhux biss japplikaw kriterji tal-għażla purament kwalitattivi, iżda wkoll jimponu fuq id-distributuri tagħhom ċerti obbligi addizzjonali, bħall-obbligu li jirriżervaw spazju minimu fuq l-ixkaffa għall-prodotti tal-fornitur jew l-obbligu li jiżguraw li l-bejgħ mid-distributur tal-prodotti tal-fornitur jilħaq sehem minimu tal-fatturat totali tad-distributur. Ma huwiex probabbli li tqum tali problema jekk is-sehem mis-suq kopert minn distribuzzjoni selettiva ma jaqbiżx il-50 % jew, meta jinqabeż dak il-proporzjon ta’ kopertura, jekk is-sehem mis-suq tal-akbar ħames fornituri ma jaqbiżx il-50 %.
(161)Il-valutazzjoni tad-dinamika tas-suq hija importanti, billi ż-żieda fid-domanda, it-teknoloġiji li jinbidlu u l-pożizzjonijiet tas-suq li jinbidlu jistgħu jagħmlu l-effetti negattivi anqas probabbli milli fi swieq maturi.
(162)Id-distribuzzjoni selettiva tista’ tkun effiċjenti meta twassal għal iffrankar tal-ispejjeż loġistiċi minħabba l-ekonomiji ta’ skala fit-trasport, li jista’ jseħħ irrispettivament min-natura tal-prodott (ara l-paragrafu (16)(g)). Madankollu, dan it-tip ta’ effiċjenza ġeneralment ikun biss marġinali f’sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva. Biex jiġi vvalutat jekk id-distribuzzjoni selettiva hijiex ġustifikata biex tgħin biex tissolva problema ta’ free-riding bejn id-distributuri (ara l-paragrafu (16)(b)) jew biex tgħin biex tinħoloq jew tinżamm immaġni ta’ marka tad-ditta (ara l-paragrafu (16)(h)), in-natura tal-prodott hija importanti. B’mod ġenerali, l-użu ta’ distribuzzjoni selettiva biex jinkisbu dawk it-tipi ta’ effiċjenzi huwa aktar probabbli li jkun iġġustifikat għal prodotti ġodda, prodotti kumplessi jew prodotti li l-kwalitajiet tagħhom ikun diffiċli li jiġu ġġudikati qabel il-konsum (l-hekk imsejħa prodotti ta’ esperjenza) jew saħansitra wara l-konsum (l-hekk imsejħin prodotti ta’ fiduċja). Il-kombinazzjoni ta’ distribuzzjoni selettiva ma’ klawżola tal-lokalità, għall-fini ta’ protezzjoni ta’ distributur awtorizzat kontra l-kompetizzjoni minn distributuri awtorizzati oħrajn li jiftħu ħanut fil-viċinanza tiegħu, tista’ tissodisfa b’mod partikolari l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat meta l-kombinazzjoni tkun indispensabbli biex tipproteġi l-investimenti sostanzjali u speċifiċi għar-relazzjoni magħmulin mid-distributur awtorizzat (ara l-paragrafu (16)(e)). Biex jiġi żgurat li tintuża l-anqas restrizzjoni antikompetittiva, huwa rilevanti li jiġi vvalutat jekk l-istess effiċjenzi jistgħux jinkisbu bi spiża komparabbli permezz, pereżempju, tal-impożizzjoni ta’ rekwiżiti ta’ servizz biss.
(163)Dan li ġej huwa eżempju ta’ distribuzzjoni selettiva kwantitattiva:
|
F’suq għal oġġetti tal-konsum durabbli, il-manifattur tal-marka tad-ditta A, li huwa l-mexxej tas-suq b’sehem mis-suq ta’ 35 %, ibigħ il-prodott tiegħu lill-konsumaturi permezz ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva. Hemm diversi kriterji għad-dħul fis-sistema: il-ħanut irid jimpjega persunal imħarreġ u jipprovdi servizzi ta’ qabel il-bejgħ; irid ikun hemm qasam speċjalizzat fil-ħanut dedikat għall-bejgħ tal-prodott u ta’ prodotti simili ta’ teknoloġija avvanzata; u l-ħanut huwa meħtieġ ibigħ firxa wiesgħa ta’ mudelli tal-fornitur u li jarahom b’mod attraenti. Barra minn hekk, l-għadd ta’ bejjiegħa bl-imnut ammissibbli fis-sistema huwa direttament limitat permezz tal-istabbiliment ta’ numru massimu ta’ bejjiegħa bl-imnut skont in-numru ta’ abitanti f’kull provinċja jew żona urbana. Il-manifattur A għandu sitt kompetituri f’dak is-suq. Il-manifatturi tal-marki tad-ditta B, C u D huma l-akbar kompetituri tiegħu b’ishma mis-suq ta’ 25 %, ta’ 15 % u ta’ 10 %, rispettivament, filwaqt li manifatturi oħrajn għandhom ishma mis-suq iżgħar. A huwa l-uniku manifattur li juża distribuzzjoni selettiva. Id-distributuri selettivi tal-marka tad-ditta A dejjem jimmaniġġaw ftit marki tad-ditta f’kompetizzjoni ma’ xulxin. Madankollu, marki tad-ditta kompetituri jinbiegħu wkoll bil-kbir fi ħwienet li mhumiex membri tan-network tad-distribuzzjoni selettiva ta' A. Hemm diversi kanali ta’ distribuzzjoni: pereżempju, il-marki tad-ditta B u C jinbiegħu fil-biċċa l-kbira tal-ħwienet magħżula ta’ A, iżda wkoll fi ħwienet oħrajn li jipprovdu servizz ta’ kwalità għolja u fl-ipermerkati. Il-marka tad-ditta D tinbiegħ prinċipalment fi ħwienet ta’ servizz għoli. It-teknoloġija qiegħda tevolvi b’mod mgħaġġel f’dan is-suq, u l-fornituri ewlenin iżommu immaġni ta’ kwalità b’saħħitha għall-prodotti tagħhom permezz tar-reklamar.
F'dan is-suq, il-proporzjon ta' firxa ta' distribuzzjoni selettiva huwa 35 %. Il-kompetizzjoni bejn il-marki tad-ditta ma hijiex affettwata direttament mis-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva ta’ A. Il-kompetizzjoni f’marka tad-ditta għall-marka tad-ditta A tista’ titnaqqas, iżda l-konsumaturi għandhom aċċess għal bejjiegħa bl-imnut li joffru servizz u prezzijiet ta’ livell baxx għall-marki tad-ditta B u C, li għandhom immaġni ta’ kwalità komparabbli għal dik tal-marka tad-ditta A. Barra minn hekk, l-aċċess għall-bejjiegħa bl-imnut li joffru servizz għoli għal marki oħrajn tad-ditta ma huwiex magħluq, minħabba li ma hemm l-ebda limitazzjoni fuq il-kapaċità tad-distributuri magħżula li jbigħu marki tad-ditta f’kompetizzjoni ma’ xulxin, u l-limitazzjoni kwantitattiva fuq in-numru ta’ distributuri għall-marka tad-ditta A tħalli lil bejjiegħa bl-imnut oħrajn li joffru servizz għoli liberi li jiddistribwixxu marki tad-ditta f’kompetizzjoni ma’ xulxin. F’dan il-każ, minħabba r-rekwiżiti tas-servizz u l-effiċjenzi li dawn x’aktarx jiġġeneraw u l-effett limitat fuq il-kompetizzjoni f’marka tad-ditta, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat x’aktarx li jiġu ssodisfati.
|
(164)Dan li ġej huwa eżempju ta’ distribuzzjoni selettiva b’effetti kumulattivi:
|
F’suq għal oġġett partikolari tal-isport, hemm seba’ manifatturi, li l-ishma mis-suq rispettivi tagħhom huma 25 %, 20 %, 15 %, 15 %, 10 %, 8 % u 7 %. L-akbar ħames manifatturi jiddistribwixxu l-prodotti tagħhom permezz ta’ distribuzzjoni selettiva, filwaqt li l-iżgħar tnejn jużaw tipi differenti ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni, li jirriżultaw fi proporzjon ta’ kopertura ta’ distribuzzjoni selettiva ta’ 85 %. Il-kriterji għall-aċċess għas-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva huma uniformi fost il-manifatturi: id-distributuri huma meħtieġa jkollhom ħanut fiżiku wieħed jew aktar; dawk il-ħwienet huma meħtieġa li jkollhom persunal imħarreġ u li jipprovdu servizzi ta’ qabel il-bejgħ; irid ikun hemm parti speċjalizzata fil-ħanut dedikata għall-bejgħ tal-prodott; u huwa speċifikat daqs minimu għal dik il-parti. Barra minn hekk, il-ħanut huwa meħtieġ ibigħ firxa wiesgħa tal-marka tad-ditta inkwistjoni u juri l-prodott b’mod attraenti; il-ħanut irid ikun jinsab fi triq kummerċjali, u dak it-tip ta’ prodott irid jirrappreżenta tal-anqas 30 % tal-fatturat totali tal-ħanut. B’mod ġenerali, l-istess distributur huwa awtorizzat għall-ħames marki kollha tad-ditta. Iż-żewġ manifatturi li ma jużawx distribuzzjoni selettiva normalment ibigħu permezz ta’ bejjiegħa bl-imnut anqas speċjalizzati b’livelli ta’ servizz aktar baxxi. Is-suq huwa stabbli, kemm min-naħa tal-provvista kif ukoll min-naħa tad-domanda, u hemm differenzjazzjoni qawwija tal-prodott, bl-immaġni tal-marka tad-ditta hija importanti. Il-ħames mexxejja tas-suq għandhom immaġnijiet tal-marki qawwija tad-ditta miksuba permezz ta’ reklamar u sponsorizzazzjoni, filwaqt li ż-żewġ manifatturi iżgħar għandhom strateġija ta’ prodotti irħas, mingħajr ebda immaġni tal-marka qawwija tad-ditta.
F’dan is-suq, l-aċċess għall-ħames marki ewlenin tad-ditta minn dawk li jiskontaw il-prezzijiet ġenerali u mid-distributuri purament online huwa miċħud. Dan għaliex ir-rekwiżit li l-prodott jirrappreżenta mill-inqas 30 % tal-attività tad-distributuri u l-kriterji dwar il-preżentazzjoni u s-servizzi ta’ qabel il-bejgħ jeskludu lill-biċċa l-kbira ta’ dawk li jiskontaw il-prezzijiet min-network ta’ distributuri awtorizzati. Barra minn hekk, ir-rekwiżit li wieħed ikollu ħanut fiżiku wieħed jew aktar jeskludi lid-distributuri purament online min-network. Bħala konsegwenza, il-konsumaturi ma għandhom l-ebda għażla ħlief li jixtru l-ħames marki ewlenin tad-ditta minn ħwienet li joffru servizz għoli jew bi prezzijiet għoljin. Dan iwassal għal tnaqqis fil-kompetizzjoni bejn il-marki tad-ditta bejn il-ħames marki ewlenin tad-ditta. Il-fatt li l-iżgħar żewġ marki tad-ditta jistgħu jinxtraw minn ħwienet li joffru servizz baxx jew bi prezzijiet baxxi ma jikkumpensax għal dan, minħabba li l-immaġni tal-marka tad-ditta tal-ħames mexxejja tas-suq hija ferm aħjar. Il-kompetizzjoni bejn il-marki tad-ditta hija wkoll limitata permezz ta’ distribuzzjoni multipla. Minkejja li jeżisti ċertu grad ta’ kompetizzjoni f’marka tad-ditta u l-għadd ta’ distributuri mhuwiex direttament limitat, il-kriterji għad-dħul huma stretti biżżejjed biex iwasslu għal għadd żgħir ta’ distributuri għall-ħames marki ewlenin tad-ditta f’kull territorju.
L-effiċjenzi assoċjati ma’ tali sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva kwantitattiva huma baxxi: il-prodott mhuwiex kumpless ħafna u ma jiġġustifikax servizz partikolarment għoli. Sakemm il-manifatturi ma jurux bil-provi li hemm effiċjenzi ċari assoċjati mas-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva tagħhom, x’aktarx li l-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija jkollu jiġi rtirat, minħabba l-preżenza ta’ effetti restrittivi kumulattivi li jirriżultaw f’anqas għażla u prezzijiet ogħla għall-konsumaturi.
|
4.6.3.Franchising
(165)L-akkordji dwar franchising fihom liċenzji ta’ DPI relatati b’mod partikolari ma’ trademarks jew ma’ sinjali u ma’ għarfien espert għall-użu u għad-distribuzzjoni ta’ oġġetti jew ta’ servizzi. Minbarra l-liċenzja tad-DPI, il-franchisor normalment jipprovdi lil min jikseb il-franchise b’assistenza kummerċjali jew teknika matul il-ħajja tal-akkordju. Il-liċenzja u l-assistenza huma komponenti integrali tal-metodu tan-negozju li jkun soġġett għal franchising. Il-franchisor ġeneralment jitħallas miżata għall-franchise minn min kiseb il-franchise għall-użu tal-metodu tan-negozju partikolari. Il-franchising jista’ jippermetti lill-franchisor jistabbilixxi, b’investimenti limitati, network uniformi għad-distribuzzjoni tal-prodotti tiegħu. Minbarra l-forniment tal-metodu tan-negozju, l-akkordji dwar franchising normalment ikun fihom kombinazzjoni ta’ diversi restrizzjonijiet vertikali dwar il-prodotti li jiġu ddistribwiti, pereżempju distribuzzjoni selettiva u/jew obbligu li ma ssirx kompetizzjoni.
(166)Il-franchising (bl-eċċezzjoni tal-akkordji dwar franchising industrijali) għandha xi karatteristiċi speċifiċi, bħalma huma l-użu ta’ isem kummerċjali uniformi, metodi tan-negozju uniformi (inkluż il-liċenzjar tad-DPI) u l-ħlas ta’ royalties inkambju għall-benefiċċji mogħtijin. Fid-dawl ta’ dawn il-karatteristiċi, id-dispożizzjonijiet li huma strettament neċessarji għall-funzjonament ta’ tali sistemi ta’ franchising jistgħu jitqiesu li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Dan jikkonċerna, pereżempju, ir-restrizzjonijiet li jimpedixxu lil min jikseb il-franchise milli jiuża l-għarfien espert u l-assistenza pprovduti mill-franchisor għall-benefiċċju tal-kompetituri tal-franchisor u obbligu li ma ssirx kompetizzjoni fir-rigward tal-oġġetti jew tas-servizzi mixtrijin minn min jikseb il-franchise li huma neċessarji biex jinżammu l-identità komuni u r-reputazzjoni tan-network ta’ franchising. F’dan l-aħħar każ, it-tul ta’żmien tal-obbligu li ma ssirx kompetizzjoni hija irrilevanti, dment li ma jaqbiżx it-tul ta’ żmien tal-akkordju dwar franchising.
(167)L-akkordji dwar franchising jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni pprovduta mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) X meta la l-ishma mis-suq tal-fornitur u lanqas tax-xerrej ma jaqbżu t-30 %. Gwida speċifika dwar il-kalkolu tal-ishma mis-suq fil-kuntest ta’ franchising hija pprovduta fil-paragrafu (174). Il-liċenzjar tad-DPI li jinsabu fl-akkordji dwar franchising huwa indirizzat fil-paragrafi minn (71) sa (87) . Ir-restrizzjonijiet vertikali li jinsabu fl-akkordji dwar franchising jiġu vvalutati bl-użu tal-prinċipji applikabbli għas-sistema ta’ distribuzzjoni li tikkorrispondi l-aktar mill-qrib mal-akkordju dwar franchising speċifiku. Pereżempju, akkordju dwar franchising li jirriżulta f’network magħluq, fejn min jikseb il-franchise jkun ipprojbit milli jbiegħ lil dawk li ma humiex bil-franchise, irid jiġi vvalutat skont il-prinċipji applikabbli għad-distribuzzjoni selettiva. B’kuntrast ma’ dan, akkordju dwar franchising li ma joħloqx network magħluq iżda li jagħti esklużività territorjali u protezzjoni minn bejgħ attiv minn oħrajn li għandhom il-franchise jrid jiġi vvalutat skont il-prinċipji applikabbli għad-distribuzzjoni esklużiva.
(168)L-akkordji dwar franchising li ma humiex koperti mir-Regolament (UE) X jeħtieġu valutazzjoni individwali skont l-Artikolu 101 tat-Trattat. Din il-valutazzjoni jenħtieġ li tqis li aktar ma jkun importanti t-trasferiment tal-għarfien espert, aktar ikun probabbli li r-restrizzjonijiet vertikali joħolqu effiċjenzi u/jew ikunu indispensabbli sabiex jipproteġu l-għarfien espert u, b’hekk, jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat.
(169)Dan li ġej huwa eżempju ta’ franchising:
|
Manifattur żviluppa format ġdid għall-bejgħ tal-ħelu fl-hekk imsejħa ħwienet tal-gost, fejn il-ħelu jista’ jiġi kkulurit fuq talba tal-konsumatur. Il-manifattur tal-ħelu żviluppa wkoll il-magni biex jagħti kulur lill-ħelu u jipproduċi l-likwidi koloranti. Il-kwalità u l-freskezza tal-likwidu għandhom importanza vitali għall-produzzjoni ta’ ħelu tajjeb. Il-manifattur għamel suċċess bil-ħelu tiegħu permezz ta’ numru ta’ ħwienet tal-bejgħ bl-imnut tiegħu, li lkoll joperaw taħt l-istess isem kummerċjali u b’immaġni divertenti uniformi (pereż. l-istil komuni tal-ħanut u r-reklamar). Biex jespandi l-bejgħ, il-manifattur tal-ħelu beda sistema ta’ franchising. Biex tiġi żgurata kwalità tal-prodott u immaġni tal-ħanut uniformi, min għandu l-franchise huwa obbligat jixtri l-ħelu, il-likwidu u l-magna tal-kolorazzjoni mingħand il-manifattur, jopera bl-istess isem kummerċjali, iħallas miżata għall-franchise, jikkontribwixxi għal reklamar komuni u jiżgura l-kunfidenzjalità tal-manwal tax-xogħol imħejji mill-franchisor. Barra minn hekk, min ikollu l-franchise huwa permess jbiegħ biss mill-post miftiehem lill-utenti finali jew oħrajn li għandhom il-franchise. Dan mhuwiex permess jbigħ ħelu ieħor fil-ħwienet tiegħu. Il-franchisor jieħu impenn li ma jaħtarx lil ħaddieħor biex jieħu l-franchise u li lanqas ma jopera ħanut tal-bejgħ bl-imnut f’territorju tal-kuntratt partikolari. Il-franchisor huwa obbligat ukoll li jaġġorna u jiżviluppa aktar il-prodotti tiegħu, il-prospettiva tan-negozju u l-manwal operazzjonali u li jagħmel dak it-titjib disponibbli għal kull min ikollu l-franchise. L-akkordji ta’ franchising huma konklużi għal perjodu ta’ 10 snin.
Il-bejjiegħa bl-imnut tal-ħelu jixtru l-ħelu tagħhom f’suq nazzjonali mingħand produtturi nazzjonali li jipprovdu għal gosti nazzjonali jew mingħand bejjiegħa bl-ingrossa li jimportaw il-ħelu mingħand produtturi barranin, minbarra li jbigħu ħelu minn produtturi nazzjonali. F’dak is-suq, il-prodotti tal-franchisor jikkompetu ma’ għadd ta’ marki nazzjonali u internazzjonali tad-ditta tal-ħelu, xi drabi prodotti minn kumpaniji tal-ikel diversifikati kbar. Is-sehem mis-suq tal-franchisor tas-suq għall-magni għall-kolorazzjoni tal-ikel huwa taħt l-10 %. Il-franchisor għandu sehem mis-suq ta’ 30 % fis-suq għall-ħelu mibjugħ lill-bejjiegħa bl-imnut. Hemm ħafna punti ta’ bejgħ għall-ħelu fil-forma ta’ bejjiegħa tat-tabakk, bejjiegħa bl-imnut ta’ ikel ġenerali, kafetteriji u ħwienet tal-ħelu speċjalizzati.
Il-biċċa l-kbira tal-obbligi li jinsabu fl-akkordji dwar franchising jistgħu jitqiesu li huma neċessarji biex jipproteġu d-DPI jew biex jinżammu l-identità komuni u r-reputazzjoni tan-network ta’ franchising u, b’hekk, jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Ir-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ (jiġifieri l-allokazzjoni ta’ territorju tal-kuntratt u d-distribuzzjoni selettiva) jipprovdu inċentiv lil min ikollu l-franchise biex jinvesti fil-kunċett ta’ franchising u fil-magna ta’ kolorazzjoni, u biex jgħin biex tinżamm l-identità komuni, u b’hekk jikkumpensa għat-telf tal-kompetizzjoni fil-marka tad-ditta. Il-klawżola ta’ nonkompetizzjoni li teskludi marki oħrajn tad-ditta tal-ħelu mill-ħwienet għal kemm idumu l-akkordji tippermetti lill-franchisor iżomm il-ħwienet uniformi u jwaqqaf lill-kompetituri milli jibbenefikaw mill-isem kummerċjali tiegħu. Fid-dawl tal-għadd kbir ta’ ħwienet disponibbli għal produtturi oħrajn tal-ħelu, dan ma jwassal għal ebda esklużjoni serja. Konsegwentement, sal-punt li dawn jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, l-akkordji dwar franchising x’aktarx li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3).
|
5.Definizzjoni tas-suq u kalkolu tas-sehem mis-suq
5.1.Avviż dwar id-Definizzjoni tas-Suq
(170)L-Avviż dwar id-Definizzjoni tas-Suq jipprovdi gwida dwar ir-regoli, il-kriterji u l-evidenza li tuża l-Kummissjoni meta tikkunsidra kwistjonijiet relatati mad-definizzjoni tas-suq. Għalhekk, is-suq rilevanti għall-fini tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-Trattat għal akkordji vertikali jeħntieġ li jiġi definit fuq il-bażi ta’ din il-gwida, rispettivament, jew ta’ kwalunkwe gwida futura relatata mad-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-finijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, inkluża kull gwida li tista’ tieħu post l-Avviż dwar id-Definizzjoni tas-Suq. Dawn il-Linji Gwida jittrattaw biss kwistjonijiet speċifiċi li jinħolqu fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) X, u li ma humiex koperti mill-Avviż dwar id-Definizzjoni tas-Suq.
5.2.Il-kalkolu tal-ishma mis-suq skont ir-Regolament (UE) X
(171)Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) X, is-sehem mis-suq kemm tal-fornitur kif ukoll tax-xerrej huma deċiżivi sabiex jiddeterminaw jekk l-eżenzjoni ta’ kategorija tapplikax jew le. Biex ikun japplika r-Regolament (UE) X, is-sehem mis-suq tal-fornitur fis-suq fejn ibigħ l-oġġetti jew is-servizzi tal-kuntratt lix-xerrej u s-sehem mis-suq tax-xerrej fis-suq fejn jixtri l-oġġetti jew is-servizzi tal-kuntratt ma jridux jaqbżu t-30 %. Għall-akkordji bejn l-SMEs, b’mod ġenerali ma huwiex neċessarju li jiġu kkalkolati l-ishma mis-suq (ara l-paragrafu (28)).
(172)Fil-livell tad-distribuzzjoni, ir-restrizzjonijiet vertikali normalment ma jikkonċernawx biss il-bejgħ ta’ oġġetti jew ta’ servizzi bejn il-fornitur u x-xerrej, iżda wkoll il-bejgħ mill-ġdid tagħhom. Billi formati ta’ distribuzzjoni differenti ġeneralment jikkompetu ma’ xulxin, b’mod ġenerali, is-swieq mhumiex definiti fil-forma ta’ distribuzzjoni li hija applikata, jiġifieri distribuzzjoni esklużiva, selettiva jew ħielsa. F’setturi li fihom il-fornituri ġeneralment ibigħu portafoll ta’ oġġetti jew ta’ servizzi, il-portafoll sħiħ jista’ jiddetermina d-definizzjoni tas-suq, jekk il-portafolli, u mhux l-oġġetti jew is-servizzi individwali li jinsabu fil-portafoll jitqiesu bħala sostituti mix-xerrejja.
(173)Meta akkordju vertikali jinvolvi tliet partijiet, li kull waħda minnhom topera f’livell differenti tan-negozju, is-sehem mis-suq ta’ kull parti ma jridx jaqbeż it-30 % sabiex japplika r-Regolament (UE) X. Kif speċifikat fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) X, meta f’akkordju bejn għadd ta’ partijiet, impriża tixtri l-oġġetti jew is-servizzi tal-kuntratt mingħand impriża waħda li tkun parti għall-akkordju u tbigħ l-oġġetti jew is-servizzi tal-kuntratt lil impriża oħra li tkun ukoll parti għall-akkordju, ir-Regolament (UE) X japplika biss jekk is-sehem mis-suq tagħha ma jaqbiżx il-limitu ta’ 30 % kemm bħala xerrejja kif ukoll bħala fornitriċi. Jekk, pereżempju, f’akkordju bejn manifattur, bejjiegħ bl-ingrossa (jew assoċjazzjoni ta’ bejjiegħa bl-imnut) u bejjiegħ bl-imnut, jintlaħaq qbil fuq obbligu li ma ssirx kompetizzjoni, allura l-ishma mis-suq tal-manifattur u tal-bejjiegħ bl-ingrossa (jew tal-assoċjazzjoni ta’ bejjiegħa bl-imnut) fis-swieq tal-provvista rispettivi tagħhom ma jridux jaqbżu t-30 % u s-sehem mis-suq tal-bejjiegħ bl-ingrossa (jew tal-assoċjazzjoni ta’ bejjiegħa bl-imnut) u l-bejjiegħ bl-imnut ma jistax jaqbeż it-30 % fis-swieq tax-xiri rispettivi tagħhom biex jibbenefika mill-eżenzjoni ta’ kategorija prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) X.
(174)Meta l-akkordju vertikali, minbarra l-provvista tal-oġġetti jew tas-servizzi tal-kuntratt, ikun fih ukoll dispożizzjonijiet dwar id-DPI (bħal dispożizzjoni li tikkonċerna l-użu tat-trademark tal-fornitur), li jgħinu lix-xerrej iqiegħed fis-suq l-oġġetti jew is-servizzi tal-kuntratt, is-sehem mis-suq tal-fornitur fis-suq fejn ibigħ l-oġġetti jew is-servizzi tal-kuntratt huwa rilevanti għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) X. Meta franchisor ma jfornix oġġetti jew servizzi sabiex jerġgħu jinbiegħu, iżda jipprovdi qatta servizzi u oġġetti flimkien ma’ dispożizzjonijiet dwar id-DPI li flimkien jifformaw il-metodu tan-negozju li jkun soġġett għal franchising, il-franchisor jeħtieġ li jqis is-sehem mis-suq tiegħu bħala fornitur ta’ metodu tan-negozju għall-forniment ta’ oġġetti jew ta’ servizzi speċifiċi lill-utenti finali. Għal dan il-għan, il-franchisor jeħtieġ jikkalkola s-sehem mis-suq tiegħu fis-suq meta l-metodu tan-negozju jkun sfruttat, jiġifieri s-suq li fih min ikollu l-franchise jisfrutta l-metodu tan-negozju biex iforni oġġetti jew servizzi lill-utenti finali. Għalhekk, il-franchisor jeħtieġlu jibbaża s-sehem mis-suq tiegħu fuq il-valur tal-oġġetti jew tas-servizzi forniti minn min ikollu l-franchise tiegħu f’dak is-suq. F’suq bħal dan, il-kompetituri tal-franchisor jistgħu jinkludu fornituri ta’ metodi tan-negozju oħrajn soġġetti għal franchising, iżda wkoll fornituri ta’ oġġetti jew ta’ servizzi sostitwibbli li ma japplikawx franchising. Pereżempju, mingħajr preġudizzju għad-definizzjoni ta’ tali suq, jekk kien hemm suq għal servizzi ta’ fast-food, franchisor li jopera f’tali suq ikollu bżonn jikkalkula s-sehem mis-suq tiegħu fuq il-bażi taċ-ċifri tal-bejgħ rilevanti ta’ min ikollu l-franchise tiegħu f’dan is-suq.
5.3.Kalkolu tal-ishma mis-suq skont ir-Regolament (UE) X
(175)Kif stabbilit fl-Artikolu 8(a) tar-Regolament (UE) X, fil-prinċipju l-ishma mis-suq tal-fornitur u tax-xerrej jenħtieġ li jiġu kkalkolati fuq il-bażi ta’ data dwar il-valur, filwaqt li jitqiesu s-sorsi kollha ta’ dħul iġġenerat mill-bejgħ tal-oġġetti jew tas-servizzi. Meta d-data dwar il-valur ma tkunx disponibbli, jistgħu jsiru estimi sostanzjati fuq il-bażi ta’ informazzjoni affidabbli oħra tas-suq, bħal ċifri tal-volum.
(176)Il-produzzjoni interna, jiġifieri l-produzzjoni jew il-provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi intermedji għall-użu proprju tal-fornitur, tista’ tkun rilevanti għall-analiżi tal-kompetizzjoni f’każ partikolari, iżda ma titqiesx għall-finijiet tad-definizzjoni tas-suq jew għall-kalkolu tal-ishma tas-suq skont ir-Regolament (UE) X. Madankollu, skont l-Artikolu 8(c) tar-Regolament (UE) X, f’xenarji ta’ distribuzzjoni doppja, id-definizzjoni tas-suq u l-kalkolu tas-sehem mis-suq jenħtieġ li jinkludu l-bejgħ mill-fornitur tal-oġġetti tiegħu stess magħmulin permezz tad-distributuri u permezz tal-aġenti tiegħu integrati vertikalment. Distributuri integrati huma impriżi konnessi fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) X.
6.L-applikazzjoni tar-Regolament (UE) X
6.1.Ir-restrizzjonijiet fundamentali skont ir-Regolament (UE) X
(177)L-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) X fih lista ta’ restrizzjonijiet fundamentali. Dawn huma restrizzjonijiet serji tal-kompetizzjoni li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet jenħtieġ li jiġu pprojbiti minħabba l-ħsara li jikkawżaw lill-konsumaturi. Meta akkordju vertikali jkun fih restrizzjoni fundamentali waħda jew aktar, l-akkordju kollu jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) X.
(178)Ir-restrizzjonijiet fundamentali elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) X japplikaw għall-akkordji vertikali li jikkonċernaw il-kummerċ fl-Unjoni. Għalhekk, sa fejn akkordju vertikali jkun jikkonċerna esportazzjonijiet barra mill-Unjoni jew importazzjonijiet/importazzjonijiet mill-ġdid minn barra l-Unjoni, ma jistax jitqies li għandu l-għan li jirrestrinġi b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni jew li huwa kapaċi jaffettwa, bħala tali, il-kummerċ bejn l-Istati Membri.
(179)Ir-restrizzjonijiet fundamentali fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) X huma ġeneralment restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni skont l-għan li jaqgħu fis-sens tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni skont l-għan huma tipi ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li jistgħu jitqiesu bħala dannużi min-natura tagħhom stess għall-funzjonament xieraq tal-kompetizzjoni normali. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddikjarat li ċerti tipi ta’ koordinazzjoni bejn impriżi jiżvelaw livell suffiċjenti ta’ ħsara għall-kompetizzjoni tant li jitqies li ma jkunx neċessarju li jiġu vvalutati l-effetti tagħhom. Sejba ta’ restrizzjoni skont l-għan tirrikjedi valutazzjoni individwali tal-akkordju vertikali kkonċernat. B’kuntrast ma’ dan, ir-restrizzjonijiet fundamentali huma kategorija ta’ restrizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) X, li għalihom huwa preżunt li ġeneralment jirriżultaw fi ħsara netta għall-kompetizzjoni. Għalhekk, l-akkordji vertikali li fihom tali restrizzjonijiet fundamentali ma jistgħux jibbenefikaw mill-eżenzjoni pprovduta mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) X.
(180)Madankollu, ir-restrizzjonijiet fundamentali mhux neċessarjament jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Jekk restrizzjoni fundamentali elenkata fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) X tkun oġġettivament neċessarja għall-implimentazzjoni ta’ akkordju vertikali partikolari, pereżempju, biex tiġi żgurata l-konformità ma’ projbizzjoni pubblika fuq il-bejgħ ta’ sustanzi perikolużi lil ċerti klijenti għal raġunijiet ta’ sikurezza jew ta’ saħħa, dak l-akkordju jaqa’ b’mod eċċezzjonali barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Minn dan ta’ hawn fuq jirriżulta li l-Kummissjoni tapplika l-prinċipji li ġejjin meta tivvaluta akkordju vertikali:
(a)meta restrizzjoni fundamentali fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) X tkun inkluża f’akkordju vertikali, dak l-akkordju x’aktarx li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat.
(b)akkordju li jinkludi restrizzjoni fundamentali fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) X x’aktarx li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat.
(181)Impriża tista’ turi effetti prokompetittivi skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat f’każ individwali. Għal dan l-iskop, l-impriża trid tissostanzja li l-effiċjenzi huma probabbli u li dawn l-effiċjenzi x’aktarx jirriżultaw mill-inklużjoni tar-restrizzjoni fundamentali fl-akkordju, kif ukoll turi li huma ssodisfati l-kundizzjonijiet l-oħrajn tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Meta dan ikun il-każ, il-Kummissjoni tivvaluta l-impatt negattiv fuq il-kompetizzjoni li x’aktarx jirriżulta mill-inklużjoni tar-restrizzjoni fundamentali fl-akkordju qabel ma tagħmel valutazzjoni finali dwar jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat ikunux issodisfati.
(182)L-eżempji fil-paragrafi (183) u (184) huma maħsubin biex juru kif il-Kummissjoni se tapplika l-prinċipji msemmijin hawn fuq.
(183)Dan li ġej huwa eżempju ta’ cross-supplies bejn id-distributuri awtorizzati:
|
Fil-każ ta' sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, cross-supplies bejn distributuri maħtura trid normalment jibqgħu liberi (ara l-paragrafu (237)). Madankollu, ir-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ attiv jistgħu, taħt ċerti ċirkostanzi, jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, jekk ikun neċessarju li l-bejjiegħa bl-ingrossa awtorizzati li jinsabu f’territorji differenti jinvestu f’attivitajiet promozzjonali fit-territorju li fih huma jqassmu l-oġġetti jew is-servizzi tal-kuntratt biex jappoġġaw il-bejgħ minn bejjiegħa bl-imnut awtorizzati u ma jkunx prattiku li jiġu speċifikati l-attivitajiet promozzjonali meħtieġa bħala obbligu kuntrattwali fl-akkordju.
|
(184)Dan li ġej huwa eżempju ta’ ttestjar ġenwin:
|
Fil-każ ta’ ttestjar ġenwin ta’ prodott ġdid f’territorju limitat jew ma’ grupp limitat ta’ klijenti, jew fil-każ ta’ introduzzjoni gradwali ta’ prodott ġdid, id-distributuri li jitqabbdu biex ibigħu l-prodott il-ġdid fis-suq tat-test, jew dawk li jipparteċipaw fl-ewwel sessjoni/sessjonijiet tal-introduzzjoni gradwali jistgħu jkunu ristretti milli jagħmlu bejgħ attiv barra mis-suq tat-test jew f’suq/fi swieq jew lil gruppi ta’ klijenti fejn il-prodott ikun għadu ma ġiex introdott. Tali restrizzjonijiet jistgħu jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat għall-perjodu neċessarju għall-ittestjar jew għall-introduzzjoni tal-prodott.
|
6.1.1.Żamma tal-prezz għall-bejgħ mill-ġdid
(185)Ir-restrizzjoni fundamentali stabbilita fl-Artikolu 4(a) tar-Regolament (UE) X tikkonċerna ż-żamma tal-prezz tal-bejgħ mill-ġdid (resale price maintenance, “RPM”), jiġifieri, akkordji li, direttament jew indirettament, ikollhom l-għan li jillimitaw il-kapaċità tax-xerrej li jiddetermina l-prezz tal-bejgħ tiegħu, inklużi dawk li jistabbilixxu prezz tal-bejgħ fiss jew minimu li jrid jiġi osservat mix-xerrej. Rekwiżit għax-xerrej li jistabbilixxi l-prezz tal-bejgħ tiegħu f’ċerta medda huwa l-RPM fis-sens tal-Artikolu 4(a) tar-Regolament.
(186)L-RPM tista’ tiġi applikata permezz ta’ mezzi diretti. Dan huwa l-każ għal dispożizzjonijiet kuntrattwali jew għal prattiki miftehmin li jistabbilixxu direttament il-prezz li x-xerrej jeħtieġlu jitlob lill-klijenti tiegħu, jew li jippermettu lill-fornitur jistabbilixxi l-prezz tal-bejgħ mill-ġdid, jew li jipprojbixxu lix-xerrej milli jbigħ taħt ċertu livell ta’ prezz. Ir-restrizzjoni hija wkoll ċara meta l-fornitur jitlob żieda fil-prezz u x-xerrej jikkonforma mat-talba.
(187)L-RPM tista’ tiġi applikata wkoll permezz ta’ mezzi indiretti, inklużi inċentivi biex jiġi osservat prezz minimu jew diżinċentivi biex ikun hemm devjazzjoni minn prezz minimu. L-eżempji li ġejjin jipprovdu lista mhux eżawrjenti ta’ tali mezzi indiretti:
(a)l-iffissar tal-marġni tal-bejgħ mill-ġdid;
(b)l-iffissar tal-livell massimu ta’ skont li d-distributur jista’ jagħti minn livell ta’ prezz prestabbilit;
(c)l-għoti ta’ ribassi jew ir-rimborż ta’ spejjeż promozzjonali mill-fornitur isiru soġġetti għall-osservanza ta’ livell ta’ prezz partikolari;
(d)l-impożizzjoni ta’ prezzijiet minimi rreklamati (minimum advertised prices, “MAPs”), li jipprojbixxu lid-distributur milli jirreklama prezzijiet taħt livell stabbilit mill-fornitur;
(e)ir-rabta tal-prezz tal-bejgħ mill-ġdid preskritt mal-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid tal-kompetituri;
(f)it-theddid, l-intimidazzjonijiet, it-twissijiet, il-penali, id-dewmien jew is-sospensjoni ta’ kunsinni jew it-terminazzjonijiet ta’ kuntratti b’rabta mal-osservanza ta’ livell ta’ prezz partikolari.
(188)Skont l-Artikolu 4(a) tar-Regolament (UE) X, l-impożizzjoni mill-fornitur ta’ prezz massimu tal-bejgħ mill-ġdid jew ir-rakkomandazzjoni ta’ prezz tal-bejgħ mill-ġdid ma hijiex restrizzjoni fundamentali. Madankollu, jekk il-fornitur jikkombina tali rakkomandazzjoni dwar il-prezz massimu jew il-prezz tal-bejgħ mill-ġdid ma’ inċentivi biex jiġi applikat ċertu livell ta’ prezz jew diżinċentivi biex jitbaxxa l-prezz tal-bejgħ, dan jista’ jammonta għal RPM. Dan ikun il-każ, pereżempju, meta l-fornitur jirrimborża l-ispejjeż promozzjonali mġarrbin mix-xerrej soġġett għall-kundizzjoni li x-xerrej ma jiddevjax mill-prezz massimu tal-bejgħ mill-ġdid jew mill-prezz tal-bejgħ mill-ġdid rakkomandat. Eżempju ta’ diżinċentiv biex jitnaqqas il-prezz tal-bejgħ ikun fejn il-fornitur jhedded li jnaqqas aktar provvisti b’reazzjoni għal devjazzjoni mix-xerrej mill-prezz massimu jew rakkomandat tal-bejgħ mill-ġdid.
(189)Għalkemm fil-prinċipju l-MAPs iħallu lid-distributur liberu li jbigħ bi prezz li jkun aktar baxx mill-prezz reklamat, huma jiddiżinċentivaw lid-distributur milli jistabbilixxi prezz tal-bejgħ aktar baxx billi jirrestrinġu l-kapaċità tiegħu li jinforma lill-klijenti potenzjali dwar l-iskontijiet disponibbli. B’hekk jitneħħa parametru ewlieni għall-kompetizzjoni fil-prezz bejn il-bejjiegħa bl-imnut. Għalhekk, għall-fini tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4(a) tar-Regolament (UE) X, l-MAPs jiġu ttrattati bħala mezz indirett għall-applikazzjoni tal-RPM.
(190)Il-mezzi diretti jew indiretti tal-applikazzjoni tal-RPM jistgħu jsiru aktar effettivi meta jiġu kkombinati ma’ miżuri li jkollhom l-għan li jidentifikaw distributuri li jnaqqsu l-prezzijiet, bħal dawk li jimplimentaw sistema għall-monitoraġġ tal-prezzijiet, jew li jobbligaw lill-bejjiegħa bl-imnut jirrapportaw membri oħrajn tan-network ta’ distribuzzjoni li jiddevjaw mil-livell tal-prezz standard.
(191)Il-monitoraġġ tal-prezzijiet qed jintuża dejjem aktar fil-kummerċ elettroniku, fejn kemm il-fornituri kif ukoll il-bejjiegħa bl-imnut spiss jużaw software għall-monitoraġġ tal-prezzijiet. Dan is-software jżid it-trasparenza tal-prezzijiet fis-suq u jippermetti lill-manifatturi jsegwu b’mod effettiv il-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid fin-network ta’ distribuzzjoni tagħhom. Jippermetti wkoll lill-bejjiegħa bl-imnut jintraċċaw il-prezzijiet tal-kompetituri tagħhom. Madankollu, meta jkunu weħidhom, il-monitoraġġ tal-prezzijiet u r-rapportar tal-prezzijiet ma humiex RPM.
(192)B’akkordju ta’ aġenzija, il-prinċipal ġeneralment jistabbilixxi l-prezz tal-bejgħ, minħabba li huwa jġorr ir-riskji kummerċjali u finanzjarji relatati mal-bejgħ. Madankollu, meta l-akkordju ma jissodisfax il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu klassifikati bħala akkordju ta’ aġenzija li jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat (ara b’mod partikolari l-paragrafi (30) sa (34) ta’ dawn il-Linji Gwida), kwalunkwe obbligu dirett jew indirett li jipprevjeni jew jirrestrinġi lill-aġent milli jaqsam ir-remunerazzjoni tiegħu mal-klijent, irrispettivament minn jekk ir-remunerazzjoni tkunx fissa jew varjabbli, huwa restrizzjoni fundamentali fis-sens tal-Artikolu 4(a) tar-Regolament (UE) X. Għalhekk, jenħtieġ li l-aġent jitħalla liberu li jnaqqas il-prezz effettiv imħallas mill-klijent mingħajr ma jnaqqas l-introjtu dovut lill-prinċipal.
(193)B’kuntratt ta’ eżekuzzjoni, il-fornitur jidħol f’akkordju vertikali ma’ xerrej għall-finijiet tal-eżekuzzjoni (twettiq) ta’ akkordju ta’ provvista konkluż minn qabel bejn il-fornitur u klijent speċifiku. Meta l-fornitur jagħżel l-impenn li se jipprovdi s-servizzi ta’ eżekuzzjoni, l-impożizzjoni ta’ prezz tal-bejgħ mill-ġdid mill-fornitur ma tkunx RPM. F’dan il-każ, il-prezz tal-bejgħ mill-ġdid impost fil-kuntratt ta’ eżekuzzjoni ma jirrestrinġix il-kompetizzjoni għall-provvista tal-oġġetti jew tas-servizzi lill-klijent jew il-kompetizzjoni għall-provvista tas-servizzi ta’ eżekuzzjoni. Pereżempju, dan japplika meta l-klijenti jixtru oġġetti minn impriża attiva fl-ekonomija tal-pjattaformi online li titħaddem minn grupp ta’ bejjiegħa bl-imnut indipendenti taħt marka komuni tad-ditta u dik l-impriża tiddetermina l-prezz għall-bejgħ tal-oġġetti u tgħaddi l-ordnijiet lill-bejjiegħa bl-imnut biex jeżegwuhom. B’kuntrast ma’ dan, meta l-impriża li se tipprovdi s-servizzi ta’ eżekuzzjoni tintgħażel mill-klijent, l-impożizzjoni ta’ prezz tal-bejgħ mill-ġdid mill-fornitur tista’ tirrestrinġi l-kompetizzjoni għall-forniment tas-servizzi ta’ eżekuzzjoni. F’dak il-każ, l-impożizzjoni ta’ prezz tal-bejgħ mill-ġdid tista’ tammonta għal RPM.
(194)L-Artikolu 4(a) tar-Regolament (UE) X huwa kompletament applikabbli fl-ekonomija tal-pjattaformi online. B’mod partikolari, meta impriża tipprovdi servizzi ta’ intermedjazzjoni online fis-sens tal-Artikolu 1(1)(e) tar-Regolament, hija tkun fornitur fir-rigward ta’ dawk is-servizzi u, għalhekk, l-Artikolu 4(a) tar-Regolament japplika għar-restrizzjonijiet imposti mill-impriża fuq ix-xerrejja tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online relatati mal-prezz tal-bejgħ ta’ oġġetti jew ta’ servizzi li jinbiegħu permezz tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online. Filwaqt li dan ma jżommx lil fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online milli jinċentiva lill-utenti tas-servizzi biex ibigħu l-oġġetti jew is-servizzi tagħhom bi prezz kompetittiv jew biex inaqqsu l-prezzijiet tagħhom, l-impożizzjoni mill-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online ta’ prezz tal-bejgħ fiss jew minimu għat-tranżazzjonijiet li huwa jintermedja hija restrizzjoni fundamentali fis-sens tal-Artikolu 4(a) tar-Regolament (UE) X.
(195)Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddikjarat f’diversi okkażjonijiet li l-RPM hija restrizzjoni tal-kompetizzjoni skont l-għan li taqa’ fis-sens tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Madankollu, kif iddikjarat fil-paragrafi minn (179) sa (181), il-kwalifika ta’ restrizzjoni bħala restrizzjoni fundamentali jew bħala restrizzjoni skont l-għan ma tfissirx li hija ksur per se tal-Artikolu 101 tat-Trattat. Meta l-impriżi jqisu li l-RPM qiegħda ttejjeb l-effiċjenza f’każ individwali, huma jistgħu jibbażaw fuq ġustifikazzjonijiet relatati mal-effiċjenza skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat.
(196)L-RPM tista’ tirrestrinġi l-kompetizzjoni fil-marka tad-ditta u/jew bejn il-marki tad-ditta b’diversi modi:
(a)RPM tista’ tiffaċilita l-kollużjoni bejn il-fornituri, billi ttejjeb it-trasparenza tal-prezzijiet fis-suq u, għalhekk, tagħmilha eħfef li jiġi żvelat jekk fornitur ikunx qiegħed jiddevja mill-ekwilibriju kollużiv billi jwaqqa’ l-prezz tiegħu. Dan l-effett negattiv huwa aktar probabbli fi swieq suxxettibbli għal eżiti kollużivi, pereżempju, meta l-fornituri jifformaw oligopolija stretta u sehem sinifikanti mis-suq ikun kopert mill-akkordji dwar l-RPM;
(b)RPM tista’ tiffaċilita l-kollużjoni bejn ix-xerrejja fil-livell ta’ distribuzzjoni, b’mod partikolari meta tkun xprunata mix-xerrejja. Jista’ jkun li bejjiegħa b’saħħithom jew organizzati tajjeb ikunu jistgħu jisfurzaw jew jikkonvinċu lil wieħed jew aktar mill-fornituri tagħhom jiffissaw il-prezz tal-bejgħ mill-ġdid tagħhom ’il fuq mil-livell kompetittiv, biex b’hekk jgħinu lix-xerrejja jilħqu jew jistabbilizzaw ekwilibriju kollużiv. L-RPM isservi bħala mezz ta’ impenn għall-bejjiegħa bl-imnut biex ma jiddevjawx mill-ekwilibriju kollużiv permezz ta’ skontar tal-prezzijiet.
(c)f’xi każijiet, l-RPM tista’ wkoll tnaqqas il-kompetizzjoni bejn il-manifatturi u/jew bejn il-bejjiegħa bl-imnut, b’mod partikolari meta l-manifatturi jużaw l-istess distributuri sabiex jiddistribwixxu l-prodotti tagħhom u l-RPM tkun applikata minnhom kollha jew mill-biċċa kbira minnhom;
(d)L-RPM tista’ tnaqqas il-pressjoni fuq il-marġini tal-fornitur, b’mod partikolari meta l-manifattur ikollu problema ta’ impenn, jiġifieri meta jkollu interess li jbaxxi l-prezz mitlub lid-distributuri sussegwenti. F’sitwazzjoni bħal din, il-manifattur jista’ jippreferi li jaqbel mal-RPM, biex din tgħinu jimpenja ruħu li ma jbaxxix il-prezz għad-distributuri sussegwenti u li jnaqqas il-pressjoni fuq il-marġini tiegħu stess;
(e)billi tipprevjeni l-kompetizzjoni fil-prezz bejn id-distributuri, l-RPM tista’ tipprevjeni jew tfixkel id-dħul u l-espansjoni ta’ formati ta’ distribuzzjoni ġodda jew aktar effiċjenti, u b’hekk tnaqqas l-innovazzjoni fil-livell tad-distribuzzjoni;
(f)L-RPM tista’ tiġi implimentata minn fornitur bis-saħħa fis-suq li jeskludi rivali iżgħar minnu. Iż-żieda fil-marġni li l-RPM tista’ toffri lid-distributuri tista’ tinċentivahom biex jiffavorixxu l-marka tad-ditta tal-fornitur fuq marki rivali tad-ditta meta jagħtu pariri lill-klijenti tagħhom, anki neta tali pariri ma jkunux fl-interess tal-klijenti, jew saħansitra li ma jbigħux il-marki rivali tad-ditta affattu;
(g)l-effett dirett tal-RPM huwa l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni fil-prezz fil-marka tad-ditta, billi jiġi evitat li ċerti distributuri jew id-distributuri kollha jbaxxu l-prezz tal-bejgħ tagħhom għall-marka kkonċernata tad-ditta, li b’hekk jirriżulta f’żieda fil-prezz għal dik il-marka tad-ditta.
(197)Madankollu, l-RPM tista’ twassal ukoll għal effiċjenzi, b’mod partikolari meta tkun xprunata mill-fornitur. Meta l-impriżi jibbażaw fuq id-difiża tal-effiċjenza għall-RPM, jeħtiġilhom ikunu jistgħu jissostanzjaw dan b’evidenza konkreta u juru li l-kundizzjonijiet kollha tal-Artikolu 101(3) jkunu ssodisfati f’ kull każ individwali. Erba’ eżempji ta’ effiċjenzi bħal dawn huma stabbiliti hawn taħt.
(a)Meta manifattur jintroduċi prodott ġdid, l-RPM tista’ tkun mezz effiċjenti biex tħeġġeġ lid-distributuri jqisu aħjar l-interess tal-manifattur fil-promozzjoni ta’ dak il-prodott. L-Artikolu 101(3) tat-Trattat jeħtieġ ukoll li ma jkun hemm l-ebda mezz alternattiv realistiku u anqas restrittiv kif id-distributuri jiġu inċentivati jippromwovu l-prodott. Biex jissodisfaw dak ir-rekwiżit, il-fornituri jistgħu, pereżempju, juru li fil-prattika ma huwiex fattibbli li jiġu imposti fuq ix-xerrejja kollha obbligi ta’ promozzjoni effettivi permezz ta’ kuntratt. F’ċirkostanzi bħal dawn, l-impożizzjoni ta’ prezzijiet fissi jew minimi tal-bejgħ bl-imnut għal perjodu ta’ żmien limitat biex tiġi ffaċilitata l-introduzzjoni tal-prodott il-ġdid tista’ tiġi kkunsidrata fuq il-bilanċ favur il-kompetizzjoni.
(b)Il-prezzijiet fissi tal-bejgħ mill-ġdid, u mhux biss il-prezzijiet massimi tal-bejgħ mill-ġdid, jistgħu jkunu meħtieġa biex tiġi organizzata kampanja kkoordinata ta’ prezzijiet baxxi għal terminu qasir (ta’ bejn ġimagħtejn u sitt ġimgħat fil-biċċa l-kbira tal-każijiet), b’mod partikolari f’sistema ta’ distribuzzjoni meta l-fornitur japplika format ta’ distribuzzjoni uniformi, bħal pereżempju sistema ta’ franchising. F’każ bħal dan, minħabba l-karattru temporanju tagħha, l-impożizzjoni ta’ prezzijiet fissi tal-bejgħ bl-imnut tista’ titqies bħala prokompetittiva fuq il-bilanċ.
(c)Jista’ jintuża prezz minimu għall-bejgħ mill-ġdid jew MAP biex jipprevjeni distributur partikolari milli juża l-prodott ta’ fornitur bħala prodott “loss leader”. Meta distributur ibigħ mill-ġdid b’mod regolari prodott taħt il-prezz bl-ingrossa, dan jista’ jagħmel ħsara lill-immaġni tal-marka tad-ditta tal-prodott u, biż-żmien, inaqqas id-domanda ġenerali għall-prodott u jimmina l-inċentivi tal-fornitur li jinvesti fil-kwalità u fl-immaġni tal-marka tad-ditta. F’dan il-każ, il-fatt li dan id-distributur partikolari ma jitħalliex ibigħ taħt il-prezz bl-ingrossa permezz tal-impożizzjoni ta’ prezz minimu ta’ bejgħ mill-ġdid fil-mira jew MAP jista’ jitqies fuq il-bilanċ favur il-kompetizzjoni.
(d)F’xi sitwazzjonijiet, il-marġni żejjed ipprovdut mill-RPM jista’ jippermetti lill-bejjiegħa bl-imnut jipprovdu servizzi addizzjonali ta’ qabel il-bejgħ, b’mod partikolari fil-każ ta’ prodotti kumplessi. Meta jkun hemm biżżejjed klijenti li jieħdu vantaġġ minn tali servizzi biex jagħżlu prodott iżda, sussegwentement, jixtru bi prezzijiet orħos mingħand bejjiegħa bl-imnut li ma jipprovdux tali servizzi (u b’hekk ma jġarrbux dawn l-ispejjeż), il-bejjiegħa bl-imnut li joffru livell ta’ servizz għoli jistgħu jnaqqsu jew jieqfu jipprovdu servizzi ta’ qabel il-bejgħ li jtejbu d-domanda għall-prodott tal-fornitur. Il-fornitur jeħtieġlu juri li jkun hemm riskju ta’ free riding fil-livell ta’ distribuzzjoni, li l-prezzijiet fissi jew minimi tal-bejgħ mill-ġdid jipprovdu biżżejjed inċentivi għall-investimenti fis-servizzi ta’ qabel il-bejgħ u li ma hemm l-ebda mezz alternattiv realistiku u anqas restrittiv biex jingħeleb dan il-free riding. F’din is-sitwazzjoni, il-probabbiltà li l-RPM titqies li hija prokompetittiva tkun ogħla meta l-kompetizzjoni bejn il-fornituri tkun ħarxa u l-fornitur ikollu saħħa limitata fis-suq.
(198)L-użu tal-prezzijiet rakkomandati tal-bejgħ mill-ġdid jew tal-prezzijiet massimi tal-bejgħ mill-ġdid jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) X meta s-sehem mis-suq ta’ kull waħda mill-partijiet għall-akkordju ma jaqbiżx il-limitu ta’ 30 % u dment li dan ma jkunx jammonta għall-impożizzjoni ta’ prezz minimu jew fiss tal-bejgħ bħala riżultat ta’ pressjoni jew ta’ inċentivi minn xi waħda mill-partijiet, kif stabbilit fil-paragrafi (187) u (188). Il-paragrafi minn (199) sa (201) jipprovdu gwida għall-valutazzjoni tal-prezzijiet rakkomandati jew massimi tal-bejgħ mill-ġdid ’il fuq mil-limitu tas-sehem mis-suq.
(199)Ir-riskji għall-kompetizzjoni assoċjati mal-prezzijiet rakkomandati u massimi tal-bejgħ mill-ġdid huma, l-ewwel nett, li jistgħu jitħaddmu bħala punt fokali għar-rivendituri u jistgħu jiġu segwiti mill-biċċa l-kbira tagħhom jew minnhom kollha. It-tieni, jistgħu jnaqqsu l-kompetizzjoni jew jiffaċilitaw il-kollużjoni bejn il-fornituri.
(200)Fattur importanti għall-valutazzjoni tal-effetti antikompetittivi possibbli tal-prezzijiet massimi jew irrakkomandati tal-bejgħ mill-ġdid huwa l-pożizzjoni fis-suq tal-fornitur. Aktar ma tkun b’saħħitha l-pożizzjoni tas-suq tal-fornitur, aktar ikun għoli r-riskju li prezz ta’ bejgħ mill-ġdid rakkomandat jew massimu jwassal għal applikazzjoni aktar jew anqas uniformi ta’ dak il-livell ta’ prezz mir-rivendituri, minħabba li jistgħu jsibuha diffiċli li jiddevjaw minn dak li huma jqisu bħala l-prezz tal-bejgħ mill-ġdid preferut propost minn fornitur importanti bħal dan.
(201)Meta l-prezzijiet rakkomandati jew massimi tal-bejgħ mill-ġdid jipproduċu effetti antikompetittivi sinifikanti, huwa neċessarju li jiġi vvalutat jekk jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-eċċezzjoni previsti fl-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Fir-rigward tal-prezzijiet massimi ta’ bejgħ mill-ġdid, l-evitar ta’ “emarġinazzjoni doppja” jista’ jkun partikolarment rilevanti. Prezz massimu tal-bejgħ mill-ġdid jista’ jgħin ukoll sabiex jiġi żgurat li l-marka tad-ditta tal-fornitur tikkompeti bi ħruxija akbar ma’ marki oħrajn tad-ditta distribwiti mill-istess distributur, inklużi prodotti b’tikketta privata.
6.1.2.Restrizzjonijiet fundamentali skont l-Artikolu 4(b), (c), (d) u (e) tar-Regolament (UE) X
6.1.2.1.Kwalifika bħala restrizzjoni fundamentali skont l-Artikolu 4(b), (c) u (d) u (e) tar-Regolament (UE) X
(202)L-Artikolu 4(b), (c) u (d) tar-Regolament (UE) X fih lista ta’ restrizzjonijiet u ta’ eċċezzjonijiet fundamentali li japplikaw għal diversi tipi ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni, rispettivament: distribuzzjoni esklużiva, distribuzzjoni selettiva jew distribuzzjoni ħielsa. Ir-restrizzjonijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikolu 4(b), (c)(i) u (d) tar-Regolament (UE) X jikkonċernaw akkordji li, direttament jew indirettament, waħedhom jew flimkien ma’ fatturi oħrajn kontrollati mill-partijiet, ikollhom l-għan li jirrestrinġu jew it-territorju li fih jew il-klijenti li lilhom ix-xerrej jew il-klijenti tiegħu jistgħu jbigħu l-oġġetti jew is-servizzi tal-kuntratt. L-Artikolu 4(c)(ii) u (iii) tar-Regolament (UE) X jistabbilixxi li, f’sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, ir-restrizzjonijiet ta’ cross-supplies bejn il-membri tas-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva li joperaw fl-istess livell jew f’livelli differenti tal-kummerċ u r-restrizzjonijiet ta’ bejgħ attiv jew passiv lill-utenti finali mill-membri tas-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva li joperaw fil-livell tal-bejgħ bl-imnut tal-kummerċ, huma restrizzjonijiet fundamentali. L-Artikolu 4(b), (c) u (d) tar-Regolament japplika irrispettivament mill-kanal ta’ bejgħ użat, pereżempju, irrispettivament minn jekk il-bejgħ isirx offline jew online.
(203)L-Artikolu 4(e) tar-Regolament (UE) X jipprevedi li akkordju vertikali li, direttament jew indirettament, waħdu jew flimkien ma’ fatturi oħrajn kontrollati mill-partijiet, għandu l-għan li jipprevjeni l-użu effettiv tal-internet mix-xerrej jew mill-klijenti tiegħu sabiex ibigħu l-oġġetti jew is-servizzi tal-kuntratt f’territorji jew lil klijenti partikolari, huwa restrizzjoni fundamentali. Akkordju vertikali li jkun fih restrizzjoni waħda jew aktar ta’ bejgħ online jew ta’ reklamar online li de facto tipprojbixxi lix-xerrej milli juża l-internet biex ibigħ l-oġġetti jew is-servizzi tal-kuntratt għandu tal-anqas l-għan li jirrestrinġi l-bejgħ passiv lill-utenti finali li jkunu jixtiequ jixtru online u li jinsabu barra miż-żona fiżika tan-negozjar tax-xerrej. Għalhekk, tali akkordji jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(e) tar-Regolament (UE) X. L-istess japplika għal akkordji vertikali li ma jipprojbixxux direttament, iżda għandhom l-għan li jipprevjenu l-użu effettiv tal-internet minn xerrej jew mill-klijenti tiegħu sabiex ibigħu l-oġġetti jew is-servizzi tal-kuntratt f’territorji jew lil klijenti partikolari. Pereżempju, dan huwa l-każ għal akkordji vertikali li għandhom l-għan li jnaqqsu b’mod sinifikanti l-volum aggregat tal-bejgħ online tal-oġġetti jew tas-servizzi tal-kuntratt jew il-possibbiltà għall-utenti finali li jixtru l-oġġetti jew is-servizzi tal-kuntratt online. Bl-istess mod, dan huwa l-każ għal akkordji vertikali li għandhom l-għan li jipprevjenu l-użu ta’ mezz ta’ reklamar online wieħed jew aktar mix-xerrej, bħal magni tat-tiftix jew servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet, jew li jipprevjenu lix-xerrej milli jistabbilixxi jew juża l-ħanut online tiegħu stess. Il-valutazzjoni ta’ jekk restrizzjoni tkunx fundamentali fis-sens tal-Artikolu 4(e) tar-Regolament (UE) X tista’ tikkonsidra l-kontenut u l-kuntest tar-restrizzjoni, iżda ma tistax tiddependi fuq iċ-ċirkostanzi speċifiċi għas-suq jew fuq il-karatteristiċi individwali tal-partijiet tal-akkordju vertikali.
(204)Ir-restrizzjonijiet fundamentali msemmijin fil-paragrafu (202) jistgħu jirriżultaw minn obbligi diretti, bħall-obbligu li ma jsirx bejgħ f’territorji jew lil klijenti partikolari, jew l-obbligu li l-ordnijiet minn tali klijenti jiġu riferiti lil distributuri oħrajn. Jistgħu jirriżultaw ukoll mill-fornitur li japplika miżuri indiretti biex iħeġġeġ lix-xerrej ma jbigħx lil tali klijenti, bħal:
(a)li jeħtieġ li x-xerrej jitlob l-approvazzjoni minn qabel tal-fornitur għall-bejgħ lil tali klijenti;
(b)li jirrifjuta jew inaqqas il-bonusijiet jew l-iskontijiet jekk ix-xerrej ibigħ lil tali klijenti jew jagħmel pagamenti ta’ kumpens lix-xerrej jekk jieqaf ibigħ lil tali klijenti;
(c)itemm il-provvista ta’ prodotti jekk ix-xerrej ibigħ lil klijenti bħal dawn;
(d)jillimita jew inaqqas il-volumi forniti, pereżempju, biex il-volumi jikkorrispondu għad-domanda mill-klijenti f’ċerti territorji jew għad-domanda minn ċerti gruppi ta’ klijenti;
(e)jhedded it-terminazzjoni tal-akkordju vertikali jew li ma jġeddux jekk ix-xerrej ibigħ lil tali klijenti;
(f)jitlob prezz ogħla lid-distributur għal prodotti li jkunu se jinbiegħu lil tali klijenti;
(g)jillimita l-proporzjon ta’ bejgħ magħmul mix-xerrej lil tali klijenti;
(h)jipprevjeni lix-xerrej milli juża lingwi addizzjonali fuq l-imballaġġ jew għall-promozzjoni tal-prodotti;
(i)iforni prodott ieħor jekk ix-xerrej min-naħa tiegħu jieqaf ibigħ lil tali klijenti;
(j)iħallas lix-xerrej sabiex jieqaf mill-bejgħ lil tali klijenti;
(k)jobbliga lix-xerrej jgħaddi lill-fornitur il-profitti minn tali klijenti;
(l)jeskludi minn servizz ta’ garanzija madwar l-Unjoni kollha rimborżat mill-fornitur il-prodotti li jinbiegħu mill-ġdid barra t-territorju tax-xerrej jew prodotti li jinbiegħu fit-territorju tax-xerrej minn xerrejja li jinsabu f’territorji oħrajn.
(205)Miżuri li jippermettu lil manifattur jivverifika d-destinazzjoni tal-oġġetti forniti, bħall-użu ta’ tikketti differenzjati, ta’ raggruppamenti speċifiċi tal-lingwa jew ta’ numri tas-serje, jew l-isfida jew il-prestazzjoni ta’ awditjar biex tiġi vverifikata l-konformità tax-xerrej ma’ restrizzjonijiet oħra ma humiex minnhom infushom restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni. Madankollu, jistgħu jitqiesu li jiffurmaw parti minn restrizzjoni fundamentali tal-bejgħ tax-xerrej meta jintużaw mill-fornitur biex jikkontrolla d-destinazzjoni tal-provvista tal-merkanzija, pereżempju meta jintużaw flimkien ma’ waħda jew aktar mill-prattiki msemmijin fil-paragrafi (203) u (204).
(206)Minbarra r-restrizzjonijiet diretti u indiretti msemmijin fil-paragrafi minn (202) sa (204), ir-restrizzjonijiet fundamentali speċifikament relatati mal-bejgħ online jistgħu b’mod simili jkunu r-riżultat ta’ obbligi diretti jew indiretti. Minbarra projbizzjoni diretta tal-użu tal-internet biex jinbiegħu l-oġġetti jew is-servizzi tal-kuntratt, dawn li ġejjin huma eżempji ta’ obbligi li indirettament għandhom l-għan li jipprevjenu l-użu effettiv tal-internet mix-xerrej biex ibigħ l-oġġetti jew is-servizzi tal-kuntratt f’territorji jew lil klijenti partikolari fis-sens tal-Artikolu 4(e) tar-Regolament (UE) X:
(a)il-ħtieġa li x-xerrej jipprevjeni lill-klijenti li jinsabu f’territorju ieħor milli jaraw is-sit web jew il-ħanut online tiegħu jew li jirridirezzjona lill-klijenti lejn il-ħanut online tal-manifattur jew ta’ bejjiegħ ieħor. Madankollu, l-obbligu tax-xerrej li joffri links għall-ħwienet online tal-fornitur jew ta’ bejjiegħa oħrajn ma huwiex restrizzjoni fundamentali;
(b)il-ħtieġa li x-xerrej jittermina t-tranżazzjonijiet online tal-konsumaturi meta d-data tal-karta ta’ kreditu tagħhom turi indirizz li ma jkunx fit-territorju tax-xerrej;
(c)l-esiġenza li x-xerrej ibigħ l-oġġetti jew is-servizzi tal-kuntratt biss fi spazju fiżiku jew fil-preżenza fiżika ta’ persunal speċjalizzat;
(d)il-ħtieġa li x-xerrej ifittex l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-fornitur qabel ma jagħmel tranżazzjonijiet individwali ta’ bejgħ online;
(e)il-projbizzjoni tax-xerrej milli juża t-trademarks jew l-ismijiet tal-marki tad-ditta tal-fornitur fuq is-sit web tiegħu jew fil-ħanut online tiegħu;
(f)il-projbizzjoni tax-xerrej milli jistabbilixxi jew jopera ħanut online wieħed jew aktar, irrispettivament minn jekk il-ħanut online huwiex ospitat fuq is-server tax-xerrej stess jew fuq server ta’ terza persuna;
(g)il-projbizzjoni fir-rigward tax-xerrej milli juża kanali ta’ reklamar online sħaħ, bħal magni tat-tiftix jew servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet, jew restrizzjonijiet li indirettament jipprojbixxu l-użu ta’ kanali ta’ reklamar online sħaħ, bħal obbligu li ma jintużawx it-trademarks jew l-ismijiet tal-marki tad-ditta tal-fornitur għall-offerti li għandhom jiġu rreferenzjati f’magni tat-tiftix, jew restrizzjoni fuq l-għoti ta’ informazzjoni relatata mal-prezz lil servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet. Tali restrizzjonijiet għandhom l-għan li jipprevjenu l-użu effettiv tal-internet mix-xerrej biex ibigħ l-oġġetti jew is-servizzi tal-kuntratt f’territorji jew lil klijenti partikolari, billi jillimitaw il-kapaċità tax-xerrej li jimmira lejn klijenti lil hinn miż-żona ta’ negozjar fiżiku tiegħu, jinformahom dwar l-offerti tiegħu u jattirahom lejn il-ħanut online jew lejn kanali oħrajn ta’ bejgħ tiegħu. Il-projbizzjoni tal-użu ta’ servizzi partikolari ta’ tqabbil tal-prezzijiet jew ta’ magni tat-tiftix ġeneralment ma tkunx restrizzjoni fundamentali, billi x-xerrej jista’ juża servizzi oħrajn ta’ reklamar online biex iżid l-għarfien dwar l-attivitajiet ta’ bejgħ online tiegħu. Madankollu, il-projbizzjoni tal-użu tas-servizzi ta’ reklamar l-aktar użati fil-mezz partikolari tar-reklamar online tista’ tammonta għal restrizzjoni fundamentali, jekk is-servizzi li jifdal f’dak il-mezz tar-reklamar ma jkunux kapaċi de facto jattiraw klijenti lejn il-ħanut online tax-xerrej.
(207)Għall-kuntrarju tar-restrizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu (204), ir-rekwiżiti imposti mill-fornitur fuq ix-xerrej relatati mal-mod li bih għandhom jinbiegħu l-oġġetti jew is-servizzi tal-kuntratt jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni pprovduta mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) X, irrispettivament mit-tip ta’ sistema ta’ distribuzzjoni. B’mod partikolari, il-fornitur jista’ jimponi rekwiżiti relatati mal-kwalità. Pereżempju, f’sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, il-fornitur jista’ jimponi rekwiżiti relatati mad-daqs minimu u mad-dehra tal-ħanut tax-xerrej (pereżempju, relatati ma’ installazzjonijiet, ma’ tagħmir, ma’ disinn, ma’ dawl u ma’ kisi tal-art) jew mal-preżentazzjoni tal-prodott (pereżempju, in-numru minimu ta’ prodotti tal-marka tad-ditta li għandhom jintwerew, l-ispazju minimu bejn il-prodotti).
(208)B’mod simili, il-fornitur jista’ jimponi rekwiżiti fuq ix-xerrej relatati mal-mod li bih l-oġġetti jew is-servizzi tal-kuntratt għandhom jinbiegħu online. Ir-restrizzjonijiet relatati mal-użu ta’ kanali tal-bejgħ online partikolari, bħas-swieq online, jew l-impożizzjoni ta’ standards tal-kwalità għall-bejgħ online jistgħu ġeneralment jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) X, irrispettivament mit-tip ta’ sistema ta’ distribuzzjoni, dment li ma jkollhomx indirettament l-għan li jipprevjenu l-użu effettiv tal-internet mix-xerrej biex ibigħ l-oġġetti jew is-servizzi tal-kuntratt f’territorji jew lil klijenti partikolari. Ir-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ online ġeneralment ma jkollhomx tali oġġett meta x-xerrej jibqa’ liberu li jopera l-ħanut online tiegħu stess u li jirreklama online. F’każijiet bħal dawn, ix-xerrej ma jkunx impedit milli jagħmel użu effettiv mill-internet biex ibigħ l-oġġetti jew is-servizzi tal-kuntratt. Dawn li ġejjin huma eżempji ta’ rekwiżiti relatati mal-bejgħ online li jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament:
(a)rekwiżiti maħsubin sabiex jiżguraw il-kwalità jew dehra partikolari tal-ħanut online tax-xerrej;
(b)rekwiżiti rigward il-wiri tal-oġġetti jew tas-servizzi tal-kuntratt fil-ħanut online (bħan-numru minimu ta’ oġġetti murijin, il-mod kif jintwerew it-trademarks jew il-marki tad-ditta tal-fornitur);
(c)projbizzjoni diretta jew indiretta fuq l-użu ta’ swieq online;
(d)rekwiżit li x-xerrej jopera ħanut fiżiku wieħed jew showroom fiżika waħda jew aktar, pereżempju bħala kundizzjoni biex isir membru tas-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva tal-fornitur;
(e)rekwiżit li x-xerrej ibigħ ammont assolut minimu tal-oġġetti jew tas-servizzi tal-kuntratt offline (f’valur jew f’volum, iżda mhux bħala proporzjon tal-bejgħ totali tiegħu) biex jiżgura t-tħaddim effiċjenti tal-ħanut fiżiku tiegħu. Dan ir-rekwiżit jista’ jkun l-istess għax-xerrejja kollha, jew jista’ jiġi stabbilit f’livell differenti għal kull xerrej, fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, bħad-daqs tax-xerrej meta mqabbel ma’ xerrejja oħrajn, jew il-pożizzjoni ġeografika tiegħu.
(209)Rekwiżit li x-xerrej iħallas prezz bl-ingrossa differenti għall-prodotti mibjugħin online milli għall-prodotti mibjugħin offline (ipprezzar doppju) jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) X, billi jista’ jinċentiva jew jippremja livell xieraq ta’ investimenti fil-kanali ta’ bejgħ online jew offline, dment li ma jkollux l-għan li jillimita l-bejgħ f’territorji jew lil klijenti partikolari, kif previst fl-Artikolu 4(b), (c) u (d) tar-Regolament (UE) X. Madankollu, meta d-differenza fil-prezz bl-ingrossa jkollha l-għan li tipprevjeni l-użu effettiv tal-internet mix-xerrej biex ibigħ l-oġġetti jew is-servizzi tal-kuntratt f’territorji jew lil klijenti partikolari, hija tkun restrizzjoni fundamentali fis-sens tal-Artikolu 4(e) tar-Regolament (UE) X. Dan ikun il-każ, b’mod partikolari, meta d-differenza fil-prezz bl-ingrossa tagħmel il-bejgħ online mhux profittabbli jew finanzjarjament mhux sostenibbli, jew meta jintuża pprezzar doppju biex tiġi limitata l-kwantità ta’ prodotti magħmulin disponibbli lix-xerrej għall-bejgħ online. Min-naħa l-oħra, l-ipprezzar doppju jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni pprovduta mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) X meta d-differenza fil-prezz bl-ingrossa tkun raġonevolment relatata mad-differenzi fl-investimenti u fl-ispejjeż imġarrbin mix-xerrej biex jagħmel il-bejgħ f’kull mezz. B’mod simili, il-fornitur jista’ jitlob prezz bl-ingrossa differenti għall-prodotti li jkunu se jinbiegħu permezz ta’ taħlita ta’ kanali offline u online, meta d-differenza fil-prezz tqis l-investimenti jew l-ispejjeż relatati ma’ dak it-tip ta’ distribuzzjoni. Il-partijiet jistgħu jaqblu dwar metodu xieraq biex jimplimentaw l-ipprezzar doppju, inkluż, pereżempju, ibbilanċjar ex post tal-kontijiet fuq il-bażi tal-bejgħ attwali.
(210)Ir-restrizzjonijiet fuq ir-reklamar online jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) X, dment li ma jkollhomx l-għan li jipprevjenu l-użu ta’ kanali ta’ reklamar sħaħ mix-xerrej. Eżempji ta’ restrizzjonijiet fuq ir-reklamar online li jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni jinkludu:
(a)rekwiżit li r-reklamar online jissodisfa ċerti standards ta’ kwalità jew jinkludi kontenut jew informazzjoni speċifika;
(b)rekwiżit li x-xerrej ma jużax is-servizzi ta’ fornituri partikolari ta’ reklamar online li ma jissodisfawx ċerti standards ta’ kwalità;
(c)rekwiżit li x-xerrej ma jużax l-isem tal-marka tal-fornitur fl-isem tad-dominju tal-ħanut online tiegħu.
6.1.2.2.Distinzjoni bejn “bejgħ attiv” u “bejgħ passiv”
(211)L-Artikolu 4 tar-Regolament X (UE) jiddistingwi bejn ir-restrizzjonijiet tal-bejgħ attiv u r-restrizzjonijiet tal-bejgħ passiv fil-kuntest ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni esklużiva. L-Artikolu 1(1)(l) u (m) tar-Regolament (UE) X jipprovdi definizzjonijiet ta’ bejgħ attiv u passiv.
(212)L-Artikolu 1(1)(m) tar-Regolament (UE) X jistabbilixxi li, fil-każ ta’ bejgħ lil klijenti f’territorju jew fi grupp ta’ klijenti allokat b’mod esklużiv, il-bejgħ lil klijenti li ma tqegħdux fil-mira b’mod attiv mill-bejjiegħ huwa bejgħ passiv. Pereżempju, l-istabbiliment ta’ ħanut online huwa forma ta’ bejgħ passiv, billi huwa mezz li jippermetti lill-klijenti potenzjali jilħqu lill-bejjiegħ. L-operat ta’ ħanut online jista’ jkollu effetti li jestendu lil hinn miż-żona fiżika tan-negozjar tal-bejjiegħ, inkluż billi jippermettu xiri online minn klijenti li jinsabu f’territorji jew fi gruppi ta’ klijenti oħrajn. Madankollu, tali xiri (inkluża l-konsenja tal-prodotti) huwa bejgħ passiv, dment li l-bejjiegħ ma jkunx qed jimmira b’mod attiv lill-klijent speċifiku jew lit-territorju speċifiku jew lill-grupp ta’ klijenti li għalih jappartjeni l-klijent. L-istess japplika meta klijent jagħżel li jinżamm informat b’mod awtomatiku mill-bejjiegħ u tali informazzjoni twassal għal bejgħ. Bl-istess mod, l-użu tal-ottimizzazzjoni tal-magna tat-tiftix, jiġifieri għodod jew tekniki maħsubin biex itejbu l-viżibbiltà jew il-klassifikazzjoni tal-ħanut online fir-riżultati tal-magna tat-tiftix, jew l-offerta ta’ applikazzjoni f’app store, huma mezzi li, fil-prinċipju, jgħinu lill-klijenti potenzjali jilħqu lill-bejjiegħ u, għalhekk, huma forom ta’ bejgħ passiv.
(213)Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 1(1)(l) tar-Regolament (UE) X jistabbilixxi li fil-każ ta’ bejgħ lil klijenti f’territorju jew fi grupp ta’ klijenti allokat esklużivament, l-offerta ta’ għażla tal-lingwa f’ħanut online li tkun differenti mil-lingwi użati b’mod komuni fit-territorju li fih ikun stabbilit il-bejjiegħ ġeneralment tindika li l-bejjiegħ qiegħed jimmira lejn it-territorju li fih il-lingwa tintuża b’mod komuni u, għalhekk, issarraf f’bejgħ attiv. Madankollu, l-offerta ta’ għażla tal-lingwa Ingliża f’ħanut online ma turix bħala tali li l-bejjiegħ qiegħed jimmira lejn territorji li jitkellmu bl-Ingliż, billi l-Ingliż huwa mifhum u użat b’mod wiesa’ madwar l-Unjoni kollha. B’mod simili, l-istabbiliment ta’ ħanut online b’isem ta’ dominju tal-ogħla livell li jikkorrespondi għal territorju għajr dak li fih ikun stabbilit il-bejjiegħ huwa forma ta’ bejgħ attiv f’dak it-territorju, filwaqt li l-offerta ta’ ħanut online b’isem ta’ dominju ġeneriku u mhux speċifiku għal pajjiż hija forma ta’ bejgħ passiv.
(214)Skont l-Artikolu 1(1)(l) tar-Regolament (UE) X, bejgħ attiv ifisser bejgħ li jirriżulta minn immirar attiv tal-klijenti permezz ta’ żjarat, ittri, emails, telefonati jew mezzi oħrajn ta’ komunikazzjoni diretta. Ir-reklamar jew il-promozzjonijiet immirati huma forma ta’ bejgħ attiv. B’mod partikolari, is-servizzi ta’ reklamar online spiss jippermettu lill-bejjiegħ jagħżel it-territorji jew il-klijenti li lilhom jintwera r-reklamar online. Dan huwa l-każ, pereżempju, għar-reklamar fuq il-magni tat-tiftix u għal reklamar online ieħor, pereżempju fuq siti web, fuq ħwienet tal-apps, fuq il-media soċjali, dment li s-servizz ta’ reklamar jippermetti lir-reklamatur jimmira lejn il-klijenti skont il-karatteristiċi partikolari tagħhom, inkluż il-post ġeografiku jew il-profil personali tagħhom. B’kuntrast ma’ dan, meta l-bejjiegħ jindirizza r-reklamar online lejn klijenti fit-territorju tiegħu stess jew fi grupp ta’ klijenti u l-prevenzjoni tal-viżwalizzazzjoni ta’ tali reklamar minn klijenti f’territorji jew fi gruppi ta’ klijenti oħrajn ma tkunx possibbli, dan ikun forma ta’ bejgħ passiv. Eżempji ta’ tali reklamar ġenerali jinkludu kontenut sponsorjat fuq is-sit web ta’ gazzetta lokali jew nazzjonali li jista’ jiġi aċċessat minn kwalunkwe persuna li żżur dak is-sit web, jew l-użu ta’ servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet b’ismijiet ta’ dominju ġeneriċi u mhux speċifiċi għall-pajjiż. Min-naħa l-oħra, jekk tali reklamar ġenerali jsir b’lingwi li ma jintużawx b’mod komuni fit-territorju tal-bejjiegħ jew fuq siti web b’ismijiet ta’ dominju tal-ogħla livell li jikkorrispondu għal territorji barra mit-territorju tal-bejjiegħ, dan jammonta għal bejgħ attiv f’dawk it-territorji l-oħrajn.
(215)Il-parteċipazzjoni fl-akkwist pubbliku hija forma ta’ bejgħ passiv, irrispettivament mit-tip tal-proċedura ta’ akkwist pubbliku (pereż. proċedura miftuħa, proċedura ristretta jew oħrajn). Din il-kwalifika hija koerenti mal-finijiet tal-liġi dwar l-akkwist pubbliku, li jinkludu l-iffaċilitar tal-kompetizzjoni fil-marka tad-ditta. B’riżultat ta’ dan, akkordju vertikali li jirrestrinġi l-kapaċità ta’ xerrej li jipparteċipa fl-akkwist pubbliku huwa restrizzjoni fundamentali fis-sens tal-Artikolu 4(b), (c) u (d) tar-Regolament (UE) X. B’mod simili, it-tweġiba għal stediniet għal sejħiet għall-offerti maħruġin minn entitajiet mhux pubbliċi hija forma ta’ bejgħ passiv. Tali stediniet għal sejħiet għall-offerti huma forma ta’ talba ta’ klijent mhux mitluba indirizzata lil diversi bejjiegħa potenzjali u, għalhekk, il-preżentazzjoni ta’ offerta bi tweġiba għal sejħa għall-offerti minn entità mhux pubblika hija forma ta’ bejgħ passiv.
6.1.2.3.Restrizzjonijiet fundamentali relatati ma’ sistemi speċifiċi ta’ distribuzzjoni
(216)L-Artikolu 4(b), (c) u (d) tar-Regolament (UE) X fih lista ta’ restrizzjonijiet u ta’ eċċezzjonijiet fundamentali li japplikaw skont it-tip ta’ sistema ta’ distribuzzjoni mħaddma mill-fornitur: distribuzzjoni esklużiva, distribuzzjoni selettiva jew distribuzzjoni ħielsa.
6.1.2.3.1.Meta l-fornitur iħaddem sistema ta’ distribuzzjoni esklużiva
(217)Ir-restrizzjoni fundamentali stabbilita fl-Artikolu 4(b) tar-Regolament (UE) X tikkonċerna akkordji li, direttament jew indirettament, għandhom bħala l-għan tagħhom ir-restrizzjoni tat-territorju li fih jew tal-grupp ta’ klijenti li lilu, xerrej, li għalih kien allokat territorju jew grupp ta’ klijenti esklużiv, jista’ jbigħ l-oġġetti jew is-servizzi tal-kuntratt b’mod attiv jew passiv.
(218)Hemm ħames eċċezzjonijiet għar-restrizzjoni fundamentali stabbiliti fl-Artikolu 4 (b) tar-Regolament (UE) X.
(219)L-ewwel nett, l-Artikolu 4(b)(i) tar-Regolament (UE) X jippermetti lill-fornitur jirrestrinġi l-bejgħ attiv minn distributur esklużiv f’territorju jew lil grupp ta’ klijenti allokat esklużivament għal massimu ta’ ħames xerrejja, jew riżervat għall-fornitur. Biex jiġu ppreservati l-inċentivi ta’ investiment tagħhom, il-fornitur jeħtieġlu jipproteġi lid-distributuri esklużivi minn bejgħ attiv, inkluż minn reklamar online mmirat, fit-territorju esklużiv tagħhom jew lill-grupp esklużiv ta’ klijenti tagħhom mix-xerrejja l-oħrajn kollha tal-fornitur.
(220)L-inċentivi ta’ investiment tad-distributuri esklużivi jistgħu jiġu mminati wkoll mill-bejgħ attiv mill-klijenti tax-xerrejja l-oħrajn tal-fornitur. Għalhekk, l-Artikolu 4(b)(i) tar-Regolament (UE) X jippermetti wkoll lill-fornitur li jesiġi li x-xerrejja l-oħrajn tiegħu jirrestrinġu lill-klijenti diretti tagħhom milli jbigħu b’mod attiv f’territorji jew lil gruppi ta’ klijenti li l-fornitur ikun alloka esklużivament lil distributuri oħrajn jew irriżerva għalih stess. Madankollu, il-fornitur ma jistax jesiġi li xerrejja oħrajn bħal dawn jgħaddu r-restrizzjonijiet tal-bejgħ attiv lill-klijenti aktar ’l isfel fil-katina tad-distribuzzjoni.
(221)Il-fornitur jista’ jikkombina l-allokazzjoni ta’ territorju esklużiv u ta’ grupp ta’ klijenti esklużiv billi, pereżempju, jaħtar distributur esklużiv għal grupp ta’ klijenti partikolari f’territorju speċifiku.
(222)Il-protezzjoni ta’ territorji jew gruppi ta’ klijenti allokati esklużivament mhijiex assoluta. Biex tiġi evitata l-kompartimentalizzazzjoni tas-suq, il-bejgħ passiv f’tali territorji jew lil tali gruppi ta’ klijenti ma jistax jiġi ristrett. L-Artikolu 4(b) tar-Regolament (UE) X japplika biss għar-restrizzjonijiet imposti fuq ix-xerrej. Il-fornitur jista’ għalhekk jaċċetta restrizzjonijiet fuq il-bejgħ minnu nnifsu, kemm online kif ukoll offline, fit-territorju esklużiv jew lil xi wħud mill-klijenti jew lill-klijenti kollha li jappartjenu għal grupp esklużiv ta’ klijenti. Madankollu, xi restrizzjonijiet ta’ bejgħ passiv lil utenti finali f’ċerti ċirkostanzi, jista’ jkun null u bla effett skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) 2018/302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(223)It-tieni, l-Artikolu 4(b)(ii) tar-Regolament (UE) X jippermetti lil fornitur li jopera sistema ta’ distribuzzjoni esklużiva f’ċertu territorju u sistema ta’ distribuzzjoni selettiva f’territorju ieħor biex jirrestrinġi lid-distributuri esklużivi tiegħu milli jbigħ b’mod attiv jew passiv lil distributuri mhux awtorizzati li jinsabu fit-territorju li fih il-fornitur diġà jopera sistema ta’ distribuzzjoni selettiva jew li huwa rriżerva għat-tħaddim ta’ tali sistema. Il-fornitur jista’ jirrikjedi wkoll li d-distributuri esklużivi tiegħu jirrestrinġu bl-istess mod lill-klijenti tagħhom milli jagħmlu bejgħ attiv u passiv lil distributuri mhux awtorizzati f’territorji li fih il-fornitur jopera sistema ta’ distribuzzjoni selettiva jew li huwa rriżervat għal dan il-għan. Il-kapaċità li r-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ attiv u passiv jingħaddew aktar ’l isfel fil-katina tad-distribuzzjoni f’dan ix-xenarju hija maħsuba biex tipproteġi n-natura magħluqa tas-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva.
(224)It-tielet, l-Artikolu 4(b)(iii) tar-Regolament (UE) X jippermetti lil fornitur jirrestrinġi l-post ta’ stabbiliment tax-xerrej li lilu alloka territorju esklużiv jew grupp esklużiv ta’ klijenti (“klawżola tal-lokalità”). Dan ifisser li l-fornitur jista’ jirrikjedi li x-xerrej jirrestrinġi l-ħwienet u l-imħażen ta’ distribuzzjoni tiegħu għal indirizz, għal post jew għal territorju partikolari. Fir-rigward ta’ ħwienet ta’ distribuzzjoni mobbli, l-akkordju jista’ jispeċifika żona li barra minnha ma jkunx jista’ jitħaddem il-ħanut. Madankollu, l-istabbiliment u l-użu ta’ ħanut online mid-distributur ma humiex ekwivalenti għall-ftuħ ta’ ħanut fiżiku u, għalhekk, ma jistgħux jiġu ristretti.
(225)Ir-raba’, l-Artikolu 4(b)(iv) tar-Regolament (UE) X jippermetti lil fornitur jirrestrinġi l-bejgħ attiv u passiv minn bejjiegħ bl-ingrossa esklużiv lill-utenti finali, u b’hekk il-fornitur ikun jista’ jżomm il-livelli tal-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut separati. Din l-eċċezzjoni tinkludi li l-bejjiegħ bl-ingrossa jitħalla jbigħ lil ċerti utenti finali (pereżempju, lil xi ftit utenti kbar), filwaqt li jkun ipprojbit il-bejgħ lill-utenti finali l-oħrajn kollha.
(226)Il-ħames, l-Artikolu 4(b)(v) tar-Regolament (UE) X jippermetti lil fornitur jirrestrinġi lil xerrej ta’ komponenti, li lilu jiġu forniti l-komponenti għall-inkorporazzjoni, milli jbigħhom mill-ġdid lil kompetituri tal-fornitur, li min-naħa tagħhom jużawhom biex jimmanifatturaw l-istess tip ta’ oġġetti bħal dawk prodotti mill-fornitur. It-terminu “komponent” jinkludi kull oġġett intermedju u t-terminu “inkorporazzjoni” jirreferi għall-użu ta’ kwalunkwe input għall-produzzjoni ta’ oġġetti.
6.1.2.3.2.Meta l-fornitur jopera sistema ta’ distribuzzjoni selettiva
(227)Ir-restrizzjoni fundamentali stabbilita fl-Artikolu 4(c)(i) tar-Regolament (UE) X tikkonċerna akkordji li, direttament jew indirettament, ikollhom bħala l-għan tagħhom ir-restrizzjoni tat-territorju li fih jew il-gruppi ta’ klijenti li lilhom il-membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva (“distributuri awtorizzati”) jistgħu jbigħu b’mod attiv jew passiv l-oġġetti jew is-servizz tal-kuntratt. Dan jinkludi restrizzjonijiet ta’ bejgħ attiv jew passiv lill-utent finali impost minn fornitur fuq distributuri awtorizzati li joperaw fil-livell ta’ bejgħ bl-imnut.
(228)Hemm ħames eċċezzjonijiet għar-restrizzjoni fundamentali stabbiliti fl-Artikolu 4(c)(i) tar-Regolament (UE) X.
(229)L-ewwel eċċezzjoni tikkonċerna r-restrizzjoni tal-ħila tad-distributuri awtorizzati li jbigħu barra mis-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva. Tippermetti lill-fornitur jirrestrinġi l-bejgħ attiv, inkluż ir-reklamar online mmirat, minn distributuri awtorizzati f’territorji oħrajn jew lil gruppi ta’ klijenti li huma allokati esklużivament lil distributuri oħrajn jew riżervati għall-fornitur. Il-fornitur jista’ wkoll jirrikjedi li d-distributuri awtorizzati jimponu tali restrizzjonijiet permessi ta’ bejgħ attiv fuq il-klijenti diretti tagħhom. Madankollu, il-protezzjoni ta’ tali territorji jew gruppi ta’ klijenti allokati esklużivament ma hijiex assoluta, peress li l-fornitur ma jistax jirrestrinġi l-bejgħ passiv f’tali territorji jew lil tali gruppi ta’ klijenti.
(230)It-tieni eċċezzjoni tippermetti lill-fornitur jirrestrinġi lid-distributuri awtorizzati tiegħu u lill-klijenti tagħhom milli jagħmlu bejgħ attiv jew passiv lil distributuri mhux awtorizzati li jinsabu fi kwalunkwe territorju fejn il-fornitur jopera sistema ta’ distribuzzjoni selettiva.
(231)It-tielet eċċezzjoni tippermetti lill-fornitur jimponi klawżola tal-lokalità fuq id-distributuri awtorizzati tiegħu, biex ma jħallihomx joperaw in-negozju tagħhom minn bini differenti jew jiftħu ħanut ġdid f’post differenti. Dan jimplika li l-benefiċċju tar-Regolament (UE) X ma jintilifx jekk id-distributur jaqbel li jirrestrinġi l-ħwienet ta’ distribuzzjoni u l-imħażen tiegħu għal indirizz, għal post jew għal territorju partikolari. Fir-rigward ta’ ħwienet ta’ distribuzzjoni mobbli, l-akkordju jista’ jispeċifika żona li barra minnha ma jkunx jista’ jitħaddem il-ħanut. Madankollu, l-istabbiliment u l-użu mid-distributur ta’ ħanut online ma humiex ekwivalenti għall-ftuħ ta’ ħanut fiżiku u, għalhekk, ma jistgħux jiġu ristretti.
(232)Ir-raba’ eċċezzjoni tippermetti lill-fornitur jirrestrinġi l-bejgħ attiv u passiv minn bejjiegħ bl-ingrossa awtorizzat lill-utenti finali, u b’hekk tippermetti lill-fornitur iżomm il-livelli tal-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut separati. Din l-eċċezzjoni tinkludi li l-bejjiegħ bl-ingrossa jitħalla jbigħ lil ċerti utenti finali (pereżempju, lil xi ftit utenti kbar), filwaqt li jkun ipprojbit il-bejgħ lill-utenti finali l-oħrajn kollha.
(233)Il-ħames eċċezzjoni tippermetti lil fornitur jirrestrinġi lil xerrej awtorizzat ta’ komponenti, li lilu jiġu fornuti l-komponenti għall-inkorporazzjoni, milli jbigħhom mill-ġdid lil kompetituri tal-fornitur, li min-naħa tagħhom jużawhom biex jimmanifatturaw l-istess tip ta’ oġġetti bħal dawk prodotti mill-fornitur. It-terminu “komponent” jinkludi kwalunkwe oġġett intermedju u t-terminu “inkorporazzjoni” jirreferi għall-użu ta’ kwalunkwe input għall-produzzjoni ta’ oġġetti.
(234)Ir-restrizzjoni fundamentali stabbilita fl-Artikolu 4(c)(iii) tar-Regolament (UE) X tikkonċerna r-restrizzjoni ta’ bejgħ attiv jew passiv lill-utenti finali minn membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva li joperaw fil-livell ta’ bejgħ bl-imnut. Dan ifisser li l-fornitur ma jistax jirrestrinġi lid-distributuri awtorizzati tiegħu milli jbigħu lil utenti finali, jew lil aġenti tax-xiri li jaġixxu f’isem l-utenti finali, ħlief meta tali utenti finali jkunu jinsabu f’territorju jew jappartjenu lil grupp ta’ klijenti li jkun ġie allokat esklużivament lil distributur ieħor jew riżervat għall-fornitur f’territorju li fih il-fornitur jopera sistema ta’ distribuzzjoni esklużiva (ara l-Artikolu 4(c)(i)(1) tar-Regolament u l-paragrafu (229)). Dan ma jeskludix ukoll il-possibbiltà li d-distributuri awtorizzati jiġu pprojbiti milli joperaw minn post ta’ stabbiliment mhux awtorizzat (ara l-Artikolu 4(c)(i)(3) tar-Regolament u l-paragrafu (231)).
(235)Fornitur li jopera sistema ta’ distribuzzjoni selettiva jista’ jagħżel id-distributuri awtorizzati tiegħu fuq il-bażi ta’ kriterji kwalitattivi u/jew kwantitattivi. Kull kriterju kwalitattiv ġeneralment irid jiġi stabbilit kemm għall-kanali online kif ukoll għal dawk offline. Madankollu, meta jitqies li l-kanali online u offline għandhom karatteristiċi differenti, fornitur li jopera sistema ta’ distribuzzjoni selettiva jista’ jimponi fuq il-kriterji tad-distributuri awtorizzati tiegħu għall-bejgħ online li ma humiex ekwivalenti għal dawk imposti għall-bejgħ fil-ħwienet tal-bejgħ bl-ingrossa, dment li r-rekwiżiti imposti għall-bejgħ online ma jkollhomx indirettament l-għan li jipprevjenu l-użu effettiv tal-internet mix-xerrej biex ibigħ l-oġġetti jew is-servizzi tal-kuntratt f’territorji jew lil klijenti partikolari. Pereżempju, fornitur jista’ jimponi rekwiżiti biex jiżgura ċerti standards tal-kwalità għall-bejgħ online, bħal rekwiżiti ta’ twaqqif u ta’ operat ta’ helpdesk online ta’ wara l-bejgħ; rekwiżit li jiġu koperti l-ispejjeż tal-klijenti li jirritornaw prodotti mixtrijin, jew l-użu ta’ sistemi ta’ ħlas siguri. Bl-istess mod, fornitur jista’ jiddefinixxi kriterji differenti relatati mal-iżvilupp sostenibbli għall-kanali ta’ bejgħ online u offline. Pereżempju, fornitur jista’ jeħtieġ ħwienet tal-bejgħ ekoresponsabbli jew l-użu ta’ servizzi ta’ konsenja li jużaw roti ekoloġiċi.
(236)Il-kombinazzjoni ta’ distribuzzjoni selettiva ma’ distribuzzjoni esklużiva fl-istess territorju ma tistax tibbenefika mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) X, inkluż meta l-fornitur japplika distribuzzjoni esklużiva fil-livell ta’ bejgħ bl-ingrossa u distribuzzjoni selettiva fil-livell ta’ bejgħ bl-imnut. Dan għaliex kombinazzjoni bħal din tkun teħtieġ li d-distributuri awtorizzati jaċċettaw restrizzjonijiet fundamentali fis-sens tal-Artikolu 4(b) jew (c) tar-Regolament (UE) X, pereżempju, restrizzjonijiet fuq bejgħ attiv f’territorji jew lil klijenti li ma jkunux ġew allokati esklużivament, restrizzjonijiet ta’ bejgħ attiv jew passiv lill-utenti finali, jew restrizzjonijiet ta’ cross-supplies bejn id-distributuri awtorizzati. Madankollu, il-fornitur jista’ jimpenja ruħu li jforni biss lil ċerti distributuri awtorizzati, pereżempju f’ċerti partijiet tat-territorju li fih titħaddem is-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, jew jista’ jimpenja ruħu li ma jagħmel l-ebda bejgħ dirett huwa stess f’dak it-territorju. Skont it-tielet eċċezzjoni tal-Artikolu 4(c)(i) tar-Regolament (UE) X, il-fornitur jista’ wkoll jimponi klawżola tal-lokalità fuq id-distributuri awtorizzati tiegħu.
(237)Ir-restrizzjoni fundamentali stabbilita fl-Artikolu 4(c)(ii) tar-Regolament (UE) X tikkonċerna r-restrizzjoni ta’ cross-supplies bejn distributuri awtorizzati fis-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva. Dan ifisser li l-fornitur ma jistax jimpedixxi bejgħ attiv jew passiv bejn id-distributuri awtorizzati tiegħu, li jridu jibqgħu liberi li jixtru l-prodotti tal-kuntratt mingħand distributuri awtorizzati oħrajn fin-network, li joperaw jew fl-istess livell jew f’livell differenti ta’ kummerċ. Konsegwentement, id-distribuzzjoni selettiva ma tistax tiġi kkombinata ma’ restrizzjonijiet vertikali li jkollhom l-għan li jisfurzaw lid-distributuri jixtru l-prodotti tal-kuntratt esklużivament minn sors partikolari. Dan ifisser ukoll li, f’sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, il-fornitur ma jistax jirrestrinġi l-bejgħ minn bejjiegħa bl-ingrossa awtorizzati lil distributuri awtorizzati.
6.1.2.3.3.Meta l-fornitur jħaddem sistema ta’ distribuzzjoni ħielsa
(238)Ir-restrizzjoni fundamentali stabbilita fl-Artikolu 4(d) tar-Regolament (UE) X tikkonċerna akkordji jew prattiki miftehmin li, direttament jew indirettament, ikollhom bħala l-għan tagħhom ir-restrizzjoni tat-territorju jew tal-klijenti li fih/li lilhom xerrej f’sistema ta’ distribuzzjoni libera jista’ jbigħ b’mod attiv jew passiv l-oġġetti jew is-servizzi tal-kuntratt.
(239)Hemm ħames eċċezzjonijiet għar-restrizzjoni fundamentali stabbiliti fl-Artikolu 4(d) tar-Regolament (UE) X.
(240)L-ewwel nett, l-Artikolu 4(d)(i) tar-Regolament (UE) X jippermetti lill-fornitur jirrestrinġi l-bejgħ attiv, inkluż ir-reklamar online mmirat, mix-xerrej f’territorji jew lejn gruppi ta’ klijenti allokati esklużivament lil xerrejja oħrajn jew riżervati għall-fornitur. Il-fornitur jista’ jirrikjedi wkoll li x-xerrej jimponi tali restrizzjonijiet permessi ta’ bejgħ attiv fuq il-klijenti diretti tax-xerrej. Madankollu, il-protezzjoni ta’ tali territorji allokati esklużivament jew ta’ tali gruppi ta’ klijenti ma hijiex assoluta, billi l-fornitur ma jistax jirrestrinġi l-bejgħ passiv f’tali territorji jew lil tali gruppi ta’ klijenti.
(241)It-tieni, l-Artikolu 4(d)(ii) tar-Regolament (UE) X jippermetti lill-fornitur jirrestrinġi lix-xerrej u li jeħtieġ li x-xerrej jirrestrinġi lill-klijenti tiegħu milli jbigħu b’mod attiv jew passiv lil distributuri mhux awtorizzati li jinsabu f’territorju fejn il-fornitur iħaddem sistema ta’ distribuzzjoni selettiva jew li l-fornitur ikun irriżerva għat-tħaddim ta’ tali sistema. Ir-restrizzjoni tista’ tkopri l-bejgħ attiv jew passiv fi kwalunkwe livell ta’ kummerċ.
(242)It-tielet, l-Artikolu 4(d)(iii) tar-Regolament (UE) X jippermetti lill-fornitur jimponi klawżola tal-lokalità fuq ix-xerrej, biex jirrestrinġi l-post ta’ stabbiliment tiegħu. Dan ifisser li l-fornitur jista’ jirrikjedi li x-xerrej jirrestrinġi l-ħwienet u l-imħażen ta’ distribuzzjoni tiegħu għal indirizz, għal post jew għal territorju partikolari. Fir-rigward ta’ ħwienet ta’ distribuzzjoni mobbli, l-akkordju jista’ jispeċifika żona li barra minnha ma jkunx jista’ jitħaddem il-ħanut. Madankollu, l-istabbiliment u l-użu mix-xerrej ta’ ħanut online ma humiex ekwivalenti għall-ftuħ ta’ ħanut fiżiku u, għalhekk, ma jistgħux jiġu ristretti.
(243)Ir-raba’, l-Artikolu 4(d)(vi) tar-Regolament (UE) X jippermetti lil fornitur jirrestrinġi l-bejgħ attiv u passiv minn bejjiegħ bl-ingrossa lill-utenti finali, billi l-fornitur jista’ jżomm il-livelli ta’ kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut separati. Din l-eċċezzjoni tinkludi li l-bejjiegħ bl-ingrossa jitħalla jbigħ lil ċerti utenti finali (pereżempju, ċerti oħrajn kbar), filwaqt li jiġi pprojbit milli jbigħ lil utenti finali oħra.
(244)Il-ħames, l-Artikolu 4(d)(v) tar-Regolament (UE) X jippermetti lil fornitur jirrestrinġi lil xerrej ta’ komponenti, li lilu jiġu fornuti l-komponenti għall-inkorporazzjoni, milli jbigħhom mill-ġdid lil kompetituri tal-fornitur, li min-naħa tagħhom jużawhom biex jimmanifatturaw l-istess tip ta’ oġġetti bħal dawk prodotti mill-fornitur. It-terminu “komponent” jinkludi kwalunkwe oġġett intermedju u t-terminu “inkorporazzjoni” jirreferi għall-użu ta’ kwalunkwe input għall-produzzjoni ta’ oġġetti.
6.1.3.Restrizzjonijiet tal-bejgħ ta’ spare parts
(245)Ir-restrizzjoni fundamentali stabbilita fl-Artikolu 4(f) tar-Regolament (UE) X tikkonċerna l-akkordji li jimpedixxu jew jirrestrinġu lil utenti finali, sewwejja indipendenti, bejjiegħa bl-ingrossa u fornituri ta’ servizzi milli jiksbu spare parts direttament mingħand il-manifattur ta’ dawk l-ispare parts. Akkordju bejn manifattur tal-ispare parts u xerrej li jinkorpora dawk il-parts fil-prodotti tiegħu stess, bħal manifatturi ta’ tagħmir oriġinali (“original equipment manufacturers”, OEMs) ma jistax, direttament jew indirettament, jimpedixxi jew jirrestrinġi l-bejgħ mill-OEM ta’ dawk l-ispare parts lil utenti finali, sewwejja indipendenti, bejjiegħa bl-ingrossa jew fornituri ta’ servizzi. Jistgħu jinħolqu restrizzjonijiet indiretti partikolarment meta l-fornitur tal-ispare parts ikun ristrett fil-forniment ta’ tagħrif tekniku u tagħmir speċjali, li huma meħtieġa għall-użu tal-ispare parts minn utenti, sewwejja indipendenti jew fornituri ta’ servizzi. Madankollu, l-akkordju jista’ jqiegħed restrizzjonijiet fuq il-forniment tal-ispare parts lis-sewwejja jew lill-fornituri ta’ servizzi fdati mill-OEM bit-tiswija jew il-manutenzjoni tal-oġġetti tiegħu stess. Dan ifisser li l-OEM jista’ jesiġi li n-network ta’ tiswija u manutenzjoni tiegħu jixtri l-ispare parts mingħandu stess jew mingħand membri oħrajn tas-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva tiegħu, fejn huwa jħaddem tali sistema.
6.2.Restrizzjonijiet li huma esklużi mir-Regolament (UE) X
(246)L-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) X jeskludi ċerti obbligi misjuba f’akkordji vertikali mill-benefiċċju ta’ eżenzjoni ta’ kategorija, irrispettivament minn jekk il-limitu tas-sehem mis-suq stabbilit fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) X jinqabiżx jew le. B’mod partikolari, l-Artikolu 5 tar-Regolament jiddefinixxi l-obbligi li għalihom ma jistax jiġi preżunt b’ċertezza suffiċjenti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Madankollu, ma hemm l-ebda preżunzjoni li l-obbligi speċifikati fl-Artikolu 5 tar-Regolament jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat jew jonqsu milli jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. L-esklużjoni ta’ dawn l-obbligi mill-eżenzjoni ta’ kategorija tfisser biss li huma soġġetti għal valutazzjoni individwali skont l-Artikolu 101 tat-Trattat. Barra minn hekk, kuntrarju għall-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) X, l-esklużjoni ta’ obbligu mill-eżenzjoni ta’ kategorija skont l-Artikolu 5 tar-Regolament hija limitata għall-obbligu speċifiku, dment li dak l-obbligu jista’ jiġi sseparat mill-bqija tal-akkordju vertikali. F’dan il-każ, il-bqija tal-akkordju vertikali jkompli jibbenefika mill-eżenzjoni ta’ kategorija.
6.2.1.Obbligi li ma ssirx kompetizzjoni li jaqbżu perjodu ta’ ħames snin
(247)Skont l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament (UE) X, l-obbligi li ma ssirx kompetizzjoni li jaqbżu l-perjodu ta’ ħames snin huma esklużi mill-eżenzjoni ta’ kategorija. Obbligi li wieħed ma jikkompetix, kif definit fl-Artikolu 1(1)(f) tar-Regolament (UE) X, huma arranġamenti li jikkawżaw lix-xerrej jixtri aktar minn 80 % tax-xiri totali tax-xerrej tal-oġġetti u s-servizzi tal-kuntratt u s-sostituti tagħhom matul is-sena kalendarja preċedenti mill-fornitur jew minn impriża oħra maħtura mill-fornitur. Dan ifisser li x-xerrej ma jistax jixtri oġġetti jew servizzi f’kompetizzjoni ma’ xulxin jew li tali xiri huwa limitat għal inqas minn 20 % tax-xiri totali tiegħu. Meta ma tkun disponibbli l-ebda data rilevanti għax-xiri tax-xerrej fis-sena kalendarja ta’ qabel il-konklużjoni tal-akkordju vertikali, minflok tista’ tintuża l-aħjar stima tax-xerrej tar-rekwiżiti totali annwali tiegħu. Madankollu, id-data attwali dwar ix-xiri jenħtieġ li tintuża hekk kif tkun disponibbli.
(248)L-obbligi li ma ssirx kompetizzjoni ma jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni ta’ kategorija jekk it-tul ta’ żmien tagħhom ikun indefinit jew jaqbeż il-ħames snin. L-obbligi li ma ssirx kompetizzjoni li jistgħu jiġġeddu b’mod taċitu wara perjodu ta’ ħames snin jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni ta’ kategorija, dment li x-xerrej ikun jista’ jinnegozja mill-ġdid jew jittermina b’mod effettiv l-akkordju vertikali li fih l-obbligu b’perjodu ta’ avviż raġonevoli u bi spiża raġonevoli, biex b’hekk ix-xerrej ikun jista’ effettivament ibiddel il-fornitur tiegħu wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ ħames snin. Jekk, pereżempju, l-akkordju vertikali jipprevedi obbligu li ma ssirx kompetizzjoni ta’ ħames snin u l-fornitur jipprovdi self lix-xerrej, il-ħlas lura ta’ dak is-self ma jridx ifixkel lix-xerrej milli jittermina b’mod effettiv l-obbligu li ma ssirx kompetizzjoni fi tmiem il-perjodu ta’ ħames snin. Bl-istess mod, meta l-fornitur jipprovdi lix-xerrej b’tagħmir li mhuwiex speċifiku għar-relazzjoni, jenħtieġ li x-xerrej ikollu l-possibbilità li jieħu f’idejh it-tagħmir bil-valur tal-assi tiegħu fis-suq ladarba jiskadi l-obbligu li ma ssirx kompetizzjoni.
(249)Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) X, il-limitu ta’ obbligi li ma ssirx kompetizzjoni għal perjodu ta’ ħames snin ma japplikax meta l-oġġetti jew is-servizzi tal-kuntratt jinbiegħu mill-ġdid mix-xerrej minn bini u art li huma proprjetà tal-fornitur jew mikrija mill-fornitur mingħand terzi persuni mhux konnessi max-xerrej. F’każijiet bħal dawn, l-obbligu li ma ssirx kompetizzjoni jista’ jiġi impost għal żmien itwal sakemm dan ma jaqbiżx il-perjodu ta’ okkupanza tal-punt tal-bejgħ mix-xerrej. Ir-raġuni għal din l-eċċezzjoni hija li normalment ma jkunx raġonevoli li fornitur ikun mistenni li jippermetti prodotti kompetituri jinbiegħu minn bini u art li jkunu proprjetà tal-fornitur mingħajr il-permess tiegħu. B’analoġija, l-istess prinċipji japplikaw meta x-xerrej jopera minn ħanut mobbli li jkun proprjetà tal-fornitur jew mikri minnu mingħand terzi persuni mhux konnessi max-xerrej. Kostruzzjonijiet artifiċjali ta’ dritt ta’ proprjetà, bħal trasferiment mid-distributur tad-drittijiet ta’ proprjetà tiegħu fuq l-art u l-bini lill-fornitur għal perjodu limitat biss, bil-ħsieb li jiġi evitat il-limitu ta’ ħames snin, ma jistgħux jibbenefikaw minn din l-eċċezzjoni.
6.2.2.Obbligi li ma ssirx kompetizzjoni wara l-iskadenza tal-akkordju
(250)Skont l-Artikolu 5(1)(b) flimkien mal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) X, l-obbligi li ma ssirx kompetizzjoni ta’ wara l-iskadenza tal-akkordju imposti fuq ix-xerrej huma esklużi mill-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija, sakemm ma jiġux issodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a)l-obbligu jkunu indispensabbli biex jipproteġi n-know-how trasferit mill-fornitur lix-xerrej;
(b)tkun limitata għall-punt tal-bejgħ li minnu x-xerrej ikun opera matul il-perjodu tal-kuntratt;
(c)ikun limitat għal perjodu massimu ta’ sena.
(251)L-għarfien espert ikkonċernat irid ikun sigriet, sostanzjali u identifikat fis-sens tal-Artikolu 1(1)(j) tar-Regolament (UE) X, b’mod partikolari jrid jinkludi informazzjoni li tkun sinifikanti u utli għax-xerrej għall-użu, il-bejgħ jew il-bejgħ mill-ġdid tal-oġġetti jew is-servizzi tal-kuntratt.
6.2.3.Obbligi li ma ssirx kompetizzjoni imposti fuq membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva
(252)L-Artikolu 5(1)(c) tar-Regolament (UE) X jikkonċerna l-bejgħ ta’ oġġetti jew servizzi f’kompetizzjoni ma’ xulxin f’sistema ta’ distribuzzjoni selettiva. L-eżenzjoni pprovduta mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament tapplika għall-kombinazzjoni ta’ distribuzzjoni selettiva ma’ obbligu li wieħed ma jikkompetix, li jirrikjedi li d-distributuri awtorizzati ma jbigħux mill-ġdid marki tad-ditta li jikkompetu. Madankollu, meta l-fornitur jimpedixxi lid-distributuri awtorizzati tiegħu, direttament jew indirettament, milli jixtru prodotti intiżi għall-bejgħ mill-ġdid mingħand fornitur kompetitur speċifiku wieħed jew aktar, tali obbligu jkun eskluż mill-eżenzjoni ta’ kategorija. L-objettiv għal din l-esklużjoni huwa biex tiġi evitata sitwazzjoni meta għadd ta’ fornituri li jużaw l-istess ħwienet ta’ distribuzzjoni selettiva jimpedixxu lil kompetitur speċifiku wieħed jew aktar milli juża/jużaw dawn il-ħwienet biex jiddistribwixxu l-prodotti tagħhom. Tali xenarju jkun jammonta għall-esklużjoni ta’ fornitur kompetitur permezz ta’ forma ta’ bojkott kollettiv.
6.2.4.Obbligi ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut bejn pjattaforma u oħra
(253)Ir-raba’ esklużjoni mill-eżenzjoni ta’ kategorija, li hija stabbilita fl-Artikolu 5(1)(d) tar-Regolament (UE) X, tikkonċerna l-obbligi ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut imposti mill-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online li jwasslu biex ix-xerrejja ta’ dawk is-servizzi ma joffrux, ma jbigħux jew ma jbigħux mill-ġdid oġġetti jew servizzi lill-utenti finali taħt kundizzjonijiet aktar favorevoli bl-użu ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online f’kompetizzjoni ma’ xulxin. Il-kundizzjonijiet jistgħu jikkonċernaw il-prezzijiet, l-inventarju, id-disponibbiltà jew kwalunkwe termini jew kundizzjonijiet oħrajn tal-offerta jew tal-bejgħ. L-obbligu ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut minn klawżola kuntrattwali jew b’miżuri diretti jew indiretti oħrajn, inkluż l-użu ta’ pprezzar differenzjali jew ta’ inċentivi li l-applikazzjoni tagħhom tiddependi mill-kundizzjonijiet li taħthom ix-xerrej tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online joffri oġġetti jew servizzi lill-utenti finali permezz ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online kompetituri. Pereżempju, meta l-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online jagħmel l-offerta ta’ viżibbiltà aħjar għall-oġġetti jew għas-servizzi tax-xerrej fuq is-sit web tal-fornitur jew l-applikazzjoni ta’ rata ta’ kummissjoni aktar baxxa dipendenti fuq l-għoti, min-naħa tax-xerrej, tal-parità tal-kundizzjonijiet f’paragun ma’ fornituri kompetituri ta’ tali servizzi, dan jammonta għal obbligu ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut bejn pjattaforma u oħra.
(254)It-tipi l-oħrajn kollha ta’ obbligu ta’ parità jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) X. Dan jinkludi, pereżempju:
(a)l-obbligi ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut relatati mal-kanali ta’ bejgħ dirett tax-xerrejja ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online (l-hekk imsejħa obbligi “ristretti” ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut);
(b)l-obbligi ta’ parità relatati mal-kundizzjonijiet li fihom l-oġġetti jew is-servizzi jiġu offruti lil impriżi li ma humiex utenti finali;
(c)l-obbligi ta’ parità relatati mal-kundizzjonijiet li fihom il-manifatturi, il-bejjiegħa bl-ingrossa jew il-bejjiegħa bl-imnut jixtru oġġetti jew servizzi bħala inputs (obbligi ta’ “klijent l-aktar favorit”).
(255)It-Taqsima 8.2.5. tipprovdi gwida għall-valutazzjoni tal-obbligi ta’ parità f’każijiet individwali li fihom ma japplikax ir-Regolament (UE) X.
7.L-Irtirar u s-Sospensjoni tal-Applikazzjoni
7.1.L-irtirar tal-benefiċċju tar-Regolament (UE) X
(256)Kif iddikjarat fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) X, il-Kummissjoni tista’ tirtira l-benefiċċju tar-Regolament (UE) X skont l-Artikolu 29(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, jekk hija ssib li, f’każ partikolari, akkordju vertikali li għalih japplika r-Regolament (UE) X ikollu ċerti effetti li huma inkompatibbli mal-Artikolu 101 tat-Trattat. Barra minn hekk, jekk, kif iddikjarat fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) X, f’każ partikolari, akkordju vertikali jkollu effetti inkompatibbli mal-Artikolu 101(3) tat-Trattat fit-territorju ta’ Stat Membru, jew f’parti minnu, li jkollha l-karatteristiċi kollha ta’ suq ġeografiku distint, l-NCA ta’ dak l-Istat Membru tista’ tirtira wkoll il-benefiċċju tar-Regolament (UE) X, skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. L-Artikolu 29 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 ma jsemmix il-qrati tal-Istati Membri li, għalhekk, ma għandhom l-ebda setgħa li jirtiraw il-benefiċċju tar-Regolament (UE) X, sakemm il-qorti kkonċernata ma tkunx awtorità tal-kompetizzjoni nominata ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.
(257)Il-Kummissjoni u l-NCAs jistgħu jirtiraw il-benefiċċju tar-Regolament (UE) X f’żewġ xenarji. L-ewwel nett, jistgħu jirtiraw il-benefiċċju tar-Regolament (UE) X jekk akkordju vertikali li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat ikollu effetti f’iżolament fuq is-suq rilevanti li jkunu inkompatibbli mal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. It-tieni, kif imsemmi fil-premessa 20 tar-Regolament (UE) X, jistgħu jirtiraw ukoll il-benefiċċju tar-Regolament (UE) X jekk l-akkordju vertikali jkollu dawk l-effetti flimkien ma’ akkordji simili konklużi minn fornituri jew minn xerrejja kompetituri. Dan għaliex networks paralleli ta’ akkordji vertikali simili jistgħu jipproduċu effetti antikompetittivi kumulattivi li huma inkompatibbli mal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Ir-restrizzjoni tal-aċċess għas-suq rilevanti u r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fih huma eżempji ta’ tali effetti kumulattivi li jistgħu jiġġustifikaw l-irtirar tal-benefiċċju tar-Regolament (UE) X.
(258)In-networks paralleli ta’ akkordji vertikali għandhom jitqiesu simili jekk ikun fihom l-istess tip ta’ restrizzjonijiet li jipproduċu effetti simili fis-suq. Tali effetti kumulattivi jistgħu jinħolqu, pereżempju, fil-każ ta’ obbligi ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut, ta’ distribuzzjoni selettiva jew ta’ obbligu li ma ssirx kompetizzjoni.
(259)Fir-rigward tal-obbligi ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut relatati mal-kanali ta’ bejgħ dirett (obbligi ristretti ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut), l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) X jipprevedi li r-Regolament jista’ jiġi rtirat skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, b’mod partikolari meta s-suq rilevanti għall-provvista ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online jkun ikkonċentrat ħafna u l-kompetizzjoni bejn il-fornituri ta’ tali servizzi tkun ristretta mill-effett kumulattiv ta’ networks paralleli ta’ akkordji simili li jirrestrinġu lix-xerrejja ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online milli joffru, ibigħu jew ibigħu mill-ġdid oġġetti jew servizzi lil utenti finali b’kundizzjonijiet aktar favorevoli fuq il-kanali ta’ bejgħ dirett tagħhom. Aktar gwida dwar dak ix-xenarju hija pprovduta fit-Taqsima 8.2.5.2.
(260)Fir-rigward tad-distribuzzjoni selettiva, tista’ teżisti sitwazzjoni ta’ networks paralleli simili biżżejjed jekk, f’suq partikolari, ċerti fornituri japplikaw distribuzzjoni selettiva purament kwalitattiva, filwaqt li fornituri oħrajn japplikaw distribuzzjoni selettiva kwantitattiva, b’effetti simili fis-suq. Tali effetti kumulattivi jistgħu jinħolqu wkoll meta, f’suq partikolari, in-networks ta’ distribuzzjoni selettiva paralleli jużaw kriterji kwalitattivi li jeskludu lid-distributuri. F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-valutazzjoni trid tqis l-effetti antikompetittivi li jistgħu jiġu attribwiti lil kull network individwali ta’ akkordji. Meta xieraq, l-irtirar tal-benefiċċju tar-Regolament (UE) X jista’ jkun limitat għal kriterji kwalitattivi partikolari jew għal kriterji kwantitattivi partikolari li, pereżempju, jillimitaw in-numru ta’ distributuri awtorizzati.
(261)Ir-responsabbiltà għal effett kumulattiv antikompetittiv tista’ tkun attribwita biss lil dawk l-impriżi li jagħmlu kontribuzzjoni sinifikanti għalih. L-akkordji konklużi minn impriżi li l-kontribuzzjoni tagħhom għall-effett kumulattiv tkun insinifikanti ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Għalhekk, dawn mhumiex soġġetti għall-mekkaniżmu ta’ rtirar.
(262)Skont l-Artikolu 29(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’ tirtira l-benefiċċju tar-Regolament (UE) X fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq il-bażi ta’ lment. Dan jinkludi l-possibbiltà li l-NCAs jitolbu lill-Kummissjoni tirtira l-benefiċċju tar-Regolament (UE) X f’każ partikolari, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-allokazzjoni tal-każijiet u l-assistenza fin-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni (“NEK”), u mingħajr preġudizzju għas-setgħa ta’ rtirar tagħhom stess skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. Meta tal-anqas tliet NCAs jitolbu lill-Kummissjoni tapplika l-Artikolu 29(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 f’każ partikolari, il-Kummissjoni tiddiskuti l-każ fil-qafas tan-NEK. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tqis bis-sħiħ il-fehmiet tal-NCAs li talbu lill-Kummissjoni tirtira l-benefiċċju tar-Regolament (UE) X biex tasal għal konklużjoni f’waqtha dwar jekk humiex issodisfati l-kundizzjonijiet għal irtirar fil-każ speċifiku.
(263)Mill-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 isegwi li l-Kummissjoni għandha l-kompetenza esklużiva li tirtira l-benefiċċju tar-Regolament (UE) X fl-Unjoni kollha, fis-sens li tista’ tirtira l-benefiċċju tar-Regolament (UE) X fir-rigward tal-akkordji vertikali li jirrestrinġu l-kompetizzjoni f’suq ġeografiku rilevanti li jkun usa’ mit-territorju ta’ Stat Membru wieħed, filwaqt li NCA tista’ tirtira biss il-benefiċċju tar-Regolament b’rabta mat-territorju tal-Istat Membru tagħha.
(264)Għalhekk, is-setgħa ta’ rtirar ta’ NCA individwali tirrigwarda każijiet li fihom is-suq rilevanti jkopri Stat Membru wieħed, jew reġjun li jinsab esklużivament fi Stat Membru wieħed, jew f’parti minnu. F’każ bħal dan, l-NCA ta’ dak l-Istat Membru għandha l-kompetenza li tirtira l-benefiċċju tar-Regolament (UE) X b’rabta ma’ akkordju vertikali li għandu effetti li huma inkompatibbli mal-Artikolu 101(3) tat-Trattat f’dak is-suq nazzjonali jew reġjonali. Din hija kompetenza konkorrenti, hekk kif l-Artikolu 29(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 jagħti wkoll is-setgħa lill-Kummissjoni li tirtira l-benefiċċju tar-Regolament (UE) X b’rabta ma’ suq nazzjonali jew reġjonali, dment li l-akkordju vertikali kkonċernat jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.
(265)Meta jkunu kkonċernati diversi swieq nazzjonali jew reġjonali separati, diversi NCAs kompetenti jistgħu jirtiraw il-benefiċċju tar-Regolament (UE) X b’mod parallel.
(266)Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 isegwi li, meta l-Kummissjoni tirtira l-benefiċċju tar-Regolament (UE) X, il-Kummissjoni għandha l-oneru tal-provi li turi, l-ewwel nett, li l-akkordju vertikali kkonċernat jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. It-tieni, il-Kummissjoni trid tagħti prova li l-akkordju għandu effetti li huma inkompatibbli mal-Artikolu 101(3) tat-Trattat, li jfisser li l-akkordju jonqos milli jissodisfa tal-anqas waħda mill-erba’ kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, japplikaw l-istess rekwiżiti meta NCA tirtira l-benefiċċju tar-Regolament (UE) X fir-rigward tat-territorju tal-Istat Membru tagħha. B’mod partikolari, fir-rigward tal-oneru tal-provi li t-tieni rekwiżit huwa ssodisfat, l-Artikolu 29 jesiġi li l-awtorità tal-kompetizzjoni kompetenti tissostanzja li tal-anqas waħda mill-erba’ kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat ma hijiex issodisfata.
(267)Meta r-rekwiżiti tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 jiġu ssodisfati, il-Kummissjoni tista’ tirtira l-benefiċċju tar-Regolament (UE) X f’każ individwali. Tali rtirar, u r-rekwiżiti tiegħu kif stabbiliti f’din it-Taqsima, iridu jiġu distinti mis-sejbiet f’deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar ksur skont il-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. Madankollu, l-irtirar jista’ jiġi kkombinat, pereżempju, mas-sejba ta’ ksur u l-impożizzjoni ta’ rimedju, u saħansitra ma’ miżuri interim.
(268)Meta l-Kummissjoni tirtira l-benefiċċju tar-Regolament (UE) X skont l-Artikolu 29(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, l-irtirar jipproduċi biss effetti ex nunc, jiġifieri l-istatus eżentat tal-akkordji kkonċernati jibqa’ mhux affettwat għall-perjodu ta’ qabel id-data li fiha l-irtirar isir effettiv. Fil-każ ta’ rtirar skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, l-NCA kkonċernata trid tqis ukoll l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, b’mod partikolari l-obbligu tagħha li tipprovdi lill-Kummissjoni bi kwalunkwe deċiżjoni prevista rilevanti.
7.2.Diżapplikazzjoni tar-Regolament (UE) X
(269)F’konformità mal-Artikolu 1a tar-Regolament Nru 19/65/KEE, l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) X jippermetti lill-Kummissjoni teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) X, permezz ta’ regolamentazzjoni, networks paralleli ta’ restrizzjonijiet vertikali simili fejn dawn ikopru aktar minn 50 % ta’ suq rilevanti. Tali regolament mhuwiex indirizzat lil impriżi individwali iżda jikkonċerna l-impriżi kollha li l-akkordji tagħhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f’regolament magħmul skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) X. Meta tivvaluta l-ħtieġa li jiġi adottat tali regolament, il-Kummissjoni tikkunsidra jekk irtirar individwali jkunx rimedju aktar xieraq. L-għadd ta’ impriżi kompetituri li jikkontribwixxu għal effett kumulattiv f’suq u l-għadd ta’ swieq ġeografiċi affettwati fl-Unjoni huma żewġ aspetti li huma partikolarment rilevanti f’din il-valutazzjoni.
(270)Il-Kummissjoni se tikkunsidra l-adozzjoni ta’ regolament skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) X jekk restrizzjonijiet simili li jkopru aktar minn 50 % tas-suq rilevanti x’aktarx jirrestrinġu b’mod sinifikanti l-aċċess għal dan is-suq jew il-kompetizzjoni fih. Dan jista’ jkun il-każ b’mod partikolari meta n-networks ta’ distribuzzjoni selettiva paralleli li jkopru aktar minn 50 % ta’ suq x’aktarx li jeskludu s-suq minħabba l-użu ta’ kriterji tal-għażla li mhumiex meħtieġa min-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi rilevanti jew li jiddiskriminaw kontra ċerti forom ta’ distribuzzjoni ta’ tali oġġetti jew servizzi. Biex jiġi kkalkolat il-proporzjon ta’ kopertura tas-suq ta’ 50 %, irid jittieħed kont ta’ kull network individwali ta’ akkordji vertikali li jkun fihom restrizzjonijiet, jew kombinazzjonijiet ta’ restrizzjonijiet, li jipproduċu effetti simili fis-suq. Madankollu, l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) X ma jirrikjedix li l-Kummissjoni tadotta regolament bħal dan fejn jinqabeż il-proporzjon ta’ kopertura tas-suq ta’ 50 %.
(271)L-effett ta’ regolament adottat skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) X huwa li dan ir-Regolament (UE) X ma jibqax applikabbli fir-rigward tar-restrizzjonijiet u tas-swieq ikkonċernati, u li l-Artikolu 101(1) u (3) tat-Trattat għalhekk japplika bis-sħiħ.
(272)Kull regolament addottat skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) X irid jistabbilixxi b'mod ċar l-għan tiegħu. Għalhekk, il-Kummissjoni trid l-ewwel nett tiddefinixxi s-suq/s-swieq tal-prodott u dak ġeografiku/dawk ġeografiċi rilevanti u, it-tieni , it-tip ta’ restrizzjoni/restrizzjonijiet vertikali li fir-rigward tagħha/tagħhom ir-Regolament (UE) X ma jibqax japplika. Fir-rigward tal-aħħar aspett, il-Kummissjoni tista’ tbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament skont it-tħassib dwar il-kompetizzjoni li għandha l-ħsieb li tindirizza. Pereżempju, filwaqt li n-networks paralleli kollha ta’ arranġamenti tat-tip li jinvolvu marka waħda tad-ditta jistgħu jiġu kkunsidrati bil-ħsieb li jiġi stabbilit il-proporzjon ta’ kopertura tas-suq ta’ 50 %, madankollu, il-Kummissjoni tista’ tirrestrinġi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ regolament adottat skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) X għall-obbligi li ma ssirx kompetizzjoni li jaqbżu ċertu tul ta’ żmien. B’hekk, akkordji ta’ tul ta’ żmien iqsar jew ta’ natura inqas restrittiva jistgħu jibqgħu mhux affettwati, b’kunsiderazzjoni tal-grad inqas ta’ esklużjoni attribwibbli għal tali restrizzjonijiet. Bl-istess mod, jekk f’suq partikolari l-impriżi jipprattikaw distribuzzjoni selettiva flimkien ma’ restrizzjonijiet addizzjonali, bħal obbligi li ma ssirx kompetizzjoni jew obbligi ta’ kwantità, regolament adottat skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) X jista’ jikkonċerna biss tali restrizzjonijiet addizzjonali. Meta xieraq, il-Kummissjoni tista’ tispeċifika wkoll il-livell tas-sehem mis-suq li, fil-kuntest speċifiku tas-suq, jista’ jitqies bħala insuffiċjenti għal impriża individwali biex tagħmel kontribuzzjoni sinifikanti għall-effett kumulattiv.
(273)F’konformità mal-Artikolu 1a tar-Regolament Nru 19/65/KEE, regolament adottat skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) X irid jiffissa perjodu tranżitorju ta’ mhux anqas minn sitt xhur qabel ma jsir applikabbli. Dan il-perjodu huwa maħsub biex jippermetti lill-impriżi kkonċernati jadattaw l-akkordji vertikali tagħhom kif xieraq.
(274)Regolament adottat skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) X mhux se jaffettwa l-istatus eżentat tal-akkordji kkonċernati għall-perjodu ta’ qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.
8.Politika ta’ infurzar f’każijiet individwali
8.1.Il-qafas tal-analiżi
(275)Meta l-eżenzjoni ta’ kategorija stipulata fir-Regolament (UE) X ma tapplikax għal akkordju vertikali, huwa rilevanti li jiġi eżaminat jekk, fil-każ individwali, l-akkordju vertikali jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat u, jekk iva, jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat humiex issodisfati. Sakemm ma jkunx fihom restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni skont l-għan u b’mod partikolari restrizzjonijiet fundamentali fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) X, ma hemm l-ebda preżunzjoni li l-akkordji vertikali li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) X jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat jew jonqsu milli jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Tali akkordji jeħtieġu valutazzjoni individwali. Akkordji li jew ma jirrestrinġux il-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat jew li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat huma validi u infurzabbli.
(276)Skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, l-impriżi ma għandhomx bżonn jinnotifikaw akkordju vertikali biex jibbenefikaw minn eżenzjoni individwali skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Fil-każ ta’ eżami individwali mill-Kummissjoni, hija l-Kummissjoni li għandha l-oneru tal-prova li l-akkordju vertikali inkwistjoni jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. L-impriżi li jippretendu li għandhom igawdu mill-benefiċċju tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat għandhom l-oneru li juru li l-kundizzjonijiet ta’ dik id-dispożizzjoni huma ssodisfati. Meta jintwerew effetti antikompetittivi probabbli, l-impriżi jistgħu jissostanzjaw pretensjonijiet ta’ effiċjenza u jispjegaw għaliex arranġament ta’ distribuzzjoni partikolari huwa indispensabbli biex iġib benefiċċji probabbli għall-konsumaturi mingħajr ma jelimina l-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni mbagħad tiddeċiedi jekk l-akkordju jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat.
(277)Il-valutazzjoni ta’ jekk akkordju vertikali għandux l-effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni ssir billi s-sitwazzjoni fis-suq rilevanti bir-restrizzjonijiet vertikali fis-seħħ titqabbel mas-sitwazzjoni li tipprevali fin-nuqqas tar-restrizzjonijiet vertikali fl-akkordju vertikali. Fil-valutazzjoni ta’ każijiet individwali, il-Kummissjoni tqis, kif xieraq, kemm l-effetti attwali kif ukoll dawk probabbli. Biex l-akkordji vertikali jkollhom effett restrittiv għall-kompetizzjoni, huma jridu jaffettwaw il-kompetizzjoni attwali jew potenzjali sa tali punt li fis-suq rilevanti jistgħu jkunu mistennija effetti negattivi fuq il-prezzijiet, il-produzzjoni, l-innovazzjoni, jew il-varjetà jew il-kwalità tal-oġġetti jew tas-servizzi bi grad raġonevoli ta’ probabbiltà. L-effetti negattivi probabbli fuq il-kompetizzjoni jridu jkunu sinifikanti. Huwa aktar probabbli li jseħħu effetti antikompetittivi sinifikanti meta mill-inqas waħda mill-partijiet għall-akkordju jkollha jew tikseb ċertu grad ta’ saħħa fis-suq u l-akkordju jikkontribwixxi għall-ħolqien, iż-żamma jew it-tisħiħ ta’ dik is-saħħa fis-suq, jew jippermetti lill-partijiet għall-akkordju jisfruttaw tali saħħa fis-suq. Is-saħħa fis-suq hija l-kapaċità li l-prezzijiet jinżammu ’l fuq mil-livelli kompetittivi jew li l-produzzjoni f’termini tal-kwantitajiet tal-prodott, il-kwalità u l-varjetà tal-prodott jew l-innovazzjoni tinżamm taħt il-livelli kompetittivi għal perjodu ta’ żmien mhux insinifikanti. Il-grad ta’ saħħa fis-suq normalment meħtieġ biex jinstab ksur tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat huwa inqas mill-grad ta’ saħħa fis-suq meħtieġ biex tinstab dominanza skont l-Artikolu 102 tat-Trattat.
8.1.1.Fatturi rilevanti għall-valutazzjoni skont l-Artikolu 101(1) tat-Trattat
(278)Fil-valutazzjoni ta’ akkordji vertikali individwali bejn impriżi b’ishma mis-suq ’il fuq mil-limitu ta’ 30 %, il-Kummissjoni twettaq analiżi sħiħa tal-kompetizzjoni. Il-fatturi li ġejjin huma partikolarment rilevanti biex jiġi stabbilit jekk akkordju vertikali jwassalx għal restrizzjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat:
(a)in-natura tal-akkordju;
(b)il-pożizzjoni fis-suq tal-partijiet;
(c)il-pożizzjoni fis-suq tal-kompetituri (upstream u downstream);
(d)il-pożizzjoni fis-suq tax-xerrejja tal-oġġetti jew tas-servizzi tal-kuntratt;
(e)l-ostakli għad-dħul;
(f)il-livell tal-katina tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni li huwa affettwat;
(g)in-natura tal-prodott;
(h)id-dinamika tas-suq.
(279)Il-fatturi li ġejjin jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll:
(280)L-importanza ta’ fatturi individwali tista’ tvarja skont iċ-ċirkostanzi tal-każ. Pereżempju, sehem għoli mis-suq tal-partijiet normalment ikun indikatur tajjeb tas-saħħa fis-suq. Madankollu, fil-każ ta’ ostakli baxxi għad-dħul, is-saħħa fis-suq tista’ tkun limitata biżżejjed mid-dħul attwali jew potenzjali. Għalhekk, mhuwiex possibbli li jiġu pprovduti regoli fissi ta’ applikabbiltà ġenerali dwar l-importanza ta’ fatturi individwali.
(281)L-akkordji vertikali jistgħu jsiru f’diversi għamliet u forom. Għalhekk, huwa importanti li tiġi analizzata n-natura tal-akkordju f’termini tar-restrizzjonijiet li fih, it-tul ta’ żmien ta’ dawk ir-restrizzjonijiet u l-perċentwali tal-bejgħ totali fis-suq (downstream) affettwat minn dawk ir-restrizzjonijiet. Jista’ jkun meħtieġ li wieħed imur lil hinn mit-termini espressi tal-akkordju. L-eżistenza ta’ restrizzjonijiet impliċiti tista’ tkun derivata mill-mod li bih jiġi implimentat l-akkordju mill-partijiet u l-inċentivi li jiffaċċjaw.
(282)Il-pożizzjoni fis-suq tal-partijiet tipprovdi indikazzjoni tal-grad ta’ saħħa fis-suq, jekk hemm, li jkollhom il-fornitur, ix-xerrej jew it-tnejn li huma. Aktar ma jkun għoli s-sehem mis-suq tagħhom, aktar huwa probabbli li tkun kbira s-saħħa fis-suq tagħhom. Dan huwa partikolarment minnu fejn is-sehem mis-suq jirrifletti vantaġġi ta’ spejjeż jew vantaġġi kompetittivi oħrajn vis-à-vis il-kompetituri. Tali vantaġġi kompetittivi jistgħu, pereżempju, jirriżultaw minn li wieħed jidħol l-ewwel fis-suq (li jkollu l-aħjar sit, eċċ.), li jkollu privattivi essenzjali jew li jkollu teknoloġija superjuri, li jkun mexxej tal-marka jew li jkollu portafoll superjuri. Il-grad ta’ differenzjazzjoni tal-prodott jista’ jkun ukoll indikatur rilevanti għall-preżenza tas-saħħa fis-suq. L-immarkar għandu t-tendenza li jżid id-differenzjazzjoni tal-prodott u jnaqqas is-sostittwibbiltà tal-prodott, li jwassal għal elastiċità mnaqqsa tad-domanda u għal żieda fil-possibbiltà sabiex jogħla l-prezz.
(283)Il-pożizzjoni fis-suq tal-kompetituri hija importanti wkoll. Aktar ma tkun b’saħħitha l-pożizzjoni kompetittiva tal-kompetituri u aktar ma jkun kbir l-għadd tagħhom, aktar ikun baxx ir-riskju li l-partijiet ikunu jistgħu jeżerċitaw individwalment is-saħħa fis-suq u jeskludu s-suq jew inaqqsu l-kompetizzjoni. Huwa wkoll rilevanti li jiġi kkunsidrat jekk hemmx kontrostrateġiji effettivi u f’waqthom li l-kompetituri x’aktarx jużaw. Madankollu, jekk in-numru ta’ impriżi fis-suq ikun pjuttost żgħir u l-pożizzjonijiet fis-suq tagħhom (f’termini ta’, pereżempju, id-daqs, l-ispejjeż u l-potenzjal tar-RuŻ) ikunu simili, ir-restrizzjonijiet vertikali jistgħu jżidu r-riskju ta’ kollużjoni. L-ishma mis-suq li jvarjaw jew li jinbidlu malajr huma ġeneralment indikazzjoni ta’ kompetizzjoni intensa.
(284)Il-pożizzjoni fis-suq tal-klijenti downstream tal-partijiet għall-akkordju vertikali tipprovdi indikazzjoni ta’ jekk wieħed jew aktar minn dawk il-klijenti għandhomx is-saħħa tax-xerrej jew le. L-ewwel indikatur tas-saħħa tax-xerrej huwa s-sehem mis-suq tal-klijent fis-suq tax-xiri. Dan is-sehem mis-suq jirrifletti l-importanza tad-domanda tal-klijenti għal fornituri possibbli. Indikaturi oħrajn huma l-pożizzjoni tal-klijent fis-suq tal-bejgħ mill-ġdid fejn huwa attiv, inklużi karatteristiċi bħal firxa ġeografika wiesgħa tal-ħwienet tiegħu, il-marki tad-ditta tiegħu, inklużi tikketti privati u l-immaġni tal-marka tad-ditta tiegħu fost il-klijenti finali. F’xi ċirkostanzi, is-saħħa tax-xerrej tista’ tipprevjeni l-ħsara lill-konsumatur minn akkordju vertikali li altrimenti jkun problematiku. Dan huwa partikolarment minnu meta klijenti b’saħħithom ikollhom il-kapaċità u l-inċentiv li jġibu sorsi ġodda ta’ provvista fis-suq fil-każ ta’ żieda żgħira iżda permanenti fil-prezzijiet relattivi.
(285)L-ostakli għad-dħul jitkejlu skont kemm id-ditti stabbiliti jistgħu jżidu l-prezz tagħhom ’il fuq mil-livell kompetittiv mingħajr ma jattiraw dħul ġdid. Bħala regola ġenerali, l-ostakli għad-dħul jistgħu jitqiesu li jkunu baxxi meta d-dħul effettiv, li kapaċi jipprevjeni jew inaqqas l-eżerċitar tas-setgħa fis-suq mill-kumpaniji stabbiliti, x’aktarx li jseħħ fi żmien sena jew sentejn. L-ostakli għad-dħul jistgħu jkunu preżenti biss fil-livell tal-fornitur jew fil-livell tax-xerrej jew fiż-żewġ livelli. L-ostakli għad-dħul jistgħu jirriżultaw minn firxa wiesgħa ta’ fatturi bħal ekonomiji ta’ skala u kamp ta’ applikazzjoni (inklużi effetti tan-network ta’ negozji b’diversi naħat), regolamenti tal-gvern (speċjalment fejn dawn jistabbilixxu drittijiet esklużivi), għajnuna mill-Istat, tariffi tal-importazzjoni, DPI, is-sjieda ta’ riżorsi fejn il-provvista tkun limitata (pereżempju minħabba limitazzjonijiet naturali), faċilitajiet essenzjali, vantaġġ ta’ min jidħol l-ewwel fis-suq u l-lealtà tal-konsumaturi lejn il-marka maħluqa minn reklamar qawwi fuq perjodu ta’ żmien. Il-kwistjoni ta’ jekk xi wħud minn dawk il-fatturi għandhomx jitqiesu bħala ostakli għad-dħul tiddependi b’mod partikolari fuq jekk dawn jinvolvux spejjeż mitlufin. L-ispejjeż mitlufin huma l-ispejjeż li għandhom jitħallsu biex wieħed jidħol jew ikun attiv f’suq, iżda li ma jistgħux jiġu rkuprati mal-ħruġ mis-suq. L-ispejjeż tar-reklamar biex tinbena l-lealtà tal-konsumaturi normalment ikunu spejjeż irrekuperabbli, sakemm ditta li tkun qed toħroġ mis-suq ma tkunx tista’ tbigħ l-isem tal-marka tagħha jew tużah xi mkien ieħor mingħajr telf. Meta d-dħul ikun jeħtieġ spejjeż mitlufin għoljin, it-theddida ta’ kompetizzjoni ħarxa minn operaturi stabbiliti wara d-dħul tista’ tiskoraġġixxi tali dħul, billi l-parteċipanti ġodda potenzjali ma jistgħux jiġġustifikaw ir-riskju li jitilfu l-investimenti mitlufin tagħhom.
(286)Ir-restrizzjonijiet vertikali jistgħu jaħdmu wkoll bħala ostaklu għad-dħul billi jagħmlu l-aċċess aktar diffiċli u jeskludu lill-kompetituri (potenzjali). Pereżempju, obbligu li ma ssirx kompetizzjoni li jorbot lid-distributuri ma’ fornitur jista’ jkollu effett ta’ esklużjoni sinifikanti jekk l-istabbiliment tad-distributuri tiegħu stess jimponi spejjeż irrekuperabbli fuq il-parteċipant ġdid potenzjali.
(287)Il-livell tal-katina tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni huwa marbut mad-distinzjoni bejn oġġetti jew servizzi intermedji u dawk finali. L-oġġetti jew is-servizzi intermedji jinbiegħu lill-impriżi biex jintużaw bħala input għall-produzzjoni ta’ oġġetti jew servizzi oħrajn u, ġeneralment, ma jkunux jistgħu jiġu rikonoxxuti fl-oġġetti jew fis-servizzi finali. Ix-xerrejja ta’ oġġetti jew servizzi intermedji ġeneralment ikunu klijenti informati sewwa, li kapaċi jivvalutaw il-kwalità u, għalhekk, li huma inqas dipendenti fuq il-marka tad-ditta u l-immaġni. L-oġġetti jew is-servizzi finali jinbiegħu, direttament jew indirettament, lill-utenti finali, li spiss jiddependu aktar fuq il-marka tad-ditta u fuq l-immaġni.
(288)In-natura tal-prodott għandha rwol fil-valutazzjoni kemm tal-effetti negattivi probabbli kif ukoll ta’ dawk pożittivi probabbli tar-restrizzjonijiet vertikali, b’mod partikolari għall-oġġetti jew għas-servizzi finali. Meta jiġu vvalutati l-effetti negattivi probabbli, huwa importanti li jiġi ddeterminat jekk l-oġġetti jew is-servizzi mibjugħin fis-suq rilevanti jkunux omoġenji jew pjuttost differenzjati, jekk il-prodott ikunx għali, jekk jiħux parti kbira mill-baġit tal-konsumatur, jew jekk, minflok, ikunx pjuttost irħis u jekk il-prodott jinxtarax darba jew jinxtarax ripetutament.
(289)Id-dinamika tas-suq rilevanti trid tiġi vvalutata bir-reqqa. F’xi swieq dinamiċi, l-effetti negattivi potenzjali ta’ restrizzjonijiet vertikali partikolari jistgħu ma jkunux problematiċi, billi l-kompetizzjoni bejn il-marki tad-ditta minn rivali dinamiċi u innovattivi tista’ taġixxi bħala restrizzjoni suffiċjenti. Madankollu, f’każijiet oħrajn, ir-restrizzjonijiet vertikali jistgħu jagħtu vantaġġ kompetittiv dejjiemi lil operatur stabbilit f’suq dinamiku u b’hekk jirriżultaw f’effetti negattivi fit-tul għall-kompetizzjoni. Dan jista’ jkun il-każ meta restrizzjoni vertikali tipprevjeni lir-rivali milli jibbenefikaw mill-effetti tan-network jew meta suq ikun suxxettibbli li jwassal għal telfien tal-bilanċ.
(290)Fatturi oħrajn jistgħu jkunu rilevanti wkoll għall-valutazzjoni. Dawn il-fatturi jistgħu jinkludu b’mod partikolari:
(a)il-preżenza ta’ effetti kumulattivi, li jirriżultaw mill-fatt li s-suq ikun kopert minn restrizzjonijiet vertikali simili imposti minn fornituri jew minn xerrejja oħrajn;
(b)jekk l-akkordju ikunx “impost” (jiġifieri, il-biċċa l-kbira tar-restrizzjonijiet jew tal-obbligi japplikaw biss għal parti waħda għall-akkordju) jew “miftiehem” (iż-żewġ partijiet jaċċettaw ir-restrizzjonijiet jew l-obbligi);
(c)l-ambjent regolatorju;
(d)imġiba li tista’ tindika jew tiffaċilita l-kollużjoni, bħat-tmexxija tal-prezzijiet, bidliet fil-prezzijiet imħabbrin minn qabel u diskussjonijiet dwar il-prezzijiet, ir-riġidità tal-prezzijiet b’reazzjoni għal kapaċità żejda, diskriminazzjoni fil-prezzijiet u mġiba kollużiva tal-passat.
8.1.2.Fatturi rilevanti għall-valutazzjoni skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat
(291)L-akkordji vertikali li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat jistgħu jipproduċu wkoll effetti prokompetittivi fil-forma ta’ effiċjenzi, li jistgħu jisbqu l-effetti antikompetittivi tagħhom. Il-valutazzjoni tal-effiċjenzi kontra l-effetti antikompetittivi sseħħ fil-qafas tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat, li fih eċċezzjoni mill-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Biex dik l-eċċezzjoni tkun applikabbli, l-akkordju vertikali jrid jissodisfa l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:
(a)irid jipproduċi benefiċċji ekonomiċi oġġettivi,
(b)il-konsumaturi jeħtiġilhom jirċievu sehem ġust tal-benefiċċju li jirriżulta,
(c) ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni jridu jkunu indispensabbli biex jinkisbu dawk il-benefiċċji, u
(d) l-akkordju ma jridx jagħti lill-partijiet il-possibbiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ parti sostanzjali mill-oġġetti jew mis-servizzi kkonċernati.
(292)Skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat, il-valutazzjoni tal-akkordji vertikali ssir fil-kuntest attwali li fih iseħħu u fuq il-bażi tal-fatti li jkunu jeżistu fi kwalunkwe punt fiż-żmien partikolari. Il-valutazzjoni hija sensittiva għal bidliet materjali fil-fatti. L-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(3) tat-Trattat tapplika dment li jkunu ssodisfati l-erba’ kundizzjonijiet u ma tibqax tapplika meta dan ma jkunx għadu l-każ. Meta l-Artikolu 101(3) tat-Trattat jiġi applikat f’konformità ma’ dawn il-prinċipji, huwa meħtieġ li jitqiesu l-investimenti magħmulin mill-partijiet għall-akkordju, kif ukoll iż-żmien u r-restrizzjonijiet meħtieġa sabiex isir u jiġi rkuprat investiment li jtejjeb l-effiċjenza.
(293)L-ewwel kundizzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat teħtieġ valutazzjoni tal-benefiċċji oġġettivi f’termini tal-effiċjenzi prodotti mill-akkordju vertikali. F’dan ir-rigward, l-akkordji vertikali ta’ spiss ikollhom il-potenzjal li jgħinu sabiex jiġu rrealizzati l-effiċjenzi, kif spjegat fit-Taqsima 2.1., billi jtejbu l-mod li bih il-partijiet għall-akkordju jwettqu l-attivitajiet komplementari tagħhom.
(294)It-tieni kundizzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat tirrikjedi li l-konsumaturi jeħtiġilhom jirċievu sehem ġust mill-benefiċċji. Din timplika li l-konsumaturi tal-oġġetti jew tas-servizzi mixtrija u/jew mibjugħa (mill-ġdid) skont l-akkordju vertikali jridu mill-inqas jiġu kkumpensati għall-effetti negattivi tal-akkordju. Fi kliem ieħor, it-titjib fl-effiċjenza jrid jikkumpensa bis-sħiħ għall-impatt negattiv probabbli fuq il-prezzijiet, fuq il-produzzjoni u fuq fatturi rilevanti oħrajn ikkawżati mill-akkordju vertikali.
(295)It-tielet, meta tapplika t-test tal-indispensabbiltà li jinsab fl-Artikolu 101(3) tat-Trattat, il-Kummissjoni teżamina b’mod partikolari jekk ir-restrizzjonijiet individwali jagħmluhiex possibbli li l-produzzjoni, ix-xiri jew il-bejgħ (mill-ġdid) tal-oġġetti jew tas-servizzi tal-kuntratt jitwettqu b’mod aktar effiċjenti milli kieku kien ikun il-każ fin-nuqqas tar-restrizzjoni kkonċernata. Meta ssir din il-valutazzjoni, iridu jitqiesu l-kundizzjonijiet tas-suq u r-realtajiet li jiffaċċjaw il-partijiet għall-akkordju. L-impriżi li jinvokaw il-benefiċċju tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat ma humiex meħtieġa li jikkunsidraw alternattivi ipotetiċi u teoretiċi. Madankollu, huma jridu jispjegaw u juru għaliex alternattivi apparentement realistiċi u ferm inqas restrittivi ma jipproduċux l-istess effiċjenzi. Meta l-applikazzjoni ta’ dik li tidher li hija alternattiva kummerċjalment realistika u inqas restrittiva twassal għal telf sinifikanti ta’ effiċjenzi, ir-restrizzjoni inkwistjoni tiġi ttrattata bħala indispensabbli.
(296)Ir-raba’ kundizzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat tirrikjedi li l-akkordju vertikali ma jistax jagħti lill-partijiet għall-akkordju l-possibbiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ parti sostanzjali mill-oġġetti jew mis-servizzi kkonċernati. Din tippresupponi analiżi tal-pressjoni kompetittiva li jifdal fuq is-suq u l-impatt tal-akkordju fuq tali sorsi ta’ kompetizzjoni li jifdal. Meta tiġi applikata din il-kundizzjoni, jeħtieġ li titqies ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 101(3) tat-Trattat u l-Artikolu 102 tat-Trattat. Skont il-ġurisprudenza stabbilita, l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat ma tistax tipprevjeni l-applikazzjoni tal-Artikolu 102 tat-Trattat. Barra minn hekk, billi l-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat it-tnejn għandhom l-għan li jżommu kompetizzjoni effettiva fis-suq, il-konsistenza tirrikjedi li l-Artikolu 101(3) jiġi interpretat bħala li jipprekludi kwalunkwe applikazzjoni tar-regola tal-eċċezzjoni għal akkordji vertikali restrittivi li jikkostitwixxu f’abbuż ta’ pożizzjoni dominanti. L-akkordju vertikali ma jistax jelimina l-kompetizzjoni effettiva, billi jneħħi s-sorsi kollha jew il-parti kbira tas-sorsi eżistenti ta’ kompetizzjoni attwali jew potenzjali. Ir-rivalità bejn l-impriżi hija xprunatur essenzjali tal-effiċjenza ekonomika, inklużi l-effiċjenzi dinamiċi fil-forma ta’ innovazzjoni. Fin-nuqqas tagħha, l-impriża dominanti ma jkollhiex inċentivi adegwati biex tkompli toħloq u tittrasferixxi t-titjib fl-effiċjenza. Akkordju restrittiv li jżomm, joħloq jew isaħħaħ pożizzjoni fis-suq li tixbah dik ta’ monopolju normalment ma jistax ikun ġustifikat għar-raġunijiet li joħloq ukoll titjib fl-effiċjenza.
8.2.Analiżi ta’ restrizzjonijiet vertikali speċifiċi
(297)Filwaqt li t-Taqsima 6 tinkludi gwida dwar il-valutazzjoni tar-restrizzjonijiet vertikali li jammontaw għal restrizzjonijiet fundamentali fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) X, jew għal restrizzjonijiet esklużi fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) X, il-paragrafi li ġejjin jipprovdu gwida dwar restrizzjonijiet vertikali speċifiċi oħrajn. Fir-rigward tar-restrizzjonijiet vertikali li ma humiex indirizzati speċifikament f’dawn il-Linji Gwida, il-Kummissjoni tivvaluta dawn ir-restrizzjonijiet vertikali f’konformità mal-istess prinċipji, filwaqt li tqis il-fatturi rilevanti, kif stabbiliti f’din it-Taqsima 8.
8.2.1.Marka unika tad-ditta
(298)Taħt l-intestatura ta' “marka unika tad-ditta” jaqgħu dawk l-akkordji li għandhom bħala element prinċipali tagħhom il-fatt li x-xerrej huwa obbligat jew imwassal biex jikkonċentra l-ordnijiet tiegħu għal tip partikolari ta' prodott ma' fornitur wieħed. Dan ir-rekwiżit jista’ jinstab, fost l-oħrajn, fil-klawżoli ta’ nonkompetizzjoni u ta’ obbligu ta’ kwantità miftehmin max-xerrej. Arranġament li ma ssirx kompetizzjoni huwa bbażat fuq obbligu jew fuq skema ta’ inċentivi li jwasslu biex ix-xerrej jixtri aktar minn 80 % tar-rekwiżiti tiegħu f’suq partikolari mingħand fornitur wieħed biss. Dan ma jfissirx li x-xerrej jista’ jixtri biss direttament mingħand il-fornitur, iżda li x-xerrej de facto jeħtieġlu ma jixtrix, ma jbigħx jew ma jinkorporax oġġetti jew servizzi kompetituri. Obbligu ta’ kwantità fuq ix-xerrej huwa forma aktar dgħajfa ta’ nonkompetizzjoni, meta l-inċentivi jew l-obbligi miftiehma bejn il-fornitur u x-xerrej iwasslu biex dan tal-aħħar jikkonċentra l-biċċa l-kbira tax-xiri tiegħu ma’ fornitur wieħed. Obbligu ta’ kwantità jista’, pereżempju, jieħu l-forma ta’ rekwiżiti minimi ta’ xiri, rekwiżiti ta’ stokks jew ipprezzar mhux lineari, bħal skemi ta’ ribassi kondizzjonali jew tariffa f’żewġ partijiet (miżata fissa flimkien ma’ prezz għal kull unità). L-hekk imsejħa “klawżola Ingliża”, li tirrikjedi li x-xerrej jirrapporta kull offerta li tkun aħjar u li tippermetti lix-xerrej jaċċetta biss tali offerta jekk il-fornitur ma jasalx għaliha, jista’ jkun mistenni li jkollha l-istess effett bħal obbligu ta’ marka unika tad-ditta, speċjalment meta x-xerrej ikun irid jiżvela min jagħmel l-aħjar offerta.
(299)Ir-riskji ta’ kompetizzjoni possibbli fil-każ ta’ marka unika tad-ditta huma l-preklużjoni mis-suq għall-fornituri kompetituri u għall-fornituri potenzjali, it-tnaqqis tal-kompetizzjoni u l-faċilitazzjoni ta’ kollużjoni bejn il-fornituri fil-każ ta’ użu kumulattiv u, meta x-xerrej ikun bejjiegħ bl-imnut, it-telf ta’ kompetizzjoni bejn il-marki tad-ditta fil-ħwienet. Tali effetti restrittivi għandhom impatt dirett fuq il-kompetizzjoni bejn il-marki tad-ditta.
(300)Akkordji ta’ marka unika tad-ditta jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni pprovduta mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) X fejn la s-sehem mis-suq tal-fornitur u lanqas tax-xerrej ma jaqbeż it-30 % u l-obbligu li ma ssirx kompetizzjoni ma jaqbiżx il-ħames snin. Kif stabbilit fil-paragrafu (248), akkordji ta’ marka unika tad-ditta li jkunu jistgħu jiġġeddu b’mod taċitu wara perjodu ta’ ħames snin jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni ta’ kategorija, dment li x-xerrej ikun jista’ effettivament jinnegozja mill-ġdid jew jittermina l-akkordju ta’ marka unika tad-ditta billi jagħti perjodu raġonevoli ta’ avviż u bi spiża raġonevoli, biex b’hekk ix-xerrej ikun jista’ effettivament jaqleb il-fornitur tiegħu wara li jiskadi l-perjodu ta’ ħames snin. Meta dawk il-kundizzjonijiet ma jiġux issodisfati, l-akkordju dwar marka unika tad-ditta jrid jiġi vvalutat individwalment.
(301)Il-kapaċità li l-obbligi ta’ marka unika tad-ditta jirriżultaw f’esklużjoni antikompetittiva tirriżulta b’mod partikolari meta, mingħajr l-obbligi, tiġi eżerċitata restrizzjoni kompetittiva importanti minn kompetituri li jew ikunu għadhom ma humiex preżenti fis-suq fiż-żmien meta jiġu konklużi l-obbligi, jew inkella ma jkunux f’pożizzjoni li jikkompetu għall-forniment sħiħ tal-klijenti. Jista’ jkun li l-kompetituri ma jkunux jistgħu jikkompetu għad-domanda sħiħa ta’ klijent individwali, minħabba li l-fornitur inkwistjoni huwa sieħeb kummerċjali inevitabbli tal-anqas għal parti mid-domanda fis-suq, pereżempju, minħabba li l-marka tiegħu tad-ditta tkun “oġġett popolari” ppreferut minn ħafna konsumaturi jew minħabba li r-restrizzjonijiet tal-kapaċità fuq il-fornituri l-oħrajn huma tali li parti mid-domanda tista’ tiġi pprovduta biss mill-fornitur inkwistjoni. B’hekk, il-pożizzjoni fis-suq tal-fornitur għandha importanza primarja meta jiġu vvalutati l-effetti antikompetittivi possibbli tal-obbligi ta’ marka unika.
(302)Meta l-kompetituri jkunu jistgħu jikkompetu fuq termini ugwali għad-domanda sħiħa ta’ kull klijent individwali, ġeneralment ma jkunx probabbli li l-obbligi ta’ marka unika tad-ditta ta’ fornitur speċifiku jirrestrinġu l-kompetizzjoni b’mod sinifikanti, sakemm il-kapaċità tal-klijenti li jbiddlu bejn il-fornituri ma ssirx diffiċli minħabba t-tul ta’ żmien u l-kopertura tas-suq tal-obbligi ta’ marka unika tad-ditta. Aktar ma jkun għoli l-proporzjon tas-sehem mis-suq tiegħu li fornitur ibigħ taħt obbligu ta’ marka unika tad-ditta u aktar ma jkun twil it-tul ta’ żmien tal-obbligi ta’ marka unika tad-ditta, aktar huwa probabbli li tkun sinifikanti l-esklużjoni. Huwa aktar probabbli li l-obbligi ta’ marka unika tad-ditta jirriżultaw f’esklużjoni antikompetittiva meta jiġu konklużi minn impriżi dominanti.
(303)Meta tiġi vvalutata s-saħħa fis-suq tal-fornitur, il-pożizzjoni fis-suq tal-kompetituri tiegħu hija importanti. Sakemm il-kompetituri jkunu numerużi u b’saħħithom biżżejjed, ma jista’ jkun mistenni l-ebda effett antikompetittiv sinifikanti. L-esklużjoni ta’ kompetituri mhijiex probabbli ħafna fejn dawn ikollhom pożizzjonijiet fis-suq simili u jkunu jistgħu joffru prodotti attraenti bl-istess mod. Madankollu, f’każ bħal dan, l-esklużjoni tista’ sseħħ għal parteċipanti ġodda potenzjali meta numru ta’ fornituri ewlenin jidħlu f’akkordji ta’ marka waħda tad-ditta b’numru sinifikanti ta’ xerrejja fis-suq rilevanti (sitwazzjoni ta’ effett kumulattiv). Din hija wkoll sitwazzjoni meta l-akkordji dwar marka unika tad-ditta jistgħu jiffaċilitaw kollużjoni bejn fornituri kompetituri. Meta dawn l-akkordji jibbenefikaw individwalment mill-eżenzjoni prevista mir-Regolament (UE) X, jista’ jkun neċessarju rtirar tal-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija biex jiġi indirizzat tali effett kumulattiv negattiv antikompetittiv. Sehem mis-suq marbut ta’ anqas minn 5 % ġeneralment ma jitqiesx li jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal effett kumulattiv bħal dan.
(304)F’każijiet li fihom is-sehem mis-suq tal-akbar fornitur ikun ta’ anqas minn 30 % u s-sehem mis-suq kombinat tal-akbar ħames fornituri jkun anqas minn 50 %, ma huwiex probabbli li jkun hemm effett antikompetittiv wieħed jew kumulattiv. F’dawn il-każijiet, meta parteċipant ġdid potenzjali ma jkunx jista’ jidħol fis-suq b’mod profittabbli, dan x’aktarx ikun dovut għal fatturi oħrajn għajr l-obbligi ta’ marka unika tad-ditta, bħalma huma l-preferenzi tal-konsumatur.
(305)Biex jiġi ddeterminat jekk huwiex probabbli li jkun hemm esklużjoni antikompetittiva, huwa neċessarju li tiġi vvalutata l-iskala tal-ostakli għad-dħul. Meta jkun relattivament faċli għall-fornituri kompetituri li joħolqu n-network ta’ distribuzzjoni integrat tagħhom stess jew li jsibu distributuri alternattivi għall-prodott tagħhom, ma huwiex probabbli li l-esklużjoni tkun problema reali.
(306)Is-saħħa tax-xerrej kompensatorja hija rilevanti, billi x-xerrejja b’saħħithom ma jippermettux malajr li jinqatgħu mill-provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi kompetituri. B’mod aktar ġenerali, biex jikkonvinċi lill-klijenti jaċċettaw marka unika tad-ditta, il-fornitur jista’ jkollu bżonn jikkumpensahom, kompletament jew parzjalment, għat-telf fil-kompetizzjoni li jirriżulta mill-esklużività. Meta tali kumpens jingħata, jista’ jkun fl-interess individwali ta’ klijent li jidħol f’obbligu ta’ marka unika tad-ditta mal-fornitur. Iżda jkun ħażin li minn dan jiġi konkluż li l-obbligi kollha ta’ marka unika tad-ditta, meħudin flimkien, huma b’mod ġenerali ta’ benefiċċju għall-klijenti f’dak is-suq u għall-konsumaturi. B’mod partikolari, ma huwiex probabbli li l-konsumaturi kollha kemm huma jibbenefikaw jekk l-obbligi ta’ marka unika tad-ditta, meħudin flimkien, ikollhom l-effett li jimpedixxu d-dħul jew l-espansjoni ta’ impriżi kompetituri.
(307)Fl-aħħar nett, il-livell fil-katina ta’ produzzjoni jew ta’ distribuzzjoni huwa rilevanti. L-esklużjoni hija anqas probabbli fil-każ ta’ prodott intermedju. Meta l-fornitur ta’ prodott intermedju ma jkunx dominanti, il-fornituri kompetituri xorta jkollhom sehem sostanzjali mid-domanda li jkun ħieles. Madankollu, marka unika tista’ twassal għal effetti ta’ esklużjoni antikompetittivi taħt il-livell ta’ dominanza f’każijiet li fihom ikun hemm sitwazzjoni ta’ effett kumulattiv. Ma huwiex probabbli li jinħoloq effett antikompetittiv kumulattiv dment li jkun hemm inqas minn 50 % tas-suq li jkun marbut.
(308)Meta l-akkordju jkun jirrigwardja l-provvista ta’ prodott finali fil-livell ta’ bejgħ bl-ingrossa, il-probabbiltà li tinqala’ problema ta’ kompetizzjoni tiddependi fil-biċċa l-kbira fuq it-tip ta’ bejgħ bl-ingrossa u fuq l-ostakli għad-dħul fil-livell ta’ bejgħ bl-ingrossa. Ma jkun hemm l-ebda riskju reali ta’ esklużjoni jekk il-manifatturi kompetituri jkunu jistgħu jistabbilixxu faċilment is-sistema ta’ bejgħ bl-ingrossa tagħhom stess. Jekk l-ostakli għad-dħul humiex baxxi jiddependi parzjalment mit-tip ta’ sistema ta’ bejgħ bl-ingrossa li l-fornitur jista’ jistabbilixxi b’mod effiċjenti. F’suq li fih il-bejgħ bl-ingrossa jista’ ja]dem b’mod effiċjenti bil-prodott ikkonċernat biss mill-akkordju (pereżempju ġelat), il-manifattur jista’ jkollu l-kapaċità u l-inċentiv, jekk neċessarju, li jistabbilixxi s-sistema ta’ bejgħ bl-ingrossa tiegħu stess, f’liema każ ma jkunx probabbli li jiġi eskluż minn dak is-suq. Għall-kuntrarju, f’suq li fih ikun aktar effiċjenti li jsir bejgħ bl-ingrossa ta’ firxa sħiħa ta’ prodotti (pereżempju oġġetti tal-ikel iffriżati), ma huwiex effiċjenti għal manifattur li jbigħ prodott wieħed biss li jistabbilixxi l-operazzjoni ta’ bejgħ bl-ingrossa tiegħu stess. Mingħajr aċċess għal bejjiegħa bl-ingrossa stabbiliti, il-manifattur x’aktarx jiġi eskluż mis-suq. F’dak il-każ, jistgħu jinħolqu effetti antikompettitivi. Barra minn hekk, jista’ jinqala’ effett antikompetittiv kumulattiv jekk diversi fornituri jorbtu ħafna mill-bejjiegħa bl-ingrossa disponibbli.
(309)Rigward il-prodotti finali, l-esklużjoni tkun ġeneralment aktar probabbli li sseħħ fil-livell tal-bejgħ bl-imnut, minħabba l-ostakli għad-dħul sinifikanti għall-biċċa l-kbira tal-manifatturi sabiex jiftħu ħwienet tal-bejgħ bl-imnut għall-prodotti tagħhom biss. Barra minn hekk, huwa fil-livell ta’ bejgħ bl-imnut li l-akkordji dwar marka unika tad-ditta jistgħu jwasslu għal tnaqqis fil-kompetizzjoni bejn il-marki tad-ditta fil-ħwienet. Huwa għal dawn ir-raġunijiet li, fir-rigward tal-prodotti finali fil-livell tal-bejgħ bl-imnut, jistgħu jinħolqu effetti antikompetittivi sinifikanti, filwaqt li jitqiesu l-fatturi rilevanti l-oħrajn kollha, meta fornitur mhux dominanti jorbot 30 % jew aktar tas-suq rilevanti. Għal impriża dominanti, anki sehem mis-suq marbut modest jista’ jwassal għal effetti antikompettitivi sinifikanti.
(310)Effett kumulattiv ta’ esklużjoni jista’ jinħoloq ukoll fil-livell tal-bejgħ bl-imnut. Meta l-fornituri kollha jkollhom ishma mis-suq taħt it-30 %, ma huwiex probabbli li jinħoloq effett kumulattiv ta’ esklużjoni meta s-sehem mis-suq marbut totali jkun anqas minn 40 %, f’liema każ, għalhekk, ma jkunx probabbli li tiġi rtirata l-eżenzjoni ta’ kategorija. Din iċ-ċifra tista’ tkun ogħla meta jitqiesu fatturi oħrajn bħan-numru ta’ kompetituri jew l-ostakli għad-dħul. Meta xi wħud mill-impriżi jkollhom ishma mis-suq ogħla mil-limitu stabbilit fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) X iżda l-ebda impriża ma tkun dominanti, effett ta’ esklużjoni kumulattiv ma jkunx probabbli jekk is-sehem tas-suq marbut totali jkun anqas minn 30 %.
(311)Meta x-xerrej jopera minn bini u minn art li jkunu proprjetà tal-fornitur jew mikrijin mill-fornitur mingħand terza persuna mhux konnessa max-xerrej, il-possibbiltà li jiġu imposti rimedji effettivi sabiex jiġi indirizzat effett ta’ esklużjoni possibbli minn akkordju ta’ marka unika tad-ditta tkun limitata. F’dan il-każ, mhuwiex probabbli li jsir intervent mill-Kummissjoni taħt il-livell ta’ dominanza.
(312)F’ċerti setturi, il-bejgħ ta’ aktar minn marka waħda tad-ditta minn sit wieħed jista’ jkun diffiċli, f’liema każ, problema ta’ esklużjoni tista’ tiġi rrimedjata aħjar billi jkun limitat kemm idumu tal-kuntratti.
(313)Meta marka waħda tad-ditta tipproduċi effetti restrittivi sinifikanti, huwa neċessarju li jiġi vvalutat jekk l-akkordju jiġġenerax effiċjenzi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Għal obbligu li ma ssirx kompetizzjoni, l-effiċjenzi deskritti fil-paragrafu 16(b) (free riding bejn fornituri), 16(e) u 16(f) (problemi ta’ rinunzja għal ċerti investimenti) u 16(i) (imperfezzjonijiet tas-suq kapitali) jistgħu jkunu partikolarment relevanti.
(314)Fir-rigward tal-effiċjenzi deskritti fil-paragrafu (16)(b), (e) u (i), huwa possibbli li l-obbligu ta’ kwantità fuq ix-xerrej jista’ jkun alternattiva anqas restrittiva. Għall-kuntrarju, obbligu li ma ssirx kompetizzjoni jista’ jkun l-uniku mod vijabbli biex tinkiseb effiċjenza, kif deskritt fil-paragrafu (16)(f) (problema ta’ rinunzja għal ċerti investimenti relatata mat-trasferiment tal-għarfien espert).
(315)Fil-każ ta’ investiment speċifiku għal relazzjoni magħmul mill-fornitur, kif deskritt fil-paragrafu (16)(e), obbligu li ma ssirx kompetizzjoni jew obbligu ta’ kwantità għall-perjodu ta’ deprezzament tal-investiment b’mod ġenerali jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Fil-każ ta’ investimenti għolja li jkunu speċifiċi għal relazzjoni, jista’ jkun ġustifikat obbligu li ma ssirx kompetizzjoni li jaqbeż il-ħames snin. Investiment speċifiku għal relazzjoni jista’, pereżempju, ikun l-installazzjoni jew l-adattament ta’ tagħmir mill-fornitur meta dak it-tagħmir ikun jista’ jintuża wara biss għall-produzzjoni ta’ komponenti għal xerrej partikolari. L-investimenti ġenerali jew speċifiċi għas-suq f’kapaċità (żejda) ġeneralment ma jkunux investimenti speċifiċi għal relazzjoni. Madankollu, meta fornitur joħloq kapaċità ġdida marbuta speċifikament mal-operazzjonijiet ta’ xerrej partikolari, pereżempju, kumpanija li tipproduċi laned tal-metall li toħloq kapaċità ġdida għall-produzzjoni ta’ laned fil-fabbrika tal-ikel ippreżervat fil-laned ta’ produttur tal-ikel, jew qrib tali fabbrika, dik il-kapaċità ġdida tista’ tkun biss ekonomikament vijabbli meta huwa jipproduċi għal dak il-klijent partikolari, f’liema każ l-investiment jitqies li jkun speċifiku għar-relazzjoni.
(316)L-obbligu li ma ssirx kompetizzjoni jista’ jintuża wkoll biex tiġi ttrattata problema ta’ rinunzja għal ċerti investimenti għall-investimenti li jsegwu l-objettivi ta’ sostenibbiltà. Pereżempju, problema ta’ rinunzja tista’ tinħoloq meta fornitur tal-enerġija li jkun qed jiffaċċja żieda fid-domanda għal enerġija rinnovabbli, ikun jixtieq jinvesti f’impjant tal-idroenerġija jew f’park eoliku. Il-fornitur jista’ biss ikun lest li jieħu riskju ta’ investiment fit-tul jekk ikun hemm numru biżżejjed ta’ xerrejja li jkunu lesti jikkommettu ruħhom li jixtru enerġija rinnovabbli għal perjodu ta’ żmien itwal. Tali akkordji vertikali max-xerrejja jistgħu jkunu prokompetittivi, billi l-obbligu fit-tul li ma ssirx kompetizzjoni jista’ jkun neċessarju biex l-investiment isir affattu, jew biex dan isir fuq l-iskala prevista jew fiż-żmien previst. Għalhekk, dawn l-obbligi li ma ssirx kompetizzjoni jistgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat meta l-investiment tal-fornitur ikollu perjodu ta’ deprezzament twil, li jaqbeż il-ħames snin stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament (UE) X.
(317)Meta l-fornitur jipprovdi lix-xerrej b’self jew b’tagħmir li ma jkunx speċifiku għar-relazzjoni, dan ġeneralment ma jkunx probabbli fih innifsu li jikkostitwixxi f’effiċjenza li tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat meta l-akkordju jipproduċi effetti ta’ esklużjoni antikompetittivi. Fil-każ ta’ imperfezzjonijiet tas-suq kapitali, jista’ jkun aktar effiċjenti għal fornitur ta’ prodott li jipprovdi self, aktar milli bank (ara l-paragrafu (16)(i)). Madankollu, f’dak il-każ, is-self għandu jiġi pprovdut bl-anqas mod restrittiv possibbli u, b’mod ġenerali, ix-xerrej ġeneralment ma għandux jitwaqqaf milli jittermina l-obbligu u jħallas lura l-ammont pendenti tas-self fi kwalunkwe waqt u mingħajr il-ħlas ta’ penali.
(318)It-trasferiment ta’ għarfien espert sostanzjali, kif imsemmi fil-paragrafu (16)(f) ġeneralment jiġġustifika obbligu li ma ssirx kompetizzjoni għal kemm idum l-akkordju ta’ provvista, bħal, pereżempju fil-kuntest ta’ franchising.
(319)Dan li ġej huwa eżempju ta’ obbligu li ma ssirx kompetizzjoni
Il-mexxej tas-suq f’suq nazzjonali għal prodott tal-konsumatur li jinxtara b’impuls, b’sehem mis-suq ta’ 40 %, ibigħ ħafna mill-prodotti tiegħu (90 %) permezz ta’ bejjiegħa bl-imnut marbuta (sehem mis-suq marbut ta’ 36 %). L-akkordji vertikali jobbligaw lill-bejjiegħa bl-imnut biex jixtru biss mingħand il-mexxej tas-suq għal tal-anqas erba’ snin. Il-mexxej tas-suq huwa rrappreżentat ħafna b’mod speċjali fiż-żoni b’popolazzjoni aktar densa, bħall-belt kapitali. Għandu 10 kompetituri, iżda l-prodotti ta’ xi wħud minnhom huma disponibbli biss f’ċerti postijiet u lkoll għandhom ishma mis-suq ferm iżgħar, bl-akbar wieħed li għandu 12 %. Dawn l-10 kompetituri flimkien jissupplixxu 10 % oħra tas-suq permezz ta' ħwienet marbuta. Hemm differenzjazzjoni qawwija fost il-marki tad-ditta u l-prodotti fis-suq. Il-mexxej tas-suq għandu l-aktar marki tad-ditta b’saħħithom. Huwa l-unika kumpanija b’kampanji ta’ reklamar nazzjonali regolari u jipprovdi lill-bejjiegħa bl-imnut marbutin tiegħu b’armarji għall-istokkjar speċjali għall-prodott tiegħu.
Dan jirriżulta f’sitwazzjoni li fiha, b’kollox, 46 % (36 % + 10 %) tas-suq huwa eskluż għal entranti ġodda potenzjali u għal dawk l-operaturi diġà eżistenti li ma għandhomx ħwienet marbutin. Entranti ġodda potenzjali jsibu d-dħul aktar diffiċli fiż-żoni b’popolazzjoni densa, fejn l-esklużjoni hija saħansitra ogħla, għalkemm huwa f’dawk iż-żoni li kieku jippreferu li jippenetraw is-suq. Barra minn hekk, minħabba d-differenzjazzjoni qawwija fost il-marki tad-ditta u l-prodotti u l-ispejjeż għolja tat-tfittxija relattivi għall-prezz tal-prodott, in-nuqqas ta’ kompetizzjoni bejn il-marki tad-ditta fil-ħwienet iwassal għal telf ulterjuri fil-benesseri għall-konsumaturi. L-effiċjenzi possibbli tal-esklużività tal-ħwienet, li l-mexxej tas-suq isostni li jirriżultaw minn spejjeż tat-trasport imnaqqsa u problema possibbli ta’ rinunzja għal ċerti investimenti dwar l-armarji għall-istokkjar, huma limitati u ma jegħlbux l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni. L-effiċjenzi huma limitati, billi l-ispejjeż tat-trasport huma marbutin mal-kwantità u mhux mal-esklużività, u l-armarji għall-istokkjar ma jinvolvux għarfien espert speċjali u ma humiex speċifiċi għall-marka tad-ditta. Għaldaqstant, ma huwiex probabbli li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat.
(320)Dan li ġej huwa eżempju ta’ obbligu ta’ kwantità
Produttur X b’sehem mis-suq ta’ 40 % ibigħ 80 % tal-prodotti tiegħu permezz ta’ kuntratti li jispeċifikaw li r-rivenditur ikun meħtieġ jixtri mill-inqas 75 % tar-rekwiżiti tiegħu għal dak it-tip ta’ prodott mingħand X. Inkambju għal dan, X qed joffri finanzjament u tagħmir b’rati favorevoli. Il-kuntratti jdumu ħames snin u s-self għandu jitħallas lura f’pagamenti parzjali ugwali. Madankollu, wara l-ewwel sentejn, ix-xerrejja għandhom il-possibbiltà li jitterminaw il-kuntratt b’perjodu ta’ avviż ta’ sitt xhur jekk huma jħallsu lura l-ammont pendenti tas-self u jakkwistaw it-tagħmir bil-valur tal-assi tiegħu fis-suq. Fi tmiem il-perjodu ta’ ħames snin, it-tagħmir isir proprjetà tax-xerrej. Hemm 12-il produttur kompetitur, li l-biċċa l-kbira tagħhom huma żgħar, bl-akbar wieħed li għandu sehem mis-suq ta’ 20 %, u jużaw kuntratti simili b’tul ta’ żmien differenti. Il-produtturi b’ishma mis-suq ta’ anqas minn 10 % spiss ikollhom kuntratti b’tul ta’ żmien itwal u bi klawżoli ta’ terminazzjoni anqas ġenerużi. Il-kuntratti tal-produttur X iħallu 25 % tar-rekwiżiti ħielsa biex jiġu pprovduti mill-kompetituri. Fl-aħħar tliet snin, kien hemm żewġ produtturi ġodda li daħlu fis-suq u li kisbu sehem mis-suq ikkombinat ta’ madwar 8 %, parzjalment billi ħadu f’idejhom is-self ta’ għadd ta’ rivendituri inkambju għal kuntratti ma’ dawn ir-rivendituri.
Is-sehem mis-suq marbut tal-produttur X huwa ta’ 24 % (0,75 × 0,80 × 40 %). Is-sehem mis-suq marbut tal-produtturi l-oħrajn huwa ta’ madwar 25 %. Għalhekk, b’kollox, madwar 49 % tas-suq huwa eskluż għal parteċipanti ġodda potenzjali u għal dawk l-operaturi diġà stabbiliti li ma għandhomx ħwienet marbuta għal mill-inqas l-ewwel sentejn tal-kuntratti tal-provvista. Jidher li r-rivendituri spiss ikollhom diffikultà sabiex jiksbu self mill-banek u ġeneralment ikunu żgħar wisq biex jiġbru kapital permezz ta’ mezzi oħrajn, bħal billi joħorġu ishma. Barra minn hekk, il-produttur X jista’ juri li l-konċentrazzjoni tal-bejgħ tiegħu fuq numru limitat ta’ rivendituri tippermettilu jippjana l-bejgħ tiegħu aħjar u jiffranka l-ispejjeż tat-trasport. Fid-dawl tal-effiċjenzi ġġenerati mill-obbligu ta’ xiri, minn naħa, u s-sehem mhux marbut ta’ 25 % fil-kuntratti tal-produttur X, il-possibbiltà reali għal terminazzjoni bikrija tal-kuntratti, id-dħul reċenti ta’ produtturi ġodda u l-fatt li madwar nofs ir-rivendituri ma humiex marbutin, min-naħa l-oħra, l-obbligu ta’ kwantità ta’ 75 % applikat mill-produttur X x’aktarx jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat.
8.2.2.Provvista esklużiva
(321)Provvista esklużiva tirreferi għal restrizzjonijiet li jobbligaw jew iġiegħlu lill-fornitur ibigħ il-prodotti tal-kuntratt biss jew prinċipalment lil xerrej wieħed, b’mod ġenerali jew għal użu partikolari. Tali restrizzjonijiet jistgħu jieħdu l-forma ta’ obbligu ta’ provvista esklużiv, li jobbliga lill-fornitur ibigħ lil xerrej wieħed biss għall-finijiet ta’ bejgħ mill-ġdid jew ta’ użu partikolari. Dawn jistgħu wkoll pereżempju jieħdu l-forma ta’ obbligi ta’ kwantità fuq il-fornitur, fejn jiġu miftehmin inċentivi bejn fornitur u xerrej li jġiegħlu lil tal-ewwel jikkonċentra l-bejgħ tiegħu prinċipalment ma’ dak ix-xerrej. Għal oġġetti jew servizzi intermedji, provvista esklużiva ta’ spiss issir referenza għaliha bħala provvista industrijali.
(322)Akkordju ta’ provvista esklużiva jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni ta’ kategorija prevista mir-Regolament (UE) X meta la s-sehem mis-suq tal-fornitur u lanqas dak tax-xerrej ma jaqbeż it-30 %, anki jekk ikun kombinat ma’ restrizzjonijiet vertikali mhux fundamentali oħrajn, bħal obbligu li ma ssirx kompetizzjoni. Il-bqija ta’ din it-Taqsima 8.2.2. tipprovdi gwida għall-valutazzjoni tal-akkordji ta’ provvista esklużiva f’każijiet individwali ’l fuq mil-limitu tas-sehem mis-suq.
(323)Ir-riskju ewlieni għall-kompetizzjoni tal-provvista esklużiva huwa l-esklużjoni antikompetittiva ta’ xerrejja oħrajn. Hemm similarità mal-effetti possibbli ta’ distribuzzjoni esklużiva, b’mod partikolari meta d-distributur esklużiv isir ix-xerrej esklużiv għas-suq kollu (ara, b’mod partikolari, il-paragrafu (130). Is-sehem mis-suq tax-xerrej fis-suq tax-xiri upstream huwa ovvjament importanti għall-valutazzjoni tal-kapaċità tax-xerrej li jimponi provvista esklużiva li teskludi xerrejja oħrajn mill-aċċess għall-provvisti. Madankollu, l-importanza tal-pożizzjoni tax-xerrej fis-suq downstream hija l-aktar fattur sinifikanti biex jiġi ddeterminat jekk tistax tinqala’ problema ta’ kompetizzjoni. Meta x-xerrej ma jkollu l-ebda saħħa fis-suq downstream, allura ma jista’ jkun mistenni l-ebda effett negattiv sinifikanti għall-konsumaturi. Jistgħu jinħolqu effetti negattivi meta s-sehem mis-suq tax-xerrej fis-suq tal-provvista downstream kif ukoll fis-suq tax-xiri upstream jaqbeż it-30 %. Meta s-sehem mis-suq tax-xerrej fis-suq upstream ma jaqbiżx it-30 %, xorta jistgħu jinħolqu effetti ta’ esklużjoni sinifikanti, speċjalment meta s-sehem mis-suq tax-xerrej fis-suq downstream tiegħu jaqbeż it-30 % u l-provvista eslużiva tkun relatata ma’ użu partikolari tal-prodotti tal-kuntratt. Meta xerrej ikun dominanti fis-suq downstream, kull obbligu ta’ forniment tal-prodotti biss jew prinċipalment lix-xerrej dominanti jista’ faċilment ikollu effetti antikompetittivi sinifikanti.
(324)Minbarra l-pożizzjoni tas-suq tax-xerrej fis-suq upstream u downstream, huwa importanti wkoll li jitqiesu l-firxa tal-obbligu ta’ provvista esklużiva u kemm idum. Aktar ma jkun għoli s-sehem tal-provvista marbuta, u aktar ma jkun twil iż-żmien tal-obbligu tal-provvista esklużiva, aktar huwa probabbli li jkun sinifikanti l-effett ta’ esklużjoni. L-akkordji ta’ provvista esklużiva iqsar minn ħames snin konklużi minn impriżi mhux dominanti ġeneralment ikunu jeħtieġu bbilanċjar tal-effetti favur u kontra l-kompetizzjoni, filwaqt li l-akkordji li jdumu aktar minn ħames snin, għal ħafna tipi ta’ investimenti, ma jitqisux neċessarji biex jinkisbu l-effiċjenzi ddikjarati, jew inkella l-effiċjenzi ma jkunux biżżejjed biex jegħlbu l-effett ta’ esklużjoni ta’ tali akkordji ta’ provvista esklużiva fit-tul.
(325)Il-pożizzjoni fis-suq tax-xerrejja kompetituri fis-suq upstream hija importanti wkoll, minħabba li huwa probabbli li akkordji ta’ provvista esklużiva jeskludu lix-xerrejja kompetituri għal raġunijiet antikompetittivi, bħaż-żieda fl-ispejjeż tagħhom, jekk ikunu ferm iżgħar mix-xerrej li jeskludi. L-esklużjoni tax-xerrejja kompetituri ma hijiex probabbli ħafna meta dawk il-kompetituri jkollhom saħħa tax-xerrej simili għal dik tal-parti xerrejja għall-akkordju u jkunu jistgħu joffru lill-fornituri possibbiltajiet ta’ bejgħ simili. F’każ bħal dan, l-esklużjoni tkun tista’ sseħħ biss għal parteċipanti ġodda potenzjali, li jista’ jkun li ma jkunux kapaċi jiggarantixxu provvisti meta għadd ta’ xerrejja maġġuri kollha jidħlu f’kuntratti ta’ provvista esklużiva mal-maġġoranza tal-fornituri fis-suq. Tali effett kumulattiv ta’ esklużjoni jista’ jwassal għall-irtirar tal-benefiċċju tar-Regolament (UE) X.
(326)L-eżistenza ta’ ostakli għad-dħul fil-livell tal-fornituri, kif ukoll id-daqs tagħhom, huma rilevanti biex jiġi vvalutat jekk hemmx esklużjoni reali. Sa fejn ikun effiċjenti għax-xerrejja kompetituri li jipprovdu l-oġġetti jew is-servizzi huma stess permezz ta’ integrazzjoni vertikali upstream, ma huwiex probabbli li l-esklużjoni tkun problema.
(327)Jenħtieġ li titqies ukoll is-setgħa kompensatorja tal-fornituri, billi fornituri importanti ma jħallux faċilment lil xerrej wieħed jaqtagħhom barra minn xerrejja alternattivi. Għalhekk, l-esklużjoni hija prinċipalment riskju fil-każ ta’ fornituri dgħajfa u xerrejja b’saħħithom. Fil-każ ta’ fornituri b’saħħithom, l-obbligu ta’ provvista esklużiva jista’ jinstab flimkien ma’ obbligi li ma ssirx kompetizzjoni. Għal kombinazzjonijiet bħal dawn, huwa neċessarju wkoll li ssir referenza għall-gwida dwar marka unika tad-ditta. Meta jkun hemm investimenti speċifiċi għal relazzjoni involuti fuq iż-żewġ naħat (problema ta’ rinunzja għal ċerti investimenti), il-kombinazzjoni ta’ provvista esklużiva u ta’ obbligu li ma ssirx kompetizzjoni spiss tkun ġustifikata, b’mod partikolari taħt il-livell ta’ dominanza.
(328)Fl-aħħar nett, il-livell ta’ kummerċ jew il-katina ta’ distribuzzjoni u n-natura tal-prodott huma rilevanti biex jiġu vvalutati l-effetti ta’ esklużjoni possibbli. Esklużjoni antikompettitiva hija anqas probabbli fil-każ ta’ prodott intermedju jew meta l-prodott ikun omoġenju. L-ewwel nett, manifattur eskluż li juża ċertu input ġeneralment ikollu aktar flessibbiltà biex jirrispondi għad-domanda tal-klijenti tiegħu milli jkollu l-bejjiegħ bl-ingrossa jew il-bejjiegħ bl-imnut li jkollu bżonn jirrispondi għad-domanda tal-konsumaturi finali, li għalihom il-marki tad-ditta jista’ jkollhom rwol importanti. It-tieni, it-telf ta’ sors possibbli ta’ provvista huwa inqas importanti għax-xerrejja esklużi fil-każ ta’ prodotti omoġenji milli fil-każ ta’ prodott eteroġenju bi gradi u kwalitajiet differenti. Għal prodotti finali tal-marka tad-ditta jew prodotti intermedji differenzjati fejn hemm ostakli għad-dħul, provvista esklużiva jista’ jkollha effetti antikompetittivi sinifikanti fejn ix-xerrejja kompetituri jkunu relattivament żgħar meta mqabbla max-xerrej li jeskludi, anki jekk dan tal-aħħar ma jkunx dominanti fis-suq downstream.
(329)Jistgħu jkunu mistennijin effiċjenzi fil-każ ta’ problema ta’ rinunzja għal ċerti investimenti (il-paragrafu (16)(e) u (f)), u tali effiċjenzi huma aktar probabbli għal prodotti intermedji milli għal prodotti finali. Effiċjenzi oħrajn huma inqas probabbli. Ekonomiji ta’ skala possibbli fid-distribuzzjoni (il-punt tal-paragrafu (16)(g)) ma jidhrux possibbli biex jiġġustifikaw provvista esklużiva.
(330)Fil-każ ta’ problema ta’ rinunzja għal ċerti investimenti u aktar u aktar fil-każ ta’ ekonomiji ta’ skala fid-distribuzzjoni, l-obbligu ta’ kwantità fuq il-fornitur, bħar-rekwiżiti minimi ta’ provvista, jista’ tabilħaqq ikun alternattiva inqas restrittiva.
(331)Dan li ġej huwa eżempju ta’ provvista esklużiva
F’suq għal ċertu tip ta’ komponenti (suq tal-prodott intermedju), il-fornitur A jaqbel max-xerrej B li jiżviluppa verżjoni differenti tal-komponent, billi juża l-għarfien espert tiegħu stess u b’investiment konsiderevoli f’magni ġodda u bl-għajnuna tal-ispeċifikazzjonijiet forniti mix-xerrej B. Ix-xerrej B ikollu jagħmel investimenti konsiderevoli sabiex jinkorpora l-komponent il-ġdid. Huwa maqbul li l-fornitur A jforni l-prodott il-ġdid lix-xerrej B biss għal perjodu ta’ ħames snin mid-data tal-ewwel dħul fis-suq. Ix-xerrej B huwa obbligat jixtri l-prodott il-ġdid mingħand il-fornitur A biss għall-istess perjodu ta’ ħames snin. Kemm A kif ukoll B jistgħu jkomplu jbigħu u jixtru verżjonijiet oħrajn tal-komponent xi mkien ieħor. Is-sehem mis-suq tax-xerrej B fis-suq tal-komponenti upstream u fis-suq tal-oġġetti finali downstream huwa ta’ 40 %. Is-sehem mis-suq tal-fornitur A huwa ta’ 35 %. Hemm żewġ fornituri tal-komponenti oħrajn b’sehem mis-suq ta’ madwar 20-25 % u għadd ta’ fornituri żgħar.
Minħabba l-investimenti konsiderevoli miż-żewġ partijiet, huwa probabbli li l-akkordju jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat, fid-dawl tal-effiċjenzi u tal-effett limitat ta’ esklużjoni. Xerrejja oħrajn huma esklużi minn verżjoni partikolari ta’ prodott ta’ fornitur b’sehem mis-suq ta’ 35 %, iżda fornituri ta’ komponenti oħrajn jistgħu jiżviluppaw prodotti ġodda simili. L-esklużjoni ta’ parti mid-domanda tax-xerrej B għal fornituri oħrajn hija limitata għal massimu ta’ 40 % tas-suq.
8.2.3.Restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ swieq online
(332)Is-swieq online jgħaqqdu n-negozjanti u l-klijenti potenzjali bil-għan li jippermettu xiri dirett u ġeneralment huma fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online. Il-pjattaformi online li ma joffru l-ebda funzjonalità ta’ xiri dirett, iżda li jerġgħu jidderieġu lill-klijenti lejn siti web oħrajn fejn jistgħu jinxtraw oġġetti u servizzi, jitqiesu bħala servizzi ta’ reklamar għall-fini ta’ dawn il-Linji Gwida, mhux bħala swieq online.
(333)Is-swieq online saru mezz importanti ta’ bejgħ għall-fornituri u għall-bejjiegħa bl-imnut, billi jipprovdulhom aċċess għal għadd kbir ta’ klijenti, kif ukoll għall-utenti finali. Is-swieq online jistgħu jippermettu lill-bejjiegħa bl-imnut jibdew ibigħu online b’investimenti inizjali aktar baxxi. Jistgħu jiffaċilitaw ukoll il-bejgħ transfruntier u jżidu l-viżibbiltà tal-bejjiegħa, b’mod partikolari dawk żgħar u ta’ daqs medju, li ma joperawx il-ħanut online tagħhom stess jew li ma humiex magħrufin sewwa mill-utenti finali.
(334)Il-fornituri jistgħu juru x-xewqa li jirrestrinġu l-użu ta’ swieq online mix-xerrejja tagħhom, pereżempju, sabiex jipproteġu l-immaġni u l-pożizzjonament tal-marka tagħhom, sabiex jiskoraġġixxu l-bejgħ ta’ prodotti ffalsifikati, sabiex jiżguraw servizzi suffiċjenti qabel u wara l-bejgħ jew sabiex jiżguraw li l-bejjiegħ bl-imnut iżomm relazzjoni diretta mal-klijenti. Tali restrizzjonijiet jistgħu jvarjaw minn projbizzjoni totali fuq l-użu ta’ swieq online għal restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ swieq online li ma jissodisfawx ċerti rekwiżiti kwalitattivi. Pereżempju, il-fornituri jistgħu jipprojbixxu l-użu ta’ swieq li fihom il-prodotti jinbiegħu permezz ta’ rkant, jew jistgħu jesiġu li x-xerrejja jużaw swieq speċjalizzati, biex jiżguraw ċerti standards ta’ kwalità rigward l-ambjent li fih jistgħu jinbiegħu l-oġġetti jew is-servizzi tagħhom. L-impożizzjoni ta’ ċerti rekwiżiti kwalitattivi tista’ de facto tipprojbixxi l-użu ta’ swieq online, minħabba li l-ebda suq online ma huwa kapaċi jissodisfa r-rekwiżiti. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, meta l-fornitur ikun jeħtieġ li l-logo tas-suq online ma jkunx viżibbli, jew ikun jeħtieġ li l-isem tad-dominju ta’ kwalunkwe sit web użat mill-bejjiegħ bl-imnut ikun fih l-isem tan-negozju tal-bejjiegħ bl-imnut.
(335)Akkordji vertikali li jirrestrinġu l-użu ta’ swieq online jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) X, dment li l-akkordju ma jkollux l-għan, direttament jew indirettament, li jipprevjeni l-użu effettiv tal-internet mix-xerrej sabiex ibigħ l-oġġetti jew is-servizzi tal-kuntratt f’territorji jew lil klijenti partikolari, fis-sens tal-Artikolu 4(e) tar-Regolament u li l-ishma mis-suq kemm tal-fornitur kif ukoll tax-xerrej ma jaqbżux il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) X.
(336)Kif stabbilit fit-Taqsima 6.1.2, restrizzjoni jew projbizzjoni tal-bejgħ fi swieq online tikkonċerna l-mod li bih ix-xerrej jista’ jbigħ online u ma jirrestrinġix il-bejgħ għal territorju jew għal grupp ta’ klijenti partikolari. Filwaqt li restrizzjoni jew projbizzjoni bħal din tirrestrinġi l-użu ta’ kanali online speċifiku ta’ bejgħ, hemm mezzi ta’ bejgħ online oħrajn disponibbli għax-xerrej. B’mod partikolari, minkejja restrizzjoni jew projbizzjoni tal-bejgħ fi swieq online, ix-xerrej xorta jista’ jbigħ l-oġġetti jew is-servizzi tal-kuntratt permezz tal-ħanut online tiegħu stess u permezz ta’ kanali online oħrajn u jista’ juża tekniki ta’ ottimizzazzjoni tal-magni tat-tiftix jew jirreklama online, inkluż fuq pjattaformi ta’ terzi persuni, biex tiżdied il-viżibbiltà tal-ħanut online tiegħu jew lejn kanali oħrajn ta’ bejgħ tiegħu. Għalhekk, tali restrizzjoni tista’, fil-prinċipju, tibbenefika mill-eżenzjoni pprovduta mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) X.
(337)Il-bqija ta’ din it-Taqsima 8.2.3 tipprovdi gwida għall-valutazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq l-użu tas-swieq online f’każijiet individwali li fihom jinqabżu l-limiti tas-sehem mis-suq stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) X.
(338)Ir-restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ swieq online spiss jiġu miftehmin f’sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva. It-Taqsima 4.6.2 tistabbilixxi l-kriterji li skont dawn sistema ta’ distribuzzjoni selettiva tista’ taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. F’każijiet li fihom il-fornitur ma jikkonkludix akkordju mas-suq online, il-fornitur jaf ma jkunx jista’ jivverifika li s-suq online jissodisfa l-kundizzjonijiet li d-distributuri awtorizzati tiegħu jeħtiġilhom jissodisfaw għall-bejgħ tal-oġġetti jew tas-servizzi tal-kuntratt. F’dan il-każ, restrizzjoni jew projbizzjoni fuq l-użu ta’ swieq online tista’ tkun xierqa u ma tmurx lil hinn minn dak li jkun neċessarju sabiex tiġi ppreservata l-kwalità u jiġi żgurat l-użu xieraq tal-oġġetti jew tas-servizzi tal-kuntratt. Madankollu, f’każijiet li fihom fornitur iqabbad lill-operatur ta’ suq online bħala membru tas-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva tiegħu, jew meta jirrestrinġi l-użu ta’ swieq online minn xi distributuri awtorizzati, iżda mhux minn oħrajn, jew meta jirrestrinġi l-użu ta’ suq online, iżda juża dak is-suq online huwa stess biex ibigħ l-oġġetti jew is-servizzi tal-kuntratt, ir-restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ dawk is-swieq online x’aktarx li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ adegwatezza u ta’ proporzjonalità.
(339)Meta distribuzzjoni selettiva taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, l-akkordju vertikali u kwalunkwe restrizzjoni fuq l-użu ta’ swieq online jridu jiġu vvalutati skont l-Artikolu 101 tat-Trattat.
(340)Ir-riskju ewlieni għall-kompetizzjoni li jirriżulta mir-restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ swieq online huwa tnaqqis tal-kompetizzjoni fil-marka tad-ditta fil-livell tad-distribuzzjoni. Pereżempju, ċerti distributuri awtorizzati, bħal xerrejja żgħar jew ta’ daqs medju, jistgħu jiddependu fuq is-swieq online sabiex jattiraw lill-klijenti. Ir-restrizzjonijiet fuq l-użu tas-swieq online jistgħu jċaħħdu lil dawk ix-xerrejja minn mezz ta’ bejgħ potenzjalment importanti u jnaqqsu r-restrizzjoni kompetittiva li jeżerċitaw fuq distributuri awtorizzati oħrajn.
(341)Biex jiġu vvalutati l-effetti antikompetittivi possibbli tar-restrizzjonijiet fuq l-użu tas-swieq online, l-ewwel huwa neċessarju li jiġi vvalutat il-grad ta’ kompetizzjoni bejn il-marki, billi tnaqqis fil-kompetizzjoni fil-marka tad-ditta minnu nnifsu huwa improbabbli li jwassal għal effetti negattivi għall-konsumaturi jekk il-kompetizzjoni bejn il-marki tad-ditta tkun b’saħħitha fil-livelli tal-fornituri u tad-distributuri. Għal dan il-għan, jenħtieġ li titqies il-pożizzjoni fis-suq tal-fornitur u tal-kompetituri tiegħu. It-tieni, huwa meħtieġ li jitqiesu t-tip u l-kamp ta’ applikazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq l-użu tas-swieq online. Pereżempju, projbizzjoni fuq il-bejgħ kollu permezz ta’ swieq online hija aktar restrittiva minn restrizzjoni fuq l-użu ta’ swieq online partikolari jew minn rekwiżit biex jintużaw biss swieq online li jissodisfaw ċerti kriterji kwalitattivi. It-tielet, jenħtieġ li titqies l-importanza relattiva tas-swieq online ristretti bħala mezz ta’ bejgħ fis-swieq tal-prodotti u ġeografiċi rilevanti. Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkunsidrat l-effett kumulattiv ta’ kwalunkwe restrizzjoni oħra fuq il-bejgħ jew fuq ir-reklamar online imposta mill-fornitur.
(342)Kif stabbilit fil-paragrafu (334), ir-restrizzjonijiet fuq l-użu tas-swieq online jistgħu jwasslu għal effiċjenzi, b’mod partikolari b’rabta mal-iżgurar tal-protezzjoni tal-marka, ta’ ċertu livell ta’ kwalità tas-servizz jew tat-tnaqqis tal-opportunitajiet għall-falsifikazzjoni. Sal-punt li r-restrizzjonijiet ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, il-valutazzjoni trid tikkunsidra jekk tali effiċjenzi jistgħux jinkisbu permezz ta’ mezzi anqas restrittivi, f’konformità mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Dan jista’, pereżempju, ikun il-każ meta s-suq online jippermetti lill-bejjiegħa bl-imnut joħolqu l-ħanut tal-marka tagħhom stess fis-suq u, b’hekk, jeżerċitaw aktar kontroll fuq il-mod li bih jinbiegħu l-oġġetti jew is-servizzi tagħhom. Kwalunkwe ġustifikazzjoni relatata mal-kwalità li fuqha jibbaża l-fornitur x’aktarx li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:
(a)il-fornitur innifsu juża s-suq online li x-xerrej ma jkunx jista’ juża;
(b)il-fornitur jimponi r-restrizzjoni fuq xi distributuri iżda mhux fuq oħrajn;
(c)l-operatur tas-suq online huwa stess huwa membru awtorizzat tas-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva.
8.2.4.Restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet
(343)Is-servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet, bħal siti web jew applikazzjonijiet għat-tqabbil tal-prezzijiet, jippermettu lill-bejjiegħa jżidu l-viżibbiltà tagħhom u jiġġeneraw it-traffiku għall-ħanut online tagħhom u jippermettu lill-klijenti potenzjali jsibu bejjiegħa bl-imnut, iqabblu prodotti differenti u jqabblu l-offerti għall-istess prodott. Is-servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet iżidu t-trasparenza tal-prezzijiet u għandhom il-potenzjal li jintensifikaw il-kompetizzjoni fil-prezzijiet bejn il-marki u bejn il-marki fil-livell tal-bejgħ bl-imnut.
(344)Għall-kuntrarju tas-swieq online, is-servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet tipikament ma joffrux funzjonalità ta’ bejgħ u ta’ xiri, iżda pjuttost jidderieġu mill-ġdid lill-klijenti lejn il-ħanut online tal-bejjiegħ bl-imnut, u b’hekk jippermettu t-tnedija ta’ tranżazzjoni diretta bejn il-klijent u l-bejjiegħ bl-imnut barra mis-servizz ta’ tqabbil tal-prezzijiet. Għalhekk, is-servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet ma humiex mezz ta’ bejgħ online distint, iżda pjuttost mezz ta’ reklamar online.
(345)Il-fornituri jistgħu juru x-xewqa li jirrestrinġu l-użu ta’ servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet, pereżempju biex jipproteġu l-immaġni tal-marka tagħhom tad-ditta, billi s-servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet tipikament jiffokaw fuq il-prezz u jistgħu ma jippermettux lill-bejjiegħa bl-imnut jiddistingwu lilhom infushom permezz ta’ karatteristiċi oħrajn, bħall-firxa jew il-kwalità tal-oġġetti jew tas-servizzi tal-kuntratt. Raġunijiet oħrajn għar-restrizzjoni tal-użu ta’ servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet jistgħu jkunu li jitnaqqsu l-opportunitajiet għall-falsifikazzjoni, jew li jiġi protett il-mudell ta’ negozju tal-fornitur, pereżempju, meta dak il-mudell ikun jiddependi fuq elementi bħall-ispeċjalizzazzjoni jew il-kwalità minflok il-prezz.
(346)Ir-restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet jistgħu jvarjaw minn projbizzjoni diretta jew indiretta għal restrizzjonijiet ibbażati fuq rekwiżiti tal-kwalità jew fuq rekwiżiti li jiġi inkluż kontenut speċifiku fl-offerti rreklamati fuq is-servizz ta’ tqabbil tal-prezzijiet. Pereżempju, restrizzjoni fuq l-għoti ta’ informazzjoni dwar il-prezzijiet lil servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet, jew rekwiżit li tinkiseb l-awtorizzazzjoni tal-fornitur qabel ma jintużaw servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet, jew restrizzjoni fuq l-użu tal-marka tal-fornitur fis-servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet jistgħu jammontaw għal prevenzjoni fuq l-użu ta’ servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet.
(347)Ir-restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet jistgħu jżidu l-ispejjeż tat-tfittxija tal-konsumaturi u, b’hekk, inaqqsu l-kompetizzjoni fil-prezz għall-konsumatur. Jistgħu jirrestrinġu wkoll il-kapaċità tax-xerrej li jilħaq klijenti potenzjali, jinformahom dwar l-offerta tiegħu u jidderiġihom lejn il-ħanut online tiegħu. Kif stabbilit fil-paragrafu (203), projbizzjoni fuq l-użu ta’ servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet tipprevjeni lix-xerrej milli juża mezz ta’ reklamar online kollu kemm hu, li hija restrizzjoni fundamentali fis-sens tal-Artikolu 4(e) tar-Regolament (UE) X. Il-projbizzjoni tal-użu ta’ servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet tfixkel lix-xerrej milli jbigħ lil klijenti li jinsabu barra miż-żona ta’ attività tiegħu u li jixtiequ jixtru online. Għalhekk, dan jista’ jwassal għal kompartimentalizzazzjoni tas-suq u għal kompetizzjoni mnaqqsa bejn il-marki.
(348)Min-naħa l-oħra, meta l-akkordju vertikali jipprevjeni l-użu ta’ servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet li jimmiraw klijenti f’territorju jew fi grupp ta’ klijenti li jkun allokat esklużivament lil xerrejja oħrajn jew riżervat esklużivament lill-fornitur, huwa jkun jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) X, skont l-eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(b)(i), (c)(i)(1) u d(i) tar-Regolament relatat mad-distribuzzjoni esklużiva. Pereżempju, servizz ta’ tqabbil tal-prezzijiet jista’ jitqies li jkollu fil-mira tiegħu territorju esklużiv meta s-servizz jinqeda b’lingwa użata b’mod komuni f’dak it-territorju u mhux fit-territorju tax-xerrej, jew meta s-servizz juża isem ta’ dominju tal-ogħla livell li jikkorrispondi għat-territorju esklużiv.
(349)Akkordji vertikali li jirrestrinġu l-użu ta’ servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet, iżda li ma jipprevjenux direttament jew indirettament l-użu tas-servizzi kollha ta’ tqabbil tal-prezzijiet, pereżempju rekwiżit li s-servizz ta’ tqabbil tal-prezzijiet jissodisfa ċerti standards ta’ kwalità, jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni pprovduta mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) X.
(350)Il-gwida li ġejja hija pprovduta għall-valutazzjoni ta’ akkordji vertikali li jirrestrinġu l-użu ta’ servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet li ma jibbenefikawx mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) X, pereżempju minħabba li jinqabżu l-limiti tas-sehem mis-suq stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament.
(351)Ir-restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet spiss jiġu imposti f’sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva. It-Taqsima 4.6.2 tistabbilixxi l-kriterji li skont dawn sistema ta’ distribuzzjoni selettiva taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Għalhekk, meta r-restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet jintużaw f’akkordju ta’ distribuzzjoni selettiva, l-ewwel ikun neċessarju li jiġi vvalutat jekk ir-restrizzjonijiet ikunux mezz xieraq u proporzjonat sabiex tiġi ppreservata l-kwalità jew jiġi żgurat l-użu xieraq tal-oġġetti jew tas-servizzi tal-kuntratt. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li s-servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet jidderieġu mill-ġdid lill-klijenti potenzjali lejn il-ħanut online tad-distributur awtorizzat għall-konklużjoni tat-tranżazzjoni tal-bejgħ u li l-fornitur tipikament ikun jista’ jeżerċita kontroll fuq il-ħanut online tad-distributur awtorizzat permezz tal-kriterji tal-għażla u billi jimponi r-rekwiżiti fl-akkordju ta’ distribuzzjoni selettiva.
(352)Meta r-restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet jintużaw f’akkordju ta’ distribuzzjoni selettiva li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat jew f’tipi oħrajn ta’ akkordju ta’ distribuzzjoni, huwa meħtieġ li jiġi vvalutat jekk ir-restrizzjoni jkollhiex effett restrittiv apprezzabbli fuq il-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Ir-restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet li ma jibbenefikawx mill-eżenzjoni pprovduta mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) X jistgħu, b’mod partikolari, inaqqsu l-kompetizzjoni fil-prezz jew jikkompartimentalizzaw is-swieq, li fl-aħħar mill-aħħar ikollu impatt fuq il-kompetizzjoni bejn il-marki tad-ditta u l-kompetizzjoni fil-marka tad-ditta. Pereżempju, tali restrizzjonijiet jistgħu jnaqqsu l-kompetizzjoni fil-prezz, billi jirrestrinġu l-possibbiltà għax-xerrej li jinforma lill-klijenti potenzjali dwar prezzijiet aktar baxxi. Il-kompetizzjoni fil-marka tad-ditta tista’ tkun affettwata b’mod partikolari meta fornitur jimponi restrizzjonijiet fuq ftit biss mid-distributuri tiegħu, jew meta l-fornitur innifsu juża s-servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet koperti mir-restrizzjonijiet. Sal-punt li x-xerrejja jkunu limitati fil-ħila tagħhom li jibbażaw fuq mezz ta’ reklamar online potenzjalment sinifikanti, jaf ikunu jistgħu jeżerċitaw biss pressjoni kompetittiva limitata fuq il-fornitur jew fuq kwalunkwe distributur ieħor li ma jkunx qed jiffaċċja dik ir-restrizzjoni.
(353)Il-fatturi rilevanti għall-valutazzjoni skont l-Artikolu 101(1) tat-Trattat jinkludu:
(a)il-pożizzjoni fis-suq tal-fornitur u tal-kompetituri tiegħu;
(b)l-importanza tas-serivzzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet bħala mezz ta’ reklamar fis-suq rilevanti għall-bejgħ tal-oġġetti jew tas-servizzi tal-kuntratt;
(c)it-tip u l-ambitu tar-restrizzjonijiet u l-importanza relattiva tas-servizz partikolari ta’ tqabbil tal-prezzijiet li l-użu tiegħu jkun ristrett jew ipprojbit;
(d)jekk il-fornitur jimponix ukoll restrizzjonijiet fuq il-kapaċità tax-xerrej li juża forom oħrajn ta’ reklamar online.
(354)Għandu jitqies l-effett restrittiv kombinat tar-restrizzjoni fuq l-użu ta’ servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet u kwalunkwe restrizzjoni oħra fuq ir-reklamar online imposta mill-fornitur.
(355)Kif stabbilit fil-paragrafu (345), ir-restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet jistgħu jwasslu għal effiċjenzi, b’mod partikolari b’rabta mal-iżgurar tal-protezzjoni tal-marka tad-ditta jew ta’ ċertu livell ta’ kwalità tas-servizz, jew tat-tnaqqis tal-opportunitajiet għall-falsifikazzjoni. Skont il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat, huwa neċessarju li jiġi vvalutat jekk tali effiċjenzi jistgħux jinkisbu permezz ta’ mezzi anqas restrittivi. Dan jista’ jkun il-każ meta, pereżempju, l-użu ta’ servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet isir kundizzjonali fuq is-servizz li jipprovdi wkoll għal paraguni jew għal rieżamijiet relatati mal-kwalità tal-oġġetti jew tas-servizzi kkonċernati, mal-livell ta’ servizz tal-klijenti pprovdut mix-xerrej, jew ma’ karatteristiċi oħrajn tal-offerti tax-xerrej. Kull valutazzjoni ta’ ġustifikazzjonijiet relatati mal-kwalità skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat jenħtieġ li tqis ukoll li l-bejgħ mhuwiex konkluż fuq is-sit web tas-servizz ta’ tqabbil tal-prezzijiet, iżda fil-ħanut online tax-xerrej.
8.2.5.Obbligi ta’ parità
(356)L-obbligi ta’ parità, imsejħa wkoll klawżoli tan-Nazzjon l-Aktar Iffavorit (Most Favoured Nation, "MFNs”) jew Akkordji ta’ Parità Bejn il-Pjattaformi (Across Platform Parity Agreements, “APPAs”), jesiġu li fornitur ta’ oġġetti jew servizzi joffrihom lil parti oħra b’kundizzjonijiet li ma jkunux inqas favorevoli mill-kundizzjonijiet offruti mill-fornitur lil ċerti partijiet oħrajn jew fuq ċerti mezzi oħrajn. Il-kundizzjonijiet jistgħu jikkonċernaw il-prezzijiet, l-inventarju, id-disponibbiltà jew kwalunkwe termini jew kundizzjonijiet oħrajn tal-offerta jew tal-bejgħ. L-obbligu jista’ jiġi espress jew jista’ jiġi applikat b’mezzi diretti jew indiretti oħrajn, bħal ipprezzar differenzjali jew inċentivi jew miżuri oħrajn li l-applikazzjoni tagħhom tiddependi mill-kundizzjonijiet li taħthom il-fornitur joffri l-oġġetti jew is-servizzi tiegħu lil partijiet partikolari jew fuq mezzi partikolari.
(357)L-obbligi ta’ parità fil-livell tal-konsumatur huma relatati mal-kundizzjonijiet li taħthom il-prodotti jew is-servizzi jiġu offruti lill-utenti finali. Dawn l-obbligi spiss jiġu imposti mill-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online (pereżempju, swieq online jew servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet) fuq ix-xerrejja tas-servizzi tal-intermedjazzjoni tagħhom (pereżempju, impriżi li jbigħu permezz tal-pjattaforma intermedjarja).
(358)L-obbligi ta’ parità bl-imnut jirreferu għal diversi kanali oħra ta’ bejgħ jew reklamar. Pereżempju, l-obbligi ta’ parità fil-livell tal-konsumatur tal-pjattaformi trasversali jirreferu għall-kundizzjonijiet offruti permezz ta’ servizzi tal-intermedjazzjoni online kompetituri (pjattaformi kompetituri). L-hekk imsejħa obbligi stretti ta’ parità bl-imnut jirreferu għall-kundizzjonijiet offruti fuq il-kanali ta’ bejgħ dirett ta’ bejjiegħa ta’ oġġetti jew servizzi. Xi obbligi ta’ parità bl-imnut jirreferu għall-kundizzjonijiet offruti fuq il-kanali tal-bejgħ l-oħra kollha (xi kultant imsejħa obbligi ta’ parità bl-imnut “wiesgħa”).
(359)Bl-eċċezzjoni tal-obbligi ta’ parità fil-livell tal-konsumatur fis-sens tal-Artikolu 5(1)(d) tar-Regolament (UE) X, it-tipi kollha ta’ obbligi ta’ parità fi ftehimiet vertikali jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament. Il-gwida li ġejja hija pprovduta għall-valutazzjoni tal-obbligi ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut bejn il-pjattaformi definiti fl-Artikolu 5(1)(d) tar-Regolament (UE) X u għal tipi oħrajn ta’ obbligi ta’ parità f’każijiet individwali ’l fuq mil-limitu tas-sehem mis-suq.
8.2.5.1.Obbligi ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut bejn pjattaforma u oħra
(360)L-obbligi ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut li jwasslu biex xerrej ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online ma joffrix, ma jbigħx jew ma jbigħx mill-ġdid oġġetti jew servizzi lill-utenti finali taħt kundizzjonijiet aktar favorevoli bl-użu ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online f’kompetizzjoni ma’ xulxin, kif definiti fl-Artikolu 5(1)(d) tar-Regolament (UE) X, huma aktar probabbli minn tipi oħrajn ta’ obbligu ta’ parità li jipproduċu effetti antikompetittivi netti. Dan it-tip ta’ obbligu ta’ parità bl-imnut jista’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni bil-modi li ġejjin:
(a)huwa jista’ jnaqqas il-kompetizzjoni u jiffaċilita l-kollużjoni bejn il-fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online. B’mod partikolari, huwa aktar probabbli li fornitur li jimponi dan it-tip ta’ obbligu ta’ parità jkun jista’ jgħolli l-prezz jew inaqqas il-kwalità tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tiegħu mingħajr ma jitlef is-sehem mis-suq. Irrispettivament mill-prezz jew mill-kwalità tas-servizzi tiegħu, il-bejjiegħa ta’ oġġetti jew servizzi li jagħżlu li jużaw il-pjattaforma tiegħu huma obbligati joffru kundizzjonijiet fuq il-pjattaforma li jkunu mill-inqas tajbin daqs il-kundizzjonijiet li joffru fuq pjattaformi kompetituri.
(b)huwa jista’ jeskludi d-dħul jew l-espansjoni minn fornituri ġodda jew iżgħar ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online, billi jirrestrinġi l-kapaċità tagħhom li joffru lix-xerrejja u lill-utenti finali kombinazzjonijiet prezz-servizz differenzjati.
(361)Għall-valutazzjoni ta’ dan it-tip ta’ obbligu ta’ parità, jenħtieġ li jitqiesu l-fatturi li ġejjin:
(a)il-pożizzjoni fis-suq tal-fornitur li jimponi l-obbligu u tal-kompetituri tiegħu;
(b)is-sehem tax-xerrejja tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online rilevanti li huma koperti mill-obbligi;
(c)l-imġiba ta’ “homing” tax-xerrejja tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online u tal-utenti finali (kemm jużaw pjattaformi intermedjarji);
(d)l-eżistenza ta’ ostakli għad-dħul fis-suq rilevanti għall-forniment tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online;
(e)is-sinifikat tal-kanali tal-bejgħ dirett tax-xerrejja tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online u l-punt sa fejn dawk ix-xerrejja jistgħu jneħħu l-prodotti tagħhom mill-pjattaformi tal-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online (tneħħija mil-lista).
(362)L-effetti restrittivi tal-obbligi ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut bejn pjattaforma u oħra ġeneralment ikunu l-aktar severi meta jintużaw minn fornitur ewlieni wieħed jew aktar tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online. Meta tali fornituri jkollhom mudell kummerċjali simili, l-obbligi ta’ parità x’aktarx li jnaqqsu l-kamp ta’ applikazzjoni għat-tfixkil tal-mudell. Dan it-tip ta’ obbligu jista’ jippermetti wkoll lil mexxej tas-suq iżomm il-pożizzjoni tiegħu kontra fornituri iżgħar.
(363)Is-sehem tax-xerrejja tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online li huma soġġetti għall-obbligi ta’ parità u l-imġiba ta’ “homing” ta’ dawk ix-xerrejja huma importanti, minħabba li dawn jistgħu jindikaw li l-obbligi ta’ parità ta’ fornitur jirrestrinġu l-kompetizzjoni fir-rigward ta’ sehem mid-domanda li jaqbeż is-sehem mis-suq tal-fornitur. Pereżempju, fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online jista’ jkollu sehem ta’ 20 % tat-tranżazzjonijiet totali li jsiru bl-użu ta’ tali servizzi, iżda x-xerrejja li fuqhom jimponi obbligi ta’ parità bejn il-pjattaformi jistgħu – minħabba li jużaw diversi pjattaformi – jammontaw għal aktar minn 50 % tat-tranżazzjonijiet totali tal-pjattaforma. F’dak il-każ, l-obbligi ta’ parità tal-fornitur jirrestrinġu l-kompetizzjoni fir-rigward ta’ aktar minn nofs id-domanda rilevanti totali.
(364)Ix-xerrejja ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online spiss jagħmlu “multi-homing” biex jilħqu lill-klijenti b’”single-homing” (li jużaw pjattaforma waħda biss) u ma jaqilbux bejn pjattaformi. Il-“multi-homing” tax-xerrejja jiġi inċentivat minn mudelli kummerċjali tal-pjattaforma li taħthom ix-xerrej għandu jħallas biss talli juża s-servizz ta’ intermedjazzjoni meta jiġġenera tranżazzjoni. Kif spjegat fil-paragrafu (363), il-“multi-homing” mix-xerrejja ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online jista’ jżid is-sehem mid-domanda totali għal tali servizzi li tiġi affettwata mill-obbligi ta’ parità ta’ fornitur. It-tieni, “single-homing” mill-utenti finali jista’ jfisser li kull fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni jikkontrolla l-aċċess għal grupp distint ta’ utenti finali. Dan jista’ jżid is-setgħa ta’ negozjar tal-fornitur u l-kapaċità tiegħu li jimponi obbligi ta’ parità.
(365)Is-swieq għall-provvista tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online spiss ikunu kkaratterizzati minn ostakli sinifikanti għad-dħul u għall-espansjoni, li jistgħu jaggravaw l-effetti negattivi tal-obbligi ta’ parità. Dawn is-swieq spiss ikollhom effetti indiretti pożittivi fuq in-network: fornituri ġodda jew iżgħar ta’ tali servizzi jsibuha diffiċli biex jattiraw lix-xerrejja minħabba li l-pjattaformi tagħhom jipprovdu aċċess għal għadd insuffiċjenti ta’ utenti finali. Meta l-utenti finali jkunu konsumaturi finali, il-lealtà lejn il-marka tad-ditta, is-“single-homing” u l-istrateġiji ta’ intrappolament tal-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni stabbiliti jistgħu joħolqu wkoll ostakli.
(366)Ix-xerrejja ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online jistgħu jbigħu wkoll l-oġġetti jew is-servizzi tagħhom lill-utenti finali direttament. Tali bejgħ dirett jista’ jirrestrinġi l-kapaċità tal-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online li jżidu l-prezz tas-servizzi tagħhom. Għalhekk jeħtieġ li jiġi vvalutat jekk tali kanali ta’ bejgħ dirett humiex koperti wkoll mill-obbligu ta’ parità fil-livell tal-konsumatur, is-sehem tal-bejgħ ta’ oġġetti jew servizzi rilevanti li jsiru permezz tal-kanali ta’ bejgħ dirett u permezz tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online, u s-sostitwibbiltà taż-żewġ tipi ta’ kanali mill-perspettiva tal-bejjiegħa u x-xerrejja tal-prodotti jew tas-servizzi intermedjati.
(367)L-obbligi ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut bejn pjattaforma u oħra jistgħu jipproduċu effetti restrittivi sinifikanti meta jiġu imposti fuq ix-xerrejja li jirrappreżentaw sehem sinifikanti mid-domanda totali għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online rilevanti. Fil-każ ta’ effett kumulattiv, l-effetti restrittivi ġeneralment jiġu attribwiti biss għall-obbligi ta’ parità tal-fornituri li s-sehem mis-suq tagħhom jaqbeż il-5 %.
(368)Fil-prinċipju, l-obbligi ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut jistgħu jiġu imposti wkoll mill-bejjiegħa bl-imnut b’rabta mal-kundizzjonijiet li taħthom l-oġġetti jew is-servizzi ta’ fornitur jiġu offruti lill-utenti finali minn bejjiegħa bl-imnut kompetituri. Madankollu, meta dan it-tip ta’ obbligu ta’ parità jkun relatat mal-prezz, dan ġeneralment jirrikjedi lill-bejjiegħ ta’ oġġetti jew servizzi li jaċċetta l-obbligu li jiftiehem prezz minimu tal-bejgħ (retail price minimum, RPM) mal-bejjiegħa bl-imnut kompetituri li jittratta magħhom. RPM huwa restrizzjoni fundamentali fis-sens tal-Artikolu 4(a) tar-Regolament (UE) X. F’każijiet meta l-impriżi jkunu jistgħu jimplimentaw tali obbligi ta’ parità fil-livell tal-konsumatur f’konformità mar-regoli relatati mal-RPM, inkluż fejn l-obbligu ta’ parità jkun relatat ma’ kundizzjonijiet għajr il-prezz, l-obbligi jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni ta’ kategorija. ’Il fuq mil-limitu tas-sehem mis-suq stabbilit fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament, il-gwida pprovduta fil-paragrafi minn (360) sa (367) tapplika b’analoġija.
8.2.5.2.Obbligi ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut relatati mal-mezzi ta’ bejgħ dirett
(369)L-obbligi ta’ parità fil-livell tal-konsumatur imposti mill-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online relatati mal-kanali tal-bejgħ dirett jipprevjenu lix-xerrejja tas-servizzi milli joffru prezzijiet u kundizzjonijiet fuq il-kanali tal-bejgħ dirett tagħhom li huma aktar favorevoli mill-kundizzjonijiet li joffru fuq il-pjattaforma tal-fornitur tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online li jimponi l-obbligu. Dawn l-obbligi spiss jissejħu obbligi ta’ parità bl-imnut “dejqa”. Fil-prinċipju, l-obbligi stretti ta’ parità bl-imnut ma jillimitawx il-kapaċità ta’ xerrej tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online li joffri prezzijiet jew kundizzjonijiet aktar favorevoli permezz ta’ servizzi tal-intermedjazzjoni online oħrajn. Madankollu, meta x-xerrej juża diversi fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online li japplikaw obbligi stretti ta’ parità bl-imnut, dawn l-obbligi ma jħalluhx joffri fuq il-kanali diretti tiegħu kundizzjonijiet li huma aktar favorevoli mill-kundizzjonijiet li joffri fuq il-pjattaforma intermedjarja l-aktar għalja.
(370)Obbligi stretti ta’ parità bl-imnut jeliminaw ir-restrizzjoni eżerċitata mill-kanali ta’ bejgħ dirett tax-xerrej. Meta l-kompetizzjoni għall-forniment tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online tkun limitata, dawn l-obbligi jistgħu jippermettu li fornitur tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online jżomm prezz ogħla għas-servizzi tiegħu, li possibbilment jirriżulta fi prezzijiet bl-imnut ogħla għall-prodotti jew għas-servizzi intermedjati.
(371)B’ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari meta l-għadd ta’ fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online jkun limitat, l-obbligi stretti ta’ parità fil-livell tal-konsumatur jistgħu jaffettwaw l-inċentivi tax-xerrejja tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online biex jgħaddu l-bidliet fil-prezz tas-servizzi tal-intermedjazzjoni fil-prezzijiet bl-imnut tagħhom. Dan jista’ jwassal biex tittaffa l-kompetizzjoni bejn il-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online li huwa simili għall-effett tal-obbligi ta’ parità fil-livell tal-konsumatur tal-pjattaformi differenti.
8.2.5.3.Valutazzjoni tal-obbligi ta’ parità tal-bejgħ bl-imnut skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat
(372)Meta l-obbligi ta’ parità jipproduċu effetti restrittivi sinifikanti, jeħtieġ li l-ġustifikazzjonijiet tal-effiċjenza possibbli jiġu vvalutati skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat. L-aktar ġustifikazzjoni komuni għall-użu ta’ dawn l-obbligi mill-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online hija li tiġi indirizzata problema ta’ “free riding”. Pereżempju, jista’ jkun li l-fornituri ma jkollhomx inċentiv biex jinvestu fl-iżvilupp tal-pjattaforma tagħhom, fis-servizzi ta’ qabel il-bejgħ jew fil-promozzjoni li ttejjeb id-domanda jekk il-benefiċċji ta’ tali investimenti f’termini ta’ żieda fil-bejgħ imorru għal pjattaformi kompetituri jew għal mezzi ta’ bejgħ dirett li jistgħu joffru l-istess oġġetti jew servizzi b’kundizzjonijiet aktar favorevoli.
(373)Il-fatturi rilevanti għall-valutazzjoni skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat jinkludu jekk l-investimenti magħmula mill-fornitur tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online joħolqux benefiċċji oġġettivi, jiġifieri, jekk iżidux il-valur għall-utenti finali; jekk ir-riskju ta’ “free riding” huwiex reali u sostanzjali, u jekk it-tip u l-kamp ta’ applikazzjoni partikolari tal-obbligu ta’ parità humiex indispensabbli għall-benefiċċji oġġettivi li jridu jinkisbu. Il-livell probabbli ta’ “free riding” irid ikun suffiċjenti biex ikollu impatt sinifikanti fuq l-inċentivi għall-investiment fis-servizz ta’ intermedjazzjoni online. L-evidenza tal-punt sa fejn l-utenti tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni jagħmlu “multi-homing” hija partikolarment rilevanti, għalkemm huwa meħtieġ ukoll li jiġi kkunsidrat jekk l-imġiba tagħhom hijiex influwenzata mill-effetti tal-obbligi ta’ parità. Meta l-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online jew il-kompetituri tiegħu joperaw fi swieq komparabbli oħrajn bl-użu ta’ obbligi ta’ parità inqas restrittivi jew mingħajr obbligu ta’ parità, dan jista’ jindika li l-obbligi mhumiex indispensabbli. Meta l-provvista ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online tkun ikkonċentrata ħafna u tkun tinkludi ostakli sinifikanti għad-dħul, il-ħtieġa li tiġi protetta l-kompetizzjoni residwa tista’ tegħleb it-titjib possibbli fl-effiċjenza. Ġustifikazzjonijiet oħrajn relatati mal-benefiċċji ġenerali pprovduti mill-pjattaformi tat-tranżazzjonijiet, bħall-ġbir flimkien tan-nefqa promozzjonali tal-fornituri, trasparenza akbar fil-prezzijiet jew tnaqqis fl-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet jissodisfaw biss il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat meta l-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online jkun jista’ juri rabta kawżali diretta bejn il-benefiċċju ddikjarat u l-użu tat-tip partikolari ta’ obbligu ta’ parità.
(374)B’mod ġenerali, l-obbligi ta’ parità dejqa fil-livell tal-konsumatur huma aktar probabbli li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat milli l-obbligi ta’ parità fil-livell tal-konsumatur bejn diversi pjattaformi. Dan huwa primarjament minħabba li l-effetti restrittivi tagħhom huma ġeneralment inqas severi minn dawk tal-obbligi ta’ parità bejn il-pjattaformi u, għalhekk, aktar probabbli li jingħelbu mill-effiċjenzi. Barra minn hekk, ir-riskju ta’ “free riding” mill-bejjiegħa ta’ oġġetti jew servizzi permezz tal-kanali ta’ bejgħ dirett tagħhom jista’ jkun ogħla, b’mod partikolari minħabba li l-bejjiegħ ma jġarrab l-ebda spiża tal-kummissjoni tal-pjattaforma fuq il-bejgħ dirett tiegħu. Madankollu, meta l-obbligi stretti ta’ parità bl-imnut ma jiġġenerawx effiċjenzi fis-sens tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat, il-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija jista’ jiġi rtirat. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, meta r-riskju ta’ “free riding” huwa limitat jew fejn l-obbligi stretti ta’ parità bl-imnut mhumiex indispensabbli biex jinkisbu l-effiċjenzi. Fin-nuqqas ta’ effiċjenzi, l-irtirar huwa partikolarment probabbli meta jiġu applikati obbligi limitati ta’ parità fil-livell tal-konsumatur mill-akbar tliet fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online fis-suq rilevanti u dawk il-fornituri jkollhom sehem mis-suq kombinat li jaqbeż il-50 %. Fin-nuqqas ta’ effiċjenzi, l-eżenzjoni ta’ kategorija tista’ tiġi rtirata wkoll, skont iċ-ċirkostanzi partikolari, meta x-xerrejja li jirrappreżentaw sehem sinifikanti tad-domanda rilevanti totali għas-servizzi tal-intermedjazzjoni online jkunu soġġetti għal obbligi stretti ta’ parità bl-imnut. L-eżenzjoni ta’ kategorija tista’ tiġi rtirata fir-rigward tal-ftehimiet tal-fornituri kollha tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online li l-obbligi stretti ta’ parità tal-konsumaturi tagħhom jagħtu kontribut sinifikanti għall-effett antikompetittiv kumulattiv, jiġifieri fornituri b’ishma tas-suq li jaqbżu l-5 %.
(375)Dan li ġej huwa eżempju tal-użu ta’ obbligi stretti ta’ parità bl-imnut:
F’ċertu Stat Membru, żewġ terzi tal-ikliet fir-ristoranti li jitwasslu għall-konsum domestiku jiġu ordnati permezz ta’ pjattaformi online u terz jiġi ordnat direttament mir-ristoranti. Il-pjattaformi A, B, C u D jiġġeneraw rispettivament 25 %, 20 %, 20 % u 15 % tal-ordnijiet li jsiru permezz tal-pjattaformi. Il-pjattaformi A, B u C ilhom joperaw fl-Istat Membru għal bejn tlieta u ħames snin u s-sehem tal-ordnijiet totali li saru permezz tal-pjattaformi kiber matul dak il-perjodu. Il-pjattaforma D daħlet fis-suq aktar reċentement. Il-pjattaformi jiċċarġjaw lir-ristoranti 15 % - 20 % kummissjoni għal kull ordni. Il-biċċa l-kbira tal-konsumaturi li jużaw il-pjattaformi jużaw pjattaforma waħda jew tnejn, filwaqt li l-biċċa l-kbira tar-ristoranti li jużaw il-pjattaformi jużaw żewġ pjattaformi jew aktar.
Matul l-aħħar 12-il xahar, il-pjattaformi kollha introduċew klawżola dejqa ta’ parità bl-imnut, li tipprevjeni lir-ristoranti milli joffru prezzijiet aktar baxxi għal ordnijiet diretti online jew telefoniċi. Fl-istess perjodu, tlieta mill-pjattaformi żiedu r-rata standard tal-kummissjoni tagħhom. Il-pjattaformi jsostnu li l-klawżola ta’ parità dejqa hija meħtieġa biex ir-ristoranti ma jitħallewx jirkbu fuq l-investimenti tagħhom, b’mod partikolari fl-iżvilupp ta’ funzjonijiet ta’ tiftix u tqabbil faċli għall-utent u servizzi ta’ pagament siguri.
L-ebda waħda mill-akbar tliet pjattaformi ma żiedet karatteristiċi jew servizzi ġodda jew għamlet titjib sinifikanti fis-servizzi tagħhom f’dawn l-aħħar 12-il xahar. Ma hemm l-ebda evidenza konkreta ta’ riskju apprezzabbli ta’ “free riding”, b’mod partikolari li sehem sinifikanti ta’ konsumaturi jużaw il-pjattaformi biex ifittxu u jqabblu offerti ta’ ristoranti, iżda mbagħad jordnaw direttament mir-ristorant. Lanqas ma hemm evidenza li l-allegata theddida ta’ “free riding” affettwat b’mod negattiv l-investimenti tal-passat tal-pjattaformi fl-iżvilupp tas-servizzi tagħhom.
Meta jiġi konkluż li s-suq tal-prodott rilevanti jikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi ta’ pjattaforma lir-ristoranti, il-provvista ta’ dawn is-servizzi tidher li hija kkonċentrata. Fid-dawl taż-żidiet reċenti fir-rati tal-kummissjonijiet tal-pjattaformi u n-nuqqas ta’ evidenza li l-klawżoli ta’ parità jipproduċu effiċjenzi, huwa probabbli li l-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija jiġi rtirat fir-rigward tal-ftehimiet tar-ristoranti tal-erba’ pjattaformi kollha.
8.2.5.4.Obbligi ta’ parità upstream
(376)Obbligi ta’ parità simili jistgħu jintużaw mill-fornituri upstream ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online relatati mal-kundizzjonijiet li bihom l-oġġetti jew is-servizzi jiġu offruti lil impriżi li mhumiex utenti finali (pereżempju, lil bejjiegħa bl-imnut). Dan it-tip ta’ obbligu ta’ parità jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni pprovduta mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) X. Fil-prinċipju, dan it-tip ta’ obbligu ta’ parità upstream jista’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni għall-forniment ta’ servizzi tal-intermedjazzjoni online b’modi simili għall-obbligi ta’ parità fil-livell tal-konsumatur. Madankollu, biex jiġi vvalutat dan it-tip ta’ obbligu ta’ parità upstream, jeħtieġ ukoll li jitqiesu l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni downstream, jiġifieri, bejn l-impriżi li jixtru prodotti jew servizzi permezz tas-servizz tal-intermedjazzjoni online. F’każijiet meta l-eżenzjoni ta’ kategorija ma tapplikax, il-gwida pprovduta fil-paragrafi minn (360) sa (374)a tista’ tiġi applikata b’analoġija.
8.2.5.5.Obbligi tal-klijenti l-aktar favoriti
(377)L-obbligi ta’ parità jistgħu jiġu imposti wkoll minn manifatturi, bejjiegħa bl-ingrossa jew bejjiegħa bl-imnut relatati mal-kundizzjonijiet li bihom jixtru oġġetti jew servizzi bħala inputs mingħand il-fornituri. Dan it-tip ta’ obbligu tal-klijenti l-aktar favorit tradizzjonali ma jaffettwax direttament il-kundizzjonijiet li taħthom l-impriżi tax-xiri jikkompetu downstream. It-tħassib ewlieni assoċjat mal-obbligi ta’ parità relatati mal-kundizzjonijiet li bihom l-oġġetti jew is-servizzi jinxtraw bħala inputs huwa li dawn jistgħu jnaqqsu l-inċentivi tal-fornituri tal-input biex jikkompetu u, b’hekk, iżidu l-prezzijiet tal-input. Il-fatturi rilevanti għall-valutazzjoni jinkludu d-daqs relattiv u s-saħħa fis-suq tal-fornitur u tax-xerrej li jaqblu fuq l-obbligu ta’ parità, is-sehem tas-suq rilevanti kopert minn obbligi simili, u l-ispiża tal-input inkwistjoni relattiva għall-ispejjeż totali tax-xerrejja.
(378)L-obbligi tal-klijenti l-aktar favoriti tradizzjonali jistgħu joħolqu effiċjenzi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. B’mod partikolari, dawn jistgħu jippermettu lill-partijiet għal ftehim ta’ forniment fit-tul biex jimminimizzaw l-ispejjeż tat-tranżazzjoni. Dawn jistgħu jipprevjenu wkoll imġiba opportunistika mill-fornitur u jindirizzaw problema ta’ żamma tax-xerrej, meta, pereżempju, ix-xerrej jista’ joqgħod lura milli jinvesti fi jew milli jniedi prodott ġdid minħabba biżgħat li l-fornitur tal-input jista’ jbaxxi l-prezz tiegħu għal xerrejja sussegwenti. Dan it-tip ta’ effiċjenza huwa aktar probabbli f’relazzjonijiet fit-tul li jinvolvu investimenti irrekuperabbli.
8.2.6.Ħlasijiet bil-quddiem għall-aċċess
(379)Ħlasijiet bil-quddiem għall-aċċess huma miżati fissi li l-fornituri jħallsu lid-distributuri fil-qafas ta’ relazzjoni vertikali fil-bidu ta’ perjodu rilevanti, biex ikollhom aċċess għan-network tad-distribuzzjoni tagħhom u jħallsu s-servizzi pprovduti lill-fornituri mill-bejjigħa bl-imnut. Din il-kategorija tinkludi diversi prattiki, bħal kwoti ta’ slotting, l-hekk imsejħa tariffi ta’ ħlas għas-soġġorn, u pagamenti biex wieħed ikollu aċċess għal kampanji ta’ promozzjoni ta’ distributur. Din it-Taqsima 8.2.6 tipprovdi gwida għall-valutazzjoni ta’ pagamenti bil-quddiem għall-aċċess f’każijiet individwali ’l fuq mil-limitu tas-sehem mis-suq stipulat fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) X.
(380)Il-ħlasijiet bil-quddiem għall-aċċess xi drabi jistgħu jirriżultaw f’esklużjoni antikompetittiva ta’ distributuri oħrajn. Pereżempju, miżata għolja tista’ tinċentiva lil fornitur biex jgħaddi volum sostanzjali tal-bejgħ tiegħu permezz ta’ distributur wieħed jew għadd limitat ta’ distributuri sabiex ikopri l-ispejjeż tal-miżata. F’każ bħal dan, il-ħlasijiet bil-quddiem għall-aċċess jista’ jkollhom l-istess effett ta’ esklużjoni downstream bħal tip ta’ obbligu ta’ provvista esklużiva. Biex tiġi vvalutata l-probabbiltà ta’ dan it-tip ta’ effett negattiv, il-gwida relatata mal-obbligi ta’ provvista esklużiva tista’ tiġi applikata b’analoġija (b’mod partikolari l-paragrafi minn (321) sa (330).
(381)B’mod eċċezzjonali, il-ħlasijiet bil-quddiem għall-aċċess jistgħu jirriżultaw f’effetti ta’ esklużjoni upstream antikompetittiva. Pereżempju, jekk id-distributur ikollu pożizzjoni ta’ negozjar b’saħħitha, jew meta l-użu ta’ pagamenti bil-quddiem għall-aċċess ikun mifrux, tali ħlasijiet jistgħu jżidu l-ostakli għad-dħul għal fornituri żgħar. Biex tiġi vvalutata l-probabbiltà ta’ dan it-tip ta’ effett negattiv, il-gwida relatata mal-obbligi ta’ provvista esklużiva tista’ tiġi applikata b’analoġija (b’mod partikolari l-paragrafi minn (298) sa (318). Il-valutazzjoni trid tqis ukoll jekk id-distributur inkwistjoni jbigħx prodotti kompetituri bil-marka tad-ditta tiegħu stess. F’dak il-każ, jista’ jinħoloq ukoll tħassib orizzontali, bil-konsegwenza li l-eżenzjoni ta’ kategorija ma tapplikax, skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament (UE) X (ara t-Taqsima 4.4.3.).
(382)Minbarra l-effetti possibbli ta’ esklużjoni, il-ħlasijiet bil-quddiem għall-aċċess jistgħu jnaqqsu l-kompetizzjoni u jiffaċilitaw il-kollużjoni bejn id-distributuri. Il-ħlasijiet bil-quddiem għall-aċċess x’aktarx li jżidu l-prezz mitlub mill-fornitur għall-prodotti tal-kuntratt, billi l-fornitur irid ikopri l-ispiża ta’ tali ħlasijiet. Prezzijiet ogħla tal-provvista jistgħu jnaqqsu l-inċentiv tal-bejjiegħa bl-imnut biex jikkompetu fuq il-prezz fis-suq downstream, filwaqt li l-profitti tad-distributuri jiżdiedu bħala riżultat tal-ħlasijiet għall-aċċess. Tali tnaqqis fil-kompetizzjoni bejn id-distributuri permezz tal-użu kumulattiv ta’ ħlasijiet bil-quddiem għall-aċċess normalment ikun jirrikjedi li s-suq tad-distribuzzjoni jkun ikkonċentrat ħafna.
(383)Madankollu, l-użu ta’ ħlasijiet bil-quddiem għall-aċċess jista’ f’ħafna każijiet jikkontribwixxi għal allokazzjoni effiċjenti tal-ispazju fuq l-ixkafef għal prodotti ġodda. Meta l-fornituri jniedu prodotti ġodda, id-distributuri ta’ spiss ikollhom inqas informazzjoni mill-fornitur dwar jekk il-prodott il-ġdid huwiex probabbli li jkun ta’ suċċess u, b’riżultat ta’ dan, jistgħu jaħżnu kwantitajiet subottimali tal-prodott. Il-ħlasijiet bil-quddiem għall-aċċess jistgħu jintużaw biex titnaqqas din l-assimetrija fl-informazzjoni bejn il-fornituri u d-distributuri, billi jippermettu b’mod espliċitu lill-fornituri jikkompetu għall-ispazju fuq l-ixkafef. B’hekk, id-distributur jista’ jirċievi twissija bil-quddiem dwar liema prodotti huma l-aktar probabbli li jkunu ta’ suċċess, billi fornitur normalment jaqbel biss li jħallas miżata bil-quddiem għall-aċċess jekk huwa jqis li hemm probabbiltà baxxa li t-tnedija tal-prodott tfalli.
(384)Barra minn hekk, minħabba l-assimetrija fl-informazzjoni msemmija fil-paragrafu preċedenti, il-fornituri jista’ jkollhom inċentivi għal “free-riding” fuq l-isforzi promozzjonali tad-distributuri biex jintroduċu prodotti subottimali. Jekk prodott ma jkollux suċċess, id-distributuri jħallsu parti mill-ispejjeż tal-falliment tal-prodott. L-użu ta’ ħlasijiet bil-quddiem għall-aċċess jista’ jipprevjeni tali “free-riding” billi jċaqlaq ir-riskju ta’ falliment tal-prodott lura għal fuq il-fornituri, u b’hekk jikkontribwixxi għal rata ottimali ta’ tnedijiet tal-prodott.
8.2.7.Akkordji ta’ ġestjoni ta’ kategorija
(385)Akkordji ta’ ġestjoni ta’ kategorija huma akkordji li bihom id-distributur jafda lill-fornitur (il-“kaptan tal-kategorija”) bil-kummerċjalizzazzjoni ta’ kategorija ta’ prodotti. Dan jista’ jinkludi mhux biss il-prodotti tal-fornitur, iżda wkoll il-prodotti tal-kompetituri tal-fornitur. Il-kaptan tal-kategorija jista’ b’hekk ikollu influwenza fuq, pereżempju, it-tqegħid tal-prodotti u l-promozzjoni tal-prodotti fil-ħanut u fl-għażla tal-prodotti għall-ħanut. L-akkordji ta’ ġestjoni ta’ kategorija jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni stipulata fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) X meta la l-ishma mis-suq tal-kaptan tal-kategorija u lanqas dawk tad-distributur ma jaqbżu t-30 %, u dment li tali akkordju ma jinkludix restrizzjonijiet fundamentali, pereżempju, restrizzjonijiet tal-kapaċità tad-distributur li jiddetermina l-prezz tal-bejgħ tiegħu fis-sens tal-Artikolu 4(a) tar-Regolament (UE) X.
(386)Filwaqt li l-akkordji ta’ ġestjoni tal-kategorija ġeneralment ma joħolqux tħassib, dawn jistgħu jgħawġu l-kompetizzjoni bejn il-fornituri u jirriżultaw f’esklużjoni antikompetittiva ta’ fornituri oħra f’każijiet fejn il-kaptan tal-kategorija jkun jista’ jillimita jew jiżvantaġġa d-distribuzzjoni ta’ prodotti ta’ fornituri kompetituri. B’mod ġenerali, id-distributuri mhux se jkollhom interess li jillimitaw l-għażla tal-prodotti tagħhom. Madankollu, meta d-distributur ibigħ ukoll prodotti li jikkompetu bil-marka tad-ditta tiegħu stess, jista’ jkollu wkoll inċentivi biex jeskludi ċerti fornituri. Biex tiġi vvalutata l-probabbiltà ta’ tali effett ta’ esklużjoni upstream, il-gwida relatata mal-obbligi ta’ marka unika tad-ditta tista’ tiġi applikata b’analoġija (b’mod partikolari l-paragrafi minn (298) sa (318)). B’mod partikolari, din il-valutazzjoni trid tqis, minn naħa, il-kopertura tas-suq tal-akkordji ta’ ġestjoni ta’ kategorija u l-użu kumulattiv possibbli ta’ tali akkordji u, min-naħa l-oħra, il-pożizzjoni fis-suq tal-fornituri kompetituri u tad-distributur.
(387)Akkordji ta’ ġestjoni ta’ kategorija jistgħu, barra minn hekk, jiffaċilitaw kollużjoni bejn distributuri fejn l-istess fornitur iservi bħala kaptan ta’ kategorija għad-distributuri kompetituri kollha jew għall-biċċa l-kbira tagħhom. Akkordji bħal dawn jistgħu ukoll jiffaċilitaw l-kollużjoni bejn il-fornituri, permezz ta’ opportunitajiet akbar għall-iskambju permezz ta’ bejjiegħa bl-imnut ta’ informazzjoni sensittiva dwar is-suq, bħal, pereżempju, informazzjoni relatata ma’ pprezzar futur, pjanijiet promozzjonali jew kampanji ta’ reklamar.Ir-Regolament (UE) X ma jkoprix tali skambji ta’ informazzjoni bejn il-kompetituri. B’mod partikolari, il-gwida dwar l-iskambju ta’ informazzjoni pprovduta fil-paragrafi minn (95) sa (103) tapplika biss għall-iskambju ta’ informazzjoni fil-kuntest tax-xenarji ta’ distribuzzjoni doppja stabbiliti fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament. Madankollu, il-paragrafu (103), li jiddeskrivi l-prekawzjonijiet li l-impriżi jistgħu jieħdu biex jimminimizzaw ir-riskju ta’ kollużjoni li jirriżulta mill-iskambju ta’ informazzjoni fil-kuntest ta’ distribuzzjoni doppja, jista’ jkun rilevanti b’analoġija.
(388)Madankollu, l-użu ta’ akkordji ta’ ġestjoni ta’ kategorija jista’ jwassal ukoll għal effiċjenzi. Akkordji bħal dawn jistgħu jippermettu lid-distributuri jkollhom aċċess għall-għarfien espert tal-fornitur dwar il-kummerċjalizzazzjoni għal ċertu grupp ta’ prodotti u jiksbu ekonomiji ta’ skala, billi jiżguraw li l-kwantità ottimali tal-prodotti tiġi ppreżentata b’mod f’waqtu u direttament fuq l-ixkafef tal-ħwienet. B’mod ġenerali, aktar ma tkun għolja l-kompetizzjoni bejn il-marki tad-ditta u aktar ma jkunu baxxi l-ispejjeż għall-konsumaturi biex jibdlu, aktar ikunu kbar il-benefiċċji ekonomiċi miksuba permezz ta’ ġestjoni ta’ kategorija.
8.2.8.Irbit
(389)L-irbit jirreferi għal sitwazzjonijiet fejn klijenti li jixtru prodott wieħed (il-prodott li jorbot) huma meħtieġa li jixtru wkoll prodott distint ieħor (il-prodott marbut) mingħand l-istess fornitur jew mingħand xi ħadd maħtur minn dan tal-aħħar. L-irbit jista’ jikkostitwixxi f’abbuż fis-sens tal-Artikolu 102 tat-Trattat. L-irbit jista’ jikkostitwixxi wkoll f’restrizzjoni vertikali fis-sens tal-Artikolu 101 tat-Trattat meta jirriżulta f’tip ta’ obbligu ta’ marka unika tad-ditta għall-prodott marbut (ara l-paragrafi minn (298) sa (318). Hija biss is-sitwazzjoni msemmija l-aħħar li hija ttrattata f’dawn il-Linji Gwida.
(390)Jekk il-prodotti jitqisux bħala distinti jiddependi mid-domanda tal-klijenti. Żewġ prodotti jkunu distinti fejn, fin-nuqqas tal-irbit, għadd sostanzjali ta’ klijenti jixtru jew kienu jixtru l-prodott li jorbot mingħajr ma jixtru wkoll il-prodott marbut mill-istess fornitur, u b’hekk jippermettu produzzjoni awtonoma kemm għall-prodott li jorbot kif ukoll għall-prodott marbut. L-evidenza li żewġ prodotti huma distinti tista’ tinkludi evidenza diretta li, meta jingħataw għażla, il-klijenti jixtru l-prodotti li jorbtu u l-prodotti marbuta separatament minn sorsi ta’ provvista differenti, jew evidenza indiretta, bħall-preżenza fis-suq ta’ impriżi speċjalizzati fil-manifattura jew fil-bejgħ tal-prodott marbut mingħajr il-prodott li jorbot, jew evidenza li tindika li l-impriżi bi ftit saħħa fis-suq, partikolarment fi swieq kompetittivi, għandhom it-tendenza li ma jorbtux jew li ma jiġbrux flimkien tali prodotti. Pereżempju, billi l-klijenti jridu jixtru żraben bil-lazzijiet u mhuwiex prattiku għad-distributuri li jfornu żraben ġodda b’lazzijiet tal-għażla tagħhom, sar użu kummerċjali għall-manifatturi taż-żraben li jfornu żraben bil-lazzijiet. Għalhekk, il-bejgħ ta’ żraben bil-lazzijiet mhuwiex prattika ta’ rbit.
(391)L-irbit jista’ jwassal għal effetti ta’ esklużjoni antikompetittiva fis-suq marbut, fis-suq li jorbot, jew fit-tnejn li huma fl-istess ħin. L-effett ta’ esklużjoni jiddependi mill-perċentwali marbut tal-bejgħ totali fis-suq tal-prodott marbut. Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ x’jista’ jitqies bħala esklużjoni sinifikanti skont l-Artikolu 101(1) tat-Trattat, tista’ tiġi applikata l-analiżi għal marka unika tad-ditta. Irbit ifisser li hemm mill-inqas forma ta’ obbligu ta’ kwantità fuq ix-xerrej fir-rigward tal-prodott marbut. Barra minn hekk, meta jiġi miftiehem obbligu li ma ssirx kompetizzjoni fir-rigward tal-prodott marbut, dan iżid l-effett ta’ esklużjoni possibbli fis-suq tal-prodott marbut. L-irbit jista’ jwassal għal inqas kompetizzjoni għall-klijenti interessati li jixtru l-prodott marbut, iżda mhux il-prodott li jorbot. Meta ma jkunx hemm għadd suffiċjenti ta’ klijenti li jixtru l-prodott marbut waħdu biex isostnu lill-kompetituri tal-fornitur fis-suq marbut, l-irbit jista’ jwassal biex dawk il-klijenti jiffaċċjaw prezzijiet ogħla. Meta l-prodott marbut ikun prodott komplementari importanti għall-klijenti tal-prodott li jorbot, tnaqqis ta’ fornituri alternattivi tal-prodott marbut u, b’hekk, disponibbiltà mnaqqsa ta’ dak il-prodott jistgħu jagħmlu d-dħul unikament fis-suq li jorbot aktar diffiċli.
(392)L-irbit jista’ wkoll iwassal direttament għal prezzijiet li huma ’l fuq mil-livell kompetittiv, speċjalment fi tliet sitwazzjonijiet. L-ewwel nett, jekk il-prodott li jorbot u l-prodott marbut jistgħu jintużaw fi proporzjonijiet varjabbli bħala inputs għal proċess ta’ produzzjoni, il-klijenti jistgħu jirreaġixxu għal żieda fil-prezz għall-prodott li jorbot billi jżidu d-domanda tagħhom għall-prodott marbut, filwaqt li jnaqqsu d-domanda tagħhom għall-prodott li jorbot. Permezz tal-irbit taż-żewġ prodotti, il-fornitur jista’ jipprova jevita din is-sostituzzjoni u, b’riżultat ta’ dan, ikun jista’ jgħolli l-prezzijiet tiegħu. It-tieni, meta l-irbit jippermetti diskriminazzjoni fil-prezzijiet skont l-użu li jagħmel il-klijent mill-prodott li jorbot, pereżempju l-irbit ta’ cartridges tal-linka mal-bejgħ ta’ magni tal-iffotokopjar (‘metering’). It-tielet, meta fil-każ ta’ kuntratti fit-tul jew fil-każ ta’ swieq ta’ wara l-bejgħ b’tagħmir oriġinali b’ħin twil ta’ sostituzzjoni, isir diffiċli għall-klijenti biex jikkalkolaw il-konsegwenzi tal-irbit.
(393)L-irbit jista’ jgawdi minn eżenzjoni stipulata fl-Artikolu 2(1) tar-Regolamenty (UE) X meta s-sehem mis-suq tal-fornitur, kemm fis-suq tal-prodott marbut kif ukoll fis-suq tal-prodott li jorbot, u s-sehem mis-suq tax-xerrej fis-swieq upstream rilevanti, ma jaqbżux it-30 %. Dan jista’ jkun ikkombinat ma’ restrizzjonijiet vertikali oħrajn, li mhumiex restrizzjonijiet fundamentali skont ir-Regolament, bħal obbligi li ma ssirx kompetizzjoni jew obbligu ta’ kwantità fir-rigward tal-prodott li jorbot, jew ix-xiri esklużiv. Il-bqija ta’ din it-Taqsima (388) tipprovdi gwida għall-valutazzjoni tal-irbit f’każijiet individwali ’l fuq mil-limitu tas-sehem mis-suq.
(394)Il-pożizzjoni fis-suq tal-fornitur fis-suq tal-prodott li jorbot hija ovvjament ta’ importanza ċentrali biex jiġu vvalutati l-effetti antikompetittivi possibbli. B’mod ġenerali, dan it-tip ta’ akkordju jiġi impost mill-fornitur. L-importanza tal-fornitur fis-suq tal-prodott li jorbot hija r-raġuni ewlenija għaliex xerrej jista’ jsibha diffiċli li jirrifjuta obbligu ta’ rbit.
(395)Il-pożizzjoni fis-suq tal-kompetituri tal-fornitur fis-suq tal-prodott li jorbot hija importanti fil-valutazzjoni tas-saħħa tal-fornitur fis-suq. Sakemm il-kompetituri tiegħu jkunu numerużi u b’saħħithom biżżejjed, ma jista’ jkun mistenni l-ebda effett antikompettitiv, billi x-xerrejja jkollhom alternattivi suffiċjenti biex jixtru l-prodott li jorbot mingħajr il-prodott marbut, sakemm ma jkunx hemm fornituri oħrajn li japplikaw irbit simili. Barra minn hekk, l-ostakli għad-dħul fis-suq tal-prodott li jorbot huma rilevanti biex tiġi stabbilita l-pożizzjoni fis-suq tal-fornitur. Meta l-irbit ikun ikkombinat ma’ obbligu li ma ssirx kompetizzjoni fir-rigward tal-prodott li jorbot, dan isaħħaħ b’mod konsiderevoli l-pożizzjoni tal-fornitur.
(396)Is-saħħa tax-xerrejja hija rilevanti, billi xerrejja importanti ma jkunux faċilment imġiegħla jaċċettaw l-irbit mingħajr ma jiksbu mill-inqas parti mill-effiċjenzi possibbli. Għalhekk, l-irbit li mhuwiex ibbażat fuq l-effiċjenza huwa prinċipalment riskju meta x-xerrejja ma jkollhomx saħħa tax-xiri sinifikanti.
(397)Meta jiġu stabbiliti effetti antikompetittivi apprezzabbli, jeħtieġ li jiġi vvalutat meta l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat humiex issodisfati. L-obbligi ta’ rbit jistgħu jgħinu biex jipproduċu effiċjenzi li jinħolqu minn produzzjoni bi sħab jew distribuzzjoni bi sħab. Meta l-prodott marbut ma jiġix prodott mill-fornitur, tista’ tinħoloq ukoll effiċjenza mill-fatt li l-fornitur jixtri kwantitajiet kbar tal-prodott marbut. Madankollu, biex l-irbit jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat, irid jintwera li mill-inqas parti minn dan it-tnaqqis fl-ispejjeż qed tiġi ttrasferita lill-konsumatur, li normalment ma jkunx il-każ meta l-bejjiegħ bl-imnut ikun jista’ jikseb, fuq bażi regolari, provvisti tal-istess prodotti jew ta’ prodotti ekwivalenti bl-istess kundizzjonijiet jew b’kundizzjonijiet aħjar minn dawk offruti mill-fornitur li japplika l-prattika tal-irbit. Tista’ teżisti effiċjenza oħra fejn l-irbit jgħin biex jiġu żgurati ċerti uniformità u standardizzazzjoni tal-kwalità (ara l-paragrafu (16)(h)). Madankollu, jeħtieġ li jintwera li l-effetti pożittivi ma jistgħux jiġu realizzati b’mod effiċjenti bl-istess mod billi x-xerrej jintalab juża jew ibigħ mill-ġdid prodotti li jissodisfaw standards minimi ta’ kwalità, mingħajr ma jintalab jixtrihom mingħand il-fornitur jew mingħand xi ħadd maħtur minn dan tal-aħħar. Ir-rekwiżiti li jikkonċernaw l-istandards minimi ta’ kwalità normalment ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Meta l-fornitur tal-prodott li jorbot jimponi fuq ix-xerrej il-fornituri li mingħandhom ix-xerrej irid jixtri l-prodott marbut, pereżempju minħabba li l-formulazzjoni ta’ standards minimi ta’ kwalità ma tkunx possibbli, dan jista’ wkoll jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, speċjalment meta l-fornitur tal-prodott li jorbot ma jiksibx benefiċċju (finanzjarju) dirett mid-deżinjazzjoni tal-fornituri tal-prodott marbut.